IT-TRADIZZJONI

Minn Dun Pawl Sciberras

Kunċett ta’ kontenut (temi, motivi, fatti) stabbli, li normalment jiġi trażmess b’tibdil fil-forma, bil-kliem, bil-kitba jew fil-prattika: hekk insemmu, it-tradizzjoni tal-Patrijarki, it-tradizzjoni Davidika.

Il-Bibbja hi l-ktieb tar-rivelazzjoni: jiġbor fih dak li Alla għarrafna fuqu nnifsu u fuq il-pjan tiegħu tas-salvazzjoni tagħna l-bnedmin. Ir-rivelazzjoni Alla jwassalhielna bil-kelma tiegħu; bil-kelma tiegħu miktuba fil-Kotba Mqaddsa minn nies ispirati minnu. Imma qabel inkitbu l-Kotba Mqaddsa, il-kelma tiegħu bir-rivelazzjoni tagħha kienet hemm fost il-poplu tiegħu mhux bil-kitba, imma bil-fomm ta’ dawk li hu nebbaħ biex jitkellmu f’ismu. Dawn kienu l-profeti. Permezz tagħhom Alla kellem lil dawk ta’ qabilna fit-Testment il-Qadim; imbagħad, meta wasal iż-żmien permezz ta’ Ibnu Ġesù fit-Testment il-Ġdid.

Din hi t-Tradizzjoni. Bdiet bil-kelma bil-fomm, bil-fomm tal-profeti u ta’ Ġesù Kristu u tal-Appostli tiegħu; il-kelma xxandret u għaddiet minn fomm għal ieħor u minn nisel għal ieħor sakemm fl-aħħar tniżżlet bil-kitba fil-Kotba Mqaddsa. Għalhekk ngħidu li qabel il-kitba kien hemm it-tradizzjoni: bil-fomm, it-tradizzjoni orali. Qabel il-kelma miktuba kien hemm l-Evanġelju mxandar bil-fomm ta’ Ġesù, imbagħad kien hemm l-Evanġelju mxandar dwar Ġesù mill-Apostli, u fl-aħħar dak miktub mill-evanġelisti.

Il-Bibbja ħarġet mit-Tradizzjoni. Il-Kotba Mqaddsa sew tat-Testment il-Qadim u sew tat-Testment il-Ġdid huma l-frott tat-Tradizzjoni. Għalhekk it-Tradizzjoni hi wkoll, flimkien mal-Iskrittura Mqaddsa, mezz tar-Rivelazzjoni Divina. “Din it-tradizzjoni Mqaddsa u l-Kotba Mqaddsa taż-żewġ Testmenti huma bħal mera li fiha l-Knisja li għadha miexja fuq l-art tikkontempla ʼl Alla li minnu tirċievi kollox sakemm tasal biex tarah wiċċ imb wiċċ kif inhu” (Dei Verbum, 7).

 

Ara l-filmat minn Dun Pawl Sciberras ...