Novena tal-Milied 2020

Ir-Rigali li nirċievu mingħand il-Missier

 

L-ewwel jum

MAĦLUQ

jien u kull bniedem bħala rigal ta’ Alla

 

Kemm hu sabiħ li tgħix! Alla ħabbni sa minn dejjem u ħalaqni biex nagħrfu u nħobbu – u dan hu rigal mill-isbaħ.

 

Xi kultant l-oħrajn ma japprezzawniex u jwarrbuna. Hekk kienu jagħmlulhom lir-rgħajja fi żmien meta twieled Ġesù. Saħansitra, xi kultant inkunu aħna stess li ma napprezzawx lilna nfusna.

 

Imma aħna rigal prezzjuż, il-ħajja tagħna hija importanti. Tant hu hekk, li Alla jrid isalvana akkost ta’

kollox!

 

It-tieni jum

MILQUGĦ

Ir-rigal tal-familja tiegħi

 

Il-familja tagħna hija rigal. Sa minn meta konna ċkejknin, il-ġenituri ħadu ħsiebna, lestewlna fejn noqgħodu u dak kollu li kellna bżonn. Ħutna l-kbar u ż-żgħar lagħbu magħna. In-nanniet ferħu bina u sajrulna tajjeb. Iz-zijiet u l-kuġini wkoll huma rigal.

 

Anki Ġesù twieled f’familja: kellu mhux biss il-ġenituri tiegħu, imma wkoll il-familja aktar wiesgħa.

 

Hija grazzja li ngħixu ġo familja fejn inħossuna maħbubin, fejn nitgħallmu kif għandna nġibu ruħna u fejn nistgħu nikbru mhux biss fl-età u fit-tul, imma anke fil-ħsieb u fil-qalb.

 

It-tielet jum

IL-ĠIRIEN

Ir-rigal tan-nies li jgħinuna

 

Fit-triq tagħna hemm djar ta’ familji oħra. Hemm ukoll ħwienet minn fejn nistgħu nixtru affarijiet li għandna bżonn. Kulħadd ikollu bżonn jitlob l-għajnuna f’xi ħin jew ieħor, għax rari nkunu nistgħu naslu waħedna.

 

Ġużeppi kien mastrudaxxa, u kien jaqdi lin-nies f’dak li kellhom bżonn. Hu stess, imma, kien imur jixtri l-affarijiet l-oħra mingħand ħaddieħor.

 

Illum ukoll, aħna jkollna bżonn lil xulxin. Kull persuna li tagħtina l-għajnuna hija rigal: l-għalliema, tal- ħanut, ix-xufiera... Din is-sena li għaddiet kellna bżonn ħafna tat-tobba biex jieħdu ħsiebna u juruna kif għandna nieħdu ħsieb xulxin.


 

Ir-raba’ jum

IL-KELMA TA’ ALLA

Kull darba li jkellimna Alla hu rigal

 

Alla bagħat l-anġlu Gabriel għand Marija, biex ikellimha u jagħtiha aħbar sabiħa. Lilna wkoll ikellimna

permezz tal-Bibbja.

 

Kull darba li jkellimna, ikun qisu qed jgħidilna sigriet, u aħna nħossuna ferħanin li għażel lilna biex jgħidulna. Kull darba li jkellimna, ikun qed jagħtina rigal, u aħna nwieġbu: irroddu ħajr lil Alla!

 

Kemm ikun sabiħ meta noqgħodu attenti għal dak li jkun jgħidilna Alla. Kemm ikun sabiħ kieku nistaqsu meta ma nifhmuhx biżżejjed. Il-katekiżmu jiswa wkoll għal dan.

 

Il-ħames jum

OPPORTUNITÀ

Meta jitolbuna pjaċir, ikunu jagħmlulna pjaċir

 

Aħna nħossuna ferħanin meta jirnexxielna nferrħu lil ħaddieħor. Għalhekk, meta xi ħadd jitlobna l- għajnuna, meta nagħtu rigali lil xulxin, ma jifraħx biss min jirċievi r-rigal, imma wkoll min jagħtih.

 

Darba Ġesù qal: hemm aktar ferħ f’li wieħed jagħti milli f’li wieħed jirċievi; u qal ukoll: min jagħti tazza ilma frisk lil xi ħadd, ikollu l-ħlas tagħha. Dan il-ħlas huwa l-ferħ tassew. Ġesù darba qal ukoll: b’xejn irċivejtu, b’xejn agħtu.

 

Kollha kemm aħna għandna opportunità biex ngħinu lil xi ħadd, biex inħobbu lil xi ħadd. Kollha kemm aħna għandna opportunità biex inkunu ferħanin.

 

Is-sitt jum

IL-BARRANI

Min hu differenti hu rigal differenti

 

Iktar ma jkollna rigali differenti, aktar nieħdu gost, għax kull rigal għandu s-sabiħ tiegħu.

 

Meta nsiefru nixtru affarijiet li minn Malta ma nsibuhomx. Meta waslu l-maġi għand Ġesù, ħadu magħhom ir-rigali: kienu rigali speċjali, li ma ssibhomx fl-art ta’ Ġesù, imma setgħu jġibuhom biss il- barranin.

 

Il-barranin li jiġu Malta u Għawdex ukoll iġibu magħhom rigali u valuri sbieħ.

 

Is-seba’ jum

IL-ĦOLQIEN

Dak kollu li ħalaq Alla hu rigal fraġli u prezzjuż

 

Il-ħolqien ta’ madwarna hu rigal sabiħ, anki jekk xi drabi nidraw narawh u ma nagħtux każ: is-siġar u l- frott, il-ħut u l-baħar, l-arja u l-għasafar, l-annimali u l-widien, l-għoljiet u l-għelieqi.

 

Marija kellha ħmara u xi daqsxejn ta’ ġardina, kienet timla l-ilma minn għajn. Ġesù kien jieħu gost bil- ħolqien, kien jitgħaxxaq bit-tajr tal-ajru u l-ġilju tal-widien, u kienu jfakkruh f’kemm Alla jieħu ħsiebna.


 

Il-ħolqien hu rigal sabiħ, imma fraġli ħafna: faċli nkissruh u ngħarrquh. Jekk jiġri hekk, ta’ warajna ma jsibuhx sabiħ daqskemm sibnieh aħna.

 

It-tmien jum

IL-FEJQAN

Ir-rigal tad-duwa fil-mard

 

Fil-pandemija kien hawn ħafna nies morda li kienu jbatu. Huma u aħna xtaqna li jkun hawn mediċina li tfejjaq lil kulħadd, biex ma jkomplux ibatu n-nies u nkunu nistgħu ngħixu b’moħħna mistrieħ. U nkunu nistgħu ngħannqu lil xulxin. Il-mediċina hija rigal kbir.

 

Anki d-dnub huwa marda kerha, li jġegħlna nbatu. Imma diġà għandna mediċina għalih: il-maħfra ta’ Ġesù li nistgħu nirċevuha fil-qrar. Il-maħfra hija tgħannieqa li Ġesù jagħtina.

 

Ġesù hu tabib tar-ruħ u tal-ġisem, u twieled biex ikun mediċina għal kulħadd. Darba qal: jien ma ġejtx għal min hu b’saħħtu, imma għall-morda; ma ġejtx għall-ġusti, imma għall-midinbin.

 

Id-disa’ jum

ĠESÙ

l-aqwa rigal

 

Ġesù Bambin huwa rigal li jidher ċkejken, imma huwa kbir; jidher fqir f’maxtura, imma huwa sinjur u għandu ħafna x’jagħtina; jidher dgħajjef, imma huwa qawwi.

 

Ġesù Bambin huwa l-isbaħ u l-aqwa rigal. Jekk il-Missier tana lill-Ibnu stess, kif ma jagħtiniex kollox miegħu? Żgur li m’hemm xejn li hu ta’ ġid għalina li mhux se jagħtihulna.

 

Ġesù Bambin huwa rigal għal kulħadd, u mhux biss għal ftit nies. Permezz tal-Knisja – li hija aħna – jixtieq jasal għand in-nies tad-dinja kollha, biex ikun dawl għall-ġnus.

 

Kitba ta' Fr Jimmy Xerri.