L-EVANĠELJU SKONT SAN MATTEW

Minn Dun Karm Attard

 

Meta u fejn inkiteb

 

Dan l-Evanġelju nkiteb madwar is-sena 80. Aktarx li nkiteb f’Antijokja tas-Sirja, dik il-belt fejn id-dixxipli ta’ Ġesù għall-ewwel darba bdew jissejħu ‘Kristjani’ (Atti 11:26).

 

Min kitbu

Ma nkitibx minn San Mattew l-Appostlu, għalkemm hu msemmi għalih. Inkiteb minn Nisrani li baqa’ anonimu. Qabel ma sar Nisrani dan l-awtur kien wieħed mill-Iskribi, jiġifieri għaref Lhudi li kien studja tajjeb il-Kotba Mqaddsa, imma mbagħad għaraf li t-tagħlim ta’ Ġesù kien il-milja, il-perfezzjoni ta’ dak li Alla kien għallem f’dawk il-Kotba, u għalhekk ħaddan ir-reliġjon Nisranija. Kien tassew “Skriba li sar dixxiplu tas-Saltna tas-Smewwiet, u għalhekk mill-ħażna tiegħu seta’ joħroġ sew il-ġdid u sew il-qadim” (Mt 13:52).

 

B’liema lsien inkiteb 

Sas-seklu l-ieħor kienu jgħidu li dan l-Evanġelju l-ewwel inkiteb bl-Aramajk, u mbagħad xi snin wara kien maqlub għall-Grieg. Illum l-istudjużi jżommu li nkiteb mill-ewwel bil-Grieg.

 

Għaliex inkiteb

Avolja kienu għaddew 50 sena minn mindu Ġesù kien miet u rxoxta, ħafna mil-Lhud kienu baqgħu ma emmnux li Ġesù kien il-Messija. Anzi dawn il-Lhud kienu jagħmlu kull ma jistgħu biex ifixklu lil dawk in-nies ta’ ġenshom li kienu saru Nsara. Kienu jgħidulhom: “Ġesù ta’ Nazaret ma kienx il-Messija. Aħna għalhekk bqajna nimxu wara Mosè. Agħmlu bħalna, u temmnux iżjed f’ Ġesù.” Dan l-Evanġelju nkiteb biex l-Insara ma jitqarrqux u jitilqu r-reliġjon tagħhom.

 

L-Evanġelista kif jippreżentah lil Ġesù?

Jippreżentah bħala Mosè il-Ġdid. Jekk fl-imgħoddi Alla kien kellem lil-Lhud permezz ta’ Mosè, issa kellimna b’wieħed aqwa, jiġifieri b’ Ġesù, li kien tassew il-Messija li fih seħħew il-profeziji tal-Kotba Mqaddsa. Ġesù, mela, huwa l-Għalliem il-Ġdid li Alla jridna nimxu warajh. Kull min irid jogħġob lil Alla, jeħtieġ li jimxi mhux iżjed wara Mosè, imma wara Ġesù. Biex jisħaq fuq din il-verità, l-Evanġelista jagħmel ħiltu biex juri x-xebh li kien hemm bejn Mosè u Ġesù.

 

Xebh bejn Mosè u Ġesù

(a) Kemm Mosè u kemm Ġesù jkunu fil-periklu li jinqatlu meta jkunu għadhom trabi. Mosè jkun fil-periklu li jinqatel mis-sultan ta’ l-Eġittu (Eż 1:22); Ġesù jkun fil-periklu li jinqatel minn Erodi (Mt 2:13). Imma Alla jeħlishom minn dak il-periklu, biex iwettqu l-missjoni li ried minnhom.

 

(b) Mosè kien tela’ fuq il-Muntanja Sinaj biex jirċievi l-Liġi mingħand Alla (Eż 19-20). Ġesù jitla’ fuq ‘il-muntanja’ biex ixandar il-Liġi l-Ġdida (Mt 5:1).

 

(ċ) It-tagħlim li Mosè ta lill-Israelin insibuh miġbur fil-ħames kotba tal-Pentatewku. Fl-Evanġelju ta’ San Mattew, it-tagħlim ta’ Ġesù nsibuh miġbur f’ħames diskorsi.

 

(d) Mosè kien ġab għaxar flaġelli fuq l-Eġittu biex iwettaq il-ħelsien ta’ l-Israelin (Eż 7-12). Mattew jurina lil Ġesù jagħmel għaxar mirakli bħala parti mill-ħidma tiegħu għas-salvazzjoni tagħna (Mt 8-9).

 

(e) Mosè kien wera lill-Israelin min se jkun il-mexxej tagħhom wara mewtu; kien wriehom lil Ġożwè (Num 27:15-23). Fl-Evanġelju ta’ San Mattew Ġesù juri lil min kien se jħalli bħala vigarju tiegħu; kien se jħalli lil Pietru (Mt 16:17-19).

 

(f) Mosè kien ħalla din id-dinja minn fuq muntanja (Dewt 34:1-5). Wara l-qawmien tiegħu, Ġesù jidher lill-Appostli ‘fuq il-muntanja(Mt 28:16), u hemm iħallihom jarawh tiela’ lejn is-sema.

 

Kif jitqassam dan l-Evanġelju 

A. “L-Evanġelju ta’ l-Infanzja” (kapi 1-2)

 

B. Il-Ħajja Pubblika ta’ Ġesù f’ħames taqsimiet:

 (1) Il-bidu tal-ħajja pubblika u d-Diskors tal-Muntanja (Kapi 3-7)

 (2) Għaxar mirakli u d-Diskors Missjunarju (8:1-11:1)

 (3) Tfixkil u d-Diskors bil-Parabboli (11:2-13:52)

 (4) Il-Knisja u d-Diskors fuq il-Knisja (13:53-18:35)

 (5) Il-Vjaġġ ta’ Ġesù lejn Ġerusalemm u d-Diskors dwar il-qerda ta’ Ġerusalemm u t-tieni miġja ta’ Ġesù (Kapi 19-25)

 

Ċ. Il-Passjoni u l-Qawmien ta’ Ġesù (Kapi 26-28).

 Mela b’kollox dan l-Evanġelju fih seba’ taqsimiet.

 

L-EVANĠELJU TA’ L-INFANZJA(Mt 1-2)

 

Ġa semmejna li għalkemm dan l-Evanġelju jissejjaħ ta’ San Mattew, ma nafux min kitbu. Imma biex niddistingwu l-awtur tiegħu mill-Evanġelisti l-oħra, se jkollna nsejħulu Mattew.

 

Mattew jibda l-ktieb tiegħu b’dak li jissejjaħ ‘L-Evanġelju ta’ l-Infanzja’, jiġifieri b’ġenealoġija (1:1-17) u b’għadd ta’ rakkonti dwar it-twelid u t-trobbija ta’ Ġesù. Ir-rakkonti li jagħtina Mattew huma dawn:

 

(a) It-tnissil ta’ Ġesù fil-ġuf ta’ Marija (1:18-25)

(b) Il-miġja tal-Maġi (2:1-12)

(ċ) Il-ħarba tal-Familja Mqaddsa lejn l-Eġittu (2:13-15)

(d) Il-qtil tat-trabi ta’ Betlehem minn Erodi (2:16-18)

(e) It-trobbija ta’ Ġesù ġewwa Nazaret (2:19-23).

 

Jeħtieġ li nifhmu li permezz ta’ din il-ġenealoġija u ta’ dawn ir-rakkonti Mattew irid jagħtina dik li tissejjaħ ‘il-verità teoloġika’, jiġifieri jrid jgħallimna dak li għandna nemmnu dwar Ġesù. Ma għandniex nieqfu fuq ir-rakkonti daqskieku kienu sempliċement dettalji storiċi u xejn iżjed. Naraw, mela, il-veritajiet li Mattew irid iwasslilna.

 

(1) F’ Ġesù seħħew il-wegħdiet li Alla kien għamel lil Abraham u lil David

 

Fl-ewwel vers ta’ l-Evanġelju, Mattew kitbilna: ‘Ktieb in-nisel ta’ Ġesù Kristu, bin David, bin Abraham.’ U wara dan il-kliem tana l-ġenealoġija, li tibda minn Abraham u permezz ta’ David tibqa’ sejra sa Ġesù. Għaliex Mattew qed jagħmel din l-enfasi fuq Abraham u fuq David? Għax lil dawn iż-żewġ personaġġi Alla kien għamlilhom wegħdiet kbar, u Mattew irid juri li dawn il-wegħdiet seħħew f’ Ġesù. Lil Abraham, il-missier tal-poplu l-magħżul, Alla kien qallu: ”Jitbierku b’nislek il-ġnus kollha ta’ l-art” (Ġen 22:18). Kif kienet waslet lill-ġnus kollha dik il-barka min-nisel ta’ Abraham? Kienet waslet permezz ta’ Ġesù, nisel Abraham. Lil David Alla kien wiegħdu saltna li ma tintemm qatt (2 Sam 7:6). Imma fil-fatt, 400 mitt sena wara dik il-wegħda, is-saltna ta’ David kienet tfarrket. Allura l-kelma ta’ Alla kienet ġiet fix-xejn? Le, għax Ġesù, bin David, qajjem is-saltna mill-ġdid.

 

(2) F’ Ġesù seħħ dak li ħabbru l-profeti

 

F’dawn iż-żewġ kapi Mattew isemmi l-kliem tal-profeti għal diversi drabi. Isemmi l-kliem ta’ Isaija dwar ix-xebba li jkollha iben. Isemmi dak li kien qal Mikea dwar Betlehem, li minnha kien se joħroġ il-mexxej li jirgħa l-poplu ta’ Alla. Isemmi l-kliem ta’ Hosegħa: “Mill-Eġittu sejjaħt lil ibni.” U jsemmi wkoll il-kliem ta’ Ġeremija dwar Rakel li tibki lil uliedha. U kull darba Mattew juri li l-kliem tal-profeti kien seħħ f’ Ġesù.

 

Tassew li xi wħud mit-testi, li jsemmi Mattew mill-kotba tal-profeti, fis-sens litterali ma kenux intqalu għal Ġesù. Imma fil-Bibbja, barra mis-sens litterali, jeżisti wkoll dak li jissejjaħ is-sens sħiħ jew is-sens spiritwali, jiġifieri dak li jkun fehem Alla, avolja l-awtur sagru ma kellux dak il-ħsieb fil-moħħ tiegħu. Mattew, ispirat min Alla, aktar jurina dak li fehem Alla milli dak li kien fehem il-profeta.

 

(3) Ġesù huwa l-Messija, bin David

 

Ladarba f’Ġesù seħħew il-wegħdiet ta’ Alla u seħħ it-tħabbir tal-profeti, Mattew jinsisti li Ġesù kien il-Messija. Hekk isejjaħlu fl-ewwel vers ta’ l-Evanġelju, Kristu, il-kelma Griega li tittraduċi l-kelma Lhudija ‘Messija’. U hekk jerġa’ jsejjaħlu fil-versi 16 u 17 ta’ l-ewwel kap.

 

Il-Lhud kollha kienu jafu li l-Messija kellu jiġi mir-razza ta’ David, għax hekk kienu ħabbru l-profeti. Isaija kien qal: “Għad toħroġ fergħa miz-zokk ta’ Ġesse (= missier David), għad toħroġ rimja minn għeruqu” (Is 11:1). U Ġeremija kien ħabbar: “Għad jasal żmien, jgħid il-Mulej, meta nqajjem lil David rimja ġusta, li jsaltan ta’ sultan, u jmexxi bil-għaqal, u jagħmel is-sewwa u l-ħaqq fil-pajjiż” (Ġer 23:5).

 

Għalhekk fil-ġenealoġija ta’ Ġesù Mattew juri r-rabta ta’ Ġesù ma’ David. U din juriha mhux biss billi jagħti l-ismijiet ta’ l-antenati ta’ Ġesù, imma ukoll permezz tal-mod kif iqassam dawk l-ismijiet. Il-ġenealoġija jaqsamha fi tlieta: minn Abraham sa David, minn David sa l-Eżilju, u mill-Eżilju sa Ġesù (1:17). Għaliex fi tlieta? Għax l-isem ta’ David fil-Lhudi fih tliet konsonanti: D W D. Mattew ikompli jgħid li f’kull taqsima hemm erbatax-il nisel (1:17). Għaliex daħħal erbatax? Għax fil-Lhudi kull ittra ta’ l-alfabett tfisser ukoll numru. D tfisser 4, u W tfisser 6. Mela t-total tal-konsonanti D W D huwa 14.

 

Mattew juri wkoll kif Ġesù daħal fin-nisel ta’ David. Daħal permezz ta’ Ġużeppi, ir-raġel ta’ Marija, avolja Ġużeppi ma kienx il-missier bioloġiku tiegħu (1:16). Ġesù huwa “bin David” għax Ġużeppi kien ordnat minn Alla biex jaċċetta u jadotta lil Ġesù bħala ibnu, u biex quddiem il-liġi jidher bħala missieru (1:20-21). Bħalma tifel li jkun adottat ikun meqjus quddiem il-liġi bħala l-iben ta’ dawk li adottawh, il-paternità legali ta’ Ġużeppi kienet suffiċjenti biex Ġesù jkun membru tal-familja ta’ David, u fih isseħħ il-profezija li l-Messija jkun min-nisel ta’ David.

 

(4) Ġesù hu s-Salvatur tal-ġnus kollha

 

Fil-ġenealoġija ta’ Ġesù, Mattew idaħħal ukoll erba’ nisa. Idaħħal lil Tamar (1:3), lil Raħab u lil Rut (1:5), u lil Batseba, il-mara ta’ Urija (1:6). In-nisa ma kenux jissemmew fl-arbli tar-razza. Mattew, mela, kellu xi raġuni biex semma lil dawn. Tlieta minnhom żgur li ma kenux Israelin. Tamar u Raħab kienu Kangħanin (Ġen 38 u Ġoż 2), u Rut kienet Mowabija (Rt 1:4). Il-Bibbja ma tgħidilniex ta’ liema razza kienet Batseba, imma żewġha Urija kien min-nisel tal-Ħittin (2 Sam 11:3). Ikollna ngħidu li Mattew semma lil dawn in-nisa biex juri r-rabta li Ġesù kellu ma’ dawk li ma kenux Israelin. U din il-ħaġa Alla riedha biex aħna nifhmu li Ġesù ġie fid-dinja biex ikun is-salvatur mhux ta’ l-Israelin biss, imma tal-ġnus kollha.

 

(5) Ġesù hu Alla li sar bniedem

Fit-Testment il-Qadim Alla qatt ma rrevela d-duttrina dwar it-Trinità Mqaddsa. Lil-Lhud qatt ma semmielhom li hemm tliet Persuni Divini, jiġifieri l-Missier, l-Iben u l-Ispirtu s-Santu. U għalhekk qatt ma qalilhom li l-Messija kien se jkun l-Iben, it-Tieni Persuna. Imma Mattew din i-verità jurihielna (1:18-25). Dan jagħmlu billi jgħidilna li Ġesù tnissel bħala bniedem bil-qawwa ta’ Alla, u billi jagħti s-sens sħiħ tal-kliem li Isaija kien qal quddiem is-sultan Aħaż: “Ara, ix-xebba tnissel u jkollha iben, u ssemmih Għimmanu-el” (Is 7:14). Il-kelma ‘Għimmanu-el’ tfisser ‘Alla magħna’. Isaija kien fehem jgħid li Alla kien se jagħti iben lis-sultan, u n-nies ta’ Ġerusalemm kellhom jieħdu t-twelid ta’ dak it-tifel bħala sinjal li Alla ma kienx abbandunahom. Alla kien se jgħinhom. Imma Mattew juri li Ġesù kien tassew ‘Għimmanu-el’, Alla nnifsu li ġie fostna l-bnedmin.

 

(6) Ġesù ġie fid-dinja minn omm verġni

Mattew jgħidilna: “Marija, wara li tgħarrset ma’ Ġużeppi, qabel ma marru joqogħdu flimkien, saret omm bil-ħidma ta’ l-Ispirtu s-Santu” (1:18). Dak iż-żmien il-kelma ‘għerusija’ fost il-Lhud ma kellhiex it-tifsira li għandha fostna llum. Il-ġuvni u x-xebba kienu jtejġu, imma jħallu sena tgħaddi sa ma jmorru jgħixu flimkien. Dik is-sena kienet tissejjaħ ‘is-sena ta’ l-għerusija’. Għalkemm bħala regola l-miżżewġin ġodda ma kenux jikkonsmaw iż-żwieġ tagħhom matul dik is-sena, jekk jikkonsmawh ma jkunu għamlu ebda dnub, ladarba jkunu miżżewġin tassew. Alla ried li Marija ssir l-omm ta’ Ġesù matul dik is-sena, ħalli b’hekk iħarsilha l-unur tagħha. Għamilha omm meta skond il-liġi setgħet ssir omm.

 

Marija saret omm bil-qawwa ta’ Alla, mhux bl-intervent ta’ Ġużeppi, u l-verġnità tagħha ma tilfithiex. Mattew ifissrilna dan billi juri li Ġużeppi ma kienx il-missier bijoloġiku ta’ Ġesù, billi jdaħħal anġlu li jfisser lil Ġużeppi b’liema mod martu kienet saret omm, u billi jagħti s-sens sħiħ tal-profezija ta’ Isaija. Meta kien qal lis-sultan Aħaż “ix-xebba tnissel u jkollha iben” (Is 7:14), Isaija għall-kelma ‘xebba’ kien uża l-kelma Lhudija ‘għalmah’, kelma li proprjament tfisser ‘tfajla’. Imma meta l-Kotba Mqaddsa kienu maqlubin għall-ilsien Grieg fit-tielet seklu qabel Kristu, il-kelma ‘għalmah’ ġiet tradotta bil-kelma ‘parthénos’, kelma li tfisser ‘verġni’. Kien f’dan is-sens ta’ ‘verġni’ li Mattew interpreta l-kelma għal Marija, l-omm ta’ Ġesù.

 

(7) Ġesù huwa salvatur li jeħlisna minn dnubietna

Il-Lhud kienu jistennew li s-sultan ikun salvatur, fis-sens li jeħlishom mill-għedewwa ta’ pajjiżhom u mill-kbarat li jippruvaw jisirqulhom ġidhom. Imma Ġesù minn xiex isalvana?

Ġesù ġie biex jeħlisna mill-agħar jasar, mill-jasar tad-dnub. Għalhekk Mattew jurina l-anġlu qed jgħid lil Ġużeppi: “Martek se jkollha iben, u inti ssemmih Ġesù (bil-Lhudi Jexugħa = Alla jsalva), għax hu jsalva l-poplu tiegħu minn dnubiethom (1:21).

 

(8) Ġesù kien miċħud mill-poplu tiegħu 

Huwa fatt li l-Lhud, minkejja li Alla kien għamilhom il-poplu tiegħu, fil-maġġoranza tagħhom lil Ġesù ma għarfuhx bħala l-Messija. Il-kbarat tagħhom ikkundannawh għall-mewt, u talbu lil Pilatu biex isallbu. Meta Ġesù qam mill-mewt, dawn il-kbarat ordnaw lill-għassiesa biex ixerrdu x-xniegħa li kienu ġew id-dixxipli jisirqu l-ġisem tiegħu waqt li huma kienu reqdin (Mt 28:13). U fiż-żmien meta nkiteb dan l-Evanġelju, madwar is-sena 80, l-Insara ta’ nisel Lhudi kienu qegħdin jiġu ppersegwitati mil-Lhud l-oħra ħalli jiċħdu t-twemmin tagħhom. Mattew jurina minn qabel dan l-atteġġjament tal-poplu Lhudi, billi jgħidilna li meta ġew il-Maġi jistaqsu fejn hu dak li twieled sultan tal-Lhud, “Erodi tħawwad, u Ġerusalemm kollha miegħu” (2:3). Fil-persuna ta’ Erodi, sultan tal-Lhud, li jipprova joqtol lil Ġesù (Mt 2:13) u li jkun lest joqtol it-trabi subien ta’ Betlehem (Mt 2:16), Mattew iridna naraw lil dawk il-Lhud li ħaduha kontra Ġesù u kontra d-dixxipli tiegħu. Mattew ma jsemmix biss lil Erodi. Isemmi ukoll lil Ġerusalemm, ħalli b’hekk ifakkarna fid-delitti li wettqet dik il-belt, meta qatlet lill-profeti u lill-Messija nnifsu, u li għalhekk sa ma nkiteb dan l-Evanġelju kienet sfat abbandunata minn Alla u t-Tempju tagħha kien ġie meqrud għal kollox (Mt 23: 37-38).

 

(9) Ġesù kien milqugħ mill-ġnus l-oħra

Fil-ħajja pubblika tiegħu Ġesù ma tantx fittixhom lil dawk li ma kenux Lhud. Imma wara l-qawmien tiegħi, lill-Appostli qalilhom: “Morru agħmlu dixxipli mill-ġnus kollha (Mt 28:19). U kbir kien l-għadd tal-pagani li emmnu dak li għallmuhom l-Appostli dwar Ġesù. Meta nkiteb dan l-Evanġelju, in-numru ta’ Nsara ta’ nisel pagan kien wisq akbar min-numru ta’ Nsara ta’ nisel Lhudi. Mattew jurina minn qabel it-tweġiba sabiħa li taw il-pagani għall-Evanġelju billi kellimna dwar il-qima li l-maġi jagħtu lil Ġesù (Mt 2:1-12). Fil-maġi għandna naraw simbolu tal-ġnus pagani, u fil-kewkba għandna naraw simbolu tas-sejħa li Alla għamel lil dawn il-ġnus. Ħafna minnhom laqgħu dik is-sejħa u daħlu fil-Knisja ta’ Ġesù.

 

(10) Ġesù huwa Mosè il-Ġdid

Mattew idaħħal ħafna xebh bejn Ġesù u Mosè:

(a) Meta jkun għadu tarbija, Mosè jkun fil-periklu li jinqatel għax il-Fargħun ried li t-tfal subjien tal-Lhud jinxteħtu fix-xmara (Eż 1:22). Ġesù wkoll, meta jkun għadu tarbija, ikun fil-periklu tal-mewt għax is-sultan Erodi jkun irid joqtlu (Mt 2:13)

(b) Mosè, meta jikber, jaħrab mill-Eġittu biex ma jkunx maqtul mill-Fargħun (Eż 2:15). L-anġlu tal-Mulej jgħid lil Ġużeppi biex jaħrab bil-familja ħalli Ġesù ma jkunx maqtul minn Erodi (Mt 2:13-14).

(ċ) Meta jmut il-Fargħun (Eż 2:23), Alla jibgħat lil Mosè lura lejn l-Eġittu (Eż 4:19). Meta jmut Erodi, l-anġlu tal-Mulej jgħid lil Ġużeppi biex jieħu lil Ġesù lura lejn l-art ta’ Israel (Mt 2:19-20).

Mattew jagħmel dan kollu biex iħejjina għal meta Ġesù kellu jibda jxandar il-Liġi l-Ġdida. F’ Ġesù Mattew iridna naraw l-Għalliem il-Ġdid li Alla l-Missier bagħtilna biex iwassal il-Liġi u l-Profeti għall-perfezzjoni (Mt 5:17).

 

(11) Ġesù huwa Israel il-Ġdid

Mijiet ta’ snin qabel ma Ġesù ġie fid-dinja, il-patrijarka Ġakobb, li Alla kien sejjaħlu “Israel” (Ġen 32:29), kien niżżel il-familja tiegħu l-Eġittu (Ġen 46). Għadda ż-żmien, u wlied Israel kotru ħafna. Fi żmien Mosè Alla ħareġ lil dawn l-Israelin mill-Eġittu biex jeħodhom fl-Art Imwiegħda, għamilhom il-poplu tiegħu, u sejħilhom “ibni l-kbir” (Eż 4:22). Għalhekk meta ried isemmi l-ħruġ ta’ l-Israelin mill-Eġittu, il-profeta Hosegħa seta’ jgħid li Alla qal: “Mill-Eġittu sejjaħt lil ibni” (Hos 11:1).

 

Mattew ried jgħallimna li Ġesù hu Israel il-Ġdid, dak li sawwar il-Poplu l-Ġdid ta’ Alla, il-Knisja. Għalhekk jurina lil Ġesù jgħix l-esperjenza ta’ Ġakobb u tan-nisel tiegħu, u l-kliem ta’ Hosegħa jinterpretah għalih (Mt 2:15). Bħal Ġakobb, Ġesù jinżel l-Eġittu (Mt 2:14). Bħal ulied Ġakobb, Ġesù, il-veru Iben ta’ Alla l-Missier, jitla’ lejn l-Art Imqaddsa (Mt 2:21). U bħalma Alla kien għamel l-Israelin il-poplu tiegħu, Ġesù waqqaf il-Knisja minn dawk kollha li emmnu fih. Lil dawn Ġesù joħroġhom mill-jasar tad-dnub, jagħmilhom l-ulied adottivi ta’ Alla l-Missier, u jmexxihom lejn il-pajjiż tas-sema.

  

(12) Ġesù in-“Nazoraios”

Matul il-ħajja pubblika tiegħu, Ġesù kien magħruf bħala ‘Ġesù ta’ Nazaret’, bil-Ġrieg ‘Iesous ħo Nazoraios’. Hekk wieġbu dawk li marru biex jaqbduh fil-Ġetsemani meta Ġesù staqsiehom: “Lil min qegħdin tfittxu?” Weġbuh: “Lil Ġesù ta’ Nazaret” (Ġw 18:5). Hekk kiteb Pilatu fuq is-salib ta’ Ġesù: “Ġesù ta’ Nazaret, sultan tal-Lhud” (Ġw 19:19). U hekk ukoll sejjaħlu Pietru fid-diskors li għamel nhar Għid il-Ħamsin, meta lil-Lhud qalilhom: “Ġesù ta’ Nazaret kien bniedem li Alla takom prova tiegħu permezz tal-mirakli li għamel bih fostkom” (Atti 2:22).

 

Mattew jagħtina r-raġuni għaliex Ġesù kien jissejjaħ hekk. Jgħidilna li għalkemm kien twieled f’Betlehem, Ġesù kien trabba f’Nazaret (Mt 2:23). Imma Mattew ma jeqafx hemm. Ikompli jurina li dik kienet ir-rieda ta’ Alla, ladarba Alla kien nebbaħ lill-profeti biex iħabbru li Ġesù kien se jissejjaħ “Nazoraios”.

 

Mattew ma jgħidilniex liema kienu dawn il-profeti, imma kliem jixbah lill-kelma ‘nazoraios’ insibuh f’dawn iż-żewġ testi li se nsemmu. Insibuh fil-kliem li jgħid l-anġlu tal-Mulej lil omm Sansun: “Inti tiled iben, u dan ikun naziraios, jiġifieri kkonsagrat lil Alla” (Mħ 13:5 LXX). U nsibuh ukoll f’dak li jgħid Isaija dwar il-Messija, meta jqabblu ma’ rimja, bil-Lhudi nezer, li tinbet mill-familja ta’ David (Is 11:1). Mela Ġesù mhux biss ismu kellu li juri min hu, isem li jfisser ‘Alla jsalva’, imma t-titlu “Nazoraios” ukoll, ladarba dan it-titlu jindika li hu kien il-Qaddis ta’ Alla u s-Sultan min-nisel ta’ David.

 

Meta naraw kemm tagħlim daħħal f’din l-ewwel taqsima tal-ktieb tiegħu, ikollna nikkonkludu li Mattew hawn irid jgħidilna fil-qosor dak li kien se jfisser aktar fit-tul fil-kumplament ta’ l-Evanġelju. 

 

IL-ĦAJJA PUBBLIKA TA’ ĠESÙ

 

Mattew jitkellem fuq il-ħajja pubblika ta’ Ġesù f’ħames taqsimiet, u kull taqsima jerġa’ jaqsamha fi tnejn. L-ewwel jagħtina għadd ta’ rakkonti, imbagħad jagħtina diskors li fih jiġbor xi kliem li kien qal Ġesù. It-tmiem ta’ kull taqsima jurihulna billi jgħidilna: “Meta Ġesù temm dan id-diskors...” (ara 7:28; 11:1; 13:53; 19:1; 26:1).

 

L-Ewwel Taqsima

A. Ir-Rakkonti (Kapi 3 u 4)

 

Ġwanni l-Battista jibda l-missjoni tiegħu ħdejn x-xmara Ġordan. Ixandar li l-Messija kien wasal, u jħeġġeġ lil-Lhud ħalli jindmu minn dnubiethom biex jilqgħuh kif imiss. Lil dawk li jindmu Ġwanni jgħidilhom jinżlu fix-xmara ħalli jgħaddashom taħt l-ilma bħala sinjal li xtaqu jitolbu maħfra ta’ dnubiethom u jibdew ħajja ġdida.

 

Ġesù wkoll imur jinżel fl-ilma. Mhux għax kellu xi dnub hu, imma għax kien ġie fid-dinja biex jitgħabba bi dnubietna. Il-Missier Etern jistqarru bħala Ibnu l-għażiż, jiġifieri Ibnu l-waħdieni. Imbagħad Ġesù jmur fid-deżert u jibda l-ġlieda kontra x-Xitan. Ix-Xitan jittantah, bħalma kien ittanta lill-Israelin fid-deżert. Imma jekk l-Israelin kienu waqgħu, Ġesù juri kemm hu tassew l-Iben ta’ Alla u ma jaqax.

 

Ġesù jibda jdur mal-Galilija, jgħallem, ikeċċi x-xjaten, u jfejjaq kull xorta ta’mard. Il-fama tiegħu tixtered, u madwaru jinġabru folol kbar. Lil dawn il-folol Ġesù, Mosè il-Ġdid, ixandrilhom il-Liġi l-Ġdida, fid-diskors li nsejħulu ‘Id-Diskors tal-Muntanja’.

 

B. Id-Diskors tal-Muntanja (Kapi 5 sa 7)

(1) Il-Beatitudni (5:3-12).

Ġesù jgħidilna x’jistenna minna. Iridna nkunu umli; iridna naħfru l-offiżi li nirċievu; iridna nħarsu dejjem il-kelma ta’ Alla; iridna nħennu; ma jridniex inqarrqu bl-oħrajn; iridna naħdmu għall-paċi; iridna nkunu lesti li nbatu għalih. Jekk nisimgħu minnu, ikollna premju kbir fis-sema.

 

(2) Il-missjoni tan-Nisrani (5:13-16)

Ġesù jridna nkunu bħall-melħ u bħad-dawl, billi bl-imġiba tajba tagħna ninfluwenzaw għall-ġid lil dawk ta’ madwarna.

  

(3) Il-liġi l-qadima u l-liġi l-ġdida (5:17-48)

Ġesù jistqarr li hu ma ġiex biex jeqred il-Liġi. Ġie biex iwassalha għall-perfezzjoni, billi jagħti t-tifsira awtentika tagħha. Aħna l-Insara, jgħidilna Ġesù, ma għandniex nagħmlu bħalma kienu jagħmlu l-Fariżej, li kienu jfissru l-Liġi kif jaqblilhom, u li kienu jgħallmuha lill-poplu waqt li huma stess ma jħarsuhiex. Ġesù jridna nħobbuha l-liġi ta’ Alla u nħarsuha minn qalbna. Il-kmandamenti li Alla kien ta lil Mosè għadhom jgħoddu għalina wkoll. Anzi Ġesù talab minna xi ħaġa itqal. Talab minna li nħobbu saħansitra l-għedewwa tagħna. U kkundanna d-divorzju.

 

(4) L-intenzjoni retta (6:1-18)

Ġesù jgħallimna li l-opri tajba tagħna, bħalma huma l-għoti tal-karità, it-talb u s-sawm, għandna nagħmluhom biex nogħġbu lil Alla, mhux biex ifaħħruna l-bnedmin l-oħra.

 

(5) “Ma tistgħux taqdu lil Alla u lill-flus” (6:19-34)

Kemm hawn bnedmin li għalihom l-aktar ħaġa għażiża hija l-flus! Il-flus qatt ma għandhom isiru l-iskop ta’ ħajjitna. Ma għandniex ninsew li aħna qegħdin fid-dinja biex naħdmu għas-salvazzjoni tagħna, mhux biex ingeddsu l-eluf. In-Nisrani ma għandux jinsa d-dmirijiet li għandu lejn Alla u lejn il-proxxmu.

 

(6) “Tiġġudikawx” (7:1-6)

Ġesù jgħallimna li ma għandniex niġġudikaw ħażin u nikkundannaw bl-addoċċ lill-proxxmu tagħna.

 

(7) Fiduċja f’Alla (7:7-12)

Ġesù jrid li jkollna fiduċja kbira f’Alla. Għax jekk missier ta’ din l-art jagħti dak li hu tajjeb lil uliedu, aktar u aktar Alla jagħti lilna dak li hu ta’ ġid għalina.

 

(8) Iż-żewġ toroq (7:13-14)

Ġesù jurina ż-żewġ toroq li għandna quddiemna. Hemm it-triq id-dejqa, jiġifieri t-triq tas-sagrifiċċju, u hemm it-triq il-wiesgħa, jiġifieri t-triq tal-ħażen. Ġesù jwissina biex nagħżlu t-triq tas-sagrifiċċju, għax dik hi t-triq li twassal għall-ħajja ta’ dejjem.

 

(9) “Iftħu għajnejkom mill-profeti foloz” (7:15-20)

Ġesù jridna noqogħdu attenti minn dawk li jgħallmu tagħlim differenti minn tiegħu. Qatt ma għandna nħalluhom iqarrqu bina u naslu biex nitilqu r-reliġjon Nisranija.

 

(10) Id-dixxipli veri ta’ Ġesù (7:21-23)

Min jgħid li jemmen f’Ġesù imma mbagħad ma jfittixx li jobdi t-tagħlim tiegħu, ma jkunx dixxiplu veru ta’ Ġesù.

 

(11) ll-bniedem għaqli u l-bniedem iblah (7:24-27)

Il-bniedem għaqli jibni fuq il-blat. Il-blat huwa t-tagħlim ta’ Ġesù. Jekk nibnu ħajjitna fuq dak it-tagħlim, inkunu għaqlin, għax inkunu qegħdin nibnu fuq pedament sod. Jekk ma nibnux fuqu, inkunu boloh, għax inkunu qegħdin nibnu fuq ir-ramel, u l-iżball tagħna jkun tassew kbir.

 

It-Tieni Taqsima

A. Ir-Rakkonti (Kapi 8-9)

Hawn Mattew jurina lil Ġesù jwettaq għaxar mirakli:

 

(1) ifejjaq imġiddem (8:2-4)

(2) ifejjaq il-qaddej ta’ ċenturjun Ruman (8:5-13)

(3) ifejjaq omm il-mara ta’ Pietru u ħafna min-nies ta’ beltha  (8:14-17)

(4) isikket tempesta fuq l-Għadira tal-Galilija (8:23-27)

(5) ikeċċi x-xjaten minn żewġ invażati fil-pajjiż tal-Gadarin  (8:28-34)

(6) ifejjaq mifluġ f’Kafarnahum (9:1-8)

(7) ifejjaq mara li tmiss it-tarf tal-mantar tiegħu (9:20-22)

(8) iqajjem lil bint Ġajru mill-mewt (9:23-26)

(9) jagħti d-dawl lil żewġ għomja (9:27-31)

(10) ifejjaq raġel mutu (9:32-33).

 

Mattew jagħżel għaxar mirakli, mhux iżjed jew inqas, biex għal darba oħra jurina lil Ġesù bħala Mosè il-Ġdid. Fi żmien Mosè, Alla bagħat għaxar flaġelli fuq l-Eġittu biex jeħles l-Israelin mill-jasar tal-Fargħun. Issa Ġesù jwettaq għaxar mirakli biex juri li s-Saltna ta’ Alla kienet waslet. Bil-preżenza u l-ħidma tiegħu, Ġesù kien qed iwettaq is-salvazzjoni tagħna.

 

Ġesù ried li l-missjoni tiegħu ta’ salvazzjoni titkompla. Għalhekk isejjaħ tnax biex ikomplu dik il-missjoni, u lil dawn it-tnax iżejjinhom bis-setgħa li bħalu jfejqu l-morda u jkeċċu x-xjaten, u jibgħathom jagħmlu dawra mal-Galilija, donnu biex iħejjihom għal meta ’l quddiem kellhom imorru jxandru l-Evanġelju mad-dinja kollha. Imma qabel jibgħathom, Ġesù jagħmlilhom diskors. Dan id-diskors insejħulu ‘Id-Diskors Missjunarju’, ladarba Ġesù jkellem lill-Appostli dwar il-missjoni tagħhom.

 

B. Id-Diskors Missjunarju (Kap 10)

Dan id-Diskors jinqasam fi tnejn. Minn vers 5 sa vers 15 Ġesù jkellem lill-Appostli dwar il-missjoni tagħhom fil-Galilija. Missjoni li kellha ddum biss ftit ġranet. Imma minn vers 16 ’il quddiem Ġesù jitkellem dwar il-persekuzzjonijiet li d-dixxipli tiegħu, mhux biss l-Appostli, kienu se jsofru wara l-Passjoni u l-Qawmien tiegħu. Ġesù jħeġġiġna biex ma naqtgħux qalbna. Jeħtieġ li nibqgħu fidili lejh sal-mewt. Jeħtieġ li nkunu lesti li mmutu għalih, għax lilu għandna nħobbuh aktar milli nħobbu lilna nfusna u l-membri tal-familja tagħna.

 

It-Tielet Taqsima

A. Ir-Rakkonti (11:2-12:50)

Mattew jurina kif ħafna mil-Lhud ma laqgħux lil Ġesù u kif il-kbarat tagħhom ħaduha kontra tiegħu u bdew jiftiehmu bejniethom kif se jeqirduh.

(1) L-ewwel rakkont jurina lil Ġwanni l-Battista fil-ħabs. Ġwanni kien għaddej minn kriżi, għax ma setax jifhem kif Ġesù ma kienx qabeż għalih. Ġesù jibgħat jgħidlu: “Hieni min ma jitfixkilx minħabba fija” (11:2-6). Ġwanni kien qeda l-missjoni tiegħu, u t-tetrarka Erodi Antipa kien ħadha kontrieh. Ġesù wkoll kien qed jaqdi l-missjoni tiegħu, u l-kbarat tal-Lhud kienu se joqtluh (11:7-14).

(2) Ġesù jistqarr li lill-poplu Lhudi ma seta’ jikkuntentah b’xejn: “Ġie Ġwanni, la jiekol u lanqas jixrob, u qalu li għandu xitan fih. Ġie Bin il-bniedem, jiekol u jixrob, u qegħdin jgħidu ‘Araw, xi bniedem wikkiel u sakranazz, ħabib tal-pubblikani u l-midinbin’ ” (11:18-19).

(3) Ġesù jċanfar diversi bliet li ma wrewx indiema: “Ħażin għalik, Korażajn! Ħażin għalik, Betsajda! U int, Kafarnahum, taħseb li se togħla sas-sema? Sal-qiegħ nett għad tinxteħet!” (11:20-24).

(4) Il-Fariżej jikkritikaw lil Ġesù talli ħalla d-dixxipli tiegħu jaqtgħu s-sbul nhar ta’ Sibt (12:1-8).

(5) Il-Fariżej jiftiehmu bejniethom kif se jeqirdu lil Ġesù talli kien ifejjaq nhar ta’ Sibt (12:9-14).

(6) L-għorrief tal-Lhud, li tant kienu jistudjaw il-Kotba Mqaddsa, kellhom jaslu almenu biex jagħrfu li Ġesù kien profeta mibgħut minn Alla. Imma l-malizzja tagħhom kienet tant kbira li bdew jgħidu li Ġesù kien qed ikeċċi x-xjaten għax kien ftiehem ma’ Satana nnifsu (12:15-37).

(7) Il-Kittieba u l-Fariżej jitolbu sinjal, jiġifieri xi miraklu kbir, mingħand Ġesù biex jurihom min kien, daqskieku l-mirakli li kien għamel ma kienu jiswew xejn (12:38-42).

 

Bi tweġiba għal dan l-atteġġjament min-naħa tal-kbarat u ta’ ħafna mil-Lhud, Ġesù jagħmel id-diskors li nsejħulu ‘Id-Diskors bil-Parabboli’.

 

B. Id-Diskors bil-Parabboli (13:1-52)

Għal dan id-Diskors Mattew jagħżel seba’ parabboli. Sitta minnhom jibdew bl-espressjoni “Is-Saltna tas-Smewwiet”. X’għandna nifhmu b’dan il-kliem? Il-kelma ‘Smewwiet’ qed tintuża għal Alla nnifsu, u għalhekk niftehmu aħjar jekk ngħidu ‘Is-Saltna ta’ Alla’. Din is-Saltna tibda f’din id-dinja fil-Knisja li waqqaf Ġesù, u ssib il-milja tagħha fil-Ġenna.

 

(1) Il-parabbola taż-żerriegħ (13:3-23)

Ġesù huwa ż-żerriegħ li ġie jiżra’ ż-żerriegħa t-tajba tal-kelma ta’ Alla, imma ħafna minn dik iż-żerriegħa kienet qiegħda taqa’ fuq widnejn torox, u għalhekk ma kenitx qiegħda ġġib il-frott. Il-ħtija ma kenitx ta’ Ġesù. Il-ħtija kienet tal-Lhud, għax għalqu qalbhom għall-grazzja u ma redux jilqgħu l-istedina ta’ Alla: “Il-qalb ta’ dan il-poplu twebbset” (13:15).

 

(2) Il-parabbola tas-sikrana (13:24-30 u 36-43)

Ġesù kien qed jiżra’ ż-żerriegħa t-tajba, imma x-Xitan kien qed jiżra’ s-sikrana fil-qalb ta’dawk li kienu disposti jisimgħu minnu aktar milli jisimgħu minn Ġesù. Alla ma kienx se jaqbad u jikkastigahom fil-pront għall-ħażen tagħhom, anzi kien se jagħtihom żmien biex jindmu. Imma meta jasal il-Ġudizzju, kull wieħed kien se jieħu li jkun ħaqqu.

 

(3) Il-parabbola taż-żerriegħa tal-mustarda (13:31-32)

Is-Saltna ta’ Alla fuq l-art, jiġifieri l-Knisja ta’ Ġesù, minn bidu ċkejken, kif setgħet dehret f’għajnejn il-bnedmin, bil-qawwa ta’ Alla kienet se tikber u tilqa’ fiha lil kull min jilqa’ l-istedina ta’ Alla.

 

(4) Il-parabbola tal-ħmira (13:33)

Din il-parabbola tisħaq fuq il-qawwa ta’ l-Evanġelju ta’ Ġesù. Ftit ħmira għandha l-qawwa tkabbar l-għaġna kollha. L-Evanġelju għandu l-qawwa li jinfed il-qlub u jġib is-salvazzjoni lil kull min jilqgħu bil-qalb.

 

(5) Il-parabbola tat-teżor moħbi (13:44)

It-teżor ifisser il-valur bla qjies tas-Saltna ta’ Alla. Il-bniedem li jagħraf il-kobor u l–ġmiel ta’ din is-Saltna jkun lest li jiċċaħħad minn kollox u jagħmel kull sagrifiċċju biex jidħol fiha.

 

(6) Il-parabbola tal-ġawhra prezzjuża (13:45-46)

Ġesù jgħid din il-parabbola biex ikompli jisħaq fuq il-valur tas-Saltna ta’ Alla. Din is-Saltna ma għandna nibdluha ma’ xejn.

 

(7) Il-parabbola tax-xibka (13:47-50)

Fuq din l-art Alla jħalli t-tajbin u l-ħżiena jgħixu flimkien, imma meta nidhru quddiemu għall-Ġudizzju, Alla jagħmel għażla. Fil-Ġenna jdaħħal biss lil dawk li jkunu kkooperaw mal-grazzja tiegħu.

 

Ir-Raba’ Taqsima

A. Ir-Rakkonti (13:53-17:27)

Mattew ikompli jurina kemm il-poplu Lhudi ma laqax lil Ġesù. U għalhekk baqa’ ma daħalx fil-Knisja tiegħu.

 

(1) Naraw l-ewwel x’jgħidilna dwar ir-ras iebsa ta’ ħafna mil-Lhud.

(a) In-nies ta’ Nazaret stess ma jemmnux fih, u Ġesù jistqarr bi swied il-qalb li “Ebda profeta ma hu bla ġieħ jekk mhux f’pajjiżu u f’daru stess” (13:53-58).

(b) Erodi Antipa, it-tetrarka tal-Galilija, joqtol lil Ġwanni l- Battista, il-prekursur ta’ Ġesù (4:1-12).

(ċ) L-għorrief tal-Liġi jeħduha kotra Ġesù għaliex kien iħalli d-dixxipli tiegħu jiksru “t-tradizzjonijiet ta’ missirijiethom” (15:2). Ġesù jsejħilhom “uċuh b’oħra” (15:7), li kienu jgħożżu dak li kienu qalu l-għorrief ta’ qabilhom aktar milli kienu jgħożżu l-Liġi ta’ Alla nnifsu (15:6). Kienu tassew “għomja mexxejja tal-għomja” (15:14), li kien jgħodd għalihom il-kliem li Alla kien qal fil-Ktieb ta’ Isaija: “Dan il-poplu bix-xofftejn biss jagħtini ġieħ, imma qalbhom hija ’l bogħod minni” (15:8).

(d) Il-Fariżej u s-Sadduċej jitolbu sinjal mingħand Ġesù, u Ġesù jsejħilhom “nisel ħażin u infidil” li ma redux jagħrfu s-sinjali taż-żminijiet, jiġifieri li ma redux mill-għemejjel tiegħu jikkonkludu li hu kien il-Messija (16:1-4).

(e) Ġesù jħabbar għal aktar minn darba fejn kienet se twassal il-mibegħda li l-kbarat tal-Lhud kellhom lejh. Kienu se jaslu biex joqtluh, bħalma Erodi Antipa kien wasal biex joqtol lil Ġwanni l-Battista (16:21; 17:12-13; 17:22).

 

(2) Issa naraw x’jgħidilna l-Evanġelista dwar il-Knisja.

(a) Mattew juża l-kelma ’Knisja’, bil-Grieg ‘ekklesia’, għall-ewwel darba fl-Evanġelju meta jurina lil Ġesù jgħid: “Fuq din il-blata nibni l-Knisja tiegħi” (16:18).

(b) B’din il-kelma “ekklesia” Mattew ried jittraduċi l-kelma Lhudija “qahal”, jiġifieri “il-Ġemgħa” tal-Poplu l-Magħżul, biex hekk juri li l-Knisja ta’ Ġesù hija l-Poplu l-Ġdid ta’ Alla u tkompli u twassal għall-perfezzjoni l-Poplu ta’ Alla tat-Testment il-Qadim.

(ċ) Mattew jurina li l-Knisja ta’ Ġesù hija s-Saltna ta’ Alla fuq l-art. Ġesù jidentifika s-Saltna ta’ Alla mal-Knisja meta lil Pietru jgħidlu f’żewġ linji paralleli: “Fuqek nibni l-Knisja tiegħi; lilek nagħti l-infietaħ tas-Saltna tas-Smewwiet (16:18-19).

(d) Ġesù ried li l-Knisja tiegħu ikollha lil Pietru bħala l-kap u l-mexxej ewlieni tagħha. U għalhekk f’din it-Taqsima Mattew jagħti importanza kbira lil dan l-Appostlu:

  (i) Ġesù jħalli lil Pietru jimxi fuq l-ilma (14:29).

 (ii) Alla l-Missier jagħti d-dawl lil Pietru biex jagħraf u jistqarr li Ġesù kien il-Messija (16:16-17).

 (iii) Ġesù jibdel l-isem ta’ dan l-Appostlu biex juri l- missjoni speċjali li għaliha kien għażlu (16:18).

 (iv) Fuq Pietru Ġesù jibni l-Knisja tiegħu: “Inti Pietru (= blata), u fuq din il-blata jiena nibni l-Knisja tiegħi” (16:18).

 (v) Ġesù jibgħat lil Pietru jistad biex bil-munita li jsib  f’ħalq l-ħuta jħallas it-taxxa tat-tempju għalihom it- tnejn (17:24-27).

 

(e) Il-membri tal-Knisja ta’ Ġesù huma wlied Alla u ċittadini tas-sema (17:26).

Wara dawn id-dettalji dwar il-Knisja, Mattew jurina kif Ġesù jixtieq li jġibu ruħhom il-membri ta’ din il-Knisja. Dan jagħmlu fid-diskors li nsejħulu ‘Id-Diskors fuq il-Knisja’.

 

B. Id-Diskors fuq il-Knisja (Kap 18)

(1) Il-membri tal-Knisja ta’ Ġesù għandhom ikunu bħat-tfal iż-żgħar billi jkollhom spirtu ta’ umiltà u sempliċità (18:1-5).

(2) L-ebda membru tal-komunità ma għandu jkun imwarrab mill-membri l-oħra, bħalma r-ragħaj tal-parabbola ma telaqx weħidha n-nagħġa li ntilfitlu (18:12-14).

(3) Il-komunità nisranija għandha tfittex li tikkoreġi lil dawk il-membri li jiżbaljaw (18:15-18).

(4) Barra mit-talb li jagħmlu weħidhom, l-Insara għandhom ukoll jitolbu flimkien bħala komunità. Għax Ġesù jkun preżenti fil-ġemgħa ta’ dawk li jinġabru flimkien f’ismu (18:20).

(5) Il-membri tal-komunità nisranija għandhom ikunu lesti li jaħfru wieħed lill-ieħor (18:21-35).

 

Il-Ħames Taqsima

A. Ir-Rakkonti (Kapi 19 sa 23)

L-Evanġelista jkellimna dwar il-vjaġġ ta’ Ġesù lejn Ġerusalemm u l-ħidma tiegħu f’dik il-belt.

 

(1) Matul il-vjaġġ Ġesù jerġa’ jisħaq li d-dixxipli tiegħu ma jistgħux ikunu favur id-divorzju (19:1-12). Jerġa’ jistqarr li d-dixxipli tiegħu ma għandux ikollhom qalbhom marbuta mal-ġid ta’ din l-art (19:16-29). U jerġa’ jgħallem ukoll li d-dixxipli tiegħu ma għandhomx iżommu fihom sentimenti ta’ ambizzjoni, anzi għandhom ifittxu li jaqdu lill-oħrajn bl-umiltà kollha; b’hekk ikunu jixbhu lilu, li ġie fid-dinja mhux biex ikun moqdi, imma biex jaqdi u jagħti ħajtu b’fidwa għall-kotra (20:20-28).

 

(2) Ġesù jasal Ġerusalemm, u jidħol fil-belt riekeb fuq felu, ħalli b’hekk juri kemm kien jixtieq li Ġerusalemm tikkonverti (21:1-11). Imma l-kbarat tal-Lhud ikomplu jiħraxu kontrieh u jippruvaw jonsbuh b’diversi mistoqsijiet li jagħmlulu. Ġesù jikkundannahom għall-ipokrisija tagħhom (21:23-27). Jgħidilhom li kienu agħar mill-pubblikani u l-prostituti (21:28-32). Iħabbrilhom li kienu se jaslu biex joqtlu lill-Iben ta’ Alla (21:33-34). Jurihom kemm ma kenux qegħdin jilqgħu l-istedina li Alla kien qed jagħmlilhom biex jemmnu f’Ibnu (22:1-5). U għal seba’ darbiet jgħidilhom “Ħażin għalikom!” talli bl-atteġġjament tagħhom ma ħallewx lil-Lhud l-oħra jemmnu fih (23:13-33).

 

X’se jkun il-ħaqq ta’ Alla fuq il-poplu Lhudi talli ċaħad lill-Messija? Dwar dan Ġesù jitkellem fil-ħames u l-aħħar Diskors ta’ dan l-Evanġelju, ‘Id-Diskors Eskatolóġiku’.

 

B. Id-Diskors Eskatolóġiku (Kapi 24 u 25)

Dan id-Diskors jissejjaħ ‘Eskatolóġiku’ mill-kelma Griega ‘éskaton’, li tfisser ‘l-aħħar’, għax fih Ġesù jħabbar l-aħħar jiem ta’ Ġerusalemm u l-aħħar taż-żminijiet bit-tieni miġja tiegħu.

 

Il-profezija ta’ Ġesù dwar il-qerda ta’ Ġerusalemm seħħet fis-sena 70. Ħafna min-nies ta’ żmien Ġesù kienu għadhom ħajjin (24:34), għax kienu għaddew biss 40 sena minn meta Ġesù kien ħa l-Passjoni. Matul dawk l-erbgħin sena Alla kien ta ċans ieħor lil-Lhud biex jindmu u jemmnu fil-Messija. Ħafna minnhom baqgħu ma emmnux, u l-waqgħa ta’ Ġerusalemm kienet il-ġudizzju li Alla għamel minnhom.

 

Dak il-ġudizzju għandu jġibilna quddiem għajnejna ġudizzju ieħor, jiġifieri l-ġudizzju li Ġesù se jagħmel mill-bnedmin kollha fl-aħħar taż-żmien (25:31-46). Is-sentenza li se nieħdu dak in-nhar se tkun l-istess waħda li nieħdu fil-ħin tal-mewt tagħna. U billi l-mewt ma nafux meta se tiġi, u tista’ wkoll tiġi għal għarrieda, Ġesù jħeġġiġna biex inkunu dejjem lesti : “Kunu lesti, għax qatt ma tistgħu tobsru s-siegħa li fiha jiġi Bin il-Bniedem” (24:44). Din it-twissija Ġesù ma jgħidhiex darba biss. Itenniha fil-parabbola tal-qaddej il-ħażin: “Sid dak il-qaddej jasal f’jum li ma jkunx jistennieh, f’siegħa li fiha jieħdu għal-għarrieda...” (24:50). U jerġa’ jgħidha fil-parabbola tal-għaxar xebbiet: “Ishru, għaliex la tafu l-jum u lanqas is-siegħa” (25:13).

 

Kif inkunu lesti? Kif nishru? Billi ngħixu dejjem fil-grazzja ta’ Alla, ħalli ma jiġrilniex bħalma ġralhom il-Lhud li baqgħu ma daħlux fis-Saltna ta’ Alla.

 

 

IL-PASSJONI U L-QAWMIEN TA’ ĠESÙ

 

Ir-rakkont tal-Passjoni u l-Qawmien ta’ Ġesù kien l-element ewlieni tal-predikazzjoni ta’ l-Appostli. Meta ġie biex jikteb dan ir-rakkont biex jagħlaq l-Evanġelju tiegħu, Mattew daħħal il-wieħed u għoxrin episodju li kien semma San Mark, u magħhom żied xi dettalji oħra. Insemmu l-aktar importanti minn dawn iż-żjediet:

 

 (a) L-istqarrija ta’ Ġuda: “Dnibt, għax ittradejt demm bla ħtija” (27:3-10)

 (b) Il-mara ta’ Pilatu li taqbeż għal Ġesù (27:19)

 (ċ) Id-dettall li Pilatu ħasel idejh u li l-Lhud għajtu: “Demmu fuqna u fuq uliedna” (27:24-25)

 (d) L-għeġubijiet mal-mewt ta’ Ġesù: “l-art theżhżet, il-blat inqasam, l-oqbra nfetħu” (27:51-52) 

 (e) L-għassa mal-qabar ta’ Ġesù (27:62-66)

 (f) Ix-xniegħa li d-dixxipli ta’ Ġesù serqu l-ġisem tiegħu waqt li l-għases kienu reqdin (28:11-15).

 

Mattew daħħal dawn iż-żjediet għax ikomplu jsaħħu l-messaġġ li ried iwassal. Kif għedna fil-bidu, huwa kiteb l-Evanġelju biex jiftaħ għajnejn l-Insara ħalli ma jitqarrqux minn dak li kienu jgħidu l-Lhud. Permezz tad-dettalji li semmejna, Mattew ikompli juri kemm Ġesù kien tassew il-Messija u kemm kienu żbaljaw il-Lhud. L-għeġubijiet li seħħew mal-mewt ta’ Ġesù komplew juru min kien. Ġuda nnifsu stqarr li kien żbalja bl-ikrah meta ttradixxa lil Ġesù. Pilatu u martu, avolja pagani, għarfu u stqarrew l-innoċenza ta’ Ġesù. Kemm kienu żbaljaw il-Lhud meta ċaħdu lil Ġesù u talbu l-mewt tiegħu! U kemm komplew jiżbaljaw aktar meta ċaħdu l-qawmien tiegħu u vvintaw gidba biex jaħbu l-verità! U kemm kienu qegħdin ikomplu jiżbaljaw dawk il-Lhud li kienu jgħixu meta nkiteb dan l-Evanġelju, billi baqgħu jemmnu dik il-gidba!

 

L-Evanġelju jagħlaq b’għajta ta’ kuraġġ. L-Insara ma għandhom jaqtgħu qalbhom qatt fil-għawġ kollu li jinqala’, għax Ġesù hu dejjem magħhom: “Jiena magħkom dejjem, sa l-aħħar taż-żmien” (28:20).