IL-KONTINWITÀ BEJN IT-TESTMENTI

L-Iskrittura Mqaddsa jew il-Bibbja tikkonsisti f’żewġ ġabriet ta’ kotba. Mhux qegħdin nitkellmu fuq żminijiet, imma fuq kotba. Ir-Rabta l-Qadima li fiha 46 ktieb u ir-Rabta l-Ġdida li fiha 27 ktieb; b’kollox 73.

Dawn il-partijiet nirreferu għalihom bħala Rabta, jew Testment, jew Patt. Aktar ’il quddiem nispjega għaliex.

Flimkien insejħulhom ”l-istorja tas-Salvazzjoni”. Hawn ukoll noqgħodu ftit attenti għaliex il-Bibbja mhix xi rumanz, jew xi ktieb tal-Istorja. Hi l-mod kif il-Mulej Alla wera lilu nnifsu lill-bnedmin, fil-ħajja ta’ Poplu li Hu għażel għalih, fil-ġrajjiet tiegħu, fil-letteratura tiegħu, fil-kult tiegħu. Alla għażel għalih Poplu qabel ma ġie Kristu fid-dinja biex bil-ħajja ta’ dan il-Poplu flimkien iħejji it-Triq għall-għaqda tal-bnedmin kollha f’Ġesù Kristu. Il-qofol, jew milja tal-pjan ta’ Alla, il-pjan tas-salvazzjoni, seħħ meta Ġesù Kristu, l-Iben ta’ Alla li sar bniedem, ħa l-passjoni, miet u wara tlett ijiem qam mill-mewt, rebbieħ fuq id-dnub u fuq il-mewt li hi l-akbar effett tad-dnub. Din hi l-aħbar it-tajba li jrid iwaslilna Allla nnifsu, l-aħbar li permezz tal-mewt u l-qawmien ta’ Ġesù Kristu il-bniedem reġa tħabbeb ma’ Alla wara li mbid-dnub tiegħu kien infired minnu.Issa din l-Aħbar it-Tajba kellha tiġi mwassla sa truf l-art kollha minn dawk li kienu magħżulin minn Ġesù Kristu nnifsu, bħala appostli (il-mibgħutin) biex bil-għajnuna tal-Ispirtu s-Santu huma jwasslu din l-aħbar, u jagħtu xhieda tagħha bi kliemhom, b’għemilhom, bil-kitba tagħhom u fl-aħħar b’demmhom.

Ir-Rabta l-Ġdida hi marbuta mar-Rabta l-Qadima. Santu Wistin jgħallimna li ma tistax tifhem il-Qadima mingħajr il-Ġdida, u tant ieħor, ma tistax tifhem il-Ġdida mingħajr il-Qadima.

Fir-Rabta il-Ġdida insibu kemm –il darba referenza jew kwotazzjonijiet mir-Rabta l-Qadima. B’koolx hemm xi 350 kwotazzjoni.

Fir-Rabta il-Ġdida għandna t-tweġiba finali ta’ dak kollu li Alla ried juri lill-Poplu tiegħu.

F’ Ġesù Kristu aħna naraw lil Alla. Issa stajna naraw lil Alla mhux biss fil-ħolqien, jew permezz ta’ pattijiet jew ġrajjiet jew permezz ta’ messaġġiera jew profeti, mhux biss tal-kult fit-tempju Issa stajna naraw lil Alla għax l-Iben t’Alla stess sar bniedem bħalna. Fih stajna naraw kif jaġixxi Alla, kif iħobb Alla, il-glorja ta’ Alla.

 

[Ġw:1:14] U l-Verb sar bniedem u għammar fostna,

u aħna rajna l-glorja tiegħu,

il-glorja li għandu mill-Missier bħala Ibnu l-waħdieni,

mimli bil-grazzja u l-verità.

 

[Ġw:10:30] Jien u l-Missier aħna ħaġa waħda."

 

[Ġw:10:37] Jekk jien m'iniex nagħmel l-għemejjel ta' Missieri, temmnunix; [Ġw:10:38] imma jekk qiegħed nagħmilhom, jekk ma temmnux lili, għallinqas emmnu l-għemejjel, biex tkunu tafu u tagħrfu li l-Missier huwa fija u jiena fil-Missier."

 

Ġw:14:9] Ġesù wieġeb: "Ili daqshekk magħkom, Filippu, u għadek ma għaraftnix? Min ra lili ra lill-Missier. Kif tgħidli, 'Urina l-Missier'? [Ġw:14:10] Ma temminx li jiena fil-Missier u l-Missier fija? Il-kliem li ngħidilkom jien, ma ngħidux minn moħħi iżda l-Missier li jgħammar fija qiegħed jagħmel l-opri tiegħu. [Ġw:14:11] Emmnuni! Jiena fil-Missier u l-Missier huwa fija. Jekk m'hux għal ħaġ'oħra, emmnuni minħabba dawn l-opri stess.

 

[Ġw:16:15] Dak kollu li għandu l-Missier huwa tiegħi.

 

[Ġw:8:16] …għax jien m'iniex waħdi, imma miegħi għandi l-Missier li bagħatni.

 

[Ġw:8:19] ...Weġibhom Ġesù: "Intom la lili ma tafu u lanqas lil Missieri. Li kieku kontu tafu lili, kontu tkunu tafu lil Missieri wkoll."

 

Ġw:5:19] Ġesù qabad u qalilhom: "Tassew tassew ngħidilkom li l-Iben ebda ħaġa ma jista' jagħmel minn rajh jekk ma jarax lil Missieru jagħmilha; għax il-ħwejjeġ li jagħmel il-Missier, jagħmilhom l-Iben ukoll, bħalu. [Ġw:5:20] Għax il-Missier lill-Iben iħobbu u jurih kull ma jagħmel, anzi ħwejjeġ akbar minn dawn jurih, ħalli jkollkom biex tistagħġbu. [Ġw:5:21] Għax bħalma l-Missier iqajjem lill-mejtin u jagħtihom il-ħajja, hekk ukoll l-Iben jagħti l-ħajja lil dawk li jrid hu. [Ġw:5:22] Il-Missier ma jagħmel ħaqq minn ħadd, imma ħalla f'idejn l-Iben biex jagħmel il-ħaqq kollu hu, [Ġw:5:23] biex kulħadd jagħti ġieħ lill-Iben bħalma jagħti ġieħ lill-Missier; u min ma jagħtix ġieħ lill-Iben anqas ma jagħti ġieħ lill-Missier li bagħtu.

 

Minn dawn is-siltiet naraw l-għaqda bejn Ġesù u L-Mulej Alla, li l-Lhud kienu jqisu bħala Alla Tagħhom u li Ġesù sejjaħlu Missieru. Din hi tema li jikteb ħafna dwarha San Ġwann. Insibuha wkoll fl-Evanġelji l-oħra wkoll Ara Mt 11:25-27, Lq 10: 21- 22.

 

Fil-Ġenesi naraw kif il-Lhud kienu jiċċelebraw patt.

[Ġen:15:6] U hu emmen fil-Mulej, u dan għaddhulu b'ġustizzja. [Ġen:15:7] U qallu: “Jiena l-Mulej li ħriġtek minn Ur tal-Kaldin, biex nagħtik din l-art b'wirt.” [Ġen:15:8] U qallu Abram: “Ja Sidi Mulej, kif inkun naf li se niritha?” [Ġen:15:9] U wieġbu: “Ħudli għoġla ta' tliet snin, mogħża ta' tliet snin, muntun ta' tliet snin, gamiema u ħamiema.” [Ġen:15:10] U ħadlu dawn kollha, u qasamhom min-nofs, u kull nofs qiegħdu biswit l-ieħor; imma l-għasafar ma qasamhomx. [Ġen:15:11] U niżlu l-għasafar tal-priża għal fuq l-iġsma mejtin, imma Abram gerrixhom lura.

 

[Ġen:15:12] Hi u nieżla x-xemx waqa' fuq Abram ngħas qawwi, u waqgħu fuqu biża' u dalma kbira. [Ġen:15:13] U l-Mulej qal lil Abram: “Frustier għad jgħammar nislek f'art li ma tkunx tiegħu. Hemm iħaddmuhom u jgħakksuhom għal erba' mitt sena. Imma l-ġens li huma jaqdu nagħmel ħaqq minnu jien. [Ġen:15:14] U wara dan joħorġu b'ġid kbir. [Ġen:15:15] Int mur bis-sliema għand missirijietek u tindifen meta tkun xjeħt sewwa. [Ġen:15:16] U fir-raba' nisel jerġgħu lura hawnhekk, għax il-ħażen ta' l-Amurrin s'issa għadu ma laħaqx l-aqwa tiegħu.”

 

[Ġen:15:17] Meta x-xemx kienet niżlet u kien dalam, kenur idaħħan u lsien nar iżiġġ qasmu minn bejn il-bċejjeċ tal-laħam. [Ġen:15:18] Dakinhar il-Mulej għamel patt ma' Abram u qallu: “Lil nislek nagħti din l-art, mix-xmara ta' l-Eġittu sax-xmara l-kbira, ix-xmara ta' l-Ewfrat, [Ġen:15:19] l-art tal-Kenin u tal-Keneżin, tal-Kadmunin [Ġen:15:20] u tal-Ħittin, tal-Periżżin u tar-Refajin, [Ġen:15:21] ta' l-Amurrin u tal-Kangħanin, tal-Girgasin u tal-Ġebusin.”

 

Hawn għandna il-Patt ta’ Alla ma’ Abram, it-Testment li bih il-Lhud kollhom jirtu l-art li Alla Abram u l-Mulej qasmu minn bejn il-bċejjeċ tal-laħam kollha dmija. Meta kien isir patt jew ftehim, il-Lhud kienu jaqsmu l-annimal tas-sagrifiċċju u iż-żewġ partijiet kienu jgħaddu minn bejn il-biċċiet imdemmija. It-tixrid tad-demm kien parti ntegrali mir-rabta tal-patt.

 

Araw kif kien imġedded il-Patt fi żmien Mose’

 

[Eż:24:6] Mosè ħa nofs id-demm u qiegħdu fi bwieqi, u xerred in-nofs l-ieħor fuq l-artal. [Eż:24:7] Mbagħad ħa l-ktieb tal-patt, u qara minnu hekk li seta' jisimgħu l-poplu. U huma qalu: “Kull ma qalilna l-Mulej nagħmluh, u nisimgħu minnu.” [Eż:24:8] Mosè mbagħad ħa d-demm u, hu u jroxxu fuq il-poplu, qal: “Hawn hu d-demm tal-patt li l-Mulej għamel magħkom skond dan il-kliem kollu.”

 

Bil-Lhudi ma tgħidx “tagħmel patt” imma “taqta’ patt”. U dan il-qtugħ kien referenza ċara għal dan il-qsim tal-annimal tas-sagrifiċċju.

 

( Illum patt jew ftehim nissiġillawh billi iż-żewġ partijiet jiffirmaw, jiktbu isimhom b’idejhom stess. Ma tistax tiffirma għal xi ħadd ieħor. Meta tagħmel hekk tkun qiegħed tagħmel tajjeb għal dak li ftehmt b’kulma int u b’kulma għandek.) Għal-Lhud kienu jqisu l-fatt li jgħddu bejn it-tixrid tad-demm bħala siġillar tal-patt jew testment.

Fir-Rabta l-Qadima insibu kemm-il darba li l-Lhud marru lura minn kelmiethom mal-Mulej u għalhekk Il-Mulej , minn jeddu, ried li jġedded il-patt tiegħu magħhom. Qatt ma nsibu li l-Lhud talbu li jġeddu l-Patt, imma dejjem kien il-Mulej Alla li ħa l-inizjattiva li jġedded il-Patt.

Araw dan fil-kotba tal profeti

 

Ġeremija

 

[Ġer:31:31] "Araw, għad jiġi żmien, oraklu tal-Mulej, meta jien nagħmel patt ġdid ma' dar Iżrael u dar Ġuda; [Ġer:31:32] mhux bħall-patt li għamilt ma' missirijiethom fiż-żmien meta qbadthom minn idejhom biex ħriġthom mill-art ta' l-Eġittu, il-patt tiegħi li huma kisru, għalkemm jien kont l-għarus tagħhom, oraklu tal-Mulej. [Ġer:31:33] "Imma dan ikun il-patt li għad nagħmel ma' dar Iżrael wara dawk il-jiem, oraklu tal-Mulej. Nqiegħed il-liġi tiegħi fosthom u niktibha f'qalbhom; u jiena nkun Alla tagħhom, u huma jkunu l-poplu tiegħi. [Ġer:31:34] Ma jgħallmux iżjed lil xulxin, u ħadd ma jgħid lil ħuh: 'Agħraf il-Mulej', għaliex ilkoll kemm huma jkunu jafuni, miż-żgħir sal-kbir, oraklu tal-Mulej. Għax jien naħfrilhom ħżunithom, u ħtijiethom aktar ma niftakarhomx."

 

Eżekjel

 

[Eżek:36:16] U ġietni l-kelma tal-Mulej u qalli: …[Eżek:36:22] "Għalhekk għidilhom lid-dar ta' Iżrael: Dan jgħid Sidi l-Mulej: M'hux minħabba fikom sejjer nagħmel dan, dar Iżrael, iżda minħabba f'ismi l-qaddis li intom kasbartu fost il-ġnus fejn mortu. [Eżek:36:23] Jien inqaddes ismi l-kbir, mkasbar minnkom fost il-ġnus, li f'nofshom kasbartuh, u l-ġnus ikunu jafu li jiena l-Mulej, meta nuri qdusiti fikom quddiem għajnejkom, oraklu ta' Sidi l-Mulej, [Eżek:36:24] meta neħodkom minn fost il-ġnus u niġmagħkom mill-artijiet kollha, u nerġa' ndaħħalkom f'artkom.

[Eżek:36:25] "U nroxx fuqkom ilma safi, u tissaffew mit-tinġis kollu tagħkom; mill-idoli kollha tagħkom insaffikom. [Eżek:36:26] U nagħtikom qalb ġdida, u ruħ ġdida nqiegħed ġo fikom; u nneħħi minn ġisimkom il-qalb tal-ġebel u nagħtikom qalb tal-laħam flokha. [Eżek:36:27] U nqiegħed ruħi ġo fikom, u nagħmel li timxu skond il-kmandamenti tiegħi, u li żżommu l-preċetti tiegħi u tħarsuhom. [Eżek:36:28] U tgħammru fl-art li tajt 'il missirijietkom, u intom tkunu l-poplu tiegħi u jiena nkun Alla tagħkom…. [Eżek:36:31] Mbagħad tiftakru fl-imġiba ħażina tagħkom u fl-għemejjel ħżiena tagħkom. U tistmerru lilkom infuskom għall-ħażen tagħkom u għall-għemejjel mistkerrha tagħkom.

 

Isaija

[Is:54:7] Għal ftit jien tlaqtek;

imma bi mħabba bla qjies jien nerġa' niġbrok.

[Is:54:8] Fis-saħna tal-korla ħbejt wiċċi għal ftit

 minnek;

bi mħabba ta' dejjem inħenn għalik,

jgħid il-Mulej, il-Feddej tiegħek.

 

[Is:54:9] Dan għalija bħal fi żmien Noè,

meta ħlift li l-ilma ma jerġax jgħarraq l-art.

Hekk naħlef issa li ma nisħonx aktar għalik,

u lanqas ma nċanfrek.

[Is:54:10] Jistgħu jitħarrku l-muntanji,

jitheżhżu l-għoljiet,

imma mħabbti minn miegħek ma titħarrikx,

u s-sliem tal-patt tiegħi ma jitheżhiżx,

jgħid il-Mulej li jħenn għalik.

 

Hosegħa

[Hos:2:18] U jiġri f'dak il-jum, oraklu tal-Mulej, li hi ssejjaħli: 'Żewġi'; lili ma ssejjaħlix 'Sidi', iżjed.

[Hos:2:19] Nneħħilha minn fommha isem il-Bagħalim u isimhom ma ssemmihx aktar.

[Hos:2:20] U f'dak il-jum nagħmel patt għalihom mal-bhejjem tar-raba' u mat-tjur ta' l-ajru ma' l-annimali li jitkaxkru ma' l-art, u nkisser minn fuq l-art il-qaws, ix-xabla u l-gwerra; kulħadd jorqod moħħu mistrieħ.

[Hos:2:21] "Għal dejjem ngħarrsek miegħi, ngħarrsek miegħi fis-sewwa u l-ħaqq, fl-imħabba u l-ħniena,

[Hos:2:22] b'rabta fidila jiena ngħarrsek miegħi, u int tagħraf lill-Mulej.

[Hos:2:23] F'dak il-jum, oraklu tal-Mulej, is-smewwiet ikollhom tweġiba mingħandi,

[Hos:2:24] u l-art ikollha tweġiba mingħandhom;

 

Malakija

[Mal:3:1] "Araw, jiena se nibgħat il-messaġġier tiegħi biex iħejji t-triq quddiemi, u minnufih jidħol fit-tempju tiegħu s-Sid li intom qegħdin tfittxu; u l-anġlu tal-patt, li intom tixtiequ, arawh, ġej!" jgħid il-Mulej ta' l-eżerċti.

[Mal:3:2] Imma min se jissaporti l-Jum tal-miġja tiegħu? U min hu li se jieqaf meta jidher? Għax hu bħan-nar ta' wieħed li jsaffi u bħas-sapun tal-ħassiela. [Mal:3:3] U joqgħod isaffi u jnaddaf il-fidda, u jnaddaf 'l ulied Levi, u jsaffihom bħad-deheb u l-fidda, u huma jsiru għall-Mulej nies li jagħmlu l-offerta bis-sewwa. [Mal:3:4] U tibda togħġbu lill-Mulej l-offerta ta' Ġuda u ta' Ġerusalemm bħal dari, bħal fis-snin l-imgħoddija.

 

It-tema tat-tiġdid tal-patt kienet waħda komu ni ħafna fost il-profeti tar-Rabta l-Qadima. Il-Patt il-Ġdid li xtaqu l-Profeti ma jisemma qatt li kien issiġillat fil-Kotba tar-Rabta l-Qadima. Kien Ġesù Kristu li jsemmi il-Patt il-Ġdid fil-Vanġelu skond San Mattew.

[Mt:26:26] Huma u jieklu, Ġesù ħa l-ħobż f'idejh, qal il-barka, qasmu, newwlu lid-dixxipli u qal: "Ħudu, kulu, dan hu ġismi." [Mt:26:27] Mbagħad ħa l-kalċi f'idejh, radd il-ħajr, newwlilhom il-kalċi u qal: "Ixorbu lkoll minnu, [Mt:26:28] għax dan huwa demmi, id-demm tal-Patt, li jixxerred għall-kotra għall-maħfra tad-dnubiet.

 

Hawn għandna referenza għat-tixrid tad-demm biex jiġi issiġillat Patt ; hawn għandna patt ġdid li ser jaħfer id-dnubiet. L-istess San Mark. 

[Mk:14:22] Huma u jieklu, ħa l-ħobż f'idejh, qal il-barka, qasmu, newwilhulhom u qal: "Ħudu, dan hu ġismi." [Mk:14:23] Mbagħad ħa kalċi f'idejh, radd il-ħajr, u newwilhulhom, u lkoll xorbu minnu. [Mk:14:24] U qalilhom: "Dan huwa demmi, id-demm tal-patt, li jixxerred għal ħafna.

 

U l-istess f’San Luqa.

[Lq:22:19] Mbagħad ħa l-ħobż, radd il-ħajr, qasmu, newwilhulhom u qal: "Dan hu ġismi li jingħata għalikom; agħmlu dan b'tifkira tiegħi." [Lq:22:20] Hekk ukoll wara l-ikla ħa l-kalċi u qal: "Dan il-kalċi huwa l-Patt il-Ġdid b'demmi, id-demm li jixxerred għalikom. 

 

San Pawl, Fl-Ewwel Ittra lill-Korintin jirrepeti l-istess idea.

[1Kor:11:23] Jien irċevejt mingħand il-Mulej it-tagħlim li għaddejt lilkom, jiġifieri, li l-Mulej Ġesù, fil-lejl li fih kien ittradut, ħa l-ħobż [1Kor:11:24] u wara li radd il-ħajr qasmu u qal: "Dan hu ġismi li jingħata għalikom; agħmlu dan b'tifkira tiegħi." [1Kor:11:25] Hekk ukoll għamel bil-kalċi wara li kiel u qal: "Dan il-kalċi hu l-patt il-ġdid b'demmi; agħmlu dan kull meta tixorbu, b'tifkira tiegħi." [1Kor:11:26] Mela kull meta tieklu dan il-ħobż u tixorbu dan il-kalċi, intom ixxandru l-mewt tal-Mulej sa ma jiġi.

 

Tajjeb li naraw li dejjem għandna il-Kelma Patt il-Ġdid, il-Patt il-Ġdid li kienu ħabbru l-Profeti, il-Patt li ġedded il-Patt il-qadim li kien sar ma’ Abram u li ġġedded ma’ Mose’.

 

Waqt li l-ewwel patt sar ma’ Abram u ġġedded minn Mose’, issa il-protagonista tal-Patt il-Ġdid hu biss l-Mulej Ġesù. Hu l-medjatur bejn Alla il-Missier u l-bnedmin, Anzi hu biss hu l-medjatur. Hu aqwa minn l-istess Mose’.

[Lhud:3:1] Ħuti qaddisin, li għandkom sehem fis-sejħa tas-sema, aħsbu f'appostlu u l-qassis il-kbir tal-fidi li aħna nistqarru, aħsbu f'Ġesù. [Lhud:3:2] Hu kien fidil ma' dak li ħatru kif kien ukoll Mosè fid-dar kollha ta' Alla. [Lhud:3:3] Issa dan Ġesù kien meqjus li jistħoqqlu glorja daqshekk aqwa minn dik ta' Mosè daqs kemm aktar ħaqqu ġieħ il-bennej mid-dar li jkun bena.

 

Hu waħdu l-qassis il-Kbir li joffri s-sagrifiċċju għall-maħfra tad-dnubiet tal-bnedmin.

[Lhud:4:14] Mela meta aħna għandna l-qassis il-kbir, li hu tassew kbir, qassis li daħal fis-smewwiet, Ġesù, Bin Alla, ħa nżommu sħiħa l-fidi tagħna u nistqarruha. [Lhud:4:15] Għax aħna ma għandniex qassis il-kbir li ma jistax jagħder id-dgħufija tagħna, imma għandna wieħed li kien imġarrab bħalna f'kollox, minbarra d-dnub. [Lhud:4:16] Ħa nersqu, mela, b'qalbna qawwija lejn it-tron tal-grazzja, biex naqilgħu ħniena u nsibu f'waqtha l-grazzja li neħtieġu. Lhud:7:24] Imma Ġesù, billi jibqa' għal dejjem, għandu saċerdozju li ma jintemm qatt. [Lhud:7:25] Għalhekk ukoll huwa jista' jsalva għalkollox 'il dawk li bih jersqu lejn Alla, ladarba hu jibqa' għal dejjem ħaj biex jidħol għalihom.

 

Hu waħdu l-vitma l- b’demmu ksibna il-fidwa u l-maħfra tad-dnubiet

[Lhud:7:26] Dan hu, tabilħaqq, il-qassis il-kbir li kien jgħodd għalina: qaddis, innoċenti, safi, maqtugħ mill-midinbin, merfugħ 'il fuq mis-smewwiet; [Lhud:7:27] li ma għandux bżonn, bħall-qassisin il-kbar l-oħra, joffri kuljum is-sagrifiċċju, l-ewwel għad-dnubiet tiegħu stess, mbagħad għad-dnubiet tal-poplu. Dan hu għamlu darba għal dejjem, meta offra lilu nnifsu. [Lhud:7:28] Għax il-Liġi tqiegħed bħala qassisin il-kbar bnedmin li huma dgħajfa; iżda l-kelma tal-ġurament, li ġiet wara l-Liġi, tqiegħed Iben, li ġie magħmul perfett għal dejjem.

 

Il-Qawmien mill-Mewt tal-Mulej.

Għall-ewwel insara, il-bażi ewlenija tal-fidi tagħhom kienet l-aħbar tal-qawmien mill-mewt ta’ Ġesù. Kienet aħbar inkredibli. Ebda bniedem ma miet maqtul b’mewt daqshekk vjolenti u qam wara tliet ijiem. L-anqas l-appostli stess li rawh wara li qam ma riedu jemmnu u stħajlu li kienu qegħdin jaraw fatat jew fantażma.

B’għaqal kbir, Ġesù jurihom li hu tassew qam mill-mewt, uriehom u ħalliehom imissu il-pjagi tiegħu, kiel magħhom fuq il-mejda u mexa magħhom triq ta’ xi żewġ mili minn Ġerusalemm għal Għemmaws. Wara tahom ordni biex ixandru l-aħbar it-tajba tiegħu lill-ġnus kollha.

 

Mill-ewwel, l-appostli raw fil-qawmien ta’ Ġesù l-milja ta’ dak kollu li kien miktub fir-Rabta l-Qadima. 

[1Kor:15:1] Ħuti, irrid infakkarkom fl-Evanġelju li xandarnielkom u li intom ilqajtu u li fih qegħdin iżżommu sħiħ. [1Kor:15:2] Bih intom salvi bil-kelma li jien ħabbartilkom, kemm-il darba żżommuha, jekk ma emmintux għal xejn. [1Kor:15:3] Qabel xejn, jien għallimtkom dak li tgħallimt jien, jiġifieri, li Kristu miet minħabba dnubietna, skond l-Iskrittura; [1Kor:15:4] difnuh u qam mill-imwiet fit-tielet jum, skond l-Iskrittura. [1Kor:15:5] U deher lil Kefa, u mbagħad lit-Tnax. [1Kor:15:6] Deher imbagħad lil aktar minn ħames mitt aħwa flimkien. Ħafna minnhom għadhom ħajjin sa llum; xi wħud minnhom raqdu. [1Kor:15:7] Mbagħad deher lil Ġakbu u lill-appostli kollha. [1Kor:15:8] Fl-aħħar deher lili wkoll wara kulħadd, ...[1Kor:15:11] Imma sew huma u sew jien, dan aħna xandarna, u dan emmintu intom.

 

Araw kemm San Pawl jagħti importanza lil qawmien ta’ Kristu u kif jorbot ir-Rabta l-Qadima mar-Rabta l-Ġdida.

[1Kor:15:17] U jekk Kristu ma kienx imqajjem, fiergħa l-fidi tagħkom, u intom għadkom fi dnubietkom.

[1Kor:15:20] Imma Kristu kien imqajjem tassew mill-imwiet, l-ewwel frott fost dawk li raqdu. [1Kor:15:21] Għaliex, jekk permezz ta' bniedem feġġet il-mewt, bi bniedem ukoll iseħħ il-qawmien mill-imwiet. [1Kor:15:22] Għax bħalma l-bnedmin kollha jmutu f'Adam, hekk ilkoll jiksbu l-ħajja fi Kristu.

 

Jekk naqraw id-diskorsi ta’ San Pietru fl-Atti tal-Appostli naraw kif hu kien ixandar il-qawmien mill-mewt ta’ Ġesù u jorbtu ma’ dak li nkiteb fir-Rabta l-Qadima.

 

Nhar Għid il-Ħamsin. 

[Atti:2:22] "Poplu ta' Iżrael, isimgħu dan li se ngħidilkom. Ġesù ta' Nazaret kien bniedem li Alla takom prova tiegħu permezz tal-mirakli u l-għeġubijiet u s-sinjali li għamel bih fostkom, kif intom stess tafu. [Atti:2:23] Lil dan Ġesù, Alla telaqhulkom f'idejkom skond l-għerf u l-pjan li fassal minn qabel, u intom neħħejtuh billi sallabtuh permezz ta' nies ħżiena; [Atti:2:24] imma Alla qajjmu mill-imwiet billi ħall l-irbit tal-mewt, għaliex ma setax ikun li l-mewt iżżommu taħt is-setgħa tagħha. [Atti:2:25] Għax David jgħid fuqu,  ‘Żammejt lill-Mulej dejjem quddiemi,  għax hu fuq il-lemin tiegħi, biex qatt ma nitħarrek.

 [Atti:2:26] Għalhekk ferħet qalbi  u mtela bl-hena lsieni;  u ġismi wkoll jistrieħ fit-tama,

 [Atti:2:27] għax inti ma titlaqx fl-imwiet lil ruħi,  u ma tħallix il-Qaddis tiegħek jara t-taħsir.

 

Meta fejjaq lil magħtub fil-bieb tat-tempju ta’ Ġerusalemm.

[Atti:3:13] Alla ta' Abraham, Alla ta' Iżakk, u Alla ta' Ġakobb, Alla ta' missirijietna gglorifika lill-qaddej tiegħu, Ġesù, li intom ittradejtuh u ċħadtuh quddiem Pilatu, għalkemm dan kien qatagħha li jitilqu. [Atti:3:14] Intom ċħadtu l-Qaddis u l-Ġust, tlabtu l-ħelsien ta' wieħed qattiel [Atti:3:15] u qtiltu lill-Awtur tal-ħajja. Imma Alla qajjmu mill-imwiet, u ta' dan aħna xhieda. [Atti:3:16] Kien bl-isem ta' Ġesù, u permezz tal-fidi f'dan l-isem, li dan ir-raġel, li intom tafuh u qegħdin tarawh, ħa saħħtu; hija l-fidi fih li tatu saħħtu għal kollox quddiemkom ilkoll. [Atti:3:17] Issa, ħuti, jiena naf li kemm intom u kemm il-kapijiet tagħkom, għamiltu dan għaliex ma kontux tafu. [Atti:3:18] Imma b'hekk Alla temm dak li hu kien ħabbar sa minn qabel b'fomm il-profeti, jiġifieri, li l-Messija tiegħu kellu jbati.

 

Meta ħadu lil Pietru u lil Ġwanni quddiem is-Sinedriju

[Atti:4:8] Pietru, mimli bl-Ispirtu s-Santu, wieġeb: "Kapijiet tal-poplu u xjuħ, [Atti:4:9] intom illum qegħdin tistħarrġuna fuq il-ġid li għamilna lil wieħed marid, u biex dan fieq. [Atti:4:10] Mela kunu afu intom ilkoll, u l-poplu kollu ta' Iżrael: jekk dan ir-raġel hu hawn quddiemkom qawwi u sħiħ, dan ġara bis-saħħa ta' l-isem ta' Ġesù Kristu ta' Nazaret, li intom sallabtuh u Alla qajjmu mill-imwiet. [Atti:4:11] Din hi ‘Il-ġebla li intom, il-bennejja, warrbtu u li saret il-ġebla tax-xewka.’

 

Hekk, il-predikazzjoni tal-Ewwel appostli, u l-ewwel kitbiet tagħhom tista tiftiehem biss fil-kuntest ta’ dan il-Patt il-Ġdid imħabbar mill-profeti. Is-sagrifiċċju ta’ Kristu li jxerred demmu fuq is-salib jiftiehem fil-kuntest tat-twettieq tal-Patt bit-tixrid tad-demm fir-Rabta il-Qadima, is-saċerdozzju ta’ Kristu hu l-perfezzjoni tar-rwol tas-saċerdozzju fir-Rabta l-Qadima, Kristu l-Medjatur bejn Alla u l-bniedem hu l-Mosè tal-Patt il-Ġdid. Għan-nisrani, il-Kotba tar-Rabta l-Qadima jiksbu sens ġdid fi Kristu. Ir-Rivelazzjoni kollha tingħaqad madwar il-figura ta’ Kristu li qam mill-mewt. Fi Kristu issa nistgħu naraw lil Alla, naraw kemm iħobbna, naraw xi jrid minna, narawh kif jgħina u jkun magħna. Naraw kif il-wegħdiet tiegħu iseħħu.

 

Il-Katekiżmu tal-Knisja Kattolika jgħidilna

 L-GĦAQDA TAT-TESTMENT IL-QADIM U TAT-TESTMENT IL-ĠDID

128 Il-Knisja sa minn żmien l-Appostli (ara 1 Kor 10,6.11; Lh 10,1; 1 Piet 3.21), u mbagħad, fit-Tradizzjoni tagħha, dejjem uriet ċar li wieħed hu l-pjan ta’ Alla, fiż-żewġ Testmenti, u dan permezz tat-tipoloġija. Din fl-għemil ta’ Alla ta’ żmien il-Patt il-Qadim tara tħabbira minn qabel ta’ dak li Alla għamel fil-milja taż-żminijiet fil-Persuna ta’ Ibnu magħmul bniedem.

129 L-insara mela jaqraw it-Testment il-Qadim fid-dawl ta’ Kristu mejjet u rxoxt. Dan il-qari tipoloġiku juri li dak li hemm fit-Testment il-Qadim ma jintemm qatt. Dan ma għandux inessina li t-Testment il-Qadim għandu s-siwi proprju tiegħuta’ Rivelazzjoni kif tenna l-Mulej tagħna stess (ara Mk 12,29-31). Madankollu t-Testment il-Ġdid ukoll jitlob li jinqara fid-dawl tat-Testment il-Qadim. Il-katekeżi nisranija ta’ l-ewwel żminijiet dejjem irrikorriet għalih (ara 1 Kor 5,6-8; 10,1-11). Skond qawl antik, it-Testment il-Ġdid hu moħbi fil-Qadim, waqt li l-Qadim jinkixef fil-Ġdid. “Novum in Vetere latet et in Novo Vetus patet”.[1]

130 It-tipoloġija tfisser id-dinamiżmu lejn it-tmiem tal-pjan ta’ Alla meta “Alla jkun kollox f’kollox” (1 Kor. 15,28). Hekk is-sejħa tal-patrijarki u l-ħruġ mill-Eġittu, biex insemmu eżempju, ma jitilfux is-siwi proprju tagħhom fil-pjan ta’ Alla, għax fil-fatt huma fl-istess ħin stadji intermedji tal-pjan.”

 

Għalhekk, għan-nisrani, il-Kotba Mqaddsa, il-Bibbja, l-iskrittura, tagħmel sens biss jekk naqrawha fid-dawl ta’ Kristu. Mhix ktieb ta’ storja tal-qedem u anqas imprezzabli bħala letteratura. Hu biss fid-dawl ta’ Kristu l-Mulej li dawn il-kotba jiksbu il-ġieħ, l-importanza u l-qdusija tagħhom bħala IL-KELMA TA’ ALLA.

 


[1] Santu Wistin, Quaestiones in Heptateucum 2, 71; PL 34, 623; ara Konċ. Vatikan II, Dei Verbum, 16.