LAUDATO SI’: fil-qosor

 

Dawn il-paġni jsegwu pass pass l-iżvilupp tal-Enċiklika u huma ta’ għajnuna biex nieħdu l-ewwel idea ġenerika ta’ dak li fiha.  In-numri bejn qawsejn jirreferu għall-paragrafi tat-test tal-Enċiklika.  Fl-aħħar żewġ paġni hemm it-test sħiħ tal-Enċiklika kif imqassma.

L-Enċiklika tieħu isimha mill-invokazzjoni ta’ San Franġisk ta’ Assisi, «Laudato si’, mi’ Signore» (Tkun imfaħħar, Mulejja) li fil-Kantiku tal-Ħolqien (Cantico delle Creature) ifakkar li l-art, id-dar komuni tagħna, «hi wkoll bħal “oħtna”, li magħha naqsmu ħajjitna, u bħal omm sabiħa li tilqagħna f’dirgħajha» (1).  Ninsew li aħna stess ġejjin minn din l-art (cfr Ġen 2,7).  Ġisimna stess hu msawwar minn elementi tal-pjaneta, l-arja tiegħu hi dik li tagħtina n-nifs u l-ilma jaħjina u jsaħħaħna» (2).

«Din oħtna qed tipprotesta għall-ħsara li nġibulha meta nħaddmu b’mod irresponsabbli u nużaw mill-ġid li Alla għnieha bih» (2).  L-għajta tagħha, maqgħuda ma’ dik tal-foqra, qed titlob lill-kuxjenza tagħna «biex tistedinna nagħrfu d-dnubiet kontra l-ħolqien» (8).

Il-Papa jfakkarna dan billi jtenni kliem il-Patrijarka Ekumeniku ta’ Kostantinopli, Bartilmew: «Li l-bnedmin jeqirdu d-diversità bijoloġika, li l-bnedmin jikkompromettu l-integrità tal-art u jġibu l-bidla fil-klima, (….) li l-bnedmin iniġġsu l-ilmijiet, il-ħamrija, l-arja; dawn kollha huma dnubiet» (8).

It-tweġiba addattata għal dan kollu hi dik li San Ġwanni Pawlu II kien sejħilha «konverżjoni ekoloġika globali» (5).  F'mixja’bħal din, «il-mudell pereċċellenza ta’ kif għandna nieħdu ħsieb tad-dgħajjef u kif ngħixu l-ekoloġija integrali u b’mod awtentiku,» hu San Franġisk ta’ Assisi.  Fih naraw sa liema punt l-għożża għan-natura, il-ġustizzja mal-foqra, l-impenn fis-soċjetà u l-paċi interjuri, ma jistgħux jinfirdu minn xulxin» (10).

L-Enċiklika Laudato si’, hi mibnija fuq il-kunċett tal-ekoloġija integrali, bħala mudell li għandu ħila jfisser b’mod koerenti r-relazzjonijiet fundamentali tal-persuna: ma’ Alla, magħha nfisha, mal-bnedmin l-oħra, mal-maħluq.  Kif spjega l-Papa nnifsu fil-paragrafu 15, din il-mixja tieħu l-ħajja (kapitlu 1) bis-‘smigħ spiritwali’ tal-aħjar frott mit-tiftix xjentifiku li għandna disponibbli llum, u nħalluh imiss il-ġewwieni tagħna u joffri bażi konkreta għall-mixja etika u spiritwali li tiġi wara». Ix-xjenza hija l-istrument privileġġjat li bih aħna nistgħu nisimgħu l-għajta tal-art.

Il-passaġġ ta’ wara (kapitlu II) jelenka mill-ġdid ir-rikkeza tat-tradizzjoni Ġudeo/Kristjana, qabel kollox fit-test Bibliku u wara, bl-elaborazzjoni teoloġika li hi msejsa fuqha.  Imbagħad tkompli l-analiżi (kapitlu III) «tal-għeruq tas-sitwazzjoni attwali, hekk illi nkunu nistgħu nifhmu mhux biss is-sintomi imma wkoll il-kawżi l-iżjed qawwija».

L-għan hu li jelabora l-profil tal-ekoloġija integrali (kapitlu IV), li, fid-dimensjonijiet diversi tiegħu jiġbor «il-post speċifiku li jokkupa l-bniedem f’din id-dinja u r-relazzjonijiet tiegħu mar-realtà ta’ madwaru».  Fuq din il-bażi, il-Papa Franġisku jipproponi (kapitlu V) għadd ta’ linji għat-tiġdid tal-politika internazzjonali, nazzjonali u lokali, tal-proċessi tad-deċiżjonijiet fil-qafas pubbliku u imprenditorjali, tar-relazzjoni bejn il-politika u l-ekonomija u bejn ir-reliġjonijiet u x-xjenzi, mibnijin fuq djalogu trasparenti u onest.

Fl-aħħar, bil-konvinzjoni li «kull bidla titlob motivazzjoni u mixja edukattiva», il-kapitlu VI jipproponi «xi linji ta’ żvilupp uman imnebbaħ mit-teżor tal-esperjenza spiritwali Nisranija».  F’dan l-aspett, l-Enċiklika tagħlaq billi tagħti t-test ta’ żewġ talbiet, l-ewwel waħda biex tingħad ma’ bnedmin ta’ reliġjonijiet oħra u t-tieni għall-Insara, biex b’hekk l-Enċiklika ttemm bl-istess atteġġjament ta’ talb li bih tiftaħ.

Kull kapitlu jittratta tema partikolari b’metodu speċifiku tiegħu, imma tul l-Enċiklika dawn it-temi jitfaċċaw mill-ġdid kontinwament, kull darba aktar elaborati fl-aspetti fundamentali tagħhom bħal: «il-konvinzjoni li fid-dinja kollox hu marbut sfiq ma’ xulxin; il-kritika tal-paradigma ġdida u tax-xejriet ġodda ta’ poter li ġejjin mit-teknoloġija; l-istedina biex infittxu modi oħra ta’ kif nifhmu l-ekonomija u l-progress; il-valur propju ta’ kull ħlejqa; is-sens uman tal-ekoloġija; il-ħtieġa ta’ dibattiti sinċiera u onesti; ir-responsabbiltà serja tal-politika internazzjonali u lokali; il-kultura tal-iskart u l-proposta ta’ stil ġdid ta’ ħajja» (16).

Id-djalogu li qed jipproponi l-Papa Franġisku bħala metodu biex jiġu affrontati u maħlula l-problemi ambjentali hu mqiegħed fil-prattika fl-istess test tal-Enċiklika, li tikkowta l-kontribut ta’ filosofi u teoloġi mhux biss Kattoliċi, imma wkoll Ortodossi (il-Patrijarka Bartilmew li diġà ssemma), Protestanti (il-Franċiż Paul Ricoeur) minbarra dak tal-mistiku Iżlamiku Ali Al-Khawas.  L-istess jiġri fis-sejħa għal dik il-kolleġġjalità li l-Papa Franġisku ilu jipproponi lill-Knisja sa mill-bidu tal-ministeru tiegħu: minbarra r-riferimenti għall-maġisteru tal-predeċessuri tiegħu u għal dokumenti oħra tal-Vatikan (partikolarment il-Kunsill Pontifiċju għall-Ġustizzja u l-Paċi), spiss insibu kkwotati l-pożizzjonijiet meħuda mill-bosta Konferenzi Episkopali tal-kontinenti kollha.

Huwa ċar li wara l-Enċiklika Laudato si’, l-eżami tal-kuxjenza, dak l-istrument li l-Knisja minn dejjem irrikmandat biex torjenta ħajjitha lejn ir-relazzjoni mal-Mulej, irid jinkuldi dimensjoni ġdida u jaħseb mhux biss dwar kif wieħed jgħix il-komunjoni ma’ Alla, mal-oħrajn u miegħu nnifsu, imma wkoll mal-kreaturi kollha u man-natura.  L-attenzjoni li nagħtat mill-midja lil din l-Enċiklika sa minn qabel il-pubblikazzjoni tagħha, ikkonċentrat l-aktar fuq l-aspetti marbutin mal-politika ambjentali li bħalissa għaddej id-dibattitu dwarhom fuq l-aġenda globali.  Ċertament, l-Enċiklika Laudato si’, tista’ tkun, u għandu jkollha impatt fuq id-deċiżjonijiet urġenti meħtieġa f’dan il-qasam.  Ma rridux però nnaqqsu l-importanza tan-natura maġisterjali, pastorali u spiritwali tad-dokument, li l-firxa, il-wisa’ u l-profondità tiegħu ma jistgħux jibqgħu marbutin biss ma’ dak li għandu x’jaqsam mad-deċiżjonijiet dwar il-politika ambjentali.

 

I. DAK LI QED JIĠRI FID-DAR TAGĦNA (17-19)

Il-kapitlu jħares lejn l-iskoperti xjentifiċi reċenti f’dak li għandu x’jaqsam mal-ambjent bħala mod li bih nistgħu nisimgħu l-għajta tal-ħolqien, «L-għan tagħna mhux li niġbru tagħrif jew naqtgħu l-kurżità tagħna, imma li nsiru iżjed konxji, anki jekk b’għafsa ta’ qalb, u dak li qed jiġri lid-dinja nindenjaw nagħmluh it-tbatija personali tagħna, ħalli hekk nagħrfu liema hu l-kontribut li kull wieħed u waħda minna jista’ jagħti.» (19).  Dan hu l-mod li bih l-Enċiklika taffronta aspetti differenti tal-kriżi ekoloġika li għandna quddiemna. (15).

 

1. Tniġġiż u tibdil fil-klima

Tniġġiż, skart u kultura tal-iskart (20-22)

Il-klima bħala ġid komuni (23-26)

2. Il-kwistjoni tal-ilma (27-31)

3. It-telfien tal-biodiversità (32-42)

4. Id-deterjorament tal-kwalità tal-ħajja umana u d-degradazzjoni soċjali (43-47)

5. L-inġusitzzja planetarja (48-52)

6. Id-dgħufija tar-relazzjonijiet b’implikazzjonijiet ambjentali (53-59)

7. Id-diversità tal-opinjonijiet (60-61)

 

Tniġġiż, skart u kultura tal-iskart: It-tniġġiż jolqot ta’ kuljum il-ħajja tal-bnedmin, b’konsegwenzi gravi fuq saħħithom, tant li jwassal għal miljuni ta’ mwiet bikrija (20), filwaqt li « Id-dinja, id-dar tagħna, donnha qed tinbidel dejjem iżjed f’depożitu kbir ta’ żibel » (21).  Fl-għerq ta’ dawn id-dinamiċi hemm «il-kultura tal-iskart» li hemm bżonn niġġilduha billi nadottaw mudelli ta’ produzzjoni mibnijin fuq l-użu mill-ġdid u r-riċiklaġġ, u nillimitaw l-użu ta’ riżorsi mhux rinnovabbli.  Sfortunatament, «il-progress f’din id-direzzjoni hu skars ħafna» (22).

It-tibdil fil-klima: Din hija «problema globali b’implikazzjonijiet ambjentali, soċjali, ekonomiċi, distributtivi u politiċi» (25).  Li nippreservaw il-klima, li hi ġid komuni, hija waħda mill-isfidi prinċipali tal-mument għall-umanità.  It-tibdil fil-klima qed jaħqar popolazzjonijiet sħaħ u hu waħda mir-raġunijiet tal-movimenti migratorji, imma « Ħafna minn dawk li jżommu għalihom iżjed riżorsi u setgħa ekonomika jew politika donnhom ħsiebhom fuq kollox kif jgħattu l-problemi u jaħbu s-sintomi tagħhom» (26); fl-istess waqt in-nuqqas ta’ aġir quddiem dawn id-drammi ta’ ħutna hu sinjal li tlifna dak is-sens ta’ responsabbiltà għal min hu bħalna, li fuqu suppost tinbena kull soċjetà ċivili» (25).

Il-kwistjoni tal-ilma: Popolazzjonijiet sħaħ, u speċjalment it-tfal, jimirdu u jmutu minħabba li jixorbu ilma li mhux tajjeb għax-xorb, filwaqt li għadu għaddej it-tniġġiż tal-ilma tal-pjan minħabba l-ħmieġ mitfugħ fih mill-fabbriki u mill-ibliet.  Il-Papa jafferma mingħajr tidwir ta’ kliem li «l-aċċess għall-ilma nadif u tajjeb għax-xorb hu dritt uman essenzjali, fundamentali u universali, għax minnu jiddependi l-għajxien tan-nies, u għalhekk hu kundizzjoni għat-tħaddim tad-drittijiet umani l-oħra» (30).

Il-ħarsien tal-biodiversità: Il-qerda ta’ speċi ta’ annimali u veġetali kkawżata mill-bniedem tibdel l-ekosistema u ma nistgħux nipprevedu x’se jkunu l-konsegwenzi ta’ dan fil-futur.  « Kull sena qed jgħibu eluf ta’ speċi ta’ pjanti u annimali li qatt m’aħna sa nsibuhom iżjed, li wliedna mhu sa jkunu jistgħu jarawhom qatt, mitlufin għal dejjem.» (33).  Dawn l-ispeċi diversi mhumiex biss riżorsi li eventwalment jistgħu jkunu “sfruttati”: dawn għandhom valur intrinsiku u mhux valur vis-à-vis l-bniedem.  « Billi l-ħlejjaq kollha huma mxierka bejniethom, kull waħda minnhom għandha valur li għandu jiġi rikonoxxut b’rispett u ammirazzjoni, għax aħna, il-ħlejjaq kollha ħajjin, għandna bżonn ta’ xulxin » (42).  Hemm ħtieġa kbira li nieħdu kura tal-imkejjen li jħarsulna l-ekosistema li, allura, jħarsulna l-ħajja.  Spiss, l-interessi ekonomiċi transnazzjonali huma ta’ ostaklu għal dan il-ħarsien (38)

Il-kwalità tal-ħajja tal-bniedem u d-degradazzjoni soċjali. Il-mudell tal-iżvilupp attwali qed jikkundizzjona direttament il-kwalità tal-ħajja tal-biċċa l-kbira tal-umanità u qed juri «kif it-tkabbir tal-aħħar żewġ sekli ma ġabx fl-aspetti kollha tiegħu progress veru u sħiħ u titjib fil-kwalità tal-ħajja» (46).  «Ħafna bliet huma strutturi kbar ineffiċjenti li jikkonsmaw bla rażan kemm ilma u enerġija» (44) u qed isiru mkejjen li lanqas tista’ tgħix fihom mill-aspett ta’ saħħa, filwaqt li l-kuntatt man-natura hu limitat, bl-eċċezzjoni ta’ spazji li huma riżervati għal xi ftit privileġġjati (45).

Inġustizzji globali: « Fil-fatt, it-tifrik tal-ambjent u dak tas-soċjetà jolqtu b’mod speċjali lid-dgħajfa ta’ din il-pjaneta » (48), il-parti l-kbira tal-popolazzjoni tad-dinja.  Fid-dibattiti politċi internazzjonali dawn jitqiesu «sempliċi ħsara kollaterali» (49).  Iżda, «l-attitudni tassew ekoloġika trid dejjem issir iżjed attitudni soċjali,» (….)biex nistgħu nisimgħu kemm il-karba tal-art u kemm il-karba tal-foqra » (49).  Is-soluzzjoni mhix li jonqos l-għadd tat-trabi li jitwieldu imma li nopponu «il-konsumiżmu estrem u selettiv» ta’ minoranza tal-popolazzjoni tad-dinja (50).

Ir-relazzjonijiet dgħajfa: B’għarfien sħiħ tad-diverġenzi profondi li joffru dawn il-problemi, il-Papa Franġisku juri li tolqtu profondament «id-dgħufija tar-reazzjoni» quddiem id-drammi ta’ tant bnedmin u popolazzjonijiet.  Minkejja li s-sinjali pożittivi mhux neqsin (58), il-Papa juri li hemm «ċertu telqa u irresponsabbiltà» (59).  Hemm nieqsa leadership suffiċjenti u disponibbiltà biex nibdlu l-istil tal-ħajja, tal-produzzjoi u tal-konsum (59), filwaqt li hemm urġenza li « Hemm bżonn li llum qabel għada noħolqu sistema normattiva li (….) tiżgura l-ħarsien tal-ekosistemi (…)» (53).

 

II. L-EVANĠELJU TAL-ĦOLQIEN (62)

Biex naffrontaw il-problemi mfissrin fil-kapitlu ta’ qabel, il-Papa Franġisku jżur ir-rakkonti tal-Bibbja u joffri viżjoni kumplessiva mnissla mit-tradizzjoni Ġudeo/Kristjana filwaqt li jispjega xinhi «r-responsabbiltà tremenda» tal-bniedem fil-konfront tal-ħolqien, ir-rabta intima bejn il-kreaturi kollha u l-fatt li « L-ambjent hu ġid kollettiv, wirt tal-bnedmin kollha u responsabbiltà ta’ kulħadd » (95).

1. Id-dawl li toffri l-fidi (63-64)

2. L-għerf tar-rakkonti Bibliċi (65-75)

3. Il-misteru tal-univers (76-83)

4. Il-messaġġ ta’ kull ħlejqa fl-armonija tal-ħolqien kollu (84-88)

5. Komunjoni universali (89-92)

6. Id-destinazzjoni komuni tat-tqassim tal-ġid (93-95)

7. Il-ħarsa ta’ Ġesù (96-100)

 

1. Id-dawl li toffri l-fidi: Il-kumplessità tal-kriżi ekoloġika timplika li jkun hemm djalogu multi-kulturali u multi-dixxiplinari li jinkludi l-ispiritwalità u r-reliġjon.  Il-fidi toffri «motivazzjonijiet għoljin biex nieħdu ħsieb in-natura u ta’ ħutna l-iktar dgħajfa» (64); id-dmirijiet lejn in-natura jiffurmaw parti mill-fidi Nisranija.

2. L-għerf tar-rakkonti Bibliċi: Fil-Bibbja, «dak Alla li jeħles u jifdi hu l-istess wieħed li ħalaq l-univers»  u «fih, ħlewwa u qawwa huma ħaġa waħda» (73).  F’das-sens, r-rakkont tal-ħolqien huwa ċentrali biex jgħin fir-riflessjoni dwar ir-relazzjoni bejn il-bniedem u l-ħlejjaq l-oħra u dwar kif id-dnub ikisser il-bilanċ tal-ħolqien kollu: «Dawn ir-rakkonti juruna li l-eżistenza umana hi mibnija fuq ir-relazzjoniijiet fundamentali li huma marbutin intimament flimkien: ir-relazzjoni ma’ Alla, dik ta’ mal-proxxmu u dik ta’ mal-art.  Skont il-Bibbja, «dawn it-tliet relazzjonijiet vitali huma imfarrka mhux biss barra minna, imma anki ġo fina.  Dan it-tifrik huwa “d-dnub”» (66).  L-art hija rigal, mhux propjetà, ingħatatilna biex namministrawha mhux biex neqirduha.  Għalhekk għandna d-dmir li nirrispettaw il-liġijiet tan-natura, għax il-ħolqien hu tajjeb minnu nnifsu.  Ta’ min ifakkar wkoll is-Salmi bl-istedina tagħhom biex nagħtu ġieħ lil-Ħallieq.

3. Il-misteru tal-univers: «Il-ħolqien jista’ jinfthiem biss bħala don li jnixxi mill-id miftuħa tal-Missier ta’ kulħadd» (76).  «Mill-ħlejjaq maħluqa naslu “għall-ħniena kollha mħabba tiegħu”» (77) waqt li l-ħolqien, fi Kristu Rxoxt, jibqa’ miexi sa ma’ jilħaq il-milja tiegħu f’Alla (83). F’din il-komunjoni universali, il-bniedem mogħni bl-inteliġenza u l-identità personali, jirrappreżenta «novità kwalitattiva» (81).  Huwa responsabbli tal-ħolqien u tal-kura tiegħu u l-libertà tal-bniedem hija misteru li bih jista’ jippromwovi l-iżvilupp jew jikkawża d-degradazzjoni tal-ħolqien.

4. Il-messaġġ ta’ kull ħlejqa fl-armonija tal-ħolqien kollu: «Kull ħlejqa għandha funzjoni u m’hemm xejn bla sens, (….) kollox hu lingwaġġ tal-imħabba ta’ Alla» (84).  Flimkien ma’ San Ġwanni Pawlu II « Nistgħu ngħidu li “flimkien mar-rivelazzjoni propja mlissna fl-Iskrittura Mqaddsa hemm, għalhekk, wirja divina fid-dija tax-xemx u meta jaqa’ l-lejl”» (85): Fl-għaqda tal-univers u l-kumplimentarjetà tiegħu huma espressjoni r-rikkezza bla tarf ta’ Alla; l-univers hu l-imkien tal-preżenza tiegħu u jistedinna għall-adorazzjoni.

5. Komunjoni universali: «La ġejna maħluqa mill-istess Missier, aħna lkoll essri tal-univers, aħna magħqudin flimkien b’rabtiet li ma jidhrux u nsawru għamla ta’ familja universali, komunjoni għolja li tmexxina lejn rispett qaddis, maħbub u umli» (89).  Dan ma jfissirx li l-art għandna nqisuha bħal xi alla u lanqas li niċhdu s-supremazija tal-bniedem fil-qafas tal-ħolqien; bl-istess mod « Ma jistax ikun awtentiku sentiment ta’ għaqda intima mal-ħlejjaq l-oħra tan-natura, jekk fl-istess ħin fil-qalb tagħna m’hemmx ħlewwa, kompassjoni u tħassib għall-bnedmin» (91).

6. Id-destinazzjoni komuni tat-tqassim tal-ġidi: «L-art hi essenzjalment wirt wieħed komuni, li l-frott tiegħu għandu jitgawda minn kulħadd » u min hu sid ta’ biċċa minnu hu msejjaħ li jamminstrah bir-rispett għall-benefiċċju «tal-imġieba soċjali» li hi piż fuq kull forma ta’ propjetà (93).

7. Il-ħarsa ta’ Ġesù: Ġesù kien jistieden biex id-dixxipli «jagħrfu r-relazzjoni li Alla għandu bħala Missier mal-ħlejjaq kollha» (96) u «Hu kien jgħix f’armonija sħiħa mal-ħolqien» (98), mingħajr ma jiddisprezza l-ġisem, il-materja u l-affarijiet li jnisslu l-ferħ fil-ħajja.  «Persuna tat-Trinità daħlet fl-univers maħluq, qasmet fid-destin tiegħu sas-salib.  Sa mill-bidu tad-dinja, imma b’mod partikulari mill-Inkarnazzjoni, il-misteru ta’ Kristu jaħdem bil-moħbi fir-realtà naturali kollha,» (99) u li, fl-aħħar taż-żmien se jrodd kollox lill-Missier.  « B’dan il-mod, il-ħlejjaq ta’ din id-dinja ma jidhrux iżjed bħala realtà sempliċement naturali, għax l-Irxoxt iħaddanhom misterjożament fih u jorjentahom lejn destin ta’ milja sħiħa» (100).

 

III. L-GĦERQ UMAN TAL-KRIŻI EKOLOĠIKA (101)

(15) Bi djalogu mal-filosofija u x-xjenzi umani. Dan il-kapitlu jippreżenta analiżi tas-sitwazzjoni attwali «b’mod li mhux biss juri s-sintomi imma wkoll il-kawżi l-aktar profondi tal-kriżi».

1. it-teknoloġija: kreattività u poter (102-105)

2. Il-globalizzazzjoni tal-mudell teknokratiku (106-114)

3. Kriżi u konsegwenzi tal-antropoċentriżmu modern (115-121)

 

Ir-relattiviżmu prattiku (122-123)

Il-ħtieġa li niddefendu x-xogħol (124-129)

L-innovazzjoni bijoloġika, ibda mir-riċerka (130-136)

 

1. It-tekonoloġija: krattività u poter: Hu tajjeb li nagħrfu u napprezzaw il-benefiċċji tal-progress tekonoloġiku minħabba l-kontribut li jagħti lill-iżvilupp sostenibbli.  Imma t-teknoloġija tagħti « lil dawk li għandhom f’idejhom dan l-għarfien u fuq kollox il-poter ekonomiku biex jisfruttawh, setgħa tal-għaġeb fuq il-bnedmin kollha u fuq id-dinja sħiħa » (104). L-umanità għandha bżonn « etika biżżejjed b’saħħitha, kultura u spiritwalità » (105)

2. Il-globalizzazzjoni tal-mudell teknokratiku: Il-mentalità teknokratika dominanti tħares lejn ir-realtajiet kollha bħala oġġetti li jistgħu ikunu manipolati mingħajr limitu.  Dan hu riduzzjoniżmu li jiġbor fih kull dimensjoni tal-ħajja.  It-teknoloġija mhix newtrali: «Ċerti għażliet li jidhru purament strumentali, fil-verità huma għażliet fid-dawl ta’ għamla ta’ ħajja soċjali li wieħed ikun irid jiżviluppa» (107).  Il-mudell teknokratiku jiddomina wkoll fuq l-ekonomija u l-politika; b’mod partikolari, « l-ekonomija tassumi kull żvilupp teknoloġiku għal skop ta’ profitt (….).  Is-suq waħdu ma jistax jiggarantixxi l-iżvilupp sħiħ tal-bniedem u l-inklużjoni soċjali» (109).  Li kollox jintrabat mat-tekonoloġija biex insolvu kull problema jfisser «li naħbu l-problemi veri u l-aktar profondi tas-sistema dinjija» (111), minħabba «li l-progress tax-xjenza u tat-teknika ma jfissirx progress tal-bniedem u tal-istorja» (113).  Hemm bżonn ta’ «rivoluzzjoni kulturali kuraġġuża» (114) biex niksbu lura il-valuri.

 

3. Kriżi u konsegwenzi tal-antropoċentriżmu modern:

- Ir-relattiviżmu prattiku: Dan hu konsegwenza tad-devjazzjoni tal-antropoċentriżmu: «dak li ma jaqdix l-interessi immedjati ta’ dak li jkun, isir kollu irrilevanti ».   Din il-loġika tgħinna nifhmu « kif iwieżnu li xulxin dawk l-imġibiet li jipprovokaw fl-istess ħin kemm it-taħsir ambjentali u kemm it-taħsir soċjali (….)għax meta hi l-kultura li ssir korrotta u ma tibqa’ tagħraf ebda verità oġġettiva jew prinċipji universalment validi, il-liġijiet jinftiehmu biss bħala impożizzjonijiet arbitrarji jew bħala xkiel li għandna naħarbuh» (122-123).

- Il-ħtieġa li niddefendu x-xogħol: F’kull impostazzjoni ta’ ekoloġija integrali, li ma tħallix barra lill-bniedem, bilfors irridu ndaħħlu l-valur tax-xogħol » (124).  Kulħadd għandu jkollu aċċess għalih għax « Ix-xogħol hu bżonn, hu parti mis-sens tal-ħajja fuq din l-art, triq biex biha l-bniedem jikber, jiżviluppa u jilħaq il-milja tiegħu » (128), filwaqt li « Jekk nirrifjutaw li ninvestu fil-persuni biex niksbu profitt immedjat akbar, inkunu nagħmlu ħsara kbira lis-soċjetà » (128).  Biex kulħadd ikun jista’ jibbenefika realment mill-libertà ekonomika, « Biex ikollna libertà ekonomika li minnha effettivament igawdi kulħadd, xi kultant ikun hemm bżonn inqiegħdu limitu lil dawk li għandhom f’idejhom riżorsi u saħħa finanzjarja ikbar » (129).

- L-innovazzjoni teknoloġika, ibda mir-riċerka: Ir-riferiment prinċipali hu għall-kwistjoni tal-organiżmi mibdulin ġenetikament (OGM), li huma «kwistjoni ta’ karattru kumpless» (135).  Għalkemm « biex ikollna libertà ekonomika li minnha effettivament igawdi kulħadd, xi kultant ikun hemm bżonn inqiegħdu limitu lil dawk li għandhom f’idejhom riżorsi u saħħa finanzjarja ikbar» ibda « mill-konċentrazzjoni ta’ artijiet produttivi f’idejn il-ftit» (134).  Il-Papa Franġsiku jaħseb b’mod partikulari fil-produtturi ż-żgħar u l-ħaddiem tar-raba, fil-biodiversità u fix-xibka tal-ekosistemi.  Għalhekk hu meħtieġ « dibattitu xjentifiku u soċjali li jkun responsabbli u wiesa’, li kapaċi jqis it-tagħrif kollu disponibbli u jsejjaħ l-affarijiet b’isimhom » ibda «mil-linji ta’ riċerka awtonoma u interdixxiplinarji» (135).

 

IV. EKOLOĠIJA INTEGRALI (137)

Il-qofol tal-proposta tal-Enċiklika huwa l-ekoloġija integrali bħala mudell ġdid ta’ ġustizzja, ekoloġija « fid-diversi dimensjonijiet tagħha, tħares il-post speċifiku li għandu l-bniedem f’din id-dinja u r-relazzjonijiet tiegħu mar-realtà ta’ madwaru » (15).  Infatti «ma nistgħux inqisu n-natura bħala xi ħaġa maqtugħa minna jew bħala sempliċi sfond ta’ ħajjitna » (139).  Dan jgħodd għal dak kollu li nagħmlu fid-diversi oqsma: fl-ekonomija u fil-politika, fil-kulturi differenti, partikolarment dawk li jinsabu mhedda, u saħansitra f’kull mument tal-ħajja ta’ kuljum.  Illum l-analiżi tal-problemi ambjentali ma tistax tifridha mill-analiżi tal-kuntesti tal-bniedem, tal-familja, tax-xogħol, u mir-relazzjoni ta’ kull persuna magħha nfisha,» (141); bħala konsegwenza «hu fundamentali nfittxu soluzzjonijiet sħaħ, li jagħtu każ tal-mod kif is-sistemi naturali jinteraġixxu bejniethom u mas-sistemi soċjali.  M’għandniex żewġ kriżijiet separati, waħda ambjentali u oħra soċjali, imma kriżi waħda u kumplessa soċjo-ambjentali» (139).

 

1. Ekoloġija ambjentali, ekonomika u soċjali (138-142)

2. Ekoloġija kulturali (143-146)

3. Ekoloġija tal-ħajja ta’ kuljum (147-155)

4. Il-prinċipju tal-ġid komuni (156-158)

5. il-ġustizzja bejn il-ġenerazzjonijiet (159-162)

 

1. Ekoloġija ambjentali, ekonomika u soċjali: Kollox hu marbut flimkien.  Iż-żmien, l-ispazju, il-komponenti fiżiċi, kimiċi u bijoloġiċi tal-pjaneta huma xibka waħda li qatt ma naslu nifhmuha kollha.  L-għarfien frammentarju u iżolat jeħtieġ li jintegra ruħu ma’ viżjoni dejjem aktar wiesa li tqis «l- interazzjoni bejn l-ekosistemi u bejn id-diversi modi ta’ riferiment soċjali » (141) u tinvesti anki fuq livell istituzjonali, biex «l-istat tas-saħħa tal-istituzzjonijiet ta’ soċjetà jġib miegħu konsegwenzi fuq l-ambjent u l-kwalità tal-ħajja tal-bniedem » (142).

2. Ekoloġija kulturali: «L-ekoloġija titlob ukoll l-għożża tal-għana kulturali tal-bnedmin fl-aktar sens wiesa’ tiegħu » (143) fil-varjetajiet u t-tifsir l-aktar wiesa tagħhom.  Hemm ħtieġa li tkun integrata l-perspettiva tad-drittijiet tal-popli u tal-kulturi mal-protagoniżmu tal-atturi soċjali lokali ibda mill-kultura propja «hemm bżonn kbir li nagħtu attenzjoni speċjali lill-komunitajiet aboriġini» (146).

3. Ekoloġija tal-ħajja ta’ kuljum: L-ekoloġija integrali tolqot anki l-ħajja ta’ kuljum li għaliha l-Enċiklika tiddedika attenzjoni speċifika partikolarment fl-ambjent urban.  Il-bniedem għandu ħila kbira li jadatta ruħu għal-limitazzjonijiet li joffri l-ambjent u «ta’ min jammira l-kreattività u l-ġenerożità ta’ persuni u gruppi li kapaċi jtaffu l-limiti ambjentali, jibdlu l-effetti koroh tal-kundizzjonamenti, u jitgħallmu jagħtu sens lil ħajjithom imqar qalb id-diżordni u l-inċertezza» (148).   B’dankollu, l-iżvilupp awtentiku jitlob titjib integrali fil-kwalità tal-ħajja umana: l-ispazji pubbliċi, id-djar, it-trasport, eċċ (150-154).  Id-dimensjoni umana tal-ekoloġija timplika wkoll « ir-relazzjoni li għandu jkun hemm bejn il-ħajja tal-bniedem u l-liġi morali mnaqqxa fl-istess natura tiegħu» (155).  «Hemm bżonn nagħrfu li ġisimna jqegħidna f’relazzjoni diretta mal-ambjent u mal-ħlejjaq ħajjin l-oħra.  «Jeħtieġ naċċettaw lil ġisimna bħala don ta’ Alla biex nistgħu nilqgħu u naċċettaw id-dinja kollha bħala don tal-Missier u dar komuni tagħna; min-naħa l-oħra, loġika ta’ ħakma fuq ġisimna tinbidel f’loġika kultant sottili ta’ ħakma fuq il-ħolqien» (155).

4. Il-prinċipju tal-ġid komuni: «L-ekoloġija umana ma tistax tifridha mill-kunċett tal-ġid komuni » (156); fid-dinja kontemporanja li fiha «naraw tant inegwaljanzi u li fiha qed jikber dejjem l-għadd tal-persuni li jisfaw skartati, imċaħħdin mid-drittijiet umani fundamnetali» l-impenn lejn il-ġid komuni jfisser li nagħmlu għażliet solidali fuq bażi «ta’ għażla preferenzjali favur l-iżjed foqra» (158).

5. Il-ġustizzja bejn il-ġenerazzjonijiet: Il-ġid komuni jirrigwarda wkoll il-ġenerazzjonijiet futuri: «.  Illum ma tistax titkellem fuq żvilupp sostenibbli bla solidarjetà bejn il-ġenerazzjonijiet» (159), mingħajr però, ma ninsew il-foqra tal-lum, li baqgħalhom ftit żmien fuq din l-art u li ma jistgħux jistennew aktar.

 

V. XI LINJI TA’ ORJENTAMENT U AZZJONI (163)

Dan il-kapitlu jaffronta l-mistoqsija dwar x’nistgħu u x’għandna nagħmlu.  L-aniliżi waħedha mhix biżżejjed: jeħtieġ li jkun hemm proposti «ta’ djalogu u azzjoni li jinvolvu kemm lil kull wieħed u waħda minna, kemm il-politika internazzjonali» (15)  li « jistgħu jgħinuna noħorġu minn dan il-garigor ta’ qerda tagħna nfusna li fih qed negħrqu ftit ftit» (163).  Għall-Papa Franġisku huwa essenzjali l-bini ta’ toroq konkreti ma nħarsux lejh mill-aspett ideoloġiku, superfiċjali u riduzzjonista.  Għaldaqstant id-djalogu huwa indspensabbli, kelma li hi preżenti fit-titlu ta’ kull taqsima ta’ dan il-kapitlu: « Hemm diskussjonijiet, fuq kwistjonijiet marbuta mal-ambjent, fejn hu diffiċli tilħaq kunsens (….) il-Knisja mhix tippretendi li tagħti definizzjoni hi tal-kwistjonijiet xjentifiċi, lanqas li tieħu post il-politika, imma nistieden għal dibattitu onest u trasparenti, biex il-ħtiġijiet partikulari u l-ideoloġiji ma jagħmlux deni lill-ġid komuni» (188).

 

1. Id-djalogu dwar l-ambjent fil-poitika internazzjonali (164-175)

2. Id-djalogu lejn politika ġdida nazzjonali u lokali (176-181)

3. Djalogu u trasparenza fid-deċiżjonijiet (182-188)

4. Id-djalogu bejn il-politika u l-ekonomija lejn il-milja umana (189-198)

5. Ir-reliġjonijiet fid-djaolgu max-xjenzi (199-201)

1. Id-djalogu dwar l-ambjent fil-politika internazzjonali: «Dinja li hi interdipendenti ma tfissirx biss li nifhmu li l-konsegwenzi ħżiena tal-istil tal-ħajja, tal-produzzjoni u tal-konsum jolqtu lil kulħadd, imma, qabelxejn, li nagħmlu mod li jiġu proposti s-soluzzjonijiet, ibda minn perspettiva globali, u mhux biss biex tiddefendi l-interessi ta’ xi pajjiżi» (164)  L-Enċiklika ma tiddejjaqx tifformula ġudizzju sever fuq id-dinamiċi internazzjonali reċenti: «il-Laqgħat Dinjija dwar l-ambjent fl-aħħar snin ma weġbux għal dak li kien mistenni għax, minħabba f’nuqqas ta’ deċiżjoni politika, ma laħqu ebda ftehim ambjentali globali sinifikattiv u li ħalla xi effett importanti» (166).  Jeħtieġ, kif qalu u tennew Papiet differenti, ibda mill-Pacem in terris, forom u strutturi ta’ governanza globali (175) « għandna bżonn ta’ ftehim fuq sistema ta’ governanza għall-firxa sħiħa tal-hekk imsejjaħ ġid komuni globali » (174).

2. Id-djalogu lejn poltika ġdida nazzjonali u lokalii: fuq il-livell lokali «jistgħu jinbtu responsabbiltajiet akbar, sens qawwi komunitarju, ħila speċjali ta’ għożża u kreattività iktar ġeneruża» (179) għall-art tiegħu.  Il-politika u l-ekonomija għandhom bżonn joħorġu mill-loġika effiċjentista li tħares biss lejn l-immedjat u hi ffukata fuq il-profitt u s-suċċess elettorali fil-futur qrib.

3. Id-djalogu u t-trasparenza fil-proċessi deċiżjonalii: Huwa indispensabbli li ssir rivalutazzjoni tal-intrapriżi mill-aspett ambjentali u soċjali biex ma ssirx ħsara lill-popolazzjonijiet l-aktar żvantaġġjati (182-188).  Hu meħtieġ li jkunu żviluppati proċessi fejn jittieħdu deċiżjonijiet onesti u trasparenti li «jiddixxernu» liema politika u inizjattivi imprenditorjali jistgħu jwasslu «għal żvilupp veru u integrali» (185).  Partikolarment l-istudju tal-impatt ambjentali ta’ xi proġett ġdid «jitlob proċess politiku trasparenti u sottopost għad-djalogu, waqt li l-korruzzjoni li taħbi l-impatt ambjentali veru ta’ proġett imħallas bil-favuri spiss twassal għal xorta ta’ ftehim stramb li jippruvaw jaħarbu milli jinfurmaw lill-pubbliku jew minn dibattitu iktar fil-fond» (182).

4. Id-djalogu bejn il-politika u l-ekonomija lejn il-milja umana: Il-kriżi finanzjarja tal-2007-2008 tatna l-okkażjoni niżviluppaw ekonomija ġdida iżjed attenta għall-prinċipji etiċi, u regolamentazzjoni ġdida tal-attività finanzjarja spekulattiva » (189), ibda mill-kriżi globali nfisha, anki minħabba li « l-ambjent hu ġid li l-mekkaniżmu tas-suq mhux kapaċi jiddefendi jew jippromovi kemm għandu jkun» (190).  Ħarsa differenti tippermettilna nagħrfu li « jekk inaqqsu r-ritmu mgħaġġel ta’ produzzjoni u konsum partikulari, jista’ jingħata lok għal mod ieħor ta’ progress u żvilupp.  L-isforzi għal użu sostenibbli tar-riżorsi naturali mhux xi spiża bla siwi, imma investiment li normalment jista’ joffri benefiċċji ekonomiċi oħra.  Jekk ma ndejqux wisq il-veduti tagħna, nistgħu niskopru li d-diversifikazzjoni ta’ produzzjoni iżjed innovattiva u b’inqas impatt ambjentali, tista’ tħalli ħafna qligħ» (191).  B’mod aktar radikali jeħtieġ li nerġgħu «niddefinixxu mill-ġdid x’irridu mill-progress» (194) u norbtuh ma titjib fil-kwalità reali tal-ħajja tal-bnedmin.  Fl-istess ħin «imma ma tistax tiġġustifika ekonomija bla politika » (196) li hi msejħa biex taddotta ħarsa ġdida u integrali.

5. Ir-reliġjonijiet fid-djalogu max-xjenzi: Ix-xjenzi empiriċi ma jistgħux jispjegaw għal kollox il-ħajja waqt li s-soluzzjonijiet tekniċi jkunu ineffikaċi « jekk jintesew il-motivazzjonijiet kbar li jagħmluha possibbli li ngħixu flimkien, li nagħmlu s-sagrifiċċji, u li nuru t-tjieba mal-oħrajn » (200) li spiss jesprimu ruħhom bil-lingwaġġ tar-reliġjonijiet. Madankollu jeħtieġ nistiednu lil dawk kollha li jemmnu biex ikunu koerenti mat-twemmin tagħhom u ma jikkontradixxuhx b’għemilhom.  Ir-reliġjonijiet «għandhom jidħlu fi djalogu bejniethom orjentat lejn l-għożża tan-natura, il-ħarsien tal-foqra, l-insiġ ta’ xibka ta’ rispett u ta’ fraternità » (201), filwaqt li d-djalogu bejn ix-xjenzi jgħin biex ikun megħlub l-iżolament tad-dixxiplini diversi.  « Bl-istess mod, hemm bżonn ta’ djalogu miftuħ u mimli rispett bejn id-diversi movimenti favur l-ekoloġija » (201).  It-triq tad-djalogu titlob il-paċenzja, l-axxeżi u l-ġenerożità.

 

VI. EDUKAZZJONI U SPIRITWALITÀ EKOLOĠIKA (202)

L-aħħar kapitlu jidħol dritt fil-qalba tal-konverżjoni ekoloġika li tistedinna għaliha l-Enċiklika.  L-għeruq tal-kriżi kulturali jħaffru fil-fond u mhux faċli li nġeddu għal kollox id-drawwiet u l-atteġġjamenti.  L-edukazzjoni u l-formazzjoni jibqgħu dejjem l-isfida ewlenija; «kull bidla titlob motivazzjonijiet u mixja edukattiva » (15); b’hekk dan jolqot l-ambjenti edukattivi kollha, «l-iskola, il-familja, il-mezzi tal-komunikazzjoni, il-katekeżi» (213).

 

1. Nimmiraw lejn stil ta’ ħajja ieħor (203-208)

2. Nedukaw dwar l-alleanza bejn l-umanità u l-ambjent (209-215)

3. Il-konverżjoni ekoloġika (216-221)

4. Hena u paċi (222-227)

5. Imħabba ċivili u politika (228-232)

6. Is-sinjali Sagramentali u l-mistrieħ ċelebrattiv (233-237)

7. It-Trinità u r-relazzjoni bejn il-kreaturi (238-240)

8. Ir-reġina tal-ħolqien kollu (241-242)

9. ‘L hinn mix-xemx (243-246)

 

1. Nimmiraw lejn stil ta’ ħajja ieħor: Minkejja r-relattiviżmu prattiku u l-kultura konsumista «mhuwiex kollox mitluf, għax l-istess bnedmin li kapaċi jfarrku lilhom infushom sal-iktar punt estrem, jistgħu anki jirbħu lilhom infushom, u jerġgħu lura għall-għażla tat-tajjeb u jfittxu ħajja ġdida, lil hemm minn kull kundizzjonament psikoloġiku u soċjali impost fuqhom» (205).  Il-bidla tal-istil tal-ħajja u fl-għażliet tal-konsum hija ta’ potenzjal qawwi «taf tpoġġi pressjoni tajba fuq dawk li qed iżommu taħt idejhom is-setgħa politika, ekonomika u soċjali» 206) « Meta jirnexxilna negħlbu l-individwaliżmu, nistgħu tabilħaqq naslu għal stil ta’ ħajja differenti u ssir possibbli dik il-bidla li tagħmel differenza lis-soċjetà » (208).

2. Nedukaw dwar l-alleanza bejn l-umanità u l-ambjent: «Importanti l-ħarsien tal-ambjent, bħal meta wieħed jevita l-użu ta’ materjal tal-plastik jew tal-karta, inaqqas il-konsum tal-ilma, jifred l-iskart, isajjar biss dak li jaħseb li jiflaħ jiekol, jittratta b’għożża l-ħlejjaq ħajjin l-oħra, jinqeda bit-trasport pubbliku jew jaqsam l-istess karozza ma’ iktar minn persuna waħda, jiżra’ s-siġar, jitfi dwal mixgħula għalxejn» (211).  Il-konverżjoni ekoloġika twassal lill-bniedem biex jikber fil-kreattività u l-ħeġġa tiegħu » (220).

4. Hena u paċi: Hawnhekk terga titfaċċa l-proposta li nsibu fl-Evangelii gaudium: «Is-sobrjetà, jekk ngħixu b’libertà u għarfien, tista’ teħlisna» (223), l-istess bħalma « il-kuntentizza titlob minna li nagħrfu nillimitaw ċerti bżonnijiet li jistorduna, u hekk nibqgħu miftuħa għall-għadd ta’ possibbiltajiet li toffri l-ħajja » (223).  « Espressjoni ta’ dan l-atteġġjament hi meta nieqfu rroddu ħajr lil Alla qabel u wara l-ikel » (227).

5. Imħabba ċivili u politika: «Ekoloġija integrali hi magħmula wkoll minn ġesti sempliċi ta’ kuljum li fihom inkissru l-loġika tal-vjolenza, l-abbuż, l-egoiżmu» (230), l-istess bħalma hemm id-dimensjoni ċivili u politika tal-imħabba: L-imħabba għas-soċjetà u l-impenn għall-ġid komuni huma għamla illustri ta’ karità» (231).  Fis-soċjetà jinbtu għadd kbir ta’ assoċjazzjonijiet li jaħdmu favur il-ġid komuni bit-tħaris tal-ambjent naturali u urban.

6. Is-sinjali Sagramentali u l-mistrieħ ċelebrattiv: Aħna niltaqgħu ma’ Alla mhux biss fl-intimità imma wkoll fil-kontemplazzjoni tal-ħolqien, li minnu nnifsu hu sinjal tal-misteru tiegħu.  Is-Sagramenti juru b’mod privileġġjat kif in-natura ġiet addottata minn Alla.  Il-Kristjaneżmu ma jirrifjutax il-materja u l-korporjetà, imma jivvalorizzahom kompletament.  Partikolarment l-Ewkaristija « tgħaqqad l-art mas-sema, tħaddan u tinfed il-ħolqien kollu. (….)  Għalhekk, l-Ewkaristija hi wkoll għajn ta’ dawl u ta’ motivazzjoni għat-tħassib kollu tagħna dwar l-ambjent, u torjentana biex inkunu ħarriesa tal-ħolqien kollu » 236).

7. It-Trinità u r-relazzjoni bejn il-kreaturi: «Għall-Insara, temmen f’Alla wieħed li hu komunjoni Trinitarja jwassal għall-ħsieb li r-realtà kollha għandha fuqha l-marka speċifika Trinitarja » (239).  Anki l-persuna umana hi msejħa tassumi dan id-dinamiżmu trinitarju, ħalli toħroġ minna nfisha « biex tgħix f’xirka ma’ Alla, mal-oħrajn u mal-ħlejjaq kollha» (240).

8. Ir-reġina tal-ħolqien kollu: Marija, li ħadet ħsieb Ġesù, issa qed tgħix miegħu u hija Omm u Reġina tal-ħolqien kollu: «u l-ħlejjaq kollha jgħannu ġmielha» (241).  Ħdjeha fl-Evanġelju, jidher Ġużeppi bħala raġel ġust u ħaddiem, mimli b’dik it-tenerezza ta’ min hu verament qawwi.  It-tnejn jistgħu jgħallmuna kif nimmotivaw ruħna biex inħarsu din id-dinja li Alla tana.

9. ‘L hinn mix-xemx: Fl-aħħar se nsibu ruħna quddiem is-sbuħija infinita ta’ Alla: «Il-ħajja ta’ dejjem ħa tkun ġmiel li naqsmuh mal-oħrajn, fejn kull ħlejqa, mibdula b’mod tal-għaġeb, ikollha postha u xi ħaġa x’toffri lill-foqra meħlusa darba għal dejjem » (243).  It-taħbit u l-preokkupazzjonijiet tagħna ma jtellfulniex il-ferħ tat-tama għaliex « Fil-qalba ta’ din id-dinja jibqa’ preżenti għal dejjem Sid il-ħajja li jħobbna daqshekk» (245) u mħabbtu tinxprunana dejjem biex infittxu toroq ġodda.

«Wara din ir-riflessjoni twila, serena u drammatika fl-istess ħin» il-Qdusija Tiegħu jipproponi żewġ testi biex bihom induru lejn Alla: It-Talba għal din l-art tagħna u Talba Nisranija mal-ħolqien

 (246).  Laudato si’.

 

 


 

WERREJ

LAUDATO SI’, mi’ Signore [1-2]

Xejn fid-dinja m’għandu jħallina indifferenti [3-6]

Magħqudin bl-istess preokkupazzjonijiet [7-9]

San Franġisk ta’ Assisi [10-12]

L-appell tiegħi [13-16]

 

L-EWWEL KAPITLU

DAK LI QED JIĠRI FID-DAR TAGĦNA

I. Tniġġiż u tibdil fil-klima

Tniġġiż, skart u kultura tal-iskart [20-22]

Il-klima bħala ġid komuni [23-26]

II. IL-KWISTJONI TAL-ILMA [27-31]

III. L-GĦAJBIEN TAL-BIODIVERSITÀ [32-42]

IV. ID-DETERJORAMENT TAL-KWALITÀ TAL-ĦAJJA UMANA U D-DEGRADAZZJONI SOĊJALI [43-47]

V. INĠUSTIZZJA PLANETARJA [48-52]

VI. ID-DGĦUFIJA TAR-RELAZZJONIJIET [53-59]

VII. ID-DIVERSIA’ TAL-OPINJONIJIET [60-61]

 

IT-TIENI KAPITLU

IL-VANGELU TAL-ĦOLQIEN [62]

I. ID-DAWL LI TOFFRI L-FIDI [63-64]

II. L-GĦERF TAR-RAKKONTI BIBLIĊI [65-75]

III.IL-MISTERU TAL-UNIVERS [76-83]

IV. IL-MESSAGG TA’ KULL ĦLEJQA FL-ARMONIJA TAL-ĦOLQIEN KOLLU [84-88]

V. KOMUNJONI UNIVERSALI [89-92]

VI. ID-DESTINAZZJONI TAL-ĠID KOMUNI [93-95]

VII. IL-ĦARSA TA’ ĠESU’ [96-100]

 

IT-TIELET KAPITLU

L-GĦERUQ UMANI TAL-KRIŻI EKOLOĠIKA [101]

I. IT-TEKNOLOĠIJA: KREATTIVITA’ U POTER [102-105]

II. IL-GLOBALIZZAZZJONI TAL-MUDELL TEKNOKRATIKU [106-114]

III. KRIŻI U KONSEGWENZI TAL-ANTROPOĊENTRIŻMU MODERN [115-121]

Ir-relattiviżmu prattiku [122-123]

Il-ħtieġa li niddefendu x-xogħol [124-129]

L-innovazzjoni bioloġika ibda mir-riċerka [130-136]

 

IR-RABA’ KAPITLU

EKOLOĠIJA INTEGRALI [137]

I. EKOLOĠIJA AMBJENTALI, EKONOMIKA U SOĊJALI [138-142]

II. EKOLOĠIJA KULTURALI [143-146]

III. EKOLOĠIJA TAL-ĦAJJA TA’ KULJUM [147-155]

IV. IL-PRINĊIPJU TAL-ĠID KOMUNI [156-158]

V. IL-ĠUSTIZZJA BEJN IL-ĠENERAZZJONIJIET [159-162]

 

IL-ĦAMES KAPITLU

XI LINJI TA’ ORJENTAMENT U TA’ AZZJONI [163]

I. ID-DJALOGU DWAR L-AMBJENT FIL-POLITIKA INTERNAZZJONALI [164-175]

II. DJALOGU MMIRAT LEJN POLITIKA ĠDIDA NAZZJONALI U LOKALI [176-181]

III. DJALOGU U TRASPARENZA FID-DEĊIŻJONIJIET [182-188]

IV. IL-POLITIKA U L-EKONOMIJA FI DJALOGU GĦALL-MILJA UMANA [189-198]

V.IR-RELIĠJONIJIET FID-DJALOGU MAX-XJENZI [199-201]

 

IS-SITT KAPITLU

EDUKAZZJONI U SPIRITWALITÀ EKOLOĠIKA [202]

I. NIMMIRAW GĦAL STIL ĠDID TA’ ĦAJJA [203-208]

II. NEDUKAW GĦAL ALLEANZA BEJN L-UMANITÀ U L-AMBJENT [209-215]

III. IL-KONVERŻJONI EKOLOĠIKA [216-221]

IV. HENA U PAĊI [222-227]

V. IMĦABBA ĊIVILI U POLITIKA [228-232]

VI.IS-SINJALI SAGRAMENTALI U L-MISTRIEĦ ĊELEBRATTIV [233-237]

VII. IT-TRINITA’ U R-RELAZZJONI BEJN IL-KREATURI [238-240]

VIII. L-OMM TAL-ĦOLQIEN KOLLU [241-242]

IX. ‘L HINN IX-XEMX [243-246]

Talba għall-art tagħna

Talba Nisranja mal-ħolqien

Miġjuba għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber