QADDISIN GĦAL MEJJU

 

1 TA’ MEJJU

 

SAN ĠUŻEPP ĦADDIEM

 

Ir-relazzjoni speċjali ta’ San Ġużepp mal-ħaddiema mhix xi ħaġa  ġdida.  Kienet ilha tinstama’ fid-dokumenti uffiċjali tal-Knisja.

 

Fl-1899, il-Papa Ljun XIII, kien talab lill-ħaddiema jżommu ’l San Ġużepp bħala protettur u l-Mudell tagħhom.  Hu xtaqhom ifitxu li jtejbu mhux biss l-affarijiet materjali iżda wkoll dawk spiritwali.  Fl-1891, l-istess Papa kiteb il-famuża Enċiklika ”Rerum Novarum”, li fiha ddefenda bil-qawwa d-dinjita’, in-nobbilta’ u d-drittijiet tal-ħaddiem.  Fi żmienu, is-soċjeta’ kienet maqsuma bl-ikraħ fi tnejn: il-klassi ta’ l-għonja li għalkemm żgħira fin-numru kienet kbira fil-privileġġi u qawwija fis-setgħa; u l-klassi tal-ħaddiema, li kienet tassew kbira fil-għadd, iżda bla qawwa, magħkusa u maħqura.  Il-Papa wera kif il-ħaddiema seta’ jkollhom id-drittijiet tagħhom, bla ma l-oħrajn jitilfu drittijiethom.

 

Il-Papa Benedittu XV, kien poġġa quddiem il-ħaddiema ‘l San Ġużepp biex ikun għalihom ta’ gwida, ta’ eżempju, u biex jonorawh bħala l-Patrun tagħhom fis-sema.

 

Il-Papa Piju XI, fil-”Quadragesimo Anno”, fisser kif il-problemi soċjali m’għandhomx jiġu maħlula b’ideoloġija li tbiegħed minn Alla, iżda b’mod ibbażat fuq il-prinċipji nsara.  L-ordni ekonomika u l-ordni soċjali m’għandhomx jiġu mifruda mill-ordni morali, u għalhekk il-Knisja għanda mhux biss id-dritt imma wkoll id-dmir li titkellem.  Niftakru li fi żmien dan il-Papa, ilKomuniżmu Ateu kien daħal sew fl-Ewropa.  Għalhekk il-Papa għażel lill-Ħaddiem ta’ Nażżaret, il-Mastrudaxxa Ġużeppi, bħala l-patrun tal-ħaddiema.

 

Imbagħad, il-Papa Piju XII, fl-ewwel ta’ Mejju 1955, f’udjenza pubblika fil-pjazza tal-Vatikan, li kienet fgata bil-ħaddiema, fosthom ta’ l-Assoċjazzjoni Kattolika tal-Ħaddiema Taljani, iddikjara l-1 ta’ Mejju bħala l-festa ta’ San Ġużepp Ħaddiem, biex isaħħaħ ir-relazzjoni li kienet teżisti bejn San Ġużepp u l-ħaddiema, u biex juri wkoll l-interess kbir li l-Knisja tieħu fil-ħaddiema tad-dinja kollha, u li fiha għandhom isibu Ragħaj, Difensur u Missier.  Il-ħaddiema laqgħu dan b’ferħ, b’entużjażmu u b’ċapċip kbir.

 

San Ġużepp ġie magħżul biex ikun il-Patrun tal-Ħaddiema, mhux biss għaxz kien jaqla’ l-ħobża ta’ kuljum bix-xogħol ta’ idejh u bl-għaraq ta’ xbinu, iżda wkoll għax fl-istess waqt kellu jieħu ħsieb, u jmantni lil Ġesừ u l-Madonna.  Il-ħaddiem ghandu jimita lil San Ġużepp, mhux biss li jaħdem bl-onesta’, iżda wkoll li jrabbi l-familja tiegħu skond il-qalb t’Alla, u jieħu x-xogħol bħala mezz ta’ salvazzjoni.

 

Ħsieb

Agħmel mill-aħjar biex iġġib ruħek quddiem Alla, bħala bniedem li għadda mill-prova, bħala ħaddiem li m’għandux mniex jistħi, li jxandar bir-reqqa l-kelma tal-verita’.

 

 

 

 

 

 

 

2 TA’ MEJJU

 

SAN ATANASJU

Isqof u Duttur tal-Knisja: 295 – 373

 

San Atanasju twieled f’Lixandra, l-Eġittu, minn familja Nisranija, fis-sena 295.

 

Għal xi żmien kien dixxiplu ta’ San Anton Abbati, li wara kiteb il-ħajja tiegħu.

 

L-Isqof San Alessandru, Patrijarka ta’ Lixandra ordnah Djaknu fis-sena 318, u għażlu biex ikun segretarju tiegħu.

 

Fis-sena 323, Arju, qassis Lixandrin, beda jgħallem lil Ġesù ma kienx Alla, iżda biss raġel tajjeb mogħni b’bosta qawwiet.

 

Fis-sena 325, Atanasju flimkien mja l-Isqof tiegħu, attenda l-Konċilju ta’ Niċea, f’Bitinja (illum fit-Turkija), fejn l-ereżija ta’ Arju ġiet ikkundannata, u ġie addottat il-Kredu Niċean bħala l-istqarrija tal-Fidi tal-Kattoliċi kollha.

 

Meta l-isqof Alessandru miet, fis-7 ta’ April 328, Atanasju ġie maħtur floku, meta kellu biss 33 sena, fis-7 ta’ Ġunju 328.

 

L-Imperatur Kostantino, li l-qorti tiegħu kienet influwenzata sew mill-Arjani, sejjaħ Konċilju fil-belt ta’ tiru, u għalkemm ta’ raġun lil Atanasju, eżiljah fil-belt ta’ Treviri, fil-Gallja (Franza ta’ Fuq), fis-sena 336.  Atanasju baqa’ hemm sal-mewt ta’ Kostantino, fis-sena 337.

 

San Atanasju kien eżiljat ħames darbiet li b’kollox laħqu sbatax-il sena,  (336-337),

(339-346), (356-362), (362-363), (365).  L-aħħar eżilju kien mill-Imperatur Valent, li għall-ewwel wera ruħu favur l-Arjani.  Imma wara erba’ xhur sejjaħlu lura f’Lixandra, fejn San Atanasju baqa’ sakemm miet, ta’ 72 sena, fit-2 ta’ Mejju 373, wara li kien ilu Patrijarka ta’ Lixandra għal 46 sena.

 

Għall-kitba u t-tagħlim tiegħu kontra l-Arjani u fuq it-Trinita’ Mqaddsa huwa magħruf bħala wieħed mid-Dutturi kbar tal-Knisja.

 

Ħsieb

Tqabadt it-taqbida t-tajba, temmejt il-ġirja, ħarist il-fidi.  Mill-qbija hemm merfugħa għalija l-kuruna tal-ġustizzja, li biha f’dak il-jum iħallasni l-Mulej, l-imħallef ġust, u mhux lili biss, imma wkoll lil dawk kollha li jkunu għexu fl-imħabba tad-Dehra tiegħu.

(2 Tim. 4-7).

 

 

 

 

 

 

 

 

 

3 TA’ MEJJU

 

SAN FILIPPU U SAN ĠAKBU

Appostli: L-ewwel Seklu

 

Qabel ma ġie msejjaħ minn Ġesù, San Filippu, raġel miżżewweġ minn Betsajda, aktarx li kien dixxiplu ta’ San Ġwann il-Battista.

 

Ismu nsibuh f’postijiet differenti fil-Vanġelu, fosthom:

1. Meta Ġesù qallu: “Ejja miegħi”, imbagħad Filippu mar sab lil Natanael u qallu: “Sibna lil dak li fuqu kitbu Mose’ u l-profeti” (Ġn. 1:43-51). 

2. Meta Ġesù qallu: “Mnejn nixtru l-ħobż biex dawn ikollhom x’jieklu?”  U kull wieħed minnhom jieħu xi ftit”. (Ġn. 6:1-14).

3.    Meta xi Griegi marru għandu, u talbuh: „Sinjur, nixtiequ naraw lil Ġesù”.  Filippu mar jgħid lil Indri’, u mbagħad marru flimkien jgħidu lil Ġesù. (Ġn. 12:20).

4.     Wara l-ahhar ikla, meta Filippu qal lil ġESù: “Mulej, urina l-Missier, u jkun biżżejjed għalina”. (Ġn. 14:8).

 

Bla dubju, hu kien preżenti ma’ l-Appostli l-oħra f’Ġerusalemm, fil-kamra ta’ fuq, meta niżel fuqhom l-Ispirtu s-Santu,

 

Wara t-tlugħ ta’ Ġesù fis-sema, San Filippu ma jippriedka l-Vanġelu fil-Friġja, fl-Asja Minuri (it-Turkija), fejn sofra l-martirju minn idejn is-suldati ta’ Domizjanu.

 

San Ġakbu, magħruf bħala l-żgħar, kien ħu San Ġuda Taddew, u x’aktarx li kien kuġin ta’ Ġesù min-naħa tal-Madonna.

 

Hu wkoll ġie msejjaħ minn Ġesù biex ikun wieħed mit-tnax l-appostli, u kien magħhom meta l-Ispirtu s-Santu niżel fuqhom.

 

Hu sar l-ewwel Isqof ta’ Ġerusalemm, u ħa parti fil-Konċilju ta’ Ġerusalemm, meta flimkien ma San Pawl sostna li Ġentili ma kellhomx bżonn jagħmlu ċ-ċirkonċiżjoni meta jsiru Nsara.

 

F’madwar is-sena 49, kiteb l-ittra tiegħu, li fiha saħaq li għas-salvazzjoni huwa neċċessarju li l-fidi tkun imsieħba ma’ l-għemejjel tajba.

 

Sofra l-martirju billi ġie mħaġġar għall-mewt f’Ġerusalemm fis-sena 62.

 

Ħsieb

Bħalma ġisem bla ruħ hu mejjet, hekk ukoll il-fidi bla għamil hi mejta.    (Ġak. 2:26).

 

 

 

 

 

 

 

 

 

9 TA’ MEJJU

 

SAN ĠORĠ PRECA

Saċerdot Malti: 1880 – 1962

Fundatur tas-Soċjeta’ tad-Duttrina Nisranija: 1880 – 1962

 

Dun Ġorġ twieled fil-Belt Valletta, nhar it-12 ta' Frar 1880. Irċieva trobbija nisranija mingħand il-ġenituri tiegħu. L-istudji tiegħu għamilhom fil-Liċeo u fis-Seminarju. Kien ta' saħħa fraġli, tant li meta kien djaknu marad serjament u t-tabib tiegħu ma kellu ebda fiduċja li jfiq.

 

Iżda bl-interċessjoni ta' San Ġużepp, fieq u ordna saċerdot fit-22 ta' Diċembru 1906. Sa minn qabel ma sar qassis, Dun Ġorġ intebaħ li l-poplu ta' Alla kien jinħtieġ min jgħallmu. Beda jikteb regola bil-Latin bil-ħsieb li jibgħata lill-Papa San Piju X biex iwaqqaf soċjeta’ ta' djakni permanenti ħalli jgħinu lill-isqfijiet fil-formazzjoni nisranija bit-tagħlim.

 

Dan il-ħsieb kellu jseħħ xorta oħra. Dun Ġorġ beda jifforma hu stess grupp ta' żagħżagħ biex ikunu kapaċi jgħallmu lill-oħrajn. Xeħet attenzjoni speċjali fuq daqxejn ta' żagħżugħ jaħdem it-Tarzna, is-Serv t'Alla Ewġenju 'Ġeġè Borg', u kien jieħdu għalih waħdu biex jgħallmu u jfissirlu l-ħajja ta' Ġesù Kristu skond l-Evanġelju ta' San Ġwann. Ġeġè kellu jkun l-ewwel Superjur Generali tas-Soċjeta ta' Dun Ġorġ.

 

Is-Soċjeta’ rat il-bidu tagħha fl-ewwel xhur ta' l-1907, fil-Ħamrun, f'post fqir minn kollox iżda għani fl-imħabba ta' l-aħwa u t-tagħlim. Is-Socjeta’ tad-Duttrina Nisranija hi magħrufa l-aktar bil-motto tagħha, M.U.S.E.U.M. -- Magister Utinam Sequator Evangelium Universus Mundus: Mgħallem, mhux li kien li d-dinja kollha timxi wara l-Evanġelju! Mhux kullħadd fehem mill-ewwel x'ried jgħamel Dun Ġorġ. Kien hemm min fehemu ħażin. Il-Bibbja u t-teoloġija f'idejn lajċi ħaddiema kienet ħaġa ġdida. U kienet wisq aktar ġdida li dawn il-lajċi joħorġu fit-toroq u l-pjazez ixandru l-Kelma ta' Alla lil kulħadd. Wara 25 sena l-Isqof ta' Malta approva r-Regola u s-Soċjeta’ ta Dun Ġorġ.

 

Id-Djar għat-tagħlim nisrani bdew jiftħu waħda wara l-oħra fil-parroċċi. Inħass il-bżonn kbir ta' l-edukazzjoni reliġjuża tal-poplu għax il-ħajja nisranija tal-kotra kienet mibnija fuq is-sagramenti u s-devozzjonijiet bla ma kien hemm għeruq sodi fit-tagħlim tal-Knisja. It-tfal bdew jiġu kuljum fid-Djar ta' Dun Ġorġ għax hemm sabu nies dedikati li jgħinuhom jikbru, mhux biss fil-ħinijiet tat-tagħlim iżda wkoll waqt il-logħob.

 

Sa mill-bidu nett, Dun Ġorġ obbliga lill-katekisti ċelibi tal-Għaqda tiegħu li kuljum, wara li jkunu temmew jgħallmu liż-żgħar u lill-kbar, jiltaqgħu flimkien għal siegħa ta' formazzjoni.

 

Ma qagħadx lura milli jgħallem bil-kitba. Minkejja l-kwistjoni li kien hawn f'Malta bejn it-Taljan u l-Ingliż, Dun Ġorġ għallem u kiteb bil-Malti, il-lingwa tal-poplu, biex żgur kulħadd jifhem. Il-Publikazzjonijiet tiegħu, bejn kotba u fuljetti, ilaħħqu mal-150.

 

It-talb tiegħu, li minnu waslilna ħafna u fuq bosta suġġetti, jikxef li Dun Ġorġ kien ruħ mistika medhija tfittex lil Alla biss. Mhux ta' b'xejn li kien konfessur imfittex ħafna għall-pariri, u jidher li Alla saħansitra nqeda bih biex ta' l-fejqan lil xi wħud.

 

Il-kariżma tiegħu li jgħallem għadha ħajja u l-vokazzjonijiet fis-Soċjeta’ tiegħu dejjem jiżdiedu. Fi żmienu, Dun Ġorġ innifsu baghat sitt membri biex jevanġelizzaw fl-Awstralja. Bħalissa s-Soċjeta’ tal-M.U.S.E.U.M. għandha wkoll Djar tat-tagħlim u Skejjel fis-Sudan, fil-Kenja, fil-Peru, f'Londra u fl-Albanija.

 

Dun Ġorġ miet f'Santa Venera, fejn qatta l-aħħar xhur ta' ħajtu, fis-26 ta' Lulju 1962. Il-fdal tiegħu jinsab midfun fil-kripta tad-Dar Ġenerali tas-Soċjeta’ fil-Blata l-Bajda.

 

Il-Kawża ta’ Beatifikazzjoni tiegħu ġiet mibdija fl-1975. Dun Ġorġ kien iddikjarat Beatu fid-9 ta' Mejju 2001 mill-Papa Ġwanni Pawlu II waqt quddiesa ta Beatifikazzjoni fuq il-Fosos tal-Furjana, Malta. Huwa kien ikkanonizzat mill-Papa Benedittu XVI nhar il-Ħadd 3 ta' Ġunju 2007 waqt quddiesa ta' Kanonizzazzjoni ġewwa il-Vatican. Nitolbu lil Alla bl-interċessjoni ta’ San Ġorġ Preca.

 

Talba

Mulej Ġesù, nitolbuk sabiex it-tagħlim u l-eżempju li tana San Ġorġ Preca jkunu ta’ salvazzjoni għal ruħna.  J’Alla l-vokazzjonijiet fis-Soċjeta’ tal-MUSEUM jibqgħu jiżdiedu.

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

12 TA’ MEJJU

 

SAN NEREW U SAN AKILLE

Martri: L-ewwel Seklu

 

 

 

Skond il-Papa San Damasu, San Nerew u San Akille kienu suldati fl-Armata rumana fi żmien l-Imperatur Djoklezjanu.  It-tnejn saru Nsara u telqu mill-Armata.  Minħabba f’hekk ġew eżiljati fil-gżira ta’ Terraċina, fejn sofrew il-martirju ta’ qtugħ ir-ras.

 

Fis-sena 390, il-Papa San Siriċju bena knisja fuq il-qabar tagħhom fi Triq Ardeatina, f’Ruma, fil-post fejn illum jissejjaħ iċ-Ċimiterju ta’ Domitilla.

 

Talba

Mulej Ġesù, int tixxotta d-dmugħ minn għajnejn il-qaddisin tiegħek.  Lilna wkoll li tant nixtiequ nkun magħduda mal-qaddisin tiegħek, agħtina l-grazzja li ningħaqdu miegħek fis-saltna tiegħek ta’ dejjem.

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

12 TA’ MEJJU

 

SAN PANKRAZJU

Martri: ? – 304

 

 

 

Skond tradizzjoni  antika Rumana, San Pankrazju twieled fi Friġja (Asja Minuri), u fi tfulitu tilef il-ġenituri tiegħu.

 

Zijuh ġabu miegħu ruma, u hemm sar Nisrani, u fil-persekuzzjoni ta’ Djoklezjanu, meta kien għad għandu biss erbatax-il sena sofra l-martirju ta’ qtugħ ir-ras fis-sena 304.

 

Ġismu ġie midfun fiċ-ċimiterju ta’ Calepodius, fi Triq Awrelja.

 

Fis-sena 508, il-Papa San Simmaku bena knisja fuq il-qabar tiegħu.

 

Talba

Insellmulek, martri u vittma,

F’dan il-jum tal-festa tiegħek

Li fih ħadt, bi ħlas ta’ demmek

Il-kuruna tar-rebbieħa. 

(Mill-Innu tal-Martri)

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

13 TA' MEJJU

 

IL-MADONNA TA' FATIMA

 

Fit-13 ta’ Mejju 1917, fir-raħal ċkejken ta’ Fatima, qrib Lisbona Portugall, tlitt itfal kienu jirgħu in-ngħaġ fil-Cova da Iria. Dawn kienu Luċija ta’ ħdax-il sena, Franġisku u l-kuġin tagħha, ta’ disa’ snin, u Ġaċinta, oħtu, ta’ sebgħa. Luċija kienet imħassba dwar ħuha li kien suldat mibgħut għall-gwerra.

 

F’nofsinhar, hekk kif it-tfal temmew ir-Rużarju li kienu jgħidu ta’ kuljum, raw il-leħħa tal-beraq fis-sema u semgħu ir-ragħad ikarwat. Dan beżżagħhom ħafna għax l-ajru kien tasew bnazzi! Huma ħaffu jniżżlu n-ngħaġ minn fuq il-gholja u saquhom lejn post għall-kenn.

 

Imbagħad, waqt li kienu jħarsu mistagħġba, lemħu sinjura sabiħa wieqfa fuq sħaba li kienet imwieżna fuq balluta tal-liċi. F’idha kellha kuruna tar-Rużarju u l-libsa bajda tagħha kienet tlellex b’dawl tas-sema. Luċija staqsiet lis-Sinjura mnejn kienet ġiet.  “Mis-sema,” weġbitha s-Sinjura.

 

Is-Sinjura talbet lit-tfal biex darba fix-xahar, għal sitt xhur wara xulxin, imorru f’dak l-istess post. Fuq mistoqsija ta’ Luċija s-Sinjura li hi u Ġaċinta kellhom imorru l-ġenna, u Franġisku wkoll, imma hu kien jeħtieġlu jgħid iżjed Rużarju.

 

Biex taqra l-ġrajja kollha tad-dehriet tal-Madonna.

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

14 TA’ MEJJU

 

SAN MATTIJA

Appostlu: L-ewwel Seklu

 

Mill-Att ta’ l-Appostli nafu li San Mattija kien ma’ Ġesù mill-magħmudija Tiegħu fix-xmara Ġordan, sat-tlugħ Tiegħu fis-sema.  (Atti 1:21-22).

 

Ġesù stess għażel lil San Mattija biex ikun wieħed mit-72 dixxiplu li bagħathom jgħallmu.

 

Żmien qasir wara li Ġesù tela’ s-sema, San Pietru ppropona lill-mija u għoxrin ruħ li kienu miġbura fiċ-ċenaklu biex jagħżlu wieħed minnhom sabiex jieħu l-post ta’ Ġuda l-Iskarjota, biex isseħħ l-Iskrittura: “Ħalli xogħlu jieħdu ħaddieħor”. (Atti 1:20)

 

Għalhekk ġew magħżula żewġ dixxipli, Ġużeppi msejjaħ Barsaba, u Mattija.  Waraq li kulħadd talab ‘l Alla, tellgħu ix-xorti bejn it-tnejn, u tela’ Mattija. (Atti 1:23)  Mattija jfisser “għotja (rigal) ta’ Alla”.

 

Bħala appostlu, Mattija, wara li ppriedka ‘l Ġesù u t-tagħlim tiegħu fil-Ġudea, mar il-Kappadoċja u baqa’ sejjer fl-inħawi bejn il-Baħar Kaspju u l-Baħar l-Iswed.

 

Tradizzjoni tgħid li San Mattija sofra l-martirju billi ġie msallab f’Kolċis, belt li qiegħda fuq xatt il-Baħar l-Iswed.

 

Ħsieb

Qis li inti nnifsek tkun f’kollox mera ta’ bniedem li jagħmel it-tajjeb; bniedem ta’ duttrina safja, ta’ serjeta’; li għandu kelma sħiha li ħadd ma jsib xi jgħid fiha, sabiex kull min jeħodha kontra tagħna jibqa’ mħawwad, billi ma jkollu xejn ħażin xi jgħid fuqna. (Tit. 2:7)

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

18 TA’ MEJJU

 

SAN ĠWANN I

Papa u Martri: ? – 526

 

San Ġwann twieled f’Toscana, l-Italja.  Kien għadu żagħżugħ meta sar qassis, f’Ruma.  Wara sar Arċidjaknu, u meta miet il-Papa San Ormiżda, laħaq Papa floku, f’Awissu 523.

 

F’dan iż-żmien, Ġustinu I li kien Imperatur Nisrani f’Kostantinopli kien b’ruħu u b’ġismu kontra l-Arjani; filwaqt li fl-Italja kien hemm ir-Re Teodoriku Nisrani wkoll iżda kien Arjan.

 

Fis-sena 523, Ġustinu I ordna li l-Arjani ma setax ikollhom impjieg maċ-ċivil u ma’ l-Armata, u biex iroddu lill-Kattoliċi l-knejjes kollha li kienu ħadulhom.

 

Min-naħa l-oħra, Teodoriku hedded li jibda persekuzzjoni kontra l-Kattoliċi jekk Ġustinu I ma jirtirax l-ordni li kien ta.  Qatagħha li qabel jirritalja, jibgħat il-Papa Ġwanni I, bħala ambaxxatur biex jipprova jipperswadi lill-Imperatur. 

 

Il-Papa mar għalkemm kontra qalbu.  Meta wasal Kostantinopli qabel il-milied tas-sena 525 ġie milqugħ bl-unuri kollha.  Dam hemm ħames xhur, u fl-Għid tas-sena 526 mar iqaddes f’Sofija, fejn fuq talba ta’ l-Imperatur stess, inkurunah mill-ġdid.

 

Ir-Re Teodoriku ħaseb li l-Papa kien qed jikkonfoffa kontrieh ma’ l-Imperatur, u meta l-Papa ġie f’Ravenna , li kienet il-Belt kapitali ta’ Teodoriku, tefgħu l-ħabs.

 

Fil-ħabs il-Papa kien tant immaltrattat li miet ftit ġranet wara, fit-18 ta’ Mejju 526,.  Il-ġisem tiegħu ħaduh Ruma, u llum jinsab midfun f’San Pietru.

 

Ħsieb

Tibżgħux minn dawk li joqtlu l-ġisem bla ma jistgħu joqtlu r-ruħ, imma aktar ibżgħu minn dak li jista jeqred kemm ir-ruħ kemm il-ġisem fl-infern.                     (Mt. 10:28)

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

20 TA’ MEJJU

 

SAN BERNARDINU TA’ SIENA

Saċerdot: 1380 – 1444

 

San Bernardinu twieled f’familja nobbli u sinjura fit-8 ta’ Settembru 1380, f’Massa Marittima f’dik li kienet ir-Repubblika ta’ Siena, l-Italja, fejn missieru kien Gvernatur.

 

Meta kellu tliet snin tilef ‘l ommu u ta’ sitt snin lill missieru, u rabbietu zitu li bagħtitu l-iskola u kellu edukazzjoni tajba.

 

Sar ġuvni ferrieħi u ħabrieki.  Ma  kienx jista’ għall-kliem ħażin u mġiba indiċenti.

 

Fl-1400, meta kellu 20 sena, faqqgħet l-epidemija tal-pesta fi Siena, u flimkien ma żgħażagħ oħra mar jgħin fl-isptar ta’ Santa Maria della Scala li kien ikun tant mimli bil-morda li ġie li mietu 20 ruħ f’ġurnata waħda.  Uħud minn sħabu mardu u mietu, iżda u ħelisha għalkemm marad għall-bosta xhur.

 

Fit-8 ta’ Settembru 1402, meta kellu 22 sena, daħal mal-Franġiskani, illum magħrufa bħala “Konventwali”, u fit-8 ta’ Settembru 1404 qaddes l-ewwel quddiesa solenni tiegħu.

 

Wara li qaddes, qala’ l-permess li jmur f’eremitaġġ fuq l-għolja ta’ Capriola biex jgħix flimkien ma’ dawk li ħaddnu r-riforma franġiskana ta’ l-Osservanti (illum Frati Minuri).  Dawk is-snin fis-skiet (1404-1417) swewlu ħafna għall-priedki li wara ntefa’ għalihom.  L-ewwel priedka tiegħu kienet ukoll fit-8 ta’ Settembru.

 

Il-Papa Martin V, fl-1427, ried jagħmlu Isqof ta’ Siena, iżda ma aċċettax it-talba li jsir Isqof ta’ Ferrara u wara ta’ Urbino li kien għamillu l-Papa Ewġenju IV.  Imbagħad fl-1438, aċċetta li jkun il-Vigarju Ġenerali ta’ l-Ordni, fejn dam sa l-1443 meta rriżenja biex ikun jista’ jkompli l-missjoni tiegħu li jippriedka.

 

San Bernardinu xerred id-devozzjoni lejn l-Isem Imqaddes ta’ Ġesù.  Kull meta kien jippriedka kien ipoġġi fejn jaraha kulħadd, tabella bi tliet ittri kbar miktubin fuqha,

I. H. S. Iesus Hominis Salvator, Ġesù Salvatur tal-Bniedem.  Dawn it-tliet ittri narawhom spiss użati fil-knejjes – fuq l-ostji, fuq pjaneti, fuq il-bizzilla tat-trieħi u fuq affarijiet oħra.

 

Miet fl-20 ta’ Mejju 1444 f’Aquila, meta kien fi triqtu biex imur jippriedka f’Napli.

 

Ġie kkanonizzat mill-Papa Nikola V, fl-24 ta’ Mejju 1450.

 

Ħsieb

Għalhekk Alla għollieh sas-smewwiet, u żejnu bl-isem li hu fuq kull isem, biex fl-isem ta’ Ġesù, fis-sema fl-art u f’qiegħ l-art, il-ħlejjaq kollha jinżlu għarkobbtejhom, u kull ilsien jistqarr: “Ġesù Kristu hu l-Mulej għall-glorja ta’ Alla l-Missier”.   (Fil. 2-9-11)

 

 

 

 

 

 

 

 

 

25 TA’ MEJJU

 

SAN BEDA L-VENERABBLI

Saċerdot u Duttur tal-Knisja: 673 – 735

 

San Beda twieled f’Wearmouth, l-Ingilterra, fis-sena 673.

 

Mindu kellu 7 snin ġie fdat f’idejn il-Benedittini fil-monasteru ta’ Wearmouth, fi żmien il-Fundatur ta’ l-istess monasteru, San Benedittu Biscop, u baqa’ hemm għal 55 sena, il-kumplament ta’ ħajtu.

 

Meta kellu dsatax-il sena ġie ordnat Djaknu, u ta’ 30 sar saċerdot, fis-sena 703.  Qatta’ ħajtu jitlob, jaqra, jikteb u jgħallem.  Tant kien bniedem ta’ ħajja tajba, li billi ma setgħux isejħulu “Qaddis”, bdew isejħulu “Venerabbli”, titolu li baqagħlu għal  dejjem.  Hu magħruf bħala Skular kbir ta’ kull żmien.

 

Opra kbira fost il-ħamsa u erbgħin ktieb li kiteb, jisimha “L-Istorja Ekkleżjastika tal-Poplu Ingliż”, miktuba bil-Latin.

 

Għalkemm San Beda kien imfittex ħafna għall-għerf u l-pariri tiegħu minn nies kbar, qatt ma ħareġ mill-monasteru ħlief darba għal ftit xhur, biex jgħallem fl-iskola ta’ l-Isqof ta’ York.

 

Miet fis-sena 735, waqt li kien qed jgħid it-talba favorita tiegħu: “Glorja lill-Missier u lill-Iben u lill-Ispirtu s-Santu.  Kif kien fil-bidu, hekk issa, u għal dejjem.

 

Fl-1899, il-Papa Ljun XIII, iddikjarah Qaddis u Duttur tal-Knisja.

 

Ħsieb

Il-mument tat-tluq tiegħi wasal, nixtieq nintemm u nkun ma’ Kristu; u l-ispirtu tiegħi jixtieq jara lis-Sultan tiegħi Kristu fil-ġmiel kollu tiegħu.

                                                                                (San Beda lill-patrijiet sħabu ftit qabel ma miet)

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

25 TA’ MEJJU

 

SAN GIRGOR VII

Papa: 1028 – 1085

 

San Girgor VII twieled fit-Toskana, l-Italja, fl-1028, u ġie mgħammed bl-isem ta’ Ildebrandu.

 

Studja f’Ruma mal-Patrijiet Benedittini, u sar patri magħhom.

 

Il-Papa Girgor VI għamlu segretarju tiegħu, u meta l-Papa ġie eżiljat fi Franza Ildebrandu mar miegħu.

 

Wara l-mewt, tal-Papa Girgor VI, fl-1047, Ildebrandu mar jgħix fil-monasteru ta’ Cluny, fejn dam madwar sentejn, sakemm il-Papa San Ljun IX (1049-1054) sejjaħlu Ruma biex jgħinu fl-amministrazzjoni.

 

Meta l-Papa San Ljun miet, ir-Rumani riedu lil Ildebrandu jsir Papa, iżda hu assolutament ma riedx, u ppropona lill Isqof Gebhard li sar Papa bl-isem ta’ Viktor II (1055-1057).  Warajh laħqu Stiefnu IX (1057-1058), Nikola II (1058-1061), u Alessandru II (1061-1073).

 

Meta miet il-Papa Alessandru II, Ildebrandu kellu jaċċetta li jsir Papa, u ħa l-isem ta’ Girgor VII (22 ta’ April 1073).

 

Kien il-bniedem tal-mument, u bħala Papa Hadem bla heda għall-Knisja, fuq kollox biex jeqred is-Simonija (Xiri jew bejgħ ta’ ħwejjeġ sagri), il-Klerogamija (li l-qassisin jiżżewġu), u l-Investitura (l-approvazzjoni ta’ l-Imperatur għal kull nomina importanti fil-Knisja).  Dawn ikkaġunawlu ħafna nkwiet u taħbit, speċjalment l-Investitura, iżda minkejja kull għawġ baqa’ sa l-aħħar ma qatax qalbu.

 

Meta l-Imperatur Neriku IV tal-Ġermanja ried ikompli jagħżel l-isqfijiet hu, il-Papa skomunikah fl-1076.  Iżda sena wara l-Imperatur nidem, u l-Papa neħħielu l-iskomunika. 

 

Fl-1084, l-Imperatur reġa’ riedha tgħaddi tiegħu, u wara li assedja Ruma għal tliet snin daħal fiha u ħatar lil Guibert, arċisqof skomunikat ta’ Ravenna, bħala papa, li sar l-antipapa Klement III.

 

Sadattant il-Papa, wara li kien raġa’ skomunika lill-Imperatur, kellu jħalli Ruma u jmur jirtira l-ewwel f’Monte Cassino u mbagħad f’Salerno fejn miet fil-25 ta’ Mejju 1085.

 

Dan il-qaddis sofra ħafna bħala Papa u deher imut tellief, iżda l-frott tal-ħidma fejjieda tiegħu nħasad wara mewtu.

 

Ħsieb

Jiena ħabbejt is-sewwa, u bgħadt il-ħażen.  Għalhekk immut eżiljat. (San Girgor VII)

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

25 TA’ MEJJU

 

SANTA MARIJA MADDALENA DE’ PAZZI

Verġni: 1566 – 1607

 

Katarina de’ Pazzi twieldet għand familja mill-aktar nobbli ta’ Firenze’, l-Italja, fl-1566.

 

Meta kellha għaxar snin għamlet l-Ewwel Tqarbina, u xahar wara għalkemm daqshekk żgħira wiegħdet li tibqa’ tħobb lil Ġesù għomorha kollu u ma tiżżewweġ lil ħadd.  Ta’ żbatax-il sena daħlet mal Karmelitani, fejn ħadet l-isem ta’ Marija Maddalena.

 

Wara li kienet iktar minn sena novizza, mardet serjament, u billi s-Superjuri tagħha ħasbu li kienet se tmut, ħallewha tagħmel il-professjoni tal-voti minn fuq is-sodda, fil-kappella, f’ċerimonja privata, fid-29 ta’ Mejju 1584.  Wara l-professjoni kellha estasi li dam madwar sagħtejn, u baqa’ jiġiha għal erbgħin jum kull filgħodu wara li tkun tqarbnet.  Fl-estasi kienet iġġarrab għaqda kbira ma’ Alla, u moħħha kien jiddawwal b’doni sopranaturali.

 

Fuq il-parir tal-konfessur bdiet tiddetta lil waħda mis-sorijiet l-esperjenzi li kienet iġġarrab fl-estasijiet li kien ikollha, u hekk inkitbu volumi sħaħ.

 

Minkejja l-ħafna estasijiet u konsolazzjonijiet spiritwali li kien ikolha hija dejjem kienet tagħmel ix-xogħol regolari tagħha u kienet taqdi dmirijietha b’mod l-iktar effiċjenti.  Għal sitt snin kienet Majjistra tan-Novizzi, u fl-aħħar tliet snin ta’ ħajjitha, li fihom sofriet uġigħat kbar, kienet is-Superjura tal-kunvent.

 

Mietet fil-25 ta’ Mejju 1607, fl-eta’ ta’ 41 sena.  Wara kważi 400 sena ġisimha għadu jinsab bla mittiefes fil-kappella tal-kunvent tas-sorijiet Karmelitani, f’Firenze.

 

Ħsieb

L-aħħar ħaġa li nitlobkom, u nitlobha f’isem il-Mulej Ġesù, hi, li tħobbu lilu biss, tafdaw fih għal kollox, u tinkoraġġixxu lil xulxin biex jekk ikun hemm bżonn, issofru wkoll għall-imħabba tiegħu.

                (Santa Marija Maddalena de’ Pazzi lis-sorijiet sħabha ftit qabel ma mietet)

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

26 TA’ MEJJU

 

SAN FILIPPU NERI

Saċerdot: 1515 – 1595

 

San Filippu twieled f’Firenze, l-Italja, fl-1515.  Meta kellu ħames snin tilef ‘l ommu, iżda hu u zewġ ħutu l-oħra ġew imrobbija f’għożża mit-tieni mara ta’ missierhom.

Sa minn meta kien għadu żgħir, kellu dispożizzjonijiet tant ħelqwin li kienu jsejħulu it-Twajjeb Pippo (Pippo Buono).

 

Ta’ tmintax–il sena mar f’San Germano, qrib Ruma, jaħdem ma’ kuġinuh, li kien negozjant sinjur kbir.

 

Filippu kien tant ħabbrieki li kuġinuh xtaqu jieħu n-negozju f’idejh.  Iżda hu, imqanqal minn ħerqa li jgħix f’għaqda ikbar ma’ Ġesù, ħall a n-negozju u kollox, u mar Ruma.  Hemm iltaqa’ ma wieħed li tah kamra fejn joqgħod u x’jiekol kuljum, bil-patt li jedukalu ż-żewġ uliedu.  Dam f’din il-ħajja għal sbatax-il sena, imma fl-istess żmien, studja l-filosofija mad-Dumnikani, u t-teoloġija ma’ l-Agostinjani, u kien ukoll jiġbor xi żgħażagħ miegħu biex flimkien jitolbu, jistudjaw ir-reliġjon, iżuru l-isptarijiet u jagħmlu atti oħra ta’ karita’.

 

Fl-1548, bil-għajnuna tal-konfessur tiegħu, Persiano Rossa, waqqaf il-Fratellanza tat-Trinita’, li l-membri tagħha kienu lajċi u kienu jieħdu ħsieb il-pellegrini u l-morda.

 

Fit-23 ta’ Mejju 1551, ta’ 36 sena, ġie ordnat qassis, ħalla dik il-kamra li kien joqgħod fiha u mar jgħix fil-Presbiterju ta’ San Ġirolmu ma’ Dun Rossa u qassisin oħra li kienu jgħixu bil-karita’.  Hawn intefa’ għall-appostolat billi filgħodu kien jgħaddih fil-konfessinarju u filgħaxija kien ilaqqa’ n-nies biex jitolbu, ikantaw u jitkellmu fuq il-ħwejjeġ tar-ruħ.  Kien ukoll jorganizza pellegrinaġġi għall-knejjes u katakombi biex isaħħaħ il-fidi ta’ dawk li kienu jmorru miegħu.  Fl-1558 bena oratorju u fih kien ilaqqa’ n-nies għat-talb u l-konferenzi.  Hawnhekk waqqaf il-Kongregazzjoni ta’ l-Oratorjani, li x-xogħol prinċipali tal-membri tagħha kien li jsaħħah in-nies fil-fidi tagħhom.

 

Miet f’Ruma, fis-26 ta’ Mejju 1595, fl-eta’ ta’ 80 sena.

 

Ħsieb

Ħalli ngħaddi tajjeb dan il-jum, u l-jum t’għada ma jbeżżagħnix. (San Filippu Neri)

 

 

 

 

 

 

 

 

 

27 TA’ MEJJU

 

SAN WISTIN TA’ CANTERBURY

Isqof: ? – 605

 

San Wistin kien Pirjol tal-Patrijiet Benedittini fil-monasteru ġdid ta’ San Andrea f’Monte Celio, Ruma.

 

Fis-sena 596, il-Papa Girgor il-Kbir, li għal xi żmien qabel kien kumpann tiegħu fl-istess monasteru, bagħtu ma’ xi erbgħin oħra sħabu biex jevanġelizzaw l-Ingilterra.

 

Ir-Re ta’ Kent, Ethelbert, laqagħhom tajjeb u stedinhom joqogħdu f’Canterbury, il-belt ewlenija tar-renju tiegħu.

 

F’qasir żmien, Ethelbert, li kien miżżewweġ lil Berta, Kattolika Franċiża, tgħammed u miegħu tgħammdu eluf oħra.

 

Ftit żmien wara, San Wistin mar Franza fejn ġie kkonsagrat Isqof.  Lura fl-Ingilterra waqqf is-Sede tiegħu f’Canterbury u fforma d-Djoċesijiet ta’ Londra u ta’ Rochester.

 

Ħadem ħafna biex il-Fidi Nisranija tinfirex ma’ l-Ingilterra kollha, u pprova bla suċċess jgħaqqad miegħu gruppi antiki ta’ Nsara li mħabba l-gwerriera Anglo-Sassi kienu xterdu ‘l hawn u ‘l hemm ma’ l-Ingilterra.

 

Miet fis-26 ta’ Mejju 605, f’inqas minn sena wara l-mewt tal-ħabib kbir tiegħu, il-Papa San Girgor il-Kbir.

 

Ħsieb

Min irid jitla’ fil-għoli ħafna, irid jagħmel hekk tarġa tarġa.  (San Girgor il-Kbir f’ittra li kiteb lil San Wistin)

 

 

 

 

 

 

 

 

31 TA’ MEJJU

 

IŻ-ŻJARA TAL-VERĠNI MQADDSA MARIJA

 

Illum il-Knisja tfakkarna fiż-żjara li l-Madonna għamlet lill-qariba tagħha Santa Eliżabetta; ġrajja li nikkontemplaw fuqha fir-rużarju, fit-tieni misteru tal-ferħ.

 

Din il-festa tiġi bejn il-festi tat-Tħabbira tal-Mulej, 25 ta’ Marzu, meta l-Arkanġlu Gabrijel ħabbar lil Sidtna Marija li kellha ssir Omm Alla; u t-twelid ta’ San Ġwann Battista, fl-24 ta’ Ġunju.

 

Din iż-żjara ġrat hekk:  malli l-Madonna saret taf mill-anġlu li l-kuġina tagħha Eliżabetta li kienet mara miżżewġa mdaħħla fiż-żmien, kien ser ikollha tarbija, ħalliet kollox, u bla telf ta’ żmien għamlet vjaġġ ta’ madwar 110 km biex tmur tagħtiha l-għajnuna li kellha bżonn.

 

Meta l-Madonna waslet u ltaqgħet ma’ Eliżabetta, it-tarbija fil-ġuf ta’ Eliżabetta qabżet bil-ferħ u Eliżabetta mnebbħa mill-Ispirtu s-Santu, kienet l-ewwel waħda li sellmet lil Marija bħala Omm Alla.  U l-Madonna wieġbet b’kantiku ta’ tifħir lil Alla, il-“Magnificat”. (Lq. 1:26-56)

 

It-Tradizzjoni tgħid li l-Madonna baqgħet ma’ Eliżabetta sa wara t-twelid tat-tarbija, San Ġwann il-Battista, u ċ-ċirkonċżjoni tiegħu.

 

Din il-festa bdieha l-Ordni tal-Franġiskani fuq suġġeriment ta’ San Bonaventura, u l-Papa Urbanu VI firixha mal-Knisja kollha, fl-1389.

 

Talba

O Marija, int li mort iżżur u għent lil Santa Eliżabetta fi żmien diffiċli tal-ħajja tagħha, hekk ukoll żur lilna, nitolbuk, fl-itqal mument ta’ ħajjitna, fil-pont tal-mewt tagħna.