Laikos

            SENA A    -    SENA B    -    SENA Ċ

SENA Ċ

1 ĠIMGĦA: Tnejn  -  Tlieta  -  Erbgħa  -  Ħamis  -  Ġimgħa  -  Sibt  -  Kunċizzjoni

2 ĠIMGĦA: Tnejn  -  Tlieta  -  Erbgħa  -  Ħamis  -  Ġimgħa  -  Sibt   

3 ĠIMGĦA: Tnejn  -  Tlieta  -  Erbgħa  -  Ħamis  -  Ġimgħa  -  Sibt


L-Ewwel Ġimgħa tal-Avvent

 

IT-TNEJN

Mt 8,5-11; Is 2,1-5

Ġej biex ifejjaqna

 

L-ewwel jum ferjali tal-Avvent jibda b’rakkont ta’ miraklu, il-fejqan tal-qaddej taċ-ċenturjun ta’ Kafarnahum. Jiġifieri sewwasew fil-bidu tal-Avvent, qed nintalbu nġeddu t-twemmin tagħna fil-mirakli.

 

Ernest Renan (+1892), iben ir-razzjonaliżmu Franċiż, ma kienx jemmen fil-mirakli. Ken jgħid li propju għax jirrakkuntaw ġrajjiet ta’ mirakli l-kotba tal-Vanġelu kienu leġġendarji. Jekk għandhom dimesjoni storika, din ma tinkludix il-mirakli. Ċerta kultura xjentista ta’ żmienna taqbel ma’ Renan.

 

Il-Konċilju Vatikan I, madankollu, jikkonferma li l-mirakli jistgħu jsiru u li Kristu tabilħaqq wettaqhom. Il-mirakli seħħew fiż-żminijiet kollha tal-Knisja u huma ħafna dawk li jagħtu xhieda tagħhom. Il-Katekiżmu tal-Knisja Kattolika jgħidilna li l-mirakli “huma sinjali żguri tar-Rivelazzjoni, sinjali adatti għall-intelliġenza ta’ kulħadd u motivi ta’ kredibilita’ li juru li l-aċċettazzjoni tal-fidi bl-ebda mod ma hu aġir fl-għama tal-ispirtu” (n.156)

 

Fi kliem ieħor il-mirakli huma sinjali li, iva, jagħtu prova ta’ Kristu imma li fuq kollox jagħtu sens lill-fidi tagħna fih. Bil-fejqan tal-qaddej taċ-ċenturjun, Ġesu’ ta sens lill-fidi taċ-ċenturjun u jrid jagħti sens lill-fidi tagħna.

 

Il-fidi tagħna hi li, f’Ġesu’, Alla jżur l-umanita’ tagħna biex ifejjaqna minn mard li nafu li qed idgħajjifna, għalkemm aktarx li ftit li xejn nafu eżattament x’mard hu dan.

 

Forsi hu Isaija li fl-ewwel qari jagħtina ħjiel ta’ x’inhu meta jagħtina x’nifhmu li nitfejqu minnu sewwasew meta “nitilgħu fuq il-għolja tal-Mulej”. Tgħid, hux il-mard li għandna dak tal-bniedem maħluq għall-ħajja tas-sema li sar jikkuntenta bil-medjokrita’ tal-ħajja tal-art!

 

U x’jista’ jeħlisna minn dal-mard jekk mhux miraklu! X’jista’ jagħti sens lill-ħajja tagħna mixtieqa minn fejqan li ma nistgħux nakkwistaw weħidna, jekk mhux Kristu li, għat-talba li ċ-ċenturjun għamillu f’isimna, jgħidilna: “Niġi jien nfejjaqkom.”

 

 

L-Ewwel Ġimgħa tal-Avvent

 

IT-TLIETA

Lq 10,21-24; Is 11,1-10

Ġej biex jagħtina viżjoni

 

Illum il-Knisja trid tingaġġana f’viżjoni. Din il-viżjoni hi offruta lil kulħadd imma effettivament għandhom aċċess għaliha biss dawk li, fi kliem Kristu, huma  “ċ-ċkejknin”.

 

Dawn iċ-“ċkejknin” paradossalment huma dawk li ma jagħarfux limiti għall-potenzjal eżistenzjali tagħhom imma fl-istess waqt jafu li weħidhom, jiġifieri iżolati minn Alla, dan il-potenzjal ma jilħquhx.  Iċ-“ċkejknin” tal-Vanġelu huma aħna meta, sewwasew għax nafu li weħidna ma nilħqux il-milja tagħna, nilqgħu lil Kristu u l-viżjoni infinita tiegħu għalina.

 

Jirredikolawha dil-viżjoni ta’ Kristu xi ħassieba ta’ żmienna bħal Richard Dawkins, li għadu “ħaj”, u Christopher Hitchens, li miet. Dawn, u magħhom kittieba bħat-Taljan Piergiorgio Odifreddi, l-Amerikan Sam Harris u l-Franċiż Michel Onfray jgħidu li l-viżjoni ta’ bniedem u soċjeta’ li tagħtina r-reliġjon hi illużorja. Anzi! hi waħda minsusa mill-irrazzjonalita’ u l-injoranza.

 

Lil dawn it-tweġiba jagħtihielhom il-Vanġelu tallum b’fomm Kristu: “Infaħħrek, Missier, Sid is-sema u l-art, talli inti dawn il-ħwejjeġ ħbejthom ’il min hu għaref u ’l min jifhem u għarrafthom lil min hu ċkejken.” Kristu qed jgħid li l-irrazzjonalita’ u l-illużjoni jinsabu f’dak li, f’isem ix-xjenza, jaħseb li “hu għaref” u “jifhem”, f’dawk li x-xjenza, flok ma tgħinhom jintebħu kemm huma ċkejknin, imtlew bl-arroganza ta’ min jaħseb li l-viżjoni tas-sema tinsab fl-analiżi tal-art. 

 

Hekku, il-mard dikjarat tal-ateji! Hekku l-mard moħbi tal-Insara – tant drabi moħbi għall-Insara nfishom! Hekku l-mard… l-għama!

 

Il-profeta Isaija jħabbrilna lil Ġesu’ li ġej bil-viżjoni li tfejjaqna minn dan l-għama: tal-lupu li jgħix mal-ħaruf, il-leopard mal-gidi u t-tarbija tal-ħalib titliegħeb fil-ħofra tas-serp. Viżjoni anti-xjentifika imma brillanti. Viżjoni li biss jekk inkunu “ċkejknin” nistgħu nagħarfu, napprezzaw, nilqgħu u nirrealizzaw fina u fis-soċjeta’ tagħna.

 

 

 

L-Ewwel Ġimgħa tal-Avvent

 

L-ERBGĦA

Mt 15, 29-37; Is 25, 6-10a

Ġej biex isaħħaħna

 

Il-periklu l-kbir tagħna l-bnedmin jinsab f’dan: li, maħluqin f’xebh ma’ Alla u mogħnija bil-kapaċitajiet divini tiegħu, aktarx li ninqabdu fit-trabokk tad-dinja u, bħall-ajka li tkun trawmet f’gallinar tat-tiġieġ u taħseb li mhix għajr tiġieġa, ma nintebħux li, għalkemm ngħixu fuq l-art, għandna ġo fina l-potenzjal tas-sema.  

 

L-għomja, iz-zopop u l-imbikkmin tal-Vanġelu tallum huma mhux biss realta’ soċjali tal-bieraħ u tallum, imma wkoll metafora li titkellem fuqna l-bnedmin, fosthom fuqna l-Insara, li għalkemm għandna għajnejn kapaċi jaraw ‘l Alla, lejn Alla ma nħarsux; għalkemm għandna riġlejn kapaċi jimxu t-triq ta’ Alla, nimxu triqat oħra; u għalkemm għandna fomm iddisinjat biex jitkellem m’Alla, aktarx li nispiċċaw nitkellmu ma’ kulħadd ħlief m’Alla.

 

Il-miġja ta’ Ġesu fostna hi miġja li trid teħlisna mill-priġunerija ta’ dal-“handicap” sabiex minn “imbikkmin” insiru mhux biss kelliema ma’ u fuq Alla imma kelmiet  ta’ Alla fl-istorja; minn “zopop” ninbidlu mhux biss f’dixxipli imma sewwasew f’testimonjanza ta’ Kristu, minn “għomja” insiru mhux biss kontemplaturi imma wkoll illustrazzjoni tal-misteru divin u minn nies imdgħajfin mill-ġuħ insiru mhux biss imxebbgħin bl-ikel imma nsiru saħansitra nutriminet ta’ mħabba għal xulxin.

 

Il-profeta Isaija kien ħabbar li l-Mulej, meta jiġi, “iċarrat il-velu” li kien jgħattilna wiċċna u juri, l-ewwelnett lilna nfusna u mbagħad lill-ħolqien kollu min aħna aħna l-bnedmin, x’inhu l-potenzjal tagħna bħala xbiha tiegħu u x’inhi s-sejħa tagħna. Is-sejħa tagħna hi li nkunu ċelebrazzjoni tal-qdusija t’Alla.

 

Għal mistoqsija li saritlu ftit wara li kien irċieva l-Magħmudija, l-ambaxxatur tar-Repubblika taċ-Ċina (Tajwan) għall-Vatikan Chou Seng Tou, kien wieġeb li hu sar Kattoliku għax ra li l-Kristjaneżimu jiġġenera l-qdusija.

 

Iva, Ġesu’ ġie – u ġej – biex jurina l-potenzjal tas-sema li hemm fina, biex jilliberana mill-priġunerija tal-art u biex jiġġenera fina l-qdusija.

 

 

 

 

L-Ewwel Ġimgħa tal-Avvent

 

IL-ĦAMIS

Mt 7,21.24-27; Is 26,1-6

Ġej biex iwissina

 

Hemm element profondament identiku f’ċertu umaneżimu kontemporanju u r-reliġjożita’ tal-qedem. It-tnejn li huma jduru fuq it-“tlablib salvifiku”. Għar-reliġjonijiet tal-qedem, l-inkanteżmi u r-rakkonti mitoloġiċi kienu magħduda  għodda ta’ salvazzjoni, fil-waqt li għall-umaniżmu ateju ta’ żmienna s-salvazzjoni – dejjem jekk f’dal-kuntest wieħed jista’ tabilħaqq jitkellem minn salvazzjoni – tikkonsisti f’ċertu razzjonaliżmu li jinkludi l-manipolazzjoni tal-loġika, l-iżvwotament tal-etika naturali u r-rakkont tendenzjuż tal-istorja umana. Il-mitoloġija ta’ żmienna!

 

Il-poplu ta’ Israel kien waqa’ f’din in-nassa tat-“tlablib salvifiku”. Influwenzat kif kien mill-paganiżmu ta’ madwaru kien beda jaħseb li s-salvazzjoni seta’ jiksibha mhux tant billi joqgħod għall-kelma ta’ Alla imma b’kemm kien jaħseb li jirnexxilu jimmanipola ’l Alla bi kliem u ritwali artifiċjali.

 

Ġesu’ ġie – u ġej – sabiex iwissina fuq dan: “Mhux kull min jgħidli ‘Mulej, Mulej’ jidħol fis-Saltna tas-smewwiet, imma kull min jagħmel ir-rieda ta’ Missieri li hu fis-smewwiet.” Diskors ċar! Min jaħseb li bl-arti tad-diskors jista’ jibni ma’ Alla xi relazzjoni ta’ salvazzjoni, qed jibni daru, jiġifieri ħajtu, fuq ir-ramel.

 

Fil-kas tagħna l-Insara, dan ir-“ramel” għandu fundament perikoluż ħafna. Hu dak tal-ipokresija, tat-twemmin biss estern, tal-fidi Kattolika tal-immaġini. Bina nfusna, għal xi ftit taż-żmien, nidħqu; bi Kristu, qatt.

 

Min irid jibni ħajtu mhux fuq ir-ramel imma fuq il-blat, anzi, fuq blata li ma titħarrikx, għandu jibniha fuq Kristu, u fuq it-tama li l-Missier iżomm kelmtu magħna. Jgħidilna Isaija fl-ewwel qari tallum: “Il-Mulej hu l-blata ta’ dejjem.”

 

Forsi qatt daqs żminijietna ma għandna bżonn it-twissija li qed jagħmlilna Kristu llum. Huma żminijiet maqbuda fiċ-ċirku vizzjuż ta’ prodott tar-ramel li qed jibni fuq ir-ramel. U dan bil-kompliċita’ anki tagħna l-Insara.

 

 

 

L-Ewwel Ġimgħa tal-Avvent

 

IL-ĠIMGĦA

Mt 9,27-31; Is 29,17-24

Ġej biex idawwalna

 

Aħna, li għandna l-użu ta’ għajnejna, ngħidu li naraw. U, tabilħaqq, naraw. Naraw nimxu, naraw lil xulxin, naraw l-ambjent ta’ madwarna.

 

Madankollu jiġri li nitkellmu fuq l-imgħoddu u ngħidu: “Taf li dik il-ħaġa ma rajthiex, ma nbaħtx biha, ma fhimthiex.” Meta nammettu dan inkunu qed ngħidu li f’ċerti okkażjonijiet konna “għomja”. Jista’ jkun li dan kien “għama” tat-tip li ma nistgħux naħarbu minnu; għama ġej mill-fatt li aħna esseri finiti. Infatti hemm realtajiet madwarna, u anki ġo fina, li huma moħbija għalina, li aħna għomja għalihom.

 

Imma hemm ukoll “għama” li m’għandux ikun: inġibuh fuqna b’idejna jew ninħakmu bih minħabba ċerta trobbija, ċerta kultura jew ideoloġija, ċerti ġrajjiet ta’ abbuż, preġudizzju jew ingann li nġarrbu. Għama li ġej mid-dnub, tagħna jew ukoll ta’ oħrajn. Għama li jitlob fejqan.

 

Il-Vanġelu tallum isemmilna żewġ għomja, li fir-rakkont jidhru li kienu għomja fiżikament, u mhux moralment jew spiritwalment. Tabilħaqq, spiritwalment ma kinux għomja, għax minkejja li ma kellhomx l-użu tal-għajnejn tal-ġisem, lil Ġesu’ għarfuh u ġrew warajh bl-għajta: “Bin David, ħenn għalina!” L-għomja veri ta’ żmien Kristu, li hu wkoll żmienna – u li jikkostitwixxu s-sottofond tal-ġrajja tal-Vanġelu tallum – kienu mhux dawn imma l-kittieba u l-Fariżej li, minkejja li kellhom l-użu tal-għajnejn tal-ġisem, lil Ġesu’ ma għarfuhx, u ma laqgħuhx.

 

Ninsabu fiż-żmien tal-Avvent. Ejjew nitolbu lil Ġesu’ sabiex, bħalma fejjaq liż-żewġ għomja tal-Vanġelu, jiġi jfejjaq lilna u ’l-kultura ta’ żmienna mill-għama li tant qed jheddidna, għama li ma jħalliniex naraw il-veru wiċċ ta’ Kristu u tal-Knisja tiegħu.

 

Ninsabu fis-sena dedikata mill-Knisja għat-tiġdid fil-fidi. Mingħajr dat-tiġdid qajla nistgħu nagħarfu b’mod ġdid lil Kristu li ġej biex idawwalna u qajla nistgħu niġġeddu fil-mixi tagħna warajh.

 

 

 

L-Ewwel Ġimgħa tal-Avvent

 

IS-SIBT

 

Mt 9,35 – 10,1.6-8; Is 30,19-21.23-26

 

Il-Mulej Ġesu’ daħal fl-istorja umana elfejn sena ilu u rieġa’ ġej fit-tifkira “sagramentali” tal-Milied sabiex tibqa’ sseħħ dejjem il-wiegħda li saritilna permezz tal-profeta Isaija: “Widnejk minn warajk jisimgħu kliem li jwissik u jgħidlek: Din hi t-triq, għaddi minnha.”

 

Ġesu’ ġie fostna sabiex ikun din “it-triq”. Din l-ħidma ta’ evanġelizzazzjoni li ġie jwettaq: evanġelizzazzjoni dejjem ġdida.

 

Ġesu’ ġie fostna wkoll sabiex jagħtina “ħaddiema” ħalli f’ismu jkomplu jmexxuna f’din it-triq li hi Hu nnifsu. Ma nistgħux nilqgħuh bħala t-triq tagħna mingħajr ma nilqgħu ukoll il-mibgħutin tiegħu fostna. Tabilħaqq, meta nilqgħu lil Ġesu’ permezz tal-mibgħutin tiegħu, aħna nirċievu s-sejħa biex naħdmu magħhom – u permezz tagħhom, miegħu.

 

Imqanqal mill-ħasra li ġietu meta ra l-bnedmin qishom ngħaġ bla ragħaj, Ġesu’ jrid li d-dixxipli tiegħu jitqanqlu bl-istess ħasra għan-ngħaġ li ntilfu ħa jimxu magħhom it-triq tal-fejqan, il-ħelsien mill-ħażen u l-ħajja. U jrid li minn fost id-dixxipli jkun hemm dawk li jilqgħu s-sejħa speċjali tiegħu.

 

“Itolbu lil Sid il-ħsad biex jibgħat ħaddiema għall-ħsad tiegħu” – jgħidilna. Anki dit-talba hi fuiha nfisha ħidma ta’ evanġelizzazzjoni u sinjal ta’ kif u kemm inkunu lqgħajna lil Ġesu’ fil-miġja tiegħu fostna.

 

Fittxu l-Mulej sakemm tistgħu ssibuh, sejħulu sakemm hu qrib. (L-Akklamazzjoni tal-Vanġelu)

 

 

L-Ewwel Ġimgħa tal-Avvent

 

It-Tnissil Bla Tebgħa ta’ Marija

Lq 1,26-38;Ġen 3,9-15.29; Ef 1,3-6.11-12

 

Ġej biex jifdina

 

Is-solennita’ tal-Immakulata li aħna l-Kattoliċi niċċelebraw illum, 8 ta’ Diċembru, tfakkarna fit-trijonf tal-grazzja fuq id-dnub, fir-rebħa ta’ Kristu fuq l-għadu infernali tagħna u fil-glorja li għad tilbes il-Knisja rebbieħa miegħu fuq kull “dragun” ta’ tiġrib intern jew oppożizzjoni esterna għaliha.

 

Il-festa tallum hi waħda mill-festi kbar ta’ Kristu għax sewwasew fit-tnissil bla tebgħa tal-Verġni Mqaddsa Marija għandna l-ewwel illustrazzjoni tal-fidwa ta’ Kristu fil-bniedem u l-aktar waħda perfetta. Iċ-ċelebrazzjoni tallum, infatti, hija ċelebrazzjoni ta’ dik il-fidwa li biex tingħatalna l-Iben il-waħdieni t’Alla sar bniedem u għammar fostna. Ġesu’ għalhekk ġie, u ġej, biex jifdina.

 

Ġie, jiġi dejjem u ġej fostna sabiex tissokta sseħħ il-wiegħda tal-Ktieb tal-Ġenesi li għandna fl-ewwel qari tallum: “Innissel mibegħda bejnek u bejn il-mara, bejn nislek u nisilha; u hu jisħaqlek rasek.”

 

Ġie, jiġi dejjem u għalhekk ġej fostna sabiex tissokta sseħħ il-barka li l-appostlu San Pawl isemmi fl-Ittra lill-Efesin: “biex inkunu għal Alla l-Missier ulied adottivi permezz ta’ Ġesu’ Kristu” u “biex inkunu qaddisa u bla tebgħa quddiemu fl-imħabba”.

 

Ġie, jiġi dejjem u mill-ġdid ġej fostna sabiex tibqa’ tittenna t-tislima tal-anġlu Gabrijel lil Marija ta’ Nazaret u, f’Marija ta’ Nazaret, lill-Knisja: “Is-sliem għalik, mimlija bil-grazzja, il-Mulej miegħek.”

 

Il-“Mimlija bil-Grazzja” li fiha qed nifirħu llum hija Marija qabel ma hi l-Knisja u hi, fl-istess waqt, il-Knisja qabel ma hi Marija. Nifirħu, għalhelhekk, mal-Knisja li, minkejja dnubietna, f’Marija hija immakulata u mimlija bil-grazzja. Imma, fuq kollox, illum, nifirħu f’Marija li tal-Knisja, jiġifieri tagħna l-mifdijin, hija l-prefigura, l-antiċipazzjoni u l-omm tal-grazzja ta’ Kristu li rċivejna.

 


 

It-Tieni Ġimgħa tal-Avvent

 

IT-TNEJN

Lq 5,17-26; Is 35,1-10

 

Ġej biex jeħlisna

 

Hemm mard u mard. Il-mard veru, kemm jekk fiżiku u kemm jekk morali, hu dak li jipparalizzak. Hu dak li jimpriġjonak f’ġisem li ma jgħinekx, f’soċjeta’ li taqflek ġo spazji ridotti, f’ambjent li jagħmillek il-ħsara, f’kultura li temarġinak u f’moralita’ vizjata li tagħmlek insensibbli għat-tajjeb u inkapaċi li twettqu. Il-mard veru hu dak li jwasal għall-mewt, fiżika jew morali. Il-mard veru hu d-dnub.

 

Il-mard veru, l-ateji ma jarawhx. Iffaċċjati mill-konsegwenzi tiegħu jiskopru li, biex jeħilsu minnu, m’għandhomx fuq min jaqgħu għajr fuqhom infushom, fuq dik li jsejħulha “forza interjuri” li għandna u li, bl-għajnuna tax-xjenza medika u tas-solidarjeta’ umana, twassal lill-marid biex jegħleb il-paraliżi li tkun ħakmitu, jew jirrassenja ruħu għaliha jew ifittex li jtemmha billi jtemm ħajtu.

 

Is-silta tal-Vanġelu tallum tirrakkontalna l-ġrajja tal-mifluġ, tal-paralitiku, li sab fejqan mhux minn forza interjuri ineżistenti, imma minn qawwa barranija għalih, minn Ġesu’. Hi ġrajja li tagħtina dik it-tama vera li fid-dinja ta’ bla Alla ma nsibuhix, it-tama fundata fil-grazzja ta’ Kristu li hi aktar qawwija minn kull sura ta’ paraliżi li tista’ taħkimna.

 

Il-ġrajja tal-mifluġ twettaqna fit-tama ta’ Kristu li ġej biex joħroġna minn kulma jimpriġjonana, l-aktar mid-dnub. Imma wkoll timliena bil-fiduċja f’dik is-solidarjeta’ awtentika li tidher meta, b’imħabba, inressqu lil xulxin lejn Kristu, sewwasew bħalma għamlu dawk l-erba’ rġiel tal-Vanġelu li kellhom għal qalbhom il-ġid tal-mifluġ. Dawn, ċerti li Ġesu’ seta’ jgħinu, lill-mifluġ refgħuh, ġarrewh sa fejn kien jinsab Ġesu’, b’perseveranza għelbu l-ostaklu tal-folla li ma ħallithomx jidħlu d-dar u – x’għamlu? – fetħu x-xorok tal-bejt u niżżluh minn bejniethom bil-mitraħ b’kollox quddiem Ġesu’.

 

Hekku l-qawwa tal-grazzja, li taħdem mhux biss fil-marid imma wkoll f’min hu b’saħħtu biex tagħmlu qaddej tal-marid! Il-grazzja ta’ Kristu, li lill-mifluġ u lili u lilek jgħidilna: “Ħabib, dnubietek maħfura.... Qum, u mur lejn darek.” U, fi kliem Isaija: “Imxi, issa, it-triq il-qaddisa”.  It-triq li ma tafx paraliżi, jekk mhux dik li ġġib b’idejk!

 

 

It-Tieni Ġimgħa tal-Avvent

 

IT-TLIETA

Mt 18,12-14; Is 40,1-11

 

Ġej ifittixna

 

Charles Darwin (+1882), in-naturalist Ngliż li ħareġ bit-teorija tas-selezzjoni naturali, hu aktar magħruf mill-filosfu, Ingliż ukoll, Herbert Spencer (+1903) li kien l-ewwel li ħareġ bl-assjona tas-sopravivenza ta’ min hu l-aktar b’saħħtu. It-tagħlim ta’ dawn iż-żewġ studjużi hu kkwotat b’tifħir mix-xjenzati u fl-awli universitarji tal-eta’ moderna.

 

Ix-xjenza, sakemm tibqa’ fil-qasam tagħha ta’ analiżi u deskrizzjoni, inħalluha għax-xjenzati. Fil-mument, imma, li mid-deskrizzjoni tgħaddi għall-preskrizzjoni, bħal meta l-assjoma tas-“survival of the fittest” minn teorija li tiddeskrivi l-evoluzzjoni tal-bniedem issir waħda li tippreskrivi l-progress tiegħu, allura, f’dak il-mument aħna l-Insara ma nistgħux ma nxandrux il-Bxara t-Tajba, li l-messaġġ tagħha mhux is-sopravivenza ta’ min hu l-aktar b’saħħtu, imma ta’ min hu l-aktar dgħajjef.

 

Il-Vanġelu tallum hu illustrazzjoni ta’ dil-bxara t-tajba. Għal min hu “normali”, il-parabbola tan-nagħġa l-mitlufa hi ta’ novita’ assoluta u irrazzjopnalita’ perfetta’. Liema ragħaj hu daqshekk iblaħ li se jħalli weħidhom disgħa u disgħin nagħġa, fil-periklu li jixterdu, jinsterqu mill-ħallelin jew jinqatlu mill-annimali selvaġġi, biex imur ifittex nagħġa waħda li tkun intilfitlu? X’se jiswielu għall-kondizzjoni ekonomika jew soċjali tiegħu li nagħġa waħda, minn mija, tkun intilfitlu?

 

Sewwasew dan hu l-punt li jrid jagħmel Ġesu’. Ir-ragħaj tal-parabbola – li hu Kristu nnifsu – imur ifittex in-nagħġa l-mitlufa mhux għall-interessi tiegħu imma għall-interess tan-nagħġa li tkun intilfet. Jinsa lilu nnifsu u jwarrab ir-raġuni biex imur ifittex lil dik in-nagħġa li f’dak il-waqt tkun l-aktar bżonn ta’ mħabbtu! Il-verita’ hi, li fejn tidħol il-vera mħabba, ma jonqosx dak li d-dinja tqisu bluha!

 

In-nagħġa l-mitlufa hija kull wieħed u waħda minna. Li kien għall-kultura kontemporanja tal-“irkeb fuq min hu dgħajjef” u “ilaq lil min hu l-aktar b’saħħtu”, mitlufin nibqgħu. Imma Ġesu’ mhux hekk jirraġuna. Ġesu’, lilna l-midinbin, jiġi jfittixna.

 

U llum, lilna d-dixxipli tiegħu, jisfidana: “Intom x’jidhrilkom?” Jiġifieri, bħal min taħsbuha?

 

 

It-Tieni Ġimgħa tal-Avvent

 

L-ERBGĦA

Mt 11,28-30; Is 40,25-31

 

Ġie biex iserraħna

 

Jingħad li qatt daqs fi żmienna ma kien hawn fostna l-oċċidentali tant sbilanċi mentali u emozzjonali. Il-psikoloġi, li sa ftit tas-snin ilu ħadd ma kien sema’ bihom, illum igawdu l-aqwa fama u fiduċja. Il-kura professjonali tagħhom ifittxuha eluf ta’ nies, imġarrba minn tensjoni mentali u ansjeta’ depressiva, minn stima baxxa tagħhom infushom, konfużjoni ta’ identita’ sesswali u relazzjonali, u skwilibri oħrajn.

 

Skwilibri, dawn, li jirriflettu l-ħajja eżaġeratament kompetittiva, instabbli u artifiċjali ta’ żmienna, fejn il-mudelli tal-ħajja huma determinati mill-kappriċċi tal-moda, minn awto-kuxjenza arbitrarja u mill-infatwazzjoni għal suċċessi irraġġunġibbli.  Minħabba f’dan kollu, il-ħajja saret tqila, diffiċli biex timmaniġġjaha u wisq drabi twassal saħansitra għal atti ta’ ġenn.

 

Fil-Vanġelu tallum Ġesu qed jgħidilna, lilna, imbeżżgħin minn ħajja li donnha qed taħrab minn idejna: “Ejjew għandi, intom ilkoll li tinsabu mħabbtin u mtaqqlin, u jiena nserraħkom.” Ejjew għandi u tistrieħu. Ejjew għandi u tiksbu l-ekwilibriju spiritwali, u għalhekk ukoll psikoloġiku, li għandkom bżonn. Ejjew għandi, għarfu likom infuskom fija, tgħallmu minni x’għandkom tixtiequ u ħudu mingħandi l-madmad, jiġifieri, l-impenn ta’ ħajjitkom. Hu impenn ħelu u ħafif, għax jikkorrispondi għan-natura tagħkom.

 

Permezz tal-profeta Isaija, Alla jurina kemm jitnikket li flok infittxu l-mudell tagħna fil-Ħallieq, infittxuh fi ħlejjaq u xenqat inferjuri. Kif jista’ jkollna l-paċi tal-qalb jekk flok infittxu l-identita’ tagħna fi Kristu, infittxu li nkunu dak li m’aħniex u ma għandniex inkunu!

 

Ħadd ħlief Ġesu’, li permezz tiegħu ġejna maħluqin, ma jista’ jserraħna. Maħluqin permezz tiegħu u xbiha tiegħu, ma nistgħux ma nitilfux l-ekwilibriju ta’ moħħna u ta’ qalbna, jekk ma mmorrux għandu. Għalhekk ġej, sewwasew biex jikkonfrontana bl-identita’ tagħna fih, u jserraħna.

 

 

 

It-Tieni Ġimgħa tal-Avvent

 

IL-ĦAMIS

Mt 11,11-15; Is 41.13-20

 

Ġie biex jisfidana

 

Martinu Luteru (+1546), il-patri Agostinjan li ġab firda tant kbira fil-Knisja tas-seklu 16, ma kienx żbaljat f’kulma għallem. Il-prinċipju teoloġiku li s-salvazzjoni fi Kristu ma sseħħx bl-opri tal-liġi imma bis-saħħa tal-fidi, lil hemm mill-applikazzjonijiet zbaljati tal-istess prinċipju, hu tagħlim tajjeb, f’linja waħda mat-tagħlim apostoliku.

 

Fil-Vanġelu tallum għandna ħjiel tal-prinċipju msemmi, sewwasew fejn  Ġesu’ jgħid li “fost kemm twieldu min-nisa, ħadd ma qam aqwa minn Ġwanni l-Battista, u b’danakollu, l-iżghar wieħed fis-Saltna tas-smewwiet hu akbar minnu”.

 

X’għamel il-Battista biex Ġesu’ faħħru daqstant? Appuntu l-opri tal-liġi, li hu wettaq b’ubbidjenza għas-sejħa t’Alla u li wassluh sabiex, lil Dak li sa minn Abraham il-profeti kollha kellhom jaqdu, hu xandru bħala “l-Ħaruf t’Alla li jneħħi d-dnubiet tad-dinja”. Imma propju għax l-opra tiegħu kienet “tal-liġi”, filwaqt li indikah bħala l-Ħaruf t’Alla, lil Ġesu’, Ġwanni ma rnexxilux jagħarfu. Infatti bagħat jistaqsih jekk Dak li kellu jiġi kienx hu jew kellhom jistennew lil ħaddieħor.

 

L-iżgħar wieħed fis-Saltna tas-smewwiet hu akbar mill-Battista sewwasew għax hu mwieled mhux “mill-ġibda tal-ġisem” iżda “minn Alla” u għalhekk “l-opri” tiegħu mhumiex “tal-liġi” imma “tal-fidi”. Donnu li Ġesu’ illum qed jisfidana: Trid tkun akbar minn Ġwanni? Irrid! Mela itwieled minn Alla!

 

Ġesu’, tabilħaqq, ġie biex jisfidana nkunu akbar minn Ġwanni l-Battista. Hi sfida biex nikkuntentaw, mhux bl-opri tal-liġi sa mill-ħolqien miktuba f’ruħ il-bnedmin kollha jew imnaqqxa fit-twavel tas-Sinaj, imma bl-opra tal-fidi li biha jisfidana Kristu. Għal din il-fidi operuża, kif naqraw fil-Vanġelu tallum, irridu “nitħabtu bis-sħiħ” u “nagħmlu l-forza biex naħtfuha”.

 

Quddiem din l-isfida, Alla, permezz tal-profeta Isaija, jagħmlilna l-qalb: “La tibżax, jiena l-għajnuna tiegħek.”

 

 

 

It-Tieni Ġimgħa tal-Avvent

 

IL-ĠIMGĦA

Mt 11,16-19; Is 48,17-19

 

Ġie biex isabbarna

 

Kulħadd jaf li l-Knisja Kattolika bħalissa, u sa minn xi snin ’l hawn, tinsab għaddejja minn zmien ta’ prova aktarx kbira. Ir-riefnu li, fil-pajjizi ta’ kultura oċċidentali, qed jonfoħ kontra r-reliġjon, qed jolqot l-aktar lill-fidi Kattolika. Il-fidi tagħna hi fil-mira ta’ kwazi kull istituzzjoni pubblika fl-oqsma tat-tmexxija politika, l-edukazzjoni akkademika, id-drittijiet umani u ċivili, ir-relazzjonijiet bejn l-istati inkluża l-Unjoni Ewropea, il-bijo-etika u l-kunċett tal-ħajja umana, il-ġudikatura u l-espressjonijiet kollha tal-medja.

 

L-għerq ta’ dan kollu, jiġifieri tal-intolleranza, diskriminazzjoni u xi drabi anki persekuzzjoni li qed iġġarrab il-Knisja jinsab fil-kontrappożizzjoni ta’ bejn “l-għerf ta’ Alla” u l-għerf tal-bnedmin. Dawn, mhux biss huma tant aljenati li s-sejħat ta’ Alla ma jintebħux bihom, imma, anki meta jisimgħuhom, jagħażlu li jew sempliċement jirrifjutawhom jew saħansitra jittantaw jiskreditaw lil min iwassalhomlhom.

 

Il-Vanġelu tallum jurina li Ġesu’ ġie fostna biex jinforrana bl-azzar. Ġie, u jrid jiġi fostna, biex isaħħaħna minn ġew ħalli la naqtgħu qalbna meta d-dinja tinjora l-prezenza tagħna d-dixxipli ta’ Kristu u lanqas naqtgħu qalbna meta tipprova tiskreditana. Anki lilu ppruvat tinjora: “Daqqejnielkom il-flawt u ma zfintux! Għannejnielkom għanja ta’ niket, u ma ħabbattux fuq sidirkom!” Ippruvat mhux biss tinjorah imma wkoll tiskreditah: “Ġie Ġwanni, li la kien jiekol u lanqas jixrob, u qalu: ‘Fih xitan’. Ġie Bin il-bniedem, jiekol u jixrob, u jgħidu, ‘Araw xi bniedem wikkiel u sakranazz’.”

 

Madankollu, minkejja li l-bnedmin ċaħduh u mmalafamawh, Ġesu’ baqa’ għaddej bil-missjoni tiegħu. Għalih kien jgħodd mhux x’jagħmlu jew x’jgħidu n-nies, imma x’jagħmel u x’jgħid Alla.  Il-konsolazzjoni ta’ Kristu kienet li “l-għerf ta’ Alla, l-opri tiegħu stess tawh raġun”.

 

Il-konsolazzjoni ta’ Ġesu’ għandha tkun ukoll il-konsolazzjoni tagħna. Ġesu’ ġej biex isabbar il-Knisja tiegħu ħalli l-kritika li nġarrbu mhux biss ma taqtagħalniex qalbna imma aktar issaħħaħna.

 

 

 

It-Tieni Ġimgħa tal-Avvent

 

IS-SIBT

Mt 17,10-13; Bin Sir 48,1-4.9-11

 

Ġie biex jikkonsagrana

 

Minn żmien għal żmien iqumu dibattiti fuq diversi valutazzjonijiet tar-reliġjon, fosthom jekk ir-reliġjon hix forza għat-tajjeb jew għall-ħażin. Kull min hu interessat fuq naħa jew fuq oħra, kapaċi jġib argumenti u jagħti evidenza biex isostni l-pożizzjoni tiegħu. Fejn jidħol il-Kristjaneżimu, il-materja hi komplessa. Li mhux “kompless” hu Kristu. L-uniku ħażen li miegħu jista’ jiġi assoċjat, hu dak li ġarrab.

 

Il-ħażen, il-persekuzzjoni, is-sofferenza li ġarrab Ġesu’, ġarrabhom b’reazzjoni, min-naħa tal-għedewwa tiegħu, għall-preżenza u l-ħidma tiegħu f’soċjeta’ li qisithom intollerabbli. Kienet dik ta’ żmienu, soċjeta’ mhux tant  differenti la minn tagħna u lanqas minn dik ta’ żmien il-profeta Elija, deskritt fl-ewwel qari bħala “żmien il-qilla”.

 

Zmien ta’ qilla wkoll kienu s-snin li fihom Ġwanni l-Battista wettaq il-missjoni tiegħu biex iħejji t-triq tal-Mulej. Il-Battista safa maqtul minħabba din il-missjoni. Kien vittma tal-intolleranza ta’ “mart” Erodi li ma felħitx għat-twissijiet morali tiegħu. Kien vittma tat-tħabbira li kien qed jagħmel dwar Messija li kellu jiġi biex ineħħi d-dnub tad-dinja, u kien fuq kollox vittma ta’ bnedmin li kienu ħassru saħansitra r-reliġjon li kienu jħaddnu u l-wiċċ veru ta’ Alla tagħhom. “Hekk ukoll Bin il-bniedem għad irid isofri minnhom” – qal Ġesu’, dwaru nnifsu, lid-dixxipli tiegħu.

 

U sewwasew għalhekk kien ġie ikkonsagrat! Il-konsagrazzjoni tiegħu hija wkoll il-konsagrazzjoni tagħna. Jekk Ġesu’ ġie fid-dinja “biex iberred il-korla” ta’ Alla għall-bnedmin li kien dawwru wiċċhom minnu, aħna d-dixxipli tiegħu ukoll ġejna kkonsagrati biex inkunu bħal Elija: xandara tal-veru wiċċ ta’ Alla; bħall-Battista: predikaturi tal-liġi ta’ Alla; u bħal Kristu: operaturi tal-imħabba ta’ Alla.

 

Biex inkunu dan kollu jonqosna biss li ngħixu fi Kristu. Appuntu għalhekk ġie – u ġej - fostna, b’mod misterjuż u b’mod ġdid, fil-ġranet tal-Milied. It-talba tagħna llum hija: “Ejja, Mulej Ġesu. Inti żgur li int forza għat-tajjeb!”

 

 


 

 

It-Tielet Ġimgħa tal-Avvent

 

IT-TNEJN

Mt 1,1-17; Ġen 49,2.8-10

 

Ejja għallimna

 

Wieħed mid-dibattiti ħajjin fid-dinja tax-xjenza, u li fid-dinja oċċidentali għadu sħun sallum, jirrigwardja l-implikazzjonijiet tat-teorija tal-evoluzzjoni. Id-dinja – jgħidu bosta evoluzzjonjisti ateji– mhix l-effett ta’ ħolqien minn xi kawza intelliġenti, imma ta’ evoluzzjoni fizika spontanja. Ix-xjenzati Stephen Hawking u Leonard Mlodinow jgħidu li m’għandniex bzonn ta’ Alla biex nispjegaw il-ħolqien u l-istorja.

 

Li l-ħolqien u l-istorja għandhom sens, u għandhom is-sens li jagħtihom Alla, hu implikat fis-silta tal-Vanġelu tallum.  Il-mod simmettriku kif  Mattew jipprezenta “ktieb in-nisel” ta’ Ġesu’ fi tliet zminijiet ta’ erbatax-il nisel kull wieħed, juri li t-twelid ta’ Ġesu’ seħħ skond pjan storiku pre-determinat,  sewwasew sabiex l-Iben il-waħdieni ta’ Alla jsir bniedem meta l-istorja, immexxija minn Alla nnifsu, tkun waslet fil-milja tagħha.

 

Il-verita’ hi li, waqt li x-xjenza tindirizza l-liġijiet tal-fizika, weħidha mhix kapaċi tiskopri s-sens tal-istorja umana, u għalhekk tal-ħolqien. L-uniku li jista’ jagħmel dan hu Ġesu’ li fix-xbiha tiegħu l-bniedem jiskopri s-sens tal-ezistenza tiegħu, u fil-l-miġja tiegħu l-istorja umana tagħraf is-sens tagħha.

 

In-nisel ta’ Ġesu’ jibda b’Abraham u minn uliedu twieled Ġesu’. Madankollu Ġesu’ jgħidilna: “Qabel ma kien Abraham, jiena hu” (Ġw 8,58). Fi kliem ieħor, il-ġrajja ta’ Abraham, bħall-ġrajjiet ta’ Ġuda, Rut, David sa Ġuzeppi ta’ Nazaret seħħew ilkoll bi tħejjija għall-miġja ta’ Kristu u għandhom sens fih.

 

Ġesu’ hu l-milja tax-xewqat ta’ Israel, il-poplu li kellu jikber sakemm fih il-ġnus kollha jsiru l-poplu ta’ Alla. Ġesu’ hu r-raġuni ta’ Ġuda sabiex nislu “jkollu f’idejh ir-rieda tal-ġnus”. Ġesu’ hu r-rivelazzjoni tal-“għaqal” tal-Missier sa minn qabel il-ħolqien tad-dinja. U bħalma ta s-sens lill-imgħoddi, Ġesu’ jikkostitwixxi s-sens tallum u tal-ġejjieni.

 

“O Għerf tal-Għoli, li tqassam kollox bil-qawwa u l-ħlewwa, ejja għallimna triq il-għaqal.”

 

 

 

It-Tielet Ġimgħa tal-Avvent

 

IT-TLIETA

Mt 1,18-24; Ġer 23,5-8

 

Ejja mexxina

 

Sikwit jiġrilna li ħajjitna inkunu naħsbuha f’termini li jkunu purament tad-dinja. U agħar minn dan, nassumu wkoll li oħrajn ikunu qed jagħmlu bħalna, jiġifieri jaħsbu, jifhmu ġrajjiethom u jieħdu deċiżjonijiet f’termini terreni, jiġifieri mingħajr il-presuppost ta’ Alla. Dan hu espressjoni ta’ ċerta sekolarizzazzjoni li dejjem, u mhux fi żminijietna biss, messet lill-bnedmin, inklużi, ovvjament, aħna l-Insara, u – għaġeb! - anki t-teoloġi Kattoliċi.

 

Il-mod kif ġeneralment tiġi interpretata l-ġrajja tal-Vanġelu tallum hu eżempju tipiku ta’ din is-sekolarita’ fit-teoloġija.

 

Ġużeppi ta’ Nazaret isir jaf li martu Marija ħarġet tqila “qabel ma marru joqgħodu flimkien”. Jissokta Mattew: “Zewġha Ġuzeppi, li kien raġel ġust u li ma riedx ixandarha quddiem kulħadd, għamel f’rasu li jibgħatha bil-moħbi tan-nies.”

 

Huwa ovvju li l-moħħ ftit jew wisq sekolarizzat jifhem dan it-test fis-sens li Ġużeppi ħaseb ħażin f’Marija u, biex ma jikxifx dnubha qatagħha li “jibgħatha bil-moħbi tan-nies”. Imma l-moħħ teoloġiku jifhem dan it-test fis-sens li Ġużeppi, “li kien raġel ġust”, jiġifieri li kien jgħix fil-biża’ qaddis ta’ Alla, iddubita mhux f’Marija imma fih innifsu. Qatagħha li “jibgħatha” sabiex ma hu ma jkun ta’ ebda tfixkil fil-pjan ta’ Alla għaliha, u li jibgħatha “bil-moħbi tan-nies” sabiex iħalli li jkun, mhux hu, imma Alla li, fil-mument magħzul minnu, jikser is-skiet dwar il-misteru li seħħ.

 

Għall-fidi siekta imma intelliġenti tiegħu, Ġuzeppi mhux biss ingħata li jagħraf il-qawwa tad-driegħ ta’ Alla, imma li jiġi magħmul għoddha tagħha. Hu għalik, qallu l-anġlu, li t-tifel “issemmih” Ġesu’ u tmexxih fit-trobbija u l-edukazzjoni tiegħu. Kemm għandna x’nitgħallmu minn San Ġużepp!

 

“O Mexxej tad-dar ta’ Israel, li tajt il-liġi ’l Mose fuq is-Sinaj, ejja ifdina bil-qawwa ta’ driegħek.”

 

 

 

 

It-Tielet Ġimgħa tal-Avvent

 

L-ERBGĦA

Lq 1,5-25; Imħ 13,2-7.24-25a

 

Ejja ġeddidna

 

Meta fil-kultura oċċidentali nsemmu l-inkredulita’ jew nuqqas ta’ twemmin, naħsbu l-aktar f’dawk li jiċħdu kull fidi f’Alla u kull twemmin dwaru, dawk li huma formalment jew prattikament ateji u għalhekk barra mill-Knisja. L-inkredulita’ reliġjuża hija l-kwalita’ l-aktar viżibbli ta’ soċjeta’ sekolarizzata.

 

Teżisti wkoll, madankollu, inkredulita’ f’soċjeta’ li tkun kulturalment reliġjuża, bħama hi tagħna, u anki fil-Knisja. Din tista’ tkun kemm riżultat ta’ ċertu liberaliżmu teoloġiku jew ta’ fidi li – kif jgħid il-beatu Kardinal Newman – tkun biss intellettwali u mhux ukoll reali. Din ta’ l-aħħar ukoll hi forma ta’ inkredulita’ u hi komunissima.

 

Il-Vanġelu tallum ilaqqagħna mal-inkredulita’ ta’ Zakkarija. L-“inkredulita’” ta’ Zakkarija la kienet ġejja mil-liberaliżmu teoloġiku u lanqas mill-intellettwaliżmu vojt, imma mill-arroganza tal-konfidenza żejda m’Alla, tipika tal-mentalita’ Lhudija li tippretendi provi u garanziji fuq grazzji li min ikun ser jirċevihom ma jkollu ebda jedd għalihom. Għall-aħbar li Eliżabetta kienet ser tagħtih iben, flok fetaħ fommu biex ifaħħar lil Alla, Zakkarija fetaħ fommu biex jumiljah, juri sfiduċja fih u jitolbu l-prova: “Kif  inkun żgur minn dan?”

 

Aħna lkoll ftit jew wisq “Zakkarija”. L-inkredulita’ li wera dal-qaddis tar-Rabta l-Qadima, inkredulita’ li tenniet ruħha f’Tumas tar-Rabta l-Ġdida, hi l-istess inkredulita’ li nuru aħna l-Insara f’suriet wisq aktar gravi u b’konsegwenzi ta’ ħsara wisq akbar.

 

Ejja, Ġesu’, ġeddidna u eħlisna miċ-ċirku vizzjuż tal-inkredulita’ ġol-Knisja, li tnissel l-inkredulita’ barra mill-Knisja, liema inkredulita’ terġa’ ddur għal fuq il-Knisja u għal fuq Ġesu’ u tagħmel tant ħsara lill-opra tiegħu.

 

“O Għerq ta’ Ġesse, li waqaft bħala sinjal għall-popli, ejja biex teħlisna u la tiddawwarx.”

 

 

 

 

It-Tielet Ġimgħa tal-Avvent

 

IL-ĦAMIS

Lq 1,26-38; Is 7,1014

 

Ejja qaddisna

 

Fl-aħħar ktieb tat-triloġija tiegħu Ġesu’ ta’ Nazaret, li għadu kif ħareġ, il-Papa Benedittu XVI jitkellem fuq il-ġrajja tal-Iben t’Alla li sar bniedem fil-ġuf ta’ Marija Verġni u jirreferi għaliha, ovvjament, bħala ġrajja li seħħet tassew. Imma dak li hu ovvju għall-Papa, u għalina l-Insara kollha, ma tantx hu ovvju għal ċerti sezzjonijiet tal-midja internazzjonali. Infatti xi rappurtaġġi mhux biss tkellmu fis-sens li l-Papa “ikkonferma” li l-ġrajja tal-Inkarnazzjoni hi ġrajja storika (bħallikieku dwar dan fil-Knisja kien hemm xi dubju) imma wkoll taw din “l-aħbar” l-importanza ta’ aħbar sensazzjonali.

 

Il-Vanġelu tallum jagħtina r-rakkont teoloġiku li Luqa, b’reqqa didattika, ifassal ta’ din il-ġrajja storika. Hi “storika” mhux għax hi ġrajja li tappartjeni lill-istorja imma għax seħħet fl-istorja u għax bidlet l-istorja tal-bnedmin u ta’ kull bniedem. Dan seta’ jiġri – u ġara – mhux biss għax Alla riedu jseħħ imma wkoll għax dak li Alla ried li jseħħ intlaqa’ minn Marija ta’ Nazaret b’liberta’ u fidi: “Hawn jien il-qaddejja tal-Mulej; ħa jsir minni skond kelmtek.”

 

Is-sigriet ta’ kulma ġara fit-tħabbira jinsab fil-fiduċja intelliġenti, u għalhekk umli, ta’ Marija għall-kelmiet tal-anġlu. X’baħar jaqsam hemm bejn l-imġieba ta’ Marija, fil-Vanġelu tallum, u r-reazzjoni ta’ Zakkarija, fil-Vanġelu tal-bieraħ! Mingħand l-anġlu Zakkarija  ried il-prova; u dan biex jemmen: “Kif inkun zgur minn dan?” Mingħand l-istess anġlu Marija riedet biss spjegazzjoni u ħelsien mill-vot tal-verġinita’ u dan għax emmnet: “Kif ikun dan ladarba ma nagħrafx raġel?” Hekku l-faraġ tal-anġlu Gabrijel: “L-Ispirtu s-Santu jiġi fuqek […] u dak li jitwieled minnhekk ikun qaddis u jkun jissejjaħ Bin Alla.”

 

Ejja, Qaddis ta’ Alla, li tabilħaqq sirt bniedem bħalna għalina l-bnedmin, biex tagħmilna bħalek – “ta’ Alla”. Ejja biex teħlisna mill-ħabs tad-dnub u tqaddisna.

 

“O Muftieħ ta’ David, li tiftaħ bibien is-Saltna ta’ dejjem, ejja biex toħroġ lill-bniedem mill-jasar u d-dlam tal-ħabs.”

 

 

 

It-Tielet Ġimgħa tal-Avvent

 

IL-ĠIMGĦA

Lq 1,39-4; Għan 2,8-14

 

Ejja berikna

 

Il-bniedem, illum, donnu jrid izomm lilu nnifsu bħala l-mizura tiegħu nnifsu. Jekk iħaddan xi mudell għal ħajtu, dal-mudell jagħzlu hu. Huwa hu li jiddeċiedi kif għandu jkun, x’imġieba għandu jagħzel, x’inhu t-tajjeb biex iħaddnu jew il-ħazin li għandu jwarrab. Huwa hu, jiġifieri l-bniedem innifsu, il-kriterju tiegħu ta’ ħajtu u ta’ x’inhu oġġettivament tajjeb jew ħazin.

 

Il-fidi Biblika, pero’, tgħallimna li l-kriterju tagħna jinsab fil-prezenza tal-Ispirtu ta’ Alla li hemm fina sa mill-ħolqien, prezenza li stagħniet fil-ġrajja tal-Inkarnazzjoni u li għamlet aktar ċara l-missjoni tal-Ispirtu s-Santu fina. Hu dan l-Ispirtu l-mizura tal-umanita’ tagħna, id-dawl li jilluminana u jtina s-saħħa, l-ispirazzjoni ta’ kull ħidma tagħna.

 

Is-silta tal-Vanġelu li qed naqraw illum tagħtina lil Marija Verġni, imnebbħa u ggwidata mill-Ispirtu s-Santu biex titlaq minn Nazaret u tmur f’raħal ieħor fejn kienet toqgħod Elizabetta biex isselmilha, biex fit-tislima tagħha tqaddes lil Ġwanni l-Battista sa minn ġuf ommu u biex tixhed ma’ Elizabetta għall-misteru tal-Inkarnazzjoni.

 

F’din l-istess silta tal-Vanġelu niltaqgħu ukoll ma’ Elizabetta li, imnebbħa mill-Ispirtu s-Santu, laqgħet lil Marija bħala qariba prezzjuza, selmitilha skond id-dinjita’ tagħha u rringrazzjata bil-kelmiet ta’ għaġeb: “U minn fejn ġieni dan li omm Sidi tiġi għandi.”

 

Aħna l-Kattoliċi – nistaqsi – minn min qed nitnebbħu fl-imġieba tagħna? Minn Marija u Elizabetta jew mir-relattivisti ta’ zmienna li jippretendu awtonomija artifiċjali u jinsistu li m’għandhomx bzonn ta’ Kristu fid-deċizjonijiet li jieħdu jew għar-role model li jridu jagħzlu. Imma l-Ispirtu s-Santu li hemm fina ma jnaqqsilna xejn mid-dinjita’ tagħna, anzi, jsaħħaħha u jberikha.  Ejja, Ġesu’, berikna u dawwalna.

 

“O Xemx tielgħa, dija tad-dawl ta’ dejjem u xemx tal-ġustizzja, ejja u dawwal lil dawk li jinsabu fid-dlamijiet u d-dell tal-mewt.”

 

 

 

 

It-Tielet Ġimgħa tal-Avvent

 

IS-SIBT

Lq 1,46-55; I Sam 1,24-28

 

Ejja wrina wiċċek

 

Żminijietna huma zminijiet li fihom qed isir ħafna diskors dwar Alla. Min jitkellem fuqu b’qima, u anki b’qima tabilħaqq kbira. Min isemmih  b’disprezz jew jirreferi għalih sewwasew sabiex jiċħad l-ezistenza tiegħu. U min ipinġih skond kif jaqbillu hekk li lil “Alla” jirrendih xbiha tal-bniedem.  Dawn tal-aħħar insibuhom kullimkien u f’kull zmien, imma fi zmienna huma tabilħaqq ħafna. Niltaqgħu magħhom fid-dar, fit-triq, fil-kitba, fiċ-ċinema u fl-internet.

 

Jiena, bħal kull wieħed minna, għandi l-immaġini tiegħi “ta’ Alla” u nitkellem fuq Alla skond din l-immaġini li rċivejt u sawwart fuq medda ta’ snin. Immaġini li aktarx tikkorrispondi imma wkoll f’xi aspetti ma tikkorrispondix mal-verita’ kif jafha Alla nnifsu u wrihielna f’Ibnu.

 

Fil-Vanġelu tallum għandna l-Verġni Mbierka qed titkellem fuq Alla. Fil-kelmiet tagħha naqraw id-duttrina ta’ Alla li kienet tħaddan.  Hawnhekk nistaqsu: Jiena x’teoloġija għandi ta’ Alla? X’kunċett għandi u x’għarfien inħaddan tiegħu? X’esperjenza għandi tiegħu? Jien, mela, kif nitkellem fuq Alla? Tgħallimna bl-ezempju tagħha Marija.

 

L-ewwelnett Marija titkellem fuq Alla bħala benefattur tagħha: “Is-Setgħani għamel miegħi ħwejjeġ kbar.” Ma jistax jonqos li dan tagħmlu f’innu ta’ radd-il ħajr. It-tieni, titkellem fuq Alla bħala kollu ħniena mal-poplu ta’ Izrael, u permezz ta’ Israel, mal-bnedmin kollha: “Il-ħniena tiegħu tinfirex f’kull zmien fuq dawk li jibzgħu minnu.” Jiġifieri fuq dawk li jibzgħu li b’xi mod jonqsuh. Titkellem ukoll fuq Alla bħala kampjun tal-ġustizzja – Alla li “mela b’kull ġid lil min hu bil-ġuħ u l-għomla bagħahom ‘il barra b’xejn.”  Titkellem fuq Alla bħala Alla li wera u ta ruħu lilna u li għalhekk irid it-tifħir u l-barka tagħna: “Qaddis hu l-isem tiegħu.” U titkellem fuqu, Marija, bħala Alla fidil u li jzomm kelmtu “bħalma wiegħed lil missirijietna, b’risq Abraham u nislu għal dejjem.”

 

“O sultan tal-ġnus, ġebla tax-xewka tal-Knisja; ejja u salva l-bniedem li inti għamiltu bis-sewwa.”