Katekeżi fil-qosor dwar L-Enċiklika tal-Papa Franġisku
Laudato Sì - Tkun Imfaħħar
Ħsibijiet mill-Enċklika tal-Papa Franġisku,
Kitba ta' Fr Reuben Deguara
1. ID-DAR KOMUNI TAGĦNA
Wara li fis-sentejn li għaddew qsamna ħsibijiet dwar l-Ittra tal-Papa Franġisku 
Misericordiae Vultus (Il-Wiċċ tal-Ħniena) u dik tal-Amoris Laetitia (Il-Ferħ 
tal-Imħabba), din is-sena se naħsbu dwar l-Enċiklika tal-Papa Franġisku Laudato 
Si’ (Tkun imfaħħar). Din l-enċiklika tieħu l-isem mill-poema ta’ San Franġisk 
t’Assisi “Tkun imfaħħar, Mulejja”, li fiha jfakkarna li d-dinja hi d-dar komuni 
tagħna, qisha wkoll oħtna li magħha naqsmu ħajjitna, u bħal omm sabiħa li 
tilqagħna f’dirgħajha. San Franġisk jgħid: “Mulejja, tkun imfaħħar f’oħtna u 
ommna l-Art, għax minnha l-għajxien u hi tmexxina, u tagħti frott ta’ kull xorta, 
tagħti l-ward bi lwien u ħxejjex”.
Il-Papa juri l-ħsara li ilha ssir fl-ambjent billi jgħid li oħtna l-Art mhix 
kuntenta b’dak li qed inġibulha meta ma nibżgħux għall-ġid li Alla qiegħed fiha. 
Dan isir għax naħsbu li aħna s-sidien u l-ħakkiema tal-art u li għandna d-dritt 
li nħarbtuha kif irridu. Dan jirriżulta f’tinġiż fl-ambjent li qed jaffettwa l-ħajja 
tagħna lkoll. U l-iktar li jbatu meta l-art tkun maħqura u mħarbta huma l-foqra.
Iktar ma jgħaddi ż-żmien, il-ħsara fl-ambjent qed ikollha konsegwenzi drammatiċi. 
Għalhekk li fl-aħħar 50 sena l-Knisja, permezz tal-Papiet wissiet li l-aqwa 
progressi xjentifiċi, il-ħiliet tekniċi tal-għaġeb, it-tkabbir ekonomiku, jekk 
ma jkunux imsieħba minn progress soċjali u morali, fl-aħħar mill-aħħar iduru 
kontra l-bniedem. Il-Papiet kemm-il darba wrew il-ħtieġa urġenti ta’ bidla 
radikali fl-imġiba ta’ min qed imexxi l-pajjiżi. Jekk dawn se jibqgħu 
jittraskuraw l-ambjent, se nispiċċaw vittma ta’ dak li jidher żvilupp u 
progress.
Il-qerda tal-ambjent hi ħaġa serja ħafna, mhux biss għax Alla fada d-dinja 
f’idejn il-bniedem, imma wkoll għax l-istess ħajja tal-bniedem hi don li għandu 
jitħares minn kull mod ta’ tifrik. Hi ħasra li l-bniedem tal-lum bħal donnu mhu 
jara ebda siwi ieħor fl-ambjent naturali tiegħu għajr dak li jservih għall-użu u 
konsum immedjat tiegħu. Fost id-dnubiet kontra l-ambjent hemm il-qerda tad-diversità 
bijoloġika fil-ħolqien, użu ta’ kimiċi li qed iġibu bidla fil-klima, it-tnaqqis 
tal-foresti naturali, it-tniġġis tal-ilmijiet, tal-ħamrija u tal-arja. 
Fl-Enċiklika Laudato Si’ (Tkun imfaħħar), il-Papa Franġisku jistedinna ngħaddu 
mill-konsum għas-sagrifiċċju, mir-regħba għall-ġenerożità, mill-ħela għall-ħila 
li naqsmu dak li għandna mal-oħrajn, li ngħaddu minn dak li rridu aħna għal dak 
li għandha bżonn id-dinja, id-dar komuni tagħna.
 
2. DAK LI QED JIĠRI LID-DAR TAGĦNA
Wara li fil-Flimkien ta’ Jannar tajna ħarsa ħafifa lejn l-Enċklika tal-Papa 
Franġisku Laudato Si’ (Tkun Imfaħħar), nibdew naraw it-tħassib tal-Papa għal dak 
li qed jiġri lid-dinja, li hu jsejħilha “id-dar komuni tagħna”. Hu tħassib 
sinċier u li jnikkitna minħabba tant għamliet ta’ tinġiż li qed jolqtu kuljum 
il-ħajja tagħna, l-aktar lill-foqra hekk li jwasslu għal miljuni ta’ mwiet 
bikrija. 
Man-nifs li nieħdu qed nibilgħu kwantitajiet għolja ta’ duħħan minn karburanti 
li nużaw biex insajru jew biex nisħnu. Tinġis ieħor li jġib il-mard hu kkawżat 
mill-mezzi tat-trasport, mid-dħaħen tal-fabbriki, mir-rimi ta’ sustanzi li 
jħallu l-aċtu fil-ħamrija u minn kimiki velenużi. It-teknoloġija qed tippretendi 
li hi s-soluzzjoni għall-problemi, imma mhix kapaċi ssolvihom, l-aktar għax hi 
marbuta mal-interessi finanzjarji.
L-iskart għandu sehem kbir fit-tinġiż u f’xi ambjenti hu perikuluż, għax qed 
jinħolqu mijiet ta’ tunnellati ta’ skart velenuż u radjuattiv li ma jistax jiġi 
riċiklat. M’aħniex nimmoderaw il-konsum u lanqas qed inżidu l-użu effiċjenti 
tas-sisitema tar-riċiklar. B’hekk id-dinja, “id-dar tagħna”, qed tinbidel 
f’maħżen enormi ta’ żibel. L-anzjani jiftakru b’nostalġija l-pajsaġġi ta’ dari, 
li issa jidhru mirduma taħt munzelli ta’ żibel mixħut ’l hawn u ’l hinn. Kemm l-iskart 
industrijali u kemm il-prodotti kimiċi użati fl-ibliet u fl-għelieqi, jistgħu 
jipproduċu ħafna tinġis fl-inħawi industrijali. Pereżempju, il-parti l-kbira 
tal-karta li tinħadem tintrema bla ma tiġi rriċiklata. Dan għax is-sistema 
industrijali ma żviluppatx il-ħila li tassorbixxi l-iskart u tużah mill-ġdid.
Aktar ma jgħaddi ż-żmien, il-klima qiegħda tisħon b’mod inkwetanti, mhux biss 
mill-elementi naturali, bħall-attivita’ vulkanika, imma wkoll mill-bniedem li 
qed juża gassijiet li jintefgħu fl-arja. B’hekk is-sħana tar-raġġi tax-xemx 
riflessi mid-dinja ma titħalliex tixtered fl-ispazju. Blokok sħaħ ta’ silġ 
polari qed jinħallu b’effetti diżastrużi u qed jinqerdu l-foresti tropikali li 
jgħinu biex irażżnu l-bidla fil-klima. Periklu ieħor hu xħin jogħla l-livell 
tal-baħar, li jista’ joħloq sitwazzjonijiet gravi ħafna meta nqisu li kwart 
tal-popolazzjoni tad-dinja tgħix fuq xatt il-baħar jew ħafna qrib tiegħu, u l-parti 
l-kbira tal-ibliet il-kbar insibuhom fuq il-kosta.
Il-Papa jwissi li jekk nibqgħu mexjin kif aħna mexjin bħalissa, f’dan is-seklu 
nafu nkunu xhieda ta’ bidliet fil-klima li qatt ma konna rajna bħalhom qabel.
 
3. IL-ĦTIEĠA TAL-ILMA
Din id-darba naraw x’jgħid il-Papa Franġisku dwar l-importanza tal-ilma, riżors 
li n-nuqqas tiegħu iqajjem tħassib serju. L-ilma hu essenzjali għall-oqsma 
tas-saħħa, il-biedja u l-industrija u għalhekk irridu nibżgħu għalih għax id-domanda 
għall-ilma qed tkun ogħla milli joffru s-sorsi minfejn qed inġibuh, 
b’konsegwenzi koroh għal issa u għall-futur. 
Fejn jidħol l-ilma pubbliku, il-faqar nsibuh l-aktar fl-Afrika, fejn partijiet 
kbar tal-popolazzjoni m’għandhomx aċċess kif inhu xieraq għall-ilma tax-xorb, u 
jkollhom iġarrbu xhur ta’ nixfa li jagħmlu iżjed diffiċli l-produzzjoni tal-ikel. 
Hemm ukoll il-problema tan-nuqqas ta’ kwalità ta’ ilma tajjeb disponibbli 
għall-foqra, li qed twassal għal ħafna mwiet ta’ kuljum. Fost il-foqra spiss 
insibu mard marbut ma’ ilma kkontaminat minn sustanzi kimiċi. Il-mard tad-disinterija 
u tal-kolera, li jiġu minn servizzi sanitarji mhux adegwati u minn ħażniet ta’ 
ilma mhux nadif, iġibu tbatija u mwiet, l-aktar fost it-tfal. 
L-ilma li jittella’ mill-art f’ħafna postijiet hu mhedded mit-tinġis li qed 
jikkawżaw ċerti attivitajiet ta’ tħaffir, biedja u industrija, fuq kollox 
f’pajjiżi fejn m’hemmx biżżejjed regolamentazzjoni u kontrolli xierqa. Minbarra 
t-tinġis li jarmu l-fabbriki hemm id-deterġenti u l-prodotti kimiċi li jużaw in-nies 
f’ħafna postijiet tad-dinja, li għadhom qed jintremew fix-xmajjar, għadajjar u 
ibħra.
Il-Papa jgħid li filwaqt li l-kwalità tal-ilma disponibbli dejjem sejra 
għall-agħar, f’xi postijiet qed tiżdied it-tendenza li wieħed jipprivatizza din 
ir-riżorsa skarsa, u allura tinbidel f’oġġett ta’ negozju. Jgħid li l-ilma nadif 
u tajjeb għax-xorb hu dritt fundamentali għal kuħadd. L-għajxien tan-nies 
jiddependi mill-ilma, li hu kundizzjoni biex jitħaddmu d-drittijiet umani l-oħra. 
Il-Papa jwiddeb li d-dinja għandha dejn soċjali għoli mal-foqra li m’għandhomx 
aċċess għall-ilma tax-xorb. Dan id-dejn jista’ jinfeda billi tingħata iktar 
għajnuna biex il-pajjiżi l-iżjed foqra jkollhom ilma nadif u servizzi ta’ 
tisfija tal-ilma. Ħi wkoll ħasra li qed naraw ħela tal-ilma mhux biss 
fil-pajjiżi żviluppati, imma wkoll f’dawk li għadhom qed jiżviluppaw u li 
għandhom ħażniet kbar tiegħu. Dan ifisser li parti mill-problema tal-ilma hi 
kwistjoni edukattiva u kulturali, għax m’aħniex konxji biżżejjed minn kemm hi 
gravi s-sitwazzjoni.
In-nuqqas ta’ ilma sa jwassal biex jogħla l-prezz tal-ikel u l-prodotti li 
jiddependu mill-użu tiegħu. Jekk ma jittiħdux passi malajr, fi żmien ftit 
għaxriet ta’ snin oħra nkunu nbatu minn nuqqas qawwi ta’ ilma, b’impatt 
ambjentali li jolqot lil biljuni ta’ nies. 
 
4. SAL-IĊKEN INSETT
Kemm niddejqu, u bir-raġun, meta naraw jinqatlu għasafar, ħut u annimali! 
Il-Papa Franġisku, fl-Enċiklika li qed inwasslu fid-djar tal-Parroċċa din is-sena, 
il-Laudato Si’ (Tkun Imfaħħar) jgħidilna li mhux għal dawn biss għandna 
nitnikktu. Hemm ukoll il-ħlejqiet żgħar, li xi drabi bilkemm jidhru, li meta 
jinqerdu l-foresti u l-boskijiet, jispiċċaw huma wkoll. Foresti bħal dawk 
tal-Amażonja u tal-Kongo, li huma meqjusa bħala l-pulmuni tad-dinja, huma 
mogħnija bi ħlejqiet u pjanti tassew żgħar. Hi ħasra li meta l-foresti jinħarqu 
jew is-siġar tagħhom jinqatgħu biex issir kultivazzjoni fihom, fi ftit snin 
inkunu tlifna għadd bla qies minn dawn l-ispeċi.
B’hekk eluf ta’ kwalitajiet ta’ pjanti u annimali qatt m’aħna sa nsibuhom iżjed. 
Dan għaliex il-bniedem mhux jagħti kas ta’ kemm il-ħlejqiet żgħar huma 
importanti kemm għall-ikel kif ukoll għall-kura tal-mard u għall-ġid tal-ambjent. 
Bħala eżempji nsemmu l-fungi, l-alka, il-ħniex, l-insetti żgħar, ir-rettili u l-varjetà 
bla għadd ta’ mikro-organiżmi. 
Il-Papa jgħid li l-qerda ta’ tant speċi ġejja mill-ġirja għall-qligħ tal-flus, 
bl-inqas ħsieb ta’ dawn il-ħlejqiet żgħar. Il-bini ta’ toroq, ta’ ħitan jew ċnut 
madwar ċerti postijiet, l-ilqugħ tal-ilma u bini ieħor jieħdu post l-ambjenti 
naturali u xi kultant iġibuhom f’elf biċċa hekk li l-ispeċi li jkunu jgħixu 
fihom ma jkunux jistgħu iżjed ipassu u lanqas jitħarrku bla xkiel, u b’hekk xi 
speċi jkunu f’riskju li jispiċċaw. 
Dan jgħodd ukoll għall-baħar, għax fl-oċeani hemm il-parti l-kbira tal-varjetà 
ta’ ħlejqiet li ħafna minnhom bilkemm għadna nafu bihom u li huma mhedda mill-istess 
bniedem. Fl-ibħra tropikali, fis-sikek tal-qroll, jeżistu mal-miljun speċi, 
fosthom ħut, granċi u molluski, Dawn ukoll qegħdin jispiċċaw. Huwa fatt li l-ħajja 
fix-xmajjar, fl-għadajjar, fl-ibħra u fl-oċeani, li titma’ lil parti kbira mill-popolazzjoni, 
tidher milquta mis-sajd bla kontroll. Dan qed iwassal għal tnaqqis drastiku ta’ 
organiżmi fl-ilma baħar li huma importanti ħafna fil-katina tal-ikel li minnhom 
jiddependu għalkollox speċi oħrajn li jservu ta’ ikel għall-bniedem.
Il-Papa juri n-niket tiegħu li l-attività tal-bniedem, li jeqred il-foresti u 
jniġġeż il-baħar, qed twassal għall-qerda ta’ ħafna ħlejqiet żgħar u b’hekk qed 
inċaħħdu lil għadd kbir ta’ speċi milli jagħtu glorja lil Alla bl-eżistenza 
tagħhom.
5. KIF TIDĦOL IL-FIDI?
Il-Papa Franġisku jistaqsi għaliex għandha tidħol il-fidi fl-Enċiklika Laudato 
Si’ (Tkun Imfaħħar), li aħna qed nirriflettu dwarha din is-sena, meta dan id-dokument 
indirizzah kemm għal dawk li jemmnu f’Alla kif ukoll għal dawk li ma huma ta’ 
ebda reliġjon. It-tweġiba jagħtiha l-Papa stess: għaliex ix-xjenza u r-reliġjon 
jagħtuna toroq differenti għall-istess realtà imma jistgħu jidħlu fi djalogu 
qawwi bejniethom.
Konvint bil-ħtieġa tal-fidi l-Papa jħares lejn ir-rakkonti l-kbar tal-Bibbja 
għax dawn jitfgħu dawl fuq l-imħabba kbira li Alla għandu għall-bniedem, li huwa 
ħalaq biex jgħix f’armonija ma’ dak li hemm madwaru. Meta Alla ordna 
lill-bniedem biex jieħu ħsieb l-art, tah ir-responsabbiltà li jindokra, 
jipproteġi u jippreserva l-ambjent. Għax hu mogħni bl-intelliġenza, il-bniedem 
ġie mogħti l-inkarigu li jimxi mal-liġijiet tan-natura u jżomm il-bilanċi 
delikati bejnu u bejn il-ħlejjaq l-oħra.
Fl-ewwel kotba tal-Bibbja Alla jfakkar lill-bniedem li għandu jagħti kas 
tal-ħlejjaq l-oħra, bħal meta nsibu dan il-kliem: “Jekk int tara l-ħmara ta’ ħuk, 
jew il-baqra tiegħu mixħuta fl-art fit-triq, tagħmilx tabirruħek ma rajthomx.” U 
wkoll: “Jekk tiltaqa’ fit-triq ma’ bejta għasafar, f’xi siġra jew fl-art,… 
m’għandekx tieħu l-omm u l-frieħ.” Saħansitra Alla ried li l-bniedem jifhem li 
l-mistrieħ fis-seba’ jum mhuwiex biss għall-bniedem, imma wkoll “biex jistrieħu 
l-gendus u l-ħmar”, jiġifieri li l-annimali għandhom jingħataw il-mistrieħ 
tagħhom. 
Il-Papa jikkwota mill-Bibbja li: “Kull ħlejqa għandha t-tjieba u l-perfezzjoni 
proprja tagħha.” Dan juri li l-ħlejjaq kollha għandhom valur fihom infushom u l-bniedem 
ma jistax jagħmel użu minnhom kif jidhirlu. Tant hu hekk li llum il-Knisja ma 
tagħmilx enfasi fuq li l-bniedem hu l-kmand tal-ħolqien u li l-bqija tal-ħlejjaq 
huma subordinati għalih. Il-ħlejjaq ta’ kull xorta jirriflettu l-għerf u t-tjieba 
bla qies ta’ Alla. 
Id-disinn t’Alla kien li l-bniedem jgħix f’relazzjoni tajba miegħu nnifsu u mal-bqija 
tal-ħolqien. Imma ġara li l-bniedem mill-ewwel ma weġibx b’mod fidil 
għall-imħabba ta’ Alla. Hemm ir-rakkonti ta’ Kajjin, li l-għira wasslitu biex 
iwettaq l-agħar inġustizzja kontra ħuh, u tan-nies fi żmien Noè li għażlu d-dnub 
li miegħu ġab il-ħsara. Simboliżmu qawwi fir-rakkonti tal-Bibbja juri x’jiġri 
meta nwarrbu lil Alla u ninsew li hu l-Ħallieq. Għalhekk il-Papa jistedinna biex 
lil Alla nerġgħu nagħtuh postu, fil-figura ta’ Missier tas-Sema u s-Sid 
tal-ħolqien. 
 
6. L-ARMONIJA FIL-ĦOLQIEN
L-armonija li teżisti fil-ħolqien hi waħda mit-temi fl-Enċiklika tal-Papa 
Franġisku Laudato Si’ (Tkun Imfaħħar). Alla ried li l-ħlejjaq ikunu jiddependu 
minn xulxin. Ix-xemx u l-qamar, is-siġar u l-iċken fjura, l-ajkla u l-għasfur 
tal-bejt, il-ħafna diversitajiet ta’ ħlejjaq, li ebda waħda mhi daqs l-oħra, 
juru li ebda ħaġa maħluqa mhi biżżejjed għaliha nfisha. Biex jilħqu l-kobor sħiħ 
tagħhom iridu jgħinu ’l xulxin, f’qadi lil xulxin. Mill-ikbar xenarji sal-iċken 
xorta ta’ ħajja, in-natura tgħinna ngħixu bil-ferħ fl-imħabba ta’ Alla u nimtlew 
bit-tama fih.
Jekk noqogħdu attenti għal kif il-ħolqien jaħdem f’armonija, nitgħallmu nagħrfu 
lilna nfusna f’relazzjoni mal-ħlejjaq l-oħra. L-univers kollu kemm hu, 
b’armonija fost il-ħlejjaq, jikxef bl-isbaħ mod l-għana bla qies ta’ Alla. 
Għalhekk irridu nitgħallmu napprezzaw il-varjetà tal-ħwejjeġ ta’ madwarna fir-relazzjonijiet 
ta’ bejniethom. Meta nikkontemplaw il-ħolqien fid-dawl tal-pjan sħiħ ta’ Alla, 
nifhmu aħjar l-importanza u s-sinifikat ta’ kull ħlejqa. 
Meta aħna niftakru li kulma jeżisti hu mera ta’ Alla, il-qalb tagħna ġġarrab ix-xewqa 
li tqim lil Alla għall-ħlejjaq kollha tiegħu u tqimu flimkien magħhom, kif 
insibu fl-għanja mill-isbaħ ta’ San Franġisk ta’ Assisi, li hi l-ispirazzjoni ta’ 
l-Enċiklika tal-Papa Franġisku: 
“Ħallihom ifaħħruk il-ħlejjaq kollha,
u l-aktar id-dawl sfiq ta’ oħtna x-xemx
li twelled il-jum ġdid, u bl-isfa dija
turi, Mulej, li ogħla minnek m’hemmx.
Mulejja, tkun imfaħħar f’ħuna l-qamar,
fil-kwiekeb sbieħ ġo sema kbir, leqqien;
u f’ħuna r-riħ, fis-sħab, f’taqlib, fi bnazzi
li bihom tgħajjex, b’seħer, il-ħolqien.
Mulejja, ħa tkun imfaħħar f’ħuna l-ilma,
irżin u safi wisq, meħtieġ qatigħ;
u f’ħuna n-nar li jagħti d-dawl fl-iljieli,
sbejjaħ, kollu ħajja, qawwi, sħiħ.” 
Dan ma jfissirx li npoġġu fuq l-istess livell lill-ħlejjaq kollha, għax 
il-bniedem għandu valur partikulari. Fil-qalb tiegħu, il-bniedem irid l-ewwel 
ikollu ħlewwa, kompassjoni u tħassib għall-bnedmin. Ma tagħmilx sens li 
jissielet kontra t-traffikar tal-annimali f’riskju ta’ estinzjoni filwaqt li 
jibqa’ għalkollox indifferenti quddiem it-traffikar tal-persuni u ma 
jinteressahx mit-tbatija tal-foqra. Il-qalb hi waħda u d-dispjaċir 
għall-moħqrija tal-annimali u għall-qerda tal-ambjent għandu jkun jinħass iktar 
fit-tbatija tal-persuni.
7. ĠESU JĦARES B’IMĦABBA LEJN IL-ĦOLQIEN
Fl-Enċiklika tiegħu, Laudato Si’ (Tkun Imfaħħar) il-Papa Franġisku jsemmi kif 
Ġesù jħares lejn il-ħolqien. Meta jitkellem mad-dixxipli tiegħu, Ġesù jurihom 
ir-relazzjoni li Alla għandu bħala Missier mal-ħlejjaq kollha. Il-Papa jfakkar 
kif kull waħda minn dawn hi importanti f’għajnejn Alla u jikkwota lil Ġesù li 
jgħid lid-dixxipli: “Ħames għasafar tal-bejt mhux żewġ soldi jinbiegħu? U anqas 
wieħed minnhom ma hu minsi quddiem Alla.” Ukoll: “Ħarsu lejn l-għasafar tas-sema; 
la jiżirgħu u lanqas jaħsdu u lanqas igeddsu fl-imħażen, u madankollu Missierkom 
li hu fis-Smewwiet jitmagħhom!” 
Bil-mod kif għex, Ġesu’ stieden lin-nies biex ikunu attenti għall-ġmiel li hawn 
fid-dinja, bħalma hu kien f’kuntatt bla waqfien man-natura u kien juri lejha 
attenzjoni sħiħa ta’ mħabba. Meta kien jiġri minn rokna għall-oħra ta’ art 
twelidu, kien jieqaf jikkontempla l-ġmiel miżrugħ fir-raba’, u jistieden lid-dixxipli 
biex fil-ħwejjeġ ta’ madwarhom jilmħu l-messaġġ tal-Missier. Stedinhom: “Erfgħu 
għajnejkom u ħarsu ftit kif l-għelieqi saru bojod għall-ħsad!” Kien ixebbaħ 
il-Knisja tiegħu ma’ elementi tan-natura: “Is-Saltna tas-Smewwiet tixbah lil 
żerriegħa tal-mustarda li wieħed raġel ikun qabad u żeragħha fl-għalqa tiegħu. 
Hija tabilħaqq l-iżgħar waħda fost iż-żrieragħ kollha, iżda meta tikber, tkun l-akbar 
waħda fost il-ħxejjex, u ssir siġra.”
Ġesù kien jgħix f’armonija sħiħa mal-ħolqien, tant li ta’ madwaru kienu jibqgħu 
mistagħġba: “Dan xi bniedem hu, biex sal-irjieħ u l-baħar jisimgħu minnu?” Ġesù 
ma kienx bniedem maqtugħ mid-dinja u kien jiggosta l-ħwejjeġ pjaċevoli fil-ħajja. 
Tant li qal: “Ġie Bin il-bniedem, jiekol u jixrob, u qegħdin jgħidu: ‘Araw, xi 
bniedem wikkiel u sakranazz’!” 
Ġesù kien jaħdem b’idejh, kuljum kien jidħol f’kuntatt ma’ oġġetti maħluqa minn 
Alla biex jagħtihom forma bil-ħila tiegħu ta’ bniedem tas-sengħa. Il-parti l-kbira 
tal-ħajja ta’ Ġesù kienet dedikata lil dan ix-xogħol, f’ħajja sempliċi anke jekk 
ma kienet tiġbed l-ebda ammirazzjoni: “Dan mhuwiex il-mastrudaxxa bin Marija?”
Ġesù hu qrib in-natura sa mill-bidu tal-ħolqien: “Kollox bih u għalih kien 
maħluq”. U f’Ġesù rxoxt u glorjuż il-ħolqien kollu jsib il-milja tiegħu, kif 
jikteb San Pawl: “Hekk Alla għoġbu li tgħammar fih il-milja kollha; bih Alla 
għoġbu jerġa’ jħabbeb kollox miegħu; bid-demm tiegħu, imxerred fuq is-salib, 
ġieb is-sliem permezz tiegħu fis-sema u fl-art.”
 
8. IS-SABIĦ TAL-KULTURI DIFFERENTI
Fl-Enċiklika li qed nirriflettu dwarha, Laudato Si’ (Tkun Imfaħħar), il-Papa 
Franġisku jgħid li meta nistudjaw il-problemi ambjentjali ma nistgħux inħallu 
fil-ġenb lill-persuni. Fost l-oħrajn huwa jiġbed l-attenzjoni għall-komunitajiet 
madwar id-dinja li għandhom kulturi u tradizzjonijiet partikulari, bħalma huma 
l-Aboriġini. Tkun ħaġa ħafna iżjed gravi jekk ikomplu jgħibu kulturi tant 
interessanti milli jekk ma jibqgħux jeżistu xi speċi ta’ annimali jew pjanti.
Komunitajiet bħall-Aboriġini mhumiex sempliċi minoranza fost tant oħrajn, li 
forsi jitwarrbu u ma jingħatawx leħen fl-istess arthom. Huma jixirqilhom 
jingħataw widen, l-aktar meta jkunu se jitwettqu proġetti kbar li jmissu l-artijiet 
tagħhom. Għan-nies tal-post, l-art mhix sempliċiment ġid ekonomiku imma rigal 
minn Alla u wirt imħolli minn dawk li ġew qabilhom. Hija spazju qaddis li jridu 
jgħożżu għax hu l-ambjent fejn huma jsaħħu l-identità tagħhom, ikomplu t-tradizzjonijiet 
ħelwin tagħhom u jibqgħu jżommu l-valuri li trabbew fihom. 
Il-wirt naturali, storiku, artistiku u kulturali qed jisfa mhedded. Dan il-wirt 
hu parti mill-identità tal-pajjiżi u tan-nies li jgħixu fihom u għalhekk irridu 
nibżgħu għall-istorja, il-kultura u l-arkitettura tad-diversi naħat tad-dinja, 
anke dawk remoti. Ir-rota b’saħħitha tal-kummerċ dinji, f’ġirja bla rażan, qed 
tgħaqqad flimkien il-kulturi u ddgħajjef it-teżor tal-ilwien sbieħ li joffru. 
Ħafna drabi, minflok nibnu fuq il-kultura lokali, jintużaw mudelli ta’ żvilupp 
meħudin minn pajjiżi oħra. Hemm bżonn li dawk li qed imexxu d-dinja u għandhom 
is-saħħa u l-flus iħarsu l-jeddijiet tan-nies tal-post u f’kull proġett 
jikkunsidraw l-ewwel il-kultura tagħhom. Fil-fatt dawn in-nies għandhom ikunu l-atturi 
prinċipali. Min jippjana għandu jipprova jifhem s-simboli u d-drawwiet ta’ kull 
grupp u joqgħod lura milli jimponi kwalità ta’ ħajja differenti. 
Dnub li f’bosta nħawi tad-dinja n-nies tal-post qed issirilhom pressjoni kbira 
biex jitilqu u jagħmlu l-wisa’ ħalli arthom tintuża għat-tħaffir għall-minerali, 
għall-agrikultura jew għat-trobbija tal-bhejjem, bla ma jingħata wisq kas 
tal-ħsara li ssir lin-natura jew lill-kultura. L-aħjar nies biex jieħdu ħsieb 
l-art huma dawk li jitħallew joqogħdu fit-territorji tagħhom. Hekk il-kultura ma 
tkunx monument tal-passat imma tibqa’ attività ħajja li ssebbaħ id-dinja tagħna.
 
9. DINJITÀ F’AMBJENTI DIFFIĊLI
Il-Papa Franġisku, fl-Enċiklika li qed nirriflettu dwarha, Laudato Si’ (Tkun 
Imfaħħar) jitkellem dwar in-nuqqasijiet fejn jidħlu d-djar. Parti kbira 
mis-soċjetà, u mhux biss il-foqra, iħabbtu wiċċhom ma’ diffikultajiet serji biex 
ikollhom id-dar tagħhom. Il-Papa jsemmi t-tbatija ta’ ħafna li m’għandhomx dar 
li tixirqilhom bħala persuni. 
Dan japplika wkoll għal kwartieri f’ħafna naħat tad-dinja fejn hemm appartamenti 
ffullati, fosthom dawk li jinsabu fit-trufijiet tal-bliet il-kbar. Issib blokok 
kbar ta’ bini, mingħajr l-ebda gost ta’ arkitettura, tal-istess forma, fejn 
jgħixu l-familji ta’ dawk li jaħdmu fl-ibliet. Biex idaħħlu aktar appartamenti, 
jagħżlu li ma jħallux spazji miftuħa għal arja nadifa li tagħmel iż-żona ambjent 
xieraq għan-nies li jgħixu hemmhekk. Ambjenti bħal dawn iqanqlu sensazzjoni ta’ 
monotonija, ta’ iżolament soċjali li jiffavorixxi mġibiet anti-soċjali u 
vjolenti. Mal-ewwel daqqa t’għajn donnok ma tissaportix tgħix hemm u tħossok 
fgat fi blokok kbar ta’ appartamenti u spazji maħnuqa bin-nies. Hemm ukoll dawk 
li jgħixu f’subborgi maħmuġa jew fi blokok ta’ bini perikulużi. F’dawn l-ambjenti, 
sajmin minn kull armonija, diffiċli li nies jintegraw ruħħhom bħala komunità.
Il-Papa Franġisku ma jonqsux il-kuraġġ u joffri t-tama. Isemmi li ħafna persuni, 
anke f’kundizzjonijiet bħal dawn, kapaċi jinsġu rabtiet ta’ appartenenza mal-oħrajn. 
Hemm nies li jħabirku biex jegħlbu l-ħitan tal-egoiżmu u jagħtu sehemhom 
għall-aħjar tal-binja jew tal-kwartier. Il-Papa japprezza l-kreattività u l-ġenerożità 
ta’ persuni u gruppi li kapaċi jtaffu l-konsegwenzi ta’ ambjent li jkerrah u 
jibqgħu jagħtu sens lil ħajjithom anke qalb id-diżordni tad-dinja tal-lum. 
Wieħed mill-eżempji li jagħti hu dak li f’xi postijiet, fejn il-faċċati 
tal-binjiet huma fi stat ħażin ħafna, issib persuni li jieħdu ħsieb b’ħafna 
dinjità d-dar tagħhom minn ġewwa jew iħossuhom sew minħabba l-qalb tajba u l-ħbiberija 
tan-nies. 
Il-Papa jappella biex fit-tfassil ta’ appartamenti ġodda jkunu inklużi aktar 
wesgħat pubbliċi u biex kull intervent fil-pajsaġġ jagħti kas tad-diversi 
elementi tal-post b’mod partikulari l-persuni. In-nies iridu jkunu mistiedna 
biex ikunu parti mill-proġett ħalli mbagħad iħossuhom komdi f’belt li qed 
tħaddanhom fiha u tgħaqqadhom flimkien. 
Espressjoni sabiħa tal-Papa Franġisku tesprimi x-xewqa tiegħu għal 
akkomodazzjoni ta’ dinjità: “Kemm huma sbieħ dawk l-ibliet li, anki fid-disinn 
arkitettoniku tagħhom, huma mimlija bi spazji li jgħaqqdu, joħolqu relazzjoni u 
jiffavorixxu l-għarfien tal-persuna l-oħra!” 
 
10. LEJN STIL ĠDID TA’ ĦAJJA
Fl-aħħar kapitli tal-Enċiklika Laudato Si’ (Tkun Imfaħħar), il-Papa Franġisku 
jispjega kif it-tagħlim tal-Knisja jista’ jkun ta’ siwi f’dak li għandu x’jaqsam 
mal-ħarsien tal-ambjent. Il-Papa japprezza li xi mexxejja ta’ pajjiżi jesprimu 
lingwaġġ reliġjuż fil-messaġġi tagħhom għal dinja aħjar bħal meta jistiednu 
għar-rispett lejn l-oħrajn, il-ħtieġa ta’ sagrifiċċji biex nevitaw ħsara fl-ambjent 
u meta jħeġġu għal relazzjonijiet aħjar bejn il-popli.
Il-Papa jindirizza b’mod partikulari lilna li nemmnu, u jappella biex għemilna 
jkun jaqbel ma’ dak li nemmnu, li ninfetħu dejjem mill-ġdid għall-grazzja ta’ 
Alla u nħabirku għall-imħabba, għall-ġustizzja u għall-paċi. Huwa jiġbed l-attenzjoni 
għal meta fhimna ħażin il-prinċipji soċjali li tipproponi l-Knisja u għal meta 
ġġustifikajna l-abbuż tan-min-natura u l-ħakma żejda tal-bniedem fuq il-ħolqien. 
Jekk iġġustifikajna l-gwerer, l-inġustizzja u l-vjolenza, irridu nindunaw li 
żbaljajna għax b’dan il-mod ma konniex fidili lejn it-tagħlim tal-Knisja. 
Trid issir konverżjoni fina fejn tidħol il-kultura tal-konsumiżmu u ta’ nfiq bla 
rażan. Il-Papa jgħid li l-intrapriżi jagħmlu minn kollox biex jiġbdu l-kijenti 
għall-bejgħ tal-prodotti hekk li n-nies tispiċċa tinġarr mar-riħ tal-akkwisti u 
x-xiri bla bżonn. Inġibu l-iskuża tat-taparsi libertà tal-konsum meta fil-verità 
l-ħielsa huma dawk li jagħmlu parti minn minoranza li taħtaf taħt difrejha s-setgħa 
ekonomika u finanzjarja. Meta l-egoiżmu jagħlaq għajnejn min qed jagħmel qligħ 
kbir, iktar tikber fih ir-regħba u ma jara xejn ħlief il-flus. Veru wkoll li 
meta qalb il-bniedem tkun vojta, iktar għandha bżonn oġġetti x’tixtri, 
tippossiedi u tikkonsma. 
Il-Papa jgħid li hemm bżonn li naqbdu rotta ġdida u nibdlu l-istil ta’ ħajjitna 
f’ħafna ħwejjeġ għax, qabel xejn hu l-bniedem li għandu bżonn jinbidel. Irid 
jiddeċiedi li jimpenja ruħu għal ġejjieni aħjar b’imġiba u bi stil ta’ ħajja 
ġdida. Għal dan irridu nidħlu għal sfida kulturali, spiritwali u edukattiva 
ġdida li titlob toroq twal ta’ qawmien ġdid. 
Iwassal x’imkien dan l-istil ta’ ħajja? Iva, il-Papa hu konvint li meta 
titqiegħed pressjoni tajba fuq dawk li qed iżommu taħt idejhom is-setgħa 
politika, ekonomika u soċjali, dawn iħossu li għandhom jibdew jipproduċu b’mod 
differenti. Kieku n-nies u l-movimenti tal-konsumaturi jsibu mod kif jieqfu 
jixtru prodotti li b’xi mod imorru kontra l-ambjent, anke kumpaniji kbar 
ikollhom jibdlu mġibithom u jkunu mġiegħla jagħtu kas tal-impatt ambjentali.
11. L-EDUKAZZJONI GĦALL-AMBJENT
Fl-aħħar paġni tal-Enċiklika Laudato Si, il-Papa Franġisku jgħid li d-dinja 
għandha quddiemha l-isfida tal-edukazzjoni f’dak li jirrigwarda l-ambjent għax, 
filwaqt li ż-żgħażagħ huma lesti li jissieltu b’mod ta’ min jammirah 
għall-ħarsien tal-ambjent, l-egoiżmu li mdawrin bih jaħdem kontrihom. Il-ġenn 
tal-konsumiżmu, is-suq bla regoli, it-taparsi progress u l-kompetizzjoni huma 
fost l-elementi li mhux qed jgħinu fl-edukazzjoni għall-ħarsien tal-ambjent. 
Tassew li żdiedu l-informazzjoni dwar l-ambjent, l-istudji, il-konferenzi u l-liġijiet 
għall-ħarsien tal-ambjent, imma dan kollu jkun bla effett jekk ma ssirx bidla 
fil-moħħ u fil-qalb tal-persuni b’mod li jibdew jgħożżu d-drawwiet tajba u jimxu 
fuq stil ta’ ħajja fejn jieħdu ħsieb il-ħolqien b’għemejjel żgħar ta’ kuljum.
Il-Papa jsemmi eżempju tassew prattiku. Minkejja li l-qagħda finanzjarja ta’ 
persuna tippermetti li tikkonsma u tonfoq iżjed, tkun qed tħares l-ambjent meta 
tidra tilbes ħwejjeġ li jsaħħnu iżjed minflok ma tixgħel il-heater. Eżempji oħra 
tal-Papa huma meta nevitaw l-użu ta’ materjal tal-plastik jew tal-karta, 
innaqqsu l-konsum tal-ilma, nifirdu l-iskart, insajru biss dak li naħsbu nifilħu 
nieklu, nittrattaw b’għożża l-ħlejjaq ħajjin l-oħra, ninqdew bit-trasport 
pubbliku, naqsmu l-istess karozza ma’ iktar minn pursuna waħda u nitfu d-dwal 
mixgħula għalxejn. Oġġett nistgħu nerġgħu nużawh minflok narmuh mill-ewwel.
Fost dawk li jistgħu jedukaw dwar l-ambjent hemm il-familja, l-iskola, il-mezzi 
ta’ komunikazzjoni u l-katekisti. Edukazzjoni tajba fl-iskola sa miċ-ċkunija 
tnibbet żerriegħa li tista’ tħalli frott matul il-ħajja kollha. Imma l-Papa 
jisħaq fuq l-importanza tal-familja, għax hi l-post fejn il-ħajja, li hi don ta’ 
Alla, tiġi milqugħa sewwa u mħarsa minn kull theddida li jista’ jkollha. Quddiem 
dik li qiegħda tissejjaħ “il-kultura tal-mewt”, il-familja hi l-qalba 
tal-kultura tal-ħajja. Fi ħdan il-familja jixxettlu l-ewwel drawwiet ta’ mħabba 
u għożża għall-ħajja, bħall-użu tajjeb tal-affarijiet, l-ordni u l-indafa, 
ir-rispett lejn il-lokal u l-ħarsien tal-ħlejjaq kollha. Fil-familja nitgħallmu 
nitolbu permess bla ma nkunu arroganti, illissnu “grazzi” bħala espressjoni ta’ 
apprezzament sinċier għal dak li nirċievu, u nitolbu skuża meta nagħmlu xi ħaġa 
ħażina. Huma ġesti ċkejknin ta’ edukazzjoni u ta’ ħlewwa sinċiera. 
Il-Papa Franġisku jispiċċa l-Enċiklika b’talba li tinkludi dan li ġej: “Mulej, 
bil-qawwa u bid-dawl tiegħek, agħżel lilna biex inħarsu lil kull ħajja, biex 
inħejju għal ġejjieni aħjar, biex tiġi Saltnatek ta’ ġustizzja, paċi, mħabba u 
ġmiel. Tkun imfaħħar! Ammen.”