Laikos

 

Priedka Milied 2021

Test ta' Prietka tal-Milied li saret fil-Knisja tar-Ragħaj it-Tajjeb, Taċ-Ċawla (Victoria, Għawdex) din is-sena. Kitiba ta' Dun Injazju Borg.

 

Tifel: Illum huwa lejlet il-Milied. Lejl ta’ ferħ kbir li forsi ma nafux kif sejrin nesprimuh. U biex dan il-ferħ ikun aktar tajjeb ser nibdew din il-priedka  fqajjar tagħna fuq il-presepju.

Fih naraw lil Ġesù tarbija f’għar ta’ l-annimali f’maxtura. Il-baqra u l-ħmara huma ħdejh. Insibu lil Ġużeppi u Marija jħarsu lejh mimlija bil-ferħ. Naraw ukoll resqin lejn l-għar xi rgħajja bir-rigali f’idejhom. Ftit ‘il bogħod nilmħu anġlu jħabbar lir-rgħajja biex imorru jżuru lil Ġesù tarbija. X’inhuwa dan il-presepju? Xi invenzjoni ta’ xi artist? Huwa tifkira ħajja tat-twelid ta’ Ġesù, b’tali mod li nkunu nistgħu nerġgħu ngħixuha mill-ġdid.

Tifla:   U la qed nitkellmu fuq ir-ragħajja niftakar xi ħaġa dwar ir-ragħajja. Fil-presepji tagħna nsibu żewġ tipi ta’ ragħajja r-rieqed u l-mistgħaġeb. Tajjeb li llejla nsaqsi lili jien f’ħajti fir-relazzjoni m’Alla lil minn nixbaħ l-aktar ir-rieqed jew il-mistgħaġeb. Ir-rieqed għat-tħabbira tal-anġlu li twieled il-feddej  ma’ għamel ebda reazzjoni baqa rieqed, filwaqt li r-ragħaj l-ieħor għal din it-tħabbira qam minn fejn kien u baqa’ nistgħaġeb quddiem din l-aħbar u qam u telaq lejn Betlem. Jien fir-relazzjoni tiegħi m’Alla ninsab fil-bruda u fl-indifferenza jew fil-ħeġġa u fl-entużjażmu biex infittex u niltaqa ma’ Ġesu?

Tifel:   Din hija ġrajja li seħħet tassew elfejn sena ilu f’Betlem tal-Lhudija. Hemmhekk Ġesù twieled fil-faqar, fil-kwiet, u mbiegħed mill-ħsejjes ta’ l-ibliet il-kbar. Għalkemm huwa l-Iben ta’ Alla, ma għażilx li jitwieled f’post tas-sinjuri. Lanqas għażel xi belt importanti biex jitwieled  fiha. Tant għażel il-faqar li ma twelidx lanqas f’dar fqira imma f’għar ta’ l-annimali. Ġew iżuruh nies foqra — ir-rgħajja ta’ Betlem li kienu jgħixu billi jirgħu l-merħliet. Iżda jkun xieraq li niftakru li Ġesù ma ġiex għall-foqra biss iżda għal kulħadd.

Tifla: Infatti mal-ġrajja tal-Milied insibu wkoll marbuta ż-żjara tal-magi. Dawn kienu nies għorrief li ġew mill-Lvant biex jagħtuh qima. Fil-vjaġġ tagħhom kienu mmexxija minn kewkba. U offrewlu — deheb, inċens u mirra. Id-deheb talli kien sultan, l-inċens talli kien Alla, u l-mirra sinjal li kien ser jbati.

 Il-maġi huma figura ta’ dawk il-pagani ta’ rieda tajba li malli jsiru jafu bi Kristu, jemmnu fih u jħobbuh. Għalkemm ma kinux jafu bih, xorta waħda għarfuh bħala sultan. Fuq l-eżempju ta’ dawn il-persunaġġi, ejjew ngħidu lil Ġesù: “Inti s-sultan tal-qalb tagħna”. Kif fl-antik is-sultan kien l-aktar persuna importanti tal-pajjiż, hekk Ġesù għandu jkun għalina l-għeżeż persuna ta’ ħajjitna.

Tifel:   Madwar mit sena ilu Paul Claudel, żgħażugħ kien qiegħed jiġġerra fit-triqat ta’ Pariġi. Kien lejlet il-Milied. Xħin għadda minn quddiem il-Katidral ta’ Notre Dame sema’ l-kant tal-Milied. Għoġbu. Daħal ġewwa u hemmhekk iltaqa’ ma’ Ġesù, ikkonverta u sar kittieb nisrani.

Il-lejla huwa wkoll lejlet il-Milied — il-lejl li fih twieled Ġesù. Huwa għamlilna stedina speċjali biex niġu nisimgħu l-kant, l-Kelma tiegħu  u ħwejjeġ sbieħ oħra. Dawn għandhom ikunu mezzi li jressquna lejn Ġesù tarbija. Forsi ma għandniex bżonn nikkonvertu bħal Paul Claudel, imma nistgħu nifhmu aħjar xi jfisser għalina l-insara l-Milied. Iridna li f’dan il-lejl qaddis inbiddlu qalbna

Tifla:   Messaġġ ieħor li jrid jagħtina Ġesù tarbija huwa l-paċi. Hekk kantaw l-anġli b’Betlem: “Glorja lil Alla fil-għoli tas-smewwiet u paċi fl-art lill-bnedmin ta’ rieda tajba”. Jisgħobbina li ta’ spiss nisimgħu u naraw xeni ta’ ġlied imdemmi u vjolenza. Għal dawn in-nies il-paċi ta’ Kristu għadha ma waslitx. Għaliex qegħdin jagħmlu hekk? It-tweġiba m’hix faċli. Dawn il-popli għadhom ma għarfux li Sidna Ġesù Kristu ġie fid-dinja biex iġibilna l-paċi. Ġesù qiegħed jistedinna wkoll biex inġibu l-paċi fid-dar, fl-iskola, fuq il-post tax-xogħol u anki fil-postijiet tad-divertiment.

Tifel: Kull twelid iġib il-ferħ fil-familja. Tant huwa hekk li nkomplu niċċelebraw il-Birthday. Jixraq ukoll li niċċelebraw it-twelid ta’ Ġesù permezz ta’ parties, presepji, kartolini, is-siġra tal-Milied u ħwejjeġ oħra. Dawn il-ħwejjeġ għandhom ifakkruna aktar f’Ġesù. Tkun vera disgrazzja jekk noqogħdu nilagħbu b’affarijiet tal-Milied u mbagħad ninsew lil Ġesù, li huwa ċ-ċentru ta’ din il-festa. Qed tiġini f’moħħi storja biex tfakkarna kemm u mportanti li nżommu f’moħħna li fiċ-ċentru tal-festi tal-Milied dejjem irid ikun hemm Ġesu’. Jirrakontaw li darba fl-Ingilterra kien hemm familja li kellha l-ewwel tarbija u allura kien hemm ferħ kbir. Il-qraba u l-ħbieb ta’ din il-familja kollha marru biex jifirħu lil din il-koppja. Billi kienet xitwa qalila kulħadd mar b’coatijiet, mufflers u ħwejjeġ tqal oħra. Id-dar kienet mgħammra bil-fire place u allura kien hemm ħafna sħana, u  ġara li x’ħin in-nies kienet tidħol id-dar kienet tinża l-coats u ħwejjeġ oħra u tpoġġihom fuq is-sodda li kien hemm qrib. Għamlu munzell b’dawn il-ħwejjeġ u kulħadd jifraħ u jikkumpliment lill-koppja għat-twelid tat-tarbija.  F’mument minnhom beda jinstema krib u biki ndunaw li t-tarbija kienet qed tifqa b’dawk il-ħwejjeġ fuqha. Hekk jista jiġrilna aħna ukoll li nagħmlu Milied mingħajr Ġesu’. Nippreparaw għall-parties, kartolini, ikliet, rigali u ma’ nsibux ħin li nqerru, u nisimgħu l-quddies u nersqu lejn Ġesu’ fil-jiem tal-festa tiegħu.

Tifla: Għalhekk nerġgħu ftit għall-ħsieb tal-bidu, jiġifieri fuq il-presepju. Meta nkunu qegħdin nippreparaw ruħna għall-Milied, noqogħdu attenti li ma naħsbux għal kollox barra l-presepju. Tista’ tidħol f’moħħna li dan huwa logħob tat-tfal. Iżda jekk naqraw il-ħajja ta’ San Franġisk ta’ Assisi niffurmaw idea oħra. Dan il-qaddis, hekk kbir u umli, ivvinta fi Greccio l-ewwel presepju. Imbagħad f’pajjiżna, San Ġorġ Preca kien minn ta’ quddiem biex f’Malta nibnu kultura reliġjuża li tagħti importanza lil Ġesù tarbija. Infatti din is-sena jaħbat il-mit sena mid-demostrazzjoni tal-Bambin f’lejliet il-Milied, drawwa tassew sabiħa li xieraq li nkomplu ngħożżuha.  Fid-dar tiegħu kien jagħmel il-presepju, filwaqt li fit-tieqa kien jagħmel Bambin tax-xemgħa. Tkun ħaġa tajba li kull familja tagħmel presepju anki żgħir. Dan għandu jfakkarna li Ġesù ġie fostna bħala bniedem. U proprju għalhekk nistgħu nagħmlu l-presepju. Lil Alla ħadd qatt ma rah, iżda Sidna Ġesù Kristu, l-Iben ta’ Alla, sar bniedem u għarrafulna, kif jgħid l-Evangelju ta’ San Ġwann. U għalhekk fil-presepju niggustawh bħala tarbija b’idejh miftuħa qiegħed jilqa’ lill-bnedmin kollha f’dirgħajh .

·        Tifel:  Ejja sa ħdejn din il-grotta għax dan Ġesù twieled għalik – li kieku kont teżisti int biss fuq din l-art, kien jiġi wkoll għalik

·        Tifla:  Ejja int li tħossok midneb għax dan Ibni twieled biex jagħti l-maħfra lil kull min jixtieqha.

·        Tifel:  Ejja int li tibki u tolfoq f’dan il-wied tad-dmugħ u ara f’Ġesù lil Alla li sar bniedem bħalek biex jibki bħalek u jibki miegħek .

·        Tifla:  Ejja int li int għajjien mill-ħajja u strieħ għall-kenn ta’ din il-grotta quddiem dak li qal: “Ejjew għandi intom ilkoll li tinsabu mħabbtin u mtaqqlin u jien nserraħkom”.

·        Tifel:  Ejja int li l-mibegħda u r-rabja kilitlek qalbek u ara f’dan Ġesù Alla li ma jużax forza, huwa bħal “dik in-nagħġa f’id min iġiżżha – ma jiftaħx fommu”.

·        Tifla:  Ejja int li qed tfittex bil-ħerqa esperjenza ta’ Alla u ara f’dan Ġesu’ kemm Alla tbaxxa u ċċekken biex inti tkun tista’ tilħqu.

Flimkien:        Nagħlqu din il-priedka qasira billi ngħidu din it-talba lil Ġesù Bambin: “Berikna u itfa’ fuqna l-grazzja tiegħek biex f’dan il-lejl imqaddes niftakru aktar fil-misteru tat-twelid tiegħek, li minn Alla sirt bniedem għalina”.

Viva Ġesù Bambin