Messaġġ tal-Papa Franġisku
għal Jum il-Vokazzjonijiet
2019,
imfakkar kull sena
fir-Raba' Ħadd tal-Għid,
Ħadd ir-Ragħaj it-Tajjeb.
Din is-sena jkun it-12 ta' Mejju
2019. |
MESSAĠĠ TAL-QDUSIJA TIEGĦU
FRANĠISKU
GĦAS-56 JUM DINJI
TA’ TALB GĦALL-VOKAZZJONIJIET
Il-kuraġġ li nirriskjaw
għall-wegħda ta’ Alla
Għeżież ħuti,
Wara li f’Ottubru li għadda
għexna l-esperjenza ħajja u
għammiela tas-Sinodu ddedikat
għaż-żgħażagħ, ftit ilu
ċċelebrajna l-34 Jum Dinji
taż-Żgħażagħ fil-Panamá.
Żewġ appuntamenti kbar, li
grazzi għalihom il-Knisja
setgħet tiftaħ widnejha
għal-leħen tal-Ispirtu u anki
għall-ħajja taż-żgħażagħ, għal
dak li huma qed jistaqsu,
għall-għeja li ttaqqalhom u
għat-tamiet li hemm fihom.
Se nerġa’ lura proprju għal dak
li kelli l-opportunità naqsam
maż-żgħażagħ fil-Panamá,
u f’dan il-Jum Dinji ta’ Talb
għall-Vokazzjonijiet nixtieq
nirrifletti fuq kif is-sejħa
tal-Mulej tagħmilna ħabbara
ta’ wegħda u, fl-istess
waqt, titlobna l-kuraġġ li
nirriskjaw flimkien miegħu u
għalih. Nixtieq nieqaf fil-qosor
fuq dawn iż-żewġ aspetti –
il-wegħda u r-riskju – biex
flimkien magħkom nikkontempla
x-xena tal-Vanġelu fejn insibu
s-sejħa tal-ewwel dixxipli
biswit l-għadira tal-Galilija
(Mk 1:16-20).
Żewġ koppji ta’ aħwa – Xmun u
Indrì flimkien ma’ Ġakbu u
Ġwanni – qed iwettqu l-ħidma
tagħhom ta’ kuljum bħala
sajjieda. F’dan il-mistier ta’
taħbit, huma tgħallmu l-liġijiet
tan-natura, u xi kultant kellhom
jisfidawhom meta sabu l-irjieħ
kontrihom u l-mewġ kien iċaqlaq
sew id-dgħajjes tagħhom. F’xi
ġranet, is-sajda abbundanti
kienet tippremja t-taħbit iebes
tagħhom, imma, drabi oħra,
ix-xogħol ta’ lejl sħiħ ma kienx
biżżejjed biex jimla x-xbieki
tagħhom u kienu jerġgħu lura
x-xatt għajjiena u delużi.
Dawn huma s-sitwazzjonijiet
ordinarji tal-ħajja, li fihom
kull wieħed u waħda minna
jkejjel ħajtu max-xewqat li
jġorr f’qalbu, iħabrek b’ruħu u
ġismu f’ħidma li jittama li
tista’ tagħtih il-frott, jgħum
fil-“baħar” ta’ tant
possibbiltajiet ifittex rotta
tajba li tista’ taqtagħlu
l-għatx għall-ferħ. Xi darba
jgawdi minn qabda ta’ ħut tajba,
drabi oħra, imma, ikun meħtieġ
il-kuraġġ biex jista’
jikkontrolla dgħajsa maħbuta
mill-mewġ, jew inkella jrid
jaffaċċja l-frustrazzjoni li
daħal lura l-art bix-xbieki
vojta.
Bħal fl-istorja ta’ kull sejħa,
anki hawn isseħħ laqgħa. Ġesù
jinsab miexi, jilmaħ lil dawn
is-sajjieda u joqrob lejhom…
Hekk ġara mal-persuna li magħha
għażilna li naqsmu l-ħajja
taż-żwieġ, jew meta ħassejna
ruħna affaxxinati mill-ħajja
kkonsagrata: għexna s-sorpriża
ta’ laqgħa u, f’dak il-waqt,
ilmaħna l-wegħda ta’ ferħ li
jista’ jaqta’ l-għatx ta’
ħajjitna. Hekk, dakinhar, ħdejn
l-għadira tal-Galilija, Ġesù mar
jiltaqa’ ma’ dawk is-sajjieda, u
farrak il-“paraliżi
tan-normalità” (Omelija
fit-XXII Jum Dinji tal-Ħajja
Kkonsagrata, 2 ta’ Frar
2018). U minnufih għamlilhom
wegħda: “Nagħmel minnkom
sajjieda tal-bnedmin” (Mk 1:17).
Is-sejħa tal-Mulej mhijiex
indħil ta’ Alla fil-libertà
tagħna; mhix “gaġġa” jew madmad
li jinxteħet fuq daharna.
Bil-maqlub, hi l-inizjattiva
kollha mħabba li biha Alla jiġi
jiltaqa’ magħna u jistedinna
nidħlu fi proġett kbir, li jrid
jagħtina sehem fih, u jurina
x-xefaq ta’ baħar usa’ u ta’
sajda kotrana tassew.
Fil-fatt, ix-xewqa ta’ Alla hi
li ħajjitna ma ssirx ilsira
tal-ovvju, ma tisfax imkaxkra
minħabba fit-telqa tagħha
għad-drawwiet ta’ kuljum u ma
tibqax passiva quddiem dawk
l-għażliet li jistgħu jagħtuha
sens. Il-Mulej ma jridniex
nirrassenjaw ruħna li ngħixu
għal dik il-ġurnata u naħsbu li,
fl-aħħar mill-aħħar, ma hemm
xejn li għalih jagħmel sens
inħabirku b’passjoni, u lanqas
jixtieqna nitfu dak it-tħassib
ġewwieni li bih nistgħu nfittxu
rotot ġodda għan-navigazzjoni
tagħna. Jekk xi kultant
idewwaqna “sajda mirakuluża”,
dan jagħmlu biex jgħinna
niskopru li kull wieħed u waħda
minna hu msejjaħ – b’modi
differenti – għal xi ħaġa ikbar,
u li l-ħajja m’għandhiex tibqa’
maqbuda fix-xbieki ta’ dak li ma
jagħmilx sens u ta’ dak li
jmewwet il-qalb. F’kelma waħda,
il-vokazzjoni hi stedina biex ma
neħlux fuq ix-xatt bix-xbieki
vojta f’idejna, imma biex nimxu
wara Ġesù tul it-triq li hu
ħaseb għalina, għall-ferħ tagħna
u għall-ġid ta’ dawk li jinsabu
qrib tagħna.
Naturalment, li nħaddnu din
il-wegħda jitlob minna l-kuraġġ
li nirriskjaw għażla. L-ewwel
dixxipli, xħin semgħu s-sejħa
tiegħu biex jieħdu sehem f’ħolma
ikbar, “minnufih telqu x-xbiek,
u marru warajh” (Mk 1:18). Dan
ifisser li biex nilqgħu s-sejħa
tal-Mulej hemm bżonn nirriskjaw
b’dak kollu li aħna u bis-sogru
li naffrontaw sfida li qatt ma
ħabbatna wiċċna magħha qabel;
hemm bżonn nitilqu minn idejna
dak kollu li jrid iżommna
marbuta mad-dgħajsa ċkejkna
tagħna, u ma jħalliniex nagħmlu
għażla defenittiva; minna hu
mitlub dak il-kuraġġ li
jimbuttana bis-saħħa lejn
il-kixfa tal-pjan li Alla għandu
għal ħajjitna. Fis-sustanza,
meta nsibu ruħna quddiem
il-baħar miftuħ tal-vokazzjoni,
ma nistgħux nibqgħu nsewwu
x-xbieki tagħna, fuq id-dgħajsa
li tagħtina ċertezza, imma
jeħtieġ nafdaw fil-wegħda
tal-Mulej.
Tiġini f’moħħi qabelxejn
is-sejħa għall-ħajja Nisranija,
li lkoll nirċievu bil-Magħmudija
u li tfakkarna kif ħajjitna mhix
frott ta’ koinċidenza, imma
d-don li aħna wlied maħbuba
mill-Mulej, miġbura fil-familja
kbira tal-Knisja. Proprju
fil-komunità ekkleżjali l-ħajja
Nisranija titwieled u
tiżviluppa, fuq kollox grazzi
għal-Liturġija, li ddaħħalna
għas-smigħ tal-Kelma ta’ Alla u
għall-grazzja tas-Sagramenti;
huwa hawn li, sa minn età
ċkejkna, niġu inizjati
għall-arti tat-talb u għall-qsim
ma’ ħutna. Proprju għax
tnissilna għall-ħajja ġdida u
twassalna għand Kristu,
il-Knisja hi omm tagħna;
għalhekk, għandna nħobbuha mqar
meta nilmħu fuq wiċċha t-tikmix
tad-dgħufija u tad-dnub, u
jeħtieġ nikkontribwixxu biex
nagħmluha dejjem iżjed isbaħ u
mdawla, biex tista’ tkun xhud
tal-imħabba ta’ Alla fid-dinja.
Imbagħad, il-ħajja Nisranija
ssib l-espressjoni tagħha f’dawk
l-għażliet li, waqt li jagħtu
direzzjoni preċiża
lin-navigazzjoni tagħna,
jikkontribwixxu wkoll biex
is-Saltna ta’ Alla tissokta
tikber fis-soċjetà. Tiġini
f’moħħi l-għażla ta’ min
jitgħarras ma’ Kristu u ta’ min
jibni familja, kif ukoll
il-vokazzjonijiet l-oħra marbuta
mad-dinja tax-xogħol u
tal-professjonijiet, mal-impenn
fil-qasam tal-karità u
tas-solidarjetà,
mar-responsabbiltajiet soċjali u
politiċi, u l-bqija. Dawn huma
vokazzjonijiet li jagħmlu minna
ħabbara ta’ wegħda ta’ ġid, ta’
mħabba u ta’ ġustizzja mhux biss
għalina nfusna, imma anki
għall-kuntesti soċjali u
kulturali li fihom ngħixu, li
għandhom bżonn ta’ Nsara
qalbiena u ta’ xhieda awtentiċi
tas-Saltna ta’ Alla.
Fil-laqgħa tiegħu mal-Mulej hemm
min jista’ jħoss il-faxxinu ta’
sejħa għall-ħajja kkonsagrata
jew għas-saċerdozju ordnat. Din
hi skoperta li ġġib entużjażmu u
fl-istess waqt tbeżża’, għax
inħossuna msejħa nsiru “sajjieda
tal-bnedmin” fid-dgħajsa
tal-Knisja permezz ta’ għotja
sħiħa tagħna nfusna u tal-impenn
ta’ servizzi fidil lill-Vanġelu
u lill-aħwa. Din l-għażla ġġib
magħha r-riskju li nħallu kollox
biex nimxu wara l-Mulej u li
nikkosagraw ruħna kollna għalih,
biex insiru kollaboraturi
tal-opra tiegħu. Tant reżistenzi
li jiġu minn ġewwa jistgħu
jxekklu deċiżjoni bħal din,
l-istess kif f’ċerti kuntesti
sekularizzati ħafna, fejn jidher
li m’għadx hemm lok għal Alla u
għall-Vanġelu, nistgħu nibdew
naqtgħu qalbna u naqgħu
fl-“għeja tat-tama” (Omelija
fil-Quddiesa mas-saċerdoti,
il-persuni kkonsagrati u
l-movimenti lajkali, Panamá,
26 ta’ Jannar 2019).
U
safrattant, ma hemmx ferħ
ikbar milli nirriskjaw ħajjitna
għall-Mulej! B’mod partikulari
lilkom, iż-żgħażagħ, irrid
ngħidilkom: issoddux widnejkom
għas-sejħa tal-Mulej! Jekk hu
qed isejħilkom għal din it-triq,
ittellgħux ix-xbieki fid-dgħajsa
imma afdaw fih. Titteħdux
mill-biża’, li tipparalizzana
quddiem il-qċaċet għoljin li
l-Mulej qed jipproponilna.
Ftakru dejjem li, lil dawk li
jitilqu x-xbieki tagħhom u
d-dgħajsa biex jimxu warajh,
il-Mulej iwegħedhom il-ferħ ta’
ħajja ġdida, li timla l-qalb u
ssieħeb il-mixja.
L-iktar għeżież, mhux dejjem
faċli ngħarblu x’inhi
l-vokazzjoni tagħna u norjentaw
ħajjitna bil-mod it-tajjeb.
Għalhekk, hemm bżonn ta’ impenn
imġedded min-naħa tal-Knisja
kollha – saċerdoti, reliġjużi,
animaturi pastorali, edukaturi –
biex noffru, fuq kollox
liż-żgħażagħ, okkażjonijiet ta’
smigħ u ta’ dixxerniment. Hemm
bżonn ta’ pastorali maż-żgħażagħ
u vokazzjonali li tgħin
fl-iskoperta tal-pjan ta’ Alla,
speċjalment permezz tat-talb,
il-meditazzjoni tal-Kelma ta’
Alla, l-adorazzjoni Ewkaristika
u l-akkumpanjament spiritwali.
Kif ħareġ iktar minn darba tul
il-Jum Dinji taż-Żgħażagħ
fil-Panamá,
għandna bżonn inħarsu lejn
Marija. Anki fl-istorja ta’ din
it-tfajla, il-vokazzjoni kienet
fl-istess waqt wegħda u riskju.
Il-missjoni tagħha ma kinitx
ħafifa, imma hi ma ħallietx
il-biża’ jaħkimha. Din tagħha
“kienet l-‘iva’ ta’ min irid
jinvolvi ruħu u jirriskja, ta’
min irid iċedi kollox, mingħajr
ebda garanzija oħra dwar
iċ-ċertezza li tagħmilha
koxjenti li qed iġġorr wegħda. U
nistaqsi lil kull wieħed u waħda
minnkom: intom qed iġġorru xi
wegħda magħkom? Liema wegħda qed
inġorr f’qalbi, li rrid inkompli
mmexxi ’l quddiem? Bla dubju,
Marija kien se jkollha missjoni
diffiċli, imma d-diffikultajiet
ma kinux raġuni biex hi tgħid
‘le’. Żgur li kien se jkollha
l-kumplikazzjonijiet, imma ma
kinux se jkunu dawn l-istess
kumplikazzjonijiet li jitfaċċaw
meta l-biża’ jwebbisna minħabba
l-fatt li mhux kollox ikun ċar
quddiemna jew aċċertat minn
qabel” (Velja maż-żgħażagħ,
Panamá,
26 ta’ Jannar 2019).
F’dan
il-Jum,
ejjew ningħaqdu fit-talb u
nitolbu lill-Mulej jgħinna
niskopru l-pjan ta’ mħabbtu għal
ħajjitna, u jagħtina l-kuraġġ
nirriskjaw fit-triq li hu sa
minn dejjem ħaseb għalina.
Mill-Vatikan,
31
ta’ Jannar
2019,
Tifkira ta’ San Ġwann Bosco
Franciscus
miġjub mit-Taljan għall-Malti
minn Francesco Pio Attard
|