Laikos

 

ID-DIMENSJONI KONTEMPLATTIVA TAL-ĦAJJA

 

 

Għeżież Saċerdoti u fidili, aħwa fil-Mulej,

 

[1] Nirringrazzja lil Alla li, f’dawn il-ġranet li fihom qed niktbilkom, qed jagħtini xi ħin fil-kwiet għall-kontemplazzjoni. Nista’ niddedika sigħat twal għat-talb, għar-riflessjoni, għall-meditazzjoni. Inħares lura lejn il-ġrajjiet, il-laqgħat, il-persuni li daħlu f’ħajti f’dawn l-aħħar xhur u fit-talb noffrihom lill-Mulej. Nerġa’ naħseb fuq il-ħafna impenji li ġew fuqi mqar fil-mixja qasira li fiha sirt naf iżjed id-Djoċesi u nfittex li npoġġihom fl-ordni ġo moħħi. Inħabrek biex nifhem it-tifsira tad-diversi esperjenzi, li niżinhom fid-dawl tal-Vanġelu bħal Marija li “baqgħet tgħożż f’qalbha dawn il-ħwejjeġ kollha u taħseb fuqhom bejnha u bejn ruħha” (Lq 2:19).

 

Jien u nagħmel dan, nintebaħ li qed ngħix, b’don ta’ Alla, dik li tista’ tissejjaħ id-“dimensjoni kontemplattiva” tal-ħajja: jiġifieri dak il-mument ta’ distakk mill-ġiri sfrenat wara l-affarijiet, ta’ riflessjoni, ta’ valutazzjoni fid-dawl tal-fidi, li hu tant meħtieġ biex ma nħallux jaqlibna r-riefnu tal-impenji ta’ kuljum.

 

[2] Hu proprju fuq dan iż-“żmien tal-ispirtu” hekk prezzjuż li nixtieq nitkellem ftit iżjed fit-tul magħkom. Qalb il-bosta ħwejjeġ li stajt nosserva u nammira f’dawn l-aħħar xhur, flimkien mal-inizjattivi sbieħ li qed iwarrdu kullimkien fid-Djoċesi b’risq l-opra bla heda tal-imgħammdin, saċerdoti u lajċi, dehritli ħaġa siewja nfakkar fl-importanza ta’ dawn l-ispazji ta’ riflessjoni kontemplattiva, mhux biex innaqqas mill-importanza tal-impenn, imma biex dan isir iżjed konxju u attent. Il-bennej tal-parabbola tal-Vanġelu (Lq 14:28) li qabel ma jibda jibni t-torri jpoġġi bilqiegħda u jagħmel il-kalkoli tiegħu, ma jkunx qed jaħli żmien, imma jirbħu. Ix-xogħol hekk jimxi iktar ħafif u hieni.

 

Dan id-diskors fuq id-dimensjoni kontemplattiva tal-ħajja hu għal kull bniedem li jixtieq jgħix ħajja ordnata u jevita dak il-qsim bejn xogħol u persuna li llum il-ġurnata xi ftit jew wisq qed jagħfas fuq kulħadd.

 

Nixtieq li dawn il-kelmiet ikunu messaġġ għall-bnedmin kollha ta’ rieda tajba f’Milan u fid-Djoċesi kollha, spiss imtaqqla mit-taħbit ta’ kuljum u mill-għadd ta’ preokkupazzjonijiet.

 

Nixtieq ngħidilhom li nammira l-ħidma stressanti tagħhom għall-bini tal-belt, għall-ħarsien u t-tixrid tal-ġid, għat-trijonf tal-ordni kontra t-theddida dejjem imminenti tad-diżordni u tal-qerda.

 

Imma rrid infakkar ukoll li l-ansjetà tal-ħajja mhijiex l-ogħla liġi, mhijiex kundanna inevitabbli. Hi tintrebaħ minn sens iżjed profond tal-essri tal-bniedem, minn ritorn għall-għeruq tal-ħajja. Dan is-sens tal-essri, dan ir-ritorn għall-għeruq, jippermettulna nħarsu b’qawwa u serenità ikbar lejn il-problemi mhux żgħar li l-ħarsien u l-promozzjoni tal-konvivenza ċivili qed jipproponulna ta’ kuljum.

 

Madankollu, nixtieq ninżel iktar fil-fond tad-diskors fid-dawl tal-fidi, billi nesplora l-profondità tal-persuna mifdija minn Kristu, u nuri x’inhuma l-orizzonti veri u sbieħ li għalihom tiftħilna għajnejna r-riflessjoni fuq il-misteru tat-talb, b’mod partikulari fuq it-“talba siekta Ewkaristika”.

 

Se nittratta qabelxejn it-“talba siekta”, jiġifieri dawk l-aspetti kollha tar-relazzjoni tal-bniedem ma’ Alla fejn l-enfasi hi fuq id-dimensjoni kontemplattiva tal-ħajja: is-skiet, is-smigħ tal-Kelma, l-adorazzjoni, ir-riflessjoni, il-meditazzjoni, u l-bqija. Dan l-atteġġjament interjuri ma jiżolax lill-persuna mir-realtà tal-Knisja u tad-dinja, imma jgħin biex iktar idaħħalha fihom b’mod serju u responsabbli. Nixtieq nuri kif dan it-tip ta’ talb jista’ jissejjaħ “Ewkaristiku”, għax għandu bħala ċentru u punt ta’ riferiment il-misteru tal-Ġisem tal-Mulej, jiġifieri l-Ewkaristija. Dan jgħinna niskopru mill-ġdid dawk l-atteġġjamenti ta’ gratwità, ta’ tifħir, ta’ għotja serja tal-ħajja li huma frott tal-misteru Ewkaristiku għall-Knisja.

 

[3] Naqbad it-tema tad-dimensjoni kontemplattiva, li mbagħad hi speċifikata bħala “talba siekta Ewkaristika”, oġġett tal-indikazzjonijiet pastorali għas-sena 1980-1981, biex tgħinna wkoll fit-tħejjija remota għall-Kungress Ewkaristiku Nazzjonali li se jinżamm fid-Djoċesi tagħna fl-1983. It-tema tal-kungress se tkun: “L-Ewkaristija fiċ-ċentru tal-komunità u tal-missjoni tagħha”. Mela hemm bżonn nirriflettu espliċitament fuq it-talba kbira pubblika Ewkaristika, fuq il-manifestazzjonijiet solenni tal-qima lejn l-Ewkaristija u fuq il-konsegwenzi tagħhom għall-ħajja tal-bnedmin ta’ żmienna. Din is-sena 1980-1981 tista’ tkun bħal sena ta’ pawża riflessiva, imma li diġà torjentana lejn il-qalba tal-ħajja tal-bniedem mifdi, jiġifieri l-Ewkaristija.

 

L-argument ta’ din is-sena mhux qed jiġi ppreżentat taħt l-aspett ta’ “pjan pastorali” veru u proprju. Huma ftit wisq ix-xhur li ili naf lid-Djoċesi biex nista’ nagħti indikazzjonijiet programmatiċi ħerġin minn xi valutazzjoni sħiħa tas-sitwazzjoni. Mill-bqija, il-Konferenza Episkopali Taljana ħasbet li din is-sena għandha tkun mument ta’ pawża. Imma nixtiequ nagħtu lil din il-pawża t-tifsira aktar profonda tagħha ta’ “mument kontemplattiv”. Għalhekk nistiednu lill-imgħammdin kollha tad-Djoċesi għal eżami serju fuq din it-tema, u għall-promozzjoni ta’ inizjattivi li jistgħu jgħinuna nikkonċentraw l-attenzjoni tagħna fuq dan l-aspett fundamentali tal-ħajja Nisranija. Lil dawk kollha li bi grazzja u b’vokazzjoni huma “mgħallmin tat-talb”, lis-saċerdoti, lir-reliġjużi, speċjalment ta’ ħajja kontemplattiva, u lil dawk l-imgħammdin kollha li jħossu fihom b’mod speċjali l-grazzja tat-talb ta’ adorazzjoni siekta u ta’ smigħ tal-Kelma, lill-membri tal-Azzjoni Kattolika u ta’ gruppi u movimenti ekkleżjali oħra u lil dawk kollha li huma impenjati fl-appostolat, nirrakkomanda b’mod għalkollox speċjali dawn l-indikazzjonijiet.

 

Din l-ittra sa tiżvolġi hekk kif ġej.

 

Qabelxejn se nfittxu li nagħmlu analiżi tal-qagħda attwali: kif qed jgħixuh is-soċjetà tagħna u l-Knisja tagħna l-mument kontemplattiv tal-ħajja?

 

Imbagħad naraw li niċċaraw ir-relazzjonijiet bejn talb, skiet u binja tal-persuna umana, u li ninżlu iktar fil-fond tar-relazzjoni bejn talb u Ewkaristija.

 

Fl-aħħar nett se nittrattaw l-edukazzjoni għat-talb fis-skiet, u nagħlqu b’xi indikazzjonijiet prattiċi.

 

Fl-ebda ħin ma għandna f’moħħna li noffru xi espożizzjoni sħiħa, imma nixtiequ nħajru għar-riflessjoni u l-azzjoni.

 

B’din l-ittra nixtieq intellaq il-ħidma personali u fi grupp fuq din it-tema. Inkun grat lejn dawk kollha li jiktbuli osservazzjonijiet, żidiet, kjaramenti, approfondimenti fuq dak li qed jiġi suġġerit hawn, waqt li nirringrazzja wkoll lil dawk kollha li taw sehemhom b’bosta modi għat-tfassil ta’ din l-ittra.

 

Ix-xewqa tiegħi hija biss li nħeġġeġ lil kulħadd biex jagħmel esperjenza ta’ dawn il-ħwejjeġ, u jiggosta l-frott tagħha fil-ħajja tiegħu jew tagħha.

 

[4] Se nfakkru xi karatterisitiċi iktar importanti tal-mod kif illum tingħax il-ħajja kontemplattiva, naraw l-isfond tagħhom fil-kultura ta’ żmienna, u fuqhom infittxu li nifhmu l-mixja tal-Knisja Taljana u tad-Djoċesi tagħna.

 

[5] Fost il-ħafna ħwejjeġ li jistgħu jingħadu fuq il-mod kif illum qed tingħax id-dimensjoni kontemplattiva tal-ħajja, jiġuni f’moħħi dawn li ġejjin:

- il-parti l-kbira tan-nies tilfet id-drawwa tal-prattika tat-talb u tal-pawżi kontemplattivi. F’dan, iċ-ċiviltà tagħna tal-Punent tiddistingwi ruħha b’mod ċar miċ-ċiviltajiet tal-Lvant fejn huma iktar onorati l-prattika u t-teknika kontemplattiva u l-gost tar-riflessjoni profonda;

- it-tiftixa, b’motivazzjonijiet differenti, f’xi gruppi, għal forom u mumenti iżjed intensi ta’ talb, ta’ esperjenzi ta’ “deżert” u ta’ mixja lura lejn in-natura;

- in-nuqqas ta’ għarfien, xi ftit jew wisq minn kulħadd, tal-importanza tal-problema, flimkien ma’ ċerta nostalġija għal dan il-valur fundamentali tal-ħajja. Forsi n-nies titlob u tirrifletti iżjed milli taf jew kapaċi tgħid. Hemm bżonn ngħinuha tagħti isem iżjed preċiż, direzzjoni iżjed kostanti, kontenut iżjed Nisrani lil ċertu tqanqil providenzjali tal-qalb li, sew jekk intens ħafna jew ftit, hu preżenti fl-istorja ta’ kull persuna. L-eżodu qawwi mill-bliet fil-perjodi ta’ btajjel u fi tmiem il-ġimgħa fl-aħħar mill-aħħar jesprimi wkoll din ix-xewqa ta’ ritorn lejn l-għeruq kontemplattivi tal-ħajja.

 

[6] L-isfond ġenerali għal din is-sitwazzjoni hu magħmul mill-kultura attwali tal-Punent, li għandha indirizz prevalentement prassistiku, kollox regolat minn kemm “nagħmlu”, “nipproduċu”, imma li joħloq, bħala reazzjoni, ħtieġa vaga ta’ skiet, ta’ smigħ, ta’ nifs kontemplattiv. Imma dawn l-orjentamenti t-tnejn li huma qed jirriskjaw li jibqgħu superfiċjali. Kemm l-attiviżmu frenetiku, kemm ċerti modi ta’ kif nifhmu l-kontemplazzjoni jistgħu jirrappreżentaw “ħarba” mir-realtà. Biex ngħinu din is-sitwazzjoni timmatura Kristjanament, mhux biżżejjed li nfittxu t-talb. Jeħtieġ ukoll nippurifikaw, norjentaw, nikkristjanizzaw ċerti forom żbaljati jew insuffiċjenti ta’ tiftix. B’mod partikolari hemm bżonn nevitaw il-kontrappożizzjonijiet ġeneriċi bejn azzjoni, taqbida u rivoluzzjoni, minn naħa, u kontemplazzjoni, skiet, passività, mill-oħra. Hemm bżonn nagħtu orjentament Kristjan speċifiku kemm lill-azzjoni, kemm lill-kontemplazzjoni.

 

Għalhekk, dak li se ngħidu hawn fuq l-impenn biex nagħmlu iktar magħrufa d-dimensjoni kontemplattiva tal-ħajja għandna nifhmuh fil-qafas tal-impenn ġenerali għal maturazzjoni sħiħa tal-bniedem, homo faber u homo sapiens, skont il-qies u l-ħila sħiħa tiegħu.

 

[7] F’dan l-isfond ġenerali nistgħu nqiegħdu l-mixja tal-Knisja Taljana, hekk kif espressa fil-pjanijiet annwali taċ-CEI. Dawn tfasslu biex ifiehmu s-sens ta’ “evanġelizzazzjoni” f’konfront mas-sagramenti, il-promozzjoni umana, il-ministeri, il-familja, il-komunità Nisranija. It-tema tal-“evanġelizzazzjoni” moqrija fil-kuntest ta’ xi interventi kbar tal-Maġisteru Pontifiċju, tippreżenta ruħha bħal l-isforz il-kbir tal-Knisja tal-lum biex tifhem lilha nfisha u l-missjoni tagħha quddiem il-fenomeni kumplessi tad-dinja tal-lum. Tevanġelizza jfisser “twassal l-Aħbar Tajba lil kull klassi u razza tal-bnedmin, u permezz ta’ l-influwenza tagħha tibdel l-umanità minn ġewwa u tagħmilha ġdida… il-Knisja tevanġelizza meta tipprova tikkonverti, bis-saħħa divina biss tal-Messaġġ li hija xxandar, sew il-kuxjenzi personali u kollettivi tal-poplu, ix-xogħol li jagħmlu, kemm il-mod tal-għajxien u l-ambjenti konkreti tagħhom” (Evangelii nuntiandi, n. 18).

 

Il-Knisja, imwielda mill-Kelma tas-salvazzjoni, mibnija mis-sagramenti, immexxija mill-Mulej u mill-Ispirtu li jqassmu d-diversi ministeri, għandha l-missjoni li tħabrek għall-promozzjoni umana u tmexxiha lejn xi ħaġa li ma tillimitax ruħha għall-promozzjoni orizzontali, imma hi dak l-“iżjed” mhux pleonastiku jew fakultattiv, imma essenzjali u deċiżiv għas-salvazzjoni tal-bniedem.

 

Dan l-“iżjed”, minn naħa, jista’ jiġi espress f’riferiment għall-Vanġelu, għas-Saltna, għar-realtà ta’ Ġesù mejjet, irxoxt u ħaj fil-Knisja kif tesprimi l-imħabba bla tarf tal-Missier li jsejjaħ lill-bniedem għal sehem fl-istess ħajja tiegħu; mill-oħra, nistgħu nħarsu lejh anki b’riflessjoni antropoloġika li tifhem lill-bniedem bħala miftuħ għall-misteru, bħal irdum għoli paradossali mqaċċat ’il barra fuq l-Assolut, essri eċċentriku u qatt sodisfatt, li l-kundizzjonijiet biex jilħaq l-awtentiċità tiegħu nnifsu jsibhom biss jekk jingħata kollu kemm hu għall-pjan imprevedibbli ta’ Alla.

 

Imma dan l-“iżjed” tal-Vanġelu, din it-tensjoni u vokazzjoni tal-bniedem għal xi ħaġa li tittraxxendih, biex nifhmuhom u nilqgħuhom, m’għandhomx forsi bżonn ta’ spazju ta’ skiet, ta’ attitudni kontemplattiva? Imma kontra din hemm il-ħafna taħbit urġenti ta’ kuljum, li aktarx jaqsam lill-bniedem, jixħtu qalb il-preokkupazzjonijiet u jistordih b’elf sensazzjoni differenti, l-istess kif ix-xewk aktarx joħnoq iż-żerriegħa li tixtieq tikber (ara Lq 8:14; 10:40-42).

 

Għalhekk, hi meħtieġa riflessjoni attenta fuq id-dimensjoni kontemplattiva tal-ħajja biex nidħlu b’verità fil-mixja tal-Knisja Taljana fuq il-linja ta’ evanġelizzazzjoni li kapaċi turi lill-bniedem l-orizzonti bla tarf tas-sejħa tiegħu.

 

[8] F’dan il-kwadru kulturali ġenerali u f’din il-mixja tal-Knisja Taljana, il-Knisja li hi f’Milan tidħol bil-partikularitajiet tagħha.

- Qabelxejn għandna nżommu quddiem għajnejna t-ton qawwi li għandhom fid-Djoċesi tagħna l-kontradizzjonijiet taċ-ċiviltà industrijali. Dan jagħmel iżjed stimulanti u profetika l-ħidma biex nelaboraw mudelli u forom ta’ talb kontemplattiv għall-bniedem tal-lum.

- Nistgħu niftakru f’dik it-taħlita ta’ realiżmu prattiku u ta’ pjetà tradizzjonali soda li tikkaratterizza l-parroċċi tagħna u hi wirt li għandna nivverifikaw, naġġornaw, narmonizzaw, napprofondixxu.

- Ma ninsewx il-kriżi tal-adulti li, issa li għebu ċerti forom tradizzjonali ta’ talb, marbuta mar-ritmu pre-industrijali, qed ibatu biex isibu forom ġodda.

- Niftakru wkoll fit-talba konsolanti għas-skiet kontemplattiv min-naħa ta’ gruppi ta’ żgħażagħ, li qed jiskopru li l-Kristjaneżmu impenjat soċjalment ta’ xi snin ilu, mingħajr ma jitlef it-tensjoni soċjali tiegħu, jesiġi immersjoni fid-dinja misterjuża tal-fidi.

- Nistgħu niftakru li fin-nisġa internazzjonali tal-belt tagħna jiltaqgħu bosta ċiviltajiet. Il-konfront mal-forom ta’ talb li ġejjin fuq kollox mil-Lvant jista’ jsir stimolu għal skoperta iktar qawwija tal-valuri oriġinali tat-talb Nisrani, fl-isfond ta’ djalogu u ta’ arrikkiment reċiproku ma’ tradizzjonijiet oħra. Iċ-ċentinarju ta’ San Benedittu ċċelebrat din is-sena jistedinna b’mod partikolari biex nagħrfu niskopru mill-ġdid x’hemm mill-valuri fundamentali tal-ħajja monastika li llum nistgħu ngħixu mill-ġdid fil-kuntest taċ-ċiviltà ta’ żmienna.

- Nistgħu fl-aħħar nett niftakru fit-tħejjija għall-Kungress Ewkaristiku Nazzjonali, li se jirrifletti fuq iċ-ċentralità tal-Ewkaristija fil-komunità Nisranija. Għalhekk hemm bżonn nifhmu b’attenzjoni kemm il-post tal-Ewkaristija fil-komunità, u kemm ir-relazzjoni bejn kull talba tal-imgħammed, anki dik solitarja u siekta, u l-Ewkaristija.

 

[9] Il-proposta biex nirriflettu fuq id-dimensjoni kontemplattiva tal-ħajja impliċitament trid tipprovokana biex nerġgħu niksbu ċerti ċertezzi li fis-snin konfużi mqar jekk għammiela li għadhom kemm għaddew tilfu xi ftit mil-lewn tagħhom jew ġarrbu xi eklissi.

 

Dawn huma l-importanza reliġjuża tas-skiet, il-primat, fil-persuna umana, ta’ dak li jien fuq dak li għandi, fuq dak li ngħid, fuq dak li nagħmel; ir-relazzjoni tajba bejn persuna u komunità.

 

Naturalment, biex niksbu mill-ġdid dawn il-valuri ma jfissirx li rridu nabbandunaw jew nifhmu ħażin dawk li l-passat riċenti ġustament xeħet dawl fuqhom, bħat-talb tal-komunità li f’kor wieħed tkanta u titkellem ma’ Alla, il-ħtieġa li wara l-professjoni tal-fidi u t-tifħir ikun hemm ukoll il-koerenza tax-xhieda u tal-opri, l-importanza tad-dimensjoni ekkleżjali fl-oqsma kollha tal-ħajja Nisranija.

 

Imma donnu wasal il-mument li niftakru, fid-dawl ta’ mixja iktar intensa u f’armonija wara Kristu, li d-drawwa tal-kontemplazzjoni u tas-skiet tagħni u tagħmel iktar għammiel lit-talb vokali u komunitarju; li ma hemmx azzjoni u impenn li ma joħorġux mill-verità tal-essri profond tal-bniedem li fi Kristu ġie mġedded u merfugħ; li proprju l-kuxjenza u l-libertà tal-persuni singoli, bil-konvinzjonijiet tagħhom, it-tamiet tagħhom u x-xewqat tagħhom, jagħtu aktar awtentiċità u preġju lil kull ħajja mxierka mal-isem tal-Mulej.

 

[10] Is-skiet.

 

Jekk fil-bidu kien hemm il-Kelma u mill-Kelma ta’ Alla, li niżlet fostna, bdiet isseħħ il-fidwa tagħna, hu ċar li, min-naħa tagħna, fil-bidu tal-istorja personali ta’ salvazzjoni għandu jkun hemm is-skiet: is-skiet li jisma’, li jilqa’, li jħalli l-ħajja tidħol fih. Bla dubju, mal-Kelma li tirrivela ruħha lilna mbagħad għandhom jikkorrispondu l-kelmiet tagħna ta’ ħajr, ta’ qima, ta’ supplika; imma l-ewwel jiġi s-skiet.

 

Jekk, kif ġralu Żakkarija, missier Ġwanni l-Battista, it-tieni miraklu tal-Verb ta’ Alla hu dak li jagħti l-kelma lill-imbikkmin, jiġifieri li jħoll l-ilsien tal-bniedem ta’ din l-art li kien magħluq fih innifsu biex issa jista’ jgħanni l-għeġubijiet tal-Mulej, l-ewwel wieħed hu dak li jbikkem il-fomm tal-bniedem lablabi u moħħu mxerred (ara Lq 1:20-22).

 

“Il-Kelma sikktet it-tlablib tiegħi”: hekk Clemente Rebora, bl-ispirtu nobbli tiegħu ta’ poeta Milaniż ta’ żminijietna, ifisser b’ċarezza kbira l-bidu tal-konverżjoni tiegħu.

 

Anzi, nistgħu ngħidu li l-ħila li jgħix xi ftit mis-skiet ġewwieni tikkaratterizza lil dak li jemmen tassew u taqilgħu mid-dinja ta’ min ma jemminx.

 

Il-bniedem li keċċa minn ħsibijietu, skont kif tiddetta l-kultura dominanti, lil Alla ħaj li bih jimtela kull spazju, is-skiet ma jissaportihx. Għalih, li jemmen li qed jgħix fit-truf tax-xejn, is-skiet hu s-sinjal tal-vojt li jbeżża’. Kull ħoss, hu kemm hu tormentuż u ossessiv, jidher iktar mogħġub f’għajnejh; kull kelma, imqar l-iżjed waħda bla sens, teħilsu minn inkubu; jippreferi kollox, basta ma jispiċċax bla ma jixtieq, meta kull leħen jiskot, quddiem l-orrur tax-xejn. Kull storbju, kull karba, kull tisfira hi milqugħa tajjeb jekk b’xi mod u għal xi ħin jirnexxilha ttajjarlu l-ħsieb tiegħu mill-għarfien li jbeżżgħu tad-deżert tal-univers.

 

Il-bniedem “ġdid” – li l-fidi tatu għajn biex jista’ jinfed u jara lil hemm mix-xejn u l-imħabba tatu qalb li kapaċi tħobb l-Inviżibbli – jaf li l-vojt ma jeżistix u x-xejn hu eternament mirbuħ mill-Infinità divina; jaf li l-univers hu miżgħud bi ħlejjaq hienja; jaf li hu spettatur u diġà b’xi mod għandu sehem mill-ferħ kożmiku, rifless fil-misteru tad-dawl, ta’ mħabba, ta’ hena li hu l-essenza tal-ħajja bla tmiem f’Alla Trinità.

 

Għalhekk il-bniedem ġdid, bħall-Mulej Ġesù li kmieni mas-sebħ kien jitla’ waħdu fuq il-quċċata tal-muntanji (ara Mk 1:3; Lq 4:42; 6:12; 9:28), jixxennaq biex ikollu għalih xi spazju mingħajr ebda storbju li jaljenah, fejn ikun possibbli jiftaħ widnejh u jifhem xi ħaġa minn dik il-festa eterna u mil-leħen tal-Missier.

 

Ma rrid lil ħadd jifhimni ħażin, imma: il-bniedem “qadim”, li jibża’ mis-skiet, u l-bniedem “ġdid” normalment jgħixu flimkien, b’qisien diversi, f’kull wieħed u waħda minna. Kull wieħed minna minn barra hu attakkat minn għadd ta’ kliem, ta’ ħsejjes, ta’ storbji, li jtarrxu l-ġurnata tagħna u saħansitra l-lejl tagħna; kull wieħed fuq ġewwa hu mħabbat minn bosta ilħna tad-dinja li b’elf ħmerija jiddistrawna u jxerrdulna ħsiebna.

 

F’dan il-kjass, il-bniedem ġdid li hemm fina jkollu jitqabad biex jiżgura lill-ġenna ta’ ruħu dak l-għaġeb kbir ta’ “skiet għal madwar nofsiegħa” li fuqu jitkellem l-Apokalissi (8:1); li jkun skiet veru, mimli bil-Preżenza, jidwi bil-Kelma, miftuħ għas-smigħ, għall-komunjoni.

 

[11] It-talb u l-bniedem.

 

Meta jitqies fin-natura profonda tiegħu u fil-mument oriġinarju tiegħu, it-talb mhuwiex xi attività li espressament tikkuntrasta mal-bniedem: ħu joħroġ mill-jien, iqattar u jnixxi mir-realtà ta’ kull bniedem.

 

Nistgħu ngħidu li t-talb, b’xi mod, hu l-istess essri tal-bniedem li b’mod trasparenti jħalli d-dawl ta’ Alla jidħol fih, jagħraf x’inhu u, meta jagħraf lilu nnifsu, jagħraf il-kobor ta’ Alla, il-qdusija tiegħu, l-imħabba tiegħu, ir-rieda tiegħu li jħenn, f’kelma waħda r-realtà divina kollha u l-pjan divin ta’ salvazzjoni kif dehru fil-Mulej Ġesù mislub u rxoxt.

 

Qabel ma hu kelma, qabel ma hu ħsieb ifformulat, it-talb hu perċezzjoni tar-realtà li immedjatament twarrad f’tifħir, f’adorazzjoni, f’radd ta’ ħajr, f’supplika lill-ħniena ta’ Dak li hu l-għajn ta’ kull ħajja.

 

F’din l-esperjenza globali, sintetika, spiritwalment konkreta, joħorġu u jsiru kontenut fundamentali:

- il-perċezzjoni tal-vanità tal-ħwejjeġ li mhumiex fil-pjan ta’ Alla, li tinbidel f’supplika biex aħna stess niġu salvati mill-attakki ta’ dak li hu bla sens u vojt;

- il-perċezzjoni tal-Preżenza ta’ dak li hu milja u qatt mhu assenti u mbiegħed hemm fejn hemm xi ħaġa li verament teżisti;

- il-perċezzjoni ta’ Kristu ħaj li fih il-proġett divin kollu jinġabar u jiġi personalizzat (Ubi Christus, ibi Regnum, jgħid Sant’Ambroġ), li fuqu jissejjes l-għarfien u t-twettiq tar-relazzjoni ta’ komunjoni ma’ Dak li hu l-Mulej u Feddej waħdieni;

- il-perċezzjoni, fi Kristu, tar-rieda tal-Missier bħala norma assoluta ta’ ħajja, fejn għalhekk it-talb ma jibqax iżjed it-tentattiv biex indawru r-rieda ta’ Alla ħalli taqbel ma’ tagħna, imma t-tentattiv dejjem imġedded biex inwaħħdu dik tagħna mar-rieda tal-Missier (ara Mt 6:10; 26:39-42);

- il-perċezzjoni tar-realtà tal-Ispirtu, għajn tal-ħajja kollha tal-Knisja, li jitlob fina (ara Rum 8:19-27), hekk li t-talb isir xenqa biex noħorġu mis-solitudni u mill-għeluq tal-individwaliżmu u supplika biex ninfetħu dejjem iżjed għas-Saltna ta’ Alla li titwaqqaf fil-qlub u f’nofs il-bnedmin, jiġifieri għall-Knisja;

- il-perċezzjoni tas-salib bħala rebħa fuq il-ħażen li hemm fina u barra minna, li jagħmel mit-talb attitudni ta’ kontestazzjoni tad-dnub, tal-inġustizzja, tad-“dinja”, u nostalġija ta’ Ġerusalemm tas-Sema fejn kollox hu qaddis.

 

[12] Il-persuna, protagonista ta’ kull talba.

 

Bla dubju huwa ġust u doveruż nisħqu fuq il-vokazzjoni soċjali li hemm miktuba f’kull għemil tal-bniedem u fuq il-karattru ekkleżjali tal-ħajja Nisranija kollha. Imma ma rridu qatt ninsew li fl-għajn ta’ kollox hemm il-misteru tal-persuna, misteru dejjem singulari u singularment oriġinali, li xejn ma jgħaddih, u ma’ xejn ma jitqabbel.

 

Anki jekk maħluq f’kundizzjoni u f’natura li hu jirċievi mit-tnissil u jaqsam ma’ dawk kollha bħalu, il-bniedem isib ir-raġuni ewlenija tal-kobor tiegħu fil-fatt li hu ġej, skont in-nukleu oriġinarju u inkonfondibbli tal-essri tiegħu, immedjatament minn Alla l-Ħallieq, li sa minn dejjem sejjaħlu b’ismu; u fil-fatt li hu għandu jerġa’ lura għand Dak li fl-istess waqt hu l-bidu u d-destin tiegħu, b’deċiżjoni (jew, aħjar, b’serje ta’ deċiżjonijiet) li tagħha hu jerfa’ r-responsabbiltà sħiħa, għax ma tistax tiġi kkundizzjonata b’mod determinanti minn ebda ħlejqa oħra ħliefu.

 

Imqar jekk imnissel u mitmugħ f’komunjoni universali tal-ħajja li hi l-Knisja, in-Nisrani għandu preġju bla qies għax ġie maħbub personalment mill-Missier, li riedu b’ibnu; ġie milħuq personalment mill-għemil feddej ta’ Kristu, li għalih xerred demmu; hu mmexxi mill-Ispirtu fit-tweġiba personali pożittiva għas-sejħa divina għas-salvazzjoni. Mill-“aħna” u fuq l-“aħna” tal-Knisja joħroġ u jitfisser il-jien ta’ min jemmen, li jinfetaħ għall-“kollox” tal-kattoliċità.

 

Hekk it-talb – anki meta hu vokali, liturġiku, jew flimkien b’xi mod ieħor – jirċievi l-verità u l-valur biss jekk isib it-tnebbiħ kostanti tiegħu fil-misteru personali u konkret tat-twaħħid mal-fidi, mat-tama u mal-imħabba li minnu hi magħmula u bih titqawwa l-ħajja mġedda.

 

Quddiem il-Missier, li hu l-għajn ta’ ħajti u d-destinazzjoni tiegħi, quddiem id-dramma ta’ destin li ġie deċiż darba għal dejjem, quddiem l-iva u l-le li jiddeċiedu x-xorti eterna tiegħi, hemm jien, mhux il-grupp, il-klassi, il-komunità. M’iniex waħdi għax l-Ispirtu jitlob fija u għalija dak li jien ma nafx nitlob u l-Feddej tiegħi qiegħed ħdejja, iqarribni lejh, jagħti sehem fis-sentimenti tiegħu ta’ iben. Imma ħadd ma jista’ jeħodli posti f’din il-biċċa xogħol.

 

Imqar jekk ngħix, niddeċiedi, nitlob f’komunità ta’ aħwa li tweżinni, taħjini u tkabbarni spiritwalment, dejjem nibqa’ jien li ngħix, li nirriskja fid-deċiżjoni li nieħu, li naffronta l-avventura iebsa u eċċitanti tal-ħajja tat-talb.

 

Mela, li nieqfu naħsbu fuq it-talb proprju fl-att li fih inixxi sieket u mistur mill-qalb tal-bniedem, ifisser nimmeditaw fuq l-istess misteru ta’ kull talba Nisranija.

 

Sew jekk tibqa’ siekta u solitarja, sew jekk titlibbes bil-kliem minn barra u anki tingħad pubblikament, sew jekk tilħaq id-dinjità ta’ talba liturġika u ssir il-kant u l-implorazzjoni tal-Knisja kollha, kull invokazzjoni sinċiera lil Alla ssib dejjem fl-essri personali, li jiġi qabel u fuqu tinbena kull komunikazzjoni espressa, l-ewwel għajn tagħha, u fil-ħajja personali tal-fidi, tat-tama u tal-imħabba għandha r-ruħ neċessarja tagħha li ma tista’ tiddelegaha lil ħadd iżjed.

 

[13] Mela t-talb jitnissel mill-istess misteru tal-bniedem.

 

Kulħadd mistieden jiskopri mill-ġdid fis-skiet u fl-adorazzjoni s-sejħa tiegħu biex ikun persuna quddiem l-Int personali li jisfidah bil-Kelma tiegħu. Imma n-Nisrani jgħix l-esperjenza tat-talb tiegħu, anki l-iktar waħda siekta u sigrieta – li hu jagħmel meta “jidħol fil-kamra tiegħu ta’ ġewwa u jagħlaq il-bieb warajh” (Mt 6:6) – bħala membru ta’ Knisja li fl-Ewkaristija għandha l-għajn u l-quċċata tal-adorazzjoni u tat-tifħir tagħha.

 

F’liema relazzjoni qiegħda t-talba siekta Ewkaristika?

 

[14] L-Ewkaristija u l-Knisja.

 

Qabelxejn irridu niċċaraw ir-relazzjoni bejn l-Ewkaristija u l-Knisja. L-Ewkaristija, bl-ekonomija sagramentali kollha li tiġbor fiha, hi s-“sinjal” li ried Kristu nnifsu u kontinwament ikompli jwettaq, saħansitra bi preżenza personali u reali, biex ikun medjatur bejn dak is-“sinjal” defenittiv u bla qies tal-imħabba ta’ Alla, li hu l-Għid, u s-sinjal li hi l-Knisja. Fil-fatt din hi l-komunità ta’ dawk li “jagħmlu memorja” ta’ Kristu u tal-misteru tal-Għid tiegħu, u li bil-qawwa ta’ Kristu nnifsu li ssir preżenti fosthom permezz tal-Ewkaristija, jinħabbu kif iħobbhom hu u, bix-xhieda li jagħtu tal-imħabba lejn kulħadd, ifittxu li jdaħħlu lil kulħadd f’din il-komunjoni ta’ mħabba li ġejja minn Alla.

 

Mela jeħtieġ inwarrbu kunċett xi ftit impersonali u kważi mekkaniku tar-relazzjoni bejn l-Ewkaristija u l-Knisja, bħallikieku l-Knisja, magħmula mill-Ewkaristija, kienet xi entità separata mil-libertà, mill-intelliġenza, mill-korrispondenza tal-imgħammdin. Ma hemmx Ewkaristija vera u sħiħa mingħajr is-sehem personali ta’ min jemmen.

 

Bla dubju, il-preżenza tal-Mulej Ġesù hi żgurata mis-servizz saċerdotali li jaġixxi b’medjazzjoni “in persona Christi”. Imma din il-preżenza tesiġi kemm li s-saċerdot iħabrek biex itenni l-ġest Ewkaristiku u jaqsam l-offerta li l-Feddej jagħmel tiegħu nnifsu, u kemm li l-fidili jippreżentaw lill-Missier il-vittma qaddisa preżenti fuq l-altar u jgħaqqdu magħha l-impenn ta’ ħajja konformi mal-Vanġelu. Il-kmand “Agħmlu dan b’tifkira tiegħi” mhux qed iwettaq biss ripetizzjoni ta’ rit, imma anki l-parteċipazzjoni f’dak li r-rit ifisser, jiġifieri l-offerta li Kristu jagħmel tiegħu nnifsu lill-Missier għas-salvazzjoni tal-bnedmin.

 

F’dan is-sens jeħtieġ inwarrbu wkoll kunċett moralistiku, kemm jekk dan jesprimi ruħu f’enfasi tad-dmirijiet li dawk li jemmnu għandhom lejn l-Ewkaristija (adorazzjoni, kult, u l-bqija), kemm jekk jesprimi ruħu f’enfasi tad-dmirijiet li dawk li jemmnu jħossu li l-Ewkaristija tridhom iwettqu: impenn soċjali, relazzjonijiet fraterni ġodda, u l-bqija. Dawn l-atteġġjamenti huma tajbin, imma għandna ngħixuhom skont l-għana kollu li bih l-Ewkaristija tifforma u tagħġen il-ħajja konkreta ta’ min jemmen, billi tiġborhom f’komunità li hija l-Knisja.

 

[15] L-Ewkaristija u l-atteġġjament ta’ talb fis-skiet.

 

L-Ewkaristija nistgħu nifhmuha u nilqgħuha tassew mhux biss meta nagħmlu ċerti affarijiet fil-konfront tagħha (niċċelebrawha, nadurawha, nirċevuha bid-dispożizzjonijiet xierqa, u l-bqija) jew isiru ċerti affarijiet li jitilqu minnha (inħobbu lil xulxin, nissieltu għall-ġustizzja, u l-bqija), imma anki u fuq kollox meta hi ssir il-“forma”, l-għajn u x-xempju ta’ ħidma li waħidha kapaċi ssawwar il-ħajja komunitarja u personali ta’ min jemmen. Fl-Ewkaristija jsir preżenti u jaħdem fil-Knisja dak Kristu tal-Misteru tal-Għid. Hu l-Iben li jisma’ kollu ubbidjenti l-kelma tal-Missier. Hu l-Iben li fl-għotja ta’ ħajtu għall-imħabba, isib fit-talba drammatika u wisq ħelwa lill-“Abba” tiegħu (ara Mk 14:36; Lq 23:46) il-kuraġġ, il-kejl, in-norma tal-imġiba tiegħu mal-bnedmin.

 

Għalhekk iċ-ċelebrazzjoni Ewkaristika twettaq lilha nfisha meta twassal lil dawk li jemmnu biex jagħtu “ġisimhom u demmhom” bħal Kristu għal ħuthom, imma billi jinżlu għarkupptejhom, attenti biex jisimgħu u jilqgħu, u jagħrfu li dan kollu hu don tal-Missier, waqt li ma jafdawx fuq il-forzi tagħhom, ma jipproġettawx il-qadi tal-oħrajn skont kif jarawh huma.

 

Dan kollu, konkretement, jitlob il-kultivazzjoni ta’ atteġġjamenti interjuri li jiġu qabel, isieħbu, u jiġu wara ċ-ċelebrazzjoni Ewkaristika: is-smigħ tal-Kelma rivelata, il-kontemplazzjoni tal-misteri ta’ Ġesù, l-intuwizzjoni tar-rieda tal-Missier li tidher ċara fil-kelmiet ta’ Ġesù, il-konfront bejn il-pjan ta’ ħajja li joħroġ mill-Għid-Ewkaristija u s-sitwazzjonijiet dejjem ġodda li fihom isibu ruħhom il-komunitajiet u dawk li jemmnu.

 

Għalhekk, it-talb fis-skiet, is-smigħ tal-Kelma, il-meditazzjoni biblika, ir-riflessjoni personali, mhumiex maqtugħa mill-Ewkaristija, imma huma marbuta magħha u minnha jieħdu l-ħajja.

 

Minn hawn toħroġ l-importanza li titwettaq it-tħejjija remota għall-Kungress Ewkaristiku billi nagħmlu mezz li d-Djoċesi, biex ngħidu hekk, tinżel għarkupptejha, u tipproponi l-valur tat-talb fis-skiet, tindika strumenti konkreti biex nikkultivaw din il-klima kontemplattiva li hi indispensabbli biex nistgħu niċċelebraw kif jixraq l-Ewkaristija.

 

[16] Fidi, tama u Ewkaristija.

 

Ir-rabta bejn it-talb u l-Ewkaristija tidher iżjed ċara jekk inqisu r-relazzjoni bejn l-Ewkaristija u l-virtujiet teologali.

 

L-Ewkaristija li l-forma eżemplari li ssawwar il-ħajja tal-Knisja u ta’ dawk li jemmnu fuq il-mudell tal-Għid. F’dan id-dawl il-frott fundamentali tal-Ewkaristija hu l-imħabba bħala dik il-ħila li nagħtu ħajjitna kif taha Ġesù. Imma r-riferiment għal Ġesù jqiegħed l-imħabba fil-kordinati tal-fidi u tat-tama: Ġesù jagħtiha ħajtu f’isem u bil-qawwa ta’ relazzjoni speċjali “kontemplattiva” mal-Missier. Din ir-relazzjoni ta’ abbandun fiduċjuż, ta’ smigħ, ta’ ubbidjenza tista’ tiġi mfissra, fit-twessigħ tagħha għal kull min jemmen fi Kristu, bħala relazzjoni ta’ fidi u ta’ tama. Il-fidi tesprimi ċ-ċertezza tal-Patt, l-affidament ta’ min jemmen għall-fedeltà kollha mħabba tal-Missier li qajjem lil Ġesù Kristu mill-mewt. It-tama tmur lil hemm mill-inċertezzi, ir-riskji, il-kontradizzjonijiet ta’ libertà umana li hi dejjem imġarrba mill-infedeltà. In-Nisrani li jagħmel memorja kontinwa tal-wegħdiet ta’ Alla u jfittex li jqiegħed il-pjanijiet tiegħu fil-proġett tal-Missier, jinfetaħ għall-futur tas-Saltna ta’ Alla, jista’ jipproġetta, jista’ jittama u jistenna t-twettiq definittiv tax-xewqat tiegħu.

 

Issa hu sewwasew madwar il-valuri tal-fidi u tat-tama Nisranija li tinbena x-xbieha Nisranija tat-talb:

- kemm fil-motivazzjoni profonda tiegħu: it-talb Nisrani jdaħħal lin-Nisrani fir-relazzjoni ta’ komunjoni filjali li Kristu għandu mal-Missier, bl-iskop li jesprimi fl-imħabba l-wiċċ tal-Missier, rifless fil-wiċċ ta’ Kristu;

- kemm fl-espressjonijiet fundamentali tiegħu: f’rabta mal-fidi, it-talb hu tifħir, adorazzjoni, radd il-ħajr, rikonoxximent lill-Missier, affidament lilu; f’rabta mat-tama, it-talb hu interċessjoni, petizzjoni, karba li tiġbor fiha x-xewqat tal-bniedem, imma integrati u ppurifikati fix-xewqa fundamentali li jagħmel, fil-fidi, ir-rieda tal-Missier. Il-qalb tinfetaħ għad-dimensjonijiet tas-Saltna u għar-realizzazzjonijiet ekumeniċi u missjunarji tagħha.

 

F’dan il-kwadru ġenerali tat-talb Nisrani jsibu l-post ġust tagħhom id-diversi aspetti tiegħu: dak liturġiku-sagramentali, dak personali u dak komunitarju, dak tal-qalb u tax-xufftejn, dak tas-skiet miftuħ għas-smigħ u dak tal-applikazzjoni attenta ta’ dak li jiġi mismugħ għat-tessut storiku tal-ħajja ta’ kuljum.

 

Għalhekk mhux possibbli nilqgħu l-frott speċifiku tal-Ewkaristija, li hu l-imħabba, mingħajr ma nimxu fit-triq tal-fidi u tat-tama. Imma dan jissupponi taħriġ kostanti ta’ smigħ fis-skiet tal-Kelma ta’ Alla u ta’ telqa fiduċjuża fil-pjan tiegħu ta’ salvazzjoni.

 

[17] Kif nistgħu ngħixu dawn ir-realtajiet fl-esperjenza ta’ kuljum? Nistgħu nieħdu l-impressjoni li dawn huma veritajiet grandjużi, li jiftħulna orizzonti ġodda, imma li diffiċli nwettqu fil-prattika ta’ kuljum. Madankollu, li nirriflettu xi ftit fuqhom diġà hu l-ewwel pass.

 

It-talba fqajra personali tagħna, il-qari sempliċi tal-Bibbja u l-mumenti ta’ adorazzjoni u skiet li jirnexxielna nisirqu qalb l-impenji li jagħfsu fuqna ta’ kuljum, huma tassew “teżor moħbi” li jeħtieġ niskopru mill-ġdid fl-għalqa ta’ ħajjitna. Nibdew minn dak li diġà hu mogħti lilna li nifhmu u ngħixu, u nibdew mexjin b’determinazzjoni f’din it-triq, b’kuraġġ u spirtu ta’ sagrifiċċju, waqt li nżommu ċari f’moħħna l-għanijiet li rridu nilħqu, l-għodod u l-oqsma tal-edukazzjoni għall-ħajja tat-talb.

 

[18] Qabelxejn irridu niċċaraw x’inhi d-destinazzjoni.

 

Importanti nevitaw ċertu estrinsiċiżmu (li nipproponu t-talb bħala xi ħaġa li trid issir bħal ħwejjeġ oħra, mingħajr ma nifhmu kif dan ikopri l-ħajja kollha tan-Nisrani u tal-bniedem) u ċertu effiċjentiżmu (nilludu ruħna li nistgħu nilħqu riżultati immedjati, kważi awtomatiċi, bħala frott ta’ ċerti strumenti li jkollna f’idejna).

 

L-għanijiet li rridu nilħqu għandhom ikunu modesti u flimkien iżjed radikali. Jistgħu jiġu indikati hekk:

- l-għarfien tal-valur Nisrani tat-talb. Irridu nintebħu minn ġewwa li t-talb fis-skiet u kontemplattiv ma jistax jinfired mill-ħajja Nisranija awtentika (ara fuq, pp. 10-20);

- l-edukazzjoni progressiva: nibdew nagħmlu xi passi, importanti nagħmluhom fid-direzzjoni t-tajba, biex inqanqlu fina mistoqsijiet u x-xewqa li mmiddu iktar passi;

- l-esperjenza tal-bidu: irridu nipprevedu forom u modi li diġà jdaħħlu lill-persuni, skont id-diversi fażijiet tal-maturità spiritwali tagħhom, fid-dinja meraviljuża tat-talb kontemplattiv. Fil-fatt, titgħallem titlob int u titlob.

 

[19] L-istrumenti jridu jkunu proporzjonati għall-għanijiet:

 

- Għall-għarfien jidhru partikularment siewja:

 

a) katekeżi tajba, forsi mqassma f’xi mumenti tas-sena b’sussidji apposta. Din is-sena, billi hu propost għall-qari liturġiku tal-Ħadd il-Vanġelu skont Mattew, jista’ jkun interessanti li nagħmlu riferiment partikulari għat-testi ta’ dan il-Vanġelu fuq it-talb (partikularment Mt 6:5-14; 7:7-11). Madankollu nżommu tajjeb f’moħħna li ma nistgħux nagħmlu katekeżi astratta fuq it-talb: jeħtieġ li fl-istess ħin nitolbu u ngħinu lil min jitlob, b’taħriġ opportun u pawżi ta’ skiet. Il-ħtieġa li ngħaqqdu flimkien kelma, skiet u talb tiswa għal kull komunikazzjoni tal-fidi Nisranija.

 

b) għarfien konkret tal-ħajja tat-talb li jgħixu dawk li għandhom il-vokazzjoni profetika tat-talb. Għalhekk jeħtieġ infittxu dawk il-kuntatti ma’ bosta postijiet u ċentri ta’ kontemplazzjoni biex nuru kif jitolbu huma.

 

Tkun ħaġa tajba li dawk li jgħixu dan id-don tat-talb fil-komunità, b’mod partikulari r-reliġjużi, jinfetħu għal mumenti ta’ akkoljenza għal min ikun jixtieq jieħu sehem magħhom f’dawn l-esperjenzi.

 

- Fl-edukazzjoni rridu nżommu f’moħħna u naraw li nipproponu f’sussidji prattiċi l-valuri kostanti u flimkien l-iżjed varjetajiet sinifikattivi ta’ diversi metodi ta’ talb meditattiv proposti mill-qaddisin matul l-istorja tat-tradizzjoni spiritwali Nisranija, waqt li nżommu wkoll quddiem għajnejna l-proposti ta’ talb profond li ġejjin mil-Lvant Nisrani u mhux Nisrani.

 

Jista’ jkun ta’ siwi wkoll li nipprovaw naffrontaw xi mixja konkreta ta’ talb għal diversi kategoriji ta’ persuni, billi nużaw id-diversi esperjenzi li diġà saru f’dan il-qasam.

 

- Għall-esperjenza tal-bidu, ikun sew li nħejju sussidji u nagħtu valur lil dawk li diġà jeżistu f’relazzjoni maż-żewġ realtajiet li magħhom it-talb kontemplattiv u fis-skiet għandu dejjem ikun marbut, jiġifieri l-liturġija u l-ħajja bir-ritmi tagħha: minn hawn il-ħtieġa ta’ sussidji marbuta ma’ għarfien iżjed profond tal-mumenti tas-sena liturġika u ta’ sussidji li jimmiraw għal għarfien Nisrani tal-mumenti l-aktar sinifikattivi tal-ħajja (it-talb ta’ kuljum – filgħodu u filgħaxija, qabel u wara l-ikel, u l-bqija – u ta’ kull ġimgħa, b’mod partikulari għall-familja: twelid, trobbija, adolexxenza, imħabba, xogħol, ħin liberu, mard, mewt).

 

[20] L-oqsma li fihom għandhom jitħaddmu dawn l-istrumenti huma d-diversi komponenti tal-komunità Nisranija u n-nuklei fundamentali tas-soċjetà umana.

 

- Il-presbiterju mal-isqof tiegħu għandu jiskopri mill-ġdid il-post tat-talb kontemplattiv fil-qafas tal-ispiritwalità saċerdotali. Hawn iżommu quddiem għajnejhom l-indikazzjonijiet tal-ittra ta’ Ħamis ix-Xirka, id-dokument taċ-CEI fuq “Seminarji u vokazzjonijiet saċerdotali”, u l-indikazzjonijiet fuq l-“ispiritwalità tal-presbiterju djoċesan” imħejjija mill-Kunsill Presbiterali.

 

- Id-dekanati jistgħu jirriflettu fuq liema inizjattivi, fost dawk indikati, ta’ min jieħu, f’xi żminijiet tas-sena, bħala sinjal u stimolu għall-attenzjoni tal-parroċċi u tal-gruppi partikolari. Għandhom iqisu wkoll il-possibbiltà ta’ esperjenza ta’ “skola ta’ talb” offruta minn dekanat jew iżjed flimkien, f’relazzjoni ma’ postijiet partikularment adatti għal dan (djar tal-irtiri, monasteri kontemplattivi, u oħrajn).

 

- Il-parroċċi: jivvalorizzaw il-mumenti ta’ talb fis-skiet diġà preżenti fl-azzjoni liturġika; jedukaw id-diversi gruppi għat-talb kontemplattiv bl-għodod indikati hawn fuq; jipproponu ħinijiet komuni ta’ talb fuq kollox f’rabta maż-żminijiet qawwija tal-liturġija annwali, f’okkażjonijiet speċjali ta’ adorazzjoni, bħall-Kwaranturi, u oħrajn; joffru għodod biex jgħinu lill-parruċċani jitolbu fiż-żminijiet importanti tal-ħajja. Wieħed irid iżomm quddiem għajnejh li l-parroċċa, flimkien mal-familja, hi l-post normali ta’ edukazzjoni tal-imgħammdin għat-talb. Mill-mod u mit-ton kif wieħed jitlob, mir-rispett tal-pawżi u tal-mumenti ta’ skiet, mis-solennità, id-dinjità u l-intelliġibbiltà li bihom tiġi pproklamata mil-letturi l-Kelma tal-Iskrittura, mill-għożża fil-kant, tiddipendi fil-parti l-kbira tagħha l-intuwizzjoni li, lil hemm mit-talb tal-fomm, teżisti t-talba tal-qalb, u l-istedina biex din issir iktar fit-tul u tiġi speċifikament ikkultivata.

 

Tiġi vvalorizzata wkoll l-edukazzjoni teorika u prattika għat-talb li tista’ tingħata, b’mod sempliċi u effikaċi ħafna, fl-okkażjoni tas-sagrament tar-Rikonċiljazzjoni skont ir-ritwal il-ġdid u fid-direzzjoni jew gwida jew “akkumpanjament spiritwali”. Infakkru li anki t-tfal għandhom jingħataw din l-edukazzjoni profonda għat-talb, biex jagħrfu jivvalorizzaw anki l-ġesti u s-sinjali esterni.

 

- Is-santwarji u ċ-ċentri ta’ talb kontemplattiv għandna niskopruhom mill-ġdid, nivvalorizzawhom, nipproponuhom bħala postijiet ta’ pellegrinaġġi u laqgħat. Il-komunitajiet reliġjużi li jaħdmu fit-territorju jagħtu minn ħinhom biex joffru l-esperjenza tagħhom, il-postijiet, il-ħin u l-persuni b’risq l-edukazzjoni għat-talb.

 

- Il-familji, l-ewwel edukaturi għat-talb, għandhom assolutament jiskopru mill-ġdid dan id-dmir tagħhom u jiġu megħjuna jsiru post veru ta’ talb.

 

Il-familja hi post ta’ interessi affettivi, ta’ relazzjonijiet personali profondi: għalhekk, tista’ u għandha tkun post ipprivileġġjat biex tibni mill-ġdid it-tessut antropoloġiku għall-ħajja ta’ talb. Ngħidu aħna, ikun importanti li l-ġenituri jagħrfu jedukaw lil uliedhom biex ma jfittxux elementi li jixorbulhom l-enerġija kollha (partikolarment programmi televiżivi ftit jew wisq inutli) imma jħallu wisa’ għal ħinijiet ta’ konverżazzjoni miftuħa u magħmula bi mħabba u ta’ ġabra quddiem Alla. Jistgħu jagħmlu mod li d-diversi sussidji ta’ stampa Kattolika jew rivisti li xi ftit jew wisq jidħlu f’kull familja, anki ta’ dawk li ma jmorrux knisja, joffru tul is-sena kollha, kemm katekeżi, kemm xi mixja konkreta ta’ talb għall-familja.

 

- Il-gruppi kollha li fihom titwettaq xi esperjenza ta’ komunità jgħarblu b’attenzjoni lilhom infushom biex jaraw x’post qed jagħtu lit-“talb fis-skiet” fis-sens imfisser hawn fuq. Hemm fejn jgħidu flimkien it-Tifħir ta’ Sbiħ il-Jum u l-Għasar, jaraw li dan jagħmluh bil-kalma dovuta, il-pawżi u l-mumenti ta’ silenzju li jagħtu l-gost tat-talb profond.

 

- Fuq livell djoċesan ikun utli li ssir xi inizjattiva li tqiegħed lill-poplu ta’ Alla f’komunjoni ta’ smigħ fis-skiet tal-Kelma moqrija u kkummentata mill-isqof. Nistudjaw kif nagħmlu laqgħat bħal dawn f’xi mumenti partikulari tas-sena.

 

[21] Nistgħu nibqgħu sejrin bla waqfien nitkellmu fuq l-edukazzjoni għat-talb fis-skiet. Wara li rriflettejt fuq dan, ħsibt li jkun iżjed opportun li indikazzjonijiet oħra iżjed speċifiċi jiġu proposti band’oħra. Mill-bqija l-edukaturi per eċċellenza tat-talb, li huma s-saċerdoti, jafu jieħdu mit-teżor tat-tradizzjoni u l-ispirtwalità Ambrożjana “ħwejjeġ qodma u ġodda” għal din il-missjoni fundamentali.

 

Imma billi xorta nixtieq nagħti xi suġġerimenti biex niġbor kollox fil-qosor, se nillimita ruħi għat-tlieta li ġejjin.

 

[22] Is-skiet u l-adorazzjoni.

 

Inwessgħu fina u fl-oħrajn il-mumenti ta’ pawża kontemplattiva, ta’ skiet fl-adorazzjoni. Hemm min jagħmel dan bl-għajnuna ta’ talb ta’ għamla ripetittiva-kontemplattiva tradizzjonali, bħar-Rużarju jew il-Via Crucis, u min pjuttost juża t-“talba ta’ Ġesù” tat-tradizzjoni tal-Lvant jew il-ġakulatorji jew forom oħra. Fost dawn ċertament ta’ min jerġa’ jagħti valur lit-talba ta’ adorazzjoni marbuta mat-Tqarbin u quddiem is-Santissmu Sagrament. Inżommu f’moħħna kemm iż-żgħażagħ huma sensibbli għas-sejħa tat-talb fis-skiet.

 

[23] Smigħ tal-Kelma u Lectio Divina.

 

Is-skiet iħejji l-art li fuqha taqa’ ż-żerriegħa tal-Kelma. Fid-dawl tat-tagħlim tal-Knisja, u partikularment tal-Konċilju, naqraw b’attenzjoni, bil-kalma, is-silta tal-lezzjonarju tal-ġurnata, u nistaqsu lilna nfusna: liema “aħbar tajba” nsib hawnhekk għal ħajti? Jew naqraw b’attenzjoni minn xi ktieb tal-Iskrittura, xi Salm, u nħallu l-messaġġ jidħol fina. Nagħmlu l-pawżi, u naraw lejn liema forom ta’ talb qed imexxina l-Ispirtu tal-Mulej li jinsab fina.

 

[24] Żminijiet qawwija tal-Ispirtu.

 

Infittxu għalina u għall-oħrajn żminijiet iddedikati biss għas-skiet u għas-smigħ fit-talb. Għal don soltu jkun hemm bżonn ta’ postijiet differenti minn dawk li fihom ngħixu ħajjitna, infittxu xi ftit ta’ “deżert”. Kull wieħed għandu jpoġġi fil-programm tiegħu xi jum ta’ rtir li jkun verament hekk. Nippromovu l-Eżerċizzi Spiritwali f’dawk il-forom li tassew jgħallmuna nitolbu. L-Eżerċizzi fil-fatt huma l-aktar skola effikaċi ta’ talb. Minn hawn spiss jinbtu l-vokazzjonijiet ta’ konsagrazzjoni speċjali u impenn fil-Knisja. Ta’ min ifaħħarha dik l-inizjattiva li, malli tispiċċa l-iskola sekondarja jew f’xi perjodu ieħor ta’ għażliet deċiżivi, tipprevedi kors ta’ Eżerċizzi biex tgħin lil dak li jkun jorjenta ħajtu.

 

[25] Nipprogrammaw u nivverifikaw.

 

Ħa nżid indikazzjoni oħra, li hi ta’ metodu, imma li nqisha importanti, jekk irridu serjament nimxu f’din it-triq.

 

Hemm bżonn li fid-diversi oqsma msemmija hawn fuq (b’mod partikolari fil-parroċċi u fil-kunsilli pastorali, fid-dekanati, fil-komunitajiet u fil-gruppi) tul ix-xahar ta’ Ottubru nimpenjaw ruħna biex inwieġbu għall-mistoqsijiet li ġejjin, jew jixbhuhom:

 

Liema hi s-sitwazzjoni tagħna fid-dawl ta’ din il-proposta? X’nistgħu nipprogrammaw biex inkabbru l-għarfien u ngħinu fl-edukazzjoni għall-ħajja tat-talb? Liema għodod nużaw, liema inizjattivi nipproponu, liema “sinjali” konkreti nwettqu?

 

Perjodikament, u fuq kollox fl-Avvent u fir-Randan, ikun importanti nagħmlu verifika ta’ dak li sar u naġġornaw il-programm skont l-esperjenza li kellna.

 

Min-naħa tiegħi sa nitlob lill-Vigarji Episkopali taż-żoni biex iżommuni mgħarraf dwar l-inizjattivi l-iżjed interessanti u stimolanti, li jistgħu jiġu kkomunikati wkoll lil oħrajn. Il-Mulej jgħinna hu biex hekk ninfetħu dejjem iżjed għall-Kelma tiegħu ta’ salvazzjoni.

 

Ktibt dan kollu bil-konvinzjoni li r-realtà l-iżjed importanti li t-talb għandu jorjentana lejha hi l-imħabba. Din hi d-destinazzjoni finali li għaliha aħna msejħa. Fuq dan il-punt, li hu tant għal qalbi, jiġfieri fuq kif il-Knisja tagħna għandha tgħix l-imħabba lejn kulħadd, għad irridu nieqfu nitkellmu iżjed fit-tul. Imma deherli li f’dan l-ewwel djalogu fit-tul mal-irġiel u n-nisa ta’ din id-djoċesi tagħna kien meħtieġ nagħfas fuq l-għeruq personali profondi ta’ kulma nagħmlu, ta’ kull servizz tagħna lin-nies u speċjalment lill-iżjed foqra.

 

It-talb, bħall-karità, hu don lill-oħrajn. Hu jpoġġina għall-qadi ta’ soċjetà iżjed ġusta. Jurina d-dinja mill-għajnejn ta’ Alla. Minn don bħal dan jistgħu jinbtu bosta ħwejjeġ.

 

Bl-interċessjoni ta’ Marija, xempju ta’ talb fis-skiet, insejjaħ dan id-don fuqi u fuqkom kollha.

 

Milan, 8 ta’ Settembru 1980

 

CARLO MARIA Arċisqof

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard