L-EŻILJU

 

Il-Profeti kienu ilhom iħabbru li Alla ma kienx kuntent bl-imġiba tal-Poplu tiegħu. Il-Poplu Lhudi kemm-il darba tħallat mal-ġnus ta’ madwaru u ddakkar mill-idolatrija. Kienu jqimu l-allat tal-pagani u jaddottaw l-użanzi tagħhom. Il-Profeta Hosegħa juri biċ-ċar li Alla ma kienx kuntent b’dan l-aġir, imma bħala l-maħbub ta’ Iżrael kellu pjan biex jerġa jiġbed lill-Poplu ta’ Isreael lejh. Il-profeta Għamos jitkellem fuq l-inġustizzi soċjali fis-Saltna ta’ Iżrael. Hu ukoll juri li din l-inġustizzja kienet ser iġġib il-korla ta’ Alla.

 

Is-sitwazzjoni fis-Saltna ta’ Ġuda xejn ma kienet aħjar. Il-Profeta Ġeremija jsemmi n-nuqqas tal-ħarsien tas-Sibt u l-idolatrija qalb il-Lhud.  Jidher li għall-kliem ta’ Ġeremija kien hemm ħafna li taw kas. B’riżultat tal-ħidma tiegħu, beda qawmien spiritwali fost il-Lhud. Bdew jagħtu aktar kas tal-qima fit-Tempju ta’ Ġerusalemm u dan wassal biex is-Sultan Josija beda jsewwi t-tempju li kien bena Salamun u li sa dak iż-żmien kien fi stat ħażin ħafna. Dawn it-tiswijiet kienu providenzjali għaliex kien waqt dawn ix-xogħolijiet li nstab il-Ktieb tal-Liġi, dak li llum insejħulu d-Dewteronomju. Josija neħħa l-qima lill-allat tal-Assirja minn fost il-Lhud.

 

Imma dan il-qawmien spiritwali ftit dam. Wara li miet Josija, laħaq sultan ibnu Jowaqim. Xejn ma kien bħal missieru. Il-Poplu Lhudi wera kemm kien wiċċ b’ieħor. Waqt li baqa’ joffri sagrifiċċji fit-Tempju ta’ Ġerusalemm, beda jimla l-belt b’idoli u b’kulti tal-fertilita, fosthom lil Bagħal. Ġeremija ma qagħadx lura u beda jħabbar li jekk ma jindmux, Alla kien lest li jeqred lil Ġerusalemm bit-tempju b’kollox. Għal-Lhud, it-Tempju kien sinjal tal-preżenza ta’ Alla fosthom. Għalhekk kliem Ġeremija kien meqjus bħala kliem iebes  u kien ħaqqu l-mewt.

 

Il-Profeta Mikea ċanfar lin-nies tas-Saltna ta’ Iżrael għal dnubiethom u ċanfar ukoll lin-nies tas-saltna ta’ Ġuda. Hu ħabbar li kellhom jitilqu minn arthom. Kliem Mikea seħħ. Fis-sena 722QK, is-Samarija, il-kapitali tas-Saltna ta’ Iżrael, waqgħet f’idejn l-Assirja, u fis-sena 586 QK, Ġerusalemm, il-kapitali tas-Saltna ta’ Ġuda waqgħet f’idejn il-Babilonja. Il-mexxejja tal-Lhud u ħafna żgħażagħ Lhud kienu meħudin ilsiera f’Babilonja u hemm ħadmu fil-bini tat-toroq fid-deżert.

 

Dan kien żmien verament ikrah għal-Lhud. Kien ikraħ għax kien żmien ta’ tbatija. Imma kien ferm aktar ikraħ għax bdew jaħsbu li dak kollu li kienu jemmnu fih spiċċa fix-xejn. Il-wegħda ta’ Alla lil Abraham u lil Mosè li jagħtihom art li tnixxi ħalib u għasel spiċċat għax kellhom jitilqu minn arthom b’mod l-aktar umiljanti. Il-wegħdiet ta’ Alla lil David li s-saltna tiegħu ma jkolliex tmiem taret mar-riħ meta raw lis-sultan meħud ilsir u umiljat. Fuq kollox raw it-Tempju, is-sinjal tal-preżenza ta’ Alla fosthom, ipprofanat u mġarraf. Alla kien qisu abbandunhom.

 

Kien f’dan iż-żmien,meta l-moral tal-Poplu ta’ Alla kien tant baxx, li Alla bagħat il-profeti tiegħu biex jerġgħu jibbnu lil dan il-poplu mill-fdal. Hawn insibu l-Profeta Eżekjel. Hu beda l-ħidma tiegħu mal-eżiljati u ħabbrilhom li Alla kien lest li jreġġagħhom lura lejn arthom u jaħfrilhom għax Alla jrid il-konverżjoni tal-midneb u mhux il-qerda tiegħu. Huma qajla setgħu jaraw kif dan seta’ jseħħ. Hu jgħidilhom li Alla kapaċi jagħti l-ħajja lil ħafna għadam niexef, Il-konverżjoni tal-eżiljati kienet ħidma diffiċli. Imma Eżekjel kompla jħabbar il-konverżjoni tal-Poplu u li Alla kien ser juri l-qawwa tiegħu minħabba l-unur tiegħu aktar milli għax huma kien ħaqqhom.

 

Kien fi żmien l-eżilju li bdiet tqum fost il-Lhud l-istennija għall-Messija, iben David, li bħal David kien se jwassal il-Poplu ta’ Alla għall-glorja li darba kellu. Dan il-Messija kellu jkun il-qaddej ta’ Alla li jimxi fuq il-kmandamenti ta’ Alla u jagħmel ħaqq bil-ġustizzja u jkun hemm is-sliem fis-Saltna tiegħu.

 

Eżekjel, li kien qassis, jitkellem ukoll fuq Tempju ġdid. Dan kellu jkun tempju qaddis u kellu jkun iċ-ċentru tal-qima lil Alla. Ma jkunx hemm aktar idolatrija u ma jkunx hemm aktar taħlit mal-pagani.

 

Din il-ħidma ta’ tiġdid spiritwali ġabet magħha it-twaqqif tas-sinagoga bħala post tat-talb. Isaija jsejħilha id-dar tat-talb. Hawn il-Lhud bdew jiltaqgħu nhar ta’ Sibt u jisimgħu il-kelma tal-profeta. Hawn bdew jaqraw, jikkupjaw u jgħożżu ferm aktar minn qabel il-kotba qaddisa tagħhom li minnhom żvilluppat il-Bibbja. Madwar dawn il-kotba beda jsir it-tagħlim u l-edukazzjoni tat-tfal u ż-żgħażagħ. Hekk li meta fi żmien is-Sultan Ċiru, il-Lhud ingħataw il-permess li jerġgħu lura f’ Ġerusalemm huma kienu Poplu ġdid. Qatt aktar fost il-Lhud ma kien hemm kult lill-allat tal-fertilita u l-qima lil Yahweh kienet tnaddfet mill-idolatrija.

 

Għalhekk l-Eżilju għal-Lhud kien żmien ta’ kastig imma daqshekk ieħor kien żmien ta’ grazzja, żmien li bih Alla beda jippreparhom għall-miġja tal-Messija.