Mistoqsija u Tweġiba

dwar l-Enċiklika Laudato si’ tal-Papa Franġisku

1. X’hemm ġdid fil-Laudato si’ (LS)?  X’hemm f’dan id-dokument li l-Knisja kienet għadha qatt ma qalet?

Id-dokument hu sejħa għall-konverżjoni u l-azzjoni.  Waqt li l-Laudato si’ tidħol perfettament fit-tradizzjoni Kattolika, hi qed tisħaq b’enfasi ġdida li, għalina li nemmnu, li nagħtu kas tal-ambjent m’għadhiex xi “għażla”.  Il-ħarsien u l-għożża tal-ambjent issa saru b’mod iżjed ċar u żgur parti mit-tagħlim tal-Knisja.

 

2. Għaliex il-Papa ftit jagħti attenzjoni lill-problema tal-popolazzjoni?

Il-LS tifhem li d-densità tal-popolazzjoni tista’ tikkumplika l-affarijiet f’xi reġjuni tad-dinja.  Imma mhumiex in-nies il-problema.  Il-ħela u l-iskart huma problema bil-wisq ikbar: il-kultura tagħna tal-iskart u t-tendenza tagħna li nikkonsmaw mingħajr ma nirriflettu fuq il-veri ħtiġijiet tagħna, kemm materjali u spiritwali.

 

3. L-Enċiklika donnha teħodha kontra t-teknoloġija u d-dinja finanzjarja bħallikieku kienu għedewwa.  Mhux pass lura dan?

It-teknoloġija u s-swieq finanzjarji jistgħu jkunu għodda mill-isbaħ, sakemm jibqgħu jaqdu lill-bniedem, ikattru d-dinjità umana, u mhux jagħmlu lil ftit persuni sinjuri u ħafna lsiera.  Dan jitlob dibattitu onest.  X’jagħmel progress teknoloġiku veru?  Fejn qed isaħħaħ id-dinjità umana, u fejn qed jgħaffiġha?  U s-swieq finanzjarji: qed jgħinu biex jixtered iktar il-ġid?  Qed jgħinu biex jaqilgħu lin-nies mill-faqar li qegħdin fih?

 

4. Il-LS targumenta kontra l-karburanti fossili.  Madankollu, l-enerġija rħisa għamlet ħafna biex taqla’ lill-foqra mill-faqar tagħhom.  Allura l-Papa jrid iċaħħadhom minn din il-possibbiltà?

Le.  Il-Papa jixtieq lill-pajjiżi sinjuri, u dawk li l-aktar ħolqu tinġis, biex inaqqsu l-konsum tal-karburanti fossili.  Jargumenta li hemm enerġija alternattiva li hi disponibbli għal kulħadd.  Imma dan jitlob minna solidarjetà: il-pajjiżi sinjuri għandhom jaqsmu l-qligħ tagħhom, u jgħinu lill-pajjiżi ifqar biex jiżviluppaw sorsi ta’ enerġija alternattiva.

 

5. Donnu l-Papa hu favur ippjanar agrikulturali fuq livell globali u skala kbira (nri 129, 164).  Dan fil-verità mhux xogħlu, hux hekk?

La l-Papa u lanqas l-isqfijiet madwar id-dinja mhuma se jipprovdu soluzzjonijiet tekniċi.  Imma huma qed jitkellmu għal dawk li m’għandhomx vuċi.  Dan hu kulma qed jagħmel il-Papa: qed jgħidilna li jew inbiddlu l-mod kif qed nipproduċu l-uċuħ tar-raba’, jew inkella sa nidħlu f’biċċa nkwiet.  Imbagħad iħalli f’idejn oħrajn – lajċi ta’ kuxjenza – biex jaslu għas-soluzzjonijiet.

 

6. Id-dokument fih ħafna diskors ekonomiku.  Ngħidu aħna, fin-Nru 109 jgħid li l-interessi finanzjarji qed imexxu l-ekonomija vera.  Issa din fehma li għandu jesprimi Papa?

Il-Papa mhux qed jagħti xi taħdita fuq it-teorija ekonomika.  Hu għandu idea ċara ħafna tad-dinjità umana, u xi jfisser li xi ħadd jiġi mwarrab jew jispiċċa bla xogħol.  Dawn il-persuni qed jitilfu dak is-sens ta’ dinjità personali li jiġi mix-xogħol iebes u li jistgħu jqiegħdu l-ikel fuq il-mejda tal-familja tagħhom.

 

7. Għaliex il-Papa hu daqshekk kontra s-suq (ngħidu aħna: 189, 190)?  Forsi dan mhux sempliċi preġudizzju Latin-Amerikan?

Inħarsu lejn ir-rati ta’ qgħad fost iż-żgħażagħ fl-Ewropa, u l-għadd ta’ persuni li qed jirriskjaw ħajjithom biex iħallu x-xtut tal-Afrika.  M’hemm xejn Latin-Amerikan f’dan kollu.  L-ekonomija globali bħalissa sempliċiment mhix qed taqdi lil dik il-maġġoranza kbira ta’ nies.  Dan kulma qed jgħid.  Iva, ħafna ġid inħoloq mill-ekonomija tas-suq; imma hemm ukoll wisq faqar estrem, u miegħu, ħafna indifferenza.

 

8. Il-Papa jgħid li t-tisħin globali hu wieħed mill-akbar sfidi li għandu quddiemu l-bniedem bħalissa (Nru 22).  Inħallu għall-ġenb id-dibattitu… dan donnu tħassib wisq ‘tad-dinja’ għal bniedem li għandu missjoni spiritwali.

Kollox hu marbut ma’ xulxin, u m’hemm xejn minn dak kollu li jmiss mal-bniedem li l-Knisja ma tagħtix kasu.  Bniedem ta’ fidi għandu juri iktar responsabbiltà għall-ħolqien, li hu don ta’ Alla.  Il-bidla fil-klima mhix materja teoretika, diġà qed tagħmel ħafna ħsara, speċjalment lil dawk li l-inqas jistgħu jadattaw ruħhom għaliha.

 

9. Barra l-Kardinal Turkson, min għen lill-Papa jiktibha?  Hemm ħafna Konferenzi Episkopali kkwotati, imma mnejn ġiet il-parti xjentifika?

Kien hemm diversi persuni li għenu lill-Papa f’dan, imma fuqha ismu hemm, u fl-aħħar mill-aħħar, din hi l-enċiklika tiegħu.  Ix-xjenza ġejja mill-istess post li fih infittxuha aħna: il-komunità xjentifika, li ilha taħdem għexieren ta’ snin fuq dan.  Importanti ninnotaw li l-Papa Franġisku jagħraf li hemm punti suġġetti għal dibattitu; hu jrid biss li d-dibattitu jkun onest.

 

10. X’ġara minnha l-liġi naturali?  Dejjem kienet fil-qalba tat-tagħlim morali tal-Knisja, imma l-Papa donnu ma jsemmiha mkien fil-LS.  Kien hemm xi bidla teoloġika?  Forsi qed jagħti dahru lill-Papa Benedittu, li fil-Parlament Ġermaniż kien bena d-diskors tiegħu dwar l-ambjent fuq il-kunċett ta’ liġi naturali?

Dak li naraw fil-LS mhux xi bidla fit-teoloġija imma tentattiv biex jinstab lingwaġġ ġdid għal udjenza usa’.  Hekk, anki dawk li m’għandhomx ethos imsejjes fuq il-liġi naturali, jistgħu jaraw li l-ħarsien tal-ambjent għall-ġid tal-ġenerazzjonijiet futuri hu l-aħjar ħaġa li nistgħu nagħmlu.

 

11. Nru 24 jgħid li t-teknoloġija u d-dinja finanzjara jippretendu li huma l-unika soluzzjoni għall-problemi tagħna.  Imma t-teknoloġija u l-finanzi ħarġu lil ħafna nies mill-faqar, u kabbru l-ekonomija.  Forsi l-LS trid titfagħna lura flok ’il quddiem?

It-teknoloġija u l-finanzi għenu lil xi nies wisq iktar milli lil oħrajn.  L-LS bl-ebda mod ma trid teħodna lura fiż-żmien.  Anzi, hi dwar il-passi li rridu nagħmlu ’l quddiem f’rispett ikbar lejn id-dinjità tal-bniedem, waqt li nagħmlu dak kollu li nistgħu biex innaqqsu l-għadd ta’ dawk li għadhom qed jitħallew barra milli jkollhom impjieg diċenti, post diċenti fejn joqogħdu u servizz tas-saħħa diċenti.  Kollox jitkellem dwar kif nimxu ’l quddiem fi triq li tirrispetta iżjed il-pjaneta.

 

12. L-Isqfijiet tal-Bolivja (Nru 48) jisħqu li l-problemi ambjentali l-agħar li jolqtu lill-foqra.  Oħrajn jirribattu billi jgħidu li l-kontroll ambjentali iktar jista’ jolqot ħażin lill-foqra.  Għaliex għandna noqogħdu fuq kliem l-Isqfijiet Bolivjani?

Kiem l-Isqfijiet tal-Bolivja hu bħal eku tal-protesti ta’ ħafna nies foqra minn madwar il-globu kollu li huma mġewħin għax ma jistgħux ikabbru biżżejjed ikel għall-familja tagħhom.  Biżżejjed nisimgħu lil dawk li qed jirriskjaw ħajjithom biex jaqsmu l-Mediterran mill-Afrika ta’ Fuq, jew minn Rio Grande għall-Istati Uniti tal-Amerika, għax din hi l-unika tama tagħhom. 

 

13. Bir-rispett kollu, il-Papa qed jgħix fuq xi pjaneta oħra?  Veru jemmen dak li kiteb f’Nru 52, li s-sinjuri għandhom jgħinu biex jissolvew il-problemi tal-enerġija fil-pajjiżi foqra?

Il-Papa Franġisku hu l-ewwel wieħed li jammetti li s-solidarjetà mhix kelma popolari.  Imma mingħajr is-solidarjetà, filwaqt li xi pajjiżi jsiru iktar sinjuri, bħala komunità globali sħiħa ma nkunux imxejna ’l quddiem.  Il-pajjiżi foqra jistgħu jiżviluppaw meta dawk sinjuri jagħtuhom daqqa t’id, u l-enerġija hi parti minn dan kollu.

 

14. Nru 55 qisha kundanna kontra l-air conditioning.  Nafu li ħafna Ewropej ma jogħġobhomx, imma hu daqshekk ħażin?

L-istess kif ħafna minna jaħlu l-ilma, għax nużaw ħafna iżjed milli verament neħtieġu, ħafna pajjiżi jaħlu l-enerġija bl-użu żejjed tal-air conditioning.  Meta l-Papa jitkellem dwar stil ta’ ħajja iktar sobrju, din hi stedina biex naraw x’hemm li kull wieħed u waħda minna jista’ jgħaddi mingħajru.

 

15. Il-LS qed tippromovi t-tqassim mill-ġdid tal-ġid?  Nru 193 donnu hekk jissuġġerixxi.

Il-LS tippromovi s-solidarjetà bejn il-ġnus u l-pajjiżi.  Il-Papa Franġisku m’għandu l-ebda formla maġika għal kif jista’ jinqasam il-ġid, imma żgur li qed isejjaħ lil dawk li għandhom iżjed milli jistgħu jieklu biex jiftħu moħħhom u qalbhom, u biex jaqsmu ma’ dawk li m’għandhomx biżżejjed.

 

16. Il-bejgħ, ix-xiri u n-negozju ilhom sa minn dejjem.  Huma wkoll mod ta’ kif iżżomm in-nies jaħdmu.  Il-konsumeriżmu veru hu ħażin daqskemm tpinġih il-LS (ngħidu aħna, f’Nru 124)?

Aħna kollha għandna bżonn nikkunsmaw, nieklu ikel tajjeb, u nixorbu ilma nadif.  Dak li m’għandniex bżonn hu li dejjem nixtiequ iżjed bla ma jikkuntentana xejn, jiġifieri li noħolqu bżonnijiet li mhux veru huma meħtieġa.  Nimmaġinaw xi ħadd li tilef kull kontroll fuq ix-xorb u d-drogi; l-imġiba tiegħu ssir vjolenti ħafna, qerrieda.  Jeżisti vizzju simili marbut mal-konsum.  Xewqa bla temma għal iżjed affarijiet, iktar propjetà, issir ossessjoni.  Meta naħsbu fil-foqra, jew fil-ġenerazzjonijiet ta’ warajna, dan jista’ jeħlisna.