Fi Żmien Pandemija Globali

Din il-Quddiesa tista’ tiġi ssir fil-granet kollha skond ir-rubriki tal-Quddies u t-Talbiet għal xi Ħtiġijiet, minbarra fis-Solennitajiet, inkluż fil-Ġimgħa Mqaddsa, fil-Ħdud tal-Avvent, tar-Randan u tal-Għid, fil-ġranet tal-Ottava tal-Għid, fil-Għid tal-Imwiet, u f’Ras ir-Randan u fil-Ġimgħa l-Kbira.

 

Ant. tal-Introjtu                                                                                                  Is. 53, 4

“Hu rafa’ fuqu l-mard tagħna,

tgħabba bin-niket tagħna.”

 

Kolletta

O Alla ta’ dejjem li tista’ kollox,

li waħdek tħarisna f’kull saram,

u tisma’ it-talb li uliedek, fit-tiġrib tagħhom, iressqulek bil-fidi;

ħares lejna, nitolbuk, bi ħniena,

agħti l-mistrieħ ta’ dejjem lill-mejtin,

il-faraġ lil min hu mbikki, il-fejqan lil min hu marid,

is-sliem lil min qed imut,

il-qawwa lil min qed jaħdem għas-saħħa ta’ ħutu,

u spirtu ta’ għerf lill-mexxejja tagħna.

Lilna lkoll agħtina l-qawwa li nuru mħabba lejn xulxin

biex, flimkien, ikun jistħoqqilna

nagħtu glorja lill-Isem qaddis tiegħek.

B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna,

li miegħek jgħix u jsaltan

flimkien mal-Ispirtu s-Santu, Alla,

għal dejjem ta’ dejjem.

 

 

 

 

 

 

Talba fuq l-offerti

Ilqa’, Mulej, dawn id-doni

li f’dan iż-żmien ta’ għawġ qegħdin noffrulek,

u agħmel, nitolbuk, li bil-setgħa tiegħek bla tarf,

jinbidlu għalina f’għajn ta’ saħħa u sliem.

Bi Kristu Sidna.

 

Ant. tat-Tqarbin                                                                                              Mt 11, 28

“Ejjew għandi, intom ilkoll li tinsabu mħabbtin u mtaqqlin,

u jiena nserraħkom.”

 

Talba wara t-Tqarbin

O Alla,

li minn għandek irċevejna d-duwa tal-ħajja ta’ dejjem,

agħtina, nitolbuk, li bis-saħħa ta’ dan is-sagrament,

nieħdu sehem fil-milja tal-glorja tas-sema.

Bi Kristu Sidna.

 

 

Talba fuq il-Poplu

O Alla li tħares lil dawk li jittamaw fik,

bierek, salva, eħles, ħares u ħejji lil poplu tiegħek,

biex, meħlus minn dnubietu u mħares mill-għadu,

jibqa’ dejjem sħiħ fl-imħabba tiegħek.

Bi Kristu Sidna.

 


 

 

Jistgħu jintuzaw daw il-lezzjonijiet mill-Qari għall-Quddies Għal Kull Ħtieġa.

 

QARI I                                                                                 Lam 3, 17-26

Tajjeb min jistenna fis-skiet, is-salvazzjoni tal-Mulej

 

Qari mill-Ktieb tal-Lamentazzjonijiet

 

17 Ruħi nqatgħet mis-sliem, il-ġid insejtu.

18 Jien għedt: “Marret saħħti;

hekk ukoll it-tama tiegħi fil-Mulej!”

19 Il-ħsieb ta’ hemmi u inkwieti, assenzju u mrar!

20 Tiftakar ruħi u taħseb, u tinfena ġewwa fija.

21 Dan jien nhewden f’qalbi, biex b’hekk nittama.

22 Il-ħniena tal-Mulej bla tmiem; tjubitu ma tonqos qatt.

23 Jiġġeddu kull filgħodu, kbira l-fedeltà tiegħek.

24 “Sehmi hu l-Mulej,” tgħid ruħi, “għalhekk nittama fih.”

25 Tajjeb il-Mulej ma’ min jistennieh, mar-ruħ li tfittxu.

26 Tajjeb min jistenna fis-skiet, is-salvazzjoni tal-Mulej;

 

Il-Kelma tal-Mulej.

 

℟.        Irroddu ħajr lil Alla.

 

 

SALM RESPONSORJALI                                       Salm 76 2aċ. 3b. 5-7

 

℟.    (4b)     Itfa’ fuqna d-dija ta’ wiċċek, u nkunu salvi.

 

2a O Ragħaj ta’ Iżrael, agħti widen,

int li tmexxi bħal merħla ’l Ġużeppi;

3 iddi quddiem Efrajm, Benjamin u Manassi.

Qajjem il-qawwa tiegħek, u ejja ħa ssalvana. ℟.

 

3b Kemm se ddum tinkorla minkejja t-talb tal-poplu tiegħek?

6 Tmajthom il-ħobż magħġun bid-dmugħ,

sqejthom id-dmugħ bix-xaba’.

7 Għamilt minna t-tilwim tal-ġirien tagħna,

l-għedewwa tagħna jiddieħku bina. ℟.

 

 

JEW

 

 


 

 

QARI I                                                                               Rum 8 31b-39

“La l-mewt u la l-ħajja, ma jistgħu qatt jifirduna mill-imħabba ta’ Alla”

 

Qari mill-Ittra ta’ San Pawl Appostlu lir-Rumani

 

Ħuti:

31b Jekk Alla hu magħna min jista’ jkun kontra tagħna?

32 Hu, li anqas lil Ibnu stess ma ħafirha, imma tah għalina lkoll,

kif ma jagħtiniex ukoll kollox miegħu?

33 Min se jakkuża l-magħżulin ta’ Alla?

Alla stess hu dak li jiġġustifikahom.

34 Min se jikkundannahom?

Kristu Ġesù li miet, jew aħjar, li qam mill-imwiet,

jinsab fuq il-lemin ta’ Alla, hu li jidħol għalina.

35 Min se jifridna mill-imħabba ta’ Kristu?

It-taħbit, id-dwejjaq, il-persekuzzjoni,

il-ġuħ, l-għera, it-tiġrib, ix-xabla?

36 Bħalma hu miktub:

“Minħabba fik il-jum kollu jikkundannawna għall-mewt;

jgħodduna bħal nagħaġ għall-qatla.”

37 Imma f'dan kollu aħna aktar minn rebbieħa

bis-saħħa ta’ dak li ħabbna.

38 Għax jiena żgur li la l-mewt u la l-ħajja,

la l-anġli u la l-qawwiet, la ż-żmien ta’ issa u la ta’ li ġej,

la setgħat, 39 la l-għoli u lanqas il-fond, u ebda ħliqa oħra

ma jistgħu qatt jifirduna mill-imħabba ta’ Alla

li dehret fi Kristu Ġesù Sidna.

 

Il-Kelma tal-Mulej.

 

℟.        Irroddu ħajr lil Alla.

 

 

 

SALM RESPONSORJALI                                      Salm 122, 1-2a. 2bċd

 

℟.    (3a)     Ħenn għalina, Mulej, ħenn għalina.

 

JEW

 

℟.    (2ċd)   Għajnejna lejn il-Mulej, Alla tagħna,

                    sa ma jkollu ħniena minna.

 

1 Lejk nerfa’ għajnejja,

int li tgħammar fis-smewwiet.

2a Ara, bħal għajnejn il-qaddejja lejn id sidhom; ℟.

 

2b Bħal għajnejn il-qaddejja lejn id sidtha;

hekk għajnejna lejn il-Mulej, Alla tagħna,

2d sa ma jkollu ħniena minna. ℟.

 

 

 

AKKLAMAZZJONI GĦALL-EVANĠELJU           ara 2 Kor 1, 3b-4a

 

Hallelujah. . Hallelujah.

Missier il-ħniena u Alla ta’ kull faraġ

ifarraġna fil-hemm kollu tagħna.

. Hallelujah.

 

 


 

 

EVANĠELJU                                                                        Mk 4, 35-41

“Dan min hu, mela, biex saħansitra r-riħ u l-baħar jisimgħu minnu?”

 

Qari mill-Evanġelju skont San Mark.

 

35 Dakinhar, xħin sar filgħaxija Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu:

“Ejjew naqsmu għax-xatt l-ieħor.”

36 Ħallew in-nies, u ħaduh magħhom kif kien fid-dgħajsa;

u marru miegħu dgħajjes oħra.

37 U qam riefnu kbir,

u l-mewġ beda tiela’ għal ġod-dgħajsa,

hekk li kienet ġa bdiet timtela bl-ilma.

38 Hu kien fil-poppa, rieqed fuq imħadda.

Qajjmuh u qalulu:

“Mgħallem, dan qisu m’hu xejn għalik li aħna se nintilfu?”

39 Imbagħad qam,

ordna lir-riħ u qal lill-baħar:

“Iskot! Biżżejjed!”

U r-riħ waqaf u waqgħet kalma kbira.

40 U qalilhom:

“Dal-biża’ kollu għaliex? Mela ma għandkomx fidi?”

41 U qabadhom biża’ kbir,

u bdew jgħidu lil xulxin:

“Dan min hu, mela,

biex saħansitra r-riħ u l-baħar jisimgħu minnu?”

 

Il-Kelma tal-Mulej.

 

℟.    Tifħir lilek, Kristu.