QADDISIN GĦAL APRIL

 

 

 

2 TA’ APRIL

 

SAN FRANĠISK TA’ PAOLA

Eremit:  1416 – 1507

 

Il-ġenituri ta’ San Franġisk li kienu joqogħdu f’Paola, f’Kalabrija, l-Italja, baqgħu bla tfal għal ħmistax-il sena.  Imbagħad kellhom tlieta wara xulxin.  Il-kbir fosthom, Robertu, twieled fl-1416.

 

Meta Robertu kien għadu żgħir, intefħitlu għajnu x-xellugija hekk li kien hemm periklu li kien ser jagħma minnha.  Il-ġenituri tiegħu għamlu wegħda ma San Franġisk t’Assisi li jekk ifiq ilibbsuh il-libsa tal-Patrijiet Franġiskani u jibgħatuh għal sena jgħix f’kunvent ta’ l-Ordni.  U fieq.

 

Din il-wegħda ħelisha meta kellu tlettax-il sena.  Wara, flimkien mal-ġenituri tiegħu mar pellegrinaġġ, u żar Ruma, Assisi u Loretu.

 

Meta kellu ħmistax, bidel ismu f’Franġisku, u mar jgħix għalih waħdu fuq biċċa art ta’ missieru, sakemm sab għar u beda jgħix fih.

 

Żewġ żgħażagħ saru jafu bih u marru jgħixu miegħu.  Fl-1435, bnew kappella u tliet ċelel.  Qassis mill-parroċċa kien imur iqaddsilhom.

 

In-numru ta’ żgħażagħ li bdew imorru jissieħbu miegħu baqa’ dejjem jikber, u fl-1454, bl-għajnuna tal-poplu bena kunvent u knisja, u l-membri bdew jgħixu f’Regola ta’ faqar, umilta’ u sawm kuljum.  San Franġisk semma din il-Komunita’ tiegħu, ”L-Ordni tal-Minimi” (L-iċken fost l-iżgħar).

 

Fuq ix-xewqa tal-Papa Sistu IV, mar jassisti lir-Re Lwiġi XI ta’ Franza, li kien qed imut.  Il-Papa offra li jordnah saċerdot biex jaqdi aħjar il-missjoni tiegħu, iżda Franġisku talbu minn qalbu jħallih lajk.

 

Wara l-mewt tar-Re Lwiġi, Karlu VIII, u warajh Lwiġi XII, żammewh fi Franza, li bis-saħħa t’hekk, San Franġisk kiseb ħafna għajnuna minn għandhom biex jibni kunventi ta’ l-Ordni tiegħu fi Franza u f’pajjiżi oħra fl-Ewropa.

 

Tliet xhur qabel miet, ħalla l-impenn li kellu mar-Re u mar jgħix fis-solitudni tal-monasteru fejn miet fil-Ġimgħa l-Kbira ta’ l-1507, fl-eta’ ta’ 91 sena, fTours, Franza.

 

Tnax-il sena wara, ġie kkanonizzat mill-Papa Ljun X.

 

Ħsieb

Il-fwieħa tal-fjuri ma tixteridx kontra r-riħ, iżda l-fwieħa tal-virtù tixtered ukoll kontr r-riħ.

(Proverbju Ħindu)

 

 

 

 

 

 

 

 

4 TA’ APRIL

 

SAN SIDOR

Isqof u Duttur tal-Knisja:  560 – 636

 

San Sidor kien tifel ta’ familja nobbli Rumana, li kienet qed tgħix f’Kartaġena, Spanja.  Tlieta minn ħutu huma wkoll qaddisin, San Leandru li kien Arċisqof ta’ Sevilla, San Fulġenzju, Isqof ta’ Astigi, u Santa Florentina.

 

Fis-sena 599 sar Arċisqof ta’ Sevilla, wara ħuh, u mexxa d-Djoċesi b’suċċess kbir għal 37 sena, sakemm miet fl-4 ta’ April 636.

 

Kien bniedem ta’ għerf kbir, u kien l-aħħar wieħed fost il-Filosofi Nsara.  Kien ukoll l-aħħar wieħed fost il-Missirijiet tal-Knisja Latina, u kien l-ewwel kittieb Nisrani li għamel ’Summa’, ġabra ta’ għerf universali.  Hu ġabar xogħlijiet Latini u Griegi, li kienu jintilfu li kieku ma kienx hu.  Baqa’ msemmi ħafna għall-opra tiegħu ”Etymologiae”, kollezzjoni sistematika ta’ 154 kittieb ta’ żmienu, fuq teoloġija, axxetika, storja, ġografija, astronomija, u suġġetti oħra.

 

San Sidor attenda t-Tieni Konċilju ta’ Sevilla fis-sena 619, u ppresieda r-Raba’ Konċilju ta’ Toledo fis-sena 633.

 

Ħadem ħafna biex il-Viżigoti li ddominaw Spanja għal kważi żewġ sekli, ġew ikkonvertiti mill-Arjaniżmu.

 

San Sidor miet fis-sena 636, ta’ 76 sena.

 

 

Ħsieb

Għalkemm jien forsi miniex kittieb, bħalma kien San Sidor, u għalhekk ma nistax nagħmel il-ġid permezz tal-kitba, bdanakollu nista’ dejjem ngħin lill-Istampa Kattolika.  X’qed nagħmel biex ngħina?

 

 

 

 

 

 

 

 

 

5 TA’ APRIL

 

SAN VINĊENZ FERRER

Saċerdot:  1350 – 1419

 

San Vinċenz twieled f’Valenzja, Spanja, fl-1350, u kien ta’ nisel Ingliż jew Skoċċiż.  Fl-1367, meta kellu sbatax-il sena, daħal mad-dumnikani.

 

Ġie ordnat saċerdot mill-Kardinal Pietru de Luna, u ftit snin wara ġie magħżul Pirjol tal-Kunvent tad-Dumnikani, f’Valenzja.

 

Fi żmien meta fil-Knisja kien hemm żewġ Papiet, Klement VII, f’Avignon, u Urbanu VI, f’Ruma, San Vinċenz kien jaħseb li Klement VII kien il-veru Papa, għax kien influwenzat mill-Kardinal de Luna li kien iżomm miegħu.  Fl-istess waqt Santa Katarina ta’ Siena kienet iżomm mal-Papa Urbanu VI.

 

Meta Klement VII miet, il-Kardinal de Luna laħaq floku bl-isem ta’ Benedittu XIII, u San Vinċenżamm miegħu.

 

Għal ħafna snin, San Vinċenz iddedika ruħu għal priedki u ġera f’ħafna pajjiżi, barra Franza, mar Spanja, l-Isvizzera, l-Italja, il-Ġermanja, l-Ingilterra u pajjiżi oħra.  Kien jippriedka l-iktar fuq in-Novissimi, u kien ikollu udjenzi enormi u ħafna konverżjonijiet.

 

Ix-xiżma fil-Knisja nkwetatu ferm, u ta sehmu sakemm raha tispiċċa.

 

Fl-1414,, il-Konċilju ta’ Kostanza, talab lill-Papiet jirriżenjaw biex ikun hemm l-għaqda fil-Knisja.  San Girgor XII irreżenja, iżda Benedittu XIII, ma riedx.

 

Meta San Vinċenz ra li Benedittu XIII ma riedx jirriżenja, ma baqax iżomm iktar miegħu, anzi darba, meta kien marid mejjet, f’laqgħa li fiha kien qed jippresiedi Benedittu XIII, iddenunzjah b’ħiltu kollha.

 

Kien hu wkoll li ta’ parir lir-Re Federiku ta’ Aragona biex ma jkomplix jappoġġa lil Benedittu.

 

Fl-aħħar Benedittu ġie mneħħi u hekk ix-xiżma spiċċat fl-1416 meta ġie elett il-Papa

Martin V.

 

Tliet snin wara San Vinċenz miet f’Vannes, Franza, fil-5 t’April 1419.

 

 Ħsieb

”Is-sewwa fl-aħħar jirbaħ, għalkemm jista’ jieħu ħafna żmien.”       (Proverbju  Malti)

 

 

 

 

 

 

 

 

 

7 TA’ APRIL

 

SAN ĠWANN BATTISTA DE LA SALLE

Saċerdot:  1651 – 1719

 

Il-Fundatur tal-”Freres” twieled f’Rheims, Franza, fit-30 ta’ April, 1651, f’familja nobbli u sinjura ħafna.

 

Fl-1670 daħal is-Seminarju ta’ Pariġi, u ġie ordnat saċerdot fl-1678, meta kellu 28 sena.

 

Sentejn wara ltaqa’ ma Adrian Nyel, u miegħu beda jaħdem għall-edukazzjoni tat-tfal foqra.  Baqa’ sakemm intefa’ b’ruġu u b’ġismu f’dan ix-xogħol.  Ħalla d-dar u l-kanonikat, flusu beda jonfoqhom fit-tfal, u beda jgħix fl-istess livell tal-foqra li għalihom iddedika l-kumplament ta’ ħajtu.

 

Beda jiftaħ skola waħda wara l-oħra, u minn żmien għal żmien kien iżurhom.  Kien jinkoraġġixxi l-għalliema, jagħtihom pariri, u jissuġġerilhom metodi ġodda biex jgħallmu aħjar.  Ġie li stedinhom id-dar tiegħu biex jieklu, u joqogħdu miegħu.  ’hekk bdiet ir-rabta ma’ wħud minnhom, li wara, permezz tagħhom waqqaf il-Kongregazzjoni ta’ l-Aħwa (Freres), fit-28 ta’ Mejju 1684.

 

Barra mill-iskejjel primarji u sekondarji li waqqaf, ħa ħsieb ukoll jiftaħ Kulleġġi ta’ l-Għalliema (Colleges of Education).  L-ewwel wieħed li fetaħ kien f’Rheims, fl-1687, imbagħad f’Pariġi, fl-1699, u ieħor f’Saint Denis fl-1709.

 

L-iskejjel tiegħu xterdu ma Franza kollha, u mad-dinja.  Il-metodi tiegħu biddlu s-sistema edukattiva ta’ żmienu.

 

Dan swielu ħafna diżappuntamenti, ostakli u oppożizzjoni minn niesu, mill-awtoritajiet, u speċjalment mill-Ġensinisti li kienu qawwija ħafna.

 

Fl-1695, ifformula sett ta’ Regoli ghall-Komunita’ tiegħu.  Kiteb ukoll ttrattat fuq l-edukazzjoni, ”It-Tmexxija ta’ l-Iskejjel Insara”.

 

Mifluġ mill astma u r-rewmatiżmu, miet nhar il-Ġimgħa l-bira, fis-7 t’April 1719, f’Rouen, Franza.

 

Talba

Mulej Ġesù, int għallimt l-appostli tiegħek biex jilqgħu lit-tfal iż-żgħar:  ”Ħalluhom it-tfal iż-żgħar jiġu għandi: għax ta’ min hu bħalhom hija s-saltna tas-smewwiet”; bierek liż-żgħażagħ tagħna u ’l dawk li jieħdu ħsiebhom u ressaqhom ilkoll iktar lejk.

 

 

 

 

 

 

 

 

 

11 TA’ APRIL

 

SAN STANISLAW

Isqof u Martri:  1030 – 1097

 

San Stanislaw bħal San Ġwann Battista, San Tumas More u San Tumas a Becket, sofra l-martirju, għax waqaf fi żmienu lill-ħażen u l-inġustizzji tal-exxej ta’ pajjiżu.

 

Twieled qrib il-belt ta’ Krakow, il-Polonja, fis-26 ta’ Lulju 1030, f’familja nobbli u sinjura.  Ġie edukat fi Gnesen, il-belt kapitali tal-Polonja ta’ dak iż—żmien, u f’Pariġi.

 

L-Isqof ta’ Krakow ordnah saċerdot, u wara ħatru Vigarju Ġenerali tad-Djoċesi.  Fl-1072, sar Isqof ta’ Krakow, meta kellu 42 sena.

 

Bħala Isqof wissa bosta drabi lir-Re Boleslaw II, kemm għall-imġiba immorali tiegħu u kemm għall-inġustizzji li kien qed iwettaq, u meta wara ħafna twissijiet, ir-Re baqa’ ma biddilx ħajtu, Stanislaw fl-aħħar skomunikah.

 

Ir-Re xegħel bil-korla kontra l-Isqof, u ordna lis-suldati tiegħu biex imorru joqtluh.  Meta dawn irrifjutaw li jwettqu dan id-delitt, hu stess mar fil-kappella ta’ San Mikiel. Fejn San Stanislaw kien qed iqaddes, tela’ ħdejh fuq l-artal, ħareġ ix-xabla, u qatlu fil-post billi qasamlu rasu fi tnejn.

 

Fl-1095, ir-Re kellu jaħrab mill-pajjiż għax il-poplu qam kontrieh, u miet sentejn wara f’monasteru tal-Benedittini, fl-Ungerija.

 

Ħsieb

Forsi qed infittex li jkunu jġibuni l-bnedmin, jew qed infittex li jkun iġibni Alla?  Qiegħed jiena nfittex li nogħġob lill-bnedmin?  Li kont għadni nfittex li nogħġob lill-bnedmin, ma kontx inkun qaddej ta’ Kristu.                                                                                    (Gal. 1:10)

 

 

 

 

 

 

 

 

 

13 TA’ APRIL

 

SAN MARTIN I

Papa u Martri:  ? – 655

 

San Martin twieled f’Todi, fl-Umbrija, l-Italja, u sar kjeriku tal-Knisja ta’ Ruma.

 

Meta ġie elett Papa, f’Lulju tas-sena 649, ma riedx li jiġi kkonfermat mill-Imperatur Kustanz II, kif kienet id-drawwa fi żmienu, għax Kustanz kien qed iħaddan l-ereżija tal-Monoteliti, li kienu jiċħdu r-rieda umana fi Kristu.

 

F’Ottubru ta’ l-istess sena, San Martin sejjaħ sinodu fil-Lateran, fejn ħadu sehem 105 Isqof, u fost affarijiet oħra ġie kkundannat it-”Typos”, editt li kien jipprojbixxi li wieħed jitkellem sew fuq rieda waħdaq u sew fuq żewġ ridiet ta’ Kristu, li l-Imperatur Kustanz II kien ħareġ ftit żmien qabel.

 

L-Imperatur ħadha bi kbira ħafna, u għamel kemm seta’ biex iġiegħel lill-Papa jaċċetta t-”Typos”, saħansitra pprova jqajjem xiżma fost l-Isqfijiet, iżda ma rnexxilux.  Fl-aħħar, fis-sena 653, bagħat is-suldati tiegħu Ruma biex jaqbdu ’l-Papa u jġibuh quddiemu f’Kostantinopli.   Il-Papa li kien bniedem marradi, ma għamel l-ebda reżistenza, u wasal f’Kostantinopli fis-sena 654, fejn ġie mixħut il-ħabs, ittorturat u kkundannat għall-mewt.  Iżda flok qatluh mill-ewwel, eżiljawh fil-Krimeja.  Hawnhekk sofra l-ġuħ u ħafna maltrattamenti, sakemm miet, fis-sena 655.

 

San Martin I kien l-aħħar fost il-Papiet li mietu martri.

 

Ħsieb

Ma nistgħux niċħdu l-verita’ u l-qerq flimkien            (L-isqfijiet fis-Sinodu tal-Lateran 649)

 

 

 

 

 

 

 

 

 

21 TA’ APRIL

 

SAN ANSELMU

Isqof u Duttur tal-Knisja:  1033 – 1109

 

San Anselmu twieled fil-Belt ta’ Aosta, fuq l-Alpi, fl-Italja, fl-1033. Ommu kienet mara tajba, iżda missieru ma kienx.  Meta kellu madwar ħmistax-il sena , ommu mietet, u billi missieru ma kienx jittrattah tajjeb, telaq mid-dar, u għal xi snin għex ħajja jiġġerra, u saħansitra qasam ġo Franza.  Hemmhekk daħal fil-monasteru ta’ Bec, fejn sar dixxiplu tal- magħruf Abbati Lanfranku.

 

Fl-1060, sar Patri Benedittin, meta kellu 27 sena.  Fl-1063, sar Pirjol u ħmistax-il sena wara ġie elett Abbati.

 

Minħabba x-xogħol li kellu bħala Abbati, minn żmien għal żmien, kien ikollu jmur l-Ingilterra u hemm ġie li qagħad għand ħabibu Lanfranku, li kien sar Arċisqof ta’ Canterbury.

 

Meta fl-1093, Lanfranku miet, Anselmu ġie magħżul floku, għalkemm ir-Re William Rufus opponieh.

 

Fl-1097, Anselmu mar ruma biex jiltaqa’ mal-Papa Urbanu II, u baqa’ hemm sakemm miet ir-Re, fl-1100.

 

Meta rritorna l-Ingilterra, ħu Rufus kien Re bl-isem ta’ Enriku I.  Dan ir-Re wkoll, bħal ħuħ, ried li jkollu s-setgħa li jagħżel l-Isqfijiet hu, iżda Anselmu baqa’ ma aċċettax.

 

Fl-1103, Anselmu reġa mar Ruma u ltaqa mal-Papa Paskal II.  Bħal qabel sap l-appoġġ kollu tal-Papa, u baqa’ Ruma sal-1105, meta Enriku wiegħed li ma jindaħalx iktar fl-għażla ta’ l-Isqfijiet.  Iżda l-kwistjoni ta’ l-Investitura nqatgħet fil-Konċilju ta’ Londra, fl-1107.

 

Anselmu miet fuq biċċa xkora, f’Canterbury, fil-21 ta’ April 1109, wara li kien ilu Isqof ħmistax-il sena.

 

Hu kien magħruf bħala wieħed mill-aħjar imħuħ ta’ żmienu, u l-kitba tiegħu fuq it-Teoloġija tħabbatha ma dik ta’ San Wistin.  Fost l-aħjar għandu “Għaliex Alla sar Bniedem”.

 

Il-Papa Klement XI iddikjarah Duttur tal-Knisja fl-1720.

 

Talba

Mulej Alla tagħna, agħtina l-grazzja li nixtiquk b’qalbna kollha, biex infittxuk sakem insibuk, u hekk nibdew inHobbuk tassew, u f’imħabbitna lejk nabborru d-dnub li minnu inti ħlistna.

(San Anselmu)

 

 

 

 

 

 

 

23 TA’ APRIL

 

SAN ĠORĠ

Martri:  ? – 303

 

Ftit li xejn nafu dwar il-ħajja ta’ San Ġorġ.  Skond it-tradizzjoni, kien suldat nisrani li sofra martirju f’Lidda, il-Palestina, fis-sena 303, probabbilment fi żmien il-persekuzzjoni ta’ Djoklezjanu.

 

Sa mis-seklu 4 kien ħa miqjum f’Diospoli tal-Palestina, fejn ġa kien hemm knisja ddedikata lilu.

 

Id-devozzjoni lejh waslet fl-Ewropa milll-Kruċjati, fi żmien ir-Re Richard I ta’ l-Ingilterra.

Li San Ġorġ ħeles lil bint is-Sultan mid-dragun, hi leġġenda li bdiet fl-Italja fis-seklu tnax.

 

San Ġorġ hu l-Patrun ta’ l-Ingilterra, il-Portugal, il-Ġermanja, u pajjiżi oħra.

 

 

 

Talba

Mulej, f’ġieħ San Ġorġ li għeleb it-tbatijiet tal-martirju biex għadda minn din id-dinja għal għandek, għamel li aħna wkoll nibqgħu sa l-aħħar magħqudin miegħek fl-imħabba, biex ikun jistħoqqilna nidħlu miegħek fis-saltna ta’ dejjem.

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

24 TA’ APRIL

 

SAN FIDIEL TA’ SIGMARINGEN

Saċerdot u Martri:  1577 – 1622

 

San Fidiel twieled fil-belt ta’ Sigmaringen, il-Ġermanja, fl-1577, u ġie mogħti l-isem ta’ Mark.  Missieru kien is-Sindku tal-Belt.

 

Studja l-Liġi fl-Universita’ ta’ Feiburg, l-Isvizzera, u laħaq Avukat.  Billi kien jaħdem ħafna

għall-fqarbdew isibuh bħala ”L-Avukat tal-Fqar”.

 

Il-ħajja ta’ avukat ma għoġbitux.  Xtaq jgħix f’għaqda ikbar ma’ Alla.  Għalhekk iddeċieda li jħalli l-professjoni tiegħu ta’ avukat u jsir qassis.  Sena wara li sar qassis, fl-1612, daħal Patri mal-Kapuċċini, bl-isem ta’ Fidiel.

 

Bħala Patri Kapuċċin intefa’ b’ruħu u b’ġismu jippriedka biex jikkonverti l-Kalvinisti.  Fil-vjaġġi tiegħu kien jieħu biss kurċifiss, bibbja, il-brevjar u r-regola tal-Kapuċċini.  Irnexxielu jagħmel ħafna konverżjonijiet.

 

Meta twaqqfet il-Kongregazzjoni għat-Tixrid tal-Fidi, il-Papa Girgor XV, fl-1622, ħatru Superjur tal-Missjoni ta’ Grisoni, fl-Isvizzera.

 

Fl-24 ta’ April, 1622, waqt li kien qed jippriedka f’Seewis, l-Isvizzera, xi ħadd sparalu biex joqtlu, bla ma rnexxielu.  Iżda meta kien fi triqtu lura lejn il-kunvent fi Grusch, xi nies qabżu fuqu, u sawtuh sakemm qatluh.  Qabel miet instama’ jitlob: ”Mulej aħfrilhom għax ma jafux xinhuma jagħmlu”.

 

San Fidiel huwa l-ewwel martri tal-Propaganda tal-Fidi, u ta’ l-Ordni Kapuċċin.

 

Talba

Mulej il-fidi tiegħi hija rigal tiegħek, il-blata soda li fuqha jien nieqaf.  Żommli għajnejja ffissati fuq Ibnek, Ġesù msallab, biex inkun nista’ naqsam miegħu l-mewt u l-qawmien għall-ħajja.                                                                                                              (San Fidiel)

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

25 TA’ APRIL

 

SAN MARK

Evanġelista:  l-Ewwel Seklu

 

San Mark aktarx li kien it-tifel ta’ Marija, dik il-mara armla prominenti fil-komunita’ Nisranija ta’ Ġerusalemm, li kienet iżżomm laqgħat ta’ l-Insara fid-dar tagħha: u li San Pietru meta ġie meħlus mill-ħabs nar dritt għandha (Atti 12:13).

 

Probabbilment San Mark ġie mgħammed minn San Pietru stess.

 

Meta San Pawl u San Barnaba, li kien kugin ta’ Mark, ġew Ġerusalemm bil-karita’ li kien ġabru minn Antjokja, Mark issieħeb magħhom u mar magħhom fl-ewwel vj0061ġġ missjunarju ta’ San Pawl, iżda għal xi raġuni meta kienu f’Perge tal-Pamfilja telaqhom u rritorna Ġerusalemm (Atti  13:13).  Minħabba f’hekk San Pawl ma riedx lil Mark jakkompanjah fit-tieni vjaġġ tiegħu, u floku ħa lil Silas.  Fuq hekk San Barnabaw ma marx ma’ San Pawl, iżda flimkien ma, Mark mar Ċipru, art twelidu.

 

Fis-sena 61, insibu li Mark kien ma’ San Pawl f’Ruma, l-ewwel darba li San Pawl kien fil-ħabs.

 

Minn Ruma x’aktarx li mar Kolossi, fl-Asja ż-ħira.  Dan nafuh mill-ittra ta’ SanPawl lill-Kolossin fejn talabhom jaqgħtuh merħba (Kol. 4:10).

 

Meta San Mark reġa’ mar ruma, ħadem ma San Pietru, u kien f’dan iż-żmien li kiteb il-Vanġelu tiegħu, l-iqsar vanġelu, u kitbu bil-Grieg, għax x’aktarx li kien għall-Ġentili kkonvertiti ta’ Ruma.  Ħafna minn dak li kiteb sar jafu mingħand San Pietru li kien isejjaħlu ”ibni”.  L-iljun bil-ġwienaħ hu s-simbolu tal-Vanġelu tiegħu għax fih iddeskriva ’l San Ġwann Battista bħala ”vuċi tgħajjat fid-deżert”, vuċi ta’ ljun; u l-ġwienaħ għax Eżakiel kien ra viżjoni ta’ erba’ annimali bil-ġwienaħ.

 

Mar Efesu.  Dan nafuh mill-ittra ta’ San Pawl lil San Timotju fejn talbu jġib lil Mark miegħu (2 Tim. 4:11).

 

Tradizzjoni tgħid li wara l-mewt ta’ L-Appostli, San Mark mar waqqaf il-Knisja f’Lixandra fejn x’aktarx miet martri.

 

Illum hu kważi ċert li dak iż-żgħażugħ li ħarab għarwien mill-Ġetsemani meta arrestaw lil Ġesù , li hu jsemmi fil-Vanġelu tiegħu, kien hu nnifsu.

 

Talba

Kristu bagħatni nxandar l-Evanġelju mhux bi kliem il-għerf sabiex ma jiġix fix-xejn is-salib ta’ Kristu.  Il-predikazzjoni tas-salib hija bluha għal dawk li jintilfu:  imma għal dawk li jsalvaw, għalina, hi l-qawwa ta’ Alla.                                                 (1 Kor. 1:17)

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

28 TA’ APRIL

 

SAN PIETRU CHANEL

Saċerdot u Martri:  1803 – 1841

 

San Pietru Chanel (aqra Xanel), il-ħames fost tmien aħwa, twieled f’Cuet, Franza, fl-1803.

 

Mindu kellu seba’ snin kien jirgħa n-nagħaġ tal-ġenituri tiegHu.  Għodwa waħda, meta kellu madwar ħdax-il sena, iltaqa’ miegħu Abbe (Dun) Trompiet, il-Kappillan ta’ Cras, u staqsiegh jekk riedx isir qassis.  Meta Pietru wieġbu li ried, Abbe Trompier bil-kunsens tal-ġenituri daħħlu fi skola li hu stess kien għadu kemm fetaħ.

 

Ftit snin wara, San Pietru daħal is-Seminarju.

 

Meta fl-1827 ordna saċerdot ġie mibgħut jaħdem f’parroċċa, fejn dam tliet snin.

 

Billi ġietu l-ħajra jmur il-missjoni, daħal fis-Soċjeta’ ta’ Marija fl-1831.  L-ewwel ħames snin f’din is-Soċjeta’ għaddiehom jgħallem fis-Seminarju ta’ Belley.  Iżda fl-1836, qata’ xewqtu għax ġie mibgħut bħala missjunarju fl-Oċeanja, u sab ruħu flimkien ma Fratelli fi gżira jisimha Futuna, fejn in-nies qatt ma kienu għadhom raw saċerdot Kattoliku, u qatt ma kienu semgħu b’Ġesù.

 

Ġara li l-Kap tal-Gżira, Niuliki, meta beda jara n-nies jitilqu l-kult ta’ l-ispirti, u jħaddnu l-fidi ta’ Ġesù, beda jibża li jitlef il-poter, u iktar beża’ meta ibnu stess ikkonverta u tgħammed.  Għalhekk, bagħat uħud mill-gwerriera tiegħu biex joqtlu lil Pietru l-missjunarju.  Dawn qabduh u wara li sawtuh sakemm qatluh, qattgħu ġismu biċċiet biċċiet.  Dan kien fit-28 ta’ April 1841, meta San Pietru kellu biss 38 sena.

 

Ftit ġranet qabel miet, peress li kien sama’ li kienu qed jissajjawh biex joqtluh qal: “Ir-Reliġjon ta’ Ġesù rabbiet għeruq fil-fond f’din l-art, u mhix ser tmut bil-mewt tiegħi”.

 

Ftit snin wara mewtu, in-nies kollha tal-gżira saru Kattoliċi, u mhux huma biss, imma wkoll ta’ gżejjer oħra tal-Paċifiku, li għadhom hekk sa llum u jqimu lil San Pietru bħala l-issier li nissilhom fi Kristu.

 

Ħsieb

Lir-rebbieħ nagħtih li joqgħod maġenbi fuq it-tron tiegħi, l-istess kif jien, meta rbaħt, qgħadt maġenb Missieri fuq it-tron tiegħu.                                                                  (Apok. 3:21)

 

 

 

 

 

 

 

 

 

29 TA’ APRIL

 

SANTA KATERINA TA’ SIENA

Verġni u Duttur tal-Knisja:  1347 – 1380

 

Santa Katerina twieldet fi Siena, fl-Italja, fl-1347.  Kienet l-iżgħar fost il-ħamsa u għoxrin wild tal-familja Benincasa.

Ta’ tmintax-il sena, ikkonsagrat lilha nnifisha ‘l Alla, u daħlet Terzjarja Dumnikana, u mal-ħajja kontemplattiva ta’ meditazzjoni u talb, bdiet ħajja l-aktar attiva, billi bdiet tmur fl-isptarijiet iddur bil-morda, u bix-xjuħ u tgħin lil kull min setgħet.  Kienet tmur ukoll fil-ħabsijiet, u tkellem speċjalment lil dawk li kienu jkunu kkundannati għall-mewt.

 

Fl-epidemija tal-pesta, fl-1374, kienet tieħu ħsieb lil dawk li kienu jimirdu, iddur bihom u tgħinhom, u ġie li anke difnithom hi stess meta mietu.

 

Ħadmet u għenet ħafna L-Knisja meta kienet għaddejja minn wieħed miż-żminijiet tqal tagħha.  Fl-1377, ikkonvinċiet lill-Papa Girgor XI biex iħalli Avignon, Franza u jmur Ruma.  Ġara li meta miet, floku ġie elett il-Papa Urbanu VI f’Ruma, u f’Avignon ġie elett Papa ieħor bl-isem ta’ Klement VII, u warajh Benedittu XIII, li għal xi żmien kien appoġġat minn San Vinċens Ferrer, sakemm fl-1414, il-Konċilju ta’ Kostanza saħaq li Benedittu XIII għandu jirriżenja, u fl-1416, iddepożitah.  Hi ħadmet bla heda biex tara l-Knisja magħquda mal-Papa leġittimu Urbanu VI.

 

Santa Katerina kitbet id-“Djalogu”, ktieb li jikkonsisti fi djalogi bejn Alla u r-ruħ; madwar erbaq’ mitt ittra lill-Papiet, mexxejja ta’ pajjiżi u nies prominenti, li juru l-fond ta’ l-ispiritwalita’ u tal-għerf tagħha; u kitbiet oħrajn.

 

Tliet xhur qabel mietet, mardet u sofriet ħafna.  Kellha devozzjoni kbira lejn l-Ewkaristija, u kellha wkoll l-uġigħ ta’ l-istigmata.

 

Mietet fid-29 ta’ April 1380, f’Ruma, meta kellha 33 sena.

 

Il-Papa Pawlu VI fl-4 ta’ Ottubru 1970 iddikjaraha “Duttur tal-Knisja” flimkien ma Santa Tereża ta’ Avila.

 

Ħsieb

Katerina kienet tfittex u ssib lil Alla dejjem u kullimkien, u kienet tingħaqad miegħu tassew minn qalbha b’rabta ta’ mħabba.                                              (Ant. Tal-kant. Ta’ Marija prop.)

 

 

 

 

 

 

 

 

 

30 TA’ APRIL

 

SAN PIJU V

Papa:  1504 – 1572

 

Anton Mikiel Ghislieri, kif kien jismu qabel sar Papa, twieled fl-1504, f’Bosco, fil-Lombardija, l-Italja, f’familja fqira.

 

Fl-1519, meta kellu ħmistax-il sena daħal mad-Dumnikani, u qaddes fl-1528.  Għal sittax-il sena għallem it-teoloġija u l-filosofija, sakemm il-Papa Pawlu IV, fl-1556 ħatru Isqof ta’ Sutri, u fl-1557 Kardinal.  Imbagħad il-Papa Piju IV li laħaq wara Pawlu IV, poġġieh Isqof ta’ Mondori.

 

Meta l-Papa Piju IV miet, f’Diċembru ta’ l-1565, il-Kardinal Ghislieri ġie elett Papa fis-7 ta’ Jannar 1566, u ħa l-isem ta’ Piju V.

 

Bil-ħajja qaddisa tiegħu ġab atmosfera ġdida f’Ruma.  Wettaq ħafna mir-riformi fil-Knisja, mitluba mill-Konċilju ta’ Trentu (1545-1563).  Ippubblika Katekiżmu, Missal u Brevjar ġodda.  Irriforma l-mużika u l-liturġija tal-Knisja.  Ħadem bla serħan biex jgħaqqad il-mexxejja nsara ta’ l-Ewropa kontra t-theddida tat-Torok.  Fl-1570 skomunika lir-Reġina Eliżabetta I ta’ l-Ingilterra, u kiteb lil Mary Stuart fil-ħabs biex ifarraġha.

 

Malta għandha tassew biex tqisu bħala nmissier li ħaseb fiha ħafna bl-għajnuna kbira li ta’ lill-Kavallieri speċjalment biex sewwew il-ħerba li ħallew warajhom it-Torok taħt Suleiman II fl-Assedju l-Kbir u biex bnew il-belt Valletta.

 

Għen ħafna lil Don Juan ta’ l-Awstrija bħala l-Kmandant tal-flotta Nisranija, u waqt li talbu biex ma jeħux miegħu nies ta’ ħajja ħażina, ordna talb pubbliku għas-suċċess tat-taqbida tiegħu kontra t-Torok li ntemmet f’rebħa kbira għall-Insara fil-battalja ta’ Lepanto fis-7 ta’ Ottubru 1571.  Fuq din ir-rebħa, il-Papa waqqaf il-festa tar-Rużarju Mqaddes, u żied it-titlu “Għajnuna ta’ l-Insara” fil-Litanija tal-Madonna.

 

Kien iqatta’ ħafna ħin fit-talb, kien isum ħafna, u jgħaddi mingħajr il-kumditajiet u l-ħela, u kien josserva bir-reqqa ir-Regola bħala patri Dumnikan.

 

Miet fl-1 ta’ Mejju 1572, u jinsab midfun f’Santa Maria Maggiore, b’monument mill-isbaħ.

 

 

Talba

Oh Alla, int għażilt lil San Piju V biex ikun Ragħaj tal-Poplu kollu tiegħek ħalli jagħmillu l-ġid bil-kelma u bl-eżempju, ibqa’ ħares nitolbok, lir-ragħajja tal-Knisja u l-merħliet li tafda f’idejhom u mexxihom ilkoll sa ma jaslu fis-salvazzjoni ta’ dejjem.