QUAMQUAM PLURIES

ENĊIKLIKA TA’ LJUN XIII

DWAR ID-DEVOZZJONI LEJN SAN ĠUŻEPP

 

Lill-Venerabbli Ħutna Patrijarki, Arċisqfijiet u Ordinarji oħra, fi sliem u għaqda mas-Santa Sede

 

1. Għalkemm diġa u ħafna drabi aħna ordnajna li jsir talb speċjali mad-dinja kollha, sabiex l-interessi tal-Knisja Kattolika jkun b’mod insistenti rakkomandati lil Alla, ħadd ma jistagħġeb li Aħna nikkunsidraw dan il-mument bħala wieħed opportun sabiex nagħmlu l-stess. F’perijodu ta’ toqol u prova – l-aktar meta jidher li s-setgħat tad-dlamijiet qed jagħmlu tagħhom – hija drawwa fil-Knisja li nitolbu lil Alla jagħtina l-qawwa u l-perseveranza, billi nduru lejn l-istess qaddisin - ewlenija fosthom l-Imqaddsa Verġni Marija Omm Alla – li l-protezzjoni tagħha dejjem kienet ewlenija. Il-frott ta’ dan it-talb u l-fiduċja fit-Tjieba Divina, dejjem f’xi waqt jew ieħor, ħarġu għad-dawl. Issa, Venerabbli Ħutna, intom tafu f’liema żminijiet qegħdin ngħixu; mhuma xejn faċli għar-reliġjon Nisranija. Qed naraw il-fidi, l-għerq tal-virtujiet kollha Insara, tonqos fl-erwieħ; qed naraw l-imħabba tiksaħ; il-ġenerazzjoni żagħżugħa tikber dejjem fiċ-ċaħda tal-morali; il-Knisja ta’ Ġesu’ Kristu qed tisfa attakkata minn kull naħa u bil-miftuħ minn kull forza u qawwa; ġlieda qawwija tinsab għaddejja fil-konfront tal-Papa; u l-istess pedamenti tar-reliġjon qed jiġu mhedda ta’ kuljum. F’ċirkustanzi hekk nikkieta u inkwetanti, ir-rimedji umani huma insuffiċjenti u tinħass il-ħtieġa li nittallbu għall-għajnuna tas-Sema.

 

2. Din hija r-raġuni għalfejn qed inħossuha meħtieġa li l-poplu Nisrani b’żelu u kostanza sħiħa, idur għall-għajnuna t’Alla l-Imbierek. Kif ninsabu qrib ix-xahar ta’ Ottubru, li Aħna diġa kkonsagrajna lill-Verġni Marija taħt it-titlu tal-Imqaddes Rużarju, Aħna issa neżortaw il-fidili sabiex iwettqu l-eżerċizzi piji ta’ dan ix-xahar bi pjeta’ u kostanza akbar minn ta’ qabel. Hemm żgur tistenniena l-għajnuna tat-tjieba materna tal-Verġni Marija, u ninsabu ċerti li Aħna qatt ma nqiegħdu t-tama tagħna f’Marija għalxejn. Jekk f’diversi waqtiet hija uriet l-għajnuna tagħna, mela x’jista’ jiġri jekk b’umilta’ u kostanza nerġgħu nintefgħu f’riġeljha? Tassew nemmnu, li l-indħil tagħha quddiem Alla jinstema’. Imma issa, sabiex il-kbir Alla jisma’ t-talb tagħna, għalina u għall-Knisja Mqaddsa, Aħna nħossu li huwa tassew meħtieġ li flimkien mal-fiduċja fil-Verġni Omm t’Alla, induru lejn l-Għarus safi tagħha l-Imbierek Ġużeppi; u dan żgur li se jogħġob ferm lill-Verġni nfisha. Fuq is-suġġett tad-devozzjoni tiegħu li Aħna qed nitkellmu pubblikament għall-ewwel darba llum, nafu li mhux in-nies hija xewqana li tagħtih qima imma li din il-qima diġa teżisti u hija kbira. Rajna d-devozzjoni lejn San Ġużepp li fl-imgħoddi papiet oħra żviluppaw gradwalment u dan l-aħħar, rajniha tieħu sura ġdida taħt it-tmexxija ta’ Piju IX, li tifkira tiegħu aħna nqimu. Il-predeċessur tagħna, hu u jisma’ t-talba tal-isqfijiet diversi, ħatar lill-patrijarka mqaddes, patrun tal-Knisja Kattolika. Sabiex allura din il-qima tinżel aktar fil-qlub tal-Kattoliċi, Aħna nħeġġu dan bil-qawwa tal-kliem u s-setgħa Lilna mogħtija.

 

3. Il-motivi speċjali li għalihom San Ġużepp inħatar Patrun tal-Knisja u li lejh il-Knisja tħares sabiex tikseb ħarsien u patrunaġġ, ġejjin mill-fatt li Ġużeppi kien l-għarus safi tal-Verġni Marija u l-missier putattiv ta’ Ġesu’. Huwa minn dawn l-għejjun li tinsilet id-dinjita’, il-qdusija u l-glorja tiegħu. Imma ladarba Ġużeppi jinsab magħqud mal-Verġni Marija bir-rabta qaddisa taż-żwieġ, wieħed m’għandux jindubja li hu l-aktar li jinsab fil-qrib permezz ta’ dinjita’ eminenti lejn il-Verġni Marija li lilha Alla ried li tkun fuq il-ħlejjaq kollha. Dan għaliex iż-żwieġ imqaddes huwa l-aktar intimu fost l-għaqdiet kollha u mill-essenza tiegħu joffri ġabra ta’ doni li tgħaqqad flimkien lil dawk li jissieħu f’għaqda waħda. Għalhekk fl-għotja tal-Verġni Marija bħala għarusa tiegħu, Alla ħatru mhux biss biex ikun il-kumpann tal-ħajja tagħha, xhud tal-maternita’ u protettur tal-unur tagħha imma wkoll, in virtu’ tal-għaqda konjugali, ħatru parteċipant fid-dinjita’ sublimi tagħha. Ġużeppi jiddi fost il-bnedmin kollha, ladarba b’rieda divina, huwa l-gwardjan tal-Iben t’Alla. Għalhekk kellu jkun li l-Kelma t’Alla tkun suġġetta għal Ġużeppi, il-Kelma qagħdet għaliih fl-ubbidjenza u lilu tat dak kollu li iben normali jagħti lil missieru fuq l-art. Minn din id-dinjita’ mtennija, tinsilet l-obbligazzjoni li n-natura tqiegħed fuq ir-ras tal-familja hekk li Ġużeppi kien ħarries, amministratur u difensur tad-dar divina t’Alla. F’ħajtu kollha huwa wettaq dawn id-dmirijiet u qeda lill-Għarusa u lit-tfajjel Divin; bil-ħidma tiegħu ta’ kuljum qala’ dak li hu meħtieġ għall-bżonnijiet tal-ħajja, l-għajxien u l-ilbies; ħares mill-mewt lit-tarbija mhedda mill-għira tas-sultan tal-art u sablu rifuġju; fil-miżerji tal-vjaġġ u l-ebusija tal-eżilju, lilu huwa akkumpanja. Mill-fatt li Marija fuq il-Kalvarju ssir omm l-Insara kollha; Ġesu’ Kristu huwa mela l-ewwel fost l-Insara kollha, u aħna, bl-adozzjoni u l-fidwa, nissejħu ħutu. Għal dawn ir-raġunijiet, l-Imqaddes Patrijarka jħares lejn il-kotra tal-Insara li jagħmlu l-Knisja u jafdaw lilhom infushom lilu. Dan għaliex hu l-Għarus ta’ Marija u l-Missier ta’ Ġesu’ Kristu u għandu setgħa paterna. Jixraq mela li kif l-Imqaddes Ġużeppi ħa ħsieb il-ħtiġijiet tal-familja ta’ Nazareth, issa jqiegħed taħt il-mantar smewwi tiegħu l-Knisja ta’ Ġesu’ Kristu.

 

4. Intom tifhmu Venerabbli Ħutna li dawn il-kunsiderazzjonijiet huma kkonfermati mill-opinjoni miżmuma mill-patri l-kbira tal-Padri, li sa mill-qedem Ġużeppi bin il-patrijarka Ġakobb, kien it-tip ta’ San Ġużepp. Intom tagħrfu wkoll ix-xebh li kien jeżisti bejn it-tnejn sa mill-qedem u li dan qatt ma ġie miċħud. Kif Ġużeppi provda għall-ħtiġijiet tal-Eġizzjani bl-għerf liu mogħti u ġie msejjaħ ‘Salvatur tad-dinja’. Din hija r-raġuni għalfejn Aħna nipprefiguraw il-ġdid fil-patrijarka l-qadim. Hekk kif tal-ewwel ġab il-prosperita’ lis-salna kollha, hekk ukoll il-gwardjan tar-reliġjon Nisranija jista’ jitqies bħala difensur tal-Knisja, id-dar vera tal-Mulej u s-saltna t’Alla fuq l-art. Dawn huma r-raġunijiet li l-bnedmin kollha jbierka lill-imqaddes Ġużeppi. Missirijiet tal-familji jsibu f’Ġużeppi l-aħjar personifikazzjoni tal-viġilanza; għarajjes isibu fih eżempju perfett ta’ mħabba, paċi u fedelta’ konjugali; il-verġni jsibu fih il-mudell u l-protettur tal-integrita’ verġinali. In-nobbli fit-twelid isibu mingħand Ġużeppi l-mod ta’ kif iħarsu d-dinjita’ anke fl-isfortuna; l-għonja jifhmu l-lezzjonijiet tiegħu, il-ġid l-aktar mixtieq u mirbuħ bil-prezz tal-ħidma tagħhom. Hekk ukoll il-ħaddiema, l-artisti, dawk li jwettqu xogħol meqjus baxx f’għajnejn id-dinja, iduru lejn Ġużeppi biex jimitawh.Għax Ġużeppi, imnissel minn demm is-slaten, ingħaqad fiż-żwieġ mal-eqdes fost in-nisa u sar missier l-Iben t’Alla u qatta’ ħajtu fil-ħidma frott għaraq il-ġbin biex iġedded il-familja tiegħu u dan hekk li l-kundizzjoni taċ-ċkejkna u l-umli ma għandu jkun hemm fiha ebda mistħija imma bil-maqlub, minnha jitnissel il-virtu’. Ġużeppi, kuntent b’dak li għandu, ħa fuqu l-provi kollha u kien ta’ servizz għall-Iben li ħa fuqu n-natura ta’ lsir frott ir-rieda ħielsa u tneżża’ minn kollox.

5. Permezz ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, dawk li frott tbatijiet ħidmiethom jaqilgħu l-ħobża ta’ kuljum għandhom għax jgħixu s-sewwa. Jekk jiksbu bis-sewwa li jogħlew mill-faqar tagħhom, ħalli jroddu ħajr lill-Providenza Divina. Imma jkun ġenn li wieħed bil-vjolenza jfittex li jtejjeb ħidmietu. Ħalli mela l-foqra jafdaw mhux fil-wegħdiet tal-bnedmin brikkuna, imma fl-eżempju u l-patrunaġġ tal-Imqaddes Ġużeppi, u fil-karita’ materna tal-Knisja.

6. Din hi r-raġuni għalfejn – b’fiduċja kbira fiż-żelu u l-awtorita’ episkopali tagħkom, Venerabbli Ħutna – u mingħajr ma nindubjaw il-fidili twajba – Aħna nippreskribu li matul ix-xahar ta’ Ottubru, waqt ir-reċita tar-Rużarju, li dwaru diġa tkellimna, tiżdied talba lil San Ġużepp li l-formula tagħha qed tintbagħat ma’ din l-ittra u li tiġi ripetuta kull sena. Lil dawk li jirreċitaw din it-talba, Aħna nagħtu għal kull darba li tingħad, indulġenza ta’ seba’ snin u seba’ Randani. Hija prattika salutari u ta’ min ifaħħarha, diġa stabilita f’xi pajjiżi, li wieħed jikkosagra x-xahar ta’ Marzu ad unur l-imqaddes Patrijarka permezz ta’ eżerċizzi ta’ pjeta’. Fejn din il-prattika ma tistax tiġi stabilita, tal-inqas, wieħed għandu qabel il-festa tal-qaddis, fil-knisja prinċipali ta’ kull parroċċa, jiġi ċċelebrat tridu ta’ talb. F’dawk l-artijiet fejn id-19 ta’ Marzu Festa ta’ San Ġużepp mhijiex festa ta’ obbligu, Aħna neżortaw il-fidili sabiex iqaddsu kemm jistgħu l-ġurnata bi prattiċi privati ad unur dan il-qaddis tas-sema, daqslikieku kienet ġurnata ta’ obligu.

7. U bħala sinjal ta’ grazzji smewwija, u b’xhieda tar-rieda tajba Tagħna, Aħna nagħtu fil-Mulej lilkom Venerabbli Ħutna, u lill-kleru u lill-poplu tagħkom, il-barka Apostolika.

Mogħtija mill-Vatikan, il-15 ta’ Awwissu 1889, il-Ħdax-il Sena tal-Pontifikat Tagħna.

 

 

TALBA LIL SAN ĠUŻEPP

O Mqaddes Ġużeppi, fil-hemm li fih ninsabu, lejk nirrikorru u b’tama qawwija nsejħu l-patronċinju tiegħek, wara dak tal-Għarusa Mqaddsa tiegħek.

Mela f’ġieħ dik ir-rabta għażiża ta’ mħabba li biha kont marbut max-xebba bla tebgħa, omm Alla, u f’ġieħ dik l-imħabba ta’ missier li biha ħabbejt lit-tfajjel Ġesù, nitolbuk li tħares ħarsa ħelwa lejn il-wirt għażiż, li Ġesù Kristu rebaħ b’demmu, u bis-setgħa u bil-għajnuna tiegħek tidħol għalina fil-bżonnijiet tagħna.

Kif int, O Ġużeppi, kont taħseb f’din l-art għall-Familja Mqaddsa u tħarisha, hekk ukoll ħu ħsieb tal-familja maħtura ta’ Ġesù Kristu. Eqred minn ġo nofsna, Missier ħanin, din il-pesta ta’ erruri u ta’ ħażen li qegħdin imarrdu d-dinja. Ieqaf magħna mis-smewwiet, f’din il-gwerra li għandna mal-qawwa tad-dlamijiet, o protettur qawwi tagħna. U kif darba ħlist mill-mewt lill-Bambin Ġesù, hekk issa ddefendi l-Knisja Mqaddsa t’Alla mit-tnassis tal-għedewwa u minn kull hemm.

Xerred dejjem fuq kull wieħed u waħda minna l-patronċinju tiegħek, sabiex bl-eżempju u bil-għajnuna tiegħek, nistgħu ngħixu ħajja qaddisa, nagħmlu mewta tajba, u naqilgħu l-hena ta’ dejjem ġewwa l-ġenna. Ammen.

 

Miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Fr Geoffrey G. Attard