L-ISPIRAZZJONI

L-Ewwel Parti

Minn Dun Paul Sciberras

L-ispirazzjoni hija t-taħrika jew l-imbuttatura u l-gwida mill-Ispirtu s-Santu lill-awturi tal-Bibbja, b’mod li l-kotba tal-Iskrittura setgħu jiġi miktuba b’mod ispirat u għalhekk jissejħu l-Kelma ta’ Alla (ara 2 Tim 3:16 – “L-Iskrittura kollha hija mnebbħa minn Alla, u tiswa biex wieħed jgħallem, iċanfar, iwiddeb u jrawwem fis-sewwa”). Dak li Alla ried jgħid lill-bnedmin qalu f’dak li kitbu l-awturi umani, li kienu awturi veri u mhux biss xi kopisti jew kitbu dak li ġie dettat kelma b’kelma lilhom (ara Dei Verbum 11 – “Il-veritajiet rivelati minn Alla, li huma miġburin u mfissrin fil-kotba tal-Iskrittura Mqaddsa, inkitbu bl-ispirazzjoni tal-Ispirtu s-Santu, Ommna l-Knisja Mqaddsa, b’fidi ġejja mill-Appostli, iżżomm bħala sagri u kanoniċi l-kotba kollha sħaħ sew tat-Testment il-Qadim sew it-Testment il-Ġdid, bil-partijiet kollha tagħhom, għaliex, miktubin bl-ispirazzjoni tal-Ispirtu s-Santu, għandhom 'l Alla bħala awtur u bħala tali kienu mogħtija lill-Knisja. Biex jinkitbu l-Kotba Mqaddsa Alla għażel xi bnedmin u nqeda bihom waqt li ħalliehom jużaw il-fakultajiet u l-kapaċitajiet tagħhom. Hekk, bil-ħidma tiegħu fihom u permezz tagħhom, huma kitbu ta’ veri awturi, dawk il-ħwejjeġ kollha u dak biss li huwa ried li jinkitbu.

Għalhekk, billi dak kollu li l-awturi ispirati, jew aġjografi, kitbu għandna nżommuh bħala dak li ntqal mill-Ispirtu s-Santu, hekk ukoll, bħala konsegwenza, għandna nemmnu li l-Kotba tal-Iskrittura Mqaddsa jgħallmu b’ċertezza, b’fedeltà u mingħajr żbalji l-verità li għas-salvazzjoni tagħna, Alla ried li tinġabar fil-Kotba Mqaddsa. Għalhekk ‘l-Iskrittura kollha hija mnebbħa minn Alla’ [2 Tim 3,16-17]”). Il-Bibbja għalhekk hija l-Kelma ta’ Alla fil-kitbiet tal-bnedmin.

L-ispirazzjoni tat-72/73 ktieb tat-TQ u tat-TĠ kienet parti mill-azzjoni ta’ Alla nnifsu li jġib il-Knisja, il-komunità li temmen, fl-eżistenza sħiħa u kompleta tagħha. Għalhekk il-Bibbja tista’ tissejjaħ il-Ktieb tal-Knisja. Minħabba f’hekk, it-Tradizzjoni għandha importanza kbira ħafna, fundamentali anzi fil-kitba u fl-interpretazzjoni u t-tfissir tagħha.

 

Fit-TĠ il-kelma ispirazzjoni nsibuha f’San Pawl fil-frażi: pãsa graphẽ theópneustos, l-Iskrittura kollha hija mnebbħa (‘minfuħa’) minn Alla, jiġifieri għandha l-Ispirtu ta’ Alla fiha (2 Tm 3,16). Li għandha l-Ispirtu ta’ Alla fiha huwa mod kif inti tirrispetta l-isem ta’ Alla flok tgħid li għandha lil Alla fiha.

San Pietru għandu frażi tixbahha ħafna: jikteb li “l-awturi sagri kienu meta l-bnedmin tkellmu f’isem Alla, dan għamluh għax kienu mqanqlin mill-Ispirtu s-Santu ħupò pneúmatos hagíou pherómenoi, imqanqla (lit. imċaqalqa, jew imbuttati) mill-Ispirtu s-Santu (2 Pt 1,21); għalhekk “meta l-bnedmin tkellmu f’isem Alla, dan għamluh għax kienu mqanqlin mill-Ispirtu s-Santu”.

 

Bħala tifsira grammatikali, theópneustos jista’ jkollha żewġ tifsiriet: dik l-aktar komuni passiva ta’ “imnebbħa” (Alla nefaħ, nebbaħ, ispira l-awtur biex jikteb), jew inkella anke medja, riflessiva ta’ ‘il-kelma tispiralna lura, tonfħilna lura’ lil Alla. Meta naqraw jew nisimgħu l-Kelma ta’ Alla fil-Bibbja, aħna nirċievu mill-kelma lil Alla nnifsu.

 

Xi wħud mill-kotba tal-Bibbja ma nafux min kitibhom (Pentatewku, għalkemm attribwiti lil Mosè; Danjel; Ġona); oħrajn nafu l-awtur min hu għax imniżżel fil-ktieb stess (l-aktar il-kotba tal-Propfeti – Għam 1:1: “Kliem Għamos, li kien mir-rgħajja ta’ Tekuwgħa”). Imma mbagħad il-kliem tal-profeti huwa meqjus bħala “il-kliem ta’ Alla, jew ta’ JĦWH”: Iż 28:14 – “Għalhekk isimgħu l-kelma tal-Mulej” u jkompli bil-profeziji tiegħu; Ġer 2:4: “Isimgħu l-kelma tal-Mulej, dar Ġakobb, u intom il-familji kollha ta’ dar Iżrael” u jkompli bil-lamentazzjoni ta’ Alla kontra l-poplu; Ħos 4:1: “Isimgħu l-kelma tal-Mulej, ulied Iżrael” u jkompli bil-kawża li Alla għandu kontra Iżrael; Ġoel 1:1: “Il-kelma tal-Mulej, li ġiet lil Ġoel bin Petwel”, u jkompli bis-swied il-qalb li għandu Alla għall-qerda ta’ Iżrael.

Il-ftuħ tal-ktieb ta’ Ġeremija huwa l-każ klassiku ta’ kif kliem il-Profeta huwa kliem Alla nnifsu: “Il-kliem ta’ Ġeremija bin Ħilkija, mill-qassisin li kienu f’Għanatot, fl-art ta’ Benjamin. Il-kelma tal-Mulej ġietu fi żmien Ġosija bin Amon, sultan ta’ Ġuda, fis-sena tlittax tas-saltna tiegħu; ġietu wkoll fi żmien Ġeħojakim bin Ġosija, sultan ta’ Ġuda, sa tmiem is-sena ħdax tas-saltna ta’ Sedekija bin Ġosija, sultan ta’ Ġuda, sa meta n-nies ta’ Ġerusalemm ġew eżiljati, fil-ħames xahar.”

Imma mbagħad anke l-passaġġ mill-kliem bil-fomm għall-kliem miktub jidher fil-ktieb ta’ Ġeremija nnifsu bħala li jridu Alla: “U ġara li fir-raba’ sena ta’ Ġeħojakim bin Ġosija, sultan ta’ Ġuda, ġiet din il-kelma lil Ġeremija mingħand il-Mulej u qallu: ‘Ħu romblu tal-kitba, u ikteb fuqu l-kliem kollu li jien għedtlek dwar Iżrael, u dwar Ġuda, u dwar il-ġnus kollha minn mindu kellimtek fi żmien Ġosija sa dan il-jum. Għandu mnejn id-dar ta Ġuda, meta jisimgħu bil-ħsara li għandi f’rasi li nagħmlilhom, jerġgħu kull wieħed lura minn triqtu l-ħażina, u jien naħfrilhom ħżunithom u dnubiethom’” (36:1-3).

 

Allura, kif ġiet il-konvinzjoni li mhux kliem espliċiti tal-profeti jew li qal Ġesù Kristu biss huma “Kelma ta’ Alla”, imma li l-kliem kollu li hemm fil-Bibbja huma Kelma ta’ Alla wkoll? Kif waslet il-Knisja jew il-Komunità li temmen biex taċċetta li l-Ktieb sħiħ tal-Bibbja huwa ktieb sagru, jew ktieb imqaddes, ispirat kollu kemm hu minn Alla?

Fl-ispirazzjoni Alla jagħti qawwa speċjali lill-moħħ uman tal-awtur. Din il-qawwa timbotta, tħarrek, iċċaqlaq ir-rieda tal-awtur uman, u permezz tar-rieda, il-fakultajiet l-oħra, bħall-kreattività, l-istil. Alla ma jmissx direttament ir-rieda tal-awtur uman u l-fakultajiet l-oħra, għax inkella jkun iġiegħel lill-awtur.

 

Ara filmat minn Dun Paul Sciberras ...