 |
REDEMPTIONIS SACRAMENTUM
MILL-KONGREGAZZJONI TAL-KULT
DIVIN U
TAD-DIXXIPLINA TAS-SAGRAMENTI
LILL-ISQFIJIET,
LILL-PRESBITERI U LID-DJAKNI
DWAR XI AFFARIJIET LI JEĦTIEĠ LI
JIĠU OSSERVATI U OĦRAJN EVITATI
FIĊ-ĊELEBRAZZJONI
TAL-EWKARISTIJA
DAĦLA
1.
Fl-Ewkaristija
Mqaddsa, Ommna l-Knisja tagħraf
b’fidi ferma, tilqa’ bil-ferħ,
tiċċelebra u tqim b’atteġġjament
ta’ adorazzjoni s-Sagrament
tal-Fidwa,
filwaqt li tħabbar il-mewt ta’
Ġesù Kristu, ixxandar il-Qawmien
tiegħu,
fl-istennija tal-miġja glorjuża
tiegħu bħala l-Mulej u s-Sid li
ma jintrebaħ qatt, Saċerdot
etern u Sultan tal-univers,
sabiex joffri lill-Maestà
infinità tal-Missier li jista’
kollox, is-saltna tal-verità u
tal-ħajja.
2.
Id-Duttrina
tal-Knisja dwar l-Ewkaristija
Mqaddsa, li fiha hemm il-ġid
spiritwali kollu tal-Knisja, jew
inkella Kristu stess, l-Għid
tagħna,
għajn u quċċata
tal-ħajja nisranija kollha, li
l-influss każwali jinsab fl-istess
bidu tal-Knisja
ġiet murija b’ħeġġa ħerqana u
b’awtorità tassew kbira mal-medda
tas-sekli fil-kitbiet
tal-Konċilju u tal-Papiet. Barra
minn hekk, dan l-aħħar, fl-Ittra
Enċiklika Ecclesia de
Eucharistia, il-Papa Ġwanni
Pawlu II mill-ġdid reġa’ wera,
dwar dan l-istess argument, xi
aspetti ta’ importanza tassew
kbira għall-kuntest ekkleżjali
taż-żminijiet tagħna.
Partikolarment, il-Papa, sabiex
il-Knisja tħares sewwa anke
fil-ġurnata tal-lum misteru
daqshekk kbir
fiċ-ċelebrazzjonijiet
tal-liturġija mqaddsa, amar lil
din il-Kongregazzjoni tal-Kult
Divin u tad-Dixxiplina
tas-Sagrament
li tħejji, bi ftehim mal-Kongregazzjoni
għad-Duttrina tal-Fidi, din l-istruzzjoni
preżenti, li fiha ġew trattati
xi problemi li jikkonċernaw id-dixxiplina
tas-sagrament tal-Ewkaristija.
Għalhekk, dak li jidher f’din l-istruzzjoni
għandu jinqara f’kontinwità mal-Ittra
Enċiklika msemmija Ecclesia
de Eucharistia.
Madankollu,
ma hemm ebda intenzjoni li
tingħata ġabra tan-normi
relattivi għall- Ewkaristija
Mqaddsa, iżda pjuttost li
permezz ta’ din l-istruzzjoni
jiġu meħuda mill-ġdid ċerti
elementi li għandhom jirriżultaw
validi fin-normattiva diġà
murija u stabbilita, sabiex jiġi
msaħħaħ is-sens profond
tan-normi liturġiċi,
u jindikaw oħrajn li jfissru u
jkomplu dawk li kien hemm qabel,
filwaqt li juruhom
lill-isqfijiet, kif ukoll
lis-Saċerdoti, id-Djakni u
l-fidili lajċi, sabiex kull
wieħed ipoġġihom fil-prattika
skont l-uffiċċju tiegħu u
l-possibilitajiet proprji
tiegħu.
3.
In-normi miġbura f’din
l-istruzzjoni jikkunsidraw
lilhom infushom inerenti
għall-materja liturġika
fil-qasam tar-Rit Ruman, u
bit-tibdiliet meħtieġa fir-Riti
l-oħra tal-Knisja Latina
magħqudin ġuridikament.
4.
“M’hemmx dubju li r-riforma
liturġika tal-Konċilju ġabet
magħha vantaġġi tassew kbar
għall-parteċipazzjoni iktar
magħrufa, attiva u mimlija frott
tal-fidili fis-Sagrifiċċju
Qaddis tal-Artal”.
Safrattant, “ma jonqsux ċerta
dellijiet”.
Għalhekk ma jistgħux jitħallew
għaddejjin fis-skiet ċerti
abbużi, anke ta’ gravità tassew
kbira, kontra n-natura
tal-liturġija u tas-sagramenti,
kif ukoll kontra t-tradizzjoni u
l-awtorità tal-Knisja, li ta’
spiss fi żmienna, f’diversi
oqsma ekkleżjali, jikkompromettu
ċ-ċelebrazzjonijiet liturġiċi.
F’ċerti postijiet, l-abbużi
mwettqa f’materja liturġika
tiltaqa’ magħhom ta’ kuljum, u
bla dubju ta’ xejn ma jistgħu
qatt jiġu aċċettati, u għalhekk
għandhom jiġu mwaqqfa.
5.
L-osservanza tan-normi maħruġa
mill-awtorità tal-Knisja
jeħtieġu konformità tal-ħsieb u
tal-kelma, ta’ atti esterni u
ta’ diżpożizzjoni tal-qalb.
Osservanza purament esterjuri
tan-normi, bħalma hu evidenti,
tikkontrasta mal-essenza
tal-Liturġija Mqaddsa, li fiha
l-Mulej Ġesù irid jiġbor
il-Knisja tiegħu sabiex tkun
miegħu “ġisem wieħed u ruħ
waħda”.
L-att estern irid ikun għalhekk
imdawwal mill-fidi u mill-karità
li jgħaqqduna ma’ Kristu u ma’
xulxin u jiġġeneraw l-imħabba
għall-foqra u għal dawk
imsejkna. Barra minn hekk,
il-kelmiet u r-riti
tal-liturġija huma espressjoni
fidila li mmaturat mas-sekli
f’sentiment ta’ Kristu u li
jgħallmuna nħossu miegħu:
filwaqt li nagħmlu l-moħħ tagħna
konformi ma’ dawn il-kelmiet,
nerfgħu 'il fuq lejn il-Mulej
il-qlub tagħna. Dan li għidna
f’din l-istruzzjoni preżenti
jrid iwassal għal din
il-konformità tas-sentimenti
tagħna ma’ dawk ta’ Kristu,
espressi fil-kelmiet u fir-riti
tal-liturġija.
6.
Infatti, dawn l-abbużi “wasslu
għal konfużjoni sħiħa f’dak li
għandu x’jaqsam ma’ fidi soda u
mad-duttrina Kattolika marbuta
ma’ dan is-Sagrament tal-għaġeb”.
B’dan il-mod jiġi mċaħħad
“lill-fidili milli jgħixu b’xi
mod mill-ġdid l-esperjenza
taż-żewġ dixxipli ta’ Emmaws:
“infetħulhom għajnejhom u
għarfuh”.
Quddiem il-Qawwa u d-Divinità
ta’ Alla u fl-Isplendur
tat-tjubija tiegħu,
partikolarment viżibbli
fis-sagrament tal-Ewkaristija,
jingħad li l-fidili kollha
jkabbru fihom u juru dak is-sens
ta’ maestà adorabbli lil Alla,
li huma rċevew permezz
tal-passjoni salvifika tal-Iben
il-Waħdieni.
7.
Ta’
spiss l-abbużi jniżżlu għeruqhom
fil-kunċett falz tal-libertà.
Iżda Alla jagħtina fi Kristu
mhux dik il-libertà illużorja li
bażikament tfisser li nistgħu
nagħmlu dak kollu li rridu, iżda
l-libertà li permezz tagħha
nistgħu nagħmlu dak li hu denn u
ġust.
Dan jgħodd mhux biss għal dawk
il-preċetti ġejjin direttament
mingħand Alla, iżda li, filwaqt
li nikkunsidraw konvenjentement
is-sura ta’ kull norma, huma
liġijiet promulgati mill-Knisja.
Minn dan toħroġ il-ħtieġa li
kulħadd jikkonforma ruħu
mal-ordnijiet stabbiliti
mill-awtorità leġittima
tal-Knisja.
8.
Barra minn hekk, jeħtieġ jiġi
nnotat, b’sogħba kbira,
it-tibdil “f’inizjattivi
ekumeniċi, li minkejja li
għandhom intenzjoni tajba,
iwasslu għall-prassi ewkaristiċi
li huma kuntrarji
għad-dixxiplina li fiha l-Knisja
tesprimi l-Fidi tagħha”.
Madankollu, ir-rigal
tal-Ewkaristija “huwa kbir wisq
biex naslu nittolleraw
l-ambigwità u tnaqqis fil-valur
tiegħu.” Hija ħaġa mill-iżjed
flokha li jiġu kkoreġuti u
definiti b’eżattezza tassew
kbira xi elementi, b’mod li anke
f’dan il-qasam l-“Ewkaristija
tkompli tiddi bid-dija kollha
tal-misteru tagħha”.
9.
Fl-aħħar nett, l-abbużi jsibu
ta’ spiss il-bażi tagħhom
fl-injoranza, peress li jiġu
miċħuda dawk l-elementi li
t-tifsira profonda tagħhom ma
tistax tinftiehem u lanqas
jingħarfu l-għeruq tagħhom
fl-Istorja. Infatti, “it-talb,
l-orazzjonijiet, u l-innijiet li
minnhom toħroġ it-tifsira
tal-azzjonijiet u tas-sinjali
mqaddsa” huma mimlija bis-sħiħ
“bin-nifs u l-ispirtu”
tal-istess Skrittura Mqaddsa.
Rigward is-sinjali sensibbli,
“li l-liturġija mqaddsa tinqeda
bihom sabiex tfisser
ir-realtajiet divini inviżibbli,
huma ġew magħżula minn Kristu
jew mill-Knisja”.
Fl-aħħar nett, l-istrutturi u
l-forom taċ-ċelebrazzjonijiet
mqaddsa, skont it-tradizzjoni
ta’ kull rit, kemm tal-Orjent
kif ukoll tal-Oċċident, huma
f’sintonija mal-Knisja
universali anke f’dak li
jirrigwarda l-użu li jiġi
aċċettat universalment
mit-tradizzjoni appostolika li
ma qatgħet qatt,
li hi ħidma proprja tal-Knisja
li twassal fedelment u b’kura
lill-ġenerazzjonijiet futuri.
Dan kollu jiġi mgħasses
bil-għaqal u mħares min-normi
liturġiċi.
10.
L-istess Knisja m’għandha l-ebda
setgħa dwar dak li jkun ġie
stabilit minn Kristu u li
jikkostitwixxi parti li ma
tinbidel qatt tal-liturġija.
Infatti, li kieku kellha
titkisser ir-rabta li
s-sagramenti għandhom mal-istess
Kristu, li waqqafhom, u ma’ dawk
il-ġrajjiet li fuqhom il-Knisja
hi mibnija,
dan ma jkun tal-ebda ġid
għall-fidili, iżda jkun verament
ta’ ħsara għalihom. Il-Liturġija
Mqaddsa, infatti, hija marbuta
intimament mal-prinċipji
tad-duttrina,
u l-użu tat-testi u tar-riti
mhux approvati joħloq,
b’konsegwenza, li tiġi sfumata
fix-xejn u tintilef ir-rabta
meħtieġa bejn il-lex orandi
u l-lex credendi.
11.
Tant
huwa kbir dan il-misteru
tal-Ewkaristija “li ħadd ma
jista’ jittrattah b’mod
personali, tant li ma
jirrispettax la l-karattru sagru
u lanqas id-dimensjoni
universali tiegħu”.
Min, għall-kuntrarju, anke jekk
huwa saċerdot, iġib ruħu b’dan
il-mod, billi jorbot
mal-Ewkaristija
l-inklinazzjonijiet proprji
tiegħu, ikun qed ikisser l-unità
sostanzjali tar-Rit Ruman, li
għandha tiġi mħarsa bil-qawwa,
u jkun iwettaq azzjonijiet li
bl-ebda mod ma jaqblu mal-ġuħ u
l-għatx għal Alla Ħaj ippruvati
mill-poplu fi żminijietna, u
lanqas iwettaq attività
pastorali awtentika jew tiġdid
liturġiku korrett, iżda jkun
qiegħed iċaħħad lill-fidili
mill-patrimonju u mill-wirt
tagħhom. Atti arbitrarji,
infatti, ma jġibux tiġdid
effettiv,
imma jkissru d-dritt ġust
tal-fidili għall-azzjoni
liturġika li hija espressjoni
tal-ħajja tal-Knisja skont
it-tradizzjoni u d-dixxiplina
tagħha. Barra minn hekk, idaħħlu
elementi ta’ tgħawwiġ u diżgwid
fl-istess ċelebrazzjoni
ewkaristika, li b’mod eminenti u
min-natura stess tagħha, timmira
li tfisser u twettaq b’mod
tal-għaġeb l-għaqda tal-ħajja
divina u l-unità tal-poplu
t’Alla.
Minn dawn joħorġu n-nuqqas ta’
sigurtà dottrinali, taħwid u
skandlu fil-poplu t’Alla, u
kważi inevitabilment,
reazzjonijiet ħorox: ilkoll kemm
huma elementi ħżiena, meta
l-ħajja nisranija tirriżulta ta’
spiss partikolarment diffiċli
minħabba l-klima ta’
‘sekolarizzazzjoni’, iħawdu u
jsewdu bis-sħiħ il-qalb ta’
ħafna fidili.
12.
Il-fidili kollha jgawdu d-dritt
li jkollhom liturġija vera, u
b’mod partikulari
ċ-ċelebrazzjoni tal-quddiesa li
għandha tkun bħalma l-Knisja
riditha u ordnata, kif hemm
imniżżel fil-kotba liturġiċi u
fil-liġijiet u n-normi.
Bl-istess mod, il-poplu
kattoliku għandu d-dritt jiġi
ċċelebrat għalih, b’mod sħiħ,
is-Sagrifiċċju tal-Quddiesa,
f’konformità sħiħa mad-duttrina
tal-maġisteru tal-Knisja. U
fl-aħħar, huwa dritt
tal-komunità kattolika li
għaliha twettaq iċ-ċelebrazzjoni
tal-Ewkaristija Mqaddsa b’tali
mod li tidher bħala tassew
sagrament ta’ għaqda, filwaqt li
jiġu esklużi kompletament kull
ġeneru ta’ difetti u ġesti li
jistgħu jiġġeneraw firdiet u
taqsimiet fil-Knisja.
13.
In-normi kollha u t-twissijiet
murija f’din l-istruzzjoni
jintrabtu flimkien, anke jekk
b’mod mill-iżjed differenti,
mal-ħidma tal-Knisja, li fuqha
taqa’ r-responsabbiltà li
tgħasses fuq iċ-ċelebrazzjoni
retta u denja ta’ dan il-misteru
hekk kbir. L-aħħar kapitlu ta’
din l-istruzzjoni preżenti
jitratta l-gradi diversi li
bihom in-normi singoli jintrabtu
flimkien mal-liġi suprema
tad-dritt ekkleżjastiku kollu,
li hi l-kura għas-salvazzjoni
tal-erwieħ.
L-Ewwel Kapitlu:
Ir-Regolamentazzjoni
tal-Liturġija Mqaddsa
14.
“Li
tirregola l-Liturġija Mqaddsa
huwa dritt li jappartieni biss
lill- Awtorità tal-Knisja, li
tinsab fis-Sede Appostolika, u
skont in-norma tad-dirittu,
f’idejn l-Isqof”.
15.
Il-Papa, l-isqof ta’ Ruma,
“Vigarju ta’ Kristu u Ragħaj
tal-Knisja Universali fuq l-art,
bis-saħħa tal-uffiċċju tiegħu
għandu s-setgħa ordinarja,
suprema, sħiħa, immedjata w
universali fuq il-Knisja, li
jista’ jeżerċitaha liberament”,
anke filwaqt li jikkomunika
mar-ragħajja u mal-fidili.
16.
Hija
kompetenza tas-Sede Appostolika
li tmexxi l-Liturġija Mqaddsa
tal-Knisja Universali,
tippublika kotba liturġiċi u
tawtorizza l-verżjonijiet
fil-lingwi mitkellma, kif ukoll
tgħasses sabiex l-ordnijiet
liturġiċi, speċjalment dawk li
permezz tagħhom tiġi regolata
ċ-ċelebrazzjoni tas-Sagrifiċċju
Mqaddes tal-Quddiesa, ikunu
fedelment osservati kullimkien.
17.
Il-kongregazzjoni tal-Kult Divin
u tad-Dixxiplina tas-Sagramenti
“tieħu ħsieb dak kollu li
(filwaqt li tiġi mħarsa
l-kompetenza tal-Kongregazzjoni
tad-Duttrina tal-Fidi)
jiddependi mis-Sede Appostolika
dwar ir-regolamentazzjoni u
l-promozzjoni tal-Liturġija
Mqaddsa, u fl-ewwel post
is-Sagramenti. Hija tħajjar u
tħares id-dixxiplina
tas-Sagramenti, speċjalment
f’dak li għandu x’jaqsam
maċ-ċelebrazzjoni valida u
leċita tagħhom.” Fl-aħħar nett,
“hija twettaq għassa attenta
sabiex jiġu osservati eżattament
id-dispożizzjonijiet liturġiċi,
tipprevjeni l-abbużi, u fejn
wieħed jittendi bihom, jiġu
eliminati”.
F’din il-materja, skont
it-tradizzjoni tal-Knisja
kollha, hija tinsisti fuq
is-serjetà fiċ-ċelebrazzjoni
tal-quddiesa u fil-kult li
għandu jingħata lill-Ewkaristija
Mqaddsa anke barra
mill-quddiesa.
18.
Il-fidili għandhom jaraw li
l-awtorità ekkleżjastika
tirregola bis-sħiħ u
effikaċement il-Liturġija
Mqaddsa, b’tali mod li hija qatt
ma tidher “propjetà privata ta’
xi ħadd, la taċ-ċelebrant u
lanqas tal-komunità li fiha
jkunu qed jiġu ċċelebrati
l-Misteri”.
L-Isqof Djoċesan, is-Saċerdot
il-Kbir tal-merħla tiegħu
19.
L-Isqof Djoċesan, l-ewwel
dispensatur tal-misteri ta’
Alla, huwa moderatur, promutur u
għassies tal-ħajja kollha
liturġika fil-Knisja partikulari
afdata f’idejh.
Infatti, l-isqof, imlibbes
bil-milja tas-Sagrament
tal-Ordni, hu “l-ekonomu
tal-grazzja tas-saċerdozju
suprem”
speċjalment fl-Ewkaristija, li
hu stess joffri jew jara li tiġi
offerta,
u li permezz tagħha l-Knisja
tgħix u tikber.
20.
Infatti, hemm manifestazzjoni
prinċipali tal-Knisja kull darba
li tiġi ċċelebrata l-quddiesa,
b’mod speċjali fil-knisja
kattedrali, “fis-sehem sħiħ u
attiv tal-poplu kollu qaddis ta’
Alla, (...) fl-unika talba,
madwar l-uniku artal, li fih
jippresiedi l-Isqof”, imdawwar
mis-saċerdoti tiegħu, mid-djakni
u ministri.
Barra minn hekk, kull
“ċelebrazzjoni leġittima
tal-Ewkaristija hi mmexxija
mill-Isqof, li f’idejh huwa
afdat l-uffiċċju li jagħti u
jirregola l-kult tar-reliġjon
nisranija lill-Maestà divina
skont il-preċetti tal-Mulej u
l-liġijiet tal-knisja,
determinanti għad-djoċesi tiegħu
permezz tal-ġudizzju partikulari
tiegħu”.
21.
Infatti mill-isqof djoċesan
“wieħed jistenna, dejjem
fil-limiti tal-kompetenza
tiegħu, li jagħti regoli
f’materja liturġika lill-Knisja
afdata f’idejh, li lkoll
għandhom jobduhom”.
L-isqof għandu jgħasses dejjem
li ma tiġi qatt nieqsa
l-libertà, li hija prevista
min-normi tal-kotba liturġiċi,
li jadatta, b’mod intelliġenti,
iċ-ċelebrazzjoni kemm għall-bini
sagru kemm għall-grupp
tal-fidili, kif ukoll
fiċ-ċirkustanzi pastorali,
b’tali mod li r-rit qaddis kollu
jwieġeb effettivament
għas-sensibilità tal-persuni.
22.
L-isqof imexxi l-Knisja
partikulari li tkun ġiet afdata
f’idejh
u huwa dmir tiegħu jirregolaha,
imexxiha, jistimolaha u kultant
iġeddidha,
filwaqt li jwettaq l-uffiċċju
qaddis li huwa rċieva permezz
tal-ordinazzjoni episkopali
tiegħu
għall-bini tal-merħla tiegħu
fil-verità u fil-qdusija.
Juri s-sens ġenwin tar-riti u
tat-testi liturġiċi u jsaħħaħ
fis-saċerdoti, fid-djakni u
fil-fidili l-ispirtu
tal-liturġija mqaddsa,
sabiex iwassal lil kulħadd
għaċ-ċelebrazzjoni attiva u
mimlija frott tal-Ewkaristija,
u jiżgura wkoll li l-korp
ekkleżjali kollu jkompli jimxi
'l quddiem ħaġa waħda, fl-għaqda
tal-karità, fuq pjan djoċesan,
nazzjonali u anke universali.
23.
Il-fidili għandhom ikunu “qalb
waħda mal-isqof bħalma l-Knisja
hija ma’ Ġesù Kristu, u bħalma
Ġesù Kristu huwa mal-Missier,
sabiex kollox ikun jaqbel
mal-għaqda fl-imħabba u joktor
għall-glorja ta’ Alla”.
Kulħadd, anke l-membri
tal-istituti tal-ħajja
konsagrata u tas-soċjetajiet ta’
ħajja appostolika, kif ukoll
l-assoċjazzjonijiet jew
movimenti ekkleżjali ta’ kull
xorta, huma suġġetti
għall-awtorità tal-isqof
djoċesan f’dak kollu li
jirrigwarda l-materja liturġika,
barra dawk id-drittijiet li
jkunu ġew mogħtijin lilhom
leġittimament. Għalhekk l-isqof
djoċesan għandu d-dritt u d-dmir
li jgħasses u jivverifika f’dak
li għandu x’jaqsam mal-materja
liturġika, il-knejjes u
l-oratorji fit-territorju
tiegħu, kif ukoll dawk imwaqqfa
jew immexxija minn membri ta’
istituti msemmija hawn fuq, jekk
fihom, abitwalment jattendu
l-fidili.
24.
Min-naħa tiegħu, il-poplu
nisrani għandu d-dritt li
l-isqof djoċesan jgħasses sabiex
ma jidħlux abbużi fid-dixxiplina
ekkleżjastika, speċjalment f’dak
li għandu x’jaqsam mal-Ministeru
tal-Kelma, maċ-ċelebrazzjonijiet
tas-sagramenti u
tas-sagramentali, mal-kult ta’
Alla u tal-qaddisin.
25.
Il-kummissjonijiet, il-kunsilli
u kumitati mwaqqfin mill-isqof
sabiex jagħtu s-sehem tagħhom
“li jġibu 'l quddiem
il-liturġija, il-mużika u l-arti
sagra fid-djoċesi tiegħu”,
għandhom jaħdmu skont il-ħsieb u
d-direttivi tal-isqof u għandhom
jistennew mill-awtorità u
mill-approvazzjoni tagħha sabiex
iwettqu kif suppost il-ħidma
tagħhom,
u dan biex tiġi mħarsa tabilħaqq
it-tmexxija tal-isqof
fid-djoċesi tiegħu. Rigward dawn
il-gruppi kollha, l-istituti
l-oħra u kull inizjattiva
f’materja liturġika, l-isqfijiet
għandhom jaraw, bħalma ilha
tinħass l-urġenza, kemm
l-attività tagħhom tkun ħalliet
frott
u jiżnu bil-għaqal liema
korrezzjoni jew titjib għandhom
jiġu mdaħħla fl-istruttura u
fl-attività tagħhom,
sabiex jakkwistaw qawwa ġdida.
Għandu dejjem jinżamm preżenti
li l-esperti jiġu magħżula fost
dawk li s-sħuħija fil-fidi
kattolika u t-tħejjija tagħhom
f’materja teoloġika huma
magħrufa.
Il-konferenza tal-isqfijiet
26.
Dan
jgħodd ukoll għal dawk
il-kummissjonijiet li għandhom
x’jaqsmu mal-istess materja li,
fuq xewqa li wera l-Konċilju,
huma mwaqqfin mill-Konferenza
tal-Isqfijiet u li l-membri
tagħha għandhom ikunu ta’
bilfors isqfijiet u jkunu
distinti sewwa mill-esperti
għall-għajnuna. Kemm-il darba
n-numru tal-membri ta’
konferenza tal-Isqfijiet ma
jkunux biżżejjed sabiex
jittieħdu minnhom bla ebda
diffikultà xi membri u jwaqqfu
kummissjoni liturġika, għandu
jiġi nominat kunsill jew grupp
ta’ esperti li, dejjem taħt
il-presidenza tal-isqof,
iwettaq, sa fejn jista’ din
il-ħidma, filwaqt li jiġi evitat
l-isem ta’ ‘Kummissjoni
Liturġika’.
27.
Is-Sede Appostolika żammet, sa
mill-1970, il-kontroll
tal-esperimenti relattivi
għaċ-ċelebrazzjoni tal-quddiesa
u tenniet mill-ġdid il-kontroll
fl-1988.
Għalhekk l-isqfijiet singoli,
kif ukoll il-Konferenzi
Episkopali tagħhom m’għandhom
l-ebda setgħa jippermettu
l-esperimenti rigward dawn
it-testi u għal dak kollu li
mhux preskritt fil-kotba
liturġiċi. Sabiex fil-ġejjieni
jkunu jistgħu jitwettqu dawn
l-esperimenti, huwa meħtieġ
il-permess tal-Kongregazzjoni
tal-Kult Divin u tad-Dixxiplina
tas-Sagramenti, mogħti
bil-miktub u mitlub
mill-Konferenzi tal-Isqfijiet.
Madankollu, dan ma jiġix mogħti
jekk mhux għal raġunijiet gravi.
Rigward l-inizjattivi ta’
adattament kulturali f’materja
liturġika, għandhom jiġu mħarsa
rigorożament u integralment
in-normi li ġew stabbiliti għal
dan.
28.
In-normi kollha li japplikaw
għall-materja liturġika,
stabbiliti skont in-normi
tad-Dirittu minn xi Konferenza
tal-Isqfijiet għat-territorju
proprju tagħhom, għandhom jiġu
mqiegħda għar-recognito
(għarfien) tal-kongregazzjoni
tal-Kult Divin u tad-Dixxiplina
tas-Sagramenti, li mingħajrha
m’għandhom l-ebda qawwa li
tobbliga.
Is-saċerdoti
29.
Is-saċerdoti, kollaboraturi
validi, imdawla u meħtieġa
tal-ordni episkopali,
imsejħin sabiex jaqdu l-poplu
t’Alla, jikkostitwixxu flimkien
mal-isqof tagħhom presbiterjat
wieħed,
anke jekk huma destinati għal
uffiċji diversi.
“Fil-komunitajiet lokali singoli
ta’ fidili, huma jagħmlu
preżenti, biex ngħidu hekk,
lill-Isqof, li miegħu huma
magħqudin b’qalb fiduċjuża u
kbira, jaqsmu miegħu, skont
il-grad l-uffiċċju u l-ħeġġa
tagħhom u jwettquhom b’impenn
ta’ kuljum”. U minħabba s-sehem
tagħhom fis-saċerdozju u
fil-missjoni, is-saċerdoti
jagħrfu fl-isqof il-missier
tagħhom u jobduh b’imħabba u
rispett.
Barra minn hekk, “dejjem attenti
għall-ġid ta’ wlied Alla,
jfittxu li jwasslu l-kontribut
tagħhom għall-ħidma pastorali
tad-djoċesi kollha, anzi
tal-Knisja kollha”.
30.
Kbira hija r-responsabbiltà
tagħhom “fiċ-ċelebrazzjoni
ewkaristika speċjalment
is-saċerdoti, li għandhom
id-dmir li jippresiedu fiha
in persona Christi, billi
jassiguraw xhieda u servizz ta’
komunjoni mhux biss
għall-komunità li direttament
tkun qed tieħu sehem
fiċ-ċelebrazzjoni, iżda anke
għall-Knisja universali, li
tidħol dejjem fiċ-ċelebrazzjoni
tal-Ewkaristija. Iżda ta’ min
jilmenta li, peress li ġie
mifhum ħażin is-sena ta’
kreattività u ta’ adattament,
speċjalment fis-snin li ġew wara
r-riforma liturġika
post-konċiljari, ma naqsux
abbużi li kienu motiv ta’
tbatija għal ħafna”.
31.
Fi
qbil ma’ dak li ġie mwiegħed
minnhom fir-rit tal-ordinazzjoni
sagra u mġedded ta’ kull sena
fil-Quddiesa tal-Griżma,
is-saċerdoti jiċċelebraw
“b’devozzjoni u b’fidi l-misteru
ta’ Kristu, b’tifħir lil Alla u
għat-tqaddis tal-poplu nisrani,
skont it-tradizzjoni tal-Knisja,
speċjalment fis-sagrifiċċju
tal-Ewkaristija u fis-Sagrament
tar-Rikonċiljazzjoni”.
M’għandhom qatt iġibu fix-xejn
it-tifsira profonda
tal-Ministeru proprju tagħhom,
billi jiddeformaw
iċ-ċelebrazzjoni liturġika
b’tibdiliet, tnaqqis u żidiet
arbitrarji.
Bħalma qal S.Ambroġ: “Il-Knisja
mhix feruta fiha nfisha (...),
iżda fina. Għalhekk ejjew
noqogħdu attenti li ma nħallux
l-iżbalji tagħna jsiru ġerħa
għall-Knisja”.
Għalhekk jeħtieġ li l-Knisja
qatt m’ għandha tiġi offiża
min-naħa tas-saċerdoti, li
offrew lilhom infushom
għall-ministeru b’solennità hekk
kbira. Anzi, għandhom jgħassu
fedelment taħt l-awtorità
tal-isqof, sabiex sfreġji ta’
din ix-xorta ma jiġux imwettqa
minn oħrajn.
32.
“Il-kappillan għandu jara li
l-Ewkaristija Mqaddsa tkun
iċ-ċentru tal-assemblea
parrokkjali tal-fidili, għandu
jħabrek sabiex il-fidili jmantnu
lilhom infushom permezz
taċ-ċelebrazzjoni devota
tas-sagramenti u b’mod speċjali
sabiex jersqu ta’ spiss
għas-sagrament tal-Ewkaristija
Mqaddsa u tal-penitenza; barra
minn hekk għandu jimpenja ruħu
sabiex jara li l-fidili jiġu
ffurmati fit-talb, li għandu
jsir ukoll fil-familja, u jieħdu
sehem b’attenzjoni u attivament
fil-Liturġija Mqaddsa, li tagħha
l-kappillan għandu jkun
il-moderatur fil-parroċċa
tiegħu, taħt l-awtorità
tal-isqof djoċesan, li fuqha
huwa għandu jgħasses sabiex ma
jkunx hemm abbużi”.
Għalkemm hija ħaġa sewwa li
fit-tħejjija effikaċi
taċ-ċelebrazzjonijiet liturġiċi,
speċjalment tal-quddiesa, huwa
jkun mgħejun minn diversi
fidili, qatt m’għandu jċedi a
favur tagħhom dawk
il-prerogattivi f’materja li
hija proprja għall-uffiċċju
tiegħu.
33.
Fl-aħħar nett,”is-saċerdoti
kollha għandhom jieħdu ħsieb
jikkoltivaw kif xieraq ix-xjenza
u l-arti liturġika, sabiex,
permezz tal-ministeru liturġiku
tagħhom, il-komunitajiet insara
afdati f’idejhom jistgħu jerfgħu
'il fuq it-tifħir dejjem iżjed
perfett lejn Alla Missier, Iben
u Spirtu s-Santu”.
Fuq kollox huma għandhom jimtlew
b’dawk is-sentimenti ta’ għożża
kbira li ċ-ċelebrazzjoni
tal-misteru tal-Għid tnissel
f’qalbhom.
Id-djakni
34.
Id-djakni, “li fuqhom isir
it-tqegħid tal-idejn mhux
għas-saċerdozju, iżda
għall-qadi”
irġiel ta’ fama tajba,
għandhom iġibu ruħhom
bil-għajnuna ta’ Alla bħala
dixxipli veri ta’ dak
“li ma ġiex biex ikun moqdi imma
biex jaqdi”
u kien fost id-dixxipli tiegħu
“bħal dak li jaqdi”.
U msaħħin bid-don tal-Ispirtu
s-Santu li jkunu rċevew permezz
tat-tqegħid tal-idejn, jaqdu
lill-poplu t’Alla f’għaqda
mal-isqof u l-presbiterju tiegħu.
Għandhom għalhekk iqisu
lill-isqof bħala missier u jkunu
ta’ għajnuna għalih u
għall-presbiterju tiegħu
“fil-Ministeru tal-Kelma f’dak
tal-artal, kif ukoll f’dak
tal-karità”.
35.
M’għandhom qatt jittraskuraw
“milli jgħassu l-misteru
tal-fidi, bħalma jgħid
l-Appostlu, b’kuxjenza safja
biex iħabbru din il-fidi
bil-kliem u bl-għemil, skont
il-Vanġelu u t-tradizzjoni
tal-Knisja”,
billi jaqdu fedelment, b’qalbhom
u bl-umiltà kollha, il-Liturġija
Mqaddsa bħala għajn u quċċata
tal-ħajja tal-Knisja, “sabiex
ilkoll, wara li jkunu saru wlied
Alla permezz tal-fidi u
l-magħmudija, jingħaqdu
flimkien, ifaħħru lil Alla
fil-Knisja, jieħdu sehem
fis-Sagrifiċċju tal-Ikla
tal-Mulej”.
Għalhekk id-djakni kollha, f’dak
kollu li għandhom x’jaqsmu
miegħu, jimpenjaw irwieħhom
sabiex jaraw li l-Liturġija
Mqaddsa tiġi ċċelebrata skont
il-kotba liturġiċi li jkunu ġew
verament approvati.
It-Tieni Kapitlu: Is-sehem
tal-fidli lajċi
fiċ-ċelebrazzjoni Ewkaristika
Sehem attiv u attent
36.
Iċ-ċelebrazzjoni tal-quddiesa,
in kwantu hija azzjoni ta’
Kristu u tal-Knisja,
tikkostitwixxi ċ-ċentru
tal-ħajja kollha nisranija
fil-Knisja kemm universali kif
ukoll partikulari, u fil-fidili
individwalment,
li huma “interessati f’diversi
modi, skont id-diversità
tal-ordni, ta’ ħidmiet, u ta’
sehem attiv.
B’dan il-mod, il-poplu nisrani,
‘ġens maħtur, saċerdozju regali,
nazzjon qaddis, poplu miksub
minn Alla għalih’,
juri l-ordni li jaqbel skont
il-ġerarkija tiegħu”.
“Is-saċerdozju komuni tal-fidili
u s-saċerdozju ministerjali jew
ġerariku, għalkemm jiddiferixxu
essenzjalment u mhux biss
fil-grad, huma ordnati wieħed
għall-ieħor, għaliex kemm wieħed
kif ukoll l-ieħor, kull wieħed
skont il-mod tiegħu, jieħdu
sehem mis-saċerdozju waħdieni
ta’ Kristu”.
37.
Il-fidili kollha, meħlusin
mid-dnubiet tagħhom u
inkorporati fil-Knisja permezz
tal-magħmudija, mill-karattru li
rċevew huma abilitati għall-kult
tar-reliġjon nisranija,
sabiex minħabba s-saċerdozju
regali tagħhom
u bis-sehem tagħhom bit-talb u
t-tifħir lil Alla,
juru ruħhom bħala vittma ħajja,
qaddisa, mogħġuba minn Alla, u
mgħixa f’kull ħidma tagħhom,
jagħtu xhieda ta’ Kristu
kullimkien u lil min jitlobha
jagħtuh raġuni tat-tama tagħhom
tal-ħajja ta’ dejjem.
Għalhekk, anke s-sehem tal-lajċi
fiċ-ċelebrazzjoni
tal-Ewkaristija u tar-riti
l-oħra tal-Knisja m’għandux jiġi
ridott għal sempliċi preżenza,
aktar u aktar passiva, iżda
għandha titqies eżerċizzju veru
tal-fidi u tad-dinjità
tal-magħmudija.
38.
Id-duttrina kontinwa tal-Knisja
dwar in-natura tal-Ewkaristija
mhux biss ta’ ikla, iżda wkoll u
fuq kollox bħala sagrifiċċju,
għandha tiġi ġustament meqjusa
fost il-kriterji prinċipali
għas-sehem sħiħ tal-fidili
kollha f’sagrament daqshekk kbir.
“Imneżża’ mill-valur sagrifikali
tiegħu, dan is-sagrament ma
jistax jiġi ċċelebrat
daqslikieku kien sempliċement
ikla fost l-aħwa”.
39.
Sabiex iġġib 'il quddiem u turi
s-sehem attiv, ir-riforma
riċenti tal-kotba liturġiċi
iffavorixxiet, skont
l-intenzjoni tal-Konċilju,
l-akklamazzjoni tal-poplu,
it-tweġibiet, is-salmodija,
l-antifoni, il-kant, kif ukoll
l-azzjonijiet jew ġesti u
l-pożizzjoni tal-ġisem, u sabet
waqtiet li fihom għandu jiġi
mħares is-skiet qaddis, billi
rat minn qabel fir-rubriki dawk
il-partijiet li jappartienu
lill-fidili.
Barra minn hekk, jiġi mogħti
spazju iktar wiesa’ għal-libertà
proprja ta’ adattament mibni fuq
il-prinċipju li kull
ċelebrazzjoni twieġeb
għall-ħtiġijiet, għall-kapaċità,
għat-tħejjija tal-qalb u
għan-natural ta’ dawk li jkunu
jieħdu sehem, skont
il-fakultajiet stabbiliti
min-normi liturġiċi. Fl-għażla
tal-kant, tal-melodiji,
tat-talbiet u tal-qari bibliċi
tal-omeliji u fit-tiswir
tat-talba tal-fidili, fl-għoti
tat-twissijiet u fit-tiżjin
skont iż-żminijiet varji
tal-Knisja, hemm possibiltà
tassew wiesa’ li tiġi mdaħħla
f’kull ċelebrazzjoni ċerta
varjetà, li tikkontribwixxi
sabiex tidher wisq iżjed
ir-rikkezza tat-tradizzjoni
liturġika u sabiex,
b’attenzjoni eżatta, tagħti
tifsira partikulari
liċ-ċelebrazzjoni, filwaqt li
żżomm quddiemha l-ħtiġijiet
pastorali, b’tali mod li
tiffavorixxi l-ħeġġa tal-qalb.
Irid jiġi mfakkar li s-siwi
tal-azzjonijiet liturġiċi ma
jinstabx fit-tibdil kontinwu
tar-rit, iżda fl-approfondiment
tal-Kelma t’Alla u tal-Misteru
ċċelebrat.
40.
Madankollu, għalkemm
iċ-ċelebrazzjoni tal-liturġija
għandha fiha, bla dubju ta’
xejn, din it-tifsira ta’ sehem
attiv tal-fidili kollha, ma
jirriżultax, qisha wasla għal xi
konklużjoni loġika, li lkoll
jeħtieġ iwettqu fiżikament xi
ħaġa iktar mill-ġesti previsti u
atteġġjament tal-ġisem,
bħallikieku kull wieħed
neċessarjament irid iwettaq
ħidma liturġika speċifika.
Il-formazzjoni kateketika
tipprovdi, b’ċerta kura, li
tikkoreġi fehmiet w użanzi
superfiċjali mxerrda f’xi
postijiet f’dawn l-aħħar snin, u
li tqajjem dejjem iżjed
fil-fidili sens imġedded ta’
ammirazzjoni kbira quddiem
il-profondità ta’ dak il-misteru
ta’ fidi li hi l-Ewkaristija, li
fiċ-ċelebrazzjoni tagħha
il-Knisja tgħaddi “mill-qadim
għall-ġdid” kontinwament.
Infatti fiċ-ċelebrazzjoni
tal-Ewkaristija, kif ukoll
fil-ħajja kollha nisranija, li
minnha tikseb il-qawwa u li
lejha timmira, il-Knisja,
bħall-Appostlu San Tumas, tinżel
għarkupptejha f’adorazzjoni
quddiem il-Mulej imsallab,
mejjet, midfun u rxuxtat
“fil-kobor tas-sbuħija divina
tiegħu, tesklama għal dejjem
“Mulej tiegħi u Alla tiegħi!”
41.
Sabiex tqajjem, iġġib 'il
quddiem u tmantni s-sens
interjuri tal-parteċipazzjoni
liturġika, jidhru partikolarment
utli ċ-ċelebrazzjoni assidwa u
mifruxa tal-Liturġija
tas-Sigħat, l-użu
tas-sagramentali u l-eżerċizzi
ta’ devozzjoni popolari
nisranija. Dawn l-eżerċizzji,
“minkejja li ma jirrigwardawx bi
dritt il-Liturġija Mqaddsa, huma
sostnuti verament minn
importanza partikulari ta’
dinjità”, għandhom jinżammu
meqjusa, speċjalment meta jiġu
mfaħħra w approvati mill-istess
Maġisteru,
imżejna b’xi rabta mal-kuntest
liturġiku, bħalma hija t-talba
tar-Rużarju.
Peress li dawn l-opri ta’
devozzjoni jmexxu lill-poplu
nisrani għall-parteċipazzjoni
tas-sagramenti, u b’mod
partikulari fl-Ewkaristija “kif
ukoll għall-meditazzjoni
tal-misteri tal-fidwa tagħna u
għall-imitazzjoni ta’ eżempji
mill-aqwa tal-qaddisin fis-Sema,
huma jseħbuna fil-kult liturġiku
mhux mingħajr il-ferħ
tas-salvazzjoni”.
42.
Hija
tassew ħaġa meħtieġa li nifhmu
li l-Knisja ma tinġabarx
flimkien b’rieda umana, iżda
tiġi msejħa tagħmel hekk minn
Alla fl-Ispirtu s-Santu, u
twieġeb permezz tal-fidi
għas-sejħa ħielsa tagħha:
it-terminu ekklesia
ifakkar fi klesis, li
tfisser ‘sejħa’.
Is-sagrifiċċju ewkaristiku
m’għandux jinżamm bħala
‘konċelebrazzjoni’ f’sens ta’
għaqda bla limiti tas-saċerdot
mal-assemblea preżenti.
Għall-kuntrarju, l-Ewkaristija
ċċelebrata mis-saċerdoti hija
rigal “li radikalment jissupera
l-qawwa tal-assemblea (...).
Il-komunità li tinġabar flimkien
għaċ-ċelebrazzjoni
tal-Ewkaristija turi l-ħtieġa
assoluta ta’ saċerdot ordnat li
jippresedi fuqha sabiex tista’
tkun verament assemblea
ewkaristika. Mill-banda l-oħra,
il-komunità mhix fi grad li
taħtar lilha nfisha ministru
ordnat”.
Hija assolutament meħtieġa
r-rieda komuni li tiġi evitata
kull xorta ta’ ambigwità
fil-materja u twassal rimedju
għall-abbużi li tfaċċaw f’dawn
l-aħħar snin. Għalhekk, għandhom
jiġu wżati, b’ċerta kawtela,
ċertu kliem bħalma huma
“komunità li tiċċelebra” jew
“assemblea li tiċċelebra”, jew
f’lingwi oħra moderni
“celebrating assembly”,
“assemblea celebrante”,
“assemblée celebrante”, u oħrajn
bħalhom.
Il-ħidmiet tal-fidili lajċi
fiċ-ċelebrazzjoni tal-quddiesa
43.
Hija ħaġa ġusta u ta’ min
ifaħħarha li, għall-ġid
tal-komunità u tal-Knisja kollha
ta’ Alla, xi fidili lajċi
jwettqu, skont it-tradizzjoni,
xi ħidmiet
li għandhom x’jaqsmu
maċ-ċelebrazzjoni tal-Liturġija
Mqaddsa.
Tkun ħaġa sewwa li jkun hemm
iżjed persuni li jaqsmu
bejniethom u jwettqu l-uffiċċji
differenti kif ukoll
il-partijiet varji tal-istess
uffiċċju.
44.
Minbarra l-ministeri istitwiti
tal-akkolitat u tal-lettorat,
fost dawk l-uffiċċji msemmija
hemm dawk tal-akkolitu
u tal-lettur,
b’inkarigu temporanju. Ma’ dawn
inżidu uffiċċji oħrajn imsemmija
fil-Missal Ruman,
kif ukoll il-ħidma ta’ dawk li
jħejju l-ostji, li jnaddfu
t-trieħi u affarijiet oħra
bħalhom. Ilkoll, “kemm dawk li
huma ministri ordnati kif ukoll
il-lajċi, filwaqt li jwettqu
l-ministeru jew inkella
l-uffiċċju tagħhom, għandhom
jaraw li jagħmlu dak biss li
huwa fil-kompetenza tagħhom”,
u li kemm fl-istess
ċelebrazzjoni liturġika kif
ukoll fit-tħejjija tagħha
għandhom jaraw li l-Liturġija
tal-Knisja titwettaq b’dinjità u
dekor.
45.
Jeħtieġ li jiġi evitat ir-riskju
li tiċċajpar il-komplimentarjetà
bejn l-azzjoni tal-kjerċi u dik
tal-lajċi, b’tali mod li r-rwol
tal-lajċi jiġi mqiegħed għal xi
għamla, bħalma ngħidu aħna, ta’
‘klerikalizzazzjoni’, filwaqt li
l-ministri sagri jieħdu fuqhom
bla ebda dritt dawk il-ħidmiet
li huma proprji tal-ħajja u
tal-azzjoni tal-lajċi.
46.
Il-lajk li jkun imsejjaħ sabiex
jagħti l-għajnuna tiegħu
fiċ-ċelebrazzjonijiet liturġiċi,
jeħtieġ li jkun imħejji sewwa, u
li jiddistingwi ruħu għall-ħajja
nisranija, fidi, imġiba u
fedeltà għall-maġisteru
tal-Knisja. Hi ħaġa sewwa li
jkun irċieva formazzjoni
liturġika li taqbel mal-età, mod
ta’ ħajja u kultura reliġjuża
tiegħu.
M’għandux jiġi magħżul ħadd
fil-liturġija li l-għażla tiegħu
toħloq tgemgim fost il-fidili.
47.
Hija
ħaġa ta’ min ifaħħarha li għadha
tibqa’ teżisti d-drawwa magħrufa
li jkun hemm tfal subien u
ġuvintur, soltu msejħa
‘abbatini’, li jagħtu s-servizz
tagħhom lill-artal bħalma
jagħtih l-akkolitu, u li jkunu
rċevew, skont il-kapaċità
tagħhom, katekeżi opportuna
fir-rigward tal-ħidma tagħhom.
Ma jrid jintesa qatt li minn
fost dawn is-subien ħareġ,
mal-medda tas-sekli, numru kbir
ta’ ministri sagri.
Għandhom jitwaqqfu jew jiġu
mgħejuna assoċjazzjonijiet, anke
bis-sehem u bl-għajnuna
tal-ġenituri, li permezz tagħhom
tiġi mogħtija b’mod iżjed
effikaċi kura pastorali
tal-abbatini. Meta dawn
l-assoċjazzjonijiet jieħdu sura
internazzjonali, huwa dritt
tal-Kongregazzjoni tal-Kult
Divin u tad-Dixxiplina
tas-sagrament li twaqqaf u
teżamina u tapprova l-istatuti
tagħhom.
Għal dan is-servizz tal-artal
jistgħu jiġu ammessi tfal bniet
u anke nisa skont il-ġudizzju
tal-Isqof djoċesan u fil-ħarsien
tan-normi stabbiliti.
IT-TIELET KAPITLU:
IĊ-ĊELEBRAZZJONI TAL-QUDDIESA
KIF GĦANDHA TKUN
Il-materja tal-Ewkaristija
Mqaddsa
48.
Il-ħobż użat fiċ-ċelebrazzjoni
tas-Sagrifiċċju Qaddis għandu
jkun dak ażżmu, esklussivament
magħmul mid-dqiq tal-qamħ u
mħejji reċentement, b’mod li ma
jħalli ebda riskju ta’ taħsir.
Minn dan jidher li dak imħejji
minn materja oħra, anke jekk
ikun ġej miċ-ċereali, jew li
miegħu tħalltet materja oħra li
mhix qamħ, fi kwantità tali li
ma jistax jibqa’ jissejjaħ,
skont l-istima komuni, ħobż
tal-qamħ, ma jiffurmax materja
valida għaċ-ċelebrazzjoni
tas-sagrifiċċju u tas-sagrament
ewkaristiku.
Huwa abbuż gravi li jiġu mdaħħla
fl-għaġna tal-ħobż
għall-Ewkaristija sustanzi oħra,
bħalma huma l-frott, zokkor u
għasel. Huwa importanti li
l-ostiji jiġu maħduma minn
persuni li mhux biss
jiddistingwu ruħhom
għall-onestà, iżda jkunu wkoll
esperti fit-tħejjija tal-istess
ostji u mgħammra b’għodod
adegwati.
49.
Minħabba s-sinjal espress,
jaqbel li xi biċċa mill-ħobż
ewkaristiku miksuba mill-qsim
tiegħu tiġi mogħtija almenu lil
xi persuna fil-mument
tat-tqarbin. “L-ostji ż-żgħar
assolutament mhumiex esklużi,
meta n-numru ta’ dawk li ser
jitqarbnu, jew inkella minħabba
raġunijiet pastorali, jitolbu
dan”;
anzi, għandhom jiġu wżati
bħas-soltu ostji żgħar li ma
jeħtiġux li jiġu maqsuma
mill-ġdid.
50.
L-inbid użat fiċ-ċelebrazzjoni
tas-sagrifiċċju ewkaristiku
qaddis għandu jkun naturali,
mill-frott tad-dielja, ġenwin,
mhux mibdul, lanqas imħallat ma’
sustanzi barranin.
Fl-istess ċelebrazzjoni
tal-quddiesa, jiġu mħallta ftit
qtar ta’ ilma. Għandu jiġi
mħares b’attenzjoni kbira li
l-inbid iddestinat
għall-Ewkaristija, jiġi
kkonservat fi stat perfett u ma
jitħalla qatt isir ħall.
Huwa assolutament projbit l-użu
ta’ inbid li jkun hemm xi dubju
dwar il-ġenwinità u
l-provenjenza tiegħu: Il-Knisja
tesiġi, infatti, iċ-ċertezza
dwar il-kundizzjoni meħtieġa
għall-validità tas-sagramenti.
Imbagħad, m’għandha qatt tiġi
permessa l-ebda skuża favur xi
xorb ieħor, hu x’inhu, li ma
jikkostitwix materja valida.
It-talba Ewkaristika
51.
Għandhom jiġu wżati biss dawk
it-Talbiet Ewkaristiċi li
jinsabu fil-Missal Ruman jew li
huma leġittimament approvati
mis-Sede Appostolika skont
il-mod u t-termini minnha
definiti. “M’għandu qatt jiġi
permess li xi Saċerdoti jieħdu
f’idejhom id-dritt li jikkomponu
talbiet ewkaristiċi”
jew li jibdlu t-test ta’ dawk
approvati mill-Knisja, lanqas
għandhom jiġu adottati oħrajn
ġodda miktubin privatament minn
xi individwi.
52.
Ir-reċita tat-talba Ewkaristika,
li mill-istess natura tagħha
hija l-quċċata taċ-ċelebrazzjoni
sħiħa, hija ħaġa proprja
tas-Saċerdot, bil-qawwa
tal-ordinazzjoni tiegħu.
Għalhekk huwa abbuż meta ċerti
partijiet minnha jitħallew
sabiex jiġu mtennija minn
djaknu, minn ministru lajk jew
inkella minn wieħed jew iktar
fidili flimkien. It-talba
Ewkaristika, għalhekk, għandha
tiġi reċitata kollha kemm hi
mis-saċerdot waħdu.
53.
Filwaqt li s-Saċerdot Ċelebrant
jgħid it-Talba Ewkaristika,
“m’għandux jiġi ddominat minn
talb jew kant ieħor. Kemm
l-orgni u kif ukoll strumenti
mużikali oħra għandhom jieqfu”,
u jistgħu jintużaw biss
għall-akklamazzjonijiet
tal-poplu kif ġa ġew approvati,
u kif ser naraw iktar 'il
quddiem.
54.
Madankollu, il-poplu għandu
dejjem jieħu parti attiva u qatt
b’mod sempliċement passiv:
għandhom “ jingħaqdu
mas-saċerdot bil-fidi u
fis-skiet, kif ukoll
b’interventi stabbiliti matul
it-Talba Ewkaristika, bħalma
huma it-tweġibiet fid-djalogu
tal-Prefazju, is-Sanctus,
l-akklamazzjoni wara
l-konsagrazzjoni u l-Ammen
wara d-dossoloġija finali, kif
ukoll akklamazzjonijiet
approvati mill-Konferenza
tal-Isqfijiet u konfermati
mis-Santa Sede”.
55.
F’ċerti postijiet daħal l-abbuż
li s-saċerdot jaqsam l-ostja
fil-mument tal-konsagrazzjoni
matul iċ-ċelebrazzjoni
tal-quddiesa. Dan l-abbuż jiġi
mwettaq kontra t-tradizzjoni
tal-Knisja u għandu jiġi
disapprovat u kkoreġut malajr
kemm jista’ jkun.
56.
Qatt
m’għandu jitħalla barra l-isem
tal-Papa u tal-isqof djoċesan, u
dan sabiex tiġi mħarsa
t-tradizzjoni antikissima u li
turi l-komunjoni ekkleżjali.
Infatti “kull ċelebrazzjoni
Ewkaristika hija komunjoni
mal-Isqof proprju u mal-Papa.”
Il-partijiet l-oħra tal-quddiesa
57.
Huwa dritt tal-komunità
tal-fidili li jkun hemm
regolarment fuq kollox
fiċ-Ċelebrazzjoni tal-Ħadd,
mużika sagra adegwata u li
tixraq, kif ukoll, dejjem,
artal, ħwejjeġ u trieħi sagri li
jkunu xierqa, skont in-normi,
għad-dinjità, għad-dekor u
għall-indafa.
58.
Hekk ukoll, il-fidili għandhom
dritt li ċ-ċelebrazzjoni
tal-Ewkaristija tiġi mħejjija
fil-partijiet kollha tagħha
bil-għaqal kollu, b’tali mod li
fiha tiġi mxandra u mfissra
l-Kelma ta’ Alla b’mod effikaċi;
li tiġi mwettqa b’kura, skont
in-normi, il-fakultà tal-għażla
tat-testi liturġiċi u tar-riti,
u li fiċ-ċelebrazzjoni
tal-liturġija tiġi mħarsa u
msaħħa kif suppost il-fidi
tagħhom fil-kelmiet tal-kant.
59.
Irid jinqata’ darba għal dejjem
l-abbuż ta’ min jikkundannah
lis-saċerdot, id-djakni u anke
l-fidili jibdlu u jalternaw 'l
hawn u 'l hemm, skont
il-ġudizzju tagħhom, it-testi
tal-liturġija mqaddsa li huma
jtennu. Infatti, meta jagħmlu
hekk jirrendu ċ-ċelebrazzjoni
tal-liturġija mqaddsa instabbli
u kultant jaslu jibdlu
saħansitra s-sens awtentiku.
60.
Fiċ-ċelebrazzjoni tal-quddiesa,
il-Liturġija tal-Kelma u
l-Liturġija tal-Ewkaristija huma
strettament marbuta bejniethom u
jiffurmaw att wieħed ta’ kult.
Għalhekk mhux leċtu tiġi
separata sezzjoni minn oħra, u
li jiġu ċċelebrati f’ħinijiet u
f’postijiet differenti.
Barra minn hekk, mhix ħaġa
leċita li sezzjonijiet
partikulari tal-quddiesa jiġu
ċċelebrati f’waqtiet differenti,
anke jekk ikunu fl-istess
ġurnata.
61.
Fl-għażla tal-qari bibliku li
għandu jixxandar
fiċ-ċelebrazzjoni tal-quddiesa,
għandhom jiġu mħarsa n-normi li
jinsabu fil-kotba liturġiċi;
dan sabiex realment “il-mejda
tal-Kelma t’Alla, tiġi mżejna
b’abbundanza ikbar għall-fidili
u jiġu miftuħa iżjed beraħ
għalihom it-teżori tal-Bibbja”.
62.
Mhux
permess li jitħallew barra jew
jiġu mibdula b’inizjattiva
proprja s-siltiet tal-qari
bibliku preskritti, lanqas
għandhom jiġu mibdula “il-qari u
s-salm responsorjali, li jiġbru
fihom il-Kelma ta’ Alla, ma’
testi oħra li mhumiex bibliċi.”
63.
Il-qari tal-Vanġelu, li
“jikkostitwixxi l-quċċata
tal-Liturġija tal-Kelma”,
huwa riservat, skont
it-tradizzjoni tal-Knisja,
fiċ-ċelebrazzjoni tal-Liturġija
Mqaddsa, għall-ministru ordnat.
Għalhekk mhux permess li wieħed
lajk, anke jekk reliġjuż,
ixandar il-Vanġelu matul
iċ-ċelebrazzjoni tal-quddiesa u
lanqas f’każijiet oħra li fihom
in-normi espliċitament ma
jippermettux dan.
64.
L-omelija, li tingħata matul
iċ-ċelebrazzjoni tal-quddiesa u
li hija parti mill-istess
liturġija,
“is-soltu ssir mill-istess
saċerdot ċelebrant jew inkella
jista’ jqabbad lil xi saċerdot
konċelebrant, u xi kultant,
skont l-
opportunità, anke lid-djaknu,
iżda qatt ma tista’ ssir minn
lajk.
F’każijiet partikulari u
minħabba raġuni ġusta, l-omelija
tista’ ssir minn isqof jew minn
presbiteru li jkun qed jieħu
sehem fiċ-ċelebrazzjoni, anke
jekk ma jkunx jista’
jikkonċelebra”.
65.
Jiġi
mfakkar li għar-raġuni ta’ dak
li hemm imniżżel fil-kanoni 767
par.1, għandha titqies imħassra
kull norma preċedenti li kienet
tikkonċedi lill-fidili mhux
ordnati li jagħmlu omelja matul
iċ-ċelebrazzjoni ewkaristika.
Din id-drawwa kienet fil-fatt
imneħħija u għalhekk m’għandhiex
tibqa’ tiġi mogħtija bis-saħħa
ta’ xi privileġġ.
66.
Iċ-ċaħda tal-permess lil-lajċi
għall-predikazzjoni matul
iċ-ċelebrazzjoni tal-quddiesa
jiswa wkoll għas-seminaristi,
għall-istudenti ta’ dixxiplini
teoloġiċi, għal dawk kollha li
jkunu rċevew xi inkarigu ta’
“assistenti pastorali”, u għal
kull għamla oħra ta’ grupp,
komunità jew assoċjazzjoni ta’
lajċi.
67.
Fuq
kollox, jeħtieġ li tingħata
attenzjoni sħiħa sabiex
l-omelija ssib strettament
iċ-ċentru tagħha fil-misteru
tas-salvazzjoni, billi tesponi
matul il-kors tas-sena
liturġika, fuq is-sisien
tal-qari bibliku u tat-testi
liturġiċi, il-misteri tal-fidi u
r-regoli tal-ħajja nisranija u
billi toffri kumment lit-testi
tal-Ordinarju jew inkella
tal-Proprju tal-Quddiesa, jew
inkella ta’ xi rit ieħor
tal-Knisja.
Hija ħaġa ovvja li
l-interpretazzjonijiet
tal-Iskrittura Mqaddsa għandhom
kollha jwasslu għand Kristu
bħala l-qofol suprem
tal-ekonomija tas-salvazzjoni,
iżda dan isir billi jinżamm
il-kuntest speċifiku
taċ-ċelebrazzjoni liturġika.
Meta ssir l-omelija, jeħtieġ li
wieħed jara li jwassal id-dawl
ta’ Kristu fuq il-ġrajjiet
tal-ħajja. Dan għandu jsir b’mod
li ma jiġix imneżża’ s-sens
awtentiku u ġenwin tal-Kelma ta’
Alla, meta per eżempju tiġi
ttrattata biss politika jew
argumenti profani, jew meta
wieħed jagħmel użu minn fehmiet
ġejjin minn movimenti
psewdoreliġjużi taż-żminijiet
tagħna.
68.
L-isqof djoċesan għandu jgħasses
b’attenzjoni fuq l-omelija,
billi jwassal lill-ministri
sagri normi, guidelines u
sussidji, kif ukoll billi
jħajjar laqgħat w inizjattivi
apposta, sabiex huma jkollhom
l-okkażjoni li ta’ spiss
jirreflettu b’attenzjoni ikbar
dwar in-natura tal-omelija u
jsibu l-għajnuna f’dak li għandu
x’jaqsam mat-tħejjija tagħha.
69.
M’għandu qatt jiġi ammess
fil-quddiesa, kif ukoll
f’ċelebrazzjonijiet liturġiċi,
xi Kredu jew Professjoni
tal-Fidi, li mhux imdaħħal diġa’
fil-kotba liturġiċi li jkunu ġew
approvati kif suppost.
70.
L-offerti li l-fidili s-soltu
jippreżentaw matul il-quddiesa
għal-Liturġija Ewkaristika
m’għandhomx jiġu ridotti
neċessarjament għall-ħobż u
l-inbid għaċ-ċelebrazzjoni
tal-Ewkaristija, iżda jista’
jkun hemm ukoll rigali oħra taħt
xi forma ta’ flus jew oġġetti
utli għall-karità b’risq
il-foqra. Id-doni li jidhru
għandhom, għalhekk, ikunu dejjem
espressjoni viżibbli ta’ dak
ir-rigal veru li l-Mulej
jistenna mingħandna: qalb
sogħbiena u l-imħabba ta’ Alla u
l-imħabba tal-proxxmu, li
permezz tagħhom aħna
nikkonformaw ruħna
mas-Sagrifiċċju ta’ Kristu li
offra lilu nnifsu għalina.
Fl-Ewkaristija, infatti, jiddi,
fi grad tassew kbir, il-misteru
ta’ dik il-karità li Ġesù Kristu
wera fl-Aħħar Ċena meta ħasel
riġlejn id-dixxipli. Madankollu,
sabiex tiġi mħarsa d-dinjità
tal-Liturġija Mqaddsa hemm bżonn
li l-offerti materjali jiġu
ppreżentati b’mod adegwat.
Għalhekk, il-flus, kif ukoll
l-offerti l-oħra lill-foqra,
jkunu mqiegħda f’post adattat,
iżda 'l barra mill-mejda
ewkaristika.
B’eċċezzjoni tal-flus, u f’każ,
minħabba l-messaġġ, parti żgħira
tad-doni l-oħra, huwa
preferibbli li dawn l-offerti
jiġu ppreżentati barra
miċ-ċelebrazzjoni tal-Quddiesa.
71.
Għandu jibqa’ jinżamm l-użu
tar-Rit Ruman li tingħata l-paċi
qabel it-Tqarbin Imqaddes, kif
hemm stabbilit fir-Rit
tal-Quddiesa. Skont
it-tradizzjoni tar-Rit Ruman,
infatti, din id-drawwa m’għandha
l-ebda konnotazzjoni la ta’
rikonċiljazzjoni u lanqas
tal-maħfra tad-dnubiet, iżda
pjuttost il-funzjoni li tesprimi
l-paċi, komunjoni u karità
meħtieġa qabel ma’ wieħed
jirċievi l-Ewkaristija Mqaddsa.
Infatti huwa l-att penitenzjali
li jsir fil-bidu tal-quddiesa,
b’mod partikolari skont l-ewwel
forma tiegħu, li għandu
l-karattru ta’ rikonċiljazzjoni
fost l-aħwa.
72.
Tkun
ħaġa sewwa “li wieħed jagħti
b’mod meqjus is-sinjal tal-paċi
lil dawk biss li jkollu ħdejh.”
“Is-saċerdot jista’ jagħti
l-paċi lill-ministri, basta
jibqa’ fuq il-presbiterju,
sabiex ma jiddisturbax
iċ-ċelebrazzjoni. Hekk ukoll
għandu jagħmel, jekk minħabba xi
motiv raġjonevoli, ikun irid
jagħti l-paċi lil xi fidili”.
“Il-mod ta’ kif għandu jitwettaq
dan l-istess ġest ta’ paċi, jiġi
stabbilit mill-Konferenzi
Episkopali (...) skont
in-natural u d-drawwiet
tal-popli”, u li hu approvat
mis-Sede Appostolika.
73.
Fiċ-ċelebrazzjoni tal-quddiesa,
il-qsim tal-ħobż ewkaristiku, li
għandu jsir biss mis-saċerdot
ċelebrant, bil-għajnuna, jekk
ikun il-każ, tad-djaknu jew
inkella ta’ xi konċelebrant,
iżda mhux ta’ xi wieħed lajk,
jibda wara l-għoti tal-paċi,
filwaqt li jiġi reċtat il-‘Ħaruf
t’Alla’. Il-ġest tal-qsim
tal-ħobż, infatti, imwettaq minn
Kristu fl-Aħħar Ċena, li sa minn
żmien l-appostli ta isem
lill-azzjoni ewkaristika kollha,
ifisser li l-ħafna fidili,
fit-tqarbin li jkun ġej minn
ħobża waħda tal-ħajja, li hu
Kristu mejjet u rxuxtat
għas-salvazzjoni tad-dinja,
jiffurmaw ġisem wieħed (1 Kor
10,17).
Għalhekk, ir-rit għandu jiġi
mwettaq b’rispett kbir.
Għandu jkun qasir. Jeħtieġ li
jitneħħa malajr kemm jista’ jkun
l-abbuż li daħal f’xi postijiet
li ġie mtawwal dan ir-rit
mingħajr il-ħtieġa ta’ xejn,
anke bl-għajnuna ta’ lajċi,
kontrarju għan-normi, u li qed
jiġi mogħti lilu importanza
esaġerata.
74.
Jekk
ikun hemm il-ħtieġa li tingħata
informazzjoni jew xhieda ħajja
nisranija lill-fidili miġburin
fil-knisja, huwa ġeneralment
preferibbli li dan isir barra
mill-quddiesa. Madankollu,
minħabba raġuni gravi, jistgħu
jingħataw informazzjonijiet
(avviżi) diversi jew xhieda meta
s-saċerdot ikun qal l-aħħar
talba wara t-tqarbin. Madankollu
din il-prattika m’għandha qatt
issir drawwa. Barra minn hekk,
dawn l-informazzjonijiet u
xhieda m’għandhomx jiġu
mitfixkla mal-omelija,
u lanqas m’għandha tiġi mneħħija
totalment l-istess omelija
minħabba fihom.
L-għaqda tar-riti varji
maċ-ċelebrazzjoni tal-quddiesa
75.
Minħabba raġuni teoloġika
marbuta maċ-ċelebrazzjoni
ewkaristika jew inkella ma’ xi
rit partikulari, il-kotba
liturġiċi xi kultant
jippreskrivu jew inkella
jippermettu ċ-ċelebrazzjoni
tal-quddiesa tkun magħquda ma’
xi rit ieħor, speċjalment
tas-sagramenti.
Madankollu, fil-każijiet l-oħra,
il-Knisja ma tippermetti l-ebda
rabta, speċjalment meta jkun
hemm ċirkustanzi li jkollhom
sura superfiċjali jew vojta.
76.
Barra minn hekk, skont
tradizzjoni mill-iżjed antika
tal-Knisja Rumana, mhux leċtu li
jiġu magħquda flimkien
is-sagrament tal-qrar
mal-quddiesa b’tali mod li jsiru
azzjoni liturġika waħda. Dan ma
jwaqqafx li xi saċerdoti, barra
dawk li jkunu qed jiċċelebraw
jew jikkonċelebraw il-quddiesa,
jisimgħu il-qrar tal-fidili li
jkunu jixtiequ, anke waqt li
tkun qed tiġi ċċelebrata
l-quddiesa fl-istess post,
sabiex b’hekk jgħinu lill-fidili
fil-ħtiġijiet tagħhom.
Dan kollu għandu jsir b’mod
opportun.
77.
Bl-ebda mod m’għandha tiġi
kkombinata ċ-ċelebrazzjoni
tal-quddiesa mal-kontest ta’
ikla komuni, lanqas għandha
titqiegħed f’rapport ma’ tip
simili ta’ ikla. Barra minn xi
każijiet ta’ ħtieġa gravi, ma
tistax tiġi ċċelebrata
l-quddiesa fuq mejda tal-ikel
jew inkella f’xi refettorju, jew
inkella f’xi post użat għal skop
ta’ ikel, u lanqas ma jistgħu
dawk li jkunu qed jieħdu sehem
fil-quddiesa joqogħdu bilqiegħda
madwar il-mejda matul il-ħin
tal-istess ċelebrazzjoni. Jekk
minħabba raġuni gravi jkun hemm
il-ħtieġa li tiġi ċċelebrata
l-quddiesa fl-istess post fejn
wara tkun ser issir ikla, għandu
jingħata spazju ta’ ħin
rilevanti bejn il-konklużjoni
tal-quddiesa u l-bidu tal-pranzu
jew ċena, u li m’għandux jiġi
espost fl-istess post ikel
ordinarju ieħor lill-fidili
matul il-quddiesa.
78.
Mhux leċtu li ċ-ċelebrazzjoni
tal-quddiesa tiġi marbuta ma’
ġrajjiet politiċi jew tad-dinja
jew inkella ma’ ċirkustanzi li
ma jikkorrispondux bis-sħiħ
mal-Maġisteru tal-Knisja
Kattolika. Barra minn hekk,
għandu jiġi evitat għalkollox li
tiġi ċċelebrata l-quddiesa bħala
esibizzjoni (‘show’) jew li tiġi
ċċelebrata skont l-istil ta’
ċerimonji oħra, aktar u aktar
jekk ikunu profani, u dan biex
ma titneħħiex it-tifsira
awtentika tal-Ewkaristija.
79.
Fl-aħħar nett, għandu jiġi
meqjus b’mod mill-iżjed rigoruż
l-abbuż li jiġu mdaħħla
fiċ-ċelebrazzjoni tal-quddiesa
elementi li ma jaqblux
mal-preskrizzjonijiet tal-kotba
liturġiċi, u li qegħdin
jittieħdu mir-riti ta’
reliġjonijiet oħra.
Ir-Raba’ Kapitlu: It-Tqarbin
Imqaddes
Dispożizzjonijiet sabiex
tirċievi t-Tqarbin Imqaddes
80.
L-Ewkaristija hija mqiegħda
quddiem il-fidili bħala “rimedju
mediċinali, li jeħlisna
mill-ħtijiet ta’ kuljum u
jħarisna mid-dnubiet il-
mejta”,
bħalma jidher fid-dawl
tad-diversi partijiet
tal-quddiesa.
Rigward
l-att penitenzjali mqiegħed
fil-bidu tal-quddiesa, hu għandu
l-iskop li jgħin
lill-parteċipanti sabiex ikunu
fi grad li jiċċelebraw denjament
il-misteri qaddisa;
madankollu “huwa nieqes
mill-qawwa li taħfer
tas-Sagrament tal-Qrar”,
u f’dak li għandu x’jaqsam
mal-maħfra tad-dnubiet il-mejta,
m’għandux jitqies bħala sostitut
tas-sagrament tal-qrar.
Ir-Ragħajja tal-erwieħ għandhom
jieħdu ħsieb b’diliġenza
l-istruzzjoni kateketika, b’mod
li jiġi mgħoddi t-tagħlim
nisrani f’dan ir-rigward
mill-fidili.
81.
Il-Knisja tafferma kontinwament
il-ħtieġa li kull wieħed minna
għandu jeżamina fil-fond lilu
nnifsu,
sabiex min jagħraf li jinsab
fid-dnub il-mejjet ma
jiċċelebrax il-quddiesa u lanqas
jitqarben bil-Ġisem tal-Mulej
qabel ma jkun resaq għall-qrara
sagramentali, sakemm ma jkunx
hemm raġuni gravi u ma jkunx
hemm l-opportunità li wieħed
iqerr; f’dan il-każ wieħed irid
iżomm quddiem għajnejh li huwa
obbligat jagħmel att ta’ ndiema
perfetta, li tinkludi fiha
l-proponiment li jersaq
għall-qrar malajr kemm jista’
jkun.
82.
Barra minn hekk, “il-Knisja tat
normi li għandhom bħala mira
tagħhom li jiffavorixxu kemm
is-sehem frekwenti u mimli frott
tal-fidili madwar il-mejda
ewkaristika kif ukoll li
jiddeterminaw il-kundizzjonijiet
oġġettivi li fihom jeħtieġ li
wieħed jastjeni għalkollox milli
jqassam l-Ewkaristija”.
83.
Hija bla dubju ta’ xejn l-aħjar
ħaġa li dawk kollha li jieħdu
sehem f’ċelebrazzjoni
tal-quddiesa, u jkollhom
il-kundizzjonijiet mitluba,
jirċievu fiha t-Tqarbin
Imqaddes. Madankollu xi drabi
jiġri li l-fidili jersqu
għall-Mejda Mqaddsa f’massa u
mingħajr id-dixxerniment
meħtieġ. Hu dmir tar-ragħajja li
jikkoreġu bi prudenza u
b’fermezza dan l-abbuż.
84.
Barra minn hekk, jekk tiġi
ċċelebrata l-quddiesa għal xi
folla kbira, jew, per eżempju,
fi pjazez kbar, jeħtieġ li tiġi
mogħtija attenzjoni sabiex ma
jersqux għat-tqarbin imqaddes
dawk li b’nuqqas ta’ għarfien,
mhumiex kattoliċi, u saħansitra
dawk li mhumiex insara, bla ma
jiġi mħares il-Maġisteru
tal-Knisja fl-ambitu dottrinali
u dixxiplinari. Ir-ragħajja
għandhom jaraw li javżaw,
fil-mument opportun, lil dawk li
jkunu preżenti dwar il-verità u
d-dixxiplina li trid tiġi mħarsa
rigorożament.
85.
Il-ministri kattoliċi għandhom
jamministraw leċitament
is-sagramenti lill-fidili
kattoliċi biss, u dawn min-naħa
tagħhom huma wkoll jistgħu
jirċevuhom leċitament mingħand
il-ministri kattoliċi biss,
basta jiġu mħarsa
id-diżpożizzjonijiet
tal-kan.844, par.2, 3 u 4, kif
ukoll tal-kan.861 par.2.
Barra minn hekk,
il-kundizzjonijiet stabbiliti
mill-kan.844 par.4, li minnhom
bl-ebda mod ma tista’ tingħata
xi dispensa,
għandhom jiġu osservati u ma
jistgħux jiġu mifruda minn
xulxin; iżda huma meħtieġa li
l-kundizzjonijiet kollha jiġu
osservati f’daqqa.
86.
Il-fidili għandhom jiġu mmexxija
bil-għaqal kollu għall-prattika
li jersqu għas-sagrament
tal-qrar barra ċ-ċelebrazzjoni
tal-quddiesa, speċjalment
f’orarji stabbiliti, b’mod li
l-amministrazzjoni tiegħu isir
bil-kalma u bi profitt effettiv
għalihom, bla ma jkunu mċaħħda
mill-parteċipazzjoni attiva
tal-quddiesa. Dawk li s-soltu
jitqarbnu ta' kuljum jew inkella
ta’spiss jiġu mgħallma biex
jersqu għas-sagrament tal-qrar
fil-ħinijiet xierqa, skont
il-possibilità ta’ kull wieħed u
waħda minnhom.
87.
Għandha tiġi amministrata minn
qabel il-qrara sagramentali u l-
assoluzzjoni lil dawk it-tfal li
jkunu ser jirċievu l-Ewwel
Tqarbina.
Barra minn hekk, l-Ewwel
Tqarbina għandha dejjem tiġi
amministrata minn saċerdot u
qatt m’għandha ssir barra
miċ-ċelebrazzjoni tal-quddiesa.
Jekk mhux għal xi każ
eċċezzjonali, ftit li xejn hija
f’postha li tiġi amministrata
f’Ħamis ix-Xirka in Cena
Domini. Għandu jiġi magħżul
xi jum ieħor, bħalma huma bejn
it-II Ħadd u s-VI Ħadd tal-Għid
jew inkella fis-solennità
tal-Ġisem u d-Demm ta’ Kristu
jew inkella fil-Ħdud ‘matul
is-sena’, peress li l-Ħadd huwa
ġustament ikkunsidrat ukoll jum
l-Ewkaristija.
Sabiex jirċievu l-Ewkaristija
m’għandhomx jersqu “tfal li ma
jkunux għadhom laħqu l-età
tar-raġuni” jew li l-kappillan
“ikun iġġudikahom bħala mhux
imħejjija biżżejjed”,
iżda għal xi raġuni ġusta, meta
jkun hemm xi tifel li b’mod
tassew eċċezzjonali rigward
l-età, jitqies li hu matur biex
jirċievi s-sagrament, m’għandux
jiġi mċaħħad mill-Ewwel
Tqarbina, bil-patt li jkun ġie
mħejji biżżejjed.
Id-distribuzzjoni tat-Tqarbin
Imqaddes
88.
Is-soltu, il-fidili jirċievu
t-tqarbina sagramentali
tal-Ewkaristija fl-istess
quddiesa u fil-mument preskritt
mir-rit stess
tal-konċelebrazzjoni, jiġifieri
immedjatament wara t-tqarbina
tas-saċerdot ċelebrant.
Huwa d-dmir tas-saċerdot
ċelebrant, eventwalment mgħejun
minn saċerdoti oħra jew minn
djakni, li jqassam it-tqarbin; u
l-quddiesa m’għandhiex tibqa’
għaddejja, jekk mhux qabel ma
jkun intemm it-tqarbin
lill-fidili. Huwa biss fejn
tinħass il-ħtieġa, li l-ministri
straordinarji jistgħu, skont
in-norma tad-Dirittu, jgħinu
lis-saċerdot ċelebrant.
89.
Sabiex, anke “permezz ta’
sinjali, it-tqarbina tidher
aħjar bħala parteċipazzjoni
fis-Sagrifiċċju li jkun qed jiġi
ċċelebrat”,
għandu jiġi preferut li l-fidili
jirċevuha bl-ostja kkonsagrata
fl-istess quddiesa.
90.
Li
“l-fidili għandhom jitqarbnu jew
għarkupptejhom jew inkella
bilwieqfa, kif konfermat
mill-Konferenza tal-Isqfijiet”,
hija regola konfermata mis-Sede
Appostolika. “Meta jitqarbnu
bilwieqfa, għandu jiġi
rakkomandat li, qabel ma
jirċievu s-Sagrament, għandhom
juru l-qima mistennija, li
għandha tiġi stabbilita
mill-istess normi”.
91.
Fit-tqassim tat-Tqarbin Imqaddes
ta’ min jiftakar li “l-ministri
sagri ma jistgħux jiċħdu
s-sagramenti lil dawk li meta
jkun il-waqt jitolbuhom, jekk
huma disposti b’mod xieraq u ma
jkunx hemm projbizzjoni mil-liġi
li jirċevuhom”.
Għalhekk kull kattoliku
mgħammed, li mhux impedut
mid-Dirittu, għandu jiġi ammess
għat-tqarbin imqaddes. Mhux
leċitu, għalhekk, li tiċħad
it-tqarbin imqaddes lil xi ħadd,
minħabba raġuni sempliċi, per
eżempju, li hu jkun irid
jirċievi l-Ewkaristija
għarkupptejh jew inkella
bilwieqfa.
92.
Kull
nisrani dejjem għandu d-dritt,
b’għażla tiegħu, li jirċievi
l-ewkaristija f’ħalqu.
Jekk wieħed ikun jixtieq
jirċievi l-ostja f’idejh (f’dawk
ir-reġjuni li fihom
il-Konferenza tal-Isqfijiet
bl-approvazzjoni tas-Sede
Appostolika tkun tat il-permess)
l-Ewkaristija għandha tingħatalu
b’dan il-mod. Jeħtieġ tingħata
attenzjoni partikulari sabiex
min jitqarben jieħu minnufih
l-ostja quddiem il-ministru,
b’tali mod li ħadd ma jitbiegħed
u jġorr f’idu l-ispeċi
Ewkaristika. Jekk ikun hemm
il-periklu ta’ profanazzjoni,
m’għandux isir it-tqarbin fuq
idejn il-fidili.
93.
Huwa
meħtieġ li jibqa’ jinżamm l-użu
tal-plattin waqt it-tqarbin
tal-fidili, sabiex jiġi evitat
li l-ostja mqaddsa jew inkella
xi farka minnha taqa’ fl-art.
94.
Mhux
permess li l-fidili “jieħdu huma
stess u inqas u inqas li jgħaddu
lil xulxin minn id għall-oħra”
l-ostja mqaddsa jew inkella
l-kalċi mqaddes. Minħabba f’hekk
għandu jitneħħa l-abbuż li
l-għarajjes matul il-quddiesa
tat-tieġ jagħtu lil xulxin b’mod
reċiproku it-Tqarbin Imqaddes.
95.
Il-lajk “li jkun diġa’ rċieva
l-Ewkaristija Mqaddsa, jista’
jirċeviha t-tieni darba
f’ġurnata, u dan jista’ jsir
biss fiċ-ċelebrazzjoni
ewkaristika li fiha jkun qed
jieħu sehem, u jiġi mħares dak
li hemm fil-kan.921 par.2.
96.
Għandu jiġi diżapprovat l-użu li
jiġu mqassma, kontrarjament għal
dak li hemm imniżżel fil-kotba
liturġiċi, b’mod li qisha
tqarbina, matul iċ-ċelebrazzjoni
tal-quddiesa mqaddsa jew inkella
qabilha, ostji mhux ikkonsagrati
jew inkella materjali ieħor li
jittiekel jew le. Din id-drawwa,
infatti, ma taqbilx
mat-tradizzjoni tar-Rit Ruman u
ġġorr magħha riskju li toħloq
konfużjoni fost il-fidili
rigward id-duttrina ewkaristika
tal-Knisja. Jekk f’xi postijiet
hemm, minħabba xi konċessjoni li
tkun ġiet mogħtija, id-drawwa
partikulari li jitbierek il-ħobż
u jitqassam wara l-quddiesa,
jeħtieġ li tingħata,
b’attenzjoni kbira, katekeżi
eżatta ta’ dan il-ġest.
M’għandhom jiġu mdaħħla l-ebda
drawwiet bħal dawn, u lanqas
għandhom jiġu wżati għal dan
l-iskop ostji li mhumiex
ikkonsagrati.
It-tqarbin tas-saċerdoti
97.
Kull darba li jiċċelebra
l-quddiesa, is-saċerdot għandu
jitqarben fuq l-artal fil-mument
stabbilit mill-Missal;
mentri, il-konċelebranti
għandhom jitqarbnu qabel ma
jmorru għad-distribuzzjoni
tat-tqarbin. Is-saċerdot
ċelebrant jew il-konċelebrant
m’għandhom jistennew qatt li
jitqarbnu wara li jkun intemm
it-tqarbin tal-poplu.
98.
It-tqarbin tas-saċerdoti
konċelebranti għandu jsir skont
in-normi preskritti fil-kotba
liturġiċi, filwaqt li jintużaw
ostji kkonsagrati matul l-istess
quddiesa,
u li l-konċelebranti kollha
jirċievu t-tqarbin biż-żewġ
speċi. Ta’ min jinnota li meta
saċerdot jew id-djaknu
jippreżenta lill-konċelebranti
l-ostja mqaddsa jew il-kalċi, ma
jgħid xejn, jiġifieri ma jgħidx
il-kelmiet “Il-Ġisem ta’ Kristu”
jew “Id-Demm ta’ Kristu”.
99.
It-tqarbina biż-żewġ speċi hija
dejjem permessa “lil dawk
is-saċerdoti li ma jistgħux
iqaddsu jew inkella
jikkonċelebraw”.
It-tqarbin biż-żewġ speċi
100.
Bi
skop li tiġi murija lill-fidili
b’mod tassew ċar, il-milja
tas-sinjali fl-ikla ewkaristika,
huma aċċettati għat-tqarbin
biż-żewġ speċi, f’dawk il-każi
msemmija fil-kotba liturġiċi,
anke l-lajċi,
bil-kundizzjonijiet u l-għarfien
kontinwu tat-tagħlim meħtieġ
dwar il-prinċipji dommatiċi li
jmissu din il-materja,
mill-Konċilju Ekumeniku
Tridentin.
101.
Biex
jiġi amministrat lill-fidili
lajċi t-Tqarbin Imqaddes permezz
taż-żewġ speċi għandhom
jittieħdu f’konsiderazzjoni
ċ-ċirkustanzi, li dwarhom huma
l-ewwel nett l-Isqfijiet
Djoċesani li jagħtu
l-valutazzjoni tagħhom. Dan
għandu jiġi eskluż assolutament
meta jkun hemm ir-riskju, anke
jekk minimu, ta’ profanazzjoni
tal-ispeċi mqaddsa.
Sabiex ikun hemm koordinazzjoni
iktar wiesa’, hemm bżonn li
l-Konferenzi tal-Isqfijiet
jippubblikaw, bil-konferma
tas-Sede Appostolika, permezz
tal-Kongregazzjoni tal-Kult
Divin u tad-Dixxiplina
tas-Sagramenti, in-normi
relattivi dwar “il-mod ta’ kif
għandha ssir lill-fidili
id-distribuzzjoni tat-tqarbin
imqaddes taż-żewġ speċi u
għall-estensjoni tal-istess
fakultà”.
102.
M’għandux jingħata l-kalċi
lill-fidili lajċi, fejn ikun
hemm numru kbir ta’ dawk li
jkunu ser jitqarbnu
u fejn tkun ħaġa tassew diffiċli
li tikkalkula l-kwantità
tal-inbid meħtieġ
għall-Ewkaristija, u fejn ikun
hemm ir-riskju li “jibqa’
kwantità tad-Demm ta’ Kristu li
tkun superjuri għal dak li jkun
rett li tikkonsma fit-tmiem
taċ-ċelebrazzjoni”,
kif ukoll fejn l-aċċess
għat-tqarbin bil-kalċi jista’
jkun regolat b’diffikultà; jew
fejn ikun hemm il-ħtieġa ta’
kwantità suffiċjenti ta’ inbid,
li dwaru jkun diffiċli li
jkollok il-garanzija ta’
provenjenza jew kwalità, jew
fejn ma jkunx hemm numru
biżżejjed ta’ ministri sagri u
lanqas ta’ ministri
straordinarji tat-Tqarbin
Imqaddes imħejjija kif imiss;
jew fejn parti mdaqqsa tal-poplu
tisħaq, minħabba diversi
raġunijiet, li tibqa’ lura milli
tieħu l-kalċi, u b’hekk tkun qed
tnaqqas b’ċertu mod is-sinjal
tal-għaqda komunitarja.
103.
In-normi tal-Missal Ruman
jammettu l-prinċipju li, f’dawk
il-każijiet fejn it-tqarbin jiġi
mogħti taħt iż-żewġ speċi,
“id-Demm ta’ Kristu jista’
jittieħed direttament
mill-kalċi, bl-intinzjoni, bi
straw jew bil-kuċċarina”.
Rigward l-għoti tat-tqarbin
lil-lajċi, l-Isqfijiet jistgħu
ma jippermettux il-modalità
tat-tqarbin bl-istraw jew
inkella bil-kuċċarina f’dak
il-post fejn ma jkunx hemm din
id-drawwa, filwaqt li tibqa’
trieġi l-possibilità li
t-tqarbin jiġi mogħti permezz
tal-intinzjoni. Jekk tiġi wżata
din il-modalità, jeħtieġ li jiġu
wżati ostji li ma jkunux irqaq,
lanqas żgħar, u min ikun ser
jitqarben għandu jirċievi
fil-ħalq dan is-Sagrament minn
idejn is-saċerdot.
104.
Mhux permess li dak li jkun ser
jitqarben ibill huwa stess
l-ostja fil-kalċi, lanqas
m’għandu jirċievi f’idu l-ostja
mbilla. Rigward l-ostja li ser
tiġi mbilla, trid tkun magħmula
minn materjal validu u tiġi
kkonsagrata, filwaqt li jiġi
eskluż l-użu tal-ħobż mhux
ikkonsagrat jew inkella magħmul
minn xi materja oħra.
105.
Jekk
kalċi wieħed ma jkunx biżżejjed
għad-distribuzzjoni tat-tqarbin
taħt iż-żewġ speċi kemm
għas-saċerdoti konċelebranti jew
għall-fidili, xejn ma jżomm
lis-saċerdot ċelebrant milli
jista’ juża iżjed minn kalċi
wieħed.
Tajjeb li jiġi mfakkar li
s-saċerdoti kollha li
jiċċelebraw fil-quddiesa huma
obbligati li jitqarbnu biż-żewġ
speċi. Minħabba s-sinjal, hu ta’
min ifakkar il-fatt li huma
għandhom jinqdew b’kalċi
prinċipali ikbar flimkien ma’
kalċijiet oħra ta’ qisien
iżgħar.
106.
Madankollu, wara
l-konsagrazzjoni tad-Demm ta’
Kristu, m’għandu qatt jiġi
mferra’ minn kalċi għall-ieħor,
u dan sabiex tiġi evitata kull
ħaġa li tista’ tirriżulta
f’nuqqas ta’ rispett
għall-Misteru hekk kbir. Sabiex
wieħed jirċievi d-Demm
tal-Mulej, m’għandhom qatt jiġu
utilizzati, fl-ebda każ, buqari
jew reċipjenti oħra li ma jkunux
integralment jikkorrispondu
man-normi stabbiliti.
107.
Skont in-norma stabbilita
mill-kanoni, “min jarmi l-ispeċi
kkonsagrati, jew iġorrhom jew
jikkonservahom bi skop
sagrilegu, jaqa’ fl-iskomunika
latae sententiae
riservata għas-Sede Appostolika;
barra minn hekk min hu kjeriku
jista’ jeħel piena oħra, mhux
eskluża d-dimissjoni mill-istat
klerikali”.
Tiġi kkunsidrata hekk kwalunkwe
azzjoni li volontarjament u
gravement hija intenzjonata
għad-disprezz tal-ispeċi
qaddisa. Għalhekk, jekk xi ħadd
jaġixxi kontra dawn in-normi fuq
imsemmija, billi per eżempju
jarmi l-ispeċi qaddisa
fis-sagrarju jew inkella f’xi
post indenn jew fl-art, jeħel
il-pieni stabbiliti.
Barra minn dan ilkoll għandhom
iżommu quddiem għajnejhom li
fit-tmiem tad-distribuzzjoni
tat-Tqarbin Imqaddes, għandhom
jġu osservati r-regoli li jgħid
il-Missal Ruman; u fuq kollox li
jekk jibqa’ d-Demm ta’ Kristu,
għandu jiġi immedjatament
ikkunsmat mis-saċerdot, jew
skont in-normi, minn xi ministru
ieħor, mentri l-ostji
kkonsagrati li jibqa’ għandhom
jiġu immedjatament ikkunsmati
fuq l-artal mis-saċerdot jew
inkella jittieħdu f’post magħżul
apposta fejn tiġi kkonservata
l-Ewkaristija.
IL-ĦAMES KAPITLU: ASPETTI OĦRA
LI JIRRIGWARDAW L-EWKARISTIJA
Il-post taċ-ċelebrazzjoni
tal-quddiesa
108.
“Iċ-ċelebrazzjoni ewkaristika
għandha titwettaq f’post sagru,
sakemm f’każ partikulari, ma
jkunx hemm il-ħtieġa ta’ post
ieħor; f’dak il-każ,
iċ-ċelebrazzjoni trid titwettaq
b’mod dekoruż”.
Dwar din il-ħtieġa, skont
in-norma, għandu jkun l-Isqof
djoċesan li jiżen il-każ
għad-djoċesi tiegħu.
109.
Ma huwa qatt permess li
s-saċerdot jiċċelebra f’tempju
jew post qaddis ta’ xi reliġjon
oħra li mhix nisranija.
Ċirkustanzi varji għall-quddiesa
110.
“Sabiex jitfakkar dejjem li
fil-misteru tas-Sagrifiċċju
Ewkaristiku tiġi eżerċitata bla
waqfien l-opra tal-fidwa,
is-saċerdoti għandhom
jiċċelebraw ta’ spiss
il-Quddiesa; anzi għandha tiġi
rakkomandata ħafna
ċ-ċelebrazzjoni ta’ kuljum. Anke
jekk ma jkunx hemm il-preżenza
tal-fidili, il-Quddiesa tibqa’
dejjem att ta’ Kristu u
tal-Knisja, u fiċ-ċelebrazzjoni
s-saċerdoti jwettqu l-ħidma
prinċipali tagħhom”.
111.
Saċerdot għandu jiġi aċċettat
biex jiċċelebra jew
jikkonċelebra l-Ewkaristija
“anke jekk ma jkunx magħruf
mir-rettur tal-knisja, sakemm
juri ittra ta’ rakkomandazzjoni”
tas-Sede Appostolika jew
tal-Ordinarju tiegħu jew inkella
tas-Superjur tiegħu, li tkun
ġiet mogħtija lilu matul dik
is-sena, jew sakemm jiġi
prudentement iġġudikat li ma
jkunx impedut milli jiċċelebra”.
L-Isqfijiet għandhom jaraw li
drawwiet kuntrarji jiġu
eliminati.
112.
Il-Quddiesa għandha tiġi
ċċelebrata jew bil-lingwa
latina, inkella b’xi lingwa
oħra, dment li jsir użu minn
testi liturġiċi approvati skont
in-normi tad-Dirittu. Minbarra
ċ-ċelebrazzjoni tal-quddies li
għandhom isiru bil-lingwa
tal-poplu skont il-ħinijiet u
ż-żminijiet stabbiliti
mill-awtorità ekkleżjastika,
is-saċerdoti għandhom il-permess
dejjem u kullimkien jiċċelebraw
bil-latin.
113.
Meta
l-quddiesa tkun konċelebrata
minn ħafna saċerdoti, meta tiġi
biex tingħad it-Talba
Ewkaristika għandha tintuża
l-lingwa magħrufa kemm
mis-saċerdoti kollha
konċelebranti kif ukoll
mill-poplu miġbur. Jekk ikun
hemm fost is-saċerdoti xi wħud
li ma jkunux jafu bil-lingwa
taċ-ċelebrazzjoni, b’tali mod li
ma jkunux jistgħu itennu kif
suppost dawk il-partijiet
tat-Talba Ewkaristika proprju
tagħhom, huma m’għandhomx
jikkonċelebraw, iżda
preferibilment jassistu skont
in-normi għaċ-ċelebrazzjoni
filwaqt li jilbsu l-abiti korali.
114.
“Fil-quddies ta’ nhar ta’ Ħadd
tal-parroċċa, bħala ‘komunità
ewkaristika’, hija ħaġa normali
li jkun hemm preżenti xi gruppi
varji, movimenti,
assoċjazzjonijiet, l-istess
komunitajiet reliġjużi żgħar”.
Għalkemm huwa possibbli, skont
in-norma tad-Dirittu, li
tiċċelebra l-quddiesa
għall-gruppi partikolari,
madankollu dawn il-gruppi
mhumiex dispensati
mill-osservanza fidila tan-normi
liturġiċi.
115.
Għandu jiġi kkunsidrat l-abbuż
li tiġi sospiża b’mod arbitrarju
ċ-ċelebrazzjoni tal-quddiesa,
kontra n-normi tal-Missal Ruman
u t-tradizzjoni sħiħa tar-Rit
Ruman, bl-iskuża li tiġi
nkoraġġuta “is-sawma
ewkaristika”.
116.
M’għandhomx jiġu multiplikati
l-quddies kontra n-norma
tad-Dirittu. F’dak li għandu
x’jaqsam mal-offerti
għall-intenzjoni tal-quddiesa,
għandhom jiġu osservati r-regoli
li għadhom jeżistu fid-dawl
tad-Dirittu.
Il-Vasi Sagri
117.
Il-vasi sagri destinati sabiex
jilqgħu fihom il-Ġisem u d-Demm
tal-Mulej, għandhom rigorożament
ikunu skont in-norma
tat-tradizzjoni u tal-kotba
liturġiċi.
Qed tiġi mogħtija l-fakultà
lill-Konferenzi tal-Isqfijiet li
jistabilixxu, bil-konferma
tas-Santa Sede, jekk huwiex
opportun li l-vasi sagri jiġu
magħmula minn materji solidi
oħra. Madankollu, qed jiġi
mitlub strettament li dawn
il-materjali jkunu verament
nobbli skont il-ġudizzju komuni
ta’ kull reġjun,
b’tali mod li l-użu tagħhom
jagħmel unur lill-Mulej, u
jevitaw kompletament ir-riskju
li jċekknu, f’għajnejn
il-fidili, id-duttrina
tal-preżenza reali ta’ Kristu
fl-ispeċi ewkaristiċi. Għalhekk
huwa ta’ min jikkundanna kull
użu, li jinqdew bih waqt
iċ-ċelebrazzjoni tal-quddiesa,
ta’ vasi komuni jew inkella
skadenti kemm f’dik li hija
kwalità jew inkella nieqsa minn
kull valur artistiku, jew
inkella ta’ ċestini sempliċi jew
vasi oħra tal-ħġieġ, ċaqquf jew
materjal ieħor li jista’
faċilment jinkiser. Dan ukoll
jiswa għall-metalli u materjal
ieħor li jista’ faċilment jibdel
is-sura tiegħu.
118.
Il-vasi sagri, qabel ma jiġu
wżati, għandhom jitbierku
mis-saċerdot skont ir-riti
preskritti fil-kotba liturġiċi.
Hija ħaġa ta’ min ifaħħarha li
t-tberik isir mill-isqof
djoċesan, li għandu jara jekk
il-vasi jkunux addattati
għall-użu li għalih huma
destinati.
119.
Is-saċerdot, hekk kif jirritorna
lejn l-artal wara li jkun
qarben, bilwieqfa wara l-artal
jew inkella qrib xi mejda,
jippurifika l-patena u l-pissidi
fuq il-kalċi, skont kif hemm
imniżżel fil-Missal, u wara
jixxotta l-kalċi
bil-purifikatur. Jekk ikun hemm
preżenti d-djaknu, dan għandu
jirritorna flimkien mas-saċerdot
lejn l-artal u jippurifika huwa
stess il-vasi. Madankollu hemm
il-permess li l-vasi sagri li
jkunu ser jiġu ppurifikati,
speċjalment jekk ikunu numerużi,
għandhom jitħallew mgħottija fuq
l-artal, jew inkella fuq
il-kredenzina fuq korporal u
s-saċerdot jew inkella
d-djaknu, jippurifikahom dritt
wara l-quddiesa, wara li tkun
saret it-tislima tal-aħħar
lill-poplu. Hekk ukoll, dak li
huwa istitwit bħala akkolitu
għandu jgħin lis-saċerdot jew
lid-djaknu jippurifikaw u jiġbru
l-vasi sagri kemm fuq l-artal
kif ukoll fuq il-kredenzina.
Meta ma jkunx hemm djaknu, dak
li jkun ordnat akkolitu
jittrasporta l-vasi sagri minn
fuq l-artal sal-kredenzina u
hemmhekk jippurifikahom,
jixxuttahom u jiġborhom
bħas-soltu fil-post tagħhom.
120.
Ir-ragħajja għandhom jieħdu
ħsieb li jżommu ndaf
kostantament it-trieħi tal-mejda
mqaddsa, u b’mod partikolari
dawk li huma destinati sabiex
jitqiegħdu fuqhom l-ispeċi
mqaddsa. Iridu jaraw ukoll li
dawn it-trieħi, eċċ. jiġu
maħsula pjuttost ta’ spiss,
skont id-drawwa tradizzjonali.
Hija ħaġa ta’ min ifaħħarha li
l-ilma tal-ewwel ħasla, li
għandha ssir bl-idejn, jiġi
mitfugħ fis-sagrarju tal-knisja
jew inkella f’post deċenti.
Wara, jista’ jerġa’ jsir
il-ħasil mill-ġdid bil-mod
tas-soltu.
Il-ħwejjeġ liturġiċi
121.
“Il-varjetà fil-kuluri
tal-ilbiesi sagri għandha
l-iskop li tesprimi, anke
b’mezzi esterni, min-naħa
l-waħda l-karatteristika
partikulari tal-misteri tal-fidi
li jkunu qed jiġu ċċelebrati, u
min-naħa l-oħra s-sens tal-ħajja
nisranija f’mixja matul il-medda
tas-sena liturġika”.
Fir-realtà id-differenza “ta’
ħidmiet fiċ-ċelebrazzjoni
tal-liturġija mqaddsa, turi
lilha nnifisha minn barra
bid-diversità tal-ħwejjeġ sagri.
Hija ħaġa tajba li dawn
il-ħwejjeġ sagri jikkontribwixxu
wkoll għad-dekor tal-istess
azzjoni qaddisa”.
122.
“L-alba għandha tinġema’ fuq
il-ġnub, permezz taċ-ċinglu,
sakemm ma tkunx meħjuta b’tali
mod li tidħol mal-persuna
mingħajr il-ħtieġa taċ-ċinglu.
Qabel ma tintlibes l-alba, jekk
din ma tkunx tgħatti l-ilbies
komuni madwar l-għonq, għandu
jiġi wżat l-amittu”.
123.
“Fil-quddiesa u anke
fl-azzjonijiet sagri l-oħra li
huma direttament marbutin
magħha, il-libsa proprja
tas-saċerdot ċelebrant hija
l-każula jew pjaneta, jekk ma
jkunx hemm indikat diversament,
u din għandha tintlibes fuq
l-alba u l-istola”.
Hekk ukoll, is-saċerdot li jkun
libes il-każula skont
ir-rubriki, m’għandu qatt iħalli
barra u ma jilbisx l-istola.
L-isqfijiet kollha tal-post
għandhom jaraw li kull użu
kuntrarju għandu jiġi eliminat.
124.
Fil-Missal Ruman qed tiġi
mogħtija l-fakultà lis-saċerdoti
li jkunu qed jikkonċelebraw
il-quddiesa flimkien
maċ-ċelebrant prinċipali, li dan
għandu dejjem jilbes il-kasula
tal-kulur preskritt, li minħabba
raġuni ġusta, bħal per eżempju
n-numru kbir ta’ konċelebranti u
minħabba n-nuqqas ta’ ħwejjeġ,
ikunu jistgħu ma jilbsux
“il-pjaneta jew il-każula,
filwaqt li jużaw l-istola fuq
l-alba”.
Jekk imbagħad ikun possibbli li
wieħed jipprevedi sitwazzjoni
ta’ din ix-xorta, sa fejn hu
possibbli, għandu jieħu ħsieb li
jipprovdi l-pjaneti meħtieġa.
Dawk kollha li jikkonċelebraw
jistgħu, minbarra ċ-ċelebrant
prinċipali, jilbsu f’każ ta’
neċessità l-każula bajda.
Mill-bqija għandhom jiġu
osservati n-normi tal-kotba
liturġiċi.
125.
Il-libsa proprja tad-djaknu hija
d-dalmatika, li għandha
tintlibes fuq
l-alba u l-istola. Sabiex tibqa’
tiġi mħarsa t-tradizzjoni
insinji tal-
Knisja, hija ħaġa ta’ min
ifaħħarha li wieħed jara li
l-fakultà tad-
dalmatika tibqa’ tiġi wżata.
126.
Għandu jiġi kkundannat l-abbuż,
li l-ministri sagri, anke jekk
ikun qed jieħu sehem ministru
wieħed, jiċċelebraw il-quddiesa,
kuntrarju għal dak li hemm
imniżżel fil-kotba liturġiċi,
mingħajr ilbiesi sagri jew
inkella jilbsu biss l-istola fuq
it-tunika monastika jew l-abitu
reliġjuż normali, jew xi libsa
ordinarja.
L-isqfijiet tal-post għandhom
jaraw li jikkoreġu malajr kemm
jista’ jkun dawn l-abbużi u li
jaraw ukoll li fil-knejjes u
fl-oratorji li jaqgħu taħt
il-ġurisdizzjoni tagħhom ikun
hemm numru xieraq ta’ lbiesi
liturġiċi maħdumin skont
in-normi.
127.
Fil-kotba liturġiċi tingħata
l-fakultà speċjali li jiġi wżat,
fil-jiem l-iżjed solenni
l-ilbies sagru festiv, jew
inkella ta’ dinjità ikbar, anke
jekk dawn ma jkunux tal-istess
kulur tal-ġurnata.
Madankollu, din il-fakultà li
tirrigwarda proprjament l-ilbies
minsuġ ħafna snin ilu bl-iskop
li jiġi mħares il-patrimonju
tal-Knisja, qed tiġi applikata
mhux kif suppost, b’tali mod li
forom u lwien qed jiġu adottati
skont il-gosti tal-individwu
waqt li qed jinġiebu fix-xejn
l-użanzi tradizzjonali. B’hekk
jiġi mnaqqas is-sens ta’ din
in-norma b’detriment
għat-tradizzjoni. Fl-okkażjoni
ta’ xi ġurnata festiva, ilbies
sagru ta’ kulur id-deheb jew
fidda jista’ jissostitwixxi,
skont il-ħtieġa, dak ta’ lwien
oħra, iżda mhux l-ilbies ta’
lewn vjola jew iswed.
128.
Il-quddiesa u
ċ-ċelebrazzjonijiet liturġiċi
l-oħra, li huma azzjonijiet ta’
Kristu u tal-poplu ta’ Alla
imwaqqaf skont il-ġerarkija,
għandhom ikunu ordnati b’tali
mod li l-ministri sagri u
l-fidili lajċi ikunu jistgħu
b’mod ċar,
jieħdu sehem skont
il-kundizzjoni proprja tagħhom.
Huwa għalhekk preferibbli “li
l-presbiteri preżenti
għaċ-ċelebrazzjoni ewkaristika,
jekk ma jkunux skużati minħabba
raġuni ġusta, jeżerċitaw
bħas-soltu il-Ministeru
tal-Ordni proprju tagħhom u
għalhekk jieħdu sehem bħala
konċelebranti, billi jilbsu
lbies sagru. Għall-funzjonijiet
oħra, huma għandhom jilbsu
l-abitu korali tagħhom jew
l-ispellizza fuq is-suttana”.
Mhix ħaġa dekoruża, jekk mhux
minħabba xi eċċezzjonijiet
ġustifikati, li huma jieħdu
sehem fil-quddiesa, fid-dehra
esterna tagħhom bl-istess mod
ta’ kif ikunu lebsin il-lajċi.
IS-SITT KAPITLU:
IL-KONSERVAZZJONI
TAL-EWKARISTIJA MQADDSA U L-KULT
TAGĦHA BARRA MILL-QUDDIESA
Il-Konservazzjoni
tal-Ewkaristija Mqaddsa
129.
“Iċ-ċelebrazzjoni
tal-Ewkaristija fis-Sagrifiċċju
tal-Quddiesa hija tassew il-bidu
u t-tmiem tal-kult ewkaristiku
barra mill-quddiesa. Wara
l-quddiesa għandhom jiġu
kkonservati l-ispeċi qaddisa fuq
kollox, sabiex il-fidili, u
b’mod partikolari l-morda u
l-anzjani li ma jistgħux ikunu
preżenti għall-quddiesa,
jingħaqdu permezz tat-tqarbina
sagramentali ma’ Kristu u
s-sagrifiċċju tiegħu,
issagrifikat u offrut
fil-quddiesa”.
Barra minn hekk, din
il-konservazzjoni tippermetti
wkoll il-prattika li jiġi adorat
dan is-sagrament kbir u li lilu
jiġi mogħti l-qima li għandha
tingħata lil Alla. Għalhekk huwa
meħtieġ li jitmexxew ċerti forom
ta’ kult tal-adorazzjoni mhux
biss privata iżda wkoll pubblika
u komunitarja, imwaqqfin u
approvati validament mill-istess
Knisja.
130.
“Skont l-istruttura ta’ kull
knisja u d-drawwiet leġittimi
lokali, is-Santissimu Sagrament
għandu jiġi kkonservat
fit-tabernaklu f’parti
tal-knisja b’dinjità
partikulari, tal-ogħla ġieħ, li
jkun jidher sewwa u mżejjen
dekorożament”, fuq kollox f’post
ta’skiet u ġabra, bi spazju
quddiem it-tabernaklu,
b’bankijiet jew siġġijiet jew
ġinokkjaturi, “addatati
għat-talb”.
Għandha tingħata attenzjoni
għall-preskrizzjonijiet kollha
tal-kotba liturġiċi u għan-norma
tad-Dirittu,
speċjalment
bl-iskop li jiġi evitat kull
periklu ta’ profanazzjoni.
131.
Barra minn dak li hemm preskritt
fil-Kan.934, par.1,
is-Santissimu Sagrament ma jistx
jiġi miżmum f’post li mhuwiex
suġġett għall-awtorità sħiħa
tal-Isqof djoċesan jew fejn hemm
il-periklu ta’ profanazzjoni.
F’dan il-każ, l-isqof djoċesan
għandu jirrevoka immedjatament
il-fakultà li tkun ġiet mogħtija
qabel dwar il-post fejn għandha
tinżamm l-Ewkaristija.
132.
Ħadd
ma jista’ jieħu l-Ewkaristija
Mqaddsa d-dar jew inkella f’xi
post ieħor mhux sagru,
kontrarjament għan-norma
tad-Dirittu. Tajjeb li jinżamm
quddiem għajnejna li tieħu jew
iżżomm bi skop sagrilegu, jew
inkella li tarmi l-ispeċi
kkonsagrati, dawn kollha huma
atti li jidħlu f’dawk l-hekk
imsejħa graviora delicta,
li l-assoluzzjoni tagħhom hija
riservata għall-Kongregazzjoni
għad-Duttrina tal-Fidi.
133.
Is-saċerdot jew id-djaknu, jew
il-ministru straordinarju
fin-nuqqas jew inkella minħabba
impediment tal-ministru
ordinarju, għandu jittrasporta
l-Ewkaristija Mqaddsa sabiex
jamministra t-tqarbin lil wieħed
marid, mill-post li fih
is-Sagrament ikun miżmum sad-dar
tal-marid, permezz ta’ mixja
possibilment dritta u filwaqt li
jħalli warajh kull
preokkupazzjoni oħra, b’mod li
jevita kull riskju ta’
profanazzjoni u jirreserva
l-aqwa qima għall-ġisem ta’
Kristu. Għandu dejjem jiġi
mħares ir-rit
tal-amministrazzjoni tat-tqarbin
lill-morda kif hemm preskritt
fir-Ritwal Ruman.
Forom oħra tal-kult
tal-Ewkaristija barra
mill-quddiesa
134.
“Il-kult tal-Ewkaristija barra
mill-quddiesa huwa ta’ valur li
ma jistax jitkejjel fil-ħajja
tal-knisja. Dan il-kult huwa
strettament marbut
maċ-ċelebrazzjoni
tas-Sagrifiċċju Ewkaristiku”.
Għalhekk għandha tiġi mħeġġa
b’impenn il-qima, kemm pubblika
kif ukoll privata, lejn
l-Ewkaristija Mqaddsa anke 'l
barra mill-quddiesa, sabiex
il-fidili jewttqu l-kult ta’
adorazzjoni ta’ Kristu, preżenti
realment u verament,
Hu li hu “il-Qassis il-Kbir
tal-ġid ġejjieni”
u Salvatur tal-univers. “Huwa
dmir tar-ragħajja tal-erwieħ li
jinkoraġġixxu, anke bix-xhieda
tagħhom infushom, il-kult
ewkaristiku, b’mod speċjali
l-espożizzjoni tas-Santissimu
Sagrament, kif ukoll il-mumenti
ta’ adorazzjoni quddiem Kristu
preżenti taħt l-ispeċi
ewkaristiċi”.
135.
Il-fidili “għandhom jaraw li ma
jħallu qatt li matul il-jum
jagħmlu żjara lis-Santissimu
Sagrament, bħala prova ta’
gratitudni, sinjal ta’ mħabba u
dejn ta’ rikonoxxenza lejn
Kristu l-Mulej li jkun hemm
preżenti”.
L-adorazzjoni lil Ġesù preżenti
fis-Santissimu Sagrament, bħala
komunjoni ta’ xewqa, tgħaqqad
bis-sħiħ il-fidili ma’ Kristu,
bħalma jidher mill-eżempju ta’
ħafna qaddisin.
“Jekk ma jkunx hemm raġuni
gravi, il-knisja li fiha jiġi
miżmum is-Santissimu Sagrament
għandha tibqa’ miftuħa
għall-fidili almenu għal xi
sigħat kuljum, sabiex ikunu
jistgħu jidħlu jitolbu quddiem
is-Santissimu Sagrament”.
136.
L-ordinarju tal-post għandu
jħeġġeġ bil-qawwa l-adorazzjoni
ewkaristika, kemm dik qasira kif
ukoll twila u anke kontinwa
bis-sehem tal-poplu. Fl-aħħar
snin, infatti, f’ħafna postijiet
“l-adorazzjoni ta’ kuljum
tas-Santissimu Sagrament saret
aktar komuni u hi għajn li ma
taqta’ qatt ta’ qdusija”. Iżda
hemm ukoll diversi postijiet
fejn il-kult ta’ adorazzjoni
ewkaristika ġie mwarrab għal
kollox”.
137.
L-espożizzjoni tal-Ewkaristija
Mqaddsa għandha titwettaq dejjem
skont il-preskrizzjonijiet
tal-kotba liturġiċi.
Mhix eskluża r-reċita
tar-Rużarju, li hu tal-għaġeb
“fis-sempliċità u l-elevatezza
tiegħu”,
quddiem is-Santissimu Sagrament
miżmum fit-tabernaklu jew
inkella espost. Madankollu, meta
tkun qed isir l-espożizzjoni,
għandha toħroġ għad-dawl il-mira
ta’ din it-talba bħala
kontemplazzjoni tal-misteri
tal-ħajja ta’ Kristu Feddej u
tal-pjan tas-salvazzjoni
tal-Missier li jista’ kollox,
billi jintużaw b’mod partikulari
siltiet meħudin mill-Iskrittura
Mqaddsa.
138.
Hu x’inhu, s-Santissimu
Sagrament m’għandu qatt jibqa’
espost, anke għal ftit tal-ħin,
mingħajr għassa suffiċjenti.
Għalhekk hemm bżonn li jkun hemm
ħinijiet stabbiliti, li fihom xi
fidili jkunu dejjem preżenti,
almenu b’roster.
139.
Fejn l-isqof djoċesan għandu
ministri sagri jew oħrajn li
jistgħu jiġu destinati għal din
il-ħidma, huwa dmir tal-fidili
li ta’ spiss jagħmlu żjara
lis-Santissimu Sagrament
għall-adorazzjoni u li jieħdu
sehem almenu xi darba matul
is-sena fl-adorazzjoni
tal-Ewkaristija Mqaddsa esposta.
140.
Hija
ħaġa partikolarment
rakkomandabbli li fl-ibliet jew
inkella almenu f’irħula ta’
dimensjoni kbira, l-isqof
jagħżel xi knisja
għall-adorazzjoni perpetwa, li
fiha jeħtieġ isir ta’ spiss u sa
kemm jista’ anke ta’ kuljum,
issir iċ-ċelebrazzjoni
tal-quddiesa, filwaqt li
b’rigorożità titwaqqaf
l-espożizzjoni fil-ħin li fiha
tkun qed tiġi ċċelebrata.
Hija ħaġa mixtieqa li l-ostja li
tkun ser tiġi esposta, tiġi
kkonsagrata fil-quddiesa li ssir
immedjatament qabel il-ħin
tal-adorazzjoni u tkun imqiegħda
fl-ostensorju fuq l-artal dritt
wara t-tqarbin.
141.
L-isqof djoċesan jagħraf u skont
il-possibilità jinkoraġixxi
lill-fidili fid-dritt li huma
għandhom li jwaqqfu
l-konfretarnitajiet u għaqdiet
għat-twettiq tal-adorazzjoni,
anke dik perpetwa. Fil-każ li
dawn l-assoċjazzjonijiet jieħdu
bixra internazzjonali,
il-Kongregazzjoni għall-Kult
Divin u d-Dixxiplina
tas-Sagramenti tistabilixxi jew
tapprova l-istatuti tagħhom.
Il-purċissjonijiet u l-kungressi
Ewkaristiċi
142.
“Huwa dritt tal-isqof djoċesan
jistabilixxi direttivi dwar
il-purċissjonijiet, u li permezz
ta’ dawn id-direttivi jkabbar
il-parteċipazzjoni fihom u
fid-dinjità tagħhom”,
u jġib 'il quddiem l-adorazzjoni
tal-fidili.
143.
“Skont il-ġudizzju tal-isqof,
fejn huwa possibbli għandu jkun
hemm, bħala turija ta’ xhieda
ta’ qima pubblika lejn
l-Ewkaristija Mqaddsa u
speċjalment fis-solennità
tal-Ġisem u d-Demm ta’ Kristu,
purċissjoni li tgħaddi mit-toroq
pubbliċi”,
għaliex il-“parteċipazzjoni
devota tal-fidili
fil-purċissjoni ewkaristika
fis-solennità tal-Ġisem u d-Demm
ta’ Kristu hija grazzja
tal-Mulej li ta’ kull sena
timla’ bil-ferħ lil dawk kollha
li jieħdu sehem fiha”.
144.
Minkejja li hemm ċerti postijiet
fejn din il-ħaġa mhix possibbli,
jeħtieġ li ma tintilifx
it-tradizzjoni li jsiru
l-purċissjonijiet ewkaristiċi.
Pjuttost, għandhom jiġu
mfittxija modi ġodda li bihom
ikunu jistgħu isiru
fiċ-ċirkustanzi attwali, bħal
per eżempju qrib is-santwarji,
ġewwa proprjetajiet
ekkleżjastiċi, jew, bil-permess
tal-awtorità ċivili, anke
f’ġonna pubbliċi.
145.
Għandha tiġi kkunsidrata bħala
attività ta’ valur kbir,
il-ħtieġa pastorali
tal-Kungressi Ewkaristiċi, li
‘għandhom ikunu sinjal veru ta’
fidi u ta’ karità’.
Dawn għandhom jiġu mħejjija
b’diliġenza u mwettqin skont kif
ikun hemm stabbilit,
sabiex jingħata tagħlim
lill-fidili li jqimu l-misteri
qaddisa tal-Ġisem u tad-Demm
tal-Iben ta’ Alla, b’mod li bla
waqfien iħossu fihom infushom
il-frott tal-fidwa.
Is-Seba’ kapitlu: Il-ħidmiet
straordinarji tal-lajċi
146.
Is-Saċerdozju Ministerjali ma
jista’ qatt jiġi sostitwit.
Jekk, infatti, f’xi komunità ma
jkunx hemm is-saċerdot, dik
il-komunità hija mċaħħda
mill-eżerċizzju tal-funzjoni
sagramentali ta’ Kristu, Ras u
Ragħaj, li jappartieni
għall-istess essenza tal-ħajja
tal-komunità.
Infatti, “il-ministru, li jista’
jiċċelebra in persona Christi
s-sagrament tal-Ewkaristija,
huwa biss is-saċerdot ordnat
validament”.
147.
Jekk
imbagħad il-ħtiġijiet tal-Knisja
jitolbu dan, fin-nuqqas
tal-ministri sagri, il-fidili
lajċi jistgħu, skont in-norma
tad-Dirittu, jissupplixxu għalih
f’xi oqsma liturġiċi.
Dawn il-fidili huma msejħa
sabiex iwettqu ħidmiet
determinati, ta’ importanza
kbira u żgħira, mgħejunin
mill-grazzja tal-Mulej. Ħafna
lajċi diġa’ ddedikaw irwieħhom u
għadhom jiddedikaw lilhom
infushom b’ħerqa kbira għal dan
is-servizz, fuq kollox
f’artijiet tal-missjoni, fejn
il-Knisja għadha mhix imxerrda
biżżejjed jew inkella fejn
tinsab f’kundizzjoni ta’
persekuzzjoni,
iżda wkoll f’reġjuni oħra
milquta min-nuqqas kbir ta’
saċerdoti u djakni.
148.
B’mod partikulari għandha
tingħata importanza kbira
lill-istituzzjonijiet
tal-katekisti, li offrew u
għadhom joffru b’impenn kbir
għajnuna unika u assolutament
meħtieġa għat-tixrid tal-fidi u
tal-Knisja.
149.
F’xi djoċesijiet ta’
evanġelizzazzjoni aktar antika,
dan l-aħħar xi fidili lajċi ġew
inkarigati bħala ‘assistenti
pastorali’ u ħafna minnhom bla
dubju ta’ xejn, għenu ferm
fil-missjoni tal-Knisja, billi
kienu ta’ għajnuna lill-azzjoni
pastorali proprja tal-Isqof,
tas-saċerdoti u tad-djakni.
Tajjeb li jkun ċar il-fatt, li
dan il-profil ta’ din il-ħidma
m’għandux jiġi assimilat
iżżejjed mal-forma tal-ministeru
pastorali tal-kjeriċi. Jiġifieri
li dawn l-‘assistenti pastorali’
ma jiħdux fuqhom ħidmiet li huma
proprji tal-uffiċċju
tal-ministri sagri.
150.
L-attività tal-assistenti
personali għandha tkun
indirizzata sabiex tgħin
il-ministeru tas-saċerdoti u
tad-djakni, tqajjem
vokazzjonijiet għas-saċerdozju u
għad-djakonat u jippreparaw
b’żelu, skont in-normi
tad-Dirittu, lill-fidli lajċi
f’kull komunità sabiex dawn
iwettqu ħidmiet liturġiċi varji
skont diversi kariżmi.
151.
Huwa
biss f’każ ta’ ħtieġa li għandha
tintalab l-għajnuna tal-ministri
straordinarji fiċ-ċelebrazzjoni
tal-liturġija. Infatti din
il-ħaġa mhix prevista sabiex
tassigura parteċipazzjoni ikbar
tal-lajċi, iżda hija min-natura
tagħha stess biex tissupplixxi
proviżorjament f’każ ta’ bżonn.
Jekk imbagħad, minħabba
neċessità, ikun hemm il-ħtieġa
tal-ħidmiet tal-ministri
straordinarji, għandu
jimmultiplika ruħu t-talb
speċjali u kontinwu lill-Mulej,
sabiex jibgħat malajr kemm
jista’ jkun saċerdoti
għas-servizz tal-komunità u
jqajjem b’abbundanza
vokazzjonijiet għall-Ordni Sagri.
152.
Dawn il-ħidmiet sempliċement
bħala sostitut, m’għandhom qatt
ikunu ta’ skuża għal tibdiliet
tal-istess ministeru
tas-saċerdot, b’tali mod li huma
jittraskuraw iċ-ċelebrazzjoni
tal-quddiesa lill-poplu afdat
f’idejhom, il-ħeġġa personali
lejn il-morda u l-premura li
jgħammdu lit-trabi, jassistu
għal żwiġijiet u jiċċelebraw
il-funerali, li lkoll kemm huma
jaqgħu fuq kollox f’idejn
is-saċerdot bl-għajnuna
tad-djakni. Għalhekk ma jkun
qatt li s-saċerdot fil-parroċċa
jibdlu kif ġie ġie l-ħidmiet ta’
servizz pastorali mad-djakni jew
il-lajċi, u b’hekk iħawdu b’dan
il-mod il-missjoni speċifika ta’
min jamministra.
153.
Barra minn hekk, mhux mogħti
lil-lajċi li jieħdu f’idejhom
il-funzjonijiet jew inkella
jilbsu l-ilbies tad-djaknu jew
tas-saċerdot, lanqas ilbies
ieħor jixbhu.
Il-ministru straordinarju
tat-tqarbin imqaddes
154.
Bħalma diġa’ ġie mfakkar,
“ministru, li jista’ jiċċelebra
s-Sagrament tal-Ewkaristija
in persona Christi, huwa
biss is-saċerdot li jkun ġie
ordnat validament”.
Għalhekk l-isem ta’ “ministru
tal-Ewkaristija” huwa
proprjament għas-saċerdot biss.
Anke minħabba l-Ordinazzjoni
Sagra, il-ministri ordinarji
tat-Tqarbin Imqaddes huma
l-isqfijiet, is-saċerdoti u
d-djakni,
u fuqhom jaqa’ l-obbligu
tat-tqarbin lill-fidili lajċi
fiċ-ċelebrazzjoni tal-quddiesa.
B’hekk turi ruħha korrettament u
bil-milja kollha tagħha l-ħidma
ministerjali tal-Knisja u
jitħares is-sinjal sagramentali.
155.
Barra mill-ministri ordinarji
hemm dak li jkun ġie istitwit
bħala akkolitu li minħabba
l-istituzzjoni huwa l-ministru
straordinarju tat-tqarbin
imqaddes anke barra
miċ-ċelebrazzjoni tal-quddiesa.
Jekk ikun hemm raġunijiet ta’
neċessità awtentika, l-isqof
djoċesan jista’ jiddelega, skont
in-normi tad-Dirittu,
għal dan l-iskop lil xi fidil
lajk bħala ministru
straordinarju, ad actum
jew ad tempus, billi
jinqeda fiċ-ċirkustanza
bil-formula proprja ta’
benedizzjoni. Dan l-att ta’
ħatra m’għandux neċessarjament
forma liturġika, u jekk b’xi mod
ikollu, anqas jista’ jiġi meqjus
bħala Ordinazzjoni Sagra. Huwa
biss f’xi każijiet partikulari w
imprevisti, li jista’ jiġi
mogħti l-permess ad actum
min-naħa tas-saċerdot li
jippresiedi iċ-ċelebrazzjoni
ewkaristika.
156.
Dan l-uffiċċju għandu jittieħed
f’sens strett skont
id-denominazzjoni ta’ ministru
straordinarju tat-tqarbin
imqaddes, u mhux “ministru
speċjali tat-tqarbin imqaddes”
jew “ministru straordinarju
tal-Ewkaristija” jew “ministru
speċjali tal-Ewkaristija”,
definizzjonijiet li jesaġeraw
bla dritt u bla ħtieġa tal-iskop
tagħhom.
157.
Jekk is-soltu jkun hemm preżenti
numru ta’ ministri sagri
biżżejjed anke għat-tqassim
tat-tqarbin imqaddes, ma
jistgħux jidħlu sabiex iwettqu
din il-ħidma l-ministri
straordinarji tat-tqarbin
imqaddes. F’ċirkustanzi simili,
dawk li jkunu ġew magħżula għal
dan il-ministeru, m’għandhomx
jeżerċitawh. Ta’ min jikkundanna
l-passi ta’
dawk is-saċerdoti li, għalkemm
ikunu preżenti
għaċ-ċelebrazzjoni, jastjenu
ruħhom mit-tqassim tat-tqarbin,
filwaqt li jinkarigaw lajċi
sabiex iwettqu din il-ħidma.
158.
Il-ministru straordinarju
tat-tqarbin jista’ jamministra
t-tqarbin biss meta ma jkunx
hemm is-saċerdot jew id-djaknu,
meta s-saċerdot hu mxekkel
mill-mard, xjuħija jew inkella
minħabba xi motiv ieħor serju,
jew inkella meta n-numru
tal-fidili li jersqu
għat-tqarbin hu tant kbir li
l-istess ċelebrazzjoni
tal-quddiesa titwal ħafna.
Madankollu, dan irid jinftiehem
b’tali mod li, ċertu tul
fit-tqarbin, skont id-drawwiet u
l-kultura tal-post mhu bl-ebda
mod raġuni biżżejjed biex
tissejjaħ l-għajnuna
tal-ministri straordinarji
tat-tqarbin.
159.
Għall-ebda raġuni m’għandu
jingħata l-permess lill-ministru
straordinarju tat-tqarbin, li
jiddelega minfloku
għall-amministrazzjoni
tal-Ewkaristija lil xi persuna
oħra, bħal per eżempju ġenitur,
ir-raġel jew il-mara jew l-iben
tal-marid li jkun ser jitqarben.
160.
L-Isqof Djoċesan għandu jeżamina
mill-ġdid il-prassi tal-aħħar
snin f’din il-materja u
jikkoreġiha skont l-opportunità
jew inkella jiddetermina
b’ċarezza ikbar. Jekk minħabba
neċessità effettiva dawn
il-ministri straordinarji jiġu
deputati f’numri kbar, jeħtieġ
li l-Isqof Djoċesan jippubblika
normi partikulari, li permezz
tagħhom, filwaqt li jżomm
preżenti quddiem għajnejh
it-tradizzjoni tal-Knisja,
jistabilixxi direttivi skont
in-norma tad-Dirittu fir-rigward
ta’ twettiq ta’ din il-ħidma.
Il-Predikazzjoni
161.
Bħalma diġa’ ntqal, l-omelija,
minħabba l-importanza u n-natura
tagħha, hija riservata
għas-saċerdot jew għad-djaknu,
fil-quddiesa.
Fir-rigward ta’ forom oħra ta’
predikazzjoni, jekk
f’ċirkustanzi partikolari
tinħass il-ħtieġa, jistgħu,
dejjem skont in-norma
tad-Dirittu, jiġu aċċettati
l-fidili lajċi li jippritkaw fi
knisja jew inkella f’xi
oratorju, dejjem barra
mill-quddiesa.
Dan jista’ jseħħ biss minħabba
n-nuqqas fin-numru ta’ ministri
sagri f’xi postijiet u dan
sabiex jimla’ l-vojt tagħhom, u
ma għandu qatt jinbidel minn każ
ta’ eċċezzjonalità assoluta għal
fatt ordinarju, lanqas m’għandu
jiġi meqjus bħala promozzjoni
awtentika tal-lajkat.
Għandu jiġi wkoll imfakkar li
l-fakultà tippermetti dan,
dejjem ad actum,
tappartieni lill-Ordinarji
tal-post u mhux lil xi oħrajn,
lanqas jekk saċerdot jew djaknu.
Ċelebrazzjonijiet partikulari li
jseħħu fin-nuqqas tas-saċerdot
162.
Il-Knisja, fil-jum li jġib
l-isem ta’ “il-Ħadd”, tinġabar
flimkien fedelment sabiex
tfakkar, speċjalment
biċ-ċelebrazzjoni tal-quddiesa,
il-qawmien tal-Mulej u l-misteru
kollu tal-Għid.
Infatti, “l-ebda komunità
nisranija ma tinbena, jekk ma
tniżżilx għeruqha u tibbaża
lilha nfisha fiċ-ċelebrazzjoni
tal-Ewkaristija Mqaddsa”.
Għalhekk, il-poplu nisrani
għandu d-dritt li tiġi
ċċelebrata l-Ewkaristija għalih
nhar ta’ Ħadd, fil-festi
tal-preċett, fil-jiem prinċipali
ta’ festa, u sa meta hu
possibbli, anke ta’ kuljum. Jekk
nhar ta’ Ħadd, f’xi parroċċa jew
inkella f’xi komunità oħra
tal-fidili, huwa diffiċli li
jkun hemm ċelebrazzjoni
tal-quddiesa, l-isqof djoċesan
jiżen, flimkien mal-presbiteru,
ir-rimedji opportuni.
Fost dawn is-soluzzjonijiet,
l-iżjed prinċipali hija dik li
jissejħu saċerdoti oħra għal dan
l-iskop, jew inkella li l-fidili
jmorru l-
knisja f’xi
post qrib sabiex jieħdu sehem
fil-misteru ewkaristiku.
163.
Is-saċerdoti kollha, li
f’idejhom ġew afdati
s-saċerdozju u l-Ewkaristija
“għall-ġid” tal-oħrajn,
għandhom iżommu f’moħħhom li
huwa dmir tagħhom li joffru
lill-fidili kollha l-opportunità
li jkunu jistgħu
jissodisfaw
il-preċett li jieħdu sehem
fil-quddiesa tal-Ħadd.
Min-naħa tagħhom, il-fidili
lajċi għandhom id-dritt li
l-ebda saċerdot, jekk mhux
quddiem impossibilità effettiva,
m’għandu jirrifjuta milli
jiċċelebra l-quddiesa
għall-poplu jew jirrifjuta li
tiġi ċċelebrata minn xi saċerdot
ieħor, jekk il-ġemgħa ma tistax
tissodisfa b’mod ieħor
il-preċett u tieħu parti
fil-Quddiesa tal-Ħadd u
fil-ġranet l-oħra stabbiliti.
164.
“Jekk minħabba nuqqas
tal-ministru sagru jew inkella
minħabba raġuni oħra gravi,
issir impossibbli
ċ-ċelebrazzjoni ewkaristika”,
il-poplu nisrani għandu d-dritt
li l-isqof djoċesan jipprovdilu,
skont il-possibilità, biex
titwettaq ċelebrazzjoni
għall-istess komunità nhar ta’
Ħadd taħt l-awtorità proprja
tiegħu u skont in-normi
stabbiliti tal-Knisja. Għalhekk,
ikun fil-ħsieb ta’ kulħadd, kemm
djakni kif ukoll lajċi nsara, li
lilhom ġie assenjat mill-isqof
id-dmir f’dawn l-istess
ċelebrazzjonijiet li “jżommu ħaj
‘il-ġuħ’ veru għall-Ewkaristija,
li jwassal sabiex ma tintilef
l-ebda okkażjoni li jkun hemm
ċelebrazzjoni tal-quddiesa, anke
billi japprofittaw ruħhom
mill-preżenza okkażjonali ta’ xi
saċerdot li mhux miżmum
mid-dritt tal-Knisja milli
jiċċelebraha”.
165.
Jeħtieġ tiġi evitata
b’attenzjoni kull forma ta’
konfużjoni bejn dawn it-tipi ta’
laqgħat u ċ-ċelebrazzjoni
ewkaristika.
Għalhekk, l-isqfijiet djoċesani
għandhom jiżnu bi prudenza jekk
f’dawn il-laqgħat għandux isir
it-Tqarbin Imqaddes.
Għall-koordinament iktar wiesa’,
il-kwistjoni għandha tiġi
determinata fl-ambitu
tal-Konferenza tal-Isqfijiet,
b’tali mod li tinstab soluzzjoni
approvata mill-Kongregazzjoni
tal-Kult Divin u d-Dixxiplina
tas-Sagramenti. Barra minn hekk,
hija ħaġa preferibbli,
fin-nuqqas tas-saċerdot u
tad-djaknu, li l-partijiet
differenti jiġu mqassma fost
numru dejjem akbar ta’ fidili,
minflok wieħed lajk, li jmexxi
ċ-ċelebrazzjoni sħiħa. Qatt mhu
sewwa jingħad li wieħed
mill-fidili “jippresiedi”
ċ-ċelebrazzjoni.
166.
Hekk ukoll, l-isqof djoċesan, li
taħtu taqa’ din il-kwistjoni
kollha, m’għandu qatt jikkonċedi
b’ċerta faċilità li dawn
iċ-ċelebrazzjonijiet, iktar u
iktar jekk fihom ikun ser isir
it-tqassim tat-Tqarbin Imqaddes,
isiru fil-ġranet ferjali u fuq
kollox f’postijiet li fihom
setgħet saret jew inkella tista’
ssir il-quddiesa l-Ħadd ta’
qabel jew inkella fil-Ħadd
suċċessiv. Is-saċerdoti huma
mitluba bil-qawwa li, skont
il-possibiltajiet tagħhom,
jiċċelebraw ta’ kuljum
il-quddiesa għall-poplu f’waħda
mill-knejjes afdati f’idejhom.
167.
“Hekk ukoll, ma jistax
jgħaddilna minn moħħna li
nissostitwixxu l-Quddiesa
tal-Ħadd b’ċelebrazzjonijiet
ekumeniċi tal-Kelma jew
b’laqgħat ta’ talb flimkien ma’
nsara li jappartieni
lill-Komunitajiet Ekkleżjali,
jew inkella bis-sehem
fis-servizz liturġiku tagħhom”.
Jekk imbagħad l-isqof djoċesan,
imbuttat mill-ħtieġa, ikun ta
permess ad actum
għas-sehem tal-kattoliċi,
ir-ragħajja għandhom joqogħdu
attenti li fost il-fidili
kattoliċi ma tinħoloqx
konfużjoni f’dak li għandu
x’jaqsam mal-ħtieġa li jieħdu
parti anke f’dawn
l-okkażjonijiet fil-quddiesa
tal-preċett, f’xi ħin ieħor
tal-ġurnata.
Dawk li jkunu telqu mill-istat
klerikali
168.
Il-“kjeriku li skont in-norma
tad-Dirittu jitlef l-istat
klerikali (...) huwa pprojbit
milli jeżerċita s-setgħa
tal-Ordni”.
Għalhekk mhux mogħti lilu li
jiċċelebra s-sagramenti, tkun xi
tkun ir-raġuni, jekk mhux f’xi
każ mill-iżjed eċċezzjonali,
previst mid-Dirittu,
u lanqas m’għandhom il-permess
il-fidili li jmorru għandu
għaċ-ċelebrazzjoni, jekk ma
jkunx hemm kawża ġusta li
tippermetti dan skont in-norma
tal-kanoni 1335.
Dawn il-persuni m’għandhom qatt
jitħallew jagħmlu l-omelija,
jew inkella jassumu xi inkarigu
jew ħidma fiċ-ċelebrazzjoni
tal-Liturġija Mqaddsa, biex ma
tinħoloqx konfużjoni fost
il-fidili u lanqas tiġi mċajpra
l-verità.
IT-TMIEN KAPITLU: IR-RIMEDJI
169.
Meta
jitwettaq xi abbuż
fiċ-ċelebrazzjoni tal-liturġija
mqaddsa, tkun qed issir
falsifikazzjoni awtentika
fil-liturġija kattolika. San
Tumas kiteb: “Ikun qiegħed jaqa’
fil-vizzju ta’ falsifikazzjoni
min f’isem il-Knisja ikun qed
joffri lil Alla kult li jeħodha
kontra l-modalità mwaqqfa
mill-awtorità divina tal-Knisja
u kif soltu tagħmel”.
170.
Bl-iskop li jingħata rimedju
għal dawn l-abbużi, dak li
“l-iżjed hu meħtieġ hija
l-formazzjoni biblika u
liturġika tal-poplu ta’ Alla,
tar-
ragħajja u
tal-fidili”,
b’tali mod li l-fidi u
d-dixxiplina tal-Knisja, f’dak
li għandu x’jaqsam mal-liturġija
mqaddsa, jiġu ppreżentati u
mifhuma kif suppost. Jekk
l-abbużi jkomplu jseħħu, ikun
meħtieġ li, skont in-norma
tad-Dirittu, ikompli jsaħħaħ
il-ħarsien tal-patrimonju
spiritwali u tad-drittijiet
tal-Knisja billi jiġu wżati
l-mezzi leġittimi kollha.
171.
Fost l-abbużi varji hemm dawk li
jikkostitwixxu oġġettivament
graviora delicta, l-atti
gravi u oħrajn, li għandhom jiġu
evitati u kkoreġuti
b’attenzjoni. Filwaqt li jinżamm
dejjem f’kunsiderazzjoni dak
kollu li ġie trattat b’mod
partikulari fl-ewwel kapitlu ta’
din l-istruzzjoni, jeħtieġ li
issa tingħata attenzjoni għal
dan li ġej.
“Graviora Delicta”
172.
Il-graviora
delicta kontra l-qdusija
tas-Sagrifiċċju Mqaddes u
s-Sagrament tal-Ewkaristija
għandhom jiġu trattati billi
wieħed isegwi n-“normi relattivi
għall-graviora delicta
riservati għall-Kongregazzjoni
tad-Duttrina tal-Fidi,
jiġifieri:-
a)
is-serq jew iż-żamma, bi skop
sagrilegu, jew inkella r-rimi
tal-ispeċi kkonsagrati
b)
it-tentattiv taċ-ċelebrazzjoni
tal-quddiesa jew inkella
s-simulazzjoni tagħha
c)
konċelebrazzjoni pprojbita
tas-Sagrifiċċju Ewkaristiku
flimkien ma’ ministri ta’
komunitajiet ekkleżjali li
m’għandhomx is-suċċessjoni
appostolika, u li lanqas jagħrfu
d-dinjità sagramentali
tal-ordinazzjoni saċerdotali
d)
konsagrazzjoni bi skop sagrilegu
ta’ xi materja mingħajr
il-materja l-oħra
fiċ-ċelebrazzjoni ewkaristika,
jew inkella tat-tnejn barra
miċ-ċelebrazzjoni ewkaristika
Atti Gravi
173.
Għalkemm il-ġudizzju dwar
il-gravità tal-problema jiġi
formulat skont id-duttrina
komuni tal-Knisja u skont
in-normi stabbiliti minnha,
bħala atti gravi għandhom dejjem
jiġu oġġettivament ikkunsidrati
dawk li jqiegħdu f’riskju
l-validità u d-dinjità
tal-Ewkaristija Mqaddsa, jew
aħjar dawk li jikkuntrastaw
mal-każijiet li ġew murija qabel
fin-numri 48-52, 56,76-77, 79,
91-92, 94, 101-102, 104, 106,
109, 111, 115, 117, 126,
131-133, 138, 153 u 168. Barra
minn hekk għandha tingħata
l-attenzjoni
għall-preskrizzjonijiet
tal-Kodiċi tad-Dirittu Kanoniku
u b’mod partikulari għal dak li
hemm stabbilit fil-kanoni 1364,
1369, 1373, 1376, 1380, 1384,
1386 u 1398.
Abbużi Oħra
174.
Barra minn hekk, l-azzjonijiet
imwettqa kontra dawk in-normi,
li ġew trattati bnadi oħra f’din
l-istruzzjoni u fin-normi
stabiliti mid-Dirittu,
m’għandhomx jiġu kkunsidrati kif
ġie ġie, iżda għandhom jiġu
mdaħħla mal-abbużi l-oħra li
għandhom jiġu evitati u
kkoreġuti malajr kemm jista’
jkun.
175.
Dak li ġie muri f’din
l-istruzzjoni, bħalma jidher
ċar, ma jiġborx
il-vjolazzjonijiet kollha kontra
l-Knisja u d-dixxiplina tagħha,
bħalma ġew definiti fil-kanoni,
fil-liġijiet liturġiċi u
fin-normi l-oħra tal-Knisja
skont id-duttrina tal-Maġisteru
jew it-tradizzjoni sħiħa. Jekk
jitwettaq xi żball, għandu jiġi
kkoreġut skont in-norma
tad-Dirittu.
L-Isqof Djoċesan
176.
L-isqof djoċesan, “billi huwa
d-dispensatur prinċipali
tal-misteri ta’ Alla, għandu
jħabrek kontinwament sabiex
il-fidili, afdati taħt il-
ħarsien tiegħu, jikbru
fil-grazzja permezz
taċ-ċelebrazzjoni tas-sagramenti
u sabiex jagħrfu u jgħixu
l-misteru tal-Għid”.
Imiss lilu, “fil-limiti
tal-kompetenza tiegħu, jagħti
normi f’materja liturġika, li
jobbligaw lil kulħadd”.
177.
“Peress li għandu jiddefendi
l-unità tal-Knisja Universali,
l-Isqof obbligat li jġib 'il
quddiem id-dixxiplina komuni
għall-Knisja kollha u għalhekk
għandu jħeġġeġ il-ħarsien
tal-liġijiet kollha
ekkleżjastiċi. Għandu jgħasses
li ma jkunx hemm abbużi
fid-dixxiplina ekkleżjastika,
fuq kollox fil-ministeru
tal-Kelma, fiċ-ċelebrazzjoni
tas-Sagramenti u
tas-sagramentali, fil-kult lejn
Alla u lejn il-Qaddisin”.
178.
Għalhekk, kull darba li
l-Ordinarju tal-post jew inkella
ta’ xi istitut reliġjuż jew
inkella ta’ xi soċjetà ta’ ħajja
appostolika tasallu l-aħbar, li
aktarx ma tkunx minnha, dwar xi
delitt jew inkella xi abbuż li
jirrigwarda l-Ewkaristija
Mqaddsa, għandu jindaga
bil-għaqal kollu, hu stess jew
inkella permezz ta’ xi kjeriku
idoneu, dwar il-fatti,
iċ-ċirkostanzi u l-imputabilità.
179.
Id-delitti kontra l-fidi u l-graviora
delicta imwettqa matul
iċ-ċelebrazzjoni tal-Ewkaristija
u tas-Sagramenti l-oħra għandhom
jiġu mwassla bla tnikkir
lill-Kongregazzjoni tad-Duttrina
tal-Fidi, li teżaminahom “u jekk
ikun hemm il-ħtieġa, tipproċedi
sabiex tiddikjara jew tagħti
s-sanzjonijiet kanoniċi skont
in-norma tad-Dirittu, kemm
komuni kif ukoll dak proprju”.
180.
Diversament, l-Ordinarju
jipproċedi skont in-normi
tal-kanoni sagri, billi
japplika, fejn ikun il-każ,
il-pieni kanoniċi u jżomm
quddiem għajnejh b’mod
partikulari dak li hemm stabilit
mill-kanoni 1326. Meta jkun hemm
azzjonijiet gravi, għandu
jinforma lill-Kongregazzjoni
tal-Kult Divin u tad-Dixxiplina
tas-Sagramenti.
Is-Sede Appostolika
181.
Kull darba li l-Kongregazzjoni
tal-Kult Divin u tad-Dixxiplina
tas-Sagramenti ssir taf, xi ftit
jew wisq fil-verità, b’xi delitt
jew abbuż relattiv
għall-Ewkaristija Mqaddsa,
għandha tinforma lill-Ordinarju
sabiex jistħarreġ dwar il-każ.
Kemm-il darba jirriżulta li jkun
hemm xi ħaġa gravi, l-Ordinarju
jibgħat minnufih lill-istess
Dikasteru eżemplar tal-atti
relattivi għall-istħarriġ li
jkun sar, u eventwalment, dwar
il-piena mogħtija.
182.
F’każijiet ta’ diffikultà tassew
kbira, l-Ordinarju m’għandux
jittraskura, għall-ġid
tal-Knisja Universali, li
għall-ħarsien tagħha għandu
jieħu sehem fid-dawl
tal-Ordinazzjoni Sagra tiegħu,
li jitratta l-problema wara li
jkun ħa l-parir
tal-Kongregazzjoni tal-Kult
Divin u tad-Dixxiplina
tas-Sagramenti. Min-naħa tagħha,
din il-Kongregazzjoni, permezz
ta’ fakultà mogħtija lilha
mill-Papa, tgħin lill-Ordinarju,
skont il-każ, billi tagħtih
id-dispensi meħtieġa
u twassallu wkoll
l-istruzzjonijiet u
l-preskrizzjonijiet li hu għandu
joqgħod għalihom b’diliġenza.
Senjalazzjoni ta’ abbużi
f’materja liturġika
183.
B’mod assolutament partikulari,
kulħadd, dejjem skont
il-possibiltà tiegħu, għandu
jara li s-Santissimu Sagrament
tal-Ewkaristija jkun imħares
minn kull forma ta’ irreverenza
jew traskuraġni u l-abbużi
għandhom kollha kemm huma jiġu
kkoreġuti. Din hija ħidma ta’
importanza liema bħalha għal
kulħadd u għal kull wieħed, u
lkoll kemm huma għandhom iħarsu
din l-opra bla ebda favoritiżmu.
184.
Kull
kattoliku, kemm saċerdot, kemm
djaknu, kemm lajk, għandu
d-dritt li jiftaħ kawża, fuq
abbuż liturġiku, quddiem l-isqof
djoċesan jew quddiem l-Ordinarju
kompetenti, ma’ dawk li huma
assenjati mid-Dirittu jew
quddiem is-Sede Appostolika
minħabba l-primat tal-Papa.
Madankollu s-senjalazzjoni jew
inkella l-kawża għandha tiġi
ppreżentata l-ewwel, sa fejn hu
possibbli, lill-isqof djoċesan.
Dan għandu jseħħ dejjem bi
spirtu ta’ verità u ta’ karità.
Konklużjoni
185.
Iż-żerriegħa tal-firda fost
il-bnedmin, li l-esperjenza ta’
kuljum turi li għandhom
għeruqhom fl-umanità minħabba
d-dnub, isibu kontrihom il-qawwa
li tgħaqqad tal-Ġisem ta’
Kristu. L-Ewkaristija,
preċiżament għax tibni l-Knisja,
toħloq komunità fost il-bnedmin.
Għalhekk din il-Kongregazzjoni
tal-Kult Divin u tad-Dixxiplina
tas-Sagramenti tawgura, li anke
permezz tal-applikazzjoni
attenta f’dak kollu li dwaru qed
titkellem din l-istruzzjoni
preżenti, il-fraġilità umana
tfixkel f’kejl iċken l-azzjoni
tas-Sagrament Imqaddes
tal-Ewkaristija u mneħħija kull
irregolarità, imwarrab kull użu
abbużiv, bl-interċessjoni
tal-Beata Verġni Marija,
“il-mara ewkaristika”,
il-preżenza salvifika ta’ Kristu
fis-Sagrament tal-Ġisem u
tad-Demm tiegħu tiddi fuq
il-bnedmin kollha.
186.
Il-fidili kollha jieħdu sehem,
skont il-possibilità tagħhom
sħiħa, konsapevoli u attiva
fl-Ewkaristija Mqaddsa,
iqimuha b’qalbhom kollha
b’devozzjoni u f’ħajjithom.
L-isqfijiet, is-saċerdoti u
d-djakni, fl-eżerċizzju
tal-ministeru qaddis, għandhom
jiżnu fil-kuxjenza l-awtentiċità
u l-fedeltà tal-azzjonijiet
imwettqa minnhom f’isem Kristu u
l-Knisja fiċ-ċelebrazzjoni
tal-liturġija qaddisa. Kull
ministru sagru għandu jsaqsi
lilu nnifsu, anke b’ċerta
ħruxija, jekk irrispettax
id-dmirijiet tal-fidili lajċi,
li jerħu ruħhom u lil uliedhom
f’idejh b’fiduċja,
fil-konvinzjoni li lkoll iwettqu
korrettament għall-fidili dawk
il-ħidmiet li l-Knisja, b’mandat
ta’ Kristu, għandha f’moħħha li
twettaq meta tiċċelebra
l-liturġija sagra.
Ilkoll għandhom jiftakru dejjem,
li huma qaddejja tal-Liturġija
Mqaddsa.
Din l-istruzzjoni, redatta,
b’dispożizzjoni tal-Papa Ġwanni
Pawlu II, mill-Kongregazzjoni
tal-Kult Divin u tad-Dixxiplina
tas-Sagramenti bi ftehim
mal-Kongregazzjoni tad-Duttrina
tal-Fidi, ġiet approvata
mill-istess Papa fid-19 ta’
Marzu 2004, fis-solennità ta’
San Ġużepp. Huwa ordna
l-pubblikazzjoni tagħha u
l-osservanza immedjata tagħha
daparti ta’ kulħadd, li lejhom
hija indirizzata.
Ruma, mill-Kongregazzjoni
tal-Kult Divin u tad-Dixxiplina
tas-Sagramenti, 25 ta’ Marzu
2004
Solennità tat-Tħabbira tal-Mulej
Miġjub għall-Malti minn
Monsinjur Salv Borg.
Publikat fis-Suppliment Qim,
Segretarjat għal-Liturġija,
Ottubru 2005.
Typing tad-dokument għal-Laikos
minn Roberta Tonna.
Ioannes Paulus Pp.II,
Litt.Enc., Ecclesia
de Eucharistia,
n.39: AAS 95 (2003)
p.459
Missale Romanum,
Institutio Generalis, n.
57; cf.
Ioannes Paulus Pp.II,
Litt.Ap., Vicesimus
quintus
annus,
n. 13: AAS 81 (1989) p.
910; Congr.pro
Doctrina
Fidei,
Declaratio
de
Iesu
Christi atque
Ecclesiae unicitate et
universalitate
salvifica, Dominus
Iesus diei
6
augustii
2000: AAS 92 (2000) pp.
742-765
Cf.
Congr. Pro Clericis et
aliae, Instr.,
Ecclesiae de mysterio,
Theologica principia,
n.3: AAS 89 (1997) p.859
|