IL-KMANDAMENTI U L-BEATITUDNIJIET

Il-Katekiżmu tal-Knisja Kattolika jibda it-taqsima tiegħu dwar il-kmandamenti (KKK 2052) bid-domanda li żagħżugħ għamel lil Ġesù, “X’għandi nagħmel biex ikolli l-ħajja ta’ dejjem?”.  It-tweġiba ta’ Ġesù kienet, “Ħares il-kmandamenti.”  Din it-tweġiba ta’ Ġesù turi mill-ewwel l-importanza tal-kmandamenti fil-ħajja nisranija. Fuq kollox twaqqa dak li ġieli jingħad li l-kmandamenti kienu biss għall-poplu ta’ Alla ta-testment il-Qadim filwaqt li insara, li huma l-poplu ta’ Alla tat-Testment il-Ġdid hemm il-beatitudnijiet. Dwar dan Kristu kien ċar ħafna sa mill-bidu tal-missjoni tiegħu.

Xejn taħsbu li ġejt inwaqqa’ l-Liġi jew il-Profeti: jiena ma ġejtx biex inwaqqagħhom, iżda biex inwassalhom għall-perfezzjoni. Tassew, ngħidilkom, li sa ma jkunu għaddew is-sema u l-art anqas l-iżgħar ittra jew tikka waħda mil-Liġi ma titneħħa sa ma jkun seħħ kollox. Jekk mela xi ħadd iġib fix-xejn wieħed mill-iżgħar minn daw il-kmandamenti u jgħallem lin-nies biex jagħmlu l-istess dan jissejjaħ l-iżgħar fis-Saltna tas-Smewwiet, imma min iħarishom u jgħallimhom dan kbir jissejjaħ fis-Saltna tas-Smewwiet.” (Mt 5,17-19).

Il-Kmandamenti

L-għaxar kmandamenti, huma magħrufa wkoll bħala d-Dekalogu, kelma li għalkemm mhux tant komuni fil-lingwaġġ ta’ kuljum, imma tixħet dawl qawwi fuq in-natura tagħhom.  Dekalogu, tfisser għaxar kelmiet u tirreferi għall-għaxar kelmiet li Alla nnifsu ta lill-poplu tiegħu permezz ta’ Mosè eżattament wara li kien għadu kif ħelsu mill-jasar ta’ Eġittu.  Il-kuntest huwa wieħed ċar. Alla ma riedx jimponi liġi li biha jgħassar lill-poplu, imma kellmu biex jurih il-mod kif seta’ jkomli jgawdi dak il-ħelsien li kien għadu kif kiseb. F’dan is-sens, il-kmandamenti, jew aħjar dawn l-għaxar kelmiet mhumiex xkiel għal-libertà tal-bniedem, imma rigal li Alla jagħti flimkien mal-Patt li għamel mal-poplu.

“Huma jkunu l-poplu tiegħi, u jien inkun Alla tagħhom. U nagħtihom qalb waħda u nqabbadhom triq waħda, biex dejjem ikollhom il-biża’ tiegħi għall-ġid tagħhom u ta’ wliedhom warajhom. U nagħmel magħhom patt għal dejjem li ma niqafx milli nagħmlilhom il-ġid. U nqiegħed il-biża’ tiegħi f’qalbhom, biex ma jitbegħdux minni. L-għaxqa tiegħi tkun li nagħmlilhom il-ġid u nħawwilhom f’din l-art fis-sewwa, b’qalbi kollha u b’ruħi kollha.” (Ġer:32:38)

  1. Jiena hu Alla Sidek. Ma jkollokx Alla ieħor għiri

  2. La ssemmix l-isem ta’ Alla fix-xejn.

  3. Ħares il-Ħdud u l-festi kmandati

  4. Weġġah (għati ġieh) lill-missierek u 'l ommok

  5. La toqtolx

  6. La tisraqx

  7. La tiżnix

  8. La tixhidx ħaġa b'oħra

  9. La tixtieqx in-nisa tal-oħrajn

  10. La tixtieqx il-ħwejjeġ tal-oħrajn

Meta staqsewh liema fost dawn il-kmandament il-kbir fil-liġi? (Mt 22:36), Ġesù wieġeb: “Ħobb il-Mulej Alla tiegħek b’qalbek kollha, b’ruħek kollha, b’moħħok kollu. Dan hu l-kmandament il-kbir u l-ewwel wieħed, u t-tieni jixbhu: Ħobb ’il għajrek bħalek innifsek. Dawn iż-żewġ kmandamenti huma l-qofol tal-Liġi kollha u tal-Profeti” (Mt 22:37-40; ara wkoll Dewt 6:5 u Lev 19:18). L-Għaxar Kmandamenti għandhom jitfissru fid-dawl ta’ dan il-kmandament doppju u waħdieni tal-imħabba, li hi l-milja tal-Liġi. (KKK 2055)

 

Id-Dekalogu u l-Liġi Naturali

Għalkemm l-għaxar kmandament kienu mogħtija minn Alla waqt l-Eżodu, madankollu qabel ma naqaxhom fuq it-twavel tal-ġebel, huwa nnifsu kien ħawwel l-għeruq tagħhom f’qalb il-bniedem permezz tal-liġi naturali. Tant hu hekk li anke meta ma kienx hemm il-kmandamenti miktuba, il-bnedem kien diġà jaf jagħraf it-tajjeb mill-ħażin.  Dan għadu jgħodd anke llum fost dawk il-popli fejn il-Kelma ta’ Alla għadha ma tħabbritx.

Għalhekk il-Kmandamenti jew id-Dekalogu huwa espressjoni privileġġjata tal-liġi naturali. (KKK 2070)

 

Il-Beatitudnijiet

Dak li fit-Testment il-Qadim ta permezz ta’ Mosè l-kmandamenti lill-poplu tiegħu, imbagħad fit-Testment il-Ġdid ta wkoll il-Beatitudnijiet permezz ta’ Ibnu.  L-Evanġelista Mattew jippreżenta lil Ġesù li fil-bidu tal-predikazzjoni tiegħu jurina l-programm tal-ħajja nisranija. (Mat 5:1)  

Il-kmandamenti miktuba fuq twavel tal-ġebel kienu bħal karta tal-kostituzzjoni li nisslet il-poplu l-qadim ta’ Alla u ddistingwitu minn popli oħra.  Bl-istess mod, il-beatitudnijiet kienu dik kostituzzjoni li nisslet poplu ġdid.

Għalhekk kien meħtieġ li l-liġi tal-antika titwassal għall-perfezzjoni, mhux għaliex kif ta Alla nnifsu ma kienetx perfetta, imma għaliex matul iż-żmien, l-interpretazzjoni u l-osservanza tagħha ma kienux dejjem dak li kellhom ikun.  Tant hu hekk li Kristu nnifsu juża diversi drabi l-kliem, “Smajtu x’intqal lin-nies ta’ dari ... imma jiena ngħidilkom ...” (Mt 5:21, 27, 33, 38, 43)

Illum ukoll spiss tinħass il-ħtieġa li niflu mill-ġdid kemm il-Kmadamenti u kemm il-Beatitudnijiet, mhux biex naraw jekk dawn għadhomx jgħoddu għal żmienna, imma biex neżaminaw lilna nfusna bid-dawl tagħhom. Naraw jekk il-mod kif aħna qed nifhmuhom u ngħixuhom illum għadux fidil mal-kelma u l-ispirtu li bih inkitbu minn Alla fuq il-Muntanja Sinai u tlissnu minn Kristu fuq il-Muntanja tal-Beatitudnijiet.

Dan il-bżonn joħroġ ċar mill-fatt li anke fejn jidħlu saħansitra valuri umani mill-aktar fundamentali bħal ma hija l-ħajja tal-bniedem, issib anke fostna l-insara minn jipprova jdur dawra tond mal-liġi ta’ Alla u jinterpretha kif ikun jaqbel fiċ-ċirkustanzi.  Hija ħasra li minkejja l-elfejn sena ta’ tradizzjoni u kultura nisranija, spiss għadna nfittxu l-hena tagħna f’kollox minbarra fil-beatitudnijiet mlissna minn Kristu propju bħala għejjun tal-hena.

▪  Henjin il-foqra fl-Ispirtu, għax tagħhom hija s-Saltna tas-smewwiet.

▪  Henjin l-imnikktin, għax huma jkunu mfarrġa.

▪  Henjin ta’ qalbhom ħelwa, għax huma jkollhom b’wirthom l-art.

▪  Henjin dawk li huma bil-ġuħ u l-għatx tal-ġustizzja, għax huma jkunu mxebbgħin.

▪  Henjin dawk li jħennu, għax huma jsibu ħniena.

▪  Henjin dawk li huma safja f’qalbhom, għax huma jaraw ’l Alla.

▪  Henjin dawk li jġibu l-paċi, għax jissejħu wlied Alla.

▪  Henjin dawk li huma ppersegwitati minħabba s-sewwa, għax tagħhom hija s-Saltna tas-smewwiet.

▪  Henjin intom meta jgħajrukom u jippersegwitawkom u jaqilgħu kull xorta ta’ ħażen u gideb kontra tagħkom minħabba fija.  Ifirħu u thennew għax ħlaskom kbir fis-Smewwiet (Mt 5,3-10).

 

Il-beatitudnijiet huma fil-qalba tal-predikazzjoni ta’ Kristu. It-tħabbira tagħhom ittenni l-wegħdiet magħmulin lill-poplu magħżul sa minn żmien Abraham. Twassalhom għat-twettiq tagħhom billi tindirizzahom mhux aktar u mhux biss lejn it-tgawdija ta’ l-art, imma lejn is-Saltna tas-Smewwiet.  (KKK 1716)