Laikos

 

Aktar Talbiet tal-Quddiesa ...

ŻMIEN IL-GĦID

       

 

 

Il-Vġili tal-Lejl Qaddis tal-Għid

 

Kolletta: O Alla, inti ddawwal dan il-lejl qaddis bis-sebħ tal-qawmien tal-Mulej mill-imwiet; qajjem fil-Knisja tiegħek l-Ispirtu tal-adozzjoni, biex aħna niġġeddu fir-ruħ u l-ġisem u naqduk b’qalb safja. B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna, li hu Alla, u miegħek jgħix u jsaltan flimkien mal-Ispirtu s-Santu, għal dejjem ta’ dejjem. Amen.

 

Talba fuq l-Offerti: Ilqa’, nitolbuk, Mulej, it-talb tal-poplu tiegħek flimkien mal-offerti għal dan is-sagrifiċċju li kien mibdi bil-misteru tal-Għid, u agħmel li l-istess sagrifiċċju jkunilna ta’ għajnuna għall-ħajja ta’ dejjem. Bi Kristu Sidna. Amen.

 

Talba wara t-Tqarbin: Sawwab fina, Mulej, l-Ispirtu tal-imħabba tiegħek, u bħalma tmajtna bis-sagrament tal-Għid, hekk ukoll, fit-tjieba tiegħek, agħmel li aħna nkunu lkoll qalb waħda bejnietna. Bi Kristu Sidna. Amen.

 

 

ĦADD IL-GĦID IL-KBIR

 

Quddiesa tal-Jum

 

ANTIFONA TAD-DĦUL

Qomt, u għadni miegħek: qiegħed idek fuqi; 

il-għerf tiegħek tal-għaġeb, ma nwassalx għalih.

Ara Salm 138:18,5-6

 

Il-Mulej qam tassew, hallelujah.

Lilu l-glorja u s-setgħa

għal dejjem ta’ dejjem. Amen.

Lq 24:34; Apok 1:6

 

KOLLETTA

Alla, illum, b’Ibnek il-waħdieni,

il-mewt ġiet megħluba,

u int ftaħtilna l-bieb tal-ħajja ta’ dejjem:

agħtina li, aħna u niċċelebraw il-festa solenni

tal-qawmien tal-Mulej mill-imwiet,

niġġeddu bl-Ispirtu qaddis tiegħek

u nqumu għad-dawl tal-ħajja.

B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna,

li miegħek jgħix u jsaltan

flimkien mal-Ispirtu s-Santu, Alla,

għal dejjem ta’ dejjem. Amen.

 

TALBA FUQ L-OFFERTI

B’qalbna mimlija bil-ferħ tal-Għid,

ser noffrulek, Mulej, is-sagrifiċċju

li l-Knisja tiegħek, b’mod tal-għaġeb,

titwieled mill-ġdid

u tieħu l-għajxien tagħha.

Bi Kristu Sidna. Amen.

 

PREFAZJU TAL-GĦID

V/. Il-Mulej magħkom.

R/. U miegħek ukoll.

 

V/. Nerfgħu qlubna ’l fuq.

R/. Nerfgħuhom lejn il-Mulej.

 

V/. Niżżu ħajr lill-Mulej Alla tagħna.

R/. Hekk sewwa u xieraq.

 

Sewwa u xieraq tassew,

tajjeb u ta’ ġid għas-salvazzjoni tagħna

li dejjem nistqarru l-glorja tiegħek:

iżda b’ferħ akbar inxandruha f’dan il-lejl (il-jum) (iż-żmien)

li fih ġie ssagrifikat Kristu,

il-Ħaruf tal-Għid tagħna.

 

Hu l-Ħaruf tassew, li neħħa d-dnubiet tad-dinja.

Bil-mewt tiegħu qered il-mewt tagħna,

u bil-qawmien tiegħu kisbilna ħajja ġdida.

 

Għalhekk, f’dan il-ferħ tal-Għid,

imxerred ma’ kullimkien fid-dinja,

il-bnedmin kollha jimtlew bl-hena.

U l-Qawwiet tas-sema mas-Setgħat tal-Anġli

jinsġulek innu ta’ glorja,

u bla heda jtennulek:

 

Qaddis, Qaddis, Qaddis,

Mulej, Alla tal-eżerċti.

Is-smewwiet u l-art mimlija bil-glorja tiegħek.

Hosanna fl-għoli tas-smewwiet.

Imbierek min ġej f’isem il-Mulej.

Hosanna fl-għoli tas-smewwiet.

 

ANTIFONA TAT-TQARBIN

Il-Ħaruf tal-Għid tagħna, li hu Kristu, hu maqtul;

nagħmlu festa, mela, bil-ħobż bla ħmira tas-safa u tas-sewwa, hallelujah.

1 Kor 5:7-8

 

TALBA WARA T-TQARBIN

Bil-grazzja u t-tjieba tiegħek, o Alla,

ħares dejjem il-Knisja tiegħek,

li int ġeddidtha bil-misteru tal-Għid,

wassalha fid-dawl tal-qawmien għall-ħajja.

Bi Kristu Sidna. Amen.


 

IT-TNEJN FOST L-OTTAVA TAL-GĦID

 

ANTIFONA TAD-DĦUL

Il-Mulej daħħalkom f’art tnixxi ħalib u għasel,

biex il-liġi tal-Mulej

tkun dejjem fuq fommkom, hallelujah.

Eż 13:5,9

 

jew:

 

Il-Mulej qam mill-imwiet, kif kien qal;

nifirħu lkoll u nithennew,

għax qiegħed isaltan għal dejjem, hallelujah.

 

KOLLETTA

O Alla, inti dejjem tkabbar

il-Knisja tiegħek b’ulied ġodda;

agħti lill-qaddejja tiegħek li,

permezz ta’ ħajja tajba,

jibqgħu jħarsu fihom il-frott

tas-sagrament tat-twelid ġdid li ħadu,

huma u jistqarru l-fidi.

B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna,

li miegħek jgħix u jsaltan

flimkien mal-Ispirtu s-Santu, Alla,

għal dejjem ta’ dejjem. Amen.

 

TALBA FUQ L-OFFERTI

Fit-tjieba tiegħek, Mulej,

ilqa’ l-offerti tal-poplu tiegħek,

biex dawk kollha li ġġeddu

bl-istqarrija ta’ ismek u bil-Magħmudija,

jiksbu l-hena ta’ dejjem.

Bi Kristu Sidna. Amen.

 

ANTIFONA TAT-TQARBIN

Kristu qam mill-mewt u ma jmutx aktar:

il-mewt ma għadhiex taħkem fuqu, hallelujah.

Rum 6:9

 

TALBA WARA T-TQARBIN

Fawwar f’ruħna, Mulej,

il-grazzja tal-misteru tal-Għid,

u lil dawk li qabbathom

it-triq tas-salvazzjoni ta’ dejjem

agħmel li jkun jistħoqqilhom

jirċievu d-doni tiegħek.

Bi Kristu Sidna. Amen.


 

IT-TLIETA FOST L-OTTAVA TAL-GĦID

 

ANTIFONA TAD-DĦUL

Sqiehom l-ilma tad-dehen,

iwettaqhom, u ma jogħtrux,

isebbaħhom għal dejjem, hallelujah.

Sir 15:3-4

 

KOLLETTA

Alla, inti salvajtna bil-misteru tal-Għid;

wettaq lill-poplu tiegħek f’dan id-don qaddis,

biex, issa li kiseb il-ħelsien sħiħ,

iħabrek għal dik l-hena tas-sema

li t-tama tagħha qiegħda tferrħu fuq l-art.

B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna,

li miegħek jgħix u jsaltan

flimkien mal-Ispirtu s-Santu, Alla,

għal dejjem ta’ dejjem. Amen.

 

TALBA FUQ L-OFFERTI

Ħenn, Mulej, għall-familja tiegħek,

ilqa’ l-offerta li qiegħda tagħmillek;

agħtiha l-għajnuna u l-ħarsien tiegħek,

biex ma titlifx il-grazzji li qalgħet,

u tasal għall-hena ta’ dejjem fis-sema.

Bi Kristu Sidna. Amen.

 

ANTIFONA TAT-TQARBIN

Jekk intom irxuxtajtu ma’ Kristu, fittxu l-ħwejjeġ tas-sema,

fejn Kristu qiegħed fuq il-lemin ta’ Alla.

Aħsbu fil-ħwejjeġ tas-sema, hallelujah.

Kol 3:1-2,6,9

 

TALBA WARA T-TQARBIN

O Alla li tista’ kollox,

inti tajt lill-familja tiegħek

il-grazzja kollha tal-Magħmudija:

agħti widen għat-talb tagħna:

u agħmel li qlubna jitħejjew tajjeb

biex ikun jistħoqqilna l-hena ta’ dejjem.

Bi Kristu Sidna. Amen.


 

L-ERBGĦA FOST L-OTTAVA TAL-GĦID

 

ANTIFONA TAD-DĦUL

Ejjew, imberkin minn missieri,

ħudu b’wirt tagħkom is-Saltna

li tħejjiet għalikom

sa mill-ħolqien tad-dinja, hallelujah.

Mt 25:34

 

KOLLETTA

O Alla, int ta’ kull sena tferraħna

bil-festa solenni tal-qawmien tal-Mulej mill-imwiet;

fit-tjieba tiegħek, agħtina

li, permezz ta’ dawn l-istess festi

li aħna nagħmlu f’din id-dinja,

jistħoqqilna naslu fl-hena tas-sema.

B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna,

li miegħek jgħix u jsaltan

flimkien mal-Ispirtu s-Santu, Alla,

għal dejjem ta’ dejjem. Amen.

 

TALBA FUQ L-OFFERTI

Ilqa’, Mulej, l-offerti għas-sagrifiċċju tal-fidwa tagħna,

biex ittaffi l-korla tiegħek għalina

u ssalvana fir-ruħ u l-ġisem.

Bi Kristu Sidna. Amen.

 

ANTIFONA TAT-TQARBIN

Id-dixxipli għarfu lill-Mulej Ġesù fil-qsim tal-ħobż, hallelujah.

Lq 24:35

 

TALBA WARA T-TQARBIN

Inti naddaftna, Mulej, minn kull taħsir tal-imgħoddi:

agħtina li t-tqarbina mqaddsa li għamilna

bis-sagrament ta’ Ibnek

tbiddilna f’ħolqien ġdid.

Bi Kristu Sidna. Amen.


 

IL-ĦAMIS FOST L-OTTAVA TAL-GĦID

 

ANTIFONA TAD-DĦUL

Il-ġusti, Mulej, faħħru għalenija l-id tiegħek li ħarsithom,

għax l-Għerf fetaħ fomm l-imbikkmin

u ħall l-ilsien tat-trabi, hallelujah.

Għerf 10:20-21

 

KOLLETTA

O Alla, inti ġbart flimkien nies minn kull ġens,

li lkoll qalb waħda faħħru l-isem tiegħek;

agħmel li dawk kollha li ħadu t-twelid ġdid fl-ilma tal-Magħmudija

jintrabtu ħaġa waħda bejniethom

fl-istess stqarrija tal-fidi u fl-istess imġiba ta’ ħajja qaddisa.

B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna,

li miegħek jgħix u jsaltan

flimkien mal-Ispirtu s-Santu, Alla,

għal dejjem ta’ dejjem. Amen.

 

TALBA FUQ L-OFFERTI

Ilqa’ bis-sliem, Mulej,

dawn l-offerti li qegħdin nagħmlulek

biex irroddulek ħajr

talli tajt ulied ġodda lill-Knisja tiegħek,

biex tħaffef tibagħtilna l-għajnuna tiegħek mis-sema.

Bi Kristu Sidna. Amen.

 

ANTIFONA TAT-TQARBIN

Poplu li Alla kiseb għalih,

xandru l-glorja ta’ dak li sejħilkom mid-dlam

għad-dawl tiegħu tal-għaġeb, hallelujah.

1 Piet 2:9

 

TALBA WARA T-TQARBIN

Isma’, Mulej, it-talb tagħna,

biex il-misteru tal-fidwa tagħna

u l-qima qaddisa li biha ċċelebrajnieh

jagħtuna l-għajnuna f’din il-ħajja

u jħejjuna għall-ħajja ta’ dejjem.

Bi Kristu Sidna. Amen.


 

IL-ĠIMGĦA FOST L-OTTAVA TAL-GĦID

 

ANTIFONA TAD-DĦUL

Il-Mulej qiegħed lill-poplu tiegħu fiż-żgur,

imma l-għedewwa tagħhom

għattiehom il-baħar, hallelujah.

Salm 77:53

 

KOLLETTA

O Alla ta’ dejjem u li tista’ kollox,

int ridt li fil-misteru tal-Għid

iseħħ il-patt li bih erġajt ħabbibtna miegħek;

agħtina li ngħixu tabilħaqq skond il-fidi li bil-ferħ nistqarru.

B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna,

li miegħek jgħix u jsaltan

flimkien mal-Ispirtu s-Santu, Alla,

għal dejjem ta’ dejjem. Amen.

 

TALBA FUQ L-OFFERTI

Wettaq, Mulej, l-offerti tal-Għid

li bil-qima kollha qegħdin nagħmlulek,

u, permezz tagħhom, agħmel

li ninħallu minn kull irbit tal-art

u nimtlew b’xewqat tas-sema.

Bi Kristu Sidna. Amen.

 

ANTIFONA TAT-TQARBIN

Qal Ġesù lid-dixxipli tiegħu: Ejjew kulu.

Qabad il-ħobż u newwilhulhom, hallelujah.

Ġw 21:12-13

 

TALBA WARA T-TQARBIN

Xerred dejjem, Mulej, il-ħniena tiegħek fuq dawk li inti salvajt,

u żommhom taħt il-ħarsien tiegħek,

biex dawk kollha li nfdew bil-Passjoni ta’ Ibnek

jibqgħu jġarrbu l-ferħ tal-qawmien tiegħu:

hu li jgħix u jsaltan għal dejjem ta’ dejjem. Amen.


 

IS-SIBT FOST L-OTTAVA TAL-GĦID

 

ANTIFONA TAD-DĦUL

Il-Mulej ħareġ bil-ferħ lill-poplu tiegħu,

b’għajat ta’ ferħ, lill-magħżulin tiegħu, hallelujah.

Salm 104:43

 

KOLLETTA

O Alla, int b’ħafna grazzji tkattar il-popli li jemmnu fik;

ħares bit-tjieba lejn dawk li ħtart għalik,

biex kull min twieled mill-ġdid

bis-sagrament tal-Magħmudija,

jimtela bil-ħajja ta’ dejjem

u jgawdi hena bla tmiem.

B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna,

li miegħek jgħix u jsaltan

flimkien mal-Ispirtu s-Santu, Alla,

għal dejjem ta’ dejjem. Amen.

 

TALBA FUQ L-OFFERTI

Agħtina, Mulej, li dawn il-misteri tal-Għid

iqanqluna dejjem ħalli rroddulek ħajr,

biex il-fidwa li inti tajtna tibqa’ taħdem fina bla heda

u tkun għalina għajn ta’ ferħ bla tmiem.

Bi Kristu Sidna. Amen.

 

ANTIFONA TAT-TQARBIN

Intom, li intom mgħammda fi Kristu,

ilbistu ’l Kristu, hallelujah.

Gal 3:27

 

TALBA WARA T-TQARBIN

Fit-tjieba tiegħek, Mulej, ħares lejn il-poplu tiegħek,

u, bħalma għoġbok iġġeddu

bil-misteri tal-ħajja ta’ dejjem,

agħtih ukoll li jasal fil-qawmien mill-imwiet

f’ġisem imsebbaħ bin-nuqqas ta’ taħsir.

Bi Kristu Sidna. Amen.


 

IT-2 ĦADD TAL-GĦID

 

ANTIFONA TAD-DĦUL


 

Bħal trabi tat-twelid

ixxennqu għal ħalib safi, il-ħalib tar-ruħ,

biex bih tikbru

sa ma taslu għas-salvazzjoni, hallelujah.

4 Esd 2:36-37

 

jew:

 

Ilqgħu bil-ferħ il-glorja tagħkom,

u roddu ħajr lil Alla,

li sejħilkom għas-saltna tas-smewwiet,

hallelujah.


 

1 Piet 2:2


 

 

KOLLETTA

O Alla ta’ ħniena bla tarf,

matul dawn il-festi tal-Għid

inti tħeġġeġ il-fidi tal-poplu qaddis tiegħek;

qawwih ukoll fil-grazzja li tajtu

biex kulħadd jifhem bid-dehen kollu

b’liema ħasil tnaddaf,

b’liema spirtu tnissel mill-ġdid,

u b’liema demm infeda.

B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna,

li miegħek jgħix u jsaltan

flimkien mal-Ispirtu s-Santu, Alla,

għal dejjem ta’ dejjem. Amen.

 

TALBA FUQ L-OFFERTI

Ilqa’ Mulej, l-offerta tal-poplu tiegħek,

(u tal-ulied li twildulek mill-ġdid),

biex dawk kollha li ġġeddu

bl-istqarrija ta’ ismek u bil-Magħmudija,

jiksbu l-hena ta’ dejjem.

Bi Kristu Sidna. Amen.

 

ANTIFONA TAT-TQARBIN

Ressaq idek ħa tara l-marka tal-imsiemer:

tkunx bniedem bla fidi iżda emmen, hallelujah.

ara Ġw 20:27

 

TALBA WARA T-TQARBIN

Agħtina, o Alla li tista’ kollox,

li t-tqarbina li għamilna bis-sagrament tal-Għid

tibqa’ tagħmlilna l-ġid fir-ruħ.

Bi Kristu Sidna. Amen.


 

 

IT-2 ĠIMGĦA TAL-GĦID

IT-TNEJN

 

ANTIFONA TAD-DĦUL

Kristu qam mill-mewt u ma jmutx aktar:

il-mewt ma għadhiex taħkem fuqu, hallelujah.

Rum 6:9


 

 

KOLLETTA

O Alla, ta’ dejjem li tista’ kollox,

aħna nagħmlu l-qalb u nsejħulek Missier;

saħħaħ fina l-Ispirtu tal-ulied adottivi tiegħek,

biex jistħoqqilna niksbu l-wirt li inti wegħidtna.

B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna,

li miegħek jgħix u jsaltan

flimkien mal-Ispirtu s-Santu, Alla,

għal dejjem ta’ dejjem. Amen.

 

TALBA FUQ L-OFFERTI

Ilqa’, Mulej, l-offerta tal-Knisja ferħana,

agħtiha li tgawdi l-hena ta’ dejjem,

int li tant għamilt magħha biex tifraħ.

Bi Kristu Sidna. Amen.

 

ANTIFONA TAT-TQARBIN

Ġesù qagħad f’nofs id-dixxipli tiegħu,

u qalilhom: “Is-sliem għalikom!”. Hallelujah.

Ġw 20:19

 

TALBA WARA T-TQARBIN

Fit-tjieba tiegħek, Mulej, ħares lejn il-poplu tiegħek,

u, bħalma għoġbok iġġeddu

bil-misteri tal-ħajja ta’ dejjem,

agħtih ukoll li jasal fil-qawmien mill-imwiet

f’ġisem imsebbaħ bin-nuqqas ta’ taħsir.

Bi Kristu Sidna. Amen.


 

IT-TLIETA

 

ANTIFONA TAD-DĦUL

Nifirħu u nithennew u nagħtu glorja ’l Alla,

għax ħa s-saltna l-Mulej Alla tagħna li jista’ kollox, hallelujah.

Apok 19:7,6

 

KOLLETTA

O Alla li tista’ kollox,

agħmel li aħna nxandru l-qawwa

tal-qawmien ta’ Ibnek mill-imwiet,

biex, kif irċevejna r-rahan tal-glorja li tajt lilu,

iseħħilna niksbu d-doni tiegħek li rajna fih.

B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna,

li miegħek jgħix u jsaltan

flimkien mal-Ispirtu s-Santu, Alla,

għal dejjem ta’ dejjem. Amen.

 

TALBA FUQ L-OFFERTI

Agħtina, Mulej, li dawn il-misteri tal-Għid

iqanqluna dejjem ħalli rrodulek ħajr,

biex il-fidwa li inti tajtna tibqa’ taħdem fina bla heda

u tkun għalina għajn ta’ ferħ bla tmiem.

Bi Kristu Sidna. Amen.

 

ANTIFONA TAT-TQARBIN

Il-Messija kellu jbati u jqum mill-imwiet,

u hekk jidħol fil-glorja tiegħu, hallelujah.

Lq 24:46,26

 

TALBA WARA T-TQARBIN

Isma’, Mulej, it-talb tagħna,

biex il-misteru tal-fidwa tagħna

u l-qima qaddisa li biha ċċelebrajnieh

jagħtuna l-għajnuna f’din il-ħajja

u jħejjuna għall-ħajja ta’ dejjem.

Bi Kristu Sidna. Amen.


 

 

L-ERBGĦA

 

ANTIFONA TAD-DĦUL

Infaħħrek fost il-ġnus, Mulej,

u nxandar ismek lil ħuti, hallelujah.

Salm 17:50; 21:23


 

 

KOLLETTA

Bil-misteri tal-Għid, Mulej,

int ġeddidt in-natura tal-bniedem

skond id-dinjità li kellha fil-bidu,

u lilu mlejtu bit-tama tal-qawmien għall-ħajja;

aħna u nġeddu kull sena t-tifkira ta’ dan il-misteru,

fiċ-ċokon tagħna nitolbu l-ħniena tiegħek

biex dak li issa qed niċċelebraw bil-fidi,

niksbuh bi mħabba bla tmien fis-sema.

B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna,

li miegħek jgħix u jsaltan flimkien mal-Ispirtu s-Santu, Alla,

għal dejjem ta’ dejjem. Amen.

 

TALBA FUQ L-OFFERTI

O Alla, b’dan is-sagrifiċċju qaddis li sejrin inġeddu

inti ressaqtna lejk, tajtna sehem min-natura tiegħek,

Alla wieħed u l-Għoli;

agħmel li, permezz ta’ ħajja tajba,

niksbu l-verità tiegħek li int għarraftna.

Bi Kristu Sidna. Amen.

 

ANTIFONA TAT-TQARBIN

Jien għażilt lilkom mid-dinja, jgħid il-Mulej,

ħtartkom biex tmorru tagħmlu l-frott u l-frott tagħkom jibqa’, hallelujah.

Ġw 15:16-19

 

TALBA WARA T-TQARBIN

Ieqaf bit-tjieba mal-poplu tiegħek, Mulej,

biex, kif għarraftu l-misteri tas-sema,

hekk ukoll tbiegħdu mill-imgħoddi tiegħu

u timlieh b’ħajja ġdida.

Bi Kristu Sidna. Amen.


 

IL-ĦAMIS

 

ANTIFONA TAD-DĦUL

O Alla, int u ħiereġ quddiem il-poplu tiegħek,

int u tiela’ mid-deżert, ħadt ħsiebhom,

triegħdet l-art u sas-smewwiet inħallu,

hallelujah.

Salm 67:8-9,20

 

KOLLETTA

Agħtina, o Alla ħanin,

li ċ-ċelebrazzjoni tal-misteru tal-Għid,

li aħna qegħdin nagħmlu b’ordni tiegħek,

tħalli fina frott li jibqa’ għal dejjem.

B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna,

li miegħek jgħix u jsaltan

flimkien mal-Ispirtu s-Santu, Alla,

għal dejjem ta’ dejjem. Amen.

 

TALBA FUQ L-OFFERTI

Jitla’ quddiemek, Mulej, it-talb tagħna,

flimkien mal-offerta li qegħdin nagħmlulek,

biex, issa li għoġbok tnaddafna minn ħtijietna,

nitħejjew b’ħajja tajba

għas-sagramenti tal-ħniena tiegħek.

Bi Kristu Sidna. Amen.

 

ANTIFONA TAT-TQARBIN

Jiena magħkom dejjem,

sal-aħħar taż-żmien, jgħid il-Mulej, hallelujah.

Mt 28:20

 

TALBA WARA T-TQARBIN

O Alla ta’ dejjem li tista’ kollox,

inti ġġeddidna għall-ħajja ta’ dejjem

bil-qawmien ta’ Kristu mill-imwiet;

kattar fina l-frott tal-misteru tal-Għid,

imla ’l ruħna bil-qawwa tal-ikel li jsalvana.

Bi Kristu Ibnek. Amen.


 

 

IL-ĠIMGĦA

 

ANTIFONA TAD-DĦUL

Mulej, int b’demmek fdejtna

minn kull tribù u lsien,

minn kull poplu u ġens,

għamiltna għal Alla tagħna

Saltna u Qassisin, hallelujah.

Apok 5:9-10


 

 

KOLLETTA

Alla, int, biex teħlisna mis-setgħa tal-għadu tagħna,

ridt li Ibnek jieħu l-mewt tas-salib għalina;

agħti lilna, qaddejja tiegħek

il-grazzja tal-qawmien għall-ħajja.

B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna,

li miegħek jgħix u jsaltan

flimkien mal-Ispirtu s-Santu, Alla,

għal dejjem ta’ dejjem. Amen.

 

TALBA FUQ L-OFFERTI

Ħenn, Mulej, għall-familja tiegħek

ilqa’ l-offerta li qiegħda tagħmillek;

agħtiha l-għajnuna u l-ħarsien tiegħek,

biex ma titlifx il-grazzja li qalgħet

u tasal għall-hena ta’ dejjem fis-sema.

Bi Kristu Sidna. Amen.

 

ANTIFONA TAT-TQARBIN

Ġesù Sidna kien mogħti

għall-mewt għal dnubietna,

u mqajjem għall-ġustifikazzjoni

tagħna, hallelujah.

Rum 4:25

 

TALBA WARA T-TQARBIN

Xerred dejjem, Mulej, il-ħniena tiegħek fuq dawk li inti salvajt,

u żommhom taħt il-ħarsien tiegħek,

biex dawk kollha li nfdew bil-Passjoni ta’ Ibnek

jibqgħu jġarrbu l-ferħ tal-qawmien tiegħu.

Hu li jgħix u jsaltan għal dejjem ta’ dejjem. Amen.


 

IS-SIBT

 

ANTIFONA TAD-DĦUL

Poplu li Alla kiseb,

xandru l-glorja ta’ dak li sejħilkom

mid-dlam għad-dawl tiegħu tal-għaġeb, hallelujah.

1 Piet 2:9

 

KOLLETTA

O Alla, inti tajtna l-fidwa

u għamiltna wlied adottivi tiegħek;

ħares bit-tjieba fuq l-ulied għeżież tiegħek,

biex dawk kollha li jemmnu fi Kristu

jkunu ħielsa tassew u jiksbu l-wirt ta’ dejjem.

B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna,

li miegħek jgħix u jsaltan

flimkien mal-Ispirtu s-Santu, Alla,

għal dejjem ta’ dejjem. Amen.

 

TALBA FUQ L-OFFERTI

Fit-tjieba tiegħek, Mulej, qaddes dawn id-doni,

ilqa’ s-sagrifiċċju li qegħdin noffrulek;

agħmel li aħna wkoll inkunu offerta

li tibqa’ għal dejjem quddiemek.

Bi Kristu Sidna. Amen.

 

ANTIFONA TAT-TQARBIN

Missier, irrid li dawn li tajtni

jkunu huma wkoll miegħi fejn inkun jien,

biex jaraw il-glorja tiegħi,

il-glorja li tajtni int, hallelujah.

Ġw 17:24

 

TALBA WARA T-TQARBIN

Ħadna, Mulej, id-don tas-sagrament imqaddes;

bl-umiltà kollha nitolbuk biex dan is-sagriffiċju,

li Ibnek ordnalna nagħmluh b’tifkira tiegħu,

ikun jiswielna biex nikbru fl-imħabba.

Bi Kristu Sidna. Amen.


 

IT-3 ĦADD TAL-GĦID

 

ANTIFONA TAD-DĦUL

Għajtu bil-ferħ lil Alla,

bnedmin tad-dinja kollha

għannu s-sebħ ta’ ismu,

xandru s-sebħ u t-tifħir tiegħu, hallelujah.

Salm 65:1-2

 

KOLLETTA

Alla, jifraħ dejjem il-poplu tiegħek

biż-żgħożija mġedda ta’ ruħu,

biex, kif int sebbaħtna u ferraħtna mill-ġdid

bil-grazzja tal-adozzjoni,

hekk ukoll, b’qalbna qawwija fit-tama,

nistennew il-jum tal-qawmien mill-imwiet.

B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna,

li miegħek jgħix u jsaltan

flimkien mal-Ispirtu s-Santu, Alla,

għal dejjem ta’ dejjem. Amen.

 

TALBA FUQ L-OFFERTI

Ilqa’, Mulej, dawn l-offerti tal-Knisja ferħana,

agħtiha li tgawdi l-hena ta’ dejjem,

int li tant għamilt magħha biex tifraħ.

Bi Kristu Sidna. Amen.

 

ANTIFONA TAT-TQARBIN

Fis-Sena A

Id-dixxipli għarfu lill-Mulej Ġesù fil-qsim tal-ħobż, hallelujah.

Lq 24:35

 

Fis-Sena B

Hekk kien miktub, li l-Messija jbati,

u fit-tielet jum iqum mill-imwiet,

u li l-indiema għall-maħfra tad-dnubiet

tixxandar f’ismu lill-ġnus kollha

hallelujah.

Lq 24:46-47

 

Fis-Sena Ċ

Qal Ġesù lid-dixxipli tiegħu: Ejjew, kulu.

U qabad il-ħobż u newwilulhom hallelujah.

Ġw 21:12-13

 

TALBA WARA T-TQARBIN

Fit-tjieba tiegħek, Mulej, ħares lejn il-poplu tiegħek,

u, bħalma għoġbok iġġeddu bil-misteru tal-ħajja ta’ dejjem,

agħtih ukoll li jasal fil-qawmien mill-imwiet

f’ġisem imsebbaħ bin-nuqqas ta’ taħsir.

Bi Kristu Sidna. Amen.


 

IT-TNEJN

 

ANTIFONA TAD-DĦUL

Qam ir-Ragħaj it-tajjeb

li ta ħajtu għan-nagħaġ tiegħu,

u għoġbu jmut għall-merħla tiegħu, hallelujah.

 

KOLLETTA

Alla, int turi d-dawl tal-verità tiegħek

lil dawk li jitbiegħdu mit-triq it-tajba,

u b’hekk tgħinhom jerġgħu jsibuha;

agħmel li kull min jistqarr li hu Nisrani

jbiegħed minnu kulma jtebba’ ’l dan l-isem

u jfittex biss dak li jagħmillu ġieħ.

B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna,

li miegħek jgħix u jsaltan

flimkien mal-Ispirtu s-Santu, Alla,

għal dejjem ta’ dejjem. Amen.

 

TALBA FUQ L-OFFERTI

Jitla’ quddiemek, Mulej, it-talb tagħna

flimkien mal-offerta li qegħdin nagħmlulek,

biex, issa li għoġbok tnaddafna minn ħtijietna,

nitħejjew b’ħajja tajba

għas-sagramenti tal-ħniena tiegħek.

Bi Kristu Sidna. Amen.

 

ANTIFONA TAT-TQARBIN

Jiena nħallilkom is-sliem, nagħtikom is-sliem tiegħi;

ma nagħtihulkomx kif tagħtih id-dinja,

jgħid il-Mulej, hallelujah.

Ġw 14, 27

 

TALBA WARA T-TQARBIN

O Alla ta’ dejjem li tista’ kollox,

inti ġġeddidna għall-ħajja ta’ dejjem

bil-qawmien ta’ Kristu mill-imwiet;

kattar fina l-frott tal-misteru tal-Għid,

imla ’l ruħna bil-qawwa tal-ikel li jsalvana.

Bi Kristu Sidna. Amen.


 

IT-TLIETA

 

ANTIFONA TAD-DĦUL

Faħħru lil Alla tagħna, intom li tibżgħu minnu, kemm żgħar u kemm kbar,

għax issa ġiet is-salvazzjoni u l-qawwa,

u s-setgħa tal-Kristu tiegħu, hallelujah.

Apok 19:5; 12:10

 

KOLLETTA

Alla, inti tiftaħ il-bieb tas-saltna tas-sema

lil dawk li jitwieldu mill-ġdid

mill-ilma u l-Ispirtu s-Santu;

kattar fil-qaddejja tiegħek il-grazzja li tajthom,

biex kull min tnaddaf minn dnubietu kollha

ma jiċċaħħadlu xejn mill-wegħdiet tiegħek.

B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna,

li miegħek jgħix u jsaltan

flimkien mal-Ispirtu s-Santu, Alla,

għal dejjem ta’ dejjem. Amen.

 

TALBA FUQ L-OFFERTI

Ilqa’, Mulej, l-offerta tal-Knisja ferħana,

agħtiha li tgawdi l-hena ta’ dejjem,

int li tant għamilt magħha biex tifraħ.

Bi Kristu Sidna. Amen.

 

ANTIFONA TAT-TQARBIN

Jekk mitna ma’ Kristu,

nemmnu wkoll li ngħixu ma’ Kristu, hallelujah.

Rum 6:8

 

TALBA WARA T-TQARBIN

Fit-tjieba tiegħek, Mulej,

ħares lejn il-poplu tiegħek,

u, bħalma għoġbok iġġeddu

bil-misteri tal-ħajja ta’ dejjem,

agħtih ukoll li jasal fil-qawmien mill-imwiet

f’ġisem imsebbaħ bin-nuqqas ta’ taħsir.

Bi Kristu Sidna. Amen.


 

L-ERBGĦA

 

ANTIFONA TAD-DĦUL

Mimli fommi b’tifħirek u b’sebħek il-jum kollu:

jifirħu xofftejja, jien u ngħannilek, hallelujah.

Salm 70:8,23

 

KOLLETTA

Ieqaf, Mulej, mal-familja tiegħek,

lil dawk li għoġbok tagħtihom il-grazzja tal-fidi

agħtihom ukoll sehem għal dejjem fil-qawmien ta’ Ibnek il-waħdieni,

Ġesù Kristu Sidna,

li miegħek jgħix u jsaltan

flimkien mal-Ispirtu s-Santu, Alla,

għal dejjem ta’ dejjem. Amen.

 

TALBA FUQ L-OFFERTI

Agħtina Mulej, li dawn il-misteri tal-Għid

iqanqluna dejjem ħalli nroddulek ħajr,

biex il-fidwa li inti tajtna tibqa’ taħdem fina bla heda

u tkun għalina għajn ta’ ferħ bla tmiem.

Bi Kristu Sidna. Amen.

 

ANTIFONA TAT-TQARBIN

Kristu qam mill-imwiet u dawwalna,

lilna li fdiena b’demmu, hallelujah.

Efes 15:1-2

 

TALBA WARA T-TQARBIN

Isma’, Mulej, it-talb tagħna,

biex il-misteru tal-fidwa tagħna

u l-qima qaddisa li biha ċċelebrajnieh

jagħtuna l-għajnuna f’din il-ħajja

u jħejjuna għall-ħajja ta’ dejjem.

Bi Kristu Sidna. Amen.


 

IL-ĦAMIS

 

ANTIFONA TAD-DĦUL

Ngħanni lill-Mulej għax tkabbar bis-sħiħ.

Qawwieti u għanjieti l-Mulej:

għalija sar is-salvazzjoni, hallelujah.

Eż 15:1-2

 

KOLLETTA

O Alla ta’ dejjem li tista’ kollox,

bil-grazzja tiegħek, f’dan iż-żmien tal-Għid,

għarafna iżjed it-tjieba tiegħek magħna;

kattarha iżjed fuqna,

u agħmel li dawk li int ħlist mid-dlamijiet tal-qerq

iħaddnu aktar bis-sħiħ ix-xhieda li tajtna tal-verità tiegħek.

B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna,

li miegħek jgħix u jsaltan

flimkien mal-Ispirtu s-Santu, Alla,

għal dejjem ta’ dejjem. Amen.

 

TALBA FUQ L-OFFERTI

O Alla, b’dan is-sagrifiċċju qaddis li sejrin inġeddu

inti ressaqtna lejk,

tajtna sehem min-natura tiegħek, Alla wieħed u l-Għoli;

agħmel li, permezz ta’ ħajja tajba,

niksbu l-verità tiegħek li int għarraftna.

Bi Kristu Sidna. Amen.

 

ANTIFONA TAT-TQARBIN

Kristu miet għal kulħadd, biex dawk li jgħixu,

ma jgħixux għalihom infushom,

imma għal dak li miet

u rxoxta għalihom, hallelujah.

2 Kor 5:15

 

TALBA WARA T-TQARBIN

Ieqaf bit-tjieba mal-poplu tiegħek, Mulej,

biex, kif għarraftu l-misteri tas-sema,

hekk ukoll tbiegħdu mill-imgħoddi tiegħu

u timlieh b’ħajja ġdida.

Bi Kristu Sidna. Amen.


 

IL-ĠIMGĦA

 

ANTIFONA TAD-DĦUL

Jistħoqqlu l-Ħaruf li kien maqtul jirċievi l-qawwa u l-għana

u l-għerf u s-saħħa u l-ġieħ, hallelujah.

Apok 5:12

 

KOLLETTA

Alla li tista’ kollox, aħna għarafna l-grazzja

tal-qawmien tal-Mulej mill-imwiet;

agħmel li nqumu għal ħajja ġdida,

biex ngħixu għalih fl-imħabba tal-Ispirtu s-Santu.

B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna,

li miegħek jgħix u jsaltan

flimkien mal-Ispirtu s-Santu, Alla,

għal dejjem ta’ dejjem. Amen.

 

TALBA FUQ L-OFFERTI

Fit-tjieba tiegħek, Mulej, qaddes dawn id-doni,

ilqa’ s-sagrifiċċju li sejrin noffrulek;

agħmel li aħna wkoll inkunu offerta

li tibqa’ għal dejjem quddiemek,

Bi Kristu Sidna. Amen.

 

ANTIFONA TAT-TQARBIN

Kristu qam mill-imwiet, u fdiena, hallelujah.

 

TALBA WARA T-TQARBIN

Ħadna, Mulej, id-don tas-sagrament imqaddes;

bl-umiltà kollha nitolbuk biex dan is-sagrifiċċju,

li Ibnek ordnalna nagħmluh b’tifkira tiegħu,

ikun jiswielna biex nikbru fl-imħabba.

Bi Kristu Sidna. Amen.


 

 

IS-SIBT

 

ANTIFONA TAD-DĦUL

Intom indfintu ma’ Kristu bil-Magħmudija, u bih irxoxtajtu

permezz tal-fidi tagħkom fil-qawwa ta’ Alla li qajmu mill-imwiet, hallelujah.

Kol 2:12

 

KOLLETTA

O Alla, bl-ilma tal-Magħmudija,

int tajt ħajja ġdida lil dawk li jemmnu fik;

żomm taħt il-ħarsien tiegħek

lil dawk li twieldu mill-ġdid fi Kristu,

biex joħorġu rebbieħa fuq kull ħażen,

jibqgħu fidili fil-grazzja u l-barka tiegħek.

B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna,

li miegħek jgħix u jsaltan

flimkien mal-Ispirtu s-Santu, Alla,

għal dejjem ta’ dejjem. Amen.

 

TALBA FUQ L-OFFERTI

Ħenn, Mulej, għall-familja tiegħek,

ilqa’ l-offerta li qiegħda tagħmillek;

agħtiha l-għajnuna u l-ħarsien tiegħek,

biex ma titlifx il-grazzji li qalgħet

u tasal għall-hena ta’ dejjem fis-sema.

Bi Kristu Sidna. Amen.

 

ANTIFONA TAT-TQARBIN

Missier, nitolbok għalihom,

ħa jkunu lkoll ħaġa waħda fina,

biex hekk id-dinja temmen

li inti bgħattni, jgħid il-Mulej, hallelujah.

Ġw 17:20-21

 

TALBA WARA T-TQARBIN

Xerred dejjem, Mulej, il-ħniena tiegħek fuq dawk li int salvajt,

u żommhom taħt il-ħarsien tiegħek,

biex dawk kollha li nfdew bil-Passjoni ta’ Ibnek

jibqgħu jġarrbu l-ferħ tal-qawmien tiegħu.

Hu li jgħix u jsaltan għal dejjem ta’ dejjem. Amen.


 

IR-4 ĦADD TAL-GĦID

 

ANTIFONA TAD-DĦUL

Bit-tjieba tal-Mulej mimlija l-art;

bil-kelma tal-Mulej saru s-smewwiet, hallelujah.

Salm 32:5-6

 

KOLLETTA

O Alla ta’ dejjem li tista’ kollox,

mexxina lejn ix-xirka tal-henjin fis-sema,

biex aħna, il-merħla ċkejkna tiegħek,

naslu fejn daħal qabilna r-Ragħaj qawwi tagħna,

Ibnek Ġesù Kristu Sidna,

li miegħek jgħix u jsaltan

flimkien mal-Ispirtu s-Santu, Alla,

għal dejjem ta’ dejjem. Amen.

 

TALBA FUQ L-OFFERTI

Agħtina, Mulej, li dawn il-misteri tal-Għid

iqanqluna dejjem ħalli rroddulek ħajr,

biex il-fidwa li inti tajtna tibqa’ taħdem fina bla heda

u tkun għalina għajn ta’ ferħ bla tmiem.

Bi Kristu Sidna. Amen.

 

ANTIFONA TAT-TQARBIN

Qam ir-Ragħaj it-tajjeb,

li ta ħajtu għan-nagħaġ tiegħu

u għoġbu jmut għall-merħla tiegħu, hallelujah.

 

TALBA WARA T-TQARBIN

Mulej, inti r-Ragħaj it-tajjeb tagħna:

ixħet ħarsa ta’ sliem lejn il-merħla tiegħek,

u qiegħed fil-mergħat ta’ dejjem in-nagħaġ

li fdejt bid-demm għażiż ta’ Ibnek,

li jgħix u jsaltan għal dejjem ta’ dejjem. Amen.


 

IT-TNEJN

 

ANTIFONA TAD-DĦUL

Kristu qam mill-imwiet u ma jmutx aktar:

il-mewt ma għadhiex taħkem fuqu, hallelujah.

Rum 6:9

 

KOLLETTA

Alla, inti rġajt waqqaft id-dinja mġarrfa

billi Ibnek ċekken lilu nnifsu;

imla lill-fidili tiegħek b’ferħ qaddis,

u agħti hena bla tmiem

lil dawk li inti ħlist mill-jasar tad-dnub.

B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna,

li miegħek jgħix u jsaltan

flimkien mal-Ispirtu s-Santu, Alla,

għal dejjem ta’ dejjem. Amen.

 

TALBA FUQ L-OFFERTI

Ilqa’, Mulej, l-offerta tal-Knisja ferħana,

agħtiha li tgawdi l-hena ta’ dejjem,

int li tant għamilt magħha biex tifraħ.

Bi Kristu Sidna. Amen.

 

ANTIFONA TAT-TQARBIN

Ġesù qagħad f’nofs id-dixxipli tiegħu,

u qalilhom: “Is-sliem għalikom!”. Hallelujah.

Ġw 20:19

 

TALBA WARA T-TQARBIN

Fit-tjieba tiegħek, Mulej, ħares lejn il-poplu tiegħek,

u, bħalma għoġbok iġġeddu

bil-misteri tal-ħajja ta’ dejjem,

agħtih ukoll li jasal fil-qawmien mill-imwiet

f’ġisem imsebbaħ bin-nuqqas ta’ taħsir.

Bi Kristu Sidna. Amen.


 

IT-TLIETA

 

ANTIFONA TAD-DĦUL

Nifirħu u nithennew u nagħtu glorja ’l Alla,

għax ħa s-saltna l-Mulej,

Alla tagħna li jista’ kollox, hallelujah.

Apok 19:7,6

 

KOLLETTA

O Alla li tista’ kollox,

aħna qegħdin nagħtu qima lill-misteru

tal-qawmien tal-Mulej għall-ħajja,

agħmel li jkun jistħoqqilna nġarrbu l-ferħ tal-fidwa tagħna.

B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna,

li miegħek jgħix u jsaltan

flimkien mal-Ispirtu s-Santu, Alla,

għal dejjem ta’ dejjem. Amen.

 

TALBA FUQ L-OFFERTI

Agħtina, Mulej, li dawn il-misteri tal-Għid

iqanqluna dejjem ħalli rroddulek ħajr,

biex il-fidwa li inti tajtna tibqa’ taħdem fina bla heda

u tkun għalina għajn ta’ ferħ bla tmiem.

Bi Kristu Sidna. Amen.

 

ANTIFONA TAT-TQARBIN

Il-Messija kellu jbati u jqum mill-imwiet,

u hekk jidħol fil-glorja tiegħu, hallelujah.

Lq 24:46,26

 

TALBA WARA T-TQARBIN

Isma’, Mulej, it-talb tagħna,

biex il-misteru tal-fidwa tagħna

u l-qima qaddisa li biha ċċelebrajnieh

jagħtuna l-għajnuna f’din il-ħajja

u jħejjuna għall-ħajja ta’ dejjem.

Bi Kristu Sidna. Amen.


 

L-ERBGĦA

 

ANTIFONA TAD-DĦUL

Infaħħrek fost il-ġnus, Mulej,

u nxandar ismek lil ħuti, hallelujah.

Salm 17:50; 21:23

 

KOLLETTA

Alla, inti l-ħajja tal-fidili tiegħek,

inti l-glorja tal-umli u l-hena tal-ġusti;

fit-tjieba tiegħek, isma’ t-talb tagħna,

biex aħna, li nixtiequ dak li wegħidtna,

nimtlew dejjem bil-kotra tal-ġid tiegħek.

B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna,

li miegħek jgħix u jsaltan

flimkien mal-Ispirtu s-Santu, Alla,

għal dejjem ta’ dejjem. Amen.

 

TALBA FUQ L-OFFERTI

O Alla, b’dan is-sagrifiċċju qaddis li sejrin inġeddu

inti ressaqtna lejk,

tajtna sehem min-natura tiegħek, Alla wieħed u l-Għoli;

agħmel li, permezz ta’ ħajja tajba,

niksbu l-verità tiegħek li int għarraftna.

Bi Kristu Sidna. Amen.

 

ANTIFONA TAT-TQARBIN

Jien għażilt lilkom mid-dinja, jgħid il-Mulej,

ħtartkom biex tmorru tagħmlu l-frott

u l-frott tagħkom jibqa’, hallelujah.

Ġw 15:16-19

 

TALBA WARA T-TQARBIN

Ieqaf bit-tjieba mal-poplu tiegħek, Mulej,

biex, kif għarraftu l-misteri tas-sema,

hekk ukoll tbiegħdu mill-imgħoddi tiegħu

u timlieh b’ħajja ġdida.

Bi Kristu Sidna. Amen.


 

IL-ĦAMIS

 

ANTIFONA TAD-DĦUL

O Alla, int u ħiereġ quddiem il-poplu tiegħek,

int u tiela’ mid-deżert, ħadt ħsiebhom,

triegħdet l-art u sas-smewwiet inħallu,

hallelujah.

ara Salm 67:8-9,20

 

KOLLETTA

Alla, inti erfajt il-bniedem mill-waqgħa tiegħu

u għollejtu għal dinjità aqwa

minn dik li kellu fil-bidu;

ftakar f’dan il-misteru kbir tal-ħniena tiegħek,

u lil dawk li għoġbok iġġeddidhom bis-sagrament tal-Magħmudija,

ibqa’ ħarsilhom id-doni

tal-grazzja u l-barka bla tmiem li tajthom.

B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna,

li miegħek jgħix u jsaltan

flimkien mal-Ispirtu s-Santu, Alla,

għal dejjem ta’ dejjem. Amen.

 

TALBA FUQ L-OFFERTI

Jitla’ quddiemek, Mulej, it-talb tagħna,

flimkien mal-offerta li qegħdin nagħmlulek,

biex, issa li għoġbok tnaddafna minn ħtijietna,

nitħejjew b’ħajja tajba

għas-sagramenti tal-ħniena tiegħek.

Bi Kristu Sidna. Amen.

 

ANTIFONA TAT-TQARBIN

Jien magħkom dejjem

sal-aħħar taż-żmien, jgħid il-Mulej, hallelujah.

Mt 28:20

 

TALBA WARA T-TQARBIN

O Alla ta’ dejjem li tista’ kollox,

inti ġġeddidna għall-ħajja ta’ dejjem

bil-qawmien ta’ Kristu mill-imwiet;

kattar fina l-frott tal-misteru tal-Għid,

imla ’l ruħna bil-qawwa tal-ikel li jsalvana.

Bi Kristu Sidna. Amen.


 

 

IL-ĠIMGĦA

 

ANTIFONA TAD-DĦUL

Mulej, int b’demmek fdejtna

minn kull tribù u lsien,

minn kull poplu u ġens,

u għamiltna għal Alla tagħna

Saltna u Qassisin, hallelujah.

Apok 5, 9-10


 

 

KOLLETTA

Alla, għajn tal-ħelsien u s-salvazzjoni tagħna,

agħti widen għat-talb li fiċ-ċokon tagħna qegħdin nagħmlulek;

agħmel li aħna ngħixu bik,

u li fik iseħħilna dejjem insibu s-sliem u l-ħarsien minn kull deni.

B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna,

li miegħek jgħix u jsaltan

flimkien mal-Ispirtu s-Santu, Alla,

għal dejjem ta’ dejjem. Amen.

 

TALBA FUQ L-OFFERTI

Ħenn, Mulej, għall-familja tiegħek,

ilqa’ l-offerta li qiegħda tagħmillek;

agħtiha l-għajnuna u l-ħarsien tiegħek,

biex ma titlifx il-grazzja li qalgħet

u tasal għall-hena ta’ dejjem fis-sema.

Bi Kristu Sidna. Amen.

 

ANTIFONA TAT-TQARBIN

Ġesù Sidna kien mogħti

għall-mewt għal dnubietna,

imqajjem għall-ġustifikazzjoni tagħna,

hallelujah.

Rum 4:25

 

TALBA WARA T-TQARBIN

Xerred dejjem, Mulej, il-ħniena tiegħek fuq dawk li salvajt,

u żommhom taħt il-ħarsien tiegħek,

biex dawk kollha li nfdew bil-Passjoni ta’ Ibnek

jibqgħu jġarrbu l-ferħ tal-qawmien tiegħu.

Hu li jgħix u jsaltan għal dejjem ta’ dejjem. Amen.


 

IS-SIBT

 

ANTIFONA TAD-DĦUL

Poplu li Alla kiseb, xandru glorja

ta’ dak li sejħilkom mid-dlam

għad-dawl tiegħu tal-għaġeb, hallelujah.

1 Piet 2:9

 

KOLLETTA

O Alla ta’ dejjem li tista’ kollox,

inti ġeddidtna bil-Magħmudija mqaddsa;

agħmel li l-misteru tal-Għid dejjem iseħħ fina,

biex taħt il-ħarsien u bl-għajnuna tiegħek nagħmlu ħafna frott,

u nidħlu fl-hena tal-ħajja ta’ dejjem.

B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna,

li miegħek jgħix u jsaltan

flimkien mal-Ispirtu s-Santu, Alla,

għal dejjem ta’ dejjem. Amen.

 

TALBA FUQ L-OFFERTI

Fit-tjieba tiegħek, Mulej, qaddes dawn id-doni,

ilqa’ s-sagrifiċċju li sejrin noffrulek;

agħmel li aħna wkoll inkunu offerta

li tibqa’ għal dejjem quddiemek.

Bi Kristu Sidna. Amen.

 

ANTIFONA TAT-TQARBIN   

Missier, irrid li dawk li tajtni

jkunu huma wkoll miegħi fejn inkun jien,

biex jaraw il-glorja tiegħi,

il-glorja li tajtni int, hallelujah.

Ġw 17:24

 

TALBA WARA T-TQARBIN

Ħadna, Mulej, id-don tas-sagrament imqaddes;

bl-umiltà kollha nitolbuk biex dan is-sagrifiċċju,

li Ibnek ordnalna nagħmluh b’tifkira tiegħu,

ikun jiswielna biex nikbru fl-imħabba.

Bi Kristu Sidna. Amen.


 

IL-5 ĦADD TAL-GĦID

 

ANTIFONA TAD-DĦUL

Għannu lill-Mulej għanja ġdida,

għax għamel ħwejjeġ tal-għaġeb;

f’għajnejn il-ġnus wera l-ġustizzja tiegħu,

hallelujah.

Salm 97:1-2

 

KOLLETTA

Alla, inti rġajt waqqaft id-dinja mġarrfa

billi Ibnek ċekken lilu nnifsu;

imla lill-fidili tiegħek b’ferħ qaddis,

u agħti hena bla tmiem

lil dawk li inti ħlist mill-jasar tad-dnub.

B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna,

li miegħek jgħix u jsaltan

flimkien mal-Ispirtu s-Santu, Alla,

għal dejjem ta’ dejjem. Amen.

 

TALBA FUQ L-OFFERTI

O Alla, b’dan is-sagrifiċċju qaddis li sejrin inġeddu

inti ressaqtna lejk u tajtna sehem min-natura tiegħek,

Alla wieħed u l-Għoli;

agħmel li, permezz ta’ ħajja tajba,

niksbu l-verità tiegħek li inti għarraftna.

Bi Kristu Sidna. Amen.

 

ANTIFONA TAT-TQARBIN

Jiena d-dielja, intom il-friegħi, jgħid il-Mulej:

min jibqa’ fija u jiena fih,

dan jagħmel ħafna frott, hallelujah.

Ġw 15:5

 

TALBA WARA T-TQARBIN

Ieqaf bit-tjieba mal-poplu tiegħek, Mulej,

biex, kif għarraftu l-misteri tas-sema,

hekk ukoll tbiegħdu mill-imgħoddi tiegħu

u timlieh b’ħajja ġdida.

Bi Kristu Sidna. Amen.


 

IT-TNEJN

 

ANTIFONA TAD-DĦUL

Qam ir-Ragħaj it-Tajjeb,

li ta ħajtu għan-nagħaġ tiegħu,

u għoġbu jmut għall-merħla tiegħu, hallelujah.

 

KOLLETTA

Alla, inti tgħaqqad il-fidili tiegħek flimkien,

bil-fehmiet kollha tagħhom,

u tiġborhom rieda waħda bejniethom;

agħmel li l-poplu tiegħek

ikun iħobb il-preċetti tiegħek

u jixtieq il-ġid li inti twiegħdu,

biex, fost il-ħafna tibdil ta’ din id-dinja,

il-qlub tagħna jieqfu fis-sod

fejn hemm tassew l-hena.

B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna,

li miegħek jgħix u jsaltan

flimkien mal-Ispirtu s-Santu, Alla,

għal dejjem ta’ dejjem. Amen.

 

TALBA FUQ L-OFFERTI

Jitla’ quddiemek, Mulej, it-talb tagħna

flimkien mal-offerta li qegħdin nagħmlulek,

biex, issa li għoġbok tnaddafna minn ħtijietna,

nitħejjew b’ħajja tajba

għas-sagramenti tal-ħniena tiegħek.

Bi Kristu Sidna. Amen.

 

ANTIFONA TAT-TQARBIN

Jiena nħallilkom is-sliem, nagħtikom is-sliem tiegħi;

ma nagħtihulkomx kif tagħtih id-dinja,

jgħid il-Mulej, hallelujah.

Ġw 17:24

 

TALBA WARA T-TQARBIN

O Alla ta’ dejjem li tista’ kollox,

inti ġġeddidna għall-ħajja ta’ dejjem

bil-qawmien ta’ Kristu mill-imwiet;

kattar fina l-frott tal-misteru tal-Għid,

imla ’l ruħna bil-qawwa tal-ikel li jsalvana.

Bi Kristu Sidna. Amen.


 

IT-TLIETA

 

ANTIFONA TAD-DĦUL

Faħħru lil Alla tagħna, intom li tibżgħu minnu,

kemm żgħar u kemm kbar,

għax issa ġiet is-salvazzjoni u l-qawwa,

u s-setgħa ta’ Kristu, hallelujah.

Apok 19:5; 12:10

 

KOLLETTA

Alla, bil-qawmien ta’ Kristu mill-imwiet

inti ġġeddidna għall-ħajja ta’ dejjem;

qawwi lill-poplu tiegħek fil-fidi u t-tama,

biex nemmnu u b’qalb qawwija

li dak kollu li wegħidtna għad iseħħ.

B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna,

li miegħek jgħix u jsaltan

flimkien mal-Ispirtu s-Santu, Alla,

għal dejjem ta’ dejjem. Amen.

 

TALBA FUQ L-OFFERTI

Ilqa’, Mulej, l-offerta tal-Knisja ferħana,

agħtiha li tgawdi l-hena ta’ dejjem,

int li tant għamilt magħha biex tifraħ.

Bi Kristu Sidna. Amen.

 

ANTIFONA TAT-TQARBIN

Jekk mitna ma’ Kristu,

nemmnu wkoll li ngħixu ma’ Kristu, hallelujah.

Rum 6:8

 

TALBA WARA T-TQARBIN

Fit-tjieba tiegħek, Mulej,

ħares lejn il-poplu tiegħek,

u, bħalma għoġbok iġġeddu

bil-misteri tal-ħajja ta’ dejjem,

agħtih ukoll li jasal fil-qawmien mill-imwiet

f’ġisem imsebbaħ bin-nuqqas ta’ taħsir.

Bi Kristu Sidna. Amen.


 

L-ERBGĦA

 

ANTIFONA TAD-DĦUL

Mimli fommi b’tifħirek, b’sebħek il-jum kollu;

jifirħu xofftejja, jien u ngħannilek, hallelujah.

Salm 70:8,23

 

KOLLETTA

O Alla, inti tħobb is-safa,

u troddulna mill-ġdid jekk nitilfuh;

mexxi lejk il-qlub tal-qaddejja tiegħek,

li inti ħlisthom mid-dlamijiet tan-nuqqas ta’ fidi,

u agħmel li qatt iżjed ma nitbiegħdu

mid-dawl tal-verità tiegħek.

B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna,

li miegħek jgħix u jsaltan

flimkien mal-Ispirtu s-Santu, Alla,

għal dejjem ta’ dejjem. Amen.

 

TALBA FUQ L-OFFERTI

Agħtina, Mulej, li dawn il-misteri tal-Għid

iqanqluna dejjem ħalli rroddulek ħajr,

biex il-fidwa li inti tajtna tibqa’ taħdem fina bla heda

u tkun għalina għajn ta’ ferħ bla tmiem.

Bi Kristu Sidna. Amen.

 

ANTIFONA TAT-TQARBIN

Kristu qam mill-imwiet u dawwalna,

lilna li fdiena b’demmu, hallelujah.

 

TALBA WARA T-TQARBIN

Isma’, Mulej, it-talb tagħna,

biex il-misteru tal-fidwa tagħna

u l-qima qaddisa li biha ċċelebrajnieh

jagħtuna l-għajnuna f’din il-ħajja

u jħejjuna għall-ħajja ta’ dejjem.

Bi Kristu Sidna. Amen.


 

IL-ĦAMIS

 

ANTIFONA TAD-DĦUL

Ngħanni lill-Mulej għax tkabbar bis-sħiħ.

Qawwieti u għanjieti l-Mulej:

għalija sar is-salvazzjoni, hallelujah.

 

KOLLETTA

Alla, bil-grazzja tiegħek aħna minn ħżiena nsiru tajbin,

u minn imsejkna nsiru hienja;

wettaq fina l-għemil u d-doni tiegħek,

biex kull min jikseb il-ġustifikazzjoni bil-fidi

ma tonqsu qatt il-qawwa,

imma jibqa’ sħiħ sal-aħħar.

B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna,

li miegħek jgħix u jsaltan

flimkien mal-Ispirtu s-Santu, Alla,

għal dejjem ta’ dejjem. Amen.

 

TALBA FUQ L-OFFERTI

O Alla, b’dan is-sagrifiċċju qaddis li sejrin inġeddu

inti ressaqtna lejk,

tajtna sehem min-natura tiegħek,

Alla wieħed u l-Għoli;

agħmel li, permezz ta’ ħajja tajba,

niksbu l-verità tiegħek li inti għarraftna.

Bi Kristu Sidna. Amen.

 

ANTIFONA TAT-TQARBIN

Kristu miet għal kulħadd, biex dawk li jgħixu,

ma jgħixux għalihom infushom,

imma għal dak li miet

u rxoxta għalihom, hallelujah.

2 Kor 5:15

 

TALBA WARA T-TQARBIN

Ieqaf bit-tjieba mal-poplu tiegħek, Mulej,

biex, kif għarraftu l-misteri tas-sema,

hekk ukoll tbiegħdu mill-imgħoddi tiegħu

u timlieh b’ħajja ġdida.

Bi Kristu Sidna. Amen.


 

IL-ĠIMGĦA

 

ANTIFONA TAD-DĦUL

Jistħoqqlu l-Ħaruf li kien maqtul

jirċievi l-qawwa u l-għana

u l-għerf u l-ġieħ, hallelujah.

Apok 5:12

 

KOLLETTA

Agħtina, Mulej, li ngħixu ħajja xierqa

kif jitlob minna l-misteru tal-Għid,

biex niċċelebrawh bil-ferħ kollu

dejjem iħarisna u jsalvana bil-qawwa tiegħu.

B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna,

li miegħek jgħix u jsaltan

flimkien mal-Ispirtu s-Santu, Alla,

għal dejjem ta’ dejjem. Amen.

 

TALBA FUQ L-OFFERTI

Fit-tjieba tiegħek, Mulej, qaddes dawn id-doni,

ilqa’ s-sagrifiċċju li sejrin nagħmlulek;

agħmel li aħna wkoll inkunu offerta

li tibqa’ għal dejjem quddiemek.

Bi Kristu Sidna. Amen.

 

ANTIFONA TAT-TQARBIN

Kristu qam mill-mewt u fdiena, hallelujah.

 

TALBA WARA T-TQARBIN

Ħadna, Mulej, id-don tas-sagrament imqaddes;

bl-umiltà kollha nitolbuk biex dan is-sagrifiċċju,

li Ibnek ordnalna nagħmluh b’tifkira tiegħu,

ikun jiswielna biex nikbru fl-imħabba.

Bi Kristu Sidna. Amen.


 

IS-SIBT

 

ANTIFONA TAD-DĦUL

Intom indfintu ma’ Kristu bil-Magħmudija,

u bih irxoxtajtu permezz tal-fidi tagħkom fil-qawwa ta’ Alla

li qajmu mill-imwiet, hallelujah.

Kol 2:12

 

KOLLETTA

O Alla ta’ dejjem li tista’ kollox,

int nissiltna mill-ġdid bil-Magħmudija

biex tajtna l-ħajja tal-grazzja,

u għoġbok isseddaqna

biex nistgħu niksbu l-ħajja ta’ dejjem;

ibqa’ mexxina ’l quddiem,

sa ma naslu fil-milja tal-glorja.

B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna,

li miegħek jgħix u jsaltan

flimkien mal-Ispirtu s-Santu, Alla,

għal dejjem ta’ dejjem. Amen.

 

TALBA FUQ L-OFFERTI

Ħenn, Mulej, għall-familja tiegħek,

ilqa’ l-offerta li qiegħda tagħmillek;

agħtiha l-għajnuna u l-ħarsien tiegħek,

biex ma titlifx il-grazzji li qalgħet

u tasal għall-hena ta’ dejjem fis-sema.

Bi Kristu Sidna. Amen.

 

ANTIFONA TAT-TQARBIN

Missier, nitolbok għalihom,

ħa jkunu lkoll ħaġa waħda fina,

biex hekk id-dinja temmen

li inti bgħattni, jgħid il-Mulej, hallelujah.

Ġw 17:20-21

 

TALBA WARA T-TQARBIN

Xerred dejjem, Mulej, il-ħniena tiegħek fuq dawk li inti salvajt,

u żommhom taħt il-ħarsien tiegħek,

biex dawk kollha li nfdew bil-Passjoni ta’ Ibnek

jibqgħu jġarrbu l-ferħ tal-qawmien tiegħu.

Hu li jgħix u jsaltan għal dejjem ta’ dejjem. Amen.


 

IS-6 ĦADD TAL-GĦID

 

ANTIFONA TAD-DĦUL

Ħabbru dan b’għajat ta’ ferħ, semmgħuh, wassluh sa trufijiet l-art,

għidu: Il-Mulej ħeles il-poplu tiegħu, hallelujah.

Iż 48:20

 

KOLLETTA

O Alla li tista’ kollox,

agħmel li niċċelebraw b’ħerqa kbira

dawn il-ġranet ta’ ferħ

li fihom qegħdin nagħtu ġieħ

lill-Mulej li qam mill-imwiet,

u agħtina li l-istess għemil tagħna

jkun xhieda tal-ġrajja li qegħdin infakkru.

B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna,

li miegħek jgħix u jsaltan

flimkien mal-Ispirtu s-Santu, Alla,

għal dejjem ta’ dejjem. Amen.

 

TALBA FUQ L-OFFERTI

Jitla’ quddiemek, Mulej, it-talb tagħna

flimkien mal-offerta li qegħdin noffrulek,

biex, issa li għoġbok tnaddafna minn ħtijietna,

nitħejjew b’ħajja tajba

għas-sagramenti tal-ħniena tiegħek.

Bi Kristu Sidna. Amen.

 

ANTIFONA TAT-TQARBIN

Jekk tħobbuni,

ħarsu l-kmandamenti tiegħi, jgħid il-Mulej.

U jiena nitlob lill-Missier,

u hu jagħtikom Difensur ieħor,

biex jibqa’ dejjem magħkom, hallelujah.

Ġw 14:15-16

 

TALBA WARA T-TQARBIN

O Alla ta’ dejjem li tista’ kollox,

inti ġġeddidna għall-ħajja ta’ dejjem

bil-qawmien ta’ Kristu mill-imwiet;

kattar fina l-frott tal-misteru tal-Għid,

imla ’l ruħna bil-qawwa tal-ikel li jsalvana.

Bi Kristu Sidna. Amen.


 

IT-TNEJN

 

ANTIFONA TAD-DĦUL

Kristu qam mill-imwiet u ma jmutx aktar:

il-mewt ma għadhiex taħkem fuqu, hallelujah.

Rum 6:9

 

KOLLETTA

Agħtina, o Alla ħanin,

li ċ-ċelebrazzjoni tal-misteru tal-Għid

li aħna qegħdin nagħmlu b’ordni tiegħek,

tħalli fina frott li jibqa’ għal dejjem.

B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna,

li miegħek jgħix u jsaltan

flimkien mal-Ispirtu s-Santu, Alla,

għal dejjem ta’ dejjem. Amen.

 

TALBA FUQ L-OFFERTI

Ilqa’, Mulej, l-offerta tal-Knisja ferħana,

agħtiha li tgawdi l-hena ta’ dejjem,

int li tant għamilt magħha biex tifraħ.

Bi Kristu Sidna. Amen.

 

ANTIFONA TAT-TQARBIN

Ġesù qagħad f’nofs id-dixxipli tiegħu,

u qalilhom: “Is-sliem għalikom!”. Hallelujah.

Ġw 20:19

 

TALBA WARA T-TQARBIN

Fit-tjieba tiegħek, Mulej,

ħares lejn il-poplu tiegħek,

u, bħalma għoġbok iġġeddu

bil-misteri tal-ħajja ta’ dejjem,

agħtih ukoll li jasal fil-qawmien mill-imwiet

f’ġisem imsebbaħ bin-nuqqas ta’ taħsir.

Bi Kristu Sidna. Amen.


 

IT-TLIETA

 

ANTIFONA TAD-DĦUL

Nifirħu u nithennew u nagħtu glorja ’l Alla,

għax ħa s-saltna tal-Mulej, Alla tagħna li jista’ kollox, hallelujah.

Apok 19:7,6

 

KOLLETTA

Alla, jifraħ dejjem il-poplu tiegħek

biż-żgħożija mġedda ta’ ruħu,

biex, kif int sebbaħtna

u ferraħtna mill-ġdid bil-grazzja tal-adozzjoni,

hekk ukoll, b’qalbna qawwija fit-tama,

nistennew il-jum tal-qawmien mill-imwiet.

B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna,

li miegħek jgħix u jsaltan

flimkien mal-Ispirtu s-Santu, Alla,

għal dejjem ta’ dejjem. Amen.

 

TALBA FUQ L-OFFERTI

Agħtina, Mulej, li dawn il-misteri tal-Għid

iqanqluna dejjem ħalli rroddulek ħajr,

biex il-fidwa li int tajtna tibqa’ taħdem fina bla heda

u tkun għalina għajn ta’ ferħ bla tmiem.

Bi Kristu Sidna. Amen.

 

ANTIFONA TAT-TQARBIN

Il-Messija kellu jbati u jqum mill-imwiet,

u hekk jidħol fil-glorja tiegħu, hallelujah.

ara Lq 24:46,26

 

TALBA WARA T-TQARBIN

Isma’, Mulej, it-talb tagħna,

biex il-misteru tal-fidwa tagħna

u l-qima qaddisa li biha ċċelebrajnieh

jagħtuna l-għajnuna f’din il-ħajja

u jħejjuna għall-ħajja ta’ dejjem.

Bi Kristu Sidna. Amen.


 

 

L-ERBGĦA

 

ANTIFONA TAD-DĦUL

Infaħħrek fost il-ġnus, Mulej,

u nxandar ismek lil ħuti, hallelujah.

Salm 17:50; 21:23


 

 

KOLLETTA

Agħtina, Mulej,

li, kif taħt il-velu tal-misteru

qegħdin nagħmlu bil-ferħ it-tifkira solenni

tal-qawmien ta’ Ibnek għall-ħajja,

hekk ukoll fit-tieni miġja tiegħu

jkun jistħoqqilna l-hena mal-qaddisin tiegħek.

B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna,

li miegħek jgħix u jsaltan

flimkien mal-Ispirtu s-Santu, Alla,

għal dejjem ta’ dejjem. Amen.

 

TALBA FUQ L-OFFERTI

O Alla, b’dan is-sagrifiċċju qaddis li sejrin inġeddu

inti ressaqtna lejk u tajtna sehem

min-natura tiegħek, Alla wieħed u l-Għoli;

agħmel li, permezz ta’ ħajja tajba,

niksbu l-verità tiegħek li int għarraftna.

Bi Kristu Sidna. Amen.

 

ANTIFONA TAT-TQARBIN

Jiena għażilt lilkom mid-dinja, jgħid il-Mulej,

ħtartkom biex tmorru tagħmlu l-frott

u l-frott tagħkom jibqa’, hallelujah.

Ġw 15:16-19

 

TALBA WARA T-TQARBIN

Ieqaf bit-tjieba mal-poplu tiegħek, Mulej,

biex, kif għarraftu l-misteri tas-sema,

hekk ukoll tbiegħdu mill-imgħoddi tiegħu

u timlieh b’ħajja ġdida.

Bi Kristu Sidna. Amen.


 

SOLENNITÀ TA’ TLUGĦ IL-MULEJ FIS-SEMA

 

ANTIFONA TAD-DĦUL

Irġiel tal-Galilija, x’intom tħarsu lejn is-sema?

Għad jerġa’ jiġi, kif rajtuh sejjer, hallelujah.

Atti 1:11

 

KOLLETTA

O Alla li tista’ kollox,

agħmel li b’ferħ qaddis irroddulek ħajr,

għax Kristu Ibnek, bit-tlugħ tiegħu fis-Sema,

imexxina bla heda ’l quddiem fit-triq tagħna lejk,

u jimliena bit-tama li aħna, il-ġisem tiegħu,

għad naslu wkoll għal dik il-glorja

li fiha daħal hu, ir-Ras tagħna,

Ibnek Ġesù Kristu Sidna,

li miegħek jgħix u jsaltan

flimkien mal-Ispirtu s-Santu, Alla,

għal dejjem ta’ dejjem. Amen.

 

TALBA FUQ L-OFFERTI

Fiċ-ċokon tagħna, Mulej,

ser noffrulek is-sagrifiċċju tal-fidwa,

aħna u nagħtu ġieħ lil Ibnek fit-tlugħ tiegħu fis-Sema;

agħmel li, b’din il-qima qaddisa tagħna

u bil-grazzja tiegħek,

nintrefgħu lejn il-ħwejjeġ tas-Sema.

Bi Kristu Sidna. Amen.

 

PREFAZJU TA’ LAPSI

V/. Il-Mulej magħkom.

R/. U miegħek ukoll.

 

V/. Nerfgħu qlubna ’l fuq.

R/. Nerfgħuhom lejn il-Mulej.

 

V/. Niżżu ħajr lill-Mulej Alla tagħna.

R/. Hekk sewwa u xieraq.

 

Sewwa u xieraq tassew,

Mulej, Missier qaddis, Alla ta’ dejjem li tista’ kollox,

tajjeb u ta’ ġid għas-salvazzjoni tagħna

li dejjem u kullimkien irroddulek ħajr:

 

Għax il-Mulej Ġesù, is-Sultan tal-glorja,

rebbieħ fuq il-mewt u d-dnub,

(illum) fost l-għaġeb tal-Anġli

tela’ fl-għoli tas-smewwiet,

bħala l-Medjatur bejn Alla u l-bniedem,

l-Imħallef tad-dinja u l-Mulej tal-eżerċti.

U tela’ mhux biex jitbiegħed miċ-ċokon tagħna,

iżda biex aħna, il-membri tiegħu, inqawwu qalbna

li aħna wkoll għad immorru warajh

fejn mar qabilna hu, ir-Ras u l-bidu tagħna.

 

Għalhekk, f’dan il-ferħ tal-Għid,

imxerred ma’ kullimkien fid-dinja,

il-bnedmin kollha jimtlew bl-hena.

U l-Qawwiet tas-sema mas-Setgħat tal-Anġli

jinsġulek innu ta’ glorja,

u bla heda jtennulek:

 

Qaddis, Qaddis, Qaddis,

Mulej, Alla tal-eżerċti.

Is-smewwiet u l-art mimlija bil-glorja tiegħek.

Hosanna fl-għoli tas-smewwiet.

Imbierek min ġej f’isem il-Mulej.

Hosanna fl-għoli tas-smewwiet.

 

ANTIFONA TAT-TQARBIN

Ara, jiena magħkom dejjem,

sal-aħħar taż-żmien, hallelujah.

Mt 28:20

 

TALBA WARA T-TQARBIN

O Alla ta’ dejjem li tista’ kollox,

għalkemm għadna fuq din l-art,

inti tagħtina f’idejna l-ħwejjeġ tas-Sema;

agħmel li l-poplu Nisrani

jinġibed b’xewqa qaddisa għas-Sema,

fejn diġà tinsab miegħek in-natura tagħna l-bnedmin.

Bi Kristu Sidna. Amen.


 

IL-ĦAMIS

 

Jekk is-Solennità tat-Tlugħ tal-Mulej fis-Sema ssir fis-7 Ħadd tal-Għid.

 

ANTIFONA TAD-DĦUL

O Alla, int u ħiereġ quddiem il-poplu tiegħek,

int u tiela’ mid-deżert, ħadt ħsiebhom.

Triegħdet l-art u sas-smewwiet inħallu,

hallelujah.

Salm 67:8-9,20

 

KOLLETTA

O Alla, int li seħibt

il-poplu tiegħek fil-fidwa li tajtu,

agħmel li nifirħu dejjem

bil-qawmien tal-Mulej mill-imwiet.

B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna,

li miegħek jgħix u jsaltan

flimkien mal-Ispirtu s-Santu, Alla,

għal dejjem ta’ dejjem. Amen.

 

TALBA FUQ L-OFFERTI

Jitla’ quddiemek, Mulej, it-talb tagħna

flimkien mal-offerta li qegħdin nagħmlulek,

biex, issa li għoġbok tnaddafna minn ħtijietna,

nitħejjew b’ħajja tajba

għas-sagramenti tal-ħniena tiegħek.

Bi Kristu Sidna. Amen.

 

ANTIFONA TAT-TQARBIN

Jiena magħkom dejjem,

sal-aħħar taż-żmien, jgħid il-Mulej, hallelujah.

Mt 28:20

 

TALBA WARA T-TQARBIN

O Alla ta’ dejjem li tista’ kollox,

inti ġġeddidna għall-ħajja ta’ dejjem

bil-qawmien ta’ Kristu mill-imwiet;

kattar fina l-frott tal-misteru tal-Għid,

u imla ’l ruħna bil-qawwa tal-ikel li jsalvana.

Bi Kristu Sidna. Amen.


 

IL-ĠIMGĦA

 

ANTIFONA TAD-DĦUL

Mulej, inti b’demmek fdejtna

minn kull tribù u lsien, minn kull poplu u ġens,

għamiltna għal Alla tagħna Saltna u Qassisin, hallelujah.

Apok 5:9-10

 

KOLLETTA

Alla, bil-qawmien ta’ Kristu mill-imwiet

inti ġġeddidna għall-ħajja ta’ dejjem;

erfagħna lejn l-awtur tas-salvazzjoni tagħna,

li qiegħed fil-leminija tiegħek,

biex meta hu, is-Salvatur tagħna,

jiġi fil-kobor tiegħu,

inti tlibbes bl-hena tal-ħajja bla tmiem

lil dawk li tajthom twelid ġdid bil-Magħmudija.

B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna,

li miegħek jgħix u jsaltan

flimkien mal-Ispirtu s-Santu, Alla,

għal dejjem ta’ dejjem. Amen.

 

TALBA FUQ L-OFFERTI

Ħenn, Mulej, għall-familja tiegħek

ilqa’ l-offerta li qiegħda tagħmillek;

agħtiha l-għajnuna u l-ħarsien tiegħek,

biex ma titlifx il-grazzji li qalgħet

u tasal għall-hena ta’ dejjem fis-Sema.

Bi Kristu Sidna. Amen.

 

ANTIFONA TAT-TQARBIN

Ġesù Sidna kien mogħti

għall-mewt għal dnubietna

u mqajjem għall-ġustifikazzjoni tagħna, hallelujah.

Rum 4:25

 

TALBA WARA T-TQARBIN

Xerred dejjem, Mulej, il-ħniena tiegħek fuq dawk li inti salvajt,

u żommhom taħt il-ħarsien tiegħek

biex dawk kollha li nfdew bil-Passjoni ta’ Ibnek

jibqgħu jġarrbu l-ferħ tal-qawmien tiegħu.

Hu li jgħix u jsaltan għal dejjem ta’ dejjem. Amen.


 

IS-SIBT

 

ANTIFONA TAD-DĦUL

Poplu li Alla kiseb, xandru l-glorja

ta’ dak li sejħilkom mid-dlam

għad-dawl tiegħu tal-għaġeb, hallelujah.

1 Piet 2:9

 

KOLLETTA

Alla, l-Iben tiegħek, qabel ma tela’ fis-Sema,

għoġbu jwiegħed l-Ispirtu s-Santu lill-Appostli;

agħmel li, kif huma rċevew kull xorta ta’ doni

ħalli jxerrdu t-tagħlim tas-Sema,

hekk ukoll aħna nirċievu mingħandek

id-doni tal-Ispirtu Qaddis tiegħek.

B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna,

li miegħek jgħix u jsaltan

flimkien mal-Ispirtu s-Santu, Alla,

għal dejjem ta’ dejjem. Amen.

 

TALBA FUQ L-OFFERTI

Fit-tjieba tiegħek, Mulej, qaddes dawn id-doni,

ilqa’ s-sagrifiċċju li sejrin noffrulek;

agħmel li aħna wkoll inkunu offerta

li tibqa’ għal dejjem quddiemek.

Bi Kristu Sidna. Amen.

 

ANTIFONA TAT-TQARBIN

Missier, irrid li dawk li tajtni

jkunu wkoll miegħi fejn inkun jien,

biex jaraw il-glorja tiegħi,

il-glorja li tajtni int, hallelujah.

Ġw 14:27

 

TALBA WARA T-TQARBIN

Ħadna, Mulej, id-don tas-sagrament imqaddes;

bl-umiltà kollha nitolbuk biex dan is-sagrifiċċju,

li Ibnek ordnalna nagħmluh b’tifkira tiegħu,

ikun jiswielna ħa nikbru fl-imħabba.

Bi Kristu Sidna. Amen.


 

 

IS-7 ĦADD TAL-GĦID

 

ANTIFONA TAD-DĦUL

Isma’, Mulej, leħen l-għajta tiegħi.

“Ejja”, għidt f’qalbi, “fittex ’il wiċċu”.

Jiena wiċċek infittex, Mulej;

la taħbix wiċċek minni, hallelujah.

Salm 26:7-9

 

KOLLETTA

Fit-tjieba tiegħek, Mulej, ieqaf magħna

u isma’ t-talb umli tagħna,

għax aħna nemmnu li s-Salvatur tagħna l-bnedmin

qiegħed miegħek fil-leminija tal-kobor tiegħek;

agħmel li nħossu wkoll li hu għadu magħna

u jibqa’ magħna sal-aħħar taż-żmien,

kif wegħidna l-istess Ibnek Ġesù Kristu Sidna,

li miegħek jgħix u jsaltan

flimkien mal-Ispirtu s-Santu, Alla,

għal dejjem ta’ dejjem. Amen.

 

TALBA FUQ L-OFFERTI

Ilqa’, Mulej, it-talb u l-offerti

li qegħdin jagħmlulek il-fidili tiegħek,

biex, għall-qima li qegħdin nuruk fis-servizz tagħna,

ngħaddu għall-glorja tas-Sema.

Bi Kristu Sidna. Amen.

 

ANTIFONA TAT-TQARBIN

Nitlob, Missier, li jkunu ħaġa waħda,

bħalma aħna ħaġa waħda, hallelujah.

Ġw 17:22

 

TALBA WARA T-TQARBIN

Ismagħna, o Alla, Salvatur tagħna,

biex, bis-saħħa ta’ dawn il-misteri qaddisa, nitqawwew fit-tama

li kulma diġà seħħ fir-Ras tal-Knisja

għad iseħħ ukoll fil-Ġisem kollu tagħha.

Bi Kristu Sidna. Amen.


 

 

IT-TNEJN

 

ANTIFONA TAD-DĦUL

Meta jiġi fuqkom l-Ispirtu s-Santu, intom tirċievu l-qawwa

u tkunu xhieda tiegħi sa truf l-art, hallelujah.

Atti 1:8


 

 

KOLLETTA

Tiġi fuqna, Mulej, il-qawwa tal-Ispirtu s-Santu,

ħalli tgħinna nħarsu r-rieda tiegħek bil-fedeltà kollha ta’ qalbna,

u nfittxu li nagħmlu kulma trid int

billi ngħixu ħajja tajba.

B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna,

li miegħek jgħix u jsaltan

flimkien mal-Ispirtu s-Santu, Alla,

għal dejjem ta’ dejjem. Amen.

 

TALBA FUQ L-OFFERTI

Agħtina, Mulej,

li s-sagrifiċċju bla tebgħa li sejrin noffrulek

isaffina minn ħtijietna,

u jqawwina bil-grazzja tiegħek.

Bi Kristu Sidna. Amen.

 

ANTIFONA TAT-TQARBIN

Ma nħallikomx iltiema, jgħid il-Mulej,

nerġa’ narakom, u qalbkom tifraħ, hallelujah.

Ġw 14:16,22

 

TALBA WARA T-TQARBIN

Ieqaf bit-tjieba mal-poplu tiegħek, Mulej,

biex, kif għarraftu l-misteri tas-Sema,

hekk ukoll tbiegħdu mill-imgħoddi tiegħu

u timlieh b’ħajja ġdida.

Bi Kristu Sidna. Amen.


 

IT-TLIETA

 

ANTIFONA TAD-DĦUL

Jiena hu l-Ewwel u l-Aħħar, jiena l-Ħaj;

jien kont mejjet, u ara,

jien ħaj għal dejjem, hallelujah.

Apok 1:17-18

 

KOLLETTA

O Alla ħanin li tista’ kollox,

agħmel li l-Ispirtu s-Santu jiġi jgħammar fina,

u jagħmilna tempju tal-glorja tiegħu.

B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna,

li miegħek jgħix u jsaltan

flimkien mal-Ispirtu s-Santu, Alla,

għal dejjem ta’ dejjem. Amen.

 

TALBA FUQ L-OFFERTI

Ilqa’, Mulej, it-talb u l-offerti

li qegħdin jagħmlulek il-fidili tiegħek,

biex, għall-qima li qegħdin nuruk fis-servizz tagħna,

ngħaddu għall-glorja tas-Sema.

Bi Kristu Sidna. Amen.

 

ANTIFONA TAT-TQARBIN

L-Ispirtu s-Santu, li l-Missier jibgħat f’ismi, jgħallimkom kollox

u jfakkarkom dak kollu li għidtilkom, hallelujah.

Ġw 14:26

 

TALBA WARA T-TQARBIN

Ħadna, Mulej, id-don tas-sagrament imqaddes;

bl-umiltà kollha nitolbuk biex dan is-sagrifiċċju,

li Ibnek ordnalna nagħmluh b’tifkira tiegħu,

ikun jiswielna biex nikbru fl-imħabba.

Bi Kristu Sidna. Amen.


 

 

L-ERBGĦA

 

ANTIFONA TAD-DĦUL

Popli kollha, ċapċpu jdejkom,

għajtu b’leħen ta’ ferħ lil Alla, hallelujah.

Salm 46:2

 

KOLLETTA

Fit-tjieba tiegħek, o Alla ħanin,

żomm il-Knisja tiegħek miġmugħa fl-Ispirtu s-Santu,

biex tintrabat miegħek b’qalbha kollha

u tkun magħquda b’rieda waħda u safja.

B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna,

li miegħek jgħix u jsaltan

flimkien mal-Ispirtu s-Santu, Alla,

għal dejjem ta’ dejjem. Amen.

 

TALBA FUQ L-OFFERTI

Ilqa’, Mulej, l-offerti

għas-sagrifiċċju mwaqqaf b’ordni tiegħek,

u kompli fina l-għemil ta’ fidwa

billi tqaddisna b’dawn il-misteri tas-Sema

li aħna niċċelebraw

bħala qaddejja tiegħek.

Bi Kristu Sidna. Amen.

 

ANTIFONA TAT-TQARBIN

Meta jiġi d-Difensur,

li ser nibagħtilkom mingħand il-Missier,

l-Ispirtu tal-verità, li ġej mill-Missier,

huwa jixhed għalija.

U intom ukoll tixhdu, jgħid il-Mulej, hallelujah.

Ġw 15:26-27

 

TALBA WARA T-TQARBIN

Kattar fina, Mulej, il-grazzja tiegħek

bis-sehem li nieħdu f’dan is-sagrament,

agħmel li l-qawwa tiegħu tnaddafna

biex inkunu nistgħu dejjem

nirċievu dan id-don hekk kbir tiegħek.

Bi Kristu Sidna. Amen.


 

 

IL-ĦAMIS

 

ANTIFONA TAD-DĦUL

Nersqu b’qalbna qawwija lejn it-tron tal-grazzja,

biex naqilgħu ħniena u nsibu f’waqtha

l-grazzja li neħtieġu, hallelujah.

Lhud 4:16

 

KOLLETTA

Agħtina, Mulej, li l-Ispirtu Qaddis tiegħek

isawwab fuqna b’qawwa kbira d-doni tiegħu,

u jagħmel li nkunu dejjem nogħġbuk

u li nimxu skont ir-rieda tiegħek.

B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna,

li miegħek jgħix u jsaltan

flimkien mal-Ispirtu s-Santu, Alla,

għal dejjem ta’ dejjem. Amen.

 

TALBA FUQ L-OFFERTI

Fit-tjieba tiegħek, Mulej, qaddes dawn id-doni,

ilqa’ s-sagrifiċċju li sejrin noffrulek;

agħmel li aħna wkoll inkunu offerta

li tibqa’ għal dejjem quddiemek.

Bi Kristu Sidna. Amen.

 

ANTIFONA TAT-TQARBIN

Ngħidilkom is-sewwa: jaqblilkom li jiena mmur;

għaliex, jekk ma mmurx,

id-Difensur ma jiġix għandkom,

jgħid il-Mulej, hallelujah.

Ġw 16:7

 

TALBA WARA T-TQARBIN

Nitolbuk, Mulej, biex il-misteri qaddisa li rċevejna

jagħtuna l-għerf tal-ħwejjeġ tas-Sema,

u jġedduna bis-sehem li nieħdu fihom,

ħalli jkun jistħoqqilna niksbu d-doni tal-Ispirtu Qaddis tiegħek.

Bi Kristu Sidna. Amen.


 

IL-ĠIMGĦA

 

ANTIFONA TAD-DĦUL

Kristu ħabbna,

u ħallna minn dnubietna bis-saħħa ta’ demmu,

u għamilna Saltna, Qassisin għal Alla tiegħu Missieru, hallelujah.

Apok 1:5-6

 

KOLLETTA

Alla, inti ftaħtilna l-bieb tal-ħajja ta’ dejjem

bid-dija tal-glorja li tajt lil Kristu Ibnek

u bid-dawl tal-Ispirtu s-Santu li sawwabt fuqna;

agħtina li, bis-saħħa ta’ don hekk kbir,

aħna nitwettqu fir-rabta tagħna miegħek.

B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna,

li miegħek jgħix u jsaltan

flimkien mal-Ispirtu s-Santu, Alla,

għal dejjem ta’ dejjem. Amen.

 

TALBA FUQ L-OFFERTI

Fil-ħniena tiegħek, Mulej,

ilqa’ l-offerti tal-poplu tiegħek,

agħmel li l-Ispirtu s-Santu, bil-miġja tiegħu,

isaffi l-fehmiet tagħna

biex l-offerta li qegħdin nagħmlulek tkun togħġbok.

Bi Kristu Sidna. Amen.

 

ANTIFONA TAT-TQARBIN

Meta jiġi l-Ispirtu tal-verità,

iwassalkom għall-verità kollha,

jgħid il-Mulej, hallelujah.

Ġw 16:13

 

TALBA WARA T-TQARBIN

O Alla,

inti tnaddafna u titmagħna bis-sagramenti tiegħek,

agħtina li dan l-ikel qaddis li ħadna

jwassalna għall-ħajja ta’ dejjem.

Bi Kristu Sidna. Amen.


 

IS-SIBT

 

Quddiesa ta’ filgħodu

 

ANTIFONA TAD-DĦUL

Id-dixxipli kollha qalb waħda kienu jitolbu

flimkien ma’ xi nisa u ma’ Marija, omm Ġesù, u ma’ ħutu, hallelujah.

Atti 1:14

 

KOLLETTA

Agħtina, o Alla li tista’ kollox,

li, bil-grazzja tiegħek, matul ħajjitna,

inġibu ruħna kif jixraq lill-festi tal-Għid.

B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna,

li miegħek jgħix u jsaltan

flimkien mal-Ispirtu s-Santu, Alla,

għal dejjem ta’ dejjem. Amen.

 

TALBA FUQ L-OFFERTI

Nitolbuk, Mulej,

biex l-Ispirtu s-Santu, fil-miġja tiegħu,

iħejjina għas-sagramenti tiegħek

għax hu l-maħfra tad-dnubiet kollha.

Bi Kristu Sidna. Amen.

 

ANTIFONA TAT-TQARBIN

L-Ispirtu s-Santu jagħtini glorja, għaliex hu jieħu minn dak li hu tiegħi

u jħabbru lilkom, jgħid il-Mulej, hallelujah.

Ġw 16:14

 

TALBA WARA T-TQARBIN

Fil-ħniena tiegħek, Mulej, agħti widen għat-talb tagħna,

biex, kif aħna għaddejna mir-riti tal-Patt il-Qadim

għas-sagramenti tal-Patt il-Ġdid,

hekk ukoll inwarrbu l-ħajja qadima tagħna

u niġġeddu bit-tqaddis ta’ ruħna.

Bi Kristu Sidna. Amen.


 

SOLENNITÀ TA’ GĦID IL-ĦAMSIN

 

Quddiesa tal-Vġili

 

ANTIFONA TAD-DĦUL

L-imħabba ta’ Alla ssawbet fina, bis-saħħa tal-Ispirtu tiegħu

li jgħammar fina, hallelujah.

Rum 5:5; 8:11

 

KOLLETTA

O Alla ta’ dejjem li tista’ kollox,

inti tridna niċċelebraw il-misteru kollu tal-Għid bħala festa waħda kbira

matul iż-żmien qaddis ta’ ħamsin jum;

agħmel li l-ġnus imxerrda,

kull wieħed bi lsien għalih,

bil-grazzja tiegħek ikunu ġemgħa bejniethom

fl-istqarrija waħda ta’ Ismek.

B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna,

li miegħek jgħix u jsaltan

flimkien mal-Ispirtu s-Santu, Alla,

għal dejjem ta’ dejjem. Amen.

 

jew:

 

O Alla li tista’ kollox,

agħtina li tiddi fuqna d-dija tas-sebħ tiegħek,

u li l-Ispirtu s-Santu jimla bil-qawwa tad-dawl tiegħek

lil dawk li twieldu mill-ġdid bil-Magħmudija,

u jwettaqhom fil-grazzja li tajthom.

B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna,

li miegħek jgħix u jsaltan

flimkien mal-Ispirtu s-Santu, Alla,

għal dejjem ta’ dejjem. Amen.

 

TALBA FUQ L-OFFERTI

Xerred, Mulej, il-barka tal-Ispirtu tiegħek

fuq l-offerti li ġibna quddiemek,

u għin lill-Knisja tiegħek

biex turi f’dawl qawwi lid-dinja kollha

l-verità tal-misteru tas-salvazzjoni.

Bi Kristu Sidna. Amen.

 

PREFAZJU TA’ GĦID IL-ĦAMSIN

V/. Il-Mulej magħkom.

R/. U miegħek ukoll.

 

V/. Nerfgħu qlubna ’l fuq.

R/. Nerfgħuhom lejn il-Mulej.

 

V/. Niżżu ħajr lill-Mulej Alla tagħna.

R/. Hekk sewwa u xieraq.

 

Sewwa u xieraq tassew, Mulej, Missier qaddis,

Alla ta’ dejjem li tista’ kollox,

tajjeb u ta’ ġid għas-salvazzjoni tagħna

li dejjem u kullimkien irroddulek ħajr.

 

Għax int, biex ittemm il-misteru tal-Għid,

illum għoġbok tagħti l-Ispirtu s-Santu

lil dawk li għamilthom ulied adottivi tiegħek

u seħibthom ma’ Ibnek il-waħdieni;

u l-Ispirtu s-Santu, fil-bidu tal-Knisja,

ta lill-ġnus kollha biex jagħrfu lil Alla,

u għaqqad f’xirka waħda l-ħafna ilsna

fl-istqarrija ta’ fidi waħda.

 

Għalhekk, f’dan il-ferħ tal-Għid,

imxerred ma’ kullimkien fid-dinja,

il-bnedmin kollha jimtlew bl-hena.

U l-Qawwiet tas-sema mas-Setgħat tal-Anġli

jinsġulek innu ta’ glorja,

u bla heda jtennulek:

 

Qaddis, Qaddis, Qaddis,

Mulej, Alla tal-eżerċti.

Is-smewwiet u l-art mimlija bil-glorja tiegħek.

Hosanna fl-għoli tas-smewwiet.

Imbierek min ġej f’isem il-Mulej.

Hosanna fl-għoli tas-smewwiet.

 

ANTIFONA TAT-TQARBIN

Fl-aħħar jum tal-festa, il-jum l-aktar solenni, Ġesù qam jgħid b’leħen għoli:

Min jieħdu l-għatx, jiġi għandi u jixrob.

Ġw 7:37

 

TALBA WARA T-TQARBIN

Agħmel, Mulej,

li t-tqarbina li għamilna tiswielna ta’ ġid,

billi tħeġġiġna dejjem iżjed b’dak l-Ispirtu

li int, b’mod tal-għaġeb, sawwabt fuq l-Appostli tiegħek.

Bi Kristu Sidna. Amen.


 

 


 

GĦID IL-ĦAMSIN

 

Quddiesa tal-Jum

 

ANTIFONA TAD-DĦUL

L-Ispirtu ta’ Alla jimla d-dinja,

u hu, li jħaddan kollox,

jagħraf kull leħen, hallelujah.

Għerf 1:7

 

jew:

 

L-imħabba ta’ Alla ssawbet fina,

bis-saħħa tal-Ispirtu tiegħu

li jgħammar fina, hallelujah.

Rum 5:5; 8:11

 

KOLLETTA

O Alla, bil-misteru tal-festa tal-lum

inti tqaddes il-Knisja kollha tiegħek, f’kull ġens u poplu;

sawwab id-doni tal-Ispirtu s-Santu

fuq id-dinja kollha, minn tarf għall-ieħor,

u agħmel li issa wkoll iseħħ,

fil-qalb ta’ kull min jemmen,

dak kollu li seħħ bil-grazzja tiegħek

sa mill-bidu tax-xandir tal-Bxara t-Tajba.

B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna,

li miegħek jgħix u jsaltan

flimkien mal-Ispirtu s-Santu, Alla,

għal dejjem ta’ dejjem. Amen.

 

TALBA FUQ L-OFFERTI

Agħtina, Mulej, li, kif wegħidna Ibnek,

l-Ispirtu s-Santu jurina dejjem aħjar

il-misteru tas-sagrifiċċju li sejrin noffrulek

u, fil-ħniena tiegħek, jgħarrafna l-verità kollha.

Bi Kristu Sidna. Amen.

 

ANTIFONA TAT-TQARBIN

Imtlew ilkoll bl-Ispirtu s-Santu

u bdew ixandru l-għeġubijiet ta’ Alla, hallelujah.

Atti 2:4,11

 

TALBA WARA T-TQARBIN

O Alla, inti xxerred id-doni tas-sema

fuq il-Knisja kollha tiegħek;

ħares fiha l-grazzja li tajtha,

biex jibqa’ dejjem jissaħħaħ fiha d-don

tal-Ispirtu s-Santu li sawwabt fuqha,

u jkattrilha l-frott tal-fidwa ta’ dejjem

l-ikel spiritwali li bih tgħajjixha.

Bi Kristu Sidna. Amen.


 

IL-ĠIMGĦA

 

Jekk Lapsi jsir il-Ħadd tingħad din il-Quddiesa.

 

ANTIFONA TAD-DĦUL

Mulej, int b’demmek fdejtna minn kull tribù u lsien,

minn kull poplu u ġens,

u għamiltna għal Alla tagħna Saltna u Qassisin, hallelujah.

Apok 5:9-10

 

KOLLETTA

Ilqa’ t-talb tagħna, Mulej,

biex dak li ġie mwiegħed lilna bil-qdusija li tana l-Verb tiegħek,

iseħħ kullimkien bil-qawwa tal-Evanġelju,

u aħna niksbu l-milja tal-adozzjoni mħabbra lilna

minn min ta xhieda għall-verità.

B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna,

li miegħek jgħix u jsaltan

flimkien mal-Ispirtu s-Santu, Alla,

għal dejjem ta’ dejjem. Amen.

 

TALBA FUQ L-OFFERTI

Ħenn, Mulej, għall-familja tiegħek

u ilqa’ l-offerta li qiegħda tagħmillek;

agħtiha l-għajnuna u l-ħarsien tiegħek,

biex ma titlifx il-grazzji li qalgħet

u tasal għall-hena ta’ dejjem fis-Sema.

Bi Kristu Sidna. Amen.

 

ANTIFONA TAT-TQARBIN

Ġesù Sidna kien mogħti għall-mewt għal dnubietna,

u mqajjem għall-ġustifikazzjoni tagħna.

Hallelujah.

Rum 4:25

 

TALBA WARA T-TQARBIN

Xerred dejjem, Mulej, il-ħniena tiegħek

fuq dawk li inti salvajt,

u żommhom taħt il-ħarsien tiegħek,

biex dawk kollha li nfdew bil-Passjoni ta’ Ibnek

jibqgħu jġarrbu l-ferħ tal-qawmien tiegħu.

Hu li jgħix u jsaltan għal dejjem ta’ dejjem. Amen.


 

IS-SIBT

 

Jekk Lapsi jsir il-Ħadd tingħad din il-quddiesa.

 

ANTIFONA TAD-DĦUL

Poplu li Alla kiseb,

xandru l-glorja ta’ dak li sejħilkom

mid-dlam għad-dawl tiegħu tal-għaġeb, hallelujah.

1 Piet 2:9

 

KOLLETTA

Dawwal, Mulej, il-fehma tagħna

biex nagħmlu dejjem għemil ta’ ġid,

ħalli nħabirku bla heda għal dak li hu l-aħjar

u hekk naslu biex nissieħbu għal dejjem fil-misteru tal-Għid.

B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna,

li miegħek jgħix u jsaltan

flimkien mal-Ispirtu s-Santu, Alla,

għal dejjem ta’ dejjem. Amen.

 

TALBA FUQ L-OFFERTI

Fit-tjieba tiegħek, Mulej,

qaddes dawn id-doni,

u ilqa’ s-sagrifiċċju li sejrin noffrulek;

agħmel li aħna wkoll inkunu offerta

li tibqa’ għal dejjem quddiemek.

Bi Kristu Sidna. Amen.

 

ANTIFONA TAT-TQARBIN

Missier, irrid li dawk li tajtni jkunu huma wkoll miegħi fejn inkun jien,

biex jaraw il-glorja tiegħi, il-glorja li tajtni int, hallelujah.

Ġw 14:27

 

TALBA WARA T-TQARBIN

Ħadna, Mulej, id-don tas-sagrament imqaddes;

bl-umiltà kollha nitolbuk biex dan is-sagrifiċċju,

li Ibnek ordnalna nagħmluh b’tifkira tiegħu,

ikun jiswielna biex nikbru fl-imħabba.

Bi Kristu Sidna. Amen.