Il-Logo tal-Ġublew tal-Ħniena 2015 - 2016

Il-ħarsa stess hija l-fus tal-logo tas-Sena tal-Ħniena

 

Kummentatur:

L-intwizzjoni grafika li tagħti ħajja lid-disinn kollu kemm hu hi qawwija daqskemm hu ċkejken il-qies tiegħu, u hawn ir-riskju li b’daqqa t’għajn superfiċjali ma tindunax b’dan.  Għax hi propju ħarsa, anzi l-ħarsa stess hija l-fus tal-logo tas-Sena tal-Ħniena, dan iż-żmien speċjali li l-Papa Franġisku ħabbar fit-13 ta’ Marzu fil-Bażilika ta’ San Pietru u li nedih solennement xahar wara, fil-11ta’ April, bil-pubblikazzjoni tal-Bolla Pontifiċja.

Ġesù Kristu hu l-wiċċ ħaj tal-ħniena tal-Missier.  Dan huwa affermat fil-bidu tad-dokument u hu propju fuq dan il-Wiċċ tal-Ħniena, il-Misericordiae Vultus, li tikkonċentra l-invenzjoni tal-awtur tal-logo Patri Marco Ivan Rupnik - Ġiżwita, teologu u fl-istess waqt wieħed mill-interpreti l-aktar importanti fid-dinja tal-arti tal-mużajk sagru.

Idejh ħolqu xbieha ta’ Kristu, ir-Ragħaj it-Tajjeb, li fuq spallejh qed iġorr lil Adam li l-ġenb ta’ wiċċu qiegħed imiss, f’ġest intimu u ta’ iben, ma’ dak ta’ Ġesù, b’tali mod li l-għajn ix-xellugija ta’ Adam u l-għajn il-leminija ta’ Kristu huma l-istess waħda.  Il-ġrajja kollha tal-fidwa hi miġbura f’daqqa żgħira ta’ lapes.

 

Patri Rupnik:

Alla jħares lejn il-bniedem b’mod li l-bniedem ikun jista’ jifhmu. Jikkomunika lilu nnifsu b’tali mod li l-bniedem ikun jista’ jara ... u dak li jara l-bniedem jarah ukoll Alla u b’hekk il-bniedem jibda jara kif jimxi Alla: din l-umanità divina ta’ Kristu.  Hemmhekk naraw verament li Kristu ħa fuqu l-umanità kollha.

 

Kummentatur:

L-aħmar, il-gradi differenti tal-ikħal, l-isfumatura kiebja tad-deheb tal-libsa ta’ Adam b’kuntrast ma’ dak l-abjad jgħammex ta’ dik ta’ Kristu, kull għażla kromatika tal-logo tal-Ġublew tal-Ħniena hi maħsuba skont kodiċi li sar elf sena ilu minn artisti ta’ ispirazzjoni Nisranija, l-aħmar, il-kulur tad-demm u tal-ħajja hu l-kulur ta’ Alla.  L-ikħal hu l-kulur tal-bniedem, l-unika kreatura li tista’ tħares dritt lejn is-sema, filwaqt li l-abjad hu l-kulur tal-Ispirtu s-Santu għax hu rifless tal-ħajja Trinitarja, l-aħdar jirrakkonta l-ħolqien, l-iswed il-lejl u l-mewt.

Patri Rupnik:

Kristu hu abjad għax dommatikament Kristu niżel f’art il-mewt, ir-ruħ ta’ Kristu, il-ħajja tal-Ispirtu ta’ Kristu;  filwaqt li l-ġisem tiegħu kien għadu jistrieħ fil-qabar.  Allura Hu id-dawl, hija l-ħajja eterna tal-Iben li tinżel.  Madwar hemm dawn it-tliet ċrieki konċentriċi mill-blu għal kważi iswed. Min-naħa dawn huma hekk biex juru li l-misteru t’Alla hu impenetrabbli.  Imma min-naħa l-oħra biex juru li d-dawl tad-dinja hu bla sens għax l-uniku dawl huwa Kristu.  Hu d-dawl ta’ Kristu li jiddi fil-qalb tal-umanità.  Adam li jinsab fuq spallejh għandu kulur li kien aħdar imma mħallat mad-deheb sar.... kulur li la hu aktar aħdar imma lanqas tista’ ssejjaħlu għal kollox dehebieni.  Ifisser propju din l-umanità fi proċess ta’ fidwa,  le, ta’ santifikazzjoni.

Kummentatur:

Il-vjaġġ twil tul il-mixja tas-sekli, għani fit-tradizzjoni u l-kultura jinġabar kollu fil-kompożizzjoni tal-logo. Mhux biss minħabba l-għażla tal-kuluri skont is-simboliżmu nisrani antik, imma wkoll minħabba l-istil medjevali tad-disinn, l-uċuħ fissi tal-arti paleokristjana hija interpretazzjoni preċiża tal-postmodernità li l-awtur jispjegaha b’mod soprendenti.

Patri Rupnik:

Ninsabu f’epoka li ntemmet, l-epoka tal-modernità, mir-rinaxximent saż-żminijiet tagħna. Allura ż-żmien ġdid li qed jasal se jkun mill-ġdid żmien organiku.  Jekk dan kien żmien kritiku, tar-raġuni, tal-intellett, tal-universitajiet, tar-riċerka eċċ, issa se jkun mill-ġdid iż-żmien tal-ħajja.  U meta jkun hemm perjodu storiku fejn tiddomina l-ħajja, fejn il-ħajja għandha l-prijorità, il-kultura hi dejjem simbolika, poetika, metaforika, li minnha tista’ tingħata u titnibbet il-ħajja.

Kummentatur:

Skont Patri Rupnik, il-Papa Franġisku hu l-eżempju ħaj ta’ din it-tendenza tal-epoka post-moderna riesqa lejn il-ħajja. Hija s-sejba mill-ġdid b’mod prepotenti tal-bniedem meħlus, biex ngħidu hekk, mill-labirinti tal-astrazzjonijiet u l-intellettwaliżmi li jitqegħedu f’perjodu li fih il-ħajja u l-għarfien ma kienux mifrudin minn xuxlin fil-ħajja. Fil-kliem u aktar u aktar fil-ġesti profondament umani ta’ Franġisku, qed jgħixu mill-ġdid, afferma Patri Rupnik, il-figura tal-Missier Ħanin tal-Evanġelju, tar-Ragħaj it-Tajjeb li ma jindirizzax aktar is-sistemi u l-ideat, imma lill-persuni.

Patri Rupnik:

Naħseb li dan ta’ Franġisku hu pontifikat kbir għax verament diġà jifforma parti minn din l-epoka l-ġdida. M’għadux parti mill-epoka li għaddiet.  Naraw diġà din il-profezija tat-tiġdid  li tidher propju għaliex kelmtu hija importanti, imma daqstant ieħor huma l-ġesti tiegħu u l-immaġni. 

Dan huwa ġà lingwaġġ simboliku fis-sens nobbli tat-teoloġija, jiġifieri fejn l-għaqda ta’żewġ dinjiet dik divina u dik umana, tal-maħluq u tal-Ħallieq  jesprimu ruħhom waħda fl-oħra.  Meta Kristu ta l-aħħar nifs tiegħu fuq is-Salib, aħna ħtafnih dak in-nifs u bih bdejna nieħdu n-nifs aħna stess. 

Huwa għalhekk li Adam u Kristu huma daqstant qrib ta’ xulxin f’din ix-xbieha. Hu hekk  qrib tal-poplu kif jifhmu l-Papa Franġisku.

 

Traskrizzjoni u traduzzjoni tat-test minn Joe Huber

Sotto-titoli minn Frank Darmanin