Laikos

 

CONGREGATIO PRO CLERICIS              SYNODUS EPISCOPORUM

ITTRA LIS-SAĊERDOTI

Il-Vatikan, 19 ta’ Marzu 2022

 

Prot. n. 220083

Għeżież Saċerdoti,

 

Arawna, żewġ ħutkom, saċerdoti aħna wkoll! Nistgħu nitolbukom ftit tal-ħin? Nixtiequ nkellmukom fuq argument li jolqotna lkoll.

 

“Il-Knisja ta’ Alla hi msejħa f’Sinodu”. B’dawn il-kelmiet jiftaħ id-Dokument Preparatorju tas-Sinodu 2021-2023. Għal sentejn sħaħ il-Poplu kollu ta’ Alla hu mistieden jirrifletti fuq it-tema Lejn Knisja Sinodali: komunjoni, parteċipazzjoni u missjoni. Dan il-‘ġdid’ jista’ jqanqal entużjażmu u anki perplessità.

 

U safrattant “fl-ewwel millennju, ‘li timxi flimkien’, jiġifieri t-tħaddim tas-sinodalità, kien il-mod normali ta’ kif timxi l-Knisja”. Il-Konċilju Vatikan II reġa’ xeħet dawl fuq din id-dimensjoni tal-ħajja ekkleżjali, hekk importanti li San Ġwann Kriżostmu seta’ jistqarr: “Knisja u Sinodu huma ħaġa waħda” (Explicatio in Psalmum 149).

 

Nafu li d-dinja tal-lum għandha ħtieġa urġenti ta’ fraternità. Mingħajr ma tintebaħ, hi mxennqa biex tiltaqa’ ma’ Ġesù. Imma kif nistgħu nagħmlu biex isseħħ din il-laqgħa? Flimkien mal-Poplu kollu ta’ Alla għandna bżonn nagħtu widen għall-Ispirtu, biex inġeddu l-fidi tagħna u nisbu toroq u lingwaġġi ġodda kif naqsmu l-Vanġelu ma’ ħutna. Il-proċess sinodali li l-Papa Franġisku qed jipproponilna għandu sewwasew dan il-għan: li nimxu, flimkien, fis-smigħ ta’ xulxin, fil-qsim ta’ ideat u proġetti, biex nikxfu l-veru wiċċ tal-Knisja: “dar” li tilqa’, bil-bibien miftuħa, fejn jgħix il-Mulej, u li tieħu l-ħajja mir-relazzjonijiet bejn l-aħwa.

 

Biex ma naqgħux fir-riskji li jindikalna l-Papa Franġisku – jiġifieri l-formaliżmu li jirriduċi s-Sinodu għal slogan battal, l-intellettwaliżmu, li jagħmel mis-Sinodu riflessjoni teorika fuq il-problemi, u l-immobiliżmu, li jwaħħalna maċ-ċertezza tad-drawwiet tagħna biex xejn ma jinbidel – importanti niftħu qalbna u nagħtu widen għal dak li l-Ispirtu qed jgħid lill-Knejjes (ara Apok 2:7).

 

Evidentement, quddiem din il-mixja, jista’ jkun hemm xi biżgħat.

 

Qabelxejn, nafu tajjeb li s-saċerdoti f’ħafna partijiet tad-dinja diġà qed iġorru piż pastorali kbir. U issa – jista’ jidher – qed tiżdied ħaġa oħra “li rridu nagħmlu”. Iktar milli nistednukom biex timmultiplikaw l-attivitajiet tagħkom, nixtiequ nħeġġukom tħarsu lejn il-komunitajiet tagħkom b’dik il-ħarsa kontemplattiva li fuqha jitkellem il-Papa Franġisku fl-Evangelii gaudium (n. 71) biex tiskopru t-tant eżempji ta’ parteċipazzjoni u ta’ qsim li diġà qed jinbtu fil-komunitajiet tagħkom. Fil-fatt, il-fażi djoċesana attwali tal-proċess sinodali trid “tiġbor l-għana tal-esperjenzi ta’ sinodalità li tgħixu” (Dokument preparatorju, 31). Aħna ċerti li hemm ħafna iżjed minn dawk li nistgħu naraw mal-ewwel daqqa t’għajn, forsi anki informali u spontanji. Kull fejn inkunu lesti nisimgħu bir-reqqa, nitgħallmu minn xulxin, nagħtu valur lid-doni tal-oħrajn, ngħinu lil xulxin u nieħdu d-deċiżjonijiet flimkien, diġà hemm is-sinodalità taħdem. Dan kollu għandna nagħtuh importanza u napprezzawh, biex hekk niżviluppaw dejjem iżjed dak l-istil sinodali li hu “l-modus vivendi et operandi speċifiku tal-Knisja Poplu ta’ Alla” (Dokument preparatorju, 10).

 

Imma jista’ jkun hemm ukoll biża’ ieħor: jekk tant nagħmlu enfasi fuq is-saċerdozju komuni tal-imgħammdin u s-sensus fidei tal-Poplu ta’ Alla, x’se jiġri mir-rwol tagħna ta’ gwida u mill-identità speċifika tagħna ta’ ministri ordnati? Bla dubju, ifisser li niskopru dejjem iżjed l-ugwaljanza fundamentali tal-imgħammdin kollha u li nħeġġu lill-fidili kollha biex jieħdu sehem attiv fil-mixja u fil-missjoni tal-Knisja. Hekk ikollna l-ferħ li naħdmu minkeb ma’ minkeb ma’ ħutna li jaqsmu magħna r-responsabbiltà għall-evanġelizzazzjoni. Imma f’din l-esperjenza ta’ Poplu ta’ Alla tista’ u għandha tingħata importanza b’mod ġdid anki l-kariżma partikulari tal-ministri ordnati li jaqdu, iqaddsu u janimaw lill-Poplu ta’ Alla.

 

F’dan is-sens nixtiequ nitolbukom biex b’mod partikulari tagħtu kontribut tripliku lill-proċess sinodali li għaddej:

 

-        Tagħmlu minn kollox biex il-mixja sserraħ fuq is-smigħ u fuq il-ħajja tal-Kelma ta’ Alla. Il-Papa Franġisku hekk ħeġġiġna dan l-aħħar: “ikollna passjoni għall-Iskrittura Mqaddsa, inħallu l-Kelma tħaffer fil-fond ta’ qalbna, hi li tikxef il-ġdid ta’ Alla u twassalna biex inħobbu lill-oħrajn bla ma negħjew” (Franġisku, Omelija għall-Ħadd tal-Kelma ta’ Alla, 23 ta’ Jannar 2022).

 

Jekk ma nniżżlux għeruqna b’dan il-mod fil-Kelma, inkunu nirriskjaw li nimxu fid-dlam u r-riflessjonijiet tagħna jistgħu jinbidlu f’ideoloġija. Imma jekk nibnu fuq it-twettiq tal-Kelma, inkunu nibnu d-dar fuq il-blat (ara Mt 7:24-27) u nistgħu nduqu, bħad-dixxipli ta’ Għemmaws, id-dawl u l-gwida sorprendenti tal-Irxoxt.

 

-        Inħabirku biex il-mixja tingħaraf mis-smigħ reċiproku u l-akkoljenza ta’ xulxin. Qabel ir-riżultati konkreti, diġà huma valur fid-djalogu profond u l-laqgħa vera. Fil-fatt, huma ħafna l-inizjattivi u l-potenzjalitajiet fil-komunitajiet tagħna, imma spiss il-persuni u l-gruppi jkunu fir-riskju tal-individwaliżmu u l-awtoreferenzjalità. Bil-kmandament ġdid tiegħu, Ġesù jfakkarna li “minn dan jagħraf kulħadd li intom dixxipli tiegħi, jiġifieri, jekk ikollkom l-imħabba bejnietkom” (Ġw 13:35). Bħala ragħajja nistgħu nagħmlu ħafna biex l-imħabba tfejjaq ir-relazzjonijiet u l-firdiet li spiss jherru anki t-tessut ekkleżjali, biex jerġa’ jkollna l-ferħ li nħossuna familja waħda, poplu wieħed f’mixja, ulied l-istess Missier u allura aħwa bejnietna, ibda mill-fraternità bejnietna s-saċerdoti.

 

-        Noqogħdu għassa li l-mixja ma twassalniex għall-introspezzjoni imma tqanqalna biex noħorġu niltaqgħu ma’ kulħadd. Il-Papa Franġisku, fl-Evangelii gaudium, tana l-ħolma ta’ Knisja li ma tiddejjaqx tħammeġ idejha u tmiss mal-ġrieħi tal-umanità, Knisja li timxi fis-smigħ u fil-qadi tal-foqra u tal-periferiji. Dan id-dinamiżmu “fi ħruġ” li jiltaqa’ mal-aħwa, bil-boxxla tal-Kelma u n-nar tal-imħabba, iwettaq il-pjan oriġinali tal-Missier: “li jkunu lkoll ħaġa waħda” (Ġw 17:21). Fl-aħħar Enċiklika tiegħu Fratelli tutti l-Papa Franġisku jitlobna nħabirku għal dan il-‘flimkien’ anki ma’ ħutna ta’ Knejjes oħra, mal-fidili ta’ reliġjonijiet oħra u mal-persuni kollha ta’ rieda tajba: il-fraternità universali u l-imħabba bla esklużjonijiet, li tħaddan magħha kollox u lil kulħadd. Bħala qaddejja tal-Poplu ta’ Alla aħna ninsabu f’qagħda pprivileġġjata li naraw li dan ma jibqax orjentament fl-arja u ġeneriku, imma jitlaħħaq hemm fejn aħna ngħixu.

 

Għeżież Saċerdoti, aħna ċerti li b’dawn il-prijoritajiet f’moħħkom sa ssibu mod kif tniedu inizjattivi speċifiċi, skont il-ħtiġijiet u l-possibbiltajiet, għax is-sinodalità hi tassew is-sejħa ta’ Alla għall-Knisja tat-tielet millennju. Li nimxu f’din id-direzzjoni mhux sa jkun nieqes minn mistoqsijiet, taħbit u tensjonijiet, imma jista’ jkollna fiduċja li sa naqilgħu lura l-mija fil-wieħed fi fraternità u fi frott ta’ ħajja evanġelika. Biżżejjed naħsbu fl-ewwel Sinodu ta’ Ġerusalemm (ara Atti 15). Min jaf kemm taħbit kien hemm wara l-kwinti! Imma nafu kemm kien deċiżiv dak il-mument għall-Knisja fl-ewwel snin tagħha.

 

Nagħlqu din l-ittra tagħna b’żewġ biċċiet mid-Dokument Preparatorju li jistgħu jnebbħuna u jseħbuna kważi bħal Vademecum.

 

“Il-ħila li nimmaġinaw għall-Knisja u għall-istituzzjonijiet tagħha futur differenti li jkun iwieġeb għall-missjoni li hija rċiviet tiddependi fil-parti l-kbira mill-għażla li nibdew proċessi ta’ smigħ, djalogu u dixxerniment komunitarju, fejn kulħadd jista’ jieħu sehem u jikkontribwixxi” (n. 9).

 

“Infakkru li l-għan tas-Sinodu u allura ta’ din il-konsultazzjoni mhuwiex li jipproduċu dokumenti, imma li “jnibbtu ħolmiet ġodda, iqanqlu profeziji u viżjonijiet, iwarrdu t-tamiet, jistimulaw fiduċja, jinfaxxaw il-ġrieħi, jinsġu relazzjonijiet, itellgħu żerniq ta’ tama, jgħallmu lil xulxin, u joħolqu pożittiv immaġinarju li jdawwal l-imħuħ, isaħħan il-qlub, irodd il-qawwa lid-dirgħajn” (n. 32).

 

Nirringrazzjawkom tal-attenzjoni tagħkom, u niżgurawkom mit-talb tagħna waqt li nawguraw lilkom u lill-komunitajiet tagħkom mixja sinodali hienja u għammiela. Kunu afu li aħna qrib tagħkom u mexjin magħkom! U ilqgħu, permezz tagħna, il-gratitudni anki tal-Papa Franġisku li jħosskom ħafna qrib tiegħu.

 

Aħna u nafdaw lil kull wieħed minnkom f’dirgħajn il-Verġni Mqaddsa Marija tal-Mixja t-Tajba, insellmulkom minn qalbna fil-Mulej Ġesù.

 

 

Il-Kardinal Mario Grech

Segretarju Ġenerali tas-Sinodu tal-Isqfijiet

 

Lazzaro You Hueng Sik

Arċisqof-Isqof emeritu ta’ Daejon

Prefett tal-Kongregazzjoni għall-Kleru