Ġabra ta’ Punti meħudin mill-Enċiklika

tal-Papa Ġwanni Pawlu II

REDEMPORIS MATER


In-numri fil-bidu ta’ kull taqsima ( ) juru l-paragrafu ta’ l-Ittra Enċiklika



1. Marija fil-misteru tas-Salvazzjoni ta’ Kristu (7)

a) Il-ħsieb etern ta’ Alla l-Missier, il-pjan tiegħu tas-Salvazzjoni tal-bniedem fi Kristu; pjan universali li jolqot lill-bnedmin kollha maħluqin fuq ix-xbiha u x-xebħ ta’ Alla.
b) Il-pjan tas-Salvazzjoni huwa etern u huwa eternament marbut ma’ Kristu; fih hemm post speċjali għall- “mara waħdanija” li hija l-Omm ta’ Dak li lilu l-Missier afdalu l-opra tal-fidwa.
c) Marija tidher fil-wegħda profetika magħmula lill-ewwel ġenituri malli waqgħu fid-dnub.

2. L-Anġlu mibgħut minn Alla jħabbar lil Marija li hija ġiet magħżula biex tkun Omm il-Verb magħmul bniedem u jsellmilha “mimlija bil-grazzja”. (8)

a) Marija tidħol fil-qalba tal-misteru ta’ Kristu permezz tal-ġrajja tat-tħabbira mill-Anġlu.
b) Il-messaġġier li ġie mis-sema jsellem lil Marija b’dan l-isem ġdid “mimlija bil-grazzja”
c) “Mimlija bil-grazzja”: din hija barka singulari fost il-barkiet kollha spiritwali fi Kristu.

3. Il-misteru tal-Inkarnazzjoni huwa l-bidu tal-Fidwa tal-bnedmin mill-jasar tad-dnub. (9)
a) It-tislima u l-isem juru qabel kollox l-għażla ta’ Marija biex tkun Omm l-Iben t’Alla.
b) L-għotja għas-salvazzjoni li Alla jagħmel tiegħu n-nifsu b’mod indirett lill-ħolqien kollu u b’mod dirett lill-bniedem, jasal fl-aqwa tiegħu fil-misteru tal-Inkarnazzjoni.
c) Il-Liturġija ssejjaħ lil Marija “Omm ta’ min tah il-ħajja” u ssellem lil Marija bil-kliem ta’ Dante Alighieri mqegħdin fuq fomm San Bernard: “Bint Ibnek”.

4. Marija mqegħda fil-qalba tal-ġlieda bejn Alla u s-serp ta’ l-infern fil-pjan tas-salvazzjoni (11)
a) Fil-ħsieb tat-Trinita Qaddisa għas-salvazzjoni, il-misteru tal-Inkarnazzjoni huwa l-milja fit-twettiq abbundanti tal-wegħda magħmula minn Alla lill-bniedem wara d-dnub oriġinali.
b) Marija, Om mil-Verb magħmul bniedem, tiġi mqegħda fil-qalba tal-ġlieda bejn Alla u s-serp infernali.
c) Marija tibqa’ quddiem Alla u quddiem il-bnedmin kollha bħala s-sinjal li qatt ma jitħassar u qatt ma jintemm tal-għażla li Alla għamel u li minnha jitkellem San Pawl fl-Ittra tiegħu lill-Efesin: “ Fi Kristu huwa għażilna qabel il-ħolqien tad-dinja… u ppredistinana biex inkunu wlied adottivi” (Ef. 1, 4-5).

5. Marija fil-mixja tal-fidi waqt it-tislima ta’ Eliżabetta “Imbierka dik li emmnet” (12)
a) Ir-raġuni li għaliha Marija għamlet iż-żjara lil Eliżabetta tista’ tinbena fuq il-fatt li l-Anġlu Gabrijel semma’ b’tifsira speċjali lil Eliżabetta u qal li fl-eta’ avvanzata se ssir Omm minn Zakkarija u se twelled iben biex tidher il-qawwa ta’ Alla.
b) Waqt li Eliżabetta kienet qegħda twieġeb għat-tislima ta’ Marija, ħasset taqbeż fi ħdanha t-tarbija, u mimlija bl-Ispirtu s-Santu, sellmet lil Marija b’leħen għoli u qalet: “Imbierka inti fost in-nisa u mbierek il-frott tal-ġuf tiegħek”. (ara Lk. 1, 40-42)
c) Fit-tislima ta’ Eliżabetta, kull kelma hija mimlija b’tifsir kbir; l-aħħar kliem għandu tifsira ta’ importanza speċjali: “ħienja dik li emmnet dak kollu li ntqal lilha minn naħa tal-Mulej.” (Lk.1, (4).

6. L-għotja sħiħa ta’ Marija lil Alla bil-kelmiet “Ikun minni”. (13)
a.) “lil Alla li rrivelalna da nil-misteru, kull ubbidjenza tal-fidi:”(ara Rum 16, 26) permezz ta’ dan, il-bniedem jintelaq f’idejn Alla minn rajh kollu kemm hu : hekk jgħallimna l-Konċilju. L-ubbidjenza tal-fidi sabet il-milja tagħha kollha kemm hi f’Marija.
b.) Il-misteru tal-Inkarnazzjoni twettaq meta Marija qalet il-kelmiet : “Ara, jiena l-qaddejja tal-Mulej; ħa jsir minni skont kelmtek”. F’dan il-ħin sar possibbli, sakemm kien fil-ħsieb ta’ Alla, it-twettiq tal-wegħda tal-Iben tagħha.
c.) Bil-qawwa tal-fidi, Marija ntelqet f’idejn Alla għal kollox u kkonsagrat lilha n-nifisha lil Alla bħala l-qaddejja tal-Mulej”.

7. Fl-ubbidjenza tal-fidi, Marija tistqarr li hija lesta li tilqa’ l-Verb u tikkopera fil-pjan divin tas-salvazzjoni. (14)
a.) Il-fidi ta’ Marija waqt waqt it-tħabbira tagħti bidu għall-Patt il-Ġdid.
b.) Il-kliem ta’ Eliżabetta “hienja dik li emmnet li jseħħ kull ma bagħat igħidilha l-Mulej” juru l-bidu tal-mixja ta’ Marija lejn Alla, il-mixja sħiħa tal-fidi.
c.) Temmen jiġifieri tintelaq għal kollox f’idejn l-istess verita’ tal- Kelma t’Alla ħaj, waqt li tagħraf u tifhem bl-umilta’ kollha “Kemm tassew ħadd ma jista’ jgħarbel il-ġudizzji tiegħu” (Rum. 11, 33).

8. B’umilta’ kbira, Marija taċċetta li tkun Omm is-Salvatur – il- Messija – Sultan li s-saltna tiegħu ma jkollhiex tmiem (15)
a.) Il-Messija mwiegħed ikun “kbir”; hekk iħabbru l-messaġġier tas-Sema.
b.) Kif għandna nifhmu “saltna” u “ma jkollhiex tmiem”?
c.) Sa minn l-ewwel mumenti, Marija tistqarr fuq kollox l-ubbidjenza tagħha tal-fidi, waqt li tintelaq f’idejn dak stess li bagħat igħdilha l-kelmiet tat-tħabbira: Alla n-nifsu.

9. Il-profezija ta’ Xmun waqt il-preżentazzjoni fit-tempju hija t-tieni tħabbira (16)
a.) Dejjem f’din it-triq tal- “ubbidjenza tal-fidi”, Marija terga tisma kelmiet oħra: dawk li qal Xmun fit-tempju ta’ Ġerusalemm
b.) Waqt li jħares lejn il-Mulej, huwa jgħid hekk “……. għaliex għajnejja raw is-salvazzjoni tiegħek li int ħejjejt għall-popli kollha dawl biex idawwal il-ġnus, u glorja tal-poplu tiegħek Israel”.
c.) “Sinjal li jmeruh”. Dan il-kliem ta’ Xmun jidher bħala t-tieni tħabbira lil Marija għaliex juriha l-fatti storiċi li fihom għad irid jaqdi l-missjoni tiegħu l-Iben tagħha; ma jifhmuhx u jaħqruh.

10. Il-ħajja ta’ Marija hija “moħbija ma’ Kristu f’Alla” permezz l-fidi. (17)
a.) Meta l-familja mqaddsa terga lura lejn Nazaret, jibda ż-żmien it-twil tal-ħajja moħbija
b.) Anke l-ħajja ta’ Marija “hija moħbija ma’ Kristu f’Alla” permezz tal-fidi.
c.) L-omm ta’dak l-Iben li dwaru semgħet ħafna fit-tħabbira u fl-okkażżjonijiet l-oħra, iġġorr ġo fiha “it-tiġdid” tal-fidi; il-bidu tal-Patt il-Ġdid.

11. Il-Madonna tkompli l-mixja tagħha tal-fidi u tingħaqad ma’Binha sa fuq is-Salib, billi tagħmel l-offerta sħiħa. (18)
a.) Din il-barka tasal sal-milja tat-tifsira tagħha meta Marija tkun taħt is-salib ta’ Binha.
b.) “Hu jkun kbir…. Il-Mulej Alla jagħtih it-tron ta’ David missieru…. u jsaltan għal dejjem fuq dar Ġakobb u ma jkunx hem tmiem għas-saltna tiegħu”. (Lk. 1, 32-33). KIf nitkellmu ta’ bnedmin, Marija, taħt is-salib, hija x-xhud ta’ kemm ma tkomplitx il-kelma li ntqalet lilha. Binha Ġesu’ qiegħed imut fuq is-salib bħala wieħed ikkundannat.
c.) Permezz tal-fidi, Marija hija magħquda perfettament ma’ Binha Ġesu’ waqt li ġie mneżża (minnn ħwejġu). “Ġesu’…. li għad li kellu n-natura ta’ Alla, ma qagħadxifittex tiegħu li hu daqs Alla, iżda xejjen lilu n-nifsu billi ħa n-natura ta’ lsir ; sar jixbah lill-bnedmin …………” (Fil. 2, 6).

12. Dak li l-verġni Eva rabtet għax ma emmnitx, il-Verġni Marija ħallitu għax emmnet. (19)
a.) “Iva hienja dik li emmnet…..” dawn il-kelmiet li qalet Eliżabetta wara t-tħabbira tal-Anġlu, taħt is-salib isiru eku li għandu tifsira kbira; fihom qawwa kbira li ġġiegħlek tirrifletti.
b.) Il-għoqda tad-diżubbidjenza ta’ Eva nħallet bl-ubbidjenza ta’ Marija: dak li l-verġni Eva rabtet bid-diżubbidjenza , il-Verġni Marija ħallitu bl-ubbidjenza tal-fidi.

c.) Bħala “il-mimlija bil-grazzja”, Marija minn dejjem kienet preżenti fil-misteru ta’ Kristu; hekk ukoll minħabba l-fidi tagħha hija mgħaqdet fil-mixja tal-fidi matul ħajjitha; fl-istess ħin hija għarrfet lill-bnedmin bil-misteru ta’ Kristu.

13. Marija taħt is-salib issir omm ta’ umanita’ ġdida .(20)
a.) “Hieni l-ġuf li ġiebek u s-sider li rdajt”. (Lk. 11,27). Dawn il-kliem huma ta’ tifħir lil Marija bħala Omm Ġesu skont il-ġisem.
b.) Bis-saħħa ta’ din il-maternita’, Ġesu – Iben il-Għoli – huwa wkoll iben il-bniedem. Huwa għandu ġisem bħal kull bniedem; “u l-Verb sar bniedem”. Huwa ġisem u demm minn Marija.
c.) Ħenjin huma dawk li jisimgħu l-Kelma t’Alla u jħarsuha.

14. Marija hija l-ewwel dixxiplu ta’ Kristu għalex semgħet il-Kelma t’Alla u qegħditha fil-prattika (20)
a.) Dawn l-espressjonijiet jaqblu ħafna ma’ dak li Ġesu’ ta’ tnax-il sena qal lil Marija u lil Ġużeppi meta nstab wara li kien ilu tlett ijiem mitluf.
b.) Ommi u ħuti huma dawk li jisimgħu l-Kelma t’Alla u jħarsuha
c.) Mhix tassew Marija l-ewwel waħda fost dawk li jisimgħu l-Kelma t’Alla u jqegħduha fil-prattika?

15. L-indħil ta’ Marija fit-tieġ ta’ Kana huwa tassew interċessjoni għaliex indaħlet bħala omm vera fil-bżonnijiet u l-ħtiġijiet tal-bnedmin .
a.) Sar tieġ f’Kana tal-Galilija u kien hem Marija, Omm Ġesu’. Ġesu’ wkoll kien mistieden flimkien mad-dixxipli tiegħu.
b.) Marija kienet preżenti bħala Omm Ġesu’ b’tifsira kbira hija tat bidu, għenet biex jingħata bidu għas-sinjali li wrew il-qawwa messjanika tal-Iben tagħha.
c.) “Agħmlu kulma jgħidilkom hu” (Ġw. 2, 5).

16. Marija Omm Ġesu’ għenet biex jingħata bidu għas-sinjali li rrivelaw il-qawwa messjanika ta’ Binha (21)
a.) Liema qbil profound kien jeżisti bejn Ġesu’ u Ommu? Kif tista’ tispjega l-misteru tal-għaqda intima spiritwali bejniethom?
b.) Fil-ġrajja ta’ Kana tidher sewwa l-maternita’ ġdida skont l-ispirtu mhux skont il-ġisem biss; jew aħjar il-ħsieb ta’ Marija għall-bnedmin, tfittex li tara l-bżonnijiet u l-ħtiġijiet tagħhom kollha.
c.) “Ma għandhomx inbid”. Marija tidħol fin-nofs, tagħmilha ta’ medjatriċi mhux bħala barranija, imma għax hija Omm-“għandha d-dritt” li tressaq quddiem Binha l-bżonnijiet tal-bnedmin.

17.) Il-Konċilju Vatikan II jgħallem dwar il-ħidma tal-maternita ta’ Marija għall-ġid tal-bnedmin. (22)
a.) Il-ħidma għall-bnedmin ta’ Marija bħala Omm la ddallam u l-anqas tnaqqas il-medjazzjoni waħdanija ta’ Kristu; turi aktar il-qawwa tagħha.
b.) Skont ir-rieda ta’ Alla , il-medjazzjoni ta’ Marija “toħroġ mill- kotra mfawwra tal-meriti ta’ Kristu, tistrieħ fuq il-medjazzjoni tiegħu, tiddependi għal kollox u tieħu l-qawwa minnha.” (L. G. 60).
c.) Marija saret ommna fl-ordni tal-grazzja; din il-meternita’ fl-ordni tal-grazzja tiġi mill-maternita’ tagħha bħala Omm Alla, għaliex skont il-pjan tal-Provvidenza ta’ Alla, l-omm li rabbiet il-Feddej divin, Marija “sieħba….. u l-qaddejja l-aktar umli tal-Mulej”. Din il-maternita’ ta’ Marija fl-ordni tal—grazzja tibqa għal dejjem sa ma jseħħ it-tmiem ta’ dejjem tal-magħżulin kollha.

18.) Taħt is-salib, Marija tiġi proklamata minn Ġesu’ fl-agunija bħala Om mil-Knisja u Om mil-bnedmin kollha (23)
a.) Il-maternita’ ta’ Marija tiġi proklamata b’mod l-aktar ċar fl- Evanġelju ta’ S.Ġwann: “Kien hem wieqfa ħdejn is-salib ta’ Ġesu’ ommu u oħt ommu….qal lil ommu: ‘Mara, hem hu ibnek’. Imbagħad qal lid-dixxiplu ‘Hemm hi ommok’. U minn dak il-ħin id-dixxiplu ħadha għandu (Ġw. 19, 25-27).
b.) It-testment ta’ Ġesu’ minn fuq is-salib juri biċ-ċar il-maternita’ ta’ Marija, omm il-bnedmin kollha.
c.) Il- Konċilju jimxi skont it-Tradizzjoni u jsejjaħ lil Maria: Omm Kristu u om mil-familja kollha tal-bnedmin.
Din il-maternita’ ġdida ta’ Marija li tnisslet mill-fidi, hija l-frott tal-“imħabba ġdida” li wasslet għall-kobor sħiħ tagħha ħdejn is-salib, bit-tisħiħ tagħha fl-imħabba salvifika ta’ Binha.


19.) Qbil singulari bejn il-mument ta’ l-Inkarnazzjoni tal-Verb u dak dak tat-twelid tal-Knisja. (24)
a.) Fih tifsir speċjali l-kliem li Ġesu’ qal minn fuq is-salib lil Ommu; sejħilha “mara” u qalilha: “Mara, hem hu ibnek”. Ninsabu fl-aqwa ħin meta qegħda titwettaq il-wegħda li hija mniżżla fil-Protoevanġelju : “In-nisel tal-mara jisħaq ras is-serp”.
b.) Il-kliem li Ġesu qal mill-għoli tas-salib, ifissru li l-maternita’ ta’ ommu se ssib mod ġdid kif titkompla billi ssir Omm il-Knisja li hi rappreżentata minn Ġwanni.
c.) Il-qawwa ta’ l-Ispirtu s-Santu, fil-pjan tal-grazzja, toħloq qbil singulari bejn il-mument ta’ l-Inkarnazzjoni tal-Verb u dak tat-twelid tal-Knisja.

20) L-Omm ta’ Alla fil-qalba tal-Knisja fil-mixja tagħha bejn il-persekuzzjoni tad-dinja u l-faraġ ta’ Alla. (25)
a.) Il-Knisja tkompli l-mixja tagħha fost il-persekuzzjonijiet tad-dinja u l-ħinijiet ta’ faraġ ta’ Alla, waqt li tħabbar il-passjoni u l-mewt tal-Mulej sa ma jiġi.
b.) Il-Konċilju Vatikan II jitkellem dwar il-Knisja fil-mixja tagħha u jqabbilha ma’ Isreal tal-Patt il-Qadim fil-mixja tiegħu fid-deżert.
c.) Matul din il-mixja ekklesjali fost il-ħinijiet ta’ l-istorja ta’ l-erwieħ, Marija hija dejjem preżenti u timxi l-mixja tagħha tal- fidi waqt li tieħu sehem aktar minn kulħadd fil-misteru ta’ Kristu.

21) Marija preżenti fit-twelid tal-Knisja, sa minn Għid il-Ħamsin, tindaħal biex titlob għad-“don ta’ l-Ispirtu s-Santu”. (26)
a.) Sa minn nhar Għid il-Ħamsin, tibda l-mixja tal-fidi, il-pellegrinaġġ tal-Knisja fost l-istorja tal-popli u tan-nazzjonijiet. Aħna nafu li Marija kienet preżenti fil-bidu ta’ din il-mixja għaliex narawha f’nofs l-Appostli fiċ-ċenaklu tinterċedi bit-talb taghħha d-don ta’ l-Ispirtu s-Santu.
b.) Marija qatt ma rċeviet direttament il-missjoni ta’ l-Appostli. Ma kenitx magħhom meta Ġesu bagħathom fid-dinja kollha biex igħallmu lill-ġnus kollha, u tahom din il-missjoni. Imma Marija kienet fiċ-Ċenaklu meta l-Appostli kienu qegħdin jistennew li jibdew din il-missjoni bl-inżul ta’ l-Ispirtu s-Santu. Kienet magħhom u f’nofshom: Marija kienet “qalb waħda” magħhom fit-talb bħala “Omm Ġesu’” li miet u rxoxta.
c.) Imma fil-Knisja ta’ dak iż-żmien u ta’ dejjem, Marija l-imbierka fost kulħadd għaliex emmnet: l-ewwel waħda li emmnet

22) Il-fidi ta’ Marija ssir minnufih il-fidi tal-poplu t’Alla fi triqtu lejn is-salvazzjoni; il-fidi tal-persuni u tal-kommunitajiet. (27)
a.) Jekk inħarsu lejn il-Knisja sa mill-bidu tagħha u fil-mixja tagħha minn ġenerazzjoni għall-oħra, qalb in-nazzjonijiet kollha tad-dinja, insibu dejjem lil dik “li emmnet li jseħħ kull ma bagħat igħidilha l-Mulej”.
b.) Dawk kollha f’kull ġenerazzjoni, fost il-popli u n-nazzjonijiet kollha tad-dinja, li laqgħu l-misteru ta’ Kristu, il-Verb Inkarnat Feddej tad-dinja, mhux biss iduru lejn Marija biex iqimuha u jirikorru lejha bil-fiduċja bħala Omm tagħhom, imma wkoll isibu fiha dik li twieżen il-fidi tagħhom u tmexxihom.
c.) Il-fidi ta’ Marija, fuq ix-xhieda apostolika tal-Knisja, issir minnufih il-fidi tal-poplu t’Alla fil-mixja tiegħu: il-fidi ta’ l-individwi u tal-kommunitajiet.

23) L-għaqda ta’ l-insara hija mibnija fuq l-għaqda tal-fidi. Skont il-‘Patres’ griegi u skont it-tradizzjoni biżantina, il-Verġni Marija għandha post ewlieni fil-firxa tal-misteru tas-salvazzjoni (29)
a.) Il-moviment ekumeniku mqanqal mill-ħsieb li jrid ifittex jasal għall-għaqda fost l-insara kollha sab il-milja mixtieqa tiegħu fiċ-ċelebrazzjoni tal-Konċilju Vatikan II li min-naħa tal-Knisja Kattolika jeħtieġ li l-insara, fihom infushom u fil-kommunitajiet tagħhom, jidħlu aktar fil-fond f’din l-“ubbidjenza tak-fidi” li tagħha Marija hija l-aqwa u l-ewwel eżempju.
b.) L-insara jafu sewwa li għaqda fil-fidi. Huma jafu li jridu jsibu qbil serju fid-duttrina dwar il-misteru u l-missjoni tal-Knisja kif ukoll dwar il-ħidma ta’ Marija fl-opra tal-fidwa.
c.) Din is-sena hija t-XII il-mitt sena wara t-Tieni Konċilju ta’ Nicea 787 li temm il-kontroversja li kien hem dwar il-qima tax-xbihat imqaddsa; iddefinixxa li, skont it-tagħlim tal-Missirijiet qaddisa tal-Knisja, kienu jistgħu jiġu esposti għall-qima ta’ l-insara, flimkien mas-salib, ix-xbihat ta’ Omm Alla, ta’ l-Anġli u tal-Qaddisin, fil-knejjes fid-djar u fit-toroq.



24) Il-Magnificat tal-Knisja fil-mixi tagħha (35-36)
a.) Il-Knisja timxi ‘l quddiem fost tiġrib u niket, imsaħħa bil-qawwa tal-grazzja t’Alla, inwegħda lilha mill-Mulej, biex minkejja li l-ġisem dgħajjef, hi qatt ma tonqos minn fedelta’ sħiħa u mmexxija mill-Ispirtu qatt ma tieqaf tiġġedded sakemm permezz tas-salib, tasal għal dak id-dawl li ma jgħib qatt.
b.) Dik li fil-ħin tat-tħabbira baqgħet moħbija fil-profondita’ tal-ubbidjenza tal-fidi, issa toħroġ bħala fjamma tal-ispirtu tixgħel u tiddi.
c.) Marija hija l-ewwel waħda li tissieħeb f’din ir-rivelazzjoni ta’Alla u permezz tagħha jingħata lill-bnedmin. Għalhekk hija tistqarr: “ħwejjeġ kbar għamel miegħi…….qaddis hu l-isem tiegħu”

25) Il-Magnificat joħroġ mill-fond tal-qalb kollha fidi ta’ Marija waqt iż-żjara lil Eliżabetta jkompli jidwi fil-qalb tal-Knisja (37)
a.) B’kuntrast mas-suspetti li “missier il-gideb” żara’ f’qalb Eva, l-ewwel mara, Marija, “Eva l-ġlieda”, u “ Om mil-Ħajjin” ix-xandar bil-qawwa kollha l-verita’ dwar Alla qaddis li jista’ kollox, li sa mill-bidu hu l-għajn ta’ kull don, dak li għamel “ħwejjeġ kbar”.
b.) Il-mixi tal-Knisja, qrib it-tmiem tat-tieni elf sena jitlob impenn ġdid għall-missjoni tagħha. Mixja wara Dak li qal għalih innifsu: “(Alla) ikkonsagrani biex inwassal il-bxara t-tajba lill-fqajrin” il-Knisja fittxet minn dejjem u għadha tfittex illum li taqdi din l-istess missjoni.
c.) L-imħabba preferenzjali tal-Knisja għall-fqar tinsab miktuba fil-Magnificat: Alla tal-Patt, imfaħħar bil-ferħ ta’ l-ispirtu tal- Verġni ta’ Nazaret, huwa wkoll Dak li “niżżel is-setgħana… u għolla ċ-ċkejknin. Mela b’kull ġid lil min bil-ġuħ……….. u l-għonja bagħathom ‘il barra b’xejn……. Il-ħniena tiegħu tinfirex f’kull żmien….”

26.) Il-medjazzjoni ta’ Marija, Omm bl-ebda mod ma ddallam jew tnaqqas il-medjazzjoni waħdanija ta’ Kristu, imma turi l-istess qawwa tagħha: hi l-medjazzjoni ta’ Kristu.
a.) Marija aċċettat l-għażla ta’ Alla biex, bis-setgħa ta’ l-Ispirtu s-Santu , issir Omm l-Iben t’Alla. Din l-aċċettazzjoni ta’ Marija hi fuq kollox il-frott tal-għoti sħiħ tagħha lil Alla bħala Verġni Maria aċċettat din l-għażla mqanqla minn imħabba ta’ egħrusija li tikkonsagra lil Alla k-bniedem kollu kemm hu.
b) Marija kienet mhux biss dik li mxiet il-pellegrinaġġ tal-fidi u baqgħet fidila lejn l-għaqda ma’Binha sa taħt is-salib, imma hija wkoll “il-qaddejja tal-Mulej” imħollija minn Binha bħala Omm f’nofs il-Knisja fit-twelid tagħha
c) Imtellegħa fis-sema, hija ma waqfitx il-ħidma tagħha għas-salvazzjoni, imma baqgħet tinterċedi biex taqlagħlna l-grazzji tas-saħħa ta’ dejjem. B’din il-kwalita’ tagħha hija dehret l-ewwel darba f’Kana tal-Galilija, u hekk tkompli l-medjazzjoni ta’ Marija fl-istorja tal-Knisja u tad-dinja.

27) Flimkien mas-sebħ tat-Tlugħ ta’ Marija fis-sema tingħaqad il-glorja tal-misteru tal-ħajja ta’ dejjem. (41)
a.) Il-verita’ li Marija ġiet imtellgħa s-Sema, definita mill-Papa Piju XII, ġiet imtennija mill-Konċilju Vatikan II li jfisser il-fidi tal-Knisja b’dan il-mod: “Miżmuma ħielsa minn kull ħtija tad-dnub tan-nisel, il-Verġni bla tebgħa, ġiet mgħollija għall-glorja tas-sema bir-ruħ u bil-ġisem malli temmet il-ħajja tagħha fid-dinja. Ġiet mgħollija mill-Mulej bħala Sultana tal-ħolqien kollu, biex tkun dejjem aktar bħal Binha, is-Sid tas-sidien, ir-rebbieħ fuq id-dnub u l-mewt”.
b) Bil-misteru ta’ Marija mtellgħa s-sema, seħħu darba għal dejjem(f’Marija l-effetti kollha tal-medjazzjoni waħdanija ta’ Kristu: “Ilkoll jiksbu l-ħajja fi Kristu. Imma kulħadd skont kif imissu; jibda l-ewwel frott li hu Kristu, imbagħad aħna, imma mhux issa, iżda meta jasal il-waqt”.
c) Marbuta ma’ din l-eżaltazzjoni, għax imtellgħa fis-sema, hu l-misteru tal-glorja ta’ dejjem tagħha. L-omm ta’ Kristu hija glorifikata bħala Reġina tal-Univers – Sultana tal-ħolqien kollu.

28) Marija Omm Alla fil-ħajja tal-Knisja u fil-ħajja ta’ kull nisrani (42)
a.) Bid-don tal-maternita’ divina Marija hi magħquda ma’ Binha, il-Feddej, u bil-grazzji singulari u bil-ħidma kollha tagħha, hi wkoll magħquda mal-Knisja; Omm Alla hi xbieha tal-Knisja fil-fidi, fl-imħabba u fl-għaqda perfetta ma’ Kristu.
b)Il-Knisja ssir omm waqt li tilqa’ bil-fedelta’ l-Kelma t’Alla. Bħal Marija li emmnet lill-ewwel il-Kelma t’Alla li ġiet rivelata lilha fit-tħabbira, u baqgħet fidila lejha fil-provi sa ma waslet taħt is-salib, hekk ukoll il-Knisja ssir omm waqt li tilqa’l-Kelma u tnissel fidili ġodda bil-predikazzjoni u bil-magħmudija l-ulied li ħadu l-ħajja bil-qawwa ta’ l-Ispirtu s-Santu u twieldu minn Alla.

c.) Nistgħu ngħidu wkoll li l-Knisja tifhem il-maternita’tagħha permezz ta’ Marija: Hija tifhem id-dimensjoni ta’ omm bħala vokazzjoni tagħha marbuta kif inhi man-natura tagħha “sagramentali” waqt li tikkontempla l-qdusija moħbija ta’ Marija, issir tixbaħha fil-karita’ u tkompli twettaq ir-rieda tal-Missier.

29) Biex issir tixbah lill-Mulej, il-Knisja tnissel kotra kbira ta’wlied bil-qawwa ta l-Ispirtu s-Santu (44)
a) Il-knisja tħares lejn Marija bħala eżempju tagħha u għalhekk tiltaqa’ magħha u tfittex li tkun tixbaħha; “Hija u tħabbrek biex issir tixbah lil Omm Sidha, bil-qawwa ta’ l-Ispirtu s-Santu, il-Knisja tħares is-safa tagħha ta’ verġni u l-fidi sħiħa tagħha, it-tama soda u l-imħabba sinċiera tagħha”.
b) ll-maternita’ ta’ Marija, b’mod partikulari igħarrfuha u jġarrbuha l-ġnus insara fl-Ikla Mqaddsa – iċ-ċelebrazzjoni liturġika tal-Misteru tal-Fidwa – fejn hem Kristu, ġisem veru mwieled minn Marija Verġni.
c) Il-maternita’ fl-essenza tagħha hi dwar il-persuna. Il-maternita’ dejjem twaqqaf relazzjoni waħdanija, m’hemmx oħra bħalha, bejn żewġ persuni, bejn omm u iben u bejn iben u omm.

30) Pawlu VI ipproklama li Marija Om mil-Knisja, jiġifieri Om mil-poplu nisrani kollu u Omm ir-ragħajja tagħhom (46)
a) Din ir-rabta ta’ bint ma’ Om mil-Knisja, għandha l-bidu tagħha fi Kristu u twassal għal għandu. Marija tkompli tgħid u tgħallem lil kulħadd dak li qalet fit-tieġ ta’ Kana: “Agħmlu kull ma jgħidilkom hu”.
b) Waqt il-Konċilju, Pawlu VI ipproklama solennenemt li Marija hija Om mil-Knisja, Om mil-fidili u Omm r-ragħajja.
c) Minħabba din ir-rabta speċjali li tgħaqqad Omm Kristu mal-Knisja jidher aktar ċar il-misteru tal- “mara” li sa mill-bidu tal-Ġenesi sa l-Apokalissi hi msieħba mir-rivelazzjoni tal-pjan t’Alla għas-salvazzjoni.

31) It-tifsira tas-Sena Marjana: qari mill-ġdid u fil-fond tat-teoloġija fuq Maria fil-misteru ta’ Kristu tal-Knisja (48)
a) Hi proprju din ir-rabta speċjali tal-familja kollha tal-bnedmin ma’ din l-Omm li wasslitni biex inxandar Sena Marjana fil-Knisja, f’dah iż-żmien qabel jintemmu t-tieni elf sena mit-twelid ta’ Kristu.
b) Fid-dawl ta’ dan kollu, is-Sena Marjana trid iġġib ‘il quddiem il-qari mill-ġdid u aktar attent ta’ dak li l-Konċilju qal dwar Marija Omm Alla fil-misteru ta’ Kristu u tal-Knisja, is-suġġett li fuqu qed titkellem din l-enċiklika
c) Permezz ta’ din is-Sena Marjana, il-Knisja hija msejħa biex tiftakar f’kull ma hem fl-imgħoddi li jagħti xhieda tas-sehem li Omm Kristu tat għall-opra tas-salvazzjoni fi Kristu l-Mulej, u trid ukoll min-naħa tagħha tħejji għall-ġejjieni t-triq għal din il-koperazzjoni; għaliex it-tmiem tat-tieni elfejn sena wara Kristu qed jiftaħ prospetti ġodda.