Laikos

 

Il-Festi ta’ Corpus Christi, il-Ġisem u d-Demm ta’ Kristu, u tal-Qalb ta’ Ġesù

Minn Manwel Cutajar 

 

Naħseb li ma nkunx qiegħed niżbalja jekk ngħid li waħda mill-ġrajjiet l-aktar importanti fil-ħajja ta’ Sidna Ġesù Kristu, u li minn dawn ċertament kien hemm ħafna oħrajn, anzi kull avveniment fil-Ħajja Tiegħu kien important ħafna għaliH u għalina wkoll u maħsub sew Minnu sa mill-bidu tal-Ħolqien kollu, kienet dik  tat-Twaqqif tal-Ewkaristija.  Dan jixhdu l-fatt li Ġesù kemm-il darba matul il-Ministerju Tiegħu  rrefera għalih, u b’mod l-aktar ċar u deċissiv, meta qal  li hu se jagħti Lilu nnifsu bħal Ikel u Xorb għad-dixxipli tiegħu u għall-umanità kollha tad-dinja.

 

L-Oriġni ta’ din il-Festa Ewkaristika

Fil-bidu tat-13-il seklu soru Norbertina fil-belt ta’ Liege, il-Belġju, jisimha Ġiuliana minn Mont de Cornillon (1192/93 – 1258) kellha  diversi viżjonijiet  mis-sema li tawha struzzjonijiet biex tippromwovi jum ta’ festa Solenni li tqim b’mod l-aktar qaddis u Solenni l-Preżenza Reali ta’ Ġesù Kristu fl-Ewkaristija. Meta Ġiuliana kellha 16-il sena kellha l-ewwel viżjoni tagħha li sussegwentement seħħet diversi drabi. F’din il-viżjoni kienet rat il-qamar fl-isplendur sħiħ tiegħu, bi strixxa skura tgħaddi dijametrikament minn nofsu. Ftit wara, fis-sena 1208 Suor Ġiuliana kellha dehra oħra fejn Ġesù kien spjegalha t-tifsira ta’ dik id-dehra kemxejn stramba tal-qamar: il-qamar kien jirrappreżenta s-sena liturġika tal-Knisja u l-linja opaka f’nofsu tirrappreżenta n-nuqqas ta’ festa Liturġika f’ġieħ il-Ġisem u d-Demm ta’ Kristu fl-Ewkaristija. F’din id-dehra Ġesù kien ħeggiġha biex taħdem biex fil-Knisja titwaqqaf  festa solenni ad unur tal-Ewkaristija Imqaddsa.   Bil-permess tal-isqof tal-post Robert de Thorete din il-festa bdiet tiġi ċċelebrata għall-ewwel ġewwa dik id-djoċesi biss, iżda bil-mod il-mod  bdiet tiġi ċċelebrata madwar l-Ewropa kollha. Sal-11 ta’ Awwissu 1264, il-Papa Urbanu IV kien ħareġ Bolla Papali ( Transiturus de hoc Mundo) li fiha ddikjara il-festa Corpus Christi bħala jum ta’ festa li kellu jiġi ċċelebrat fil-Knejjes Insara kollha ta’ Rit Ruman. Din kienet l-ewwel festa universali  approvata u ratifikata minn Papa fl-istorja tar-Rit Ruman. Kontributur sostanzjali għal din il-Bolla Papali kien id-dumnikan San Tumas ta’ Akwinu li kkompona l-innijiet Pange Lingua; Panis Angelicus, Adoro Te devote, O Salutaris Hostia, O Sacrum Convivium, Tantum Ergo Sacramentum u oħrajn li jkunu kantati waqt din il-festa.Wara l-mewt tal-Papa Urbanu IV din il-festa kienet ġiet għal xi żmien sospiża  sas-sena 1311.

Iżda, din il-festa ġiet introdotta mill-ġdid mill-Papa Klement V fil-Konċilju ta’ Vienna fl-1311-12. Minn dak iż-żmien din il-festa kompliet dejjem tikber fid-devozzjoni u l-popolarità. Sa nofs is-seklu 14 il-festa kienet ġeneralment aċċettata, u fis-seklu 15  saret, fil-fatt, waħda mill-festi Ewlenin tal-Knisja Kattolika.

 

X’inhi u xhiex tikkonsisti l-Ewkaristija?

L-Ewkaristija hija “is-sors u l-quċċata tal-ħajja Nisranija” (Konċilju Vatikan II, Lumen Gentium, nru 11). Fl-Ewkaristija, Ġesù nnifsu jerġa’ iġedded u jippreżenta għall-ġid u għas-salvazzjoni tagħna s-Sagrifiċċju Tiegħu fuq is-Salib (Luqa 22: 19-20; 1 Kor 11: 26-29), jagħtina lilu nnifsu fit-Tqarbin  fl-ispeċi tal-Ħobż u Inbid. L-Ewkaristija Mqaddsa hija l-akbar fost is-seba’ Sagramenti. Il-Knisja Kattolika tgħallimna li fl-Ewkaristija Mqaddsa, Sidna Ġesù Kristu, Alla veru u bniedem veru, huwa tassew u sostanzjalment preżenti taħt l-ispeċi tal-ħobż u inbid. Ġesù mhux simbolizzat fil-ħobż u l-inbid tal-quddies, lanqas hu preżenti biss permezz tal-Fidi ta’ dawk preżenti. Anzi, għall-kuntrarju, iż-żewġ speċi ta’ ħobż u Inbid jinbidlu kompletament u realment fil-Ġisem u d-Demm ta’ Kristu, u jħallu warajhom biss id-dehriet sensibbli u viżibbli tagħhom. Għalhekk, permezz tal-kliem tal-Konsagrazzjoni li jgħid is-saċerdot BISS (il-fidili nsara m’għandhomx jgħidu dal-kliem tal-Konsagrazzjoni mas-saċerdot), Ġesù nnifsu, mingħajr ma jieqaf ikun preżenti fis-sema, ikun preżenti wkoll realment u sagramentalment, bil-Ġisem, id-Demm, ir-Ruħ u d-Divinità Tiegħu. Din hija tabilħaqq l-Ewkaristija – is-Sagrament tal-imħabba Infinita ta’ Kristu lejn il-bnedmin kollha!

 

Xi tfisser litteralment il-kelma “Ewkaristija”?

Tissejjaħ Ewkaristija, għaliex hu radd ta’ ħajr lil Alla. Il-kliem Grieg “eucharistein” u “eulogein” ifakkru l-barkiet Lhud li jħabbru – l-aktar waqt l-ikel – l-għeġubijiet ta’ Alla, il-ħolqien, il-fidwa u t-tqaddis.”

(Il-Katekiżmu tal-Knisja Kattolika, par. 1328).

 

X’tfisser il-kelma “transustanzazzjoni”?

 

“Il-Konċilju ta’ Trentu jiġbor fil-qasir il-Fidi Kattolika meta jgħid: “Għaliex Kristu, il-Feddej tagħna, qal li dak li offra taħt l-ispeċi tal-ħobż kien tassew Ġismu, il-Knisja dejjem kienet żgura, u issa qed itennih dan il-Konċilju, li bil-Konsagrazzjoni tal-Ħobż u tal-Inbid is-sustanza kollha tal-ħobż tinbidel fis-sustanza tal-Ġisem ta’ Kristu, u s-sustanza kollha tal-Inbid tinbidel fis-sustanza tad-Demm ta’ Kristu: din il-bidla l-Knisja Kattolika bir-raġun kollu u b’mod eżatt sejħitilha transustanzazzjoni.” (Il-Katekiżmu tal-Knisja Kattolika par.1376).

 

Il-Festa tal-Qalb Imqaddsa ta’ Ġesù

L-ewwel festa tal-Qalb ta’ Ġesù ġiet iċċelebrata fil-31 ta’ Awwissu 1670, f’Rennes, Franza, permezz tal-insistenza u l-ħidmiet  ta’ Fr.Jean Eudes (1602-1680). Minn Rennes, id-devozzjoni nfirxet, iżda kienu permezz tal-viżjonijiet ta’ Santa Margerita Marija Alacoque (1647-1690) li din id-devozzjoni saret universali.

Fil-viżjonijiet li fihom Ġesù deher lil Santa Margerita Marija, il-Qalb ta’ Ġesù kellha rwol ċentrali. “Fid-dehra l-kbira” li saret fis-16 ta’ Ġunju 1675, waqt l-ottava tal-Festa ta’ Corpus Christi Ġesù talab lil Santa Margerita biex titlob li l-festa tal-Qalb ta’ Ġesù tiġi ccelebrata nhar il-Ġimgħa ta’ wara l-ottava ( jew it-tmien jum) tal-Festa ta’ Corpus Christi, bħal tpattija għall-ingratitudni u l-offiżi  tal-bnedmin lejn s-Sagrifiċċju tal-Passjoni u l-Mewt li Kristu kien għamel għalihom. Il-Qalb Imqaddsa ta’ Ġesù tirrappreżenta mhux sempliċement il-Qalb fizika Tiegħu imma l-Imħabba tiegħu għall-bnedmin kollha f’kull post u f’kull żmien, ikunu x’ikunu ċ-ċirkustanzi ta’ ħajjithom..

 

Nagħlaq dal-artiklu bir-riflessjoni tant profonda, teoloġika u qaddisa dwar l-Ewkaristija mid-Duttur Anġeliku San Tumas ta’ Akwinu:

 

O Bankett Prezzjuż u Meraviljuż

Il-barkiet immensi mogħtija mill-Ħniena Divina lill-poplu Nisrani jagħtuh dinjità inestimabbli. M’hemm, u lanqas qatt ma kien hemm, ġens daqshekk kbir li għandu allat qrib tiegħu daqskemm Alla tagħna hu preżenti magħna. U dan il-Ġisem li ħa mingħandna Hu ta kollu għas-salvazzjoni tagħna.

Peress li kienet ir-rieda tal-Iben Waħdieni ta’ Alla li l-bnedmin jieħdu sehem fid-Divinità Tiegħu, Hu ħa n-natura tagħna sabiex billi jsir bniedem jagħmel lill-bnedmin allat. Barra minn hekk, meta ħa s-sura tal-ġisem tagħna huwa ddedika s-sustanza kollha tiegħu għas-salvazzjoni tagħna. Huwa offra  Ġismu lil Alla l-Missier fuq l-artal tas-Salib bħala vittma għar-rikonċiljazzjoni tagħna. Xerred demmu għall-fidwa u l-purifikazzjoni tagħna, sabiex inkunu mifdija mill-istat imsejken tagħna ta’ jasar u mnaddfa minn kull dnub.Imma biex it-tifkira ta’ dan ir-rigal u benefiċċju hekk kbar jgħammru u jibqgħu dejjem magħna u fina għal dejjem, huwa ħalla Ġismu bħala ikel u Demmu bħala Xorb tagħna biex il-fidili jilqgħuhom taħt l-ispeċi tal-Ħobż u Inbid.

O bankett prezzjuż u mill-isbaħ li jġibilna s-Salvazzjoni u fih kull ħlewwa! X’jista’ jkun aktar prezzjuż minn dan il-bankett, li fih mhux aktar bħal taħt il-liġi antika jittiekel  il-laħam tal-għoġġiela u l-mogħoż, imma hawn Kristu nnifsu, l-Alla l-Veru, jitqiegħed quddiemna bħala l-Ikel tagħna biex nilqgħuh? X’jista’ jkun  isbaħ minn dan is-Sagrament, li fih il-ħobż u l-inbid jinbidlu sostanzjalment fil-Ġisem u d-Demm ta’ Kristu? U għalhekk Kristu, Alla perfett u Bniedem jinsab taħt id-dehra ta’ ftit ħobż u nbid. Jittiekel mill-fidili imma mhux imqatta’; anzi meta s-Sagrament jinqasam Hu jibqa’ sħiħ f’kull partiċella. L-ebda Sagrament ieħor ma għandu qawwa akbar ta’ fejqan u li jagħti s-saħħa,  permezz tiegħu d-dnubiet jitnaddfu, il-virtujiet jiżdiedu, u r-ruħ tiġi mitmugħa u tissaħħaħ b’abbundanza tad-Doni Spiritwali kollha

Fl-aħħarnett, l-ebda kliem ma huwa biżżejjed biex jiddeskrivi l-ħlewwa ta’ dan is-Sagrament, li fih id-delizzji spiritwali huma misjuqa mill-għajn tagħhom stess u l-karità żejda ta’ Kristu fil-Passjoni Tiegħu titfakkar. Dan is-Sagrament kbir hu offrut fil-Knisja għall-ħajjin u l-mejtin, biex dak li ġie istitwit għas-salvazzjoni ta’ kulħadd ikun għall-ġid ta’ kulħadd. Iżda fl-aħħar mill-aħħar, ħadd ma jista’ jesprimi bis-sħiħ il-ħlewwa ta’ dan is-Sagrament, li fih d-dehen spiritwali jiġi mtiegħem fl-għejun tiegħu stess, u li fih inġeddu t-tifkira ta’ dik l-akbar Imħabba  għalina li Kristu wriena   fil-Passjoni, il-Mewt u l-Qawmien Tiegħu mill-Imwiet.

Kien biex jimmarka aktar fil-fond fuq l-imħuħ tal-fidili l-firxa bla limitu tal-Imħabba Tiegħu li, meta kien qiegħed jiċċelebra  l-Aħħar Ċena tal-Għid mad-dixxipli tiegħu u hekk kif kien wasal biex iħalli d-dinja biex imur għand il-Missier, Kristu waqqaf dan is-Sagrament bħala Tifkira Perpetwa tal-Passjoni Tiegħu, kienet it-twettiq ta’ figuri antiki u l-akbar mirakli kollha tiegħu. Għal dawk li mnikktin għan-nuqqas Tiegħu kellha tkun konsolazzjoni speċjali, unika u Dejjiema.”

 

San Tumas ta’ Aqwinu, Opusculum 57, in festo Corporis  Christi, lectio 1-4.

 Id-dokument ta’ hawn fuq huwa qari inkluż fl-“Uffiċju tal-Qari” tal-Liturġija Rumana għall-festa ta’ Corpus Christi. Hu meħud minn prietka miktuba minn San Tumas ta’ Akwinu nnifsu b’tifkira tal-Festa Liturġika ta’ Corpus Christi  li kienet ġiet istitwita matul ħajtu