IL-VERĠNI MARIJA FL-ISPIRITWALITA’
KARMELITANA
MARIJA PATRUNA TAL-KARMELITANI

Il-Karmelitani minn dejjem taw
valur kbir il-wirt marjan
tagħhom. Minn dejjem iddefendew
it-titlu stess ta’ l-Ordni,
“Aħwa ta’ l-Imqaddsa Verġni
Marija ta’ l-Għolja tal-Karmelu.”
Aħna konvinti li sa mill-oriġni
tagħna, Marija hija dik li
pproteġiet il-familja tagħna
b’kura tassew materna. Il-Karmelu
għamel minn kollox biex iwieġeb
għal din l-attenzjoni
partikulari b’devozzjoni u
mħabba tul is-sekli.
Illum, wara t-tiġdid mitlub
mill-Konċilju Vatikan II mhix
ħaġa kbira li d-devozzjoni
tal-Karmelu lejn il-Verġni
Marija għaddiet minn tiġdid.
Dan it-tiġdid, għall-bidu warrab
kemmxejn post Marija fl-Ordni
Karmelitan. Dan wieħed jista’
jifhmu aħjar meta nagħtu ħarsa
ħafifa fuq il-post proprju
tal-Verġni Marija fil-ħajja
spiritwali tal-Karmelu.
Il-Karmelu u Marija huma żewġ
kelmiet (inkluż il-ħsibijiet,
is-sentimenti, l-immaġni,
il-memorji li jġibu f’moħħna u
f’qalbna) li huma f’relazzjoni
bejniethom. Għall-familja
tagħna, dawn iż-żewġ kelmiet ma
jistgħux jinfirdu, anzi juru
realta’ waħda.
L-ewwel irħieb
Karmelitani kienu nies li kienu
jinġabru flimkien f’post
imwarrab biex jgħixu bħala aħwa
fil-presenza ta’ Alla. Huwa
fittxew li jimxu wara Kristu fl-ubbidjenza
tiegħu lejn is-Salib. Din is-sens
ta’ presenza ta’ Alla u
tas-sejħa radikali u profonda
tagħha, qegħda f’kull Karmelitan.
Din ir-relazzjoni partikulari
hija sinifikattiva u espressa
fl-immaġini ta’ l-Għolja
tal-Karmelu tal-Wied, Ain
es-Siah u taċ-ċella
tal-Karmelitan.
L-ewwel Karmelitani kienu jaqsmu
bejniethom dawn il-valuri. Fuq
il-formola ta’ ħajja li
kitbilhom S. Albert, huma kienu
jaqsmu l-ġid bejniethom, bnew
kappella fejn kienu jiltaqgħu
kuljum biex jiċċelebraw l-Ewkaristija
kuljum. Din l-ewwel għamla ta’
ħajja, llum saret ir-Regola
tagħna. Hija toffrilna l-mod
oriġinali kif ngħixu t-talb, is-solitudni
u l-fraternita’.
L-ewwel eremiti Karmelitani,
il-kappella ddedikawha
għall-Verġni Marija u hi kienet
il-Patruna tagħhom. Jekk
wieħed ifittex fil-kotba
liturġiċi tal-bidu jsib li huma
miżgħuda b’allużjonijiet
għall-Verġni Marija. In-nies u
aktar tard fid-dokumenti
uffiċjali tal-Knisja, kienu
jirreferu għall-Karmelitani
bħala, L-Aħwa ta’ l-Imqaddsa
Verġni Marija ta’ l-Għolja
tal-Karmelu. Il-Karmelitani
kienu jagħmlu l-professjoni
tagħhom lil Alla u lill-Verġni
Marija. Kien partikulari
tagħhom li kienu jsejħu lilhom
infushom, “Aħwa ta’ l-Imqaddsa
Verġni Marija.”
Din it-tema tal-patronat
tal-Verġni Marija fl-istorja u
fl-ispiritwalità
Karmelitana hija waħda qawwija.
Il-Karmelitani m’għandhomx
spiritwalità
marjana fl-istess sens kif
ippropona S.Luigi M. de Montfort,
jiġifieri spiritwalità li
tiffoka madwar Marija bħala l-prinċipju
organizzattiv tagħha. L-ispiritwalità
Karmelitana hija essenzjalment
Kristoċentrika; il-fini tagħha
hija d-dixxipulat wara Ġesù
Kristu.
Il-Verġni Marija kienet ta’
mportanza liema bħalha kemm
minħabba l-bini u ddedikazzjoni
tal-kappella fuq l-Għolja
tal-Karmelu li ddedikawha
għaliha, is-Sinjura tal-Post, li
lilha l-eremiti kellhom lealtà
partikulari. L-istess titlu
tal-Ordni kien juri ir-rabta
qawwija tagħhom magħha: kienu
l-aħwa u l-eremiti tagħha.
Insibu diversi awturi li tkellmu
dwar l-ispiritwalità marjana
Karmelitana. Ġwanni
Baconthorpe
(m.1348), li kien l-ewwel wieħed
li kiteb 3 volumi fuq l-Imqaddsa
Verġni Marija insista li l-Karmelitani
għandhom jikkonsagraw il-ħajja
kollha tagħhom lill-Verġni
Marija.
Fl-aħħar tas-seklu erbatax, it-tielet
dokument importanti, L-Istituzzjoni
tal-Ewwel Irħieb, (1370) miktub
minn Filippo Riboti,
dixxiplu ta’ Baconthorpe,
jippreżenta trattat dettaljat
tal-Verġni Marija fil-wirt
Karmelitan. Fih jisħaq li l-Karmelitan
li jgħix ir-Regola jgħix ma’
Marija u l-kappa bajda li jilbes
il-Karmelitan hija simbolu
tas-safa ta’ Marija li kull
wieħed minna jrid jimita.
Għalhekk, sa mill-bidu tal-Ordni,
il-Karmelitani kienu jħarsu lejn
Marija bħala Protettriċi.
Meta aħna niċċelebraw il-festa
tal-Madonna tal-Karmnu, ma
nkunux biss qed infaħħru lill
Ommna Marija, imma nkunu qed
nerġgħu nistqarru x-xewqa tagħna
li nimxu fuq il-passi ta’ din
il-Patruna tagħna, Ommna u
Oħtna. Dan ifisser li nġeddu
l-wegħda tagħna li nħalluha
tressaqna lejn Binha Ġesù u
nistqarru l-fehma tagħna li
ngħixu l-fidi, t-tama u
l-imħabba.
P. Joseph Saliba O. Carm.
Pirjol Provinċjali.
|