|
VIA SAGRA EKOLOĠIKA
Laboratorju tal-Paċi, Ħal Far
Nitolbu mal-Papa Franġisku
L-Enċiklika tal-Papa Franġisku, Laudato Si tiġbor fiha l-ħmira li qed tagħġen il-ħsibijiet ta’ żmienna. Jikteb, jiddiskuti, jgħallem, juri x’inhuma l-problemi u s-soluzzjonijiet għalihom. Iż-żmien taż-żjara huwa fir – Randan. Ma setax ikun żmien aħjar biex flimkien mat-talb, sawm, karità u għemejjel tajba, ngħaddu ħin ta’ ġabra biex naħsbu fuq dan. Nibdew nitlobu uj naqraw.
Matul din il-Via Crucis, nimxu flimkien ma’ Ġesù kif miktub fil-Bibbja u f’kull stazzjon niftakru minn xhiex għadda fit-triq tiegħu lejn il-Passjoni. Naraw ukoll it-tbatija ta’ Kristu li għaddej minna llum billi niftakru fit-tbatija t’oħtna l-art u ħuna l-fqir.
L-Ewwel Stazzjon
Ġesù ikkundannat għall-mewt
Nadurawk, Ġesù u mberkuk
Għax b’salibek u l-mewt tiegħek inti fdejtna
Nitolbu
O Alla għajn ta’ kull ħajja, ħafna minn ħutna, rġiel u nisa, issugraw ħajjithom u ġew maqtula għaliex kienu jaħdmu biex iħarsu din l-art sabiħa li int ħlaqt. Nemmnu li qegħdin igawdu l-wiċċ sabiħ tiegħek fis-sema. Nitolbu għalihom biex is-sagrifiċċju u t-tbatija li għaddew minnha ma jintesew qatt u biex aħna li qed ingawdu l-frott tal-ħidma tagħhom inkunu tassew xhieda tagħhom
It-Tieni Stazzjon
Ġesù mgħobbi bis-Salib
Nadurawk, Ġesù u mberkuk
Għax b’salibek u l-mewt tiegħek inti fdejtna
Nitolbu
Mulej Ġesù, l-istess kif int erfajt bil-qalb it-tbatijiet tad-dnubiet tagħna, aħna li mexjin f’din it-triq nitolbu għal dawk li huma kkundannati għal ħafna tbatija minħabba l-ħeġġa tal-ħidma tagħhom imferrxa mal-Afrika tal-Lvant kontra t-tniġġis kaġunat miż-żejt maħmuġ tal-inġenji. U nżidu fit-talb tagħna lil dawk oħrajn ikkundannati bi tbatija ħarxa minħabba li jitkellmu u jitqabdu biex tinkiseb il-ġustizzja soċjali u klima nadifa
It-Tielet Stazzjon
Ġesù jaqa` taħt is-Salib
Nadurawk, Ġesù u mberkuk
Għax b’salibek u l-mewt tiegħek inti fdejtna
Nitolbu
Nitolbuk Mulej għal ħutna nisa u rġiel, ilsiera moħbijin fid-dlam tal-fabbriki f’kundizzjonijiet li ma jixirqux lil bnedmin, imtarrxa bi ħsejjes bla heda ta’ magni marbuta bi ktajjen bla serħan billejl u binhar u mhux ħielsa minn jiem ta’ mistrieħ. Mulej agħtina l-għajnuna tiegħek biex ma ninsewx lil dawk li qed ibatu minħabba oħrajn li jridu jgħixu f’kumdità bla rażan u ħajja bla qies. Agħtina l-għajnuna biex ma nintrikbux mill-konsumeriżmu, biex inrażżnu l-istil ta’ ħajjitna u nagħtu sehemna biex dan id-dnub neqirduh kull fejn hu mxettel u rabba l-għeruq fid-dinja.
Ir-Rabà Stazzjon
Ġesù jiltaqa’ ma’ Ommu Marija
Nadurawk, Ġesù u mberkuk
Għax b’salibek u l-mewt tiegħek inti fdejtna
Nitolbu
Mulej Gesù waqt li nitħassrukom x’ħassejtu f’qalbkom x’ħin iltqajtu wiċċ imb wiċċ, int u Ommok Marija, nitolbuk biex aħna nħossu tassew għall-ħsara ta’ kuljum u ta’ kull ħin madwar id-dinja kollha x’ħin nirfsu bla għaqal fuq ommna l-art li tagħtina bla heda l-arja, l-ikel u l-ilma għall-għajxien tagħna.
Il-Ħames Stazzjon
Xmun iċ-Ċirinew jgħin lil Ġesù jerfa’ s-Salib
Għax b’salibek u l-mewt tiegħek inti fdejtna
Nitolbu
Mulej Ġesù li tfakkarna li mhux sewwa li naħarbu minn dmirna kull darba li ngħidulek li mhux dmirna li ngħinu lil ħutna għax aħna responsabbli tagħna nfusna biss u mhux tagħhom. Tħallina qatt naħsbu jew nirrepetu l-għajta ta’ Kajjin: “Jaqaw jien għassies ta’ ħija?” Fakkarna fi Xmun iċ-Ċirinew li waqaf minn triqtu biex jgħin lilek. Għinna biex nagħtu kull għajuna fit-toqol tat-tbatija fejn xi ħadd minn ħutna qed ibati l-inġustizzja, il-faqar u l-vjolenza.
Is-Sitt Stazzjon
Il-Veronika tixxotta d-dmugħ u t-tbatija ta’ Ġesù
Għax b’salibek u l-mewt tiegħek inti fdejtna
Nitolbu
Nitolbuk Mulej Ġesù li naraw il-wiċċ għażiż tiegħek imxarrab bid-dmugħ u d-dmija fil-wiċċ ta’ dawk kollha li qegħdin ibatu bil-mard, l-aktar il-mard ta’ żmienna Corona Virus biex bħal Veronika nkunu nistgħu naqsmu t-tbatija magħhom u nkunu għalihom faraġ ta’ ħniena.
Is-Seba Stazzjon
Ġesù jaqa' t-tieni darba taħt is-Salib
Għax b’salibek u l-mewt tiegħek inti fdejtna
Nitolbu
Mulej Gesù hija l-indifferenza tagħna. Nisimgħu aħbar wara oħra u nibqgħu għaddejjin mingħajr ma nħossu għal ħadd. It-tbatija ta’ ħaddieħor tfisser aħbar bħal oħrajn, bħal ta’ riklam ġdid ta’ fwieħa jew riċetta tal-ikel. Indifferenza li terġa' twaqqgħek għal darba oħra kuljum. Għinna nitolbuk li nfittxu nkunu nafu tassew x’aħna nixtru biex nieklu meta l-kċina tagħna mimlija ikel jew għandna armarji mimlijin ħwejjeġ. Għinna Mulej biex ma nibqgħux siekta quddiem ekonomija inġusta b’toqol l-akbar fuq il-fqir.
It-Tminn Stazzjon
Gesù jiltaqa' man-nisa ta’ Ġerusalemm
Għax b’salibek u l-mewt tiegħek inti fdejtna
Nitolbu
Mulej bħan-nisa ta’ Ġerusalemm nibku minħabba uliedna li jridu jilqgħu fihom it-tbatijiet li l-ambjent bil-qerda tiegħu sejjer iqiegħed fuq spallejhom. Mulej l-għajnuna tiegħek tista' tweżinna biex nikkumbattu l-kultura tal-mewt miġjuba fostna, fi djarna u fit-toroq tagħna, fuq il-mewġ li jħabbat il-ħin kollu fuq il-midja soċjali. Il-qliegħ ta’ flejjes kbar f’idejn ftit nies , l-egoiżmu bla razan li jeqred bla ħniena lil dawk ħajjin u lil dawk li għadhom ma tweldux.
Id-Disa' Stazzjon
Ġesù jaqa għat-tielet darba taħt it-toqol tas-Salib
Nadurawk, Ġesù u mberkuk
Għax b’salibek u l-mewt tiegħek inti fdejtna
Nitolbu
Mulej it-toqol tas-salib għafas tant fuqek li kellek taqa' għat-tielet darba. Aħna wkoll Mulej nafu li ħafna minn ħutna tant hekk qegħdin jaħdmu biex ħaddieħor jaqla' ħafna minn fuqhom li ħafna jaqgħu f’ansjetà dipressiva u frustrazzjoni. Mulej agħti d-dehen u s-saħħa biex jerġgħu jqumu jikkumbattu kull inġustizzja lejn is-soċjetà u lejn inġustizzja mal-klima.
L-Għaxar Stazzjon
Ġesu mneżża minn ħwejġu
Għax b’salibek u l-mewt tiegħek inti fdejtna
Nitolbu
Mulej Gesù, int ġejt imneżża’ minn kull dinjità u minn kull ilbies. Kemm kolonji ġew imneżżgħa minn kull ġid li int tajt f’pajjiżhom biex nieshom issa jinsabu mneżża’ jfittxu l-kenn f’artijiet oħra – jinsabu tallaba jiġbru ż-żibel u jaħdmu dak li ħadd ma jrid jagħmel. Mulej l-art ukoll ġiet imneżżgħa mill-minerali u dak li jista' jżommha għammiela fil-ħamrija tagħha. Għinna nsibu u niżviluppaw forom ġodda ta’ enerġija. Għinna nibżgħu biex ma jkunx hemm ħela bla rażan biex l-art tagħna terġa’ tiġġedded fis-sbuħija li biha ġiet maħluqa.
Il-Ħdax-il Stazzjon
Ġesù msallab fuq is-Salib
Nadurawk, Ġesù u mberkuk
Għax b’salibek u l-mewt tiegħek inti fdejtna
Nitolbu
Mulej id-dawl qawwi tal-progress u t-teknika ta’ żmienna ġabu għamad kbir quddiem għajnejna u m’għandniex nistgħaġbu quddiem is-sejħa li biha int sejjaħt id-dawl biex juri l-kobor tal-ħidma kbira u tal-għaġeb tal-ħolqien. It-tniġġis u t-tbagħbis fl-oqsma naturali huma l-imsiemer li qegħdin isallbuk lejl u nhar kemm mill-kbar u kemm miż-żgħar.
It-Tnax-il Stazzjon
Ġesù jmut fuq is-Salib
Għax b’salibek u l-mewt tiegħek inti fdejtna
Nitolbu
Mulej Ġesù bil-mewt tiegħek fuq is-Salib int ksibtilna l-ħajja u hekk temmejt ir-rieda ta’ Missierek. Għinna nitolbuk Mulej biex aħna wkoll nintrabtu b’imħabba kbira mar-rieda ta’ Missierek u hekk nagħtu widen għall-karba fuq is-salib tagħhom ta’ nies bla art tagħhom bla dar tagħhom, tal-għajjat tagħhom, għat-tnehid bla waqt għal klima tagħhom, għargħar jew nixfa qoxqox, ġuħ u gwerra.
It-Tlettax-il Stazzjon
Ġesù mniżżel minn fuq is-Salib
Għax b’salibek u l-mewt tiegħek inti fdejtna
Nitolbu
Mulej waqt li naraw b’għajnejna ħafna annimali li spiċċat ir-razza tagħhom kabbar il- fidi tagħna u l-imħabba lejn l-għasafar u l-ħlejjaq li jpaxxu d-dinja bl-għana tagħhom. U kif Ġużeppi t’ Arimatea u Nikodemu ħadu ħsieb jersqu biex jieħdu l-ġisem mejjet tiegħek, agħtina l-kuraġġ nersqu biex inkunu l-leħen ta’ dawk li m’għandhomx vuċi fis-soċjetà ta’ żmienna. Mulej agħmel li nkunu strument tal-paċi għall-ħolqien kollu
L-Erbatax-il Stazzjon
Ġesù midfun fil-qabar
Nadurawk, Ġesù u mberkuk
Għax b’salibek u l-mewt tiegħek inti fdejtna
Nitolbu
Mulej Alla tal-ħolqien kollu għalik m’hemm xejn li ma jistax isir. Mulej Alla għalik kollox hu prezzjuż, agħmel li naraw il-ħolqien kif rajtu int meta ħlaqtu. Mulej Alla għinna biex inxejnu d-differenzi ta’ bejnietna. Missierna li inti fis-smewwiet agħmel li nqisu u ngħannqu li kulħadd bħala ħutna.
Talba tal-għeluq
Mulej Gesù iftħilna għajnejna u qalbna għat-tbatija tiegħek waqt il-passjoni li għadek għaddej biha fostna.
Mulej Gesù agħmel li naraw li llum ukoll qed tiġi kkundannat għall-mewt fil-qtil ta’ ħafna nies innoċent fil-ħafna gwerer madwar id-dinja. Għadek titgħabba bit-toqol u uġigħ tal-konsumeriżmu. Għadek tmut mal-vittmi tat-tregħid tal-art u l-klima ta’ twerwir u ħsarat, xita bil-qliel, għatx u nixfa tqaxqax l-art.
Mulej għadek għarwien imsallab fost l-ilbies, l-egoiżmu, ir-regħba tas-suq, l-inġustizzji u l-ekonomiji żbaljati li jkabbru lis-sinjur u jżarmaw lill-fqir.
Mulej qed tmut bil-għatx tal-pjaċir bla sens li ġarrfu l-familji. Waqt li l-passjoni tiegħek issoktat tinkiteb fl-istorja ta’ żmienna, agħtina l-kuraġġ li ma naqtgħux qalbna nersqu lejk biex inkunu l-ftit li jfarrġuk bħal Veronika, Xmun ta’ Ċirene, Ġużeppi ta’ Arimatea u bħal Ommok Marija li ma ħallietek qatt mit-twelid sal-passjoni u l-mewt tiegħek.
Patri Dijonisju Mintoff O.F.M.
Laboratorju tal-Paċi
Ħal Far
8 ta’ Marzu 2022