IL-FORMAZZJONI TAT-TESTMENT IL-QADIM

Il-Kanoni (il-lista tal-kotba) tat-Testment il-Qadim għandha storja interessanti.Qabel xejn, irridu ngħidu li l-Kotba Sagri tal-Lhud jinqassmu fi tliet sezzjonijiet. L-ewwel għandna l-Liġi, jew kif isejħulha huma, it-Torah. It-tieni sezzjoni hi s-sezzjoni tal-profeti. Huma jirreferu għaliha bħala in-Nebihim (mill-kelma Nabi, li tfisser Profeta). Dawn huma mqassmin f’żewġ gruppi, il-profeti tal-bidu, (li huma Ġożwè, L-Imħallfin, Samwel u s-Slaten) u l-profeti ta’ l-aħħar, (li huma Isaija, Ġeremija, Eżekjel u t-tnax –il profeta ż-żgħar) It-tielet sezzjoni hi l-kitbiet, (bil-Lhudi Ketubin). Il-Lhud kienu jieħdu l-ewwel ittra ta’ dawn it-tliet kelmiet TNK u iffurmaw kelma “Tanak” li tfisser il-kotba kollha flimkien, jew il-Bibbja. Xi Lhud kienu jħobbu jgħaqdu xi kotba flimkien, bħal Ġeremija u l-Lamentazzjonijiet fi ktieb wieħed, it-12 –il profeta ż-żgħar fi ktieb wieħed, u l-bqija  biex in-numru tal-kotba jsir 22, daqskemm għandhom konsonanti fl-alfabett Lhudi.

Sa żmien Ġesù, qatt ma kien hemm xi awtorità Lhudija li ddeċiediet liema huma l-kotba tat-Tanak. (minn issa ‘l quddiem ser nirreferi għalihom bħala it-Testment il-Qadim). Kien hemm min kien jaċċetta biss it-Torah, bħalma kienu is-Sadduċej. Oħrajn kienu jaċċettaw il-kotba li kienu miktubin mill-profeti fiż-żmien qabel il-perjodu meta kienu taħt il-Persjani. Hekk jgħid Josephus Flavius. Dan ma jfissirx li kull ma kien jinkiteb kien ikun aċċettat lanqas. Tant hu hekk li fil-Ktieb ta’ Ġożwè (10.13) insibu referenza għal ktieb li qatt ma nsibuh inkluż fil-kanoni. L-istess nistgħu ngidu għar-referenza li nsibu fil-ktieb tan-Numri (21.14). Dawn il-kotba kienu fost dawk li qatt ma tqiesu bħala kotba sagri. 

F’dawn il-kotba il-Lhud kienu jfittxu l-Istorja tas-Salvazzjoni li tagħthom identità; kienu jfittxu id-djalogu ta’ Alla mal-bniedem li fih jurih imħabbtu u r-rieda mqaddsa tiegħu; kienu jaraw it-tweġiba ta’ missirijiethom u l-konsegwenzi li kienet iġġib din it-tweġiba.

Kien hemm ċerti ċirkustanzi li għenu fl-iżvilupp ta’ dan il-kanoni. Madwar 1000 sena QK, it-tradizzjonijiet li minnhom żvilluppaw il-kotba tal-Liġi bdew jiffurmaw u jinkitbu sa ma nġabru flimkien madwar is-sena 500 jew 400 QK. Fis-7 seklu QK, fi żmien is-Sultan Ġożija, instab il-ktieb tal-Liġi, probabilment, il-ktieb tad-Dewteronomju. Fi żmien l-Eżilju ta’ Babilomja dawn il-kotba kienu mħarsa sewwa u wara fi żmien Nehemija kienu moqrija b’ċelebrazzjoni. Il-Ktieb ta’ Malaki, l-aħħar profeta, nkiteb madwar 450 QK u kien meqjus bħala sagru ħafna żmien wara. Id-dixxipli tal-profeti kienu jgħożżu il-kitbiet tagħhom, jikkupjawhom u jinterpretawhom. Ma naqsux ukoll li żvilluppaw il-kitbiet tagħhom. Hu ċert li sas-sena 400 QK, il-kotba tal-Liġi ħadu l-forma li għandhom illum. Aktarx ukoll ferm qabel.

Komunità ta’ Lhud li kienu jgħixu Lixandra  kienu influenzati mill-kultura Griega u xtaqu li jkollhom dawn il-kotba bil-Grieg. Hemm storja li tgħid li din it-traduzzjoni saret minn 70 studjuż u għalhekk insejħulha il-Bibbja tas-Sebgħin jew Settwaġinta . Din inkludiet it-22 ktieb li semmejna qabel u inkludiet ukoll  15-il ktieb mal-Kitbiet. Dawn kienu kotba li kienu miktubin wara l-oħrajn , bħal ktieb ta’ Ġuditta u l-Ktieb ta’ Danjel li nkitbu wara is-sena 167 QK fiż-żmien li l-Lhud kienu maħkumin mill-Griegi.

Wara l-waqgħa ta’ Ġerusalemm fis-sena 72 AD, xi Lhud iltaqgħu fil-belt ta’ Ġamnija biex jistabilixxu għall-ewwel darba il-kanoni tal-Kotba Mqaddsa.. Dan kien fis-sena 90 AD. Sadattant, l-ewwel insara kienu bdew jużaw is-Settwaġinta, għax il-Grieġ kien il-lingwa tal-predikazzjoni u tal-liturġija tagħhom. Biżżejjed tgħid li l-Kotba tat-Testment il-Ġdid inkitbu bil-Grieg. Il-Lhud ma ħadux gost jaraw l-insara jużaw il-Kotba tagħhom. Għalhekk iddeċiedew li jżommu biss dawk it-22 ktieb li semmejna qabel. B’hekk il-kotba li żdiedu fis- Settwaġinta  ma nkludewwhomx.

L-insara wkoll kienu jqisu dawn il-15–il ktieb bħala żjieda u kienu jsejħulhom “dewtrokanoniċi”. Xi għorrief tal-Knisja wkoll kellhom xi diffikultajiet dwarhom. San Girolmu, għalkemm kien konxju ta’ dawn id-diffikultajiet, traduċiehom mal-kumplament meta ttraduċa l-Bibbja għal-Latin. Din it-Traduzzjoni nsejħulha l-Vulgata. Din kienet il-verżjoni li baqgħet tintuża fil-Liturġija tal-Knisja sa żmien il-Konċilju Vatikan II. Kien il-Konċilju ta’ Firenze fl-1441 li stabilixxa l-lista tat-73 ktieb tal-Bibbja.

Sadattant, Luteru li beda r-riforma Protestanta, kien jisħaq li l-Bibbja tinqara bil-lingwa tal-post u hu qaleb il-Bibbja għall-Ġermaniż. Meta ġie għat-Testment il-Qadim, żamm il-lista tal-kotba li kienu approvaw il-Lhud ta’ Ġamnija u għalhekk il-Bibbja Protestanta fiha anqas kotba mill-Bibbja Kattolika.