L-EVANĠELJU SKONT SAN MARK

Minn Dun Karm Attard

 

X’nafu fuq San Mark

 

San Mark kien ta’ nisel Lhudi, u kellu żewġ ismijiet: Ġwanni, isem Lhudi biex bih ikun magħruf fost il-Lhud, u Marku, isem Ruman biex bih ikun magħruf fost il-barranin (Atti 12:12). Ommu kien jisimha Marija. Meta Ġesù ħa l-Passjoni, madwar is-sena 30, Marku kien għadu daqsxejn ta’ tifel. Fid-dar ta’ ommu bdew jiltaqgħu xi wħud mill-Insara tal-bidu. U għalhekk sa minn ċkunitu Marku kellu x-xorti li fid-dar ta’ ommu jibda jara lill-Appostli u jismagħhom jitkellmu fuq Ġesù. Meta kiber ried li hu wkoll jibda jgħallem lil ħaddieħor dwar Ġesù. Għalhekk għal xi żmien issieħeb ma’ San Pawl u ma’ San Barnaba fil-ħidma missjunarja tagħhom (Atti 13:5 u 15:39). Fl-aħħar issieħeb ma’ San Pietru, li tant sar iħobbu li kien isejjaħlu “ibni” (1 Pt 5:13). Għalhekk meta Marku ġie biex jikteb l-Evanġelju tiegħu, madwar is-sena 65, nistgħu ngħidu li Alla kien ilu jhejjih għal aktar minn tletin sena bit-tagħlim li kien irċieva dwar Ġesù.

 

Fejn u għaliex inkiteb dan l-Evanġelju

 

San Mark kiteb l-Evanġelju tiegħu ġewwa Ruma, fi żmien il-persekuzzjoni li l-Imperatur Neruni għamel kontra l-Insara. Din il-persekuzzjoni bdiet fis-sena 64, u San Pietru kien wieħed minn ta’ l-ewwel li ħa l-martirju. Wara l-mewt ta’ Pietru, Alla qanqal lil Marku biex jikteb l-Evanġelju, mhux biex sempliċement jirrakkonta l-ħajja ta’ Ġesù fuq din l-art, imma biex jagħmel kuraġġ lill-Insara ħalli jkunu lesti jagħtu ħajjithom għalih jekk Alla jitlob minnhom dak is-sagrifiċċju. Għalhekk Marku qagħad jaħseb biex jara x’se jagħżel minn dak kollu li kien tgħallem fuq Ġesù, u fehem li kellu jinsisti fuq żewġ veritajiet, jiġifieri li Ġesù huwa tassew Alla, u li Ġesù kien tassew il-Messija, Messija li bata għall-fidwa tagħna. Hekk in-Nisrani jkun aktar lest li jmut għal Ġesù meta jifhem li Ġesù nnifsu, l-istess Alla li sar bniedem, kien miet għalih.

 

It-titlu ta’ dan l-Evanġelju

 

Lill- ktieb tiegħu Marku sejjaħlu: “Bidu ta’ l-Evanġelju ta’ Ġesù, Messija, Bin Alla” (Mk 1: 1). Il-kelma “Evanġelju” tfisser ‘Aħbar Tajba’, u tassew, ma hemmx aħbar isbaħ minn dik li tgħidilna li Alla l-Missier tant ħabbna li bagħtilna lil Ibnu fostna biex ikun is-Salvatur tagħna. Imma qabel il-kelma “Evanġelju”, Marku kiteb il-kelma “Bidu”, biex jgħidilna: “Mhux biżżejjed li taqraw u tistudjaw il-ktieb tiegħi. Il-qari ta' dan il-ktieb hu biss il-bidu; wara li taqrawh, jeħtieġ li tgħixuh, biex tkunu tistgħu tgawdu l-frott tal-fidwa li ġabilna Ġesù.”

 

Daħla qasira (1:2-13)

 

F’din id-Daħla Marku jġibilna quddiem għajnejna erba’ xeni:

 

(a) ix-xena ta’ Ġwanni l-Battista fix-xagħri jħeġġeġ lin-nies għall-indiema

 

(b) ix-xena ta’ Ġwanni qed iħabbar li warajh ġej il-Messija

 

(ċ) ix-xena ta’ Alla l-Missier li jistqarr li Ġesù huwa Ibnu

 

(d) ix-xena ta’ Ġesù li jmur fix-xagħri biex jibda l-ġlieda kontra x-xitan.

 

F’dawn ix-xeni, mela, Marku jerġa’ jisħaq fuq iż-żewġ veritajiet li kien semma fit-Titlu, jiġifieri li Ġesù huwa l-Messija, kif jidher mix-xhieda tal-Battista, u li huwa l-Iben ta’ Alla, kif jidher mix-xhieda tal-Missier.

 

Kif San Mark fehem iqassam l-Evanġelju

 

San Mark fehem iqassam il-ktieb tiegħu f’sitt taqsimiet. U l-ħsieb tiegħu urieh billi nqeda bis-sistema ta’ l-inklużjoni. Din il-kelma tfisser li l-awtur jagħlaq taqsima bl-istess ħsieb jew bl-istess kliem li bih ikun beda. B’dan il-mod naraw li l-Evanġelju ta’ San Mark għandna nqassmuh hekk:

 

(a) L-Ewwel Taqsima (1:14-3:6): Ġesù jagħmel il-ġid, imma jsib min jikkritikah.

 

Inklużjoni: Ġesù jkun f’sinagoga meta jkeċċi xitan (1:21), u jerġa’ jkun f’sinagoga meta jfejjaq raġel li kellu idu niexfa (3:1).

 

(b) It-Tieni Taqsima (3:7-6:6a): Ġesù jsib ħafna li ma jikkooperawx.

 

Inklużjoni: Il-qraba ta’ Ġesù jaħsbu li Ġesù kien qed jitlef moħħu (3:21). Ġesù jistqarr li profeta ma jingħatax ġieħ minn qrabatu (6:4).

 

(ċ) It-Tielet Taqsima (6:6b-8:30): Min hu Ġesù? Huwa Alla, u huwa l-Messija.

 

Inklużjoni: In-nies ma jaqblux bejniethom dwar min hu Ġesù (6:14-15). Ġesù jistaqsi lill-Appostli: “In-nies min jgħidu li jien?” (8:27-28).

 

(d) Ir-Raba’ Taqsima (8:31-10:52): Il-mixja ta’ Ġesù lejn Ġerusalemm, u l-mixja tagħna wara Ġesù.

 

Inklużjoni: Ġesù jgħid “Min irid jimxi warajja…” (8:34).

L-agħma ta’ Ġeriko, meta Ġesù jfejqu, imur jimxi warajh (10:52).

 

(e) Il-Ħames Taqsima (11:1-13:37): Iż-żjara ta’ Ġesù.

 

Inklużjoni: Ġesù jagħmel żjara lil Ġerusalemm (11:11). Ġesù jwissina biex inkunu lesti għal meta jiġi jżurna fil-pont ta’ mewtna (13:35-36).

 

(f) Is-Sitt Taqsima (14:1-16:8): Il-Passjoni u l-Qawmien ta’ Ġesù.

Inklużjoni: Ġesù midluk f’Betanja (14:3-8). Grupp ta’ dixxipli nisa jmorru ħdejn il-qabar biex jidilku l-ġisem ta’ Ġesù (16:1-2).

 

L-Għeluq tal-ktieb

Fl-aħħar ta’ l-Evanġelju skond San Mark hemm ftit versi li jservu bħala Għeluq (16:9-20). Dawn il-versi ma kenux miktubin minn San Mark, imma nkitbu minn Nisrani ieħor xi snin wara. Xorta waħda għandna naċċettawhom bħala parti mill-Kelma ta’ Alla.

L-EWWEL TAQSIMA

 

ĠESÙ JAGĦMEL IL-ĠID, IMMA JSIB MIN JIKKRITIKAH

 

Ħadd ma għandu jippretendi li San Mark kiteb il-ġrajjiet kollha tal-ħajja pubblika ta’ Ġesù, jew li kitibhom skond l-ordni kif kienu ġraw. Minn dak kollu li kien tgħallem fuq Ġesù, Marku għażel dawk il-ġrajjiet li setgħu jgħinuh iwassal il-messaġġ tiegħu. L–istess ħaġa ngħidu għall-ordni kif iqassam dawn il-ġrajjiet: iqassamhom skond il-messaġġ li ried iwassal.

 

F’din l-ewwel taqsima Marku ried juri lil Ġesù qed iwaqqaf is-Saltna ta’ Alla, u l-oppożizzjoni li Ġesù beda jsib għall- missjoni tiegħu. Il-Lhud kienu ilhom jistennew li Alla jwaqqaf is-Saltna tiegħu fosthom, imma din is-Saltna kienu jistħajluha saltna ta’ din l-art. Kienu jistennew li Alla jeħlishom mill-ħakma tal-barranin. Kienu jistennew li Alla se juri l-qawwa tiegħu billi jrażżan il-ħżiena. Imma Ġesù ġie joffri Saltna ta’ kwalità oħra; ġie joffrilna s-salvazzjoni ta’ ruħna li niksbuha jekk inbaxxu rasna għar-rieda ta’ Alla u nemmnu t-tagħlim tiegħu: “Is-Saltna ta’ Alla waslet; indmu u emmnu fl-Evanġelju” (1:14-15). U biex din is-salvazzjoni tixxandar lill-bnedmin kollha, Ġesù ried jinqeda bil-bnedmin stess, u għalhekk sejjaħ lil xi wħud biex ikunu xhieda ta’ dak kollu li jagħmel u jgħallem (1:16-20).

 

Ġesù jibda juri kemm is-Saltna ta’ Alla kienet waslet tassew. Dan jurih billi jibda jkeċċi x-xjaten mill-invażati (1:21-28), billi jfejjaq il-morda (1:29-34), billi jxandar il-kelma ta’ Alla (1:35-39), u billi jneħħi t-tinġis li dawk li kienu mtebbgħin bih ma setgħux jersqu la lejn it-Tempju u lanqas lejn in-nies l-oħra (1:40-45).

 

Ninnotaw li l-ewwel miraklu li jsemmi Marku huwa dak tat-tkeċċija tax-xitan minn bniedem invażat (1:21-28). Dan jagħmlu biex aħna qatt ma ninsew il-ġlieda li Ġesù għamel kontra x-xitan. Minħabba d-dnub il-bniedem kien sar l-ilsir tax-xitan. Imma Ġesù ġie biex jeħlisna minn dak il-jasar, u għalhekk San Mark ma jixba’ qatt jurina l-ġlieda li għamel Ġesù biex ikisser il-qawwa tal-għadu ta’ ruħna.

 

Għalkemm kien qed iwettaq din il-ħidma qaddisa, Ġesù beda jsib min jeħodha kontrieh. San Mark ġabrilna flimkien ħames episodji li juru l-kritika li l-għedewwa ta’ Ġesù bdew jagħmlu kontra tiegħu. Ikkritikawh talli kien jaħfer id-dnubiet (2:1-12), talli kien jaċċetta l-istedina tal-midinbin biex imur jiekol għandhom (2:13-17), talli ma kienx jgħallem lid-dixxipli tiegħu biex isumu ta’ spiss (2:18-22), talli ħalla d-dixxipli jaqtgħu ftit sbul nhar ta’ Sibt (2:23-28), talli kien ifejjaq nhar ta’ Sibt (3:1-5). F’kull okkażjoni Ġesù wera kemm dawk li kienu jikkritikawh ma kellhomx raġun. Imma dawn il-kritiċi, minflok ma raw l-iżball tagħhom, “bdew jiftehmu kif se jeqirduh” (3:6).

 

Hawn San Mark iwassal fit-tmiem l-ewwel taqsima ta’ l-Evanġelju tiegħu. Jgħidilna li l-fejqan li Ġesù wettaq f’jum is-Sibt (3:1-5) seħħ f’sinagoga, biex b’hekk jagħmel l-inklużjoni ma’ l-episodju tal-fejqan ta’ l-invażat li kien seħħ ukoll f’sinagoga (1:21). Dan ifisser li San Mark iridna nieqfu ftit ħalli naraw il-messaġġ li ried iwassal lill-Insara ta’ żmienu, messaġġ li jgħodd għalina wkoll. Qed jgħidilna San Mark: “Meta taraw li Ġesù sab min jikkritikah għalkemm kien jagħmel il-ġid, teħduhiex bi kbira meta ssibu min jippersegwitakom talli intom dixxipli ta’ Ġesù. Aktar ma jippersegwitawna minħabba r-reliġjon tagħna, aktar inkunu nixbhu lill-Imgħallem Divin.”

 . . . . . . . . . . . . . . .

 

IT-TIENI TAQSIMA

ĠESÙ JSIB ĦAFNA LI MA JIKKOOPERAWX

 

San Mark issa jgħaddi biex jurina kemm Ġesù sab nuqqas ta’ fidi f’dawk li l-aktar kien jistenna li jemmnu fih. Tassew li folol kbar inġabru madwaru (3:7-12), u minn fosthom Ġesù għażel dawk it-tnax li aħna nsejħulhom “Appostli” (3:13-19). Imma qrabatu, dawk li kienu jiġu minnu u għalhekk tistenna li kellhom jemmnu fih aktar mill-oħrajn, x’qalu fuqu? Qalu li “kien tilef moħħu” (3:20-21). U l-Kittieba, jiġifieri l-għorrief li kienu jistudjaw il-Kotba Mqaddsa, u li għalhekk kellhom ikunu minn ta’ l-ewwel li jagħrfuh bħala l-Messija, dawn x’qalu meta raw lil Ġesù jkeċċi x-xjaten? Qalu li kien għamel xi ftehim mal-kap tax-xjaten, u ma waslux biex jagħrfu li Ġesù kien mibgħut minn Alla (3:22-30). Imma Ġesù ma qatax qalbu. Baqa’ jgħallem bħal qabel, u stqarr li l-veri qraba tiegħu huma dawk li jagħmlu r-rieda ta’ Alla (3:31-35).

 

Aktar ma beda jgħaddi żmien, aktar Ġesù beda jiltaqa’ ma’ nuqqas ta’ fidi. Għalhekk xebbah lilu nnifsu ma’ bidwi li ħafna miż-żerriegħa li jitfa’ fl-art ma tagħtix frott. Imma bħalma dak il-bidwi jibqa’ jiżra’, persważ li xi żerriegħa se tagħti frott kotran, hekk Ġesù baqa’ jwettaq il-missjoni tiegħu, persważ li s-Saltna ta’ Alla kien se jirnexxilu jwaqqafha, minkejja n-nuqqas ta’ fidi li kien qed isib (4:1-9). Anzi dik is-Saltna kienet se tikber, u bil-għajnuna ta’ Alla kienet se tixtered ma’ kullimkien u tħaddan fiha kotra ta’ ġnus (4:26-32). Jekk ħafna min-nies ta’ pajjiżu ma kenux se jidħlu f’dik is-Saltna, il-ħtija kienet tagħhom għax għalqu qalbhom għall-grazzja li Alla kien qed joffrilhom (4:10-12).

 

Kemm paċenzja kellu jieħu Ġesù meta kien jara li, jagħmel x’jagħmel, sa l-istess dixxipli kienu jibqgħu ma jifhmux! Isikket tempesta fuq l-Għadira tal-Galilija, u l-Appostli ma jaslux biex jagħrfu min kien. Anzi jibdew jistaqsu lil xulxin: “Dan min hu biex ir-riħ u l-baħar jisimgħu minnu?” (4:35-41). Ikeċċi x-xjaten minn invażat fil-pajjiż tal-Ġerasin, imma dawn in-nies ma jifhmux il-grazzja li ġabilhom. Anzi jitolbuh “biex iwarrab minn pajjiżhom” (5:1-20). Ifejjaq mara li b’fidi kbira kienet messet it-tarf tal-mantar tiegħu. Imma meta jdur u jistaqsi: “Min messli l-mantar?”, id-dixxipli juru ċertu nuqqas ta’ rispett meta jgħidulu: “Qed tara dawn in-nies kollha jrossu madwarek u tistaqsi, ‘Min messni?’ ” (5:21-34). Jidħol fid-dar ta’ Ġajru biex iqajjimlu lil bintu mill-mewt, imma n-nies, flok li jilqgħuh bir-rispett, “jaqbdu jiddieħku bih” (5:35-43). Imur Nazaret, ir-raħal fejn trabba, u dawk in-nies li konna nistennew li se jemmnu fih, juru nuqqas ta’ fidi aktar minn ħaddieħor. B’qalbu muġugħa, Ġesù jgħid: “Ebda profeta ma hu bla ġieħ jekk mhux f’pajjiżu u fost qrabatu u f’daru stess” (6:1-6a).

 

Hawn San Mark jagħlaq it-tieni taqsima ta’ l-Evanġelju tiegħu. Kien beda billi semma l-qraba li kienu qalu li Ġesù kien tilef moħħu, u issa reġa’ semma l-qraba biex jagħmel l-inklużjoni li timmarka l-għeluq tat-taqsima. San Mark, mela, ried li l-qarrejja tiegħu jerġgħu jieqfu biex jaraw x’messaġġ ried iwasslilhom. Għandna naħsbu li l-Insara ta’ Ruma kienu nkwetati minħabba l-fatt li fil-persekuzzjoni li kien qed jagħmlilhom Neruni, ma sabu l-ebda għajnuna minn dawk il-pagani li qabel kienu ħbieb tagħhom. U lanqas ma sabu għajnuna minn dawk il-qraba li ma kenux saru Nsara. San Mark ifakkarhom li Ġesù wkoll ma sabx fidi fost dawk li l-aktar stenna li jemmnu fih. Imma bħal ma Ġesù ma qatax qalbu, huma wkoll kellhom jagħmlu kuraġġ u jibqgħu jistqarru r-reliġjon tagħhom, persważi li, jiġri x’jiġri, is-Saltna ta’ Alla ma jista’ jeqridha ħadd.

. . . . . . . . . . . . . . .

 

IT-TIELET TAQSIMA

ĠESÙ HUWA L-MESSIJA U HUWA ALLA

 

San Mark ikompli l-Evanġelju billi jistedinna nirriflettu ħalli naraw min kien Ġesù. In-nies li kienu jgħixu miegħu ma waslux għall-verità. Xi wħud ħasbu li Ġesù kien Ġwanni l-Battista li qam mill-mewt wara li safa maqtul minn Erodi Antipa, oħrajn ħasbu li kien Elija li reġa’ ġie fid-dinja, u oħrajn ħasbu li kien xi profeta ġdid (6:14-16). Imma min kien tassew Ġesù? San Mark jiġbor numru ta’ episodji li għandhom juruna li Ġesù mhux biss kien il-Messija mwiegħed, imma kien l-istess Alla li sar bniedem.

 

L-ewwel tliet episodji juruna lil Ġesù jagħmel ċerti opri li, skond it-tagħlim tat-Testment il-Qadim, Alla biss jista’ jagħmilhom. Fl-ewwel episodju (6:34-44) naraw lil Ġesù jħenn għan-nies li nġabru madwaru, “għax kienu qishom nagħaġ li ma għandhomx ragħaj”, jgħidilhom joqogħdu bilqiegħda “fuq il-ħaxix aħdar”, u jitmagħhom billi jagħmel il-miraklu tat-tkattir tal-ħobż. Għandna nifhmu li bil-kelmiet “ragħaj” u “ħaxix aħdar” San Mark irid ifakkarna fis-Salm 23, fejn insibu:

 

“Il-Mulej hu r-ragħaj tiegħi, xejn ma jonqosni; f'mergħat kollhom ħdura jqegħidni.”

San Mark, mela, qed jgħidilna: “Araw lil Ġesù qed jagħmel dak li jagħmel il-Mulej. Mela Ġesù huwa il-Mulej, Alla nnifsu.”

Fit-tieni episodju San Mark jurina lil Ġesù jimxi fuq l-ilma, u lill-Appostli jgħidilhom: “Jiena hu” (6,45-52). Min jista’ jimxi fuq l-ilma? Alla biss, bħalma nsibu fis-Salm 77, fejn il-poeta jgħid lil Alla:

 

 “Triqtek fuq il-baħar, u ħadd ma jsibhom il-passi tiegħek.”

 

Barra minn hekk, il-qarrej li jkun midħla tal-Kotba Mqaddsa, meta jisma’ l-kelmiet “Jiena hu” (bil-Grieg ego eimi ), għandu jiftakar fl-episodju meta Alla rrevela ruħu lil Mosè bl-isem ta’ Jahweh, ‘Dak li hu’. Ġesù nnifsu, mela, bil-mixja tiegħu fuq l-ilma u bil-kelmiet “Jiena hu” qed juri li hu l-istess Alla.

 

Fit-tielet episodju (6:53-56) naraw lil Ġesù jfejjaq il-morda kollha li jeħdulu quddiemu. Min jista’ jfejjaqna mill-mard kollu tagħna ħlief Alla waħdu? Hekk kien qal il-poeta tas-Salm 103:

 

 “Bierek, ruħ tiegħi, il-Mulej,

 u la tinsiex il-ġid kollu li għamel miegħek.

 Hu li jaħfer dnubietek kollha,

 ifejjaq il-mard tiegħek kollu.”

 

Mela meta Ġesù wera li għandu s-setgħa jfejjaq kull xorta ta’ mard, kien qed juri li hu Alla.

 

San Mark ikompli jisħaq fuq din il-verità billi jurina lil Ġesù jitkellem fuq il-Liġi (7:1-23). Il-Lhud kienu rċevew il-Liġi mingħand Alla. Għalhekk ħadd ma kellu s-setgħa jbiddilha ħlief Alla waħdu. Intant Ġesù jbiddilha u jistqarr li dawk il-preċetti dwar “ikel safi” u “ikel imniġġes” kienu waslu biex jispiċċaw. B’dan il-mod ukoll Ġesù kien qed juri li hu Alla.

 

Id-diskors fuq “l-ikel imniġġes” ifakkar lil San Mark fil-pagani. Għax il-Lhud kienu jqisu l-pagani bħala “mniġġsin”. L-ebda Lhudi ma kien jissogra jersaq qrib tagħhom, għax inkella “jitniġġes” hu ukoll. Imma Ġesù juri li għalih il-pagani mhumiex “imniġġsin”. Imur fl-art tagħhom, ifejjaq it-tifla ta’ mara pagana li b’fidi kbira talbitu għal bintha (7:24-30), ifejjaq ukoll raġel pagan li kien trux u mutu (7:31-37), u bħal ma kien tema’ l-folol tal-Lhud, jitma’ wkoll il-folol ta’ dawk “li kienu ġew mill-bogħod (8:3), espressjoni li kienet tingħad għall-pagani.

 

L-Appostli kienu qegħdin jaraw dan kollu, imma kienu għadhom ma fehmux. Qatt ma għaddielhom minn moħħhom li Ġesù kien l-istess Alla. Għalhekk darba waħda Ġesù staqsiehom: “In-nies min jgħidu li jien?” U l-Appostli qalulu kif xi wħud kienu jgħidu li hu Ġwanni l-Battista, waqt li oħrajn kienu jgħidu li hu Elija jew xi profeta ġdid (8:27-28). Dan il-kliem għandu jfakkarna f’dak li kien intqal fil-bidu ta’ din it-taqsima, meta San Mark kien uriena x’kienu qegħdin jaħsbu n-nies dwar Ġesù (ara 6:14-15). Għalhekk it-tweġiba ta’ l-Appostli sservi bħala inklużjoni li turi li din it-taqsima dalwaqt tasal fit-tmiem.

 

San Mark ikompli jgħidilna li Ġesù għamel mistoqsija oħra lill-Appostli. “Imma intom”, staqsiehom, “intom min tgħidu li jien?” U qabeż Pietru u qallu: “Inti l-Messija (8:29). Sa hemm wasal Pietru. Minn dak li kien ra lil Ġesù jagħmel, wasal għall-konklużjoni li Ġesù kien dak is-sultan li Alla fl-imgħoddi kien wegħedhom li xi darba kellu jiġi fid-dinja. Ma wasalx, mela, għall-verità sħiħa. Kien jixbah lil bniedem li ma jarax ċar. Imma kellu jasal żmien meta Ġesù jurih il-verità kollha. Għalhekk San Mark idaħħal hawn il-fejqan ta’ l-agħma ta’ Betsajda, dak l-agħma li Ġesù messlu għajnejh mhux darba, imma darbtejn (8:22-26), għax meta messhomlu l-ewwel darba, ma bediex jara ċar. Hekk San Pietru ma kienx qed jistqarr il-verità sħiħa meta lil Ġesù qallu: “Inti l-Messija”. Il-verità sħiħa kellu jsir jafha wara l-qawmien ta’ Ġesù mill-imwiet. Hemm Pietru kien se jagħraf li Ġesù kien tassew Alla.

 

X’messaġġ irid iwassal hawn San Mark lill-qarrejja tiegħu? Ma ninsewx li kien qed jikteb waqt il-persekuzzjoni ta’ Neruni. San Mark qed jgħid lill-Insara: “Araw għal min se tmutu. Se tmutu għal Ġesù, li hu Alla tassew. Intom li kellkom ix-xorti li sirtu tafu min hu Ġesù, tibżgħux tagħtu ħajjitkom għalih.”

 

 

IR-RABA’ TAQSIMA

 

IL-MIXJA TA’ ĠESÙ LEJN ĠERUSALEMM,

U L-MIXJA TAGĦNA WARA ĠESÙ

 

F’din it-taqsima San Mark ikellimna fuq żewġ vjaġġi: il-vjaġġ li għamel Ġesù lejn Ġerusalemm, u l-vjaġġ li n-Nisrani għandu jagħmel biex jimxi wara Ġesù u jkun tassew dixxiplu tiegħu. Għal tliet darbiet Ġesù juri lill-Appostli li kien se jmur Ġerusalemm, fejn il-mexxejja tal-Lhud kienu se jikkundannawh għall-mewt, imma fit-tielet jum wara mewtu kien se jqum. Għal tliet darbiet l-Appostli ma jkunux jistgħu jifhmu x’ried jgħid Ġesù. Pietru kien għadu kemm stqarr li Ġesù kien il-Messija. Imma l-Appostli kienu jistennew li l-Messija jkun sultan mill-aqwa li jirbaħ kull fejn jersaq u jrażżan il-ħżiena kollha. Ghalhekk ma setgħux jifhmu l-kliem ta’ Ġesù fuq it-tbatija. Imma Ġesù jurihom li hu kien Messija li se jbati ħafna, u jurihom ukoll x’jistenna minnhom biex jimxu warajh. Bħalma kienet ir-rieda ta’ Missieru li hu jgħaddi mit-triq tas-sagrifiċċju u tat-tbatija biex imbagħad jidħol fil-glorja, kien jeħtieġ li huma wkoll ikollhom sehem miegħu fit-tbatija biex wara l-mewt ikollhom sehem miegħu fil-glorja.

 

X’jistenna minna Ġesù biex inkunu dixxipli veri tiegħu? L-ewwelnett jistenna li nħobbu lilu iktar milli nħobbu lilna nfusna, u għalhekk inkunu lesti li nagħtu ħajjitna għalih (8:34-38). Jistenna li aħna nħarsu lejh bħala l-uniku Għalliem u Mexxej tagħna, kif jgħidilna Missieru stess: “Dan hu Ibni l-għażiż; isimgħu lilu” (9:7). U jistenna wkoll li nkunu bnedmin ta’ talb. Hekk jgħidilhom lill-Appostli meta jistaqsuh għaliex ma rnexxilhomx ikeċċu xitan: “Spirtu bħal dak ma jista’ jitkeċċa b’xejn ħlief bit-talb” (9:29).

 

Ġesù jrid ukoll li l-ħajja tad-dixxipli tiegħu tkun ħajja ta’ servizz lejn l-oħrajn (9:35). U ma jridniex nistennew ħlas għas-servizz li nagħtu; il-ħlas jagħtihulna Hu (9:36-37).

 

Ġesù ma jridx għira, anzi jridna nifirħu meta naraw lil ħaddieħor jagħmel il-ġid (9:38-40). U jridna nagħmlu opri tajba (9:41), mhux opri ħżiena li bihom inbiegħdu l-bnedmin minnu (9:42). Iridna wkoll nagħmlu kull sagrifiċċju għas-salvazzjoni tagħna (9:43-48). Iridna nibqgħu sħaħ waqt il-prova (9:49). U jridna naqdu l-missjoni tagħna bħala Nsara. Lilna Ġesù jxebbaħna mal-melħ; jekk il-melħ jaqta’, ma jkunx tajjeb ħlief biex jintrema (9:50).

 

Irid ukoll Ġesù li d-dixxipli tiegħu ma jfittxux id-divorzju (10:1-12). Il-miżżewġin Insara jeħtieġ li jibqgħu fidili lejn xulxin sal-mewt.

 

Ġesù jridna nkunu umli, iridna nifhmu kemm bil-ħila tagħna biss ma aħna kapaċi għal xejn. Għandna naħdmu għall-Ġenna, iva, imma għandna nifhmu li l-ħin kollu għandna bżonn l-għajnuna ta’ Alla. “Is-Saltna ta’ Alla jeħtieġ li tilqgħuha b’qalb ta’ tifel ċkejken” (10:15).

 

Irid ukoll Ġesù li n-Nisrani ma jkollux qalbu marbuta mal-ġid ta’ din l-art. Għax “eħfef li ġemel jgħaddi minn għajn ta’ labra milli wieħed għani jidħol fis-Saltna ta’ Alla” (10:17-25).

 

Dan it-tagħlim għandna mnejn narawh tqil wisq għalina. Imma Ġesù ma jridniex naqtgħu qalbna. Għax Alla lest li jagħtina l-għajnuna li jkollna bżonn: “Għall-bnedmin dan ma jistax ikun, imma għal Alla kollox jista’ jkun” (10:27). U l-eżempju ta’ Ġesù nnifsu, li tant ħabbna li wasal “biex jagħti ħajtu b’fidwa għalina lkoll” (10:45), għandu jkompli jħeġġiġna biex bħalma Ġesù ta kollox għalina, aħna ma nsibuhiex bi tqila biex nagħtu kollox għalih.

 

San Mark jagħlaq din it-taqsima billi jirrakkontalna l-miraklu tal-fejqan ta’ l-agħma ta’ Ġeriko. Dan l-agħma beda jitlob lil Ġesù b’fidi kbira u jgħidlu: “Bin David, ikollok ħniena minni!” Ġesù staqsieh: “Xi tridni nagħmillek?” U dak l-agħma wieġeb: “Li nara, Rabbuni.” U Ġesù tah id-dawl, u dak ir-raġel “baqa’ miexi wara Ġesù (10:46-52).

 

Hekk, irid jgħidilna l-Evanġelista, għandna nagħmlu aħna. Jekk għadna nsibuha bi tqila biex nimxu wara Ġesù, ħa nitolbuh id-dawl, bħal ma talab dak l-agħma, u meta nibdew nifhmu lil Ġesù, xejn ma nibqgħu naraw tqil, imma nkunu lesti għal kull sagrifiċċju biex nimxu warajh.

 

IL-ĦAMES TAQSIMA

 

I Ż – Ż J A R A T A’ Ġ E S Ù

 

San Mark se jkellimna fuq iż-żjara li Ġesù jagħmel lil Ġerusalemm, il-belt fejn kien hemm it-tempju ta’ Alla. It-taqsima tibda biż-żjara li Ġesù jagħmlilha bħala Salvatur, meta jidħol fiha riekeb fuq felu bħala sinjal li Hu ried joffrilha l-maħfra, u tispiċċa biż-żjara li Ġesù kien se jagħmlilha

’l quddiem bħala Mħallef.

L-Evanġelista jippreżentalna l-ewwel żjara fuq medda ta’ tlett ijiem. Fl-ewwel jum Ġesù jidħol fil-belt, jibqa’ sejjer fit-Tempju u jagħti ħarsa madwaru, imbagħad joħroġ u jitlaq lejn Betanja (11:1-11).

 

Fit-tieni jum Ġesù jiġi minn Betanja, jisħet siġra tat-tin li kienet kollha weraq imma li fiha ma kienx hemm frott, u mill-ġdid jidħol fit-Tempju. Din id-darba mhux biss jagħti ħarsa madwaru, imma jkeċċi l-bejjiegħa mit-Tempju u jċanfarhom talli d-dar ta’ Alla kienu bidluha f’għar tal-ħallelin. Imbagħad fil-għaxija jerġa’ jitlaq lejn Betanja (11:12-19).

 

Hu u jirrakkonta l-episodju tat-tina misħuta, San Mark jgħidilna li “t-tin kien għadu mhuwiex żmienu” (11:13). Din il-ħaġa Marku jgħidhielna biex aħna nistaqsu: “Mela għaliex seħitha Ġesù lil dik is-siġra? Xi ħtija kellha li ma sabx frott fiha, ladarba kien għadu mhuwiex żmien it-tin?” Ġesù dak il-ħin kien qed jagħmel dik li nsejħulha “azzjoni simbolika ”. Fi kliem ieħor, dik is-siġra kienet tirrappreżenta l-belt ta’ Ġerusalemm, li minkejja li fiha kellha dak it-tempju sabiħ, ma tatx lil Alla l-frott li stenna mingħandha, għax lil Alla ma ħabbitux kif kellha tħobbu. Anzi l-mexxejja tagħha kienu qegħdin jaħsbu kif se jeqirdu lil Ġesù (11:18). Għalhekk Ġerusalemm kien ħaqqha l-kundanna.

 

Din il-kundanna Ġesù jagħmilha ċara fit-tielet jum taż-żjara tiegħu. Marku jerġa’ jurina lil Ġesù dieħel fit-Tempju, fejn jiġi wiċċ imb’ wiċċ mal-mexxejja, li min-naħa tagħhom jagħmlulu diversi mistoqsijiet bit-tama li jfixkluh u jaqbduh f’xi kelma li fuqha jkunu jistgħu jixluh u jikkundannawh.

 

L-ewwel mistoqsija tiġi mill-“qassisin il-kbar, il-kittieba u x-xjuħ” (11:27), jiġifieri mill-membri tas-Sinedriju. Lil Ġesù jistaqsuh b’liema setgħa kien qed jagħmel dan kollu. Imma Ġesù bit-tweġiba tiegħu juri ċar il-malizzja tagħhom (11:29-33), u bil-parabbola tal-bdiewa qattiela (12:1-12) jgħidilhom bla tlaqliq li huma kienu se jkomplu jimxu fit-triq il-ħażina li fiha kienu mxew missirijiethom. Missirijiethom kienu qatlu l-profeti; huma kienu se joqtlu l-Messija nnifsu.

 

It-tieni mistoqsija tiġi mill-Fariżej u mill-Erodjani (12:13-17), li kienu membri ta’ żewġ partiti li ma kenux jiftiehmu bejniethom. Imma kontra Ġesù kienu lesti li jiftiehmu: lil Ġesù jistaqsuh dwar it-taxxa li kienet titħallas lil Ċesari, jiġifieri lil Imperatur ta’ Ruma. Huma ħasbu li lil Ġesù kienu se jfixkluh, imma kien Hu li bit-tweġiba tiegħu għalqilhom ħalqhom, għax uriehom kemm ma kenux qegħdin jagħtu lil Alla dak li kellhom jagħtuh.

 

It-tielet mistoqsija tiġi mis-Sadduċej (12:18-27), dawk li ma kenux jemmnu f’ħajja oħra, u li mill-Kotba Mqaddsa kienu jaċċettaw biss l-ewwel ħamsa, jiġifieri l-Pentatewku. Huma jġibu eżempju mill-Pentatewku biex mingħalihom juru kemm tassew ma hemmx ħajja oħra wara l-ħajja ta’ issa. Imma Ġesù jsemmilhom sentenza oħra mill-istess Pentatewku biex jurihom kemm kienu sejrin żball.

 

San Mark ikompli jurina xi kwalità ta’ mexxejja kellha Ġerusalemm. Fit-tliet paragrafi li ġejjin (12:28-44) se jikkonċentra fuq dawk li kienu jissejħu l-Kittieba, jiġifieri l-għorrief li kienu esperti fil-Liġi ta’ Mosè. Suppost li dawn kienu l-għalliema tal-poplu. Imma xi kwalità ta’ għalliema kienu?

 

Fl-ewwel paragrafu (12:28-34) naraw wieħed minn dawn il-Kittieba jistaqsi lil Ġesù dwar liema kien l-akbar kmandament tal-Liġi. Marku jurina lil dan il-Kittieb bħala bniedem onest u sinċier, li jagħti raġun lil Ġesù meta Ġesù jgħidlu li l-akbar kmandament hu dak li nħobbu lil Alla bil-qawwa tagħna kollha u nħobbu l-proxxmu bħalna nfusna. Dan l-episodju jkompli juri l-ħażen ta’ dawk il-Kittieba li ħaduha kontra Ġesù. Bħall-Kittieb li għamel il-mistoqsija lil Ġesù, dawn ukoll kienu jistudjaw il-Liġi tal-Pentatewku. Mela għaliex ma resqux lejn Ġesù huma wkoll b’dak ir-rispett li bih resaq wieħed minnhom?

 

It-tieni paragrafu (12:35-37) jurina li l-Kittieba, l-għalliema uffiċjali tal-poplu, ma waslux biex jagħtu stampa eżatta tal-Messija. Lill-poplu kienu jgħidulu li l-Messija kien se jkun ”bin David”, jiġifieri wieħed mir-razza ta’ David. Imma daqshekk biss kien il-Messija? Ġesù juri li l-Messija kien wisq akbar minn David, għax fis-Salm 110 David stess isejjaħ lill-Messija “sidu”, u jgħid ukoll li Alla jistieden lill-Messija biex joqgħod fuq il-lemin tiegħu.

 

 It-tielet paragrafu (12:38-44) jurina l-ipokrisija tal-biċċa l-kbira tal-Kittieba. Ħafna minnhom kienu ħallew ir-regħba tagħmihom u kienu lesti jisirqu lil min ma setax jiddefendi ruħu. Kienu joqogħdu jitolbu fil-beraħ, imma dan kienu jagħmluh mhux għax kienu jħobbu lil Alla, imma biex jidhru quddiem in-nies l-oħra bħala qaddisin. Ġesù juri li b’Alla ma jidħak ħadd. Alla jaqra l-qlub. Lil Alla jogħġbuh l-opri tajba ta’ min hu onest u sinċier, bħall-offerta li għamlet l-armla fqira (12:42), mhux l-opri ta’ min irid jiffanfra.

 

Għadna fit-tielet jum taż-żjara ta’ Ġesù. Ġesù kien ħiereġ mit-Tempju, u wieħed mill-Appostli jiġbidlu l-attenzjoni għas-sbuħija ta’ dak il-bini qaddis. Imma Ġesù jgħidlu: “Ma jibqax minnu ġebla fuq oħra; kollu għad jiġġarraf” (13:1-2). Hekk kien se jiġri mit-Tempju u minn Ġerusalemm talli l-mexxejja kienu se joqtlu lil Ġesù, u talli l-poplu, fil-biċċa l-kbira tiegħu, kien se jibqa’ ma jikkonvertix lejn Alla! Ġesù, mela, kien se jagħmlilha żjara oħra lil Ġerusalemm, imma f’din iż-żjara ta’ l-aħħar kien se jiġi bħala Mħallef, u l-belt kienet se tinqered talli n-nies tagħha webbsu qalbhom fid-dnub.

 

Xħin jaslu fuq il-Għolja taż-Żebbuġ, id-dixxipli jitolbu lil Ġesù jgħidilhom meta kien se jinqered dak it-Tempju (13:3-4). It-tweġiba ta’ Ġesù (13:5-37) tieħu sura ta’ twissija għad-dixxipli tiegħu kollha. Ġesù jfakkarna li bħalma kien se jsir ħaqq minn Ġerusalemm, għad jasal jum meta jsir ħaqq minna lkoll. Jeħtieġ li lkoll noqogħdu attenti biex ma nkunux ikkundannati bħalma kienet ikkundannata Ġerusalemm. Il-mument li fih Ġesù se jiġi biex isejħilna minn din id-dinja ma nafuhx. Għalhekk għandna nfittxu li nkunu dejjem fil-grazzja ta’ Alla, biex meta Ġesù jsejħilna ma jkollniex għax nibżgħu. Anzi jkollna għax nifirħu għax Ġesù jkun ġie biex idaħħalna fil-glorja tiegħu.

 

IS-SITT TAQSIMA

IL-PASSJONI U L-QAWMIEN TA’ ĠESÙ

 

Din hi l-aħħar taqsima. Fiha Marku jkellimna dwar it-tbatijiet u l-mewt ta’ Ġesù fuq is-salib. Ġesù jmut, iva, imma mhux għaliex kien ħati ta’ xi delitt. Marku jurina biċ-ċar kemm Ġesù ma kellux ħtija. Jgħidilna li l-kbarat tal-Lhud “bdew ifittxu kif jaqbdu lil Ġesù bil-qerq ta’ moħħhom u jagħtuh il-mewt” (14:1). Jgħidilna wkoll li x-xhieda li dehru quddiem is-Sinedriju kienu “xhieda qarrieqa” (14:57). U fl-aħħar jgħidilna li Pilatu wkoll “għaraf tajjeb li l-qassisin il-kbar kienu tawh lil Ġesù f’idejh minħabba l-għira” (15:10).

 

Ġesù aċċetta li jmut għax ried joffri ħajtu għall-fidwa tagħna. Ġesù kien tassew il-Messija li bata għalina, u għalhekk aħna l-Insara għandna nkunu lesti li nbatu għalih. U bħalma wara t-tbatijiet tiegħu Ġesù qam rebbieħ, in-Nisrani li jbati u jmut għal Ġesù ikun ukoll ħareġ rebbieħ.

 

Fir-rakkont tal-Passjoni Marku jagħtina 21 episodju. Dawn l-episodji nsibuhom miġburin f’seba’ gruppi, kull grupp bi tliet episodji, u għal aktar minn darba Marku jkun irid jagħmlilna mistoqsija. Naraw dawn il-gruppi wieħed wieħed.

 

1. Daħla (14:1-11)

 

It-tliet episodji ta’ dan il-grupp huma dawn:

 

(a) il-ftehim tal-kbarat tal-Lhud biex joqtlu lil Ġesù (14:1-2)

 

(b) il-mara li tferra’ vażett fwieħa fuq ras Ġesù (14:3-9)

 

(ċ) it-tradiment ta’ Ġuda li jmur joffri l-għajnuna tiegħu lill-

 kbarat (14:10-11).

 

Fl-ewwel u fit-tielet episodju naraw il-kruha tal-mibegħda u tat-tradiment, imma fl-episodju tan-nofs tispikka l-ġenerożità ta’ dik il-mara, Marija oħt Lazzru, li ma qagħdetx tqis li l-fwieħa li ferrgħet fuq ras Ġesù kont trid taħdem sena sħiħa biex iddaħħal flusha. Dik il-mara fehmet li lil Ġesù ma nistgħu qatt inħallsuh tal-ġid li jagħmlilna. Għalhekk hawn Marku irid jistaqsina: “Aħna qegħdin nixbhuha xejn lil din il-mara? Lesti li lil Ġesù nagħtuh kollox, ħajjitna wkoll jekk ikun hemm bżonn? Jew qegħdin nixbhu lil Ġuda u lill-kbarat tal-Lhud, u jekk tiġi l-prova nkunu lesti li lil Ġesù nwarrbuh?”

 

2. L-Aħħar Ikla (14:12-25)

 

Hawn għandna dawn l-eposodji:

 

(a) id-dixxipli jistaqsu lil Ġesù fejn riedhom imorru jħejju l-ikla

 tal-Għid (14:12-16)

 

(b) waqt l-ikla Ġesù jitkellem dwar it-tradiment ta’ Ġuda

 (14:17-21)

 

(ċ) Ġesù jwaqqaf is-sagrament ta’ l-Ewkaristija (14:22-25).

 

L-Appostli, mela, dak in-nhar daħlu fis-sala ta’ l-ikel bil-ħsieb li jieklu l-ħaruf tal-Għid. Imma Ġesù offrielhom ikel wisq aqwa. Offrielhom lilu nnifsu fl-Ewkaristija, li għalina l-Insara hija l-vera Ikla tal-Għid. Xi mħabba kbira għandu Ġesù lejna!

X’kuntrast bejn l-imħabba ta’ Ġesù u t-tradiment ta’ Ġuda! Marku jixtieq jerġa’ jistaqsina: “Aħna lil min se nixbhu? Se nixbhuh lil Ġesù u nkunu lesti nissieħbu miegħu fit-tbatijiet tiegħu?” Jekk lil Ġesù nwarrbuh, inkunu tradituri bħalma kien Ġuda.

 

3. Il-Ġetsemani (14: 26-52)

 

L-episodji ta’ dan il-grupp huma:

 

(a) fit-triq lejn il-Ġetsemani Ġesù jħabbar lill-Appostli li f’dak

 il-lejl kienu se jitilquh (14:26-31)

 

(b) fil-Ġetsemani Ġesù jitlob u jorbot qalbu mar-rieda tal-

 Missier (14:32-42)

 

(ċ) is-suldati jarrestaw lil Ġesù u l-Appostli jitilquh u jaħarbu

 (14:43-52).

 

X’kuntrast bejn l-imġiba ta’ Ġesù u l-imġiba ta’ l-Appostli! Ġesù, avolja ħass it-toqol tat-tbatija, aċċetta li jagħmel ir-rieda ta’ Missieru, imma l-Appostli wrew kemm kienu dgħajfin u abbandunaw l-Imgħallem tagħhom. Marku qed jistaqsina: “Aħna x’se nagħmlu? Waqt il-prova se nagħmlu bħall-Appostli u lil Ġesù nitilquh?” Għandna mnejn naħsbu li ħaġa bħal din ma naslux li nagħmluha, għax jidhrilna li lil Ġesù nħobbuh tassew. L-Appostli wkoll hekk ħasbu (ara 14:31). Imma l-prova wriet kemm kienu dgħajfin. Kemm għandna bżonn nitolbu lil Alla biex jagħtina l-qawwa li neħtieġu ħalli fil-prova ma nċedux!

 

4. Ġesù quddiem is-Sinedriju (14:53-72)

 

L-episodji huma dawn:

 

(a) Pietru jidħol fil-palazz tal-Qassis il-Kbir (14:53-54)

 

(b) Ġesù quddiem is-Sinedriju jistqarr li hu l-Messija

 (14:55-65)

 

(ċ) Pietru jiċħad lil Ġesù għal tliet darbiet (14:66-72).

 

Il-messaġġ huwa ċar. Ġesù, bla biża’ ta’ xejn, iwieġeb il-mistoqsija tal-Qassis il-Kbir u jistqarr li huwa l-Messija, avolja kien jaf li fuq dik il-kelma kienu se jikkundannawh għall-mewt. Imma Pietru le. Pietru ma jammettix li hu dixxiplu ta’ Ġesù, anzi jiċħad għal tliet darbiet. X’kuntrast! Ġesù ma beżax jagħti ħajtu għalina, u aħna nibżgħu nagħtu ħajjitna għalih!

 

5. Ġesù quddiem Pilatu (15:1-20a)

 

It-tliet episodji:

 

(a) Ġesù meħud quddiem Pilatu (15:1-5)

 

(b) Il-poplu jitlob il-ħelsien ta’ Barabba u l-kundanna ta’ Ġesù (15:6-15)

 

(ċ) is-suldati ta’ Pilatu jifflaġellaw lil Ġesù u jqegħdulu fuq rasu kuruna minsuġa mix-xewk (15:16-20).

 

F’dan il-grupp hemm espressjoni li tinsab f’kull wieħed mit-tliet episodji, l-espressjoni “Is-Sultan tal-Lhud ”. Pilatu jistaqsi lil Ġesù: “Inti s-Sultan tal-Lhud?” (15:2). Lil dawk li jitolbuh jeħilsilhom ħabsi għall-festa tal-Għid, Pilatu jgħidilhom: “Tridux nitilqilkom is-Sultan tal-Lhud?” (15:9). U s-suldati ta’ Pilatu jżebilħu lil Ġesù billi jgħidulu: “Is-sliem għalik, sultan tal-Lhud!” (15:18). Jidher ċar li Marku jridna nirriflettu fuq dan il-kliem. Ġesù hu tassew il-Messija, is-sultan li l-Missier tana biex ikun is-Salvatur tagħna. Ġesù huwa dak is-sultan li kien lest li jmut għas-sudditi tiegħu. Aħna, is-sudditi, lesti li nbatu għas-sultan tagħna?

 

6. Il-Kalvarju (15:20b-39)

 

L-episodji:

 

(a) Minħabba s-swat li tawh fil-flaġellazzjoni, Ġesù ma jiflaħx iġorr is-salib. Is-suldati Rumani jġiegħlu lil Xmun minn Ċirene jerfagħlu s-salib hu. Xi nisa twajba joffru lil Ġesù taħlita ta’ nbid u mirra ħalli ma jħossx l-uġigħ kollu tal-kruċifissjoni, imma Ġesù ma jixrobhiex (15:20b-23).

 

(b) Is-suldati jsallbu lil Ġesù. It-tbatijiet ta’ Ġesù huma tassew kbar, imma xi wħud mil-Lhud ma tiġihom l-ebda ħniena, u minn fuq iżebilħuh. Marku jsemmi tliet gruppi minn dawn iż-żeblieħa: in-nies li kienu għaddejjin minn ħdejn il-Kalvarju, il-kbarat tal-Lhud, u dawk iż-żewġ żeloti li kienu msallbin ħdejn

Ġesù (15:24-32).

 

(ċ) Fit-tlieta ta’ wara nofs in-nhar Ġesù jmut fuq is-salib. Marku jurina l-frott tas-sagrifiċċju li kien għamel Ġesù. Il-purtiera tas-santwarju tiċċarrat, bħala sinjal li Ġesù kien fetħilna t-triq għal għand Missieru. U ċ-ċenturjun jistqarr: “Dan il-bniedem kien tassew Bin Alla.” Dak iċ-ċenturjun kien pagan, u għalhekk bi kliemu fehem biss li Ġesù kien bniedem ġust, bniedem li kien ikkundannat bla ħtija. Imma għal San Mark dak iċ-ċenturjun qed jirrappreżenta lil dawk kollha li kienu se jemmnu f’Ġesù, u avolja Ġesù kien ġie ikkundannat għal mewt ta’ l-akbar għajb, kienu se jistqarru b’fidi kbira li Ġesù hu tassew l-Iben ta’ Alla (15:33-39).

 

7. Id-dixxipli nisa (15:40 – 16:8)

 

Hawn niltaqgħu ma’ l-istess grupp ta’ nisa għal tliet darbiet:

 

(a) Ftit ’il bogħod mis-salib ta’ Ġesù, ikun hemm numru ta’ nisa li lil Ġesù kienu jafuh sew. Kienu għamlu żmien imorru warajh jisimgħu t-tagħlim tiegħu meta kien għadu fil-Galilija (16:40-41).

 

(b) Dawn in-nisa jakkompanjaw lil Ġużeppi minn Arimatija meta dan jieħu l-ġisem ta’ Ġesù biex jidfnu fil-qabar tiegħu (15:42-47).

 

(ċ) Il-Ħadd fil-għodu kmieni dawn l-istess nisa jmorru ħdejn il-qabar biex jidilku bil-fwejjaħ il-ġisem ta’ Ġesù. Imma kif jaslu hemm, isibu l-qabar miftuħ, u anġlu tas-sema jagħtihom l-aħbar li Ġesù kien qam mill-mewt (16:1-8).

 

San Mark isemmi dawn in-nisa għal tliet darbiet biex naraw kemm nistgħu noqogħdu fuq ix-xhieda tagħhom. Kienu raw lil Ġesù jmut, kienu qagħdu attenti biex jaraw sewwa fejn kien midfun il-ġisem tiegħu, u issa setgħu jagħtu xhieda dwar il-qabar vojt u l-messaġġ li tahom l-anġlu.

 

Għall-aħbar ta’ l-anġlu, lkoll stagħġbu. Għax għalkemm Ġesù kien ħabbar minn qabel il-qawmien tiegħu, ħadd ma stenna li kien se jqum tassew. Imma l-verità dik hi. Ġesù rebaħ il-mewt, ħaġa li l-ebda bniedem qatt ma kien għamel, u b’hekk wera li kien tassew l-Iben ta’ Alla.

 

Lil dawk in-nisa l-anġlu qalilhom biex iwasslu l-aħbar tal-qawmien ta’ Ġesù lid-dixxipli l-oħra. Din hi l-missjoni ta’ kull Nisrani. Mimli bil-ferħ li jiġi mill-qawmien ta’ Ġesù, in-Nisrani għandu jagħmel ħiltu biex din il-verità kbira jwassalha lill-oħrajn. Dak hu li għamel San Mark f’dan l-Evanġelju. U dak hu li jixtieq li nagħmlu aħna li studjajna l-Evanġelju tiegħu.

 

G Ħ E L U Q

 

San Mark temm l-Evanġelju tiegħu bl-episodju ta’ dawn in-nisa li marru ħdejn il-qabar ta’ Ġesù. Ma ħassx il-bżonn li jitkellem fuq id-dehriet li Ġesù għamel lid-dixxipli tiegħu wara li qam mill-mewt. Għax San Mark riedna nifhmu li xhieda ta’ anġlu hi aqwa minn xhieda ta’ bniedem. Għalhekk ix-xhieda ta’ l-anġlu lin-nisa kienet biżżejjed għalih, u l-Evanġelju ried jagħlqu hemm. Imma jidher li wara li nkitbu l-Evanġelji l-oħra, l-Insara ta’ Ruma bdew jixtiequ li l-Evanġelju li kien kitbilhom Marku kellu jagħlaq bħalma jagħlqu l-Evanġelji l-oħra. U għalhekk wieħed minnhom żied l-episodji li nsibu minn vers 9 sal-vers 20 ta’ l-aħħar kap. Għalkemm dawn il-versi ma ħarġux mill-pinna ta’ San Mark, il-Knisja tgħallimna li għandna naċċettawhom bħala ispirati u parti mill-Kotba Mqaddsa.