Laikos

 

           

INTRODUZZJONI

It-tema

Is-sena pastorali 2022-2023 hija stedina miftuħa biex kulħadd jisma’ u jilqa’ l-Kelma ta’ Alla hekk li jirċievi minnha l-ħajja, il-fejqan u l-ħeġġa (ara l-Ittra Pastorali tal-Isqof Anton Teuma li biha tnieda l-pjan pastorali).

 

Il-Kelma ta’ Alla – li tinsab fl-Iskrittura kif ukoll fil-ġrajjiet tal-ħolqien, tal-fidwa u tal-ħajja ta’ kuljum – hija fuq kollox l-istess Iben ta’ Alla (Ġw 1), it-tieni persuna tat-Trinità, li fil-milja taż-żminijiet “niżel mis-smewwiet għalina l-bnedmin u għall-fidwa tagħna, u ħa l-ġisem bis-setgħa tal-Ispirtu s-Santu, twieled minn Marija Verġni u sar bniedem” (Ġw 1:14). Kif Marija Verġni, bis-setgħa tal-Ispirtu s-Santu, issir omm il-Kelma li tlaħħmet, hekk ukoll id-dixxipli li “jisimgħu l-kelma ta’ Alla u jagħmlu li jgħid Hu” huma wkoll bis-setgħa tal-Ispirtu s-Santu jsiru “omm” ta’ Ġesù li jġibuh fid-dinja (Lq 8:21).

 

Il-mixja

Matul din in-Novena, waqt li ssir il-mixja mal-Vanġeli tal-ġurnata, kull jum se jiġi mfittex b’liema mod il-bniedem jista’ jisma’ l-Kelma ta’ Alla:

̶            Fl-ewwel tlitt ijiem, l-attenzjoni se tkun aktar fuq x’għamel u x’jagħmel Alla nnifsu biex jitkellem mal-bnedmin u hekk jidħol f’relazzjoni magħna.

̶            Fis-sitt ijiem ta’ wara, imbagħad, ir-riflessjonijiet se jduru ma’ dak li jistgħu jagħmlu l-bnedmin biex jisimgħu lil Alla jkellimhom, jidħlu f’relazzjoni miegħu u jagħmlu li jgħid hu. Prattikament, dawn huma l-passi tal-lectio divina.

 

Il-mixja, għalhekk, tikkonsisti f’dawn id-disa’ passi:

1.    Alla ħalaqna għad-djalogu miegħu

2.    Alla jkellimna permezz ta’ messaġġiera

3.    Alla jkellimna permezz tal-Iskrittura

4.    Is-skiet biex nisimgħu lil Alla jkellimna

5.    Il-mistoqsijiet biex nifhmu l-Kelma ta’ Alla

6.    Il-meditazzjoni fuq il-Kelma ta’ Alla

7.    Il-faraġ tal-Kelma ta’ Alla

8.    It-talb u l-qsim tal-Kelma ta’ Alla

9.    It-twettieq tal-Kelma ta’ Alla

 

Is-sussidju

Għal kull ġurnata, dan is-sussidju joffri tliet affarijiet:

̶            Għażla ta’ vers ewlieni mil-Liturġija tal-Kelma ta’ dik il-ġurnata: fil-kuntest tas-silta sħiħa, dak il-vers jindika t-tema partikulari tal-ġurnata.

̶            Żvilupp tat-tema ta’ dik il-ġurnata, b’riferiment għall-Vanġelu tal-ġurnata u għal siltiet oħra mill-Iskrittura; f’din is-sezzjoni hemm ukoll xi ftit ideat ta’ kif jista’ jinbena djalogu mat-tfal fuq dak li jkun qed jingħad, bla ma jintesew l-adulti.

̶            Xi materjal ieħor li jservi ta’ sfond għall-predikaturi fil-preparazzjoni tagħhom.
 

L-ewwel jum

Il-Ħamis 15 ta’ Diċembru

 

ALLA ĦALAQNA GĦAD-DJALOGU MIEGĦU

 

IL-LITURĠIJA TAL-KELMA

 

Il-Qari u l-Evanġelju

Iż 54:1-10 Bħal mara mitluqa sejjaħlek il-Mulej.

Lq 7:24-30 Ġwanni hu l-messaġġier li jħejji triq il-Mulej.

 

Vers ewlieni

Lq 7:27 Dan hu li fuqu hemm miktub: “Ara, jiena nibgħat qablek il-messaġġier tiegħi biex iħejjilek it-triq quddiemek.”

 

SUĠĠERIMENTI GĦALL-OMELIJA

 

Ħsieb

Jixraq li f’dan l-ewwel jum jingħad dak li se tkun il-mixja tan-Novena, kif imfisser fl-introduzzjoni ta’ dan is-sussidju.

Għal bosta drabi, matul l-Avvent nisimgħu dwar Ġwanni l-Battista. Anki f’din in-Novena stess sejrin niltaqgħu ma’ ismu u mal-missjoni tiegħu. Il-missjoni ta’ Ġwanni l-Battista, kif jgħid Ġesù fil-Vanġelu tal-lum (u kif kien qal l-Arkanġlu Gabrijel lil missieru Żakkarija meta ħabbarlu twelidu) hija li jħejji t-triq quddiem il-Mulej. Biex jiġi jiltaqa’ mal-bnedmin fil-milja taż-żminijiet, Alla ħa ħsieb iħejji t-triq – u dan għamlu b’mod partikulari permezz ta’ Ġwanni l-Battista. Ħejja t-triq ukoll permezz tal-profeti l-oħra kollha, u permezz tal-istorja kollha ta’ salvazzjoni li hu fassal u wettaq mal-poplu Lhudi, ibda mill-patrijarki.

 

Imma mhux biss. Hu ħejja t-triq biex jiltaqa’ magħna sa mill-ħolqien tagħna! Aħna ġejna maħluqin biex nagħrfu, inħobbu u naqdu lil Alla f’din id-dinja, u ngawduh fil-ħajja ta’ dejjem. Jiġifieri, aħna maħluqin biex ikollna relazzjoni ma’ Alla, biex nikkomunikaw ma’ Alla: aħna jista’ jkollna kuntatt ma’ Alla, nistgħu nisimgħuh. Il-qalb tagħna hi maħluqa wiesgħa biżżejjed biex tesa’ lil Alla. Il-qalb tagħna hija maħluqa bi “triq imħejjija”, fiha hemm bħal runway biex il-Kelma tkun tista’ tinżel. Hija bħal għalqa biex il-Kelma tkun tista’ tinżera’ fiha u tagħti l-frott. Fi ftit kliem, qalbna hi kompatibbli mal-Kelma ta’ Alla.

 

Meta nisimgħu l-Kelma ta’ Alla, aħna ma nħossuhiex bħala xi ħaġa barranija, imma bħala xi ħaġa li taqbel sew magħna. Ix-xewqat ta’ Alla, għalkemm fil-bidu jinstemgħu strambi għal widnejna, imma jaqblu max-xewqat tagħna. Tant hu hekk li kultant jiġri li “l-Kelma tolqotna,” jew ngħidu “dik il-prietka kienet għalija.” Aktar milli nisimgħu leħen Alla daqslikieku qatt ma smajnieh qabel, donnu aħna nagħrfuh bħalma nagħrfu ħoss ta’ xi ħadd li nafuh, bħalma nagħrfu l-passi ta’ xi ħadd li joqgħod magħna d-dar.

 

 

Suġġerimenti għal djalogu mat-tfal

Xi jfisser “kompatibbli”?

̶            Bħal meta ssiefer u l-plakki ma jaqblux mas-sockets, mentri Malta huma kompatibbli, jaqblu. Jew bħal device li fih il-bluetooth u allura hu kompatibbli, jista’ jiġi connected ma’ devices oħra li fihom il-bluetooth.

̶            Fil-każ tal-kliem: Meta jkun hemm sign jew instructions biċ-Ċiniż, jien ma nifhimhomx, għax il-lingwa tiegħi ma taqbilx ma’ dik il-lingwa. Imma meta jkellimna Alla, jien nista’ nifhmu, għax għandna l-istess lingwa, naqblu, aħna kompatibbli.

 

Kif nafu li l-qalb li hi “maħluqa għal Alla”?

̶            Ikollna kemm ikollna affarijiet, xorta dejjem nibqgħu rridu xi ħaġa oħra. Donnu ebda ħaġa ma tagħmilna mija fil-mija kuntenti.

̶            Il-qaddisin, imma, li ma kellhomx kollox imma kienu ħbieb ta’ Alla, kienu jgħidu li din il-ħbiberija ma’ Alla hija biżżejjed, timla l-qalb tagħhom sa fuq nett, anzi tfur.

 

Tajjeb. In-nies jistgħu jisimgħu l-Kelma ta’ Alla. It-tfal ukoll?

̶            Mingħajr dubju! Fil-Bibbja niltaqgħu, per eżempju, mal-istorja ta’ Samwel: tifel li jisma’ lil Alla jkellmu għax il-qalb tiegħu kellha triq imħejjija biex tinżel fiha l-Kelma ta’ Alla. Hemm ukoll ħafna qaddisin tfal, li semgħu l-Kelma ta’ Alla.

̶            Anki intom stess, żgur li diġà ħassejtu lil Alla qrib tagħkom, bħal smajtuh ikellimkom – mhux b’widnejkom, imma b’qalbkom. Meta rċivejtu l-Magħmudija, aħna tlabna għalikom biex ma ddumux ma tkunu tistgħu tisimgħu l-Kelma ta’ Alla, u naħseb li din it-talba Alla semagħha.

 

SFOND GĦALL-PREDIKATURI

 

Mill-Katekiżmu tal-Knisja Kattolika

27 Ix-xewqa ta’ Alla hi mnaqqxa f’qalb il-bniedem, għax il-bniedem inħalaq minn Alla u għal Alla; Alla ma jieqaf qatt jiġbed il-bniedem lejh, u f’Alla biss il-bniedem isib il-verità u l-hena li qatt ma jieqaf ifittex: “L-ogħla aspett tad-dinjità tal-bniedem hi s-sejħa tal-bniedem għal xirka ma’ Alla. L-istedina ta’ Alla lill-bniedem biex jitkellem miegħu tibda mal-ħolqien tal-bniedem, għaliex il-bniedem jeżisti għax Alla ħalqu b’imħabba u, għax iħobbu, ma jieqaf qatt iżommu ħaj; u l-bniedem ma jgħixx ħajja sħiħa skont il-verità jekk, minn rajh, b’mod ħieles, ma jagħrafx din l-imħabba u jintelaq kollu kemm hu f’idejn min ħalqu.” (GS 19)
 

It-tieni jum

Il-Ġimgħa 16 ta’ Diċembru

 

ALLA JKELLIMNA PERMEZZ TA’ MESSAĠĠIERA

 

IL-LITURĠIJA TAL-KELMA

 

Il-Qari u l-Evanġelju

Iż 56:1-3a.6-8 Dari ‘dar it-talb’ tissejjaħ għall-popli kollha.

Ġw 5:33-36 Ġwanni kien musbieħ jixgħel u jiddi.

 

Vers ewlieni

Ġw 5:35 Għax dak kien musbieħ jixgħel u jiddi, u intom, għal ftit, ridtu tifirħu bid-dawl tiegħu.

 

SUĠĠERIMENTI GĦALL-OMELIJA

 

Ħsieb

Mill-ġdid illum smajna lil Ġesù jitkellem dwar Ġwanni l-Battista. Illum qalilna li Ġwanni kien musbieħ jixgħel, raġel li ta xhieda għal Ġesù, tkellem dwar Ġesù u wera lil Ġesù. Ġwanni kien wieħed minn ħafna messaġġiera li permezz tagħhom Alla kellem lill-bnedmin.

 

Fil-ktieb tal-Eżodu nsibu li meta Alla prova jitkellem direttament mal-poplu tiegħu, il-poplu beża’ ħafna u pprefera li flok Alla direttament ikellmuh il-messaġġiera tiegħu (Eż 20:18-19) – il-bnedmin, maħluqin biex jippassiġġaw ma’ Alla fil-Ġnien tal-Għeden, kienu qed iġarrabu l-effetti tad-dnub (Ġen 3:9-10). Għalhekk “Alla fl-imgħoddi kellem lil missirijietna ħafna drabi u b’ħafna manjieri permezz tal-profeti” (Lhud 1:1). Dawn il-messaġġiera huma kultant bnedmin oħra, u – bħalma se naraw sikwit fir-rakkonti tal-jiem li ġejjin – kultant ikunu anġli (kelma li tfisser messaġġiera).

 

Fil-quċċata tal-ħidma tiegħu biex isalvana, Alla kellimna permezz ta’ Ibnu stess, li sar bniedem u għammar fostna (Ġw 1:14). Madanakollu, wara li temm il-missjoni tiegħu fid-dinja u tela’ s-sema, anki Ġesù xtaq jibagħat messaġġiera oħra biex ikunu huma – u mhux aktar hu direttament – li bis-setgħa tal-Ispirtu s-Santu jxerrdu ma’ kullimkien l-Aħbar it-tajba: “Morru fid-dinja kollha, xandru l-Evanġelju lill-ħolqien kollu” (Mk 16:15). Kienet xewqa ta’ Ġesù li jsieħeb fil-missjoni tiegħu l-komunità tal-Insara, il-Knisja. Hekk, min-naħa, kull nisrani huwa messaġġier tal-Kelma ta’ Alla; min-naħa l-oħra, kull nisrani sema’ l-Kelma ta’ Alla għax waslitlu permezz ta’ messaġġiera (Rum 10:14-15).

         

Jekk fl-ewwel jum semmejna kif Alla ħalaqna biex nisimgħuh, illum jeħtieġ ngħidu li l-mod normali kif Alla jkellimna huwa permezz tal-messaġġiera: nies bħalna – bħalma kien Ġwanni l-Battista – li bil-lingwaġġ tagħna jgħaddulna l-kliem ta’ Alla.

 

Minbarra l-persuni, fost il-“ħafna manjieri” li bihom jitkellem, Alla jista’ jinqeda wkoll “bl-għemejjel” (li jissemmew fil-Vanġelu tal-lum). Fi kliem ieħor, jista’ jinqeda anki bil-ġrajjiet li jiġru madwarna biex iwasslilna Kelma li tista’ ssalvana.

 

Suġġerimenti għal djalogu mat-tfal

Min huma dawk li wasslulna l-Kelma ta’ Alla?

̶            Huma qabelxejn il-ġenituri tagħna, il-parrini tal-Magħmudija u tal-Griżma tal-Isqof, in-nanniet, il-katekisti u s-saċerdoti.

̶            Huma wkoll il-qaddisin, li bl-eżempji tagħhom u bil-kliem tagħhom iwasslulna l-kliem ta’ Alla.

 

SFOND GĦALL-PREDIKATURI

 

Mill-Katekiżmu tal-Knisja Kattolika

75 “Il-Mulej Ġesù, li fih ir-Rivelazzjoni kollha ta’ Alla l-Għoli laħqet il-qofol tagħha, meta temmha hu stess u ħabbar b’fommu l-Evanġelju, imwiegħed qabel mill-profeti, ikkmanda lill-Appostli tiegħu biex iħabbruh lil kulħadd bħala l-għajn tal-verità kollha tas-salvazzjoni u bħala regola sħiħa ta’ mġiba tajba, huma u jqassmu d-doni ta’ Alla” (DV 7).

 

79 B’hekk ir-Rivelazzjoni li l-Missier għamel tiegħu nnifsu bil-Verb tiegħu fl-Ispirtu s-Santu tibqa’ fil-Knisja u tibqa’ taħdem fiha: “Alla, li tkellem fl-imgħoddi, ma jieqaf qatt jitkellem mal-Għarusa ta’ Ibnu l-għażiż, u l-Ispirtu s-Santu, li bih il-Kelma ħajja tal-Evanġelju tidwi fil-Knisja, u biha fid-dinja kollha, iwassal lil dawk kollha li jemmnu għall-Verità sħiħa u jagħmel li l-Kelma ta’ Kristu tgħammar kotrana fihom” (DV 8).
 

It-tielet jum

Is-Sibt 17 ta’ Diċembru

 

ALLA JKELLIMNA PERMEZZ TAL-ISKRITTURA

 

IL-LITURĠIJA TAL-KELMA

 

Il-Qari u l-Evanġelju tal-ġurnata

Ġen 49:2.8-10 Ix-xettru minn id Ġuda ma jitneħħiex.

*Rum 1:1-7 Ġesù Kristu, min-nisel ta’ David, u Iben ta’ Alla. Jew Rum 16:25-27 Il-misteru li kien moħbi fis-skiet tal-eternità issa ġie rrivelat.

Mt 1:1-17 Ktieb in-nisel ta’ Ġesù Kristu, bin David.

 

*Meta l-quddiesa tan-Novena tiġi ċċelebrata filgħaxija, jekk l-istess ġemgħa li tieħu sehem fil-quddiesa tas-Sibt filgħaxija se terġa’ tieħu sehem l-għada fil-quddiesa tal-Ħadd, jista’ jinqara l-Qari tal-Ferja Privileġġjata (17 ta’ Diċembru) biż-żieda tat-tieni qari tar-Raba’ Ħadd tal-Avvent (Sena A jew Sena B).

 

Vers ewlieni

Mt 1:1 Ktieb in-nisel ta’ Ġesù Kristu, bin David, bin Abraham.

 

Il-Qari u l-Evanġelju tal-Ħadd

Is 7:10-14 Arawha, ix-xebba ssir omm.

Rum 1:1-7 Ġesù Kristu, min-nisel ta’ David, u Iben ta’ Alla.

Mt 1:18-24 Ġesù jitwieled minn Marija l-għarusa ta’ Ġużeppi, bin David.

 

Vers ewlieni

Mt 1:22 Dan kollu ġara biex iseħħ dak li kien qal il-Mulej permezz tal-profeta.

 

SUĠĠERIMENTI GĦALL-OMELIJA

 

Ħsieb

Ir-rakkont tat-twelid ta’ Ġesù fid-dinja għandhom fl-isfond tagħhom dak li kien ġie mħejji u mħabbar fl-Iskrittura Lhudija, dik li aħna l-Insara nsejħulha t-Testment il-Qadim.

 

Fil-Vanġelu tal-lum, smajna kif Mattew jgħid ċar u tond li Ġesù ma ġiex mix-xejn, imma hu kien “bin David, bin Abraham” (Mt 1:1) u tana l-ismijiet ta’ ħafna nies li l-istorja tagħhom tinsab fil-Bibbja.

 

Fil-Vanġelu tal-lum, smajna lill-anġlu jsejjaħ lil Ġużeppi “Bin David” (Mt 1:20), bħal qed jgħidlu, ‘ftakar x’hemm miktub fl-Iskrittura, ftakar kif il-Messija għandu jkun min-nisel ta’ David.’ Wara, imbagħad, l-Evanġelista jgħidilna li din il-ġrajja wkoll kienet imħejjija u mħabbra minn qabel permezz tal-profeta (Mt 1:22) u jagħtina s-sentenza eżatt kif tinsab miktuba fil-Ktieb tal-Profeta Iżaija u li smajnieha fl-ewwel qari.

 

Fir-rakkonti li nsibu fil-Vanġelu, sikwit – b’mod dirett jew indirett – insibu referenzi għall-Iskrittura Lhudija. Fit-tagħlim tiegħu, Ġesù nnifsu jikkwota u jfisser l-Iskrittura Lhudija, kif jagħmel waqt id-diskors tal-muntanja (Mt 5:17-48), meta qal: “Xejn taħsbu li ġejt inwaqqa’ l-Liġi jew il-Profeti; jiena ma ġejtx biex inwaqqagħhom, iżda biex inwassalhom għall-milja tagħhom” (v.17). Wara li jiġi mqajjem mill-imwiet, mill-ġdid juri lid-dixxipli tiegħu li l-ġrajja tal-passjoni kienet “skont l-Iskrittura” (kif ngħidu fil-Kredu): “Qalilhom Ġesù: ‘Kemm intom boloh u tqal biex temmnu kulma qalu l-profeti! U ma kellux il-Messija jbati dan kollu u hekk jidħol fil-glorja tiegħu?’ U beda minn Mosè u l-Profeti kollha jfissrilhom kulma kien hemm fl-Iskrittura fuqu” (Lq 24:25-27; ukoll Lq 24:44-47).

 

Wara li tela’ s-sema l-Appostli bdew ixandru bil-kliem il-Aħbar it-Tajba; imma aktar tard ġew imnebbħa mill-Ispirtu s-Santu biex jiktbu ittri, rakkonti (il-Vanġeli u l-Atti tal-Appsotli) u kitbiet oħra (L-Apokalissi). Dawn illum jinsabu wkoll fl-Iskrittura, f’dik il-parti li aħna l-Insara nsejħulha t-Testment il-Ġdid.

 

“Il-Kotba Mqaddsa fihom il-Kelma ta’ Alla, u għax huma ispirati huma tassew il-Kelma ta’ Alla” (KKK 135). Meta nisimgħu l-qari mill-Iskrittura, għalhekk, irridu nilqgħuha “mhux bħala kelma ta’ bniedem, iżda bħala kelma ta’ Alla, kif tassew hi, dik il-kelma li qiegħda taħdem fikom li emmintu” (1Tess 2:13). Fil-fatt, aħna nafu li hi tassew Kelma ta’ Alla minħabba l-ħidma qawwija li twettaq f’min jismagħha: tiżra’ fil-bniedem ħajja ġdida, ħajja divina, tikkonverti u tfejjaq, tħeġġeġ u tfarraġ – ebda kelma ta’ bniedem m’għandha fiha din il-qawwa.

 

Suġġerimenti għal djalogu mat-tfal

X’inhi l-Bibbja jew l-Iskrittura Mqaddsa?

̶            Hija ġabra ta’ kotba, uħud miktuba qabel twieled Ġesù (TQ) u oħrajn wara li qam mill-imwiet (TĠ). Dawn il-kotba fihom l-istorja ta’ kif Alla salva lill-bnedmin kollha permezz ta’ Ġesù: kif Alla ħejja din l-istorja, x’ġara fil-quċċata tagħha, kif din infirxet mad-dinja kollha u kif l-insara għandhom jgħixu ta’ salvati.

̶            Fil-Bibbja naraw ukoll kif Alla jġib ruħu, kif jaħsibha, kif jitkellem, x’inhu l-pjan tiegħu għalina. U naraw ukoll kif aħna nistgħu nġibu ruħna ma’ Alla u mal-oħrajn, x’jiġri meta nkunu ħbieb ta’ Alla u x’jiġri meta ma nkunux.

 

Kif nistgħu nużaw il-Bibbja aħna?

̶            Il-Bibbja tintuża fil-quddiesa: fl-ewwel parti tagħha, aħna nisimgħu siltiet differenti mill-Bibbja li jkun fihom stejjer jew tagħlim.

̶            Nistgħu nużawha anki d-dar: billi naqraw xi biċċa minnha, waħedna jew flimkien mal-familja tagħna. Jekk ma nafux naqraw, nistgħu ngħidu lill-ġenituri jew lin-nanniet jirrakkontawlna huma xi storja sabiħa mill-Bibbja. B’dan il-mod insiru nafu ħafna min-nies tal-Bibbja (bħal Abraham, Mose, David, Marija), u wkoll ħafna mit-tagħlim u l-għemejjel ta’ Ġesù (parabboli, tagħlim, mirakli, passjoni u qawmien).

̶            Nistgħu nużaw il-Bibbja anki biex nitolbu: meta nitolbu l-“Missierna” inkunu qed nitolbu bil-kliem li nsibu fil-Vanġelu (aħna nafu biċċa mill-Vanġelu bl-amment!). Fil-Bibbja hemm ukoll talb ieħor li nistgħu nużaw (bħas-Salmi). Imma nistgħu wkoll nitkellmu ma’ Ġesù wara li nkunu qrajna silta mill-Iskrittura, u ngħidulu biex jerġa’ jagħmel magħna xi ħaġa tixbah lil dak li għamel meta kien fostna.

SFOND GĦALL-PREDIKATURI

 

Mill-Katekiżmu tal-Knisja Kattolika

101 Biex jgħarraf lilu nnifsu lill-bnedmin, fit-tjieba tiegħu, Alla niżel għal-livell tagħhom biex kellimhom bi kliemhom stess: “Fil-fatt, kliem Alla, mitkellem bi lsien il-bniedem ħa sura ta’ kelmet il-bniedem, kif il-Verb tal-Missier ta’ dejjem, meta ħa l-ġisem dgħajjef tagħna, sar jixbah lilna l-bnedmin” (DV 13).

 

102 Permezz tal-kliem kollu tal-Iskrittura Mqaddsa, Alla ma qalx ħlief Kelma waħda, il-Verb waħdieni tiegħu li fih wera lilu nnifsu kollu kemm hu (ara Lhud 1:1-3): “Ftakru li hi dejjem l-istess kelma waħda ta’ Alla li tinqara fil-Kotba Mqaddsa kollha, hu l-istess Verb li jitlissen minn fomm il-Kittieba Mqaddsa kollha, hu l-istess Verb li fil-bidu kien Alla ma’ Alla, u ma jeħtieġx sillabi għaliex hu mhuwiex suġġett għaż-żmien” (Santu Wistin, Taħdita dwar Salm 103, 4,1).

 

103 Minħabba f’hekk, il-Knisja dejjem ħarset b’rispett il-Kotba Mqaddsa, kif tqim l-istess Ġisem il-Mulej. Qatt ma tieqaf tagħti lill-fidili kollha l-Ħobż tal-ħajja li tieħu mill-mejda tal-Kelma ta’ Alla u minn dik tal-Ġisem ta’ Kristu (DV 21).

 

104 Fl-Iskrittura Mqaddsa l-Knisja ssib bla heda l-manteniment u l-qawwa tagħha (DV 24), għax ma tilqax l-Iskrittura bħala biss kelma tal-bniedem, imma tilqagħha bħala dak li tassew hi, il-Kelma ta’ Alla (ara 1Tess 2:13). “Fil-Kotba Mqaddsa, il-Missier tas-sema, bit-tjieba kollha tiegħu, jiġi quddiem uliedu u joqgħod jitħaddet magħhom” (DV 21).
 

Ir-raba’ jum

Il-Ħadd 18 ta’ Diċembru

 

IS-SKIET BIEX NISIMGĦU LIL ALLA JKELLIMNA

 

IL-LITURĠIJA TAL-KELMA

 

Il-Qari u l-Evanġelju

Is 7:10-14 Arawha, ix-xebba ssir omm.

Rum 1:1-7 Ġesù Kristu, min-nisel ta’ David, u Iben ta’ Alla.

Mt 1:18-24 Ġesù jitwieled minn Marija l-għarusa ta’ Ġużeppi, bin David.

 

Vers ewlieni

Mt 1:20a Meta kien għadu qiegħed jaħsibha, deherlu anġlu tal-Mulej fil-ħolm.

 

SUĠĠERIMENTI GĦALL-OMELIJA

 

Ħsieb

Fit-tlitt ijiem li għaddew, rajna kif Alla jkellimna: f’qalbna, li hi post imħejji minnu biex fiha jiżra’ l-Kelma tiegħu u jidħol f’relazzjoni magħna; permezz ta’ messaġġiera li hu jibgħat biex iwasslulna l-Kelma tiegħu; permezz tal-Iskrittura Mqaddsa li hu nebbaħ biex imantnina bl-imħabba u l-għerf tiegħu.

 

Imma x’jeħtieġ li nagħmlu biex aħna nisimgħuh ikellimna? Is-smiegħ mhux dejjem hu ħafif, għax aħna nistgħu ma nisimgħux, jew nisimgħu biss dak li rridu nisimgħu, jew saħansitra nifhmu ħażin, ninterpretaw ħażin dak li nisimgħu. Fil-Vanġelu tal-lum, u fil-Vanġeli tal-jiem li ġejjin, se naraw diversi nies li meta Alla jkellimhom jisimgħuh. Mingħandhom, allura, jista’ jkollna ħjiel ta’ x’jeħtieġ nagħmlu biex nisimgħu l-Kelma ta’ Alla.

 

Illum smajna l-istorja ta’ Ġużeppi: qalbu kienet imħejjija biex jisma’ lil Alla, Alla bagħatlu messaġġier ikellmu, u dan il-messaġġier fakkru f’dak li kien miktub fl-Iskrittura. Imma biex seta’ sema’ dan kollu, Ġużeppi kellu jieqaf ftit: kien “għadu qiegħed jaħsibha,” u kien rieqed (la l-anġlu kellmu fil-ħolm). Fi kliem ieħor, Ġużeppi kien kalm, wieqaf u fis-skiet.

 

Madwarna hawn ħafna kliem u ħsejjes, u ħafna minnhom jitkellmu jagħjtu – għall-inqas, jagħjtu aktar minn kemm jagħjat Alla. Alla jitkellem bil-mod, bħal ipespes, bħal “żiffa ħelwa” (1Slat 19:11-13a). Peress li Alla jħabbat u jistenna (Apok 3:20), peress li ma jimponix ruħu fuqna l-bnedmin, biex nisimgħuh jeħtieġ nieqfu ftit, nisktu, u nissemmgħu. Żgur li dan ma jkunx għalxejn, għaliex bil-memorja tal-Iskrittura u bil-qalb tagħna li hi mħejjija, żgur li leħnu nagħrfuh (Ġw 10:3-5).

 

 

 

 

Suġġerimenti għal djalogu mat-tfal

Għaliex mhux faċli nisimgħu?

̶            Għax ma jkollniex moħħ, għax inkunu nagħmlu xi ħaġa oħra, għax ma nifhmux dak li jkun qed jingħad, għax ma jogħġobniex dak li jkunu jgħidulna, għax ma nkunux attenti, eċċ.

 

Kif nistgħu noqgħodu attenti għall-Kliem ta’ Alal?

̶            Billi qabel it-talb, qabel il-quddiesa, qabel il-katekiżmu noqgħodu ftit fis-skiet. Għalhekk tajjeb li niġu kmieni għall-quddiesa, biex fis-skiet nitħejjew ħalli nisimgħu l-Kelma ta’ Alla u nirċievu r-rigali l-oħrajn li Ġesù jkun se jagħtina.

̶            Meta nkunu fis-skiet, tajjeb li nitolbu lill-Ispirtu s-Santu: “Ejja Spirtu s-Santu, iftaħli widnejja biex nisma’ u iftaħli qalbi biex nilqa’ l-Kelma ta’ Alla.”

 

SFOND GĦALL-PREDIKATURI

 

Mid-Diskorsi tal-Papa San Pawlu VI

Diskors f’Nazaret, 5 ta’ Jannar 1964

U l-ewwelnett hawn [fid-dar ta’ Nazaret] nitgħallmu s-siwi tas-skiet. Mhux li konna nġeddu fina l-ħsieb dwar kemm hu għażiż is-skiet, din il-ġabra hekk tal-għaġeb u meħtieġa għar-ruħ, meta ninsabu mdawrin b’kull xorta ta’ għajat u ħsejjes u storbju f’dawn iż-żminijiet ta’ ħajja mgħaġġla u tant imqanqla tagħna! O skiet ta’ Nazaret, għallimna nieqfu fuq ħsibijiet tajbin u nkunu moħħna fil-bżonnijiet tal-ispirtu; għidilna kif nitħejjew tajjeb ħalli nagħtu widen għal-leħen moħbi ta’ Alla u l-ordnijiet tal-għalliema veri tagħna; urina l-ħtieġa u s-siwi tat-tħejjija tagħna nfusna, l-istudju, il-meditazzjoni, ir-regolament personali u ġewwieni tal-ħajja, it-talb fil-moħbi li Alla biss jarah.

 

Mill-prattika tal-Lectio Divina

Statio

“Oħroġ, u oqgħod fuq il-muntanja quddiem il-Mulej.” U hemm hu, jgħaddi l-Mulej (1Slat 19:11). It-talb hu għemil li fih jieħu sehem il-bniedem kollu kemm hu. Huwa għemil li jikser ir-ritmu tal-ħafna ħsibijiet u l-inkwiet fuq ħafna ħwejjeġ (Lq 10:41), u jerġa’ jdaħħalna fil-qalba tagħna. Għalhekk, it-talb ma jistax ikun bħal faċenda qalb bosta faċendi oħrajn. Jeħtieġ li wieħed joħroġ mill-taħbit tal-ħajja ta’ kuljum, il-kuraġġ li wieħed jieqaf ftit fis-skiet, ix-xewqa li wieħed joqgħod quddiem Alla u, fuq kollox, it-talba biex jinżel l-Ispirtu s-Santu li mingħajru l-Iskrittura tibqa’ ittra mejta.
 

Il-ħames jum

It-Tnejn 19 ta’ Diċembru

 

IL-MISTOQSIJIET BIEX NIFHMU L-KELMA TA’ ALLA

 

IL-LITURĠIJA TAL-KELMA

 

Il-Qari u l-Evanġelju

Mħal 13:2-7.24-25a Anġlu tal-Mulej iħabbar it-twelid ta’ Sansun.

Lq 1:5-25 L-anġlu Gabrijel iħabbar it-twelid ta’ Ġwanni l-Battista.

 

Vers ewlieni

Lq 1:18 Imma Żakkarija qal lill-anġlu: “Kif inkun żgur minn dan? Għax jiena raġel xiħ, u marti mdaħħla fiż-żmien!”

 

SUĠĠERIMENTI GĦALL-OMELIJA

 

Ħsieb

Żakkarija wkoll jista’ jgħinna naraw x’jeħtieġ nagħmlu biex nisimgħu l-Kelma ta’ Alla. Meta jkellmu l-anġlu, jgħidlu xi ħaġa stramba ħafna u li ma tiftiehemx mal-ewwel. Anki meta l-anġlu sellem lil Marija, hija “tħawdet ħafna” (Lq 1:29a). Aktar ’il quddiem, Marija u Ġużeppi mill-ġdid ma jifhmux dak li jgħidilhom Ġesù (Lq 2:50). Meta Alla jkellimna, sikwit ma nifhmuhx: Alla jaħsibha differenti minna, għalih m’hemm xejn impossibbli, il-pjanijiet tiegħu mhumiex bħal tagħna; allura meta jkellimna dejjem se jinstema’ ftit stramb għal widnejna (għalkemm qalbna hi maħluqa biex tisma’ u tilqa’ l-Kelma tiegħu).

 

Quddiem il-messaġġ ta’ Alla li ma jiftiehemx mal-ewwel, Żakkarija jagħmel mistoqsija lill-anġlu. Fl-ewwel qari, mart Manuħa ma titkellem xejn mal-anġlu: “Ma staqsejtux mnejn ġie, u lanqas hu ma qalli ismu” (Mħal 13:6). Imma ma’ Alla aħna nistgħu nitkellmu, nistgħu nużaw ir-raġuni tagħna biex nifhmu dak li qed jgħidilna. Anki Marija bdiet taħseb x’setgħet tfisser it-tislima tal-anġlu (Lq 1:29b). Wieħed mill-perikli tas-smiegħ li jsemmi Ġesù hu dak ta’ min jisma’ u ma jifhimx dak li jisma’ (Mt 13:19).

 

Madanakollu, il-mistoqsija ta’ Żakkarija lill-anġlu ma għoġbitux. Għax Żakkarija staqsa “kif inkun żgur” li Alla mhux qed jgħidli affarijiet fiergħa (Lq 1:18): ipoġġi f’dubju lil Alla, donnu jrid jaqbdu f’xi żball. Fil-Vanġelu anki l-Fariżej ġieli staqsew mistoqsijiet lil Ġesù, imma mhux biex jifhmuh aħjar u biex jagħmlu dak li jgħid, imma “biex jaqbduh f’xi żball” (Mt 22:15.35; eċċ). Marija, min-naħa tagħha, meta staqsiet “kif ikun dan?” ma ddubitatx Kliem Alla, imma staqsiet xi tfisser dik il-Kelma, kif għandha tifhimha (kellhiex tkun tqala “normali” ta’ mara miżżewġa ma’ raġel, jew tqala “straordinarja” ta’ verġni), u jekk kellhiex tagħmel xi ħaġa hi biex dik il-Kelma sseħħ tassew. Anki d-dixxipli ġieli staqsew lil Ġesù jerġa’ jfissrilhom xi tagħlim li kien għadu kif qal jew xi parabbola li kien irrakkonta (Mt 13:10.36; 15:15; 17:10; 19:10.25; eċċ.) hekk li setgħu jifhmu eżatt x’inhu mistenni minnhom.

 

Meta nisimgħu l-Kelma ta’ Alla (li tista’ taslilna bl-Iskrittura Mqaddsa, bil-messaġġiera jew bil-ġrajjiet ta’ kuljum), tajjeb li nistaqsu biex nifhmuh aħjar: Xi jfisser dan li qed nisma’?

 

Suġġerimenti għal djalogu mat-tfal

Għaliex Alla jitkellem tqil?

̶            Għax ma jgħidx dak li s-soltu ngħidu aħna. Aħna ngħidu, per eżempju, li biex tkun ferħan irid ikun sejjer kollox sew. Imma Alla jgħid xi ħaġa tal-għaġeb: li biex tkun ferħan m’hemmx għalfejn ikun sejjer kollox sew, imma biżżejjed tkun marbut miegħu. Din il-ħaġa ma nifhumhiex b’moħħna, imma b’qalbna.

̶            Għax hu ma jkellimniex dwar dak li nistgħu nagħmlu aħna, imma dwar dak li jista’ jagħmel hu: u hu jista’ jagħmel affarijiet li lilna lanqas biss jgħaddulna minn moħħna; bħal per eżempju, jaħfer u jqum mill-imwiet.

 

X’nista’ nagħmel meta ma nifhimx il-Bibbja?

̶            Qatt m’għandi naqta’ qalbi. Imma għandi nibqa’ nistaqsi biex nifhem aħjar dak li jgħid Ġesù. Il-katekiżmu hu importanti, fost l-oħrajn, biex nifhmu dak li nemmnu fih. Nistgħu nistaqsu wkoll lill-adulti li jistgħu jgħinuna (ġenituri, saċerdoti, għalliema).

 

SFOND GĦALL-PREDIKATURI

 

Mill-Katekiżmu tal-Knisja Kattolika

157 Il-fidi hi ċerta, aktar ċerta minn kulma jagħraf u jaf il-bniedem, għax hi mibnija fuq l-istess Kelma ta’ Alla, li ma jistax iqarraq. Tabilħaqq, il-veritajiet rivelati jistgħu jidhru moħbija għar-raġuni u l-esperjenza umana, iżda “iċ-ċertezza li jagħti d-dawl ta’ Alla hi wisq aqwa miċ-ċertezza li tagħti r-raġuni naturali” (San Tumas ta’ Aquino, Summa theologiae II-II, 171, 5, 3). “Għaxart elef diffikultà ma jagħmlux dubju wieħed” (San John Henry Newman, L-Apoloġija, kapitlu 5).

 

158 “Il-fidi tfittex li tifhem” (San Anselmu ta’ Canterbury, Proslogion, prooem); hi fin-natura tal-fidi li min jemmen ikun imxennaq li jagħraf aktar ’il Dak li fih jemmen u jifhem aħjar dak li rrivela; għarfien aktar fil-fond minn naħa jwassal għall-fidi akbar, dejjem aktar imkebbsa bl-imħabba. Il-grazzja tal-fidi tiftaħ “l-għajnejn tal-qalb” (Ef 1:18) għal għarfien ħaj ta’ kulma fiha r-Rivelazzjoni, jiġifieri tal-pjan ta’ Alla kollu kemm hu u tal-misteri tal-fidi, tar-rabta bejniethom u ma’ Kristu, iċ-ċentru tal-Misteru li ġie rrivelat. Issa, “l-Ispirtu s-Santu, biex ikun hemm għarfien aktar fil-fond tar-Rivelazzjoni, bid-doni tiegħu, ma jiqafx jagħmel il-fidi aktar perfetta” (DV 5). Hekk, skont dak li jgħid Santu Wistin, “Jien nemmen biex nifhem, u nifhem biex nemmen aħjar” (Santu Wistin, Omelija 43, 7,9).

 

Mill-prattika tal-Lectio Divina

Lectio

“Hieni dak li jaqra l-kliem ta’ din il-profezija” (Apok 1:3). Is-silta mqaddsa għandha tinqara bil-mod u b’attenzjoni kbira: huwa Alla nnifsu li qed jitkellem waqt li tinqara l-Kelma. Wieħed jista’ jgħin ruħu billi jaqra s-silta aktar minn darba, jimmarka jew saħansitra jitgħallem bl-amment vers minnha, dak li l-iktar jispikka għal xi raġuni jew oħra. Importanti li wieħed jilqa’ kulma jgħidlu l-Mulej, mingħajr ma jwarrab dak li ma jifhimx jew ma jogħġbux: “Jaqaw mhijiex kelmti bħan-nar, jew bħal imterqa tfarrak il-blat?” (Ġer 23:29)

 

Benedittu XVI, Verbum Domini, 87

[...] Il-qari (lectio) tas-silta, li jwassal għall-mistoqsija dwar l-għarfien awtentiku tal-kontenut tiegħu: x’qed jgħid it-test bibliku fih innifsu? Mingħajr dan il-mument inkunu nirriskjaw li t-test isir biss pretest biex ma ninqalgħu qatt mill-ħsibijiet tagħna.

 

Franġisku, Evangelii Gaudium, 152

[...] Dan il-qari tal-Bibbja fi klima ta’ talb mhux mifrud mill-istudju li l-predikatur jagħmel biex isib liema hu l-messaġġ ċentrali tat-test; għall-kuntrarju, minn hemm irid jitlaq, biex jista’ jiskopri dak l-istess messaġġ x’qed jgħid lil ħajtu. Il-qari spiritwali ta’ test partikulari għandu jitlaq qabelxejn mit-tifsira litterali tiegħu. Inkella faċilment jiġrilna li npoġġu fuq fomm it-test dak li jaqbel lilna, dak li jkollna bżonn biex nikkonfermaw id-deċiżjonijiet tagħna, dak li joqgħod għall-iskemi mentali tagħna. Jekk nagħmlu hekk, żgur mhux forsi nkunu qed ninqdew b’ħaġa qaddisa għall-vantaġġ personali tagħna u ngħaddu din l-istess konfużjoni lill-Poplu ta’ Alla. Ma rridu qatt ninsew li kultant “mhux għaġeb għax Satana stess jitbiddel f’anġlu tad-dawl” (2 Kor 11:14).
 

Is-sitt jum

It-Tlieta 20 ta’ Diċembru

 

IL-MEDITAZZJONI FUQ IL-KELMA TA’ ALLA

 

IL-LITURĠIJA TAL-KELMA

 

Il-Qari u l-Evanġelju

Iż 7:10-14 Araw, ix-xebba titqal u tiled iben.

Lq 1:26-38 Ara, inti se tnissel fil-ġuf u jkollok iben.

 

Vers ewlieni

Lq 1:29 Hi tħawdet ħafna għal dan il-kliem, u bdiet taħseb bejnha u bejn ruħha x’setgħet qatt tfisser din it-tislima.

 

SUĠĠERIMENTI GĦALL-OMELIJA

 

Ħsieb

Ewlenija fost “dawk li jisimgħu l-Kelma b’qalb tajba u sinċiera, jgħożżuha, u jagħmlu l-frott billi jżommu sħiħ” (Lq 8:15) hemm l-Imqaddsa Verġni Marija. Żgur għalhekk li minnha nistgħu nitgħallmu ħafna dwar kif nisimgħu l-Kelma ta’ Alla sa ma din issir “laħam” fil-ħajja tagħna.

 

Sikwit, fil-Vanġelu skont San Luqa, wara li Alla jitkellem magħha permezz tal-anġlu Gabrijel, taż-żjara tar-rgħajja u ta’ binha Ġesù nnifsu, insibu li Marija “taħseb bejnha u bejn ruħha” (1:29), “tgħożż f’qalbha dawn il-ħwejjeġ kollha u taħseb fuqhom bejnha u bejn ruħha” (2:19), u li “kienet tgħożż f’qalbha dawn il-ħwejjeġ kollha” (2:51). Jekk Ġużeppi għallimna nisktu qabel nisimgħu l-Kelma ta’ Alla propju biex nisimgħuha, Marija tgħallimna nisktu anki wara li nkunu smajnieha.

 

Is-skiet ta’ wara s-smiegħ tal-Kelma jiswa biex il-Kelma tinżel fil-fond, bħal żerriegħa li tinżel sew taħt l-art biex tagħmel l-għeruq. Infatti, dawk li jisimgħu biss b’mod superfiċjali, malajr jinsew dak li jkunu semgħu (Mt 13:20-21). Fil-Vanġeli, wara li jkun għamel xi miraklu, bosta drabi Ġesù jordna li jinżamm is-skiet dwar dak li jkun seħħ. Minbarra l-għan ewlieni ta’ Ġesù li ma jridx jagħti impressjoni żbaljata tiegħu nnifsu qabel juri ruħu fuq is-salib, dan is-skiet huwa għajnuna għall-imfejjaq biex jinduna x’rigal ikun irċieva, biex jgħożżu, hekk li l-miraklu ma jkunx jiswa biss għall-fejqan tal-ġisem imma wkoll għat-trasformazzjoni tal-qalb.

 

Is-skiet ta’ wara s-smiegħ tal-Kelma ta’ Alla jiswa wkoll biex matulu nagħmel tiegħi dak li jkun ingħad. Huwa l-mument li fih nistaqsi: “Dan xi jfisser għalija, illum?” Għax minkejja li l-Kelma ta’ Alla hi mogħtija lil kulħadd, imma Alla jkellem lili b’mod personali.

 

Is-skiet li jinżamm wara x-xandir tal-Evanġelju, jew wara l-omelija, għandu dan kollu bħala għan.

 

Suġġerimenti għal djalogu mat-tfal

Kif nista’ ngħożż f’qalbi l-Kliem ta’ Alla?

̶            L-ewwel nett billi niftakarhom. Xi ħaġa importanti nippruvaw niftakruha (bħall-mobile number tal-ġenituri, il-passwords, u anki xi ġrajja sabiħa li tkun ġrat). Hemm ħafna modi kif nista’ niftakar dak li jkun qalli Alla: per eżempju, billi nikteb, jew anki billi nitgħallem xi sentenza mill-Bibbja bl-amment.

 

X’għandi nagħmel fis-skiet ta’ wara l-omelija?

̶            Nista’ nerġa’ nipprova niftakar l-istorja tal-Vanġelu jew tal-ewwel qari.

̶            Meta niftakarha, nista’ nistaqsi lili nnifsi: Xi jrid jgħid lili Ġesù b’din l-istorja? Minn dan il-kliem kollu li smajt fl-omelija, x’inhi l-iktar ħaġa importanti għalija?

 

SFOND GĦALL-PREDIKATURI

 

Mill-Katekiżmu tal-Knisja Kattolika

2705 Il-meditazzjoni hi fuq kollox tfittix. L-ispirtu jfittex jifhem l-għaliex u l-kif tal-ħajja Nisranija biex jintrabat u jwieġeb għal dak li l-Mulej jitlob. Tinħtieġ attenzjoni ħajja u li diffiċli titrawwem fina. Ġeneralment, wieħed jgħin ruħu b’xi ktieb, u l-Insara mhumiex neqsin minn dawn il-kotba: l-Iskrittura, l-Evanġelju b’mod singulari, l-ikoni mqaddsa, it-testi liturġiċi tal-ġurnata jew taż-żmien, il-kitbiet ta’ Missirijiet il-ħajja spiritwali, l-opri ta’ spiritwalità, il-ktieb kbir tal-ħolqien u dak kbir ukoll tal-istorja, il-paġna tal-“lllum” ta’ Alla.

 

2706 Meta timmedita dwar dak li taqra, tasal biex tagħmlu tiegħek, int u tqabblu miegħek innifsek. Hawn jinfetaħ ktieb ieħor, dak tal-ħajja. Wieħed jgħaddi mill-ħsibijiet għall-fatti. Daqskemm wieħed ikun umli u jemmen, daqshekk ieħor isib x’qed iqanqallu l-qalb, u jagħrfu. Tkun tfittex il-verità biex tasal għad-dawl: “Mulej, xi tridni nagħmel?”

 

2707 Il-metodi tal-meditazzjoni jvarjaw skont l-għalliema spiritwali. In-Nisrani għandu jkollu r-rieda li jagħmel kuljum il-meditazzjoni, inkella jkun jixbah l-ewwel tliet suriet ta’ art li fuqhom waqgħet iż-żerriegħa ta’ dak li ħareġ jiżra’ (ara Mk 4:4-7.15-19). Iżda kull metodu hu biss gwida: l-importanti hu li wieħed jimxi ’il quddiem, flimkien mal-Ispirtu s-Santu, mit-triq waħdanija tat-talb: Ġesù Kristu.

 

2708 Il-meditazzjoni timpenja l-ħsieb, l-immaġinazzjoni, l-emozzjonijiet u x-xewqat. Dan l-impenn hu meħtieġ biex tikber il-konvinzjoni tal-fidi, titqanqal il-qalb għall-indiema u l-konverżjoni, u tissaħħaħ ir-rieda tal-mixi wara Kristu. It-talb Nisrani jfittex l-aktar li jimmedita “il-misteri ta’ Kristu”, kif isir fil-“lectio divina” u fir-Rużarju. Din ir-riflessjoni fit-talb hi ta’ siwi kbir, iżda t-talb Nisrani għandu jfittex li jmur aktar ’il bogħod: irid jasal għall-għarfien tal-imħabba tal-Mulej Ġesù, għall-għaqda sħiħa miegħu.

 

Mill-prattika tal-Lectio Divina

Meditatio

Kemm inħobbha l-liġi tiegħek! Il-jum kollu ħsiebi fiha.” (S 119:97). Mhux biżżejjed li wieħed jaqra biex il-Kelma tinżel f’qiegħ il-qalb. Jeħtieġ is-sabar tal-meditazzjoni, ħin li fih wieħed jixtarr bil-mod il-kliem, l-ideat, ix-xbiehat, u dak kollu li s-silta tal-Iskrittura jkun fiha. Huwa ta’ għajnuna kbira meta wieħed iqabbel flimkien siltiet mill-Iskrittura li jixxiebhu, għax wieħed ifisser lill-ieħor. Il-meditazzjoni tibda tabilħaqq meta nintebaħ li dak li tkellem u ħadem fl-istorja tal-Bibbja huwa l-istess Alla li qed jitkellem u jaħdem fil-ħajja personali tiegħi.

 

Benedittu XVI, Verbum Domini, 87

[...] Imbagħad tiġi l-meditazzjoni (meditatio) li fiha l-mistoqsija hi: x’qed tgħid is-silta biblika lilna? Hawnhekk, kull wieħed u waħda personalment, imma anki bħala realtà komunitarja, għandu jħalli xi jmissu u jisfidah, għax m’aħniex nittrattaw kelmiet imlissna fl-imgħoddi, imma fil-preżent.

 

Franġisku, Evangelii Gaudium, 153

Fil-preżenza ta’ Alla, waqt qari kalm tat-test, tajjeb li nistaqsu lilna nfusna: “Mulej, x’qed jgħid lili dan it-test? Xi trid tibdel f’ħajti b’dan il-messaġġ? X’qed idejjaqni f’din is-silta? Għaliex dan ma jolqotnix?”, jew: “X’jogħġobni, x’hemm li jħeġġiġni f’din il-Kelma? X’jiġbidni fiha? Għaliex jiġbidni?”. Meta nfittxu li nisimgħu lill-Mulej hu normali li jkollna t-tentazzjonijiet. [...]
 

Is-seba’ jum

L-Erbgħa 21 ta’ Diċembru

 

IL-FARAĠ TAL-KELMA TA’ ALLA

 

IL-LITURĠIJA TAL-KELMA

 

Il-Qari u l-Evanġelju

Għanja 2:8-14 Il-maħbub tiegħi: arah, ġej, jaqbeż fuq il-muntanji. Jew Sof 3:14-18a Il-Mulej, Alla tiegħek, qiegħed f’nofsok.

Lq 1:39-45 Minn fejn ġieni dan li omm il-Mulej tiegħi tiġi għandi?

 

Vers ewlieni

Lq 1:44 Għax ara, malli smajt f’widnejja leħen it-tislima tiegħek, it-tarbija li għandi fil-ġuf qabżet bil-ferħ.

 

SUĠĠERIMENTI GĦALL-OMELIJA

 

Ħsieb

Marija fadlilha x’tgħallimna; imma llum se nħallu lil Eliżabetta wkoll turina xi ħaġa sabiħa dwar is-smiegħ tal-Kelma ta’ Alla. Dan ir-rakkont hu mimli ferħ: Marija tmur issellem lil Eliżabetta b’dik l-istess tislima li kienet irċeviet mingħand l-anġlu; għal Eliżabetta, Marija hija messaġġiera tal-Kelma ta’ Alla. U meta Eliżabetta semgħet il-Kelma ta’ Alla, l-effett li tħalla fiha kien il-ferħ.

 

Kull darba li l-Mulej ikellimna ma jkollu ebda għan ieħor ħlief il-ferħ, is-sliem u l-faraġ tagħna: “Għedtilkom dan biex il-ferħ tiegħi jkun fikom, u biex il-ferħ tagħkom ikun sħiħ” (Ġw 15:11). Dak li jagħti Ġesù mhuwiex ferħ bħal dak li twiegħed id-dinja (Lq 6:25b; Ġw 14:27); il-ferħ li jagħti Ġesù u l-Kelma tiegħu huma dejjem paskwali (Lq 6:21b; Ġw 16:20-22, 20:20). Tant hu hekk li, minkejja li kliemu kien beda b’ċanfira ħarxa (Lq 24:25), meta l-Irxoxt kellem u fisser l-Iskrittura lid-dixxipli ta’ Għemmaws nissel f’qalbhom ferħ u ħeġġa: “Wieħed lill-ieħor bdew jgħidu: ‘Ma kinitx imkebbsa qalbna ġewwa fina huwa u jkellimna fit-triq u jfissrilna l-Iskrittura?’” (Lq 24:32).

 

Il-ferħ, qabelxejn, mhux biss prodott ta’ dak li jgħidilna Alla, ma jiġix tant mill-kontenut tal-Kelma ta’ Alla. Qabel il-kontenut, huwa ta’ ferħ kbir il-fatt biss li Alla jitkellem magħna: “Minn fejn ġieni dan li omm il-Mulej tiegħi tiġi għandi?” (Lq 1:43) Alla jqis lilna l-bnedmin ħbieb tiegħu, hekk li jixtieq jitkellem magħna – “sejjaħtilkom ħbieb, għaliex kulma smajt mingħand Missieri jiena għarrafthulkom” (Ġw 15:15b) – u dan diġà hu ħafna!

 

Il-ferħ imbagħad jiġi wkoll minn dak li jgħidilna l-Mulej: hu jgħidilna min hu hu għalina u min aħna aħna f’għajnejh; jurina s-sejħa kbira tagħna u t-triq li għandna nimxu biex inwettquha. Meta niżbaljaw jikkoreġina u jfarraġna: “Tassew li bħalissa kull twiddiba ma tferraħniex, imma tnikkitna; iżda mbagħad, lil dawk li jkunu tħarrġu biha, hija troddilhom il-frott ta’ ħajja mimlija bis-sliem u l-ġustizzja” (Lhud 12:11). Meta ngħaddu mit-tiġrib, iħeġġiġna u jwiegħdna r-rebħa: “Għalhekk għandkom għax tifirħu mqar jekk issa, għal ftit żmien ieħor, jeħtiġilkom titnikktu taħt ħafna provi” (1Pt 1:6).

 

Suġġerimenti għal djalogu mat-tfal

Kif jista’ jkun li l-kliem iferraħna?

̶            Aħna nindunaw li kelma għandha qawwa kbira: jekk xi ħadd jgħidlek “prosit, well done” inti tħossok ferħan; meta xi ħadd jgħidlek “isa, ipprova... ma jimpurtax jekk tiżbalja” inti tagħmel il-qalb; bil-maqlub, meta xi ħadd jagħjat miegħek jew jgħajrek, inti tħossok imdejjaq. Il-kliem tassew jibdel xi ħaġa fina.

̶            Anki l-Kelma ta’ Alla hija qawwija ferm; u fina dejjem tħalli l-istess effett: il-ferħ, is-sliem. Kull meta jkellimna Alla, aħna nħossuna maħbubin – Alla dejjem għandu ħin jitkellem magħna, “jgħidilna storja” – u meta nħossuna maħbubin, aħna nifirħu.

 

Għaliex xi kultant Alla jikkoreġina u jwissina?

̶            Dan jagħmlu dejjem biex aħna nkunu ferħanin. Hu jaf x’inhuma dawk l-affarijiet li jagħmlulna l-ħsara, u jixtieq li aħna ma nagħmlux dak li jagħmlilna l-ħsara. Allura jwaqqafna. Għall-bidu ma nieħdux gost, u forsi nwebbsu rasna u xorta nagħmlu kif irridu aħna. Imma wara nindunaw li kien qalilna għall-ġid tagħna, u hekk ikollna konferma oħra ta’ kemm iħobbna, u raġuni oħra għalfejn nifirħu.

 

SFOND GĦALL-PREDIKATURI

 

Mill-Katekiżmu tal-Knisja Kattolika

1719 Il-beatitudnijiet jikxfu l-għan tal-ħajja tal-bniedem, juru fejn fl-aħħar iridu jaslu l-għemejjel tal-bniedem: Alla qiegħed isejħilna għall-hena tiegħu stess. Din is-sejħa qiegħda ssir lil kull wieħed personalment, imma qed issir ukoll lill-ġemgħa kollha tal-Knisja, lill-poplu ġdid ta’ dawk li laqgħu l-wegħda u qegħdin jgħixuha bil-fidi.

 

1720 It-Testment il-Ġdid għandu ħafna espressjonijiet biex ifisser x’inhu l-hena li għalih Alla qiegħed isejjaħ lill-bniedem: il-miġja tas-Saltna ta’ Alla (ara Mt 4:17); id-dehra ta’ Alla: “Henjin dawk li huma safja f’qalbhom, għax huma jaraw ’l Alla” (Mt 5:8; ara 1 Ġw 3:2; 1 Kor 13:12); id-dħul fil-hena tal-Mulej (ara Mt 25:21.23); id-dħul “fil-mistrieħ ta’ Alla” (Lhud 4:7-11): “Hemmhekk nistrieħu u naraw, naraw u nħobbu, inħobbu u nfaħħru. Dan hu li jkun hemm fit-tmiem bla tmiem. U [x’għan] ieħor għandna ħlief li naslu fis-Saltna li ma jkollhiex tmiem?” (Santu Wistin, Il-Belt ta’ Alla, 22, 30,5)

 

Mill-prattika tal-Lectio Divina

Contemplatio

“It-tifsir ta’ kelmtek jagħti d-dawl” (S 119:130). Bil-mod il-mod, il-kliem iċedi postu għall-adorazzjoni siekta; ir-riflessjoni u t-talb jagħmlu l-wisa’ għall-imħabba. Dan il-pass fil-prattika tat-talb ma jintlaħaqx kull darba li wieħed jitlob. Il-meditazzjoni tista’ ssir dejjem, imma l-kontemplazzjoni le, għaliex hija don tal-Ispirtu s-Santu. Għalhekk, jekk il-kontemplazzjoni ma sseħħx, wieħed għandu jkompli bil-meditazzjoni bħal baħri li jinqeda bil-moqdief jekk ir-riħ ma jonfoħx fil-qala.

 

Consolatio

“Duqu u taraw kemm hu tajjeb il-Mulej” (S 34:9). L-ewwel frott tal-laqgħa ma’ Alla hija l-hena tal-qalb, is-sliem misterjuż u li ma jistax jitfisser bil-kliem u li wieħed iġarrab meta jħossu maħbub minn Alla. Dan huwa l-aqwa waqt biex fih isiru l-għażliet l-aktar importanti tal-ħajja; għażliet li m’għandhomx jinbidlu f’dawk il-waqtiet ta’ qtigħ il-qalb u niket. L-ispirtu l-ħażin jimbuttana lejn l-isfiduċja; imma “il-frott tal-Ispirtu huma: l-imħabba, l-hena, is-sliem” (Gal 5:22).

 

Benedittu XVI, Verbum Domini, 87

[...] Bil-kontemplazzjoni (contemplatio) [...] aħna nilqgħu bħala don ta’ Alla l-istess ħarsa tiegħu biex niżnu r-realtà u nistaqsu lilna nfusna: liema konverżjoni tal-ħsieb, tal-qalb u tal-ħajja qed jitlob minna l-Mulej? San Pawl fl-Ittra lir-Rumani jgħidilna: “Timxux max-xejra ta’ din id-dinja, iżda nbidlu skont it-tiġdid ta’ fehmietkom, biex iseħħilkom tagħrfu x’inhi r-rieda ta’ Alla, x’inhu t-tajjeb li jogħġbu, x’inhu perfett” (12:2). Fil-fatt, il-kontemplazzjoni normalment toħloq fina viżjoni kollha għerf tar-realtà, skont Alla, u ssawwar fina “l-ħsieb ta’ Kristu” (1 Kor 2:16). Il-Kelma ta’ Alla hawn tippreżenta ruħha bħala kriterju ta’ dixxerniment; hija “ħajja u qawwija, taqta’ aktar minn xabla b’żewġt ixfar; hija tinfed sa tifred minn xulxin ir-ruħ u l-ispirtu u l-ġogi u l-mudullun; u tgħarbel il-ħsibijiet u l-fehmiet tal-qalb” (Lhud 4:12).

 

Franġisku, Evangelii Gaudium, 1

Il-ferħ tal-Vanġelu jimla l-qalb u l-ħajja kollha ta’ dawk li jiltaqgħu ma’ Ġesù. Dawk li jħallu lilu jsalvahom, jinħelsu mid-dnub, min-niket, mill-vojt ġewwieni, mill-iżolament. Ma’ Ġesù Kristu dejjem jitwieled u jerġa’ jitwieled mill-ġdid il-ferħ. [...]
 

It-tmien jum

Il-Ħamis 22 ta’ Diċembru

 

IT-TALB U L-QSIM TAL-KELMA TA’ ALLA

 

IL-LITURĠIJA TAL-KELMA

 

Il-Qari u l-Evanġelju

1Sam 1:24-28 Ir-radd ta’ ħajr ta’ Anna għat-twelid ta’ Samwel.

Lq 1:46-55 Is-setgħani għamel miegħi ħwejjeġ kbar.

 

Vers ewlieni

Lq 1:46b-47 Ruħi tfaħħar il-kobor tal-Mulej, u l-ispirtu tiegħi jifraħ f’Alla s-Salvatur tiegħi.

 

SUĠĠERIMENTI GĦALL-OMELIJA

 

Ħsieb

Il-laqgħa bejn Marija u Eliżabetta tkompli turina x’jiġri f’min jilqa’ l-Kelma ta’ Alla. Diġà rajna li kif meta Alla jitkellem magħna jħalli f’qalbna l-hena u s-sliem.

 

Fl-ewwel ġurnata tan-Novena għedna kif aħna l-bnedmin ġejna maħluqa għal djalogu ma’ Alla, jiġifieri għal relazzjoni miegħu. U dan jista’ jiġri kull darba li Alla jitkellem magħna: aħna nistgħu nkellmuh lura. Din it-tweġiba nsejħulha “talb”. Hekk tagħmel Marija: wara li semgħet lill-anġlu jkellimha f’isem Alla, wara li semgħet lil Eliżabetta tkellimha f’isem Alla u tgħidilha, “imbierka inti fost in-nisa, u mbierek il-frott tal-ġuf tiegħek” – u hekk tagħtiha konferma li tassew kienet saret “omm il-Mulej” (Lq 1:42-43) – hija tinfexx tfaħħar lil Alla.

 

Fil-Liturġija tal-Kelma tul il-quddiesa, aħna nagħmlu xi ħaġa tixxiebaħ ħafna: wara li nisimgħu l-Kelma ta’ Alla titħabbrilna, wara li nkunu staqsejna aħjar biex nifhmuha tul l-omelija, u wara ftit skiet biex inħalluha tinżel fil-qalb tagħna, aħna mbagħad nwieġbu lura lil Alla b’żewġ modi. L-ewwel nagħmlu stqarrija tal-fidi tagħna, jiġifieri nirrakkuntaw il-“ħwejjeġ kbar” li għamel magħna s-Setgħani, u l-mod kif hu “wera l-qawwa ta’ driegħu” u “ftakar fil-ħniena tiegħu”. Imbagħad induru fuq il-Mulej u noffrulu t-talbiet tagħna, il-kliem tagħna.

 

Il-laqgħa bejn Marija u Eliżabetta, imma, turina ħaġa oħra sabiħa li sseħħ f’dawk li jisimgħu l-Kelma ta’ Alla. Hi u tgħid il-magnificat, għalkemm turi ċar li f’qalbha hemm talba ta’ tifħir lil Alla, Marija mhix tkellem tant lil Alla, imma lil Eliżabetta: qed tirrakkonta lil Eliżabetta dak li Alla għamel magħha, “qaddejja tiegħu”. L-istess kif Eliżabetta kienet irrakkontat lil Marija dak li l-Kelma ta’ Alla wettqet fiha: “malli smajt f’widnejja leħen it-tislima tiegħek, it-tarbija li għandi fil-ġuf qabżet bil-ferħ” (Lq 1:44). Dawn iż-żewġ nisa jaqsmu ma’ xulxin dak li kien seħħ fihom meta laqgħu l-Kelma ta’ Alla. Hekk ukoll għamlu d-dixxipli ta’ Ġerusalemm mad-dixxipli ta’ Għemmaws meta dawn tal-aħħar reġgħu lura lejn il-Belt (Lq 24:33-35).

 

Meta nisma’ l-Kelma ta’ Alla, jien nirċievi f’qalbi teżor u ġid kbir, teżor li minnu jista’ jgawdi mhux biss jien stess imma anki l-oħrajn. Hu sabiħ meta nisimgħu lil xulxin nirrakkontaw dak li Alla jkun qalilna u għamel magħna. Dan mhux ftaħir, bħalma l-magnificat mhux ftaħir ta’ Marija. Il-qsim tal-Kelma ta’ Alla mal-aħwa huwa mod kif naqdu lil xulxin, u kif il-ġid li jkun sar fina nagħrfuh bħala għemil ta’ Alla u mhux tant tagħna.

 

Suġġerimenti għal djalogu mat-tfal

Għaliex nitlob wara li nkun smajt il-Kelma ta’ Alla?

̶            Alla ma jieħux gost jitkellem waħdu. U lanqas aħna ma nieħdu gost inżommu ħalqna magħluq. Alla jixtieq jisma’ x-xewqat tagħna, jixtieqna nafdaw fih bħalma t-tfal jafdaw fil-ġenituri tagħhom – anzi aktar!

 

X’għandi nitolbu?

̶            Nista’ nitolbu kollox, imma jixraq li t-talba tiegħi jkollha x’taqsam ma’ dak li qalli. Inkella nkunu qisna ma tajniex każ ta’ dak li qalilna.

 

Ma’ min nista’ nitkellem dwar l-affarijiet ta’ Alla?

̶            Meta nitkellem dwar Alla inkun qed nitkellem dwar xi ħaġa prezzjuża ħafna. Allura rrid inkun ċert li min se jismagħni, se jieħu ħsieb dak li se ngħidlu. Nista’ nitkellem mal-ħbieb jew ma’ nies oħra li jixtiquli l-ġid. Jekk, kif għedna jumejn ilu, jien inkun għożżejt f’qalbi l-kliem ta’ Ġesù, allura tkun aktar ħafifa biex nitkellem mal-oħrajn fuq Ġesù.

̶            Xi kultant nista’ biss nisma’ lill-oħrajn ikellmuni dwar Alla. Forsi l-ġenituri tiegħi jew in-nanniet tiegħi jkunu qed jirrakkuntaw storja dwar meta ħallew f’idejn Alla, dwar meta talbu u Alla semagħhom. Meta jiġri dan, tajjeb li niftaħ sew widnejja, għax mill-eżempji tagħhom nista’ nitgħallem ħafna.

 

SFOND GĦALL-PREDIKATURI

 

Mill-prattika tal-Lectio Divina

Oratio

Mulej, isma’ t-talba tiegħi, agħtini widen, nitolbok bil-ħniena, weġibni minħabba l-fedeltà u l-ġustizzja tiegħek” (S 143:1). Il-meditazzjoni, jekk hi tassew smiegħ tal-Kelma ta’ Alla u mhux tal-ħsibijiet oħra, tnissel fil-qalb ix-xewqa li wieħed jiltaqa’ ma’ Dak li tkellem permezz tas-silta tal-Iskrittura. Jekk il-meditazzjoni ssir bil-moħħ, it-talb isir bil-qalb li tinġibed bl-imħabba lejn il-wiċċ ta’ Alla li wera lilu nnifsu bħala għajn ta’ kull imħabba.

 

Collatio

Inxandar ismek lil ħuti, infaħħrek f’nofs il-ġemgħa” (S 22:23). Meta jkun possibbli, jiswa ħafna li wieħed jaqsam ma’ ħutu fil-fidi l-frott li tkun ġab fih it-talb. Ħadd ma jfittex waħdu l-wiċċ ta’ Alla; aħna wkoll Knisja, għaqda ta’ persuni msejħin biex nikbru flimkien fl-imħabba. Il-grazzji li l-Mulej jagħti lil kull wieħed u waħda, l-aktar dawk spiritwali, mhumiex biex jinżammu biss minn dak li jkun, imma rigali mogħtija għall-ġid ta’ kulħadd.

 

Benedittu XVI, Verbum Domini, 87

[...] Wara dan, naslu għall-mument tat-talb (oratio) li jitlob il-mistoqsija: x’se ngħidulu aħna lill-Mulej bi tweġiba għall-Kelma tiegħu? It-talb bħala petizzjoni, interċessjoni, radd il-ħajr u tifħir, huwa l-ewwel mod li bih il-Kelma tibdilna.
 

Id-disa’ jum

Il-Ġimgħa 23 ta’ Diċembru

 

IT-TWETTIEQ TAL-KELMA TA’ ALLA

 

IL-LITURĠIJA TAL-KELMA

 

Il-Qari u l-Evanġelju

Mal 3:1-4.23-24 Nibagħtilkom ’l Elija l-profeta qabel ma jasal Jum il-Mulej.

Lq 1:57-66 Jew *Lq 1:57-79 It-twelid ta’ Ġwanni l-Battista.

 

*Jekk il-ġemgħa li tieħu sehem fil-quddiesa mhux se terġa’ tieħu sehem l-għada fil-quddiesa tal-24 ta’ Diċembru filgħodu, il-Qari tal-Vanġelu jista’ jittawwal sal-vers 79, biex jinkludi r-rakkont kollu sa qabel il-Vanġelu li jixxandar fil-Quddiesa tal-Milied billejl.

 

Vers ewlieni

Lq 1:63a Hu talabhom xi ħaġa fuqiex jikteb, u kiteb hekk: “Ismu huwa Ġwanni.”

 

SUĠĠERIMENTI GĦALL-OMELIJA

 

Ħsieb

Fl-aħħar jum tan-Novena, mill-ġdid niltaqgħu ma’ Żakkarija, Eliżabetta u Ġwanni l-Battista. Żakkarija kien dak li quddiem it-tħabbira tal-anġlu li kien se jitwelidlu tifel ried ikun ċert li Alla jista’ jagħmel din il-ħaġa tal-għaġeb (Lq 1:18). Peress li qiegħed f’dubju s-setgħa ta’ Alla, kien spiċċa mbikkem (Lq 1:20).

 

F’dan il-mument tal-istorja li għadna kif smajna fl-Evanġelju, imma, meta t-tifel imħabbar kien twieled tassew, Żakkarija jagħmel xi ħaġa sabiħa: jobdi dak li Alla kien qallu. Fit-tħabbira, fil-fatt, permezz tal-anġlu, Alla kien qallu “martek Eliżabetta se tagħtik iben, u inti ssemmih Ġwanni” (Lq 1:13). Meta Eliżabetta twelled lit-tifel, tqum diskussjoni fuq x’isem se jingħatalu. F’dan il-waqt, Żakkarija ma jaħsibhiex darbtejn: meta jara li l-wegħda ta’ Alla kienet seħħet, meta jara li l-Kelma ta’ Alla mhix fiergħa imma sseħħ (Lq 1:45), jagħraf ukoll kemm jaqbel li hu joqgħod fuq dak li jgħid Alla, kemm jaqbel li jobdi u jagħmel dak li jgħidlu Alla. Għalhekk, bħalma kien qallu l-anġlu, jordna bil-ktiba li “Ismu huwa Ġwanni” (Lq 1:63). Huwa f’dan il-mument, meta obda, li Żakkarija jifraħ, kif kien wegħdu l-anġlu (Lq 1:14), u jifirħu wkoll dawk kollha li kienu hemm (Lq 1:63b. 65-66).

 

Meta nistgħu nagħmlu esperjenza tal-qawwa li għandha l-Kelma ta’ Alla? Meta mhux biss nisimgħuha, imma wkoll nagħmluha (Lq 6:46-49). “Kunu intom dawk li jagħmlu l-kelma, u mhux tisimgħuha biss u hekk tqarrqu bikom infuskom” (Ġak 1:22). Meta nagħmlu kulma jgħidilna l-Mulej, aħna nirċievu l-inbid it-tajjeb (Ġw 2:1-10). Dan għamlu Żakkarija, Marija (Lq 1:38), Ġużeppi (Mt 1:24) u l-qaddisin kollha (Lq 8:19-21): mhux biss semgħu l-Kelma ta’ Alla imma wkoll semgħu minnha. Meta nagħmlu l-Kelma ta’ Alla naraw il-qawwa tagħha, naraw kemm hi vera u sabiħa: “Jekk dawn il-ħwejjeġ tafuhom, henjin intom jekk tagħmluhom” (Ġw 13:17).

 

Barra minn dan, meta nagħmlu l-Kelma ta’ Alla – meta l-Kelma ssir għemil konkret, xi ħaġa li taraha b’għajnejk u tmissha b’idejk – ikun qed iseħħ bħal Milied ieħor: il-Kelma tkun qed issir laħam fid-dinja (Ġw 1:14). Il-Kelma ta’ Alla tista’ tissarraf f’fiduċja f’Alla u f’konverżjoni tal-qalb, tal-ħsieb u tal-imġieba hekk li “jiddi d-dawl tagħkom quddiem il-bnedmin, biex jaraw l-għemejjel tajba tagħkom u jagħtu glorja lil Missierkom li hu fis-smewwiet” (Mt 5:16). Il-Kelma ta’ Alla għandha ħila tiġbor lill-bnedmin f’għaqda u f’komunjoni – għandha ħila tibni l-Knisja – hekk li l-Ġisem ta’ Kristu jibqa’ preżenti fid-dinja: “Minn dan jagħraf kulħadd li intom dixxipli tiegħi, jiġifieri, jekk ikollkom l-imħabba bejnietkom” (Ġw 13:35). Is-smigħ tal-Kelma ta’ Alla jista’ jissarraf f’karità u ħniena lejn l-oħrajn: “Mur, u agħmel hekk int ukoll” (Lq 10:37).

 

Suġġerimenti għal djalogu mat-tfal

Għaliex għandi nobdi lil Alla?

̶            L-ewwel nett, għaliex dak li jgħidli Alla jgħiduli għall-ġid u l-ferħ tiegħi (kif rajna jumejn ilu).

̶            Għandi nobdih ukoll għaliex, jekk ma nagħmilx il-parti tiegħi, Alla għalxejn jagħmel il-parti tiegħu. Alla ma jixtieqx li jien inkun pupazz, u hu jagħmel bija li jrid. Lanqas jixtieq jaqbadni minn xagħri u jġiegħlni nagħmel dak li ma rridx. Hu jixtieq li jien nimxi wara Ġesù għax irrid – din hija l-parti tiegħi. Meta nagħmel dan, hu jagħmel il-parti tiegħu, li hija ferm akbar. Għalhekk, kif juruna l-qaddisin, l-ubbidjenza hija worth it.

 

SFOND GĦALL-PREDIKATURI

 

Mill-prattika tal-Lectio Divina

Discretio

Urini, Mulej, triqatek, biex nimxi fis-sewwa tiegħek” (S 86:11). Bid-don tal-kunsill, l-Ispirtu s-Santu juri kif għandhom jiġu interpretati is-sitwazzjonijiet tal-ħajja li wieħed ikun qed jgħix. Dan huwa l-waqt li l-ħsibijiet tal-bniedem isiru bħall-ħsibijiet ta’ Alla, biex wieħed jaqra bil-fidi l-ktieb tal-istorja personali tiegħu, miktub hu wkoll mill-providenza u l-imħabba għarfa ta’ Alla. Huwa l-Ispirtu li jgħallem kif għandha tkun l-imġieba hekk li fid-dinja titħejja t-triq tal-Mulej.

 

Deliberatio

“Ara jiena llum qegħedtlek quddiemek il-ħajja u l-ġid: agħżel il-ħajja” (Dewt 30:15.19). It-talb m’għandux jibqa’ biss kontemplazzjoni wieqfa, li tissodisfa x-xewqa reliġjuża bla ma tibdel il-qalb. Bid-don tal-qawwa, l-Ispirtu s-Santu jagħti l-ħila li wieħed jiddeċiedi kif għandu jimxi wara dak li l-Vanġelu jipproponi u kif għandu jgħix dak li jkun fehem fid-dixxerniment. Sikwit dawn ikunu deċiżjonijiet żgħar; imma bil-fedeltà fil-ħwejjeġ iż-żgħar wieħed ikun jibni kuljum il-fedeltà aktar sħiħa lejn is-sejħa ta’ Alla.

 

Actio

“Għalhekk, kull min jisma’ dan kliemi u jagħmel li qiegħed ngħid jien, isir jixbah lil bniedem għaqli li bena daru fuq il-blat” (Mt 7:24). Jekk wieħed jilqa’ tabilħaqq il-Kelma, jekk wieħed iħalli lilu nnifsu jintrebaħ minnha, ma jistax ikun li kollox jieqaf malli jintemm il-ħin tat-talb. Meta wieħed jimxi l-mixja tal-lectio divina, l-għemil tiegħu jkun imnebbaħ kollu mill-Ispirtu s-Santu. Hekk meta jgħid li “l-ħajja kollha hi talba” ma jkunx qed iġib skuża biex jaħrab mill-ħin tat-talb, imma jkun qed ifisser x’jiġri meta l-imħabba ta’ Alla tfur minn qalbu f’kull għemil tiegħu.

 

Benedittu XVI, Verbum Domini, 87

[...] tajjeb infakkru li l-lectio divina fid-dinamika kollha tagħha ma tagħlaqx qabel ma tasal għall-azzjoni (actio), li ċċaqlaq il-ħajja kollha ta’ min jemmen u ssir don għall-oħrajn fil-karità.

 

Franġisku, Evangelii Gaudium, 153

[...] Meta nfittxu li nisimgħu lill-Mulej hu normali li jkollna t-tentazzjonijiet. Waħda minnhom hi [... li] naħsbu li Alla qed jitlob minna deċiżjoni kbira wisq, li għadna m’aħniex fi stat li nistgħu nieħdu. Dan iwassal lil ħafna persnuni biex jitilfu l-ferħ tal-laqgħa mal-Kelma, imma dan għax ikunu jinsew li ħadd mhu paċenzjuż daqs Alla l-Missier, li ħadd ma jaf jifhem u jistenna daqskemm jaf Hu. Hu dejjem jistedinna biex immiddu pass ieħor, imma ma jistenniex tweġiba sħiħa mingħandna jekk għadna ma għamilniex il-mixja kollha li jagħmilha possibbli. Sempliċement jixtieq li nħarsu b’sinċerità lejn ħajjitna u nippreżentawhielu bla tagħwiġ, li nkunu disposti li nkomplu nikbru, u li nitolbu lilu dak li s’issa għad ma rnexxilniex naslu għalih.