QADDISIN GĦAL AWWISSU

 

1 TA’ AWWISSU

 

SAN ALFONS MARIJA DE LIGUORI

Isqof u Duttur tal-Knisja: 1696 - 1787

 

San Alfons twieled f’Marianella, qrib Napli, l-Italja, fil-21 ta’ Settembru 1696.  Kien student intelliġenti ħafna, tant li fl-1713, fl-eta’ ta’ 16-il sena kien ġa kiseb id-dottorat fil-liġi ċivili u fil-liġi kanonika, b’dispensa ta’ erba’ snin qabel iż-żmien, mill-Universita’ ta’ Napli.

Sentejn wara beda jipprattika ta’ avukat, iżda wara tmien snin meta kien ġa akkwista fama kbira, u kellu quddiemu futur brillanti, tilef kawża importanti ħafna.  Din kienet daqqa ta’ ħarta kbira għalih, u għallmitu x’kienet taf tagħti d-dinja.  Hu stess qal: ”Ja dinja, issa għaraftek.  U intom ja qrati, qatt mhu ser tarawni aktar hawn ġew”.

Wara xi xahar iddeċieda li jħalli l-professjoni tiegħu u jidħol patri.  Fil-fatt ma damx ma beda jistudja t-teoloġija mal-patrijiet Lazzaristi.  Dan ġara fl-1723.

Fl-1726 ordna saċerdot, u ntefa’ b’ruħu u b’ġismu jippriedka u jqarar.

 

Fl-1731, hu mar Scala, u bil-għajnuna ta’ l-Isqof tal-post u ta’ saċerdot ieħor waqqaf l-Ordni tas-Sorijiet Redentoristi.

Sena wara, fi Scala wkoll, waqqaf il-Patrijiet Redentoristi, bil-għan prinċipali li jiddedikaw ruħhom għall-priedki, jagħtu l-irtiri, jagħmlu l-missjonijiet u attivitajiet spiritwali oħra.

Fl-1743, San Alfons kien elett Superjur Ġenerali, u fl-1749 il-Papa Benedittu XIV għaraf uffiċċjalment l-Ordni.

Fl-1762, meta San Alfons kellu 65 sena, il-Papa Klement XIII ħatru Isqof ta’ Santa Agata dei Goti.  Tlettax-il sena wara rriżenja minħabba saħħtu, ħalla djoċesi u mar jgħix f’Noċera f’wieħed mill-kunventi ta’ l-Ordni tiegħu.

Sfortunatament, ir-Redentoristi kellhom ħafna nkwiet intern.  Fl-1780, qarrqu bih, u ffirma dokument li qasam l-Ordni tiegħu f’żewġ gruppi.  Meta sama’ x’kien għamel iddispjaċih ħafna.  Iżda erba’ snin biss wara mewtu, iż-żewġ gruppi reġgħu ngħaqdu.

San Alfons miet f’Noċera, fl-1 ta’ Awissu 1787, ta’ 91 sena.

L-iktar kotba magħrufin tiegħu huma ”It-Teoloġija Morali”, ”Il-Glorji ta’ Marija”, u ”Il-Visti lil Ġesù Sagramentat”.

Fl-1839 il-Papa Girgor XVI ikkanonizzah, u l-Papa Piju IX iddikjarah Duttur tal-Knisja fl-1871.

  

Ħsieb

Jekk qatt xi ħadd jidħak bina (jingannana, jittradina, iqarraq bina, issirilna xi inġustizzja) x’ser nagħmlu malli nintebħu b’dak li jkun ġralna?  Ser innisslu fina mibegħda, ser inpattu u nivvendikaw ruħna? Meta San Alfons induna li kien ittradut, beka bil-kbir.  Ipprova bil-kwiet u bl-ordni jirranġa l-iżball għalkemm ma rnexxilux, iżda qatt ma tilef il-paċi ta’ qalbu.  Ġesù wkoll kien ittradut b’bewsa!

 

 

 

 

 

 

 

 

2 TA’ AWWISSU

 

SAN EWSEBJU TA’ VERCELLI

Isqof: ? – 371

 

San Ewsebju twieled fil-gżira ta’ Sardinja għall-bidu tas-seklu erbgħa, minn ġenituri nsara.  Meta kien għadu tifel żgħir tilef lil missieru.

Ommu ġabitu Ruma.  Hemm ħa l-edukazzjoni tiegħu, u sar membru tal-Kleru ta’ Ruma.

Fis-sena 345 sar l-ewwel Isqof ta’ Vercelli, f’Piedmonti.  Introduċa għall-ewwel darba fil-Punent il-ħajja monastika billi hu bħala Isqof beda jgħix f’komunita’ mas-saċerdoti tiegħu.

Ħadem ħafna kontra l-ereżija ta’ l-Arjani li tiċħad id-Divinita’ ta’ Ġesù.

Fis-Sinodu ta’ Milan fis-sena 355 huwa ma riedx jiffirma l-kundanna kontra San Atanasju, u minħabba f’hekk l-Imperatur Arjan Kustanz eżiljah fil-Palestina.  Hemm kien taħt is-sorveljenza ta’ l-Isqof Arjan, u bosta drabi kien jiġi umiljat u mmaltrattat mill-Arjani, sakemm fl-aħħar mar l-Eġittu.

Meta fis-sena 361 miet l-Imperatur Kustanz, Ġuljanu l-Apostata li laħaq floku, ta’ l-permess lill-Isqfijiet eżiljati li jkunu jistgħu jirritornaw fid-djoċesi tagħhom, iżda San Ewsebju baqa’ fl-Orjent bħala l-Legat tal-Papa.

Flimkien ma’ San Atanasju ppresieda s-Sinodu ta’ Lixandra fis-sena 362, u sena wara rritorna fi Piedmonte.

Flimkien ma’ San Ilarju ta’ Poitiers ħadem ħafna kontra l-Ereżija Arjana. 

Fil-Katidral ta’ Vercelli hemm ippreservati l-iktar manuskritti antiki tal-Vanġelu bil-Latin antik u jaħsbu li kienu miktubin minn San Ewsebju.

 Miet fil-paċi fid-djoċesi tiegħu fl-1 ta’ Awissu tas-sena 371.

 

Talba

Mulej, nixtieq ħafna li nagħmel ir-rieda tiegħek dejjem – kemm f’dak li jkun jidher sabiħ għalija u kemm f’dak li jkun jidher ikrah.  Nixtieq nagħmilha b’mod li jkun tassew jogħġob lilek, u għas-sempliċi raġuni li hi r-rieda tiegħek.  Għax jien inħobbok, Mulej, u nixtieq inħobbok kuljum dejjem iżjed.

 

 

 

 

 

 

 

4 TA’ AWWISSU

 

SAN ĠWANN MARIJA VIANNEY

Saċerdot: 1786 - 1859

 

Ġannmari Vianney twieled ħdejn Lyons, Franza, fl-1786, tliet snin qabel ir-Rivoluzzjoni Franċiża.  Ta’ 13-il sena rċieva l-Ewwel Tqarbina bil-moħbi fir-razzett ta’ missieru waqt li l-ħaddiema baqgħu jaħdmu bħas-soltu biex ma jiġbdux l-attenzjoni ta’ l-Awtorita’ Rivoluzzjonarja.

Fl-1804, meta kellu 18-il sena wera lill missieru x-xewqa li jsir qassis.  Sa dan iż-żmien kien jaħdem fuq ir-razzett ta’ missieru.  Sentejn wara beda jattendi skola żgħira li Abbe’ Balley kien fetaħ għall-abbatini.

Fl-1809 sejħulu bil-lieva, iżda wara ftit ħalla.

Fl-1811 daħal is-Seminarju biex jibda l-filosofija, u fl-1813 beda t-teoloġija.  Fl-istudju ma kien tajjeb xejn iżda fil-qdusija kien jgħaddi lil kulħadd.  Kien mudell ta’ żagħżugħ tajjeb.  Fl-1815, ta’ 29 sena ħa l-Quddiesa, u mar bħala assistent ta’ Abbe Balley.

Fl-1817 inbagħat bħala Kappillan tar-raħal ta’ Ars, b370 ruħ li kellhom antipatija kbira lejn ir-reliġjon.  Ħafna minnhom ma kinux jisimgħu quddies.  Kienu mehdijin wisq bil-ħwejjeġ tad-dinja.  Fir-raħal kien hemm numru ta’ ħwienet tax-xorb tad-divertiment.

Bil-mod, bit-talb, bil-viżti lill-familji u b’attivitajiet reliġjużi, huwa rnexxielu jikkonverti ħafna minnhom u l-ħwienet tax-xorb u tad-divertiment bdew jagħlqu.

Fl-1824, bil-għajnuna ta’ żewġ xebbiet fetaħ skola b’xejn għall-bniet li wara saret l-istitut magħruf ”La Providence”, għat-tfal orfni u abbandunati.  Dawk li kienu jieħdu ħsiebu ma kellhomx salarju.

Il-fama qaddisa ta’ dan  il-qassis ħarġet barra mir-raħal u xterdet fil-bogħod saħansitra barra Franza.  Ars sar ċentru tal-pellegrinaġġi.  Wasal żmien meta kienu jaslu f’Ars iktar minn tliet mitt pellegrin kuljum, għonja u foqra, qaddisin u midinbin, kbarat u mhumiex.  Kien iqatta’ tnax-il siegħa kuljum fil-konfessinarju fix-xitwa, u sittax-il siegħa fis-sajf.

Il-Kurat ta’ Ars, kif kien sar magħruf, għamel 42 sena f’din il-ħajja, sakemm miet fl-4 ta’ Awissu 1859.  Il-kanonizazzjoni tiegħu għamilha l-Papa XI fl-1925. 

 

 

Ħsieb

Li kieku xi ħadd ma jafniex, ngħidu aħna xi ħadd minn dinja oħra, kellu jifli ħajjitna, u jara fina dak li jidher u wkoll dak li ma jidhirx, tgħid kien jasal għall-konklużjoni li aħna sempliċiment pellegrini fuq din l-art?  Jew kien jieħu l-impressjoni li aħna ma nemmnux fil-ħajja eterna, u ġejna hawn biex nibqgħu?

 

 

 

 

 

 

5 TA’ AWWISSU

 

ID-DEDIKAZZJONI TAL-BAŻILIKA TA’

SANTA MARIA MAGGIORE F’RUMA

 

Fis-sena 355, fi żmien il-Papa San Liberju (352-366), kienet inbniet knisja fuq il-għolja Eskwilin, f’Ruma, iddedikata lill-Madonna, li biż-żmien kienet saret magħrufa bħala l-”Bażilika Liberjana”.

Fis-sena 431, ftit wara l-Konċilju ta’ Efesu kien stqarr li Omm Ġesù hi Omm Alla, il-Papa Sistu III kabbar din il-knisja u kkonsagraha f’ġieħ l-Omm qaddisa ta’ Alla.

Din il-Bażilika hija l-iktar waħda antika fost il-knejjes tal-Punent li huma ddedikati f’ġieħ il-Madonna, taħt it-titolu ta’ Omm Alla.  Biż-żmien saret magħrufa bħala ”Santa Marija Maggiore”.  Ġieli tissejjaħ ukoll ”Santa Maria ad praesepe” għax fiha hemm miżmuma s-suppost relikwija tal-maxtura ta’ Betlem.

Hi wkoll waħda mit-tliet knejjes patrijarkali, li fihom il-Papa jmexxi l-funzjoni f’ċerti okkażjonijiet.  Iż-żewġ knejjes patrijarkali l-oħra huma ta’ San Pietru u ta’ San Ġwann Lateran.

Fis-seklu disgħa xterdet leġġenda li wasslet biex din il-festa tibda tissejjaħ ”Il-Festa tal-Madonna tas-Silġ”. Li skond il-leġġenda, għatta l-post fejn il-Madonna riedet li tibnielha knisja.  Il-Papa San Piju V daħħal din il-festa fil-kalendarju liturġiku tal-Knisja universali, iżda wara l-Konċilju Vatikan II, din il-festa saret magħrufa bl-isem li għandha llum.

 

Talba

Sliem għalik, kewkba tal-baħar, Omm qaddisa u kbira t’Alla, dejjem Verġni bla mittiefsa, bieb il-hena u ferħ tas-sema.  Uri li tassew int Ommna, wasal talbna quddiem Alla, li fi ħnientu twieled minnek biex isir għalina bniedem.  (Mill-Innu ta’ l-Għasar)

 

 

 

 

 

 

 

 

 

6 TA’ AWWISSU

 

IT-TRASFIGURAZZJONI TAL-MULEJ

 

Meta Ġesù kien fil-Galilija, xi sena qabel il-Passjoni, Huwa ħa lil San Pietru, San Ġakbu u San Ġwann, fuq il-għolja Tabor u mmanifesta l-glorja tiegħu lilhom billi tbiddel quddiemhom, u wiċċù beda jiddi bħax-Xemx, u lbiesu saru bojod bħad-dawl.  Fl-istess waqt Mose’ u Elija dehru wieħed fuq kull naħa tiegħu jitkellmu miegħu fuq il-mewt li Hu kellu jsofri f’Ġerusalemm.  Pietru maħruġ barra minnu nnifsu qal lil Ġesù: ”Tajjeb li aħna hawn; jekk trid, nagħmel tliet għarajjex, wieħed għalik, wieħed għal Mose’ u wieħed għal Elija.  Kif kien għadu jitkellem, sħaba kollha dawl għattiethom, u ġie leħen mis-sħaba: ”Dan hu ibni l-maħbub li bih nitgħaxxaq; lilu isimgħu”.  Malli d-dixxipli semgħu dan waqgħu b’wiċċhom ma l-art u beżgħu ħafna.  Imbagħad resaq Ġesù, messhom u qal: ”Qumu u la tibżgħux”.  X’ħin refgħu għajnejhom, ma raw ’il ħadd ħlief ’il Ġesù waħdu.  U huma u neżlin mill-muntanja, Ġesù ordnalhom: ”La tgħidu lil ħadd fuq id-dehra sa ma jqum Bin il-bniedem mill-imwiet.  (Mt. 17:1-13; Mk 9:2-9; Lq. 9:28-36)

L-appostli tant issaħħru bl-isplendur li raw li ma xtaqux jitilqu minn hemm.  Pero’ Ġesù ma żammhomx hemm.  Niżżilhom minn fuq l-għolja u raġa daħħalhom fil-ħajja ordinarja ta’ kuljum, fejn ftit żmien wara sofra l-passjoni u l-mewt.  Ġesù ried juri lill-appostli (u lilna) li kien jeħtieġ li jgħaddu mit-taħbit, mill-hemm, mit-tbatija tal-ħajja qabel ma jidħlu miegħu fil-glorja.

Ninnutaw ukoll li San Pietru tant kien barra minnu nnifsu li meta wera x-xewqa li jibni l-għarajjex nesa jsemmi l-għarix għalih u għal sħabu.  U dan għax Ġesù dewwaqhom ftit glorja – ftit li xejn – li hemm lesta għal dawk li jħobbuh!

 

 

Ħsieb

Fi żmien Ġesù kien hemm nies li qalu li Ġesù kien jidgħi.  ”Mhux għal xi għemil tajjeb inħaġġruk, imma għad-dagħwa li dgħajt, u għax int, li m’intix ħlief bniedem, qiegħed tagħmel lilek innifsek Alla”. (Ġn. 10:33) 

Darb’oħra qalu li kien bniedem baxx u midneb fis-sens: ”Għaliex jiekol mal-Pubblikani u l-midinbin?” (Mt. 9:11) 

Darb’oħra qalu li kien jagħmel il-mirakli bis-setgħa ta’ Begħelżebub, il-Prinċep tax-xjaten. (Mt. 12:24)

Kif inħarsu lejn Ġesù aħna?  Jalla narawh bħala s-Salvatur tagħna; bħala Alla tagħna; u nħobbuh għax Hu hekk tabilħaqq.

 

 

 

 

 

 

 

 

7 TA’ AWWISSU

 

SAN SISTU II

Papa u Sħabu Martri: ? - 258

 

San Sistu II li sar Papa fisena 257, kellu jħabbat wiċċu mal-kontroversja li kienet qamet fil-Knisja fil-pontifikat tal-Papa ta’ qablu, San Stiefnu I, dwar il-validita’ tal-magħmudija mill-eretiċi.  Hu żamm li kienet valida, iżda kien tolleranti ma’ dawk fil-Knisja tal-Lvant u ta’ l-Afrika, li kienu jsostnu l-kuntrarju, fosthom San Ċiprijanu, Isqof ta’ Kartaġni.

 

Fl-istess sena, L-Imperatur Valerjanu ħareġ editt kontra l-Insara li fih fost affarijiet oħra kien waqqafhom li jkollhom laqgħat għalihom.

 

Ġara li waqt li l-Papa Sistu II kien qed iqaddes għall-Fidili fiċ-ċimiterju ta’ Pretestatu (Katakombi), xi suldati ta’ Valerjanu daħlu fuq il-ġemgħa, qabdu lill-Papa, u qatluh minnufih billi qatgħulu rasu, wara pontifikat ta’ ħdax-il xahar u sitt ijiem.  Flimkien miegħu sofrew il-martirju erba’ Djakni li lkoll ġew midfunin fiċ-ċimiterju ta’ San Kallistu.  Fl-istess jum, żewġ Djakni oħra wkoll sofrew il-martirju, li difnuhom fiċ-ċimiterju ta’ Pretestatu.  L-Arċidjaknu, li kien San Lawrenz, sofra l-martirju tlett ijiem wara.

San Sistu II kien l-ewwel Papa li ħa l-istess isem ta’ wieħed mill-predeċissuri tiegħu.  Ismu nsibuh imniżżel fil-Kanone tal-Quddiesa.

Il-Papa San Damasu kiteb skrizzjoni fuq qabru.

 

 

 

Ħsieb

Tgħid l-Ewkaristija tfisser daqshekk għalina li li kieku kellu jkollna persekuzzjoni mill-Gvern, konna naslu li noħorġu nkiss nkiss mid-dar u niġbdu lejn xi post miftiehem minn qabel, biex immorru nisimgħu quddiesa fil-moħbi b’sogru kbir li jistgħu jaqbduna u jneħħulna ħajjitna, jekk mhux ukoll jittorturawna bla ħniena qabel joqtluna!  X’inhi għalina l-Ewkaristija?  B’liema ħeġġa nitqarbnu biha?  B’liema mħabba?  Kemm spiss?

 

 

 

 

 

7 TA’ AWWISSU

 

SAN GEJTANU

Saċerdot: 1480 - 1547

 

San Gejtanu twieled f’Vicenza, l-Italja, fl-1480, minn familja sinjura u nobbli.

 Fl-1504, meta kellu 24 sena rċieva d-Dottorat mill-Universita’ ta’ Padova. 

Irritorna Vicenza u sar Senatur.  Iżda beda jħoss li għandu jservi ‘l Alla iktar mill-qrib.  Fl-1506 mar Ruma.  Hemm daħal fil-Konfraternita ta’ l-Imħabba Divina li għenitu ħafna biex jissaħħaħ fis-sejħa għas-saċerdozju.  Sar qassis fl-1516.

Fl-1518 mar Vicenza biex jassisti lil ommu li kienet qed tmut, u wara li amministralha s-sagramenti mietet f’idejh.

F’Vicenza sar membru ta’ l-Oratorju ta’ San Ġirolmu, u ntefa’ b’ruħu u b’ġismu jdur bil-morda nkurabli.

Fl-1520 mar Verona fejn waqqaf Oratorju simili.  Wara ħames xhur mar Venezja fejn beda jaħdem fi sptar ġdid tal-belt, u tant ħadem fih li kien meqjus bħala l-fundatur ewlieni tiegħu.

Fl-1523 telaq minn Venezja u mar Ruma.  Flimkien ma’ Ġwann Pietru Carafa li wara sar il-Papa Pawlu IV, u żewġ qassisin oħra, waqqaf it-Teatini, Kjeriċi Regolari, jiġifieri saċerdoti li jgħixu flimkien taħt regola.  Bħala l-ewwel Superjur Ġenerali ntgħażel Carafa li qabel kien Isqof ta’ Chieti, bil-latin Theate.  Minn hawn ġej l-isem “Teatini”.  Carafa kien irriżenja minn Isqof biex sata’ jingħaqad ma Gejtanu.

Meta fl-1527, Karlu V għamel straġi minn Ruma, it-Teatini, li darhom kienet ġiet imħarrbta, kellhom jaħarbu, u marru Venezja.

Fl-1530, Gejtanu ntgħażel Superjur wara Carafa, u dam it-tliet snin taż-żmien tiegħu.  Warajh reġa’ ntgħażel Carafa.

Fl-1543 kien qiegħed Napli, u biex jgħin lill-foqra waqqaf il-“Montes Pietatis”, il-Bank tal-Hniena, minn fejn il-foqra setgħu jisselfu l-flus billi jħallu xi ħaġa bħala rahan, u wara jeħduha lura.  Dak li beda San Gejtanu, illum sar il-Bank ta’ Napli.

San Gejtanu miet f’Napli fis-7 ta’ Awissu 1547, fl-eta’ ta’ 67 sena.  Ġie kkanonizzat fl-1671 mill-Papa Klement X.

 

 

Ħsieb

F’Napli, Konti ried jagħti lit-Teatini xi artijiet biex ikollhom xi renti.  Il-Qaddis ma aċċettahomx, u l-Konti biex jipperswadih jeħodhom, qallu: ”In-nies ta’ Napli mhumiex ġenerużi daqs in-nies ta’ Venezja”.  ”Ma jimpurtax”, wieġbu l-Qaddis, ”Imma Alla huwa l-istess wieħed fiż-żewġt ibliet”, u ma ħadhomx.  Il-Providenza qatt ma naqsithom.  X’fiduċja f’Alla!  Kif inhi l-attitudni tagħna lejn il-Providenza?  Kif naġixxu?

 

 

 

 

 

 

8 TA’ AWWISSU

 

SAN DUMINKU

Saċerdot: 1170 - 1221

 

San Duminku twieled f’Calaruega, Spanja, fl-1170.  Meta kellu erbatax-il sena daħal l-Universita’ ta’ Palencia, biex jistudja l-filosofija u t-teoloġija.  Waqt li kien għadu student sar Kanonku tal-Katidral ta’ Osma.  Wara l-Ordinazzjoni tiegħu fl-1195. mar jgħix mal-Kanonċi skond ir-Regola ta’ San Wistin.  Fl-1201, sar il-Pirjol tal-Kapitlu.

Fl-1204, kien ma’ l-Isqof tiegħu qed jivvjaġġa fi Franza, u ra l-ħsara li kienu qed jagħmlu l-Albiġiżi, (minn Alby, Franza, li fost tagħlim eretiku ieħor kienu jsostnu li l-ispiritwali huwa tajjeb, u l-materjali huwa ħażin, u li Ġesù ma twelidx tassew minn Marija).  Flanguedoc iltaqa’ ma’ wieħed Albiġiż u għadda l-lejl kollu jiddiskuti miegħu sakemm ikkonvinċieh u rah jerġa jħaddan it-twemmin Kattoliku.

Minn din il-laqgħa, San Duminku ra ċar li l-missjoni tiegħu kienet li jippriedka l-Vanġelu u jikkumbatti l-ereżija ta’ l-Albiġiżi.  Għalhekk ġabar madwaru grupp ta’ għalliema biex ijgħinuh iwettaq il-ħsieb tiegħu, u b’xi nisa minnhom waqqaf il-kunvent ta’ Prouille fl-1206.  Huwa baqa’ f’Languedoc għal kważi għaxar snin jippriedka bla serħan.

Fl-1212 mar Toulouse, u fl-1215 attenda r-Raba’ Konċilju Lateran, f’Ruma.

Lura f’Toulouse waqqaf l-Ordni tal-Predikaturi jew kif saru magħrufin “Id-Dumnikani”, fil-25 ta’ April 1215.  L-għan prinċipali ta’ l-Ordni kien li l-membri tiegħu jgħaqqdu l-għerf mal-qdusija u s-sempliċita’ tal-ħajja u jippridkaw il-Vanġelu ħalli jikkumbattu l-ereżija ta’ l-Albiġiżi.  Il-Papa Onorju III approva l-Ordni f’Diċembru 1216.

F’qasir żmien id-Dumnikani xterdu fi Spanja, fi Franza, l-Ingilterra, l-Italja u f’pajjiżi oħra.  Fl-1220 il-Papa Onorju III ħatar lil San duminku bħala Superjur Ġenerali ta’ l-Ordni.  F’dik l-istess sena, San Duminku sejjaħ l-ewwel Kapitlu Ġenerali, f’Bologna.

San Duminku kien ikun spiss ħsiebu f’Alla, jekk ma kienx jitkellem fuq Alla bil-priedki tiegħu, kien jitkellem ma Alla fit-talb.  Ma kienx jgħaddi mument bla ma jaħseb f’Alla.

F’Bologna marad u wara xi tliet ġimgħat miet, fis-6 ta’ Awissu, 1221.  Il-Papa Girgor IX ipproklamah Qaddis fl-1234.

Huwa għamel ir-Rużarju devozzjoni mill-aktar popolari speċjalment biex jikkumbatti l-ereżija ta’ l’Albiġiżi.

 

Talba

Mulej, inti taf lil kull wieħed u waħda minna b’isimna.  Tafna iktar milliaħna stess nafu lilna  nfusna.  Inti taħseb fina wieħed wieħed, waħda waħda , il-ħin kollu.  Mhux biss tafna u taħseb fina, iżda tħobbna ħafna wkol.. Jiena nemmen li għax Inti Alla lili tħobbni daqslikieku jien biss neżisti għalik.  Grazzi Mulej.

 

 

 

 

 

 

10 TA’ AWWISSU

 

SAN LAWRENZ

Djaknu u Martri: ? - 258

 

San Lawrenz kien Djaknu tal-Knisja ta’ Ruma, u ħa l-martirju flimkien ma erba’ Djakni oħra li kienu sħabu, erbat ijiem wara l-martirju tal-Papa San Sistu II fil-persekuzzjoni ta’ Valerjanu, fl-10 ta’ Awissu tas-sena 258.  Il-kelma “Djaknu” tfisser “Qaddej”.

Skond it-Tradizzjoni, il-Prefett ta’ Ruma talab lill-Qaddis biex jagħtih id-deheb u l-fidda tal-knisja.  San Lawrenz, billi kien jobsor li hu wkoll ma kienx ser idum ma jieħu l-martirju, beda jbigħ kull ma kellha l-Knisja, u l-flus flok tahom lill-Prefett, qassamhom lin-nies fqar tal-Belt.  Lill-Prefett ħadlu kemm sab nies foqra, xjuħ u morda.

Il-Prefett xegħel bil-għadab u malajr ikkundanna lil San Lawrenz għall-mewt, u ordna li jiġi maħruq ħaj fuq nar bati, li San Lawrenz sofra b’kuraġġ liema bħalu.  Wara l-martirju, il-fdal tal-Qaddis indifen fiċ-ċimiterju ta’ Ċirijaka ħdejn it-triq Tiburtina fil-Verano.

Kostantinu l-Kbir bena Bażilika fuq il-qabar tiegħu, li waqgħet u nbniet kemm-il darba.  Il-knisja li hemm illum iġġib l-isem ta’ San Lorenzo Fuori le Mura, u tinsab f’idejn il-patrijiet Kapuċċini.

 

 

Ħsieb

Fis-sofferenzi tagħna nixbħu xejn lil San Lawrenz, billi bħalu nżommu l-kalma u l-paċi?  Jew forsi ġie li niżblu u nitilfu l-paċi ta’ qalbna, u forsi wkoll intellfuha lil ħaddieħor?  Henjin tassew inkunu aħna jekk nimitaw lil San Lawrenz fis-sabar tiegħu!

 

 

 

 

 

 

 

 

11 TA’ AWWISSU

 

SANTA KLARA

Verġni: 1193 - 1253

 

Santa Klara twieldet f’Assisi, l-Italja, fl-1193.  Meta kellha 18-il sena, semgħet lil San Franġisk jagħmel l-eżerċizzi tar-Randan.  Il-priedki tiegħu ħassithom jolqtuha u jispirawha, u xtaqet tgħix ħajjitha skond il-Vanġelu, bħalu.

San Franġisk approva r-riżoluzzjoni tagħha.  F’Ħadd il-Palm ta’ l-1212, Klara flimkien ma waħda ħabiba tagħha telqet mid-dar bil-moħbi għax niesha ma kinux jaqblu magħha, u marret il-Porzjunkola, kilometru u nofs bogħod mill-belt, fejn san Franġisk kien jgħix ma’ sħabu.

San Franġisk laqagħha fil-kappella żgħira tal-Madonna u għamel ċerimonja qasira li fiha hu qatgħalha xagħarha u taha libsa griża, b’sinjal li hi kienet qed tħalli l-ħajja lussuża li kienet trabbiet fiha, u kienet ser tħaddan ħajja ta’ faqar u talb, maqtugħa mid-dinja.  Minn dak il-waqt hi marret tgħix f’monasteru tas-Sorijiet Benedittini, f’Bastia, post żgħir fil-qrib.  Wara ftit ġranet, marret f’monasteru ieħor ta’ l-istess sorijiet.

Il-ġenituri tagħha mhux biss ma rnexxilhomx jibdlulha fehmitha, imma talli oħtha Anjeże ngħaqdet magħha.

 

Fl-1215, Klara marret tgħix f’dar qrib il-knisja ta’ San Damjan li San Franġisk kien irrestawra.  Magħha marru oħrajn.  San Franġisk għażilha biex tkun il-Badessa ta’ din il-Kongregazzjoni.  Baqgħet f’din id-dar (monasteru) sakemm mietet.  Ommha, wara l-mewt ta’ żewġha, u oħtha Beatrice, ingħaqdu magħha wkoll.  Dan huwa kkunsidrat bħala l-bidu tal- Klarissi.  F’qasir żmien, din il-Kongregazzjoni xterdet f’bosta monasteri oħra fl-Italja, fi Franza, u fil-Ġermanja.

Il-Klarissi addottaw ħajja iebsa ta’ poverta’, silenzju u awsterita’.  Ma kinux jippossiedu propjeta’.  Kienu jgħixu bil-kontribuzzjonijiet.

Fl-1228. il-Papa Girgor IX tahom il-Privilegium Paupertatis, li ma jkunu jippossiedu l-ebda propjeta’. Mhux biss l-individwi iżda lanqas il-komunitajiet.

Santa Klara baqgħet Superjura għal erbgħin sena.  Mietet fil-monasteru ta’ San Damjan fil-11 ta’ Awissu 1253.

Il-Papa Alessandru IV, fl-1255, sentejn biss wara mewtha, iddikjaraha Qaddisa.

 

Ħsieb

Qatt ħsiebna kemm irid ikollna flus biex ngħixu ħajja kuntenta?  Qatt xtaqna li jkollna flus iktar milli għandna?  Santa Klara (u San Franġisk ta’ Assisi u ruxxmata Qaddisin oħra) ħalliet kollox, lanqas ċenteżmu wieħed biss ma żammet għaliha, u qatt ma ħabblet rasha biex ikollha.  Safrattant ma setgħetx tkun iktar kuntenta milli kienet.  Qalbha kienet mimlija b’Alla.  Qalbna kemm hi mimlija b’Alla?

 

 

 

 

 

13 TA’ AWWISSU

 

SAN PONZJANU

Papa Martri:

 

SAN IPPOLITU

Saċerdot u Martri: ? - 235

 

San Ponzjanu sar Papa fis-sena 230.  Sentejn wara, sejjaħ sinodu f’Ruma li kkonferma l-kundanna tat-teologu kbir Oriġene ta’ Lixandra (185 – 253).

Fis-sena 235, fil-persekuzzjoni ta’ l-Imperatur Ruman, Massiminu, Ponzjanu kien eżiljat f’Sardinja biex jaħdem fil minjieri.  Hemm iltaqa’ ma’ San Ippolitu li hu wkoll kien eżiljat mill-istess Imperatur.  It-tnejn mietu minħabba t-tbatija li sofrew.  San Ponzjanu kien ilu Papa ħames snin, u San Ippolitu kien ilu Antipapa tmintax-il sena.  It-tnejn mietu fil- paċi ma’ xulxin.  Ippolitu kien irreżenja minn Antipapa, u Ponzjanu rriżenja minn Papa biex jilħaq ieħor floku.

 

San Ippolitu twieled għall-ħabta tas-sena 170.  Kien ġa qassis magħruf meta fis-sena 202 Oriġene semgħu jippriedka, f’Ruma.  X’aktarx li kien dixxiplu ta’ san Irinew u ta’ San Klement minn Lixandra.  Kien wieħed mill-aqwa teoloġi tal-Knisja fit-tielet seklu, u ħadem bis-sħih kontra l-ereżija ta’ żmienu.  Kien tant imħeġġeġ li saħansitra akkuża lill-Papa San Żeferinu li ma kienx pront biżżejjed biex jintebaħ bl-ereżija u jikkundannaha.  Hekk ukoll reġa’ għamel mal-Papa San Kallistu li kien tela’ wara San Żeferinu, anzi din id-darba ħalla lilu nnifsu jiġi elett l-ewwel antipapa mill-grupp li kellu madwaru.  Baqa’ antipapa wkoll fi żmien San Urbanu u San Ponzjanu suċċessuri ta’ San Kallistu.

Uħud mill-opri tal-kitba tiegħu huma ”It-Tradizzjoni Appostolika”, ”Rifjutazzjoni ta’ l-Ereżijiet kollha”, u ”Philosophoumena”.

Ippolitu rrekonċilja mal-Knisja permezz tal-Papa Ponzjanu, forsi ftit qabel ma t-tnejn kienu eżiljati f’Sardinja.  L-iġsma tagħhom ġabuhom Ruma u difnuhom bl-unuri kollha ta’ martri.  Lil Ponzjanu difnuh fiċ-ċimiterju ta’ Kallistu, u lil Ippolitu fiċ-ċimiterju ta’ Ċirijaka fit-triq Tiburtina, fejn l-ammiraturi tiegħu għamlulu statwa li llum tinsab fil-Librerija Vatikana.

 

Ħsieb

Jista’ jiġrilna li minħabba entużjażmu żejjed (jew injoranza!) nagħmlu lilna nfusna nsara iktar mill-istess Papa, jew qaddisin iktar mill-Knisja stess.  Naħsbu li kulħadd hu żbaljat u aħna biss għandna raġun (meta fir-realta’ jkun il-kuntrarju).  Hekk ġralu San Ippolitu.  Jekk diżgrazzjatament jiġrilna xi ħaġa simili, jalla jkollna wkoll il-grazzja li kellu l-Qaddis, li nammettu l-iżball tagħna u nirrikonċiljaw bl-umilta’ kollha.

 

 

 

 

 

14 TA’ AWWISSU

 

SAN MASSIMILJANU MARIJA KOLBE

Saċerdot u Martri: 1894 – 1941

 

Dan il-Qaddis twieled fis-7 ta’ Jannar 1894 f’Zdunska-Wola, fil-Polonja, bl-isem ta’ Rajmond.

Fl-1907, Rajmond u ħuh Franġisku qasmu l-fruntiera u marru f’Leopoli, l-Awstrija biex jistudjaw fil-Kulleġġ tal-Patrijiet Franġiskani Konventwali.  Fl-1910 Rajmond beda n-novizzjat magħhom, u fl-istess waqt bidel ismu f’Massimiljan.  Sena wara għamel il-professjoni reliġjuża.  Fl-1912 intbagħat Ruma biex jistudja l-Filosofija u t-Teoloġija.

Fl-1914 għamel il-professjoni solenni tiegħu, u b’qima lejn il-Madonna żied l-isem “Marija” ma’ Massimiljan.

Fl-1917, flimkien ma’ sitta minn sħabu waqqaf il-”Pija Unjoni tal-Milizzja ta’ l-Immakulata”.

Fit-28 ta’ April 1918 ġie ordnat saċerdot, u sena wara malli ħa l-lawrija fit-teoloġija telaq lejn Krakov fil-Polonja.  Hawn ukoll beda l-Milizzja ta’ l-Immakulata. U fl-1922 beda joħroġ rivista, ”Il-Kavallier ta’ l-Immakulata”, u wara rivista oħra għat-tfal. ”Il-Kavallier Ċkejken”.

Fl-1930, flimkien ma’ erba’ reliġjużi oħra mar il-Ġappun, f’Nagasaki.  Hawn ukoll beda joħroġ ir-rivista tal-Kavallier ta’ l-Immakulata.

Fl-1935 reġa’ lura lejn art twelidu.  Fl-1939 faqqgħet it-tieni gwerra dinjija, u l-armata Ġermaniża ma damitx ma qabżet il-fruntiera u daħlet fil-Polonja.

Fiż-17 ta’ Frar 1941 ġie arrestat u fit-28 ta’ Mejju ħaduh fil-kamp tal-konċentrament ta’ Auschwitz fejn, fl-ifran tiegħu ġew maħruqin fuq il-ħames miljun ruħ.  Hawnhekk, Patri Kolbe sar numru: 16670.  F’Lulju ntbagħat fil-kamp ta’ l-invalidi.  Ġara li wieħed mill-priġunieri ħarab u skond il-liġi kiefra tal-kamp, għaxar priġunieri mill-istess blokk tiegħu kellhom jiġu maqtula bil-ġuħ fiċ-ċella tal-mewt.

Is-surġent Franġisk Gajowniczek meta ġie magħżul biex ikun wieħed mill-għaxra għajjat: ”Għażiża marti miniex ser narak iżjed!  Għeżież uliedi li llum ser issiru ltiema minn missierkom, insellmilkom darba għal dejjem!”  Għal dan il-kliem Patri Kolbe ħareġ mil-linja tiegħu, neħħa l-berritta minn rasu, mar quddiem il-kmandant u waqt li wera b’idejh is-surġent, qallu: ”Jiena saċerdot kattoliku mill-Polonja; jiena xiħ; għalhekk irrid nieħu postu għax hu għandu l-mara u t-tfal”.

Patri Kolbe u d-disgħa l-oħra ġew imneżżgħin minn ħwejjiġhom u mitfugħin f’bunker biex imutu bla ikel u bla xorb.  Wara ġimgħatejn, sitta kienu mietu, tlieta kienu mitlufin minn sensihom u Patri Kolbe biss kien għadu ħaj u f’sensih.  Temmewlu ħajtu b’injezzjoni tal-velenu.  Dakinhar kien l-14 ta’ Awissu 1941.

Fl-10 ta’ Ottubru 1982, il-Papa Ġwanni Pawlu II iddikjarah Qaddis u Martri.

 

Ħsieb

Fl-għajta tas-Surġent naraw l-imħabba li kellu lejn martu u lejn uliedu.  Jekk int raġel miżżewweġ tista’ tiftaħar bi mħabbtek lejn martek, (u jekk inti mara miżżewġa lejn żewġek) u lejn uliedek?  Imħabbitna lejn il-proxxmu kemm tixbah lil dik ta’ San Kolbe?

 

 

 

 

 

15 TA’ AWWISSU

 

IL-VERĠNI MQADDSA MARIJA MTELLGĦA FIS-SEMA

 

Fl-ewwel ta’ Novemru 1950, il-Papa Piju XII iddikjara li hi verita’ rrivelata lilna minn Alla li meta l-Vergni Mqaddsa Marija għalqilha ż-żmien tagħha f’din id-dinja, ġiet bi-qawwa ta’ Alla mtellgħa s-sema bir-ruħ u bil-ġisem.  Din hi d-domma ta’ l-Assunjoni.  Hija differenti mill-Axxensjoni, it-tlugħ tal-Mulej fis-sema, għax Ġesừ tela’ bil-qawwa tiegħu stess.

Sa mill-bidu tal-ħames seklu, f’Ġerusalemm, kienet diġa bdiet issir il-festa tat-tlugħ tal-Madonna bir-ruħ u bil-ġisem fis-sema.  Bil-mod il-mod din il-festa bdiet tiġi ċċelebrata fi knejjes oħra.

Storikament ma għandna xejn fiż-żgur fejn u meta ġrat il-mewt tal-Madonna.  Wara li Ġesừ tela’ s-sema, il-Madonna baqgħet Ġerusalemm, u kienet ma’ l-appostli meta niżel fuqhom l-Ispirtu s-Santu.  Imbagħad flimkien ma’ San Ġwann marret Efesu.  Probabbilment wara xi żmien, reġgħet marret Ġerusalemm fejn mietet bejn is-sena 5 u l-15 wara l-Axxensjoni ta’ Ġesừ.

Dawk li jmutu fi Kristu, il-ġisem dgħajjef tagħhom għad jieħu s-sura tal-ġisem glorjuż tiegħu fil-qawmien mill-imwiet fl-aħħar jum.  Dan hu t-twemmin tagħna.

Bi grazzja speċjali, Alla ried li dak li għad jiġri fl-aħħar jum lil dawk li jmutu fi Kristu, iseħħ fil-Verġni Mqaddsa sal mill-bidu tal-mewt tagħha,, billi ġisimha bla ma jara t-taħsir jinbidel f’ġisem glorjuż.

Marija mtellgħa s-sema bir-ruħ u bil-ġisem, hija l-Patruna prinċipali ta’ Malta.

 

Talba

O Alla, int għażilt il-Verġni Mqaddsa Marija biex issir Omm ibnek il-waħdieni magħmul bniedem, u għollejtha fi glorja tassew ta’ l-għaġeb, aħna nfaħħruk u nigglorifikawk.  Nitolbuk, biex kif int salvajtna bil-misteru tal-fidwa, hekk ukoll teħeodna miegħek fil-glorja tas-sema, biex mal-Verġni Marija nibqgħu nfaħħruk u nigglorifikawk għal dejjem.

 

 

 

 

 

16 TA’ AWWISSU

 

SAN STIEFNU TA’ L-UNGERIJA

Re: 975 - 1038

 

San Stiefnu twieled fis-sena 975, fi Gran, il-belt ewlenija ta’ l-Ungerija ta’ dak iż-żmien, u tawh l-isem ta’ Vajk.

Tgħammed fis-sena 985, flimkien ma, missieru li kien Duka tal-Maġjari (Ungeriżi) u ħa l-isem ta’ Istvan (Stiefnu).

Meta kellu ghoxrin sena, Stiefnu żżewweġ lil Gisela, oħt l-Imperatur San Enriku II.  Sentejn wara, miet missieru, u hu laħaq floku bħala d-Duka tal-Maġjari.

Wara li saħħaħ il-pożizzjoni tiegħu fit-tmexxija  ta’ l-Ungerija, xtaq jikkonverti ’l pajjiżu kollu u jagħmlu nisrani.  Għalhekk bagħat lil San Asteriku għand il-Papa Silvestru II, biex jikseb min għandu l-permess li jkun jista’ jwaqqaf djoċesijiet ħalli jorganizza l-Knisja f’pajjiżu, u biex il-Papa jagħtih it-titlu ta’ Re.

Asteriku, li wara sar l-Arċisqof ta’ l-Ungerija ġie lura minn Ruma bil-permess u b’kuruna.  Din il-kuruna kienet maħduma b’mod li setgħet toqgħod eżatt fuq il-kuruna li l-Imperatur Mikiel II kien ta lil Missier San Stiefnu.

Illum din ”il-kuruna ta’ San Stiefnu” hi miżmuma bħala waħda mir-rikkezzi l-iktar għeżież u prezzjużi ta’ l-Ungerija.

Stiefnu ġie nkurunat Sultan ta’ l-Ungerija minn Asteriku li issa kien il-Legat tal-Papa, fil-belt ta’ Gran, fl-1001.

San Stiefnu ntefa’ b’ruħu u b’ġismu biex jistabbilixxi l-Knisja fuq pedamenti sodi billi waqqaf djoċesijiet, ġab ħafna missjunarji biex jippridkaw il-Vanġelu f’kull rokna tal-pajjiż, u bena bosta knejjes u monasteri fosthom il-magħruf monasteru ta’ San martin għall-Patrijiet Benedittini.

Fl-1031, tilef l-uniku iben li kellu, Emeriku, li kien werriet tat-tron, f’diżgrazzja waqt li kien għall-kaċċa.

San Stiefnu miet fil-15 ta’ Awissu 1038, nhar il-festa tat-Tlugħ fis-Sema tal-Madonna li lejha kellu devozzjoni kbira u kien għamilha l-Patruna ta’ pajjiżu.

Difnuh ħdejn ibnu Emeriku, u tnejn ġew ikkanonizzati flimkien, fl-1083, mill-Papa San Girgor VII.

 

Ħsieb

Ġie li nkunu fid-dmir li nieħdu xi deċiżjoni li tkun bżonnjuża għall-ġid tagħna personalment jew għall-ġid ta’ ħaddieħor.  M’għandniex neħduha nofs b’nofs, b’sieq waħda ’l hemm u l-oħra ’l hawn, imma b’determinazzjoni qawwija, b’id tal-ħadid, ukoll jekk tkun titlob minna sagrifiċċju, kbir kemm ikun kbir.  ”Jekk idek il-leminija hi għalik ta’ tfixkil, aqtagħha; ... ...”                                                      (ara Mk. 9:43-50)

 

 

 

 

 

19 TA’ AWWISSU

 

SAN ĠWANN EUDES

Saċerdot: 1601 - 1680

 

San Ġwann twieled f’Ri, Normandija (Franza), fl-1601.  Meta kellu 14-il sena, missieru daħħlu jistudja fil-Kulleġġ tal-Ġiżwiti ta’ Caen.

Fl-1623, daħal fil-Kongregazzjoni ta’ l-Oratorju ta’ Franza.  Ordna saċerdot fl-1625, u beda il-ħajja appostolika billi mar jaħdem man-nies li kienu mardu bil-pesta li kienet qed tagħmel straġi fin Normandija.

Fl-1631, faqqgħet epidemija oħra, u Ġwanni reġa’ mar jgħin lill-vittmi.  Biex ma jinfettax lil sħabu r-reliġjużi bil-marda kien jgħix għalih waħdu f’daqxejn ta’ għarix f’nofs għalqa.  Imbagħad għall-għaxar snin li ġew wara, intefa’ jiġri ma’ Franza kollha jippriedka l-missjonijiet fil-parroċċi.

Fl-1641, bil-għajnuna ta’ Madaleine Lamy, fetaħ dar għan-nisa u x-xebbiet li kienu jixtiequ jinqalgħu minn ħajja ħażina.  Tliet snin warafdaha f’idejn is-Sorijiet Visitaturi ta’ Caen.

Fl-1643 ħareġ mill-Kongregazzjoni ta’ l-Oratorjani biex iwaqqaf il-“Kongregazzjoni ta’ Ġesù u ta’ Marija”, magħrufa wkoll bħala ta’ “l-Ewdisti”, għall-formazzjoni tal-kleru u għax-xogħol tal-Missjonijiet.  Il-Qaddis fetaħ numru ta’ Seminarji.

Fl-1650, waqqafr is-“Sorijiet tal-Karita’ tar-Rifuġju” li l-għan prinċipali tagħhom kien li jaħdmu għan-nisa penitenti.  Din il-kongregazzjoni baqgħet dejjem tikber, u fl-1835 ħarġet minnha l-Kongregazzjoni tas-Sorijiet tal-Buon Pastur.

Waqqaf ukoll l-“Għaqda tal-Qalb ta’ l-Omm l-aktar Ammirabbli”, li hi bħat-Terz Ordni ta’ San Franġisk.

San Ġwann kellu jħabbat wiċċu ma’ oppożizzjoni qawwija mill-Ġansenisti, u minn xi Oratorjani.  Kien ġie kkalunjat speċjalment wara li waqqaf is-Sorijiet tal-Karita’ tar-Rifuġju.  Għal xi żmien kien itteħidlu l-permess li jippriedka u jqarar.  F’dak iż-żmien, intefa’ jikteb u jxerred id-devozzjoni lejn il-Qalb ta’ Ġesù u lejn il-Qalb ta’ Marija.  Fost il-kitba spiritwali tiegħu insibu “Idevozzjoni lejn il-Qalb Adorabbli ta’ Ġesù@ u “L-Ammirabbli Qalb tal-Wisq Imqaddsa Omm Alla”.

Miet f’Caen, fid-19 ta’ Awissu 1680, meta kellu 79 sena, u ġie kkanonizzat mill-Papa Piju XI fl-1925.

San Ġwann Eudes hu magħruf bħala wieħed minn ta’ l-ewwel nett u mill-aqwa li xerrdu d-devozzjoni lejn il-Qalb Imqaddsa ta’ Ġesù u l-Qalb Immakulata ta’ Marija.

 

Ħsieb

Xi wħud minnha huma pessimisti fil-ħajja.  Jaraw biss l-ikrah.  Is-sabiħ donnhom ma jindunawx bih.  Imaqdru, jikkritikaw, jilmentaw, igergru.  Inisslu fihom id-dwejjaq, iktar dwejjaq.  U billi kulħadd jagħti minn dak li għandu, dawn inisslu d-dwejjaq ma’ dwarhom, kull fejn ikunu, ma’ kull min ikunu.  San Ġwann ma kienx hekk.  Tana l-eżempju li minkejja kollox għandna nkunu dejjem ferħanin, nifirħu u nferrħu.

 

 

 

 

 

20 TA’ AWWISSU

 

SAN BERNARD

Abbati u Duttur tal-Knisja: 1090 – 1153

 

San Bernard twieled ħdejn Dijon, Franza, fl-1090, għand familja nobbli u sinjura.  Kien it-tielet fost seba’ aħwa, waħda minnhom tifla.  Kellu trobbija tajba.

Ta’ dsatax-il sena, Bernard tilef ‘l ommu, u bejn għax impressjona ruħu ħafna bil-mewt tagħha u bejn għax kien imqanqal minn imħabba qawwija lejn Alla, beda jaħseb biex iħalli d-dinja.  Fl-1112 daħal maċ-Ċisterċensi fil-monasteru ta’ Citeaux.  Fl-istess waqt li daħal hu, daħlu miegħu wieħed u tletin żagħżugħ ieħor, fosthom erbgħa minn ħutu, u ziju.  Ftit snin wara, ħuh iż-żgħir ingħaqad miegħu, u wara missieru wkoll.

Meta Bernard kien ilu tliet snin f’ Citeaux, l-Abbati, l-Ingliż San Stiefnu Harding, bagħtu ma’ tnax oħra sħabu, fosthom ħutu, biex jiftħu monasteru ieħor; kien il-bidu taċ-ċelebri monasteru ta’ Clairvaux (Wied id-Dawl).  Hawn Bernard kellu jkun l-Abbati għal 38 sena, u bil-ħidma u bl-eżempju mexxa tassew tajjeb.  Fi żmienu, minn Clairvaux infetħu 165 monasteru mxerrdin ma’ l-Ewropa kollha, 68 minnhom imwaqqfin minnu nnifsu.

Huwa waqqaf ukoll monasteru għas-Sorijiet, u fih daħlet oħtu Humberline li wara hi wkoll saret Qaddisa.  B’hekk il-familja kollha, barra ommu, ħaddnet il-ħajja monastika.

Fl-1130 miet il-Papa Onorju II, u floku laħaq il-Papa Innoċenzu II.  Fl-istess waqt inħoloq l-Antipapa bl-isem ta’ Anakletu II.  San Bernard ħadem bis-sħiħ favur il-Papa Innoċenzu II, sakemm fis-sena 1138, Anakletu miet u floku laħaq Viktor IV li malajr issottometta ruħu għall-Papa Innoċenzu II.

Fl-1145, il-Papa Ewġenju III li qabel kien wieħed mill-patrijiet dixxipli ta’ San Bernard, xtaq iwaqqaf kruċjata biex jeħles l-Art Imqaddsa, u nkariga lil San Bernard biex jorganizzaha.  San Bernard intefa’ b’ruħu u b’ġismu f’kampanja kollha ħeġġa, u rnexxielu jwaqqaf it-tieni kruċjata li sfortunatament, fis-siegħa tal-prova, intemmet f’diżastru.

San Bernard miet f’Clairvaux, fl-20 ta’ Awissu 1153, ta’ 63 sena, u tniżżel fil-lista tal-Qaddisin mill-Papa Alessandru III, fl-1174.

San Bernard kiteb ħafna fuq it-Teoloġija u l-axxetika, tant li l-Papa Piju VIII, fl-1830 daħħlu fil-lista tad-Dutturi tal-Knisja bit-titolu ta’ “Doctor Mellifluus”, li jfisser “Duttur Ħelu Għasel”; waqt li l-kitba tiegħu fuq il-Madonna kisbitlu t-titolu ta’ “Kitarrista tal-Madonna”.

 

Ħsieb

Nistgħu nsibu ruħna f’xi ċirkustanza li ma tkun xejn pjaċevoli.  Kif ser inġibu ruħna fiha?  Ser inkomplu ngħarrquha bi kliemna u bl-imġiba tagħna?  Kemm tkun ħaġa tassew sabiħa jekk bil-kontribut għaqli u siewi tagħna nħalluha aħjar milli nkunu sibnieha.

 

 

 

21 TA’ AWWISSU

 

SAN PIJU X

Papa: 1835 – 1914

Ġużeppi Melchiorre Sarto twieled f’Riese, fid-Djoċesi ta’ Treviso, f’Venezja, l-Italja, fit-2 ta’ Ġunju 1835, f’familja fqira ħafna.  Kien it-tieni wieħed fost għaxar ulied.

Daħal is-Seminarju ta’ Padova, u ordna saċerdot fl-1858, fl-eta ta’ 23 sena.  Hu għadda l-ewwel sbatax-il sena tas-saċerdozju tiegħu f’ħidma pastorali.

Fl-1875 ħatruh Kanonku tal-atidral ta’ Treviso, u fl-1884 sar Isqof ta’ Mantova.  Fl-1893, il-Papa Ljun XIII Hatru Kardinal u Patrijarka ta’ Venezja.

Fl-4 ta’ Awissu 1903, il-Kardinal Sarto kien elett Papa, u ħa l-isem ta’ Piju X.  Ix-xewqa kbira tiegħu kienet li “jġedded kollox fi Kristu”.

Waħda mill-ewwel affarijiet li amar kienet li ebda setgħa ċivili ma għandha tindaħal fl-elezzjoni tal-Papa, u neħħa l-veto li kellhom xi pajjiżi; iddefenda s-separazzjoni tal-Knisja mill-Istat, u dwar dan żamm sod speċjalment kontra l-Gvern ta’ Franza; ħadem ħafna biex ineħħi l-Moderniżmu mill-Knisja; inkuraġġixxa l-qari ta’ kuljum tal-Bibbja, u t-Tqarbin spiss u jekk jista’ jkun kuljum, speċjalment mit-tfal; irriforma l- Mużika Sagra, il-Liturġija, il-Brevjarju Ruman, u beda l-kodifikazzjoni tal-Liġi Kanonika; irriforma l-Kongregazzjonijiet u l-qrati Rumani; fetaħ l-Istitut Bibliku; ta’ attenzjoni speċjali lill-istampa kattolika, u lill-Azzjoni Kattolika; u ħadem ħafna għal paċi meta d-dinja kienet f’xifer ta’ gwerra.  L-Ewwel Gwerra Dinjija bdiet fl-4 ta’ Awissu 1914, u l-Papa miet fl-20 ta’ Awissu 1914.

Il-Papa Piju XII ikkanonizzah fl-1954.  Kien l-ewwel Papa li ġie ddikjarat Qaddis mill-1672, mill-kanonizzazzjoni ta’ San Piju V.

 

Ħsieb

Ġeneralment meta jkollna nistqarru ħwejjeġ baxxi dwarna, inħossuna imbarrazzanti.  Il-mistħija iżżommna lura minn nies li jkunu superjuri għalina.  Min-naħa l-oħra kemm niftaħru bit-tajjeb li naħsbu li għandna, u kemm niżżattu meta jidhrilna li nkunu superjuri għal ħaddieħor.  Piju X jagħtina l-eżempju, qatt ma staħa jgħid li kien bin il-foqra, u għalkemm kien bniedem kapaċi ħafna, intelliġenti u kellu memorja qawwija, fl-istess waqt kien sempliċi, umli u ta’ tjubija straordinarja.

 

 

 

 

 

22 TA’ AWWISSU

 

IL-VERĠNI MQADDSA MARIJA, REĠINA

 

Wara l-festa tat-Tlugħ tal-Verġni Mqaddsa Marija fis-sema, fil-15 ta’ Awissu, huwa xieraq li jiġi wkoll iċċelebrat il-post tagħha fost l-anġli u l-qaddisin bħala r-Reġina tas-sema u ta’ l-art.

Fil-11 ta’ Ottubru 1954, il-Papa Piju XII, bl-enċiklika tiegħu “Ad Coeli Regina”, waqqaf il-festa tal-Verġni Mqaddsa Marija Reġina, u ddikjara li għandha tiġi ċċelebrata mal-Knisja kollha, fil-31 ta’ Mejju ta’ kull sena.

 

Il-festa twaqqfet b’tifkira tas-Sena Marjana li l-istess Papa kien nieda bl-enċiklika “Fulgens Corona” fl-okkażjoni ta’ għeluq iċ-ċentinarju tad-definizzjoni tad-domma tat-Tnissil blq Tebgħa tal-Verġni Marija.

 

Wara l-Konċilju Vatikan II, il-festa ġiet trasferita għat-22 ta’ Awissu, nhar l-ottava tat-Tlugħ tal-verġni Marija fis-sema, biex hekk tkun tidher aħjar ir-rabta bejn ir-Regalita’ tal-Verġni Marija u Tlugħ tagħha fis-sema.

 

Sa mill-ewwel sekli tal-Knisja, l-Insara emmnu li l-Verġni Mqaddsa hija Reġina.  Hi ġabet fid-dinja Iben li sa mill-mument tat-tnissil tiegħu, minħabba l-għaqda ipostatika tan-natura umana ma’ dik divina, ukoll bħala bniedem, kien Sultan u Mulej ta’ kollox.  Għalhekk kien tassew xieraq li l-Knisja twaqqaf din il-festa biex tunura lill-Verġni Marija b’dan it-titolu ta’ Reġina.

 

Talba

Is-Sliem, o Sultana tas-sema, Sidt l-anġli; int l-għerq u l-bieb safi mnejn ġie dawl id-dinja.  O Verġni Glorjuża, ta’ ġmiel u sbuħija, is-sliem għalik!  Itlob lil Kristu għalina.

(Din hi waħda mill-antifoni tal-Madonna li tingħad wara t-Talba ta’ Għeluq il-Jum)

 

 

 

 

 

23 TA’ AWWISSU

 

SANTA ROŻA TA’ LIMA

Verġni: 1586 – 1617

 

Santa Roża twieldet fl-20 ta’April 1586, f’Lima, il-Peru.  Meta kellha ħdax-il sena rċeviet il-Griżma ta’ l-Isqof mingħand San Turibju , Arċisqof ta’ Lima, u ħadet l-isem ta’ Roża flok dak li kellha ta’ Isabella li kienu tawha fil-magħmudija.

Sa minn ċkunitha fid-dar rawmet ruħha fil-qdusija, u għażlet lil Santa Katarina ta’ Siena bħala mudell ta’ ħajjitha.  Kienet tqatta’ ħafna ħin fit-talb u fil-mortifikazzjoni.

Billi kienet tfajla sabiħa ħafna, kienet togħrok wiċċha bil-bżar biex jitlgħalha kollu nfafet u jittebba’ ħalli b’hekk tnaqqas sbuħitha.

Meta l-ġenituri tagħha marru lura fin-negozju hi bdiet taħdem fil-ġnien ma’ tul il-ġurnata u tħit mal-lejl.

Il-ġenituri tagħha xtaquha tiżżewweġ, iżda hi ma riditx.  Kienet ilha li għamlet il-vot tal-verġinita’.

Meta kellha madwar għoxrin sena Roża daħlet Terzjarja Dumnikana.  Bdiet tgħix għaliha waħidha f’għarix fil-ġnien, u hemm bdiet tgħaddi ħafna mill-ħin tagħha fit-talb, kontemplazzjoni u penitenza.

 

Minkejja li kienet tgħix ħajja maqtugħa għaliha waħidha kellha tidher quddiem l-Inkwiżizzjoni.  Iżda hi mpressjonat lit-Tribunal bl-umilta’ tagħha u bl-għaqda tagħha ma’ Alla.

Hija żammet parti mid-dar tagħha biex tkun tista’tieħu ħsieb it-tfal foqra, ix-xjuħ u l-morda.  Jgħidu li dan kien il-bidu tas-servizzi soċjali fil-Perù.

L-aħħar tliet snin ta’ ħajjitha għaddiethom marida u fi tbatija kbira fid-dar ta’ ħabibitha li kienet il-mara ta’ impjegat għoli mal-Gvern.

Mietet nhar l-24 ta’ Awissu 1617, meta kellha 31 sena.  Il-belt kollha ta’ Lima ħarġet bi ħġarha għal funeral tagħha, u l-aqwa nies tal-belt refgħu t-tebut tagħha.

 

Fl-1671, il-Papa Klement X iddikjaraha Qaddisa u Patruna tal-Perù, ta’ l-Amerika t’isfel u tal-Filippini.  Kienet l-ewwel waħda li ġiet ikkanonizzata mill-Kontinent Amerikan.

 

Ħsieb

Kemm aħna lesti li nitgħakksu biex ma nħallux il-ħażin ikaxkarna miegħu?  Kemm nixbħuha lil Santa Roża fit-talb, fil-kontemplazzjoni u fil-mortifikazzjoni li kienet tagħmel?  Kemm ġie li ma ssaportejniex kuntrarju ċkejken, u kemm ġie li għamilna qorti fuq xejn!

 

 

 

 

 

 

 

 

24 TA’ AWWISSU

 

SAN BARTILMEW

Appostlu: L-ewwel Seklu

 

 

 

San Bartilmew, wieħed mit-tnaxil Appostlu, twieled f’Kana tal-Galilija, u probabilment hu l-istess persuna bl-isem ta’ Natanael, li Filippu kien ħajru biex imur miegħu jara lil Ġesù ta’ Nażaret.  Natanael kien qallu: ”Tista’ toħroġ xi ħaġa tajba minn Nażaret?” (ara Ġw. 1:45-51)

Ġesù sejjaħlu ”Israeli tabilħaqq, li ma għandux qerq”.

San Ġwann fil-Vanġelu tiegħu ma jsemmih qatt bl-isem ta’ Bartilmew, imma dejjem bħala natanael, filwaqt li t-tliet Evanġelisti l-oħra jsibuh dejjem bl-isem ta’ Bartilmew.

Bħal uħud mill-Appostli l-oħra, ftit nafu dwar l-attivita’ tiegħu wara l-Pentekoste.  Skond xi wħud hu mar jippriedka l-Vanġelu fl-Indja u wara mar l-Armenja fejn sofra l-martirju.  Uħud jgħidu li miet bi qtugħ ir-ras, waqt li oħrajn jgħidu li qaxxrulu l-ġilda tiegħu u sallbuh rasu ’l isfel bħalma jirrapreżentah Michelangelo fl-Aħħar Ġudizzju fil-Kappella Sistina.

 

 

Ħsieb

”Nistrani tassew, li ma għandux  qerq!”  Tgħid Ġesù jkun jista’ jindirizzana b’dawn il-kelmiet li kieku kellna niltaqgħu miegħu issa wiċċ imb’wiċċ?  Tgħid ikun jistħoqqilna tassew!  Jekk le, infittxu li nkunu, ħalli meta niltaqgħu miegħu, ikollna l-kbira xorta nisimgħuhom!

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

25 TA’ AWWISSU

 

SAN LUDOVIKU TA’ FRANZA

Re: 1214 - 1270

 

San Ludoviku twieled f’Poissy, Franza, fil-25 ta’ April 1214.  Kien iben ir-Re Ludoviku VIII.

Fl-1226, tilef lil missieru, u billi kien għadu tifel ta’ tnax-il sena, ommu saret Reġġenti, u mexxiet il-pajjiż floku.

Ta’ dsatax-il sena żżewweġ lil Margerita, u tfal kellhom ħdax: ħames subien u sitt ibniet.

Fl-1235, meta kellu 21 sena, ħa t-tmexxija tal-pajjiż f’idejh, u sar Ludoviku IX ta’ Franza.  Kien mexxej eżemplari, u ħadem ħafna biex ikun hemm il-paċi u l-ġustizzja fis-saltna tiegħu.  Kien jinteressa ruħu fil-fqar, bena sptarijiet u skejjel.  Kien jgħix ħajja umli u ta’ talb tant li kien isib ħin biex jisma’ quddiesa kuljum, u jfittex li jagħmel ġid spiritwali lil kulħadd.  Qatt ma wettaq vendetti, u qatt ma ġera wara ambizzjonijiet u konkwisti.

Fl-1248 mexxa s-seba’ Kruċjata kontra s-Sultan ta’ l-Eġittu li kien qed jhedded l-artijiet imqaddsa, iżda waqa’ priġunier tas-Seraċini.  Meta ġie mifdi fl-1250, huwa bl-armata tiegħu, baħħar lejn il-Palestina fejn dam sal-1254.  Irritorna lejn pajjiżu hekk kif sema’ li ommu li kienet qed tmexxi l-pajjiż floku kienet mietet.

Fl-1270 mexxa Kruċjata oħra, iżda waqa’ marid f’Tunes fejn miet fil-25 ta’ Awissu.  Għalkemm iż-żewġ Kruċjati fallew bil-kbir, iżda hu ħalla eżempju mill-isbaħ ta’ eroiżmu.

Il-Papa Bonifaċju VIII ikkanonizzah fl-1927.

 

 

Ħsieb

Meta San Ludoviku kien għadu tifel kien jisma’ ’l ommu tgħidlu: ”Ibni, irrid narak mejjet milli mtabba’ bid-dnub u ’l bogħod mill-grazzja ta’Alla”.  Mhux ta’ b’xejn li minkejja l-pożizzjoni għolja soċjali tiegħu, tela’ b’dawk il-ħafna sentimenti sbieħ li wassluh biex isir Qaddis!  Jalla l-ġenituri, u dawk li jieħdu ħsieb it-tfal jagħrfu r-responsabbilta’ kbira tagħhom li jagħmlu mat-tfal fdati lilhom mhux biss ġid materjali iżda wkoll spiritwali.

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

25 TA’ AWWISSU

 

SAN ĠUŻEPP CALASANZ

Saċerdot: 1557 – 1648

 

San Ġużepp twieled f’Peralta de la Sal, Aragona, Spanja, fil-11 ta’ Settembru 1557, l-iżgħar fost ħames aħwa.  Kellu edukazzjoni tajba, u wasal biex ħa d-Dottorat fil-Liġi.  Iżda billi xtaq isir saċerdot kompla jistudja t-teoloġija, u ordna saċerdot fl-1583.

Fl-1586, inħatar Vigarju Ġenerali ta’ Trempe, fejn wettaq xogħol pastorali u amministrattiv għal disa’ snin.

Fl-1592 mar-Ruma.  Hemmhekk sab għalqa kbira għaż-żelu appostoliku li kellu speċjalment għall-edukazzjoni tat-tfal abbandunati, bla dar, iltiema jew foqra.  Hames snin wara, f’Novembru 1597, bil-għajnuna ta’ żewġ qassis, waqqaf l-ewwel skola pubblika b’xejn fl-Ewropa.  Megħjun mill-Papa Klement VIII u mill-Papa Pawlu V, fetaħ skejjel oħra hekk fl-Italja, fi Spanja, fil-Bohemja u fil-Polonja.

Fl-1602, kera dar, u ma’ l-assistenti tiegħu beda fiha ħajja ta’ komunita’ reliġjuża li kienet il-bidu tal-Kongregazzjoni tiegħu bl-isem ta’ ”Klerikali Regulari ta’ Skejjel Reliġjużi”, jew ”Pjaristi”.  Il-għan prinċipali tal-Kongregazzjoni kien li jitwaqqaf sistema ta’ skejjel primarji u sekondarji biex jiżirgħu fit-tfal karattru tajjeb.  San Ġużepp kien intgħażel l-ewwel Superjur Ġenerali tal-Pjaristi.

Bħala ħabib tax-xjenzat magħruf Galileo, huwa sofra ħafna.

Żewġ membri tal-Kongregazzjoni tiegħu stess li kienu wkoll suċċessuri tiegħu bħala Superjuri Ġenerali, ħassrulu ismu, u fl-1646, il-Papa Innoċenzu X xolja l-Kongregazzjoni.  F’dan iż-żmien diffiċli, San Ġużepp baqa’ ħabib u missier tat tfal abbandunati, u jaħdem għall edukazzjoni tagħhom.

Miet f’Ruma fil-25 ta’ Awissu 1648, meta kellu 91 sena, u fl-1767 il-Papa Klement XIII iddikjarah Qaddis.  Huwa Patrun ta’ l-iskejjel b’xejn Kattoliċi.

Fl-1669, il-Pjaristi reġgħu ffurmaw ruħhom u llum il-Kongregazzjoni tagħhom għandha aktar minn 4,000 reliġjuż u aktar minn 350 skola mxerrdin mad-dinja.

 

Ħsieb

”Jekk int u taqdi ’l Alla, tfittex il-kumdita’ tiegħek, int mhux lil Alla tkun qed taqdi, iżda lilek innifsek.”    (San Ġużepp Calasanz)

 

 

 

 

27 TA’ AWWISSU

 

SANTA MONIKA

Armla: 332 – 387

 

Santa Monika twieldet fi ħdan familja nisranija sinjura fis-sena 332, f’Tagaste, illum Souk-Arras, fl-Afrika ta’ Fuq.  Meta kellha madwar sittax-il sena, kif kienet id-drawwa ta’ dawk iż-żminijiet, tgħammdet u għamlet l-Ewwel  Tqarbina.  Xi erba’ snin wara żżewwġet lil wieħed żagħżugħ pagan jismu Patrizju, u kellha tlitt itfal, żewġ subien u tifla.

Monika sofriet ħafna minn żewġha minħabba n-natural qalil li kellu u wkoll minħabba n-nuqqas ta’ fedelta’ lejha.  Hi ma nfexxitx fil-ġlied u fit-tgħajjir, imma fittxet li tgħix sewwa u tkun twajba, ħelwa u paċenzjuża miegħu.

Anke omm żewġha kienet ta’ l-istess natural ta’ binha, u Santa Monika sofriet ħafna minnha wkoll.

Wara tmintax-il sena f’din il-ħajja ta’ żwieġ, Monika rat lil żewġha jinbidel u jaqbad ħajja tajba u saħansitra sar nisrani.  Wara sena miet, fis-sena 370.

Għall-aħħar ta’ l-istess sena, binha l-kbir Wistin meta kellu sittax-il sena mar jistudja f’Kartaġni li dak iż-żmien kienet il-belt ewlenija ta’ l-Afrika.  Hemm iltaqa’ ma’ mara u għex magħha bla ma żżewwiġha sas-sena 385, u kellhom tifel, Adeodatu.  Sadanittant kien ħaddan l-ereżija tal-Manikej.  Minn Kartaġni mar Ruma u wara Milan.

B’qalbha maqsuma Santa Monika kienet issus u tiġri wara binha biex ma jkomplix f’dik il-ħajja.  Fis-sena 383 marret Ruma warajh u fis-sena 386 marret Milan.

F’Milan kellha x-xorti tara l-konverżjoni ta’ binha u għenitu jipprepara ruħu għall-magħmudija minn idejn l-Isqof San Ambroġ fl-Għid tas-sena 387.

Ftit wara l-magħmudija, Santa Monika flimkien ma binha telqu minn Milan biex imorru lura lejn l-Afrika.  Meta kien f’Ostia jistennew il-bastiment biex jimbarkaw fuqu għal Kartaġni, Monika mardet u fi żmien disat ijiem mietet meta kellha 54 sena.  Difnuha f’Ostia, iżda fl-1430 il-Papa Martin V ġab ir-relikwi tagħha Ruma fejn illum jinsabu fil-Knisja ta’ San Wistin.

 

Ħsieb

”Min jistenna jithenna!” Imma rridu nistennew kif stenniet santa Monika – bis-sabar, bil-kuraġġ, bil-għaqal u bit-talb.  Hi rnexxielha tara l-konverżjoni ta’ żewġha, tal-kunjata u ta’ binha.

 

 

 

 

 

 

 

28 TA’ AWWISSU

 

SAN WISTIN

Isqof u Duttur tal-Knisja: 354 – 430

 

San Wistin twieled f’Tagaste (l-Alġerija), fl-Afrika ta’ Fuq, fit-13 ta’ Novembru 354.  Missieru kien pagan, waqt li ommu kienet Nisranija ferventi (Santa Monika).  Missieru kkonverta għall-Kristjaneżmu fis-sena 370, u miet sena wara.

Wistin għadda żgħożija mqallba kemm f’dak li hu tagħlim u kemm fl-imġiba ta’ ħajtu.  Fis-sena 370, mar Kartaġni, belt ewlenija fl-Afrika, biex jistudja r-rettorika u l-filosofija.  Meta kien hemm iltaqa’ ma’ mara u mar jgħix magħha u kellu tifel minnha li semmieh Adeodatu.  F’dan iż-zmien ħaddan l-ereżija tal-Manikej.

Fis-sena 383, telaq lejn Ruma fejn fetaħ skola tar-rettorika.  Is-sena ta’ wara mar Milan.  Hemm aċċetta post bħala professur tar-rettorika.

Kien għatxan għall-għerf u sab dak li xtaq meta sama’ lill-Isqof ta’ Milan, San Ambroġ, jippriedka.  Baqa’ sakemm ikkonverta, u flimkien ma’ ibnu tgħammed minn San Ambroġ stess fl-Għid tas-sena 387, meta kellu 33 sena.

Ommu kienet preżenti għall-magħmudija tiegħu, għax hi kienet marret tfittxu u kienet iltaqgħet miegħu f’Milan, xi sena qabel.

Wara l-Magħmudija San Wistin flimkien ma’ ommu u xi ħbieb tiegħu, kien ser jirritorna lejn l-Afrika, iżda meta waslu Ostia, ommu mietet.  Imbagħad, San Wistin mar Ruma.

Fis-sena 388 mar f’Tagaste, u tliet snin wara ordna qassis, u sar koadjutur ta’ l-Isqof Valerju ta’ Hippo.  F’Hippo, San Wistin waqqf monasteru li biż-żmien tnisslu minnu tant monasteri oħra.

Meta l-Isqof Valerju miet, San Wistin sar Isqof floku fis-sena 396, ta’ 42 sena.

Baqa’ Isqof ta’ Hippo għal 34 sena oħra, jippriedka u jikteb ħafna mhux biss biex jgħallem lill-fidili tiegħu, iżda wkoll biex jeħodha b’qawwa kbira kontra l-Manikej u l-ereżiji ta’ żmienu, u biex ifisser il-fidi bil-għaqal.  L-iktar kotba famużi tiegħu huma “il-Belt ta’ Alla” u l-“ Istqarrijiet”.

Miet f’Hippo fit-28 ta’ Awissu 430 fl-eta’ ta’ 76 sena.  Huwa Duttur tal-Knisja.

 

 

Ħsieb

Sbuħija dejjem qadima u dejjem ġdida, domt ma ħabbejtek!  Int kont miegħi, iżda jiena le.  Il-maħluqin tiegħek kienu jżommuni ’l bogħod minnek ... Doqtok, u issa għandi l-ġuħ u l-għatx għalik.  Mellistni u issa nħossni ħerqan bix-xewqa tal-paċi tiegħek ... ... Int tassew timlieli ħajti, O Alla tiegħi.     (Kliem San Wistin wara li kkonverta)

 

 

 

 

 

29 TA’ AWWISSU

 

IL-MARTIRJU TA’ SAN ĠWANN BATTISTA

 

San Ġwann Battista twieled f’Ain-Karin, ħdejn Ġerusalemm.  Missieru kien Żakkarija, qassis f’Ġerusalemm.  Ommu kienet Eliżabetta, kuġina tal-Verġni Marija.

Sakemm kellu madwar 30 sena għex bħala eremita fid-deżert tal-Ġudea.  Imbagħad ħareġ jippriedka ma’ tul ix-xtut tal-Ġordan u jtenni: “Indmu għax is-Saltna tas-Sema hi fil-qrib”.

Ħafna nies kienu jmorru jisimgħuh, li wara, uħud minnhom saru dixxipli ta’ Ġesù.

Kellu l-unur kbir li jgħammed lil Ġesù, u jurih lin-nies bħala l-Ħaruf ta’ Alla, li jneħħi d-dnubiet tad-dinja.

Ġwanni kien ikkundanni ż-żwieġ ta’ Erodi Antipa ma’ Erodja li kienet il-mara ta’ ħuh.  Fuq hekk Erodi arrestah u tefgħu l-ħabs.  Iżda Erodja ma kinetx kuntenta b’hekk.  Kienet tfittex li toqtlu.  Ġietha x-xoqqa f’moxtha meta Erodi, f’jum għeluq sninu għamel ikla li għalija stieden il-kbarat tal-pajjiż, u bint Erodja, Salome, tant għoġbitu biż-żifna li għamlet quddiemu li ħalfilha li kien lest jagħtiha kull ma titolbu mqar nofs is-saltna.  Imġiegħla minn ommha, it-tfajla qaltlu: “Nitolbok tagħtini issa stess hawn fi platt, ras Ġwanni l-Battista”.

Erodi sewwed qalbu għal din it-talba, iżda biex ma jiksirx kelmtu quddiem il-mistednin, bagħat suldat biex iwettaq dak li xtaqet it-tfajla.

Il-mewt ta’ San Ġwann ġrat madwar sena qabel dik tal-Mulej tagħna Ġesù Kristu.  (ara Mt. 14:3-12; Mk. 6:17-29; Lq. 3:1-20, 9:7-9.)

 

Ħsieb

Ħadd minna ma  jista’ jirripeti l-missjoni li kellu San Ġwann, b’danakollu aħna lkoll imsejħin biex bħalu nkun xhieda ta’ Kristu, hi x’inhi l-pożizzjoni tagħna.  Bħala nsara nridu nagħtu xhieda għal Ġesù.  Nagħmlu hekk bil-kliem tagħna, bl-imġiba tagħna, bl-eżempji tagħna, fid-dar, fuq il-post tax-xogħol, kull fejn inkunu.  Kemm qed inkunu tassew xhieda ta’ Ġesù, bil-mod tal-ħajja nisranija li qed ngħixu?