“Ġabu ruħhom magħna  bi ħlewwa liema bħalha” (Atti 28:2)

 

Riflessjonijiet qosra tal-Papa Franġisku

għal Randan tal-Ħniena

 

Djoċesi ta’ Għawdex

Malta 2022

 

 

Fl-Atti tal-Appostli għandna wieħed mill-isbaħ ritratti tal-poplu Malti li qatt ittieħed fl-istorja. Meta Pawlu u n-nies l-oħra li salvaw min-nawfraġju telgħu l-art, il-Maltin ta’ dak iż-żmien “ġabu ruħhom magħhom bi ħlewwa liema bħalha” (28:2).

 

Dwar dan, il-Papa Franġisku f’Udjenza ġenerali tat-22 ta’ Jannar 2020 ikkummenta hekk: “F’kuntrast mal-vjolenza qalila tal-baħar f’tempesta, jirċievu x-xhieda tal-ħlewwa liema bħalha tan-nies tal-gżira. Dawn in-nies, li għalihom kienu barranin, jidhru attenti għall-ħtiġijiet tagħhom. Iqabbdulhom in-nar biex jisħnu, joffrulhom kenn mix-xita u l-ikel x’jieklu. Imqar jekk kienu għadhom ma rċivewx l-Aħbar it-Tajba ta’ Kristu, juruhom l-imħabba ta’ Alla f’għemejjel konkreti ta’ ħlewwa. Fil-fatt, l-ospitalità spontanja u l-ġesti ta’ għożża jwasslu xi ħaġa mill-imħabba ta’ Alla. U l-ospitalità tal-Maltin titħallas lura bil-mirakli ta’ fejqan li Alla jwettaq permezz ta’ Pawlu fuq il-gżira. Għalhekk, jekk in-nies ta’ Malta għall-Appostlu kienu sinjal tal-Providenza ta’ Alla, huwa wkoll kien xhud tal-imħabba ħanina ta’ Alla għalihom.

 

Ħmistax qabel, f’Udjenza oħra, il-Papa kkummenta wkoll li fit-tliet xhur li dam Malta l-Appostlu Pawlu wettaq il-ministeru tal-ħniena fix-xandir tal-Vanġelu u l-fejqan tal-morda. U dan hu li Franġisku ġej jagħmel fostna fiż-żjara qasira imma sinifikattiva tat-2 u t-3 ta’ April 2022.

 

Iż-żmien tar-Randan ma jistax ikun iżjed providenzjali biex nitħejjew għal żjara bħal din. Hu ż-“żmien it-tajjeb” (2 Kor 6:2) biex nirriflettu fuq din it-tema fundamentali tal-ħniena, tant għal qalb il-Papa Franġisku hekk li fl-2016 nieda Ġublew Straordinarju biex bħala Knisja nagħmlu l-esperjenza iżjed profonda tal-ħniena ta’ Alla magħna u tagħna ma’ xulxin.

 

Dan il-ktejjeb li għandek f’idejk joffrilek siltiet qsora għal kull jum tar-Randan meħuda minn katekeżijiet li l-Papa kien għamel matul dik is-Sena Mqaddsa dwar it-tema hekk għanja tal-ħniena. Il-qari u l-meditazzjoni tagħhom mhux biss jistgħu jgħinuna biex, fuq l-istedina tal-Isqfijiet tagħna, nitħejjew għaż-Żjara Papali fl-ispirtu tal-konverżjoni li jistedinna għaliha r-Randan, imma wkoll biex fl-aħħar mill-aħħar, għad-dawl tal-wiċċ kollu ħniena tal-Missier li deher f’Ibnu Ġesù, insiru aħna wkoll ministri tal-ħniena, bħall-Appostlu Missierna San Pawl, bħall-Maltin li laqgħuh fostna, u bħall-Papa Franġisku, ‘Pietru’ li din id-darba ġej hu fil-gżira ta’ Pawlu.

 

Il-ħniena inevitabbilment twassalna wkoll għall-maħfra, għax aħna nafu li aħna “midinba maħfura”, kif iħobb itenni l-Papa. U għalhekk f’dan iż-żmien liturġiku l-Knisja f’Għawdex qed tgħix ukoll din l-esperjenza tal-maħfra, fażi oħra fil-Pjan Pastorali Djoċesan.

 

Inħallu l-kelma ta’ Alla u dik ta’ Franġisku jwettqu fina dik ir-rivoluzzjoni tal-ħlewwa “liema bħalha” li tagħha missirijietna kienu xhieda u aħna werrieta.

 


2 ta’ Marzu

L-Erbgħa tar-Rmied (Ras ir-Randan)    

 

“Ħennu, bħalma hu ħanin Missierkom” (Lq 6:36). Dan mhuwiex xi slogan biex iħalli effett, imma impenn għall-ħajja kollha. Biex nifhmu tajjeb din l-espressjoni, nistgħu nqabbluha ma’ dik pariġġha fil-Vanġelu ta’ Mattew, fejn Ġesù jgħid: “Kunu mela perfetti, bħalma hu perfett Missierkom li hu fis-Smewwiet” (5:48). Fl-hekk imsejjaħ Diskors tal-Muntanja, li jiftaħ bil-Beatitudnijiet, il-Mulej jgħallimna li l-perfezzjoni tikkonsisti fl-imħabba, il-milja tal-preċetti kollha tal-Liġi. F’din l-istess perspettiva, San Luqa jespliċita li l-perfezzjoni hi l-imħabba ħanina: inkunu perfetti jfisser inkunu ħanina. Persuna li mhix ħanina hi perfetta? Le! Persuna li mhix ħanina hi tajba? Le! It-tjieba u l-perfezzjoni għandhom għeruqhom fil-ħniena. Bla dubju, Alla biss hu perfett. Madankollu, jekk inqisuh hekk, isir impossibbli għall-bnedmin li jimmiraw lejn dik il-perfezzjoni assoluta. Imma jekk inżommuh quddiem għajnejna bħala ħanin, inkunu nistgħu nifhmu aħjar fiex tikkonsisti l-perfezzjoni tiegħu u jixprunana biex insiru bħalu mimlija mħabba, kompassjoni, ħniena.

 

 

3 ta’ Marzu

Il-Ħamis fuq Ras ir-Randan    

 

Il-ħniena u l-maħfra m’għandhomx jibqgħu biss kelmiet sbieħ, imma għandhom jitwettqu fil-ħajja ta’ kuljum. L-imħabba u l-maħfra huma s-sinjal konkret u viżibbli li l-fidi tkun bidlet lil qalbna u jħalluna nesprimu fina l-istess ħajja ta’ Alla. Inħobbu u naħfru kif iħobb u jaħfer Alla. Dan hu programm ta’ ħajja li ma jistax jieqaf jew ikollu eċċezzjonijiet, imma jimbuttana biex dejjem immorru pass lil hemm bla qatt negħjew, għax ċerti li aħna mwieżna mill-preżenza paterna ta’ Alla.

 

 

4 ta’ Marzu

Il-Ġimgħa fuq Ras ir-Randan    

 

Il-Mulej hu “ħanin”: din il-kelma tevoka atteġġjament ta’ ħlewwa bħal dak ta’ omm ma’ binha. Fil-fatt, it-terminu Għebrajk li tuża l-Bibbja jfakkarna fil-ġewwieni jew anki fil-ġuf tal-omm. Għalhekk, ix-xbieha li jissuġġerixxi hi dik ta’ Alla li jitqanqal u jrattab qalbu għalina bħal meta omm taqbad f’dirgħajha lit-tarbija tagħha, tixtieq biss tħobbha, tħarisha, tgħinha, lesta li tagħtiha kollox, imqar lilha nfisha. Din hi x-xbieha li jissuġġerixxi dan it-terminu. Mela, imħabba li b’mod tajjeb nistgħu nsejħulha “ġewwinija”.

 

 

5 ta’ Marzu

Is-Sibt fuq Ras ir-Randan    

 

Il-Mulej jiftaħar li hu “kbir fit-tjieba u l-fedeltà” (Eż 34:6). Kemm hi sabiħa din id-defenizzjoni ta’ Alla! Fiha hawn kollox! Għax Alla hu kbir u qawwi, imma dan il-kobor u din il-qawwa jidhru fl-imħabba li għandu lejna, aħna li aħna hekk żgħar, bla ħila. Il-kelma “tjieba” użata hawn turi r-rispett, il-grazzja, l-imħabba. Mhix l-imħabba tas-serje televiżivi… Hi l-imħabba li tmidd l-ewwel pass, li ma tistrieħx fuq il-merti umani imma fuq gratwità immensa. Hi l-għożża divina li xejn ma jista’ jwaqqaf, lanqas id-dnub, għax taf tmur lil hemm mid-dnub, tegħleb il-ħażen u taħfru.

 

 

6 ta’ Marzu

L-Ewwel Ħadd tar-Randan    

 

Il-parabbola tan-nagħġa l-mitlufa (Lq 15:1-5) iddur madwar tliet persunaġġi: ir-ragħaj, in-nagħġa l-mitlufa u l-bqija tal-merħla. Imma huwa biss ir-ragħaj dak li jaġixxi, mhux in-nagħaġ. Għalhekk ir-ragħaj hu l-uniku veru protagonista u kollox minnu jiddependi. Hemm mistoqsija li tintroduċina għall-parabbola: “Min hu dak fostkom li jkollu mitt nagħġa u jitlef waħda minnhom, u ma jħallix id-disgħa u disgħin l-oħra fid-deżert biex imur wara l-mitlufa sa ma jsibha?” (v. 4). Għandna hawn paradoss li jwassalna biex niddubitaw mill-aġir tar-ragħaj: ħaġa għaqlija din li jħalli warajh id-disgħa u disgħin minħabba f’nagħġa waħda? U agħar u agħar, mhux fl-ambjent żgur ta’ maqjel, imma fid-deżert? Skont it-tradizzjoni biblika d-deżert hu l-post tal-mewt fejn diffiċli ħafna ssib ikel u ilma, fih m’hemmx fejn tfittex kenn, u tkun fir-riskju li tiġi attakkat mill-bhejjem selvaġġi u l-ħallelin. X’jistgħu jagħmlu l-imsejkna disgħa u disgħin nagħġa mingħajr ħadd biex jiddefendihom? Imma dan il-paradoss ikompli meta jgħid li r-ragħaj, meta jkun sab lin-nagħġa, “jerfagħha fuq spallejh, imur id-dar, isejjaħ għandu lil ħbiebu u l-ġirien, u jgħidilhom: ‘Ifirħu miegħi’” (v. 6). Mela donnu r-ragħaj ma jerġax lura fid-deżert biex jiġbor lura l-merħla kollha! Meta ħareġ isus wara dik in-nagħġa l-waħda, donnu jinsa lid-disgħa u disgħin l-oħra. Imma fir-realtà mhuwiex hekk. It-tagħlima li jrid jagħtina Ġesù pjuttost hi li ma għandna nħallu lill-ebda nagħġa tintilfilna.

 

 

7 ta’ Marzu

It-Tnejn fl-Ewwel Ġimgħa tar-Randan    

 

Jekk, fis-sejħa ta’ Mattew (9:9-13), il-Fariżej f’dawk il-mistiedna raw biss midinbin u ma jridux joqogħdu mal-mejda magħhom, Ġesù min-naħa l-oħra jfakkarhom li anki huma jistgħu joqogħdu fuq l-istess mejda ma’ Alla. Hekk, li toqgħod fuq il-mejda ma’ Ġesù jfisser li tħallih jibdlek u jsalvak. Fil-komunità Nisranija l-mejda ta’ Ġesù hi doppja: hemm il-mejda tal-Kelma u hemm il-mejda tal-Ewkaristija (ara Dei Verbum, 21). Din hi d-duwa li biha t-Tabib Divin ifejjaqna u jitmagħna. Bl-ewwel waħda – il-Kelma – hu jurina min hu u jistedinna għal djalogu bejn il-ħbieb. Ġesù ma kienx jibża’ jiddjaloga mal-midinbin, mal-pubblikani, mal-prostituti… Le, hu ma kienx jibża’: kien iħobb lil kulħadd! Il-Kelma tiegħu tinfed fina, bħal xabla msinna, u taħdem fil-qiegħ nett biex teħlisna mill-ħażen li jinġema’ fil-ħajja tagħna. Xi drabi din il-Kelma tweġġagħna għax tikxef l-ipokreziji, tneħħi l-maskri tal-iskużi foloz, tneżża’ l-veritajiet moħbija; imma fl-istess waqt iddawwal u ssaffi, tagħti qawwa u tama, hi restawr prezzjuż tal-mixja tal-fidi tagħna. L-Ewkaristija, min-naħa tagħha, titmagħna bl-istess ħajja ta’ Ġesù u, bħal rimedju qawwi ħafna, b’mod misterjuż iġġedded il-ħin kollu l-grazzja tal-Magħmudija tagħna. Meta nersqu lejn l-Ewkaristija aħna nitrejqu bil-Ġisem u d-Demm ta’ Ġesù, imma, meta jiġi fina, hu Ġesù li jorbotna mal-Ġisem tiegħu!

 

 

8 ta’ Marzu

It-Tlieta fl-Ewwel Ġimgħa tar-Randan    

 

Fil-ġesti u fl-għemejjel tas-Samaritan it-tajjeb (ara Lq 10:25-37) naraw kif taħdem il-ħniena ta’ Alla fl-istorja kollha tas-salvazzjoni. Hi l-istess kompassjoni li biha l-Mulej jiġi jiltaqa’ ma’ kull wieħed u waħda minna: hu ma jibqax għaddej minn fejnna, jaf x’inhu l-uġigħ tagħna, jaf kemm neħtieġu l-għajnuna u l-faraġ. Jersaq qrib tagħna u ma jitlaqna qatt. Kull wieħed u waħda minna għandu jistaqsi u jwieġeb lilu nnifsu fil-qalb tiegħu: “Jiena dan nemmnu? Jiena nemmen li l-Mulej tiġih ħniena minni, hekk kif jien, midneb, b’tant problemi u tant affarijiet?”. Naħsbu f’dan u t-tweġiba hi: “Iva!”. Imma kull wieħed irid ifittex fil-qalb tiegħu jekk jemminx f’din il-kompassjoni ta’ Alla, ta’ Alla twajjeb li jersaq lejna, ifejjaqna, iżiegħel bina. U jekk aħna niċħduh, hu jibqa’ jistenna: jistabar u hu dejjem qrib tagħna.

 

 

9 ta’ Marzu

L-Erbgħa fl-Ewwel Ġimgħa tar-Randan    

 

Il-ħniena hi mixja li mill-qalb tasal fl-idejn. F’qalbna, aħna nirċievu l-ħniena ta’ Ġesù, li jaħfrilna kollox, għax Alla jaħfer kollox u jerfagħna, jagħtina ħajja ġdida u jrid li niddakkru mill-ħniena tiegħu. Minn dik il-qalb maħfura u mill-ħniena ta’ Ġesù, tibda l-mixja vera lejn l-idejn, jiġifieri lejn l-opri tal-ħniena. L-aħħar darba kien hemm Isqof li kien qed jgħidli li fil-katidral tiegħu u fi knejjes oħra għamel bibien ta’ ħniena kemm biex tidħol u kemm biex toħroġ minnhom. Jien staqsejtu: “Għaliex għamilt hekk?” – “Għax hemm bieb biex tidħol minnu, titlob il-maħfra u tirċievi l-ħniena ta’ Ġesù; l-ieħor hu bieb tal-ħniena għall-ħruġ, biex inwasslu l-ħniena lill-oħrajn, bl-opri tal-ħniena li nagħmlu”. Imma kemm hu intelliġenti dan l-isqof! Anki aħna nagħmlu l-istess bil-mixja tagħna mill-qalb għall-idejn: nidħlu l-knisja mill-bieb tal-ħniena, biex nirċievu l-maħfra ta’ Ġesù, li jgħidilna: “Qum! Mur, mur!”; u b’din il-“mur!” – fuq saqajna – noħorġu mill-bieb tal-ħruġ. Din hi l-Knisja li toħroġ: il-mixja tal-ħniena li tgħaddi mill-qalb għall-idejn. Agħmluha din il-mixja!

 

 

10 ta’ Marzu

Il-Ħamis fl-Ewwel Ġimgħa tar-Randan    

 

“Tgħallmu minni” (Mt 11:29)… Lid-dixxipli tiegħu Ġesù jipproponilhom mixja li fiha jistgħu jagħrfuh u jsiru jixbhuh. Ġesù mhuwiex mgħallem li b’id iebsa jimponi fuq oħrajn tagħbijiet li hu mbagħad ma jerfax: din kienet l-akkuża li għamel lill-għorrief tal-liġi. Hu jdur fuq l-umli, iċ-ċkejknin, il-foqra, dawk fil-bżonn, għax hu stess kien li ċċekken u tbaxxa. Jifhem lill-foqra u lill-maħqurin għax hu stess hu fqir u mġarrab mit-tbatija. Biex jifdi lill-bnedmin, Ġesù ma mexiex triq ħafifa; bil-maqlub, il-mixja tiegħu kienet ta’ tbatija u iebsa. Kif tfakkarna l-Ittra lill-Filippin: “Ċekken lilu nnifsu, billi obda sal-mewt, anzi sal-mewt tas-salib” (2:8). Il-madmad li jerfgħu l-foqra u l-maħqurin hu l-istess madmad li hu refa’ qabilhom: għalhekk hu madmad ħelu. Hu refa’ fuq spallejh l-uġigħ u d-dnubiet tal-bnedmin kollha. Għalhekk, għad-dixxiplu, li jieħu fuqu l-madmad ta’ Ġesù jfisser li jirċievi r-rivelazzjoni tiegħu u jilqagħha: fih il-ħniena ta’ Alla tgħabbiet bil-faqar tal-bnedmin, u hekk tat lil kulħadd il-possibbiltà tal-fidwa. Imma għaliex Ġesù jasal biex jgħid dawn l-affarijiet? Għax hu sar kollox għal kulħadd, qrib ta’ kulħadd, tal-iżjed foqra! Kien ragħaj qalb in-nies, fost il-foqra: magħhom kien jaħdem il-jum kollu. Ġesù ma kienx xi prinċep. Hi ħaġa kerha għall-Knisja meta r-ragħajja jinbidlu fi prinċpijiet, maqtugħa min-nies, imbiegħda mill-foqra: dan mhuwiex l-ispirtu ta’ Ġesù. Lil dawn ir-ragħajja Ġesù jċanfarhom, u fuqhom Ġesù jgħid lin-nies: “Agħmlu li jgħidulkom, imma tagħmlux bħalhom”.

 

 

11 ta’ Marzu

Il-Ġimgħa fl-Ewwel Ġimgħa tar-Randan    

 

Jiġu fuqna waqtiet ta’ għeja u ta’ delużjoni. F’dak il-ħin ejjew niftakru f’dawn il-kelmiet tal-Mulej, li jimlewna b’tant faraġ u juruna aħniex inqiegħdu l-ħiliet tagħna għall-qadi ta’ dak li hu tajjeb. Fil-fatt, xi drabi l-għeja tagħna tiġi għax inkunu qegħidna l-fiduċja tagħna fi ħwejjeġ li mhumiex l-essenzjal, għax tbegħidna minn dak li tabilħaqq jiswa fil-ħajja. Il-Mulej jgħallimna ma nibżgħux nimxu warajh, għax it-tama li nqiegħdu fih ma tqarraqx bina. Aħna għalhekk imsejħin nitgħallmu minnu xi jfisser ngħixu bil-ħniena biex inkunu għodda ta’ ħniena. Ngħixu bil-ħniena biex insiru għodda tal-ħniena: ngħixu bil-ħniena u nħossuna fil-ħtieġa tal-ħniena ta’ Ġesù, u meta aħna nħossu l-ħtieġa tal-maħfra, tal-faraġ, nitgħallmu nuru ħniena mal-oħrajn. Meta nżommu ħarsitna msammra fuq l-Iben ta’ Alla, nifhmu xi triq twila għadna rridu nimxu; imma fl-istess waqt dan jimliena bil-ferħ għax nafu li mexjin miegħu u m’aħna qatt waħidna. Mela kuraġġ, kuraġġ! Ma nħallu li ħadd jeħdilna dan il-ferħ li aħna dixxipli tal-Mulej: “Imma, Dun, jiena midneb, kif nista’ nagħmel?” – “Ħalli lill-Mulej iħares lejk, iftaħlu qalbek, ħoss fuqek il-ħarsa tiegħu, il-ħniena tiegħu, u qalbek timtela bil-ferħ, bil-ferħ tal-maħfra, jekk int tersaq titolbu jaħfirlek”. Ma nħallu lil ħadd jisirqilna t-tama li ngħixu din il-ħajja flimkien miegħu u bil-qawwa tal-faraġ tiegħu.

 

 

12 ta’ Marzu

Is-Sibt fl-Ewwel Ġimgħa tar-Randan    

 

Jekk nagħtu ħarsa lejn l-istorja tas-salvazzjoni, naraw li r-rivelazzjoni kollha ta’ Alla hi mħabba għall-bnedmin li la tieqaf u lanqas tegħja: Alla hu bħal missier jew bħal omm li jħobb bi mħabba bla qies u jsawwabha bil-kotra fuq kull ħlejqa. Il-mewt ta’ Ġesù fuq is-salib hi l-quċċata tal-istorja ta’ mħabba ta’ Alla mal-bnedmin. Imħabba hekk kbira li Alla biss jista’ jasal għaliha. Hi ħaġa ċara li meta nqabbluha ma’ din l-imħabba bla qies, l-imħabba tagħna hi difettuża. Imma meta Ġesù qed jitlobna nħennu bħall-Missier, f’moħħu m’għandux il-kwantità! Hu jitlob mid-dixxipli tiegħu li jsiru sinjal, kanali, xhieda tal-ħniena tiegħu.

 

 

13 ta’ Marzu

It-Tieni Ħadd tar-Randan    

 

Il-Mulej ma jistax jikkuntenta bil-fatt li mqar persuna waħda tista’ tintilef. L-għemil ta’ Alla hu dak ta’ wieħed li joħroġ ifittex lill-ulied mitlufa biex imbagħad, meta jkun reġa’ sabhom, jagħmel festa u jifraħ ma’ kulħadd. Hi xewqa li ma jistax jirreżistiha: lanqas disgħa u disgħin nagħġa ma jistgħu jwaqqfu lir-ragħaj jew iżommuh imsakkar fil-maqjel. Jekk irid, jista’ jirraġuna hekk: “Ħa nagħmel il-kont: għandi disgħa u disgħin, tlift waħda, imma din mhix xi telfa kbira”. Imma hu joħroġ ifittixha, għax kull waħda hi importanti ħafna għalih u dik hi l-aktar waħda fil-bżonn, l-iktar waħda mitluqa, l-iktar waħda mormija; u hu jmur ifittixha. Issa kulħadd jaf: il-ħniena għall-midinbin hi l-istil li bih jimxi Alla u hu assolutament fidil lejn din il-ħniena: ħadd u xejn ma jista’ jfixklu mir-rieda tiegħu li jsalvana. Alla ma jafx x’inhi din il-kultura li għandna tal-iskart, f’Alla m’hemm xejn minn dan. Alla ma jarmi lil ħadd; Alla jħobb lil kulħadd: wieħed wieħed u waħda waħda! Hu ma jafx xi tfisser din il-kelma “tarmi lin-nies”, għax hu kollu mħabba u kollu ħniena.

 

 

14 ta’ Marzu

It-Tnejn fit-Tieni Ġimgħa tar-Randan    

 

Ftakru f’dik il-parabbola li jirrakkonta Ġesù dwar il-festa tat-tieġ ta’ bin wieħed sultan (Mt 22:1-14): meta l-mistednin ma ridux imorrulu, hu qal lill-qaddejja tiegħu: “Mela morru f’salib it-toroq u sejħu għall-festa lil kull min issibu” (v. 9). Ilkoll aħna msejħin: tajbin u ħżiena. Il-Knisja mhix qiegħda hemm biss għat-tajbin jew għal dawk li jidhru tajbin jew jaħsbu li huma tajbin; il-Knisja hi għal kulħadd, bi preferenza għall-ħżiena, għax il-Knisja hi ħniena. U dan iż-żmien ta’ grazzja u ta’ ħniena jfakkarna li xejn ma jista’ jifridna mill-imħabba ta’ Kristu (ara Rum 8:39)! Lil min hu mwaħħal ma’ sodda ta’ sptar, lil min jgħix magħluq f’ħabs, lil dawk li huma mrekkna mill-gwerer, jien ngħidilhom: Ħarsu lejn il-Kurċifiss; Alla jinsab magħkom, jibqa’ magħkom fuq is-salib u għal kulħadd jingħata bħala Salvatur, għalina lkoll. Lilkom li qed tbatu ħafna ngħidilkom, Ġesù ssallab għalikom, għalina, għal kulħadd. Ħallu l-qawwa tal-Evanġelju tinfed fi qlubkom u tfarraġkom, timliekom bit-tama u ċ-ċertezza qawwija li ħadd mhu eskluż mill-maħfra tiegħu. Imma forsi se tistaqsuni: “Imma għidli, Dun, min għamel l-aktar ħwejjeġ koroh f’ħajtu, xorta jista’ jiġi maħfur?” – “Iva! Iva: ħadd mhu eskluż mill-maħfra ta’ Alla. Jeħtieġ biss jersaq niedem lejn Ġesù u b’rieda li jħallih jgħannqu miegħu”.

 

 

15 ta’ Marzu

It-Tlieta fit-Tieni Ġimgħa tar-Randan    

 

Kif nistgħu nkunu xhieda tal-ħniena? Ejja ma naħsbux li dan ifisser li nagħmlu xi sforzi kbar jew ġesti ikbar milli nifilħu ta’ bnedmin li aħna. Le, mhuwiex hekk. Il-Mulej jurina triq wisq iżjed sempliċi, magħmula minn ġesti żgħar li, imma, f’għajnejh għandhom valur għoli, tant li hu qalilna li fuq dawn għad isir ħaqq minna. Fil-fatt, fost l-isbaħ paġni tal-Vanġelu ta’ Mattew insibu t-tagħlim li b’xi mod nistgħu nsejħulu t-“testment ta’ Ġesù” min-naħa tal-Evanġelista, li daq direttament fil-ħajja tiegħu l-għemil tal-Ħniena. Ġesù jgħidilna li kull darba li nagħtu x’jiekol lil min hu bil-ġuħ u x’jixrob lil min hu bil-għatx, li nlibbsu persuna għarwiena u nilqgħu barrani, li nżuru lill-marid jew lill-ħabsi, dan inkunu nagħmluh lilu stess (ara Mt 25:31-46). Il-Knisja dawn sejħitilhom “opri tal-ħniena korporali”, għax huma għajnuna lill-persuni fil-ħtiġijiet materjali tagħhom.

 

 

16 ta’ Marzu

L-Erbgħa fit-Tieni Ġimgħa tar-Randan    

 

Hemm ukoll seba’ opri tal-ħniena msejħa “spiritwali”, li jolqtu ħtiġijiet daqstant ieħor importanti, fuq kollox illum, għax imissu l-intimu tal-persuni u spiss joħolqu tbatija ikbar. Żgur li lkoll kemm aħna niftakru waħda li daħlet ħafna fil-lingwaġġ komuni: “Nieħdu bis-sabar lill-persuni li jdejquna”. U minn dawn hawn; persuni li jdejquna nsibu ħafna! Taf tidher ħaġa ftit li xejn importanti, li ġġibilna tbissima, imma fiha sentiment ta’ mħabba kbira; u dan jgħodd ukoll għas-sitta l-oħra, li tajjeb infakkruhom: agħti parir tajjeb lill-ħosbien, għallem lil min ma jafx, widdeb lill-midinbin, farraġ lill-imnikktin, aħfer il-ħtijiet, itlob ’l Alla għall-ħajjin u għall-mejtin. Dawn ħwejjeġ tal-ħajja ta’ kuljum! “Kieku taf kemm inħossni mdejjaq…” – “Dak Alla jgħinek, imma jien m’għandix ħin…”. Le! Nieqaf, nisimgħu, naħli l-ħin u nfarrġu, dak hu ġest ta’ ħniena u dan inkun nagħmlu mhux biss miegħu, imma nkun nagħmlu ma’ Ġesù!

 

 

17 ta’ Marzu

Il-Ħamis fit-Tieni Ġimgħa tar-Randan    

 

Il-Knisja, fidila lejn Sidha, għandha mħabba preferenzjali għall-iżjed dgħajfa. Spiss huma l-eqreb nies lejna li għandhom bżonn tal-għajnuna tagħna. M’hemmx bżonn noħorġu nfittxu għemejjel kbar xi nwettqu. Aħjar nibdew minn dawk l-iżjed sempliċi, li l-Mulej jurina bħala l-iżjed urġenti. F’dinja li b’xorti ħażina hi milquta mill-marda tal-indifferenza, l-opri tal-ħniena huma l-aħjar mediċina. Fil-fatt, jedukawna għall-attenzjoni lejn l-iżjed ħtiġijiet bażiċi tal-“iċken fost ħutna” (Mt 25:40), li fihom hemm preżenti Ġesù. Ġesù hu dejjem preżenti hemm. Fejn hemm bżonn, persuna li hi fil-bżonn, kemm jekk materjali u kemm jekk spiritwali, hemm jinsab Ġesù. Li nagħrfu wiċċu f’dak ta’ min hu fil-bżonn hi tassew sfida kontra l-indifferenza. Tgħinna biex nishru dejjem, u nevitaw li Kristu jgħaddi minn biswitna bla ma nagħrfuh. Tiġini f’moħħi l-frażi ta’ Santu Wistin: Timeo Iesum transeuntem (Serm., 88, 14, 13), “Nibża’ mill-Mulej għaddej” u jien nibqa’ ma nagħrfux, li l-Mulej jgħaddi minn quddiemi f’waħda minn dawn il-persuni ċkejknin, fi-bżonn u jien ma nintebaħx li dan hu Ġesù. Nibża’ li l-Mulej jgħaddi u jien nibqa’ ma nagħrfux! Staqsejt lili nnifsi għaliex Santu Wistin qal li jibża’ mill-Mulej għaddej. B’xorti ħażina t-tweġiba qiegħda fil-mod kif inġibu ruħna aħna: għax spiss aħna moħħna band’oħra, indifferenti, u meta l-Mulej jgħaddi qrib tagħna aħna nitilfu l-okkażjoni li niltaqgħu miegħu.

 

 

18 ta’ Marzu

Il-Ġimgħa fit-Tieni Ġimgħa tar-Randan    

 

L-opri tal-ħniena jerġgħu jqajmu fina l-ħtieġa u l-ħila li l-fidi nżommuha ħajja u ħawtiela bl-imħabba. Jiena konvint li permezz ta’ dawn il-ġesti sempliċi fil-ħajja ta’ kuljum nistgħu nġibu rivoluzzjoni kulturali vera, kif seħħ fl-imgħoddi. Jekk kull wieħed u waħda minna, ta’ kuljum, jagħmel minn dawn l-opri, din tkun rivoluzzjoni fid-dinja! Imma lkoll kemm aħna, kull wieħed u waħda minna. Kemm qaddisin għadhom imfakkra sal-lum mhux għall-opri kbar li wettqu, imma għall-imħabba li għarfu jgħaddu! Naħsbu f’Madre Teresa, ikkanonizzata ftit ilu: ma nfakkruhiex għall-ħafna djar li fetħet mad-dinja kollha, imma għax kienet tmil lejn kull persuna li kienet issib f’nofs ta’ triq biex troddilha d-dinjità tagħha. Kemm tfal mitluqa għafset ma’ dirgħajha; kemm moribondi sieħbet fuq l-għatba tal-eternità hi u taqbdilhom idejhom! Dawn l-opri ta’ ħniena huma l-karatteristiċi tal-Wiċċ ta’ Ġesù Kristu li jieħu ħsieb tal-iċken fost ħutu biex lil kull wieħed u waħda jwassal il-ħlewwa u l-qrubija ta’ Alla. Ħa jgħinna l-Ispirtu s-Santu, ħa jkebbes fina l-Ispirtu s-Santu x-xewqa li ngħixu b’dan l-istil ta’ ħajja: tal-inqas nagħmlu waħda ta’ kuljum, tal-inqas! Nitgħallmu mill-ġdid bl-amment l-opri tal-ħniena korporali u spiritwali u nitolbu lill-Mulej jgħinna nqegħduhom fil-prattika ta’ kuljum u kull darba li naraw lil Ġesù f’persuna fil-bżonn.

 

 

19 ta’ Marzu

Solennità ta’ San Ġużepp    

 

L-impenn tal-Insara fil-qasam tal-akkoljenza lill-barrani hu urġenti llum daqs qatt qabel. Jekk inħarsu biss lejn is-seklu li għadda, niftakru fil-figura stupenda ta’ Santa Francesca Cabrini (1850-1917), li flimkien ma’ sħabha ddedikat ħajjitha għall-immigranti lejn l-Istati Uniti tal-Amerika. Anki llum għandna bżonn ta’ dawn ix-xhieda biex il-ħniena tista’ tilħaq tant nies fil-bżonn. Hu impenn li jinvolvi lil kulħadd, ħadd ma għandu jibqa’ barra. Id-djoċesijiet, il-parroċċi, l-istituti ta’ ħajja kkonsagrata, l-għaqdiet u l-movimenti, kif ukoll l-Insara individwali, aħna lkoll imsejħin nilqgħu lil ħutna li qed jaħarbu mill-gwerra, mill-ġuħ, mill-vjolenza u minn kundizzjonijiet ta’ ħajja xejn umani. Ilkoll flimkien aħna forza kbira ta’ għajnuna lil dawk li sfaw imkeċċija minn pajjiżhom, u tilfu familja, xogħol u dinjità. Xi jiem ilu, seħħet storja ċkejkna, hawn fil-belt. Kien hemm rifuġjat qed ifittex triq u waħda mara resqet lejh u qaltlu: “Qed tfittex xi ħaġa?”. Kien ħafi, dak ir-rifuġjat. U hu qalilha: “Nixtieq immur San Pietru biex ngħaddi mill-Bieb Imqaddes”. U dik il-mara bejnha u bejn ruħha qalet: “Imma bla żarbun kif ħa jimxi?”. U ċemplet lil tat-taksi. Imma dak l-immigrant, dak ir-rifuġjat kien jinten u x-xufier tat-taksi bħal donnu ma riedx iħallih jirkeb, imma fl-aħħar ħallieh jitla’ fil-karozza. U l-mara, maġenbu, tul il-vjaġġ qagħdet tistaqsih ftit fuq l-istorja tiegħu ta’ rifuġjat u ta’ immigrant: l-għaxar minuti sakemm wasal hawn. Dan ir-raġel irrakkonta l-istorja tiegħu ta’ tbatija, ta’ gwerra, ta’ ġuħ u għaliex kien ħarab minn pajjiżu biex emigra ’l hawn. Meta waslu, il-mara fetħet il-portmoni tagħha biex tħallas lix-xufier, imma x-xufier, li għall-bidu ma riedx lil dan l-immigrant jirkeb miegħu għax kien jinten, qal lill-mara: “Le, sinjura, huwa jien li rrid inħallsek għax bis-saħħa tiegħek smajt storja li bidlitli qalbi”. Din il-mara kienet taf x’inhu l-uġigħ ta’ immigrant, għax kellha demmha Armen u kienet taf it-tbatija tal-poplu tagħha. Meta aħna nagħmlu xi ħaġa hekk, għall-bidu nitqażżuha għax tpoġġina xi ftit skomdi, “le… jinten…”. Imma fl-aħħar, l-istorja tfewħilna lil ruħna u tibdilna. Aħsbu f’din l-istorja u naħsbu x’nistgħu nagħmlu għar-rifuġjati.

 

 

20 ta’ Marzu

It-Tielet Ħadd tar-Randan    

 

Il-merħla tal-Mulej hi dejjem miexja: il-Mulej mhux xi proprjetà tagħha, ma nistgħux nimlew moħħna li se nsakkruh fl-iskemi u fl-istrateġiji tagħna. Ir-ragħaj sa ssibu hemm fejn tinsab in-nagħġa l-mitlufa. Għalhekk lill-Mulej għandna nfittxuh hemm fejn hu jixtieq jiltaqa’ magħna, mhux fejn nippretendu li sa nsibuh! Bl-ebda mod ieħor ma nistgħu niġbru flimkien lill-merħla jekk mhux billi nimxu fit-triq tal-ħniena tar-ragħaj. Huwa u jfittex lin-nagħġa li ntilfitlu, hu jqanqal lid-disgħa u disgħin l-oħra biex huma wkoll jagħtu sehemhom ħalli l-merħla tingħaqad mill-ġdid. Mela mhux biss in-nagħġa li refa’ fuq spallejh, imma l-merħla kollha timxi wara r-ragħaj tagħha sad-dar tiegħu biex tagħmel festa mal-“ħbieb u l-ġirien”.

 

 

21 ta’ Marzu

It-Tnejn fit-Tielet Ġimgħa tar-Randan    

 

Fil-Bibbja hemm Salm li jgħid li Alla “lil kulħadd jagħti l-ikel” (136:25). L-esperjenza tal-ġuħ hi iebsa. Jaf xi ħaġa min għex perjodi ta’ gwerra jew ta’ ġuħ. Imma din l-esperjenza qed tirripeti ruħha ta’ kuljum u nsibuha biswit l-abbundanza u l-ħela. Jibqa’ dejjem attwali kliem l-Appostlu Ġakbu: “X’jiswa, ħuti, li wieħed jgħid li għandu l-fidi jekk ma jurihiex fl-għemil tiegħu? Jaqaw tista’ ssalvah din il-fidi? Jekk ħuk jew oħtok ma jkollhomx x’jilbsu u jonqoshom l-ikel ta’ kuljum, u wieħed minnkom jgħidilhom: ‘Morru bis-sliem, isħnu u kulu sa tixbgħu’, bla ma jagħtihom dak li hu meħtieġ għall-ġisem, dan x’jiswa? Hekk ukoll il-fidi: jekk tkun weħidha u ma jkollhiex l-għemil, tkun mejta fiha nfisha” (2:14-17) għax ma tkunx kapaċi twettaq l-opri, tagħmel il-karità, tħobb. Dejjem ħa nsib lil xi ħadd bil-ġuħ jew bil-għatx u li għandu bżonn tiegħi. Dan ma nista’ niddelegah lil ħadd iżjed. Dan il-fqajjar għandu bżonn tiegħi, tal-għajnuna tiegħi, tal-kelma tiegħi, tal-impenn tiegħi. Kollha aħna involuti f’dan.

 

 

22 ta’ Marzu

It-Tlieta fit-Tielet Ġimgħa tar-Randan    

 

Jiġuni f’moħħi dawk kollha li huma maqfula l-ħabs. Ġesù lanqas lilhom ma nesa. Meta qiegħed iż-żjara lill-ħabsin fost l-opri tal-ħniena, ried jistedinna, qabelxejn, biex ma nkunu mħallfin fuq ħadd. Bla dubju, jekk wieħed qiegħed il-ħabs, dan għax żbalja, ma rrispettax il-liġi u l-konvivenza soċjali. Għalhekk qiegħed fil-ħabs jiskonta l-piena tiegħu. Imma għamel x’għamel dak li qiegħed il-ħabs, hu jibqa’ dejjem maħbub minn Alla. Min jista’ jidħol ġewwa nett tal-kuxjenza tiegħu biex jifhem x’qed iħoss? Min jista’ jifhem it-tbatija u r-rimors tiegħu? Faċli ħafna naħslu jdejna u ngħidu li żbalja. In-Nisrani pjuttost hu msejjaħ jieħu r-responsabbiltà, biex min żbalja jifhem il-ħażen li għamel u jerġa’ lura fuq saqajh. In-nuqqas ta’ libertà hi bla dubju waħda mill-ikbar ċaħdiet li jista’ jkollu bniedem. Jekk ma’ din inżidu l-qagħda kerha minħabba fil-kundizzjonijiet spiss xejn umani li fihom isibu ruħhom jgħixu dawn il-persuni, allura hu tabilħaqq każ li fih in-Nisrani jħossu mqanqal jagħmel minn kollox biex tintraddilhom id-dinjità tagħhom.

 

 

23 ta’ Marzu

L-Erbgħa fit-Tielet Ġimgħa tar-Randan    

 

Li nsieħbu fit-tiftixa ta’ dak li hu essenzjali hi ħaġa sabiħa u importanti, għax hekk nistgħu naqsmu l-ferħ li niggustaw is-sens tal-ħajja. Spiss jiġrilna li niltaqgħu ma’ persuni li jeħlu ma’ ħwejjeġ tal-qoxra, li jgħaddu u huma banali; xi drabi għax baqgħu ma ltaqgħux ma’ xi ħadd li jħajjarhom ifittxu xi ħaġa oħra, biex japprezzaw il-veri teżori. Li ngħinu lil dak li jkun iħares lejn l-essenzjal hi għajnuna deċiżiva, speċjalment fi żmien bħal dan tagħna li donnu tilef l-orjentament u ħsiebu kif jiġri wara sodisfazzjonijiet li għandhom ħajja qasira. Li ngħallmu lill-oħrajn jiskopru xi jrid Alla minna u kif nistgħu nikkorrispondu mar-rieda tiegħu jfisser ngħinuhom isibu t-triq it-tajba biex jikbru fil-vokazzjoni tagħhom, it-triq tal-veru ferħ. Hekk kliem Ġesù lil omm Ġakbu u Ġwanni (Mt 20:25-28), u mbagħad lill-grupp kollu tad-dixxipli, jurina t-triq biex nevitaw li naqgħu fl-għira, fl-ambizzjoni, fit-tifħir fieragħ, fit-tentazzjonijiet li dejjem issib moħbija fostna l-Insara. L-esiġenza li nagħtu parir tajjeb, inwissu u ngħallmu m’għandha qatt iġġagħalna nħossuna superjuri għal ħaddieħor, imma tobbligana qabelxejn li nerġgħu nidħlu fina nfusna biex nivverifikaw jekk aħniex koerenti ma’ dak li nitolbu lil ħaddieħor.

 

 

24 ta’ Marzu

Il-Ħamis fit-Tielet Ġimgħa tar-Randan    

 

Il-ħniena li nirċievu mill-Missier ma tingħatalniex bħala faraġ privat, imma tagħmilna għodda biex anki oħrajn jistgħu jirċievu dan l-istess don. Hemm ċirkularità stupenda bejn il-ħniena u l-missjoni. Jekk ngħixu bil-ħniena, dan jagħmilna missjunarji tal-ħniena, u jekk aħna missjunarji, nistgħu nikbru dejjem iżjed fil-ħniena ta’ Alla. Mela, ejjew nieħdu bis-serjetà l-fatt li aħna Nsara, u nħabirku biex ngħixu bil-fidi, għax hekk biss l-Evanġelju jista’ jmiss il-qalb tal-persuni u jiftaħha biex tilqa’ l-grazzja tal-imħabba, biex tilqa’ din il-ħniena kbira ta’ Alla li tilqa’ lil kulħadd.

 

 

25 ta’ Marzu

Solennità tat-Tħabbira tal-Mulej    

 

Il-kliem li Marija tgħid lill-qaddejja jinkuruna dan il-kwadru tat-tieġ ta’ Kana (Ġw 2:1-12): “Agħmlu kulma jgħidilkom hu” (v. 5). Kurjuża din: dawn huma l-aħħar kelmiet tagħha li jagħtuna l-Vanġeli: huma l-wirt li hi tħalli lilna lkoll. Anki llum il-Madonna qed tgħid lilna lkoll: “Kulma jgħidilkom – Ġesù –, agħmluh”. Dan hu l-wirt li ħallietilna: kemm hu sabiħ! Din hi espressjoni li tfakkar fil-formula ta’ fidi li kien ilissen il-poplu ta’ Iżrael taħt is-Sinaj bi tweġiba għall-wegħdiet tal-patt: “Kulma qal il-Mulej aħna nagħmluh” (Eż 19:8). U fil-fatt f’Kana l-qaddejja jobdu. “Ġesù qal lill-qaddejja: ‘Imlew il-ġarar bl-ilma’. U dawk imlewhom sax-xifer. Imbagħad qalilhom: ‘Issa ħudu minnu u newluh lil dak li qiegħed jieħu ħsieb il-mejda’. U huma marru jagħtuhulu” (vv. 7-8). F’dan it-tieġ, tassew jitwaqqaf Patt Ġdid u lill-qaddejja tal-Mulej, jiġifieri lill-Knisja kollha, tiġi fdata l-missjoni ġdida: “Agħmlu kulma jgħidilkom hu”. Li taqdi lill-Mulej ifisser tisma’ u tqiegħed fil-prattika l-Kelma tiegħu. Din hi r-rakkomandazzjoni sempliċi imma essenzjali ta’ Omm Ġesù u l-programm ta’ ħajjet in-Nisrani. Għal kull wieħed u waħda minna, li nixorbu mill-ġarra jfisser li nafdaw fil-Kelma ta’ Alla biex induqu mill-effikaċja tagħha fil-ħajja. Hekk, flimkien mal-kap tal-mejda li daq l-ilma mibdul fi nbid, anki aħna nistgħu nistagħġbu: “Imma int l-inbid it-tajjeb erfajtu sa issa” (v. 10). Iva, il-Mulej għadu jżomm dak l-inbid it-tajjeb għas-salvazzjoni tagħna, l-istess kif ikompli jnixxi mill-kustat minfud tal-Mulej.

 

 

26 ta’ Marzu

Is-Sibt fit-Tielet Ġimgħa tar-Randan    

 

Fuq ix-xempju tal-imħabba ħanina li biha Ġesù esprima l-impenn ta’ Alla, anki aħna nistgħu u għandna nikkorrispondu għal imħabbtu bl-impenn tagħna. U dan fuq kollox fis-sitwazzjonijiet tal-ikbar bżonn, fejn hemm l-aktar għatx għat-tama. Naħseb – ngħidu aħna – fl-impenn tagħna mal-persuna mitluqa, ma’ dawk li għandhom diżabbiltajiet ibsin ħafna, mal-morda serjament, mal-moribondi, ma’ dawk li ma jistgħux jesprimu r-rikonoxxenza tagħhom… F’dawn ir-realtajiet kollha aħna nwasslu l-ħniena ta’ Alla permezz ta’ impenn fil-ħajja tagħna, li hu xhieda tal-fidi tagħna fi Kristu. Dejjem għandna nwasslu dik iż-żegħila ta’ Alla – għax Alla mellisna lkoll bil-ħniena tiegħu – inwassluha lill-oħrajn, lil dawk li għandhom bżonnha, lil dawk li qed iġorru xi tbatija fil-qalb tagħhom jew huma mdejqin: nersqu b’dik iż-żegħila ta’ Alla, li hi l-istess waħda li hu ta lilna.

 

 

27 ta’ Marzu

Ir-Raba’ Ħadd tar-Randan    

 

Xi jfisser għad-dixxipli li jħennu? Ġesù dan ifissru b’żewġ verbi: “aħfru” (Lq 6:37) u “agħtu” (v. 38). Qabelxejn, il-ħniena tesprimi ruħha fil-maħfra: “Tiġġudikawx, u ma tkunux iġġudikati; tikkundannawx, u ma tkunux ikkundannati; aħfru, u ssibu l-maħfra” (v. 37). Ġesù ma jridx b’xi mod jindaħal fil-kors tal-ġustizzja umana, imma jfakkar lid-dixxipli li biex bejniethom ikollhom relazzjoni ta’ aħwa jeħtieġ iżommu lura milli jiġġudikaw u jikkundannaw. Fil-fatt hi l-maħfra l-pilastru li jrieġi l-ħajja tal-komunità Nisranija, għax fiha tidher l-imħabba b’xejn li biha Alla ħabbna hu l-ewwel. In-Nisrani għandu jaħfer! Imma għaliex? Għax hu stess ġie maħfur. Aħna lkoll li ninsabu hawn, illum, fil-pjazza, ġejna maħfura. Ħadd minna ma jista’ jgħid li f’ħajtu qatt ma ġie bżonn il-maħfra ta’ Alla. U ladarba aħna ġejna maħfura, jeħtieġ naħfru. Ilkoll nistqarruh dan fil-Missierna: “Aħfrilna dnubietna, bħalma aħna naħfru lil min hu ħati għalina”. Mela naħfru d-deni li jsirilna, naħfru tant ħwejjeġ, għax aħna ġejna maħfura tant nuqqasijiet, tant dnubiet. U hekk faċli taħfer: jekk Alla lili ħafirli, għaliex m’għandix naħfer lill-oħrajn? Forsi jien aqwa minn Alla? Dan il-pilastru tal-maħfra jurina li l-imħabba ta’ Alla hija b’xejn, li hu ħabbna l-ewwel. Nagħmlu żball niġġudikaw u nikkundannaw lil ħuna li dineb. Mhux għax ma rridux nagħrfu d-dnub li sar, imma għax meta nikkundannaw il-midneb inkunu nkissru r-rabta ta’ aħwa li għandna miegħu u nistmerru l-ħniena ta’ Alla, li ma jrid jiċħad lil ħadd minn uliedu. M’għandna l-ebda jedd nagħmlu ħaqq minn ħuna li żbalja, m’aħniex ’il fuq minnu: pjuttost għandna d-dmir li nreġġgħuh lura għad-dinjità ta’ iben il-Missier u nseħbuh fil-mixja tiegħu ta’ konverżjoni.

 

 

28 ta’ Marzu

It-Tnejn fir-Raba’ Ġimgħa tar-Randan    

 

Bil-qawwa tagħna waħidna ma jirnexxilniex nirrikonċiljaw ruħna ma’ Alla. Id-dnub hu tabilħaqq espressjoni ta’ ċaħda ta’ mħabbtu, bil-konsegwenza li ningħalqu fina nfusna, u nitqarrqu naħsbu li nistgħu nsibu libertà u awtonomija ikbar band’oħra. Imma ’l bogħod minn Alla ma jifdlilniex iżjed destinazzjoni lejn xiex nimxu, u minn pellegrini f’din id-dinja nispiċċaw niġġerrew ’l hawn u ’l hemm bla nafu fejn sejrin. Fi kliem iżjed sempliċi u komuni spiss ngħidu li meta nidinbu nkunu “nagħtu daharna lil Alla”. U hekk hu; id-dnub jara biss lilu nnifsu u hekk jippretendi li jista’ jagħmel kollox waħdu; għalhekk, id-dnub iwessa’ dejjem iżjed id-distanza bejna u bejn Alla, u dan jista’ jsir fondoq. Madankollu, Ġesù jiġi jfittixna bħal ragħaj twajjeb li ma jikkuntentax ruħu qabel ma jerġa’ jsib in-nagħġa l-mitlufa, kif naqraw fl-Evanġelju (ara Lq 15:4-6). Hu jerġa’ jibni l-pont li jgħaqqadna mal-Missier u bih nistgħu nerġgħu nsibu d-dinjità tagħna ta’ wlied. Bis-sagrifiċċju ta’ ħajtu reġa’ ħabbibna mal-Missier u raddilna l-ħajja ta’ dejjem (ara Ġw 10:15).

 

 

29 ta’ Marzu

It-Tlieta fir-Raba’ Ġimgħa tar-Randan    

 

Meta nagħmlu esperjenza tar-rikonċiljazzjoni ta’ Alla nkunu nistgħu niskopru l-ħtieġa ta’ xejriet oħra ta’ rikonċiljazzjoni: fil-familji, fir-relazzjonijiet bejn il-persuni, fil-komunitajiet ekkleżjali, kif ukoll fir-relazzjonijiet soċjali u internazzjonali. Xi ħadd fl-aħħar jiem qalli li fid-dinja hawn iżjed għedewwa milli ħbieb, u naħseb li kellu raġun. Imma le, ejjew nibnu pontijiet ta’ rikonċiljazzjoni anki bejnietna, ibda mill-istess familja. Kemm aħwa tlewmu u tbiegħdu minn xulxin sempliċement minħabba xi wirt. Dan mhux sew! Din is-sena hi s-sena tar-rikonċiljazzjoni, ma’ Alla u bejnietna! Ir-rikonċiljazzjoni fil-fatt hi wkoll servizz lill-paċi, lill-għarfien tad-drittijiet fundamentali tal-persuni, lis-solidarjetà u biex nilqgħu lil kulħadd. Mela ejjew nilqgħu l-istedina u nħallu lil Alla jħabbibna miegħu, biex insiru ħolqien ġdid u nkunu nistgħu niddu bil-ħniena tiegħu fost ħutna, qalb in-nies.

 

 

30 ta’ Marzu

L-Erbgħa fir-Raba’ Ġimgħa tar-Randan    

 

Meta Ġesù jsejjaħ għall-indiema ma jridx jidher bħala mħallef tal-persuni, imma jagħmel dan billi jibda joqgħod qrib tagħhom, jaqsam fil-qagħda tagħhom ta’ bnedmin, u allura tat-triq, tad-dar, tal-mejda… Il-ħniena lejn dawk li kellhom bżonn jibdlu ħajjithom dehret fil-preżenza tiegħu kollha mħabba, biex kulħadd iħossu jagħmel parti mill-istorja tiegħu ta’ salvazzjoni. Ġesù kien jipperswadi lin-nies bl-imħabba, u b’din l-imġiba tiegħu Ġesù kien imiss il-qiegħ nett tal-qalb tal-persuni u huma kienu jħossuhom miġbuda mill-imħabba ta’ Alla u ħerqana li jibdlu ħajjithom. Ngħidu aħna, il-konverżjonijiet ta’ Mattew (ara Mt 9:9-13) u ta’ Żakkew (ara Lq 19:1-10) seħħu proprju hekk, għax ħassew lil Ġesù jħobbhom u, permezz tiegħu, ħassewhom maħbuba mill-Missier. Il-konverżjoni vera sseħħ meta nilqgħu d-don tal-grazzja; u sinjal ċar tal-awtentiċità tagħha hu li nintebħu bil-ħtiġijiet ta’ ħutna u nkunu lesti li nersqu lejhom.

 

 

31 ta’ Marzu

Il-Ħamis fir-Raba’ Ġimgħa tar-Randan    

 

Kemm drabi aħna wkoll inħossu l-bżonn ta’ bidla li tinvolvi l-persuna sħiħa tagħna! Kemm drabi ngħidu lilna nfusna: “Hemm bżonn ninbidel, ma nistax nibqa’ sejjer hekk… Ħajti, f’din it-triq, mhix se tagħti frott, sa tkun ħajja bla siwi u jien mhux sa nkun kuntent”. Kemm drabi jiġuna dawn il-ħsibijiet, kemm drabi!… U Ġesù, maġenbna, b’dirgħajh miftuħa għalina, qed jgħidilna: “Ejja, ejja għandi. Ix-xogħol ħalli lili nagħmlu: jien nibdillek qalbek, jien nibdillek ħajtek, jien nagħmlek ferħan”. Imma aħna, dan nemmnu fih jew le? Nemmnu jew le? Intom x’taħsbu: dan temmnu fih jew le? … Ġesù li jinsab magħna qed jistedinna nibdlu ħajjitna. Huwa hu li, bl-Ispirtu s-Santu, jiżra’ fina dan it-tħassib serju biex nibdlu ħajjitna u nkunu xi ftit aħjar. Mela ejjew nisimgħu l-istedina tal-Mulej u ma nagħmlulux reżistenza, għax huwa biss jekk ninfetħu għall-ħniena tiegħu li aħna nsibu l-ħajja vera u l-ferħ veru. Jeħtieġ biss niftħu beraħ il-bieb, u nħallu lilu jagħmel il-bqija. Hu kollox jagħmel, imma aħna rridu nkunu li niftħu beraħ il-qalb tagħna biex hu jista’ jfejjaqna u jmexxina ’l quddiem. Niżgurakom li nkunu ħafna iżjed ferħanin.

 

 

1 ta’ April

Il-Ġimgħa fir-Raba’ Ġimgħa tar-Randan    

 

Kemm hemm modi li bihom Alla juri ħniena magħna! Bl-istess mod, kemm uċuħ iduru lejna jfittxu l-ħniena! Min f’ħajtu daq il-ħniena tal-Missier ma jistax jibqa’ ma jħoss xejn quddiem il-ħtiġijiet ta’ ħutu. It-tagħlim ta’ Ġesù li smajna ma jħalliniex naħarbu: Kont bil-ġuħ u tmajtuni; kont bil-għatx u sqejtuni; kont għeri, barrani, marid, fil-ħabs u għentuni (ara Mt 25:35-36). Ma nistgħux noqogħdu nittratienu quddiem persuna li hi bil-ġuħ: hemm bżonn nagħtuha x’tiekol. Ġesù qed jgħidhulna dan! L-opri tal-ħniena mhumiex temi teoriċi, imma xhieda konkreta. Jobbligawna nxammru l-kmiem biex intaffu t-tbatija ta’ ħaddieħor.

 

 

2 ta’ April

Is-Sibt fir-Raba’ Ġimgħa tar-Randan    

 

Minħabba fil-bidliet tad-dinja globalizzata tagħna, ċertu faqar materjali u spiritwali kotor fl-għadd: ejjew mela nagħmlu wisa’ għall-fantasija tal-imħabba biex nindividwaw modi ġodda ta’ kif naħdmu. B’dan il-mod it-triq tal-ħniena ssir dejjem iżjed konkreta. Minna, mela, hu mitlub li nibqgħu ngħassu, biex ma jiġrilniex li, quddiem il-faqar li tipproduċi l-kultura tal-ġid, il-ħarsa tal-Insara tiċċajpar u ma tibqax kapaċi timmira għall-essenzjal. Nimmiraw għall-essenzjal. Xi jfisser dan? Nimmiraw lejn Ġesù, inħarsu lejn Ġesù preżenti fl-imġewwaħ, fil-ħabsi, fil-marid, fl-għeri, f’dak li hu bla xogħol u jrid iżomm għaddejja l-familja. Nilmħu lil Ġesù f’dawn ħutna; naraw lil Ġesù f’min hu waħdu, imnikket, f’dak li jiżbalja u għandu bżonn ta’ xi parir, f’dak li għandu bżonn jimxi miegħU fis-skiet biex ma jħossux waħdu imma akkumpanjat. Dawn huma l-opri li Ġesù qed jitlob minna! Naraw lil Ġesù fihom, f’dawn in-nies. Għaliex? Għax hekk Ġesù jħares lejja, iħares lejna lkoll.

 

 

3 ta’ April

Il-Ħames Ħadd tar-Randan    

 

Mattew kien “pubblikan” (ara Mt 9:9-13), jiġifieri jiġbor it-taxxi f’isem l-Imperu Ruman, u għalhekk kien meqjus midneb pubbliku. Imma Ġesù jsejjaħlu biex jimxi warajh u jsir dixxiplu tiegħu. Mattew jaċċetta, u jistiednu għall-ikel id-dar tiegħu flimkien mad-dixxipli. Għalhekk tqum diskussjoni bejn il-Fariżej u d-dixxipli ta’ Ġesù għax dawn jieklu fuq il-mejda mal-pubblikani u l-midinbin. “Imma int ma tistax tidħol id-dar ta’ dawn in-nies!”, qalulhom. Imma Ġesù ma jitbegħidx minnhom, anzi jidħol fid-djar tagħhom u jpoġġi maġenbhom; dan ifisser li anki huma jistgħu jsiru dixxipli tiegħu. U daqshekk ieħor hu minnu l-fatt illi għax aħna Nsara, dan ma jagħmilniex nies li ma niżbaljaw qatt. Bħal Mattew il-pubblikan, kull wieħed u waħda minna jrid jintreħa f’idejn il-grazzja tal-Mulej, minkejja d-dnubiet tagħna. Ilkoll aħna midinbin, ilkoll għandna dnubiet. Bis-sejħa ta’ Mattew, Ġesù qed juri lill-midinbin li hu ma jħarisx lejn l-imgħoddi tagħhom, lejn il-qagħda soċjali, lejn ir-regoli ta’ barra, imma pjuttost jiftaħ għalihom futur ġdid. Darba smajt qawl ħelu: “M’hemmx qaddis bla passat u m’hemmx midneb bla futur”. Dak hu li jagħmel Ġesù. M’hemmx qaddis li m’għandux passat, kif m’hemmx midneb li m’għandux futur. Biżżejjed inwieġbu għall-istedina b’qalb imċekkna u sinċiera. Il-Knisja mhijiex komunità ta’ perfetti, imma ta’ dixxipli f’mixja, li mexjin wara l-Mulej għax għarfu li huma midinbin u fil-ħtieġa tal-maħfra tiegħu. Għalhekk il-ħajja Nisranija hi skola ta’ umiltà li tiftħilna qalbna għall-grazzja.

 

 

4 ta’ April

It-Tnejn fil-Ħames Ġimgħa tar-Randan    

 

L-imġiba ta’ Ġesù mal-midinbin ma jifhimhiex min jippretedi li hu “ġust” u jaħseb li hu aħjar mill-oħrajn. Is-suppervja u l-kburija ma jħallukx tintebaħ li int fil-bżonn tas-salvazzjoni, anzi, iżommuk milli tara l-wiċċ ħanin ta’ Alla u timxi bi ħniena mal-oħrajn. Huma bħal ħajt. Is-suppervja u l-kburija huma ħajt li jxekkel ir-relazzjoni tagħna ma’ Alla. Safrattant, il-missjoni ta’ Ġesù hi proprju din: jiġi jfittex lil kull wieħed u waħda minna, biex idewwi u jfejjaq il-ġrieħi tagħna u jsejħilna biex nimxu warajh bi mħabba. Jgħidha ċara: “It-tabib ma jeħtiġuhx dawk li huma f’saħħithom, iżda l-morda” (Mt 9:12). Ġesù jippreżenta ruħu bħala tabib tajjeb! Hu jħabbar is-Saltna ta’ Alla, u s-sinjali tal-miġja tiegħu jidhru: hu jfejjaq mill-mard, jeħles mill-biża’, mill-mewt u mill-ħakma tax-Xitan. Quddiem Ġesù l-ebda midneb ma jitħalla barra – l-ebda midneb ma jitħalla barra! – għax il-qawwa li tfejjaq ta’ Alla ma tafx b’mard li ma jistax jitfejjaq; u dan għandu jimliena bil-fiduċja u jiftħilna qalbna għall-Mulej biex jiġi u jerġa’ jfejjaqna. Meta sejjaħ lill-midinbin għall-mejda tiegħu, hu fejjaqhom u reġa’ ġeddidhom f’dik il-vokazzjoni li huma ħasbu li kienu tilfu u li l-Fariżej insew: dik ta’ mistiedna għall-ikla tat-tieġ ta’ Alla. Skont il-profezija ta’ Iżaija: “U jagħmel il-Mulej tal-eżerċti għall-popli kollha fuq din il-muntanja, mejda b’ikel fin, mejda bi nbejjed ħelwa, b’laħam imsemmen bil-mudullun, u nbejjed fini. U dakinhar jgħidu: ‘Dan hu Alla tagħna: fih ittamajna li jsalvana; dan hu l-Mulej li fih ittamajna: nifirħu u nithennew bis-salvazzjoni tiegħu’” (25:6-9).

 

 

5 ta’ April

It-Tlieta fil-Ħames Ġimgħa tar-Randan    

 

L-imħabba ta’ Alla hi bla tarf: nistgħu niskopru sinjali dejjem ġodda li juruna l-attenzjoni tiegħu lejna u fuq kollox kemm jixtieq jilħaqna u jimxi qabilna. Ħajjitna kollha, anki jekk mimsusa mid-dgħufija tad-dnub, qiegħda taħt il-ħarsa ta’ Alla li jħobbna. Kemm paġni tal-Iskrittura Mqaddsa jkellmuna fuq il-preżenza, il-qrubija u l-ħlewwa ta’ Alla għal kull bniedem, speċjalment għaċ-ċkejknin, għall-iżjed dgħajfa, għall-mormija tas-soċjetà! Iktar ma nkunu fil-bżonn, iżjed il-ħarsa tiegħu fuqna timtela bil-ħniena. Hu juri ħniena kollha mogħdrija lejna għax jaf x’inhuma d-dgħufijiet tagħna. Jafhom id-dnubiet tagħna u jaħfrilna; jaħfer dejjem! Hu wisq twajjeb magħna, hu wisq twajjeb dan Missierna.

 

 

6 ta’ April

L-Erbgħa fil-Ħames Ġimgħa tar-Randan    

 

Ħafna drabi aħna ma niltaqgħux ma’ ħutna, imqar jekk ngħixu qrib tagħhom, fuq kollox meta nipprovaw nimponu l-pożizzjoni tagħna fuq dik tal-ieħor. Ma niddjalogawx meta ma nisimgħux biżżejjed jew nippruvaw ninterrompu lill-ieħor biex nuru li għandna raġun aħna. Għiduli kemm drabi, kemm drabi nkunu qed nisimgħu persuna titkellem, inwaqqfuha u ngħidulha: “Le! Le! Mhux hekk!”, u ma nħalluhiex tispiċċa tfisser dak li trid tgħid. U dan iwaqqaf id-djalogu: din hi vjolenza. Għax il-veru djalogu jitlob waqtiet ta’ skiet, fejn wieħed jilqa’ d-don tal-għaġeb tal-preżenza ta’ Alla f’ħuh jew oħtu. Li niddjalogaw jgħinna nagħmlu iżjed umani r-relazzjonijiet ta’ bejnietna u negħlbu n-nuqqas ta’ ftehim li jkollna. Għandna tant bżonn tad-djalogu fil-familji tagħna, u kemm jissolvew malajr il-kwistjonijiet li kieku kellna nitgħallmu nisimgħu lil xulxin! Hekk hu fir-relazzjoni bejn raġel u mara miżżewġa, u bejn ġenituri u wlied. Kemm għajnuna tista’ toħroġ anki mid-djalogu bejn l-għalliema u l-istudenti tagħhom; jew bejn id-diriġenti u l-ħaddiema, biex jiskopru x’inhu l-iktar meħtieġ fuq il-post tax-xogħol.

 

 

7 ta’ April

Il-Ħamis fil-Ħames Ġimgħa tar-Randan    

 

Kemm hu minnu kliem Ġesù li jistieden lil kull min hu mħabbat u mtaqqal biex imur għandu ħa jsib is-serħan (ara Mt 11:28)! Dirgħajh miftuħa beraħ fuq is-salib juru li ħadd mhu eskluż minn imħabbtu u mill-ħniena tiegħu, lanqas l-ikbar midneb: ħadd! Aħna lkoll inklużi fi mħabbtu u fil-ħniena tiegħu. L-espressjoni l-iżjed immedjata li biha nħossuna milqugħa u inklużi fih hi dik tal-maħfra tiegħu. Ilkoll għandna bżonn niġu maħfura minn Alla. U lkoll għandna bżonn niltaqgħu ma’ ħutna li jgħinuna mmorru għand Ġesù, biex ninfetħu għad-don li għamlilna minn fuq is-salib. Ejjew ma nfixklux lil xulxin! Ma neskludu lil ħadd! Anzi, b’umiltà u sempliċità nsiru għodda tal-ħniena inklużiva tal-Missier. Il-ħniena inklużiva tal-Missier: hekk hi. L-omm imqaddsa tagħna l-Knisja twessa’ fid-dinja t-tgħanniqa kbira ta’ Kristu li miet u rxoxta … Ħa nsiru aħna wkoll parti minn dan il-moviment ta’ inklużjoni tal-oħrajn, biex inkunu xhieda tal-ħniena li biha Alla laqa’ u jilqa’ lil kull wieħed u waħda minna.

 

 

8 ta’ April

Tifkira Devozzjonali ta’ Marija Addolorata    

 

Ġesù jagħlaq il-parabbola tal-Fariżew u l-pubblikan (Lq 18:9-14) b’sentenza: “Ngħidilkom jien li dan”, jiġifieri l-pubblikan, “u mhux l-ieħor, niżel id-dar iġġustifikat. Għax kull min jitkabbar, jiċċekken; u min jiċċekken, jitkabbar” (v. 14). Minn dawn it-tnejn, min huwa l-korrott? Il-Fariżew. Il-Fariżew hu sewwasew l-ikona tal-korrott li jagħmel tabirruħu li qed jitlob, imma jirnexxilu biss joqgħod jiffanfra quddiem mera. Hu korrott taparsi qed jitlob. Hekk, fil-ħajja min jaħseb li hu ġust u joqgħod jiġġudika lill-oħrajn u jbaxxihom, hu korrott u wiċċ b’ieħor. Is-suppervja tikkomprometti kull għemil tajjeb, tbattal it-talb mill-essenza tiegħu, tbiegħed minn Alla u mill-oħrajn. Jekk Alla jippreferi l-umiltà, dan mhux biex jaqtgħalna qalbna: l-umiltà pjuttost hi kundizzjoni meħtieġa biex nerġgħu nħalluh iqajjimna fuq riġlejna, biex hekk nistgħu nduqu l-ħniena li tiġi biex timla l-vojt tagħna. Jekk it-talba tas-supperv ma tilħaqx il-qalb ta’ Alla, l-umiltà tal-imsejken tiftaħhielu beraħ. Alla dgħufija waħda għandu: jaqa’ għall-umli. Quddiem qalb umli, Alla jiftaħ għalkollox il-qalb tiegħu. Din hi l-umiltà li tesprimi l-Verġni Marija fl-għanja tal-Magnificat: “Xeħet għajnejh fuq iċ-ċokon tal-qaddejja tiegħu. […] il-ħniena tiegħu tinfirex f’kull żmien fuq dawk li jibżgħu minnu” (Lq 1:48,50). Ħa tgħinna hi, l-Omm tagħna, biex nitolbu b’qalb umli u mċekkna. U aħna ejjew intennu għal tliet darbiet dik it-talba sabiħa: “O Alla, ħenn għalija, għax jien midneb”.

 

 

9 ta’ April

Is-Sibt fil-Ħames Ġimgħa tar-Randan    

 

Kemm persuni għajjiena u mifnija niltaqgħu magħhom illum! Fit-triq, fl-uffiċċji pubbliċi, fil-kliniċi… Il-ħarsa ta’ Ġesù tistrieħ fuq kull wieħed minn dawk l-uċuħ, anki permezz ta’ għajnejna. U qalbna kif inhi? Ħanina xejn? U l-mod kif aħna naħsbu u naġixxu hu inklużiv? L-Evanġelju qed isejħilna biex fl-istorja tal-bnedmin nagħrfu l-pjan ta’ opra kbira ta’ inklużjoni, li tirrispetta b’mod sħiħ il-libertà ta’ kull persuna, ta’ kull komunità, ta’ kull poplu, u hekk issejjaħ lil kulħadd biex isawwar familja ta’ aħwa, fil-ġustizzja, fis-solidarjetà u fil-paċi, u biex jagħmel parti mill-Knisja, li hi l-ġisem ta’ Kristu.

 

 

10 ta’ April

Ħadd il-Palm u l-Passjoni tal-Mulej    

 

Flimkien mal-ewwel pilastru, li naħfru, lill-Knisja tiegħu, lilna, Ġesù jurina t-tieni wieħed: “agħtu”. “Agħtu, u jingħatalkom […] bl-istess kejl li tkejlu intom jitkejjel lilkom” (Lq 6: 38). Alla jagħtina wisq aktar milli jistħoqqilna, imma jiftaħ ħafna aktar idejh ma’ dawk li fuq l-art kienu ġenerużi. Ġesù ma jgħidx x’sa jiġri minn dawk li ma jagħtux, imma x-xbieha tal-“kejl” hi twiddiba serja: bil-kejl tal-imħabba li nagħtu, aħna stess inkunu qed niddeċiedu kif sa jsir ħaqq minna, kif sa nkunu maħbuba. Jekk inħarsu sewwa, hemm loġika koerenti: bil-kejl li bih nirċievu mingħand Alla, nagħtu lil ħutna, u bil-kejl li nagħtu lil ħutna, nirċievu mingħand Alla! Għalhekk l-imħabba ħanina hi l-unika triq li rridu nimxu. Kemm għandna bżonn ilkoll kemm aħna li nuru xi ftit iżjed ħniena, li ma nqassux fuq l-oħrajn, li ma niġġudikawx, li ma “nżarmawx” lill-oħrajn bil-kritika tagħna, bil-mibegħda, bl-għira! Jeħtieġ naħfru, inħennu, inqattgħu ħajjitna fl-imħabba. Din l-imħabba lid-dixxipli ta’ Ġesù tgħinhom ma jitilfux l-identità li rċivew minnu, u jagħrfu li huma wlied l-istess Missier. Hekk fl-imħabba li huma jħaddmu f’ħajjithom tidwi dik il-Ħniena li ma tintemm qatt (ara 1 Kor 13:1-12). Imma tinsewhx dan: ħniena u don; maħfra u don. Hekk il-qalb titwessa’, titwessa’ fl-imħabba. Imma l-egoiżmu, ir-rabja, iċekknu l-qalb, li tibbies bħal ġebla. X’tippreferu? Qalb tal-ġebel jew qalb mimlija mħabba? Jekk tippreferu qalb mimlija mħabba, ħennu!

 

 

11 ta’ April

It-Tnejn tal-Ġimgħa Mqaddsa    

 

Ġesù jsejħilna biex nitolbu “bla ma naqtgħu”. Kollha ngħaddu minn mumenti ta’ għeja u ta’ qtigħ il-qalb, fuq kollox meta t-talba tagħna donnha mhix tħalli frott. Imma Ġesù jiżgurana: b’differenza mill-imħallef diżonest, Alla malajr jisma’ lil uliedu, anki jekk dan ma jfissirx li jagħmlu skont iż-żminijiet u bil-manjiera li rridu aħna. It-talb mhux xi bakketta maġika! Hu jgħinna nżommu sħiħa l-fidi tagħna f’Alla, biex nafdaw fih imqar meta ma nifhmux ir-rieda tiegħu. F’dan, Ġesù nnifsu – li tant kien jitlob! – hu ta’ eżempju għalina. L-Ittra lil-Lhud tfakkarna li “meta kien jgħix fuq din l-art, Kristu offra talb u suppliki b’leħen għoli u bid-dmugħ lil dak li seta’ jsalvah mill-mewt. U kien mismugħ minħabba fil-qima tiegħu lejn Alla” (5:7). Mal-ewwel daqqa t’għajn din l-affermazzjoni ma tantx tidher possibbli, għax Ġesù miet fuq is-salib. Imma l-Ittra lil-Lhud mhix tiżbalja: Alla tassew salva lil Ġesù mill-mewt u tah rebħa sħiħa fuqha, imma t-triq li mexa biex kiseb din ir-rebħa kellha tgħaddi mill-mewt infisha! Ir-riferiment għas-supplika li Alla sema’ jfakkarna fit-talba ta’ Ġesù fil-Ġetsemani. Mifni mill-ħsieb tat-tbatija li kienet ġejja fuqu, Ġesù jitlob lill-Missier jeħilsu mill-kalċi morr tal-passjoni, imma t-talba tiegħu hi mimlija fiduċja fil-Missier, dik il-fiduċja għamja fir-rieda tiegħu: “Imma”, jgħid Ġesù, “mhux kif irrid jien, iżda kif trid int” (Mt 26:39). L-oġġett tat-talb jaqa’ fit-tieni post; dak li jiswa qabel kollox hu r-relazzjoni mal-Missier. Araw x’jagħmel it-talb: jittrasforma x-xewqa u jsawwarha skont ir-rieda ta’ Alla, hi x’inhi din ir-rieda, għax min jitlob jixxennaq qabelxejn għall-għaqda tiegħu ma’ Alla, li hu Mħabba ħanina.

 

 

12 ta’ April

It-Tlieta tal-Ġimgħa Mqaddsa    

 

Ejjew nieqfu ftit fuq il-ġest tal-barka ta’ Ġesù fil-miraklu tat-tkattir tal-ħobż (ara Mt 14:13-21). Hu “ħa l-ħames ħobżiet u ż-żewġ ħutiet, rafa’ għajnejh lejn is-sema, bierek, qasam il-ħobżiet u tahom” (v. 19). Kif nistgħu naraw, dawn huma l-istess sinjali li Ġesù għamel fl-Aħħar Ċena; u huma wkoll l-istess li kull saċerdot iwettaq meta jiċċelebra l-Ewkaristija Mqaddsa. Il-komunità Nisranija titwieled u terġa’ titwieled kontinwament minn din il-komunjoni Ewkaristika. Għalhekk li ngħixu f’komunjoni ma’ Kristu jfisser ħafna iżjed milli nibqgħu passivi u barranin għall-ħajja ta’ kuljum, anzi, bil-maqlub, idaħħalna dejjem iżjed f’relazzjoni mal-bnedmin ta’ żmienna, biex noffrulhom is-sinjal konkret tal-ħniena u tal-attenzjoni ta’ Kristu. Waqt li titmagħna bi Kristu, l-Ewkaristija li niċċelebraw ftit ftit tibdel lilna wkoll fil-ġisem ta’ Kristu u f’ikel spiritwali għall-aħwa. Ġesù jrid jilħaq lil kulħadd, biex lil kulħadd iwassal l-imħabba ta’ Alla. Għalhekk jagħmel minn kull min jemmen qaddej tal-ħniena. Ġesù lemaħ il-folla, tħassarha u kattar il-ħobż; l-istess jagħmel bl-Ewkaristija. U aħna li nemmnu u nirċievu dan il-ħobż Ewkaristiku, aħna mħeġġa minn Ġesù biex inwasslu dan il-qadi lill-oħrajn, bl-istess ħniena tiegħu. Din hi l-mixja li rridu nagħmlu.

 

 

13 ta’ April

L-Erbgħa tal-Ġimgħa Mqaddsa    

 

Waqt li l-ħalliel it-tajjeb jitkellem fil-futur: “meta tidħol fis-Saltna tiegħek”, it-tweġiba ta’ Ġesù ma tħallihx jistenna; ikellmu fil-preżent: “illum tkun fil-Ġenna miegħi” (Lq 23:43). Fis-siegħa tas-salib, is-salvazzjoni ta’ Kristu tilħaq il-qofol tagħha; u l-wegħda tiegħu lill-ħalliel it-tajjeb turi t-twettiq sħiħ tal-missjoni tiegħu: jiġifieri li jsalva lill-midinbin. Għall-bidu tal-ministeru tiegħu, fis-sinagoga ta’ Nazaret, Ġesù kien ħabbar “il-ħelsien lill-imjassrin” (Lq 4:18); f’Ġeriko, fid-dar tal-midneb pubbliku Żakkew, kien xandar li “Bin il-bniedem – jiġifieri hu – ġie jfittex u jsalva l-mitluf” (Lq 19:10). Fuq is-salib, l-aħħar għemil tiegħu jikkonferma t-twettiq ta’ dan il-pjan tal-fidwa. Mill-bidu sat-tmiem hu wera li hu Ħniena, wera li hu l-inkarnazzjoni dejjiema u irripetibbli tal-imħabba tal-Missier. Ġesù hu tabilħaqq il-wiċċ tal-ħniena tal-Missier. U l-ħalliel it-tajjeb sejjaħlu b’ismu: “Ġesù”. Hi invokazzjoni qasira, u lkoll kemm aħna nistgħu illissnuha ħafna drabi matul il-jum: “Ġesù”. Sempliċement “Ġesù”. U hekk agħmlu matul il-jum kollu.