
Il-Papa Pawlu VI
Ħajr lil Antoinette
Degabriele
għal typing u
korrezzjoni
|
EŻORTAZZJONI
APPOSTOLIKA
MARIALIS CULTUS
TAL-QDUSIJA TIEGĦU
PAWLU VI
lill-Isqfijiet
kollha li huma
fil-paċi
u f'għaqda mas-Sede
Appostolika
għat-tmexxija
tajba u l-iżvilupp
tad-devozzjoni
lejn l-Imqaddsa
Verġni Marija
Daħla:
Kif jinqasam
it-trattat.
Iċ-ċirkustanza u
l-iskop
tad-dokument.
Għeżież Ħutna, Saħħa
u Barka Appostolika.
Sa mill-mument meta
konna msejjħin
għas-Sede ta'
Pietru, ħabrikna bla
waqfien biex
inkabbru
d-devozzjoni lejn
l-Imqaddsa Verġni
Marija. Dan
għamilnieh mhux biss
biex infissru
l-fehma tal-Knisja u
l-ġibda tagħna
personali, imma
wkoll għax, kif jaf
kulħadd, din
id-devozzjoni
tagħmel parti kbira
mill-qima qaddisa li
fiha jitħalltu
l-ogħla tifsir ta'
għerf u reliġjon1
u li għalhekk hija
d-dmir ewlieni
tal-poplu t'Alla.
Kien eżatt b'dan
l-iskop f'moħħna li
dejjem għinna u
għamilna l-kuraġġ
biex isseħħ il-ħidma
kbira ta' tibdil
fil-liturġija kif
tqanqal
mill-Konċilju
Ekumeniku Vatikan
II. Żgur li huwa
skont il-pjan
tal-Provvidenza
t'Alla li l-ewwel
dokument
tal-konċilju li
flimkien mal-għeżież
Padri approvajna u
ffirmajna fl-Ispirtu
s-Santu kellha tkun
il-Kostituzzjoni
Sacrosanctum
Concilium.
L-iskop ta' dan
id-dokument kien
eżatt li jerġa'
jagħti l-ħajja u
jkabbar il-liturġija
u biex is-sehem
tal-fidili f'dawn
il-misteri qaddisa
jħalli aktar frott2.
Minn dak iż-żmien
'il quddiem, ħafna
atti tal-Pontifikat
tagħna kienu maħsuba
biex itejbu l-qima
divina. Dan jidher
mill-fatt li f'dawn
l-aħħar snin
xandarna bosta kotba
tar-Rit Ruman biex
nerġgħu nġibuh skont
il-prinċipju u
r-regoli
tal-Konċilju. Għal
dan nirringrazzjaw
mill-qalb
lill-Mulej, li
jagħti dak kollu li
hu tajjeb, u nibqgħu
nafuh
lill-konferenzi
episkopali u
isqfijiet
individwali li ħadmu
flimkien magħna
fit-tħejjijiet ta'
dawn il-kotba.
Meta naħsbu fuq
il-ħidma li diġà
twettqet u fuq
l-ewwel riżultati
tajbin ta' dan
it-tiġdid
fil-liturġija
nimtlew bil-ferħ u
gratitudni. Dawn
ir-riżultati tajbin
għandhom bilfors
jiżdiedu aktar ma
jiftiehem l-iskop
ta' dan it-tibdil u
jitwettaq sewwa.
Fl-istess ħin qatt
ma nieqfu b'ħeġġa
kbira ninteressaw
ruħna f'dak kollu li
jista' jtemm sewwa
t-tiġdid tal-qima li
l-Knisja fi spirtu u
verità (Ġw. 4,24)
tadura lill-Missier
u l-Iben u l-Ispirtu
s-Santu, "tqim
b'imħabba speċjali
lil Marija, l-Omm
l-aktar Qaddisa ta'
Alla"3 u
tagħti ġieh
b'devozzjonijiet
reliġjużi t-tifkira
tal-martri u
l-qaddisin l-oħra.
L-iżvilupp li
nixtiequ
fid-devozzjoni lejn
l-Imqaddsa Verġni
Marija hija turija
tal-qima vera
tal-Knisja. Kif diġà
għidna qabel, din
id-devozzjoni taqbel
mal-unika qima
"Kristjana" kif inhi
msejħa tajjeb. Dan
għaliex Kristu huwa
l-bidu u l-qawwa
tagħha, issib
it-tifsir sħiħ
tagħha fi Kristu, u
għaliex twassal
għand il-Missier
permezz ta' Kristu
fl-Ispirtu.
Fil-qasam tal-qima,
din id-devozzjoni
bilfors turi l-pjan
tal-fidwa t'Alla, li
fih tixraq sura
speċjali ta' qima
għall-post waħdieni
li Marija żżomm
f'dan il-pjan4.
Kull żvilupp veru li
jsir fil-qima
nisranija jrid
bilfors iġib miegħu
żieda xierqa
fil-qima lejn Omm
il-Mulej. Barra minn
hekk, l-istorja
tal-qima turi kif
"il-ħafna suriet ta'
qima lejn Omm Alla
li l-Knisja approvat
bħala parti
mid-duttrina tajba"5
żviluppat fi ftehim
taħt il-qima ta'
Kristu, u dejjem
iddur lejn din
il-qima bħala ċentru
naturali u bżonnjuż.
L-istess qed jiġri
fi żmienna. Illum,
ir-riflessjoni
tal-Knisja fuq
il-misteru ta'
Kristu u fuq
in-natura tagħha
stess, wasslitha
biex issib l-istess
figura ta' Mara,
il-Verġni Marija,
l-Omm ta' Kristu u
l-Omm tal-Knisja,
fil-qalba tal-istess
misteru ta' Kristu u
fil-quċċata
tal-Knisja. Din
iz-zieda ta' tagħrif
fuq il-missjoni ta'
Marija ġabet aktar
qima bil-qalb lejha
kif ukoll rispett u
qima kbira lejn
il-pjan għaqli
t'Alla li bħal
f'kull dar, qiegħed
Mara fil-Familja
tiegħu (il-Knisja),
li b'mod moħbi u fi
spirtu ta' servizz
tgħasses fuq din
il-Familja "u tieħu
ħsiebha sewwa sakemm
jasal il-jum glorjuż
tal-Mulej"6.
Fi żmienna,
it-tibdil li sar
fil-ħajja soċjali,
f'kif jaħsbuha
n-nies, fl-arti,
fl-ittri u f'mezzi
oħra ta'
kumunikazzjoni
soċjali kellu effett
ukoll fuq it-turija
tal-fehma reliġjuża.
Xi drawwiet ta' qima
li sa ftit ta' żmien
ilu kienu jidhru li
huma tajbin biex
ifissru l-fehmiet
reliġjużi tal-insara
u ta' komunitajiet
sħaħ, illum jidhru
li mhumiex tajbin
biżżejjed għaliex
marbutin ma'
għamliet soċjali u
kulturali
tal-imgħoddi.
Min-naħa l-oħra,
l-bnedmin qed
ifittxu toroq oħra
biex juru
r-relazzjoni li ma
titbiddel qatt bejn
il-ħolqien u
l-Ħallieq, bejn
l-ulied u
Missierhom. F'xi
wħud dan jista'
joħloq taħwid għal
xi ftit żmien. Imma
kull min bit-tama
f'Alla jaħseb fuq
dan, isib li dawn
il-ġibdiet għal qima
moderna (bħal ngħidu
aħna li tagħmel
interjuri
s-sentimenti
reliġjużi) huma
maħsuba biex jagħtu
s-sehem tagħhom
fl-iżvilupp tal-qima
nisranija b'mod
ġenerali u
fl-iżvilupp
tad-devozzjoni lejn
l-Imqaddsa Verġni
b'mod partikulari.
Għalhekk
iż-żminijiet tagħna,
attenti
għat-tradizzjoni u
l-iżvilupp
tat-teoloġija u
x-xjenza, jagħtu
s-sehem tagħhom ta'
tifħir lil dik li
skont il-kliem
profetiku tagħha
l-ġnus kollha
jsejħulha mbierka
(ara Luqa 1,48).
Għalhekk, għeżież
ħutna, inqisuha
bħala ħaġa li tmur
mas-servizz
appostoliku tagħna
li nitħaddtu fuq
numru ta' suġġetti
li għandhom x'jaqsmu
mal-post tal-Verġni
Mbierka fil-qima
tal-Knisja. Dawn
is-suġġetti diġà ġew
bejn wieħed u ieħor
meqjusa
mill-Konċilju
Vatikan II7
kif ukoll minna
stess8.
Imma huwa meħtieġ li
nerġgħu nduru
għalihom biex
inneħħu d-dubji, u
l-aktar biex ngħinu
l-iżvilupp tal-qima
lejn il-Verġna
Mbierka li
fil-Knisja hija
mqanqla mill-Verb
t'Alla u mħarrġa
fl-Ispirtu ta'
Kristu.
Għalhekk nixtiequ li
niġbdu fit-tul dwar
xi problemi li
għandhom x'jaqsmu
mar-relazzjoni bejn
il-liturġija mqaddsa
u l-qima lejn
il-Verġni Mbierka
(I), biex nagħtu
l-ħsibijiet u
d-direttivi tajbin
li jgħinu l-iżvilupp
ta' din il-qima (II)
u fl-aħħar nett biex
inġibu 'l quddiem
numru ta'
riflessjonijiet
maħsuba biex jagħmlu
l-kuraġġ ħalli
jerġgħu jibdew b'mod
ħaj u aktar
informattiv,
ir-reċita
tar-Rużarju,
prattika li kienet
inkoraġġita ħafna
mill-predeċessuri
tagħna u li hija
mxerrda ħafna fost
il-popli nsara
(III).
L-EWWEL PARTI
Il-Qima lejn
l-Imqaddsa Verġni
Marija fil-Liturġija
1.
Qabel ma nibdew
nitkellmu dwar
il-post tal-Imqaddsa
Verġni Marija
fil-qima nisranija,
l-ewwel irridu
nitfgħu għajnejna
fuq il-liturġija
mqaddsa. Minbarra
l-ħafna tagħlim li
hemm fil-liturġija,
tħalli wkoll effett
qawwi fil-ħajja
pastorali, kif ukoll
hija meqjusa bħala
eżempju ta' siwi
kbir għal għamliet
oħra ta' qima. Konna
nixtiequ kieku
nitkellmu dwar
il-liturġiji
differenti tal-Lvant
u l-Punent, imma
f'dan id-dokument
ser nitkellmu kważi
fuq il-kotba tar-Rit
Ruman biss.
Fil-fatt, skont
ir-regoli prattiċi
tal-Konċilju Vatikan
II9, kien
dan ir-Rit biss li
kien imġedded
bil-bosta. Dan
jgħodd ukoll f'dak
li għandu x'jaqsam
mal-wirjiet ta' qima
lejn Marija.
Għalhekk dan ir-Rit
jixraqlu li jkun
studjat sewwa.
I TAQSIMA
Il-Verġni Mbierka
fil-Liturġija Rumana
wara t-Tiġdid
2.
It-tibdil
fil-Liturġija Rumana
kien jitlob ukoll
tibdil bil-għaqal
fil-Kalendarju
Ġenerali.
Il-Kalendarju huwa
mqassam b'mod li
jagħti l-importanza
mistħoqqa
liċ-ċelebrazzjoni fi
ġranet xierqa
għall-fidwa. Hemm
imqassam matul
is-sena l-misteru
kollu ta' Kristu,
mill-Inkarnazzjonii
sat-tama tat-tieni
miġja tiegħu
fil-glorja. B'hekk
setgħu jsiru
t-tifkiriet ta' Omm
Kristu b'mod
mill-aktar ħaj u
magħqud mal-misteri
ta' Binha matul
is-sena.
3.
Ngħidu aħna, matul
il-liturġija
tal-Avvent insibu
bosta tifkiriet ta'
Marija minbarra
s-Solennità tat-8
ta' Diċembru. Din
hija fl-istess ħin
it-tifkira
tat-tnissil bla
Tebgħa ta' Marija,
tat-tħejjija
prinċipali (ara Iż.
11, 1)10
għall-miġja
tal-Messija, u
l-bidu ferħan
tal-Knisja mingħajr
tebgħa jew tikmix11.
Insibu wkoll
tifkiriet l-aktar
bejn is-17 u l-24
ta' Diċembru, u
fil-Ħdud ta' qabel
il-Milied li
jfakkruna
fil-profeziji antiki
li kellhom x'jaqsmu
mal-Omm Verġni u
l-Messija12.
Dawn ukoll fihom
qari mill-Evanġelju
li jirrakkonta
l-wasla tat-twelid
ta' Kristu u
l-Prekursur tiegħu13.
4.
B'dan il-mod,
il-fidili waqt li
jgħixu l-ispirtu
tal-Avvent
fil-liturġija,
jaħsbu dwar
l-imħabba bla qies
li biha l-Omm Verġni
stenniet lil Binha14,
u huma mistiedna
biex jeħduha bħala
mudell u jħejju
rwieħhom biex
jilqgħu 'l Feddej li
għandu jiġi. Huma
għandhom "iħabirku
fit-talb u jifirħu"15.
Wieħed għandu
jinduna li
l-liturġija
tal-Avvent, li
tgħaqqad il-miġja
tal-Messija u
l-miġja glorjuża ta'
Kristu mat-tifkira
ta' Ommu tagħti
bilanċ tajjeb
fil-qima tal-insara.
Dan il-bilanċ għandu
jittieħed bħala
regola biex tispiċċa
xeħta (kif ġara xi
minn daqqiet
f'devozzjonijiet
populari) li nifirdu
l-qima tal-Verġni
Mbierka minn Kristu,
li jmorru flimkien.
Dan ukoll jagħmilha
ċerta li dan
iż-żmien liturġiku
għandu jkun żmien
xieraq għall-qima
lejn Omm il-Mulej,
kif jgħidu bosta
għorrief
tal-liturġija. Aħna
napprovaw dan
il-ħsieb u nittamaw
li kulħadd jaċċettah
u jimxi fuqu.
5.
Fiż-Żmien tal-Milied
titwal it-tifkira
tal-Omm divina u
verġinali li
ġabitilna l-fidwa,
dik l-Omm li "bla ma
ħassret il-Verġinità
tagħha ġabet
fid-dinja
lill-Feddej"16.
Tant hu hekk, li
fis-Solennità
tat-Twelid ta'
Kristu, il-Knisja
tadura lill-Feddej u
tqim lil Ommu.
Fil-festa
tal-Epifanija, meta
l-Knisja tfakkar li
kulħadd huwa msejjaħ
għall-fidwa, taħseb
fuq il-Verġni
Mbierka, il-veru
Tron tal-Għerf u
l-veru Omm
tas-Sultan. Hija din
il-Verġni li tagħti
lill-Għorrief
lill-Feddej
tal-bnedmin kollha
(Mt. 2, 11) biex
jadurawh. Fil-festa
tal-Familja Mqaddsa
ta' Ġesù, Marija u
Ġużeppi (Ħadd fost
l-Ottava
tal-Milied),
il-Knisja taħseb
b'qima kbira fuq
il-ħajja qaddisa li
kienu jgħixu fid-dar
ta' Nażaret Ġesù,
l-Iben t'Alla u Bin
il-Bniedem, Marija
Ommu, u Ġużeppi,
il-bniedem ġust (Mt
1,19).
Fit-tibdil li sar
f'dan iż-żmien
tal-Milied jidher li
l-attenzjoni ta'
kulħadd ghandha
tintefa' fuq
is-Solennità ta'
Marija, l-Omm
Imqaddsa t'Alla. Din
it-tifkira li ssir
fl-1 ta' Jannar biex
taqbel mal-liturġija
antika tal-Belt ta'
Ruma, għandha
l-ħsieb li tfakkar
is-sehem ta' Marija
fil-misteru
tal-fidwa. Ghandha
l-ħsieb ukoll li
tgħolli l-kobor li
dan il-misteru
jagħti "lill-Omm
Imqaddsa ... li
permezz tagħha kien
jistħoqqilna
nirċievu l-Awtur
tal-Ħajja"17.
Huwa fl-istess ħin,
żmien tajjeb biex
inġeddu
l-adorazzjoni lejn
il-Prinċep tal-Paċi
li għadu jitwieled,
biex nisimgħu għal
darb'oħra l-aħbar
it-tajba tal-anġli
(Lq 2,14), u biex
nitolbu 'l Alla
permezz tar-Reġina
tal-Paċi biex
tagħtina r-rigal
kbir tal-paċi. Huwa
għalhekk li
fil-ġrajja ta' ferħ
tal-Ottava
tal-Milied kif ukoll
tal-ewwel ġurnata
tas-sena waqqafna
l-Jum Mondjali
tal-Paċi, jum li
kulma jmur qiegħed
iżid fl-appoġġ u
diġà qiegħed iġib
frott ta' paċi
fil-qlub ta' bosta.
6.
Ma' dawn
is-Solennitajiet li
semmejna (it-Tnissil
bla Tebgħa u Omm
Alla) għandna nżidu
dawk it-tifkiriet
għeżież u antiki
tal-25 ta' Marzu u
l-15 ta' Awwissu.
Għas-Solennità
tal-Inkarnazzjoni
tal-Verb, l-isem
antik, it-Tħabbira
tal-Mulej, reġa'
daħal apposta
fil-Kalendarju
Ruman. Imma l-festa
kienet u għadha
waħda ta' Kristu u
tal-Verġni Mbierka;
tal-Verb li sar
"l-Iben ta' Marija"
(Mk. 6,3), u
tal-Verġni li saret
Omm Alla. F'dak li
għandu x'jaqsam ma'
Kristu, kemm
il-Lvant kif ukoll
il-Punent, fil-għana
bla tarf
tal-liturġiji
tagħhom jiċċelebraw
din is-Solennità
bħala tifkira
tal-fidwa bil-"fiat"
tal-Verb Inkarnat,
li kif daħal
fid-dinja qal:
"Alla, hawn jien!
Ġej biex nobdi
r-rieda tiegħek"
(Lhud 19,17; Sal.
39,8-9). Dawn
jagħmlu din
it-tifkira bħala
l-bidu tal-fidwa u
tal-għaqda li ma
tinħall qatt
tan-natura ta' Alla
man-natura
tal-bniedem
fil-Persuna waħda
tal-Verb. F'dak li
għandu x'jaqsam ma'
Marija, dawn
il-liturġiji
jiċċelebraw din
il-festa bħala ta'
Eva l-ġdida,
il-verġni ubbidjenti
u fidila, li bil-"fiat"
ġeneruż tagħha (Lq
1,38) permezz
tal-Ispirtu s-Santu
saret Omm Alla, u
Omm tassew
tal-Ħajjin. Meta
aċċettat fil-ġuf
tagħha l-Medjatur
waħdieni (l Tim.
2,5) saret il-veru
Arka tal-Patt u
l-veru Tempju ta'
Alla. Dawn
il-liturġiji
jiċċelebrawha bħala
l-quċċata
tad-djalogu
tal-fidwa bejn Alla
u l-bniedem u bħala
tifkira tar-rieda u
l-koperazzjoni
libera tal-Verġni
Mbierka fil-pjan
tal-fidwa.
Is-Solennità tal-15
ta' Awwissu
tfakkarna fit-tlugħ
glorjuż ta' Marija
fis-sema. Hija
l-festa tax-xorti,
tal-milja,
tal-barka, tal-kobor
tar-ruħ bla tebgħa
tagħha, kif ukoll
tal-ġisem verġni
tagħha, u tal-figura
perfetta tagħha ma'
Kristu Rxoxt. Hija
festa li tpoġġi
quddiem għajnejn
il-Knisja u
l-bnedmin kollha
x-xbieha u l-prova
ta' faraġ li għad
isseħħ it-tama
tagħhom tal-aħħar,
jiġifieri li din
il-glorja sħiħa hija
wkoll ix-xorti ta'
dawk kollha li
Kristu għamel ħutu
billi ħa "ġisem u
demm bħalhom" (Lhud
2,14; ara Gal. 4,4).
Is-Solennità
tat-Tlugħ fis-sema
hija mtawla
bit-tifkira li tiġi
sebat ijiem wara,
tal-Imqaddsa Verġni
Marija bħala
Sultana. F'din
il-ġurnata naħsbu
fuq dik li qiegħda
magenb is-Sultan
taż-żminijiet, tiddi
bħala Sultana u
tidħol għalina bħala
Omm18.
Għalhekk, dawn
l-erba'
Solennitajiet juru
bl-aqwa grad
liturġiku
l-veritajiet ewlenin
tal-fidi li għandhom
x'jaqsmu
mal-Qaddejja
tal-Mulej.
7.
Wara dawn
is-Solennitajiet li
semmejna, wieħed
irid jagħti każ fuq
kollox ta' dawk
iċ-ċelebrazzjonijiet
li jfakkru ġrajjiet
tas-salvazzjoni li
fihom il-Verġni
Mbierka kienet
magħquda ma' Binha.
Dawn huma t-Twelid
ta' Marija (8 ta'
Settembru), "tama u
xefaq ta'
salvazzjoni
għad-dinja kollha"19,
il-Viżitazzjoni (31
ta' Mejju) li fiha
l-liturġija
tfakkarna meta
"l-Imbierka Verġni
Marija li kienet qed
iġġorr 'il Binha
fil-ġuf tagħha"20
marret iżżur lil
Eliżabetta biex
tagħtiha l-għajnuna
bl-imħabba u biex
tħabbar il-ħniena
ta' Alla, l-Feddej21.
Hemm ukoll
it-tifkira
tad-Duluri (15 ta'
Settembru),
okkażjoni tajba biex
wieħed jgħix
mill-ġdid dak
iż-żmien importanti
fl-istorja
tas-salvazzjoni u
biex fl-istess ħin
jagħti qima lill-Omm
"magħquda
mal-Passjoni
tal-Iben, u qrib
tiegħu merfugħ fuq
is-salib"22.
Il-festa tat-2 ta'
Frar ukoll, li
reġgħet bdiet
tissejjaħ
"il-Preżentazzjoni
tal-Mulej", għandna
nqisuha bħala
tifkira t'għaqda
bejn l-Iben u l-Omm,
jekk nifhmu s-sens
sħiħ tagħha. Din
hija t-tifkira
tal-misteru
tal-fidwa mwettqa
minn Kristu, u li
miegħU kienet
magħquda b'mod
tal-għaġeb l-Omm
tal-Qaddej ta'
Yahweh. Huwa jwettaq
il-missjoni ta'
Iżrael tal-Qedem, u
huwa l-mudell
tal-Poplu ġdid ta'
Alla li l-ħin kollu
qed jiġi ppruvat
fil-fidi u t-tama,
permezz tat-tbatija
u
l-persekuzzjonijiet
(Lq. 2,21-35).
8.
Il-Kalendarju Ruman
kif inhu mġedded
jagħti importanza
speċjali lil dawn
it-tifkiriet, imma
fl-istess ħin fih
ukoll tifkiriet oħra
li huma marbutin ma'
devozzjonijiet
lokali u li saru
aktar popolari u
mfittxija (11 ta'
Frar: il-Madonna ta'
Lourdes; 5 ta'
Awwissu:
Dedikazzjoni
tal-Bażilka ta'
Santa Marija
Maggiore). Hemm
oħrajn li fil-bidu
kienet issir
it-tifkira tagħhom
minn xi familja
reliġjuża, imma li
llum tant xterrdu li
nistgħu nqisuhom li
jgħoddu għall-Knisja
kollha (16 ta'
Lulju: il-Madonna
tal-Karmnu, 7 ta'
Ottubru: il-Madonna
tar-Rużarju). Hemm
ukoll oħrajn li
jippreżentaw valuri
għoljin ta' min
wieħed jimxi fuqhom.
Dawn kważi kollha
bdew fil-Lvant (21
ta' Novembru:
Preżentazzjoni
tal-Madonna), jew
inkella tifkiriet li
joħorġu minn
devozzjonijiet ta'
żmienna (is-Sibt
wara s-Solennità
tal-Qalb ta' Ġesù:
Qalb bla Tebgħa ta'
Marija).
9.
Wieħed m'għandux
jinsa li
l-Kalendarju
Ġenerali Ruman ma
fihx
iċ-ċelebrazzjonijiet
Marjani kollha. Imma
wieħed jistenna li
l-kalendarji lokali
jkun fihom il-festi
Marjani ta' dawn
il-Knejjes, dejjem
skont ir-regoli
tal-liturġija.
Wieħed għandu
jiftakar ukoll li
t-tifkiriet
tal-Verġni Mbierka
jistgħu jsiru aktar
spissi billi
jintużaw il-Quddies
tal-Madonna nhar ta'
Sibt. Din hija
tifkira antika u
sempliċi u li tista'
tintuża b'ċerta
ħeffa minħabba li
l-Kalendarju
jippermetti u
fil-Missal hemm
ħafna forom.
10.
F'din l-eżortazzjoni
appostolika
m'għandniex il-ħsieb
li ngħarblu dak
kollu li fih
il-Missal Ruman
il-ġdid, imma biex
inwettqu l-ħidma
tagħna u napprezzaw
it-tiġdid fil-kotba
tar-rit Ruman23,
nixtiequ nsemmu xi
punti u suġġetti.
L-ewwel nett nieħdu
gost naraw kif
it-Talbiet
Ewkaristiċi
tal-Missal fihom
tifkira xierqa
tal-Verġni Marija
bħal dawk
tal-Liturġiji
tal-Lvant24.
Hekk il-Kanoni Ruman
l-antik ifakkar 'l
Omm il-Mulej bi
kliem ta' duttrina u
spirati minn qima:
"F'għaqda mal-Knisja
kollha nfaħħru lil
Marija dejjem
Verġni, Omm Ġesù
Kristu, l-Mulej u
Alla tagħna".
Bl-istess mod
fit-III Talba
Ewkaristika ġdida li
tfisser b'talba
mqanqla x-xewqa ta'
dawk li qed jitolbu
biex jieħdu sehem
mill-wirt ta' wlied
flimkien mal-Omm:
"Agħmel li jagħmilna
offerta li tibqa'
għal dejjem
quddiemek
(il-Missier) u
jgħinna biex nidħlu
fil-wirt
tal-qaddisin,
mal-Verġni Omm Alla
Marija". Din
it-tifkira ta'
kuljum li qiegħda
fil-qalba
tas-Sagrifiċċju
divin, għandha tkun
meqjusa bħala l-mod
kif l-aktar tidher
il-qima li l-Knisja
tagħti
lill-"Imbierka
tal-Aktar Għoli"
(Lq. 1,28).
11.
Jekk nagħtu ħarsa
lejn il-Missal kif
inhu mġedded, naraw
kif is-suġġetti
Marjani importanti
kollha sabu posthom
f'dawn it-talbiet
Rumani biex
jitkompla t-tagħlim
tal-imgħoddi. Hekk
nistgħu ngħidu
għat-tnissil bla
tebgħa, il-milja
tal-grazzja, Omm
Alla, Verġni bla
tebgħa, Tempju
tal-Ispirtu s-Santi,
s-sehem ta' Marija
fil-missjoni ta'
Binha, l-qdusija
eżemplari, l-indħil
tagħha mqanqal
mill-ħniena,
it-Tlugħ tagħha
fis-sema, Sultana u
Omm, u oħrajn.
Nistgħu naraw ukoll
suġġetti oħra li
biex ngħidu hekk
huma ġodda u li sabu
posthom bi qbil
perfett mal-iżvilupp
tat-teoloġija ta'
żmienna. Hekk
nistgħu nsemmu
l-ħsieb
Marija-Knisja li
daħal fil-Missal
taħt bosta forom
bħalma b'ħafna forom
Omm Kristu u
l-Knisja għandhom
x'jaqsmu ma' xulxin.
Hekk li fit-tifkira
tat-Tnissil bla
Tebgħa tal-Verġni
Mbierka wieħed
jista' jara l-bidu
tal-Knisja, għarusa
bla tebgħa ta'
Kristu25;
fit-tlugħ fis-sema,
wieħed jista'
jagħraf il-bidu ġa
lest u x-xbieha ta'
dak li għad irid
jiġri fil-Knisja26;
fil-misteru ta' Omm,
wieħed jista'
jistqarrHa bħala Omm
tar-Ras u
tal-membri: Omm
qaddisa t'Alla, u
għalhekk Omm li
taħseb għall-Knisja27.
Meta mbagħad
il-liturġija ddawwar
il-ħarsa tagħha lejn
l-ewwel żminijiet
tal-Knisja, jew
tal-Knisja ta'
żmienna dejjem issib
'il Marija. Fl-ewwel
żminijiet qiegħda
flimkien
mal-appostli28;
fi żmienna qiegħda
magħna b'mod attiv u
trid tgħix
il-misteru ta'
Kristu flimkien
mal-Knisja: "...
Agħmel li l-Knisja
tiegħek, magħquda
ma' Marija
fil-passjoni ta'
Kristu, jkollha
sehem mill-glorja
tal-qawmien"29.
Hija wkoll leħen ta'
tifħir li magħha
l-Knisja trid tagħti
ġieh lil Alla: "...
biex flimkien ma'
Marija nagħtuk ġieh"30.
U billi l-liturġija
hija l-qima li trid
ħajja li taqbel
magħha, titlob li
l-qima lejn
il-Verġni Mbierka
għandha ssir imħabba
sħiħa u qawwija lejn
il-Knisja kif
jingħad fit-Talba
ta' wara t-Tqarbin
fil-Quddiesa tal-15
ta' Settembru: "Biex
bit-tifkira
tad-duluri
tal-Verġni Mqaddsa,
intemmu fina
flimkien mal-Knisja
mqaddsa dak li
jonqos fil-passjoni
ta' Kristu."
12.
Il-Lezzjonarju
tal-Quddiesa huwa
wieħed mill-kotba
tar-Rit Ruman li
gawda ħafna
bit-tiġdid ta' wara
l-Konċilju. Dan
għaliex żdiedu
t-testi kif ukoll
minħabba l-valur
tagħhom u li fihom
il-Kelma t'Alla
dejjem ħajja u ta'
siwi (Lhud 4,12).
B'dan il-ħafna qari
mill-Iskrittura,
l-istorja sħiħa
tal-fidwa tista'
tinqara fi tliet
snin u b'hekk
il-misteru ta'
Kristu jsir aktar
sħiħ. Dan bilfors
kellu jġib miegħu li
l-lezzjonarju jkun
fih numru kbir ta'
qari dwar il-Madonna
kemm mill-Antik u
mill-Ġdid Testment.
Din iż-żieda ma
saritx bl-addoċċ,
imma ntgħażel biss
dak il-qari li b'xi
mod jista' jitqies
bħala Marjan kemm
mix-xhieda tal-qari,
jew bħala frott ta'
tifsir tajjeb
imfassal fuq
it-tagħlim
tal-Maġisteru jew
skont tradizzjoni
soda. Hija ħaġa
flokha li wieħed
jara li dan il-qari
ma jsirx biss f'xi
festa tal-Verġni
Mbierka imma f'bosta
okkażjonijiet oħra,
bħal f'xi Ħdud matul
is-sena liturġika31,
f'ċelebrazzjonijiet
li jolqtu fil-fond
il-ħajja
sagramentali
tan-nisrani u
l-għażliet tiegħu32,
kif ukoll fi
żminijiet ta' ferħ u
dwejjaq fil-ħajja
tan-nisrani33.
13.
Il-Liturġija
tas-Sigħat,
l-Uffiċċju ta'
tifħir, kif ġie
mġedded fih ukoll
xhieda mill-aqwa ta'
qima lejn Omm Alla.
Dawn jinsabu
fl-innijiet, li
jiġbru fihom fost
l-aqwa kitba
mid-dinja kollha,
bħat-talba sabiħa
ta' Dante Alighieri
lill-Verġni Mbierka34,
kif ukoll l-antifoni
li jkomplu
l-Uffiċċju ta'
kuljum. Ma' dawn
it-talbiet poetiċi
żdiedet it-talba
magħrufa "Sub tuum
praesidium",
magħġuba sa'
mill-qedem kif ukoll
minħabba l-kliem
sabiħ. Fit-talb
tal-Lawdi u
tal-vespri wkoll
mhux nieqes it-talb
ta' fiduċja lejn
l-Omm tal-ħniena.
Hemm ukoll għażla
bla qies ta' kitbiet
fuq il-Madonna, li
jafu awturi
tal-ewwel sekli
tal-Knisja,
taż-żminijiet
tan-nofs, kif ukoll
taż-żmien modern.
14.
Jekk fil-Missal,
fil-Lezzjonarju u
fil-Liturġija
tas-sigħat, il-qofol
tat-talba liturġika
Rumana, insibu bosta
drabi t-tifkira
tal-Verġni Mbierka,
f'kotba oħra
tal-liturġija ma
jonqsux sejħat ta'
mħabba u qima lejn
Omm Alla. Hekk
il-Knisja ssejħilha
Omm tal-Grazzja
qabel ma ssawwab
l-ilma tal-fidwa
tal-magħmudija35.
Il-Knisja ssejjaħ
l-għajnuna tagħha
għall-ommijiet li
jiġu ferħanin
fil-knisja biex
iroddu ħajr ta' dan
id-don tal-maternità36.
Il-Knisja tpoġġiha
bħala mudell ta'
dawk li jridu jimxu
wara Kristu billi
jħaddnu l-ħajja
reliġjuża37,
jew
il-Konsagrazzjoni
tal-Verġni38.
Għal
dawn il-Knisja
titlob l-għajnuna
tagħha ta' Omm39.
Il-Knisja wkoll
titlob bil-ħerqa lil
Marija għal uliedha
li jkunu waslu
fis-siegħa tal-mewt40.
Titlob ukoll
l-għajnuna ta'
Marija għal dawk li
ħallew din id-dinja
u dehru quddiem
Kristu, id-Dawl ta'
dejjem41.
Il-Knisja permezz
ta' Marija titlob
il-faraġ għal dawk
li bil-fidi
jitnikktu minħabba
l-firda tal-għeżież
tagħhom42.
15.
Dan l-istudju dwar
il-kotba
tal-Liturġija kif
ġew imġedda jagħtina
nota ta' kuraġġ li
t-tiġdid ta' wara
l-Konċilju, kif
kienet ix-xewqa
tal-moviment
liturġiku, qiegħed
kif inhu xieraq
il-Verġni Mbierka
fil-misteru ta'
Kristu skont
it-tradizzjoni.
It-tiġdid għaraf
il-post waħdieni li
jixirqilha fil-qima
nisranija bħala Omm
qaddisa ta' Alla u
bħala Sieħba denja
tal-Feddej. U ma
jistax ikun mod
ieħor. Jekk nagħtu
ħarsa lejn l-istorja
tal-qima nisranija,
wieħed jara li kemm
fil-Lvant kif ukoll
fil-Punent l-aktar
kliem għoli u ċar
ta' qima lejn
il-Verġni Mbierka
ħareġ mil-Liturġija,
jew inkella kienu
magħquda magħha.
Nixtiequ nagħmluha
ċara li l-qima li
l-Knisja Universali
llum tagħti lil din
il-Qdusija ġejja
minn firxa twila u
żieda bla qies ta'
qima li l-Knisja ta'
kull żmien dejjem
tatha, bl-akbar
reqqa għall-verità u
dejjem bl-akbar
attenzjoni għal
forma għolja. Minn
din it-tradizzjoni
li kienet sa' minn
dejjem ħajja
bl-għajnuna
tal-Ispirtu u
bis-smiegħ il-ħin
kollu tal-Kelma,
il-Knisja ta'
żmienna tieħu
l-iskop, ir-raġuni u
l-qawwa tal-qima li
tagħti lill-Verġni
Mbierka.
Il-Liturġija li
titwettaq u
tissaħħaħ permezz
tal-Maġisteru, hija
wirja mill-aktar
għolja u prova ċara
ta' din
it-tradizzjoni
ħajja.
II TAQSIMA
Il-Verġni Mbierka
Mudell tal-Knisja
fit-Taħriġ tal-Qima
16.
Waqt li nkomplu fuq
il-linji tat-tagħlim
tal-Konċilju dwar
Marija u
l-Liturġija,
nixtiequ li ninżlu
fil-fond dwar punt
wieħed: Marija bħala
mudell spiritwali
ta' kif il-Knisja
tfakkar u tgħix
il-misteri qaddisa.
Il-Verġni Mbierka
hija mudell f'dan
il-qasam, minħabba
li għall-Knisja hija
l-mudell l-aktar
perfett tal-fidi,
tal-imħabba u
tal-għaqda sħiħa ma'
Kristu43.
Fi kliem ieħor,
Marija hija mudell
għall-Knisja li
għandha tkun dejjem
lesta bħala għarusa
l-aktar maħbuba,
l-aktar magħquda
mal-Mulej tagħha,
billi ssejjaħlu u
tagħti qima
lill-Missier Etern
permezz tiegħU44.
17.
Marija hija l-verġni
dejjem imħejjija li
tilqa' l-kelma
t'Alla bil-fidi li
kienet għaliha
l-bidu u t-triq li
twassal biex issir
Omm Alla. Kif qal
Santu Wistin "Marija
l-Imbierka
bit-twemmin nisslet
lil Ġesù, u
bit-twemmin tagħtu
l-ħajja"45.
Tant hu hekk li meta
rċeviet mingħand
l-anġlu t-tweġiba
għad-dubji tagħha
(Lq. 1,34-37)
"mimlija bil-fidi,
nisslet lil Kristu
l-ewwel f'moħħha u
mbagħad fil-ġuf
tagħha u qalet 'Hawn
hi l-qaddejja
tal-Mulej, ikun
minni skont kelmtek'
(Lq. 1,38)"46.
Kienet il-fidi li
ġabitilha l-barka li
għamlitha żgura
mill-wegħda: "u
mbierka int li
emmint għall-kelmiet
tal-Mulej" (Lq.
1,45). Kienet
bil-fidi tagħha li
tat is-sehem tagħha
u li kienet ix-xhud
waħdieni
tal-Inkarnazzjoni,
meta kienet taħseb
fuq il-ġrajjiet
tat-tfulija ta'
Kristu u tirrifletti
fuqhom f'qalbha (Lq.
2,19; 51). Il-Knisja
wkoll tagħmel
l-istess, l-aktar
fil-Liturġija meta
bil-fidi tisma',
taċċetta, ixxandar u
tqim il-Kelma
t'Alla, tqassamha
lill-insara bħala
ħobż tal-ħajja47
u fid-dawl ta' din
il-kelma tistudja
s-sinjali
taż-żminijiet,
tfisser u tgħix
il-ġrajjiet
tal-istorja.
18.
Marija hija wkoll
il-Verġni tat-talb.
Hekk tidher
fiż-żjara li għamlet
għand omm
il-prekursur, meta
fetħet qalbha
f'tifħir lil Alla bi
kliem ta' umiltà,
fidi u tama. Dan
huwa l-Magnificat
(Lq. 1,45-55),
it-talba perfetta
ta' Marija, l-għanja
taż-żminijiet
tal-Messija li fihom
jingħaqad il-ferħ
ta' Iżrael l-antik u
l-ġdid. Kif jaħseb
San Irinew,
fil-Kantiku ta'
Marija reġa' nstama'
l-ferħ ta' Abraham
li ħabbar il-Messija
(cf Ġw. 8,56)48
u nstemgħet minn
qabel il-profezija
tal-Knisja:
"Fil-ferħ tagħha
Marija ħabbret
f'isem il-Knisja:
'Ruħi tgħolli
bil-ferħ
'il-Mulej...'"49.
Tant hu hekk li
l-Kantiku tal-Verġni
xtered u sar
it-talba tal-Knisja
kollha f'kull żmien.
F'Kana, Marija
dehret bħala
l-Verġni qed titlob,
meta wriet lil Binha
bil-ħtieġa materjali
li nqalgħet u ġabet
l-effett
tal-grazzja,
jiġifieri li Ġesù
billi għamel l-ewwel
"sinjal" wettaq
id-dixxipli fil-fidi
fih (Ġw. 2,1-12).
Anki fl-aħħar silta
fuq il-ħajja ta'
Marija nsibuha
titlob: "l-appostli
kienu magħquda
fit-talb flimkien
ma' nisa oħra, u ma'
Marija omm Ġesù u
ma' ħutu" (Atti
1,14). Hawnhekk
għandna 'l Marija
titlob fit-twelid
tal-Knisja u
fil-Knisja ta' kull
żmien, għaliex meta
ttellgħet fis-sema,
hija ma warrbitx
il-missjoni tagħha
ta' talb u fidwa50.
L-isem ta' Verġni
fit-talb jixraq
ukoll lill-Knisja li
kuljum toffri 'l
Missier il-ħtiġiet
ta' wliedha:
"tfaħħar il-Mulej
bla waqfien u tidħol
għall-fidwa
tad-dinja"51.
19.
Marija hija wkoll
il-Verġni Omm,
jiġifieri dik li
"bit-twemmin u
l-ubbidjenza ġabet
fuq din l-art
lill-istess Iben
tal-Missier bla ma
kienet taf raġel,
imma billi l-Ispirtu
s-Santu dellel
fuqha"52.
Saret Omm b'mod
tal-għaġeb, u
twaqqfet minn Alla
bħala sinjal u
mudell tal-frott
tal-Knisja Verġni li
hija wkoll issir omm
għaliex fit-tagħlim
u l-magħmudija ġġib
għal ħajja ġdida u
bla tmiem ulied
imnissla
mill-Ispirtu s-Santu
u mwielda minn Alla53.
Għalhekk tajjeb
kienu jgħallmu
l-għorrief
tal-Knisja meta
kienu jgħidu li
bis-sagrament
tal-magħmudija
l-Knisja ttawwal
il-maternità
tal-Verġni Marija.
Fost dawn ix-xhieda
nixtiequ nfakkru dik
tal-magħruf
predeċessur San
Leone l-Kbir li
f'Omelija tal-Milied
qal: "Il-bidu li ħa
(Kristu) fil-ġuf
tal-Verġni, tah
lill-fonti
tal-Magħmudija; ta
lill-ilma dak li ta
lil Ommu. Il-qawwa
tal-Aktar Għoli u
l-opra tal-Ispirtu
s-Santu (Lq. 1,35)
li nisslu l-Feddej
f'Marija għandhom
l-istess effett biex
l-ilma jnissel
mill-ġdid lil min
jemmen"54.
Jekk irridu mmorru
għall-għejun
tal-Liturġija,
nistgħu nsemmu
l-famuża Illatio
tal-Liturġija
Mozarabika: "Dik
(Marija) kellha
l-Ħajja fil-ġuf
tagħha, din
(il-Knisja) tnissel
il-Ħajja fl-ilma
tal-Magħmudija.
Fil-ġisem ta'
Marija, Kristu ħa
l-forma; fl-ilma
tal-Knisja Kristu
jintlibes"55.
20.
Fl-aħħar nett,
Marija hija wkoll
il-Verġni li tagħmel
l-offerti.
Fil-Preżentazzjoni
ta' Ġesù fit-Tempju
(Lq. 2,22-35),
il-Knisja mmexxija
mill-Ispirtu
s-Santu, sabet li
barra mit-tħaris
tal-liġijiet dwar
l-offerta tal-ewwel
iben (Eż 13,11-16) u
l-purifikazzjoni
tal-Omm (Lev.
12,6-8) hemm misteru
tas-salvazzjoni li
għandu x'jaqsam
mal-istorja
tas-salvazzjoni.
Hija tara
t-tkomplija
tal-offerta
prinċipali li l-Verb
Inkarnat għamel
lill-Missier meta
daħal fid-dinja
(Lhud 15,57).
Il-Knisja rat
il-fidwa mħabbra
għal kulħadd,
għaliex meta Xmuni
laqa' t-Tarbija
bħala d-dawl li
kellu jdawwal
il-bnedmin u bħala
l-glorja ta' Iżrael
(Lq. 2,32) ra fiH
il-Messija, Feddej
ta' kulħadd.
Il-Knisja għarfet
ukoll il-profezija
dwar il-passjoni ta'
Kristu fil-kliem ta'
Xmuni meta għaqqad
'l Iben bħala
"sinjal ta'
kontradizzjoni" (Lq.
2,34) u li sejf
kellu jinfed ir-ruħ
tal-Omm (Lq. 2,35),
li ġrat fuq
il-kalvarju.
Għalhekk dan hu
misteru ta'
salvazzjoni li ħafna
drabi jxaqleb
il-preżentazzjoni
fit-Tempju lejn
il-ġrajja
tas-salvazzjoni fuq
is-salib. Il-Knisja
stess, l-aktar
miż-Żminijiet
tan-Nofs 'l hawn rat
fil-qalb tal-Verġni
li ġarret 'l Binha
lejn Ġerusalemm biex
toffrih 'il Mulej
(Lq. 2,22), rieda li
tagħmel din
l-offerta li tisboq
it-tifsira ordinarja
tar-rit. Ta' dan
għandna xhieda
fit-talba ta' mħabba
ta' San Bernard:
"Imqaddsa Verġni,
offri 'l Ibnek u
agħti 'l Mulej
il-frott imbierek
tal-ġuf tiegħek.
Offri din il-Vittma
qaddisa li togħġob
lil Alla għall-paċi
ta' kulħadd"56.
Din l-għaqda tal-Omm
mal-Iben fil-ġrajja
tal-fidwa57
tilħaq il-quċċata
tagħha fuq
il-kalvarju, fejn
Kristu "offra 'l
Alla lilu nnifsu
bħala vittma bla
tebgħa" (Lhud 9,14)
u fejn Marija kienet
wieqfa maġenb
is-salib (Ġw.
19,25), fi tbatija
kbira flimkien
mal-uniku iben
tagħha u b'qalb ta'
Omm kienet magħquda
mas-sagrifiċċju
tiegħU. Bl-imħabba
aċċettat
is-sagrifiċċju
tal-vittma li hija
stess nisslet58
u kienet qed toffri
lil Missier Etern59.
Biex dan
is-sagrifiċċju
tas-salib jibqa'
għal dejjem,
il-Feddej divin
bħala tifkira
tal-mewt u l-qawmien
waqqaf
is-sagrifiċċju
tal-Ewkaristija u
fdah f'idejn
il-Knisja, l-għarusa
tiegħU60.
Il-Knisja, l-aktar
fil-Ħdud, tiġbor
l-insara biex
jiċċelebraw l-għid
tal-Mulej sakemm
jerġa' jiġi61.
Dan tagħmlu f'għaqda
mal-qaddisin
fis-sema u fuq
kollox mal-Verġni
Mbierka, waqt li
tipprova tixbah
l-imħabba mħeġġa u
l-fidi soda tagħha.
21.
Marija mhux biss
hija mudell
tal-Knisja kollha
fit-taħriġ tal-qima
divina, imma hija
wkoll għalliema
tal-ħajja spiritwali
għal kull nisrani.
Sa mill-bidu
l-insara bdew iħarsu
lejn Marija u bħalha
jagħmlu ħajjithom
qima 'l Alla u
jagħmlu l-qima bħala
l-impenn ta'
ħajjithom. Sa'
mir-raba' seklu, San
Ambroġ meta kien
ikellem lin-nies
kien jgħidilhom li
jittama li kull
wieħed minnhom
ikollu l-ispirtu ta'
Marija biex ifaħħar
'l Alla: "Għandu
jkun f'kull nisrani
l-ispirtu tagħha
biex jifraħ f'Alla"63.
Fuq kollox Marija
hija l-mudell ta'
dik il-qima li
tagħmel mill-ħajja
offerta lil Alla.
Dan hu tagħlim
antik, imma li jiswa
għal dejjem u li
kulħadd jista' jisma
billi jagħti każ
tat-tagħlim
tal-Knisja, u billi
jisma' l-leħen
tal-Verġni meta minn
qabel wettqet
it-talba tal-għaġeb
li għamel il-Mulej:
"Ikun li trid int"
(Mt. 6,10), billi
wieġbet għall-ħabbâr
ta' Alla: "Hawn jien
il-qaddejja
tal-Mulej: isir minn
skont kelmtek" (Lq
1,38). L-"iva" ta'
Marija hija tagħlima
u eżempju
għall-insara kollha
biex l-ubbidjenza
għar-rieda
tal-Missier tkun
it-triq u l-mezz
tal-qdusija tagħhom.
22.
Min-naħa l-oħra huwa
importanti li tara
kif il-Knisja turi
b'ħafna modi ta'
qima, r-relazzjoni
tagħha ma' Marija:
b'qima kbira meta
taħseb fuq il-kobor
tal-Verġni li saret
Omm il-Verb inkarnat
permezz tal-Ispirtu;
b'imħabba li tħeġġeġ
meta tara 'l Marija,
omm spiritwali
tal-membri kollha
tal-ġisem mistiku;
b'tama meta tħoss
l-id tal-Avukata u
l-Għajnuna tagħha64;
b'servizz ta' mħabba
meta tara
fil-qaddejja umli
tal-Mulej is-Sultana
tal-Ħniena u l-Omm
tal-grazzja;
b'eżempju ħerqan
meta taħseb fuq
il-qdusija u
l-virtujiet
tal-"Mimlija
bil-Grazzja" (Lq.
1,28); bi stagħġib
kbir meta tara fiha
"ix-xbieha l-aktar
safja li tixtieq u
tittama li tkun"65;
bi studju bir-reqqa
meta tara fis-Sieħba
tal-Feddej li ġa
għandha sehem sħiħ
mill-frott
tal-misteru
tal-Għid, minħabba
l-milja tagħha
tal-futur, sakemm
jasal il-jum li fih,
imnaddfa minn kull
tikmixa u minn kull
tebgħa (Ef. 5,27),
issir bħal għarusa
mzejjna
għall-għarus, Ġesù
Kristu (Apok.21,2).
23.
Għalhekk, ħuti
għeżież, meta naħsbu
fuq il-qima li
t-tradizzjoni
fil-liturġija
tal-Knisja
Universali u r-Rit
Ruman kif inhu
mġedded jagħtu
lill-Omm qaddisa ta'
Alla, waqt li
niftakru kif
il-liturġija
minħabba l-valur
waħdieni tagħha ta'
qima hija r-regola
tad-deheb għall-qima
nisranija; u meta
naraw kif il-Knisja
meta tfakkar
il-misteri qaddisa
ġġib ruħha b'fidi u
mħabba bħal dawk
tal-Verġni, nifhmu
kemm hu floku
l-Konċilju Vatikan
II meta jħeġġeġ
lill-ulied kollha
tal-Knisja biex
"ixerrdu ħafna
l-qima, l-aktar
il-qima
tal-liturġija lejn
il-Verġni Mbierka"66.
Aħna rridu li dan
jintlaqa' minn
kulħadd bla ma
jħallu xejn barra u
li b'ħeġġa jitpoġġa
fil-prattika.
IT-TIENI PARTI
It-Tiġdid tal-Qima
lejn Marija
24.
L-istess Konċilju
Vatikan II jħeġġeġ
imbagħad biex
flimkien mal-qima
tal-liturġija
jitqajmu wkoll forom
oħra ta' qima,
l-aktar dawk li jrid
il-Maġisteru67.
Kif jaf kulħadd
il-qima tal-insara
lejn Omm Alla ħadet
ħafna forom skont
il-ħtiġiet tal-post
u taż-żmien, kif
ukoll skont l-għaqal
tal-popli u
l-kultura tagħhom.
Dan juri li l-forom
li bihom nuru l-qima
jorbtu skont
iż-żmien. Għalhekk
tidher il-ħtieġa ta'
tiġdid li jbiddel
dawk l-affarijiet li
jistgħu jitbiddlu,
waqt li jisħaq fuq
l-affarijiet li huma
dejjem ġodda u li
jiġbru fihom
it-tagħlim miġjub
mill-ħsieb
tat-teoloġija u
s-suġġerimenti
tal-Maġisteru
tal-Knisja. Dan juri
l-ħtieġa li
l-Konferenzi
Episkopali,
l-knejjes lokali,
il-familji
reliġjużi, u
l-insara jħeġġu
ħidma sinċiera u
fl-istess ħin
ikomplu jġeddu
l-qima lejn
il-Verġni. Dan
it-tiġdid għandu
jżomm quddiemu
t-tradizzjoni kollha
u jkun miftuħ
għax-xewqat f'lokhom
tal-bnedmin ta'
żmienna. Għalhekk,
ħuti għeżież, jidher
li jaqbel li nurukom
xi prinċipji li
fuqhom hemm bżonn li
nimxu f'din il-ħaġa.
I TAQSIMA
Il-Qima lejn
il-Verġni Mbierka
fid-dawl tat-Tagħlim
dwar it-Trinità,
Kristu u l-Knisja
25.
Fuq kollox hija ħaġa
f'lokha ħafna li
nuru l-qima tagħna
lejn il-Verġni
Marija fid-dawl
tat-tagħlim dwar
it-Trinità u dwar
Kristu, għaliex
jagħmel parti minnha
u huwa meħtieġ. Tant
hu hekk li l-qima
nisranija hija fiha
nnifisha qima
lill-Missier,
lill-Iben u
lill-Ispirtu
s-Santu, jew aħjar
kif insibu
fil-liturġija, lill-
Missier, bi Krisu u
fl-Ispirtu. F'dan
id-dawl, din il-qima
bilfors tiġbor fiha,
għalkemm b'mod
mill-aktar
differenti, l-ewwel
u b'mod speċjali,
l-qima lejn Omm
il-Mulej, u mbagħad
lejn il-qaddisin,
għaliex permezz
tagħhom il-Knisja
tħabbar il-misteru
tal-Għid, għaliex
huma batew ma'
Kristu u kisbu
l-glorja miegħU68.
Għall-Verġni Marija,
kollox għandu
x'jaqsam ma' Kristu
u kollox ġej minnu.
Fid-dawl ta' Kristu,
sa' minn dejjem,
Alla l-Missier
għażilha biex tkun
l-Omm qaddisa u
żejjinha b'doni
tal-Ispirtu, li ma
ta lil ħadd iżjed.
Żgur li l-qima
nisanija tassew qatt
ma naqset li tagħti
importanza din
l-għaqda li ma
tistax tinħall u li
għall-Verġni kollox
ġej mill-Feddej
divin bilfors69.
Kollox ma' kollox
jidhrilna li jaqbel
ħafna max-xaqliba
spiritwali ta'
żmienna, kif inhi
maħkuma u mitlufa
fuq il-problema ta'
"Kristu"70,
li fil-qima lejn
il-Verġni għandu
jkun hemm importanza
fuq it-tagħlim dwar
Kristu. Dan għandu
jsir b'mod li jidher
sewwa l-pjan t'Alla
li waqqaf sa' minn
qabel "il-bidu ta'
Marija u
l-Inkarnazzjoni
tal-Għerf divin
b'digriet wieħed"71.
Bla dubju ta' xejn,
dan jagħmel il-qima
lejn Omm Ġesù aktar
soda u jagħmilha
mezz tajjeb biex
nilħqu "t-tagħrif
sħiħ tal-Iben t'Alla
sakemm nilħqu
l-milja ta' Kristu"
(Ef. 4,13). Min-naħa
l-oħra, dan hu
tajjeb ukoll biex
iżid il-qima lejn
Kristu stess, għax
skont il-ħsieb
tal-Knisja sa' minn
dejjem u msaħħaħ fi
żmienna72
"dak li jingħata
lill-Qaddejja
jingħata 'l-Mulej; u
b'hekk dak li
jingħata 'l Omm idur
fuq l-Iben; u
l-offerta fqira
lis-Sultana ssir
unur mogħti
lis-Sultan"73.
26.
Dwar dan is-sehem
ta' Kristu fil-qima
tal-Verġni,
jidhrilna li huwa
meħtieġ li nfakkru
kemm huwa xieraq li
f'din il-qima nagħtu
importanza lil
wieħed mill-aktar
fatti importanti
tal-fidi: il-Persuna
u l-ħidma
tal-Ispirtu s-Santu.
Tant hu hekk li
l-ħsieb
tat-teoloġija
flimkien
mal-liturġija wrew
kif il-ħidma
qaddisa tal-Ispirtu
fil-Verġni ta'
Nażaret kienet
il-quċċata tal-ħidma
tiegħu fl-istorja
tal-fidwa. Għalhekk,
ngħidu aħna, xi
għorrief u kittieba
tal-Knisja jaraw
il-qdusija sa'
mill-bidu ta'
Marija, fil-ħidma
tal-Ispirtu li "taha
tifsila ġdida u
għamilha ħolqien
ġdid"74.
Meta ħasbu fuq
il-passi
tal-evanġelju
"L-Ispirtu s-Santu
jiġi fuqek u l-qawwa
tal-Għoli tgħattik"
(Lq. 1,35) u "Marija
.... nstabet tqila
bil-ħidma
tal-Ispirtu s-Santu
li nisslet lil min
hemm fiha" (Mt.
1,18, 20) raw li
l-ħidma tal-Ispirtu
s-Santu qaddset u
tat il-frott lil
Marija Verġni75
u biddlitha f'palazz
tas-Sultan jew
"f'għamara tal-Verb"76,
tempju jew
tabernaklu tal-Mulej77,
"Arka tal-Patt" jew
"Arka tal-Qdusija"78.
Dawn kollha huma
ismijiet meħudin
mill-Iskrittura.
Meta daħlu ftit
aktar fil-fond
fil-misteru
tal-Inkarnazzjoni
sabu li bejn
l-Ispirtu s-Santu u
Marija hemm dehra
misterjuża ta'
żwieġ. Prudenzio
fisser dan
f'poeżija: Il-Verġni
mhux miżżewġa,
żżewġet mal-Ispirtu"79.
Dawn l-għorrief
kienu jsejħulha
"tempju tal-Ispirtu
s-Santu"80,
li jsaħħaħ
il-qdusija
tal-Verġni bħala
għamara ta' dejjem
tal-Ispirtu t'Alla.
Meta daħlu wkoll
fil-fond fit-tagħlim
dwar il-Paraklitu,
sabu li minnU toħroġ
bħal min-nixxiegħa
l-milja tal-grazzja
(Lq. 1,28) u kotra
ta' doni li
jżejnuha. Għalhekk
jagħtu lill-Ispirtu
l-fidi, t-tama u
l-imħabba li jagħtu
l-ħajja lill-qalb
tal-Verġni, is-saħħa
li sostnietha biex
taċċetta r-rieda
t'Alla, il-forza li
żammitha soda
fit-tbatija taħt
is-Salib81.
Fl-Għanja ta'
tħabbir ta' Marija
(Lq. 1,45-55) raw
il-ħidma speċjali
tal-Ispirtu li
tħaddet bil-fomm
tal-Profeti82.
Fl-aħħar nett, meta
ħasbu li l-Omm ta'
Ġesù kienet
fiċ-ċenaklu, fejn
l-Ispirtu niżel fuq
il-Knisja tal-bidu
(Atti 1,12-14;
2,1-4), dawn
l-għorrief żviluppaw
is-suġġett antik ta'
Marija u l-Knisja83,
u fuq kollox daru
fuq l-għajnuna
tal-Verġni biex
l-Ispirtu jagħtihom
is-setgħa li jnisslu
'l Kristu fir-ruħ
tagħhom. Kif jgħid
San Ildefonsu
f'talba li hija
mimlija tagħlim u
spirtu ta' talb:
"Nitolbok, Verġni
Mqaddsa li jkolli
lil Ġesù mingħand
l-Ispirtu li permezz
tiegħu nissilt lil
Ġesù. Ħa tilqa' ruħi
lil Ġesù bil-ħidma
ta' dan l-Ispirtu,
li bih laħmek nissel
lil Ġesù stess ....
Ħa nħobb lil Ġesù
fl-Ispirtu s-Santu
li fiH naduraw lil
Ġesù bħala Mulej u
naħsbu fuqu bħala
Iben"84.
27.
Kultant jingħad li
ħafna kitba
spiritwali tal-lum
ma turix biżżejjed
it-tagħlim kollu
dwar l-Ispirtu
s-Santu. Huwa
x-xogħol
tal-istudjużi li
jqisu u jaraw kemm
dan hu minnu. Imma
x-xogħol tagħna huwa
li nħeġġu 'l
kulħadd, l-aktar lil
dawk li għandhom
il-kura pastorali u
lit-teologi, biex
jidħlu aktar
fil-fond fil-ħsieb
fuq il-ħidma
tal-Ispirtu
fl-istorja tal-fidwa
u biex iqisu li
l-kitba fuq il-qima
nisranija tisħaq kif
inhu xieraq dwar
il-ħidma tiegħu li
jagħti l-ħajja. Minn
dan joħroġ, l-aktar
x'għandhom x'jaqsmu
ma' xulxin l-Ispirtu
t'Alla u l-Verġni
ta' Nażaret u
l-ħidma tagħhom
fil-Knisja. U minn
ħsieb aktar fil-fond
fuq it-tagħrif
tal-fidi joħroġ kif
wieħed għandu jgħix
fil-qdusija.
28.
Huwa wkoll meħtieġ
li fit-taħriġ ta'
qima li l-insara
jfaħħru lil Omm
il-Mulej, ikun ċar
il-post li għandha
fil-Knisja: "wara
Kristu l-aktar post
għoli u l-aktar qrib
lejna"85.
Il-bini liturġiku
tar-Rit Biżantin
kemm fl-arkitettura
kif ukoll fix-xbihat
juru ċar il-post ta'
Marija fil-Knisja.
Fil-bieb tan-nofs
tal-iconostasis
hemm it-tħabbira lil
Marija, fl-apside
hemm ix-xbieha ta'
Omm Alla fil-glorja.
B'dan il-mod wieħed
jara kif meta
l-qaddejja tal-Mulej
aċċettat bl-imħabba,
umiltà, il-bnedmin
bdew it-triq lura
lejn Alla u raw
fil-glorja
tal-Verġni Mbierka
l-iskop tal-mixja
tagħhom. Is-simbolu
tal-bini tal-Knisja
juri l-post ta'
Marija fil-misteru
tal-Knisja, u mimli
tifsir u wieħed
jittama li l-forom
differenti tal-qima
lejn il-Verġni
Mbierka jistgħu
jkunu miftuħa
għad-dehra
tal-Knisja.
Is-sejħa
tal-Konċilju Vatikan
II dwar il-ħsibijiet
ġenerali tan-natura
tal-Knisja bħala
familja t'Alla,
poplu t'Alla, saltna
t'Alla, Ġisem
Mistiku ta' Kristu86,
tagħmilha aktar
ħafifa għall-insara
biex jifhmu
l-missjoni ta'
Marija fil-misteru
tal-Knisja, u l-post
speċjalii tagħha
fix-xirka
tal-qaddisin.
L-insara jkunu aktar
jistgħu jħossu
l-irbit t'aħwa li
jgħaqqadhom kollha
għaliex huma wlied
tal-Verġni "li
fit-twelid mill-ġdid
u fil-formazzjoni
spiritwali tagħhom
tagħti sehemha
b'imħabba t'Omm"87,
kif ukoll għaliex
huma wlied il-Knisja
għaliex "twelidna
mill-ġuf tagħha,
xrobna mill-ħalib
tagħha, u ngħixu
bl-Ispirtu tagħha"88.
Kemm Marija kif
ukoll il-Knisja
jagħtu sehemhom biex
inisslu l-Ġisem
Mistiku ta' Kristu
"It-tnejn huma Omm
Kristu, imma l-ebda
waħda ma nisslet
il-ġisem kollu bla
l-għajnuna tal-oħra"89.
Fl-aħħar nett
l-insara jifhmu
wkoll aktar eżatt li
l-ħidma tal-Knisja
fid-dinja tixbaħ u
tkompli l-ħidma ta'
Marija. Tant hu hekk
li l-imħabba u
l-ħidma tal-Verġni
f'Nażaret, fid-dar
ta' Eliżabetta,
f'Kana, fuq
il-Golgota (li
kollha huma mumenti
tal-fidwa li
għandhom importanza
fil-ħajja
tal-Knisja) jkompli
fil-ħidma tal-Knisja
Omm, biex il-bnedmin
kollha jaslu
għat-targħrif
tas-sewwa (1 Tim.
2,4), fil-ħsieb
għall-umli,
għall-fqar,
għad-dgħajfa,
fil-ħidma bla
waqfien għall-paċi u
l-ftehim soċjali,
fl-isforzi tagħha
biex il-bnedmin
kollha jkollhom
sehem mill-fidwa li
l-mewt ta' Kristu
mmeritat għalihom.
B'hekk l-imħabba
għall-Knisja ssir
imħabba għal Marija
u bil-maqlub,
għaliex il-waħda ma
tistax tkun mingħajr
l-oħra kif juri
tajjeb San Kromazju
t'Aquileja:
"Il-Knisja kienet
magħquda fiċ-ċenaklu
flimkien ma' Marija,
Omm Ġesù, u ma'
ħutu. Għalhekk ma
nistgħux nitkellmu
dwar il-Knisja
mingħajr Marija, Omm
il-Mulej, flimkien
ma' ħutu"90.
Biex nagħalqu,
nerġgħu nisħqu fuq
il-ħtieġa li l-qima
lejn il-Verġni
Mbierka għandha turi
biċ-ċar is-sehem
importanti
tal-Knisja. B'hekk
din il-qima tkun
tista' tiġġedded
kemm fil-forom kif
ukoll fil-kitba, kif
inhu xieraq.
II TAQSIMA
Erba' Għajnuniet
għall-Qima lejn
il-Verġni Mbierka
mill-Bibbja,
mill-Liturġija,
mill-Ekumeniżmu u
mill-Antropoloġija
29.
Ma' dan li għidna
hawn fuq, li joħroġ
mill-ħsieb dwar
il-Verġni Marija u
Alla, Missier, Iben
u Spirtu s-Santu, u
dwar il-Verġni
Marija u l-Knisja,
nixtiequ waqt li
nimxu fuq it-tagħlim
tal-Konċilju li
nżidu xi għajnuniet
mill-Bibbja,
mill-Liturġija,
mill-Ekumeniżmuu u
mill-Antropoloġija,
biex inżommuhom
quddiem għajnejna
waqt it-tiġdid jew
il-ħolqien tal-qima,
biex nagħmlu aktar
ħaj u aktar jinħass
l-irbit li
jgħaqqadna ma' Omm
Kristu u ma' Ommna
fix-xirka
tal-qaddisin.
30.
Illum huwa meqjus
meħtieġ fil-qima
nisranija li kull
forma ta' qima
jkollha xi marka
mill-Bibbja.
L-iżvilupp
tal-istudji
tal-Bibbja,
it-tixrid dejjem
jiżdied tal-Bibbja
Mqaddsa u fuq kollox
l-eżempju
tat-tradizzjoni u
l-ħidma nterna
tal-Ispirtu, jqanqlu
l-insara ta' żmienna
biex jużaw dejjem
iżjed il-Bibbja
bħala ktieb ewlieni
tat-talb, u biex
joħorġu minnha
ispirazzjonijiet
tassew u eżempji li
ma jingħaddux.
Il-qima lejn
il-Verġni Mbierka ma
tistax tkun nieqsa
minn din il-linja
ġenerali tal-qima
nisranija92,
imma għandha tkun
ispirata minnha biex
tieħu saħħa ġdida u
għajnuna ċerta.
Il-Bibbja li tpoġġi
quddiemna b'mod
tal-għaġeb il-pjan
ta' Alla għall-fidwa
tal-bnedmin, hija
mimlija bil-misteru
tal-Feddej, u
mill-Ġenesi
sal-Apokalissi
titkellem ukoll
b'mod ċar fuq dik li
hija Omm u Sieħba
tal-Feddej. Imma, ma
nixtiequx li din
il-marka tal-Bibbja
tkun biss fl-użu
bir-reqqa tat-testi
u s-simboli li jkunu
magħżula bil-għaqal
mill-Bibbja Mqaddsa.
Aktar minn dan huwa
meħtieġ. Tant hu
hekk li huwa meħtieġ
li t-talb u l-kant
ikollhom il-kliem u
l-ispirazzjoni
tagħhom mill-Bibbja,
u fuq kollox li
l-qima lejn
il-Verġni tkun
magħquda
mal-ġrajjiet kbar
tal-messaġġ nisrani.
Dan isir sakemm
l-insara li jqimu
lil dik li hi Tron
tal-Għerf, ikunu
huma stess imdawla
bil-kelma t'Alla, u
mmexxija biex jgħixu
skont it-twissijiet
tal-Għerf Inkarnat.
31.
Aħna ġa tkellimna
dwar il-qima li
l-Knisja tagħti lil
Omm Alla
fiċ-ċelebrazzjoni
tal-liturġija
mqaddsa. Imma issa
waqt li qed
nitkellmu fuq
il-forom l-oħra ta'
qima u fuq il-provi
li jdawluhom, ma
nistgħux ma
niftakrux fir-regoli
tal-kostituzzjoni
Sacrosanctum
Concilium li
waqt li tħeġġeġ
bil-qalb kollha
t-taħriġ ta' qima
tal-insara żżid:
"... Jinħtieġ li
dawn l-għemejjel
ikunu minsuġa b'mod
li waqt li jiġu
mħarsa ż-żminijiet
tal-liturġija, ikunu
jaqblu mal-liturġija
mqaddsa, ikunu b'xi
mod ġejjin minnha, u
jwasslu lill-poplu
nisrani għaliha,
billi min-natura
tagħha hija ogħla
minnhom sewwa"93.
Din hija regola ta'
għerf u regola ċara,
imma mhux faċli biex
titħaddem, l-aktar
fil-qima lejn
il-Verġni li tagħha
nsibu ħafna forom
differenti. Dak li
huwa meħtieġ
min-naħa ta' min
huwa responsabbli
għall-ġemgħa lokali
huwa sforz, kollu
kemm hu pastorali u
li jkomplu
sal-aħħar. Min-naħa
tal-insara huwa
meħtieġ li jkunu
lesti biex jaċċettaw
regoli u pariri li
jiġu min-natura vera
tal-qima nisranija.
Xi minn daqqiet ikun
meħtieġ li nibdlu xi
drawwiet li bihom
in-natura vera
tal-qima nisranija
tkun xi ftit
imċajpra.
Għalhekk nixtiequ
nsemmu żewġ modi li
fil-ħidma pastorali
jistgħu jġibu
fix-xejn ir-regoli
tal-Konċilju Vatikan
II. L-ewwel nett
hemm xi wħud li
għandhom f'idejhom
il-kura tal-erwieħ
li mill-ewwel
ikażbru
d-devozzjonijiet li
b'forom tajbin
ingħataw
mill-Maġisteru,
jpoġġuhom fil-ġenb u
b'hekk joħolqu vojt
li ma jimlewhx. Dawn
jinsew li l-Konċilju
qal li
d-devozzjonijiet
għandhom ikunu
jaqblu mal-liturġija
u mhux li
nwaqqfuhom. Mbagħad
hemm l-imġiba
tal-oħrajn li bla
ebda raġuni
liturġika u
pastorali, jgħaqqdu
flimkien
devozzjonijiet u
liturġija
f'ċelebrazzjonijiet
li m'għandhom
x'jaqsmu xejn ma'
xulxin. Kultant
jiġri li fl-istess
ċelebrazzjoni
tas-sagrifiċċju
tal-ewkaristija
jdaħħlu xi novena
jew devozzjoni oħra,
bil-periklu li
t-tifkira tal-Mulej
ma tkunx il-quċċata
tal-laqgħa
tal-ġemgħa
nisranija, imma biss
il-ħin ta' xi
devozzjoni. Lil min
jagħmel hekk, irridu
nfakkruhom li
r-regola
tal-Konċilju trid li
d-devozzjonijiet u
l-liturġija jmorru
flimkien mhux li
jitħawdu flimkien.
Kull ħidma pastorali
għandha turi u
tisħaq fuq il-vera
natura tal-liturġija
u min-naħa l-oħra
tapprezza
d-devozzjonijiet
biex tkun tista'
tirranġahom
għall-ħtiġiet
tal-komunità
tal-Knisja
partikolari u jkunu
għajnuniet kbar
għal-liturġija.
32.
Minħabba n-natura
tagħha fil-Knisja,
il-qima lejn
il-Verġni turi
x'inhuma l-ħsibijiet
tal-Knisja stess. Fi
żmienna tiżboq
il-ħerqa
għall-għaqda fost
l-insara. Għalhekk
il-qima lejn Omm
il-Mulej tkun
miftuħa għax-xewqat
u l-għanijiet
tal-moviment
ekumeniku. Dan hu
hekk minħabba bosta
raġunijiet.
Qabel xejn, l-insara
kattoliċi jingħaqdu
ma' ħuthom
tal-Knisja Ortodossa
fil-qima b'forom ta'
poeżija u ta'
tagħlim lejn
il-Verġni Mbierka,
b'mod speċjali
b'imħabba lejn
il-glorjuża Omm Alla
u billi jsejħulha
"Tama tal-Insara"94;
jingħaqdu
mal-Anglikani li
t-teologi klassiċi
tagħhom kienu ġa taw
każ tal-pedament
mill-Bibbja
għall-qima lejn Omm
il-Mulej tagħna, u
t-teologi ta'
żmienna jisħqu fuq
l-importanza
tas-sehem ta' Marija
fil-ħajja nisranija;
u jingħaqdu ma'
ħuthom tal-Knejjes
tar-Riforma li fihom
kibret l-imħabba u
l-ħerqa
għall-Bibbja, billi
jfaħħru 'l Alla
bl-istess kliem
tal-Verġni (Lq.
1,46-55).
Barra minn hekk,
il-qima lejn Omm
Kristu u l-insara,
hija għall-Kattoliċi
okkażjoni naturali u
ta' spiss biex
jitolbuha tidħol
għalihom quddiem
l-Iben, biex isseħħ
l-għaqda
tal-imgħammdin
kollha f'poplu
wieħed t'Alla95.
Ma' dan ukoll, hija
rieda tal-Knisja
Kattolika li bla ma
jitnaqqas bl-ebda
mod il-karattru ta'
din il-qima96,
tieħu ħsieb li
twarrab kull
esaġerazzjoni li
tista' twassal
lill-aħwa insara
l-oħra għal xi żball
dwar it-tagħlim veru
tal-Knisja Kattolika97.
Barra minn hekk kull
wirja ta' qima li ma
taqbilx mal-prattika
Kattolika għandha
titwarrab.
Fl-aħħar nett billi
hi ħaġa naturali li
fil-vera devozzjoni
lejn il-Verġni
Mbierka "l-Iben ikun
magħruf, maħbub u
glorifikat kif inhu
xieraq ... meta
l-Omm tkun imfaħħra"98,
din issir it-triq li
twassal għand
Kristu, il-bidu u
l-qofol tal-għaqda
tal-Knisja li fiha
dawk li jistqarru
bil-miftuħ li huwa
Alla u Mulej, Feddej
u Medjatur Waħdieni
(1 Tim. 2,5) huma
msejħa biex ikunu
ħaġa waħda ma'
xulxin, ma' Kristu u
mal-Missier f'għaqda
mal-Ispirtu s-Santu99.
33.
Nafu li hemm nuqqas
ta' qbil importanti
bejn il-ħsieb ta'
ħafna aħwa ta'
knejjes u għaqdiet
ta' knejjes oħrajn u
t-tagħlim kattoliku
"dwar ... is-sehem
ta' Marija
fil-ġrajja
tal-fidwa"100,
u għalhekk dwar
il-qima li
tingħatalha.
Madankollu, billi
hija l-istess qawwa
tal-aktar għoli li
għattiet lill-Verġni
ta' Nażaret (Lq.
1,35) li qiegħda
kuljum taħdem
fil-moviment
ekumeniku u tagħtih
il-frott, nixtiequ
nuru t-tama tagħna
li l-qima lejn
il-Qaddejja umli
tal-Mulej, li magħha
għamel ħwejjeġ kbar
Dak li jista' kollox
(Lq. 1,49), issir
ukoll bil-mod il-mod
mhux it-tfixkil,
imma t-triq u fejn
jiltaqgħu u
jingħaqdu dawk
kollha li jemmnu fi
Kristu. Tant hu hekk
li nħossuna ferħanin
li naraw li l-ftehim
aħjar dwar is-sehem
ta' Marija
fil-Misteru ta'
Kristu u tal-Knisja,
minn aħwa mifrudin
ukoll, tħaffef
il-mixja lejn
l-għaqda. Kif
is-sehem tal-Verġni
f'Kana ġiegħel lil
Ġesù jwettaq l-ewwel
miraklu tiegħu (Ġw.
2,1-12), hekk ukoll
fi żmienna,
l-għajnuna tagħha
tgħin biex tasal
is-siegħa li fiha
d-dixxipli ta'
Kristu jsibu
l-għaqda sħiħa
fil-fidi. Din
it-tama tagħna hija
mqabbla ma' dak li
qal il-Papa Ljun
XIII qabilna:
"Il-kaġun tal-għaqda
fost l-insara"
tagħmel parti eżatt
mill-ħidma ta'
Marija bħala Omm
Spiritwali. Għaliex
Marija ma setgħetx
nisslet u ma
setgħetx tnissilhom
jekk mhux f'fidi
waħda u f'imħabba
waħda, "għaliex
forsi Kristu
maqsum?" (1 Kor.
1,13). Għandna lkoll
flimkien ngħixu
l-ħajja ta' Kristu,
biex f'ġisem wieħed
u fl-istess ġisem
nagħmlu frott għal
Alla (Rum. 7,4)101.
34.
Fil-qima lejn
il-Verġni Mbierka
rridu wkoll nagħtu
każ ta' xi tagħrif
ċert u ppruvat
tax-xjenzi umani.
Dan jgħin biex
inwarrbu waħda
mir-raġunijiet ta'
nuqqas ta' ftehim li
jqumu dwar il-qima
lejn Omm il-Mulej;
fi kliem ieħor,
in-nuqqas ta' qbil
bejn xi fergħat
tal-qima u s-sejbiet
moderni
fl-antropoloġija,
kif ukoll il-bidliet
fil-fond li saru
fil-qasam
tal-psikoloġija u
s-soċjoloġija li
fihom jgħix u jaħdem
il-bniedem tal-lum.
Tant hu veru li
wieħed isibha bi
tqila biex juri
fil-ħajja u
s-soċjetà ta'
żmienna, ix-xbieha
tal-Verġni kif
toħroġ minn xi kitba
ta' qima l-aktar
fil-ħajja tal-mara
tal-lum: fid-dar,
fejn il-liġi u
l-evoluzzjoni
tad-drawwiet ġabu
kif kienu xierqa
lill-mara daqs
ir-raġel u
responsabbli miegħu
fit-tmexxija
tal-familja;
fil-politika fejn
f'ħafna pajjiżi
l-mara għandha
s-sehem tagħha daqs
tar-raġel fil-ħajja
politika; fil-ħajja
soċjali fejn il-mara
nxteħtet għal bosta
impiegi u kuljum qed
tħalli dejjem iżjed
l-ambjent magħluq
tad-dar; fil-kultura
fejn il-mara għandha
aktar ftuħ
fit-tiftix
tax-xjenza u
fil-ħidma tal-moħħ.
Bħala riżultat ta'
dawn l-affarijiet
kollha, xi wħud ma
jurux ġibda lejn
il-qima tal-Verġni u
jkollhom problema
biex jieħdu 'l
Marija ta' Nażaret
bħala mudell
tagħhom, għaliex
jgħidu li ħajjitha
kienet xi ftit jew
wisq magħluqa ħdejn
il-ħafna
attivitajiet li llum
huma miftuħa
għall-bnedmin. F'dan
is-sens, waqt li
nħeġġu lit-teoloġi,
lil dawk li jmexxu
l-komunità
nisranija, u
lill-insara stess,
biex jagħtu każ
xieraq ta' dawn
il-problemi,
jidhrilna li huwa
floku li nagħtu
sehemna biex tinstab
tweġiba xierqa
għalihom billi
nagħtu xi ħsibijiet
tagħna.
35.
Qabel xejn,
il-Knisja minn
dejjem poġġiet
il-Verġni Marija
bħala mudell
għall-insara mhux
eżatt minħabba l-mod
kif kienet tgħix, u
wisq anqas minħabba
l-ambjent soċjali u
kulturali tagħha li
llum kważi ma għadu
mkien. Imma Marija
hija mudell
għall-insara għaliex
fil-ħajja tagħha
hija dejjem laqgħet
għal kollox u b'mod
responsabbli r-rieda
t'Alla (Lq. 1,38),
għaliex semgħet
il-kelma u għexitha;
għaliex ħajjitha
kienet mimlija
bl-imħabba u
bl-ispirtu ta'
servizz; għaliex
kienet l-ewwel u
l-aktar dixxiplu
perfett ta' Kristu.
Dan kollu jiswa
bħala mudell għal
kulħadd u għal
dejjem.
36.
Imbagħad nixtiequ
nuru li dawn
il-problem li
semmejna aktar 'il
fuq huma marbutin
max-xbieha popolari
ta' Marija meħuda
mill-kitba, u mhux
mix-xbieha tagħha
kif meħuda
mill-Evanġelju,
lanqas mit-tagħlim
mgħarbel sewwa kif
meħud
mir-Rivelazzjoni.
Anzi hija ħaġa
mistennija li
l-ġenerazzjonijiet
insara li ġew
f'ambjenti soċjali u
kulturali differenti
jfasslu x-xbieha u
l-missjoni ta'
Marija (bħala mara
ġdida u nisranija
perfetta li ġabret
fiha l-qagħdiet
l-aktar importanti
fil-ħajja tal-mara:
verġni, miżżewġa u
omm), l-Omm ta'
Ġesù, mudell
tal-qagħda tal-mara
u tal-ħajja
tal-evanġelju, skont
il-ħsieb, ideat u
xbihat ta' żmienhom.
Meta l-Knisja taħseb
fuq l-istorja twila
tal-qima lejn
Marija, tifraħ meta
tara din il-qima li
ma waqfet qatt, imma
qatt ma ntrabtet ma'
xi modi ta' xi żmien
partikolari jew xi
ħsieb antropoloġiku.
Il-Knisja fehmet li
waqt li wirjiet
reliġjużi huma fihom
infushom tajbin,
jistgħu ma jkunux
jgħoddu biżżejjed
għall-bnedmin ta'
żminijiet u kulturi
differenti.
37.
Fl-aħħar nett
nixtiequ nuru li
ż-żminijiet tagħna,
xejn inqas minn ta'
qabilhom, huma
msejħin biex
jiċċaraw it-tagħrif
tagħhom skont
il-kelma t'Alla, u
biex inżommu
mas-suġġett, biex
iqabblu l-idejat
antropoloġiċi
tagħhom mal-problemi
li joħolqu
għax-xbieha
tal-Verġni Marija,
kif insibuha
fl-Evanġelju.
Il-qari tal-Bibbja
taħt il-ħarsien
tal-Ispirtu s-Santu
flimkien mas-sejbiet
tax-xjenzi umani u
l-qagħdiet
differenti tad-dinja
tal-lum, jista'
jwassal biex tifhem
kif Marija tista'
tkun meqjusa bħala
mera tax-xewqat
tal-bnedmin ta'
żmienna. Għalhekk
biex nagħtu eżempju,
il-mara ta' żmienna,
waqt li tixtieq li
tagħti s-sehem
tagħha billi
tiddeċiedi
fl-għażliet
tal-komunità,
bil-ferħa taħseb fuq
Marija li, fi
djalogu ma' Alla
qablet b'mod
responsabbli102
mhux biex tinħall xi
problema mhux
importanti, imma
"għall-ħidma
taż-żminijiet" kif
kienet tissejjaħ
tajjeb
l-Inkarnazzjoni
tal-Verb103.
Wieħed għandu jistma
li l-għażla ta'
Marija biex tkun
verġni fil-pjan
t'Alla ħejjieha
għall-misteru
tal-Inkarnazzjoni,
ma kienx xi att ta'
disprezz għall-valur
taż-żwieġ, imma
kienet għażla ta'
kuraġġ, magħmula
biex tqaddes lilha
nnifisha kollha kemm
hi għall-imħabba
t'Alla. B'hekk
il-mara tal-lum tara
bil-ferħ u b'għaġeb
li Marija ta'
Nażaret, waqt li
kienet għal kollox
f'idejn ir-rieda
t'Alla, ma kienetx
mara li tobdi
bil-biża', jew li
l-qdusija tagħha
kienet iddejjaq
lill-oħrajn, imma
mara li ma toqgħodx
titħasseb biex
ixxandar li Alla
jgħolli lill-umli u
l-maħqurin u li
jneħħi s-setgħanin
ta' din id-dinja
minn fuq it-tron
tagħhom (Lq.
1,51-53). Hija tara
f'Marija li tiżboq
"l-umli u l-foqra
tal-Mulej"104,
mera qawwija, li taf
xi jfissru faqar u
tbatija, ħarba u
eżilju (Mt.
2,13-23). Dawn huma
ġrajjiet li ma
jistgħux jaħarbu
minn taħt għajnejn
dawk li jridu jagħtu
l-appoġġ fl-ispirtu
tal-Evanġelju,
l-isforzi
għall-ħelsien
tal-bniedem u
tas-soċjetà. Marija
ma tidhirx bħala Omm
li jimpurtaha biss
minn Binha divin,
imma mara li bl-aġir
tagħha qawwiet
il-ġemgħa ta' żmien
l-appostli fi Kristu
(Ġw. 2,1-12) u
l-missjoni tagħha
ta' omm twessgħet u
fuq il-kalvarju
saret universali
105. Dawn
mhumiex ħlief
eżempji li minnhom
jidher ċar kif
ix-xbieha tal-Verġni
ma tqarraqx
ix-xewqat
tal-bnedmin ta'
żmienna u toffri
mudell perfett ta'
dixxiplu tal-Mulej:
bennej tal-belt ta'
din l-art u
materjali, imma
pellegrin bil-għaqal
lejn il-belt
tas-sema u eterna;
ħabrieki
għall-ġustizzja li
teħles lill-batut u
għall-imħabba li
tibni lil Kristu
fil-qalb.
38.
Wara li tajna dawn
il-linji li kienu
maħsubin biex jgħinu
fl-iżvilupp bla
tfixkil fil-qima ta'
Omm il-Mulej,
inħossu li huwa
f'waqtu li niġbdu
l-attenzjonii fuq xi
drawwiet żbaljati
dwar il-qima.
Il-Konċilju Vatikan
II ġa bl-awtorità
tiegħu kkundanna
kemm
l-esaġerazzjonijiet
tal-kliem u l-forma
li jwasslu għal
tagħlim ħażin, kif
ukoll l-imħuħ
magħluqa li jċajpru
l-figura u
l-missjoni ta'
Marija. Il-Konċilju
kkundanna wkoll xi
tgħawwiġ fil-qima,
bħal twemmin fieragħ
li jwarrab
l-importanza minn
fuq is-serjetà għal
fuq it-taħriġ minn
barra biss;
sentiment bla frott
u li jgħaddi malajr,
li huwa 'l bogħod
mill-Evanġelju li
jitlob ħidma bla
waqfien106.
Aħna nsaħħu dawn
il-kundanni li
jagħmel il-Konċilju
fuq din l-imġiba u
għemil. Dawn ma
jaqblux mal-fidi
kattolika u għalhekk
m'hemmx posthom
fil-qima kattolika.
Difiża tajba kontra
dawn l-iżbalji u
t-tagħwiġ iġib
il-qima lejn
il-Verġni aktar
b'saħħitha u tajba;
qawwija fil-pedament
fejn l-istudju
tar-rivelazzjoni u
l-attenzjoni
għad-dokument
tal-Maġisteru għad
jirbħu fuq
it-tfittix bla rażan
għal affarijiet
ġodda barra
mis-soltu. Dan
jiżgura li din
il-qima tkun
oġġettiva fl-isfond
storiku, u għalhekk
dak kollu li biċ-ċar
huwa leġġenda jew
falz għandu
jitwarrab. Dan
jiżgura wkoll li din
il-qima tiġi taqbel
mat-tagħlim, u
għalhekk tiġi
l-ħtieġa li twarrab
il-preżentazzjoni
falza tax-xbieha ta'
Marija li waqt li
tisħaq fuq fergħa
waħda tfixkel
id-dehra sħiħa li
jagħti l-Evanġelju.
Dan jagħmel l-iskop
ta' din il-qima
aktar ċar, u
għalhekk għandu
jingħata każ biex
jinżamm 'il bogħod
kull vantaġġ mhux
xieraq.
39.
Fl-aħħar nett, skont
il-ħtieġa nixtiequ
li nerġgħu ngħidu li
l-aqwa skop tal-qima
lejn il-Verġni
Mbierka hija
l-glorja t'Alla u li
tmexxi lin-nisrani
biex jagħti ħajtu
kollha kemm hi
għar-rieda tiegħU.
Tant hu hekk li meta
wlied il-Knisja
jgħaqqdu leħinhom
mal-leħen tal-mara
tal-Evanġelju u
jfaħħru lil Omm Ġesù
billi jgħidulu:
"Imbierek il-ġuf li
nisslek u s-sider li
rdajt" (Lq. 11,27)
jkunu wkoll
immexxija biex
jieħdu t-tweġiba
serja tal-Imgħallem
divin: "Imma aktar
imberkin dawk li
jisimgħu l-Kelma
t'Alla u jagħmluha"
(Lq. 11,28).
Din it-tweġiba kif
jgħidu l-għorrief
tal-Knisja107
u kif saħħaħ
il-Konċilju Vatikan
II108
hija tifħir ħaj
għall-Verġni Marija,
imma hija wkoll
twissija għalina
biex ngħixu skont
il-kmandamenti
t'Alla. Hija wkoll
eku ta' kliem ieħor
tal-Feddej: "Mhux
kull minn jgħidli
'Mulej, Mulej'
jidħol fis-saltna
tas-sema, imma min
jagħmel ir-rieda ta'
Missieri li hu
fis-sema" (Mt.
7,21), u "Intom
ħbiebi jekk tagħmlu
dak li nikkmandakom"
(Ġw. 15,14).
IT-TIELET PARTI
Ħsibijiet dwar
l-Atti ta' Qima:
L-"Angelus" u
r-Rużarjuu Mqaddes
40.
Urejna xi prinċipji
li kienu maħsubin
biex jagħtu forza
ġdida lill-qima ta'
Omm il-Mulej. Issa
huwa f'idejn
il-Konferenzi
Episkopali, dawk li
huma responsabbli
għall-komunità
tal-post u l-familji
reliġjużi biex
iġeddu b'mod għaqli
l-prattika u l-atti
ta' qima lejn
il-Verġni Mbierka u
jħeġġu l-ħerqa ta'
dawk li mqanqlin
minn spirtu reliġjuż
veru jew minn ħtieġa
pastorali jixtiequ
jagħtuha ħajja
b'forom ġodda.
Madankollu jidhrilna
li hija ħaġa flokha
għal bosta
raġunijiet, li
nitkellmu fuq żewġ
atti ta' qima li
huma l-aktar midħla
fil-punent u li
dwarhom din is-Sede
tal-Appostli
tkellmet kemm-il
darba: l-Angelus
Domini u r-Rużarju,
jew il-kuruna
tal-Imbierka Verġni
Marija.
L-"Angelus Domini"
41.
Il-kelma tagħna fuq
l-Angelus Domini
trid tkun biss waħda
ħafifa, imma
fl-istess ħin ta'
kuraġġ ħaj biex
tinżamm din
id-drawwa fejn u
meta tista'. Din
it-talba m'għandhiex
bżonn ta' tiġdid:
il-forma hija
ħafifa, in-natura
tagħha hija meħuda
mill-Bibbja u l-bidu
tagħha fl-istorja
jgħaqqadha mat-talba
għas-saħħa u l-paċi,
il-mixja tagħha hija
kważi tal-liturġija
li tqaddes
iż-żminijiet
differenti tal-jum,
il-ftuħ tagħha
jfakkarna
fil-Misteru tal-Għid
li fih waqt li
niftakru
fl-Inkarnazzjoni
tal-Iben t'Alla,
nitolbu li naslu
"permezz
tal-Passjoni u
s-Salib tiegħu
għall-glorja
tal-qawmien"109.
Dawn kollha jżommu
tul iż-żminijiet
il-valur u l-qawwa
tal-Angelus
bla tibdil. Huwa
veru li xi drawwiet
li biż-żmien żdiedu
mat-talba tal-Angelus
twarrbu jew diffiċli
biex ikomplu
fil-ħajja moderna,
imma dawn huma
affarijiet ta' bla
importanza. Ma
jistax jinbidel
il-valur tal-ħsieb
fuq il-misteru
tal-Inkarnazzjoni
tal-Verb,
it-tħabbira
lill-Verġni, u
t-talba
għall-għajnuna
kollha ħniena
tagħha. Minkejja li
jinbidlu
ż-żminijiet, għal
ħafna bnedmin ma
jinbidlux
il-ħinijiet speċjali
tal-jum (filgħodu,
f'nofsinhar u
filgħaxija) li juru
l-ħinijiet tal-ħidma
tagħhom u
jistednuhom għal
waqfa ċkejkna biex
jitolbu.
Ir-Rużarju Mqaddes
42.
Ħuti għeżież, issa
rridu li nieqfu ftit
fuq it-tiġdid ta'
dik il-qima li
ssejjħet "il-ġabra
tal-Evanġelju kollu"110:
il-kuruna
tal-Imbierka Verġni
Marija, ir-Rużarju.
Għal dan, il-Papiet
ta' qabilna taw
l-għaqal u l-ħsieb
tagħhom. Ħafna drabi
ħeġġew biex jingħad
spiss, u li
jinxtered aktar,
fittxew li jfissru
n-natura tiegħu,
għarrfu s-siwi
tiegħu biex jimxi 'l
quddiem it-talb
tal-moħħ
(kontemplazzjoni),
talb ta' tifħir u
għall-għajnuna
fl-istess ħin, u
fakkru l-qawwa
tiegħu biex
tinxtered il-ħajja
nisranija u l-ħidma
tal-appostolat. Aħna
wkoll, sa mill-ewwel
udjenza ġenerali
tal-Pontifikat
tagħna fit-13 ta'
Lulju 1963, urejna
r-rispett kbir
tagħna għar-rużarju111.
Minn dak iż-żmien
sħaqna fuq dan
il-valur f'ħafna
drabi kemm ordinarji
kif ukoll speċjali,
bħal meta fi żmien
ta' niket u dubji
ħriġna l-Enċiklika
Christi Matri
(15 ta' Settembru
1966) biex indawru
t-talb tagħna lejn
l-Imbierka Verġni
tar-Rużarju biex
titlob 'l Alla
l-aqwa ġid, il-paċi112.
Din it-talba
ġeddidniha
fl-Eżortazzjoni
Appostolika tagħna
Recurrens Mensis
October (7 ta'
Otturbu 1969), fejn
fakkarna r-raba'
ċentinarju tal-Ittra
Appostolika
Consueverunt Romani
Pontifices
tal-Papa San Pju V
li fiha wera u b'xi
mod waqqaf il-forma
tradizzjonali
tar-Rużarju113.
43.
Din il-ħeġġa li ma
taqtax min-naħa
tagħna lejn din
il-kuruna għażiża
tal-Verġni Mbierka
Marija wasslitna
biex nieħdu interess
mill-qrib fil-ħafna
laqgħat li saru
f'dawn l-aħħar snin
dwar il-pastorali
tar-Rużarju
fid-dinja tal-lum.
Dawn kienu laqgħat
immexxija minn
għaqdiet u minn
persuni li għandhom
għal qalbhom ħafna
d-devozzjoni
tar-Rużarju, u li
fihom ħadu sehem
isqfijiet,
saċerdoti, reliġjużi
u lajċi magħrufa
għall-esperjenza
tagħhom u t-tagħrif
tagħhom fuq
il-Knisja. Fost
dawn, hija ħaġa
flokha li nfakkru
l-ulied San Duminku
li għal żmien twil
għassu u mexxew 'il
quddiem din
id-devozzjoni ta'
saħħa. Flimkien ma'
dawn il-laqgħat
imxew it-tiftix
tal-istorja, li kien
maħsub mhux biex
tinstab (bħal
fl-arkeoloġija)
il-forma ewlenija
tar-Rużarju, imma
biex tikxef il-ħsieb
ewlieni, il-qawwa
warajh u l-forma
meħtieġa fih. Minn
dawn il-laqgħat u
tiftix ħarġu b'mod
ċar il-karattru
bażiku tar-Rużarju,
l-elementi meħtieġa
tiegħu u kif dawn
għandhom x'jaqsmu
ma' xulxin.
44.
Hekk, ngħidu aħna,
dehret aktar ċara
l-ispirazzjoni
tal-Evanġelju
fir-Rużarju, għaliex
mill-Evanġelju,
ir-Rużarju ħa
t-tifkira
tal-misteri u
l-formoli ewlenin.
Kif wieħed iħares
lejn it-tħabbira ta'
ferħ tal-Anġlu u kif
il-Verġni aċċettat
bit-tjieba,
ir-Rużarju jieħu
l-ħsieb
mill-Evanġelju dwar
kif għandha tkun
l-imġiba tal-insara
li jgħiduh. Is-Sliema
waħda wara l-oħra,
tpoġġi quddiemna
għal darb'oħra
wieħed mill-misteri
prinċipali
tal-Evanġelju,
l-Inkarnazzjoni
tal-Verb, kif
insibuh fil-mument
importanti
tat-tħabbira lil
Marija. Għalhekk
ir-Rużarju huwa
talba
mill-Evanġelju, kif
illum forsi aktar
minn qabel iħobbu
jsejħulu r-rgħajja
tal-bnedmin u
l-istudjużi.
45.
Ġa ntwera b'mod ċar
kif it-tagħrif
bil-mod u sewwa
tar-Rużarju juri kif
il-Verb t'Alla, li
fil-ħniena tiegħu
daħal fl-istorja
tal-bniedem, wettaq
il-fidwa. Ir-Rużarju
juri ħaġa b'ħaġa
l-ġrajjiet
prinċipali tal-fidwa
li twettqu fi
Kristu: mit-tnissil
fil-Verġni u
l-misteri
tat-tfulija ta'
Kristu sal-quċċata
fil-ġrajjiet
tal-għid,
il-passjoni mbierka
u l-qawmien
fil-glorja, kif
ukoll l-effetti li
kellha fuq il-Knisja
għadha titwieled
nhar Għid il-Ħamsin,
kif ukoll fuq
il-Verġni Marija
fil-jum li fih wara
l-eżilju f'din
l-art, ittellgħet
bir-ruħ u bil-ġisem
fis-sema. Wieħed
jara wkoll il-qasma
tal-misteri
tar-Rużarju fi tliet
taqsimiet li jaqblu
mhux biss skont kif
ġraw il-ġrajjiet
fiż-żmien, imma fuq
kollox turi l-pjan
ewlieni tat-tħabbira
tal-fidi u terġa
tpoġġi quddiemna
l-misteru ta' Kristu
kif rah San Pawl
fl-innu famuż
tal-Ittra
lill-Filippin:
tkażbir, mewt u
glorja (2,6-11).
46.
Bħala talba
mill-Evanġelju, li
l-qofol tagħha huwa
fil-misteru
tal-Inkarnazzjoni u
l-fidwa, ir-Rużarju
huwa talba li
jdawwar il-ħsieb
tagħna lejn Kristu.
Tant hu hekk li
min-natura tagħha
l-litanija ta'
"Sliem għalik
Marija" wara xulxin
issir tifħir bla
waqfien lil Kristu,
li huwa l-qofol kemm
tat-tħabbira
tal-anġlu, kif ukoll
tat-tislima ta' Omm
il-Battista:
"Imbierek il-frott
tal-ġuf tiegħek"
(Lq. 1,42). Nistgħu
nżidu u ngħidu li
l-ħafna "Sliem
Għalik" wara xulxin
huma l-fus li fuqu
jdur il-ħsieb
tal-misteri. Dak
Ġesù li nsejħu
f'kull Sliema,
huwa l-istess Ġesù
li l-misteri wieħed
wara l-ieħor
iqiegħdu quddiemna
bħala l-Iben t'Alla
u l-Iben tal-Verġni,
mwieled f''għar
ġewwa Betlehem,
ippreżentat minn
ommu fit-tempju,
żagħżugħ mimli
bil-ħeġġa
għall-ħwejjeġ ta'
Missieru; Feddej
waqt l-agunija
fil-ġnien, imsawwat
u nkurunat bix-xewk,
mgħobbi bis-salib u
jmut fuq
il-kalvarju; jqum
mill-mewt u jitla'
fil-glorja
tal-Missier biex
jibgħat ir-rigal
tal-Ispirtu s-Santu.
Huwa magħruf li f'xi
żmien kien hemm
id-drawwa li għadhom
iżommuha f'xi
postijiet li
mal-Isem ta' Ġesù
ta' kull Sliema
jżidu l-ħsieb ta'
kull misteru. Dan
isir eżatt biex
jgħin il-ħsieb u
jgħaqqad il-moħħ
mal-fomm.
47.
Inħasset ukoll bi
bżonn akbar
il-ħtieġa li nerġgħu
nisħqu li barra
mill-valur
tat-tifħir u t-talb,
hemm ukoll element
ieħor importanti
fir-Rużarju, it-talb
tal-moħħ. Mingħajru
r-Rużarju huwa ġisem
bla ruħ, u waqt li
jingħad ikun hemm
il-periklu li jsir
numru ta' formoli
wara xulxin bħal
makna, u jeħodha
kontra t-twissija
ta' Ġesù: "Meta
titolbu, tgħidux
ħafna kliem
bħall-pagani, li
jemmnu li jinstemgħu
minħabba l-ħafna
kliem" (Mt. 6,7).
Fih innifsu,
r-Rużarju jitlob li
jingħad bil-mod,
kważi bil-lajma biex
ikun iżjed faċli li
min qed jitlob
jaħseb fuq
il-misteri tal-ħajja
tal-Mulej, kif
rathom il-qalb ta'
Dik li kienet
l-aktar qrib
tal-Mulej, u b'hekk
jinkixef l-għana bla
qies tiegħu.
48.
Mill-istudju ta' dan
l-aħħar, ħareġ b'mod
tajjeb kif
il-liturġija u
r-Rużarju għandhom
x'jaqsmu ma' xulxin.
Min-naħa waħda nsibu
b'enfasi li
r-Rużarju huwa bħal
xi fergħa li toħroġ
miz-zokk antik
tal-liturġija
nisranija, "is-salmi
tal-Verġni" li bih
l-umli jingħaqdu
mal-innu ta' tifħir
u mal-indħil
universali
tal-Knisja. Min-naħa
l-oħra wieħed jara
li dan l-iżvilupp
sar fi żmien
(l-aħħar parti
taż-Żminijiet
tan-Nofs) meta
l-ispirtu
tal-liturġija kien
għan-niżla u
l-insara bdew iduru
mill-Liturġija
għad-devozzjonijiet
li jinħassu, lejn
Kristu bħala bniedem
u lejn l-Imbierka
Verġni Marija. Jekk
fi żmien mhux
il-bogħod xi wħud
bdew juru x-xewqa
tagħhom biex
ir-Rużarju jidħol
fir-riti
tal-liturġija, waqt
li oħrajn ħerqana
biex jaħarbu żbalji
pastorali ta' qabel,
bla raġuni warrbu
r-Rużarju, illum din
il-problema nistgħu
nħolluha b'mod aktar
ħafif jekk nimxu fuq
il-prinċipji
tal-kostituzzjoni
Sacrosanctum
Concilium:
iċ-ċelebrazzjonijiet
tal-liturġija u
l-att ta' qima
tar-Rużarju
m'għandhomx jitqiesu
la kontra xulxin u
lanqas bħala
l-istess114.
Kull talba tħalli
aktar frott daqskemm
iżżomm in-natura
vera tagħha u
d-dehra tagħha.
Għalhekk la l-valur
ta' dejjem
tal-liturġija
jissaħħaħ, ma jkunx
diffiċli tagħraf kif
ir-Rużarju bħala att
ta' qima jaqbel
ħafna mal-Liturġija
Mqaddsa. Tant hu
hekk li
bħal-liturġija,
ir-Rużarju għandu
natura kommunitarja,
meħuda mill-Bibbja
Mqaddsa u ddur fuq
il-misteru ta'
Kristu. Għalkemm
huma differenti
ħafna, it-tifkira
fil-liturġija, u
t-tifkira fit-talb
tar-Rużarju fihom
l-istess ġrajjiet
ta' fidwa li wettaq
Kristu. Il-liturġija
terġa' ġġib quddiem
għajnejna l-misteri
l-kbar tal-fidwa
tagħna mgħottija
taħt sinjali u
jaħdmu fil-moħbi.
Ir-Rużarju permezz
tal-ħsieb u
d-devozzjoni,
jfakkar l-istess
misteri fil-moħħ ta'
min ikun qed jitlob
u jqanqal ir-rieda
biex jiġbed minnhom
regoli għal ħajtu.
Meta din
id-differenza
importanti tkun
ċara, ma jkunx
diffiċli tifherm kif
ir-Rużarju huwa
l-aktar att ta' qima
li jieħu l-qawwa
tiegħu
mil-liturġija, u
jekk nimxu fuq
il-ħsieb li kellu
fil-bidu, jwassalna
mill-ġdid
fil-liturġija bla ma
jsir parti minnha.
Tant hu hekk li
l-meditazzjoni fuq
il-misteri
tar-Rużarju li
tagħmel l-imħuħ u
l-qlub tal-insara
midħla tal-misteri
ta' Kristu, tista'
tkun l-aħjar
tħejjija
għaċ-ċelebrazzjoni
tagħhom
fil-liturġija u
b'hekk isiru eku
mtawwal. Madankollu
huwa żball li għadu
jsir f'xi postijiet
li jingħad
ir-Rużarju waqt xi
azzjoni liturġika.
49.
Il-kuruna tal-Verġni
Mbierka Marija,
skont it-tradizzjoni
aċċettata mill-Papa
ta' qabilna San Piju
V, u kif għallimha
bis-setgħa tiegħu,
fiha bosta elementi
mqegħdin flimkien:
a)
Il-ħsieb flimkien
ma' Marija fuq numru
ta' misteri
tal-fidwa, maqsumin
b'mod għaqli fi
tliet taqsimiet li
juru l-ferħ ta'
żmien il-Messija,
it-tbatija fil-fidwa
ta' Kristu, u
l-glorja tal-Irxoxt
li ddellel
il-Knisja; dan huwa
ħsieb li fih innifsu
jwassal għal
riflessjonijiet
fil-prattika u
jqajjem regoli
għall-ħajja;
b)
It-talba tal-Mulej,
Missierna, li
minħabba l-valur bla
tarf tagħha hija
l-qofol tat-talba
nisranija u l-għana
fil-bosta talbiet
tagħha;
c) Is-Sliema,
waħda wara l-oħra li
hija magħmula
mit-tħabbira
tal-anġlu
lill-Verġni (Lq.
1,28) u mill-merħba
ta' Eliżabetta (Lq.
1,42) u wara tkompli
t-talba tal-Knisja,
Qaddisa.
Is-Sliema wara
xulxin hija ħaġa
tar-Rużarju biss, u
n-numru tagħhom,
fil-forma sħiħa
tas-soltu ta' mija u
ħamsin juru xi xebħ
mas-Salmi u jmur
lura sa' mill-bidu
ta' dan l-att ta'
qima. Imma dan
in-numru li skont
drawwa antika, huwa
maqsum f'posti ta'
għaxra marbutin ma'
kull misteru huma
mqassmin fuq
it-tliet taqsimiet
li ġa semmejna, u
b'hekk iġibu
r-Rużarju b'ħamsin
Sliema. Dan daħal
ħafna fl-użu bħala
qies normali ta' dan
l-att, u f'dan
id-daqs sar popolari
fil-qima u approvat
mis-setgħa
tal-papiet li
għanewh b'bosta
indulġenzi;
d)
It-tifħir tal-Glorja
lill-Missier li
skont id-drawwa
komuni fil-qima
nisranija tagħlaq
it-talba mit-tifħir
'l Alla, wieħed fi
tlieta, li minnu,
bih, u fih sar
kollox (Rum. 11,36).
50.
Dawn huma l-elementi
li jagħmlu
r-Rużarju. Kull
wieħed għandu
l-marka tiegħu li
jekk nifhmuhom
bil-għaqal u
ngħożżuhom għandhom
ikunu ċari waqt li
jingħad ir-Rużarju,
biex ir-Rużarju jkun
jista' juri l-għana
kollu tiegħu u
l-varjetà tiegħu.
Hekk li talba
tal-Mulej għandha
tingħad b'mod serju
u ta' talb,
is-Sliema b'mod ta'
poeżija u kollha
tifħir, b'mod ta'
ħsieb waqt
il-meditazzjoni
miġbura tal-misteru,
u b'mod ta'
adorazzjoni waqt
il-Glorja. Dan
jgħodd għall-modi
kollha li fihom
jingħad ir-Rużarju:
kemm fil-privat meta
min jitlob ikun
miġbur f'għaqda
mal-Mulej, kif ukoll
fil-komunità,
fil-familja jew
l-insara magħqudin
fi grupp, biex
joħolqu l-preżenza
tal-Mulej (Mt.
18,20); kif ukoll
fil-pubbliku,
jiġifieri f'laqgħat
li għalihom
tissejjaħ il-ġemgħa
tal-Knisja.
51.
F'dawn l-aħħar
żminijiet inħolqu xi
atti ta' qima li
ħadu l-ħsieb tagħhom
mir-Rużarju. Fost
dawn, nixtiequ
nsemmu u nħeġġu dawk
li daħħlu fil-forma
tas-soltu
taċ-Ċelebrazzjoni
tal-Kelma t'Alla xi
elementi mill-kuruna
tal-Verġni Mbierka,
bħall-meditazzjoni
fuq il-misteri u
l-litanija wara
xulxin tat-tħabbira
tal-anġlu. Dawn
l-elementi jsiru
aktar importanti
għaliex ikunu
ċċarati mill-qari
mill-Bibbja,
imfissra fl-Omelija,
jkunu flimkien ma'
mumenti ta' skiet, u
msaħħin bil-kant.
Nieħdu gost inkunu
nafu li dawn l-atti
għenu biex tiftiehem
aktar bis-sħiħ,
l-għana spiritwali
tar-Rużarju stess u
biex jerġa' jingħad
bil-qima fost
għaqdiet u movimenti
żgħażagħ.
52.
Issa nixtiequ biex
inkomplu bil-ħsieb
tal-Papiet ta'
qabilna, biex
inħeġġu bil-qawwa
kollha li jingħad
ir-Rużarju
fil-familja.
Il-Konċilju Vatikan
II wera kif
il-familja,
iċ-ċellula ewlenija
u importanti
tas-Soċjetà "turi
lilha nnifisha bħala
s-santwarju
tal-Knisja fid-dar
permezz tal-imħabba
tal-membri għal
xulxin, u t-talb
flimkien lejn Alla115.
Għalhekk il-familja
nisranija turi lilha
nnifisha bħala
"knisja tad-dar"116,
jekk il-membri
tagħha kollha
flimkien, kull
wieħed skont
il-ħtieġa u kif
jista', jxerrdu
l-ġustizzja, jagħmlu
l-opri tal-ħniena,
jagħtu lilhom
infushom
għall-għajnuna ta'
ħuthom, jieħdu sehem
fl-apostolat
tal-ġemgħa lokali
l-aktar wiesgħa, u
jidħlu fil-qima
tal-liturġija117.
Barra minn hekk
jgħollu flimkien
talb lil Alla,
għaliex jekk jonqos
dan, jonqos dak li
hu meħtieġ
fil-familja
nisranija. Għalhekk
flimkien mal-ħsieb
tat-teoloġija li
tqis lill-familja
bħala knisja
tad-dar, hemm bżonn
bilfors li jsir
sforz qawwi biex
fil-ħajja
tal-familja jerġa'
jitwaqqaf it-talb
flimkien.
53.
Skont it-tagħlim
tal-Konċilju,
ir-regoli ġenerali
dwar il-liturġija
tas-sigħat, kif inhu
xieraq, tgħodd
il-familja bħala
wieħed mill-gruppi
li fihom l-Uffiċċju
Divin jista' jingħad
fil-komunità: "Huwa
xieraq ... li
l-familja bħala
Knisja fid-dar,
toffri mhux biss
talb flimkien lil
Alla, imma wkoll
jgħidu biċċiet
mil-Liturġija
tas-Sigħat biex
ikunu magħqudin
aktar bis-sħiħ
mal-Knisja"118.
Għandna nippruvaw
kull mezz biex
niżguraw li dan
il-parir ċar u
prattiku jintlaqa'
bil-ferħa u dejjem
jiżdied fost
il-familji nsara.
54.
Imma m'hemmx dubju,
li wara
ċ-ċelebrazzjoni
tal-Liturġija
tas-Sigħat,
il-quċċata tat-talb
tal-familja li
jista' jintlaħaq
hija l-kuruna
tal-Verġni Mbierka
Marija, li meta
tingħad flimkien
għandna nqisuha
bħala waħda
mill-aħjar u l-aktar
talbiet li tħalli
frott, u kull
familja nisranija
hija mistiedna biex
tgħidha. Tant hu
hekk li nieħdu gost
naħsbu u bil-qalb
nittamaw li meta
l-familja tiltaqa'
fil-ħin tat-talb,
ir-Rużarju huwa
l-aktar forma ta'
talb li jingħad u li
hu magħgub. Nafu
wkoll li kif tbiddlu
l-kundizzjonijiet
tal-ħajja llum, mhux
faċli għall-familja
li tinġabar, u wkoll
li meta din il-ġabra
sseħħ, ħafna
affarijiet jagħmluha
bi tqila biex issir
żmien ta' talb. Bla
dubju hija ħaġa
tqila. Imma hija
fin-natura
tan-nisrani li
fil-ħajja tiegħu ma
jċedix
għall-kundizzjonijiet
tal-ambjent, imma
jirbaħhom, ma jaqtax
qalbu imma jagħmel
kuraġġ. Għalhekk
il-familji li jridu
jgħixu s-sejħa sħiħa
tagħhom u l-qdusija
tal-familja
nisranija għandhom
jaħlu l-enerġija
kollha tagħhom biex
iwarrbu dak kollu li
jfixkel dawn
il-laqgħat
tal-familja u ta'
talb flimkien.
55.
Waqt li nagħalqu
dawn il-ħsibijiet li
huma xhieda
tal-interess u
l-qima li din
is-Sede Appostolika
għandha għall-kuruna
tar-Rużarju Mqaddes,
nixtiequ li
fl-istess ħin
inħeġġu li
fit-tixrid ta' din
id-devozzjoni ma
jinqabżux il-limiti
u lanqas ma tintwera
bħala biżżejjed
waħidha. Ir-Rużarju
huwa talba
mill-aqwa, imma
dwaru l-insara
għandhom iħossuhom
tassew ħielsa,
imħeġġin biex
jgħiduh bil-kwiet.
imqanqlin
mis-sbuħija tiegħu.
GĦELUQ
Il-Valur Teoloġiku u
Pastorali tal-Qima
lejn il-Verġni
Marija
56.
Għeżież ħutna,
fit-tmiem ta' din
l-eżortazzjoni
appostolika nixtiequ
nisħqu fil-qosor
dwar il-valur
teoloġiku tal-qima
lejn il-Verġni u
nfakkru fil-qosor
il-ħtieġa pastorali
tagħha għat-tiġdid
tal-ħajja nisranija.
Il-qima tal-Knisja
lejn il-Verġni
Marija hija punt
importanti tal-qima
nisranija. Il-qima
li l-Knisja tagħti
lil Omm il-Mulej
f'kull post u f'kull
żmien, mill-barka
tat-tislima ta'
Eliżabetta (Lq.
1,42-45) sat-tifħir
u t-talb ta'
żmienna, hija xhieda
mill-aktar qawwija
tar-regoli ta' talb
tal-Knisja u stedina
biex tqajjem fiha
regola ta' fidi.
Min-naħa l-oħra,
ir-regola ta' fidi
tal-Knisja titlob li
fuq kollox tfisser
ir-regoli ta' talb
lejn Omm Kristu. Din
il-qima lejn
il-Verġni għandha
l-għeruq fondi
tagħha fil-Kelma
rivelata u fuq bażi
qawwija ta' fidi:
il-kobor waħdieni
ta' Marija, "Omm
l-Iben t'Alla u
għalhekk Bint
l-Aktar maħbuba
tal-Missier, u
l-għamara
tal-Ispirtu s-Santu;
għaliha dan ir-rigal
ta' grazzja speċjali
kien bil-bosta qabel
kull ħlejqa oħra,
kemm tas-sema kif
ukoll tal-art"119;
is-sehem tagħha
fil-ħinijiet l-aktar
importanti
fil-ġrajja
tal-fidwa, imwettqa
mill-Iben;
il-qdusija tagħha,
sħiħa fit-tnissil
bla tebgħa u li
żdied kull meta
ngħaqdet mar-rieda
tal-Missier u
għaddiet mit-triq
tat-tbatija (Lq.
2,34-35; 2,41-52;
Ġw. 19,25-27),
tikber il-ħin kollu
fil-fidi, fit-tama u
fl-imħabba;
il-missjoni u l-post
waħdieni tagħha fi
ħdan il-Poplu
t'Alla, li tiegħu
hija sieħba
mill-aqwa; eżempju
l-aktar jiddi, u Omm
ta' mħabba kbira;
l-għajnuna tagħha
bla waqfien u kollha
frott, li għalkemm
imtella' fis-sema,
hija mill-aktar qrib
għall-insara li
jitolbuha kif ukoll
lejn dawk li ma
jagħtux każ li huma
wliedha; il-glorja
tagħha, li għaniet
lill-bnedmin kollha
kif qal tant tajjeb
il-poeta Dante:
"Inti tant għanejt
lin-natura
tal-bnedmin li
l-Ħallieq tagħha ma
rahiex bi kbira biex
jissieħeb fiha"120.
Fil-fatt, Marija
hija mir-razza
tagħna, bint tassew
ta' Eva, għalkemm
meħlusa mill-ħtija
ta' din l-omm, u
tassew oħtna, li
bħala mara umli u
fqira qasmet
sal-aħħar
il-kundizzjoni
tagħna.
Inzidu wkoll li
l-qima lejn
il-Verġni Mbierka
ssib il-valur tagħha
fir-rieda bla qies u
ħielsa t'Alla, li
bħala mħabba eterna
u divina (1 Ġw.
4,7-8, 16) kollox
jagħmel skont
il-pjan tal-imħabba.
Huwa jħobbha u
jagħmel ħwejjeġ kbar
għaliha (Lq. 1,49);
iħobbha għalih
innifsu u għalina;
taha għalih u
għalina wkoll.
57.
Kristu huwa t-triq
ewlenija lejn
il-Missier (Ġw.
14,4-11). Kristu
huwa l-aqwa eżempju
li fih id-dixxiplu
jrid ifassal
l-imġiba tiegħu (Ġw.
13,15), biex iħoss
l-istess bħalu (Fil.
2,15), jgħix
l-istess ħajja u
jkollu l-istess
spirtu (Gal. 2.20;
Rum. 8,10-11).
Il-Knisja għallmet
dan f'kull żmien, u
fil-ħidma pastorali,
xejn ma jista'
jċajpar dan
it-tagħlim. Imma
l-Knisja, mgħallma
mill-Ispirtu s-Santu
u bl-esperjenza ta'
ħafna żmien, taf li
anki l-qima lejn
il-Verġni Mbierka,
wara l-qima lejn
il-Feddej Divin u
flimkien magħha,
tagħti bosta frott
pastorali u tibni
qawwa li ġġedded
il-ħajja nisranija.
Ir-raġuni wara dan
il-frott jista'
jintgħaraf malajr.
Tant hu hekk li
l-ħafna elementi
tal-missjoni ta'
Marija lejn il-Poplu
t'Alla huma fatti
soprannaturali li
jaħdmu u jħallu
l-frott fil-ġisem
tal-Knisja. Wieħed
jifraħ meta jaħseb
fuq il-ħafna
elementi ta' din
il-missjoni, u jara
kif kull wieħed
bil-frott tiegħu
għandu l-istess
skop, dak li jġib
fl-ulied l-istess
natura spiritwali
tal-Ewwel Iben.
Irridu ngħidu li
s-sehem ta' Omm
tal-Verġni,
l-eżempju
tal-qdusija tagħha,
u l-grazzja divina,
li hemm fiha, jsiru
għall-bnedmin punt
ta' tama mill-għoli.
Il-missjoni ta' Omm
tal-Verġni ħeġġet
lill-poplu t'Alla
biex idur lejha
b'tama ta' wlied,
għaliex hija dejjem
lesta biex tisimgħu
b'għożża t'Omm u
b'għajnuna li tħalli
l-frott121.
Il-poplu t'Alla dara
jsejjħilha faraġ
tal-imnikktin, saħħa
tal-morda, kenn
tal-midinbin, biex
ikollu l-faraġ
fid-dwejjaq,
il-fejqan fil-mard,
u l-qawwa
tal-ħelsien
fil-ħtija; għaliex
hija ħielsa mid-dnub
u twassal 'l uliedha
biex jiġġieldu
b'ħeġġa qawwija
kontra d-dnub122.
U hemm bżonn nerġgħu
ngħidu li dan
il-ħelsien mid-dnub
u l-ħażen (Mt. 6,13)
huwa meħtieġ qabel
kull tiġdid
tal-ħajja nisranija.
L-eżempju
tal-qdusija jħeġġeġ
l-insara biex
jgħollu "għajnejhom
lejn Marija, li
tiddi quddiem
il-ġemgħa
tal-magħżulin bħala
mudell tal-virtù"123.
Dawn huma virtujiet
sodi u
mill-Evanġelju:
il-fidi u li tilqa'
bil-ħlewwa l-kelma
t'Alla (Lq. 1,26-38;
1,45; 11,27-28; Ġw.
2,5); l-ubbidjenza
mill-qalb (Lq.
1,38); l-umiltà
tassew (Lq. 1,48);
l-imħabba mħeġġa
(Lq. 1,39-58);
l-għerf bla qies
(Lq. 1,29, 34; 2,19,
33, 54); il-qima
lejn Alla, murija
fit-twettiq
tad-dmirijiet
reliġjużi (Lq. 2,21,
22-40, 41); il-ħajr
għar-rigali li
qalgħet (Lq.
1,46-1,12-14);
il-qawwa fl-eżilju
(Mt. 2,13-23);
fid-dwejjaq (Lq.
2,34-35, 49; Ġw.
19,25); il-faqar li
juri l-kobor u
t-tama f'Alla (Lq.
1,48, 24); il-kura
sħiħa lejn l-Iben,
mill-umiltà
tal-grotta
sad-disprezz
tas-salib (Lq.
2,1-7; Ġw.
19,25-27); il-ħsieb
bil-għaqal minn
qabel (Ġw. 2,1-11);
is-safa tal-verġni
(Mt. 1,18-25; Lq.
1,26-38), il-qawwa u
s-safa tal-imħabba
t'għarusa. Dawn
il-virtujiet tal-Omm
iżejnu wkoll l-ulied
li bil-qawwa jħarsu
lejn l-eżempju
tagħha, biex jimxu
fuqu fil-ħajja
tagħhom. Dan
l-iżvilupp
fil-virtujiet jidher
bħala riżultat u
frott misjur ta' dik
il-ħeġġa pastorali
li toħroġ mill-qima
lejn il-Verġni
Mbierka.
Il-qima lejn Omm
il-Mulej ssir
għall-insara
okkażjoni biex
jikbru fil-grazzja
t'Alla, li huwa
l-aħħar skop ta'
kull ħidma
pastorali. Għaliex
ma jistax ikun li
wieħed ifaħħar lil
"mimlija
bil-grazzja" (Lq.
1,28) bla ma jfaħħar
fl-istess ħin
il-grazzja t'Alla
fih, jew
il-ħbiberija ma'
Alla, l-għaqda
miegħu, il-qagħda
tal-ispirtu fih. Din
il-grazzja t'Alla
timla l-bniedem
kollu kemm hu u
tagħmlu xbieha
tal-Iben t'Alla
(Rum. 8,29; Kol.
1,18). Il-Knisja
Kattolika, mgħonija
mill-esperjenza ta'
bosta snin, tagħraf
fid-devozzjoni lejn
il-Verġni, għajnuna
qawwija
għall-bnedmin
fil-mixja tagħhom
lejn il-milja
tagħhom. Marija,
il-Mara l-Ġdida,
hija qrib Kristu,
ir-Raġel il-Ġdid.
Fil-misteru tiegħu
biss isib id-dawl
il-misteru
tal-bniedem124.
Hija mogħtija lilna
bħala rahan u
garanzija li fi
ħlejqa safja,
jiġifieri fiha
(f'Marija), ġa seħħ
il-pjan t'Alla fi
Kristu għall-fidwa
tal-bniedem sħiħ.
Il-Verġni Marija
fid-dawl
tal-ġrajjiet
tal-Evanġelju u
minħabba l-fatt li
ġa qiegħda fil-belt
t'Alla, toffri dehra
ċara u kelma ta'
kuraġġ għall-bnedmin
ta' żmienna, li
ħafna drabi jkunu
magħfusin bin-niket
u t-tama, megħlubin
mill-limiti tagħhom,
u mifnija minn
xewqat bla għadd,
imħawdin f'ruħhom u
b'qalbhom maqsuma,
b'moħħhom inċert
minħabba l-ħsieb
tal-mewt, magħfusin
għax iħossuhom
weħidhom waqt li
jridu jingħaqdu ma'
ħaddieħor, vittmi
tad-dispjaċir u
tal-għali. Hija turi
r-rebħa tat-tama fuq
in-niket, tal-għaqda
fuq is-solitudni,
tal-paċi fuq
it-taqlib, tal-ferħ
u s-sabiħ fuq
id-dwejjaq u
d-dispjaċir,
tal-eternità fuq din
l-art, tal-ħajja fuq
il-mewt.
Il-qofol
tal-Eżortazzjoni
tagħna u l-aħħar
raġuni tal-valur
pastorali tal-qima
lejn il-Verġni li
twassal il-bniedem
lejn Kristu huma
l-kliem stess li
hija qalet
lill-qaddejja
tat-tieġ ta' Kana:
"Agħmlu dak li
jgħidilkom" (Ġw.
2,5). Dawn il-kliem
mad-daqqa t'għajn
jidhru li jiswew
biss biex juru
x-xewqa li jirranġa
t-tfixkil li nqala'
fil-festa. Imma
fid-dawl tar-raba'
Evanġelju, huma bħal
leħen li jerġa'
jsemma l-kliem li
qal il-poplu
t'Iżrael biex juri
li jaqbel mal-patt
tas-Sinaj (Eż. 19,8;
24,3, 7; Dt 5,27),
jew biex iġeddu
l-kelma tagħhom
(Ġos. 24,24; Esd.
10,12; Neħ. 5,12).
Huwa leħen ukoll li
b'mod tal-għaġeb
jaqbel ma' dak
tal-Missier
fid-dehra fuq
il-Muntanja Tabor:
"Lilu isimgħu" (Mt.
17,5).
58.
Aħwa għeżież,
tkellimna ftit
fit-tul dwar element
li huwa parti
importanti tal-qima
nisranija: il-qima
lejn Omm il-Mulej.
Dan kien meħtieġ
min-natura stess
tas-suġġett, li
f'dawn l-aħħar snin
kien suġġett ta'
studju, ta' tiġdid,
u xi minn daqqiet
anki ta'
perplessità. Aħna
mfarrġin mill-ħsieb
li x-xogħol li
twettaq minn din
is-Sede Appostolika,
u minna stess, fuq
il-linji
tal-Konċilju,
l-aktar dwar
it-tiġdid
tal-liturġija, huwa
pass 'il quddiem
biex il-qima lejn
Alla, Missier u Iben
u Spirtu, tkun aktar
ħajja, u biex tikber
il-ħajja nisranija
fost l-insara. Aħna
nimtlew bit-tama
meta naraw li
l-liturġija Rumana
mġedda, meta neħduha
f'daqqa, hija xhieda
ċara tal-qima
tal-Knisja lejn
il-Verġni. Nittamaw
li r-regoli li tajna
biex nagħmlu din
il-qima aktar safja
u qawwija, isiru
fil-prattika
bis-sinċerità.
Fl-aħħar nett
nifirħu li l-Mulej
tana okkażjoni li
nagħtu dawn il-punti
bil-ħsieb biex
jiġġedded u
jissaħħaħ ir-rispett
lejn ir-Rużarju
Mqaddes. Faraġ, tama
u ferħ huma
s-sentimenti li
nixtiequ nibdlu
f'tifħir bla tarf u
ħajr lejn il-Mulej,
waqt li ngħaqqdu
l-leħen tagħna ma'
tal-Verġni Mbierka
kif titlob
il-Liturġija Rumana125.
Aħwa għeżież, waqt
li nuru t-tama
tagħna li bl-impenn
mill-qalb tagħkom,
kemm fil-kleru kif
ukoll fil-poplu li
huma fdati f'idejkom
tikber il-qima lejn
Marija bi qligħ ċert
għall-Knisja u
għall-bnedmin,
nagħtu mill-qalb
il-Barka Appostolika
tagħna lilkom u
lill-insara kollha,
li lilhom toffru
l-ħeġġa pastorali
tagħkom.
Mogħtija f'Ruma,
minn San Pietru, 2
ta' Frar, Festa
tal-Preżentazzjoni
tal-Mulej, fis-sena
1974, il-ħdax
tal-Pontifikat
Tagħna.
Papa PAWLU VI
Noti:
1
Ara Lactantius,
Divinae
Institutiones IV, 3,
6-10; CSEL 19, p.279
2
Ara Sacrosanctum
Concilium, nn.
1-3, 11, 12, 48; AAS
56 (1964); pp.
97-98, 102-103,
105-106, 113
3
Sacrosanctum
Concilium,
103/186: AAS 56
(1964), p. 125
4
Ara Lumen
Gentium, n.
66/442, AAS 57
(1965) p. 65
5
Ibid.
6
Quddiesa votiva
tal-Verġni Mbierka
Marija, Omm
il-Knisja, Prefazju
7
Ara Lumen
Gentium, nn.
66-67; AAS 57
(1965), pp. 65-66;
Sacrosanctum
Concilium, n.
103; AAS 56 (1964),
p. 125
8
Ara Eżortazzjoni
Appostolika
Signum Magnum:
AAS 59 (1967), pp.
465-475
9
Ara Sacrosanctum
Concilium, n.3:
AAS 56 (1964), p. 98
10
Ara ibid. n. 102:
AAS 56 (1964), p.
125
11
Ara Missal Ruman
imġedded b'digriet
tal-Imqaddes
Konċilju Ekumeniku
Vatikan II, imxandar
bis-setgħa tal-Papa
Pawlu VI, edizzjoni
tipika, MCMLXX, 8
ta' Diċembru,
Prefazju.
12
Missal Ruman,
imġedded b'digriet
tal-Imqaddes
Konċilju Ekumeniku
Vatikan II, imxandar
bis-setgħa tal-Papa
Pawlu VI. Ordo
Lectionum Missae,
edizzjoni tipika,
MCMLXIX, p. 8,
l-ewwel qari (Sena
A: Iż. 7,10-14: "Ara
Verġni tnissel";
Sena B: 2 Sam.
7,1-15; 8b-11, 16.
"It-tron ta' David
jerġa' jitwaqqaf
għal dejjem quddiem
il-Mulej"; Sena C:
Mik. 5,2-5a (Lhud
1-4a): "Minnek
jitwieled għalija
dak li għandu jaħkem
fuq Iżrael")
13
Ibid., p. 8,
Evanġelju (Sena A:
Mt. 1,18-24; "Ġesù
twieled minn Marija
li kienet mgħarrsa
ma' Ġużeppi, iben
ta' David"; Sena B:
Lq. 1,26-38; "Inti
tnissel u tiled
iben"; Sena C: Lq.
1,39-45: "Mnejn dan
it-tifħir għalija li
jkolli żjara
mingħand Omm
il-Mulej tiegħi?")
14
Ara Missal Ruman,
Prefazju tal-Avvent,
Prefazju II
15
Missal Ruman, ibid.
16
Missal Ruman, Talba
Ewkaristika I,
Imseħbin
għall-Milied u
l-ottava
17
Missal Ruman, 1 ta'
Jannar, Antifona
tal-Introjtu u
Kolletta
18
Ara Missal Ruman, 22
ta' Awwissu,
Kolletta
19
Missal Ruman, 8 ta'
Settembru, Talba
wara t-Tqarbin
20
Missal Ruman, 31 ta'
Mejju, Kolletta
21
Ara ibid., Kolletta
u Talba fuq
l-Offerti
22
Missal Ruman, 15 ta'
Settembru, Kolletta
23
Ara n. 1
24
Fost il-ħafna
tifkiriet, ara dawn
li ġejjin li huma
miżmuma b'rispett
kbir l-aktar
fil-Lvant:
Anaphora Marci
Evangelistae: Prex
Eucharistica,
ed. A. Hanggi—I.
Pahl. Fribourg. Ed.
Universitaires,
1968, p. 107;
Anaphora Iacobi
Fratris Domini
Graeca, ibid., p.
257; Anaphora
Ioannis Chrysostomi
ibid., p. 229
25
Ara Missal Ruman, 8
ta' Diċembru,
Prefazju
26
Ara Missal Ruman, 15
ta' Awwissu,
Prefazju
27
Ara Missal Ruman, 1
ta' Jannar, Talba
wara t-Tqarbin
28
Ara Missal Ruman,
Komuni tal-Imbierka
Verġni Marrija, 6.
Żmien il-Għid,
Kolletta
29
Missal Ruman, 15 ta'
Settembru, Kolletta
30
Missal Ruman, 31 ta'
Mejju, Kolletta. Ara
wkoll Prefazju
tal-Imbierka Verġni
Marija II: "Huwa
sewwa u xieraq....
f'din it-tifkira
tal-Imqaddsa Verġni
Marija nkabbru
l-imħabba tiegħek
għalina bl-istess
kliem tagħha ta'
radd il-ħajr"
31
Ara Lezzjonarju, III
Ħadd tal-Avvent
(Sena C: Zef.
3,14-18a) Ħadd
fl-Ottava tal-Milied
(Sena A: Mt.
2,13-15, 19-23; Sena
B: Lq. 2,22-40; Sena
C: Lq. 2,41-52); II
Ħadd wara l-Milied
(Ġw. 1,1-18); VII
Ħadd wara l-Għid
(Sena A. Atti
1,12-14); II Ħadd
tas-Sena C: Ġw.
1,1-12); X Ħadd
tas-Sena (Sena B:
Ġen. 3,9-15); XIV-il
Ħadd tas-Sena (Sena
B: Mk. 6,1-6)
32
Ara Lezzjonarju,
Il-Katekument u
l-Magħmudija
tal-adulti: it-Talba
tal-Mulej (II Qari,
2, Gal. 4,4-7); Bidu
tal-Ħajja nisranija
barra l-Vġili
tal-Għid (Evanġelju,
7, Ġw. 1,1-5, 9-14,
16-18); Quddiesa
tat-Tieġ (Evanġelju
7, Ġw. 2,1-11);
Konsagrazzjoni
tal-Verġni u
Professjoni
Reliġjuża ( I Qari,
7, Iż. 61,9-11;
Evanġelju, 6, Mk.
3,31-35; Lq. 1,26-38
(Ara Ordo
Consecrationis
Virginum, 130;
Ordo Professionis
Religiosae, Pars
altera, 145)
33
Ara Lezzjonarju,
għar-Refuġjati u
l-Eżiljati
(Evanġelju, 1, Mt.
2,13-15; 19-23);
b'radd il-ħajr (I
Qari, 4, Żef.
3,14-15)
34
Ara La Divina
Commedia,
Paradiso XXXIII,
1-9. ara Liturġija
tas-Sigħat, Tifkira
ta' Sidtna Marija
fis-Sibt, Uffiċċju
tal-Qari, Innu.
35
Ordni tal-Magħmudija
tat-Tfal, n. 48;
Ordni tal-Bidu
tal-Ħajja Nisranija
tal-Kbar, n. 214
36
Ritwal Ruman, Tit.
VII, kap III, Barka
għall-Ommijiet wara
l-ħlas
37
Ara Ordni
għall-Professjoni
Reliġjuża, pars
prior, 57 u 67
38
Ara Ordo
Consecrationis
Virginum, n. 16
39
Ara Ordo
Professionis
Religiosae, pars
prior, nn. 62 u142;
pars altera, nn. 67
u 158; Ordo
consecrationis
virginum, nn. 18
u 20
40
Ara Ordo
Unctionis infirmorum
eorumque pastoralis
curae, nn. 143,
146, 147, 150
41
Ara Missal Ruman,
Quddies
għall-Mejtin,
Għall-Aħwa, qraba u
benefatturi mejtin,
Kolletta
42
Ara Ordo
Exequiarium, n.
126
43
Ara Lumen
Gentium, n. 63:
AAS 57 (1965), p. 64
44
Ara Sacrosanctum
Concilium, n. 7;
AAS 56 (1964), pp.
100-01
45
Sermo
215, 4: PL 38, 1074
46
Ibid.
47
Ara Dei Verbum,
n. 21: AAS 58
(1966), pp. 827-828
48
Ara Adversus
Hereses IV, 7,
1, 990-991; S Ch
100, t II, pp.
454-458
49
Adversus Hereses
III,
10, 2, PG 7, 1, 873;
S Ch 34, p. 164
50
Ara Lumen
Gentium, n. 62,
AAS 57 (1965), p. 63
51
Sacrosanctum
Concilium,
n. 83/145: AAS 56
(1964), p. 121
52
Lumen Gentium,
n. 63/139: AAS 57
(1965), p. 64
53
Ibid., n. 64/440;
AAS 57 (1965), p. 64
54
Tractus XXV (In
Nativitate Domini),
5: CCL 138, p. 123;
Ch 22 bis, p. 132;
ara wkoll Tractus
XXIX (In Nativitate
Domini) 1: CCL
ibid., p. 117; S. Ch
ibid., p. 178;
Tractus LXIII (De
Passione Domini) 6:
CCL ibid., p. 386; S
Ch 71, p.82
55
M. Ferotin, Le
"Liber Mozarabicus
Sacramentorum",
col. 56
56
In Purificatione B.
Mariae, Sermo III,
2; PL l83, 370;
Sancti Bernardi
Opera.ed. J.
Leclercq-H. Rochais,
IV, Romae 1966, p.
342
57
Ara Lumen
Gentium, n. 57;
AAS 57 (1965), p. 61
58
Ibid., n. 58/432;
AAS 57 (1965), p. 61
59
Ara Piju XII,
Enċiklika Mystici
Corporis, AAS
35 (1943), p. 247
60
Ara Sacrosanctum
Concilum, n. 47;
AAS 56 (1964) p. 113
61
Ara ibid., nn. 102 u
106: AAS 56 (1964),
pp. 125 u 126
62
" ..... irrid
infakkrek f'dawk
kollha li minn din
il-ħajja kienu
jogħġbuk, mis-Santi
Padri,
il-patrijarki,
il-Profeti,
l-appostli .... u
l-qaddisa u glorjuża
Marija, Omm Alla u
tal-qaddisin kollha
... ħa jiftakru
fil-miżerja u
l-faqar tagħna, u
joffrulek, flimkien
magħna, dan
is-sagrifiċċju kbir
u bla tixrid ta'
demm": Anaphora
Jacobi fratris
Domini Syriaca:
Prex Eucharistica,
ed. A. Hanggi-1.
Pahl, Frilbourg.
Editions
Universitaires,
1968, p. 274
63
Expositio Evangelii
Secundum Lucam,
II, 26, CSEL 32, IV,
p. 55; S Ch 15, pp.
83-84
64
Lumen Gentium,
n. 67/443: AAS 57
(1965), p. 65
65
Sacrosanctum
Concilium,
N. 103/186: AAS 56
(1964), p. 125
66
Lumen Gentium,
n. 67/443: AAS 57
(1965), p. 65
67
Ara ibid., n. 67:
AAS 57 (1965), PP.
65-66
68
Ara Sacrosanctum
Concilium, n.
104: AAS 56 (1964),
pp. 125-126
69
Ara Lumen
Gentium, n. 66:
AAS 57 (1965), p. 65
70
Ara Pawlu VI,
Diskors tal-24 ta'
April, 1970,
fis-Santwarju ta'
Sidtna Marija ta'
Bonaria, f'Cagliari:
AAS 62 (1970), p.
300
71
Piju IX, Ittra
Appostolika
Ineffabilis Deus Pii
IX Pontificis Maximi
Acta, I, 1,
Romae 1854, p. 599;
ara wkoll V. Sardi,
La Solenne
Definizione del
Dogma
Dell'Immacolata
Concepimento di
Maria Santissima,
Atti e Documenti
Roma 1904-1905, vol.
II, p. 302
72
Ara Lumen
Gentium, n. 66:
AAS 57 (1965), p. 65
73
S. Hildefonsus,
De Virginitate
Perpetua Sanctae
Mariae, Kap XII:
PL 96, 108
74
Lumen Gentium,
n. 56/430, AAS 57
(1965), p. 60 kif
ukoll l-awturi li
semmejna fin-nota n.
176
75
Ara S. Ambrosius,
De Spiritu Sancto
II, 37-38: CSEL
79, pp. 100-101;
Cassianus, De
Incarnatione Domini
II, kap. II; CSEL
17, PP. 247-249; S.
Beda, Homilia
I, 3: CCL 122, p. 18
u p. 20
76
Ara S. Ambrosius,
De Istitutione
Virginis, kap
XII, 79: PL 16 (ed.
1880), 339;
Epistula 30, 3
ed. Epistula
42, 7: ibid., 1107
u 1175; Expositio
Evangelii Secundum
Lucam X, 132: S.
Ch 52, p. 200; S.
Proclus
Constantinopolitanus,
Oratio I, 1 u
Oratio V, 3:
PG 65, 681 u 720; S.
Basilius
Seleucensis,
Oratio XXXIX, 3;
PG 85, 433; S.
Andreas Cretensis,
Oratio IV; PG
97, 868; S. Germanus
Constantinopolitanus,
Oratio III,
15: PG 98, 305
77
Ara S. Hieronymus,
Adversus
Jovinianum I,
33: PL 23, 267; S.
Ambrosius,
Epistula 63, 33:
PL 16 (ed. 1880),
1249; De
Institutione
Virginis, kap.
XVII, 195: ibid.,
246; De Spiritu
Sancto III,
79-80, CSEL 79, pp.
182-183; Sedulius,
Hymnus "A Solis
Ortus Cardine"
vv. 13-14: CSEL 10,
p. 164; Hymnos
Acathistos, str.
23: ed. I. B. Pitra,
Analecta Sacra,
I, p. 261; S.
Procius
Constantinopolitanus,
Oratio I, 3:
PG 65, 684;
Oratio II, 6:
ibid., 700; S.
Basilius
Seleucensis,
Oratio IV: PG
97, 868; S. Joannes
Damascenus,
Oratio IV, 10,
PG 96, 667
78
Ara Severus
Antiochenus,
Homilia 57: PO
8, pp. 357-358;
Hesychius
Hierosolymitanus,
Homilia de Sancta
Maria Deipara:
PG 93, 1464;
Chrysippus
Hierosolymitanus,
Oratio in Sactum
Maria Deiparam, 2:
PO 19, p. 338; S.
Andrea Cretensis,
Oratio V: PG 97,
896, S. Joannes
Damascenus,
Oratio VI, 6:
PG 67, 672
79
Liber Apotheosis,
vv. 571-572: CCL
126, p. 97
80
Ara S. Isidorus,
De Ortu et Obitu
Patrum, kap.
LXVII, 114: PL, 83,
148: S. Hildefonsus,
De Virginitate
Perpetuae Sanctae
Mariae, kap X:
PL 96, 95; S.
Bernardus, In
Assumptione B.
Virginis Mariae,
Sermo IV, 4: PL
183, 428; In
Nativitate B.
Virginis Mariae,
ibid., 442; S.
Petrus Damianus;
Carmina Sacra et
Preces II,
Oratio ad Deum
Filium: PL 145, 921;
Antiphona "Beata Dei
Genetrix Maria":
Corpus Antiphonatium
Officii, ed.
R.J. Hesbert, Roma
1970, vol. IV n.
6324, p. 80
81
Ara Paulus Diaconus,
Homilia I,
In Assumptione B.
Mariae Virginis:
PL 95, 1567; De
Assumptione Sanctae
Mariae Virginis,
Paschasio Radberto
trib., nn. 31, 42,
57, 83: ed. A.
Ripberger, in
"Spicilegium
Friburgense" n. 9,
1962, pp. 72, 76,
84, 96-97; Eadmerus
Cantuariensis, De
Excellentia Virginis
Mariae, kap.
IV-V: PL 159,
562-567; San
Bernardus In
Laudibus Virginis
Matri, Homilia
IV, 3: Sancti
Bernardi Opera,
ed. J. Leclercq-H.
Rochais. IV. Romae
1966, pp. 49-50
82
Ara Origines, In
Lucam Homilia
VII, 3: PG 13, 1817;
S Ch. 87, p. 156; S.
Cyrillus
Alexandrinus,
Commentarius in
Aggaeum Propheta,
kap. XIX; PG 71,
1060; S. Ambrosius,
De Fide IV,
9, 113-114; CSEL 78
pp. 197-198;
Expositio Evangelii
Secumdum Lucam
II, 23 u 27-28: CSEL
32, IV, pp. 53-54 u
55-56; Severianus
Gabalensis, In
Mundi Creationem
Oratio VI, 10;
PG 56, 497-498;
Antipater
Bostrensis,
Homilia in
Sanctissimae
Deiparae
Annuntiationem,
16: PG 85, 1785
83
Ara Eademrus
Cantuariensis, De
Excellentia Virginis
Mariae, kap
VII, PL 159, 571; S.
Amedeus
Lausannensis, De
Maria Virgine Matre
Homilia, VII: PL
188, 1337; S Ch 72,
p. 184
84
De Virginitate
Perpetua Sanctae
Mariae,
kap. XII: PL 96, 106
85
Lumen Gentium,
n. 54/428: AAS 57
(1965), p. 59. Ara
Pawlu VI, Diskors
lill-Padri
tal-Konċilju
fl-għeluq tat-tieni
sessjoni
tal-Konċilju
Ekumeniku Vatikan
II, fl-4 ta'
Diċembru 1963: AAS
56 (1964), p. 37
86
Ara Lumen
Gentium, n. 6,
7-8, 9-17; AAS 57
(1965), pp. 8-9,
9-12, 12-21
87
Ibid., n. 63/439:
AAS 57 (1965), p. 64
88
S. Cyprianus, De
Catholicue Ecclesiae
Unitate, 5:CSEL
3, p. 214
89
Isaac de Stella,
Sermo LI, In
Assumptione B.
Mariae: PL 194,
1863
90
Sermo
XXX, 1: S Ch 164, p.
134
91
Lumen Gentium,
nn. 66-69: AAS 57
(1965), pp. 65-67
92
Ara Dei Verbum,
n. 25, AAS 58
(1966), pp. 829-830
93
N. 13: AAS 56
(1964), p. 103
94
Ara Officium
Magni Canonis
Paracletici, Magnum
Orologion,
Athenis 1963, p.
558; passim
fil-kanoni u t-talb
tal-Liturġija: ara
Sofronio
Eustradiadou,
Theotokarion,
Chennevieres
–sur-Marne 1931, pp.
9, 19
95
Ara Lumen
Gentium, n. 69:
AAS 57 (1965) pp.
66-67
96
Ara ibid., n. 66:
AAS 57 (1965), p.
65; Sacrosanctum
Concilium, n.
103; AAS 56 (1964),
p. 125
97
Ara Lumen
Gentium, n. 67;
AAS 57 (1965), pp.
65-66
98
Ibid., n. 66/442;
AAS 57 (1965), p. 65
99
Ara Pawlu VI,
Diskors lill-Padri
tal-Konċilju
fil-Bażilka
tal-Vatikan fil-21
ta' Novembru 1964:
AAS 57 (1965), p. 65
100
Unitatis
Redintegratia,
n. 20/560: AAS 57
(1965), p. 65
101
Enċiklika
Adiutricem Populi:
AAS 28 (1895-1896),
p. 135
102
Ara Lumen
Gentium, n. 56:
AAS 57 (1965), p. 60
103
S. Petrus
Chrysologus,
Sermo CXLIII. PL
52, 583
104
Lumen Gentium,
n. 55/429: AAS 57
(1965), pp. 59-60
105
Ara Pawlu VI,
Eżortazzjoni
Appostolika
Signum Magnum,
I: AAS 59 (1967),
pp. 467-468;
Missale Romanum,
15 ta' Settembru,
Talba fuq l-Offerti
106
Ara Lumen
Gentium, n. 67:
AAS 57 (1965), pp.
65-66
107
Ara Santu Wistin,
In Ioannis
Evangelium,
Tractus X, 3: CCL
36, pp. 101-102;
Epistula 243,
Ad Laetum, n.
9: CSEL 57, pp.
575-576; S. Beda,
In Lucae Evangelium
Expositio, IV,
xi, 28: CCL 120, p.
237; Homelia
I, 4: CCL 122, pp.
26-27
108
Ara Lumen Gentium,
n. 58: AAS 57
(1965), p. 61
109
Missal Ruman, IV
Ħadd tal-Avvent,
Kolletta. L-istess
dwar il-Kolletta
tal-25 ta' Marzu li
tista' tintuża fl-Angelus
flok ta' qabilha
110
Piju XII, Ittra
Philippinas Insulas
lill-Arċisqof ta'
Manila: AAS 38
(1946), p. 419
111
Ara Taħdita lil dawk
li kienu qed jieħdu
sehem fit-III
Kungress
Internazzjonali
Dumnikan dwar
ir-Rużarju:
Insegnamenti di
Paolo VI, I
(1963), pp. 463-464
112
Ara AAS 58 (1966),
pp. 745-749
113
Ara AAS 61 (1969),
pp. 649-654
114
Ara n. 13, AAS 56
(1964); p. 103
115
Apostolicam
Actuositatem,
n. 11/955: AAS 58
(1966), p. 848
116
Lumen Gentium,
n. 11/314: AAS 57
(1965), p. 16
117
Ara Apostolicam
Actuositatem, n.
11: AAS 58 (1966),
p. 848
118
N. 27
119
Lumen Gentium,
n. 53/427: AAS 57
(1965), pp. 58-59
120
La Divina Commedia,
Paradiso
XXXIII, 4-6
121
Ara Lumen Gentium,
nn. 60-63: AAS 57
(1965), pp. 62-64
122
Ibid., n. 65: AAS 57
(1965), pp. 64-65
123
Ibid., n. 65/441:
AAS 57 (1965), p. 64
124
Ara Gaudium et
Spes, n. 22: AAS
58 (1966), pp.
1042-1044
125
Ara Missal Ruman, 31
ta' Mejju, Kolletta
|