RAĠUNI, XJENZA U FIDI

Għal bosta sekli, anzi mal-medda tal-eluf ta’ snin, id-domandi l-aktar bażiċi dwar l-eżistenza tal-bniedem u tal-univers ta’ madwaru, kif ukoll dawk dwar il-kwestjoni tat-tbatija u l-ħażen, taqqlu u forsi anke ħawwdu l-imħuħ ta’ personaġġi kbar, uħud minnhom magħrufa mill-kitbiet li ħallew warajhom. Kien hemm saħansitra min spekula li xejn ma jeżisti, u li dak kollu li naraw madwarna huwa illużjoni, qiegħed biss fl-immaġinazzjoni, huwa sempliċiment ħolma.

Argument mir-raġuni nfisha

Kien hemm oħrajn li rraġunaw bil-maqlub u qalu li biex ikun hemm illużjoni, immaġinazzjoni jew ħolma, allura bilfors irid ikun jeżisti tal-inqas is-suġġett li qed ikollu dik l-illużjoni, li qed jimmagina jew li qiegħed joħlom.  Il-fatt li qed isir xi forma ta’ ruġunament, kemm jekk tajjeb u kemm jekk ħażin, ifisser li hemm xi ħadd li qiegħed jirraġuna. Minn hawn twieldet il-propożizzjoni magħrufa bil-Latin tal-ħassieb, René Descarte, "Cogiti, ergo sum", li tfisser, "Naħseb, allura neżisti".  La qed naħseb, allura ma jistax ikolli dubju dwar l-eżistenza tiegħi.  Anke l-fatt li xi ħadd qed ikollu dubju dwar l-eżistenza tiegħu, għandu jelimina kull dubju dwarha għax jekk jeżisti l-ħassieb, allura xi forma ta’ eżistenza hemm.

Għalhekk meta l-bniedem jasal biex ifittex tweġiba għad-domandi l-aktar profondi tal-eżistenza tiegħu, ċertament ma jistax, jinjora l-użu tar-raġuni. Biss huwa meħtieġ li ngħassu fuqna nfusna ħalli ma naqgħux fl-iżball li dak li ma nifhmuhx, allura huwa falz jew ma jeżistix.

Argument mix-xjenza

L-istess jista’ jiġri fil-qasam xjentifiku. Ix-xjenzi naturali nfushom huma bla dubju ta’ xejn għodda oħra importanti f’idejn il-bniedem u meta jkunu mħaddma tajjeb jistgħu jwassluna eqreb lejn il-verità u lejn tweġiba għad-domandi tagħna.  Imma anke hawn jeħtieġ ma nagħmlux l-iżball komuni li naħsbu li jeżisti biss dak li nistgħu nosservaw bis-sensi tagħna jew neżaminaw b’metodi xtentifiċi.

Fl-istess ħajja tal-bniedem nistgħu nosservaw valuri għolja, bħal ma huma l-imħabba inkondizzjonata u altruwista, il-ħniena, il-maħfra, is-sagrifiċċju, l-indiema, u tant oħrajn li ma jistgħu qatt jitkejjlu jew ikunu studjati b’mezzi u metodi xjentifiċi waħedhom.

Argument mill-fidi

“Il-fidi hija l-pedament tal-ħwejjeġ li għandna nittamaw, hija l-prova tal-ħwejjeġ li ma jidhrux” (Lh. 11,1)

Il-fidi la tmur kontra r-raġuni u lanqas teskludiha. Infatti l-Knisja tgħallem li Alla, bidu u tmiem ta’ kollox, jista’ jkun magħruf b’mod żgur bid-dawl naturali tar-raġuni tal-bniedem permezz tal-ħlejjaq. Mingħajr din il-ħila, il-bniedem ma jistax jilqa’ r-rivelazzjoni ta’ Alla. Iżda minħabba l-kondizzjoni storika li fiha jinsab, il-bniedem isib ħafna diffikultajiet biex jagħraf ‘l Alla bid-dawl biss tar-raġuni tiegħu. (KKK 36, 37)  Infatti il-fidi tfittex li tifhem għax hija fin-natura tal-fidi li min jemmen ikun jixtieq jaf aktar lil Dak li fih jemmen u jifhem aħjar dak li rrivela. (KKK 158)

Għalhekk, għalkemm il-fidi hi aqwa mir-raġuni, ma jista’ qatt ikun hemm nuqqas ta’ qbil bejniethom: għax hu l-istess Alla li jirrivela l-misteri u jagħti l-fidi, li qiegħed id-dawl tar-raġuni fl-ispirtu tal-bniedem. (KKK 159)

L-istess jista’ jingħad għar-relazzjoni bejn il-fidi u x-xjenza.  Ir-riċerka metodika fl-oqsma kollha tal-għerf, jekk issir b’mod verament xjentifiku u timxi skont normi morali, qatt ma se tkun tassew kontra l-fidi: għax kemm ir-realtajiet profani u kemm ir-realtajiet tal-fidi, it-tnejn ġejjin minn Alla. (KKK 159)

Minn dan jidher ċar li biex il-bniedem jasal li jibda jifhem xi ftit it-tweġiba għad-domandi kbar tiegħu dwaru nnifsu, dwar il-ħolqien ta’ madwaru u dwar il-preżenza tat-tbatija u l-ħażen fil-ħajja, irid kontinwament jagħmel użu minn dawn it-tliet doni kbar mogħtija lilu minn Alla nnifsu; ir-raġuni, ix-xjenza naturali u l-fidi.   It-tlieta jikkumplimentaw lil xulxin; għax ...

imbuttat mir-raġuni huwa jibda t-tiftix tiegħu,

permezz tax-xjenza huwa jistħarreg “il-kif” tal-ħolqien,

u permezz ta’ fidi jfittex “il-għaliex” u fuq kollox “il-Min”.

Minkejja kollox, il-bniedem xorta ser jibqa’ jfittex u jistaqsi, għaliex kif kiteb San Pawl, għalissa ser naraw biss bħallikieku f’mera, imċjpar u bil-biċċa, imma ‘l quddiem naraw wiċċ imb wiċċ. (1 Kor 13:12)

Ir-riflessjoni li l-bniedem jagħmel dwar Alla u dak kollu li għandu x'jaqsam miegħu hija msejjħa, Teoloġija. 

 

Ara wkoll ...

1. Fr Hector Scerri dwar il-kelma, Teoloġija.