|
L-Eminenza
Tiegħu
l-Kardinal Gianfranco Ravasi
Omelija lis-Sorijiet Klarissi
Malta
25 ta’ Jannar 2017
Kull
ċelebrazzjoni liturġika bħal
fiha żewġ ħarsiet. Hemm ħarsa
lejn l-għoli, lejn Alla, lejn
Kristu, lejn il-Kelma ta’ Alla
li tinżel mill-muntanja, bħal
fuq is-Sinaj. Imma hemm ħarsa
orizzontali, fejn għajn tiltaqa’
ma’ għajn. Fil-fatt, il-kelma
liturġija, kif tafu, hi
kelma Griega li tfisser opra
tal-poplu, ta’ ġemgħa. Ara,
jiena magħkom nixtieq nagħmel
żewġ mumenti, proprju dawn
iż-żewġ ħarsiet.
L-ewwel hi dik li
tgħaddi bejnietna. Mhux ta’
b’xejn li l-liturġija għandha
ħafna tislimiet… “Il-Mulej
magħkom”, “Il-Paċi magħkom”, u
mbagħad nieħdu b’idejn xulxin.
Mela hemm relazzjoni bejn dawk
li huma miġbura madwar Alla,
bejnietna. U għalhekk li allura
jiena rrid qabelxejn nitkellem,
insellmilkom proprju
fil-familjarità, fil-ħbiberija
ta’ laqgħa. Laqgħa
tal-ħsibijiet, ta’ talb, ta’
stejjer diversi. Jiena nġib
miegħi l-istorja tiegħi li issa
hi dik li jien għall-qadi
tal-Knisja f’Ruma, qrib tal-Papa
Franġisku li miegħu, ngħidu
aħna, għandi niltaqa’ s-Sibt li
ġej. Nista’ anki nwassallu
t-tislima ta’ din il-komunità,
inwassallu wkoll it-talba
tagħkom.
Intom għandkom
l-istejjer personali tagħkom,
il-vokazzjonijiet tagħkom, u
f’dan il-mument ta’ tislima,
għajnejna f’ta’ xulxin, ħarsiet
reċiproċi, jeħtieġ inqiegħdu
wkoll ir-realtà tagħna, il-ħajja
umana tagħna, u nwassluha
quddiem Alla, id-diversi stejjer
tagħna. Għax jekk hu minnu li
għandkom vokazzjoni komuni, dik
tal-konsagrazzjoni lil Alla u
l-ħajja reliġjuża tagħkom, imma
kull waħda minnkom għamlet
il-mixja tagħha. Għalhekk f’dan
il-mument ta’ fraternità, ta’
ħbiberja, nixtieq tassew li kull
waħda tħares lejn il-vokazzjoni
tagħha, proprju għax jien minn
hawn u ftit ieħor, flimkien
mas-saċerdoti li qed jiċċelebraw
miegħi, inkun nista’ nwassalhom
bħal żbul tal-qamħ fi xmara lejn
Alla, inwassalu l-uċuħ tagħkom,
il-ġrajjiet tagħkom u anki
l-persuni li jinsabu hawn, li
għandhom vokazzjoni oħra
differenti minn tagħkom.
Inwassal dan quddiem il-Mulej,
għax il-liturġija hi wkoll din
ix-xirka tagħkom, xirka
tal-persuni li jfittxu li jkunu
flimkien fil-fraternità,
fl-imħabba.
Imma hemm
it-tieni ħarsa li hi iżjed
importanti, dik lejn il-Kelma
ta’ Alla li għadna kemm smajna.
Jien nixtieq nieqaf fuq kollox
fuq l-ewwel paġna li nqrat tant
tajjeb minn waħda minnkom. Intom
forsi tafu li fl-Atti
tal-Appostli tliet darbiet
insibu r-rakkont
tal-konverżjoni, ta’ Pawlu
fit-triq ta’ Damasku. Għal tliet
darbiet hi rripetuta. Din hi
t-tieni waħda, u kull darba hemm
xi aspett partikulari. F’dan
il-każ, imbagħad, f’dak li
għadkom kemm smajtu, ir-rakkont
hu awtobijografiku. Hu Pawlu
nnifsu li qed jirrakkonta
f’xhieda pubblika.
Araw kif f’dan
ir-rakkont, f’din il-kelma li
taslilna mingħand l-Appostlu, li
hi mbagħad imlissna b’mod
sinifikattiv hawn f’Malta, –
għax Malta kienet tappa
fil-ħajja ta’ Pawlu, importanti,
intom f’ċertu sens salvajtulu
ħajtu – hu sab persuna –
tiftakruha l-figura tal-Protos
– sabha f’funzjonarju li
newwillu idu, sabha f’komunità
li laqgħetu wara t-tempesta,
wara t-traġedja.
Jiena ngħix Ruma,
mhux wisq bogħod mnejn hemm
il-qabar tiegħu, l-aħħar punt
ta’ ħajtu. Dwar din il-figura
tar-rakkont, minn dan ir-rakkont
jien nixtieq niġbor simbolu:
simbolu li hu doppju u hu
fundamentali fil-Bibbja. Hi
l-id. U nispjegalkom ukoll
l-għaliex, b’mod simboliku. Aħna
nafu li Alla spiss hu
rrappreżentat bi xbihat, l-id
ta’ Alla hi soda. Issa jekk aħna
nqallbu fl-ittri ta’ Pawlu biex
insibu tifkira tal-vokazzjoni
tiegħu, tat-triq ta’ Damasku –
fl-ittri, mhux fl-Atti
tal-Appostli, li hi opra
tad-dixxiplu tiegħu Luqa –, aħna
fil-prattika nsibuha biss darba.
U f’ittra lill-egħeżeż komunità,
dik li Pawlu ħabbha l-iżjed,
il-komunità Ewropea, Filippi.
L-Ittra lill-Filippin hi
l-egħżeż ittra, mimlija
passjoni, anki ħbiberija. Hu
sempliċement jgħid: “Intom qatt
ma qistu x’tajtu u xi rċivejtu”.
Dejjem ħassu f’għaqda spontanja,
hienja ma’ din il-komunità. U
meta jirrakkontalhom
il-vokazzjoni tiegħu, hu juża
verb Grieg. Dan il-verb Grieg
litteralment ifisser li niġu
maħtufa mill-baxx lejn l-għoli.
“Jien”, soltu naqraw, “ġejt
maħtuf minn Kristu”. Imma
strettament mill-għoli, “Jien
ġejt maħtuf u miġbud ’il fuq”. U
intom taraw li hawn għandna
proprju l-vokazzjoni tat-triq
ta’ Damasku. Jien qed nilmaħ
biss l-id ta’ Alla li qed
taħtfu.
Tajjeb, mela
aħsbu ftit. Intom forsi, anzi
żgur, m’intom ħa tidħlu qatt
f’din il-kappella li hemm Ruma,
fil-Vatikan. Fil-Vatikan hemm
kappella fil-Palazz tal-Papa,
hemm kappella msejħa l-Kappella
Pawlina. Imsemmija għall-Papa
Pawlu III, li bnieha. U dan
il-Papa ta l-ordni lil wieħed
xwejjaħ, marid, Michelangelo, li
kien fuq l-għatba tal-mewt, biex
jirrappreżenta fuq il-ħajt
it-tislib ta’ Pietru, il-mument
li fih Pietru ttella’ fuq
is-salib.
U min-naħa l-oħra
riedu jirrappreżenta t-triq ta’
Damasku. U jekk tħarsu tajjeb
lejn il-pittura ta’
Michelangelo, issibu proprju dan
il-verb irrappreżentat.
Fil-fatt, l-Appostlu qiegħed
mal-art, għajnejh magħluqa għax
għamieh id-dawl, u mill-għoli
nieżel bħal dawl qawwi sparat
lejn l-art, u hemm l-id ta’
Kristu, li tinżel biex taħtaf
lil Pawlu. Michelangelo
ppreżenta b’mod serju ħafna din
l-esperjenza tal-Appostlu. U
aħna l-Kardinali meta ħtarna
lill-Papa, meta nġbarna
fil-konklavi, tlaqna lejn
il-Kappella Sistina, li hi
fil-qrib, tlaqna minn hawn.
Min-naħa l-oħra,
il-wiċċ iebes ta’ Pietru li
jinsab fuq is-salib, għadu mhux
imsallab, għadu mixħut mal-art,
wiċċ li jħares b’mod imqit ħafna
lejn il-Papa futur li wasal biex
jidħol fil-Kappella Sistina,
biex ifakkru: “Ħares, li tkun
Suċċessur tiegħi ma jfissirx li
ħa tilħaq sultan, xi prinċep”.
Hi għażla kważi kattiva, ta’
tbatija, traġika… din il-ħarsa
tiegħu.
Imma min-naħa
l-oħra hemm ir-rappreżentazzjoni
ta’ Pawlu, bi Kristu li jerfa’
lil dan ir-raġel li waqa’ u hu
agħma, dan ir-raġel midneb, li
kien qed jippersegwitah. Hawn hi
allura l-ewwel id. Din l-id
tkellimna fuq tempju, li mbagħad
baqa’ għażiż għal San Pawl tul
ħajtu kollha. U x’tempju hu dan?
Il-grazzja! Fil-bidu tal-istorja
u l-istejjer li lkoll
niftakruhom, mhux aħna hemm
l-ewwel. L-ewwel hemm Alla! Hemm
Kristu. San Pawl fl-Ittra
lir-Rumani, kapitlu 10, għandu
dik il-frażi mill-isbaħ,
kurjuża, li tikkwota lil Isaija.
U l-frażi hi din: “Jgħid
il-Mulej: ‘Jiena wrejt ruħi anki
lil dawk li ma kinux qed
ifittxuni. Urejt min jien anki
lil dawk li ma kinux
jitolbuni’”. Hi l-istorja ta’
Pawlu. “Jien ippreżentajt ruħi u
int kont fil-għoli”.
Din hi biċċa
mill-vokazzjoni tagħna. F’salt
wieħed, fil-ħajja tagħna, għadda
Alla. Hu għadda l-ewwel:
il-grazzja! Forsi intom, xi wħud
minnkom forsi tafu l-Grieg. Imma
din hi kelma partikulari.
Il-grazzja fil-Grieg hi karis.
Issa din il-kelma Griega
karis daħlet ukoll
fil-Latin. U x’saret fil-Latin?
Caritas. Karità,
l-imħabba. Araw, il-grazzja hi
l-imħabba ta’ Alla li tiġi
qabilna u tgħaddina.
Naturalment,
mal-id ta’ Alla mbagħad trid
tikkorrispondi l-id tagħna.
Tiftakru f’dak il-versett
mill-isbaħ tal-Apokalissi. Meta
lill-Knisja ta’ Laodiċija,
li hi Knisja kiesħa, bierda
anzi, mhux kiesħa, superfiċjali,
xi ftit jew wisq bħad-dinja li
fiha aħna mgħaddsin, x’jgħidilha
l-awtur tal-Apokalissi, f’dik
ix-xena li fiha jitkellem Kristu
nnifsu? “Ara, jien fil-bieb u
qed inħabbat. Min jisma’ leħni u
jiftaħli l-bieb, jien nidħol u
niekol miegħu, u hu jiekol
miegħi”.
Araw, jekk ma
jgħaddix Kristu, aħna nibqgħu
fid-dinja tagħna, fl-istorja
tagħna, fis-solitudni tagħna,
anki fil-ħażen tagħna. Imma hu
jgħaddi u idu tħabbat. Hu
l-ewwel. Imma araw, anki aħna
għandna r-responsabbiltà, ta’
kuljum, li niftħulu l-bieb. Araw
iż-żewġ idejn li jiltaqgħu.
U jien nixtieq li
issa fl-aħħar nindika id oħra
barra dik ta’ Kristu, li
tiltaqa’ ma’ tagħna, li
tingħaqad ma’ tagħna. U ma nafx
intbaħtux li f’din is-silta hemm
id oħra li tgħin lil Pawlu. Meta
nqrat is-silta, intqal li kien
hemm ċertu Ħananija, wieħed li
kien josserva l-liġi
b’devozzjoni kbira. Pawlu jgħid:
“Ġie għandi, resaq lejja u
qalli: ‘Sawl, ħija, erġa’ ara’”.
Araw, aħna għandna bżonn ukoll
ta’ id ta’ xi ħadd ieħor li hu
bħalna, li għandu ħajja li
tidher. Għalhekk fil-ħajja
reliġjuża teżisti l-figura
tad-direttur spiritwali,
tal-gwida, ta’ oħti, ta’ ħija,
biex ngħinu lil xulxin.
U hi importanti
daqs ta’ Kristu, għax din l-id
tgħinna naraw. Hu, Ħananija, li
jdaħħal lil San Pawl fil-fidi
Nisranija. U hawn allura
l-istedina għalikom ilkoll, li
tkunu bħal Ħananija għal ħutkom,
forsi għal dik oħtkom li tarawha
ngħalqet, biex terġa’ lura
għad-dawl f’dak il-mument ta’
kriżi. Aħsbu ftit, dan tafuh
sewwa intom, fit-traġedja ta’
tant qassisin li qed
jabbandunaw, anzi agħar, waqgħu
f’abbiss mudlam. Ħafna drabi ma
ridux jibqgħu jqiegħdu idhom
f’dik ta’ Kristu; hi l-libertà
tal-persuna. Imma ħafna drabi
dan għax baqgħu waħidhom.
Magħhom lanqas l-Isqof tagħhom
ma kien hemm, kif kien dmiru ta’
ragħaj li jnewlilhom idu.
Għalhekk huma importanti dawn
iż-żewġ idejn, dik ta’ Kristu u
dik tagħna mnewla lill-oħrajn.
Kien hemm poeta
Spanjol, Pedro Salinas, li kien
jgħid ħaġa kurjuża dwar l-aħwa
li jgħinu lill-aħwa, u kien juża
proprju x-xbieha tal-id: “Min
jgħin lill-proxxmu, min jgħin
lil ħuh, għandu l-ponot ta’
subgħajh jilħqu lill-anġli. Huma
bħal tant anġli żgħar li
jirnexxielhom iqajmu lil min
wasal biex jaqa’”.
Mela f’din
il-liturġija ta’ San Pawl, hawn
fl-art li Pawlu rifes b’riġlejh,
hawn ejjew infakkru proprju
l-grazzja ta’ Alla, Karis,
Caritas, l-id ta’ Kristu,
li skont il-vokazzjoni tagħna
jeħtieġ nerġgħu naqbduha, jekk
tlifnieha xi ftit, nerġgħu
nsibuha. Imma nfittxu wkoll li
ma nżommux idejna fil-bwiet,
imma noħorġuhom ukoll
għall-oħrajn.
U l-idejn meta
jaqbdu f’tal-oħrajn jistgħu
jimtlew bit-trab. Għax
x’jiswielna jekk, meta
nippreżentaw ruħna quddiem Alla,
ikollna jdejna ndaf għax
żammejniehom fil-but? Mela bla
biża’ jeħtieġ innewlu jdejna u,
kif ifakkarna l-Vanġelu, immissu
l-laħam marid. Aħsbu ftit,
Kristu hu l-imġiddem. L-imġiddem
kienet ħaġa projbita mqar li
tersaq lejh. U x’jgħid
il-Vanġelu ta’ Mark, ngħidu
aħna? Ġesù messu, kważi qabadlu
l-infezzjoni tiegħu b’idejh,
proprju għax din l-imħabba hi
qawwija.
Araw kif dawn
iż-żewġ idejn jimxu magħna
fl-istorja tal-vokazzjoni tagħna
li rridu nkomplu ngħixu.
Miġjub
għall-Malti mit-Taljan minn
Francesco Pio Attard. |