KELMA TA' ALLA – BIBBJA – SKRITTURA – KOTBA MQADDSA

Minn Dun Pawl Sciberras

 

Il-Motu proprio li ħareġ il-Papa Franġisku fit-30 ta’ Settembru, festa ta’ San Ġlormu, is-saċerdot li qaleb il-Bibbja mil-Lhudi u l-Grieg għal-Latin (il-Vulgata), Aperuit illis, fil-paragrafu 3, jistitwixxi t-Tielet Ħadd Matul is-Sena bħala “Jum il-Kelma ta’ Alla”. Aħna normalment imdorrijin b’Jum il-Bibbja f’Ottubru jew Novembru.

Allura nistaqsu: hemm differenza bejn il-Kelma ta’ Alla, il-Bibbja, l-Iskrittura u l-Kotba Mqaddsa?

Il-Kelma ta’ Alla: Kelma, minnha nnifisha, hija l-epressjoni ta’ dak li hemm fil-moħħ u l-qalb ta’ min jgħidha. F’dan il-każ: ta’ Alla għall-ħolqien tiegħu. Dak li hemm f’moħħ u qalb Alla għall-ħolqien huwa li jrid il-ġid u t-tajjeb, tant li meta ħalaq, kull darba Alla “ra li kien tajjeb”; anzi fl-aħħar ra li “kien tajjeb ħafna” (Ġen 1:31). Il-kelma ta’ Alla hija “ħajja u qawwija” (Lhud 4:12). Iġġib fis-seħħ dak li tgħid: “Alla qal ... u hekk sar” (Ġen 1:3.6.9.11.14.20.24.26). Iżaija: “Bħalma x-xita u s-silġ jinżlumis-smewwiet, u ma jerġgħux lura mnejn ġew bla ma jsaqqu l-art, imma jġegħluha tnissel u tnibbet, u tagħti ż-żerriegħa ʼl min jiżra’ u l-ħobż ʼil min jiekol, hekk jiġri minn kelmti: hija toħroġ minn fommi, u ma terġax lura vojta, imma tagħmel dak li jogħġob lili, u ttemm dak li nkun bgħattha tagħmel” (55:10-11).

Alla juri lilu nnifsu lill-ħolqien li kelmtu tkun ġabet fis-seħħ; Alla juri min hu lill-ħolqien; allura Alla jitkellem mal-ħolqien. Dan jagħmlu billi jagħmel il-ħolqien innifsu.

Għax il-ħolqien innifsu huwa mod kif Alla jitkellem u juri lilu nnifsu. Alla għandu f’qalbu u jrid l-ordni għall- u fil-ħolqien tiegħu stess. Allura Alla ħalaq fl-ordni l-ekoloġija; fl-ekosistema wera kif irid dipendenza ta’ ħolqien fuqieħor u kull ħolqien għandu bżonn il-bqija.

Fis-sinjali u l-ġesti profetiċi tal-profeti nfushom, Alla juri x’irid. Ċerti sinjali tal-profeti, għalkemm huma sinjali konkreti profani ta’ eżilju (Ġer 1:13-14 – “U reġgħet ġietni l-kelma tal-Mulej u qalli: ‘X’inti tara?’ U jien weġibt: ‘Qiegħed nara borma tagħli, u d-dehra tagħha min-naħa tat-tramuntana.’ U l-Mulej weġibni: ‘Mit-tramuntana tfur il-ħsara fuq dawk kollha li jgħammru f’din l-art’”; Eżek 12:7 – “Jiena għamilt kif ordnali l-Mulej, u binhar ħejjejt il-meħtieġ tiegħi, qisu l-meħtieġ ta’ min sejjer fl-eżilju; fil-għaxija ħaffirt toqba fil-ħajt b’idi stess, u mbagħad ħriġt quddiemhom fid-dlam, bis-sorra fuq spallejja”, ta’ mewt (Eżek 24:18 – “Fil-għodu mort inkellem lill-poplu u fil-għaxija mititli marti”; ta’ twelid (Iż 7:14 – “Għalhekk is-sinjal jagħtihulkom Sidi stess: Araw, ix-xebba titqal u tiled iben, u ssemmih Għimmanu-el”), ta’ wegħda messjanika: Mik 5:2 - “Għalhekk il-Mulej jitlaqhom sa meta teħles dik li hi fl-uġigħ tal-ħlas; mbagħad il-bqija ta' ħutu jerġgħu lura fost ulied Iżrael”, isiru “orakli ta’ Sidi l-Mulej”, jew “Kelma tal-Mulej”.

L-Istorja ta’ Iżrael innfisha (p.e., Iżaija jrid li Iżrael iċedi) ssir Storja tas-Salvazzjoni, Storja li ssalva. Issir Kelma ta’ Alla.

Ġesù japplika profezija li nkitbet minn Iżaija għalih innifsu fis-Sinagoga ta’ Nazaret,

Fit-Triq ta’ Għemmaws Ġesù japplika għalih innifsu dak li “kitbu Mosè u l-Profeti fuq il-Messija” u interpreta dak li kien hemm fl-Iskrittra Lhudija kif kien qisu miktub dwaru.

Fit-Tħabbira tat-twelid ta’ Ġesù lil Marija, hi twieġeb: “Ħa jsir minni skont kelmtek”: qalithom lill-anġlu, li kien kellimha mibgħut minn Alla, kif hi tagħmilhom tagħha.

Il-Kelma ssir il-Kelma ta’ Alla għalija llum, avolja nkitbet 2000 – 3000 sena ilu.

“Il-Kelma tal-Mulej” li aħna nwieġbu għaliha, li aħna rroddu ħajr lil Alla għaliha hija l-kelma mħabbra u mhux dik fil-ktieb jew fil-karta. Il-kelma ħajja ta’ Alla għall-bnedmin!

 

Il-kelma ‘Bibbja’ ġejja mill-Grieg Bíblia, plural ta’ Bíblion, li propjament tfisser kotba żgħar. Mill-kelma bíblos, l-isem ta’ pjanta tal-papiru.Jew mill-parċmina jew mill-papiru. Hija ġabra, librerija. Imma issa jindikaw kitba fuq ‘karti’, mhux ġesti jew kliem bil-fomm. L-istess il-kelma Skrittura: titfa’ l-emfasi li issa hemm il-kitba fuq il-karta materjali. Għax dak li fihom dawn il-kotba hu meqjus bħala l-Kelma ta’ Alla wkoll, allura jsiru l-Kotba Mqaddsa, il-Kotba qaddisa.

Fil-Bibbja nnifisha, tintuża l-kelma Bibbja b’riferenza għall-Kotba Mqaddsa jew għal xi wħud minnhom: Lq 4:17 – l-iskroll tal-Profeta Iżaija li minnu qara Ġesù fis-Sinagoga ta’ Nażaret. Ġw 20:30 – il-kotba li kieku jinkitbu li kellu jinkiteb kulma qal u għamel Ġesù. Gal 3:10 – il-ktieb tal-Liġi imma li jiġbor fih il-ħames kotba tal-Pentatewku. 2 Tim 4:13 – San Pawl jitlob lil Timotju jġiblu l-kotba u l-parċmini li ħalla warajh.

Ara filmat minn Dun Paul Sciberras ...

Aperuit Illis li bih il-Papa Franġsiku waqqaf it-Tielet Ħadd matul is-Sena bħala Jum il-Kelma ta' Alla ...