2. Il-Familja ta' Nazaret
Il-pellegrinaġġ tat-tama tal-Familja ta’ Nazaret
Illum, minflok qari wieħed, qed nippreżentaw erba’ siltiet qosra, li huma relatati għaliex juri mumenti differenti fil-pellegrinaġġ tat-tama tal-familja ta’ Nazaret. Nistgħu bla dubju ta’ xejn ngħidu li l-mixja tal-ħajja ta’ Marija u Ġużeppi kienet pellegrinaġġ tassew għaliex huma mxewha ma’ Ġesù sa mill-mument li tnissel tiegżħu fil-ġuf.
Dawn is-siltiet huma kollha mill-ewwel tnax -il sena tal-ħajja ta’ Ġesù
Il-vjaġġ lejn Betlehem. Lq 2:1-7
Il-mixja lejn it-Tempju ta’ Ġerusalemm bit-tarbija Ġesù ta’ erbgħin jum. Lq 2:22-40
Il-ħarba lejn l-Eġittu u r-ritorn lura. Mt 2:13-23
Mill-ġdid lejn it-tempju bit-tfajjel Ġesù ta’ tnax ‘il sena. Lq 2:41-52
† Fl-isem tal-Missier, u tal-Iben, u tal-Ispirtu s-Santu. Ammen.
Tkellem, Mulej, għax il-qaddej tiegħek qiegħed jisma’. 1Sam 3:9
QARI I
Mill-Evanġelju skont San Luqa. 2:4-8
Ġużeppi wkoll mar mill-Galilija, mill-belt ta’ Nazaret, u tala’ l-Lhudija, fil-belt ta’ David jisimha Betlehem – għax hu kien mid-dar u l-familja ta’ David – biex jinkiteb flimkien ma’ Marija l-għarusa tiegħu, li kienet tqila. Ġara li, meta kienu hemm, Marija għalqilha ż-żmien biex teħles, u wildet l-ewwel iben tagħha, fisqietu u medditu f’maxtura, għax ma kienx hemm post għalihom fil-lukanda.
Ftit mumenti ta’ skiet
MEDITAZZJONI
Il-pellegrinaġġ uman tat-tama, mhux magħmul minn xi vjaġġ ippjanat lejn destinazzjoni qaddisa. Mhux ġrajja mfassla f’mument partikulari ta’ ħajjitna, imma huwa mixja kontinwa, li spiss tgħaddina minn toroq imwegħra. Kultant ikunu ġrajjiet imposti fuqna, u spiss jippreżentawlna bosta sfidi, l-istess kif ġara fil-vjaġġ li kellhom jagħmlu Ġużeppi u Marija lejn Betlehem. Imma jekk nintelqu f’dirgħajn ir-rieda ta’ Alla, kif għamlu huma, allura anke miċ-ċirkustanzi tagħna, il-Mulej kapaċi joħroġ ħwejjeġ kbar.
Ftit mumenti ta’ skiet
QARI II
Mill-Evanġelju skont San Luqa. 2:25-38
F'Ġerusalemm kien hemm wieħed, jismu Xmun, raġel ġust u tajjeb, li kien jistenna l-faraġ ta' Iżrael u li kellu l-Ispirtu s-Santu fuqu. L-Ispirtu s-Santu kien nebbħu li ma kienx se jara l-mewt qabel ma jara l-Messija tal-Mulej. Mar mela fit-tempju, mqanqal mill-Ispirtu, u xħin il-ġenituri daħlu bit-tarbija Ġesù biex jagħmlulu dak li kienet trid il-Liġi, huwa laqgħu fuq dirgħajh, bierek lil Alla u qal:
"Issa, o Sid, tista' tħalli l-qaddej tiegħek imur fis-sliem, skond kelmtek, għaliex għajnejja raw is-salvazzjoni tiegħek li int ħejjejt għall-popli kollha, dawl biex idawwal il-ġnus, u glorja tal-poplu tiegħek Iżrael."
Missier u omm Ġesù baqgħu mistagħġba b’dak li kien qiegħed jingħad fuqu. Xmun berikhom, u qal lil ommu Marija: “Ara, dan se jġib il-waqgħa u l-qawmien ta’ ħafna f’Iżrael; se jkun sinjal li jmeruh, – u inti wkoll, sejf jinfidlek ruħek! – biex jinkixfu l-ħsibijiet moħbija fil-qlub ta’ ħafna.”
Kien hemm waħda profetissa, Anna, bint Fanwel, mit-tribù ta' Aser. Kienet imdaħħla ħafna fiż-żmien; wara xbubitha kienet għamlet seba' snin miżżewwġa, u mbagħad romlot. Sa ma kellha erbgħa u tmenin sena ma kienet titwarrab qatt mit-tempju, lejl u nhar taqdi lil Alla fis-sawm u t-talb. Dak il-ħin stess waslet, u bdiet trodd ħajr lil Alla u titkellem fuq it-tarbija ma' dawk kollha li kienu jistennew il-fidwa ta' Ġerusalemm.
Ftit mumenti ta’ skiet
MEDITAZZJONI
Tul il-pellegrinaġġ ta’ ħajjitna, Alla jlaqqagħna ma’ persuni oħra li għalkemm huma wkoll ikunu ħerqana qed jistennew il-faraġ tal-fidwa, madankollu, l-istess bħal Xmun u Anna fit-Tempju ta’ Ġerusalemm, bil-qawwa tal-Ispirtu, isiru ħabbara tat-tama għal kull min ikun lest li jisma’ kliemhom.
Fiċ-ċokon tagħna u minkejja l-fraġilitajiet li naraw fina, madankollu, Alla jrid li aħna wkoll, bhal dawn iż-żewġ xwejjha, inkunu sinjali ta’ tama f’dinja li għandha bżonn tant u tant tama.
Ftit mumenti ta’ skiet
QARI III
Mill-Evanġelju skont San Mattew. 2:13-15
Meta telqu l-Maġi, deher anġlu tal-Mulej f’ħolma lil Ġużeppi u qallu: “Qum, ħu miegħek lit-tifel u ‘l ommu, u aħrab lejn l-Eġittu. Ibqa’ hemm sa ma ngħidlek jien, għax Erodi se jfittex lit-tifel biex joqtlu.” Ġużeppi qam, ħa miegħu lit-tifel u ‘l ommu billejl u telaq lejn l-Eġittu, u baqa’ hemmhekk sal-mewt ta’ Erodi, biex hekk iseħħ dak li kien qal il-Mulej permezz tal-profeta, meta qal, ‘Mill-Eġittu sejjaħt lil ibni.’
Ftit mumenti ta’ skiet
MEDITAZZJONI
Qum, ħu miegħek lit-tifel u ‘l ommu.
Jekk inkunu lesti aħna wkoll li nieħdu fit-triq tal-ħajja tagħna lil Ġesù u lil Ommu, allura minkejja l-lejl ta’ madwarna, ikun Kristu, id-dawl veru, li jgħeleb kull dlam, u jibdel mixjietna f’pellegrinaġġ ta’ tama.
Ftit mumenti ta’ skiet
QARI IV
Mill-Evanġelju skont San Luqa. 2:42-45
Meta kellu tnax-il sena telgħu wkoll, skont id-drawwa ta’ dik il-festa. Wara li għaddew dawk il-ġranet qabdu t-triq lura, imma t-tfajjel Ġesù baqa’ Ġerusalemm bla ma kienu jafu l-ġenituri tiegħu. Huma ħasbuh qiegħed ma’ xi wħud li kienu fit-triq magħhom; iżda meta wara jum mixi fittxewh fost qrabathom u n-nies li kienu jafuhom, ma sabuhx, u għalhekk reġgħu lura Ġerusalemm ifittxuh.
Ftit mumenti ta’ skiet
MEDITAZZJONI
Il mixja tal-ħajja tal-bniedem hija magħmula minn nisġa ta’ ġrajjiet li l-ebda waħda minnhom waħedha ma tista’ titqies li hija pellegrinaġġ ta’ tama. Bl-istess mod it-tama vera, li la tqarraq u lanqas tħalli warajha l-imrar tal-diżillużjoni, hija bħal biċċa bizzilla sabiħa, li minkejja l-vojt li hemm fiha, anzi huwa propju permezz tiegħu, li l-insiġ ta’ madwaru joffri riżultat aħħari li jpaxxi.
Forsi, it-twelid ta’ tarbija fih innifsu mhux mument ta’ tama, mhux biss ghall-istess familja, imma wkoll għar-razza umana kollha. Iżda, liema tarbija, inkluża dik imwielda fl-għar tal-annimali ġewwa Betlehem, ma ġabitx ukoll mumenti ta’ tensjoni u qtigħ il-qalb?
Forsi, għall-ġenituri ta’ tarbija ta’ erbgħin jum, ma jkunux mument ta’ tensjoni u qtigħ il-qalb, meta bħal Marija u Ġużeppi jisemgħu jingħad dwar binhom li dan ser ikun sinjal ta’ kontradizzjoni? X’tama jista’ jħalli f’omm, meta bniedem ta’ Alla jħabbrilha fit-tempju stess, li sejf għad jinfdilha ruħha, propju minħabba binha? Imma mill-banda l-oħra, teżisti tama li mhix minsuġa mill-waqgħat u mill-qawmien?
Kif tista’ tittama dik il-familja li jkollha taħrab minn darha u tfittex kenn f’art oħra, minħabba li l-mexxejja politiċi ta’ artha stess ikunu qed ifittxu lill-binha biex joqtluh? Kemm familji llum qed ikollhom jaħarbu minn arthom biex iħarsu ħajjet uliedhom?
Kif jistgħu omm u missier ma jitnikktux, meta jitilfu lit-tfajjel binhom, li huma kienu fdati mis-sema biex jindukrawh? Ma jkunx dan għalihom mument ta’ niket kbir u diżillużjoni fihom?
Madankollu, dak l-istess iben, li nissel tant niket, tħassib fil-familja tiegħu, kien ukoll dak li dwaru ntqal li dan kien is-salvazzjoni għall-popli kollha, id-dawl biex idawwal il-ġnus, u glorja tal-poplu. Lq 2:3-32
Hekk huwa magħmul il-pellegrinaġġ tat-tama, u mhux biss minn xi vjaġġ lejn lok ta’ devozzjoni jew dħul minn xi bieb imqaddes, imma minn nisġa ta’ ġrajjiet. Huwa hawn fejn jidħol is-sehem ta’ kull nisrani, “għaliex l-hena u tama, in-niket u tħassib tal-bnedmin tal-lum, fuq kollox tal-foqra u ta’ dawk kollha li jbatu, huma wkoll il-hena u t-tama, in-niket u t-tħassib tad-dixxipli ta’ Kristu, u ma hemm ebda ħaġa li hi tassew tal-bniedem li huma wkoll ma jħossuhiex f’qalbhom.
Il-komunità nisranija hija magħmula minn bnedmin li, magħqudin flimkien fi Kristu, u mmexxija mill-Ispirtu s-Santu fil-pellegrinaġġ tagħhom lejn is-Saltna tal-Missier, irċevew messaġġ ta’ salvazzjoni biex huma wkoll iwassluh lil kulħadd”. Gaudium et spes, Vatikan II, 1.
Ftit mumenti ta’ skiet
TALB
Ara Lq 2:29-32
Kliem Xmun fit-tempju ta’ Ġerusalemm, jista’ hawn isir ukoll it-talba personali tiegħi. Mhux intenni kliemu, imma b’kunfidenza ġewwinija nistqarru jiena stess.
“Issa, o Sid, tista’ tħalli l-qaddej tiegħek imur fis-sliem, skont kelmtek, għaliex għajnejja raw is-salvazzjoni tiegħek li int ħejjejt għall-popli kollha, dawl biex idawwal il-ġnus, u glorja tal-poplu tiegħek Iżrael.”
Ftit mumenti ta’ skiet
Ara wkoll Lq 2:36-38
Ħa nfaħħar jiena wkoll lil Alla, bħalma għamelet l-armla, Anna, bint Fanwel, mit-tribù ta’ Aser. Ħa naqdi lil Alla fis-sawm u t-talb. Ħa nroddlu ħajr ta’ kull ma għamel miegħi. U jiena wkoll, nitkellem fuq dik it-tarbija ma’ dawk kollha li llum qed jistennew b’tama il-fidwa.
Ftit mumenti ta’ skiet
KONTEMPLAZZJONI
"Biżżejjed! Kunu afu li jien Alla” Salm 46:11
Il-kontemplazzjoni hija differenti ħafna mill-meditazzjoni, għaliex fiha aħna nkunu mistiedna nistrieħu fil-preżenza tal-Mulej. Spiss niftakar fid-dixxiplu l-maħbub, b’rasu mistrieħa fuq sider Ġesù. F’dan ħin, jiena mhu qed ngħidlu xejn, u anke hu, jidher li mhu qed jgħidli xejn. Imma f’din il-ħemda tant profonda, dak li hu għaddej bejnietna, ma tistax tfissru bil-kliem. Għalhekk, issa huwa l-mument li niskot.