EN        IT

ITTRA ENĊIKLIKA LAUDATO SI’

[TKUN IMFAĦĦAR]

TAL-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠISKU

DWAR L-GĦOŻŻA TAD-DAR KOMUNI

24 ta’ Mejju 2015

  

Miġjuba għall-Malti mit-Taljan minn Francesco Pio Attard

 

Ħajr lil:

Joe Farrugia, Prof. Paul Pace, Rev. Prof. Hector M. Scerri,

Lucy Sciberras, Rev. Eddie Zammit

   

Nihil obstat quoad versionem

die 20a iunii 2015

sac. Hector M. Scerri

Cens. theol.

 

Imprimatur

Datum die 22a iunii 2015

in Curia Archiepiscopali Melitensi,

Florianæ,

+ Charles J. Scicluna

Archiepiscopus Melitensis

 

WERREJ

 

Laudato si’, mi’ Signore [1-2]

M’hemm xejn f’din id-dinja li nistgħu nkunu indifferenti għalih [3-6]

Magħqudin fl-istess tħassib [7-9]

San Franġisk ta’ Assisi [10-12]

L-appell tiegħi [13-16]

 

L-Ewwel Kapitlu

DAK LI QED JIĠRI LID-DAR TAGĦNA

 

I.       Tinġis u bidliet klimatiċi

Tinġis, rimi u kultura tal-iskart [20-22]

Il-klima bħala ġid komuni [23-26]

II.      Il-kwistjoni tal-ilma [27-31]

III.    Nitilfu l-bijodiversità [32-42]

IV.    It-taħsir tal-kwalità tal-ħajja tal-bniedem u dak soċjali [43-47]

V.      Nuqqas ta’ ugwaljanza globali [48-52]

VI.    Id-dgħajfien tar-reazzjonijiet [53-59]

VII.  Firxa wiesgħa ta’ fehmiet [60-61]

 

It-Tieni Kapitlu

L-EVANĠELJU TAL-ĦOLQIEN

 

I.        Id-dawl li toffri l-fidi [63-64]

II.      L-għerf tar-rakkonti Bibliċi [65-75]

III.    Il-misteru tal-univers [76-83]

IV.    Il-messaġġ ta’ kull ħlejqa fl-armonija tal-ħolqien kollu [84-88]

V.      Komunjoni universali [89-92]

VI.    Id-destinazzjoni waħda tal-ġid [93-95]

VII.   Il-ħarsa ta’ Ġesù [96-100]

 

It-Tielet Kapitlu

L-GĦERQ UMAN TAL-KRIŻI EKOLOĠIKA

 

I.       It-teknoloġija: Kreattività u Poter [102-105]

II.      Il-globalizzazzjoni tal-paradigma teknokratika [106-114]

III.    Il-kriżi u l-konsegwenzi tal-antropoċentriżmu modern [115-121]

Ir-relattiviżmu prattiku [122-123]

Il-bżonn li niddefendu x-xogħol [124-129]

L-innovazzjoni bijoloġika li titlaq mir-riċerka [130-136]

 

Ir-Raba’ Kapitlu

EKOLOĠIJA INTEGRALI

 

I.       Ekoloġija ambjentali, ekonomika u soċjali [138-142]

II.      Ekoloġija kulturali [143-146]

III.    Ekoloġija tal-ħajja ta’ kuljum [147-155]

IV.    Il-prinċipju tal-ġid komuni [156-158]

V.      Il-ġustizzja bejn il-ġenerazzjonijiet [159-162]

 

Il-Ħames Kapitlu

XI LINJI TA’ ORJENTAMENT U AZZJONI

 

I.       Id-djalogu dwar l-ambjent fil-politika internazzjonali [164-175]

II.      Id-djalogu lejn politika nazzjonali u lokali ġdida [176-181]

III.    Djalogu u trasparenza fid-deċiżjonijiet [182-188]

IV.    Politika u ekonomija fi djalogu lejn il-milja umana [189-198]

V.      Ir-reliġjonijiet fid-djalogu max-xjenzi [199-201]

 

Is-Sitt Kapitlu

EDUKAZZJONI U SPIRITWALITÀ EKOLOĠIKA

 

I.       Infittxu stil ieħor ta’ ħajja [203-208]

II.      Nedukaw għall-patt bejn bniedem u ambjent [209-215]

III.    Il-konverżjoni ekoloġika [216-221]

IV.    Hena u sliem [222-227]

V.      Mħabba ċivili u politika [228-232]

VI.    Is-sinjali sagramentali u l-mistrieħ ċelebrattiv [233-237]

VII.   It-Trinità u r-relazzjonijiet bejn il-ħlejjaq [238-240]

VIII.    Is-Sultana tal-ħolqien kollu [241-242]

IX.    Lil hemm mix-xemx [243-245]

 

Talba għal din l-art tagħna [246]

Talba Nisranija mal-ħolqien


DAĦLA

1. Laudato si’, mi’ Signore” [“Tkun imfaħħar, Mulejja”], kien jgħanni San Franġisk ta’ Assisi.  F’din l-għanja sabiħa hu jfakkarna li d-dar komuni waħda tagħna qisha wkoll oħtna, li magħha naqsmu ħajjitna, u bħal omm sabiħa li tilqagħna f’dirgħajha: “Laudato si’, mi’ Signore, per sora nostra matre Terra, la quale ne sustenta et governa, et produce diversi fructi con coloriti flori et herba” [“Mulejja, tkun imfaħħar f’oħtna u ommna l-Art, għax minnha l-għajxien u hi tmexxina, u tagħti frott ta’ kull bixra, ward bi lwien u ħxejjex”].[1]

 

2. Din oħtna tipprotesta għall-ħsara li nġibulha, meta nħaddmu b’mod irresponsabbli u nabbużaw mill-ġid li Alla għanieha bih.  Trabbejna naħsbu li aħna s-sidien u ħakkiema tagħha, bil-jedd li nħarbtuha kif irridu.  Il-vjolenza li hemm fil-qalb tal-bniedem miġruħ mid-dnub tidher ukoll fis-sintomi ta’ marda li tinħass fil-ħamrija, fl-ilma, fl-arja u fil-ħlejjaq ħajjin.  Għalhekk, fost il-foqra l-iżjed imwarrba u mkasbra, hemm din l-art maħqura u mħarbta tagħna, “titniehed bl-uġigħ tal-ħlas” (Rum 8:22).  Ninsew li aħna stess ġejjin minn din l-art (ara Ġen 2:7).  Ġisimna stess hu msawwar minn elementi tal-pjaneta, l-arja tagħha hi dik li tagħtina n-nifs, u l-ilma tagħha jaħjina u jsaħħaħna.

 

M’hemm xejn f’din id-dinja li nistgħu nkunu indifferenti għalih

3. Fuq ħamsin sena ilu, waqt li d-dinja kienet qed titlajja fuq xifer ta’ kriżi nukleari, il-Papa San Ġwanni XXIII kiteb Enċiklika li fiha mhux biss ħadha kontra l-gwerra, imma ried ukoll iwassal proposta ta’ paċi.  Indirizza l-messaġġ tiegħu Pacem in terris lid-“dinja Kattolika” kollha, imma żied “kif ukoll lill-bnedmin kollha ta’ rieda tajba”.  Illum, quddiem it-taħsir globali tal-ambjent, nixtieq indur fuq kull persuna li tgħix f’din il-pjaneta.  Fl-Eżortazzjoni tiegħi Evangelii gaudium, ktibt lill-membri tal-Knisja biex jibdew proċess ta’ riforma missjunarja li għad trid titwettaq.  F’din l-Enċiklika, nixtieq b’mod speċjali nidħol fi djalogu ma’ kulħadd dwar din id-dar komuni tagħna.

 

4. Erba’ snin wara l-Pacem in terris, fl-1971, il-Beatu Papa Pawlu VI tkellem dwar l-inkwiet ekoloġiku, u ppreżentah bħala kriżi li hi l-“konsegwenza drammatika” tal-attività bla kontroll tal-bniedem: “B’dan l-isfruttament xejn meqjus tan-natura, hu qed jirriskja li jeqridha u li mbagħad hu stess jispiċċa vittma ta’ din l-istess degradazzjoni”.[2]  Kellem ukoll lill-Organizzazzjoni għall-Ikel u l-Biedja (FAO) fi ħdan il-Ġnus Magħquda dwar il-possibbiltà “ta’ katastrofi ekoloġika vera… bħala effett tar-riperkussjonijiet tal-iżvilupp industrijali”, fejn saħaq dwar “l-urġenza u l-ħtieġa ta’ bidla radikali fl-imġiba umana”, għax “l-aqwa progressi xjentifiċi, l-aktar ħiliet tekniċi tal-għaġeb, l-akbar tkabbir ekonomiku, jekk mhux imsieħba minn progress soċjali u morali awtentiku, fl-aħħar mill-aħħar iduru kontra l-bniedem”.[3]

 

5. San Ġwanni Pawlu II ħares lejn din it-tema b’interess dejjem ikbar.  Fl-ewwel Enċiklika tiegħu, osserva li l-bniedem bħal donnu “ma jara ebda siwi ieħor fl-ambjent naturali tiegħu għajr dak li jservih għall-użu u konsum immedjat tiegħu”.[4]  Iktar tard, hu stieden għal konverżjoni ekoloġika globali.[5]  Imma fl-istess waqt innota li qajla hemm impenn “għall-ħarsien tal-kundizzjonijiet morali meħtieġa biex ikun hemm ekoloġija umana vera”.[6]  Il-qerda tal-ambjent uman hi ħaġa serja ħafna, mhux biss għax Alla fada d-dinja f’idejn il-bniedem, imma wkoll għax l-istess ħajja tal-bniedem hi don li għandu jitħares minn bosta xejriet ta’ tifrik.  Kull xewqa tagħna li nieħdu ħsieb u ntejbu d-dinja titlobna ninbidlu mill-qiegħ “fl-istil tal-ħajja, fil-mod kif issir il-produzzjoni u kif jiġi użat dak li jkun prodott, u fl-istrutturi qawwija tal-poter, li llum qegħdin imexxu s-soċjetà”.[7]  L-iżvilupp awtentiku tal-bniedem għandu karattru morali u hu msejjes fuq ir-rispett sħiħ tal-persuna umana, imma hawn għandna nagħtu attenzjoni wkoll lid-dinja naturali u “inqisu sewwa n-natura ta’ kull ħaġa sħiħa li għandna mal-ordni kollu tan-natura”.[8]  Għalhekk, il-ħila tal-bniedem li jibdel ir-realtà għandha tissawwar u tikber fuq is-sisien tal-għotja oriġinali tal-ħwejjeġ kollha min-naħa ta’ Alla.[9]

 

6. Il-predeċessur tiegħi Benedittu XVI ġedded l-istedina biex “inxejnu l-kawżi strutturali li minħabba fihom miexja ħażin l-ekonomija tad-dinja u nsewwu l-mudelli ta’ tkabbir li donnhom m’għandhomx il-ħila jiggarantixxu r-rispett lejn l-ambjent”.[10]  Huwa fakkar li ma nistgħux nanalizzaw id-dinja minn aspett wieħed biss, għax “il-ktieb tan-natura hu wieħed u indiviżibbli” u jħaddan fih l-ambjent, il-ħajja, is-sesswalità, il-familja, ir-relazzjonijiet soċjali, u aspetti oħra.  Minħabba f’hekk, “it-taħsir tan-natura hu fis-sewwa marbut sfiq mal-kultura li ssawwar il-koeżistenza tal-­bnedmin”.[11]  Il-Papa Benedittu pproponielna nagħrfu li l-ambjent naturali hu mimli bi ġrieħi maħluqa mill-imġiba irresponsabbli tagħna.  Anki l-ambjent soċjali għandu l-ġrieħi tiegħu.  Imma fl-aħħar mill-aħħar kollha huma ġejjin mill-istess ħażen, jiġifieri mill-idea li ma jeżistux veritajiet indiskutibbli li jrieġu lil ħajjitna, u għalhekk il-libertà tal-bniedem hi bla qies.  Ninsew li “il-bniedem mhuwiex biss libertà li tinħoloq minnha nfisha.  Il-bniedem ma joħloqx lilu nnifsu.  Hu ruħ u rieda, imma hu wkoll natura”.[12]  Bħal missier imħasseb, Benedittu jistedinna nifhmu li l-ħolqien qed jisfa kompromess,fejn aħna nsiru l-aħħar kelma, fejn kollox isir sempliċement propjetà tagħna u nużawh biss għalina nfusna.  U l-ħela tal-ħolqien jibda meta ma nagħrfu l-ebda awtorità fuqna, imma naraw biss lilna nfusna”.[13]

 

Magħqudin fl-istess tħassib

7. Dawn il-kontributi tal-Papiet jiġbru r-riflessjonijiet ta’ għadd kbir ta’ xjenzati, filosfi, teologi u organizzazzjonijiet soċjali li għanew il-ħsieb tal-Knisja fuq dawn il-kwistjonijiet.  Imma ma nistgħux ma nsemmux li mqar lil hinn mill-Knisja Kattolika, fi ħdan Knejjes u Komunitajiet Insara oħra – kif ukoll reliġjonijiet oħra – kibru tħassib qawwi u riflessjoni prezzjuża dwar dawn it-temi li huma hekk għal qalbna lkoll.  Biex insemmi biss eżempju wieħed li jġorr sinifikat partikulari ħafna, nixtieq naqbad fil-qosor parti mill-kontribut tal-għażiż Patrijarka Ekumeniku Bartilmew, li miegħu naqsmu fl-istess tama ta komunjoni ekkleżjali sħiħa.

 

8. Il-Patrijarka Bartilmew tkellem b’mod partikulari dwar il-ħtieġa li kull persuna tindem mill-mod ħażin kif ittrattat il-pjaneta, għax “skont il-qies li bih ilkoll kemm aħna nikkawżaw ħsarat ekoloġiċi żgħar”, aħna msejħin nagħrfu “is-sehem tagħna, żgħir jew kbir, fit-taħsir u l-qerda tal-ambjent”.[14]  Fuq dan il-punt, hu esprima ruħu kemm-il darba b’vuċi soda u stimulanti, u stedinna nagħrfu d-dnubiet tagħna kontra l-ħolqien: “Li l-bnedmin jeqirdu d-diversità bijoloġika fil-ħolqien ta’ Alla; li l-bnedmin jikkompromettu l-integrità tal-art u jġibu l-bidla fil-klima, ineżżgħu d-dinja mill-foresti naturali tagħha jew jeqirdulha l-artijiet mistagħdra tagħha; li l-bnedmin iniġġsu l-ilmijiet, il-ħamrija, l-arja: dawn kollha huma dnubiet”.[15]  Għax ir-“reati kontra n-natura huma reati kontrina nfusna u dnub kontra Alla”.[16]

 

9. Fl-istess waqt, Bartilmew ġibed l-attenzjoni dwar l-għeruq etiċi u spiritwali tal-problemi ambjentali, li jistednuna nfittxu soluzzjonijiet mhux biss fit-teknoloġija, imma wkoll f’bidla fil-bniedem, għax inkella nkunu naffrontaw biss is-sintomi.  Ipproponielna ngħaddu mill-konsum għas-sagrifiċċju, mir-regħba għall-ġenerożità, mill-ħela għall-ħila li naqsmu mal-oħrajn, f’axxeżi li “tfisser li nitgħallmu nagħtu, u mhux sempliċement inċedu xi ħaġa.  Hu mod kif inħobb, kif bil-mod il-mod ngħaddi minn dak li rrid jien għal dak li għandha bżonn id-dinja ta’ Alla.  Hu ħelsien mill-biża’, mir-regħba u mid-dipendenza”.[17]  Iktar minn hekk, aħna l-Insara msejħin “nilqgħu lid-dinja bħala sagrament ta’ għaqda, bħala mod kif naqsmu dak li għandna ma’ Alla u mal-proxxmu fuq skala globali.  Fiċ-ċokon tagħna aħna konvinti li d-divin u l-uman jiltaqgħu fl-iċken dettall tal-libsa bla ħjata tal-ħolqien ta’ Alla, saħansitra fl-aħħar traba tal-pjaneta tagħna”.[18]

 

San Franġisk ta’ Assisi

10. Ma nistax nissokta miexi b’din l-Enċiklika u ma nsemmix eżempju l-ġmiel tiegħu u li jħeġġiġna mhux ftit.  Meta nħtart Isqof ta’ Ruma, għażilt l-isem tiegħu bħala gwida u ispirazzjoni.  Nemmen li San Franġisk huwa l-mudell pereċċellenza ta’ kif għandna nieħdu ħsieb tad-dgħajjef u kif ngħixu l-ekoloġija integrali bil-ferħ u b’mod awtentiku.  Hu l-qaddis patrun ta’ dawk kollha li jistudjaw u jaħdmu fil-qasam tal-ekoloġija, maħbub ukoll minn ħafna li mhumiex Insara.  Hu wera attenzjoni partikulari lejn il-ħolqien ta’ Alla u lejn l-iżjed foqra u mwarrba.  Kien iħobb u kien maħbub għall-ispirtu ta’ ferħ tiegħu, l-għotja ġeneruża tiegħu nnifsu, il-qalb universali tiegħu.  Kien mistiku u pellegrin li għex b’sempliċità u f’armonija mill-isbaħ ma’ Alla, mal-oħrajn, man-natura u miegħu nnifsu.  Fih nilmħu tabilħaqq kemm ma jistgħux jinfirdu minn xulxin l-għożża għan-natura, il-ġustizzja mal-foqra, l-impenn fis-soċjetà u s-sliem ġewwieni.

 

11. Ix-xhieda tiegħu turina wkoll li l-ekoloġija integrali titlobna ninfetħu għal kategoriji li jmorru lil hemm mil-lingwaġġ tax-xjenza eżatta jew tal-bijoloġija u jorbtuna mal-essenza ta’ dak li hu uman.  L-istess kif jiġrilna meta ninnamraw ma’ persuna, kull darba li Franġisku kien jitfa’ ħarstu lejn ix-xemx, il-qamar, l-iċken annimali, ir-reazzjoni tiegħu kienet tkun li jibda jkanta, u fl-għana ta’ tifħir tiegħu kien idaħħal il-ħlejjaq l-oħra kollha.  Hu kien jidħol f’komunikazzjoni mal-ħolqien kollu, u kien jipprietka saħansitra lill-ward u “kien jistedinhom biex [miegħu] ifaħħru lill-Mulej daqslikieku kienu ħlejjaq bir-raġuni”.[19]  Ir-reazzjoni tiegħu kienet bil-wisq iżjed minn apprezzament intellettwali jew xi kejl ekonomiku, għax għalih kull ħlejqa kienet oħtu, imxierka miegħu bi rbit ta’ mħabba.  Għalhekk hu kien iħossu msejjaħ jieħu ħsieb ta’ kulma jeżisti.  Id-dixxiplu tiegħu San Bonaventura kien jirrakkonta kif hu “kien joqgħod jaħseb li l-ħwejjeġ kollha li jeżistu kellhom bidu wieħed, kien iħossu mfawwar b’tjieba akbar, u l-ħlejjaq kollha, imqar l-iżgħar, kien kollha jsejħilhom ‘ħija’ u ‘oħti”.[20]  Din il-konvinzjoni ma għandhiex titkasbar bħala xi Romantiċiżmu irrazzjonali, għax għandha impatt fuq l-għażliet li jiddeterminaw l-imġiba tagħna.  Jekk nersqu lejn in-natura u l-ambjent mingħajr qalb miftuħa għall-istagħġib u b’sens ta’ meravilja, jekk ma nibqgħux nitkellmu bil-lingwaġġ tal-aħwa u tal-ġmiel fir-relazzjoni tagħna mad-dinja, l-atteġġjamenti tagħna jsiru ta’ wieħed li jrid jaħkem, tal-konsumatur jew ta’ xi ħadd li sempliċement jisfrutta r-riżorsi naturali, u mhux kapaċi jrażżan l-interessi immedjati tiegħu.  Għall-kuntrarju, jekk aħna nħossuna intimament magħquda ma’ dak kollu li jeżisti, ir-rażan u l-għożża jnixxu minna b’mod spontanju.  Il-faqar u l-awsterità ta’ San Franġisk ma kinux axxetiżmu minn barra biss, imma xi ħaġa iktar fil-fond: hu ma riedx jagħmel mir-realtà sempliċi oġġett ta’ użu jew ta’ ħakma.

 

12. Min-naħa l-oħra, San Franġisk, fidil lejn l-Iskrittura Mqaddsa, iħeġġiġna naqraw fin-natura ktieb mill-isbaħ li minnu Alla jkellimna u jdewwaqna farka mill-ġmiel u t-tjieba tiegħu: “Għax fil-kobor u l-ġmiel tal-ħlejjaq jingħaraf, bħal fi xbieha, Dak li jagħmilhom” (Għerf 13:5) u “is-setgħa tiegħu ta’ dejjem, u d-divinità tiegħu, huma setgħu jagħrfuhom sa mill-ħolqien tad-dinja, permezz tal-ħlejjaq” (Rum 1:20).  Għalhekk kien jitlobhom biex fil-kunvent iħallu dejjem roqgħa mill-ġnien mhux maħduma, biex hemm jikber il-ħaxix selvaġġ, hekk li dawk li jħarsu lejh u jammirawh setgħu jgħollu l-ħsieb tagħhom lejn Alla, awtur ta’ tant ġmiel.[21]  Id-dinja hi wisq aktar minn xi problema li trid tinħall, hi misteru tal-ferħ li għandna nikkontemplaw fl-hena u fit-tifħir.

 

L-appell tiegħi

13. Fl-isfida urġenti li nħarsu din id-dar komuni tagħna hemm ix-xewqa mħassba tagħna li niġbru l-familja kollha tal-bnedmin ħalli nfittxu żvilupp sostenibbli u sħiħ, għax nafu li l-affarijiet jistgħu jinbidlu.  Il-Ħallieq ma jitlaqniex waħidna, qatt ma jerġa’ lura minn kelmtu fil-pjan ta’ mħabbtu, ma jiddispjaċihx li ħalaqna.  Aħna l-bnedmin għad għandna fina dik il-ħila li nikkollaboraw biex nibnu d-dar komuni tagħna.  Nixtieq nuri r-rikonoxximent tiegħi, inħeġġeġ u nirringrazzja lil dawk kollha li, fl-oqsma kollha u l-aktar mifruxa tal-attività umana, qed iħabirku biex jiżguraw il-ħarsien ta’ din id-dar li naqsmu flimkien.  Tixirqilhom gratitudni speċjali dawk kollha li qed jissieltu bil-ħerqa biex isolvu l-konsegwenzi traġiċi tat-taħsir ambjentali fil-ħajja tal-ifqar fost il-fqar ta’ din id-dinja.  Iż-żgħażagħ qed jitolbu minna din il-bidla.  Qed jistaqsuna kif nistgħu nippretendu li nibnu ġejjieni aħjar bla ma naħsbu fil-kriżi ambjentali u fit-tbatijiet ta’ dawk li huma mwarrbin.

 

14. Insejjaħ b’urġenza għat-tiġdid tad-djalogu dwar il-mod li bih qed nibnu l-ġejjieni tal-pjaneta.  Għandna bżonn ta’ konverżazzjoni li tgħaqqadna lkoll flimkien, għax l-isfida ambjentali li qed ngħixu, u l-għeruq umani tagħha, jolqtuna u jmissuna lkoll kemm aħna.  Il-moviment ekoloġiku dinji diġà terraq mixja twila u għanja, u ta l-ħajja lil għadd ta’ għaqdiet ta’ ċittadini li ħolqu kuxjenza.  B’xorti ħażina, ħafna sforzi biex jinstabu soluzzjonijiet konkreti għall-kriżi ambjentali spiss jisfaw iffrustrati mhux biss mir-rifjut ta’ min għandu s-setgħa f’idejh, imma anki min-nuqqas ta’ interess tal-oħrajn.  L-atteġġjamenti li jxekklu t-toroq għal soluzzjoni, anki fost dawk li jemmnu, ivarjaw milli wieħed jiċħad li hemm problema għal li jkun indifferenti, għar-rassenjazzjoni komda, jew għall-fiduċja għamja fis-soluzzjonijiet teknoloġiċi.  Għandna bżonn ta’ solidarjetà universali ġdida.  Kif qalulna l-Isqfijiet tal-Afrika ta’ Isfel, “huma meħtieġa t-talenti u s-sehem ta’ kulħadd biex insewwu l-ħsara li l-bniedem għamel lill-ħolqien ta’ Alla”.[22]  Ilkoll kemm aħna nistgħu nikkollaboraw bħala għodda f’idejn Alla għall-ħarsien tal-ħolqien, kull wieħed u waħda bil-kultura u l-esperjenza tiegħu, bl-inizjattivi u l-ħiliet tiegħu.

 

15. Nittama li din l-Ittra enċiklika, li qed tiżdied mal-Maġisteru soċjali tal-Knisja, tgħinna nagħrfu l-kobor, l-urġenza u l-ġmiel tal-isfida li għandna quddiemna.  Qabelxejn, se nagħti ħarsa fuq fuq lejn id-diversi aspetti tal-kriżi ekoloġika tal-lum bl-għan li naħsdu l-aħjar frott mit-tiftix xjentifiku li għandna disponibbli llum, inħalluh imiss il-ġewwieni tagħna u joffri bażi konkreta għall-mixja etika u spiritwali li tiġi wara.  Ibda minn din il-viżjoni, se nerġa’ ndur fuq ċerti argumentazzjonijiet li joħorġu mit-tradizzjoni Ġudeo-Kristjana, bl-għan li nagħti koerenza ikbar lill-impenn tagħna b’riżq l-ambjent.  Imbagħad sa nipprova ninżel fl-għeruq tas-sitwazzjoni attwali, hekk li nkunu nistgħu nifhmu mhux biss is-sintomi imma wkoll il-kawżi l-iżjed qawwija.  Hekk inkunu nistgħu nipproponu ekoloġija li, fid-diversi dimensjonijiet tagħha, tħares il-post speċifiku li għandu l-bniedem f’din id-dinja u r-relazzjonijiet tiegħu mar-realtà ta’ madwaru.  Fid-dawl ta’ din ir-riflessjoni nixtieq immidd pass ieħor ’il quddiem b’xi linji gwida wesgħin għal djalogu u azzjoni li jinvolvu kemm lil kull wieħed u waħda minna, kemm il-politika internazzjonali.  Fl-aħħar nett, billi jien konvint li kull bidla titlob motivazzjonijiet u mixja edukattiva, se nipproponi xi linji ta’ żvilupp uman imnebbħa mit-teżor tal-esperjenza spiritwali Nisranija.

 

16. Kull kapitlu, imqar jekk għandu t-tematika propja tiegħu u metodoloġija speċifika, jerġa’ jaqbad minn perspettiva ġdida kwistjonijiet importanti li jkunu ġa ġew affrontati fil-kapitli ta’ qabel.  Dan jgħodd speċjalment għal xi temi importanti li nsibuhom mifruxa mal-Enċiklika kollha.  Ngħidu aħna: ir-relazzjoni intima bejn il-foqra u d-dgħufija tal-pjaneta; il-konvinzjoni li fid-dinja kollox hu marbut sfiq ma’ xulxin; il-kritika tal-paradigma ġdida u tax-xejriet ġodda ta’ poter li ġejjin mit-teknoloġija; l-istedina biex infittxu modi oħra ta’ kif nifhmu l-ekonomija u l-progress; il-valur propju ta’ kull ħlejqa; is-sens uman tal-ekoloġija; il-ħtieġa ta’ dibattiti sinċiera u onesti; ir-responsabbiltà serja tal-politika internazzjonali u lokali; il-kultura tal-iskart u l-proposta ta’ stil ġdid ta’ ħajja.  Dawn it-temi qatt mhuma magħluqa jew imwarrba, anzi, il-ħin kollu nerġa’ ndur fuqhom u nżid magħhom.


 

L-Ewwel Kapitlu

DAK LI QED JIĠRI LID-DAR TAGĦNA

 

17. Ir-riflessjonijiet teoloġiċi u filosofiċi fuq is-sitwazzjoni tal-bniedem u tad-dinja jistgħu jinstemgħu bħala messaġġ ripetittiv u vojt, jekk ma jiġux ippreżentati b’mod ġdid, f’konfront mal-kuntest attwali, li f’ċertu sens għandu aspetti li huma għalkollox ġodda fl-istorja tal-bniedem.  Għalhekk, qabel nagħrfu kif il-fidi ġġib magħha motivazzjonijiet u ħtiġijiet ġodda lid-dinja li minnha nagħmlu parti, jidhirli li għandna nieqfu ftit u nqisu x’inhu qed jiġri lid-dar komuni tagħna.

 

18. Mal-bidliet mgħaġġla u kontinwi fil-ħajja tal-bniedem u tal-pjaneta llum inżidu l-intensifikazzjoni tar-ritmi tal-ħajja u tax-xogħol, f’dik li fl-Ispanjol xi wħud isejħulha “rapidación” (bidla mgħaġġla).  Minkejja li l-bidla hi parti mid-dinamika ta’ sistemi kumplessi, il-veloċità li llum qed jimponu fuqha l-azzjonijiet umani toħloq kuntrast qawwi mar-ritmu iktar kalm tal-evoluzzjoni bijoloġika.  Ma’ dan inżidu l-problema li l-għanijiet ta’ din il-bidla mgħaġġla u kostanti mhux bilfors huma orjentati lejn il-ġid komuni jew lejn żvilupp uman, sostenibbli u sħiħ.  Il-bidla hi ħaġa ta’ min jinkuraġġiha, imma tibda tħassibna meta biha d-dinja tibda sejra lura u tiftaqar il-kwalità tal-ħajja ta’ parti kbira mill-familja tal-bnedmin.

 

19. Wara perjodu ta’ fiduċja bla raġuni fil-progress u fil-ħiliet umani, parti mis-soċjetà qed tidħol f’fażi ta’ għarfien aktar sħiħ.  Qed tinħass sensibbiltà ikbar għall-ambjent u għall-għożża tan-natura, u qed naraw jikber tħassib sinċier u li jnikkitna għal dak li għaddejja minnu l-pjaneta tagħna.  Ħa nterrqu mixja, li żgur mhix se tkun sħiħa, qalb dawk il-kwistjonijiet li llum qed jipprovokaw tħassib u li issa ma nistgħux naħbuhom iżjed taħt it-tapit.  L-għan tagħna mhux li niġbru tagħrif jew naqtgħu l-kurżità tagħna, imma li nsiru iżjed konxji, anki jekk b’għafsa ta’ qalb, u dak li qed jiġri lid-dinja nindenjaw nagħmluh it-tbatija personali tagħna, ħalli hekk nagħrfu liema hu l-kontribut li kull wieħed u waħda minna jista’ jagħti.

 

I. Tinġis u bidliet klimatiċi

 

Tinġis, skart u kultura tar-rimi

20. Jeżistu għamliet ta’ tinġis li lin-nies qed jolqtuhom ta’ kuljum.  Meta wieħed hu espost għal tinġis fl-atmosfera, is-saħħa tiegħu hi milquta b’bosta modi, u dan iseħħ b’mod partikulari fil-każ ta’ dawk li huma l-iktar foqra, u jwassal għal miljuni ta’ mwiet bikrija.  Ngħidu aħna, wieħed jimrad għax jibla’ man-nifs kwantitajiet għolja ta’ duħħan minn karburanti li nużaw biex insajru jew biex nisħnu.  Ma’ dan inżidu t-tinġis li jolqot lil kulħadd, ikkawżat mit-trasport, mid-dħaħen tal-fabbriki, mir-rimi ta’ sustanzi li jarmu l-aċtu fil-ħamrija u l-ilma, mill-fertilizzanti, insettiċidi, fungiċidi, erbiċidi u pestiċidi ġeneralment velenużi.  It-teknoloġija li, marbuta mal-interessi finanzjarji, tippretendi li hi s-soluzzjoni waħdanija għall-problemi, fil-fatt mhix kapaċi tilmaħ il-misteru tal-għadd ta’ relazzjonijiet li jeżistu bejn l-affarijiet, u minħabba f’hekk xi kultant tħoll problema u toħloq oħra ġdida.

 

21. Ta’ min iqis ukoll it-tinġis mill-iskart, inkluż dak perikuluż li nsibu f’diversi ambjenti.  Kull sena jinħolqu mijiet ta’ tunnellati ta’ skart, ħafna minnu mhux bijodegradabbli: skart domestiku u kummerċjali, skart tal-kostruzzjoni, skart kliniku, elettroniku jew industrijali, skart velenuż u radjuattiv ħafna.  Id-dinja, id-dar tagħna, donnha qed tinbidel dejjem iżjed f’depożitu kbir ta’ żibel.  F’ħafna nħawi tal-pjaneta, l-anzjani jiftakru b’nostalġija l-pajsaġġi ta’ dari, li issa jidhru mirduma taħt imniezel ta’ żibel mixħut ’l hawn u ’l hinn.  Kemm l-iskart industrijali u kemm il-prodotti kimiċi użati fl-ibliet u fl-għelieqi, jistgħu jipproduċu effett ta’ ‘bijoakkumulazzjoni’ fl-organiżmi ta’ dawk li jgħixu fl-inħawi tal-madwar, li tinħass anki meta l-livell ta’ preżenza ta’ element tossiku f’dak il-post hu baxx.  Ħafna drabi jittieħdu miżuri biss meta jkunu diġà dehru effetti irriversibbli għas-saħħa tal-persuni.

 

22. Dawn il-problemi huma marbuta bil-kbir mal-kultura tar-rimi, li tolqot lill-persuni mwarrba bħalma tolqot lill-oġġetti li f’qasir żmien jinbidlu f’żibel.  Ngħidu aħna, sewwa nintebħu li l-parti l-kbira tal-karta li tinħadem qed tintrema bla ma tiġi rriċiklata.  Donna nsibuha bi tqila nifhmu li l-mod kif jaħdmu l-ekosistemi naturali għandu jservi ta’ xempju għalina: il-pjanti jissintetizzaw sustanzi nutrittivi li fuqhom jgħixu l-erbivori; dawn min-naħa tagħhom jgħajxu lill-karnivori, li jfornu kwantitajiet importanti ta’ rimi organiku, li mbagħad jagħtu lok għal ġenerazzjoni ġdida ta’ pjanti.  Għall-kuntrarju, is-sistema industrijali, fit-tarf taċ-ċiklu ta’ produzzjoni u ta’ konsum, ma żviluppatx il-ħila li tassorbixxi u tutilizza mill-ġdid l-iskart u l-prodotti sekondarji.  Għadu ma rnexxilniex nadottaw mudell ċirkulari ta’ produzzjoni li jiżgura riżorsi għal kulħadd u għall-ġenerazzjonijiet ta’ warajna, u li jitlob minna li nillimitaw kemm nistgħu l-użu tar-riżorsi mhux rinnovabbli, nimmoderaw il-konsum, u nżidu l-użu effiċjenti, l-użu mill-ġdid u r-riċiklar.  Jekk naffrontaw din il-kwistjoni, inkunu nsibu mod kif neħduha kontra l-kultura tal-iskart li qed tispiċċa tagħmel ħsara lill-pjaneta kollha kemm hi, imma nosservaw li l-progress f’din id-direzzjoni għadu skars ħafna.

 

Il-klima bħala ġid komuni

23. Il-klima hi ġid komuni, ta’ kulħadd u għal kulħadd.  Fuq livell globali, hi sistema kumplessa f’relazzjoni ma’ ħafna kundizzjonijiet essenzjali għall-ħajja tal-bniedem.  Jeżisti kunsens xjentifiku konsistenti qatigħ li jindika li s-sistema tal-klima qiegħda tisħon b’mod inkwetanti.  Fl-aħħar għaxriet ta’ snin, din iż-żieda inkwetanti fit-temperatura kienet imsieħba minn żieda kostanti fil-livell tal-baħar, u, iktar minn hekk, diffiċli ma norbtuhiex maż-żieda fl-avvenimenti meterjoloġiċi estremi, anki jekk ma tistax tattribwixxi kawża xjentifikament determinabbli lil kull fenomenu partikulari.  Il-bniedem hu msejjaħ jagħraf il-ħtieġa ta’ bidliet fl-istili ta’ ħajja, ta’ produzzjoni u ta’ konsum, biex jista’ jiġġieled lil dan it-tisħin tal-atmosfera jew, tal-inqas, il-kawżi umani li qed iwasslu għalih jew jgħolluh.  Hu minnu li hemm fatturi oħra (bħall-attività vulkanika, il-varjazzjonijiet fil-mod kif torbita d-dinja u toqgħod fl-assi tagħha, iċ-ċiklu solari), imma għadd kbir ta’ studji xjentifiċi juru li l-parti l-kbira tat-tisħin globali fl-aħħar għaxriet ta’ snin nafuha lill-konċentrazzjoni għolja ta’ gassijiet serra (id-dijossidu tal-karbonju, il-metanu, l-ossidu tan-nitroġenu u oħrajn) li jintefgħu fl-arja fuq kollox minħabba fl-attività umana.  Il-konċentrazzjoni tagħhom fl-atmosfera ma tħallix lis-sħana tar-raġġi tax-xemx riflessi mid-dinja tixtered fl-ispazju.  Il-problema tikber speċjalment minħabba f’mudell ta’ żvilupp imsejjes fuq l-użu intensiv ta’ karburanti fossili, li nsibuh fiċ-ċentru tas-sistema dinjija tal-enerġija.  Affettwat ukoll iż-żieda fil-prattika tal-bidliet fl-użu tal-ħamrija, prinċipalment id-deforestazzjoni għal raġunijiet agrikoli.

 

24. Min-naħa tiegħu, it-tisħin tal-atmosfera jħalli effetti fuq iċ-ċiklu tal-karbonju.  Joħloq ċirku vizzjuż li jaggrava iktar is-sitwazzjoni u li jħalli effett fuq id-disponibbiltà ta’ riżorsi essenzjali bħalma huma l-ilma għax-xorb, l-enerġija u l-produzzjoni agrikola taż-żoni l-iktar sħan, u jipprovoka l-estinzjoni ta’ parti mill-bijodiversità tal-pjaneta.  Minħabba fit-tidwib ta’ blokok sħaħ ta’ silġ polari u ta’ dak f’partijiet għoljin tad-dinja, qed nirriskjaw ħafna li jkollna emissjoni ta’ gass metanu, u d-dekompożizzjoni tal-materja organika ffriżata tista’ żżid iktar l-emissjoni tad-dijossidu tal-karbonju.  Min-naħa l-oħra, aktar ma jonqsu l-foresti tropikali, aktar l-affarijiet imorru għall-agħar, għax dawn jgħinu biex irażżnu l-bidla fil-klima.  It-tinġis li jiġi mid-dijossidu tal-karbonju jżid l-aċidità fl-oċeani u jikkomprometti l-katina tal-ikel fil-baħar.  Jekk nibqgħu mexjin kif mexjin bħalissa, f’dan is-seklu nafu nkunu xhieda ta’ bidliet fil-klima li qatt ma konna rajna bħalhom qabel jew ta’ tifrik bla preċedenti tal-ekosistemi, b’konsegwenzi gravi għalina lkoll.  Ngħidu aħna, xħin jogħla l-livell tal-baħar, dan jista’ joħloq sitwazzjonijiet gravi ħafna meta nqisu li kwart tal-popolazzjoni tad-dinja tgħix fuq xatt il-baħar jew ħafna qrib tiegħu, u l-parti l-kbira tal-ibliet il-kbar insibuhom fuq il-kosta.

 

25. Il-bidliet fil-klima huma problema globali b’implikazzjonijiet ambjentali, soċjali, ekonomiċi, distributtivi u politiċi kbar, u huma waħda mill-isfidi prinċipali li għandu l-bniedem fi żmienna.  L-ikbar impatt aktarx sa narawh iseħħ fl-għaxriet ta’ snin li ġejjin fuq pajjiżi li għadhom qed jiżviluppaw.  Ħafna foqra jgħixu f’postijiet partikularment milquta minn fenomeni marbuta mat-tisħin fl-atmosfera, u l-mezzi tal-għajxien tagħhom jiddependu qatigħ fuq ir-riżervi naturali u l-hekk imsejħa servizzi tal-ekosistema, bħall-biedja, is-sajd u r-riżorsi tal-foresti.  M’għandhomx dħul ieħor ekonomiku jew riżorsi oħra li jippermettulhom jadattaw ruħhom għall-impatt tal-klima jew biex jilqgħu għall-katastrofi, u qajla għandhom aċċess għas-servizzi soċjali jew ta’ għajnuna mill-Istat.  Ngħidu aħna, il-bidliet fil-klima jwasslu għal migrazzjonijiet ta’ annimali u pjanti li mhux dejjem jafu jadattaw ruħhom, u dan min-naħa tiegħu hu ta’ theddida għar-riżorsi produttivi tal-iżjed foqra, li wkoll iħossuhom obbligati jemigraw b’inċertezza kbira dwar il-futur ta’ ħajjithom u ta’ wliedhom.  Hi traġika ż-żieda ta’ immigranti li jaħarbu l-faqar dejjem jikber miġjub mit-taħsir ambjentali, li lanqas jiġu rikonoxxuti bħala rifuġjati fil-konvenzjonijiet internazzjonali u jkollhom iġorru l-piż ta’ ħajjithom imwarrba mingħajr ebda tip ta’ ħarsien legali.  B’xorti ħażina, hemm indifferenza ġenerali quddiem dawn it-traġedji, li sal-ġurnata tal-lum għadhom qed iseħħu f’bosta rkejjen tad-dinja.  In-nuqqas ta’ reazzjonijiet quddiem dawn il-ġrajjiet traġiċi ta’ ħutna hu sinjal ta’ kemm tlifna dak is-sens ta’ responsabbiltà għal min hu bħalna, li fuqu suppost tinbena kull soċjetà ċivili.

 

26. Ħafna minn dawk li jżommu għalihom iżjed riżorsi u setgħa ekonomika jew politika donnhom ħsiebhom fuq kollox kif jgħattu l-problemi u jaħbu s-sintomi tagħhom, u jfittxu biss li jnaqqsu xi impatti negattivi tal-bidliet fil-klima.  Imma ħafna sintomi juru li dawn l-effetti jafu jkunu dejjem agħar jekk sa nkomplu għaddejjin bl-istess mudelli ta’ produzzjoni u ta’ konsum li għandna bħalissa.  Għalhekk qed tagħfas fuqna l-urġenza li niżviluppaw politika li tgħin biex fis-snin li ġejjin l-emissjoni ta’ dijossidu tal-karbonju u ta’ gassijiet oħra b’livell għoli ta’ tinġis tonqos drastikament, ngħidu aħna, billi nwarrbu l-karburanti fossili u minflokhom niżviluppaw għejun ġodda ta’ enerġija rinnovabbli.  Fid-dinja għandna livell modest ta’ aċċess għal enerġija nadifa u rinnovabbli.  Għad hemm bżonn niżviluppaw teknoloġiji adegwati ta’ kif naħżnu l-enerġija.  Madankollu, irridu ngħidu li f’xi pajjiżi kien hemm progress li qed jibda jsir sinifikanti, anki jekk għadna ’l bogħod milli nilħqu proporzjon importanti.  Kien hemm ukoll xi investimenti f’mezzi ta’ produzzjoni u ta’ trasport li jaħlu inqas enerġija u jeħtieġu kwantità inqas ta’ materja prima, kif ukoll metodi ta’ bini jew tiġdid ta’ binjiet li jtejbu l-effiċjenza tagħhom fl-enerġija.  Imma għadna ’l bogħod milli dawn il-prattiċi tajbin nagħmluhom in-norma.

 

II. Il-kwistjoni tal-ilma

 

27. Elementi oħra li juru x’inhi l-qagħda attwali huma marbuta mar-ritmu li bih qed jonqsu r-riżorsi naturali.  Nafu tajjeb li mhux possibbli nibqgħu għaddejjin bil-livell ta’ konsum tal-pajjiżi żviluppati u l-iktar setturi għonja tas-soċjetà, fejn id-drawwa li wieħed jaħli u jarmi qed tilħaq livelli esaġerati.  Diġà qbiżna ċerti limiti għoljin ta’ kemm nifilħu nisfruttaw il-pjaneta, mingħajr ma nħallet il-problema tal-faqar.

 

28. L-ilma nadif u tajjeb għax-xorb jirrappreżenta kwistjoni ta’ importanza ewlenija, għax hu indispensabbli għall-ħajja tal-bniedem u biex insostnu l-ekosistemi kemm tal-art u kemm tal-baħar.  Is-sorsi ta’ ilma ħelu huma essenzjali għall-oqsma tas-saħħa, il-biedja u l-industrija.  Id-disponibbiltà tal-ilma baqgħet relattivament kostanti għal żmien twil, imma issa f’ħafna postijiet id-domanda qed tkun ogħla mill-offerta sostenibbli, b’konsegwenzi gravi kemm għaż-żmien ta’ issa u kemm fuq medda itwal.  Bliet kbar, li jiddependu minn riżervi importanti tal-ilma, ibatu minn perjodi ta’ nuqqas ta’ din ir-riżorsa, li fil-mumenti kritiċi mhux dejjem titqassam tajjeb u mingħajr preferenzi.  Il-faqar fejn jidħol l-ilma pubbliku nsibuh l-aktar fl-Afrika, fejn partijiet kbar tal-popolazzjoni m’għandhomx aċċess fiż-żgur għall-ilma tax-xorb, u jkollhom iġarrbu perjodi ta’ nixfa li jagħmlu iżjed diffiċli l-produzzjoni tal-ikel.  F’xi pajjiżi hemm reġjuni b’abbundanza ta’ ilma, waqt li oħrajn qed ibatu min-nuqqas gravi tiegħu.

 

29. Problema pjuttost serja hi dik tal-kwalità ta’ ilma disponibbli għall-foqra, li twassal għal ħafna mwiet ta’ kuljum.  Fost il-foqra spiss insibu mard marbut mal-ilma kkontaminat, fost l-oħrajn dak ikkawżat minn mikro-organiżmi u sustanzi kimiċi.  Id-disinterija u l-kolera, li jiġu minn servizzi sanitarji u ħażniet ta’ ilma inadegwati, huma fattur sinifikattiv ta’ tbatija u ta’ mwiet fost it-tfal.  L-ilma tal-pjan f’ħafna postijiet hu mhedded mit-tinġis li qed jikkawżaw ċerti attivitajiet ta’ tħaffir, biedja u industrija, fuq kollox f’pajjiżi fejn m’hemmx biżżejjed regolamentazzjoni u kontrolli xierqa.  U mhux qed ngħidu biss għal dak li jarmu l-fabbriki.  Id-deterġenti u l-prodotti kimiċi li jużaw in-nies f’ħafna postijiet tad-dinja għadhom qed jintremew fix-xmajjar, għadajjar u ibħra.

 

30. Waqt li l-kwalità tal-ilma disponibbli dejjem sejra għall-agħar, f’xi postijiet qed tiżdied it-tendenza li wieħed jipprivatizza din ir-riżorsa skarsa, u allura tinbidel f’oġġett ta’ negozju suġġett għal-liġijiet tas-suq.  Fir-realtà, l-aċċess għall-ilma nadif u tajjeb għax-xorb hu dritt uman essenzjali, fundamentali u universali, għax minnu jiddependi l-għajxien tan-nies, u għalhekk hu kundizzjoni għat-tħaddim tad-drittijiet umani l-oħra.  Din id-dinja għandha dejn soċjali għoli mal-foqra li m’għandhomx aċċess għall-ilma tax-xorb, għax dan ifisser li qed iċċaħħadhom mid-dritt għall-ħajja li għandu l-għeruq tiegħu fid-dinjità inaljenabbli tagħhom.  Parti minn dan id-dejn tista’ tinfeda b’aktar kontributi ekonomiċi li jfornu ilma nadif u servizzi ta’ tisfija tal-ilma għall-popli l-iżjed foqra.  Imma l-ħela tal-ilma qed narawh mhux biss fil-pajjiżi żviluppati, imma wkoll f’dawk li għadhom qed jiżviluppaw u għandhom ħażniet kbar tiegħu.  Dan ifisser li parti mill-problema tal-ilma hi kwistjoni edukattiva u kulturali, għax m’aħniex konxji biżżejjed minn kemm huma gravi mġibiet bħal dawn f’kuntest ta’ nuqqas kbir ta’ ugwaljanza.

 

31. Iktar nuqqas ta’ ilma sa jwassal biex jogħla l-prezz tal-ikel u ta’ diversi prodotti li jiddependu mill-użu tiegħu.  Xi studji qed jindikaw ir-riskju li jekk ma niħdux passi malajr, fi żmien ftit għaxriet ta’ snin oħra nkunu nbatu minn nuqqas qawwi ta’ ilma.  L-impatt ambjentali jista’ jolqot biljuni ta’ nies, u min-naħa l-oħra hu prevedibbli li l-kontroll tal-ilma min-naħa ta’ negozji multinazzjonali jaf jinbidel f’waħda mill-għejun ewlenin ta’ kunflitt f’dan is-seklu tagħna.[23]

 

III. Nitilfu l-bijodiversità

 

32. Imqar mir-riżorsi tad-dinja qed issir ħerba minħabba fil-mod kif qed nifhmu l-ekonomija u l-attività kummerċjali u produttiva bħala xi ħaġa wisq marbuta mar-riżultat immedjat.  It-telf ta’ foresti u msaġar fl-istess ħin jimplika t-telf ta’ speċi li fil-ġejjieni setgħu kienu riżorsi importanti ħafna, mhux biss għall-ikel, imma anki għall-kura tal-mard u għal għadd ta’ servizzi.  Id-diversi speċi jġorru fihom ġeni li jistgħu jkunu riżorsi essenzjali biex fil-ġejjieni nkunu nistgħu nwieġbu għal xi ħtieġa tal-bniedem jew biex insolvu xi problema ambjentali.

 

33. Imma mhux biżżejjed naħsbu fid-diversi speċi biss bħala “riżorsi” li nistgħu nisfruttaw fil-futur, u ninsew li dawn għandhom valur fihom infushom.  Kull sena qed jgħibu eluf ta’ speċi ta’ pjanti u annimali li qatt m’aħna sa nsibuhom iżjed, li wliedna mhu sa jkunu jistgħu jarawhom qatt, mitlufin għal dejjem.  Il-parti l-kbira tagħhom qed jiġu estinti għal raġunijiet li għandhom x’jaqsmu ma’ xi attività tal-bniedem.  Minħabba fina, eluf ta’ speċi ma jistgħux jagħtu glorja lil Alla bl-eżistenza tagħhom, u lanqas jistgħu jwasslulna l-messaġġ li għalih inħalqu.  Aħna m’għandniex dan id-dritt!

 

34. Aktarx niddejqu nsiru nafu bl-estinzjoni ta’ xi mammiferu jew tajra, għax dawn l-iżjed li jidhru.  Imma biex l-ekosistemi jaħdmu sewwa hemm bżonn ukoll tal-fungi, l-alka, il-ħniex, l-insetti żgħar, ir-rettili u l-varjetà bla għadd ta’ mikro-organiżmi.  Xi speċi li mhumiex kbar fil-għadd, li soltu ħadd ma jintebaħ bihom, għandhom rwol kritiku u fundamentali biex jistabbilixxu l-bilanċ ta’ xi post.  Hu minnu li l-bniedem għandu jintervieni meta xi ġeosistema tidħol fi stadju kritiku, imma llum il-livell ta’ intervent uman f’realtà hekk kumplessa bħalma hi n-natura tant kiber li d-diżastri li spiss jikkawża l-bniedem jipprovokaw intervent ġdid tiegħu, hekk li l-attività umana tibda taraha l-ħin kollu u kullimkien, bir-riskji li dan iġib miegħu.  Jibda jinħoloq ċirku vizzjuż fejn l-intervent tal-bniedem biex isolvi diffikultà ħafna drabi jispiċċa jgħarraq iżjed il-biċċa.  Ngħidu aħna, ħafna għasafar u insetti li qed jinqerdu minħabba fil-pestiċidi tossiċi maħluqa mit-teknoloġija, huma siewja għall-istess biedja, u t-telfa tagħhom irridu nagħmlu tajjeb għaliha b’intervent ieħor teknoloġiku li aktarx sa jġib miegħu effetti oħra li jagħmlu ħsara.  Ta’ min ifaħħar u xi drabi anki jammira l-isforzi ta’ xjenzati u tekniċi li jfittxu kif isewwu l-problemi maħluqa mill-bniedem stess.  Imma meta nosservaw id-dinja nintebħu li dan il-livell ta’ intervent uman, spiss għas-servizz tad-dinja kummerċjali u konsumista, fir-realtà qed ifaqqar id-dinja li fiha ngħixu u jagħmilha inqas sabiħa, dejjem iżjed limitata u mudlama, waqt li fl-istess ħin l-iżvilupp tat-teknoloġija u tal-offerti ta’ konsum qed jissokta miexi ’l quddiem bla ma xejn iwaqqfu.  B’dan il-mod, donna qed nimlew moħħna bil-ħsieb żbaljat li l-post ta’ dan il-ġmiel irripetibbli u li ma jerġax lura nistgħu nimlewh b’xi ieħor maħluq minna.

 

35. Meta niflu bir-reqqa l-impatt ambjentali ta’ xi inizjattiva ekonomika, soltu nqisu l-effetti fuq il-ħamrija, l-ilma u l-arja, imma mhux dejjem indaħħlu studju mirqum tal-impatt fuq il-bijodiversità, bħallikieku t-telfa ta’ xi speċi jew ta’ gruppi ta’ annimali jew pjanti kienet xi ħaġa li ftit tagħmlilna differenza.  Il-bini ta’ toroq, il-pjantaġġuni ġodda, il-bini ta’ ħitan jew ċnut madwar ċerti postijiet, l-ilqugħ tal-ilma u għamliet oħra ta’ bini, jieħdu post l-ambjenti naturali u xi kultant iġibuhom f’elf biċċa hekk li l-annimali li jkunu jgħixu fihom ma jkunux jistgħu iżjed ipassu u lanqas jitħarrku bla xkiel, u għaldaqstant xi speċi jkunu f’riskju li jispiċċaw.  Jeżistu alternattivi li tal-inqas itaffu l-impatt ta’ dawn l-interventi umani, bħall-ħolqien ta’ kurituri bijoloġiċi, imma dan is-sens ta’ għożża u attenzjoni fi ftit pajjiżi biss tarah.  Meta ċerti speċi jiġu sfruttati kummerċjalment, mhux dejjem isir studju fuq il-mod kif dawn jikbru, biex wieħed jevita li dawn jonqsu malajr fl-għadd u konsegwentement jinħoloq żbilanċ fl-ekosistema.

 

36. Biex nieħdu ħsieb l-ekosistemi hemm bżonn ta’ ħarsa li tmur lil hemm mill-immedjat, għax meta nfittxu biss il-profitt ekonomiku mgħaġġel u ħafif, ħadd ma jinteressah tassew fil-preservazzjoni tagħhom.  Imma l-prezz tal-ħsara li ssir minħabba fit-traskuraġni egoistika fis-sewwa kollu hu bil-wisq ogħla mill-profitt ekonomiku li wieħed jista’ jaqla’.  Meta jintilfu jew issir ħsara serja lil xi speċi, qed nitkellmu fuq valuri ogħla minn kull kalkolu.  Għalhekk, nafu nsiru xhieda siekta ta’ nuqqas kbir ta’ ugwaljanza meta naħsbu li nistgħu niksbu benefiċċji importanti għax inġiegħlu lill-bqija tal-bnedmin, tal-lum u ta’ għada, iħallsu l-prezzijiet wisq għolja tat-taħsir ambjentali.

 

37. Xi pajjiżi għamlu progress fil-konservazzjoni effikaċi ta’ santwarji naturali – fuq l-art u fl-oċeani – fejn hu pprojbit kull intervent uman li jista’ b’xi mod jibdel il-fiżjonomija jew id-dehra oriġinali.  Fil-ħarsien tal-bijodiversità, l-ispeċjalisti jisħqu fuq il-ħtieġa li nuru attenzjoni speċjali liż-żoni l-aktar għonja f’dik li hi varjetà ta’ speċi, ta’ speċi endemiċi, li ftit li xejn issibhom ’l hawn u ’l hinn jew li ma tantx jistgħu jipproteġu ruħhom waħidhom.  Hemm postijiet li jitolbu ħarsien partikulari minħabba fl-importanza enormi tagħhom għall-ekosistema dinjija, jew li huma ħażniet mill-aktar sinifikattivi ta’ ilma u għalhekk fuqhom jiddependu xorta oħra ta’ ħajja.

 

38. Niftakru, ngħidu aħna, f’dawk il-pulmuni tal-pjaneta mogħnija bil-bijodiversità li huma l-Amazonja u l-baċin kollu xmajjar tal-Kongo, jew il-ħażniet tal-ilma u l-glaċieri.  Hi magħrufa sew l-importanza ta’ dawn il-postijiet għad-dinja kollha u għall-futur tal-bnedmin.  L-ekosistemi tal-foresti tropikali għandhom bijodiversità kumplessa ħafna, kważi impossibbli li nsiru nafuha kollha, imma meta dawn il-foresti jinħarqu jew is-siġar tagħhom jinqatgħu biex issir xi kultivazzjoni fihom, fi ftit snin inkunu tlifna għadd bla qies ta’ speċi, jew inkella dawn il-meded ta’ art jinbidlu f’deżert niexef qoxqox.  Mill-banda l-oħra, jeħtieġ jinżamm bilanċ delikat meta wieħed jitkellem dwar dawn il-postijiet, għax lanqas nistgħu ninjoraw l-interessi ekonomiċi internazzjonali enormi li, bil-pretensjoni li qed jieħdu ħsiebhom, ikunu jipperikolaw is-sovranitajiet nazzjonali.  Fil-fatt jeżistu “proposti ta’ internazzjonalizzazzjoni tal-Amazonja, li qed jaqdu biss l-interessi ekonomiċi tal-kumpaniji multinazzjonali”.[24]  Ta’ min ifaħħar l-impenn ta’ entitajiet internazzjonali u ta’ organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili li jaraw kif jissensibilizzaw il-popli biex jikkoperaw b’mod kritiku, anki billi jħaddmu mekkaniżmi leġittimi ta’ pressjoni, biex kull gvern iwettaq id-dmir tiegħu, li ma jistax jiddelega lil ħaddieħor, li jippreserva l-ambjent u r-riżorsi naturali ta’ pajjiżu, mingħajr ma jbigħ lilu nnifsu f’idejn interessi lokali u internazzjonali ambigwi.

 

39. Lanqas is-sostituzzjoni tal-flora naturali tal-post biż-żrigħ ta’ siġar, li ġeneralment huma ta’ tip wieħed, mhi qed tiġi studjata kif imiss.  Fir-realtà dan jista’ jolqot b’mod ħażin ħafna l-bijodiversitajiet li mhux soltu jgħixu mas-speċi ġodda li żergħu.  Anki l-artijiet mistagħdra, li jinbidlu f’art agrikola, jitilfu l-bijodiversità kbira li kien hemm fihom.  L-għajbien ta’ ekosistemi tal-mangrovji minn xi żoni fuq il-kosta hu ta’ tħassib kbir.

 

40. Fl-oċeani mhux biss hemm il-parti l-kbira tal-ilma tal-pjaneta, imma wkoll il-parti l-kbira tal-varjetà vasta ta’ ħlejjaq ħajjin, li ħafna minnhom bilkemm għadna nafu bihom u li huma mhedda minn bosta kawżi.  Min-naħa l-oħra, il-ħajja fix-xmajjar, fl-għadajjar, fl-ibħra u fl-oċeani, li titma’ lil parti kbira mill-popolazzjoni tad-dinja, tidher milquta mis-sajd bla kontroll tar-riżorsi tal-ħut, u dan qed iwassal għal tnaqqis drastiku ta’ xi speċi.  Għadna naraw jiżviluppaw metodi selettivi ta’ sajd li jarmu ħafna mill-ispeċi li jkunu ġabru.  Huma partikularment mhedda organiżmi tal-ilma baħar li m’aħniex nagħtu kashom, bħal ċerti forom ta’ plankton li jsawru komponent importanti ħafna fil-katina tal-ikel fl-ilma baħar, u li minnhom jiddependu għalkollox speċi oħrajn li jservu ta’ ikel għall-bniedem.

 

41. Jekk infittxu nimirħu qalb l-ibħra tropikali u subtropikali, niltaqgħu mas-sikek tal-qroll, li qishom il-foresti kbar ta’ fuq l-art, għax fihom jgħixu xi miljun speċi, fosthom ħut, granċijiet, molluski, sponoż, alka.  Ħafna mis-sikek tal-qroll tad-dinja llum huma sterili jew qegħdin dejjem fit-triq tan-niżla: “Min bidel il-ġmiel ta’ dinja tal-baħar f’ċimiterji ta’ taħt l-ilma mneżżgħa mill-ħajja u mil-lewn sabiħ tagħhom?”.[25]  Dan il-fenomenu hu dovut fil-parti l-kbira tiegħu lit-tinġis li jasal fil-baħar frott tad-deforestazzjoni, tal-monokulturi agrikoli, tal-iskart industrijali u ta’ metodi qerrieda ta’ sajd, speċjalment dawk li jużaw iċ-ċjanur u d-dinamita.  Biex taggrava s-sitwazzjoni, għandna ż-żieda fit-temperatura tal-oċeani.  Dan kollu jgħinna nifhmu kif kull azzjoni fuq in-natura jista’ jkollha konsegwenzi li mal-ewwel daqqa t’għajn ma narawhomx, u li ċerti għamliet ta’ abbuż mir-riżorsi li għandna jsiru għall-prezz qares tat-taħsir li fl-aħħar jasal sa qiegħ l-oċean.

 

42. Hemm bżonn ninvestu ħafna iżjed fir-riċerka, biex nifhmu aħjar l-imġiba tal-ekosistemi u nanalizzaw bir-reqqa u kif jixraq id-diversi fatturi tal-impatt li tħalli kull bidla importanti fl-ambjent.  Billi l-ħlejjaq kollha huma mxierka bejniethom, kull waħda minnhom għandha valur li għandu jiġi rikonoxxut b’rispett u ammirazzjoni, għax aħna, il-ħlejjaq kollha ħajjin, għandna bżonn ta’ xulxin.  Kull territorju għandu responsabbiltà fl-għożża ta’ din il-familja, u għalhekk għandu jinħadem b’reqqa inventarju tal-ispeċi li fiha, fid-dawl ta’ programmi u strateġiji li jistgħu jiġu żviluppati għall-ħarsien tagħha, fejn nieħdu ħsieb b’attenzjoni partikulari l-ispeċi li waslu biex jinqerdu.

 

IV. It-taħsir tal-kwalità tal-ħajja tal-bniedem u dak soċjali

 

43. Jekk inżommu f’moħħna li anki l-bniedem hu ħlejqa ta’ din id-dinja, li għandu dritt jgħix u jkun hieni, u fuq kollox għandu dinjità speċjali, ma nistgħux ma nqisux l-effetti tat-taħsir ambjentali, tal-mudell ta’ żvilupp tal-lum u tal-kultura tal-iskart fuq il-persuni.

 

44. Illum qed naraw, ngħidu aħna, kif bosta bliet qed jikbru b’mod esaġerat u diżordinat hekk li mil-lat ta’ saħħa ma għadekx tista’ tgħix fihom, mhux biss minħabba fit-tinġis li ġej mid-dħaħen tossiċi, imma anki minħabba fil-kaos urban, il-problemi ta’ trasport u t-tinġis viżiv u akustiku.  Ħafna bliet huma strutturi kbar ineffiċjenti li jikkonsmaw bla rażan kemm ilma u enerġija.  Hemm kwartieri li, għalkemm inbnew dan l-aħħar, huma ffullati żżejjed u ma fihom ordni ta’ xejn, mingħajr biżżejjed spazji ta’ ħdura.  Ma jixraqx lill-bnedmin ta’ din il-pjaneta li jgħixu dejjem iżjed mgħaddsa qalb is-siment, l-asfalt, il-ħġieġ u l-metall, imċaħħda mill-kuntatt fiżiku man-natura.

 

45. F’xi postijiet, rurali u urbani, il-privatizzazzjoni tal-ispazji għamlitha iktar diffiċli li ċ-ċittadini jkollhom aċċess għal imkejjen ta’ ġmiel partikulari; fi bnadi oħra nħolqu kwartieri residenzjali “ekoloġiċi” li huma miftuħa biss għall-ftit, li ma jħallux oħrajn jidħlu jiddisturbawlhom it-trankwillità artifiċjali tagħhom.  Spiss issib ruħek f’belt sabiħa u mimlija wesgħat ta’ ħdura naturali miżmuma tajjeb f’żoni li huma “fiż-żgur”, imma mhux l-istess f’żoni iktar moħbija, fejn jgħixu l-imwarrba tas-soċjetà.

 

46. Fost l-aspetti soċjali tal-bidla globali nsibu l-effetti ta’ xi innovazzjonijiet teknoloġiċi fuq l-impjiegi, l-esklużjoni soċjali, in-nuqqas ta’ ugwaljanza fl-użu u l-konsum tal-enerġija u ta’ servizzi oħra, il-frammentazzjoni soċjali, iż-żieda fil-vjolenza u x-xejriet ġodda ta’ aggressività soċjali li qed jgħollu rashom, it-traffikar tad-droga u l-konsum dejjem jikber ta’ drogi fost l-iktar żgħażagħ, u t-telfa tal-identità.  Huma sinjali, fost tant oħrajn, li juru kif it-tkabbir tal-aħħar żewġ sekli ma ġabx fl-aspetti kollha tiegħu progress veru u sħiħ u titjib fil-kwalità tal-ħajja.  Xi wħud minn dawn is-sinjali fl-istess waqt huma sintomu ta’ taħsir soċjali veru, tat-tifrik sieket ta’ dawk ir-rabtiet ta’ integrazzjoni u ta’ għaqda soċjali.

 

47. Ma’ dan inżidu d-dinamika tal-mezzi medjatiċi u tad-dinja diġitali, li, meta jiddeffsu kullimkien, ma jgħinux fl-iżvilupp ta’ dik il-ħila li wieħed jgħix bl-għerf, billi jaħseb fil-fond, u jħobb b’qalb miftuħa.  L-għorrief kbar tal-imgħoddi, b’dan il-kuntest, jirriskjaw li jaraw għerfhom fgat qalb l-istorbju kaotiku tal-informazzjoni.  Dan jitlob minna sforz biex nibdlu dawn il-mezzi fi żvilupp kulturali ġdid għall-bniedem u mhux f’pass lura mill-aqwa għana tiegħu.  L-għerf veru, frott tar-riflessjoni, tad-djalogu u tal-laqgħa ġeneruża bejn il-persuni, ma jinkisibx sempliċement billi wieħed jiġbor ħafna tagħrif, li jispiċċa jsakkrek jew jifxlek, fi speċi ta’ tinġis mentali.  Fl-istess ħin, ir-relazzjonijiet awtentiċi mal-oħrajn, bl-isfidi kollha li jġibu magħhom, hemm it-tendenza li teħdilhom posthom tip ta’ komunikazzjoni medjata mill-internet.  Dan jagħtina li nagħżlu u neliminaw ir-relazzjonijiet skont x’jogħġobna, u hekk spiss jinħoloq tip ġdid ta’ emozzjonijiet artifiċjali, li iktar għandhom x’jaqsmu ma’ magni u skrins milli mal-persuni u n-natura.  Il-mezzi li għandna llum f’idejna jippermettulna nikkomunikaw ma’ xulxin u naqsmu flimkien il-ħbiberija u r-rispett ta’ bejnietna.  Madankollu, xi kultant huma wkoll li jżommuna milli nfittxu l-kuntatt dirett mal-uġigħ, mal-biża’, mal-ferħ tal-persuna l-oħra u mal-kumplessità tal-esperjenza personali tagħha.  Għalhekk ma nistagħġbux bil-fatt li, flimkien mal-offerta b’saħħitha ta’ dawn il-prodotti, qed jiżdied ukoll nuqqas ta’ sodisfazzjon, qawwi u melankoniku, fir-relazzjonijiet bejn il-persuni, jew iżolament li ma jġibx ħlief ħsara.

 

V. Nuqqas ta’ ugwaljanza globali

 

48. L-ambjent uman u l-ambjent naturali t-tnejn sejrin lura flimkien, u ma nistgħux naffrontaw tajjeb it-taħsir ambjentali, jekk ma nagħtux kas tal-kawżi li ġejjn mit-taħsir uman u soċjali.  Fil-fatt, it-tifrik tal-ambjent u dak tas-soċjetà jolqtu b’mod speċjali lid-dgħajfa ta’ din il-pjaneta: “Kemm l-esperjenza komuni tal-ħajja ordinarja u kemm ir-riċerka xjentifika juru li l-agħar effetti tal-vjolenza kollha li ssir fuq l-ambjent iġarrbuhom l-aktar nies foqra”.[26]  Ngħidu aħna, jekk jispiċċaw ir-riżervi tal-ħut, l-aktar li jbatu huma dawk li jgħixu mis-sajd artiġjanali u ma jafux x’jistgħu jagħmlu minflok; it-tinġis tal-ilma jolqot l-iżjed lil dawk li huma l-aktar foqra, li ma għandhomx biex jixtru flixkun ilma; u meta jogħla l-livell tal-baħar dan jolqot l-ewwel lin-nies foqra li jgħixu fuq il-kosta, li m’għandhomx fejn imorru.  L-impatt tan-nuqqas ta’ bilanċ li qed naraw illum jidher ukoll fil-mewt bikrija ta’ ħafna foqra, fil-kunflitti li jibdew min-nuqqas ta’ riżorsi, u f’tant problemi oħra li qatt ma jsibu wisa’ biżżejjed għalihom fuq l-aġendi tad-dinja.[27]

 

49. Nixtieq nosserva li spiss m’aħniex biżżejjed konxji mill-problemi li jolqtu b’mod partikulari lil dawk li s-soċjetà twarrab.  Huma l-parti l-kbira tal-pjaneta, biljuni ta’ persuni.  Illum jissemmew fid-dibattiti politiċi u ekonomiċi internazzjonali, imma mill-bqija jidher li l-problemi tagħhom qishom bħal appendiċi, qisha xi kwistjoni li donnok ikollok iżżidha kważi b’obbligu fit-tarf nett, jekk ma jqisuhiex ukoll bħala sempliċi ħsara kollaterali.  Fil-fatt, meta mbagħad wieħed jiġi biex iwettaq b’mod konkret, dawn spiss jibqgħu fl-aħħar post fuq il-listaMill-banda l-oħra, dan nafuh lill-fatt li ħafna professjonisti, opinjonisti, mezzi ta’ komunikazzjoni u ċentri ta’ poter qegħdin imbiegħda minnhom, f’postijiet urbani iżolati, bla ebda kuntatt dirett mal-problemi tagħhom.  Jgħixu u jirriflettu mill-kumdità ta’ żvilupp u ta’ kwalità ta’ ħajja li m’għandhom xejn x’jaqsmu ma’ kif tgħix il-parti l-kbira tal-popolazzjoni tad-dinja.  Dan in-nuqqas ta’ kuntatt fiżiku u ta’ laqgħa, kultant sforz anki tal-frammentazzjoni tal-bliet tagħna, iwassalna biex insikktu l-kuxjenza u ninjoraw parti mir-realtà billi nagħmlu analiżi parzjali.  Dan xi kultant jgħaddiha tajjeb ma’ tip ta’ retorika “ħadra”.  Imma llum ma nistgħux ma nagħrfux li attitudni tassew ekoloġika trid dejjem issir iżjed attitudni soċjali, li għandha ddaħħal id-diskors dwar il-ġustizzja fid-diskussjonijiet dwar l-ambjent, biex nistgħu nagħtu widen kemm għall-karba tal-art u kemm għall-karba tal-foqra.

 

50. Flok isolvu l-problemi tal-foqra u jaħsbu f’dinja differenti, xi wħud jillimitaw ruħhom għall-proposta ta’ tnaqqis fir-rata tat-twelid.  Ma jonqsux pressjonijiet internazzjonali fuq il-pajjiżi li għadhom qed jiżviluppaw li jikkundizzjonaw l-għajnuniet ekonomiċi skont politika partikulari ta’ “saħħa riproduttiva”.  Imma, “jekk hu minnu li n-nuqqas ta’ ugwaljanza fit-tqassim tal-popolazzjoni u tar-riżorsi disponibbli hu ta’ xkiel għall-iżvilupp u għal użu sostenibbli tal-ambjent, għandna nifhmu li t-tkabbir demografiku hu għalkollox kompatibbli mal-iżvilupp integrali u solidali”.[28]  Li nwaħħlu fiż-żieda demografika u mhux fil-konsumiżmu estrem u selettiv ta’ xi wħud, hu mod kif naħarbu milli naffrontaw il-problemi.  Hekk nippretendu li nilleġittimizzaw il-mudell distributtiv li għandna llum, fejn hemm minoranza li temmen li għandha dritt tikkonsma fi proporzjon li qatt ma jista’ jiġi applikat fuq livell universali, għax il-pjaneta bilkemm iż-żibel ta’ konsum bħal dan ma tkun kapaċi żżomm.  Iktar minn hekk, nafu li qed jinħela bejn wieħed u ieħor terz tal-ikel prodott, u “l-ikel li tarmi qisek qed tisirqu minn fuq il-mejda tal-fqir”.[29]  Hu x’inhu, żgur li hemm bżonn nagħtu iktar attenzjoni lill-iżbilanċ fit-tqassim tal-popolazzjoni fuq territorju wieħed, kemm fuq livell nazzjonali u kemm fuq livell globali, għax iż-żieda fil-konsum taf twassal għal sitwazzjonijiet reġjonali kumplessi, bit-tlaqqigħ flimkien ta’ problemi marbuta mat-tinġis ambjentali, il-mezzi ta’ trasport, it-trattament tal-iskart, il-qerda ta’ riżorsi, u l-kwalità tal-ħajja.

 

51. In-nuqqas ta’ ugwaljanza mhux biss jolqot lill-individwi, imma pajjiżi sħaħ, u jobbligana naħsbu f’etika tar-relazzjonijiet internazzjonali.  Fil-fatt tabilħaqq jeżisti “dejn ekoloġiku”, fuq kollox bejn it-Tramuntana u n-Nofsinhar, marbut ma’ żbilanċi kummerċjali b’konsegwenzi fil-qasam ekoloġiku, kif ukoll mal-użu sproporzjonat tar-riżorsi naturali storikament imwettaq minn xi pajjiżi.  L-esportazzjoni ta’ xi materja prima biex tissodisfa s-swieq tat-Tramuntana industrijalizzata ġabet ħsarat lokali, bħat-tinġis bil-merkurju fil-minjieri tad-deheb jew bid-dijossidu tal-kubrit f’dawk tar-ram.  B’mod partikulari wieħed irid iqis l-użu ta’ spazju ambjentali tal-pjaneta kollha biex fih jiġu ddepożitati residwi ta’ gassijiet li dejjem komplew jiżdiedu matul dawn iż-żewġ sekli u ħolqu sitwazzjoni li issa qed tolqot lill-pajjiżi kollha tad-dinja.  It-tisħin ikkawżat mill-konsum enormi ta’ xi pajjiżi għonja għandu riperkussjonijiet fl-ifqar postijiet ta’ din l-art, speċjalment fl-Afrika, fejn iż-żieda fit-temperatura flimkien man-nixfa għandha effetti diżastrużi fuq ix-xogħol fl-għelieqi.  Ma’ dan inżidu l-ħsarat ikkawżati mill-esportazzjoni lejn pajjiżi li qed jiżviluppaw ta’ residwi solidi u likwidi tossiċi u mill-attività li tniġġes ta’ intrapriżi li jagħmlu f’pajjiżi inqas żviluppati dak li ma jistgħux jagħmlu fil-pajjiżi fejn ikabbru l-kapital tagħhom: “Spiss qed naraw li l-intrapriżi li jaħdmu b’dan il-mod huma multinazzjonali, li jiġu jagħmlu hawn dak li mhuwiex permess fil-pajjiżi żviluppati jew tal-hekk imsejħa l-ewwel dinja.  Ġeneralment, meta jwaqqfu l-attività tagħhom u jitilqu, iħallu warajhom ħsarat kbar umani u ambjentali, bħal qgħad, irħula bla ħajja, il-qerda ta’ ċerti ħażniet naturali, deforestazzjoni, tifqir fil-biedja u fil-merħliet tal-post, ħofor kbar, għoljiet imħarbta, xmajjar imniġġsa u xi opra soċjali li ma tiflaħx tieqaf iktar fuq riġlejha”.[30]

 

52. Id-dejn barrani tal-pajjiżi foqra nbidel f’għodda ta’ kontroll, imma mhux l-istess ġara bid-dejn ekoloġiku.  B’diversi modi, il-popli li għadhom qed jiżviluppaw, fejn jinstabu l-iżjed ħażniet importanti tal-bijosfera, għadhom jipprovdu kulma hemm bżonn għall-iżvilupp tal-aktar pajjiżi għonja, bi prezz qares għall-preżent u l-futur tagħhom.  Art il-foqra tan-Nofsinhar hi għanja u ftit li xejn imniġġsa, imma l-aċċess għall-propjetà tal-ġid u tar-riżorsi biex jissodisfaw il-ħtiġijiet tagħhom biex jgħixu hu mċaħħad lilhom minn sistemi ta’ relazzjonijiet kummerċjali u ta’ propjetà strutturalment perversa.  Hemm bżonn li l-pajjiżi żviluppati jagħtu sehemhom biex jifdu dan id-dejn billi jillimitaw b’mod importanti l-konsum tal-enerġija mhix rinnovabbli, u jipprovdu riżorsi lill-pajjiżi l-aktar fil-bżonn biex jippromovu politika u programmi ta’ żvilupp sostenibbli.  Ir-reġjuni u l-pajjiżi l-aktar foqra għandhom inqas possibbiltajiet li jadottaw mudelli ġodda li jgħinuhom inaqqsu l-impatt ambjentali, għax m’għandhomx dik il-preparazzjoni meħtieġa biex jiżviluppaw il-proċessi li hemm bżonn u lanqas għandhom biex iħallsuhom.  Għalhekk, jeħtieġ inżommu ċar quddiem għajnejna li fil-bidla tal-klima hemm responsabbiltajiet diversifikati u, kif qalulna l-Isqfijiet tal-Istati Uniti, hu opportun li nfittxu “speċjalment il-ħtiġijiet tal-foqra, id-dgħajfa u l-vulnerabbli, f’dibattitu spiss iddominat mill-interessi l-aktar b’saħħithom”.[31]  Hemm bżonn insaħħu fina l-għarfien li aħna familja waħda ta’ bnedmin.  M’hemmx fruntieri u ħitan politiċi jew soċjali li jippermettulna niżolaw ruħna, u għalhekk ukoll m’hemmx lok għall-globalizzazzjoni tal-indifferenza.

 

VI. Id-dgħajfien tar-reazzjonijiet

 

53. Dawn is-sitwazzjonijiet iqanqlu l-uġigħ tal-ħlas ta’ oħtna l-art, li jingħaqad ma’ dak tal-imwarrbin tad-dinja, f’karba li qed titlob minna naqbdu rotta oħra.  Qatt ma ttrattajna daqshekk ħażin u offendejna d-dar komuni tagħna daqs dawn l-aħħar żewġ sekli.  Min-naħa l-oħra, aħna msejħin insiru għodda ta’ Alla l-Missier biex il-pjaneta tagħna tkun dik li Hu ħolom meta ħalaqha u twieġeb għall-pjan tiegħu ta’ paċi, ġmiel u sħuħija.  Il-problema hi li għadna ma sibniex il-kultura t-tajba biex naffrontaw din il-kriżi u hemm bżonn li nibnu tmexxija li turina t-triq, tfittex li twieġeb għall-ħtiġijiet tal-ġenerazzjonijiet tal-lum waqt li tinkludi lil kulħadd, bla ma tpoġġi f’riskju lill-ġenerazzjonijiet ġejjiena.  Hemm bżonn li llum qabel għada noħolqu sistema normattiva li tinkludi limiti invjolabbli u tiżgura l-ħarsien tal-ekosistemi, qabel ma x-xejriet ġodda ta’ poter li nibtu mill-paradigma tekno-ekonomika jispiċċaw jeqirdu mhux biss il-politika imma wkoll il-libertà u l-ġustizzja.

 

54. Ta’ min josserva kemm hi dgħajfa r-reazzjoni politika internazzjonali.  Il-laqgħat dinjija dwar l-ambjent juru kemm il-politika spiċċat tbaxxi rasha għat-teknoloġija u s-sistema finanzjarja.  Hemm wisq interessi partikulari, u faċli ħafna li l-interess ekonomiku jispikka iżjed mill-ġid komuni u jimmanipula l-informazzjoni biex ma jarax il-proġetti tiegħu milquta ħażin.  F’din il-linja d-Dokument ta’ Aparecida jitlob li “fl-interventi dwar ir-riżorsi naturali ma jirbħux l-interessi tal-gruppi ekonomiċi li jeqirdu bla raġuni ta’ xejn l-għejun tal-ħajja”.[32]  Il-patt bejn ekonomija u teknoloġija jispiċċa jqaċċat barra dak kollu li ma jagħmilx parti mill-interessi immedjati tagħhom.  Hekk minn dawn wieħed jista’ jistenna biss xi stqarrijiet superfiċjali, azzjonijiet filantropiċi iżolati, u anki sforzi biex juru sensibbiltà lejn l-ambjent, meta fir-realtà kull tentattiv tal-organizzazzjonijiet soċjali biex jibdlu l-affarijiet jidher bħala disturb ipprovokat minn ħalliema romantiċi jew bħala xkiel li għandu jinħarab.

 

55. Ftit ftit xi pajjiżi jafu qed juru progress importanti, l-iżvilupp ta’ kontrolli iżjed effiċjenti u ġlieda iżjed sinċiera kontra l-korruzzjoni.  Kotrot is-sensibbiltà ekoloġika tal-popli, anki jekk din mhix biżżejjed biex nibdlu d-drawwiet qerrieda ta’ konsum, li ma jidhrux li qed jonqsu, anzi iktar qed jiżdiedu u jikbru.  Dan hu li jiġri, biex nagħtu biss eżempju wieħed, biż-żieda dejjem tikber tal-użu u l-intensità tal-kundizzjonaturi tal-arja: is-swieq, fit-tiftixa tagħhom għal profitt immedjat, jistimulaw dejjem iżjed id-domanda.  Li wieħed kellu josserva s-soċjetà dinjija minn barra, jistagħġeb quddiem imġiba simili li kultant tidher suwiċida.

 

56. Fl-istess waqt, il-qawwiet ekonomiċi jissoktaw jiġġustifikaw is-sistema dinjija tal-lum, fejn fuq quddiem hemm l-ispekulazzjoni u t-tiftix ta’ dħul finanzjarju li tendenzjalment jinjoraw kull kuntest u l-effetti li dan kollu jista’ jħalli fuq id-dinjità umana u fuq l-ambjent.  Hekk jidher kif it-taħsir ambjentali u t-taħsir uman u etiku huma marbuta sew ma’ xulxin.  Għal dan ħafna jistgħu jwieġbu li ma humiex konxji li qed iwettqu għemejjel immorali, għax id-distrazzjoni kostanti tneħħilna l-kuraġġ li nintebħu bir-realtà ta’ dinja limitata u li għandha tmiem.  Għalhekk illum “kull ħaġa li hi dgħajfa, bħall-ambjent, tispiċċa m’għandhiex min jiddefendiha kontra l-interessi tasuq li nagħmluh alla tagħna, liema interessi jsiru huma r-regola assoluta”.[33]

 

57. Hu prevedibbli li, quddiem it-tixjin ta’ xi riżorsi, jinħoloq xenarju favorevoli għal gwerer ġodda, mistura taħt maskri ta’ pretensjonijiet nobbli li wieħed jikseb dak li kien tiegħu bi dritt.  Il-gwerra dejjem iġġib ħsarat kbar fuq l-ambjent u l-għana kulturali tal-popli, u r-riskji jsiru enormi meta wieħed jaħseb fl-armi nukleari u dawk bijoloġiċi.  Fil-fatt, “minkejja li l-ftehim internazzjonali jipprojbixxi l-gwerra kimika, batterjoloġika u bijoloġika, hu fatt li fil-laboratorji qed tkompli r-riċerka għall-iżvilupp ta’ armamenti offensivi ġodda, li kapaċi jaqilbu l-bilanċ naturali ta’ kollox”.[34]  Il-politika hi mitluba toqgħod iżjed attenta biex tippreveni u ssolvi l-kawżi li jistgħu jagħtu bidu għal kunflitti ġodda.  Imma l-poter marbut mal-kummerċ hu dak li l-aktar jirreżisti dan l-isforz, u l-pjanijiet politiċi spiss m’għandhomx viżjoni wiesgħa biżżejjed.  Għaliex illum il-ġurnata għad hemm min irid jibqa’ mkaħħal ma’ poter li sa jibqa’ mfakkar għal kemm ma kienx kapaċi jindaħal meta kien tant urġenti u meħtieġ li jagħmel dan?

 

58. F’xi pajjiżi naraw eżempji pożittivi ta’ riżultati għat-titjib tal-ambjent, bħat-tindif ta’ xi xmajjar li kienu ilhom imniġġsa għal ħafna għaxriet ta’ snin, it-tiġdid ta’ boskijiet indiġeni, jew it-tisbiħ ta’ pajsaġġi ambjentali, jew proġetti ta’ bini ta’ valur estetiku għoli, il-progress fil-produzzjoni tal-enerġija li ma tniġġisx, u t-titjib tat-trasport pubbliku.  Dawn l-azzjonijiet ma jsolvux il-problemi globali, imma jikkonfermaw li l-bniedem għadu kapaċi jintervieni b’mod pożittiv.  Maħluq biex iħobb, qalb il-limiti tiegħu bla dubju hemm miżrugħa ġesti ta’ ġenerożità, solidarjetà u għożża.

 

59. Fl-istess ħin, qed toktor ekoloġija superfiċjali jew tal-isem fejn wieħed jibqa’ jdaħħal rasu fir-ramel u jaħseb li kollox miexi sew jew jaġixxi b’mod irresponsabbli.  Kif spiss jiġri fi żminijiet ta’ kriżi profonda, li jitolbu deċiżjonijiet qalbiena, aħna ttentati naħsbu li m’hemm ebda ċertezza f’dak li qed iseħħ.  Hekk inħarsu lejn l-affarijiet b’mod superfiċjali, fejn lil hemm minn xi sinjali viżibbli ta’ tinġis u taħsir, donnu li l-affarijiet mhumiex daqshekk gravi daqskemm qed jingħad, u l-pjaneta taf tibqa’ għal ħafna żmien fil-qagħda attwali tagħha.  Din l-imġiba hi ħarba mir-realtà, u tinżlilna għasel biex nistgħu nżommu l-istili ta’ ħajja, ta’ produzzjoni u ta’ konsum li qbadna.  Hu l-mod kif il-bniedem jadatta biex jibqa’ jagħti lok għall-vizzji li jeqirduh: jipprova ma jħarisx lejhom, jissielet biex ma jagħrafhomx, jipposponi d-deċiżjonijiet importanti, u jibqa’ għaddej qisu qatt ma kien xejn.

 

VII.  Firxa wiesgħa ta’ fehmiet

 

60. Fl-aħħar nett, nafu li żviluppaw bosta viżjonijiet u linji ta’ ħsieb dwar din is-sitwazzjoni u dwar is-soluzzjonijiet possibbli.  Fuq naħa, hemm min, hu x’inhu l-prezz mitlub, jibqa’ jisħaq fuq il-mit tal-progress u jafferma li l-problemi ekoloġiċi jistgħu jinħallu sempliċement b’applikazzjonijiet tekniċi oħra, bla ma jqis ebda aspett etiku jew jikkunsidra bidla mill-qiegħ.  Fuq l-estrem l-ieħor, hemm oħrajn li jżommu li l-ispeċi umana, b’kull intervent tagħha, tista’ tkun biss ta’ theddida li tikkomprometti l-ekosistema dinjija, u għalhekk hemm bżonn innaqqsu kemm nistgħu l-preżenza tagħha fuq il-pjaneta u bl-ebda mod ma nħalluha tindaħal.  Bejn dawn l-estremi, ir-riflessjoni tagħna għandha tidentifika xenarji possibbli għall-ġejjieni, għax m’hemmx triq waħda għal soluzzjoni.  Dan jagħti lok għal firxa wiesgħa ta’ kontributi li jistgħu jidħlu fi djalogu bejniethom biex fl-aħħar mill-aħħar jingħataw tweġibiet sħaħ.

 

61. Dwar ħafna kwistjonijiet konkreti l-Knisja m’għandha l-ebda ħsieb li tkun hi li tipproponi l-aħħar kelma, u tifhem li għandha tisma’ u tippromovi d-dibattitu onest bejn ix-xjenzati, hi u tirrispetta l-firxa wiesgħa ta’ fehmiet differenti.  Imma biżżejjed li tħares lejn ir-realtà b’sinċerità biex tara li d-dar komuni tagħna marret ħafna lura.  It-tama tistedinna nagħrfu li dejjem hemm triq ’il quddiem, li dejjem nistgħu naqilbu r-rotta, li dejjem nistgħu nagħmlu xi ħaġa biex insewwu l-problemi.  Madankollu, donna qed inħabbtu wiċċna ma’ sintomi ta’ mument kritiku, minħabba fil-mod mgħaġġel kif l-affarijiet qed jinbidlu u jmorru għall-agħar, u dan qed jidher kemm f’katastrofi naturali reġjonali u kemm fi kriżijiet soċjali jew anki finanzjarji, ladarba l-problemi tad-dinja ma tistax tanalizzahom u lanqas tfissirhom b’mod iżolat.  Hemm reġjuni li diġà huma partikularment f’riskju u, lil hemm minn kull previżjoni katastrofika, hi ħaġa ċerta li s-sistema dinjija tal-lum hi insostenibbli minn bosta aspetti tagħha, għax waqafna naħsbu fuq dak li lejh għandu jimmira l-bniedem: “Jekk nifirxu ħarsitna fuq ir-reġjuni tal-pjaneta tagħna, dlonk nintebħu li l-bniedem naqas milli jaqta’ xewqet Alla”.[35]


 

It-Tieni Kapitlu

L-EVANĠELJU TAL-ĦOLQIEN

 

62. Għaliex għandu jidħol f’dan id-dokument, indirizzat lill-persuni kollha ta’ rieda tajba, kapitlu dwar il-konvinzjoni li tiġi mill-fidi?  Naf li, fil-qasam tal-politika u tal-ħsieb, hemm min jirrifjuta bil-qawwa l-idea ta’ Ħallieq, jew iqisha irrilevanti, sal-punt li jqis bħala irrazzjonali l-għana li r-reliġjonijiet jistgħu joffru lil ekoloġija integrali u lill-iżvilupp sħiħ tal-ġeneru uman.  Drabi oħra, wieħed jifhem li dawn ir-reliġjonijiet huma sottokultura li għandha tiġi sempliċement ittollerata.  Madankollu, ix-xjenza u r-reliġjon, li jagħtuna toroq differenti għall-istess realtà, jistgħu jidħlu fi djalogu qawwi u produttiv għat-tnejn li huma.

 

I.  Id-dawl li toffri l-fidi

 

63. Jekk inżommu f’moħħna kemm hi kumplessa l-kriżi ekoloġika u l-għadd ta’ kawżi tagħha, irridu nifhmu li s-soluzzjonijiet ma jistgħux jiġu minn mod wieħed ta’ interpretazzjoni u trasformazzjoni tar-realtà.  Hemm bżonn nirrikorru wkoll għall-għana kbir kulturali tal-ġnus, għall-arti u għall-poeżija, għall-ħajja interjuri u għall-ispiritwalità.  Jekk irridu tabilħaqq nibnu ekoloġija li tagħtina li nsewwu dak kollu li qridna, mela l-ebda fergħa tax-xjenza u l-ebda xejra ta’ għerf ma nistgħu nwarrbuha għall-ġenb, lanqas dik reliġjuża bil-lingwaġġ li hu tagħha.  Fuq kollox, il-Knisja Kattolika hi miftuħa għad-djalogu mal-ħsieb filosofiku, u b’hekk hi tista’ tasal għal iktar minn sintesi waħda bejn fidi u raġuni.  F’dawk li huma kwistjonijiet soċjali, dan nistgħu narawh fl-iżvilupp tad-duttrina soċjali tal-Knisja, imsejħa biex tistagħna dejjem iżjed quddiem l-isfidi ġodda.

 

64. Min-naħa l-oħra, anki jekk din l-Enċiklika hi miftuħa għal djalogu ma’ kulħadd biex flimkien infittxu mixjiet li jistgħu jeħilsuna, nixtieq nuri sa mill-bidu kif il-konvinzjonijiet tal-fidi joffru lill-Insara, u f’ċertu sens anki lil nies ta’ twemmin ieħor, motivazzjonijiet għoljin biex jieħdu ħsieb tan-natura u tal-aħwa l-iktar dgħajfa.  Jekk l-iċken fatt li aħna bnedmin iċaqlaq lill-persuni biex jieħdu ħsieb tal-ambjent li minnu jagħmlu parti, “l-Insara, b’mod partikulari, iħossu li l-missjoni tagħhom fi ħdan il-ħolqien, id-dmirijiet tagħhom fil-konfront tan-natura u tal-Ħallieq jagħmlu parti mill-fidi tagħhom”.[36]  Għalhekk, hi ħaġa tajba għall-bnedmin u għad-dinja li aħna li nemmnu, nagħrfu aħjar l-impenn ekoloġiku li jnixxi sewwa sew mill-konvinzjonijiet tagħna.

 

II.  L-għerf tar-rakkonti Bibliċi

 

65. Mingħajr ma noqogħdu hawn nipproponu mill-ġdid it-teoloġija kollha tal-Ħolqien, nistaqsu ftit lilna nfusna x’jgħidulna r-rakkonti kbar tal-Bibbja fuq ir-relazzjoni bejn il-bniedem u d-dinja.  Fl-ewwel rakkont tal-opra tal-ħolqien fil-ktieb tal-Ġenesi, il-pjan ta’ Alla jinkludi l-ħolqien tal-bniedem.  Wara l-ħolqien tar-raġel u l-mara, naqraw li “ħares Alla lejn kulma kien għamel, u, ara, kollox kien tajjeb ħafna” (Ġen 1:31).  Il-Bibbja tgħallem li kull bniedem hu maħluq frott l-imħabba, imfassal fuq is-sura u x-xbieha ta’ Alla (ara Ġen 1:26).  Din l-istqarrija turina d-dinjità hekk għolja ta’ kull bniedem, li “mhuwiex biss xi ħaġa, imma xi ħadd.  Għandu l-ħila li jkun jaf, li jkollu xi ħaġa tiegħu, li jingħata minn rajh b’mod ħieles, u jkun f’xirka ma’ persuni oħra”.[37]  San Ġwanni Pawlu II fakkarna kif l-imħabba għalkollox speċjali li l-Ħallieq għandu għal kull bniedem “iżżejnu b’dinjità bla tarf”.[38]  Dawk li jimpenjaw ruħhom fil-ħarsien tad-dinjità tal-persuni jistgħu jsibu fil-fidi Nisranija l-aqwa raġunijiet għal dan l-impenn tagħhom.  X’ċertezza meraviljuża dik li nafu li l-ħajja ta’ kull persuna mhix mitlufa f’kaos ta’ disprament, f’dinja mmexxija mill-każwalità pura jew minn ċikli li jtennu ruħhom bla ebda sens ta’ xejn!  Il-Ħallieq jista’ jgħid lil kull wieħed minna: “Qabel ma sawwartek fil-ġuf, għaraftek” (Ġer 1:5).  Ġejna mnissla fil-qalb ta’ Alla u għalhekk “kull wieħed u waħda minna hu r-riżultat ta’ ħsieb ta’ Alla.  Kull wieħed u waħda minna hu mixtieq, kull wieħed u waħda minna hu maħbub, kull wieħed u waħda minna hu bżonnjuż”.[39]

 

66. Fil-lingwaġġ simboliku u narrattiv tagħhom, ir-rakkonti tal-ħolqien fil-ktieb tal-Ġenesi jiġbru fihom tagħlim mill-aktar profond fuq l-eżistenza umana u r-realtà storika tagħha.  Dawn ir-rakkonti jissuġġerixxu li l-ħajja tal-bniedem tissejjes fuq tliet relazzjonijiet fundamentali u marbuta sfiq ma’ xulxin: ir-relazzjoni ma’ Alla, dik mal-proxxmu u dik mal-art.  Skont il-Bibbja, dawn it-tliet relazzjonijiet vitali sfaw imfarrka, mhux biss barra minna, imma anki ġo fina.  Dan it-tifrik hu d-dnub.  L-armonija bejn il-Ħallieq, il-bniedem u l-ħolqien kollu sfat meqruda meta aħna ppretendejna li stajna nieħdu post Alla, u ma ridniex nagħrfu li aħna ħlejjaq limitati.  Dan il-fatt benġel ukoll in-natura tal-mandat li naħkmu l-art (ara Ġen 1:28) u naħdmuha u nħarsuha (ara Ġen 2:15).  Bħala riżultat, ir-relazzjoni li fil-bidu kienet armonija bejn il-bniedem u n-natura nbidlet f’kunflitt (ara Ġen 3:17-19).  Għalhekk għandha tifsira hekk għolja l-interpretazzjoni li l-armonija li San Franġisk ta’ Assisi kien jgħix mal-ħlejjaq kollha hi fejqan minn dan it-tifrik.  San Bonaventura jgħid li permezz tar-rikonċiljazzjoni universali mal-ħlejjaq kollha, b’xi mod Franġisku reġa’ lura għall-istat ta’ innoċenza tal-bidu.[40]  ’Il bogħod sew minn dak il-mudell, illum id-dnub jidher bil-qawwa qerrieda kollha tiegħu fil-gwerer, fid-diversi xejriet ta’ vjolenza u deni, fit-tkasbir tal-iżjed dgħajfa, fl-attakki kontra n-natura.

 

67. Aħna m’aħniex Alla.  L-art ġiet qabilna u ngħatat lilna.  B’dan nistgħu nwieġbu għall-akkuża kontra l-ħsieb Ġudeo-Kristjan: intqal li, l-istess rakkont tal-Ġenesi li jistieden għall-ħakma tal-art (ara Ġen 1:28), qed jiffavorixxi l-isfruttament selvaġġ tan-natura billi jippreżenta xbieha tal-bniedem bħala ħakkiem u qerried.  Din mhix interpretazzjoni korretta tal-Bibbja kif tifhimha l-Knisja.  Imqar jekk hu minnu li xi drabi l-Insara fehmu l-Iskrittura b’mod ħażin, illum għandna nirrifjutaw bil-qawwa li mill-fatt li ġejna maħluqa xbieha ta’ Alla u mill-mandat biex naħkmu l-art nistgħu noħorġu xi ħakma assoluta fuq il-ħlejjaq l-oħra.  Importanti naqraw it-testi Bibliċi fil-kuntest tagħhom, bl-ermenewtika t-tajba, u niftakru li huma jistednuna “naħdmu u nħarsu” il-ġnien tad-dinja (ara Ġen 2:15).  Waqt li “naħdmu” ifisser taħrat jew taħdem ir-raba’, “inħarsu” ifisser nipproteġu, nindokraw, nieħdu ħsieb, nippreservaw, nikkonservaw, ngħassu.  Dan jimplika relazzjoni ta’ reċiproċità responsabbli bejn il-bniedem u n-natura.  Kull komunità tista’ tieħu mill-ġid bnin tal-art dak li għandha bżonn biex tgħix, imma għandha wkoll id-dmir li tieħu ħsiebha u tiggarantixxi li tkompli tagħmel il-frott għall-ġenerazzjonijiet li ġejjin.  Żgur mhux forsi li “tal-Mulej hi l-art” (Salm 24:1), tiegħu hi “l-art u kulma fiha” (Dewt 10:14).  Għalhekk Alla ma jaċċetta l-ebda pretensjoni ta’ xi propjetà assoluta: “L-art, imbagħad, ma għandhiex tinbiegħ għal dejjem, għax l-art hi tiegħi, u intom qiskom frustieri li qegħdin miegħi” (Lev 25:23).

 

68. Din ir-responsabbiltà quddiem dinja li hi ta’ Alla, timplika li l-bniedem, mogħni bl-intelliġenza, jirrispetta l-liġijiet tan-natura u l-bilanċi delikati bejn il-ħlejjaq ta’ din id-dinja, għax “għax hu kkmanda, u huma nħolqu; hu waqqafhom għal dejjem ta’ dejjem; tahom ordni li qatt ma tgħaddi” (Salm 148:5b-6).  Minn hawn joħroġ il-fatt li l-liġi Biblika tfittex tipproponi lill-bniedem diversi normi, mhux biss f’relazzjoni mal-bnedmin l-oħra, imma wkoll f’relazzjoni mal-ħlejjaq l-oħra ħajjin: “Jekk int tara l-ħmara ta’ ħuk, jew il-baqra tiegħu mixħuta fl-art fit-triq, tagħmilx tabirruħek ma rajthomx […].  Jekk tiltaqa’ fit-triq ma’ bejta għasafar, f’xi siġra jew fl-art, bil-frieħ jew bil-bajd, bl-omm fuq il-frieħ jew fuq il-bajd, ma għandekx tieħu l-omm u l-frieħ” (Dewt 22:4,6).  F’din il-linja, il-mistrieħ fis-seba’ jum mhuwiex biss għall-bniedem, imma anki “biex jistrieħu l-gendus u l-ħmar tiegħek” (Eż 23:12).  Hekk nintebħu li l-Bibbja ma tagħtix lok għal antropoċentriżmu despotiku li ma jinteressahx mill-ħlejjaq l-oħra.

 

69. Waqt li nistgħu nagħmlu użu responsabbli mill-ħwejjeġ, aħna msejħin nagħrfu li l-ħlejjaq l-oħra ħajjin għandhom il-valur tagħhom quddiem Alla u “bil-ħajja sempliċi tagħhom huma jbierku u jfaħħru u jgħollu l-Mulej”,[41] għax il-Mulej jifraħ bl-għemejjel ta’ jdejh (ara Salm 104:31).  Sewwa sew minħabba fid-dinjità unika tiegħu u għax hu mogħni bl-intelliġenza, il-bniedem hu msejjaħ jirrispetta l-ħolqien bil-liġijiet ġewwiena tiegħu, għax “bl-għerf il-Mulej waqqaf l-art” (Prov 3:19).  Illum il-Knisja ma tgħidx b’mod sempliċistiku li l-ħlejjaq l-oħra huma f’kollox subordinati għall-ġid tal-bniedem, bħallikieu ma kellhomx valur fihom infushom u aħna stajna nagħmlu użu minnhom kif jidhrilna.  Hekk l-Isqfijiet tal-Ġermanja jfissrulna kif għall-ħlejjaq l-oħra “nistgħu nitkellmu dwar il-prijorità ta’ dak li huma qabel dik ta’ għalxiex iservu”.[42]  Il-Katekiżmu b’mod ħafna dirett u insistenti jikkritika dak li nistgħu nsejħulu antropoċentriżmu żbaljat: “Kull ħlejqa għandha t-tjieba u l-perfezzjoni propja tagħha […].  Il-ħlejjaq kollha ta’ kull xorta li Alla riedhom skont is-sura propja tagħhom, jirriflettu, kull waħda skont il-manjiera tagħha, raġġ tal-għerf u t-tjieba bla qies ta’ Alla.  Hu għalhekk li l-bniedem hu fid-dmir li jirrispetta t-tjieba propja ta’ kull ħaġa maħluqa, biex jevita li juża b’mod diżordinat il-ħlejjaq”.[43]

 

70. Fir-rakkont ta’ Kajjin u Abel, naraw kif l-għira wasslet lil Kajjin biex iwettaq l-agħar inġustizzja kontra ħuh.  Dan wassal biex iġġarrfet ir-relazzjoni bejn Kajjin u Alla u bejn Kajjin u l-art, li minnha ġie eżiljat.  Dan il-passaġġ hu miġbur fil-qosor fil-kollokju drammatiku bejn Alla u Kajjin.  Alla jistaqsih: “Fejn hu ħuk Abel?”.  Kajjin iwieġeb li ma jafx u Alla jinsisti: “X’għamilt?  Leħen id-demm ta’ ħuk qiegħed jgħajjatli mill-art!  U issa misħut int minn [din] l-art” (Ġen 4:9-11).  Meta nwarrab fil-ġenb l-impenn li ngħożż u nżomm relazzjoni tajba mal-proxxmu, li għandi dmir li nieħu ħsiebu u nħarsu, inkun neqred ir-relazzjoni ġewwiena tiegħi miegħi nnifsi, mal-oħrajn, ma’ Alla u mal-art.  Meta dawn ir-relazzjonijiet kollha jiġu mwarrba, meta l-ġustizzja ma tgħammarx iżjed fuq l-art, il-Bibbja tgħidilna li l-ħajja kollha tkun f’periklu.  Dan hu li jgħallimna r-rakkont ta’ Noè, meta Alla jhedded li jnaddaf l-art mill-bnedmin minħabba li ma baqgħux kapaċi jgħixu bil-ġustizzja u l-paċi: “Għalija tmiem il-ħajjin kollha wasal, għax imtliet bil-vjolenza l-art kollha minħabba fihom” (Ġen 6:13).  F’dawn ir-rakkonti hekk qodma, imżewqa b’simboliżmu qawwi, diġà kien hemm il-konvinzjoni li qed inħossu llum: li kollox hu marbut ma’ xulxin, u li l-ħarsien awtentiku tal-istess ħajjitna u tar-relazzjonijiet tagħna man-natura ma nistgħux nifirduh mill-imħabba tal-aħwa, mill-ġustizzja u mill-fedeltà fil-konfront tal-oħrajn.

 

71. Anki jekk “il-ħażen tal-bniedem kien kiber fuq l-art” (Ġen 6:5) u Alla “sogħob bih li kien għamel il-bniedem fl-art” (Ġen 6:6), imma, permezz ta’ Noè, li baqa’ tajjeb u ġust, Alla ddeċieda li jiftaħ triq ta’ salvazzjoni.  B’dan il-mod hu ta lill-bnedmin il-possibbiltà li jibdew mill-ġdid.  Biżżejjed bniedem wieħed tajjeb biex ikun hemm it-tama!  It-tradizzjoni Biblika tgħidha ċar u tond li din ir-riabilitazzjoni titlob li wieħed jiskopri mill-ġdid u jirrispetta r-ritmi mnaqqxa fin-natura minn id il-Ħallieq.  Dan narawh, ngħidu aħna, fil-liġi tas-Sibt.  Is-seba’ jum, Alla straħ mill-ħidma kollha tiegħu.  Alla ordna lil Israel li kull seba’ jum kellu jiġi ċċelebrat bħala jum ta’ mistrieħ, is-Sibt, jew Shabbat (ara Ġen 2:2-3; Eż 16:23; 20:10).  Min-naħa l-oħra, twaqqfet ukoll sena sabbatika għal Israel u l-art tiegħu, kull seba’ snin (ara Lev 25:1-4), li fiha l-art kienet titħalla tistrieħ għalkollox, ma kienx isir żrigħ fiha u kien isir biss ħsad ta’ dak li kien indispensabbli biex huma jgħixu u joffru l-ospitalità lil min iżurhom (ara Lev 25:4-6).  Fl-aħħar nett, wara seba’ ġemgħat ta’ seba’ snin, jiġifieri disgħa u erbgħin sena, kien jiġi ċċelebrat il-Ġublew, sena ta’ maħfra universali u ta“ħelsien fl-art lil kull min jgħammar fiha” (Lev 25:10).  L-iżvilupp ta’ din il-liġi pprova jiżgura l-bilanċ u l-ugwaljanza fir-relazzjonijiet tal-bniedem mal-oħrajn u mal-art fejn kien jgħix u jaħdem.  Imma, fl-istess ħin, kien rikonoxximent tal-fatt li d-don tal-art u l-frott tagħha hu tal-poplu kollu.  Dawk li kienu jikkultivaw u jieħdu ħsieb it-territorju kellhom jaqsmu l-frott tiegħu ma’ ħaddieħor, b’mod partikulari mal-foqra, ir-romol, l-iltiema u l-barranin: “Meta taħsdu l-ħsad ta’ artkom, tibqax sejjer taħsad sa tarf l-għalqa, u lanqas ma għandek tlaqqat li jaqa’ mill-ħsad tiegħek.  Ma għandekx taqta’ l-frott kollu tad-dwieli tiegħek, u la tlaqqatx li jaqa’ fl-art; ħallih għall-fqir u għall-barrani” (Lev 19:9-10).

 

72. Is-Salmi kontinwament jistiednu lill-bniedem ifaħħar lil Alla Ħallieq, Dak li “firex l-art fuq l-ilmijiet, għax għal dejjem it-tjieba tiegħu” (Salm 136:6).  Imma jistiednu wkoll lill-ħlejjaq l-oħra biex ifaħħruh: “Faħħruh, intom xemx u qamar, faħħruh, kwiekeb kollha li tiddu!  Faħħruh, smewwiet l-aktar għolja, u intom ilmijiet ta’ fuq is-smewwiet!  Ħa jfaħħru dawn kollha isem il-Mulej: għax hu kkmanda, u huma nħolqu” (Salm 148:3-5).  Aħna neżistu mhux biss bil-qawwa ta’ Alla, imma quddiemu u miegħu.  Għalhekk aħna nqimuh.

 

73. Il-kitbiet tal-profeti jistednuna nerġgħu nsibu s-saħħa fil-mumenti iebsin u nikkontemplaw lil Alla qawwi li ħalaq l-univers.  Il-qawwa bla tarf ta’ Alla ma tħarrabniex minn quddiem il-ħlewwa tiegħu ta’ Missier, għax fih, ħlewwa u qawwa huma ħaġa waħda.  Fir-realtà, kull spiritwalità b’saħħitha timplika fl-istess ħin li nilqgħu l-imħabba divina u nqimu bil-fiduċja lill-Mulej għall-qawwa tiegħu bla qies.  Fil-Bibbja, Alla li jeħles u jifdi hu l-istess wieħed li ħalaq l-univers, u dawn iż-żewġ modi ta’ mġiba divina huma intimament u indissolubbilment marbutin ma’ xulxin: “O Sidi, Mulej, ara, int għamilt is-smewwiet u l-art bil-qawwa kbira tiegħek u bi driegħek merfugħ, xejn mhu impossibli għalik […].  Int ħriġt il-poplu tiegħek Israel mill-art tal-Eġittu b’sinjali u għeġubijiet” (Ġer 32:17,21).  “Il-Mulej hu Alla ta’ dejjem, il-ħallieq ta’ truf l-art!  Ma jegħja qatt, u ma jinkeddx, l-għerf tiegħu ma ssibx tarfu.  Hu li jagħti l-qawwa lill-għajjien, u jkattar il-qawwa lil min hu bla saħħa” (Is 40:28b-29).

 

74. L-esperjenza tal-jasar fil-Babilonja ġabet kriżi spiritwali li wasslet għall-approfondiment tal-fidi f’Alla, fejn ħarġet iżjed il-qawwa ħallieqa tiegħu li tista’ kollox, u hekk il-poplu ġie msejjaħ isib mill-ġdid it-tama mqar fil-qagħda tiegħu ta’ swied il-qalb.  Sekli wara, f’mument ieħor ta’ prova u ta’ tiġrib, meta l-Imperu Ruman ried jimponi ħakma assoluta, il-fidili reġgħu lura jfittxu l-faraġ u t-tama tagħhom billi kattru l-fiduċja tagħhom f’Alla li jista’ kollox, u għannew: “Kbar u tal-għaġeb l-għemejjel tiegħek, Mulej, Alla li tista’ kollox; ġusti u veri t-triqat tiegħek, Sultan tal-ġnus” (Apok 15:3).  Jekk Alla seta’ joħloq l-univers mix-xejn, jista’ wkoll jindaħal f’din id-dinja u jegħleb kull xorta ta’ ħażen.  Mela, l-inġustizzja tista’ tintrebaħ.

 

75. Ma jistax ikollna spiritwalità li tinsa li Alla jista’ kollox u hu ħallieq.  Inkella nispiċċaw naduraw qawwiet oħra tad-dinja, jew noqogħdu aħna flok il-Mulej, u nippretendu li nistgħu nkasbru r-realtà maħluqa minnu bla ma jwaqqafna xejn.  L-aħjar mod biex lill-bniedem nagħtuh postu hu li nwaqqfu l-pretensjoni tiegħu li hu xi ħakkiem assolut tal-art, u nerġgħu lura biex nipproponu l-figura ta’ Missier tas-Sema u Sid waħdieni tad-dinja, għax inkella l-bniedem dejjem sa jibqa’ jfittex li jimponi fuq ir-realtà l-liġijiet u l-interessi tiegħu.

 

III. Il-misteru tal-univers

 

76. F’għajnejn it-tradizzjoni Ġudeo-Kristjana, meta ngħidu “ħolqien” qed nirriferu għal xi ħaġa iżjed minn natura, għax hi kelma li għandha x’taqsam ma’ pjan ta’ mħabba ta’ Alla, fejn kull ħlejqa għandha valur u tifsira.  In-natura spiss nifhmuha bħala sistema li nistgħu nanalizzawha, nifhmuha u neħduha f’idejna, imma l-ħolqien jista’ jinftiehem bħala don li jnixxi mill-id miftuħa tal-Missier ta’ kulħadd, bħal realtà mdawla mill-imħabba li ssejħilna għal komunjoni universali.

 

77. “Bil-kelma tal-Mulej saru s-smewwiet” (Salm 33:6).  Hekk intwera lilna li d-dinja ssawret minn deċiżjoni, mhux mill-kaos jew il-kumbinazzjoni, u dan jgħolliha wisq aktar.  Hemm għażla ħielsa mlissna fil-kelma ħallieqa.  L-univers ma sarx bħala riżultat ta’ xi omnipotenza arbitrarja, ta’ xi wirja ta’ qawwa jew ta’ xi xewqa għal awtoaffirmazzjoni.  Il-ħolqien jagħmel mill-ordni tal-imħabba.  L-imħabba ta’ Alla hi r-raġuni fundamentali tal-ħolqien kollu: “Għax int tħobb il-ħlejjaq kollha, u xejn ma tistmell minn kulma għamilt; li kien hemm xi ħaġa li stajt tobgħodha, int ma kontx tagħmilha” (Għerf 11:24).  Hekk, kull ħlejqa hi oġġett tal-ħlewwa tal-Missier, li jagħtiha postha fid-dinja.  Saħansitra l-ħajja qsajra tal-ħlejqa l-iktar insinifikanti hi oġġett ta’ mħabbtu, u f’dawk il-ftit sekondi ta’ eżistenza, Hu jdawwarha bl-imħabba tiegħu.  San Bażilju l-Kbir kien jgħid li l-Ħallieq hu wkoll “it-tjieba bla qies”,[44] u Dante Alighieri tkellem dwar “l-imħabba li ċċaqlaq ix-xemx u l-kwiekeb l-oħra”.[45]  Għalhekk, mill-ħlejjaq maħluqa naslu “għall-ħniena kollha mħabba tiegħu”.[46]

 

78. Fl-istess waqt, il-ħsieb Ġudeo-Kristjan neħħa l-mit li fih kienet imkebba n-natura.  Bla ma jehda qatt jammiraha għall-ġmiel u l-kobor tagħha, ma kompliex jattribwilha karattru divin.  B’dan il-mod hemm iktar enfasi fuq l-impenn tagħna fil-konfront tagħha.  Ma nistgħux nerġgħu lura lejn in-natura imma bi ħsara għal-libertà u r-responsabbiltà tal-bniedem, li hu parti mid-dinja bid-dmir li jxettel il-ħiliet tiegħu biex dawn iħarsu u jiżviluppaw il-potenzjalitajiet tiegħu.  Jekk nagħrfu x’valur għandha n-natura imma kemm hi dgħajfa, u fl-istess ħin il-ħiliet li tana l-Ħallieq, dan illum jagħtina li nġibu fi tmiemu l-mit modern tal-progress materjali bla limiti.  Dinja dgħajfa, bi bniedem li lilu Alla jafdalu f’idejh il-ħarsien tagħha, tqanqal l-intelliġenza tagħna biex nagħrfu kif għandna norjentaw, nikkultivaw u nillimitaw is-setgħa tagħna.

 

79. F’dan l-univers, magħmul minn sistemi miftuħa li jidħlu f’komunikazzjoni ma’ xulxin, nistgħu niskopru għadd bla qies ta’ xejriet ta’ relazzjonijiet u parteċipazzjoni.  Dan iwassalna wkoll biex naħsbu li kollox hu miftuħ għat-traxxendenza ta’ Alla, li fi ħdanha jiżviluppa.  Il-fidi tippermettilna ninterpretaw it-tifsira u l-ġmiel misterjuż ta’ dak li qed jiġri.  Il-libertà umana tista’ toffri s-sehem intelliġenti tagħha għal evoluzzjoni pożittiva, imma tista’ wkoll iżżid ħażen ġdid, kawżi ġodda ta’ tbatija u passi lura.  Dan hu li jagħti lok għall-istorja mqanqla u drammatika tal-bniedem, li kapaċi twarrad fi proċess li jarah jinħeles, jikber, jinfeda u jħobb, jew min-naħa l-oħra f’mixja ta’ dekadenza u ta’ qerda reċiproka.  Għalhekk, l-azzjoni tal-Knisja mhux biss tfittex li tfakkar fid-dmir li nieħdu ħsieb tan-natura, imma fl-istess ħin “għandha fuq kollox tħares lill-bniedem mill-qerda tiegħu nnifsu”.[47]

 

80. Minkejja dan kollu, Alla, li jrid jaħdem id f’id magħna u jorbot fuq il-kollaborazzjoni tagħna, għandu l-ħila wkoll joħroġ xi ħaġa tajba mill-ħażen li nagħmlu aħna, għax “l-Ispirtu s-Santu għandu fantasija bla tarf, li hi ħaġa tal-ħsieb divin, li jaf jipprovdi hu kif iħoll l-għoqiedi tal-ġrajjiet tal-bniedem, imqar dawk l-iżjed ikkumplikati u li diffiċli tidħol fihom”.[48]  B’xi mod, Hu ried jillimita lilu nnifsu billi ħalaq dinja li għandha bżonn tikber, fejn ħafna ħwejjeġ li aħna nqisuhom ħżiena, perikli u għejun ta’ tbatija, fis-sewwa kollu jagħmlu parti minn dak l-uġigħ tal-ħlas, li jixprunawna biex nikkollaboraw mal-Ħallieq.[49]  Hu preżenti fil-ġewwieni nett ta’ kull ħaġa mingħajr ma jikkundizzjona l-awtonomija tal-ħlejqa tiegħu, u anki dan jagħti lok għall-awtonomija leġittima tar-realtà ta’ din l-art.[50]  Din il-preżenza divina, li tiżgura l-permanenza u l-iżvilupp ta’ kull ħlejqa, “hi l-kontinwazzjoni tal-għemil tal-ħolqien”.[51]  L-Ispirtu ta’ Alla mela l-univers bil-potenzjalitajiet li jippermettu li mill-istess qalba tal-affarijiet dejjem tista’ twarrad xi ħaġa ġdida: “In-natura mhix ħaġa oħra ħlief ċerta arti, speċifikament l-arti divina, minquxa fil-ħwejjeġ, u għalhekk dawn l-istess ħwejjeġ jitħarrku lejn għan determinat.  Bħallikieku l-bennej ta’ ġifen seta’ jagħti permess lill-injam jitħarrek waħdu biex jieħu l-bixra tal-ġifen”.[52]

 

81. Li tkun bniedem, anki jekk jitlob ukoll kemm-il proċess evoluttiv, fih xi ħaġa ġdida li ma tistax tiġi mfissra għalkollox mill-evoluzzjoni ta’ sistemi miftuħa oħra.  Kull wieħed u waħda minna għandu fih identità personali li kapaċi tidħol fi djalogu ma’ oħrajn u ma’ Alla nnifsu.  Il-ħila li jirrifletti, ir-raġunar, il-kreattività, l-interpretazzjoni, l-elaborazzjoni artistika u ħiliet oħra oriġinali huma xhieda ta’ singularità li tittraxxendi l-ambitu fiżiku u bijoloġiku.  L-element ġdid kwalitattiv li nsibu fl-essri personali maħluq f’univers materjali jsejjaħ l-azzjoni diretta ta’ Alla, sejħa partikulari għall-ħajja u għar-relazzjoni ta’ “Int” ma’ “int” ieħor.  Mill-istess testi Bibliċi nagħrfu li l-persuna hi suġġett, li ma jista’ qatt jiġi ridott għall-kategorija ta’ oġġett.

 

82. Imma jkun żball ukoll jekk naħsbu li l-ħlejjaq l-oħra ħajjin għandhom jitqiesu biss bħala oġġetti li qegħdin hemm biex joqogħdu għall-ħakma tal-bniedem kif jogħġob lilu.  Meta nħaddnu viżjoni tan-natura biss bħala oġġett ta’ profitt u ta’ interess, dan iġib miegħu wkoll konsegwenzi gravi għas-soċjetà.  Il-viżjoni li tara kollox skont kif jidhirlu min hu l-iżjed b’saħħtu wasslet għal ħafna nuqqas ta’ ugwaljanza, inġustizzja u vjolenza għall-parti l-kbira tal-bnedmin, għax ir-riżorsi jsiru propjetà tal-ewwel wieħed li jasal jew ta’ dak li għandu l-iżjed saħħa: ir-rebbieħ jaħtaf kollox.  L-ideal tal-armonija, tal-ġustizzja, tal-fraternità u tal-paċi li jipproponi Ġesù hu eżattament il-kuntrarju ta’ dan il-mudell, u hekk sejjaħlu Hu meta tkellem dwar is-setgħanin ta’ żmienu: “Tafu intom, fost il-pagani l-kapijiet qegħdin biex jikkmandawhom, u l-kbarat biex iħaddmu fuqhom is-setgħa.  Fostkom ma għandux ikun hekk; imma min irid ikun kbir fostkom, għandu jkun qaddej tagħkom” (Mt 20:25-26).

 

83. L-għan finali tal-mixja tal-univers hu l-milja f’Alla, li diġà ntlaħqet minn Kristu Rxoxt, pern tal-maturazzjoni universali.[53]  Għalhekk hawn inżidu argument ieħor biex nirrifjutaw kull xorta ta’ ħakma despotika u irresponsabbli min-naħa tal-bniedem fuq il-ħlejjaq.  L-għan aħħari tal-ħlejjaq mhuwiex aħna.  Anzi, kollox hu miexi, flimkien magħna u permezz tagħna, lejn destinazzjoni komuni, li hu Alla, f’milja traxxendenti fejn Kristu Rxoxt iħaddan miegħu u jdawwal kollox.  Fil-fatt, il-bniedem, mogħni b’intelliġenza u bi mħabba, u miġbud lejn il-milja fi Kristu, hu msejjaħ iwassal lill-ħlejjaq l-oħra kollha lura għand il-Ħallieq tagħhom.

 

IV. Il-messaġġ ta’ kull ħlejqa fl-armonija tal-ħolqien kollu

 

84. Meta nisħqu li l-bniedem hu xbieha ta’ Alla, ma rridux ninsew li kull ħlejqa għandha funzjoni u m’hemm xejn bla sens.  L-univers materjali kollu hu lingwaġġ tal-imħabba ta’ Alla, tar-rispett bla qies li għandu lejna.  Il-ħamrija, l-ilma, il-muntanji, kollox hu żegħila ta’ Alla.  L-istorja tal-ħbiberija tagħna ma’ Alla tikber dejjem fi spazju ġeografiku li jsir sinjal personali ħafna, u kull wieħed u waħda minna jżomm f’moħħu postijiet li t-tifkira tagħhom tagħmillu ħafna ġid.  Min kiber qalb il-muntanji, jew min ta’ tifel ċkejken kien jitbaxxa qrib xi nixxiegħa biex jixrob minnha, jew min kien jilgħab fil-pjazza tar-raħal tiegħu, meta jerġa’ lura f’dawk l-imkejjen iħossu msejjaħ jirkupra mill-ġdid l-identità tiegħu.

 

85. Alla kiteb ktieb mill-isbaħ, “li l-ittri tiegħu huma l-kotra tal-ħlejjaq preżenti fl-univers”.[54]  L-Isqfijiet tal-Kanada esprimew tajjeb li l-ebda ħlejqa mhi ’l barra minn din il-manifestazzjoni ta’ Alla: “Mill-aktar panorami wesgħin sal-iċken xorta ta’ ħajja, in-natura hi għajn kontinwa ta’ għoġba u ta’ qima.  Fuq kollox, hi rivelazzjoni kontinwa tad-divin”.[55]  L-Isqfijiet tal-Ġappun, min-naħa tagħhom, qalu xi ħaġa li tassew tqanqlek: “Meta naraw kull ħlejqa tgħanni l-innu ta’ ħajjitha, ngħixu bil-ferħ fl-imħabba ta’ Alla u fit-tama”.[56]  Din il-kontemplazzjoni tal-ħolqien tgħinna niskopru f’kull ħaġa xi tagħlima li Alla jrid iwasslilna, għax “għal min jemmen, il-kontemplazzjoni tal-ħolqien tfisser ukoll li jisma’ messaġġ, jagħti widen għal leħen paradossali u sieket”.[57]  Nistgħu ngħidu li “flimkien mar-rivelazzjoni propja mlissna fl-Iskrittura Mqaddsa hemm, għalhekk, wirja divina fid-dija tax-xemx u meta jaqa’ l-lejl”.[58]  Jekk joqgħod attent għal din il-wirja, il-bniedem jitgħallem jagħraf lilu nnifsu f’relazzjoni mal-ħlejjaq l-oħra: “Jien nesprimi ruħi meta nesprimi d-dinja; jien nesplora s-sagralità tiegħi meta jirnexxieli naqra dik tad-dinja”.[59]

 

86. L-univers kollu kemm hu, bl-għadd kbir fuq li kbir ta’ relazzjonijiet tiegħu, jikxef bl-isbaħ mod l-għana bla qies ta’ Alla.  L-għaref San Tumas ta’ Aquino fehem jisħaq li l-għadd bla qies u l-varjetà ġejjin “mill-intenzjoni tal-ewwel aġent”, Dak li ried li “dak li hemm nieqes f’kull ħaġa biex jirrappreżenta t-tjieba divina, jimtela mill-ħwejjeġ l-oħra”,[60] għax it-tjieba tiegħu “ma tista’ qatt tiġi rrappreżentata kif jixirqilha minn ħlejqa waħda”.[61]  Għalhekk, għandna bżonn nilqgħu l-varjetà tal-ħwejjeġ ta’ madwarna fl-għadd ta’ relazzjonijiet ta’ bejniethom.[62]  Għalhekk, nistgħu nifhmu aħjar l-importanza u s-sinifikat ta’ kull ħlejqa, jekk nikkontemplawha fid-dawl tal-pjan sħiħ ta’ Alla.  Dan hu li jgħallem il-Katekiżmu: “Alla ried li l-ħlejjaq ikunu jiddependu minn xulxin.  Ix-xemx u l-qamar, iċ-ċedru u l-iċken fjura, l-ajkla u l-għasfur tal-bejt: il-ħafna diversitajiet ta’ ħlejjaq, ebda waħda daqs l-oħra, juru li ebda ħaġa maħluqa ma hi biżżejjed għaliha nfisha, u l-ħlejjaq kollha jeżistu biss għax jiddependu minn xulxin, biex jgħinu ’l xulxin ħa jilħqu l-kobor sħiħ tagħhom, f’qadi lil xulxin”.[63]

 

87. Meta tintebaħ li kulma jeżisti hu mera ta’ Alla, il-qalb iġġarrab ix-xewqa li tqim lil Alla għall-ħlejjaq kollha tiegħu u flimkien magħhom, kif naraw fl-għanja mill-isbaħ ta’ San Franġisk ta’ Assisi:

 

Ħallihom ifaħħruk il-ħlejjaq kollha,

u l-aktar id-dawl sfiq ta’ oħtna x-xemx

li twelled il-jum ġdid, u bl-isfa dija

turi, Mulej, li ogħla minnek m’hemmx.

 

Mulejja, tkun imfaħħar f’ħuna l-qamar,

fil-kwiekeb sbieħ ġo sema kbir, leqqien;

u f’ħuna r-riħ, fis-sħab, f’taqlib, fi bnazzi

li bihom tgħajjex, b’seħer, il-ħolqien.

 

Mulejja, ħa tkun imfaħħar f’ħuna l-ilma,

irżin u safi wisq, meħtieġ qatigħ;

u f’ħuna n-nar li jagħti d-dawl fl-iljieli,

sbejjaħ, kollu ħajja, qawwi, sħiħ.[64]

 

Laudato sie, mi’ Signore, cum tucte le tue creature,

spetialmente messor lo frate sole,

lo qual è iorno, et allumini noi per lui.

Et ellu è bellu e radiante cum grande splendore:

de te, Altissimo, porta significatione.

Laudato si’, mi’ Signore, per sora luna e le stelle:

in celu l’ài formate clarite et pretiose et belle.

Laudato si’, mi’ Signore, per frate vento

et per aere et nubilo et sereno et onne tempo,

per lo quale a le tue creature dài sustentamento.

Laudato si’, mi’ Signore, per sor’aqua,

la quale è multo utile et humile et pretiosa et casta.

Laudato si’, mi’ Signore, per frate focu,

per lo quale ennallumini la nocte:

ed ello è bello et iocundo et robustoso et forte.

 

88. L-Isqfijiet tal-Brażil josservawlna li n-natura kollha, barra li tixħet dawl fuq min hu Alla, hi mkien il-preżenza tiegħu.  F’kull ħlejqa jgħammar l-Ispirtu tiegħu li jgħajjex u jsejħilna għal relazzjoni miegħu.[65]  Il-kxif ta’ din il-preżenza jqanqal u jrawwem fina l-“virtujiet ekoloġiċi”.[66]  Imma aħna u ngħidu dan, ma rridux ninsew li jeżisti wkoll bogħod bla qies, li l-ħwejjeġ ta’ din id-dinja ma fihomx il-milja ta’ Alla.  Mill-banda l-oħra, lanqas inkunu nagħmlu ġid lill-ħlejjaq, għax ma nkunux nagħrfu l-post propju u awtentiku tagħhom, u nispiċċaw biex inġustament nitolbu minnhom dak li fiċ-ċokon tagħhom ma jistgħux jagħtuna.

 

V. Komunjoni universali

 

89. Il-ħlejjaq ta’ din id-dinja ma jistgħux jitqiesu bħala ġid mingħajr ma jkollhom sid fuqhom: “Imma int, o Sid li tħobb kull ma jgħix… kollox huwa tiegħek” (Għerf 11:26).  Dan iwassalna għall-konvinzjoni li, la ġejna maħluqa mill-istess Missier, aħna lkoll essri tal-univers, aħna magħqudin flimkien b’rabtiet li ma jidhrux u nsawru għamla ta’ familja universali, komunjoni għolja li tmexxina lejn rispett qaddis, maħbub u umli.  Nixtieq infakkar li “Alla tant għaqqadna ħaġa waħda mad-dinja ta’ madwarna, li d-deżertifikazzjoni tal-ħamrija hi bħal marda għal kull wieħed u waħda minna, u nistgħu nibku l-estinzjoni ta’ xi speċi bħallikieku kienet qed titbiċċrilna parti minn ġisimna stess”.[67]

 

90. Dan ma jfissirx li npoġġu fuq l-istess livell lill-ħlejjaq kollha ħajjin u nneżżgħu lill-bniedem minn dak il-valur partikulari li fl-istess ħin jimplika responsabbiltà tremenda.  U lanqas ifisser li nagħmlu lill-art qisha xi alla, ħaġa li mbagħad ixxekkilna mis-sejħa li nikkollaboraw magħha u nħarsu d-dgħufija tagħha.  Dan il-kunċett jispiċċa biex joħloq żbilanċi ġodda fit-tentattiv li naħarbu mir-realtà li qed tisfidana.[68]  Xi kultant inħossu li teżisti l-ossessjoni li nċaħħdu lill-persuna umana minn kull pre-eminenza, u qisu iktar nistinkaw għall-ispeċi l-oħra milli biex niddefendu d-dinjità ndaqs bejn il-bnedmin.  Ċertament għandu jħassibna li l-ħlejjaq l-oħra ħajjin jiġu ttrattati b’mod irresponsabbli, imma għandu jinkwetana fuq kollox in-nuqqas kbir ta’ ugwaljanza li teżisti bejnietna, għax inkomplu nittolleraw li xi wħud iqisu ruħhom iktar denji minn oħrajn.  Ma nibqgħux nintebħu li xi wħud qed jgħixu f’miżerja degradanti, bla ebda possibbiltajiet veri ta’ titjib, waqt li oħrajn lanqas jafu x’ħa jaqbdu jagħmlu b’dak li għandhom, u jitkabbru vanitużi bil-pretensjoni li huma superjuri u jħallu warajhom livell ta’ ħela hekk kbir illi, kieku kulħadd kellu jagħmel hekk, kienet tinqered il-pjaneta.  Qed inkomplu nammettu bil-fatti li xi wħud iħossuhom iżjed umani minn oħrajn, bħallikieku twieldu b’xi drittijiet aqwa.

 

91. Ma jistax ikun awtentiku sentiment ta’ għaqda intima mal-ħlejjaq l-oħra tan-natura, jekk fl-istess ħin fil-qalb tagħna m’hemmx ħlewwa, kompassjoni u tħassib għall-bnedmin.  Hi ċara l-inkoerenza ta’ min jissielet kontra t-traffikar tal-annimali f’riskju ta’ estinzjoni, imma jibqa’ għalkollox indifferenti quddiem it-traffikar tal-persuni, ma jinteressahx mill-foqra, jew hu determinat li jeqred bniedem ieħor li ma jinżillux.  Dan iqiegħed f’riskju s-sens tal-ġlieda b’riżq l-ambjent.  Mhuwiex b’kumbinazzjoni li, fl-istess għanja li fiha jfaħħar lil Alla għall-ħlejjaq tiegħu, San Franġisk iżid: “Mulej, ħa tkun imfaħħar f’dawk li jaħfru għal imħabbtek”.  Kollox marbut ħaġa mal-oħra.  Għalhekk għandna bżonn ta’ tħassib għall-ambjent, id f’id ma’ mħabba sinċiera għall-bnedmin u impenn kostanti f’dak li għandu x’jaqsam mal-problemi tas-soċjetà.

 

92. Min-naħa l-oħra, meta l-qalb hi tassew miftuħa għal komunjoni universali, xejn u ħadd mhu mħolli barra minn din il-fraternità.  Konsegwentement, hu minnu li l-indifferenza jew il-moħqrija fuq il-ħlejjaq l-oħra ta’ din id-dinja dejjem jispiċċaw biex b’xi mod jgħaddu għat-trattament li bih nimxu mal-bnedmin l-oħra.  Il-qalb hi waħda u l-istess miżerja li twassal lil xi ħadd biex jaħqar annimal mhix sa toqgħod lura milli tidher fir-relazzjoni mapersuni oħra.  Kull moħqrija ta’ xi ħlejqa “hi kontra d-dinjità tal-bniedem”.[69]  Ma nistgħux inqisu ruħna persuni li tassew iħobbu jekk inħallu barra mill-interessi tagħna parti mir-realtà: “Paċi, ġustizzja u ħarsien tal-ħolqien huma tliet kwistjonijiet marbuta għalkollox ma’ xulxin, li ma tistax tifridhom b’mod li tittrattahom singularment, mingħajr ma tirriskja li terġa’ taqa’ fir-riduzzjoniżmu”.[70]  Kollox hu f’relazzjoni, u aħna l-bnedmin kollha magħqudin bħal aħwa f’pellegrinaġġ mill-isbaħ, marbuta mill-imħabba li Alla għandu għal kull waħda mill-ħlejjaq tiegħu u li tgħaqqadna wkoll bejnietna, bi mħabba ħelwa, ma’ oħtna x-xemx, ma’ ħuna l-qamar, ma’ oħtna x-xmara u ma’ ommna l-art.

 

VI. Id-destinazzjoni waħda tal-ġid

 

93. Illum, kemm min jemmen u kemm min ma jemminx, kulħadd jaqbel dwar il-fatt li l-art hi essenzjalment wirt wieħed komuni, li l-frott tiegħu għandu jitgawda minn kulħadd.  Għal min jemmen din issir kwistjoni ta’ fedeltà lejn il-Ħallieq, għax Alla ħalaq id-dinja għal kulħadd.  Konsegwentement, kull viżjoni ekoloġika għandu jkollha fiha perspettiva soċjali li tqis id-drittijiet fundamentali ta’ dawk l-iżjed żvantaġġjati.  Il-prinċipju tas-subordinazzjoni tal-propjetà privata għad-destinazzjoni universali tal-ġid u, għalhekk, id-dritt universali tal-użu tiegħu, hu “regola tad-deheb” tal-imġiba soċjali, u “l-ewwel prinċipju tal-ordni morali soċjali kollu”.[71]  It-tradizzjoni Nisranija qatt ma għarfet bħala assolut jew li ma jistax jintmess id-dritt tal-propjetà privata, u saħqet fuq il-funzjoni soċjali ta’ kull għamla ta’ propjetà privata.  San Ġwanni Pawlu II fakkar b’ħafna enfasi din id-duttrina, meta qal li “Alla ta l-art lill-familja kollha tal-bnedmin, għall-għajxien tagħhom ilkoll mingħajr ma ħalla ’l ħadd barra jew ippreferixxa lil xi ħadd”.[72]  Kliem li fih x’tomgħod u qawwi.  Irrimarka li “lanqas tixraq lill-bnedmin dik is-sura ta’ progress li ma tħarisx id-drittijiet personali, soċjali, ekonomiċi u politiċi ta’ kulħadd, u wkoll tal-popli u tan-nazzjonijiet”.[73]  B’mod ċar ħafna fisser li “il-Knisja tiddefendi, iva, id-dritt leġittimu għall-propjetà privata, imma tgħallem ukoll b’mhux inqas ċarezza li fuq kull propjetà privata dejjem hemm isserraħ ipoteka soċjali, għax il-ġid iservi għad-destinazzjoni ġenerali li tah Alla”.[74]  Għalhekk jafferma li “mhux skont il-pjan ta’ Alla tuża dan id-don b’mod li l-benefiċċji tiegħu jitgawdew biss mill-ftit”.[75]  Dan iqiegħed f’diskussjoni serja d-drawwiet inġusti ta’ parti mill-umanità.[76]

 

94. L-għani u l-fqir għandhom dinjità ugwali, għax “it-tnejn il-Mulej għamilhom” (Prov 22:2), “iż-żgħir u l-kbir għamilhom hu” (Għerf 6:7), u “italla’ x-xemx tiegħu sew fuq il-ħżiena u sew fuq it-tajbin” (Mt 5:45).  Dan għandu konsegwenzi prattiċi, bħalma huma dawk li jsemmu l-Isqfijiet tal-Paragwaj: “Kull ħaddiem tal-art għandu d-dritt naturali jippossiedi parti raġonevoli ta’ art, fejn jista’ jwaqqaf id-dar tiegħu, jaħdem biex jgħajjex il-familja tiegħu u ħajtu tkun fiż-żgur.  Dan id-dritt għandu jkun garantit biex it-tħaddim tiegħu ma jkunx illużorju imma reali.  Dan ifisser li, lil hemm mit-titlu ta’ propjetà, iċ-ċittadin għandu jkun jista’ jorbot fuq mezzi ta’ formazzjoni teknika, self, assigurazzjonijiet u aċċess għas-suq”.[77]

 

95. L-ambjent hu ġid kollettiv, wirt tal-bnedmin kollha u responsabbiltà ta’ kulħadd.  Min għandu parti minnu, dan biss biex jamministrah għall-ġid ta’ kulħadd.  Jekk ma nagħmlux hekk, inkunu ngħabbu l-kuxjenza tagħna bil-piż li qed niċħdu l-eżistenza tal-oħrajn.  Għalhekk l-Isqfijiet taNew Zealand jistaqsu xi jfisser il-kmandament “la toqtolx” meta “għoxrin fil-mija tal-popolazzjoni tad-dinja tikkonsma riżorsi b’mod li qed tisraq lill-pajjiżi foqra u l-ġenerazzjonijiet li ġejjin dak li għandhom bżonn biex jgħixu”.[78]

 

VII. Il-ħarsa ta’ Ġesù

 

96. Ġesù jwettaq tabilħaqq il-fidi Biblika f’Alla Ħallieq u jagħfas fuq fatt fundamentali: Alla hu Missier (ara Mt 11:25).  Fid-djalogi mad-dixxipli tiegħu, Ġesù jistedinhom jagħrfu r-relazzjoni li Alla għandu bħala Missier mal-ħlejjaq kollha, u bi ħlewwa li tqanqal ifakkar kif kull waħda minn dawn hi importanti f’għajnejh: “Ħames għasafar tal-bejt mhux żewġ soldi jinbiegħu?  U anqas wieħed minnhom ma hu minsi quddiem Alla” (Lq 12:6).  “Ħarsu lejn l-għasafar tas-sema; la jiżirgħu u lanqas jaħsdu u lanqas igeddsu fl-imħażen, u madankollu Missierkom li hu fis-Smewwiet jitmagħhom!” (Mt 6:26).

 

97. Il-Mulej seta’ jistieden oħrajn biex ikunu attenti għall-ġmiel li hawn fid-dinja, għax Hu nnifsu kien f’kuntatt bla waqfien man-natura u kien juriha attenzjoni sħiħa ta’ mħabba u stagħġib.  Meta kien jiġri minn rokna għall-oħra ta’ art twelidu, kien jieqaf jikkontempla l-ġmiel miżrugħ minn Missieru, u jistieden lid-dixxipli biex fil-ħwejjeġ ta’ madwarhom jilmħu l-messaġġ divin: “Erfgħu għajnejkom u ħarsu ftit kif l-għelieqi bjadu għall-ħsad!” (Ġw 4:35).  “Is-Saltna tas-Smewwiet tixbah lil żerriegħa tal-mustarda li wieħed raġel ikun qabad u żeragħha fl-għalqa tiegħu.  Hija tabilħaqq l-iżgħar waħda fost iż-żrieragħ kollha, iżda meta tikber, tkun l-akbar waħda fost il-ħxejjex u ssir siġra” (Mt 13:31-32).

 

98. Ġesù kien jgħix f’armonija sħiħa mal-ħolqien, tant li ta’ madwaru kienu jibqgħu mistagħġba: “Dan xi bniedem hu, biex sa l-irjieħ u l-baħar jisimgħu minnu?” (Mt 8:27).  Ma kienx jidher bħala xi axxeta maqtugħ mid-dinja jew xi għadu tal-ħwejjeġ pjaċevoli fil-ħajja.  Meta tkellem dwaru nnifsu, qal: “Ġie Bin il-bniedem, jiekol u jixrob, u qegħdin jgħidu: ‘Araw, xi bniedem wikkiel u sakranazz’!” (Mt 11:19).  Kien iżomm ’il bogħod mill-filosofiji li kienu jżebilħu l-ġisem, il-materja u r-realtajiet ta’ din id-dinja.  Madankollu, dawn id-duwaliżmi xejn sani ħallew influss qawwi fuq xi ħassieba Nsara matul l-istorja u ddeformaw l-Evanġelju.  Ġesù kien jaħdem b’idejh, kuljum kien jidħol f’kuntatt mal-materja maħluqa minn Alla biex jagħtiha forma bil-ħila tiegħu ta’ bniedem tas-sengħa.  Ta’ min jinnota l-fatt li l-parti l-kbira ta’ ħajtu kienet iddedikata lil dan ix-xogħol, f’ħajja sempliċi li ma kienet tiġbed l-ebda ammirazzjoni: “Dan mhuwiex il-mastrudaxxa bin Marija?” (Mk 6:3).  Hekk hu qaddes ix-xogħol u tah valur partikulari għalina biex nikbru permezz tiegħu.  San Ġwanni Pawlu II għallem li “il-bniedem, huwa u jġarrab it-tbatija tax-xogħol flimkien ma’ Kristu msallab għalina, b’xi mod qiegħed, flimkien mal-Iben ta’ Alla, iħabrek għall-fidwa tal-bnedmin kollha”.[79]

 

99. Fil-mod kif l-Insara jifhmu r-realtà, id-destin tal-ħolqien kollu jgħaddi mill-misteru ta’ Kristu, li hu preżenti fih sa mill-bidu tiegħu: “Kollox bih u għalih kien maħluq” (Kol 1:17).[80]  Il-prologu tal-Evanġelju ta’ Ġwanni (1:1-18) juri l-ħidma ħallieqa ta’ Kristu bħala Kelma divina (Logos).  Imma dan il-prologu jgħaġġibna bl-istqarrija tiegħu li din il-Kelma “saret laħam” (Ġw 1:14).  Persuna tat-Trinità daħlet fl-univers maħluq, qasmet fid-destin tiegħu sa fuq is-salib.  Sa mill-bidu tad-dinja, imma b’mod partikulari mill-Inkarnazzjoni, il-misteru ta’ Kristu jaħdem bil-moħbi fir-realtà naturali kollha, imma b’daqshekk ma jtappan xejn mill-awtonomija tagħha.

 

100. It-Testment il-Ġdid mhux biss ikellimna dwar Ġesù ta’ din l-art u r-relazzjoni tiegħu hekk konkreta u kollha mħabba mad-dinja.  Jurih ukoll irxoxt u glorjuż, preżenti fil-ħolqien kollu bis-sinjorija universali tiegħu: “Hekk Alla għoġbu li tgħammar fih il-milja kollha; bih Alla għoġbu jerġa’ jħabbeb kollox miegħu; bid-demm tiegħu, imxerred fuq is-salib, ġieb is-sliem permezz tiegħu fis-sema u fl-art” (Kol 1:19-20).  Dan jindirizzana lejn l-aħħar taż-żminijiet, meta l-Iben għad jgħaddi l-ħwejjeġ kollha lill-Missier, hekk li “Alla jkun kollox f’kollox” (1 Kor 15:28).  B’dan il-mod, il-ħlejjaq ta’ din id-dinja ma jidhrux iżjed bħala realtà sempliċement naturali, għax l-Irxoxt iħaddanhom misterjożament fih u jorjentahom lejn destin ta’ milja sħiħa.  L-istess ward tal-għelieqi u l-għasafar li Hu waqaf jikkontempla u jammira bl-għajnejn tiegħu ta’ bniedem, issa huma mfawra bil-preżenza tiegħu kollha dija.


 

It-Tielet Kapitlu

L-GĦERQ UMAN TAL-KRIŻI EKOLOĠIKA

 

101. Ma jiswielna xejn li niddeskrivu s-sintomi tal-kriżi ekoloġika, jekk ma nagħrfux l-għerq uman tagħha.  Hemm mod żbaljat ta’ kif nifhmu l-ħajja u l-azzjoni tal-bniedem, li jeħodha kontra r-realtà sa ma jirvinaha.  Għaliex ma nistgħux nieqfu nirriflettu ftit fuq dan?  Għalhekk nipproponi li nikkonċentraw fuq il-paradigma teknokratika dominanti u fuq il-post li għandu fiha l-bniedem u l-azzjoni tiegħu fid-dinja.

 

I. It-teknoloġija: Kreattività u Poter

 

102. L-umanità daħlet fi żmien ġdid li fih il-qawwa tat-teknoloġija tqegħidna f’salib it-toroq.  Aħna l-werrieta ta’ żewġ sekli ta’ mwieġ kbar ta’ bidla: il-magna tal-istim, il-ferrovija, it-telegrafu, l-elettriku, il-karozza, l-ajruplan, l-industriji kimiċi, il-mediċina moderna, l-informatika u, iżjed lejn żmienna, ir-rivoluzzjoni diġitali, ir-robotika, il-bijoteknoloġiji u n-nanoteknoloġiji.  Tajjeb li nifirħu b’dawn ix-xorta ta’ progress u nitħeġġu quddiem il-possibbiltajiet wesgħin li jiftħulna quddiemna dawn in-novitajiet kontinwi, għax “ix-xjenza u t-teknoloġija huma prodott mill-isbaħ tal-kreattività umana li hi don ta’ Alla”.[81]  Il-bidla tan-natura għall-użu tal-bniedem hi karatteristika tal-ġeneru uman sa mill-bidu tiegħu, u b’dan il-mod it-teknoloġija “tfisser it-tensjoni ġewwiena li ġġagħlu jegħleb bil-mod il­-mod il-limitazzjonijiet materjali”.[82]  It-teknoloġija sabet rimedju għal ħafna ħażen li kien qed iħabbat u jillimita lill-bniedem.  Ma nistgħux ma napprezzawx u ma rroddux ħajr għall-progress li sar, speċjalment fil-mediċina, fl-inġinerija u fil-komunikazzjoni.  U kif ma nagħrfux l-isforzi kollha ta’ ħafna xjenzati u inġiniera li elaboraw alternattivi għal żvilupp sostenibbli?

 

103. Ix-xjenza teknika, jekk orjentata tajjeb, kapaċi mhux biss tipproduċi ħwejjeġ tassew prezzjużi biex ittejjeb il-kwalità tal-ħajja tal-bniedem, ibda mill-oġġetti li juża d-dar sal-mezzi kbar ta’ trasport, il-pontijiet, il-binjiet, il-wesgħat pubbliċi.  Hi taf tipproduċi wkoll is-sabiħ u tixpruna lill-bniedem, mixħut kif inhu fid-dinja materjali, lejn il-“qabża” f’dak li hu ġmiel.  Nistgħu niċħdu l-ġmiel ta’ ajruplan, jew ta’ ċerti binjiet għoljin ħafna?  Insibu opri prezzjużi ta’ pittura u mużika li waslu għalihom bl-għajnuna ta’ għodod tekniċi ġodda.  B’dan il-mod, fix-xewqa tal-artist għall-ġmiel u f’min jikkontempla dak il-ġmiel isseħħ il-qabża lejn ċerta sħuħija li hi tal-bniedem stess.

 

104. Madankollu, ma nistgħux ninsew li l-enerġija nukleari, il-bijoteknoloġija, l-informatika, l-għarfien tal-kodiċi ġenetiku (DNA) tagħna u kisbiet oħra li għamilna qed joffrulna poter kbir f’idejna.  Anzi, lil dawk li għandhom f’idejhom dan l-għarfien u fuq kollox il-poter ekonomiku biex jisfruttawh, jagħtuhom setgħa tal-għaġeb fuq il-bnedmin kollha u fuq id-dinja sħiħa.  Qatt il-bniedem ma kellu daqshekk saħħa fuqu nnifsu u m’hemm xejn li jiżgurana li sa jużaha għall-ġid, fuq kollox jekk naraw kif qed jinqeda biha llum.  Biżżejjed niftakru fil-bombi atomiċi mitfugħa fil-qalba tas-seklu għoxrin, kif ukoll fit-teknoloġija li ddandnu biha n-Nażiżmu, il-Komuniżmu u reġimi oħra totalitarji biex jeqirdu miljuni ta’ nies, bla ma ninsew li llum il-gwerra qed tinqeda b’għodda li kapaċi toqtol dejjem iżjed nies.  F’idejn min qiegħed u f’idejn min jista’ jasal daqshekk poter?  Hemm riskju terribbli li jispiċċa f’idejn parti żgħira mill-umanità.

 

105. Nibdew naħsbu li “kull kisba ta’ poter hi sempliċement progress, biex inħossuna fiż-żgur, biex ninqdew bih għall-ġid u nħossuna sew, bħala qawwa li tagħtina s-saħħa, bħala l-milja tal-valuri”,[83] bħallikieku r-realtà, ir-riżq, it-tajjeb u s-sewwa se jwarrdu spontanjament mill-poter innifsu tat-teknoloġija u tal-ekonomija.  Il-fatt hu li “il-bniedem modern ma ġiex edukat għall-użu tajjeb tal-poter”,[84] għax it-tkabbir immens tat-teknoloġija ma kienx imsieħeb minn żvilupp tal-bniedem fejn jidħlu r-responsabbiltà, il-valuri u l-kuxjenza.  Kull epoka tipprova tiżviluppa awtokuxjenza skarsa tal-limiti tagħha.  Għalhekk jista’ jkun li llum l-umanità mhix tintebaħ bis-serjetà tal-isfidi li għandha quddiemha, u “dejjem qed tikber il-possibbiltà li l-bniedem iħaddem ħażin il-poter li għandu f’idejh” meta “ma jeżistux normi ta’ libertà, imma biss pretensjonijiet ta’ ħtiġijiet ta’ siwi u ta’ sigurtà”.[85]  Il-bniedem mhuwiex għalkollox awtonomu.  Il-libertà tiegħu timrad meta tintreħa f’idejn il-qawwiet għomja tal-inkonxju, tal-bżonnijiet immedjati, tal-egoiżmu, tal-vjolenza brutali.  F’dan is-sens, hu għarwien u espost quddiem l-istess poter tiegħu li jkompli jikber, mingħajr ebda għodda li tikkontrollah.  Jista’ jinqeda b’mekkaniżmi superfiċjali, imma nistgħu naffermaw li jibqa’ sajjem minn etika biżżejjed b’saħħitha, kultura u spiritwalità li tabilħaqq jagħtuh limitu u jżommuh fil-ħakma ċara tiegħu nnifsu.

 

II. Il-globalizzazzjoni tal-paradigma teknokratika

 

106. Il-problema fundamentali hi oħra, bil-wisq iżjed profonda: il-mod kif fil-fatt il-bniedem ħa f’idejh it-teknoloġija u l-iżvilupp tagħha skont paradigma omoġenja u ta’ dimensjoni waħda.  F’din il-paradigma naraw kunċett tas-suġġett li bil-mod il-mod, fil-proċess loġiku-razzjonali, jifhem u għalhekk jagħmel tiegħu l-oġġett li jsib barra minnu.  Dan is-suġġett ifittex li jistabbilixxi l-metodu xjentifiku billi jħaddem dak esperimentali tiegħu, ħaġa li diġà fiha nfisha hi teknika ta’ pussess, ħakma u bidla.  Qisu s-suġġett sab ruħu quddiem ir-realtà bla forma li hi f’kollox miftuħa għall-manipulazzjoni tiegħu.  L-intervent tal-bniedem fuq in-natura minn dejjem kien, imma għal ħafna żmien kellu l-karatteristika ta’ akkumpanjament, fejn il-bniedem kien joqgħod għall-possibbiltajiet li kienu joffru l-istess ħwejjeġ.  Dan kien ifisser li hu jirċievi dak li r-realtà naturali minnha nfisha tħallih jagħmel, qisu qed jaqbdilha f’idha.  Għall-kuntrarju, issa dak li jinteressa lill-bniedem hu li jixrob dak kollu possibbli mill-ħwejjeġ ta’ madwaru billi jerfa’ jdejh fuqhom, waqt li spiss jinjora jew jinsa l-istess realtà ta’ dak li għandu quddiemu.  Għalhekk il-bniedem u l-ħwejjeġ ma baqgħux jagħtu jdejhom lil xulxin bħal ħbieb, imma saru għedewwa ta’ xulxin.  Minn hawn ma rridux wisq biex ngħaddu għall-idea ta’ tkabbir li m’għandux tmiem jew limiti, ħaġa li entużjażmat wisq lill-ekonomisti, l-esperti finanzjarji u teknoloġiċi.  Imma din hi l-gidba dwar id-disponibbiltà bla qies tal-ġid tal-pjaneta, li twassal lill-bniedem biex “jagħsar” dan il-ġid daqskemm hu possibbli jew anki lil hemm mil-limitu.  Dan hu l-presuppost falz li “jeżisti għadd bla qies ta’ enerġija u ta’ mezzi li jistgħu jitħaddmu, li hi possibbli r-riġenerazzjoni immedjata tagħhom u li l-effetti negattivi tal-manipulazzjoni tan-natura jistgħu faċilment jinxtorbu”.[86]

 

107. Nistgħu għalhekk naffermaw li fl-għerq ta’ ħafna diffikultajiet fid-dinja tal-lum hemm qabelxejn it-tendenza, mhux dejjem konxja, li nfasslu l-metodoloġija u l-għanijiet tax-xjenza teknika skont paradigma ta’ għarfien li tikkundizzjona l-ħajja tal-persuni u l-mod kif taħdem is-soċjetà.  L-effetti tat-tħaddim ta’ dan il-mudell għar-realtà kollha, umana u soċjali, nistgħu narawhom fit-taħsir tal-ambjent, imma dan hu biss sinjal tar-riduzzjoniżmu li qed jolqot lill-ħajja tal-bniedem u lis-soċjetà fid-dimensjonijiet kollha tagħhom.  Hemm bżonn nagħrfu li l-prodotti teknoloġiċi mhumiex xi ħaġa newtrali, għax joħolqu qafas li jispiċċa jikkundizzjona l-istili ta’ ħajja u jorjentaw il-possibbiltajiet soċjali lejn id-direzzjoni tal-interessi ta’ gruppi partikulari ta’ poter.  Ċerti għażliet li jidhru purament strumentali, fil-verità huma għażliet fid-dawl ta’ għamla ta’ ħajja soċjali li wieħed ikun irid jiżviluppa.

 

108. Wieħed illum ma jistax isostni paradigma kulturali oħra u jinqeda bit-teknoloġija bħala biss għodda, għax illum il-paradigma teknokratika saret hekk dominanti, li hi ħaġa iebsa ħafna ma tinqediex bir-riżorsi tagħha, u bil-wisq aktar diffiċli tħaddem ir-riżorsi tagħha bla ma tisfa maħkum mil-loġika tagħha.  Sar kontro-kulturali li tagħżel stil ta’ ħajja b’għanijiet li tal-inqas f’parti minnhom jistgħu jkunu indipendenti mit-teknoloġija, mill-ispejjeż tagħha u mill-poter globalizzanti u depersonalizzanti tagħha.  Fil-fatt it-teknoloġija għandha tendenza li tagħmel mod li xejn ma jibqa’ barra mil-loġika b’saħħitha tagħha, u “il-bniedem li hu l-protagonista tagħha jaf li, fl-aħħar mill-aħħar, la qed nitkellmu fuq ħaġa għall-bżonn, u lanqas fuq ġid biex ikun jista’ jgħix sew, imma fuq mod kif jaħkem, ħakma fis-sens estrem tal-kelma”.[87]  Għalhekk “jipprova jaħtaf taħt idejh l-elementi tan-natura u magħhom dawk tal-ħajja umana”.[88]  Hekk jiġu fix-xejn il-ħila li jiddeċiedi, il-libertà l-aktar awtentika u l-ispazju għall-kreattività alternattiva tal-individwi.

 

109. Il-paradigma teknokratika tfittex li tħaddem il-ħakma tagħha wkoll fuq l-ekonomija u l-politika.  L-ekonomija tassumi kull żvilupp teknoloġiku għal skop ta’ profitt, bla ma tagħti kas tal-konsegwenzi negattivi li jaf ikun hemm fuq il-bniedem.  L-interess finanzjarju jifga l-ekonomija vera.  Bqajna ma tgħallimniex mil-lezzjoni tal-kriżi finanzjarja dinjija, u bil-mod ħafna nitgħallmuha dik tat-taħsir ambjentali.  F’xi ċrieki hemm min qed jisħaq li l-ekonomija tal-lum u t-teknoloġija se jsolvu l-problemi ambjentali kollha, bl-istess mod li hemm min jafferma, b’lingwaġġ xejn akkademiku, li l-problemi tal-ġuħ u tal-faqar fid-dinja nistgħu nsolvuhom sempliċement billi tikber id-dinja tas-suq.  Mhix kwistjoni ta’ teoriji ekonomiċi, li forsi llum ħadd ma jissogra jiddefendi, daqskemm tat-twettiq tagħhom fl-iżvilupp fattwali tal-ekonomija.  Dawk li dan ma jaffermawhx bil-kliem, isostnuh bil-fatti, meta ma jidhrux li jimpurtahom wisq minn livell ġust ta’ produzzjoni, tqassim aħjar tal-ġid, għożża responsabbli tal-ambjent jew id-drittijiet tal-ġenerazzjonijiet li ġejjin.  Bl-imġiba tagħhom qed juru li għalihom biżżejjed li jogħlew il-profitti.  Is-suq waħdu ma jistax jiggarantixxi l-iżvilupp sħiħ tal-bniedem u l-inklużjoni soċjali.[89]  Fl-istess waqt, għandna xorta ta’ “superżvilupp ħali u konsumista li joħloq kuntrast mhux aċċettabbli ma’ qagħdiet permanenti ta’ miżerja li ma tixraqx lill-bniedem”,[90] waqt li mhumiex jiżviluppaw b’biżżejjed ħeffa istituzzjonijiet ekonomiċi u programmi soċjali li jippermettu lill-iżjed foqra li jkollhom aċċess regolari għar-riżorsi bażiċi.  M’aħniex nintebħu biżżejjed liema huma l-għeruq l-aktar profondi tal-iżbilanċi attwali, marbuta mal-orjentament, l-għanijiet, is-sens u l-kuntest soċjali tat-tkabbir teknoloġiku u ekonomiku.

 

110. L-ispeċjalizzazzjoni propja tat-teknoloġija ġġorr magħha d-diffikultà kbira li ssib biex tara l-istampa sħiħa.  Il-frammentazzjoni tal-għarfien twassal għal applikazzjonijiet konkreti, imma spiss twassal lil dak li jkun biex jitlef is-sens tas-sħiħ, tar-relazzjonijiet li jeżistu bejn il-ħwejjeġ, tax-xefaq wiesa’, sens li jsir irrilevanti.  Dan l-istess fatt iżomm ’il-bniedem milli jsib toroq tajba biex bihom isolvi l-aktar problemi kumplessi tad-dinja tal-lum, fuq kollox dawk tal-ambjent u tal-foqra, li ma jistax jaffrontahom jekk jitlaq minn perspettiva waħda jew minn xorta waħda ta’ interessi.  Xjenza li tippretendi li tista’ toffri soluzzjonijiet għall-kwistjonijiet il-kbar, bilfors trid tagħti kas ta’ dak li l-għarfien ipproduċa fl-oqsma l-oħra tal-għerf, bħalma huma l-filosofija u l-etika soċjali.  Imma llum dan il-metodu sar diffiċli biex twettqu.  Għalhekk lanqas nistgħu nagħrfu l-ixfqa etiċi veri ta’ riferiment.  Il-ħajja ssir abbandun għaċ-ċirkustanzi li tiddetta t-teknoloġija, meqjusa r-riżorsa prinċipali biex wieħed jinterpreta l-ħajja.  Fir-realtà konkreta li qed tisfidana, jidhru diversi sintomi li jixkfu dan l-iżball, bħalma hu t-taħsir ambjentali, l-ansjetà, il-fatt li tlifna s-sens veru tal-ħajja u ta’ li ngħixu flimkien.  Hekk anki llum qed jidher mill-ġdid li “ir-realtà hi ogħla mill-idea”.[91]

 

111. Il-kultura ekoloġika ma nistgħux nirriduċuha għal serje ta’ tweġibiet urġenti u parzjali għall-problemi li qed jitfaċċaw quddiemna f’dak li hu taħsir ambjentali, it-tnaqqis fir-riżervi naturali u t-tinġis.  Għandna bżonn ta’ ħarsa differenti, ħsieb, politika, programm edukattiv, stil ta’ ħajja u spiritwalità li jsawru reżistenza quddiem l-avvanz tal-paradigma teknokratika.  Jekk ma nagħmlux hekk, imqar l-aqwa inizjattivi b’riżq l-ekoloġija jistgħu jispiċċaw magħluqin fl-istess loġika globalizzata.  Li nfittxu biss rimedju teknoloġiku għal kull problema ambjentali li titfaċċa quddiemna, ifisser li niżolaw l-affarijiet li fil-verità huma marbuta ma’ xulxin, u nkunu naħbu l-problemi veri u l-aktar profondi tas-sistema dinjija.

 

112. Madankollu, nistgħu nwessgħu mill-ġdid ħarsitna.  Il-libertà umana għandha l-ħila trażżan it-teknoloġija, torjentaha, tqegħidha għas-servizz ta’ xejra oħra ta’ progress, iżjed b’saħħtu, iżjed uman, iżjed soċjali u iżjed sħiħ.  Il-ħelsien mill-paradigma teknokratika li ħakmitna fil-fatt qed narawh iseħħ f’xi okkażjonijiet.  Ngħidu aħna, meta komunità ta’ produtturi żgħar tagħżel sistemi ta’ produzzjoni li jniġġsu inqas, u hekk tfittex mudell ta’ ħajja, ta’ ferħ u ta’ għajxien flimkien li mhux konsumista.  Jew meta t-teknoloġija tfittex qabel kollox li tħoll il-problemi konkreti tal-oħrajn, u tħabrek biex tgħinhom jgħixu b’iktar dinjità u inqas tbatija.  U mill-ġdid, meta t-tiftix kreattiv ta’ dak li hu sabiħ u l-kontemplazzjoni tiegħu jirnexxielhom jegħlbu l-poter tal-oġġetti b’għamla ta’ salvazzjoni li sseħħ f’dak li hu sabiħ u fil-persuna li tikkontemplah.  L-umanità awtentika, li tistedinna għal sintesi ġdida, donnha qed tgħammar f’nofs iċ-ċiviltà teknoloġika, kważi bla ma din tintebaħ biha, bħaċ-ċpar li jitħaxken minn taħt bieb magħluq.  Tista’ tkun din wegħda dejjiema li, minkejja kollox, togħla ’l fuq f’isem dak kollu li hu awtentiku?

 

113. Wara kollox, in-nies illum donnha mhix temmen f’ġejjieni hieni, mhix tafda b’għajnejha magħluqa f’għada aħjar, jekk imsejjes fuq il-kundizzjonijiet tad-dinja tal-lum u l-ħiliet teknoloġiċi.  Qed tifhem li l-progress tax-xjenza u tat-teknoloġija ma jfissirx il-progress tal-bnedmin u tal-istorja, u qisha għandha ħjiel li huma oħrajn it-toroq fundamentali għal ġejjieni hieni.  Safrattant, lanqas jgħaddilha minn moħħha li tirrifjuta l-possibbiltajiet li toffrilha t-teknoloġija.  Il-bniedem inbidel bil-kbir, u tant ilu jiġbor affarijiet ġodda fi triqtu, li spiċċa jiġġerra b’mod superfiċjali lejn direzzjoni waħda.  Sar diffiċli għalina nieqfu biex nirkupraw mill-ġdid il-profondità tal-ħajja.  Jekk l-arkitettura tirrifletti l-ispirtu ta’ epoka, l-istrutturi enormi u l-blokok identiċi ta’ appartamenti jesprimu l-ispirtu ta’ teknoloġija globalizzata, fejn in-novità kontinwa tal-prodotti hi msieħba minn monotonija peżanti.  Ejjew ma nirrassenjawx ruħna għal dan u ma nibqgħux lura milli nagħmlu mistoqsijiet fuq l-għala u t-tifsira ta’ kull ħaġa.  Inkella, inkunu biss qed nagħtu raġun lill-affarijiet kif inhuma u nispiċċaw infittxu ħwejjeġ oħra ġodda biex nimlew il-vojt tagħna.

 

114. Dak li qed iseħħ madwarna jqegħidna quddiem l-urġenza li nwettqu malajr rivoluzzjoni kulturali kuraġġjuża.  Ix-xjenza u t-teknoloġija mhumiex newtrali, imma mill-bidu sal-aħħar tal-proċess jistgħu jimplikaw diversi fehmiet u possibbiltajiet, u għalhekk għandhom ħafna wċuħ.  Ħadd ma jrid jerġa’ lura lejn Żmien il-Ħaġar, imma hemm bżonn kbir li nnaqqsu ftit mill-pass mgħaġġel tagħna biex inkunu nistgħu nħarsu lejn ir-realtà ta’ madwarna b’mod ieħor, naraw x’inhu l-iżvilupp pożittiv u sostenibbli, u fl-istess ħin nirkupraw il-valuri u l-għanijiet għoljin li sfaw meqruda mill-għaġla sfrenata.

 

III. Il-kriżi u l-konsegwenzi tal-antropoċentriżmu modern

 

115. L-antropoċentriżmu modern, paradossalment, spiċċa biex qiegħed ir-raġuni teknika ’l fuq mir-realtà, għax dan il-bniedem “m’għadux iħoss lin-natura bħala norma valida, lanqas bħala kenn ħaj.  Iħares lejha mingħajr ipotesi, oġġettivament, bħala spazju u materja li fihom jista’ jwettaq opra li fiha jilgħab kollox, u ma jimpurtax xi jkun ir-riżultat”.[92]  Hekk, ikun inaqqas mill-valur intrinsiku tad-dinja.  Imma jekk il-bniedem ma jiskoprix mill-ġdid il-post veru tiegħu, ma jifhimx sew lilu nnifsu u jispiċċa jikkuntradixxi r-realtà tiegħu nnifsu.  “Alla mhux biss ta l-art lill-bniedem ħa jużaha bir-rispett kollu għall-iskop li għalih Alla taha lill-bniedem, imma l-bniedem innifsu hu wkoll don ta’ Alla lill-bniedem: għalhekk il-bniedem irid juri rispett għall-istruttura naturali u morali li biha hu mżejjen”.[93]

 

116. Fl-epoka moderna rajna kemm kiber l-antropoċentriżmu li, taħt libsa oħra, illum qed jissokta jhedded kull riferiment għal xi ħaġa komuni u kull tentattiv biex jissaħħu r-rabtiet soċjali.  Għalhekk wasal il-waqt li nagħtu mill-ġdid attenzjoni lir-realtà bil-limiti li din timponi, li min-naħa tagħhom jifħtu l-possibbiltà għal żvilupp uman u soċjali iktar b’saħħtu u għammiel.  Kellna min ippreżenta b’mod xejn xieraq l-antropoloġija Nisranija u hekk spiċċa biex ippromova kunċett żbaljat tar-relazzjoni tal-bniedem mad-dinja.  Spiss ingħatat impressjoni donnha ħolma bħal dik ta’ Promoteu, waħda ta’ ħakma fuq id-dinja li ħalliet lil ħafna nies bl-impressjoni li l-ħarsien tan-natura hu ħaġa tad-dgħajfin.  Imma l-interpretazzjoni korretta tal-kunċett tal-bniedem bħala sid l-univers hi dik li tarah bħala amministratur responsabbli.[94]

 

117. Il-fatt li ma tantx noqogħdu ninkwetaw li nkejlu l-ħsara li qed issir lin-natura u l-impatt ambjentali tad-deċiżjonijiet li jittieħdu, hu rifless ċar ta’ nuqqas ta’ interess biex naqraw il-messaġġ li n-natura għandha minquxa fl-istess tiswir tagħha.  Meta fl-istess realtà tagħna ma nagħrfux il-valur ta’ min hu fqir, ta’ embriju uman, ta’ persuna b’diżabbiltà – biex insemmi biss xi eżempji –, diffiċli mbagħad ikollna l-ħila nisimgħu l-karba tan-natura nfisha.  Kollox hu marbut flimkien.  Jekk il-bniedem jiddikjara ruħu awtonomu mir-realtà u jħossu ħakkiem assolut tagħha, l-istess bażi tal-eżistenza tiegħu titmermer, għax “flok jaqdi sehmu bħala koperatur ma’ Alla fil-ħidma tal-ħolqien, il-bniedem iqiegħed lilu nnifsu flok Alla u jispiċċa biex iqajjem irvell fin-natura”.[95]

 

118. Din il-qagħda twassalna għal skiżofrenija permanenti, li fuq naħa tfittex l-eżaltazzjoni teknokratika li ma tagħrafx il-valur propju tal-ħlejjaq l-oħra, u fuq l-oħra r-reazzjoni li ma ssib l-ebda valur partikulari fil-bniedem.  Imma ma nistgħux iwwarrbu l-umanità.  Ma nistgħux nibnu relazzjoni ġdida man-natura jekk ma nsawrux bniedem ġdid.  M’hemmx ekoloġija mingħajr antropoloġija xierqa.  Meta l-bniedem jitqies biss bħala ħlejqa oħra fost l-oħrajn, frott ta’ xi logħba tax-xorti jew ta’ determiniżmu fiżiku, “nirriskjaw li nxejnu fil-persuni l-kuxjenza tar-responsabbiltà”.[96]  Antropoċentriżmu żbaljat mhux bilfors irid iċedi postu għall-“bijoċentriżmu”, għax dan iwassal għal żbilanċ ġdid, li mhux biss ma jsolvix il-problemi, imma jżid fuqhom oħrajn ġodda.  Ma nistgħux nitolbu min-naħa tal-bniedem impenn b’riżq id-dinja, jekk fl-istess waqt ma nagħrfux u ma nistmawx il-ħiliet tiegħu ta’ għarfien, rieda, libertà u responsabbiltà.

 

119. Il-kritika għall-antropoċentriżmu żbaljat lanqas m’għandha tixħet fit-tieni post il-valur tar-relazzjonijiet bejn il-persuni.  Jekk il-kriżi ekoloġika qed tikxef u turi l-kriżi etika, kulturali u spiritwali tal-epoka moderna, ma nistgħux nitqarrqu naħsbu li nistgħu nfejqu r-relazzjoni tagħna man-natura u l-ambjent mingħajr ma nfejqu r-relazzjonijiet fundamentali umani kollha.  Meta l-ħsieb Nisrani jfittex juri li l-bniedem għandu valur partikulari ’l fuq minn kull ħlejqa oħra, hu jagħti lok għal valurizzazzjoni ta’ kull persuna umana, u jħeġġiġna għall-għarfien tal-persuna l-oħra.  In-nobbiltà kbira tal-bniedem tibqa’ tkun il-ħila tiegħu li jinfetaħ għall-“int” li jaf jagħraf, iħobb u jiddjaloga miegħu.  Għalhekk, biex nibnu relazzjoni xierqa mal-ħolqien, m’hemmx bżonn indgħajfu d-dimensjoni soċjali tal-bniedem u lanqas id-dimensjoni traxxendenti tiegħu, il-ftuħ tiegħu għall-“Int” divin.  Fil-fatt, ma nistgħux nipproponu relazzjoni mal-ambjent u nwarrbu għall-ġenb dik mal-bnedmin l-oħra u ma’ Alla.  Ikun individwaliżmu romantiku moħbi taħt il-libsa ta’ ġmiel ekoloġiku u għeluq għall-immanenza li jista’ jifgana.

 

120. Ladarba kollox hu f’relazzjoni, il-ħarsien tan-natura lanqas mhu kompatibbli mal-ġustifikazzjoni tal-abort.  Ma tagħmilx sens mixja edukattiva li tgħinna nilqgħu lill-ħlejjaq l-aktar dgħajfa li għandna madwarna, li kultant jisfaw mhedda u attakkati, meta mbagħad m’aħniex lesti nipproteġu lill-embriju uman imqar jekk il-wasla tiegħu taf toħloq skumditajiet u diffikultajiet: “Jekk is-sensibbiltà personali u soċjali favur l-aċċettazzjoni ta’ ħajja ġdida tintilef, imbagħad jinxfu wkoll l-għamliet l-oħra ta’ aċċettazzjoni li jiswew għas-soċjetà”.[97]

 

121. Għadna qed nistennew l-iżvilupp ta’ sintesi ġdida li tegħleb id-djalettika falza tal-aħħar sekli.  L-istess Kristjaneżmu, fidil lejn l-identità tiegħu u lejn it-teżor tal-verità li rċieva mingħand Ġesù Kristu, dejjem jaħseb modi ġodda u jsemma’ leħnu mill-ġdid fid-djalogu mal-qagħdiet storiċi ġodda, u hekk iħalli jwarrad il-ġdid dejjiemi tiegħu.[98]

 

Ir-relattiviżmu prattiku

122. Antropoċentriżmu żbaljat jagħti lok għal stil żbaljat ta’ ħajja.  Fl-Eżortazzjoni appostolika Evangelii gaudium tkellimt dwar ir-relattiviżmu prattiku li qed jolqot l-epoka tagħna, u li hu “wisq iżjed perikuluż minn dak duttrinali”.[99]  Meta l-bniedem iqiegħed lilu nnifsu fiċ-ċentru, jispiċċa jagħti prijorità assoluta lill-interessi tiegħu tal-mument, u l-bqija kollu jsir relattiv.  Għalhekk m’għandniex għax nistagħġbu li, flimkien mal-paradigma teknokratika preżenti kullimkien u l-kult tal-poter uman bla limiti, qed jitrawwem fis-suġġetti dan ir-relattiviżmu, fejn dak li ma jaqdix l-interessi immedjati ta’ min ikun, isir kollu irrilevanti.  F’dan hemm loġika li tgħinna nifhmu kif iwieżnu li xulxin dawk l-imġibiet li jipprovokaw fl-istess ħin kemm it-taħsir ambjentali u kemm it-taħsir soċjali.

 

123. Il-kultura tar-relattiviżmu hi l-istess marda li twassal persuna biex tapprofitta ruħha minn oħra u tqisha bħala sempliċi oġġett, tobbligaha għal xogħol sfurzat, u tjassarha minħabba xi dejn.  Hi l-istess loġika li twassal lil min jabbuża sesswalment mit-tfal, jew iwarrab lill-anzjani li ma jistgħux jaqdu l-interessi tiegħu.  Hija wkoll il-loġika ġewwiena ta’ min isostni: Inħallu l-qawwiet inviżibbli tas-suq jirregolaw huma l-ekonomija, għax l-effetti tagħhom fuq is-soċjetà u fuq in-natura huma ħsarat li ma nistgħux naħarbuhom.  Jekk m’hemmx veritajiet oġġettivi u lanqas prinċipji stabbli, lil hemm mis-sodisfazzjon tax-xewqat tagħna u tal-ħtiġijiet immedjati, x’limiti jista’ jkun hemm għat-traffikar tal-bnedmin, il-kriminalità organizzata, it-traffikar tad-droga, il-kummerċ tad-djamanti mċappsa bid-demm u tal-ġlud taannimali kważi estinti?  Mhix din l-istess loġika relattivista li tiġġustifika l-kisba ta’ organi tal-foqra biex jinbiegħu jew jintużaw għall-esperimenti, jew it-tneħħija tat-tfal għax ma jissodisfawx ix-xewqa tal-ġenituri tagħhom?  Hi l-istess loġika ta’ “uża u armi” li tipproduċi tant materjal għar-rimi minħabba fix-xewqa marida li nikkonsmaw iżjed minn dak li għandna bżonn fil-verità.  U għalhekk ma nistgħux inserrħu iżjed fuq il-programmi politiċi u s-saħħa tal-liġi jew naħsbu li huma biżżejjed biex nevitaw dawn l-imġibiet li jolqtu l-ambjent, għax meta hi l-kultura li ssir korrotta u ma tibqa’ tagħraf ebda verità oġġettiva jew prinċipji universalment validi, il-liġijiet jinftiehmu biss bħala impożizzjonijiet arbitrarji jew bħala xkiel li għandna naħarbuh.

 

Il-bżonn li niddefendu x-xogħol

124. F’kull impostazzjoni ta’ ekoloġija integrali, li ma tħallix barra lill-bniedem, bilfors irridu ndaħħlu l-valur tax-xogħol, żviluppat b’mod hekk għaref minn San Ġwanni Pawlu II fl-Enċiklika tiegħu Laborem exercens.  Infakkru li, skont ir-rakkont Bibliku tal-ħolqien, Alla qiegħed lill-bniedem fil-ġnien li kien għadu kemm ħalaq (ara Ġen 2:15) mhux biss biex jieħu ħsieb ta’ dak li kien jeżisti (iħarsu), imma anki biex jaħdmu ħalli jagħmel il-frott (jikkultivah).  Hekk il-ħaddiema u n-nies tas-sengħa “jirfdu d-dinja maħluqa” (Sir 38:34).  Fir-realtà, l-indħil tal-bniedem li jiffavorixxi l-iżvilupp prudenti tal-ħolqien hu l-aħjar mod kif jieħu ħsiebu, għax hekk hu jsir għodda ta’ Alla biex jgħinu joħroġ dik il-potenzjalità li Hu nnifsu naqqax fil-ħwejjeġ: “Il-Mulej ħalaq id-duwa mill-art, u l-bniedem li għandu s-sens ma jżeblaħhiex” (Sir 38:4).

 

125. Jekk infittxu naħsbu liema huma r-relazzjonijiet xierqa tal-bniedem mad-dinja ta’ madwaru, toħroġ il-ħtieġa ta’ kunċett korrett tax-xogħol, għax, jekk nitkellmu fuq ir-relazzjoni tal-bniedem mal-affarijiet, toħroġ il-mistoqsija dwar is-sens u l-għanijiet tal-azzjoni tal-bniedem dwar ir-realtà.  M’aħniex nitkellmu biss fuq xogħol manwali jew fuq xogħol tal-art, imma fuq kull ħidma li timplika xi bidla f’dak li jeżisti, mill-elaborazzjoni ta’ studju soċjali sal-proġett ta’ żvilupp teknoloġiku.  Kull għamla ta’ xogħol tippresupponi idea fuq ir-relazzjoni li l-bniedem jista’ jew għandu jkollu mal-ieħor li jinsab ’il barra minnu.  L-ispiritwalità Nisranija, flimkien mal-għoġba kontemplattiva tal-ħlejjaq li nsibu f’San Franġisk ta’ Assisi, żviluppat ukoll għarfien għani u san tad-dinja tax-xogħol, kif naraw, ngħidu aħna, mill-ħajja tal-Beatu Charles de Foucauld u tad-dixxipli tiegħu.

 

126. Nistgħu anki naqbdu xi ħaġa mit-tradizzjoni twila monastika.  Għall-bidu f’ċertu sens hi kienet favur il-ħarba mid-dinja, u tħajret titbiegħed mid-dekadenza tal-belt.  Għalhekk il-monaċi kienu jfittxu d-deżert, konvinti li dan kien l-imkien adattat biex setgħu jagħrfu l-preżenza ta’ Alla.  Imbagħad ġie San Benedittu ta’ Norcia, li ried li l-monaċi tiegħu jgħixu f’komunità, u jwaħħdu t-talb u l-istudju tagħhom max-xogħol tal-idejn (Ora et labora).  Din l-introduzzjoni tax-xogħol tal-idejn imxappap f’sens spiritwali dehret bħala xi ħaġa rivoluzzjonarja.  Il-bniedem tgħallem ifittex jimmatura u jitqaddes f’ħajja minsuġa mill-ġabra u l-ħidma flimkien.  Dan il-mod kif ngħixu x-xogħol jagħmilna iżjed kapaċi nieħdu ħsieb tal-ambjent u nirrispettawh, u jagħti ċerta sobrjetà b’saħħitha lir-relazzjoni tagħna mad-dinja.

 

127. Naffermaw li “il-bniedem huwa l-awtur, iċ-ċentru u l-għan tal-ħajja ekonomika-soċjali kollha”.[100]  Madankollu, meta l-bniedem jitlef il-ħila li jikkontempla u jirrispetta, jinħolqu kundizzjonijiet li jgħawġu t-tifsira tax-xogħol.[101]  Jeħtieġ niftakru dejjem li l-bnedmin fl-istess waqt “jistgħu huma stess itejbu l-qagħda tagħhom fil-ħwejjeġ materjali, jiksbu l-progress tagħhom morali, u jiżviluppaw il-kwalitajiet tagħhom spiritwali”.[102]  Ix-xogħol għandu jkun il-qasam fejn iseħħ dan l-iżvilupp personali fuq diversi livelli, fejn jiltaqgħu d-diversi dimensjonijiet tal-ħajja: il-kreattività, l-orjentament lejn il-futur, l-iżvilupp tal-ħiliet, it-tħaddim tal-valuri, il-komunikazzjoni mal-oħrajn, atteġġjament ta’ qima.  Għalhekk ir-realtà soċjali tad-dinja tal-lum, lil hemm mill-interessi limitati tal-kumpaniji kummerċjali u ta’ razzjonalità ekonomika diskutibbli, tesiġi li “aħna nissoktaw nagħtu prijorità lill­-aċċess lejn xogħol stabbli għal kulħadd.[103]

 

128. Aħna sa mill-ħolqien tagħna msejħin għax-xogħol.  M’għandniex infittxu li x-xogħol tal-bniedem neħdulu postu dejjem iżjed bil-progress teknoloġiku: meta jagħmel hekk, il-bniedem ikun jagħmel ħsara lilu nnifsu.  Ix-xogħol hu bżonn, hu parti mis-sens tal-ħajja fuq din l-art, triq li biha l-bniedem jikber, jiżviluppa u jilħaq il-milja tiegħu.  F’dan is-sens, l-għajnuna lill-foqra bil-flus għandha tkun dejjem rimedju proviżorju biex naffaċċjaw ċerti emerġenzi.  L-għan veru għandu dejjem ikun li ngħinuhom ikollhom ħajja dinjituża permezz tax-xogħol.  Madankollu, l-orjentament tal-ekonomija aktar iffavorixxa xejra ta’ progress teknoloġiku li jfittex kif ħa jnaqqas l-ispejjeż tal-produzzjoni u jnaqqas il-postijiet tax-xogħol, u flokhom jiddaħħlu l-magni.  Dan hu mod ieħor kif ħidmet il-bniedem tista’ ddur kontrih stess.  Bit-tnaqqir tal-postijiet tax-xogħol “tbati wkoll l-ekonomija, minħabba t-tgħawwir progressiv tal-kapital soċjali: ix-xibka ta’ rabtiet mibnija fuq il-fiduċja, is-serħan tal-moħħ, u r-rispett tar-regoli, li lkoll huma indispensabbli għal kull għamla ta’ koeżistenza ċivili”.[104]  Bla dubju, “il-valuri umani dejjem jinkludu valuri ekonomiċi, u disfunzjonijiet ekonomiċi dejjem jinvolvu l-valuri umani.[105]  Jekk nirrifjutaw li ninvestu fil-persuni biex niksbu profitt immedjat akbar, inkunu nagħmlu ħsara kbira lis-soċjetà.

 

129. Biex jibqa’ possibbli li noffru l-impjiegi, hu indispensabbli li nippromovu ekonomija favur id-diversifikazzjoni produttiva u l-kreattività intraprenditorjali.  Ngħidu aħna, insibu varjetà ta’ sistemi żgħar ta’ biedja li jipproduċu l-ikel li qed ikomplu llum jitimgħu l-parti l-kbira tal-popli tad-dinja, billi jużaw parti żgħira mit-territorju u mill-ilma u jipproduċu inqas skart, kemm f’għelieqi u oqsma agrikoli żgħar, kemm fil-kaċċa u l-ġbir ta’ prodotti mill-boskijiet, kemm fis-sajd.  L-ekonomiji ta’ skala, speċjalment fil-qasam agrikolu, jispiċċaw iġiegħlu lill-bdiewa żgħar ibiegħu l-artijiet tagħhom jew jitilqu s-sistemi tradizzjonali ta’ kif jaħdmu l-art.  It-tentattivi ta’ xi wħud minnhom li jiżviluppaw għamliet oħra ta’ produzzjoni, iktar diversifikati, jisfaw bla siwi minħabba fid-diffikultà ta’ aċċess għas-swieq reġjonali u globali jew għax l-infrastruttura tal-bejgħ u tat-trasport qiegħda għas-servizz tal-kumpaniji kummerċjali kbar.  L-awtoritajiet għandhom id-dritt u r-responsabbiltà li jadottaw miżuri ta’ appoġġ ċar u b’saħħtu lill-produtturi ż-żgħar u b’riżq id-diversifikazzjoni tal-produzzjoni.  Biex ikollna libertà ekonomika li minnha effettivament igawdi kulħadd, xi kultant ikun hemm bżonn inqiegħdu limitu lil dawk li għandhom f’idejhom riżorsi u saħħa finanzjarja ikbar.  Is-sempliċi proklamazzjoni tal-libertà ekonomika, meta, imma, il-kundizzjonijiet reali ma jħallux aċċess veru għaliha min-naħa ta’ ħafna, u meta l-aċċess għax-xogħol hu limitat, issir diskors kuntradittorju li ma jagħmilx ġieħ lill-politika.  L-attività tal-imprendituri, li hi vokazzjoni nobbli orjentata biex tipproduċi l-ġid u ttejjeb id-dinja għal kulħadd, tista’ tkun mod għammiel ħafna ta’ kif jiġi rreklamat ir-reġjun li fih tkun qed issir dik l-attività, fuq kollox jekk tifhem li l-ħolqien ta’ postijiet tax-xogħol hi parti essenzjali mis-servizz tagħha b’riżq il-ġid komuni.

 

L-innovazzjoni bijoloġika li titlaq mir-riċerka

130. Fil-viżjoni filosofika u teoloġika tal-bniedem u tal-ħolqien, li fittixt nipproponi, joħroġ ċar li l-bniedem, bl-aspetti partikulari tar-raġuni u x-xjenza tiegħu, mhux xi fattur estern li għandu jibqa’ barra għalkollox.  Madankollu, għalkemm il-bniedem jista’ jidħol fid-dinja tal-pjanti u l-annimali u jinqeda biha meta dan hu ħtieġa għal ħajtu, il-Katekiżmu jgħallimna li l-esperimentazzjoni fuq l-annimali hi leġittima biss jekk “isiru f’limiti raġonevoli u jgħinu biex jikkuraw u jsalvaw il-ħajja tal-bnedmin”.[106]  Ifakkar b’ċerta qawwa li l-poter uman għandu l-limiti tiegħu u li “hu kontra d-dinjità tal-bniedem taħqar l-annimali u ġġib fix-xejn ħajjithom bla bżonn”.[107]  Kull użu u sperimentazzjoni “jitlob li tkun irrispettata s-sħuħija jew l-integrità tal-ħolqien”.[108]

 

131. Nixtieq hawn nagħmel tiegħi l-pożizzjoni bilanċjata ta’ San Ġwanni Pawlu II, li xeħet dawl fuq il-benefiċċji tal-progress xjentifiku u teknoloġiku, li “juri kemm hi nobbli s-sejħa tal-bniedem li jkollu sehem responsabbli fl-għemil ħallieq ta’ Alla”, imma li fl-istess ħin fakkar “kif kull indħil tiegħu f’parti tal-ekosistema ma jistax jinsa l-konsegwenzi fuq partijiet oħra”.[109]  Saħaq li l-Knisja tapprezza l-kontribut “tal-istudju u tat-tħaddim tat-teknoloġija bijomolekulari, imsaħħa mid-dixxiplini l-oħra bħalma huma l-ġenetika u l-applikazzjoni teknoloġika tagħha fil-biedja u fl-industrija”.[110]  Għalkemm qal ukoll li dan m’għandux jagħti lok għal “manipulazzjoni ġenetika inġusta”[111] li tinjora l-effetti negattivi ta’ dawn l-interventi.  Ma tistax twaqqaf il-kreattività umana.  Jekk ma tistax iżżomm artista milli jesprimi l-ħila kreattiva tiegħu, lanqas tista’ xxekkel lil dawk li għandhom doni speċjali għall-iżvilupp xjentifiku u teknoloġiku, li l-ħiliet tagħhom ingħatawlhom minn Alla għas-servizz tal-oħrajn.  Fl-istess waqt, ma tistax toqgħod lura u ma tqisx mill-ġdid x’inhuma l-għanijiet, l-effetti, il-kuntest u l-limiti etiċi ta’ din l-attività umana li hi għamla ta’ poter b’riskji kbar.

 

132. F’dan ix-xenarju għandha tidħol xi riflessjoni dwar l-indħil tal-bniedem fuq id-dinja tal-pjanti u l-annimali, li llum il-ġurnata timplika tibdil ġenetiku magħmul mill-bijoteknoloġija, biex jisfruttaw il-possibbiltajiet kollha fir-realtà materjali.  Ir-rispett tal-fidi lejn ir-raġuni jitlob li tkun attenta għal dak li l-istess xjenza bijoloġika, żviluppata indipendentament mill-interessi ekonomiċi, tista’ tgħallem dwar l-istrutturi bijoloġiċi u l-possibbiltajiet u t-tibdil tagħhom.  Hu x’inhu, hu leġittimu l-intervent li jaġixxi fuq in-natura “biex jgħinha tiżviluppa skont l-essenza tagħha, dik tal-ħolqien, dik mixtieqa minn Alla”.[112]

 

133. Diffiċli ngħaddu ġudizzju ġenerali fuq l-iżvilupp ta’ organiżmi ġenetikament modifikati (OĠM), pjanti jew annimali, għal skopijiet mediċi jew fil-biedja, ladarba dawn jistgħu jkunu differenti ħafna minn xulxin u għandhom jitqiesu separatament.  Min-naħa l-oħra, ir-riskji mhux dejjem ġejjin mit-teknoloġija nfisha, imma mill-applikazzjoni mhux xierqa jew żejda tagħha.  Fir-realtà, it-tibdil ġenetiku sar u jsir ħafna drabi min-natura nfisha.  Lanqas dak li jitwettaq mill-bniedem ma hu xi fenomenu modern.  Id-domestikazzjoni tal-annimali, it-tlaqqigħ ta’ speċi u prattiċi oħra antiki u universalment aċċettati jistgħu jerġgħu jidħlu f’dawn il-kunsiderazzjonijiet.  Ta’ min ifakkar li l-iżviluppi xjentifiċi fuq ċereali transġeniċi bdew minn osservazzjoni ta’ batterji li b’mod naturali u spontanju kienu qed jipproduċu bidla fil-ġenomi ta’ pjanta.  Madankollu, fin-natura dawn il-proċessi jimxu b’ritmu bil-mod, li ma tistax tqabblu mal-ħeffa imposta mill-progress teknoloġiku attwali, anki meta progress bħal dan hu msejjes fuq żvilupp xjentifiku li ilu għaddej is-sekli.

 

134. Anki jekk m’għandniex f’idejna provi ċari dwar il-ħsara li jistgħu jagħmlu ċ-ċereali transġeniċi lill-bnedmin, u f’xi reġjun l-użu tagħhom ipproduċa tkabbir ekonomiku li għen biex jinħallu ċerti problemi, hemm bosta diffikultajiet serji li ma għandhomx jiġu sottovalutati.  F’ħafna żoni, wara li ddaħħlet il-kultivazzjoni tagħhom, rajna konċentrazzjoni ta’ artijiet produttivi f’idejn il-ftit, minħabba fl-“għajbien naqra naqra tal-produtturi żgħar, li, għax tilfu l-artijiet li kienu jaħdmu, ma kienx fadlilhom għażla ħlief li jirtiraw mill-produzzjoni diretta”.[113]  L-iktar dgħajfin fost dawn isiru impjegati prekarji u ħafna bdiewa jkollhom jemigraw lejn żoni urbani foqra.  It-tkabbir ta’ dawn il-kultivazzjonijiet jeqred ix-xibka kumplessa tal-ekosistemi, inaqqas id-diversità fil-produzzjoni u jolqot il-preżent u l-ġejjieni tal-ekonomiji reġjonali.  F’diversi pajjiżi hemm tendenza għall-iżvilupp ta’ swieq kbar mingħajr ebda kompetizzjoni, li jipproduċu ż-żerriegħa u prodotti oħra meħtieġa għall-kultivazzjoni, u d-dipendenza tikber meta wieħed iqis il-produzzjoni ta’ żerriegħa sterili, li tispiċċa tobbliga lill-bdiewa jixtruha mingħand kumpaniji ikbar.

 

135. Bla dubju hemm bżonn ta’ attenzjoni kostanti, li biha nistgħu nqisu l-aspetti etiċi kollha.  Għalhekk jeħtieġ niżguraw dibattitu xjentifiku u soċjali li jkun responsabbli u wiesa’, li kapaċi jqis it-tagħrif kollu disponibbli u jsejjaħ l-affarijiet b’isimhom.  Xi drabi jiġri li ma jitqegħdux il-karti kollha fuq il-mejda, imma jintgħażlu skont l-interessi ta’ dak li jkun, sew jekk politiċi, ekonomoċi jew ideoloġiċi.  Dan jagħmilha iżjed diffiċli biex jintlaħaq ġudizzju bilanċjat u prudenti fuq il-bosta kwistjonijiet, fejn wieħed iżomm quddiem għajnejh id-diversi fatturi milquta.  Għandna bżonn postijiet ta’ dibattitu fejn dawk kollha li b’xi mod huma direttament jew indirettament involuti (bdiewa, konsumaturi, awtoritajiet, xjenzati, produtturi ta’ żerriegħa, nies li jgħixu qrib l-għelieqi maħduma u oħrajn) jistgħu jressqu d-diffikultajiet tagħhom jew jiksbu tagħrif sħiħ u ta’ min jorbot fuqu biex jieħdu deċiżjonijiet orjentati lejn il-ġid komuni tal-preżent u tal-futur.  Dik tal-OĠM hi kwistjoni ta’ karattru kumpless, li titlob li tiġi affrontata b’ħarsa lejn l-aspetti kollha tagħha flimkien, u dan jitlob tal-inqas sforz ikbar biex jiġu ffinanzjati diversi linji ta’ riċerka awtonoma u interdixxiplinari li jistgħu jixħtu dawl ġdid.

 

136. Min-naħa l-oħra, iħassibna l-fatt li xi movimenti ekoloġisti jiddefendu s-sħuħija tal-ambjent, u bir-raġun jisħqu li r-riċerka xjentifika għandha l-limiti tagħha, waqt li mbagħad xi drabi ma japplikawx dawn l-istess prinċipji għall-ħajja umana.  Spiss isibu mod kif jiġġustifikaw il-fatt li l-bniedem qed jaqbeż kull limitu meta jagħmel esperimenti b’embriji umani ħajjin.  Ninsew li l-valur inaljenabbli tal-bniedem imur wisq lil hemm mill-grad tal-iżvilupp tiegħu.  Bl-istess mod, meta t-teknoloġija ma tagħrafx il-prinċipji etiċi kbar, tispiċċa biex tqis kull prattika bħala xi ħaġa leċita.  Kif rajna f’dan il-kapitlu, it-teknoloġija mifruda mill-etika diffiċilment tista’ trażżan il-poter tagħha nfisha.


 

Ir-Raba’ Kapitlu

EKOLOĠIJA INTEGRALI

 

137. La kollox hu marbut qatigħ ma’ xulxin u l-problemi tal-lum jitolbu ħarsa li żżomm quddiem għajnejha l-aspetti kollha tal-kriżi dinjija, nipproponi li issa nieqfu biex nirriflettu fuq id-diversi elementi ta’ ekoloġija integrali, li kjarament tiġbor fiha d-dimensjonijiet umani u soċjali.

 

I. Ekoloġija ambjentali, ekonomika u soċjali

 

138. L-ekoloġija tistudja r-relazzjonijiet bejn l-organiżmi ħajjin u l-ambjent li fih jikbru.  Hi titlob ukoll li wieħed jieqaf jaħseb u jiddiskuti fuq il-kundizzjonijiet ta’ ħajja u ta’ għajxien ta’ soċjetà, u jkun onest biżżejjed li kapaċi jqiegħed fid-dubju mudelli ta’ żvilupp, produzzjoni u konsum.  Mhux għalxejn inkomplu nisħqu fuq il-fatt li kollox hu marbut flimkien.  Iż-żmien u l-ispazju mhumiex indipendenti minn xulxin, u lanqas l-atomi u l-partiċelli subatomiċi ma jistgħu jitqiesu separatament minn xulxin.  Kif l-għadd ta’ komponenti tal-pjaneta – fiżiċi, kimiċi u bijoloġiċi – huma f’rabta ma’ xulxin, hekk ukoll l-ispeċi ħajjin isawru xibka li qatt m’aħna ħa nagħrfu u nifhmu biżżejjed.  Parti kbira mill-kodiċi ġenetiku tagħna naqsmuha ma’ ħafna ħlejjaq ħajjin.  Għalhekk, it-tagħrif frammentat u iżolat jista’ jsir għamla ta’ injoranza jekk ma narawx li jinġabar flimkien f’viżjoni sħiħa u usa’ tar-realtà.

 

139. Meta nitkellmu dwar l-“ambjent”, qed nirriferu wkoll għal relazzjoni partikulari: dik bejn in-natura u s-soċjetà li tgħix fiha.  Dan iżommna milli nqisu n-natura bħala xi ħaġa maqtugħa minna jew bħala sempliċi sfond ta’ ħajjitna.  Aħna mdaħħlin fiha, aħna parti minnha u jkollna x’naqsmu magħha l-ħin kollu.  Ir-raġunijiet li għalihom post jiġi mniġġes jitolbu analiżi ta’ kif qed taħdem is-soċjetà, l-ekonomija tagħha, l-imġiba tagħha, il-modi kif hi tifhem ir-realtà.  Billi ħafna huma l-bidliet, m’għadux possibbli nsibu tweġiba speċifika u indipendenti għal kull parti tal-problema.  Hu fundamentali nfittxu soluzzjonijiet sħaħ, li jagħtu kas tal-mod kif is-sistemi naturali jinteraġixxu bejniethom u mas-sistemi soċjali.  M’għandniex żewġ kriżijiet separati, waħda ambjentali u oħra soċjali, imma kriżi waħda u kumplessa soċjo-ambjentali.  L-istrateġiji għas-soluzzjoni jitolbu viżjoni sħiħa biex nissieltu kontra l-faqar, nagħtu lura d-dinjità lill-imwarrbin u fl-istess ħin nieħdu ħsieb tan-natura.

 

140. Minħabba fl-għadd u l-firxa wiesgħa ta’ elementi li rridu nagħtu kashom, la ħa niddeterminaw l-impatt ambjentali ta’ attività konkreta, hu indispensabbli nagħtu lir-riċerkaturi rwol ewlieni u niffaċilitaw l-interazzjoni ta’ bejniethom, b’libertà akkademika wiesgħa.  Din ir-riċerka kostanti għandha tgħinna wkoll nagħrfu kif l-għadd ta’ ħlejjaq huma f’relazzjoni bejniethom, u jsawru dawk il-gruppi ikbar li llum insejħulhom “ekosistemi”.  Qed inqisuhom mhux biss biex niddeterminaw x’inhu l-użu raġonevoli tagħhom, imma anki għax għandhom valur intrinsiku indipendenti minn dan l-użu.  Bħalma kull organiżmu hu tajjeb u sabiħ fih innifsu għax hu ħlejqa ta’ Alla, l-istess iseħħ fl-għaqda armonika ta’ organiżmi fi spazju determinat, li tiffunzjona bħala sistema.  Anki jekk ma nafux, aħna għall-istess eżistenza tagħna niddipendu minn din l-għaqda.  Ta’ min ifakkar li l-ekosistemi jindaħlu fir-riċiklar tad-dijossidu tal-karbonju, fit-tisfija tal-ilma, fil-kontroll tal-mard u epidemiji, fil-kompożizzjoni tal-ħamrija, fid-dekompożizzjoni tal-iskart u f’ħafna servizzi oħra li ninsew jew ninjoraw.  Meta jintebħu b’dan, ħafna persuni jerġgħu jinsew il-fatt li aħna qed ngħixu u naġixxu f’realtà li ngħatat lilna minn ta’ qabilna, li ġiet qabel il-ħiliet u l-eżistenza tagħna.  Imma, meta nitkellmu dwar “użu sostenibbli” jeħtieġ dejjem inqisu li kull ekosistema għandha l-modi tagħha kif tiġġenera mill-ġdid fid-diversi oqsma u aspetti tagħha.

 

141. Min-naħa l-oħra, it-tkabbir ekonomiku tendenzjalment jipproduċi reazzjonijiet u jpoġġi kollox fuq keffa waħda, biex jissimplifika l-proċess u jnaqqas l-ispejjeż.  Għalhekk hemm bżonn ta’ “ekoloġija ekonomika”, li twassalna biex inqisu r-realtà fuq livell usa’.  Fil-fatt, “il-ħarsien tal-ambjent għandu jkun parti integrali mill-proċess ta’ żvilupp u ma nistgħux inqisuh b’mod iżolat”.[114]  Imma fl-istess waqt, il-ħtieġa qawwija tal-umaniżmu ssir dejjem iktar attwali, għax issejjaħ lill-bosta xejriet ta’ għerf, anki dak ekonomiku, lejn viżjoni iżjed sħiħa u li kapaċi tiġbor kollox flimkien.  Illum l-analiżi tal-problemi ambjentali ma tistax tifridha mill-analiżi tal-kuntesti tal-bniedem, tal-familja, tax-xogħol, u mir-relazzjoni ta’ kull persuna magħha nfisha, li toħloq mod partikulari ta’ kif iġġib ruħha mal-oħrajn u mal-ambjent.  Hemm interazzjoni bejn l-ekosistemi u bejn id-diversi modi ta’ riferiment soċjali, u hekk jidher mill-ġdid għal darb’oħra li “il-kollox hu aqwa mill-parti”.[115]

 

142. Jekk kollox hu marbut ma’ xulxin, anki l-istat ta’ saħħet l-istituzzjonijiet ta’ soċjetà jġib miegħu konsegwenzi fuq l-ambjent u l-kwalità tal-ħajja tal-bniedem: “Kull vjolazzjoni tas-solidarjetà u l-ħbiberija ċivili tagħmel ħsara lill-ambjent”.[116]  F’dan is-sens, l-ekoloġija soċjali bilfors hi wkoll istituzzjonali u bil-mod il-mod tilħaq id-diversi dimensjonijiet, ibda mill-grupp soċjali ewlieni, il-familja, sal-ħajja internazzjonali, il-komunitajiet lokali u l-pajjiżi.  F’kull livell soċjali u bejniethom, jiżviluppaw l-istituzzjonijiet li jirregolaw ir-relazzjonijiet umani.  Dak kollu li jagħmlilhom ħsara għandu effetti koroh, bħat-teħid tal-libertà, l-inġustizzja u l-vjolenza.  Bosta pajjiżi huma ggvernati minn sistema istituzzjonali dgħajfa, u hawn ibatu l-popli u jgawdu dawk li jagħmlu l-flus minn fuq dahar din is-sitwazzjoni.  Kemm fi ħdan l-amministrazzjoni tal-Istat, u kemm fid-diversi espressjonijiet tas-soċjetà ċivili, jew fir-relazzjonijiet tan-nies bejniethom, jidhru każi frekwenti ta’ mġiba illegali.  Il-liġijiet jafu jkunu fformulati f’forma korretta, imma spiss jibqgħu ittra mejta.  Nistgħu għalhekk nittamaw li l-liġijiet u n-normi dwar l-ambjent ikunu tabilħaqq effikaċi?  Nafu, ngħidu aħna, li pajjiżi b’liġijiet ċari dwar il-ħarsien tal-foresti, għadhom xhieda sektin tal-vjolazzjoni spissa tagħhom.  Iktar minn hekk, dak li jseħħ f’reġjun iħalli, direttament jew indirettament, influwenza fuq reġjuni oħra.  Hekk, ngħidu aħna, il-konsum tad-drogi fis-soċjetajiet għonja jipprovoka domanda kostanti u dejjem tikber għal prodotti li ġejjin minn reġjuni foqra, fejn titħassar l-imġiba, tinqered il-ħajja u fl-aħħar jitħassar l-ambjent.

 

II. Ekoloġija kulturali

 

143. Flimkien mal-wirt naturali, hemm wirt storiku, artistiku u kulturali li wkoll qed jisfa mhedded.  Hu parti mill-identità komuni ta’ post u pedament sod għall-bini ta’ belt li fiha jgħixu n-nies.  M’aħniex ngħidu li għandna neqirdu u noħolqu bliet ġodda ipotetikament iktar ekoloġiċi, fejn mhux dejjem imbagħad issib li jaqbillek tgħix.  Hemm bżonn nintegraw flimkien l-istorja, il-kultura u l-arkitettura ta’ post partikulari, u nħarsulu l-identità oriġinali.  Għalhekk l-ekoloġija titlob ukoll l-għożża tal-għana kulturali tal-bnedmin fl-aktar sens wiesa’ tiegħu.  B’mod iżjed dirett, titlob attenzjoni għall-kulturi lokali matul l-istess analiżi ta’ kwistjonijiet marbuta mal-ambjent, fejn għandu jinħoloq djalogu bejn il-lingwaġġ teknoloġiku-xjentifiku u l-lingwaġġ popolari.  Din hi l-kultura mifhuma mhux biss bħala l-momunenti tal-passat, imma speċjalment fis-sens ħaj, dinamiku u parteċipattiv tagħha, li ma nistgħux naqtgħuh barra meta naħsbu kif għandna nsewwu r-relazzjoni tal-bniedem mal-ambjent.

 

144. Il-viżjoni konsumista tal-bniedem, li ssib favuriha l-ingranaġġi tal-ekonomija globalizzata tal-lum, tipprova tgħaqqad flimkien il-kulturi u ddgħajjef il-firxa kulturali immensa, li hi teżor għall-bnedmin.  Għalhekk, li tippretendi li tista’ ssolvi d-diffikultajiet kollha permezz ta’ normi uniformi jew interventi teknoloġiċi, iwassalha biex tittraskura l-kumplessità tal-problematika lokali, li titlob is-sehem attiv tan-nies kollha li jgħixu hemm.  Il-proċessi ġodda li qed naraw iseħħu mhux dejjem jaqblu ma’ mudelli stabbiliti minn barra, imma għandhom ikunu mibnija fuq l-istess kultura lokali.  L-istess kif il-ħajja u d-dinja huma dinamiċi, il-ħarsien tad-dinja għandu jkun flessibbli u dinamiku.  Is-soluzzjonijiet li huma biss teknoloġiċi jirriskjaw li jagħtu kas biss ta’ sintomi li ma jikkorrispondux mal-problemi l-iżjed profondi.  Hemm bżonn nagħmlu tagħna l-perspettiva tal-jeddijiet tal-ġnus u tal-kulturi, u hekk nifhmu li l-iżvilupp ta’ grupp soċjali jassumi proċess storiku fi ħdan kuntest kulturali u jitlob il-protagoniżmu kostanti tal-atturi soċjali lokali ibda mill-kultura propja tagħhom.  Lanqas il-kunċett ta’ kwalità ta’ ħajja ma għandu jiġi impost, imma rridu nifhmuh fi ħdan id-dinja ta’ simboli u drawwiet imħaddna minn kull grupp ta’ bnedmin.

 

145. Ħafna xejriet ta’ abbuż u taħsir qawwi tal-ambjent jistgħu mhux biss ixejnu l-mezzi li bihom jgħixu n-nies tal-lokal, imma anki r-riżorsi soċjali li xettlu mod ta’ ħajja li għal żmien twil wieżen identità kulturali u sens ta’ eżistenza u ta’ ħajja flimkien.  L-għajbien ta’ kultura jista’ jkun ħaġa gravi daqs jew iżjed mill-għajbien ta’ speċi ta’ annimali jew pjanti.  L-impożizzjoni ta’ stil dominanti ta’ ħajja marbut ma’ mod wieħed ta’ produzzjoni jista’ jagħmel ħsara daqs meta ekosistema sħiħa tinqaleb ta’ taħt fuq.

 

146. F’dan is-sens, hemm bżonn kbir li nagħtu attenzjoni speċjali lill-komunitajiet aboriġini bit-tradizzjonijiet kulturali tagħhom.  Dawn mhumiex sempliċi minoranza fost oħrajn, imma pjuttost iridu jsiru l-interlokuturi prinċipali, fuq kollox meta wieħed jiġi biex iwettaq proġetti kbar li jinteressaw l-artijiet tagħhom.  Fil-fatt, għalihom l-art mhix ġid ekonomiku, imma don ta’ Alla u tal-antenati li fiha jistrieħu, spazju qaddis li miegħu jeħtieġ jinteraġixxu biex isaħħu l-identità tagħhom u l-valuri tagħhom.  Meta jibqgħu joqogħdu fit-territorji tagħhom, huma l-aħjar nies biex jieħdu ħsieb dik l-art.  Madankollu, f’bosta nħawi tad-dinja, huma oġġett ta’ pressjoni kbira biex iħallu arthom u jagħmlu wisa’ ħalli tintuża għal proġetti ta’ tħaffir għall-minerali, agrikultura jew trobbija ta’ bhejjem, li qajla jimpurtahom mit-taħsir tan-natura jew tal-kultura.

 

III. Ekoloġija tal-ħajja ta’ kuljum

 

147. Biex nistgħu nitkellmu fuq żvilupp awtentiku, irridu nagħmlu mezz li jkun hemm titjib sħiħ fil-kwalità tal-ħajja umana, u dan ifisser li nanalizzaw l-ispazju li fih tiżvolġi jum wara l-ieħor il-ħajja tal-bnedmin.  L-ambjenti li fihom ngħixu jinfluwenzaw il-mod ta’ kif inħarsu lejn il-ħajja, kif inħossuna u kif naġixxu.  Fl-istess waqt, fil-kamra tagħna, fid-dar tagħna, fuq il-post tax-xogħol tagħna u fil-lokalità li fiha ngħixu aħna nużaw l-ambjent biex nesprimu l-identità tagħna.  Nippruvaw nadattaw ruħna għall-ambjent, u meta dan hu mħarbat, kaotiku jew mgħaddas fit-tinġis viżiv u akustiku, il-ħafna stimoli żejda jgħaddu mill-prova lit-tentattivi tagħna biex niżviluppaw identità sħiħa u hienja.

 

148. Ta’ min jammira l-kreattività u l-ġenerożità ta’ persuni u gruppi li kapaċi jtaffu l-limiti ambjentali, jibdlu l-effetti koroh tal-kundizzjonamenti, u jitgħallmu jagħtu sens lil ħajjithom imqar qalb id-diżordni u l-inċertezza.  Ngħidu aħna, f’xi postijiet, fejn il-faċċati tal-binjiet huma fi stat ħażin ħafna, hemm persuni li jieħdu ħsieb b’ħafna dinjità fuq ġewwa tad-djar tagħhom, jew iħossuhom sew minħabba l-qalb tajba u l-ħbiberija tan-nies.  Il-ħajja soċjali pożittiva u b’saħħitha ta’ nies ta’ post kapaċi xxerred id-dawl f’ambjent li mal-ewwel daqqa t’għajn donnok ma tissaportix tgħix fih.  Xi drabi, wieħed jammira kif il-foqra, qalb tant limitazzjonijiet, jafu jgħixu ekoloġija umana.  Is-sensazzjoni ta’ għeluq soffokanti minħabba fil-blokok kbar ta’ appartamenti u l-ispazji maħnuqa bin-nies li jgħixu fihom, min-naħa l-oħra hi kkuntrastata mit-trawwim ta’ relazzjonijiet ta’ bnedmin li jħossuhom qrib ta’ xulxin u jinħabbu, jekk joħolqu komunitajiet, jekk il-limiti ambjentali huma kkumpensati fil-ġewwieni ta’ kull persuna, jekk hi tħossha parti minn xibka ta’ komunjoni u ta’ appartenenza.  B’dan il-mod, l-ebda post ma jibqa’ infern, anzi jsir il-kuntest ta’ ħajja li tixraq lill-bniedem.

 

149. Barra minn hekk, hu ppruvat li f’postijiet ta’ faqar estrem f’ambjenti sajmin mill-armonija, spazji miftuħa u possibbiltajiet li wieħed jintegra ruħu, iktar faċli li jinbtu mġibiet diżumani u l-manipulazzjonijiet tal-persuni min-naħa ta’ organizzazzjonijiet kriminali.  Għal dawk li jgħixu fit-trufijiet foqra tal-bliet il-kbar, l-esperjenza tal-iffullar u tal-anonimat soċjali li huma jgħixu ta’ kuljum huma u għaddejjin minn qalb il-folla, tista’ tqanqal fihom sensazzjoni ta’ iżolament li tiffavorixxi mġibiet anti-soċjali u vjolenti.  Mandankollu, inħoss li għandi nisħaq li l-imħabba hi bil-wisq aqwa.  Ħafna persuni, f’dawn il-kundizzjonijiet, kapaċi jinsġu rabtiet ta’ appartenenza u ta’ konvivenza li jibdlu r-rassa tal-folol f’esperjenza komunitarja fejn jiġġarrfu l-ħitan tal-jien u jingħelbu l-ħitan tal-egoiżmu.  Din l-esperjenza ta’ salvazzjoni komunitarja hi dik li spiss tqanqal reazzjonijiet kreattivi biex titranġa xi binja jew xi kwartier.[117]

 

150. Fid-dawl tar-relazzjoni li hemm bejn l-ispazji urbani u kif iġib ruħu l-bniedem, dawk li jippjanaw id-disinni ta’ binjiet, kwartieri, wesgħat pubbliċi u bliet, jeħtieġu l-kontribut ta’ diversi dixxiplini li jgħinu biex wieħed jifhem il-proċessi, is-simboliżmu u l-imġibiet tal-persuni.  Mhux biżżejjed it-tiftix fuq il-ġmiel tal-proġett, għax hemm iżjed valur f’li wieħed jaqdi xorta oħra ta’ ġmiel: il-kwalità tal-ħajja tan-nies, l-armonija tagħhom mal-ambjent, il-laqgħa u l-għajnuna reċiproka.  Għalhekk ukoll hu hekk importanti li wieħed ifittex dejjem il-perspettiva tan-nies li jgħixu fil-post hu u jagħmel l-analiżi tal-pjanifikazzjoni urbana.

 

151. Hemm bżonn nieħdu ħsieb sew tal-wesgħat pubbliċi, il-perspettiva tal-postijiet u l-għeliem urbani li jkabbru s-sens ta’ appartenenza tagħna, is-sensazzjoni tagħna li għandna għeruq xi mkien, li “inħossuna d-dar” f’belt li tħaddanna fiha u tgħaqqadna flimkien.  Importanti li l-bosta partijiet ta’ belt ikunu marbuta sew ma’ xulxin u n-nies tal-post jista’ jkollhom viżjoni waħda flok jingħalqu f’xi kwartier tagħha, u jirrifjutaw li jgħixu fil-belt kollha bħala spazju tagħhom ukoll li huma jaqsmu mal-oħrajn.  Kull intervent fil-pajsaġġ urban jew rurali għandu jqis kif id-diversi elementi tal-post isawru ħaġa sħiħa li n-nies li jgħixu hemm iħarsu lejha bħala kwadru koerenti b’għana ta’ tifsiriet.  Hekk, l-oħrajn ma jibqgħux barranin u jistgħu jħossuhom parti mill-“aħna” li nibnu flimkien.  Għal din l-istess raġuni, kemm fl-ambjent urban u kemm f’dak rurali, jixraq li jinżammu ċerti spazji li fihom jiġi evitat li jsiru interventi umani li jibdluhom il-ħin kollu.

 

152. In-nuqqas ta’ djar li jservu ta’ saqaf hu kbir f’ħafna nħawi tad-dinja, kemm fiż-żoni rurali u kemm fl-ibliet il-kbar, anki għax il-baġits statali normalment ikopru biss parti żgħira mid-domanda.  Mhux biss il-foqra, imma parti kbira mis-soċjetà tħabbat wiċċha ma’ diffikultajiet serji biex ikollha dar tagħha.  Il-propjetà tad-dar hi importanti ħafna għad-dinjità tal-persuna u għall-iżvilupp tal-familja.  Qed nitkellmu dwar argument ċentrali tal-ekoloġija umana.  Jekk f’post partikulari diġà ġew żviluppati kumplessi kaotiċi ta’ gabubi u appartamenti, wieħed għandu jfittex li jurbanizza żoni bħal dawn, mhux jeqridhom u jkeċċi n-nies li jgħixu fihom.  Meta l-foqra jgħixu f’subborgi maħmuġa jew fi blokok perikulużi, “jekk ikun meħtieġ li jsir it-trasferiment tagħhom u biex ma tiżdiedx iktar tbatija ma’ li hemm, għandu jingħata biżżejjed tagħrif minn qabel kif xieraq, u jiġu offruti alternattivi ta’ djar dinjitużi u jiġu involuti fid-deċiżjoni l-persuni konċernati nfushom”.[118]  Fl-istess waqt, il-kreattività għandha twassal biex kwartieri li jinsabu fi stat ħażin wieħed jibdilhom fi bliet li jilqgħuk.  “Kemm huma sbieħ l-ibliet li jirnexxielhom jirbħu l-isfiduċja li toqtol, u li jagħmlu minn integrazzjoni bħal din fattur ġdid ta’ żvilupp!  Kemm huma sbieħ dawk l-ibliet li, anki fid-disinn arkitettoniku tagħhom, huma mimlija bi spazji li jgħaqqdu, joħolqu relazzjoni, jiffavorixxu l-għarfien tal-persuna l-oħra!”.[119]

 

153. Il-kwalità tal-ħajja fl-ibliet hi marbuta fil-parti l-kbira tagħha mal-mezzi ta’ trasport, li spiss huma kawża ta’ tbatija kbira għan-nies li jgħixu hemm.  It-toroq tal-ibliet huma miżgħuda b’ħafna karozzi użati minn persuna waħda jew tnejn, għalhekk it-traffiku jiżdied, jogħla l-livell ta’ tinġis tal-arja, jinħlew ammonti kbar ta’ enerġija mhux rinnovabbli u jinħass il-bżonn ta’ bini ta’ iktar toroq u parkeġġi, li jagħmlu ħsara lit-tessut urban.  Ħafna speċjalisti jaqblu dwar il-ħtieġa li nagħtu prijorità lill-mezzi pubbliċi ta’ trasport.  Madankollu, xi miżuri li hemm bżonn jittieħdu diffiċilment sa jkunu milqugħa b’mod paċifiku mis-soċjetà sakemm ma jitjiebx sostanzjalment is-servizz ta’ dawn il-mezzi, li f’ħafna bliet iġibu magħhom trattament xejn xieraq tal-persuni minħabba fil-folol kbar ta’ nies, l-iskumdità jew il-frekwenza skarsa tas-servizzi u n-nuqqas ta’ sigurtà.

 

154. L-għarfien tad-dinjità speċjali tal-bniedem ħafna drabi jistona mal-ħajja kaotika li jkollhom jgħixu l-bnedmin fl-ibliet tagħna.  Dan, imma, m’għandux inessina l-istat ta’ telqa li jbatu wkoll xi wħud min-nies li jgħixu fiż-żoni rurali, fejn huma kważi minsija u bilkemm jaslu s-servizzi essenzjali, u jeżistu ħaddiema f’qagħdiet ta’ jasar, bla drittijiet ta’ xejn u lanqas opportunità li joħolmu f’ħajja iktar dinjituża.

 

155. L-ekoloġija umana titlob ukoll xi ħaġa tassew profonda: ir-relazzjoni li għandu jkun hemm bejn il-ħajja tal-bniedem u l-liġi morali mnaqqxa fl-istess natura tiegħu, relazzjoni indispensabbli biex jista’ joħloq ambjent iżjed dinjituż.  Saħaq Benedittu XVI li teżisti “ekoloġija tal-bniedem” għax “anki l-bniedem għandu natura li jeħtieġlu jirrispetta u li ma jistax jimmanipula kif ifettillu hu”.[120]  F’din il-linja, hemm bżonn nagħrfu li ġisimna jqegħidna f’relazzjoni diretta mal-ambjent u mal-ħlejjaq ħajjin l-oħra.  Jeħtieġ naċċettaw lil ġisimna bħala don ta’ Alla biex nistgħu nilqgħu u naċċettaw id-dinja kollha bħala don tal-Missier u dar komuni tagħna; min-naħa l-oħra, loġika ta’ ħakma fuq ġisimna tinbidel f’loġika kultant sottili ta’ ħakma fuq il-ħolqien.  Għal ekoloġija umana hu essenzjali li nitgħallmu nilqgħu ġisimna, nieħdu ħsiebu u nirrispettaw dak li jfisser.  Napprezzaw ukoll ġisimna fil-femminilità jew maskulinità tiegħu, għax dan hu meħtieġ biex nistgħu nagħrfu lilna nfusna fil-laqgħa tagħna mal-oħrajn li huma differenti minna.  Hekk isir possibbli naċċettaw bil-ferħ id-don speċifiku tal-ieħor u tal-oħra, opra ta’ Alla l-Ħallieq, u nistagħnew it-tnejn li aħna.  Għalhekk, ma jagħmilx ġid atteġġjament li jippretendi li jista’ “iħassar id-differenza sesswali għax m’għadux jaf kif jikkonfronta ruħu magħha”.[121]

 

IV. Il-prinċipju tal-ġid komuni

 

156. L-ekoloġija umana ma tistax tifridha mill-kunċett tal-ġid komuni, prinċipju li fl-etika soċjali jiżvolġi rwol ċentrali u li jgħaqqad.  Hi “il-ġabra tadawk il-kundizzjonijiet tal-ħajja soċjali li tippermetti kemm lill-għaqdiet u kemm lill-membri wieħed wieħed li jiksbu l-perfezzjoni tagħhom aktar sħiħa u aktar malajr”.[122]

 

157. Il-ġid komuni jitlob ir-rispett tal-bniedem bħala tali, bil-jeddijiet fundamentali u inaljenabbli ordnati lejn l-iżvilupp sħiħ tiegħu.  Jesiġi wkoll dak li s-soċjetà tfittex għall-ġid u s-sigurtà tal-persuni u l-iżvilupp ta’ diversi gruppi intermedjarji, billi japplika l-prinċipju tas-sussidjarjetà.  Fost dawn tispikka speċjalment il-familja, bħala ċellola primarja tas-soċjetà.  Fl-aħħar nett, il-ġid komuni jfittex il-paċi soċjali, mela l-istabbiltà u s-sigurtà ta’ ordni determinat, li ma jistax ikun mingħajr l-attenzjoni partikulari lejn il-ġustizzja distributtiva, li l-vjolazzjoni tagħha dejjem vjolenza ġġib.  Is-soċjetà kollha – u fiha speċjalment l-Istat – għandha l-obbligu li tħares u xxettel il-ġid komuni.

 

158. Fil-qagħdiet attwali tas-soċjetà dinjija, fejn naraw tant nuqqas ta’ ugwaljanza u dejjem joktru l-persuni li qed jiġu mormija, imċaħħda mid-drittijiet umani fundamentali, il-prinċipju tal-ġid komuni jsir immedjatament, b’mod loġiku u b’konsegwenza ovvja, sejħa għas-solidarjetà u għażla preferenzjali favur l-iżjed foqra.  Din l-għażla titlob minna li nagħrfu l-implikazzjonijiet tad-destinazzjoni komuni tal-ġid tal-art, imma, kif ippruvajt nuri fl-Eżortazzjoni appostolika Evangelii gaudium,[123] tesiġi li qabelxejn nikkontemplaw id-dinjità tant għolja tal-fqir fid-dawl tal-aqwa konvinzjonijiet tal-fidi.  Biżżejjed inħarsu lejn ir-realtà tagħna biex nifhmu li llum din l-għażla hi esiġenza etika fundamentali biex jista’ jitwettaq b’mod effettiv il-ġid komuni.

 

V. Il-ġustizzja bejn il-ġenerazzjonijiet

 

159. Il-kunċett tal-ġid komuni jinvolvi wkoll il-ġenerazzjonijiet li ġejjin.  Il-kriżijiet ekonomiċi internazzjonali wrewna bla ħabi l-effetti koroh li jinħolqu meta ma nagħtux kas tad-destin komuni tagħna, li lanqas dawk li ġejjin warajna mhuma mħollija barra.  Illum ma tistax titkellem fuq żvilupp sostenibbli bla solidarjetà bejn il-ġenerazzjonijiet.  Meta naħsbu fuq il-qagħda li fiha ħa nħallu l-pjaneta lill-ġenerazzjonijiet ta’ warajna, nidħlu f’loġika oħra, dik ta’ don li b’xejn irċivejnieh u b’xejn irridu nagħtuh.  Jekk l-art ingħatatilna, ma nistgħux naħsbu iżjed bi kriterju utilitarju ta’ effiċjenza u produttività għall-profitt individwali.  M’aħniex nitkellmu fuq għażla li nistgħu nagħmlu, imma fuq kwistjoni essenzjali ta’ ġustizzja, la l-art li rċivejna hi wkoll ta’ dawk li għad iridu jiġu.  L-Isqfijiet ta’ Portugall isejħulna biex nerfgħu dan id-dmir ta’ ġustizzja: “L-ambjent jaqa’ taħt il-loġika ta’ don milqugħ.  Hu misluf lil kull ġenerazzjoni li tilqgħu u trid tgħaddih lil ta’ warajha”.[124]  Ekoloġija integrali għandha din il-viżjoni wiesgħa.

 

160. X’tip ta’ dinja nixtiequ ngħaddu lil dawk li ġejjin warajna, lil uliedna li qed jikbru?  Din il-mistoqsija mhix biss dwar l-ambjent b’mod iżolat, għax dan l-argument ma tistax tħares lejh parzjalment.  Meta nistaqsu lilna nfusna dwar id-dinja li nixtiequ nħallu warajna, qed nirriferu fuq kollox għall-orjentament ġenerali tagħha, għat-tifsira tagħha, għall-valuri tagħha.  Jekk m’hemmx tħabbat f’qalbna din il-mistoqsija qawwija, ma naħsibx li t-tħassib ekoloġiku tagħna jista’ jikseb effetti importanti.  Imma jekk din il-mistoqsija ssir b’kuraġġ, bla dubju twassalna għal mistoqsijiet oħra iktar diretti: Għaliex ngħaddu minn din id-dinja?  Għal liema skop ġejna f’din il-ħajja?  Għaliex naħdmu u nitħabtu?  Għaliex din l-art għandha bżonna?  Għalhekk, m’għadux biżżejjed ngħidu li rridu nieħdu ħsieb tal-ġenerazzjonijiet li ġejjin.  Jeħtieġ nintebħu li fin-nofs hemm id-dinjità tagħna nfusna.  Aħna l-ewwel li aħna interessati ngħaddu lill-bnedmin li għad jiġu warajna pjaneta li tista’ tgħix fiha.  Dan jolqot lilna b’mod drammatiku, għax imiss is-sens li għandha l-mogħdija tagħna minn fuq din l-art.

 

161. Il-previżjonijiet katastrofiċi issa ma għadniex nistgħu nħarsu lejhom b’disprezz u ironija.  Nafu nħallu lill-ġenerazzjonijiet li ġejjin wisq tifrik, deżolazzjoni u ħmieġ.  Ir-ritmu ta’ konsum, ta’ ħela u ta’ bidliet fl-ambjent ġera iżjed mill-possibbiltajiet tal-pjaneta, hekk li l-istil ta’ ħajja tal-lum, la m’għadux sostenibbli, jista’ jwassal biss għal katastrofi, kif fil-fatt diġà qed iseħħ spiss f’diversi reġjuni.  L-effetti ta’ dan l-iżbilanċ jistgħu jittaffew biss skont dak li nagħmlu aħna issa, fuq kollox jekk naħsbu fir-responsabbiltà li għad jgħabbuna biha dawk li jkollhom jissaportu l-agħar konsegwenzi ta’ dak li għamilna aħna.

 

162. Insibuha bi tqila nieħdu b’serjetà din l-isfida għax jeżisti deterjorament etiku u kulturali, li jsieħeb lil dak ekoloġiku.  Ir-raġel u l-mara tad-dinja postmoderna qed jirriskjaw il-ħin kollu li jsiru profondament individwalisti, u ħafna problemi soċjali tal-lum ta’ min jorbothom mat-tiftix egoistiku tas-sodisfazzjon immedjat, mal-kriżi tar-rabtiet familjari u soċjali, mad-diffikultajiet biex nagħrfu l-persuna l-oħra.  Ħafna drabi nsibu ruħna quddiem il-konsumiżmu żejjed u n-nuqqas ta’ viżjoni fit-tul min-naħa tal-ġenituri li jħassru l-ulied, li qed isibuha dejjem iżjed bi tqila jakkwistaw dar tagħhom u jwaqqfu familja.  Fuq kollox, dan in-nuqqas ta’ ħila li naħsbu serjament fil-ġenerazzjonijiet ġejjiena hu marbut man-nuqqas ta’ ħila tagħna li nwessgħu x-xefaq tat-tħassib tagħna u naħsbu f’dawk li qed jiġu mwarrba mill-iżvilupp.  Ejjew ma nintilfux nistħajlu kif għad ikunu l-foqra tal-futur, biżżejjed niftakru fil-foqra tal-lum, li fadlilhom ftit snin x’jgħixu fuq din l-art u ma jistgħux ikomplu jistennew.  Għalhekk, “barra s-solidarjetà leali bejn il-ġenerazzjonijiet, jeħtieġ inwieġbu mill-ġdid għall-ħtieġa morali urġenti ta’ solidarjetà mġedda bejn il-ġenerazzjonijiet”.[125]


 

Il-Ħames Kapitlu

XI LINJI TA’ ORJENTAMENT U AZZJONI

 

163. Ippruvajt nifli l-qagħda attwali tal-umanità, kemm fix-xquq tal-pjaneta li fiha ngħixu, kemm fil-kawżi umani l-iżjed profondi tat-taħsir ambjentali.  Imqar jekk din il-kontemplazzjoni tar-realtà fiha nfisha diġà turina l-ħtieġa ta’ bidla fir-rotta u tissuġġerilna xi azzjonijiet, nippruvaw issa nindikaw mixjiet importanti ta’ djalogu li jistgħu jgħinuna noħorġu minn dan il-garigor ta’ qerda tagħna nfusna li fih qed negħrqu ftit ftit.

 

I. Id-djalogu dwar l-ambjent fil-politika internazzjonali

 

164. Sa minn nofs is-seklu l-ieħor, mhux mingħajr ma kellhom jintrebħu ħafna diffikultajiet, issaħħet it-tendenza li nħarsu lejn il-pjaneta bħala patrija u l-bnedmin bħala poplu li jgħix f’dar komuni.  Dinja li hi interdipendenti ma tfissirx biss li nifhmu li l-konsegwenzi ħżiena tal-istil tal-ħajja, tal-produzzjoni u tal-konsum jolqtu lil kulħadd, imma, qabelxejn, li nagħmlu mod li jiġu proposti s-soluzzjonijiet, ibda minn perspettiva globali u mhux biss biex tiddefendi l-interessi ta’ xi pajjiżi.  L-interdipendenza tobbligana naħsbu f’dinja waħda, proġett komuni.  Imma l-istess ġenju li ġab dan l-iżvilupp teknoloġiku kbir, mhux jirnexxilu jsib forom effikaċi fuq livell internazzjonali biex jissolvew id-diffikultajiet gravi ambjentali u soċjali.  Biex naffrontaw il-problemi mill-qiegħ, li ma jistgħux jinħallu b’azzjonijiet ta’ xi pajjiż jew l-ieħor waħdu, hemm bżonn ta’ kunsens dinji li jwassalna, ngħidu aħna, biex nipprogrammaw biedja sostenibbli u diversifikata, niżviluppaw forom rinnovabbli u mhux daqshekk imniġġsa ta’ enerġija, ninċentivaw effiċjenza enerġetika akbar, nippromovu użu aħjar tar-riżorsi tal-foresti u l-ibħra, u niżguraw għal kulħadd l-aċċess għall-ilma tax-xorb.

 

165. Nafu li t-teknoloġija msejsa fuq il-karburanti fossili, li jniġġsu ħafna – speċjalment il-faħam, imma anki ż-żejt u, f’livell inqas, il-gass –, bil-mod il-mod u bla dewmien trid titneħħa.  Aħna u nistennew għal żvilupp usa’ tal-enerġiji rinnovabbli, li suppost diġà beda, nagħmlu sew naqgħu fuq l-inqas ħażin jew nirrikorru għal soluzzjonijiet transitorji.  Madankollu, fil-komunità internazzjonali mhux qed jintlaħaq ftehim xieraq fuq min għandu jidħol responsabbli għall-ispejjeż għoljin ta’ din it-transizzjoni enerġetika.  Fl-aħħar għaxriet ta’ snin il-kwistjonijiet ambjentali taw bidu għal dibattitu pubbliku wiesa’, li fis-soċjetà ċivili għamel iktar wisa’ għal impenn qawwi u dedikat.  Il-politika u l-industrija jwieġbu bil-mod ħafna, għadhom ’il bogħod milli jaffrontaw l-isfidi dinjija.  F’dan is-sens nistgħu ngħidu li, waqt li l-umanità tal-perjodu post-industrijali forsi sa tibqa’ mfakkra bħala waħda mill-aktar irresponsabbli tal-istorja, nittamaw li l-umanità tal-bidu tas-seklu wieħed u għoxrin tista’ tibqa’ mfakkra li refgħet b’ġenerożità r-responsabbiltajiet tagħha.

 

166. Il-moviment ekoloġiku dinji ġa terraq mixja twila, mogħnija bl-isforz ta’ ħafna organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili.  Mhux possibbli nsemmihom kollha hawn, lanqas nagħti ħarsa lejn l-istorja tal-kontribut tagħhom.  Imma grazzi għal tant tħabrik, il-kwistjonijiet ambjentali komplew dejjem jidhru iżjed fuq l-aġenda pubblika u saru stedina permanenti biex naħsbu f’viżjoni fit-tul.  Madankollu, il-Laqgħat Dinjija dwar l-ambjent fl-aħħar snin ma weġbux għal dak li kien mistenni għax, minħabba f’nuqqas ta’ deċiżjoni politika, ma laħqu ebda ftehim ambjentali globali sinifikattiv u li ħalla xi effett importanti.

 

167. Ta’ min ifakkar il-Laqgħa fuq id-Dinja li nżammet fl-1992 f’Rio de Janeiro.  Hemm kien ġie ddikjarat li “il-bnedmin huma fiċ-ċentru tat-tħassib dwar l-iżvilupp sostenibbli”.[126]  Jekk inħarsu lejn il-kontenut tad-Dikjarazzjoni ta’ Stokkolma (1972), din stabbiliet, fost l-oħrajn, il-koperazzjoni internazzjonali għall-ħarsien tal-ekosistema tad-dinja kollha, l-obbligu min-naħa ta’ min iniġġes li jerfa’ r-responsabbiltà ekonomika, id-dmir li jiżen l-impatt ambjentali ta’ kull opra jew proġett.  Ipproponiet l-objettiv li tistabbilizza l-konċentrazzjonijiet ta’ gass serra fl-atmosfera biex iddawwar lura t-tendenza tat-tisħin globali.  Fasslet ukoll aġenda bi programm ta’ azzjoni u konvenzjoni fuq id-diversità bijoloġika, iddikjarat prinċipji f’dak li għandu x’jaqsam mal-foresti.  Anki jekk dik il-laqgħa kienet tassew innovattiva u profetika għal żmienha, il-ftehim li ntlaħaq kellu livell baxx ta’ attwazzjoni għax ma ġewx miftiehma mekkaniżmi tajba ta’ kontroll, ta’ verifika perjodika u ta’ sanzjonijiet f’każ li dak il-ftehim ma jiġix irrispettat.  Il-prinċipji li ħarġu minn hemm għadhom ifittxu toroq effikaċi u flessibbli ta’ twettiq prattiku.

 

168. Fost l-esperjenzi pożittivi nistgħu nsemmu, ngħidu aħna, il-Konvenzjoni ta’ Basilea fuq l-iskart perikuluż, b’sistema ta’ rapporti, standards u kontrolli; kif ukoll il-Konvenzjoni obbligatorja fuq il-kummerċ internazzjonali tal-ispeċi ta’ fawna u flora selvaġġa mhedda mill-estinzjoni, b’missjonijiet wara li kellhom jivverifikaw jekk effettivament kienx qed jitwettaq dak li ġie deċiż.  Grazzi għall-Konvenzjoni ta’ Vjenna għall-ħarsien tas-saff tal-ożonu u t-twettiq tagħha permezz tal-Protokoll ta’ Montreal u l-emendi tiegħu, il-problema li dan is-saff qisu dejjem qed jirqaq donnha daħlet f’fażi ta’ soluzzjoni.

 

169. Dwar il-ħarsien tad-diversità bijoloġika u d-deżertifikazzjoni, il-progress kien inqas sinifikattiv.  Dwar dak li għandu x’jaqsam mal-bidliet fil-klima, b’dispjaċir ngħidu li l-progress hu skars ħafna.  It-tnaqqis tal-gass serra jitlob onestà, kuraġġ u responsabbiltà, fuq kollox min-naħa tal-pajjiżi l-aktar b’saħħithom u li l-aktar iniġġsu.  Il-Konferenza tal-Ġnus Magħquda dwar l-Iżvilupp Sostenibbli msejħa Rio+20 (Rio de Janiero 2012) ħarġet Dikjarazzjoni finali twila u daqshekk ieħor ineffikaċi.  In-negozjati internazzjonali ma jistgħux javvanzaw b’mod qawwi minħabba fil-pożizzjonijiet tal-pajjiżi li jipprivileġġjaw l-interessi nazzjonali tagħhom fuq il-ġid komuni globali.  Dawk li għad ibatu l-konsegwenzi li aħna qed nippruvaw naħbu, għad jiftakru f’dan in-nuqqas ta’ kuxjenza u ta’ responsabbiltà.  Jien u naħdem fuq din l-Enċiklika, id-dibattitu daħal iżjed fil-fond.  Aħna li nemmnu ma nistgħux ma nitolbux lil Alla għall-iżvilupp pożittiv tad-diskussjonijiet attwali, hekk li l-ġenerazzjonijiet tal-ġejjieni ma jkollhomx ibatu l-konsegwenzi tad-dewmien imprudenti tagħna.

 

170. Xi strateġiji biex titnaqqas l-emissjoni tal-gass li jniġġes l-arja qed isejħu għall-internazzjonalizzazzjoni tal-prezzijiet ambjentali, bil-periklu li dan jimponi fuq il-pajjiżi b’inqas riżorsi impenji tqal biex inaqqsu l-emissjonijiet, bħalma jagħmel mal-pajjiżi iktar industrijalizzati.  L-impożizzjoni ta’ dawn il-miżuri tippenalizza l-pajjiżi l-iktar fi bżonn ta’ żvilupp.  Hekk inkunu nżidu inġustizzja ġdida moħbija taħt il-ħarsien tal-ambjent.  Anki hawn, qed jiġri li l-foqra jispiċċaw iħallsu l-prezz huma.  Billi l-effetti tal-bidliet fil-klima sa jibqgħu jinħassu għal ħafna żmien, anki jekk issa nieħdu miżuri rigorużi, xi pajjiżi b’riżorsi skarsi sa jkollhom bżonn l-għajnuna biex jadattaw ruħhom għall-effetti li diġà qed iseħħu u jolqtu l-ekonomiji tagħhom.  Li hu ċert hu li hemm responsabbiltajiet komuni imma differenti, sempliċement għax, kif affermaw l-Isqfijiet tal-Bolivja, “il-pajjiżi li gawdew minn livell għoli ta’ industrijalizzazzjoni, grazzi għal emissjoni qawwija ta’ gass serra, għandhom responsabbiltà akbar biex jagħtu sehem f’soluzzjoni għall-problemi li huma stess ħolqu”.[127]

 

171. L-istrateġija li wieħed jixtri u jbigħ “kreditu tal-karbonju” tista’ tiftaħ il-bieb għal xejra ġdida ta’ spekulazzjoni u ma tgħinx biex titnaqqas l-emissjoni globali tal-gassijiet li jniġġsu.  Din is-sistema tidher soluzzjoni ħafifa u ta’ malajr, u minn barra tagħtik x’tifhem li hi impenjata b’riżq l-ambjent, imma fil-fatt ma ġġib ebda bidla radikali kif mitlub miċ-ċirkustanzi.  Anzi, tista’ ssir manuvra li ssostni s-super-konsumiżmu ta’ xi pajjiżi u oqsma.

 

172. Għall-pajjiżi foqra, il-prijoritajiet għandhom ikunu li jinqered il-faqar u li jġibu l-iżvilupp soċjali tan-nies li tgħix fihom; fl-istess ħin għandhom jieħdu nota tal-livell skandaluż ta’ konsum f’ċerti oqsma pprivileġġjati tal-poplu tagħhom u jeħduha iktar kontra l-korruzzjoni.  Bla dubju, iridu wkoll jiżviluppaw forom ta’ produzzjoni ta’ enerġija li jniġġsu inqas, imma għal dan għandhom bżonn jorbtu fuq l-għajnuna ta’ pajjiżi li kibru ħafna minn fuq it-tinġis tal-pjaneta.  L-użu dirett tal-enerġija abbundanti mix-xemx jitlob li jitwaqqfu mekkaniżmi u sussidji ta’ għajnuna b’mod li l-pajjiżi li għadhom qed jiżviluppaw jista’ jkollhom aċċess għat-trasferiment ta’ teknoloġija, għal għajnuna teknika u għal riżorsi finanzjarji, dejjem b’attenzjoni għall-kundizzjonijiet konkreti, billi “mhux dejjem qed tintiżen sew il-kompatibbiltà tal-impjanti mal-kuntest li għalih huma maħsuba”.[128]  L-ispejjeż ta’ dan ikunu baxxi meta mqabbla mar-riskju għall-bidliet fil-klima.  Hu x’inhu, din hi qabelxejn deċiżjoni etika, imsejsa fuq is-solidarje bejn il-popli kollha.

 

173. Hemm bżonn urġenti ta’ ftehim internazzjonali, la l-awtoritajiet lokali rari kapaċi jintervienu b’mod effikaċi.  Ir-relazzjonijiet bejn l-Istati għandhom iħarsu s-sovranità ta’ kull wieħed, imma anki jistabbilixxu metodi miftiehma biex jevitaw xi katastrofi lokali li tispiċċa tagħmel ħsara lil kulħadd.  Hemm bżonn ta’ normi regolatorji globali li jimponu ċerti obbligi li jimpedixxu azzjonijiet inaċċettabbli, bħall-fatt li pajjiżi b’saħħithom ibattlu fuq pajjiżi oħra l-materjal għar-rimi u industriji li jniġġsu qatigħ.

 

174. Insemmu wkoll is-sistema ta’ kontroll fuq l-oċeani.  Fil-fatt, anki jekk tlaqqgħu bosta konvenzjonijiet internazzjonali u reġjonali, il-frammentazzjoni u n-nuqqas ta’ mekkaniżmi b’saħħithom ta’ regolamentazzjoni, kontroll u sanzjonijiet jispiċċaw biex ixejnu l-isforzi kollha.  Il-problema dejjem tikber taż-żibel fil-baħar u tal-ħarsien taż-żoni tal-baħar lil hemm mill-fruntieri nazzjonali tkompli tippreżenta sfida speċjali.  Bla dubju, għandna bżonn ta’ ftehim fuq sistema ta’ governanza għall-firxa sħiħa tal-hekk imsejjaħ ġid komuni globali.

 

175. L-istess loġika li tagħmilha diffiċli li nieħdu deċiżjonijiet drastiċi biex indawru lura t-tendenza tat-tisħin globali hi dik li ma tħalliniex nilħqu l-għan li nqaċċtu l-faqar.  Għandna bżonn ta’ reazzjoni globali iżjed responsabbli, li tfisser li fl-istess waqt li naffrontaw it-tnaqqis tat-tinġis, naraw li jiżviluppaw il-pajjiżi tar-reġjuni foqra.  Is-seklu wieħed u għoxrin, waqt li baqa’ jżomm sistemi ta’ kontroll li wiret mill-imgħoddi, qed jara l-Istati nazzjonali jitilfu kull saħħa li kellhom, fuq kollox għax id-dimensjoni ekonomika-finanzjarja, b’karattru transnazzjonali, tfittex li taħtaf hi l-kontroll minn taħt idejn il-politika.  F’dan il-kuntest, hu indispensabbli l-iżvilupp ta’ istituzzjonijiet internazzjonali iktar b’saħħithom u organizzati b’mod effikaċi, b’awtoritajiet imwaqqfa b’mod imparzjali bi ftehim bejn il-gvernijiet nazzjonali u li għandhom is-saħħa jissanzjonaw.  Kif afferma Benedittu XVI fil-linja diġà żviluppata tad-duttrina soċjali tal-Knisja, “għat-tmexxija tal-ekonomija globali; għall-fejqan tal-ekonomiji milquta mill-kriżi preżenti u l-iżbilanċi kbar li għad jirriżultaw; biex iseħħ diżarmament sħiħ u f’waqtu, u jkunu żgurati l-ikel u l-paċi; biex tingħata garanzija għall-ħarsien tal-ambjent u biex tkun irregolata l-emigrazzjoni: għal dan kollu hemm ħtieġa urġenti ta’ awtorità politika dinjija vera, bħalma wera snin ilu l-predeċessur tiegħi, [San] Ġwanni XXIII”.[129]  F’dawn id-dawl, id-diplomazija takkwista importanza kbira, biex tippromovi strateġiji internazzjonali biex tippreveni l-agħar problemi li jispiċċaw jolqtu lil kulħadd.

 

II. Id-djalogu lejn politika nazzjonali u lokali ġdida

 

176. Mhux biss hemm rebbieħa u telliefa fost il-pajjiżi, imma anki fi ħdan l-istess pajjiżi foqra, fejn għandhom jiġu identifikati diversi responsabbiltajiet.  Għalhekk, il-kwistjonijiet marbuta mal-ambjent u mal-iżvilupp ekonomiku ma nistgħux inħarsu iżjed lejhom biss fid-dawl ta’ differenzi bejn il-pajjiżi, imma jitolbuna nħarsu bir-reqqa lejn il-politika nazzjonali u lokali.

 

177. Quddiem il-possibbiltà ta’ tħaddim irresponabbli tal-ħiliet umani individwali, kull Stat ma jistax jaħrab mill-funzjoni tiegħu li jippjanifika, jikkordina, jgħasses u jissanzjona fit-territorju tiegħu.  Kif tista’ soċjetà tfassal u tħares il-ġejjieni tagħha f’kuntest ta’ innovazzjonijiet teknoloġiċi kostanti?  Fattur li jaġixxi bħala moderatur effettiv hu d-dritt li jistabbilixxi r-regoli għal tip ta’ mġiba li hi permessa fid-dawl tal-ġid komuni.  Il-limiti li għandha timponi soċjetà sana, matura u sovrana jikkonsistu f’li tieħu miżuri ta’ prevenzjoni u l-prekawzjonijiet meħtieġa, li tagħmel regolamenti adegwati, li tara li jiġu applikati n-normi, li teħodha kontra l-korruzzjoni, li twettaq kontroll operattiv meta jitfaċċaw effetti mhux mixtieqa fil-proċess tal-produzzjoni, u l-indħil opportun quddiem ir-riskji indeterminati u potenzjali.  Qed tikber ukoll ċerta ġurisprudenza orjentata lejn it-tnaqqis tal-effetti tat-tinġis tal-attivitajiet intraprenditorjali.  Imma l-qafas politiku u istituzzjonali mhux qiegħed hemm biss biex jevita l-prattiċi ħżiena, imma biex jinkuraġġixxi dawk tajbin, biex jistimula l-kreattività li tfittex toroq ġodda, biex jiffaċilita inizjattivi personali u kollettivi.

 

178. It-traġedja ta’ politika moħħha biss fir-riżultati immedjati, imwieżna wkoll mill-popli konsumisti, titlob li wieħed jipproduċi tkabbir fi żmien qasir.  Biex iwieġbu għall-interessi elettorali, il-gvernijiet mhux ħa jazzardaw malajr jirritaw il-popli b’miżuri li jistgħu jheddu l-livell tal-konsum jew iqiegħdu f’riskju investimenti barranin.  Il-politika tal-poter, b’viżjoni hekk fqira, tagħmel kulma tista’ biex ittawwal iż-żmien sakemm l-aġenda ambjentali ssib postha fuq l-aġenda pubblika ta’ xi gvern.  Hekk ninsew li “iż-żmien hu aqwa mill-ispazju”,[130] li nagħmlu iktar frott meta nipprovaw niġġeneraw proċessi, pjuttost milli naħkmu spazji ta’ poter.  Il-kobor tal-politika jidher meta, f’mumenti diffiċli, wieħed jaġixxi skont prinċipji għoljin u jaħseb fil-ġid komuni fit-tul.  Il-poter politiku jbati sew biex jilqa’ dan id-dmir fi proġett ta’ nazzjon.

 

179. F’xi postijiet, qed jiżviluppaw koperattivi biex jagħmlu użu mill-enerġiji rinnovabbli li jagħtu lok għall-awtosuffiċjenza lokali u anki l-bejgħ tal-produzzjoni ta’ enerġija żejda.  Dan l-eżempju sempliċi juri li, waqt li l-ordni li jeżisti fid-dinja qed juri li mhu kapaċi jagħmel xejn biex jerfa’ r-responsabbiltà tiegħu, l-istituzzjonijiet lokali jistgħu jagħmlu d-differenza.  U hemm fil-fatt jistgħu jinbtu responsabbiltajiet akbar, sens qawwi komunitarju, ħila speċjali ta’ għożża u kreattività iktar ġeneruża, imħabba profonda għal artna, fejn wieħed jaħseb ukoll f’dak li ħa jħalli lil uliedu u n-neputijiet.  Dawn il-valuri għandhom għeruq imniżżla qatigħ fil-popli aboriġini.  Billi l-liġijiet, xi kultant, mhumiex biżżejjed minħabba fil-korruzzjoni, hemm bżonn tal-pressjoni pubblika biex tittieħed deċiżjoni politika.  Is-soċjetà, permezz ta’ organizzazzjonijiet mhux governattivi u għaqdiet intermedji, trid tobbliga lill-gvernijiet biex ifasslu normi, proċeduri u kontrolli iżjed rigorużi.  Jekk iċ-ċittadini ma jikkontrollawx huma l-poter politiku – nazzjonali, reġjunali u muniċipali – ħadd mhu ħa jsemma’ leħnu fuq il-ħsarat ambjentali.  Min-naħa l-oħra, il-liġijiet muniċipali jistgħu jkunu iżjed effikaċi jekk jintlaħaq ftehim bejn il-popli ġirien biex iwieżnu huma din il-politika ambjentali.

 

180. Ma nistgħux naħsbu f’riċetti uniformi, għax hemm problemi u limiti speċifiċi għal kull pajjiż u reġjun.  Hu minnu wkoll li r-realiżmu politiku jista’ jitlob miżuri u teknoloġiji ta’ tranżizzjoni, dejjem jekk ikunu akkumpanjati minn ippjanar u mill-aċċettazzjoni ta’ impenji gradwali li jorbtu.  Fl-istess waqt, imma, fuq livell nazzjonali u lokali dejjem hemm ħafna xi jsir, ngħidu aħna li nippromovu għamliet ġodda ta’ tfaddil enerġetiku.  Dan jimplika li niffavorixxu metodi ta’ produzzjoni industrijali bl-ogħla effiċjenza enerġetika possibbli u inqas użu ta’ materja prima, billi nneħħu minn fuq is-suq il-prodotti inqas effiċjenti mil-lat enerġetiku jew li l-iżjed iniġġsu.  Nistgħu wkoll insemmu t-tħaddim aħjar tal-mezzi tat-trasport u teknoloġiji ta’ bini u ta’ restawr ta’ bini li jnaqqsu l-konsum ta’ enerġija u l-livell ta’ tinġis.  Mill-banda l-oħra, l-azzjoni politika lokali tista’ torjenta ruħha lejn bidla fil-konsum, l-iżvilupp ta’ ekonomija tat-tneħħija tal-iskart u r-riċiklaġġ, il-protezzjoni ta’ speċi partikulari u t-tfassil ta’ biedja diversifikata b’rotazzjoni ta’ żrigħ.  Possibbli ntejbu l-biedja tar-reġjuni foqra b’investimenti fl-infrastrutturi rurali, fl-organizzazzjonijiet tas-suq lokali jew nazzjonali, fis-sistemi ta’ tisqija, fl-iżvilupp ta’ teknoloġija agrikola sostenibbli.  Jistgħu jiġu ffaċilitati forom ta’ koperazzjoni u ta’ organizzazzjoni komunitarja li jħarsu l-interessi tal-produtturi ż-żgħar u jippreservaw l-ekosistemi lokali milli jintilfu.  Hemm ħafna x’jista’ jsir!

 

181. Hi indispensabbli l-kontinwità, għax ma tistax toqgħod tibdel il-politika dwar il-bidliet fil-klima u l-ħarsien tal-ambjent kull darba li jinbidel gvern.  Ir-riżultati jitolbu ħafna żmien u spejjeż immedjati b’effetti li ma jidhrux kemm idum imexxi gvern wieħed.  Għalhekk, mingħajr il-pressjoni tal-poplu u tal-istituzzjonijiet, dejjem sa jkun hemm reżistenzi biex wieħed jintervieni, u terġa’ aktar meta jkun hemm affarijiet urġenti x’jissolvew.  Li politiku jerfa’ dawn ir-responsabbiltajiet bl-ispejjeż involuti, ma jweġibx għal-loġika tal-ekonomija u tal-politika tal-lum, li tfittex l-effiċjenza u l-immedjat; imma jekk isib il-kuraġġ jagħmel dan, ikun jista’ jagħraf mill-ġdid id-dinjità li Alla tah bħala persuna u, wara żmienu f’din l-istorja, ikun ħalla xhieda ta’ responsabbiltà ġeneruża.  Jeħtieġ nagħtu iktar spazju lil politika b’saħħitha, li kapaċi ġġib riforma fl-istituzzjonijiet, tikkordinahom u tagħnihom bi prattika tajba, u li tippermetti li jingħelbu l-pressjonijiet u d-dewmien vizzjuż.  Madankollu, irridu nżidu li mqar l-aqwa pjanijiet jisfaw fix-xejn jekk jonqsu l-miri għoljin, għarfien umanistiku u għani fit-tifsir, li kapaċi jagħti lil kull soċjetà orjentament nobbli u ġeneruż.

 

III. Djalogu u trasparenza fid-deċiżjonijiet

 

182. Studju bir-reqqa minn qabel tal-impatt ambjentali tal-inizjattivi intraprenditorjali u tal-proġetti jitlob proċess politiku trasparenti u sottopost għad-djalogu, waqt li l-korruzzjoni li taħbi l-impatt ambjentali veru ta’ proġett imħallas bil-favuri spiss twassal għal bosta xorta ta’ ftehim stramb li jippruvaw jaħarbu milli jinfurmaw lill-pubbliku jew minn dibattitu iktar fil-fond.

 

183. Studju tal-impatt ambjentali m’għandux isir wara li jiġi mfassal proġett produttiv jew xi politika, pjan jew programm.  Għandu jidħol sa mill-bidu u jitfassal b’mod interdixxiplinari, trasparenti u indipendenti minn kull pressjoni ekonomika jew politika.  Għandu jkun marbut mal-analiżi tal-kundizzjonijiet tax-xogħol u tal-effetti li jaf ikun hemm fuq is-saħħa fiżika u mentali tal-persuni, fuq l-ekonomija lokali, fuq is-sigurtà.  Hekk ir-riżultati ekonomiċi nistgħu narawhom b’mod iżjed realistiku, aħna u nżommu quddiem għajnejna x-xenarji possibbli u biex hekk eventwalment nistgħu nantiċipaw il-ħtiġijiet ta’ investiment akbar biex insolvu l-effetti mhux mixtieqa li jistgħu jissewwew minn qabel.  Dejjem hemm bżonn niksbu l-kunsens fost id-diversi atturi soċjali, li jistgħu jagħtuna kemm-il perspettiva, soluzzjoni u alternattiva.  Imma fid-dibattitu għandu jkollhom post ipprivileġġjat in-nies li joqogħdu fil-post, li jistaqsu xi jridu għalihom u għal uliedhom, u jafu jqisu l-għanijiet li jmorru lil hemm mill-interess ekonomiku immedjat.  Jeħtieġ iwwarrbu l-idea ta’ “interventi” fuq l-ambjent, biex nagħtu lok għal politika maħsuba u diskussa mill-partijiet kollha interessati.  Il-parteċipazzjoni titlob li kulħadd ikun mgħarraf sew fuq id-diversi aspetti u d-diversi riskji u possibbiltajiet, u mhix biżżejjed id-deċiżjoni tal-bidu dwar proġett, imma dan jimplika wkoll l-azzjoni ta’ kontroll u attenzjoni kontinwa.  Hemm bżonn tas-sinċerità u l-verità fid-diskussjonijiet xjentifiċi u politiċi, bla ma nillimitaw ruħna għal li nikkunsidraw x’inhu permess jew mhux mil-liġi.

 

184. Meta eventwalment jitfaċċaw riskji għall-ambjent li jinteressaw il-ġid komuni tal-preżent u tal-futur, din is-sitwazzjoni titlob “li d-deċiżjonijiet ikunu msejsa fuq konfront bejn ir-riskji u l-benefiċċji ipotizzabbli għal kull għażla alternattiva possibbli”.[131]  Dan jgħodd fuq kollox jekk proġett jista’ jikkawża żieda fl-abbuż tar-riżorsi naturali, fl-emissjonijiet u fil-ħela, fil-produzzjoni ta’ skart, inkella fit-tibdil sinifikattiv tal-pajsaġġ, fl-ambjent naturali ta’ speċi protetti jew f’wesgħat pubbliċi.  Xi proġetti, li mhumiex imsejsa fuq analiżi ta’ min joqgħod fuqha, jistgħu jinfluwenzaw bil-kbir il-kwalità tal-ħajja ta’ post minħabba fi kwistjonijiet differenti bejniethom bħal, ngħidu aħna, it-tinġis akustiku imprevist, it-tnaqqis ta’ spazji viżwali, l-għajbien ta’ valuri kulturali, l-effetti tal-użu tal-enerġija nukleari.  Il-kultura konsumista, li tagħti prijorità lill-qligħ fi żmien qasir u l-interess privat, taf tiffavorixxi prattiċi wisq mgħaġġla jew anki tippermetti l-ħabi ta’ informazzjoni.

 

185. F’kull diskussjoni dwar inizjattiva intraprenditorjali għandna nagħmlu serje ta’ mistoqsijiet, biex nistgħu niddixxernu jekk din hix ħa twassal għal żvilupp sħiħ: X’se tikseb?  Għal liema skop?  Fejn?  Meta?  B’liema mod?  Għal min hi indirizzata?  Liema huma r-riskji?  X’inhu l-prezz?  Min se jħallas għall-ispejjeż u kif se jagħmlu dan?  F’dan l-eżami hemm kwistjonijiet li għandhom jieħdu prijorità.  Ngħidu aħna, nafu li l-ilma hu riżorsa skarsa u indispensabbli, barra li hu dritt fundamentali li jikkundizzjona t-tħaddim ta’ drittijiet oħra tal-bniedem.  M’hemmx dubju dwar dan u jiżboq kull analiżi ta’ impatt ambjentali ta’ reġjun.

 

186. Fid-Dikjarazzjoni ta’ Rio tal-1992, jingħad li “hemm fejn hemm theddid ta’ ħsarat gravi jew irriversibbli, in-nuqqas ta’ ċertezzi xjentifiċi sħaħ ma hux motiv biżżejjed biex joħnoq l-applikazzjoni ta’ miżuri effikaċi”[132] li jżommu milli jitħassar l-ambjent.  Dan il-prinċipju ta’ prekawzjoni jippermetti l-ħarsien tal-iżjed dgħajfa, li għandhom ftit mezzi biex jiddefendu ruħhom u biex iressqu provi ċerti.  Jekk l-informazzjoni oġġettiva twassalna biex naraw ġejja ħsara gravi u irriversibbli, anki jekk m’hemmx xi wirja ta’ prova indiskutibbli, kull proġett għandu jitwaqqaf jew jinbidel.  B’dan il-mod il-piż tal-prova jdur bil-kontra, għax f’każi bħal dawn hemm bżonn tingħata prova oġġettiva u deċiżiva li l-attività proposta mhix sa ġġib ħsarat gravi fuq l-ambjent jew dawk li jgħixu hemm.

 

187. Dan ma jfissirx li neħduha kontra kull innovazzjoni teknoloġika li tista’ ttejjeb il-kwalità tal-ħajja ta’ poplu.  Imma f’kull każ għandu jkun ċar li l-gwadann ma jistax ikun l-uniku kriterju li wieħed iżomm f’moħħu, u li jekk ikunu tfaċċaw elementi ġodda ta’ ġudizzju, ibda mill-iżviluppi ta’ informazzjoni ġdida, għandha ssir valutazzjoni ġdida bis-sehem tal-partijiet kollha interessati. Ir-riżultat tad-diskussjoni jista’ jkun id-deċiżjoni li ma jibqgħux mexjin bil-proġett, imma jista’ jkun ukoll il-bidla tiegħu jew it-tifsil ta’ proposti alternattivi.

 

188. Hemm diskussjonijiet, fuq kwistjonijiet marbuta mal-ambjent, fejn hu diffiċli jintlaħaq kunsens.  Għal darb’oħra ntenni li l-Knisja mhix tippretendi li tagħti definizzjoni hi tal-kwistjonijiet xjentifiċi, lanqas li tieħu post il-politika, imma nistieden għal dibattitu onest u trasparenti, biex il-ħtiġijiet partikulari u l-ideoloġiji ma jagħmlux deni lill-ġid komuni.

 

IV. Politika u ekonomija fi djalogu lejn il-milja umana

 

189. Il-politika m’għandhiex toqgħod għal dak li tiddettalha l-ekonomija u din lanqas għandha tħalli lilha nfisha tkun iddettata mill-paradigma effiċjentista tat-teknokrazija.  Illum, bil-ġid komuni f’moħħna, inħossu l-bżonn kbir li l-politika u l-ekonomija, fi djalogu, ikunu għas-servizz tal-ħajja, speċjalment tal-ħajja umana.  Li jiġu salvati l-banek, hu x’inhu l-prezz li jkollu jħallas il-poplu, mingħajr ebda deċiżjoni soda li wieħed jirrivedi u jirriforma s-sistema sħiħa, jikkonferma l-ħakma assoluta tad-dinja finanzjarja li m’għandhiex futur u li tista’ ġġib biss kriżijiet ġodda wara fejqan apparenti li jkun ħa ż-żmien u sewa l-flus.  Il-kriżi finanzjarja tal-2007-2008 tatna l-okkażjoni niżviluppaw ekonomija ġdida iżjed attenta għall-prinċipji etiċi, u regolamentazzjoni ġdida tal-attività finanzjarja spekulattiva u tal-għana virtwali.  Imma ma kien hemm l-ebda reazzjoni biex jerġgħu jiġu kkunsidrati l-kriterji skaduti li għadhom jiggvernaw id-dinja.  Il-produzzjoni mhix dejjem razzjonali, u spiss hi marbuta ma’ varjabbli ekonomiċi li jagħtu lill-prodotti valur li ma jikkorrispondix ma’ kemm jiswew tassew.  Minħabba dan, ħafna drabi jkun hemm produzzjoni żejda ta’ xi prodotti, b’impatt ambjentali mhux meħtieġ, li fl-istess ħin jagħmel ħsara lil ħafna ekonomiji reġjunali.[133]  Il-bużżieqa finanzjarja soltu hi wkoll bużżieqa produttiva.  Bla dubju, dak li m’aħniex naffrontaw b’deċiżjoni soda hu l-problema tal-ekonomija vera, li tgħin biex wieħed jiddiversifika u jtejjeb il-produzzjoni, li l-intrapriżi jaħdmu kif suppost, li l-intrapriżi żgħar u medji jiżviluppaw u joħolqu x-xogħol, u l-bqija.

 

190. F’dan il-kuntest għandna dejjem niftakru li “il-ħarsien ambjentali ma nistgħux niżgurawh biss bil-kalkolu finanzjarju ta’ spejjeż u qligħ.  L-ambjent hu ġid li l-mekkaniżmu tas-suq mhux kapaċi jiddefendi jew jippromovi kemm għandu jkun”.[134]  Għal darb’oħra, jeħtieġ nevitaw kunċett maġiku tas-suq, li tendenzjalment jaħseb li l-problemi jinħallu biss billi nżidu l-profitti tal-intrapriżi jew tal-individwi.  Inkunu realistiċi jekk nistennew li min hu ossessjonat li jżid kemm jista’ l-profitti sa joqgħod jieqaf jaħseb fuq l-effetti ambjentali li sa jħalli fuq il-ġenerazzjonijiet li ġejjin?  Fi ħdan l-iskema tad-dħul ma jifdalx lok biex wieħed joqgħod jaħseb fir-ritmi tan-natura, fil-fażijiet tagħha ta’ mewt u ħajja ġdida, u fil-kumplessità tal-ekosistemi li jistgħu jinbidlu qatigħ bl-indħil tal-bniedem.  Iżjed minn hekk, meta jitkellmu fuq bijodiversità, l-iktar l-iktar iħarsu lejha bħala riżorsa ekonomika li tista’ tiġi sfruttata, imma ħadd ma jqis serjament il-valur reali tal-ħwejjeġ, xi jfissru għan-nies u għall-kulturi, l-interessi u l-ħtiġijiet tal-foqra.

 

191. Bi kwistjonijiet bħal dawn quddiemhom, xi wħud jirreaġixxu billi jakkużaw lill-oħrajn li qed jippretendu li jistgħu jwaqqfu bla raġuni ta’ xejn il-progress u l-iżvilupp tal-bniedem.  Imma rridu nikkonvinċu ruħna li jekk innaqqsu r-ritmu mgħaġġel ta’ produzzjoni u konsum partikulari, jista’ jingħata lok għal mod ieħor ta’ progress u żvilupp.  L-isforzi għal użu sostenibbli tar-riżorsi naturali mhux xi spiża bla siwi, imma investiment li normalment jista’ joffri benefiċċji ekonomiċi oħra.  Jekk ma ndejqux wisq il-veduti tagħna, nistgħu niskopru li d-diversifikazzjoni ta’ produzzjoni iżjed innovattiva u b’inqas impatt ambjentali, tista’ tħalli ħafna qligħ.  Irridu niftħu t-triq għal opportunitajiet differenti, li ma jfissrux li ħa nwaqqfu l-kreattività umana u l-ħolma tal-bniedem għall-progress, imma pjuttost li ħa nagħtu direzzjoni ġdida lil din l-enerġija.

 

192. Ngħidu aħna, mixja ta’ żvilupp produttiv iżjed kreattiva u orjentata aħjar taf issewwi l-iżbilanċ li hemm bejn l-investiment teknoloġiku żejjed fil-konsum u dak skars biex jinħallu l-problemi urġenti tal-umanità; dan jista’ jwassal għal modi intelliġenti u li jħallu profitt ta’ kif ħaġa tista’ terġa’ tintuża, tingħata funzjoni ġdida u tiġi rriċiklata; jista’ jtejjeb l-effiċjenza enerġetika tal-belt; u l-bqija.  Id-diversifikazzjoni produttiva toffri possibbiltajiet wesgħin ħafna lill-intelliġenza umana biex toħloq il-ġdid u ġġedded il-qadim, waqt li tħares l-ambjent u toħloq opportunitajiet ġodda ta’ xogħol.  Din tkun kreattività li kapaċi twarrad mill-ġdid in-nobbiltà tal-bniedem, għax hu iktar dinjituż li wieħed juża l-intelliġenza, b’kuraġġ u responsabbiltà, biex isib xejriet ġodda ta’ żvilupp sostenibbli u ugwali, fil-kwadru ta’ kunċett usa’ tal-kwalità tal-ħajja.  Għall-kuntrarju, hu inqas dinjituż u kreattiv u iżjed superfiċjali li wieħed jinsisti fuq li joħloq xejriet ta’ tħarbit tan-natura biss biex joffri possibbiltajiet ġodda ta’ konsum u ta’ dħul immedjat.

 

193. Hu x’inhu, jekk f’xi każi l-iżvilupp sostenibbli jġib miegħu modi ġodda ta’ tkabbir, f’każi oħra, quddiem l-iżvilupp rgħib u irresponsabbli li rajna jseħħ għal ħafna snin, ta’ min jaħseb ukoll kif sa jnaqqas ftit mill-pass, biex bir-raġuni jqiegħed ftit limiti u anki jerġa’ lura qabel ikun tard wisq.  Nafu li mhi sostenibbli xejn l-imġiba ta’ dawk li jikkonsmaw u jeqirdu dejjem iktar, waqt li hemm oħrajn li għadhom ma jistgħux jgħixu skont id-dinjità umana tagħhom.  Għalhekk waslet is-siegħa li f’xi partijiet tad-dinja nnaqqsu mit-tkabbir u nħaddmu ċerti riżorsi biex f’partijiet oħra jkun hemm min jista’ jikber f’saħħtu.  Kif qal Benedittu XVI, “jeħtieġ li s-soċjetajiet teknoloġikament avvanzati jkunu disposti jiffavorixxu mġibiet ikkaratterizzati minn sobrjetà, inaqqsu l-konsum tagħhom ta’ enerġija u jtejbu l-kundizzjonijiet tal-użu tagħha”.[135]

 

194. Sakemm jitfaċċaw mudelli ġodda ta’ progress, jeħtieġ “nibdlu l-mudell ta’ żvilupp globali”,[136] u dan jimplika li nirriflettu b’responsabbiltà “fuq is-sens tal-ekonomija u fuq x’inhuma l-għanijiet tagħha, biex insewwu fejn ħadmet jew ġiet imħaddma ħażin”.[137]  Mhux biżżejjed li nsibu triq tan-nofs bejn il-ħarsien tan-natura u l-qligħ finanzjarju, jew li nikkonservaw l-ambjent bil-progress.  Fuq din it-tema, it-toroq tan-nofs huma biss ftit dewmien qabel iseħħ id-diżastru.  Sempliċement jeħtieġ niddefinixxu mill-ġdid xi rridu mill-progress.  Żvilupp teknoloġiku u ekonomiku li ma jħallix dinja aħjar u kwalità ta’ ħajja integralment aqwa, dan ma jistax jissejjaħ progress.  Min-naħa l-oħra, wisq drabi l-kwalità vera tal-ħajja tal-persuni qed tonqos – minħabba fit-taħsir tal-ambjent, il-kwalità baxxa tal-prodotti tal-ikel, jew it-tnaqqis ta’ ċerti riżorsi – fil-kuntest ta’ ekonomija li qed tikber.  F’dan ix-xenarju, id-diskors fuq it-tkabbir sostenibbli jsir spiss raġuni ta’ distrazzjoni jew mezz ta’ ġustifikazzjoni fejn il-valuri tad-diskors b’riżq l-ekoloġija jinxtorbu mil-loġika finanzjarja u teknokratika, u r-responsabbiltajiet soċjali u ambjentali tal-intrapriżi l-iktar l-iktar jiġu ridotti għal serje ta’ azzjonijiet ta’ marketing u ta’ immaġni.

 

195. Il-prinċipju tat-tkabbir tal-profitt, li normalment jiżola ruħu minn kull kunsiderazzjoni oħra, hu tagħwiġ kunċettwali tal-ekonomija: jekk inżidu l-produzzjoni, ftit li xejn ħa jinteressana li qed nipproduċu minn fuq dahar ir-riżorsi tal-futur jew is-saħħa tal-ambjent; jekk inkunu nżidu l-produzzjoni meta naqtgħu s-siġar ta’ foresta, ħadd mhu ħa joqgħod jikkalkula li b’dan inkunu qed niddeżertifikaw territorju sħiħ, neqirdu l-bijodiversità jew inżidu t-tinġis.  Il-kumpaniji intraprenditorjali jagħmlu l-profitt billi jikkalkulaw u jħallsu parti żgħira biss mill-ispejjeż.  Nistgħu nqisuha bħala mġiba etika biss dik fejn “il-prezzijiet soċjali tal-użu msieħeb tar-riżorsi ambjentali jkunu magħrufin bi trasparenza u jkunu jifilħuhom dawk li jagħmlu użu minnhom, mhux popli oħrajn jew il-ġenerazzjonijiet tal-ġejjieni”.[138]  Ir-razzjonalità strumentali, li twassal biss għal analiżi statika tar-realtà skont il-ħtiġijiet tal-mument, hi preżenti kemm meta hu s-suq li jassenja r-riżorsi, u kemm meta jippjanahom l-Istat.

 

196. X’inhu post il-politika f’dan kollu?  Niftakru fil-prinċipju tas-sussidjarjetà, li jagħti libertà għall-iżviluppi tal-ħiliet preżenti fuq kull livell, imma fl-istess waqt jesiġi iżjed responsabbiltà lejn il-ġid komuni min-naħa ta’ min għandu iżjed setgħa f’idejh.  Hu minnu li llum xi oqsma ekonomiċi għandhom iżjed poter mill-istess Stati.  Imma ma tistax tiġġustifika ekonomija bla politika, li mbagħad ma tkunx kapaċi xxettel loġika oħra li tista’ tirregola d-diversi aspetti tal-kriżi attwali.  Il-loġika li ma tħallix spazju għal tħassib serju għall-ambjent hi l-istess waħda li fiha anqas jinstab lok għat-tħassib biex dawk l-aktar dgħajfa jiġu integrati, għax “fil-mudell attwali ta’ suċċess u ta’ ħajja privata, donnu ma jagħmilx sens li wieħed jinvesti biex dawk li baqgħu lura, id-dgħajfa u dawk li mhumiex imżejnin b’tant talenti, jimxu ’l quddiem fil-ħajja.[139]

 

197. Għandna bżonn ta’ politika li taħseb b’viżjoni wiesgħa, u li ġġib ’il quddiem viżjoni integrali ġdida, li tinkludi fi djalogu interdixxiplinari d-diversi aspetti tal-kriżi.  Ħafna drabi l-istess politika hi responsabbli għall-fama ħażina tagħha, minħabba fil-korruzzjoni u n-nuqqas ta’ politika pubblika tajba.  Jekk l-Istat ma jwettaqx ir-rwol tiegħu f’reġjun, xi gruppi ekonomiċi jistgħu jidhru bħala benefatturi u jaħtfu taħt idejhom il-veru poter, u jħossuhom awtorizzati ma josservawx ċerti normi, sa jaslu biex jagħtu lok għal diversi xejriet ta’ kriminalità organizzata, traffikar tal-persuni, traffikar tad-droga u vjolenza li mbagħad ikun diffiċli ħafna teqred.  Jekk il-politika mhix kapaċi tfarrak loġika perversa, u tibqa’ mwaħħla f’diskorsi inkonsistenti, nibqgħu ma naffrontaw qatt il-problemi l-kbar tal-umanità.  Strateġija ta’ bidla vera titlobna naħsbu mill-ġdid fit-totalità tal-proċessi, għax mhux biżżejjed iddaħħal miżuri ekoloġiċi superfiċjali jekk ma tiddiskutix ukoll il-loġika li qed taħkem il-kultura attwali.  Politika b’saħħitha trid tkun kapaċi tidħol għal din l-isfida.

 

198. Il-politika u l-ekonomija għandhom it-tendenza li joqogħdu jwaħħlu f’xulxin għal dak li hu faqar u taħsir ambjentali.  Imma dak li hu mistenni minnhom hu li jagħrfu l-iżbalji tagħhom u jsibu modi ta’ interazzjoni orjentati lejn il-ġid komuni.  Waqt li dawk moħħhom biss kif ħa jdaħħlu fil-but u l-oħrajn iffissati biss kif ħa jżommu taħt idejhom u jżidu l-poter, dak li jibqa’ huma gwerer u xi ftehim stramb fejn l-inqas li jinteressa liż-żewġ naħat hu li jippreservaw l-ambjent u jieħdu ħsieb tal-iżjed dgħajfin.  Anki hawn jgħodd il-prinċipju li “l-għaqda tirbaħ fuq il-kunflitt”.[140]

 

V. Ir-reliġjonijiet fid-djalogu max-xjenzi

 

199. Ma nistgħux nippretendu li x-xjenzi empiriċi jfissru għalkollox il-ħajja, l-essenza intima tal-ħlejjaq kollha u r-realtà sħiħa.  Jekk jagħmlu dan, ikunu jiżabaljaw għax jaqbżu l-konfini metodoloġiċi tagħhom li huma limitati.  Jekk nirriflettu f’dan il-qafas ristrett, jgħibu s-sensibbiltà estetika, il-poeżija, u saħansitra l-ħila tar-raġuni li tifhem is-sens u l-għan ta’ kollox.[141]  Nixtieq infakkar li “it-testi reliġjużi klassiċi jistgħu joffru sinifikat li jkellem lil kull żmien, għandhom qawwa li tagħti skop u tiftaħ dejjem orizzonti ġodda […].  Jagħmel sens u hi ħaġa intelliġenti li nħalluhom għad-dlam sempliċement għax twieldu fil-kuntest ta’ xi twemmin reliġjuż?”.[142]  Fir-realtà, hu sempliċistiku wisq naħsbu li l-prinċipji etiċi nistgħu nippreżentawhom b’mod purament astratt, maqtugħ minn kull kuntest, u l-fatt li jidhru mlibbsa b’lingwaġġ reliġjuż ma jnaqqsilhom xejn mill-valur tagħhom fid-dibattitu politiku.  Il-prinċipji etiċi li r-raġuni kapaċi tifhem jistgħu jidhru mill-ġdid dejjem taħt bixriet ġodda u jiġu espressi b’lingwaġġi differenti, anki reliġjużi.

 

200. Mill-banda l-oħra, kull soluzzjoni teknika li x-xjenzi jippretendu li jistgħu jagħtu ma jkollhiex saħħa biex tħoll il-problemi gravi tad-dinja jekk il-bniedem jitlef il-boxxla tiegħu, jekk jintesew il-motivazzjonijiet kbar li jagħmluha possibbli li ngħixu flimkien, li nagħmlu s-sagrifiċċji, u li nuru t-tjieba mal-oħrajn.  F’kull każ, irridu nappellaw lil dawk li jemmnu biex ikunu koerenti mal-fidi tagħhom u ma jikkuntradixxuhiex bl-azzjonijiet tagħhom.  Hemm bżonn ninsistu magħhom biex jinfetħu dejjem mill-ġdid għall-grazzja ta’ Alla u jżommu sfiq mal-konvinzjonijiet tagħhom fuq l-imħabba, il-ġustizzja u l-paċi.  Jekk meta fhimna ħażin il-prinċipji tagħna xi kultant wasalna biex iġġustifikajna l-abbuż tan-natura u l-ħakma despotika tal-bniedem fuq il-ħolqien, jew il-gwerer, l-inġustizzja u l-vjolenza, bħala nies li nemmnu, nistgħu nagħrfu li b’dan il-mod ma konniex fidili lejn it-teżor tal-għerf li messna ħarisna.  Ħafna drabi l-limiti kulturali ta’ bosta epoki kkundizzjonaw dan l-għarfien tal-wirt etiku u spiritwali tagħna, imma hu sewwa sew ir-ritorn lejn l-għejun rispettivi tagħhom li jippermetti lir-reliġjonijiet li jagħtu tweġiba aħjar għall-ħtiġijiet tal-lum.

 

201. Il-parti l-kbira tal-bnedmin li jgħixu fuq din il-pjaneta jgħidu li jemmnu, u dan għandu jħeġġeġ lir-reliġjonijiet biex jidħlu fi djalogu bejniethom orjentat lejn l-għożża tan-natura, il-ħarsien tal-foqra, l-insiġ ta’ xibka ta’ rispett u ta’ fraternità.  Hu indispensabbli wkoll id-djalogu bejn l-istess xjenzi, billi kull waħda soltu drat tingħalaq fil-lingwaġġ tagħha, u l-ispeċjalizzazzjoni għandha t-tendenza li ssir iżolament u assolutizzazzjoni tal-għerf tagħha.  Dan iżommha milli taffronta b’mod xieraq il-problemi tal-ambjent.  Bl-istess mod, hemm bżonn ta’ djalogu miftuħ u mimli rispett bejn id-diversi movimenti ekoloġisti, li fosthom lanqas huma neqsin it-taqbidiet ideoloġiċi.  Il-gravità tal-kriżi ekoloġika titlob minna lkoll li naħsbu fil-ġid komuni u nimxu ’l quddiem fit-triq tad-djalogu li titlob sabar, axxeżi u ġenerożità, waqt li niftakru dejjem li “ir-realtà hi ogħla mill-idea”.[143]


 

Is-Sitt Kapitlu

EDUKAZZJONI U SPIRITWALITÀ EKOLOĠIKA

 

202. Hemm ħafna ħwejjeġ li hemm bżonn jaqbdu rotta ġdida, imma qabelxejn hu l-bniedem li għandu bżonn jinbidel.  Qed tonqos il-kuxjenza ta’ oriġni komuni, ta’ appartenenza waħda u ta’ ġejjieni li kulħadd iħoss li għandu sehem fih.  Dan l-għarfien bażiku jaf jgħin fit-tixtil ta’ konvinzjonijiet ġodda, imġibiet u stili ta’ ħajja ġodda.  Hekk tixref sfida kulturali, spiritwali u edukattiva ġdida li titlob toroq twal ta’ qawmien ġdid.

 

I. Infittxu stil ieħor ta’ ħajja

 

203. Billi s-suq ifittex joħloq mekkaniżmu konsumista li jiġbed l-għajn biex ibigħ il-prodotti tiegħu, in-nies tispiċċa tinġarr mar-riħ tal-kisbiet u x-xiri bla bżonn.  Il-konsumiżmu ossessiv hu l-mera suġġettiva tal-paradigma tekno-ekonomika.  Jiġri dak li kien ġa ra Romano Guardini: il-bniedem “jaċċetta l-oġġetti ordinarji u d-drawwiet tal-ħajja kif jiġu imposti mill-pjanijiet razzjonali u mill-magni tal-produzzjoni u, ġeneralment, dan jagħmlu bl-impressjoni li dan għandu raġuni u huwa ġust”.[144]  Din il-paradigma tipprova tbellagħha lil kulħadd li hu ħieles sakemm iħaddan din it-taparsi libertà tal-konsum, meta fis-sewwa kollu l-ħielsa huma dawk li jagħmlu parti minn minoranza li taħtaf taħt dufrejha s-setgħa ekonomika u finanzjarja.  Qalb dan it-taħwid kollu, il-bniedem postmodern ma rnexxilux isib mod ġdid ta’ kif jifhem lilu nnifsu u li jista’ jagħtih direzzjoni, u dan in-nuqqas ta’ identità jgħixu b’ansjetà u mistħija.  Għandna ħafna mezzi għall-għanijiet li huma ftit u fjakki.

 

204. Il-qagħda attwali tad-dinja “tqanqal sens ta’ instabbiltà u dubju, li min-naħa tagħha sseddaq għamliet ta’ egoiżmu kollettiv”.[145]  Meta l-persuni jfittxu fihom infushom ir-raġuni tal-eżistenza u jingħalqu fil-kuxjenza tagħhom, isiru iktar rgħiba.  Iktar ma qalb il-bniedem tkun battala, iktar għandha bżonn oġġetti x’tixtri, tippossiedi u tikkonsma.  F’dan il-kuntest ma tantx jidher possibbli li xi ħadd jaċċetta li r-realtà qed tqegħidlu limitu.  F’dan ix-xefaq lanqas ma jista’ jkun hemm ġid komuni veru.  Jekk dan hu t-tip ta’ suġġett li qed jgħolli rasu fis-soċjetà tagħna, in-normi jiġu rrispettati biss jekk ma jmorrux kontra l-ħtiġijiet personali ta’ dak li jkun.  Għalhekk għandna għax naħsbu mhux biss fil-possibbiltajiet ta’ fenomeni terribbli ta’ klima jew diżastri naturali kbar, imma anki f’katastrofi mnibbta minn kriżijiet soċjali, għax l-ossessjoni għal stil ta’ ħajja konsumista, fuq kollox meta ftit huma dawk li jifilħu għalih, tista’ ġġib biss vjolenza u qerda reċiproka.

 

205. Minkejja dan kollu, mhuwiex kollox mitluf, għax l-istess bnedmin li kapaċi jfarrku lilhom infushom sal-iktar punt estrem, jistgħu anki jirbħu lilhom infushom, u jerġgħu lura għall-għażla tat-tajjeb u jfittxu ħajja ġdida, lil hemm minn kull kundizzjonament psikoloġiku u soċjali impost fuqhom.  Għandhom il-ħila jħarsu lejhom infushom b’onestà, li jesprimu n-nuqqas ta’ qbil tagħhom u li jaqbdu toroq ġodda lejn il-ħelsien veru.  M’hemm l-ebda sistema li tista’ tħassar għalkollox il-ftuħ għat-tajjeb, għall-verità u għall-ġmiel, u lanqas il-ħila li wieħed jirreaġixxi, ħila li Alla jkompli jseddaq fi qlubna.  Nitlob lil kull persuna f’din id-dinja biex ma tinsiex din id-dinjità tagħha li ħadd m’għandu jedd jeħdilha.

 

206. Bidla fl-istil ta’ ħajja taf tpoġġi pressjoni tajba fuq dawk li qed iżommu taħt idejhom is-setgħa politika, ekonomika u soċjali.  Dan li jiġri meta l-movimenti tal-konsumaturi jirnexxilhom isibu mod kif in-nies tieqaf tixtri ċerti prodotti u hekk isiru effettivi biex ċerti kumpaniji kbar jibdlu mġibithom, u jġagħluhom jagħtu kas tal-impatt ambjentali u jerġgħu jqisu x’mudelli ta’ produzzjoni jħaddmu.  Hu fatt li, meta l-pressjoni soċjali tinfluwixxi fuq il-qligħ tal-intrapriżi, dawn iħossu li għandhom jibdew jipproduċu b’mod differenti.  Dan ifakkarna x’responsabbiltà soċjali għandhom il-konsumaturi.  “Ix-xiri hu dejjem att morali, iktar milli ekonomiku”.[146]  Għalhekk illum “it-tema tat-taħsir ambjentali tisfida lil kull wieħed u waħda minna biex niflu l-imġiba tagħna”.[147]

 

207. L-Earth Charter isejħilna lkoll biex inħallu warajna dik il-fażi li fiha għoddna qridna lilna nfusna u nibdew mill-ġdid, imma għadna ma sibniex dik il-kuxjenza universali li tagħmel dan possibbli.  Għalhekk nindenja nipproponi mill-ġdid dik l-isfida prezzjuża: “Bħal qatt qabel fl-istorja, id-destin komuni qed jobbligana nfittxu bidu ġdid […].  Jalla l-epoka tagħna tibqa’ mfakkra għax tkun reġgħet qanqlet dik il-qima ġdida għall-ħajja, għad-determinazzjoni li tilħaq is-sostenibbiltà, għax tkun ħeġġet iżjed it-taqbida b’riżq il-ġustizzja u l-paċi, u għaċ-ċelebrazzjoni hienja tal-ħajja”.[148]

 

208. Dejjem hu possibbli nxettlu ħila ġdida li noħorġu minna nfusna u nimxu lejn l-oħrajn.  Mingħajrha ma nistgħux nagħrfu lill-ħlejjaq l-oħra għall-valur li għandhom, ma jkunx jinteressana li nieħdu ħsieb ta’ xi ħadd għall-ġid tal-oħrajn, tibqa’ tonqosna l-ħila li nqiegħdu limiti għalina nfusna biex nevitaw it-tbatija u t-taħsir ta’ dak li għandna madwarna.  L-imġiba fundamentali tal-awtotraxxendenza, li tofroq il-kuxjenza iżolata u l-awtoreferenzjalità, hi l-għerq li jiftaħ il-possibbiltajiet għall-ħarsien tal-oħrajn u tal-ambjent, u minnha tnixxi r-reazzjoni morali li biha wieħed ifittex li jqis l-impatt ta’ kull azzjoni u kull deċiżjoni personali fuq l-ambjent ta’ madwaru.  Meta jirnexxilna negħlbu l-individwaliżmu, nistgħu tabilħaqq naslu għal stil ta’ ħajja differenti u ssir possibbli dik il-bidla li tagħmel differenza lis-soċjetà.

 

II. Nedukaw għall-patt bejn bniedem u ambjent

 

209. L-għarfien tagħna tal-gravità tal-kriżi kulturali u ekoloġika li qegħdin fiha għandu jissarraf fi stili ġodda ta’ kif ngħixu u nġibu ruħna.  Ħafna jafu li l-progress ta’ żmienna u s-sempliċi tgeddis tal-oġġetti jew pjaċiri mhumiex biżżejjed biex jagħtu sens u ferħ lill-qalb tal-bniedem, imma xorta ma jsibux il-ħila li jirrifjutaw dak kollu li joffrilhom is-suq.  Fil-pajjiżi li messhom jagħmlu l-akbar bidliet fid-drawwiet ta’ konsum tagħhom, iż-żgħażagħ għandhom sensibbiltà ekoloġika ġdida u spirtu ġeneruż, u xi wħud minnhom jissieltu b’mod ta’ min jammirah għall-ħarsien tal-ambjent, imma huma kibru f’kuntest ta’ konsum għoli ħafna u ta’ ħajja komda, u dan itaqqal ftit il-maturazzjoni ta’ drawwiet oħra.  Għalhekk ninsabu quddiem sfida edukattiva.

 

210. L-edukazzjoni ambjentali rajnieha twessa’ l-għanijiet tagħha.  Jekk għall-bidu kienet ikkonċentrata ħafna fuq it-tagħrif xjentifiku u fuq il-ħtieġa ta’ kuxjenza u prevenzjoni tar-riskji ambjentali, illum din tfittex ukoll li tinkludi kritika tal-“miti” moderni msejsa fuq ir-raġuni strumentali (l-individwaliżmu, il-progress bla qies, il-kompetizzjoni, il-konsumiżmu, is-suq bla regoli ta’ xejn) u anki li tirbaħ lura d-diversi livelli ta’ bilanċ ekoloġiku: dak ġewwieni magħna nfusna, dak solidali mal-oħrajn, dak naturali mal-ħlejjaq ħajjin kollha, dak spiritwali ma’ Alla.  L-edukazzjoni ambjentali għandha tfittex din il-qabża lejn il-Misteru, li minnha l-etika ekoloġika tixrob l-aqwa tifsira tagħha.  Min-naħa l-oħra għandna edukaturi li jafu sew kif jipproponu mill-ġdid mixjiet pedagoġiċi ta’ etika ekoloġika, hekk li jgħinu b’mod effettiv lill-istudenti biex jikbru fis-solidarjetà, fir-responsabbiltà u fl-għożża msejsa fuq il-kompassjoni.

 

211. Madankollu, din l-edukazzjoni, imsejħa toħloq “ċittadinanza ekoloġika”, xi drabi tillimita ruħha biss għall-informazzjoni u ma jirnexxilhiex tibdel drawwiet ħżiena.  L-eżistenza ta’ liġijiet u normi mhix biżżejjed fuq medda twila ta’ żmien biex trażżan l-imġibiet ħżiena, anki meta jkun hemm kontroll tajjeb.  Biex in-norma ġuridika tista’ tipproduċi effetti rilevanti u li jtulu, hemm bżonn li l-parti l-kbira tal-membri tas-soċjetà jaċċettaw il-liġijiet misjuqa minn motivazzjonijiet tajbin, u dan jagħmluh għax qabel tkun seħħet fihom bidla personali.  Wieħed jasal biex jimpenja ruħu ekoloġikament biss jekk irawwam fih virtujiet b’saħħithom.  Jekk persuna, għalkemm il-qagħda ekonomika tagħha tippermettilha li tikkonsma u tonfoq iżjed, tidra tilbes ħwejjeġ li jsaħħnu iżjed flok tixgħel il-ħiter, dan għax tkun saret konvinta u qed tfittex li tħares l-ambjent.  Hi ħaġa tassew nobbli li wieħed iħabrek biex jieħu ħsieb tal-ħolqien b’għemejjel ċkejkna ta’ kuljum, u hi ħaġa tassew sabiħa li l-edukazzjoni tista’ tkun motivazzjoni għal dan sal-punt li tagħġen stil ta’ ħajja.  L-edukazzjoni għar-responsabbiltà ambjentali tista’ tħeġġeġ ħafna mġibiet li jafu jolqtu b’mod dirett u importanti l-ħarsien tal-ambjent, bħal meta wieħed jevita l-użu ta’ materjal tal-plastik jew tal-karta, inaqqas il-konsum tal-ilma, jifred l-iskart, isajjar biss dak li jaħseb li jiflaħ jiekol, jittratta b’għożża l-ħlejjaq ħajjin l-oħra, jinqeda bit-trasport pubbliku jew jaqsam l-istess karozza ma’ iktar minn persuna waħda, jiżra’ s-siġar, jitfi dwal mixgħula għalxejn, u ħafna iżjed.  Dan kollu jagħmel parti minn kreattività ġeneruża u dinjituża, li toħroġ għad-dawl l-aħjar li hemm fil-bniedem.  Li nerġgħu nużaw xi ħaġa flok narmuha mill-ewwel, u dan nagħmluh b’motivazzjoni profonda, jista’ jkun għemil ta’ mħabba li jesprimi d-dinjità tagħna.

 

212. M’għandniex naħsbu li dawn l-isforzi ma jistgħux jibdlu d-dinja.  Dawn l-għemejjel ixerrdu fis-soċjetà ġid li dejjem jagħmel il-frott tiegħu lil hemm minn dak li wieħed jista’ jixhed għalih b’għajnejh, għax iqanqlu f’qalb din id-dinja tagħna tjieba li tixtered dejjem iżjed, xi kultant bla ma tidher.  Fuq kollox, meta nġibu ruħna hekk, nerġgħu niksbu dak is-sens tad-dinjità tagħna, ninżlu iktar fil-fond tal-eżistenza tagħna, nistgħu nduqu li tabilħaqq fiha sens il-mogħdija tagħna minn fuq din l-art.

 

213. L-oqsma edukattivi huma ħafna: l-iskola, il-familja, il-mezzi ta’ komunikazzjoni, il-katekeżi, u oħrajn.  Edukazzjoni tajba fl-iskola sa miċ-ċkunija u l-adolexxenza tnibbet żerriegħa li tista’ tħalli frott matul il-ħajja kollha kemm hi.  Imma nixtieq nisħaq fuq l-importanza ċentrali tal-familja, għax “hi post fejn il-ħajja – li hi don ta’ Alla – tiġi milqugħa sewwa, u mħarsa minn kull theddida li jista’ jkollha u tiżviluppa skont dak li hu tassew il-kobor tal-bniedem.  Quddiem dik li qiegħda tissejjaħ il-kultura tal-mewt, il-familja hi l-qalba tal-kultura tal-ħajja”.[149]  Fi ħdan il-familja jixxettlu l-ewwel drawwiet ta’ mħabba u għożża għall-ħajja, bħal ngħidu aħna l-użu tajjeb tal-affarijiet, l-ordni u l-indafa, ir-rispett lejn l-ekosistema lokali u l-ħarsien tal-ħlejjaq kollha.  Il-familja hi l-imkien tal-formazzjoni sħiħa tal-bniedem, fejn isseħħ il-maturazzjoni personali fin-nisġa tad-diversi aspetti tagħha li kollha jintrabtu ma’ xulxin.  Fil-familja nitgħallmu nitolbu permess bla ma nkunu arroganti, illissnu “grazzi” bħala espressjoni ta’ apprezzament sinċier għal dak li nirċievu, naħkmu fuq l-aggressività u r-regħba tagħna, u nitolbu skuża meta nagħmlu xi ħaġa ħażina.  Dawn il-ġesti ċkejknin ta’ edukazzjoni u ħlewwa sinċiera jgħinuna nibnu kultura tal-ħajja li ngħixuha mal-oħrajn u ta’ rispett għal kulma għandna madwarna.

 

214. Il-politika u d-diversi għaqdiet għandhom jirsistu għall-formazzjoni tal-kuxjenzi.  Dan hu wkoll dmir il-Knisja.  Il-komunitajiet Insara kollha għandhom rwol importanti xi jwettqu f’din l-edukazzjoni.  Nittama, qabelxejn, li fis-seminarji tagħna u fid-djar reliġjużi ta’ formazzjoni tingħata edukazzjoni għal sempliċità responsabbli fil-ħajja, għall-kontemplazzjoni rikonoxxenti tad-dinja, għall-għożża tad-dgħufija tal-foqra u tal-ambjent.  Kbar huma l-isfidi, u għalhekk neħtieġu istituzzjonijiet bil-poter f’idejhom li jistgħu jissanzjonaw l-attakki fuq l-ambjent, u daqstant ieħor hemm bżonn li nikkontrollaw u nedukaw lil xulxin.

 

215. F’dan il-kuntest, “mhux ta’ min iwarrab għall-ġenb […] ir-relazzjoni li hemm bejn edukazzjoni estetika xierqa u ż-żamma ta’ ambjent b’saħħtu”.[150]  L-attenzjoni u l-imħabba tagħna għall-ambjent jgħinuna ninqalgħu mill-pragmatiżmu utilitarjanistiku.  Jekk ma nitgħallmux nieqfu u nogħxew u napprezzaw is-sabiħ, ma neħduhiex bi kbira li kull ħaġa tinbidel f’oġġett ta’ użu u abbuż bla skrupli.  Fl-istess waqt, jekk irridu naslu għal bidliet profondi, irridu nżommu quddiem għajnejna li l-mudelli ta’ ħsieb tassew iħallu effett fuq l-imġiba tagħna.  L-edukazzjoni ma tħallix effett u l-isforzi tagħha jkunu bla frott jekk ma narawx kif ħa nxerrdu wkoll mudell ġdid dwar il-bniedem, il-ħajja, is-soċjetà u r-relazzjoni man-natura.  Inkella jibqa’ jirbaħ il-mudell konsumista li jgħaddulna l-mezzi tal-komunikazzjoni u l-mekkaniżmi effikaċi tas-suq.

 

III. Il-konverżjoni ekoloġika

 

216. L-għana kbir tal-ispiritwalità Nisranija, frott ta’ għoxrin seklu ta’ esperjenzi personali u komunitarji, hu kontribut mill-isbaħ li nistgħu noffru b’riżq l-isforz biex inġeddu l-umanità.  Nixtieq nipproponi lill-Insara xi linji ta’ spiritwalità ekoloġika li jitnisslu mill-konvinzjoni tal-fidi tagħna, għax dak li jgħallimna l-Evanġelju għandu konsegwenzi fuq il-mod kif naħsbu, kif inħossu u kif ngħixu.  M’aħniex nitkellmu daqshekk fuq diskors dwar ideat, daqskemm fuq kollox dwar il-motivazzjonijiet li joħorġu mill-ispiritwalità biex ikebbsu passjoni għall-għożża tad-dinja kollha.  Fil-fatt, ma nistgħux inħabirku għal ħwejjeġ kbar bid-duttrina biss f’idejna, mingħajr mistika li tagħtiha r-ruħ, mingħajr “kawża interjuri li tħarrek, tqanqal, tħeġġeġ u tagħti sens lill-azzjoni personali u komunitarja”.[151]  Irridu nagħrfu li mhux dejjem aħna l-Insara ħsadna u għamilna l-frott mill-għana li Alla ta lill-Knisja, fejn l-ispiritwalità mhix mifruda mill-istess ġisem, lanqas min-natura jew mir-realtà ta’ din id-dinja, imma pjuttost tgħix magħhom u fihom, f’xirka ma’ dak kollu li bih aħna mdawra.

 

217. Jekk “id-deżerti esterni fid-dinja qed jiżdiedu, għax id-deżerti interni saru tant kbar”,[152] il-kriżi ekoloġika hi sejħa għal konverżjoni qawwija ġo fina.  Madankollu, jeħtieġ ukoll nagħrfu li xi Nsara impenjati u mogħtija għat-talb, bl-iskuża tar-realiżmu u l-prattiċità, spiss jiddieħku bit-tħassib għall-qagħda tal-ambjent.  Oħrajn huma passivi, ma jiddeċiedu qatt li jibdlu d-drawwiet tagħhom, u jsiru inkoerenti.  Għalhekk tonqoshom il-konverżjoni ekoloġika, li titlob minnhom li jħallu l-konsegwenzi kollha tal-laqgħa tagħhom ma’ Ġesù jidhru fir-relazzjoni tagħhom mad-dinja ta’ madwarhom.  Li ngħixu l-vokazzjoni tagħna li nkunu ħarriesa tal-opra ta’ Alla hi parti essenzjali minn ħajja magħġuna bil-virtujiet, mhix għażla u lanqas xi aspett sekondarju tal-esperjenza Nisranija.

 

218. Ħa niftakru fil-mudell ta’ San Franġisk ta’ Assisi, biex nipproponu relazzjoni b’saħħitha mal-ħolqien bħala dimensjoni tal-konverżjoni sħiħa tal-persuna kollha kemm hi.  Dan ifisser ukoll li nagħrfu l-iżbalji, id-dnubiet, il-vizzji tagħna, u anki meta ħallejna dmirijietna, u nindmu mill-qalb, ninbidlu minn ġewwa.  L-Isqfijiet tal-Awstralja għarfu jfissru din il-konverżjoni f’termini ta’ rikonċiljazzjoni mal-ħolqien: “Biex inwettqu din ir-rikonċiljazzjoni  jeħtieġ niflu ħajjitna u nagħrfu b’liema mod qed inweġġgħu l-ħolqien ta’ Alla bl-għemejjel tagħna u meta nibqgħu b’idejna fuq żaqqna.  Jeħtieġ nagħmlu l-esperjenza ta’ konverżjoni, ta’ bidla tal-qalb”.[153]

 

219. Madankollu, lanqas hu biżżejjed li wieħed ikun persuna aħjar biex jista’ jsolvi qagħda hekk kumplessa bħal dik li qed tħabbat wiċċha magħha d-dinja llum.  L-individwi waħidhom jistgħu jitilfu l-ħila u l-libertà li jirbħu l-loġika tar-raġuni utilitarjana u jispiċċaw biex iċedu f’riġlejn konsumiżmu bla etika u bla ebda sens soċjali u ambjentali.  Għall-problemi soċjali rridu nwieġbu bi xbieki komunitarji, mhux sempliċement bil-ħafna għemejjel tajba individwali: “L-esiġenzi ta’ din il-ħidma sa jkunu hekk kbar li l-possibbiltajiet tal-inizjattivi individwali u l-koperazzjoni tal-persuni waħidhom, iffurmati b’mod individwali, ma jkunux kapaċi jwieġbu għalihom.  Ikun hemm bżonn ta’ għaqda ta’ forzi u s-sehem ta’ kulħadd miġbur flimkien”.[154]  Il-konverżjoni ekoloġika li neħtieġu biex noħolqu dinamiżmu ta’ bidla li tħalli effetti fit-tul hi wkoll konverżjoni komunitarja. 

 

220. Din il-konverżjoni titlob bosta atteġġjamenti li flimkien jistgħu jwasslu għal għożża ġeneruża u mimlija ħlewwa u mħabba.  L-ewwel nett timplika gratitudni u gratwità, jew aħjar, għarfien tad-dinja bħala don tal-imħabba ta’ Alla, li bħala konsegwenza jagħmilna kapaċi niċħdu lilna nfusna u nwettqu ġesti ġenerużi anki jekk mhu jarahom jew jagħti kashom ħadd: “Idek ix-xellugija m’għandhiex tkun taf x’inhi tagħmel il-leminija […] u Missierek, li jara dak li hu moħbi, iroddlok hu” (Mt 6:3-4).  Timplika wkoll l-għarfien kollu mħabba li aħna m’aħniex maqtugħin mill-ħlejjaq l-oħra, imma flimkien mal-ħlejjaq l-oħra tal-univers insawru komunjoni universali mill-aqwa.  Min jemmen, id-dinja ma jikkontemplahiex minn barra imma minn ġewwa, għax jagħraf ir-rabtiet li bihom il-Missier sensilna mal-ħlejjaq l-oħra kollha.  Fuq kollox, meta sseddaq il-ħiliet partikulari li Alla ta lil kull min jemmen, il-konverżjoni ekoloġika twasslu biex jikber fil-kreattività u l-ħeġġa tiegħu, biex isolvi t-traġedji tad-dinja, u jingħata “b’sagrifiċċju ħaj, qaddis, jogħġob lil Alla” (Rum 12:1).  Is-superjorità tiegħu ma jarahiex bħala raġuni ta’ glorja personali jew ta’ ħakma irresponsabbli, imma bħala ħila differenti li tgħabbih b’dik ir-responsabbiltà li tiġi mill-fidi tiegħu.

 

221. Diversi konvinzjonijiet tal-fidi tagħna, imressqa lejn il-bidu ta’ din l-Enċiklika, jiswew biex jagħnu t-tifsira ta’ din il-konverżjoni, bħall-għarfien li kull ħlejqa tirrifletti xi ħaġa minn Alla u għandha messaġġ x’tgħaddilna, jew iċ-ċertezza li Kristu ħa fuqu din id-dinja materjali u issa, imqajjem mill-imwiet, huwa preżenti għal kull ħlejqa, idawwarha bl-imħabba tiegħu u jimlieha bid-dawl tiegħu.  Kif ukoll meta nagħrfu li Alla ħalaq id-dinja u naqqax fiha ordni u dinamiżmu li l-bniedem m’għandux jedd jinjora.  Meta fl-Evanġelju naqraw kif Ġesù jitkellem dwar it-tajr tal-ajru u jgħid li “anqas wieħed minnhom ma hu minsi quddiem Alla” (Lq 12:6), kif jista’ jkollna l-ħila nittrattawhom ħażin jew nagħmlulhom il-ħsara?  Nistieden lill-Insara kollha biex jagħmlu li tidher din id-dimensjoni tal-konverżjoni tagħhom, u jħallu l-qawwa u d-dawl tal-grazzja li rċevew jixterdu wkoll fir-relazzjonijiet tagħhom mal-ħlejjaq l-oħra u mad-dinja ta’ madwarhom, ħalli tqanqal fihom dik il-fratellanza għolja mal-ħolqien kollu li San Franġisk għex b’mod hekk imdawwal.

 

IV. Hena u sliem

 

222. L-ispiritwalità Nisranija tissuġġerilna mod ieħor ta’ kif nifhmu l-kwalità tal-ħajja, u tħeġġeġ għal stil ta’ ħajja profetiku u kontemplattiv, kapaċi jithenna profondament bla ma jkun ossessjonat bil-konsum.  Importanti nifhmu tagħlim antik, li nsibuh f’diversi tradizzjonijiet reliġjużi, u anki fil-Bibbja.  Qed nitkellem dwar il-konvinzjoni li “iż-żejjed ħu n-nieqes”.  Fil-fatt, li noqogħdu l-ħin kollu nfittxu possibbiltajiet ġodda ta’ konsum, jaljena l-qalb u ma jħallihiex tapprezza kull ħaġa u kull waqt.  Għall-kuntrarju, li nħarsu b’serenità lejn kull realtà, ċkejkna kemm hi ċkejkna, jiftħilna ħafna iżjed possibbiltajiet ta’ kif nifhmu u nwettqu lilna nfusna.  L-ispiritwalità Nisranija tipproponilna nikbru fis-sobrjetà u li nsiru iżjed kapaċi nieħdu gost imqar bil-ftit.  Hu ritorn lejn is-sempliċità li toffri l-ħajja bla rabtiet ma’ dak li għandna u bla ma noqogħdu nitnikktu mħabba dak li m’għandniex.  Dan ifisser li naħarbu d-dinamika tal-ħakma u tas-sempliċi tgeddis tal-pjaċiri.

 

223. Is-sobrjetà, jekk ngħixu b’libertà u għarfien, tista’ teħlisna.  Mhix ħajja inqas jew mgħixa b’inqas intensità, imma bil-kontra ta’ dan kollu.  Fil-fatt, dawk li kapaċi jiggustaw iżjed u jgħixu aħjar kull mument huma dawk li jieqfu jbillu minn hawn u minn hemm, dejjem ifittxu dak li m’għandhomx, u jduqu xi jfisser tapprezza kull persuna u kull ħaġa, jitgħallmu jiffamiljarizzaw ruħhom mar-realtajiet iktar sempliċi u jafu jgawduhom.  B’dan il-mod iseħħilhom inaqqsu l-ħtiġijiet li ma jistgħux jissodisfaw, u ma’ dan tonqos ukoll l-għeja u t-tensjoni żejda.  Jista’ jkollok bżonn ta’ ftit affarijiet u tgħix ħafna, fuq kollox meta tkun kapaċi tagħti spazji lil pjaċiri oħra u ssib is-sodisfazzjon tiegħek fil-laqgħat tal-aħwa, fil-qadi, fit-twettiq għammiel tal-kariżmi, fil-mużika u fl-arti, fil-kuntatt man-natura, fit-talb.  Il-kuntentizza titlob minna li nagħrfu nillimitaw ċerti bżonnijiet li jistorduna, u hekk nibqgħu miftuħa għall-għadd ta’ possibbiltajiet li toffri l-ħajja.

 

224. Is-sobrjetà u l-umiltà ma tantx konna pożittivi dwarhom fl-aħħar seklu.  Imma meta b’mod ġenerali jiddgħajjef it-tħaddim ta’ xi virtù fil-ħajja personali u soċjali, dan jispiċċa jġib kemm-il nuqqas ta’ żbilanċ, anki ambjentali.  Għalhekk m’għadux biżżejjed nitkellmu biss fuq il-ħarsien tal-ekosistemi tagħna.  Jeħtieġ bil-kuraġġ kollu nitkellmu fuq il-ħarsien tal-ħajja umana, fuq il-ħtieġa li nippromovu u niġbru flimkien il-valuri kbar kollha.  L-għajbien tal-umiltà, fi bniedem imħeġġeġ iżżejjed mill-possibbiltà li jista’ jaħkem kollox mingħajr ebda limitu, jista’ biss jagħmel ħsara lis-soċjetà u lill-ambjent.  Mhux faċli nimmaturaw f’din l-umiltà tajba u f’sobrjetà hienja jekk insiru wisq awtonomi, jekk iwwarrbu minn ħajjitna lil Alla u floku jidħol il-jien tagħna, jekk nemmnu li trid tkun is-suġġettività tagħna li tiddetta x’inhu tajjeb u x’inhu ħażin.

 

225. Min-naħa l-oħra, l-ebda persuna ma tista’ tikber f’sobrjetà hienja jekk mhix f’paċi magħha nfisha.  U parti minn għarfien xieraq tal-ispiritwalità jikkonsisti f’li nwessgħu l-għarfien tagħna tal-paċi, li hi wisq aktar min-nuqqas tal-gwerra.  Il-paċi interjuri tal-persuni hi marbuta sew mal-għożża tal-ekoloġija u mal-ġid komuni, għax, jekk ngħixuha kif għandu jkun, tirrifletti stil ta’ ħajja bilanċjat imxierek ma’ ħila ta’ stagħġib li tiftaħ tieqa fuq il-profondità tal-ħajja.  In-natura hi miżgħuda bi kliem ta’ mħabba, imma kif nistgħu nisimgħuh qalb storbju l-ħin kollu, qalb id-distrazzjoni permanenti u anzjuża, jew qalb il-kult tad-dehra?  Ħafna persuni jħossu żbilanċ qawwi li jisfurzahom biex jagħmlu l-affarijiet b’ħeffa kbira biex iħossuhom għandhom x’jagħmlu, f’għaġla kontinwa li min-naħa tagħha twassalhom biex jirkbu u jħarbtu kulma jsibu madwarhom.  Dan ukoll jaffettwa l-mod kif wieħed jittratta l-ambjent.  Ekoloġija integrali titlob li niddedikaw ftit tal-ħin biex niksbu mill-ġdid l-armonija serena tagħna mal-ħolqien, biex nirriflettu fuq l-istil ta’ ħajjitna u l-ideali tagħna, biex nikkontemplaw lill-Ħallieq, li jgħammar fostna u f’dak li għandna madwarna, u li l-preżenza tiegħu “m’għandhiex tiġi vvintata, imma mikxufa, murija”.[155]

 

226. Qed nitkellmu fuq atteġġjament tal-qalb, li tgħix kollox b’attenzjoni serena, li taf tibqa’ preżenti b’mod sħiħ quddiem xi ħadd mingħajr ma toqgħod taħseb f’dak li trid tagħmel wara, li tingħata għal kull mument għax kull mument hu don divin li għandu jingħax fil-milja tiegħu.  Ġesù għallimna dan l-atteġġjament meta stedinna nħarsu lejn il-ġilji tal-widien u l-għasafar tas-sema, u meta, fil-preżenza ta’ bniedem li kien qed ifittex, “xeħet fuqu ħarsa ta’ mħabba” (Mk 10:21).  Iva, hu kien jaf kif ikun preżenti b’mod sħiħ għal kull bniedem u għal kull ħlejqa, u hekk uriena triq biex negħlbu l-ansjetà marida li tagħmilna nies tal-qoxra, aggressivi u konsumisti sfrenati.

 

227. Espressjoni ta’ dan l-atteġġjament hi meta nieqfu rroddu ħajr lil Alla qabel u wara l-ikel.  Nipproponi lil dawk li jemmnu biex jerġgħu jaqbdu din id-drawwa prezzjuża u jgħixuha b’mod profond.  Dan il-mument ta’ barka, anki jekk qasir ħafna, ifakkarna li aħna niddependu minn Alla għal ħajjitna, isaħħaħ is-sens tagħna ta’ gratitudni għad-doni tal-ħolqien, u hu rikonoxximent lejn dawk li b’ħidmiethom jipprovdulna dan il-ġid, u jqawwi s-solidarjetà ma’ dawk l-aktar fil-bżonn.

 

V. Mħabba ċivili u politika

 

228. L-għożża tan-natura hi parti minn stil ta’ ħajja li jimplika ħila li ngħixu flimkien u komunjoni.  Ġesù fakkarna li għandna lil Alla bħala Missier komuni u li dan jagħmilna aħwa.  L-imħabba ta’ bejn l-aħwa tista’ biss tkun b’xejn, ma tista’ qatt tkun kumpens għal dak li jwettaq l-ieħor, lanqas xi ħlas minn qabel għal dak li nittamaw li jagħmel.  Għalhekk hu possibbli nħobbu l-għedewwa tagħna.  Din l-istess gratwità twassalna biex inħobbu r-riħ, ix-xemx u s-sħab, anki jekk ma nistgħux nikkontrollawhom.  Għalhekk nistgħu nitkellmu fuq fraternità universali.

 

229. Għandna bżonn nisimgħu mill-ġdid li neħtieġu wieħed tal-ieħor, li għandna responsabbiltà lejn l-oħrajn u lejn id-dinja, li jiswa għal xi ħaġa li nkunu tajbin u onesti.  Diġà ilna biżżejjed sejrin lura moralment, nilagħbu bl-etika, bit-tjieba, bil-fidi, bl-onestà, u issa wasal il-mument li nagħrfu li din is-superfiċjalità allegra ftit li xejn switilna.  Dan it-tiġrif ta’ kull fundament tal-ħajja soċjali jispiċċa biex iġibna wieħed kontra l-ieħor, moħħna kif ħa naqbżu għall-interessi personali tagħna, u jqanqal il-qawmien ta’ xejriet ġodda ta’ vjolenza u kefrija, u jżomm l-iżvilupp ta’ kultura vera tal-ħarsien tal-ambjent.

 

230. L-eżempju ta’ Santa Teresa ta’ Lisieux jistedinna nipprattikaw it-triq iż-żgħira tal-imħabba, biex ma nitilfux l-opportunità ta’ kelma ġentili, ta’ tbissima, ta’ kull ġest ċkejken li jiżra’ l-paċi u l-ħbiberija.  Ekoloġija integrali hi magħmula wkoll minn ġesti sempliċi ta’ kuljum li fihom inkissru l-loġika tal-vjolenza, l-abbuż, l-egoiżmu.  Għall-kuntrarju, id-dinja tal-konsum bla nifs hi fl-istess waqt id-dinja tal-moħqrija tal-ħajja f’kull għamla tagħha.

 

231. L-imħabba, mimlija b’ġesti żgħar ta’ għożża reċiproka, hi wkoll ċivili u politika, u tidher fl-għemejjel kollha li jfittxu jibnu dinja aħjar.  L-imħabba għas-soċjetà u l-impenn għall-ġid komuni huma għamla illustri ta’ karità, li tmiss mhux biss ir-relazzjonijiet bejn l-individwi, imma wkoll “ir-relazzjonijiet il-kbar: ir-relazzjonijiet soċjali, ekonomiċi, politiċi”.[156]  Għalhekk il-Knisja ressqet quddiem id-dinja l-ideal ta’ “ċiviltà tal-imħabba”.[157]  L-imħabba soċjali hi l-muftieħ għal żvilupp  awtentiku: “Biex nagħmlu s-soċjetà iktar umana, iktar tixraq lill-persuna, irridu niżnu mill-ġdid l-imħabba fil-ħajja soċjali – fuq livell politiku, ekonomiku, kulturali – u nagħmluha n-norma kostanti u l-aktar għolja tal-aġir tagħna”.[158]  F’dan il-qafas, flimkien mal-importanza tal-ġesti żgħar ta’ kuljum, l-imħabba soċjali tħeġġiġna naħsbu fi strateġiji kbar li jistgħu jwaqqfu b’mod effettiv it-taħsir ambjentali u jinkuraġġixxu kultura tal-għożża li tħaddan is-soċjetà kollha.  Meta xi ħadd jagħraf is-sejħa li qed jagħmillu Alla biex flimkien ma’ oħrajn jindaħal f’din id-dinamika soċjali, għandu jiftakar li dan jagħmel parti mill-ispiritwalità tiegħu, li hu mod kif iħaddem il-karità, u li bih jimmatura u jitqaddes.

 

232. Mhux kollha kemm aħna msejħin naħdmu b’mod dirett fil-politika, imma fi ħdan is-soċjetà jwarrdu għadd kbir ta’ għaqdiet li jsemmgħu leħinhom b’riżq il-ġid komuni, billi jaqbżu għall-ambjent naturali u urban.  Ngħidu aħna, jagħtu kas ta’ xi post pubbliku (binja, funtana, monument abbandunat, pajsaġġ, pjazza), biex iħarsu, jirranġaw, itejbu jew isebbħu xi ħaġa li hi ta’ kulħadd.  Madwarhom jixxettlu jew jinħolqu mill-ġdid ċerti rabtiet u jissawwar tessut soċjali lokali ġdid.  Hekk komunità tinħeles mill-indifferenza konsumista.  Dan ifisser ukoll inxettlu identità komuni, storja li jeħtieġ nikkonservawha u ngħadduha.  Hekk inkunu nieħdu ħsieb tad-dinja u tal-kwalità tal-ħajja tal-ifqar fost il-fqar, b’sens ta’ solidarjetà, waqt li fl-istess ħin inkunu nagħrfu li qed ngħixu fid-dar komuni li Alla fdalna f’idejna.  Dawn l-azzjonijiet komunitarji, meta jesprimu mħabba li tingħata, jistgħu wkoll jinbidlu f’esperjenzi spiritwali mill-aktar intensi.

 

VI. Is-sinjali sagramentali u l-mistrieħ ċelebrattiv

 

233. L-univers jikber f’Alla, li jimlieh kollu kemm hu.  Mela hemm misteru x’nikkontemplaw f’werqa, f’passaġġ qalb il-muntanji, fin-nida, fil-wiċċ ta’ bniedem fqir.[159]  L-ideal mhux biss li ngħaddu minn dak li jidher minn barra għal dak li hemm ġewwa biex niskopru l-għemil ta’ Alla fir-ruħ, imma wkoll li naslu biex niltaqgħu miegħu f’kollox, kif kien jgħallem San Bonaventura: “Il-kontemplazzjoni togħla wisq aktar daqskemm il-bniedem iħoss fih l-effett tal-grazzja divina jew daqskemm jagħraf aktar lil Alla fil-ħlejjaq l-oħra”.[160]

 

234. San Ġwann tas-Salib kien jgħallem li kulma hu tajjeb fil-ħwejjeġ u fl-esperjenzi tad-dinja “hu qabelxejn u fuq kollox f’Alla b’mod infinit jew, fi kliem aħjar, Hu f’kull ħaġa minn dawn l-għeġubijiet li nsemmu”.[161]  Dan mhux għax il-ħwejjeġ limitati tad-dinja huma tabilħaqq divini, imma għax il-mistiku jġarrab dik ir-rabta qawwija li hemm bejn Alla u l-ħlejjaq kollha, u hekk “iħoss li Alla hu għalih il-ħwejjeġ kollha”.[162]  Jekk jitgħaxxaq bil-kobor ta’ muntanja, dan ma jistax jifirdu minn Alla, u jħoss li din l-għaxqa ġewwiena li hu qed jgħix għandu jgħixha fil-Mulej: “Il-muntanji għandhom il-qċaċet tagħhom, huma għoljin, imponenti, sbieħ, grazzjużi, iwarrdu u jfuħu.  Bħal dawn il-muntanji hu l-Maħbub għalija.  Il-widien solitarji huma ħiemda, ħelwin, friski, imdella, imfawra b’ilmijiet bnina.  Għall-kotra ta’ siġar tagħhom u għall-għana ħelu tal-għasafar huma jserrħu u jhennu wisq is-sensi u fis-solitudni tagħhom u fis-skiet tagħhom joffru serħan u mistrieħ: dawn il-widien huma bħalma hu għalija l-Maħbub tiegħi”.[163]

 

235. Is-Sagramenti huma mod ipprivileġġjat fejn Alla jaqbad in-natura u jibdilha fi triq għall-ħajja sopranaturali.  Permezz tal-qima tagħna lil Alla aħna mistiedna nħaddnu d-dinja fuq livell differenti.  L-ilma, iż-żejt, in-nar u l-ilwien, bil-qawwa simbolika kollha tagħhom, jingħataw għall-att li bih infaħħru lil Alla.  Id-driegħ li jbierek hu strument tal-imħabba ta’ Alla u mera ta’ kemm hu qrib tagħna Kristu li ġie biex iseħibna fil-mixja ta’ ħajjitna.  L-ilma li jissawwab fuq il-ġisem ta’ tarbija li tiġi mgħammda hu sinjal ta’ ħajja ġdida.  Ma nkunux naħarbu mid-dinja u lanqas niċħdu n-natura meta nixxenqu biex niltaqgħu ma’ Alla.  Dan nistgħu nifhmuh l-iżjed fl-ispiritwalità tal-Lvant Nisrani: “Il-ġmiel, li fil-Lvant hu wieħed mill-ismijiet li bih iżjed spiss iħobbu jesprimu l-armonija divina u l-mudell tal-umanità mibdula f’Alla, jidher kullimkien: fl-għamla tat-tempju, fil-ħsejjes, fl-ilwien, fid-dawl u fil-fwejjaħ”.[164]  Għall-esperjenza Nisranija, il-ħlejjaq kollha tal-univers materjali jsibu t-tifsira vera tagħhom fil-Verb inkarnat, għax l-Iben ta’ Alla laħħam fil-persuna tiegħu parti mill-univers materjali, fejn hu żera’ darba għal dejjem din it-trasformazzjoni: “Il-Kristjaneżmu ma jirrifjutax il-materja, il-korporjetà; għall-kuntrarju, jagħtiha valur sħiħ fl-azzjoni liturġika, fejn il-ġisem tal-bniedem juri n-natura intima tiegħu ta’ tempju sabiħ tal-Ispirtu u jasal biex jitwaħħad mal-Mulej Ġesù, li anki hu sar ġisem għall-fidwa tad-dinja”.[165]

 

236. Fl-Ewkaristija l-ħolqien isib l-ogħla eżaltazzjoni tiegħu.  Il-grazzja, li tidher b’mod sensibbli, issib espressjoni mill-isbaħ meta Alla nnifsu, magħmul bniedem, jasal biex jittiekel mill-istess ħlejqa tiegħu.  Il-Mulej, fil-qofol tal-misteru tal-Inkarnazzjoni, jixtieq jitwaħħad magħna fil-ġewwieni tagħna permezz ta’ biċċa mill-materja.  Mhux mill-għoli, imma ġo fina, biex fl-istess dinja tagħna nistgħu niltaqgħu miegħu.  Fl-Ewkaristija diġà seħħet il-milja, u hi l-qalba ħajja tal-univers, il-qalba mfawra bl-imħabba u l-ħajja bla tmiem.  Imxierek mal-Iben inkarnat, preżenti fl-Ewkaristija, l-univers kollu jrodd ħajr lil Alla.  Fil-fatt, l-Ewkaristija hi minnha nfisha att ta’ mħabba kożmika: “Iva, kożmika!  Għaliex anki meta tiġi ċċelebrata fuq altar ċkejken ta’ xi knisja fil-kampanja, l-Ewkaristija hija dejjem iċċelebrata, f’ċertu sens, fuq l-altar tad-dinja”.[166]  L-Ewkaristija tgħaqqad l-art mas-Sema, tħaddan u tinfed il-ħolqien kollu.  Id-dinja, li ħarġet minn idejn Alla, terġa’ lura għandu f’adorazzjoni hienja u sħiħa: fil-Ħobż Ewkaristiku “il-ħolqien hu orjentat lejn id-divinizzazzjoni, lejn il-festa mqaddsa tat-tieġ, lejn it-twaħħid sħiħ mal-Ħallieq innifsu”.[167]  Għalhekk, l-Ewkaristija hi wkoll għajn ta’ dawl u ta’ motivazzjoni għat-tħassib kollu tagħna dwar l-ambjent, u torjentana biex inkunu ħarriesa tal-ħolqien kollu.

 

237. F’jum il-Ħadd, is-sehem tagħna fl-Ewkaristija għandu importanza partikulari.  Dan il-jum, l-istess bħas-Sibt Lhudi, hu offrut lilna bħala jum ta’ fejqan u tisħiħ tar-relazzjonijiet tal-bniedem ma’ Alla, miegħu nnifsu, mal-oħrajn u mad-dinja.  Il-Ħadd hu jum il-Qawmien, l-“ewwel jum” tal-ħolqien ġdid, li l-ewwel frott tiegħu hu l-umanità mqajma fil-Mulej, rahan tat-trasfigurazzjoni li fl-aħħar għad tgħaddi minnha r-realtà maħluqa kollha.  Fuq kollox, dan il-jum iħabbar “il-mistrieħ ta’ dejjem tal-bniedem f’Alla”.[168]  Hekk, l-ispiritwalità Nisranija twaħħad il-valur tal-mistrieħ u dak ta’ festa.  Il-bniedem għandu t-tendenza li jirriduċi l-mistrieħ kontemplattiv għal xi ħaġa sterili u bla siwi, u jaħseb li hekk il-ħidma mwettqa jkun ineżżagħha minn dak li hu l-iżjed importanti: it-tifsira tagħha.  Aħna msejħin biex fil-ħidmiet tagħna ndaħħlu dimensjoni ta’ riċettività u gratwità, li hi differenti minn sempliċi nuqqas ta’ attività.  Hu mod ieħor ta’ kif inkunu attivi li jagħmel parti mill-essenza tagħna.  Hekk insalvaw l-azzjoni umana mhux biss minn attiviżmu vojt, imma wkoll mill-kilba sfrenata u l-iżolament tal-kuxjenza li jwassluna biex infittxu biss il-benefiċċju personali tagħna.  Il-liġi tal-mistrieħ ta’ kull ġimgħa kienet timponi li wieħed ma jaħdimx fis-seba’ jum, “biex jistrieħu l-gendus u l-ħmar tiegħek, u bin il-qaddejja tiegħek u l-barrani jieħdu r-ruħ” (Eż 23:12).  Il-mistrieħ jgħinna nwessgħu ħarsitna biex nistgħu nagħrfu d-drittijiet tal-oħrajn.  Hekk, jum il-mistrieħ, li fil-qalba tiegħu hemm l-Ewkaristija, ixerred id-dawl tiegħu fuq il-ġimgħa kollha u jħeġġiġna nagħmlu tagħna l-għożża tan-natura u l-ħarsien tal-foqra.

 

VII. It-Trinità u r-relazzjonijiet bejn il-ħlejjaq

 

238. Il-Missier hu l-għajn aħħarija ta’ kollox, fundament kollu mħabba u komunikazzjoni ta’ kulma jeżisti.  L-Iben, li hu mera tiegħu, u li bih kollox kien maħluq, ingħaqad ma’ din l-art meta ħa l-ġisem f’ġuf Marija.  L-Ispirtu s-Santu, rabta dejjiema ta’ mħabba, hu intimament preżenti fil-qalba tal-univers u jagħtih il-ħajja waqt li jqanqal mixjiet ġodda fi ħdanu.  Id-dinja ġiet maħluqa mit-tliet Persuni bħala prinċipju divin waħdieni, imma kull waħda minnhom twettaq din l-opra komuni skont l-identità personali tagħha.  Għalhekk, “meta nikkontemplaw b’għaxqa l-univers fil-kobor u l-ġmiel tiegħu, irridu nfaħħru lit-Trinità kollha”.[169]

 

239. Għall-Insara, temmen f’Alla wieħed li hu komunjoni Trinitarja jwassal għall-ħsieb li r-realtà kollha għandha fuqha l-marka speċifika Trinitarja.  San Bonaventura wasal biex jistqarr li l-bniedem, qabel id-dnub, seta’ jiskopri kif kull ħlejqa “tixhed li Alla hu tlieta”.  Il-mera tat-Trinità stajt tilmaħha fin-natura “meta la dak il-ktieb ma kien mudlam għall-bniedem, lanqas għajn il-bniedem ma kienet għadha ttappnet”.[170]  Il-qaddis Franġiskan jgħallimna li kull ħlejqa ġġorr fiha binja speċifikament Trinitarja, hekk reali li tista’ tiġi kkontemplata hekk kif tħares lejha, li kieku mhux għax il-ħarsa tal-bniedem kienet limitata, imdallma u dgħajfa.  B’dan il-mod jurina l-isfida li nippruvaw naqraw ir-realtà b’muftieħ Trinitarju.

 

240. Il-Persuni divini huma relazzjonijiet sussistenti, u d-dinja, maħluqa fuq il-mudell divin, hi nisġa ta’ relazzjonijiet.  Il-ħlejjaq miġbuda lejn Alla, u min-naħa tagħha kull ħlejqa ħajja għandha xi ħaġa li tiġbidha lejn ħaġa oħra, hekk li fi ħdan l-univers nistgħu niltaqgħu ma’ għadd bla qies ta’ relazzjonijiet kostanti li qed jintisġu b’mod sigriet.[171]  Dan mhux biss jistedinna nitgħaxxqu bil-kotra kbira ta’ rabtiet li jeżistu bejn il-ħlejjaq, imma jwassalna wkoll biex niskopru muftieħ essenzjali tal-milja tagħna nfusna.  Fil-fatt, il-bniedem jikber, jimmatura u jitqaddes iżjed ma jidħol f’relazzjoni, meta joħroġ minnu nnifsu biex jgħix f’xirka ma’ Alla, mal-oħrajn u mal-ħlejjaq kollha.  Hekk jieħu fl-eżistenza tiegħu dak l-istess dinamiżmu Trinitarju li Alla ssiġilla fih sa mill-ħolqien tiegħu.  Kollox hu marbut flimkien, u dan jistedinna nikbru fi spiritwalità tas-solidarjetà globali li tnixxi mill-misteru tat-Trinità.

 

VIII. Is-Sultana tal-ħolqien kollu

 

241. Marija, l-omm li ħadet ħsieb ta’ Ġesù, issa bl-imħabba u l-uġigħ ta’ qalb ta’ omm tieħu ħsieb din id-dinja miġruħa.  Kif bkiet b’qalb minfuda l-mewt ta’ Ġesù, issa tiġiha ħniena mit-tbatija tal-foqra misluba u tal-ħlejjaq ta’ din id-dinja mxejna mill-poter uman.  Hi tgħix ma’ Ġesù għalkollox ittrasfigurata, u l-ħlejjaq kollha jgħannu ġmielha.  Hi l-Mara “liebsa x-xemx, bil-qamar taħt riġlejha, u b’kuruna ta’ tnax-il kewkba fuq rasha” (Apok 12:1).  Imtellgħa s-Sema, hi Omm u Sultana tal-ħolqien kollu.  Fil-ġisem igglorifikat tagħha, flimkien ma’ Kristu Rxoxt, parti mill-ħolqien diġà laħqet il-milja ta’ ġmielha.  Hi mhux biss taħseb bejnha u bejn ruħha fuq il-ħajja kollha ta’ Ġesù, li hi “tgħożż f’qalbha” (ara Lq 2:19,51), imma issa wkoll tifhem it-tifsira tal-ħwejjeġ kollha.  Għalhekk nistgħu nitolbuha tgħinna nħarsu lejn din id-dinja b’għajnejn aktar għarfa.

 

242. Flimkien magħha, fil-Familja Mqaddsa ta’ Nazareth, tispikka l-figura ta’ San Ġużepp.  Hu ħa ħsieb u ħares lil Marija u lil Ġesù bix-xogħol tiegħu u bil-preżenza ġeneruża tiegħu, u ħelishom mill-vjolenza tal-ħżiena billi ħarrabhom lejn l-Eġittu.  Fl-Evanġelju narawh bħala bniedem ġust, ħaddiem bieżel, b’saħħtu.  Imma mill-figura tiegħu toħroġ ukoll ħlewwa liema bħalha, li mhix ħaġa ta’ min hu dgħajjef imma ta’ min tabilħaqq hu qawwi, għajnejh miftuħa għar-realtà biex jista’ jħobb u jaqdi b’umiltà.  Għalhekk hu ġie ddikjarat Protettur tal-Knisja universali.  Anki hu jista’ jgħallimna nieħdu ħsieb, jista’ jqanqalna biex naħdmu b’ġenerożità u ħlewwa ħalli nħarsu lil din id-dinja li Alla fdalna f’idejna.

 

IX. Lil hemm mix-xemx

 

243. Fl-aħħar għad niltaqgħu wiċċ imb wiċċ mal-ġmiel bla tarf ta’ Alla (ara 1 Kor 13:12) u nkunu nistgħu naqraw b’għaxqa hienja l-misteru tal-univers, li jieħu sehem magħna fil-milja bla tmiem.  Iva, qed interrqu lejn is-Sibt tal-ħajja ta’ dejjem, lejn Ġerusalemm il-ġdida, lejn id-dar komuni tas-Sema.  Ġesù jgħidilna: “Ara, se nġedded kollox” (Apok 21:5).  Il-ħajja ta’ dejjem ħa tkun ġmiel li naqsmuh mal-oħrajn, fejn kull ħlejqa, mibdula b’mod tal-għaġeb, ikollha postha u xi ħaġa x’toffri lill-foqra meħlusa darba għal dejjem.

 

244. Aħna u nistennew, ejjew nissieħbu flimkien biex nerfgħu r-responsabbiltà ta’ din id-dar li ġiet fdata lilna, għax nafu li kulma hu tajjeb fiha għad jagħmel parti mill-festa tas-Sema.  Flimkien mal-ħlejjaq kollha, nimxu fuq din l-art u nfittxu lil Alla, għax “jekk id-dinja għandha bidu u ġiet maħluqa, hi qed tfittex lil min ħalaqha, qed tfittex lil min taha bidu, dak li hu l-Ħallieq tagħha”.[172]  Ejjew nimxu u ngħannu!  Ma nħallux it-taqbid u t-tħassib tagħna għal din il-pjaneta jisirqulna l-ferħ tat-tama.

 

245. Alla, li qed isejħilna biex ningħataw b’qalb ġeneruża u biex nagħtu kollox, joffrilna l-qawwa u d-dawl li neħtieġu biex nistgħu nibqgħu nterrqu din il-mixja.  Fil-qalba ta’ din id-dinja jibqa’ preżenti għal dejjem Sid il-ħajja li jħobbna daqshekk.  Hu qatt ma jitlaqna, ma jħalliniex waħidna, għax hu twaħħad għal dejjem ma’ din l-art tagħna, u mħabbtu twassalna dejjem għall-għarfien ta’ toroq ġodda.

 

* * *

 

246. Wara din ir-riflessjoni twila, hienja u mqanqla li għamilna flimkien, nipproponi żewġ talbiet, waħda li nistgħu naqsmuha aħna lkoll li nemmnu f’Alla Ħallieq li jista’ kollox, u oħra biex aħna l-Insara nagħrfu nerfgħu r-responsabbiltà tagħna lejn il-ħolqien kif jipproponilna l-Evanġelju ta’ Ġesù.

 

Talba għal din l-art tagħna

 

Mulej l-aktar għoli,

li tinsab fl-univers kollu

u fl-iċken waħda mill-ħlejjaq tiegħek,

Int li tgeżwer bi ħlewwietek

kulma jeżisti,

sawwab fuqna l-qawwa ta’ mħabbtek

biex nistgħu nieħdu ħsieb

tal-ħajja u tal-ġmiel.

Kattar fina l-paċi,

biex ngħixu bħal aħwa

bla ma nweġġgħu lil ħadd.

 

Missier il-foqra,

għinna nifdu lill-imwarrbin

u l-minsijin ta’ din l-art

li jiswew tant f’għajnejk.

Fejqilna ħajjitna,

biex inħarsu d-dinja

u mhux inħarbtuha,

biex niżirgħu l-ġmiel

u mhux it-tinġis u l-qerda.

Miss il-qlub

ta’ dawk li jfittxu biss kif sa jgawdu huma

minn fuq dahar il-foqra u l-art.

Għallimna niskopru l-valur ta’ kull ħaġa,

nikkontemplaw b’għaġeb,

nagħrfu li aħna tabilħaqq magħqudin

mal-ħlejjaq kollha

fil-mixja tagħna lejn id-dawl tiegħek bla tarf.

Irroddulek ħajr li ta’ kuljum tinsab magħna.

Weżinna, nitolbuk, aħna u nitqabdu

għall-ġustizzja, l-imħabba u l-paċi.

 

Talba Nisranija mal-ħolqien

 

Infaħħruk, Missier, mal-ħlejjaq kollha tiegħek,

li ħarġu minn dirgħajk setgħana.

Huma tiegħek, u mfawra bil-preżenza tiegħek

u bil-ħlewwa tiegħek.

Tkun imfaħħar!

 

Iben ta’ Alla, Ġesù,

minnek inħalqu l-ħwejjeġ kollha.

Int issawwart fil-ġuf ta’ ommok Marija,

sirt parti minn din l-art,

u ħarist lejn din id-dinja b’għajnejn ta’ bniedem.

Illum int ħaj f’kull ħlejqa

bil-glorja tal-Qawmien tiegħek.

Tkun imfaħħar!

 

Spirtu s-Santu, li bid-dawl tiegħek

tmexxi lil din id-dinja lejn l-imħabba tal-Missier

u ssieħeb il-karba tal-ħolqien,

int ukoll tgħammar fi qlubna

biex tiġbidna lejn it-tajjeb.

Tkun imfaħħar!

 

Mulej Alla, Wieħed u Tlieta,

komunità tal-għaġeb ta’ mħabba bla tmiem,

għallimna nikkontemplawk

fil-ġmiel tal-univers,

fejn kollox ikellimna dwarek.

Qanqal fina għanja ta’ tifħir u gratitudni

għal kull ħlejqa li int għamilt.

Agħtina l-grazzja li nħossuna mwaħħda b’mod intimu

ma’ kulma jeżisti.

 

Alla ta’ mħabba, urina x’inhu postna

f’din id-dinja

bħala għodda ta’ mħabbtek

għall-ħlejjaq kollha ta’ din l-art,

għax lanqas waħda minnhom biss mhi minsija minnek.

Dawwal lil dawk li għandhom is-setgħa u l-flus

li ma jmorrux jaqgħu fid-dnub tal-indifferenza,

imma jħobbu l-ġid komuni, iwieżnu lid-dgħajfa,

u jieħdu ħsieb ta’ din id-dinja li fiha ngħixu.

Il-foqra u l-art qed jokorbu:

Mulej, bil-qawwa u bid-dawl tiegħek, agħżel lilna

biex inħarsu lil kull ħajja,

biex inħejju għal ġejjieni aħjar,

biex tiġi Saltnatek

ta’ ġustizzja, ta’ paċi, ta’ mħabba u ta’ ġmiel.

Tkun imfaħħar!

Amen.

 

Mogħtija Ruma, f’San Pietru, nhar l-24 ta’ Mejju, Solennità ta’ Għid il-Ħamsin, tas-sena 2015, it-tielet tal-Pontifikat tiegħi.

 

Franġisku


 

[1] L-Għanja tal-Ħlejjaq: Fonti Francescane (FF) 263.  Traduzzjoni uffiċjali bil-Malti: Fonti għall-ħajja ta’ San Franġisk t’Assisi. Il-Kitbiet ta’ San Franġisk; Fonti Medjevali tal-ħajja ta’ San Franġisk, Vol. I, trad. Noel Muscat ofm, Marjanu Vella ofm u Ġużeppi B. Xuereb ofm, Provinċja Franġiskana Maltija tal-Patrijiet Minuri, Edizzjoni TAU, Malta, 2005, 33.

[2] Ittra appostolika Octogesima adveniens (14 ta’ Mejju 1971), 21: AAS 63 (1971), 416-417.

[3] Diskors lill-FAO fil-25 anniversarju (16 ta’ Novembru 1970), 4: AAS 62 (1970), 833.

[4] Ittra enċiklika Redemptor hominis (4 ta’ Marzu 1979), 15: AAS 71 (1979), 287.

[5] Ara Katekeżi (17 ta’ Jannar 2001), 4: Insegnamenti 24/1 (2001), 179.

[6] Ittra enċiklika Centesimus annus (1 ta’ Mejju 1991), 38: AAS 83 (1991), 841.

[7] Ibid., 58: p. 863.

[8] Ġwanni Pawlu II, Ittra enċiklika Sollicitudo rei socialis (30 ta’ Diċembru 1987), 34: AAS 80 (1988), 559.

[9] Ara Id., Ittra enċiklika Centesimus annus (1 ta’ Mejju 1991), 37: AAS 83 (1991), 840.

[10] Diskors lill-Korp diplomatiku akkreditat lis-Santa Sede (8 ta’ Jannar 2007): AAS 99 (2007), 73.

[11] Ittra enċiklika Caritas in veritate (29 ta’ Ġunju 2009), 51: AAS 101 (2009), 687.

[12] Diskors lill-Parlament Ġermaniż (Deutscher Bundestag), Berlin (22 ta’ Settembru 2011): AAS 103 (2011), 664.

[13] Diskors lill-kleru tad-Djoċesi ta’ Bolzano-Bressanone (6 ta’ Awwissu 2008): AAS 100 (2008), 634.

[14] Messaġġ għall-Jum ta’ talb għall-ħarsien tal-ħolqien (1 ta’ Settembru 2012).

[15] Diskors f’Santa Barbara, il-Kalifornja (8 ta’ Novembru 1997); ara John Chryssavgis, On Earth as in Heaven: Ecological Vision and Initiatives of Ecumenical Patriarch Bartholomew, Bronx, New York, 2012.

[16] Ibid.

[17] Konferenza fil-Monasteru ta’ Utstein, in-Norveġja (23 ta’ Ġunju 2003).

[18] Diskors Global Responsibility and Ecological Sustainability: Closing Remarks, L-Ewwel Laqgħa ta’ Halki, Istanbul (20 ta’ Ġunju 2012).

[19] Tumas minn Celano, Vita Sancti Francisci, I. XXIX, 81: FF 460.  Traduzzjoni uffiċjali bil-Malti: Fonti għall-ħajja ta’ San Franġisk t’Assisi, Vol. I (ara n-nota 1 mat-traduzzjoni Maltija ta’ din l-Enċiklika).

[20] Legenda Maior, VIII, 6: FF 1145.  Traduzzjoni uffiċjali bil-Malti: Fonti għall-ħajja ta’ San Franġisk t’Assisi, Vol. II, 54 (ara n-nota 1 mat-traduzzjoni Maltija ta’ din l-Enċiklika).

[21] Ara Tumas minn Celano, Memoriale in Desiderio Animæ, II. CXXIV, 165: FF 750.  Ara Fonti għall-ħajja ta’ San Franġisk t’Assisi, Vol. I, 561-562.

[22] Konferenza tal-Isqfijiet Kattoliċi tal-Afrika ta’ Isfel, Pastoral Statement on the Environmental Crisis (5 ta’ Settembru 1999).

[23] Ara Tislima lill-istaff tal-FAO (20 ta’ Novembru 2014): AAS 106 (2014), 985.

[24] Il-V Konferenza Ġenerali tal-Episkopat Latin-Amerikan u tal-Karribej, Dokument ta’ Aparecida (29 ta’ Ġunju 2007), 86.

[25] Konferenza tal-Isqfijiet Kattoliċi tal-Filippini, Ittra pastorali What is Happening to our Beautiful Land? (29 ta’ Jannar 1988).

[26] Konferenza Episkopali Bolivjana, Ittra pastorali fuq l-ambjent u l-iżvilupp uman fil-Bolivja El universo, don de Dios para la vida (23 ta’ Marzu 2012), 17.

[27] Ara Konferenza Episkopali Ġermaniża, Kummissjoni għall-affarijiet soċjali, Der Klimawandel: Brennpunkt globaler, intergenerationeller und ökologischer Gerechtigkeit (Settembru 2006), 28-30.

[28] Kunsill Pontifiċju tal-Ġustizzja u l-Paċi, Kompendju tad-Duttruna Soċjali tal-Knisja, 483.

[29] Katekeżi (5 ta’ Ġunju 2013): Insegnamenti 1/1 (2013), 280.

[30] Isqfijiet tar-Reġjun Patagonia-Comahue (l-Arġentina), Mensaje de Navidad (Diċembru 2009), 2.

[31] Konferenza tal-Isqfijiet Kattoliċi tal-Istati Uniti, Global Climate Change: A Plea for Dialogue, Prudence and the Common Good (15 ta’ Ġunju 2001).

[32] Il-V Konferenza Ġenerali tal-Episkopat Latin-Amerikan u tal-Karribej, Dokument ta’ Aparecida (29 ta’ Ġunju 2007), 471.

[33] Eżortazzjoni appostolika Evangelii gaudium (24 ta’ Novembru 2013), 56: AAS 105 (2013), 1043.

[34] Ġwanni Pawlu II, Messaġġ għall-Jum Dinji tal-Paċi 1990, 12: AAS 82 (1990), 154.

[35] Id., Katekeżi (17 ta’ Jannar 2001), 3: Insegnamenti 24/1 (2001), 178.

[36] Ġwanni Pawlu II, Messaġġ għall-Jum Dinji tal-Paċi 1990, 15: AAS 82 (1990), 156.

[37] Katekiżmu tal-Knisja Kattolika, 357.

[38] Ara Angelus f’Osnabrück (il-Ġermanja) mal-persuni b’diżabbiltà (16 ta’ Novembru 1980): Insegnamenti 3/2 (1980), 1232.

[39] Benedittu XVI, Omelija għall-bidu solenni tal-Ministeru Petrin (24 ta’ April 2005): AAS 97 (2005), 711.

[40] Ara Legenda Maior, VIII, 1: FF 1134.

[41] Katekiżmu tal-Knisja Kattolika, 2416.

[42] Konferenza Episkopali Ġermaniża, Zukunft der Schöpfung – Zukunft der Menschheit. Erklärung der Deutschen Bischofskonferenz zu Fragen der Umwelt und der Energieversorgung (1980), II, 2.

[43] Katekiżmu tal-Knisja Kattolika, 339.

[44] Hom. in Hexæmeron, 1, 2, 10: PG 29, 9.

[45] Divina Commedia. Paradiso, Canto XXXIII, 145.

[46] Benedittu XVI, Katekeżi (9 ta’ Novembru 2005), 3: Insegnamenti 1 (2005), 768.

[47] Id., Ittra enċiklika Caritas in veritate (29 ta’ Ġunju 2009), 51: AAS 101 (2009), 687.

[48] Ġwanni Pawlu II, Katekeżi (24 ta’ April 1991), 6: Insegnamenti 14/1 (1991), 856.

[49] Il-Katekiżmu jgħallimna li Alla ried joħloq dinja f’mixja lejn il-perfezzjoni aħħarija tiegħu, u dan jimplika l-preżenza tal-imperfezzjoni u tal-ħażen fiżiku: ara Katekiżmu tal-Knisja Kattolika, 310.

[50] Ara Konċilju Ekumeniku Vatikan II, Kostituzzjoni pastorali Gaudium et spes dwar il-Knisja fid-dinja tal-lum, 36.

[51] Tumas ta’ Aquino, Summa Theologiæ I, q. 104, art. 1, ad. 4.

[52] Id., In octo libros Physicorum Aristotelis expositio, lib. II, lectio 14.

[53] F’din il-perspettiva jidħol il-kontribut ta’ Patri Teilhard de Chardin; ara Pawlu VI, Diskors fi stabbiliment kimiku-farmaċewtiku (24 ta’ Frar 1966): Insegnamenti 4 (1966), 992-993; Ġwanni Pawlu II, Ittra lir-Reverendu P. George V. Coyne (1 ta’ Ġunju 1988): Insegnamenti 11/2 (1988), 1715; Benedittu XVI, Omelija fiċ-ċelebrazzjoni tal-Għasar f’Aosta (24 ta’ Lulju 2009): Insegnamenti 5/2 (2009), 60.

[54] Ġwanni Pawlu II, Katekeżi (30 ta’ Jannar 2002), 6: Insegnamenti 25/1 (2002), 140.

[55] Konferenza tal-Isqfijiet Kattoliċi tal-Kanada, Kummissjoni għall-affarijiet soċjali, Ittra pastorali “You Love All That Exists… All Things Are Yours, God, Lover of Life” (4 ta’ Ottubru 2003), 1.

[56] Konferenza tal-Isqfijiet Kattoliċi tal-Ġappun, Reverence for Life. A Message for the Twenty-First Century (1 ta’ Jannar 2001), 89.

[57] Ġwanni Pawlu II, Katekeżi (26 ta’ Jannar 2000), 5: Insegnamenti 23/1 (2000), 123.

[58] Id., Katekeżi (2  ta’ Awwissu 2000), 3: Insegnamenti 23/2 (2000), 112.

[59] Paul Ricoeur, Philosophie de la volonté. 2. Finitude et Culpabilité, Paris 2009, 216 (traduzzjoni Taljana: Finitudine e colpa, Bologna, 1970, 258).

[60] Summa Theologiæ I, q. 47, art. 1.

[61] Ibid.

[62] Ara Ibid., art. 2, ad. 1; art. 3.

[63] Katekiżmu tal-Knisja Kattolika, 340.

[64] L-Għanja tal-Ħlejjaq: FF 263.  Traduzzjoni uffiċjali bil-Malti: Fonti għall-ħajja ta’ San Franġisk t’Assisi, Vol. I, 32 (ara n-nota 1 mat-traduzzjoni Maltija ta’ din l-Enċiklika).  Verżjoni oħra użata ħafna hi din li ġejja: “Mulejja, tkun imfaħħar mal-ħlejjaq kollha tiegħek, / u l-aktar m’oħtna x-Xemx / li biha jibda l-jum u jroxx id-dawl; / għax hi sabiħa w tħeġġeġ bl-isfa’ dija; / ix-xbieha tiegħek, l-Aktar Għoli, naraw fiha. / Mulejja, tkun imfaħħar f’ħuna l-Qamar, u fil-Kwiekeb: / għamilthom fis-smewwiet leqqiena, għonja u sbejħa. / Mulejja, tkun imfaħħar, f’ħuna r-Riħ, / fiż-żiffa u l-isħab, fil-bnazzi, f’kull tibdil, / li minnu tgħajjex Inti kull maħluq. / Mulejja, tkun imfaħħar, f’ħuna l-Ilma / li hu meħtieġ qatigħ, irżin, ta’ siwi w safi. / Mulejja, tkun imfaħħar f’ħuna n-Nar / li ddawwal bih id-dlamijiet tal-lejl, / hu sbejjaħ, kollu ħajja, sħiħ u qawwi.

[65] Ara Konferenza Nazzjonali tal-Isqfijiet tal-Brażil, A Igreja e a questão ecológica, 1992, 53-54.

[66] Ibid., 61.

[67] Eżortazzjoni appostolika Evangelii gaudium (24 ta’ Novembru 2013), 215: AAS 105 (2013), 1109.

[68] Ara Benedittu XVI, Ittra enċiklika Caritas in veritate (29 ta’ Ġunju 2009), 14: AAS 101 (2009), 650.

[69] Katekiżmu tal-Knisja Kattolika, 2418.

[70] Konferenza Episkopali tar-Repubblika Domenikana, Ittra pastorali Sobre la relación del hombre con la naturaleza (15 ta’ Marzu 1987).

[71] Ġwanni Pawlu II, Ittra enċiklika Laborem exercens (14 ta’ Settembru 1981), 19: AAS 73 (1981), 626.

[72] Ittra enċiklika Centesimus annus (1 ta’ Mejju 1991), 31: AAS 83 (1991), 831.

[73] Ittra enċiklika Sollicitudo rei socialis (30 ta’ Diċembru 1987), 33: AAS 80 (1988), 557.

[74] Diskors lill-indiġeni u l-‘campesinos’ tal-Messiku, Cuilapán (29 ta’ Jannar 1979), 6: AAS 71 (1979), 209.

[75] Omelija fil-Quddiesa ċċelebrata għall-bdiewa ta’ Recife, il-Brażil (7 ta’ Lulju 1980), 4: AAS 72 (1980), 926.

[76] Ara Messaġġ għall-Jum Dinji tal-Paċi 1990, 8: AAS 82 (1990), 152.

[77] Konferenza Episkopali Paragwajana, Ittra pastorali El campesino paraguayo y la tierra (12 ta’ Ġunju 1983), 2, 4, d.

[78] Konferenza Episkopali ta’ New Zealand, Statement on Environmental Issues (1 ta’ Settembru 2006).

[79] Ittra enċiklika Laborem exercens (14 ta’ Settembru 1981), 27: AAS 73 (1981), 645.

[80] Għalhekk San Ġustinu seta’ jitkellem dwar iż-“żerriegħa tal-Verb” fid-dinja: ara II Apologia 8, 1-2; 13, 3-6: PG 6, 457-458; 467.

[81] Ġwanni Pawlu II, Diskors lir-rappreżentanti tax-xjenza, tal-kultura u tal-istudji għoljin fl-Università tal-Ġnus Magħquda, Hiroshima (25 ta’ Frar 1981), 3: AAS 73 (1981), 422.

[82] Benedittu XVI, Ittra enċiklika Caritas in veritate (29 ta’ Ġunju 2009), 69: AAS 101 (2009), 702.

[83] Romano Guardini, Das Ende der Neuzeit, id-9 edizzjoni, Würzburg 1965, 87 (edizzjoni Taljana: La fine dell’epoca moderna, Brescia 1987, 80).

[84] Ibid., (edizzjoni Taljana: 81).

[85] Ibid., 87-88 (edizzjoni Taljana: 81).

[86] Kunsill Pontifiċju għall-Ġustizzja u l-Paċi, Kompendju tad-Duttrina Soċjali tal-Knisja, 462.

[87] Romano Guardini, Das Ende der Neuzeit, 63-64 (edizzjoni Taljana: La fine dell’epoca moderna, 58).

[88] Ibid., 64 (edizzjoni Taljana: 58).

[89] Ara Benedittu XVI, Ittra enċiklika Caritas in veritate (29 ta’ Ġunju 2009), 35: AAS 101 (2009), 671.

[90] Ibid., 22: p. 657.

[91] Eżortazzjoni appostolika Evangelii gaudium (24 ta’ Novembru 2013), 231: AAS 105 (2013), 1114.

[92] Romano Guardini, Das Ende der Neuzeit, 63 (edizzjoni Taljana: La fine dell’epoca moderna, 57-58).

[93] Ġwanni Pawlu II, Ittra enċiklika Centesimus annus (1 ta’ Mejju 1991), 38: AAS 83 (1991), 841.

[94] Ara Dikjarazzjoni Love for Creation. An Asian Response to the Ecological Crisis, Kollokju promoss mill-Federazzjoni tal-Konferenzi tal-Isqfijiet tal-Asja (Tagaytay, 31 ta’ Jannar – 5 ta’ Frar 1993), 3.3.2.

[95] Ġwanni Pawlu II, Ittra enċiklika Centesimus annus (1 ta’ Mejju 1991), 37: AAS 83 (1991), 840.

[96] Benedittu XVI, Messaġġ għall-Jum Dinji tal-Paċi 2010, 2: AAS 102 (2010), 41.

[97] Id., Ittra enċiklika Caritas in veritate (29 ta’ Ġunju 2009), 28: AAS 101 (2009), 663.

[98] Ara Vinċens ta’ Lérins, Commonitorium primum, kap. 23: PL 50, 668: Ut annis scilicet consolidetur, dilatetur tempore, sublimetur ætate.

[99] N. 80: AAS 105 (2013), 1053.

[100] Konċilju Ekumeniku Vatikan II, Kostituzzjoni pastorali Gaudium et spes dwar il-Knisja fid-dinja tal-lum, 63.

[101] Ara Ġwanni Pawlu II, Ittra enċiklika Centesimus annus (1 ta’ Mejju 1991), 37: AAS 83 (1991), 840.

[102] Pawlu VI, Ittra enċiklika Populorum progressio (26 ta’ Marzu 1967), 34: AAS 59 (1967), 274.

[103] Benedittu XVI, Ittra enċiklika Caritas in veritate (29 ta’ Ġunju 2009), 32: AAS 101 (2009), 666.

[104] Ibid.

[105] Ibid.

[106] Katekiżmu tal-Knisja Kattolika, 2417.

[107] Ibid., 2418.

[108] Ibid., 2415.

[109] Messaġġ għall-Jum Dinji tal-Paċi 1990, 6: AAS 82 (1990), 150.

[110] Diskors lill-Akkademja Pontifiċja tax-Xjenzi (3 ta’ Ottubru 1981), 3: Insegnamenti 4/2 (1981), 333.

[111] Messaġġ għall-Jum Dinji tal-Paċi 1990, 7: AAS 82 (1990), 151.

[112] Ġwanni Pawlu II, Diskors fil-ħamsa u tletin Assemblea Ġenerali tal-Assoċjazzjoni Medika Dinjija (29 ta’ Ottubru 1983), 6: AAS 76 (1984), 394.

[113] Kummissjoni Episkopali tal-Pastorali Soċjali tal-Arġentina, Una tierra para todos (Ġunju 2005), 19.

[114] Dikjarazzjoni ta’ Rio dwar l-ambjent u l-iżvilupp (14 ta’ Ġunju 1992), Prinċipju 4.

[115] Eżortazzjoni appostolika Evangelii gaudium (24 ta’ Novembru 2013), 237: AAS 105 (2013), 1116.

[116] Benedittu XVI, Ittra enċiklika Caritas in veritate (29 ta’ Ġunju 2009), 51: AAS 101 (2009), 687.

[117] Xi awturi wrew x’valuri spiss jingħaxu, ngħidu aħna, fil-villas, chabolas jew favelas tal-Amerika Latina: ara Juan Carlos Scannone sj, “La irrupción del pobre y la lógica de la gratitud”, f’Juan Carlos Scannone u Marcelo Perine (edd.), Irrupción del pobre y quehacer filosófico. Hacia una nueva racionalidad, Buenos Aires 1993, 225-230.

[118] Kunsill Pontifiċju għall-Ġustizzja u l-Paċi, Kompendju tad-Duttrina Soċjali tal-Knisja, 482.

[119] Eżortazzjoni appostolika Evangelii gaudium (24 ta’ Novembru 2013), 210: AAS 105 (2013), 1107.

[120] Diskors lill-Parlament Ġermaniż (Deutscher Bundestag), Berlin (22 ta’ Settembru 2011): AAS 103 (2011), 668.

[121] Katekeżi (15 ta’ April 2015): L’Osservatore Romano, 16 ta’ April 2015, p. 8.

[122] Konċilju Ekumeniku Vatikan II, Kostituzzjoni pastorali Gaudium et spes dwar il-Knisja fid-dinja tal-lum, 26.

[123] Ara nri 186-201: AAS 105 (2013), 1098-1105.

[124] Konferenza Episkopali Portugiża, Ittra pastorali Responsabilidade solidária pelo bem comum (15 ta’ Settembru 2003), 20.

[125] Benedittu XVI, Messaġġ għall-Jum Dinji tal-Paċi 2010, 8: AAS 102 (2010), 45.

[126] Dikjarazzjoni ta’ Rio dwar l-ambjent u l-iżvilupp (14 ta’ Ġunju 1992), Prinċipju 1.

[127] Konferenza Episkopali Bolivjana, Ittra pastorali dwar l-ambjent u l-iżvilupp uman fil-Bolivja El universo, don de Dios para la vida (Marzu 2012), 86.

[128] Kunsill Pontifiċju għall-Ġustizzja u l-Paċi, Energia, Giustizia e Pace, IV, 1, Città del Vaticano (2013), 56.

[129] Benedittu XVI, Ittra enċiklika Caritas in veritate (29 ta’ Ġunju 2009), 67: AAS 101 (2009), 700.

[130] Eżortazzjoni appostolika Evangelii gaudium (24 ta’ Novembru 2013), 222: AAS 105 (2013), 1111.

[131] Kunsill Pontifiċju għall-Ġustizzja u l-Paċi, Kompendju tad-Duttrina Soċjali tal-Knisja, 469.

[132] Dikjarazzjoni ta’ Rio dwar l-ambjent u l-iżvilupp (14 ta’ Ġunju 1992), Prinċipju 15.

[133] Ara Konferenza Episkopali Messikana, Kummissjoni episkopali għall-pastorali soċjali, Jesucristo, vida y esperanza de los indígenas y campesinos (14 ta’ Jannar 2008).

[134] Kunsill Pontifiċju għall-Ġustizzja u l-Paċi, Kompendju tad-Duttrina Soċjali tal-Knisja, 470.

[135] Messaġġ għall-Jum Dinji tal-Paċi 2010, 9: AAS 102 (2010), 46.

[136] Ibid.

[137] Ibid., 5: p. 43.

[138] Benedittu XVI, Ittra enċiklika Caritas in veritate (29 ta’ Ġunju 2009), 50: AAS 101 (2009), 686.

[139] Eżortazzjoni appostolika Evangelii gaudium (24 ta’ Novembru 2013), 209: AAS 105 (2013), 1107.

[140] Ibid., 228: AAS 105 (2013), 1113.

[141] Ara Ittra enċiklika Lumen fidei (29 ta’ Ġunju 2013), 34: AAS 105 (2013), 577: “Id-dawl tal-fidi, billi hu magħqud mal-verità tal-imħabba, mhuwiex barrani għad-dinja materjali, għaliex l-imħabba dejjem tingħax fil-ġisem u fir-ruħ; id-dawl tal-fidi huwa dawl inkarnat, li joħroġ mill-ħajja mudwala ta’ Ġesù.  Hu jdawwal saħansitra l-materja, jafda fl-ordni tagħha, jaf li fiha tinfetaħ mixja ta’ armonija u ta’ għarfien dejjem jitwessa’.  Il-ħarsa tax-xjenza tirċievi b’hekk benefiċċju mill-fidi: din tistieden lix-xjenzat jibqa’ miftuħ għar-realtà, fl-għana kollu tagħha li ma jintemm qatt.  Il-fidi tqajjem is-sens kritiku, għax ma tħallix it-tiftix jissodisfa ruħu bil-formoli tiegħu u tgħinu jifhem li n-natura hi dejjem akbar.  Filwaqt li tistedinna nistagħġbu quddiem il-misteru tal-ħolqien, il-fidi twessa’ l-orizzonti tar-raġuni biex iddawwal aħjar id-dinja li tinfetaħ għall-istudji tax-xjenza”.

[142] Eżortazzjoni appostolika Evangelii gaudium (24 ta’ Novembru 2013), 256: AAS 105 (2013), 1123.

[143] Ibid., 231: p. 1114.

[144] Das Ende der Neuzeit, id-disa’ edizzjoni, Würzburg 1965, 66-67 (edizzjoni Taljana: La fine dell’epoca moderna, Brescia 1987, 61).

[145] Ġwanni Pawlu II, Messaġġ għall-Jum Dinji tal-Paċi 1990, 1: AAS 82 (1990), 147.

[146] Benedittu XVI, Ittra enċiklika Caritas in veritate (29 ta’ Ġunju 2009), 66: AAS 101 (2009), 699.

[147] Id., Messaġġ għall-Jum Dinji tal-Paċi 2010, 11: AAS 102 (2010), 48.

[148] The Earth Charter, The Hague, l-Olanda (29 ta’ Ġunju 2000).

[149] Ġwanni Pawlu II, Ittra enċiklika Centesimus annus (1 ta’ Mejju 1991), 39: AAS 83 (1991), 842.

[150] Id., Messaġġ għall-Jum Dinji tal-Paċi 1990, 14: AAS 82 (1990), 155.

[151] Eżortazzjoni appostolika Evangelii gaudium (24 ta’ Novembru 2013), 261: AAS 105 (2013), 1124.

[152] Benedittu XVI, Omelija għall-bidu solenni tal-Ministeru Petrin (24 ta’ April 2005): AAS 97 (2005), 710.

[153] Konferenza tal-Isqfijiet Kattoliċi tal-Awstralja, A New Earth. The Environmental Challenge (2002).

[154] Romano Guardini, Das Ende der Neuzeit, 72 (traduzzjoni Taljana: La fine dell’epoca moderna, 66).

[155] Eżortazzjoni appostolika Evangelii gaudium (24 ta’ Novembru 2013), 71: AAS 105 (2013), 1050.

[156] Benedittu XVI, Ittra enċiklika Caritas in veritate (29 ta’ Ġunju 2009), 2: AAS 101 (2009), 642.

[157] Pawlu VI, Messaġġ għall-Jum Dinji tal-Paċi 1977: AAS 68 (1976), 709.

[158] Kunsill Pontifiċju għall-Ġustizzja u l-Paċi, Kompendju tad-Duttrina Soċjali tal-Knisja, 582.

[159] Wieħed mgħallem spiritwali, Ali Al-Khawwas, argumenta mill-istess esperjenza tiegħu fuq il-ħtieġa li ma nifirdux wisq il-ħlejjaq tad-dinja mill-esperjenza ta’ Alla fil-ġewwieni tar-ruħ.  Kiteb: “Ma għandniex nikkritikaw minn qabel lil dawk li jfittxu l-estasi fil-mużika jew fil-poeżija.  Hemm sigriet sottili f’kull wieħed mill-movimenti u l-ħsejjes ta’ din id-dinja.  L-esperti jaslu biex jagħmlu sens minn dak li jridu jgħidu r-riħ li jonfoħ, is-siġar li jitbandlu, l-ilma li jnixxi, in-nemus li jżanżan, il-bibien li jżaqżqu, l-għana tal-għasafar, id-daqq tal-kordi jew tal-flawt, it-tnehid tal-morda, l-uġigħ tal-batuti…” (Eva De Vitray-Meyerovitch [ed.], Anthologie du soufisme, Paris 1978, 200; traduzzjoni Taljana: I mistici dell’Islam, Parma 1991, 199).

[160] In II Sent., 23, 2, 3.

[161] Cántico Espiritual, XIV, 5.

[162] Ibid.

[163] Ibid., XIV, 6-7.

[164] Ġwanni Pawlu II, Ittra appostolika Orientale lumen (2 ta’ Mejju 1995), 11: AAS 87 (1995), 757.

[165] Ibid.

[166] Id., Ittra enċiklika Ecclesia de Eucharistia (17 ta’ April 2003), 8: AAS 95 (2003), 438.

[167] Benedittu XVI, Omelija fil-Quddiesa ta’ Corpus Domini (15 ta’ Ġunju 2006): AAS 98 (2006), 513.

[168] Katekiżmu tal-Knisja Kattolika, 2175.

[169] Ġwanni Pawlu II, Katekeżi (2 ta’ Awwissu 2000), 4: Insegnamenti 23/2 (2000), 112.

[170] Quæst. disp. de Myst. Trinitatis, 1, 2, concl.

[171] Ara Tumas ta’ Aquino, Summa Theologiæ I, q. 11, art. 3; q. 21, art. 1, ad. 3; q. 47, art. 3.

[172] Bażilju l-Kbir, Hom. in Hexæmeron, 1, 2, 6: PG 29, 8.