5. Filippu u Natanjel

Rajtek qabel ma sejjaħlek Filippu

 Alla huwa dak li jsejjaħ lil kull wieħed u kull waħda minnha.  Il-mod u ċ-ċirkustanzi huma differenti. Spiss, is-sejħa tiegħu taslilna permezz tal-oħrajn.  Kultant ikun permezz tal-istess ġrajjiet tal-ħajja li ngħaddu minnhom, kemm jekk xi ġrajja ta’ niket u tbatija, kemm jekk okkażjoni ta’ ferħ. Tista’ tkun xi silta minn ktieb li qed naqra, speċjalment xi silta mill-Kotba Mqaddsa, imma mhux biss. Lil uħud, Alla wriehom ir-rieda tiegħu waqt ħolma, mhux bilfors xi waħda minn dawk li jkollna billejl. Tant drabi, il-Mulej jitkellem magħna fil-ħolm tagħna ta’ matul il-jum, meta aħna mqajjmin. Imma tasal kif tasal, jew tasal permezz ta’ minn tasal, dak li jibgħatha, huwa dejjem Hu.

 

 Fl-isem tal-Missier, u tal-Iben, u tal-Ispirtu s-Santu. Ammen.

Tkellem, Mulej, għax il-qaddej tiegħek qiegħed jisma’.  1Sam 3:9

 

QARI

Mill-Evanġelju skont San Ġwann. 1:43-51

L-għada Ġesù ddeċieda li jitlaq lejn il-Galilija. Sab lil Filippu u qallu: "Ejja warajja." Filippu kien minn Betsajda, il-belt ta' Indrì u Pietru. Filippu sab lil Natanjel u qallu: "Sibna lil dak li fuqu kitbu Mosè fil-Liġi, u l-profeti fil-kotba tagħhom: Ġesù minn Nazaret, bin Ġużeppi." Qallu Natanjel: "Tista' toħroġ xi ħaġa tajba minn Nazaret?" "Ejja u ara," wieġbu Filippu. Meta Ġesù ra lil Natanjel riesaq lejh qal għalih: "Ara, dan tassew wieħed minn Iżrael li jixraqlu dan l-isem; ma hemm ebda qerq fih." Natanjel staqsieh: "Kif sirt tafni?" U Ġesù wieġbu: "Rajtek taħt is-siġra tat-tin qabel ma sejjaħlek Filippu." "Rabbi," qallu Natanjel, "int l-Iben ta' Alla, inti s-sultan ta' Iżrael!" Ġesù wieġbu: "Qiegħed temmen għax għedtlek li rajtek taħt is-siġra tat-tin? Għad tara ħwejjeġ akbar minn dawn!" U żied jgħidlu: "Tassew tassew ngħidilkom, għad taraw is-sema miftuħ u l-anġli ta' Alla telgħin u niżlin fuq Bin il-bniedem."

Ftit mumenti ta’ skiet

 

MEDITAZZJONI

Ejja warajja.

Kienet is-sejħa li Ġesù nnifsu għamel lil Filippu, imma hija s-sejħa li huwa għamel lil tant oħrajn, mhux biss matul il-ħajja pubblika tiegħu fuq l-art. Għalih la hemm età, la hemm sess, la hemm nazzjonalità, la twemmin u lanqas post. Lil Sawl, per eżempju, sejjaħlu fit-triq ta' Damasku, u dan minkejja li kien qed jippersegwitah u jfittex lid-dixxipli tiegħu ħalli jarrestahom. Lil tant oħrajn, sejħilhom f'ċirkustanzi u b'modi għal kollox differenti. Ġesù sejjaħ dakinhar u għadu jsejjaħ sal-lum. Fuq kollox, is-sejħa tiegħu lill-bniedem, ma tiġix darba biss matul ħajtu, imma kontinwament.

Jiena, niftakar meta kienet l-aħħar darba li kont smajtu jsejjaħli biex nimxi warajh?  Jista' jkun li ġieli stedinni biex nimxi miegħu u jiena tant kont aljenat, li lanqas biss intbaħt? Forsi wkoll ippreferejt nagħżel triq oħra?

Ftit mumenti ta’ skiet

 

Filippu sab lil Natanjel.

Ġesù sejjaħ lil Filippu, imma kien Ġesù wkoll, li permezz ta' Filippu sejjaħ lil Natanjel, anke jekk lil ta’ l-ewwel ma qallux, "mur għidlu jiġi". Kienet reazzjoni tant komuni fost dawk li ltaqgħu ma' Ġesù u aċċettaw l-istedina tiegħu. Ix-xhieda ta' bniedem li emmen, twassal għal ħolqa oħra fil-katina tal-għaqda; dixxiplu ieħor li jissieħeb fil-pellegrinaġġ tat-tama, ma' Ġesù u mal-oħrajn ukoll. 

Mhux ma’ Ġesù biss, imma wkoll mad-dixxipli l-oħra, għaliex jiena ma nistax nimxi ma’ Ġesù bla ma naċċetta li nimxi wkoll ma’ dawk kollha li għandu miegħu.  Kien Hu li għażel lilhom, kif illum qed jagħżel lili wkoll.  Għahekk, l-istedina tiegħu, “ejja warajja”, tfisser ukoll, “Ejja magħna.”

Imbagħad wara li naccetta l-istedina tiegħu, lest li jiena wkoll, bi kliemi u b'għemili, nagħti xhieda tal-Imgħallem?  Mhemmx bżonn inkun kapaċi nagħmel priedki.  Biżżejjed nistqarr “Iltqajt ma’ Ġesù.”

Irrid inkun lest ukoll li dak li ngħid, kultant jew forsi spiss, ikun milqugħ mix-xettiċiżmu, l-istess kif Natanjel għamel għal kliem Filippu.  Imma anke jekk kliemi ma jkunx aċċettat mill-bidu u minn kulħadd, madankollu ż-żerriegħa tkun ġiet miżrugħa. Il-parti ċkejkna tiegħi, inkun għamiltha. Il-kumplament inħallih f'idejn il-Mulej. Hu jaf x’għandu jagħmel u lil min għandu jqabbad biex ikompli fuq dak li bdejt jien.

"Jiena ħawwilt, Apollo saqqa, imma Alla hu li kabbar." 1Kor 3:6

Ftit mumenti ta’ skiet

 

Ejja u ara.

Quddiem id-dubji ta’ Natanjel, Filippu jwieġbu, “Ejja u ara.” Kienet l-istess stedina li Ġesù nnifsu kien għamel lill-ewwel żewġ dixxipli. "Ejjew u taraw".  Illum huwa d-dixxiplu li qiegħed iwassal l-istedina, imma dak li ħareġ minn fommu, mhux ġej minnu, imma huwa kliem Ġesù nnifsu. Dan jgħodd ukoll għal kull minn jilqa' lil Ġesù f'ħajtu u jagħżel li jimxi warajh. "Min jisma' lilkom ikun jisma' lili". Lq 10:16

Ftit mumenti ta’ skiet

 

Rajtek qabel ma sejjaħlek Filippu.

Natanjel baqa’ mistagħġeb. Staqsa lil Ġesù: "Kif sirt tafni?"

Fi kliem ieħor, Ġesù qed jgħid lil Natnajel, “jiena kont diġà nafek, anke qabel ma Filippu kellmek dwari.”  Naqraw ukoll fl-istess Evanġelu, “Huwa kien jaf lil kulħadd u ma kellux bżonn min jagħtih xhieda fuq il-bniedem.” Ġw. 2:24-25

Niftakar li meta konna għadna tfal, kienu jgħidulna li Alla jaf kollox u jara kollox, u din lilna kemmxejn ma kinetx tbeżgħana. Konna naħsbu li Hu qiegħed hemm, għassa tagħna, u ma hemm imkien li stajna ninħbew minnu. Jaħassra, x'immaġni falza ta' Alla kienet dik li trabbejna biha!  Alla lilna jafna, għax iħobbna, l-istess kif omm jew missier, ikunu jafu lil uliedhom għax iħobbuhom. 

Naqraw f’Iżaija, "Ara! Jiena naqqaxtek fuq il-keffa ta' idejja". Iż 49:16.

Imbagħad f’Ġeremija nsibu, "Qabel ma sawwartek fil-ġuf, għaraftek; qabel ma ħriġt minn ħdan ommok, ikkonsagrajtek". Ġer 1:5

Ftit mumenti ta’ skiet

 

Rabbi, int l-Iben ta' Alla.

Tgħid dakinhar, Natanjel fehem x'kienet tfisser tassew dik l-istqarrija tiegħu?  Xi żmien wara, Xmun Pietru kien għamel stqarrija simili lil Ġesù, "Inti l-Messija, Bin Alla l-ħaj."  Dakinhar, it-tweġiba tal-Imgħallem kienet waħda ċara, "Mhux bniedem tad-demm u l-laħam uriek dan, imma Missieri li hu fis-smewwiet. Mt 16:16-17.

Min jaf kemm il-Padri Konċiljari f'Niċea ddiskutew il-kwestjoni teoloġika li kien hemm fi żmienhom dwar in-natura ta’ Ġesù, dwar l-oriġini u r-relazzjoni tiegħu ma' Alla l-Missier? Min jaf kemm, matul l-elfejn sena tal-Kristjaneżmu, inkitbu trattati minn teoloġi u għorrief dwar din il-verità tal-fidi! 

Mill-banda l-oħra, min jaf kemm oħrajn, minkejja li bħal Natanjel u bħal Xmun Pietru, qatt ma tħarrġu fit-teoloġija nisranija, fi tnebbiħa ta' mument mill-Ispirtu Qaddis, stqarrew b’persważjoni ġewwinija, "Mulej, Inti l-Iben ta' Alla."

Ftit mumenti ta’ skiet

 

Għad tara ħwejjeġ akbar minn dawn.

Din l-esperjenza li qrajna fl-evanġelju, hija ġrajja ta' xi ħadd li beda l-mixja tiegħu ma' Ġesù bhala bniedem xettiku. Lilu Filippu kien kellmu dwar Ġesù minn Nazaret, bin Ġużeppi. Imma ftit mumenti wara, huwa stqarru bħala Bin Alla.

Lilna jista’ jiġrilna l-istess, nibdew biex insiru nafu lil Ġesù minn dak li jgħidulna jew naqraw dwaru, mill-ġrajjiet li nisemgħu fuqu, minn dak li għamel.  Nistgħu nattendu laqgħat, naqraw kotba u nagħmlu korsijiet.  Dawn kollha kapaċi jgħnnu, imma l-qabża tal-fidi tassew, issir dakinhar li niltaqgħu miegħu, meta jkellimna f’qalbna u aħna nkunu attenti nisemgħuh. 

Possibbli?  Iva, Ħabib, kun lest li inti wkoll tara ħwejjeġ akbar minn dawn.

Ftit mumenti ta’ skiet

 

TALB 

Ippruvaw u taraw ... ejjew uliedi. Salm 34:9-13

Ippruvaw u taraw kemm hu tajjeb il-Mulej; hieni l-bniedem li jistkenn fih.
Ibżgħu mill-Mulej, qaddisin tiegħu; xejn ma jonqsu min jibża' minnu.
Is-setgħana jiftaqru u jbatu l-ġuħ; imma min ifittex lill-Mulej xejn ma jkun jonqsu.

Ejjew uliedi, isimgħu lili; jiena l-biża' tal-Mulej ngħallimkom.
Min hu l-bniedem li jħobb il-ħajja, u jixtieq jara għomru kollu riżq?

Ftit mumenti ta’ skiet

 

KONTEMPLAZZJONI

"Biżżejjed! Kunu afu li jien Alla” Salm 46:11

Il-kontemplazzjoni hija differenti ħafna mill-meditazzjoni, għaliex fiha aħna nkunu mistiedna nistrieħu fil-preżenza tal-Mulej. Spiss niftakar fid-dixxiplu l-maħbub, b’rasu mistrieħa fuq sider Ġesù. F’dan ħin, jiena mhu qed ngħidlu xejn, u anke hu, jidher li mhu qed jgħidli xejn. Imma f’din il-ħemda tant profonda, dak li hu għaddej bejnietna, ma tistax tfissru bil-kliem.  Għalhekk, issa huwa l-mument li niskot.