7.  MATTEW minn wara l-mejda tat-taxxi

Mhux il-ġusti ġejt insejjaħ, iżda l-midinbin

 

Is-sejħa ta’ Mattew, li nafuh ukoll bħala Levi ma kinitx waħda komuni, Imma wara kollox liema sejħa ta’ liema dixxiplu kienet waħda komuni? Forsi s-sejħa li l-Mulej għadu jagħmel lili u lilek u lil kull persuna oħra llum tista’ tissejjaħ b’xi mod sejħa komuni?  Għall-Mulej, kull waħda u kull wieħed minna hija u huwa persuna unika.  Għall-Mulej, ħadd minna ma hu parti mill-folla, imma iben jew bint partikolari.  L-istedina li jagħmel Ġesù lilna lkoll, mhumiex stampati minn xi magna, kollha kopja ta’ xulxin, imma hija stedina differenti għal kull persuna. Kristu ma jsejjaħx il-folla biex timxi warajh imma individwi, wieħed wieħed u waħda waħda.

Tolqotni pittura ta’ Caravaggio li turi dan il-mument partikolari, is-sejħa ta’ Levi. Nistiednek taraha u tinnota l-mod kif Ġesù qed jipponta subgħajh lejn Mattew, bħal donnu qed jgħidlu, “Lilek”.  Imma anke Mattew qed jipponta subgħajh lejh innifsu bħal li donnu sorpriż, qed jistaqsi lill-Imgħallem, “Kif? Jien?”

 

 Fl-isem tal-Missier, u tal-Iben, u tal-Ispirtu s-Santu. Ammen.

Tkellem, Mulej, għax il-qaddej tiegħek qiegħed jisma’.  1Sam 3:9

 

QARI

Mill-Evanġelju skont San Mattew. 9:9-13

Huwa u għaddej minn hemm, Ġesù ra wieħed bilqiegħda quddiem il-mejda tat-taxxi; kien jismu Mattew. "Ejja warajja," qallu. Dak qam u mar warajh. U ġara li, kif qagħad għandu għall-mejda, ġew bosta pubblikani u midinbin u qagħdu madwar il-mejda ma' Ġesù u d-dixxipli tiegħu. Meta raw dan il-Fariżej qalu lid-dixxipli: "Għaliex jiekol mal-pubblikani u l-midinbin l-Imgħallem tagħkom?" Hu semagħhom, u qal: "It-tabib ma jeħtiġuhx dawk li huma f'saħħithom, iżda l-morda. Mela morru tgħallmu x'jiġifieri, 'Ħniena rrid, u mhux sagrifiċċju'; għax mhux lill-ġusti ġejt insejjaħ, iżda lill-midinbin."

Ftit mumenti ta’ skiet

 

MEDITAZZJONI

Huwa u għaddej minn hemm.

Kristu huwa l-veru pellegrin tat-tama. Il-pellegrinaġġ tat-tama tagħna kien bdieħ hu meta mid-dar ta’ Missieru ġie fostna biex iħajjar lilna wkoll ningħaqdu miegħu. L-erba’ evanġelji jippreżentawulna, kontinwament miexi minn raħal għall-ieħor, minn post għall-ieħor, minn dar għall-oħra, minn persuna għal persuna oħra. F’din is-silta, narawh f’wieħed minn dawn il-mumenti. Kien għaddej minn hemm.

Anke llum, Kristu għadu għaddej, mhux minn hemm biss, imma minn hawn ukoll. Huwa għaddej ifittex, iħabbat, jistieden, isejjaħ.  Mhemmx post li fih Ġesù mhux lest jidħol biex jistieden dixxipli ġodda biex jimxu warajh. Illum narawh għand tat-taxxi.  Qatt nimmaġinah lil Ġesù dieħel id-dipartiment tat-taxxa, jew f’xi dipartiment ċivili ieħor?  Forsi naħseb li post Ġesù huwa biss fil-knisja u forsi fis-sagristija?  Jekk naħseb hekk, allura għandi żball.

Ftit mumenti ta’ skiet

 

Ġesù ra wieħed bilqiegħda quddiem il-mejda tat-taxxi.

Meta Mattew iniffsu kiteb din il-ġrajja, xi erbgħin sena wara li seħħet, ċertament kienet għadha ċara f’moħħu daqs li kieku kien għaddu kif għadda minnha.  Min jaf matul dawk is-snin kollha kemm id-darba kien irrakuntaha?

Jiena, niftakar meta kelli l-esperjenza tal-ewwel laqgħa tiegħi ma’ Ġesù?  Fejn kont qiegħed meta sejjaħli biex nimxi warajh?  Kif kont ġibt ruħi dakinhar, bħal Mattew li warrab il-mejda tal-flus u għażel lil Ġesù jew forsi bħaż-żagħżugħ għani li għażel il-flus u telaq minn hemm b’qalbu sewda. Mt 19:22

Ftit mumenti ta’ skiet

 

Ejja warajja.

Minflok nisma’ lil Ġesù jsejjaħ lil Mattew, illum qiegħed nisemgħu jsejjaħ lili? Għal xhiex qed isejjaħli? Fejn iridni mmur warajh?   Forsi nippreferi li jkolli d-dettalji tal-vjaġġ qabel ma nwieġbu jew lest nafdah u nħalli kollox f’idejh, joħodni fejn irid? Anke jekk naf li bħal fil-każ ta’ Mattew u sħabu, id-destinazzjoni hija l-Kalvarju?

Huwa minnu li l-istedina ta’ Ġesù lil Mattew u lill-oħrajn kollha dakinhar kienet għas-salib.  Imma spiss ninsew li lil hinn min-salib, kien hemm ukoll il-qabar vojt. Forsi ninsew il-wegħda li kien għamel lil dawk li ħallew kollox biex jimxu warajh? “Sejjer inħejjilkom fejn toqogħdu. U meta mmur u nħejjilkom post, nerġa' niġi biex neħodkom miegħi biex, fejn inkun jien, tkunu intom ukoll.” Ġw 14:3-4

Din kienet ukoll it-talba li għamel lil Missieru qabel beda l-mixja tiegħu lejn il-Ġnien taż-Żebbuġ, minn fejn kien ġie arrestat, “Missier, irrid li dawk li tajtni jkunu huma wkoll miegħi fejn inkun jien.” Ġw 17:24

Għadni niddubita?  Għadni qed naħsibha jekk ngħidlux iva jew le?

Ftit mumenti ta’ skiet

 

Dak qam u mar warajh.

Dakinhar, Mattew kien qallu iva mill-ewwel. Tiegħu kienet konverżjoni radikali li qatt ma reġa’ lura minnha. Ix-xogħol li ħalla warajh, il-flus, u forsi tamt ħwejjeġ oħra; minn dak il-ħin warrabhom għal kollox. Minn dakinhar ‘il quddiem, dawn ma fissru xejn aktar għalih. Iċ-ċentru ta’ ħajtu sar Ġesù.

Mad-dixxiplu kien ċar li ħadd ma jista' jaqdi żewġ sidien; għax jew ikun jobgħod lil wieħed u jħobb lill-ieħor, jew jintrabat ma' wieħed u jistmell lill-ieħor.  Ġesù kien ċar fi kliemu, “Ma tistgħux taqdu lil Alla u lill-flus.” Mt 6:24

Mattew kien għamel l-għażla tiegħu, u Ġesù ma damx wisq ma urieh li huwa kellu missjoni lesta għalih ukoll.

Ftit mumenti ta’ skiet

 

Madwar il-mejda ma' Ġesù u d-dixxipli tiegħu.

Minn mal-mejda tal-flus u tat-taxxi, Mattew sab ruħu mal-mejda ma’ Ġesù, mad-dixxipli tiegħu u ma’ bosta pubblikani oħra. Id-dixxiplu tassew ma jmurx waħdu għal-laqgħa ma’ Ġesù, imma jistieden oħrajn.

Indri kien ħa lil ħuh, Xmun u laqqgħu ma’ Ġesù. Filippu kien għamel l-istess ma’ Natanjel.  Illum Mattew qed ilaqqa lil Ġesù ma’ ħbiebu, ma’ dawk taċ-ċirku ta’ ġewwa tiegħu, pubblikani bħalu.  Mhux biss segwa lil Ġesù, huwa nnifsu, imma laqqgħu ma’ sħabu.  Mhux ta’ b’xejn li l-Imgħallem għażlu bħala wieħed mit-tnax l-appostlu.  Mattew kien imsejjaħ, imma huwa kien ukoll mibgħut.  “Morru fittxu n-nagħaġ il-mitlufa.” Mt 10:7

Fuq kollox, id-dixxiplu veru ma jkunx kuntent li jimxi wara Ġesù, imma jkun jixtieq ukoll jistiednu għandu d-dar u jlaqqgħu ma’ niesu.  Dan hu li għamel Mattew.

Jiena mmur il-knisja biex niltaqa’ ma’ Ġesù, imma meta niġi biex nitlaq, lil Ġesù, inħallih hemm warajja jistenna sakemm nerġa’ mmur inżuru darb’ oħra, jew nitolbu jiġi miegħi, id-dar biex jidħol f’ħajti? Fil-familja tiegħu? Fuq il-post tax-xogħol tiegħi? Ma’ sħabi u ma’ ħbiebi?

Ftit mumenti ta’ skiet

 

Ġew bosta pubblikani u midinbin.

Lil-ħbiebi, jiena nlaqqaħhom ma’ Ġesù? Inkellimhom dwaru? Naqsam magħhom l-esperjenzi li għandi tiegħu? Jew magħhom nitkellem fuq kollox, minbarra fuq Ġesù, inkella jaħsbuni li qed niffissa? Il-fidi tiegħi hija biss materja privata? Nistħi nsemmiħ lil Ġesù?

Forsi l-iskuża tiegħi hi li jiena ma nafx nagħmel priedki!  Jiena qatt ma studjajt teoloġija! Niftakar darba, xi ħadd staqsieni, “Huwa inti biex taqsam ma’ ħbiebek esperjenza ta’ xi riċetta tajba li tkun ippruvajt, hemm bżonn tkun kok professjonali?” 

Fhimtu x’ried jgħid u kellu raġun, għax kif ngħidu bil-Malti, “Fejn hemm il-qalb, jimxu r-riġlejn.” Imma darba minnhom, anke Ġesù kien qal li, “mill-abbundanza tal-qalb, jitkellem il-fomm.” Lq 6:45

Ftit mumenti ta’ skiet

 

Meta raw dan il-Fariżej qalu lid-dixxipli.

Kultant, minflok nagħtu daqqa t’id biex sitwazzjoni tirranga, l-attitudni tagħna tkun li nħarsu u nikkrititkaw.  Nikkritikaw kollox u lil kulħadd. Forsi saħansitra lil Alla nnifsu?

Ftit mumenti ta’ skiet

 

Għaliex jiekol mal-pubblikani u l-midinbin l-Imgħallem tagħkom?

Mhux kull mistoqsija hija oħt il-għerf għaliex uħud mid-domandi tagħna, nagħmluhom biss bi spirtu negattiv ta’ kritika. Din tal-Fariżej kienet waħda minnhom. Biha ma riedux jistaqsu imma jagħmlu dikjarazzjoni, “Aħna, ma’ nitħalltux ma’ dawk!”

Illum, fis-soċjetà tagħna, hemm xi persuni li jiena ma nitħallatx magħhom je nagħmel minn kollox biex nevitahom? Forsi għaliex skont jiena, dawk mhux tal-kalibru tiegħi? Forsi għaliex huma tal-partit l-ieħor? Ta’ xi grupp jew għaqda differenti minn tiegħi? Illum, fil-Knisja tagħna, hemm klikkek?  Aħna ta’ dak il-qaddis u intom tal-ieħor?  Kienet xi ħaġa li l-Appostlu Pawlu esperjenzaha saħansitra fi żmienu, u dakinhar huwa kien ċar f’kitbietu, “F'li sa ngħidilkom ma nfaħħarkomx! Għax intom tiltaqgħu mhux għall-ġid imma għad-deni. Qabel xejn, kull meta tiltaqgħu fil-knisja smajt li hemm firda bejnietkom.” 1Kor 11:17-18

Ftit mumenti ta’ skiet

 

It-tabib ma jeħtiġuhx dawk li huma f'saħħithom, iżda l-morda.

Għandu mnejn li bi kliemi, qatt ma kkritikajt lil ħadd għaliex “dak midneb”.  Imma, ejja nkun onest miegħi nnifsi, f’moħħi qatt iġġudikajt lil dawk għaliex smajthom iżzartu xi kelma?  Għaliex forsi ma jmorrux il-quddies?  Għaliex qegħdin f’relazzjonijiet mhux “regolari”?

Forsi kultant, anke jiena, l-istess bħal Fariżej nikkritika lil Alla nnifsu, għaliex skont jien, “il-ħżiena narahom jgħixu ħajja bla xkiel u jiena (it-tajjeb), ħlief problemi ma jkollix?

Kristu kien ċar, “It-tabib ma jeħtiġuhx dawk li huma f'saħħithom, iżda l-morda.” U dan il-kliem tiegħu jgħodd għalija wkoll. Jekk jiena jidhirli li jiena tajjeb, allura lil Ġesù qed ngħidlu li jiena b’saħħti u għalhekk lilu m’għandix bżonnu.  Mhux hekk?

Ftit mumenti ta’ skiet

 

Mela morru tgħallmu x'jiġifieri, Ħniena rrid, u mhux sagrifiċċju.

Jekk nitgħallmu din, “ħniena rrid, u mhux sagrifiċċju”, l-attitudni tagħna lejn l-oħrajn tinbidel. Anke l-attituidni tagħna lejna nfusna tinbidel.  Il-ġudizzji fuq l-oħrajn jispiċċaw.  Ir-rabja tisparixxi. Minflokom tidħol il-maħfra, il-ħniena, il-mogħdrija. ħajjitna tinbidel għal kollox.

Kliem Ġesù għadu jidwi llum. "Tiġġudikawx, biex ma tkunux iġġudikati; għax bl-istess ġudizzju li tagħmlu intom, tkunu ġġudikati; u bl-istess kejl li tkejjlu intom, jitkejjel lilkom. Xi trid tħares lejn it-tibna li hemm f'għajn ħuk? Għax ma tarax it-travu li għandek f'għajnek int? Jew kif tmur tgħid lil ħuk, 'Ħa nneħħilek it-tibna minn għajnek,' meta inti stess f'għajnek għandek travu? Ja wiċċ b'ieħor, neħħi l-ewwel it-travu li għandek f'għajnek int, ħalli mbagħad tara sewwa tneħħi t-tibna minn għajn ħuk! Mt 7:1-5

Ftit mumenti ta’ skiet

 

Mhux lill-ġusti ġejt insejjaħ, iżda lill-midinbin."

Kultant anke l-attitudni tagħna lejn Alla hija waħda żbaljata. Inħarsu lejh bħal xi mħallef strett li qiegħed għassa tagħna biex jara x’nagħmlu tajjeb u x’nagħmlu żbaljat. Nimmaġinawh bil-miżien f’idu u jkun gwaj għalina jekk il-keffa tgħeleb aktar lejn il-ħażin.

Imma forsi hekk tkellem Ġesù dwar Alla?  Mhux Missier ħanin, bħal dak tal-parabbola, li qiegħed jistenna ħerqan lil ibnu ġej lura, biex jgħannqu miegħu. jdaħħlu lura d-dar, u jagħmillu festa.

“Alla, għani fil-ħniena tiegħu, bis-saħħa ta' l-imħabba kbira li biha ħabbna, meta aħna konna mejta minħabba fi dnubietna, tana ħajja ġdida flimkien ma' Kristu - bi grazzja intom salvi. Qajjimna miegħu u qegħedna fis-smewwiet ma' Kristu Ġesù, biex juri fiż-żminijiet li ġejjin l-għana bla qjies tal-grazzja tiegħu bit-tjieba li wera magħna fi Kristu Ġesù. Intom salvi bil-grazzja, permezz tal-fidi; u dan mhux bis-saħħa tagħkom, imma b'don ta' Alla; mhux bl-opri, biex ħadd ma jiftaħar.” Efes 2:4-9

Ftit mumenti ta’ skiet

 

TALB

Salm 139:13-16

Għax int, O Alla, sawwart il-ġewwieni tiegħi, u f'ġuf ommi inti nsiġtni.

Inroddlok ħajr, għax b'mod ta' l-għaġeb għamiltni: ta' l-għaġeb huma l-għemejjel tiegħek. U 'l ruħi inti tafha tajjeb.

Ma kienx moħbi għadmi minnek, meta kont qiegħed insir fis-satra u nintiseġ fil-qigħan ta' l-art.

Raw għajnejk l-għemejjel tiegħi: kollha nkitbu fil-ktieb tiegħek; u jiemi kienu ġa magħduda meta ebda wieħed ma kien għad hemm.

Ftit mumenti ta’ skiet

 

Ara wkoll Ġer 1:4-5

Ġietni l-kelma tal-Mulej u qalli: "Qabel ma sawwartek fil-ġuf, għaraftek; qabel ma ħriġt minn ħdan ommok, ikkonsagrajtek. Jien qegħedtek profeta fuq il-ġnus"

Ftit mumenti ta’ skiet

 

Ara wkoll Ġw 6:63, 68-69

“Mulej, għand min immorru? Inti għandek il-kliem tal-ħajja ta’ dejjem u aħna emminna u għarafna li inti l-Qaddis ta' Alla." 

Ftit mumenti ta’ skiet

 

KONTEMPLAZZJONI

"Biżżejjed! Kunu afu li jien Alla” Salm 46:11

Il-kontemplazzjoni hija differenti ħafna mill-meditazzjoni, għaliex fiha aħna nkunu mistiedna nistrieħu fil-preżenza tal-Mulej. Spiss niftakar fid-dixxiplu l-maħbub, b’rasu mistrieħa fuq sider Ġesù. F’dan ħin, jiena mhu qed ngħidlu xejn, u anke hu, jidher li mhu qed jgħidli xejn. Imma f’din il-ħemda tant profonda, dak li hu għaddej bejnietna, ma tistax tfissru bil-kliem.  Għalhekk, issa huwa l-mument li niskot.