Ittra Pastorali għar-Randan 2019
‘Tibżgħux tieħdu lil Marija għandkom’
Is-Sibt 9 ta’ Marzu 2019
Aħna nies li nħobbu d-dar. Dan bir-raġun, għax bejn dawk
l-erba’ ħitan tad-djar tagħna jintisġu stejjer meraviljużi: stejjer ta’ familji
li fihom l-għaxqa, stejjer ta’ ġenerożità kbira; stejjer li ma jitwemmnux meta
tara ġenituri ssagrifikati għal uliedhom, speċjalment fejn ikun hemm xi wild bi
ħtiġijiet speċjali; stejjer erojċi, bħal fejn hemm mard serju.
Imma mbagħad hemm djar fejn jinkitbu stejjer li tkun tixtieq li qatt ma seħħew,
bħal fil-każ ta’ ġenituri minsija minn uliedhom; bħal fejn hemm ġrieħi miftuħa
minħabba l-vjolenza domestika u l-abbuż; jew bħal fejn hemm it-tbatija li jġibu
magħhom żwiġijiet imkissra. Hemm min saħansitra kellu jibdel daru għax ma setax
jissaporti z-zekzik tal-ġirien. Hemm djar milquta sew mill-faqar. Hemm djar fejn
rifset il-mewt u ħasdet ħajja li kienet għadha qed tiftaħ bħal warda.
F’ċirkustanzi bħal dawn aħna ntennulkom dak li San Pietru qal lill-magħtub li
kien ħdejn il-bieb tat-Tempju: “Fl-isem ta’ Ġesù Kristu ta’ Nazaret, imxi!”
(Atti 3:6). Meta nistiednu lil Ġesù jidħol fid-dar tagħna, il-preżenza tiegħu
tagħmel il-mirakli. Hekk ġara meta Ġajru sejjaħ lil Ġesù fid-dar tiegħu għax
bintu kienet marida serjament.
Ma narawhiex bi kbira li fostna jkun hemm min jaħseb li mhux den biżżejjed li
Ġesù jidħol fid-dar tiegħu. Hemm min jaħseb li meta Ġesù jgħaddi mit-triq
tagħna, jaqbiżna u jibqa’ għaddej! Imma l-ġrajja ta’ Żakkew mhux biss turina li
Ġesù jidħol ukoll fid-dar ta’ midneb pubbliku mistkerrah minn kulħadd, imma li
saħansitra Ġesù stess jistieden lilu nnifsu biex imur għandu. Ġesù ma jidħolx
fid-dar għax ikun hemm l-ordni, imma jkun hemm l-ordni fid-dar wara li jidħol
Ġesù! Kristu miet għalina meta aħna konna għadna midinbin (ara Rum 5:8). U kif
jgħidilna San Ġwann, “aħna nħobbu, għax hu ħabbna l-ewwel” (1 Ġw 4:19). Dwar
dan, Santu Wistin jikkummenta li Kristu, li huwa l-isbaħ fost ulied il-bnedmin,
miet għalina li konna koroh u mħawdin.
L-għarajjes ta’ Kana
Lil dawk li jsibuha ftit bi tqila jilqgħu lil Ġesù d-dar tagħhom, b’umiltà u
mħabba nagħtuhom parir biex jagħmlu bħall-għarajjes ta’ Kana: ma jibżgħux jieħdu
għandhom lil Marija. Għax Marija tiġbed lil Ġesù warajha. Hija tgħinna nduqu
t-tjubija tal-imħabba li Ġesù għandu lejn kulħadd, imma b’mod partikulari lejn
dawk li ħabta u sabta jaraw id-dar tagħhom ‘nieżla’.
Dak li kien ser jiġri f’Kana għax naqashom l-inbid, fid-djar tagħna jista’ jiġri
meta tfaqqa’ xi kriżi serja, bħal meta l-aħwa jiksruha ma’ xulxin, meta ġenitur
isib ruħu bla xogħol, meta xi ħadd fil-familja jiċċappas bid-droga, meta
tixxellef il-fedeltà fiż-żwieġ, meta l-futur tal-familja jiċċajpar, meta jibdew
jitmermru l-prattiċi reliġjużi u jċedu s-sisien tal-fidi, u sfidi oħra.
Is-serenità fid-djar tagħna tittiefes ukoll jekk fis-soċjetà ta’ madwarna jkun
hemm sitwazzjonijiet li jħassbuna, bħalma huwa t-tnaqqir tal-fiduċja
fl-istituzzjonijiet, in-nuqqas ta’ rispett lejn il-ħajja tal-bniedem sa
mill-bidu nett tagħha fil-ġuf, il-faqar, il-qerda tal-ambjent, il-korruzzjoni, u
ħwejjeġ oħra.
Għalina li nemmnu, ma jistax jonqos li dawk l-affarijiet negattivi fil-Knisja,
bħalma huma l-għeluq, ir-reżistenzi għat-tiġdid indikat mill-Papa Franġisku, u
l-eżempji ħżiena, ikollhom eku fid-djar tagħna.
Il-mumenti ta’ prova
F’mumenti inkwetanti bħal dawn għandna bżonn nisimgħu lil Ġesù msallab itennilna
l-istedina li għamel lil Ġwanni filwaqt li wrieh lil Marija: “Hawn hi Ommok”, u
bħal Ġwanni nieħdu lil Marija d-dar tagħna. Min-naħa tagħha, Marija toffrilna
t-tweġiba għax tindikalna lil Ġesù u tgħidilna: “Agħmlu kulma jgħidilkom hu” (Ġw
2:5). Kif josserva l-Papa Franġisku, li aħna nilqgħu lil Marija f’darna huwa
t-testment ta’ Ġesù.
Fid-dar ta’ Nazaret mhux biss kien hemm mumenti fejn Marija u Ġużeppi ma fehmux
lil xulxin mill-ewwel, imma wkoll nuqqas ta’ qbil bejn il-ġenituri u binhom bħal
meta ntilef f’Ġerusalemm. Għalhekk, Marija tifhem lil dawk il-familji fejn hemm
it-tensjonijiet bejn il-koppja jew bejn il-ġenituri u l-ulied.
Id-dar ta’ Nazaret taf xi tfisser kriżi ta’ fidi, għax kemm Marija u kemm
Ġużeppi jitħawdu quddiem dak li Alla jitlob minnhom. Għaldaqstant, Marija
għandha postha anki fid-djar ta’ dawk li għaddejjin mil-lejl mudlam tal-fidi u
qed jissaraw ma’ Alla.
Meta Marija għaddiet tliet xhur fid-dar ta’ Eliżabetta, min jaf kemm semgħet
rakkonti ta’ din il-koppja anzjana li għaddiet ħajjitha fl-għajb tan-nies għax
ma kellhiex tfal. Marija għalhekk tifhem lil dawk il-koppji li għandhom
diffikultà biex jibdew jibnu l-familja.
Fil-ħemda ta’ darha Marija tgħallmet xi prezz għoli switilha l-maternità tagħha,
bħal meta kien jaslilha li n-nies kienu jgħajru lil binha Ġesù li huwa “wikkiel,
sakranazz, ħabib tal-pubblikani u l-midinbin” (Mt 11:19), jew meta semgħet
lill-qraba jgħidu li Ġesù kien “tilef moħħu” (Mk 3:21). Fid-dawl ta’ din
l-esperjenza, Marija tifhem lil dawk il-ġenituri li wliedhom huma kkalunnjati u
mgħajra, u hija solidali ma’ dawk il-familji fejn hemm il-mard jew l-għeja
mentali.
Marija, li sieħbet lil Binha fit-triq tal-Kalvarju, kienet taf bit-tradiment ta’
Ġuda, biċ-ċaħdiet ta’ Pietru, bl-abbandun tad-dixxipli. Għalhekk hija tifhem lil
dawk il-koppji u familji mkissra b’xi tradiment.
Marija, li baqgħet wieqfa ħdejn is-salib, hija qrib il-familji msallbin.
Marija, li wara l-mewt ta’ Ġesù kienet miġbura mal-Appostli magħluqa
fiċ-Ċenaklu, illum tassisti lil dawk li għal xi raġuni jew oħra jinsabu magħluqa
f’darhom u ma għandhomx il-ħila joħorġu u jittamaw.
Il-Madonna Ta’ Pinu
Nhar l-Erbgħa bdejna r-Randan, żmien li matulu, bis-smigħ tal-Kelma ta’ Alla,
it-talb, il-penitenza u l-karità, aħna nitħejjew għall-Għid il-Kbir. Kif
dakinhar li Ġesù qam mill-mewt huwa mar fid-dar jiltaqa’ mad-dixxipli li kienu
flimkien imbeżżgħa mil-Lhud u bil-bibien magħluqa, hekk hija xewqa kbira tagħna
li f’dan l-Għid il-Kbir Ġesù jiġi joqgħod magħna fid-djar tagħna. Imma kif
dakinhar fid-dar tad-dixxipli kien hemm Marija, hekk ukoll illum ejjew ma
nibżgħux nieħdu lil Marija għandna, biex hi tgħinna nitħejjew għal din iż-żjara
ta’ Kristu Rxoxt.
Ħassejna li għandna nqiegħdu quddiemkom lil Marija għaliex din is-sena qegħdin
infakkru l-400 anniversarju tal-kwadru tal-Madonna Ta’ Pinu li minnu fl-1883 hi
sejħet lil Karmni Grima u Franġisk Portelli. Dakinhar il-Madonna qalet lil
Karmni biex tgħid tliet Ave Marijiet f’ġieħ it-tlett ijiem li ġisimha dam
fil-qabar qabel ma ġiet imtellgħa s-Sema bir-ruħ u l-ġisem. Fi kliem ieħor,
fil-ġrajja tas-Santwarju Nazzjonali ta’ Pinu għandna rabta bejn l-Għid ta’
Kristu u l-Għid ta’ Marija. Li kieku dan il-kwadru kellu jitkellem, min jaf kemm
jirrakkontalna esperjenzi sbieħ tal-Għid li seħħew bejn il-ħitan ta’ ħafna
mid-djar tagħna! Napprezzaw li f’ħafna mid-djar tagħna hemm xbieha
tal-Madonna Ta’ Pinu, għax fejn hemm Marija jkun hemm Ġesù. U fejn hemm Ġesù
hemm il-ħajja li tegħleb il-mewt, il-grazzja li teħles mid-dnub, it-tama li
terfa’ min-niket, il-maħfra li tinfaxxa l-miksur, il-ferħ li jkeċċi d-dwejjaq,
is-sliem li jtemm kull ġlied. Meta niftakru li r-Rużarju huwa talba għal qalb
Marija u b’riflessjonijiet dwar Ġesù, nistiednu lill-familji tagħna biex jgħidu
spiss din it-talba sabiħa.
Nagħtukom il-barka pastorali tagħna.
+ Charles J. Scicluna,
Arċisqof ta’ Malta
+ Mario Grech, Isqof ta’ Għawdex
+ Joseph Galea-Curmi, Isqof Awżiljarju ta’ Malta