FIL-BIBBJA MHEMMX ŻBALJI

Minn Dun Pawl Sciberras

Konsegwenza ewlenija tal-fatt li l-Bibbja hija ispirata f’kull aspett tagħha (letterarju, messaġġ ...) hija l-inerranza tagħha, jiġifieri l-Bibbja ma jistax ikollha żbalji. Fil-Bibbja Alla jikkomunika l-verità salvifika, il-verità li ssalva, lill-bnedmin, li minnhom u għalihom (bl-ispirazzjoni tal-Ispirtu s-Santu) hi miktuba. La hija l-verità li ssalva ma jistax ikollha żbalji fiha: verità żbaljata ma hi verità xejn.

Din il-verità toħroġ b’mod progressiv minn dak li hemm miktub fil-Bibbja, għandha ċ-ċentru u l-fus tagħha fi Kristu Ġesù, u nsibuha fil-Bibbja sħiħa. “L-Iskrittura kollha hija mnebbħa minn Alla” (2 Tim 3:16). Biex napprezzaw il-verità li titwassal lilna fil-kotba singoli, individwali, wieħed wieħed, jeħtiġilna niflu tajjeb l-intenzjonijiet, presupposti, il-kuntest u l-modi ta’ espressjoni tal-awturi u tat-tradizzjonijiet warajhom (Dei Verbum, 12).

Il-modi ta’ espressjoni: fil-ktieb ta’ Ġożwè 10:12-14, Ġożwè jwaqqaf ix-xemx biex ma jidlamx u jkompli jirbaħ lill-Amurrin, għedewwa ta’ Iżrael. Xjentifikament dan ma jistax isir, għax ix-xemx ma titħarrikx u hija d-dinja li ddur madwarha. Allura l-Bibbja żbaljata, almenu f’dan id-dettall xjentifiku?

F’Isaija 38: is-Sultan tajjeb Ħeżekija jimrad u jkun qiegħed imut. Il-profea Isaija bin Amos jgħidlu li se jmut dalwaqt. Barra minn hekk, il-qawwa militari tal-Assiri ġejja kontrih. Ħeżekija jibki biki kbir. Jitlob lil Alla, jgħidlu li hu pprova jagħmel it-tajjeb. Il-profeta Isaija jerġa’ jmur għandu u jgħidlu li Alla ħenn għalih u se jħallih jgħix 15-il sena oħra; l-Assirja mhix se tirbaħ lil Ġerusalemm. Is-sinjal għal dawn iż-żewġ grazzji kien li x-xemx se terġa’ lura sitt tarġiet fuq it-taraġ ta’ Aħaż fil-palazz. Żball mil-lat tax-xjenza naturali?

Huwa fatt li aħna hekk nitkellmu: ix-xemx tinżel u x-xemx titla’. Jekk naraw jew nisimgħu bullettini tat-temp anke minn uffiċjali għolja ħafna fil-meteoroloġija u l-avjazzjoni, anke llum fl-2020 hekk jgħidu: għada x-xemx se titla’ fit-tali ħin u se tinżel fit-tali ħin. Żball xjentifiku u metjoroloġiku jew l-intenzjoni tal-awtur kienet li juri l-għajnuna li Alla ta lil-Lhud f’dak il-mument meta kienu qed jissetiljaw fl-Art Imwegħda?

Il-Bibbja mhix ktieb tax-xjenza, imma tal-messaġġ tas-salvazzjoni.

Meta San Luqa jirrakkonta l-istorja ta meta Ġużeppi u Marija ħadu lit-tarbija Ġesù fit-tempju, jgħid li kien għalqilhom iż-żmien tal-purifikazzjoni “tagħhom” (Lq 2:22). Imma l-purifikazzjoni kienet issir biss għall-omm (40 jum għal tifel u 80 jum għal tifla). Nuqqas ta’ tagħrif ta’ drawwiet tal-Lhud ma jnaqqas xejn mill-messaġġ ewlieni tar-rakkont u tal-ġrajja: kemm Marija u kemm Ġesù irċevew il-profezija dwarhom. Marija bħala dik li sejf tal-kuntradizzjoni se jinfdilha ruħha, u t-tarbija Ġesù li se jkun is-salvazzjoni tal-bnedmin kollha, Lhud u ġnus (Lq 2:31-32). Luqa ried li kemm l-omm u kemm it-tarbija jkunu fit-Tempju meta Xmun jagħmel il-profezija tiegħu; allura jgħid li marru għall-purifikazzjoni tat-tnejn.

Żball ta’ għarfien kulturali, jew l-awtur uża drawwa u estendiha biex iwassal messaġġ universali? Il-Bibbja mhix ktieb ta’ soċjoloġija reliġjuża imma messaġġ ta’ salvazzjoni.

Iċ-ċensiment ta’ meta twieled Ġesù f’Betleħem: ma nafux li kien hemm xi ċensiment universali fi żmien meta twieled Ġesù. Li jagħmel Luqa hu li jaqbad ċensiment reġjonali li kien sar veru fi żmien meta Kirinu kien gvernatur tas-Sirja u jestendih għad-dinja tal-Imperu Ruman kollu, biex Ġesù jerġa’ jidħol bħala salvatur universali tal-ħolqien kollu. Żball storiku jew intenzjoni differenti tal-awtur? Il-Bibbja mhix ktieb tal-istorja, u allura dak li hemm miktub mhux intenzjonat li jwassal preċiżjoni storika kif nifhmuha llum.

L-inerranza hija wkoll karatteristika tas-sensittività tal-verità murija mill-Poplu kollu ta’ Alla. Immexxija mill-Ispirtu s-Santu, il-Knisja ma tistax tiżbalja f’dak li għandu x’jaqsam mal-fidi u l-morali, anke jekk ir-rivelazzjoni hija gradwali, timxi mal-pass tal-bniedem, skont kif il-bniedem jista’ jifhimha.

 

Ara l-filmat minn Dun Pawl Sciberras ...