IR-RIVELAZZJONI

Minn Dun Pawl Sciberras

Il-kelma “rivelazzjoni” ġejja mil-Latin re-velare, tneħħi l-velu, twarrab l-għata minn fuq xi ħaġa; rivelazzjoni tfisser il-manifestazzajoni, il-kxif, il-ħruġ għad-dawl ta’ dak li hu moħbi għal għajnejna u mistur għal moħħna.

Il-Bibbja hija l-ktieb tar-rivelazzjoni. Hi l-kelma ta’ Alla, il-kelma ispirata minnu u miktuba b’idejn il-bniedem biex biha Alla jgħarrafna lilu nnifsu u l-pjan tiegħu għas-salvazzjoni tal-bnedmin.

Il-bniedem, barra mill-għeġubijiet tan-natura li jara b’għajnejh, jissoponi li ʼl fuq minnhom hemm forzi oħra li ma jarax b’għajnejh. Mill-istess fenomeni naturali, l-aktar dawk ta’ qawwa, saħħa u forza kbira, jimmaġina li hemm realtajiet aqwa minnhom.

Dan hu dak li nsejħulu ‘divin’. U billi hu sopranaturali (ʼl fuq min-natura) u traxxendentali (ʼl fuq mir-raġuni umana), ma nistgħux nagħrfuh mingħajr rivelazzjoni. Għalina hu Alla li ħalaq is-sema u l-art. L-awturi tal-Bibbja fid-dawl tar-rivelazzjoni raw u għarfu fl-istess fenomeni, fl-istess storja bħala history tal-bniedem u tal-Poplu Lhudi, ʼl Alla, li hu wieħed.

 

Alla wera lilu nnifsu fil-ħolqien

Il-Bibbja tkompli turina kif Alla rrivela lilu nnifsu u l-pjan tiegħu fl-Istorja ta’ Iżrael, ngħidu aħna f’wieħed mill-aqwa mumenti meta Alla qal ismu lil Mosč ħdejn is-siġra taqbad: “Jien hu dak li hu” (Ġen 3:14), u bil-fomm tal-profeti, dawk li tkellmu f’isem Alla. Mill-kotba tal-profeti nagħrfu li r-rivelazzjoni profetika kienet tasal għandhom f’żewġ modi: bil-viżjonijiet (Iż 6:1 fit-Tempju tas-Sema; Eżek 1:1 ħdejn ix-Xmara Kebar fl-Eżilju) u bl-ispirazzjoni tal-Kelma, bid-dawl li biha Alla kien jagħtihom biex bih setgħu jifhmu l-pjan tiegħu (Ġer 1:4.11).

Naturalment l-aqwa mod kif Alla wera lilu nnifsu lill-bniedmin b’mod li l-iktar setgħu jifhmuh kien permezz ta’ Ibnu Ġesů: “Il-Verb ta’ Alla sar bniedem u waqqaf it-tinda tiegħu f’nofsna” (Ġw 1:14). Hu ġie fid-dinja biex iwassal il-Liġi u l-Profeti għall-perfezzjoni (Mt 5:17).

“Ħadd ma jagħraf lill-Missier jekk mhux l-Iben, u dak li l-Iben irid jgħarrafulu” (Mt 11:27; 16:17).

Lil Alla għadu ħadd ma rah; imma għarrafulna l-Iben il-waħdieni ta’ Alla, li hu fi ħdan il-Missier (Ġw 1:18).

Dan id-don tar-rivelazzjoni Ġesů ħallieh lill-Knisja tiegħu, bħala l-komunitŕ ta’ dawk li jemmnu fih, biex tifhmu, tħarsu u xxandru lill-bnedmin kollha.

Għalhekk nemmmnu li r-rivelazzjoni nisranija, għalkemm sħiħa u magħluqa, tista’ tingħaraf aktar u tikber aktar sew fil-ħajja tal-Knisja u sew fil-ħajja tal-membri individwali tagħha.

 

Ara l-filmat minn Dun Pawl Sciberras ...