|
IL-MAĦFRA TAL-PORZJUNKOLA
Kitba ta’ Patri Dijonisju Mintoff ofm
Kien fil-Porzjunkola li San Franġisk sema' l-Vanġelu meta kellu 25 sena, u fehem darba għal dejjem is-sejħa tiegħu. Ċaħad lid-dinja biex jgħix fl-eqqel tal-faqar u jibda miexi fit-triq tal-appostolat. Kien hawnhekk laqa' fi ħdanu l-ewwel aħwa tiegħu u waqqaf l-Ordni tal-Patrijiet Minuri. Kien hawnhekk li waqqaf l-Ordni tas-sorijiet foqra tal-Klarissi. Kien hawnhekk li fil-lejla tat-3 ta' Ottubru 1226 “ta merħba lill-mewt bil-kant fuq fommu”.
Kull min jirfes dan il-post iħoss dan kollu. Simone Weil (3 ta' Frar 1900 – 24 ta' Awwissu 1943), filosfa, mistika u attivista politika Franċiża, kitbet:”meta kont hawn waħdi f'din il-knisja żgħira Romaneska ta' Santa Marija tal-Anġli, li hija miraklu ta' safa li ma ssib imkien bħalu – fejn San Franġisk talab bil-qalb ħafna darabi – ħin bla waqt, qawwa kbira ħafnitni u ġegħlitni ninżel għarkuptejja għall-ewwel darba f'ħajti”. (Bijografija Spiritwali)
Tassew li kull min jinżel għarkupptejh fuq l-għatba tal-Porzjunkola jista' jaqra l-kliem tal-għaġeb li juri dan il-post ċkejken fid-dinja -”hic locus sanctus est” ( dan huwa post qaddis). Dan il-post huwa qaddis għax Alla ġie fih u hawn tkellem ma' San Franġisk bħal kif fl-imgħoddi tkellem ma' Abraham, Ġakobb, Mosé u Marija f'Art Imqaddsa oħra.
Dawra mas-Santwarju
U jekk għandek ħin aktar biex tidħol fil-knisja l-kbira u tagħmel dawra mal-Porzjunkola fuq in-naħa ta' warajha kif taqbeż in-nofs issib teżor ieħor moħbi f'dan il-post qaddis. Hija l-fdal ta' affresk imdaqqas ta' Kristu Msallab li aktarx hu xogħol ta' Perugino. Minnu baqa' jidher biss in-niket ta' Marija u tan-nisa twajba li jfarrġuha.
Kien hawn f'din il-knisja ċkejkna li minn fomm San Franġisk dwiet mill-ġdid il-maħfra ta' Alla għall-midinbin. Kien sewwasew dakinhar t'Awwissu taħt id-dell tas-siġra tal-ballut li San Franġisk qal lin-nies:”Ħuti rġiel u nisa rridkom tmorru l-Ġenna u nagħtikom bxara ta' grazzja kbira li ksibt mingħand il-Papa “. Hija l-Indulġenza tal-Maħfra – it-teżor tal-Porzjunkola.
Saż-żmien ta' San Franġisk, in-nies kienu jqerru u jieħdu l-maħfra ta' dnubiethom darba qabel imutu. Il-penitenza kienet titlob ukoll xi għemil biex tintwera tassew is-sogħba tagħhom. Dan l-għemil kien jiswilhom ħafna flus u taħbit. Il-biċċa 'l-kbira kien xi pellegrinaġġa 'il bogħod li fil-waqt li jsir kien isir negozju kull fejn jieqfu biex bil-flus li jaqilgħu jgħinu xi ħidma jew xi opra f'xi santwarju. F'kelma waħda kienu jiġu mwarrba l-foqra. Din il-ħaġa kienet tinkwieta ħafna lil San Franġisk u tħabat kemm felaħ biex l-indulġenzi li jintrebħu u l-penitenza tal-qrara jiswew ukoll għal min ma jistax iħallas dawk is-somom kbar. San Franġisk u sħabu kien jmiddu idejhom fix-xogħol u għalhekk kienu jafu min huma tassew il-foqra. Ix-xogħol li jinħadem bl-idejn u mhux bil-moħħ kien jitħallas bi ftit muniti u jissejjaħ xogħol tal-ilsiera – xogħol servili. Għalhekk San Franġisk ħadem kemm felaħ, talab, irsista u tkellem mal-Papa biex dawn l-indulġenzi u l-qrar ikunu jistgħu igawduh il-foqra wkoll – għal kulħadd. Il-Kardinali oġġezzjonaw kemm felħu għax huma kienu jemmnu li ser jonqsu l-flus biex jitħarsu l-imkejjen fl-Art Imqaddsa u f'Ruma. U tgħidx kemm feraħ meta fl-aħħar il-Papa ta l-approvazzjoni tiegħu biex titwettaq din ir-riforma. Kien isejħilha l-aħbar kbira tal-maħfra ta' Assisi. “Kulħadd għall-Ġenna” kien jgħajjat. F'qasir żmien inxterdet mad-dinja kollha.
Fuq il-kobor ta' din il-ġrajja tal-maħfra tal-Porzjunkola u fuq ġrajjiet oħra ġodda fil-knisja kiteb il-Papa Emeritu Benedittu XVI. Ser inġib x'jgħid fuqhom fil-qosor biex nagħti ħjiel aktar profond u qasir. Hekk min jaqrahom jista' jkun jaf fuqhom waħdu u jitgħallem aħjar fuq din l-indulġenza li l-ewwel ingħatat lil kull min jinviżta fil-knisja tal-Porzjunkola fejn għex u miet San Franġisk. Imbagħad ingħatat f'kull knisja li jieħdu ħsiebha l-Franġiskani fit-2 ta' Awwissu u issa f'kull parroċċa fid-dinja kollha.
Franġisku tajtek li ridt
Hawn San Franġisk jerġa' jxettel ix-xewqa għas-safa u jsefsef ħsibijiet kbar. Jurina li m'għandniex infittxu aktar il-qoxra milli l-qalba ta' tifsir miktub fil-qalb ta' Alla u li l-Vanġelu għandu juri t-triq lill-bniedem.
Franġisku smajt it-talba tiegħek u tajtek li ridt hemm miktub fuq il-bieb tan-nofs tal-Porzjunkola.
L-irġiel kollha u n-nisa kollha huma aħwa – ix-xemx u l-qamar, il-ward u l-ilma, l-għasafar, il-lupu u l-ħlejjaq kollha għandhom l-istess Missier.
Jekk int tgħannaq miegħek is-salib, tkun qisek saħħar tar-ruħ li tibdel l-uġigħ fil-ferħ, il-morr fil-ħelu tal-ġisem u tar-ruħ. San Franġisk jibqa' juri li tibża' mill-mewt għax il-biża' u l-mewt huma frott tad-dnub imma jekk int marbut mar-rieda mqaddsa ta' Alla, l-istess mewt tqisha bħal oħtok u tifraħ taraha titbissimlek. Dan mhux kollu Ġenna?
Fi żmien San Franġisk, il-Porzjunkola kienet f''nofs masġar kbir fejn ma kien jgħix ħadd. Tliet snin wara l-konverżjoni tiegħu San Franġisk sab ruħu f'dan il-post li kien qed jaqa' biċċiet. Is-sidien tiegħu kienu l-patrijiet Benedittini ta' Monte Subasio. Billi kien ġa għamel xi tiswijiet b'idejh stess fil-knejjes ta' San Damjan u San Pietru issa kien imiss li jsewwi din il-knisja li kienet qed tiġġarraf – il-knisja ċkejkna tal-Porzjunkola ddedikata lil Santa Marija tal-Anġli fejn kien hemm meqjuma l-Omm ta' kull Tjubija.
It-telqa ta' dawn il-knejjes żgħar minsija minn kulħadd kienu juru wkoll li l-Knisja nfisha qed tiġġarraf. San Franġisk ma kienx jifhem li waqt li qiegħed jibni mill-ġdid dawn il-knejjes żgħar tal-ġebel kien qed iħejji ruħu biex iġedded lill-Knisja tal-bnedmin. Kien hawn fil-Porzjunkola li ġie msejjaħ għal din il-ħidma ġdida tiegħu. Hawn beda l-Ordni tal-Patrijiet Minuri għalkemm fil-bidu San Franġisk ma kellu ħsieb ta' ebda ordni reliġjuż. Ried li jkunu xirka ta' aħwa jfittxu l-poplu ta' Alla biex jersaq lura għand il-Mulej.
Mhux storja tal-imgħoddi
San Franġisk kellu jgħaddi minn dak li għadda qablu San Anton Abbati fit-tielet seklu. Waqt il-quddiesa sema' rakkont tal-Vanġelu fuq il-ħidma tat-tnax-il appostlu li Alla sejħilhom biex imorru mad-dinja kollha jxandru s-Saltna ta' Alla.
San Franġisk ma fehemx mill-ewwel dan ir-rakkont għalhekk talab lill-qassis biex ifissirhulu. Wara t-tifsira fehem sew x'għandha tkun il-ħidma tiegħu. Tajjar minn riġlejh iż-żarbun. Żamm libsa waħda. U beda jiġri jħabbar is-Saltna ta' Alla u l-ħajja ta' penitenza. Ftit ftit oħrajn ingħaqdu miegħu u bħat-tnax-il appostlu, bdew imorru minn post għall-ieħor jippriedkaw il-Vanġelu. Din il-ħajja ġdida kienet għajn ta' ferħ għal San Franġisk u sħabu għaliex ġraw ħafna ħwejjeġ f'ħajjithom għax kellhom il-kuraġġ biżżejjed biex jikkonvertu. Il-Porzjunkola kienet il-post fejn San Franġisk fehem li l-Vanġelu mhux kliem biss jew taħdit ta' tifsir imma ħajtu issa tfasslet fuqu kelma b'kelma. Fehem li dan ma kienx kliem ta' storja tal-imgħoddi imma kliem li ntqal sewwasew għalih.
Il-Porzjunkola
Fil-Porzjunkola San Franġisk libbes bil-faqar lil Santa Klara li tat bidu għal fergħa tan-nisa għall-Ordni tiegħu u li kellu jirfdu bit-talb tagħhom. Meta San Franġisk wasal qrib il-mewt talab li jeħduh lura fil-Porzjunkola.
Porzjunkola tfisser 'sehem żgħir' – qasma ta' art żgħira. San Franġisk qatt ma ried li tkun tal-patrijiet tiegħu – ried li tibqa' dejjem tal-patrijiet Benedittini u huma jkunu jistgħu jgħinu fiha. Hekk ladarba ma jkunux sidien tibqa' dejjem taħt is-sidien tassew. Hekk ħareġ il-ħsieb ġdid tax-xirka tiegħu li qatt ma jkunu sidien. L-istess kif jingħad fis-Salm 16 ;”Mulej inti s-sehem u l-kalċi tiegħi”, għax fir-Rabta l-Qadima – il-qassisin tat-tribù ta' Levi ma kienu ngħataw ebda art għax Alla biss hu l-art tagħhom.
Il-qrar ilu ġej mill-aħħar tas-seklu XIII. F'Lulju 1216, f'Perugia, San Franġisk ressaq talba quddiem il-Papa Onorju III, li kien għadu kemm ġie magħżul Papa. Talab lill-Papa biex jagħti Indulġenza Plenarja lil kull min iżur il-knisja ċkejkna tal-Porżjunkola, iqerr u jagħmel penitenza għal dnubietu.
L-insara tal-lum isaqsu din xi tfisser? Jew aħjar xi jfissru l-kundizzjonijiet marbutin mal-indulġenza li tagħmel penitenza u tqerr? Biex nifhmu dan irridu niftakru li f'dak iz-zmien barra li jisgħobbik minn dnubietek trid turi wkoll dan b'mod li jidher. Bidla ta' ħajtek u xi ħaġa oħra. Ma kinux biżżejjed il-kliem tal-assoluzzjoni. Kien hemm bżonn ukoll xi ħidma jew għemil biex turi dan. U din il-ħidma kienet tissejjaħ 'penitenza'.
Il-Penitenza
Fi żmien San Franġisk, flimkien mal-penitenza li l-Knisja kienet tagħti mal-maħfra tad-dnubiet, kienet drawwa mxerrda f'ħafna nħawi li jmorru pellegrinaġġ twil u iebes sa Santiago, Ruma u l-aktar Ġersualemm. It-triq iebsa, mimlija perikli, sa Ġerusalemm kienet twassal għal konversjoni ta' ħafna qaddisin. Bixra oħra ta' toqol fil-pellegrinaġġ lejn Ġerusalemm kienet li ħafna nies kienu jġorru magħhom ħwejjeġ prezzjużi u flejjes kbar biex jgħinu lill-Knisja żżomm dawn il-postijiet u l-Knisja tal-post. Kienet xi ħaġa magħrufa u mfittxija tant li ħadet ukoll bixra soċjali. Ħaġa li tistennieha.
Id-Dħul tal-Flus
San Franġisk talab li dan kollu seta' issa jinkiseb bi żjara mimilja talb fil-post qaddis tal-Porzjunkola. Ħsieb tassew ġdid għal kollox. Għalhekk wieħed jista' jifhem malajr għaliex il-Kardinali ħaduha qatta' bla ħabel kontra l-Papa meta sema' bit-talba ta' San Franġisk. Beżgħu li ser jispiċċa dak id-dħul ta' flus u ġid li bih kienu jżommu fuq riġlejhom lill-postijiet imqaddsa. Kien għal din ir-raġuni li mbagħad din l-indulġenza ġiet mogħtija għal jum wieħed biss fis-sena, nhar it-2 ta' Awwissu – festa ta' din il-knisja.
Hawn ta' min jistaqsi: kienet ħaġa sewwa li Papa b'ħeffa kbira jisma' din it-talba ta' San Franġisk? Jista' Papa jneħħi drawwa tal-Knisja hekk qadima ta' penitenza? M'hemmx x'tgħid. Le
San Franġisk u l-Foqra
Dak li bniedem iħoss il-bżonn tiegħu ġo fih ma jintemmx b'daqqa ta' pinna. San Franġisk mhux biss sar jaf lill-fqar imma sar jaf il-faqar magħhom. It-talba tiegħu kienet imqanqla mill-imħabba tiegħu għal dawk in-nies foqra li ma kellhomx flus jew saħħa biżżejjed biex jifilħu għal vjaġġ iebes bħal dak lejn l-Art Imqaddsa. Kienet talba għal dawk li kellhom il-but vojt jew saħħa dgħajfa imma kellhom twemmin kbir, talb ħerqan u rieda tal-azzar li jgħixu l-faqar tagħhom kif jitlob il-Vanġelu.
F'dan is-sens l-Indulġenza tal-Porzjunkola kienet il-penitenza għal dawk li kienu jsofru. Għal dawk li ħajjithom stess kienet mimja uġigħ u penitenza. Mela m'hemmx għalfejn ngħidu li kien hemm xi ħaġa tassew tar-ruħ f'dan il-ħsieb ġdid ta' penitenza li jintrabat mal-Indulġenza tal-Porzjunkola . U fl-istess ħin tiftiehem aħjar meta tqisha ġejja mill-għeruq ta-Vanġelu kif San Franġisk kien jgħixu. Ma nistgħux niċħdu wkoll li mal-Indulġenzi kienu ssawru abbużi kbar kif l-istorja għallmitna ħafna drabi.
Fl-aħħar mill-aħħar jekk aħna niftakru fil-ħmieġ u fl-abbużi biss inkunu qed nitilfu t-tifkira tal-ġid kbir li twettaq. Bħas-soltu dak li hu tajjeb, kbir u safi tbati aktar biex tarah milli kieku tara l-imgħawweġ u l-maħmuġ.
Issa mhux il-waqt li nfettqu fuq x'sar ħażin jew mgħaġġel wara l-indulġenza tal-Porzjunkola imma tajjeb li nsemmu grajjiet kbar.
Ġrajjiet kbar marbuta mal-Maħfra tal-Porzjunkola
Wara li ngħatat l-Indulġenza kien hemm qabża oħra. Dawk in-nies twajba mimlija fidi staqsew għaliex huma biss setgħu jiksbu l-maħfra għalihom biss? Jekk nistgħu naqsmu bejnietna l-ġid tad-dinja għaliex ma nistgħux naqsmu mal-oħrajn il-ġid tar-ruħ? Kienu qed jaħsbu fl-erwieħ imsejkna ta' qrabathom li mietu qabilhom jew li kienu qrib tagħhom. Kienu jafu bl-iżbalji li għamlu f'ħajjithom – bid-dgħufija ta' nieshom jew ta' dawk li għamlulhom xi deni. Għaliex ma setgħu jagħmlu xejn għalihom? Ma setgħux jagħtu xi għajnuna lil dawk li flok qegħdin fid-dar qegħdin fil-qabar, l-aktar dawk li baqagħlhom triq twila biex jissaffew?
Fiż-żminijiet kollha, il-bniedem fittex li jiftakar fil-mejtin b'ħafna għemil mhux bħal xulxin. Ifakkrek fil-qima lejn ta' qabilna matul l-istorja kollha tal-bniedem. It-twemmin nisrani ma warrabx din il-qima imma saffiha u għamilha qima kif għandha tkun. San Pawl qal:”Jekk ngħixu, ngħixu għall-Mulej; jekk immutu ejjew immutu għall-Muej – kemm jekk ngħixu u kemm jekk immutu aħna tal-Mulej” (Rom 14:18)
Mela dak li jwaqqafna mhux aktar il-mewt imma jekk aħna jew aħniex mal-Mulej. Jekk naqsmu l-ħajja miegħu mela aħna ngħixu flimkien, bih u miegħu. Mela fl-aħħar mill-aħħar qegħdin ngħidu li hemm imħabba li ma tiqafx mal-lewt. Lil dawk li staqsew jekk jistgħux jaqsmu l-ġid tar-ruħ mal-mejtin tagħhom it-tweġiba bla tlaqliq hija iva nistgħu – bis-saħħa tat-talb tagħna bħala suffraġju għal ruħhom.
It-talb għall-mejtin li kien dejjem fil-ħajja tal-Knisja tkabbar u żdied. Il-wegħda tal-maħfra tal-Indulġenza kienet stedina kbira għat-talb. U dan ma jwassal la għall-abbużi anqas għat-taħwid tal-moħħ. Hawn irrid inżid li wara xi żmien, l-Indulġenza li kienet tingħata biss għal min iżur il-Porzjunkola ngħatat ukoll l-ewwel għal min iżur xi knisja tal-Patrijiet Franġiskani u mbagħad għall-parroċċi nhar it-2 ta' Awwissu.
I-Papa Emeritu Benedittu XVI jgħid: “Niftakar f'żgħożiti li l-jum tal-maħfra ta' Assisi Kien jum ta' ġabra kbira tar-ruħ – jumli fih nersqu għas-sagrament fi klima ta' daħla fina nfusna. Kien jum ta' talb. Fil-misraħ tal-parroċċa tagħna kien ikun hemm skiet taqtgħu b'sikkina. Mewġa wara oħra ta' nies deħlin u ħerpin fil-knisja. Wieħed kien iħoss li l-Kristjaneżmu huwa grazzja u li din il-grazzja tidher fit-talb”.
Ix-Xirka tal-Qaddisin – l-Individwaliżmu ta' żmienna
Biż-żmien żdiedet xi ħaġa oħra. Xi ħaġa oħra barra minn lokha imma li fiha hemm verità kbira. L-istess kif l-indulġenza kienet tfisser li tgħin lill-oħrajn, hemm tagħrif ieħor teoloġiku f'waqtu. It-talb lejn is-sema jgħaqqadna max-Xirka tal-Qaddisin – naqsmu magħhom ukoll. Xi jfisser dan? Negozju reliġjuż. Jiftiehem hekk jekk ninsew – it-teżor tal-Knisja – il ħidma u l-mewt miġburin fil-ħajja tal-qaddisin.
X'qed ngħid? Li mhux kulħadd jitħallas ta' għemilu? X'jiswielek il-ħidma ta' ħaddieħor? Nistaqsu hekk għax għalkemm hemm ħafna ideali soċjali li bihom nimtlew, nissuktaw ngħixu f'indivildwaliżmu li jwaħħax taż-żminijiet moderni.
Fil-ħażen u fit-tajjeb
Fis-sewwa iżda ħadd ma jgħix għalih biss. Wieħed jgħix mal-ieħor u fuq l-ieħor mhux biss fi ħwejjeġ materjali imma wkoll fi ħwejjeġ spiritwali, kulturali u morali. Ħa nġibu eżempju ta' dan mil-lat negattiv. Hemm nies li mhux biss ikissru lilhom infushom imma jkissru oħrajn ukoll u jwasslu għat-tkissir ta' popli sħaħ. Kollox negattiv. Għandna ħafna eżempji ta' dan mill-istorja ta' żminijietna biex nifhmu kemm dan hu tassew.
Imma niżżu ħajr lil Alla hemm nies tajba wkoll li jħallu lill-oħrajn ħafna faraġ, ferħ, hena tjubija, sinċerità li jiġbduhom għall-verità u għat-tajjeb. Tittieħed u tiimxi minn wieħed għall-ieħor u wieħed jidħol flok l-ieħor. Il-misteru kollu ta' Kristu jinsab f'dan kollu. L-imħabba kbira ta' Kristu hi biżżejjed. M'hemmx bżonn inżidu ċ-ċokon tal-imħabba tagħna magħha għax ma jonqosha xejn. Din hija verità, imma mhux il-verità kollha. Tant hu hekk li l-kobor tal-imħabba ta' Alla ma tħalliniex nirċievu biss imma tridna nidħlu b'ruħna u ġisimna fil-ħidma tiegħu u fil-passjoni tiegħu sal-aħħar. Kif jgħid San Pawl:”Inkompli fija dak li jonqos fit-tbatija ta' Kristu għall-ġisem tiegħu, il-Knisja” (Col 1:24).
Nixtieq insemmi pass ieħor minn San Ġwann fejn jitkellem fuq l-għarusa l-Knisja li tfisser l-umanità kollha. Waqt li l-Babilonja l-mara l-ħażina tilbes il-ġawhar u d-dehbijiet, l-għarusa tilbes għażel pur li hu għani bla qies: “l-għażel tagħha minsuġ mill-għemejjel tajba tal-qaddisin” (Rev. 19:8).
Mela t-tajjeb huwa tiegħek. Kollox ta' kulħadd. Ħadd mhu sid biss tal-għemil tajjeb tiegħu. Kollox ġej minn Kristu għax aħna tiegħu. Kull ma hu tagħna hu tiegħu u jiżdied b'qawwa li tifdi. Dan huwa t-tifsir ta' meta ngħidu - “teżor tal-Knisja” jew “merti tal-qaddisin”.
Titlob din l-indulġenza jfisser tidħol f'din il-komunjoni ta' ġid spiritwali u tqiegħed ruħek biex tagħti lil kulħadd.
Dan hu t-taqlib ġdid li ġabet l-Indulġenza tal-Porzjunkola. Anki spiritwalment ħadd ma jgħix għalih biss. Għalhekk l-indulġenza u l-Porzjunkola fejn bdiet mhix ħaġa oħra ħlief stedina u responsabiltà li tqiegħed is-salvazzjoni tal-oħrajn qabel is-salvazzjoni tiegħek u hawn issib lilek innifsek.
Mela dan ifisser li minn issa ' quddiem ma nsaqsix “Jien ser insalva?” imma nsaqsi: “Xi jrid Alla minni biex oħrajn insalvaw?”
L-Indulġenza terġa' tressaqna lejn ix-xirka tal-qaddisin lejn il-misteru li timxi minn wieħed għall-ieħor din is-salvazzjoni, lejn it-talb li bih insiru ħaġa waħda ma' Kristu u mar-rieda tiegħu. Jistedinna biex flimkien ninsġu l-libsa nadifa tal-għażel tal-umanità ġdida fejn is-sempliċità hija sbuħija fiha nnifisha.
Il-bażi ta' kollox qiegħed hawn. L-Indulġenza hi ħaġa żgħira kif żgħira hi l-Knisja tal-Porzjunkola. L-istess kif trid tgħaddi minn bażilka enormi, aktarx kiesħa, wiesgħa immens biex issib din il-knisja ċkejkna fin-nofs tagħha. Issib knisja ċkejkna li tmiss qalbek, hekk ukoll wieħed irid jaqsam u jgħaddi mill-istorja kbira mgerfxa u mħawda tad-dinja u ta' skejjel tat-teoloġija biex jasal għal dak li hu tassew sempliċi: talba li biha nitilqu lilna nfusna fix-xirka tal-qaddisin, biex flimkien magħhom naħdmu għar-rebħa tat-tajjeb fuq il-qawwa tal-ħażen li tidher ma jista' jirbħilha ħadd b'moħħna mistrieħ li fl-aħħar mill-aħħar kollox grazzja.