IL-QAWMIEN

Wara li miet Ġesù, l-appostli inġabru flimkien, aktarx fil-post fejn kienu għamlu l-Aħħar Ċena miegħu. Imaġinaw kif qattgħu il-lejl mill-Ġimgħa għas-Sibt, il-jum tas-Sibt u l-lejl ta’ wara. Magħhom aktarx li kien hemm Marija omm Ġesù, għax San Ġwann jgħid li minn dak il-ħin ħadha miegħu. Issa l-appostli kienu ħdax. Wieħed minnhom tradih  immedjatament wara li kienu qegħdin jieklu flimkien. Pietru ċaħdu tliet darbiet. Kollha ħarbu u ħallewh waħdu. Huma jiftakru li x’ħin arrestawh, hu stess qalilhom lis-suldati biex iħalluhom imorru. Wieħed biss baqa’ miegħu u ma’ ommu sa l-aħħar.

Issa kienu hemm weħidhom; jibżgħu mil-Lhud. Dak kollu li kienu jittamaw, li jerġa jwaqqaf is-saltna ta’ Israel, issa spiċċa fix-xejn. Dan Ġesù, li kellu setgħa hekk kbira, ġie umiljat bil-kbir, sal-mewt tas-salib. Huma kienu jemmnu li huma kien ser ikollhom sehem miegħu fis-saltna l-ġdida, u flok sehem fis-saltna issa ħassewhom xirka fil-għajb.

Dan Ġesù kien ikkundannat mis-Sinedriju u l-Qassis il-Kbir; l-għola awtorità tal-Poplu ta’ Alla, bħala midgħi. Dan Ġesù kien ikkundannat mir-rappreżentant ta’ l-aqwa forza politika fid-dinja ta’ dak iż-żmien, l-Imperu Ruman irrappreżentat mill-gvernatur Ponzu Pilatu li kkundanna lil Ġesù għall-aktar mewt umiljanti, it-tislib.

Huma kienu jemmnu li dan Ġesù kellu rabta intima ma’ Alla Missieru u bis-saħħa ta’ din ir-rabta rawh iwettaq tant għeġubijiet u mirakli. Issa rawh bla ebda saħħa quddiem min sawtu u salbu. Mhux hekk biss, imma semgħuh jitlob u jgħid, “Alla tiegħi, Alla tiegħi għaliex tlaqtni”. Abbandunat minn kullħadd, saħansitra minn Alla stess.

Kellu raġun San Pawl jgħid li ċekken lilu nnifsu sal-mewt, anzi sal-mewt tas-salib. Ma setgħax jumilja ruħu aktar minn hekk.

 

Kien il-ħadd fil-għodu, meta moħħhom kien imkisser jaħseb fuq din l-umljazzjoni hekk kbira li waqgħet fuq Ġesù u fuqhom bħala dawk li kienu jkunu miegħu, li ħadu l-aħbar li Marija ta’ Magdala sabet il-qabar ta’ Ġesù vojt. L-ewwel reazzjoni kienet li ma emmnuhiex. Hi qalet li l-qabar kien vojt u l-ġebla mneħħija. Magħha kien hemm xi nisa li wkoll raw il-qabar vojt. San Mark u San Luqa jiktbu li raw żewġ irġiel lebsin l-abjad li qalulhom li Ġesù  qam. San Mattew isemmi anġlu wieħed. San Ġwann jikteb li Pietru u Ġwanni marru biex jaraw x’kien inqala’. Ġwanni ġera kemm felaħ u wasal qabel Pietru. Imma beża’ jidħol fil-qabar u stenna lil Pietru. X’ħin wasal Pietru daħlu flimkien.  Raw il-faxex mitwijin fuq naħa waħda, u l-maktur li kellu ma’ rasu mitwi fuq in-naħa l-oħra. Hemm ftakru fi kliem Ġesù u emmnu li qam mill-mewt.

 

Marija ta’ Maddala wkoll marret lura lejn il-qabar. Indunat li ħadd ma emminha. Marret ħdejn il-qabar. Hawn hi rat lil Ġesù u ħasbet li kien il-ġardinar. San Mattew jgħid li Marija kienet ma’ Marija l-oħra. Ġesù qalilhom biex imorru jgħidu lil l-appostli.

 

Imaġinaw ir-reazzjoni tal-appostli meta daħal Ġesù bil-bibien magħluqa il-Ħadd filgħaxija. Wara dawk l-iljieli ta’ qtiegħ il-qalb, issa għaddew minn ġurnata ta’ aħbarijiet li jħawduhom. Il-qabar vojt, il-ħsieb li serquh, l-akkuża li bdiet tixtered li kienu huma li serquh, l-aħbar li ġabu n-nisa, Pietru u Ġwanni raw il-qabar vojt imma lilu ma rawhx, u issa, daħal quddiemhom bil-bibien msakkra tajjeb minħabba l-biża’ mil-Lhud. Verament kellhom bżonn it-tislima f’waqtha tiegħu, “Il-Paċi magħkom!”. Kien f’dak il-mument, meta huma kienu qegħdin iħossu r-rimors talli ċaħduh u abbandunawh, wara iljieli ta’ dubji, inċertezzi, u qtiegħ il-qalb; f’dak il-mument li rawh meta ma emmnux lin-nisa li hu qam tassew, ikun Ġesù li jonfoħ fuqhom biex jagħtihom l-Ispirtu s-Santu u min-nies mgħobbijin bis-sens ta’ ħtija jibdilhom f’appostli tal-maħfra. “Id-dnubiet li intom taħfru ikunu maħfura!”

 

Fl-Evanġelju skont San Ġwann, il-qawmien mill-mewt, il-glorifikazzjoni ta’ Ġesù u l-inżul ta’ l-Ispirtu s-Santu u l-missjoni tas-salvazzjoni lill- ġnus kollha; huma misteru wieħed, il-misteru tal-Għid. San Luqa jpinġihom fi tliet kwadri. L-ewwel kwadru hu il-kwadru tal-qawmien mill-mewt. Tliet nisa, Maria ta’ Magdala, Ġwanna, u  Marija omm Ġakbu marru ħdejn il-qabar u sabuh vojt. Huma marru jgħidu lill-appostli u Pietru mar jiġri ħdejn il-qabar. Dak inhar stess, fit-Triq ta’ Għemmaws, Ġesù jidher lil żewġ dixxippli u hawn San Luqa jesprimi id-dubji, l-inċertezzi u l-qtiegħ il-qalb tad-dixxipli. Huma jagħrfu lil Ġesù fil-qsim tal-ħobż, jinżlu jiġru Ġerusalemm u l-appostli jilqgħuhom bl-aħbar, “Il-Mulej qam tassew mll-mewt u deher lil Pietru” Dak il-ħin stess jidher lill-appostli kollha. It-tieni kwadru skont San Luqa huwa l-glorifikazzjoni ta’ Ġesù li hi rapreżentata fit-tlugħ fis-sema tiegħu, glorjuż u rebbieħ. L-aħħar kwadru jagħtihulna  fl-Atti tal-Appostli meta jirrakonta l-inżul tal-Ispirtu s-Santu fuq l-Appostli.

 

San Pawl fl-Ewwel Ittra lill-Korintin jisħaq li Kristu qam tassew mill-mewt.I Kor 15.3 ff

“Qabel xejn, jien għallimtkom dak li tgħallimt jien, jiġifieri, li Kristu miet minħabba dnubietna, skond l-Iskrittura; difnuh u qam mill-imwiet fit-tielet jum, skond l-Iskrittura. U deher lil Kefa, u mbagħad lit-Tnax. Deher imbagħad lil aktar minn ħames mitt aħwa flimkien. Ħafna minnhom għadhom ħajjin sa llum; xi wħud minnhom raqdu. Mbagħad deher lil Ġakbu u lill-appostli kollha. Fl-aħħar deher lili wkoll wara kulħadd, qisni twelidt mormi qabel il-waqt, għax jien l-inqas wieħed fost l-appostli, u ma jistħoqqlix nissejjaħ appostlu, għaliex kont naħqar il-Knisja ta' Alla...

Jekk Kristu hu mxandar li qam mill-imwiet, kif jgħidu xi wħud minnkom li ma hemmx qawmien tal-mejtin? Jekk ma hemmx qawmien tal-mejtin, anqas Kristu ma qam mill-imwiet. Imma jekk Kristu ma qamx mill-imwiet, fiergħa hi l-predikazzjoni tagħna, u fiergħa wkoll il-fidi tagħkom.... U jekk Kristu ma kienx imqajjem, fiergħa l-fidi tagħkom, u intom għadkom fi dnubietkom. U mitlufa wkoll huma dawk li raqdu fi Kristu. Jekk għandna tama fi Kristu għal din il-ħajja biss, aħna l-aktar nies imsejkna fost kemm huma l-bnedmin. Imma Kristu kien imqajjem tassew mill-imwiet, l-ewwel frott fost dawk li raqdu. Għaliex, jekk permezz ta' bniedem feġġet il-mewt, bi bniedem ukoll iseħħ il-qawmien mill-imwiet”.

 

Dwar il-Qawmien ta’ Kristu rridu nżommu f’moħħna dan it-tagħlim.

1.  Il-Qawmien ta’ Kristu hu qawmien glorjuż. Dan ifisser li mhux biss ruħu ingħaqdet ma’ ġismu (bħal fil-każ ta’ Lażżru) imma il-ġisem tiegħu kien igglorifikat biex ma jmutx aktar. La seta’ jimrad, la kellu bżonnijiet bħal jiekol u jixrob eċċ).

2.  Kemm dam fil-qabar, il-ġisem ta’ Kristu ma tħassarx.

3.  Kristu hu l-ewwel li qam għal ħajja immortali, Lażżru qam imma reġa miet.

4.  Kristu qam bil-qawwa divina tiegħu.

5.  Kristu wiegħed li ser iqum mill-mewt bħala prova li l-missjoni tiegħu kienet waħda divina. Għalhekk il-qawmien tiegħu mill-mewt għandu importanza għall-fidi tagħna aktar minn kull fatt ieħor.

6.  Daqskemm kienet kbira l-umiljazzjoni ta’ Kristu meta miet fuq is-salib, daqshekk ieħor kienet kbira il-glorifikazzjoni tiegħu bil-qawmien.

7.  Bil-qawmien tiegħu temm mil-misteru tas-salvazzjoni u l-fidwa. Bil-mewt tiegħu qered il-mewt tagħna u bil-qawmien tiegħu tana l-ħajja ta’ ulied Alla li konna tlifna bid-dnub.

8.  Bil-qawmien tiegħu aħna għarafna li Ġesù hu Alla, is-sid tal-ħajja, is-salvatur u t-tama tal-ħajja ta’ dejjem għal kull min jemmen fih.