Laikos

 

 

Ittra Appostolika

Tertio Millenio Adveniente

tal-Papa Ġwanni Pawlu II

lill-Isqfijiet, lill-Kleru u lill-Fidili

dwar it-tħejjija għall-Ġublew tas-Sena 2000

10 Novembru 1994
 

Daħla

 

Lill-Isqfijiet, lis-Saċerdoti u d-Djakni, lir-reliġjużi rġiel u nisa u lil-lajċi nsara kollha.

 

1. Issa li qed toqrob sewwa l-miġja tat-tielet elf sena wara Kristu, ħsiebi minn rajh imur fuq il-kliem ta’ l-Appostlu San Pawl: “Meta wasslet il-milja taż-żminijiet, Alla bagħat lil Ibnu, imwieled minn mara” (Gal 4, 4). Il-milja taż-żminijiet hi ħaġa waħda mal-misteru tal-Inkarnazzjoni tal-Verb, l-Iben ta’ Alla, natura waħda mal-Missier, u mal-misteru tal-Fidwa tad-dinja. San Pawl f’dan il-kliem tiegħu jinsisti li l-Iben ta’ Alla twieled minn mara, twieled skond il-liġi, u ġie fid-dinja biex jifdi lil dawk li kienu taħt il-liġi, biex ikollna l-adozzjoni ta’ wlied. U żied jgħid: “Għax intom ulied, Alla bagħat l-Ispirtu ta’ Ibnu f’qalbna jgħajjat: ‘Abba, Missier!’”. Għeluq kliemu hu tassew ta’ faraġ: “Għalhekk m’initx iżjed ilsir, iżda iben, u jekk iben, werriet ukoll permezz ta’ Alla” (Gal 4, 6-7).

 Il-mod kif San Pawl jippreżenta l-misteru ta’ l-Inkarnazzjoni juri r-rivelazzjoni tal-misteru tat-Trinità u juri wkoll li l-missjoni ta’ l-Iben tkompli fil-missjoni ta’ l-Ispirtu s-Santu. L-Inkarnazzjoni ta’ l-Iben ta’ Alla, it-tnissil tiegħu, it-twelid tiegħu kellhom jiġu qabel il-miġja ta’ l-Ispirtu s-Santu. Kliem San Pawl għalhekk juri l-milja tal-misteru ta’ l-Inkarnazzjoni-redenzjoni.

 

 

 

L-Ewwel Kap

 ĠESÙ KRISTU HU DAK LI KIEN FL-IMGĦODDI, ISSA U ...

 

 2. Fl-Evanġelju tiegħu San Luqa jagħtina deskrizzjoni eżatta ta’ dak li ġara fit-twelid ta’ Ġesù. “F’dik il-ħabta Ċesri Awgustu ħareġ digriet biex isir ċensiment tad-dinja kollha ... kulħadd mar biex jinkiteb, kull wieħed fil-belt tiegħu. Ġużeppi wkoll mar fil-Galilija, mill-belt ta’ Nazaret, u tela’ l-Lhudija, fil-belt ta’ David, jisimha Betlem, - għax hu kien mid-dar u mill-familja ta’ David – biex jinkiteb flimkien ma’ Marija, l-għarusa tiegħu, li kienet tqila. Ġara li meta kienu hemm, Marija għalqilha ż-żmien biex teħles, u tat lid-dinja l-ewwel iben tagħha, fisqietu u medditu f’maxtura għax ma kienx hemm post għalihom fil-lukanda” (Lq 12, 1. 3-7)

 B’hekk seħħ dak li l-anġlu Gabrijel kien qal fit-tħabbira tiegħu. Lill-Verġni ta’ Nazaret kien qalilha dan il-kliem: “Ifraħ, mimlija bil-grazzja, il-Mulej miegħek” (Lq 1, 28). Dan il-kliem ħawwad lil Marija u l-Anġlu ta’ Alla minnufih żied jgħid: “Tibżax, Marija, għax int sibt grazzja quddiem Alla. Ara int se tnissel fil-ġuf u jkollok iben u ssemmih Ġesù. Hu jkun kbir u jissejjaħ Bin il-Għoli ...L-Ispirtu s- Santu jiġi fuqek u l-qawwa ta’ l-Għoli tixħet id-dell tagħha fuqek. U għalhekk dak li jitwieled minnek ikun qaddis, u jissejjaħ Bin Alla.” (1,30. 32-35). It-tweġiba ta’ Marija għal kliem ta’ l-Anġlu ta’ Alla kienet bla tlaqliqa: “Ara, jiena l-qaddejja tal-Mulej, ħa jsir minni skond kelmtek” (1,38). Fil-ġrajja kollha tal-bniedem qatt ma ġara li ħaġa hekk[1] kbira tkun tiddependi biss mill-kunsens ta’ kreatura umana.

 

 3. San Ġwann, fil-bidu ta’ l-Evanġelju tiegħu, jiġbor fi frażi waħda l-kobor tal-misteru ta’ l-Inkarnazzjoni. Kiteb: “Il-Verb sar bniedem u għammar fostna, u aħna rajna l-glorja tiegħu, il-glorja li għandu mill-Missier bħala Ibnu l-waħdieni, mimli bil-grazzja u l-verità” (1, 14). Għal San Ġwann fit-tnissil u t-twelid ta’ Ġesù seħħet l-Inkarnazzjoni tal-Verb etern, natura waħda mal-Missier.

 L-Evanġelista qed jitkellem dwar il-Verb li fil-bidu kien ma’ Alla, li kollox bih sar u xejn ma sar mingħajru; il-Verb li kellu l-ħajja fih u l-ħajja kienet id-dawl tal-bnedmin (ara 1, 1-5). Dwar l-Iben il-waħdieni ta’ Alla, Alla minn Alla, San Pawl kiteb li hu l-kbir fost il-ħlejjaq kollha (Kol 1, 15). Alla ħalaq id-dinja permezz tal-Verb. Il-Verb huwa l-Għerf etern, il-Ħsieb u x-Xbieha natura waħda ma’ Alla, “dija tal-glorja ta’ Alla u x-xbieha ta’ l-essenza tiegħu” (Lh 1, 3). Hu mnissel minn dejjem ta’ dejjem u maħbub għal dejjem ta’ dejjem mill-Missier bħala Alla minn Alla u Dawl minn Dawl, hu l-bidu u s-sura ewlenija ta’ kulma Alla ħalaq fiż-żmien.. Il-fatt li l-Verb etern, fil-milja taż-żminijiet, ħa s-sura ta’ kreatura, jagħti lill-ġrajja li seħħet f’Betlehem elfejn sena ilu, tifsir universali singulari. Minħabba l-verb id-dinja tal-ħlejjaq tidher bħala “cosmos” jiġifieri univers ordnat. U l-Verb ukoll, meta sar bniedem ġedded l-ordni universali tal-ħolqien. L-Ittra lill-Efesin titkellem dwar il-pjan ta’ Alla, imfassal minn qabel fi Kristu, “li kellu jseħħ meta tasal il-milja taż-żminjiet, jiġifieri li kollox jinġabar taħt ras waħda li hu Kristu, kulma hu fl-art u kulma hu fis-sema” (Ef 1, 10).

 

 4. Kristu, il-Feddej tad-dinja, hu l-Medjatur waħdieni bejn Alla u l-bniedem, u taħt is-sema ma hemmx isem ieħor mogħti lill-bnedmin li bih aħna għandna nkunu salvi (ara Atti 4, 12). Naqraw fl-Ittra lill Efesin: “Fih għandna il-fidwa bid-demm tiegħu, il-maħfra tad-dnubiet, skond il-għana tal-grazzja tiegħu. Biha fawwara fil-għerf u l-għaqal kollu ... skond il-pjan li għoġbu jfassal fih minn qabel, u li kellu jseħħ meta tasal il-milja taż-żminijiet” (Ef 1, 7-10). Kristu, l-Iben natura waħda mal-Missier, hu għalhekk dak li juri l-ħsieb ta’ Alla għall-ħolqien kollu, u b’mod partikolari għall-bniedem. Bil-qawwa kollha l-Konċilju Vatikan II jgħid: “Hu juri lill-bniedem li hu kollu kemm hu bniedem u jurih ukoll kemm hi tassew għolja l-vokazzjoni tiegħu”.[2] Jurih din il-vokazzjoni billi jirrivelalu l-misteru tal-Missier u ta’ l-imħabba tiegħu. “Xbieha ta’ Alla li ma jidhirx”. Kristu hu l-bniedem perfett li reġa’ ta lil ulied Adam ix-xebh ma’ Alla, xebħ imħassar mid-dnub. In-natura umana ta’ Kristu, ħielsa minn kull dnub, ittieħdet mill-Persuna divina tal-Verb, u hekk in-natura tal-bnedmin kollha ġiet mgħollija għall-ogħla dinjità. “Bl-Inkarnazzjoni l-Iben ta’ Alla b’xi mod ingħaqad ma’ kull bniedem. Ħadem bl-idejn ta’ bniedem, ħaseb b’moħħ ta’ bniedem, ħabb bħal qalb ta’ bniedem. Meta twieled mill-Verġni Marija, sar tassew wieħed minna, jixbaħna f’kollox minbarra d-dnub”.[3]

 

 5. L-Iben ta’ Alla “sar wieħed minna” b’att ta’ umiltà mill-aqwa, tant li ma nistagħġbux li l-istorja profana, moħħha kollha kemm hi fi ġrajjiet ta’ importanza kbira u f’personaġġi mill-aktar magħrufin, fil-bidu għal Kristu ma kellhiex ħlief xi tagħrif żgħir, għalkemm ifisser ħafna. Insemmi xi eżempji: isibu lil Kristu msemmi fl-Antiquitates Iudaicae, li nkitbu f’Ruma bejn is-snin 93 u 94 mill-istoriku Ġużeppi Flavju[4]; iżda nsibu aktar tagħrif fl-Annales ta’ Taċitu li nkitbu bejn is-snin 115 u 120: f’dawn l-Annales il-kittieb, huwa u jitkellem dwar il-ħruq ta’ Ruma fis-sena 64, li Neruni b’qerq akkuża bih lill-insara, isemmi ċar u tond lil Kristu “ġustizzjat minn Ponzju Pilatu fi żmien l-Imperatur Tiberju”[5]. Svetonju wkoll, fil-bijografija ta’ l-Imperatur Klawdju, miktuba għall-ħabta tas-sena 121, jgħarrafna dwar it-tkeċċija tal-Lhud minn Ruma għaliex, “imxewxa minn ċertu Krestu, spiss kienu qed joħolqu ħafna rvellijiet”[6]. Ħafna huma konvinti li dan il-pass ta’ Svetonju huwa fuq Kristu, li dwaru kien hemm ħafna tilwim fi ħdan il-Lhud ta’ Ruma. Importanti, għax turi kemm xtered malajr it-twemmin nisrani, hi x-xhieda ta’ Plinju ż-Żgħir, gvernatur ta’ Bitinja, li, bejn is-snin 111 u 113, għarraf lill-Imperatur Trajanu, li għadd kbir ta’ nies kienu mdorrijin jinġabru “f’ġurnata fissa, qabel jisbaħ, biex ikantaw bejniethom innu lil Kristu qisu xi alla”[7].

 Iżda din il-ġrajja kbira, li l-istoriċi mhux insara kemm isemmu, , tikseb dija mill-aqwa fil-kitbiet tat-Testment il-Ġdid li, għalkemm huma dokumenti ta’ fidi, mhux ta’ min ma joqgħodx fuqhom, f’dak kollu li jgħidu, bħala xhieda storika ta’ Kristu, veru Alla u veru bniedem, Sid il-ħolqien kollu, u wkoll Sid l-istorja, li tagħha hu l-“Alpha u l-Omega” (Apok 1, 8; 21, 6). “il-Bidu u t-Tmiem” (Apok 21, 6). Hu dan li tfisser b’qawwa kbira fil-qosor l-Ittra lil-Lhud: “Alla, li fl-imgħoddi kellem lil missierijietna ħafna drabi u b’ħafna manjeri, permezz tal-profeti, issa, f’dan l-aħħar żmien, huwa kellimna permezz ta’ Ibnu” (Lh 1, 1-2).

 

 6. Ġesù twieled fi ħdan il-poplu magħżul ta’ Alla, ħa sseħħ il-wrgħda, magħmula lil Abraham u bla heda mfakkra mill-profeti. Dawn tkellmu f’isem u minflok Alla. L-ekonomija “tat-Testment il-qadim kienet minnha nfissha diretta għat-tħejjija u t-tħabbira tal-miġja ta’ Kristu l-Feddej tad-dinja u tas-saltna messjanika tiegħu. Il-kotba tal-Patt il-qadim huma għalhekk xhieda li dejjem tibqa’ tal- “pedagoġija” attenta ta’ Alla[8]. Fi Kristu din il-pedagoġija tilħaq l-għan tagħha, għax Kristu mhux biss dak li jitkellem “f’isem Alla” bħall-profeti, imma hu stess Alla li jitkellem permezz tal-Verb etern tiegħu li sar bniedem.. Hawn insibu l-punt essenzjali li jagħmel il-kristjaneżmu differenti mir-reliġjonijiet l-oħra kollha: f’dawn ir-reliġjonijiet sa mill-bidu nsibu t-tfittxija ta’ Alla mill-bniedem. Fil-kristjaneżmu l-bidu nsibuh fl-Inkarnazzjoni tal-Verb. Fil-kristjaneżmu mhux il-bniedem biss qiegħed ifittex ′l Alla, imma hu Alla nnifsu wkoll li jiġi bħala Persuna biex ikellem lill-bniedem u jurih it-triq kif jista’ jasal għandu. Hu dan li jħabbar il-bidu ta’ l-Evanġelju ta’ San Ġwann: “Lil Alla għad ħadd ma rah, imma għarrafulna l-Iben l-waħdieni ta’ Alla li hu fi ħdan il-Missier” (Ġw 1, 8). Il-Verb magħmul bniedem hu għalhekk it-tmiem tal-ħerqa tar-reliġjonijiet kollha tal-bniedem: dan it-tmiem hu għemil ta’ Alla u jmur ′l hemm minn kull ma jista’ jistenna l-bniedem. Hu misteru ta’ grazzja.

 Fi Kristu r-reliġjon m’hijiex it-tiftix ta’ Alla biex forsi tkun tista’ “tħossu b’idejk” (ara Atti 17, 27), imma hi tweġiba tal-fidi f’Alla li juri ruħu: tweġiba li biha l-bniedem jitkellem ma’ Alla bħala Ħallieq tiegħu u Missieru, tweġiba li saret possibbli permezz ta’ dak il-Bniedem waħdieni li hu wkoll il-Verb ta’ natura waħda mal-Missier: fih Alla jkellem lil kull bniedem, u kull bniedem jikseb il-ħila li jwieġeb lil Alla. Anzi f’dan il-Bniedem il-ħolqien kollu jwieġeb lil Alla, għax Ġesù Kristu hu l-bidu ta’ kollox: kollox jinsab fih mill-ġdid, kollox jiġi milqugħ u moghti lura lill-Ħallieq li minnu kiseb il-bidu tiegħu. B’dan il-mod fi Kristu sseħħ il-ħerqa tar-reliġjonijiet kollha tad-dinja u għalhekk Kristu hu t-tmiem żgur u waħdieni ta’ din il-ħerqa. Jekk min-naħa, Alla jitkellem mal-bniedem fuqu nnifsu fi Kristu, min-naħa l-oħra, fl-istess Kristu, il-ġens kollu tal-bnedmin u l-ħolqien kollu jitkellmu fuqhom infushom ma’ Alla, u anzi jingħataw lil Alla. Hekk kollox jerġa’ lura għall-bidu tiegħu. F’Ġesù Kristu kollox jinġabar taħt Ras waħda (ara Ef 1, 10) u fl-istess ħin kull ħaġa ssib it-tmiem tagħha f’Alla, tmiem li huwa l-glorja ta’ Alla. Ir-reliġjon li għandha s-sisien tagħha f’Ġesù Kristu, hi r-reliġjon tal-glorja hi tiġdid ta’ ħajja għat-tifħir tal-glorja ta’ Alla: b’mod partikulari l-bniedem (vivens homo – il-bniedem ħaj) hu manifestazzjoni tal-glorja ta’ Alla, imsejjaħ biex jgħix il-milja ta’ ħajtu f’Alla. Hekk, il-bniedem jgħix ħajja ġdida “għat-tifħir tal-glorja t’ Alla” (Ef 1, 12).

 

 7. F’Ġesù Kristu Alla mhux biss ikellem lill-bniedem imma jfittxu wkoll. L-Inkarnazzjoni ta’ l-Iben ta’ Alla tixhed li Alla ried ifittex lill-bniedem. Dwar dan it-tfittix tal-bniedem, Ġesù jqisu bħala tfittix tan-nagħġa mitlufa (ara Lq 15, 1-7). Hu tfittix li joħroġ mll-fond tal-qalb ta’ Alla u jilħaq il-qofol tiegħu fl-Inkarnazzjoni tal-Verb. Jekk Alla jfittex il-bniedem, maħluq fuq is-sura tax-xbieha tiegħu, dan jagħmlu għax minn dejjem ta’ dejjem ħabb il-bniedem fil-Verb tiegħu, u fi Kristu ried li jiġi mgħolli għad-dinjità ta’ iben adottiv. Alla meta jfittex il-bniedem għax hu l-proprjetà partikulari tiegħu, b’manjera għal kollox differenti minn kif huma proprjetà tiegħu l-ħlejjaq l-oħra kollha. Il-bniedem hu proprjetà partikulari ta’ Alla b’għażla ta’ mħabba: Alla jfittex il-bniedem imqanqal mill-qalb tiegħu ta’ Missier.

 Għalfejn ifittxu? Għax il-bniedem tbiegħed minnu u, bħal Adam, mar jistaħba wara s-siġar tal-Ġenna ta’ l-Art (ara Ġen 3, 8-10). Il-bniedem ħalla lilu nnifsu jiġi mqarraq mill-għadu ta’ Alla (ara Ġen 3, 13). Ix-xitan qarraq bih għax ipperswadih li hu wkoll kien xi alla, u bħal Alla seta’ jkun jaf x’inhu t-tajjeb u l-ħażin, u jmexxi d-dinja kif irid u kif jogħġbu, bla ma jqis xi tkun ir-rieda ta’ Alla (ara Ġen 3, 5). Alla huwa u jfittex il-bniedem permezz ta’ l-Iben ried iwasslu biex iħalli t-triqat tal-ħażen li fihom jipprova dejjem aktar jgħaddi ′l quddiem.

 “Iħalli dawn it-triqat”, ifisser li jġagħlu jifhem li qabad triq qasir, jiġifieri jgħaġġlu jirbaħ il-ħażen li jinsab imxerred fil-ġrajja kollha tal-bniedem. Jirbaħ il-ħażen: din hi l-fidwa. Isseħħ fis-sagrifiċċju ta’ Kristu, li bih il-bniedem ħallas id-dejn tad-dnub u tħabbeb mill-gdid ma’ Alla. L-Iben ta’ Alla sar bniedem u ħa ġisem u ruħ fil-ġuf ta’ Verġni, proprju biex ikun sagrifiċċju perfett ta’ fidwa. Ir-reliġjon ta’ l-Inkarnazzjoni hi r-reliġjon tal-fidwa tad-dinja permezz tas-sagrifiċċju ta’ Kristu, li fih tinsab ir-rebħa fuq id-dnub u fuq l-istess mewt. Kristu, huwa u jilqa’ l-mewt tas-salib, fl-istess waqt, juri u jagħti l-ħajja, għax jirxoxta u l-mewt m’għandhiex aktar setgħa fuqu.

 

 8. Ir-reliġjon, li għandha l-bidu tagħha fil-misteru tal-Inkarnazzjoni u tal-Fidwa, hi r-reliġjon li biha wieħed jibqa’ fil-fond tal-qalb ta’ Alla u jgħix l-istess ħajja tiegħu. Jgħid San Pawl bil-kliem li semmejna fil-bidu: “Alla bagħat l-Ispirtu ta’ Ibnu f’qalbna jgħajjat: ‘Abba Missier’” (Gal 4, 6). Il-bniedem jgħolli leħnu bħal Kristu li, “b’leħen għoli u bid-dmugħ” (Lh 5, 7), talab lil Alla, speċjalment fil-Ġetsemani u fuq is-salib. Il-bniedem jgħajjat lil Alla kif Kristu għajjat lil Alla, u hekk ta xhieda li hu iben bl-għajnuna ta’ l-Ispirtu s-Santu. L-Ispirtu s-Santu, li l-Missier bagħat f’isem l-Iben, jagħti lill-bniedem li jkollu sehem mill-ħajja intima ta’ Alla. Jagħmel li l-bniedem ikun ukoll iben b’xebħ ma’ Kristu, werriet ta’ dak il-ġid kollu li hu parti mill-wirt ta’ l-Iben (ara Gal 4, 7). Din hi r-reliġjon li biha “wieħed jibqa’ fil-ħajja intima ta’ Alla”: l-Inkarnazzjoni ta’ l-Iben ta’ Alla tat bidu għal dan. L-Ispirtu s-Santu, li jgħarbel sal-fond ta’ Alla (ara I Kor 2, 10), iwassal lilna l-bnedmin għal dan l-għoli kollu bis-saħħa tas-sagrifiċċju ta’ Kristu.

 

 

It-Tieni Kap

IL-ĠUBLEW TAS-SENA 2000

 

 9. Huwa u jitkellem fuq it-twelid ta’ l-Iben ta’ Alla. San Pawl jgħid li seħħ “fil-milja taż-żminijiet” (Gal 4, 4). Iż-żmien wasal fil-milja tiegħu għaliex Alla bl-Inkarnazzjoni daħal fil-ġrajja tal-bniedem. L-eternità daħlet fiż-żmien: xi “tmiem’ hemm aqwa minn dan? Xi “tmiem” ieħor seta’ jkun hemm? Xi wħud ħasbu dwar ċikli misterjużi ta’ l-univers, ċikli li bihom il-ġrajja kollha ta’ l-univers, u b’mod partikulari l-ġrajja tal-bnedmin tiġi mtennija bla heda għal dejjem. Il-bniedem jiġi mill-art u lejn l-art jerġa’ jmur (ara Ġen 3, 19). Dan hu fatt li narawh b’għajnejna., iżda fil-bniedem hemm xewqa li jibqa’ jgħix għal dejjem, xewqa li bl-ebda mod ma tista’ tinqered mill-bniedem. Kif tista’ taħseb dwar ħajja oħra wara l-mewt? Xi whud ħolmu b’ħafna suriet ta’ ri-inkarnazzjoni; skond ma wieħed ikun għex il-ħajja tiegħu ta’ qabel, jgħix il-ħajja ġdida tiegħu f’sura aktar nobbli jew aktar umli, sakemm jilħaq tisfija sħiħa. Dan it-twemmin, li għandu għeruq fil-fond fir-reliġjonijiet tal-lvant, juri, fost affarijiet oħra, li l-bniedem ma jridx jaċċetta li mal-mewt jintemm kollox. Il-bniedem hu konvint li n-natura tiegħu hi essenzjalment spiritwali u immortali.

 Ir-rivelazzjoni nisranija ma tammettix ir-ri-inkarnazzjoni, u aktar titkellem dwar tmiem, li l-bniedem hu jistieden jikseb bl-eżistenza waħdanija tiegħu fuq l-art. Dan it-tmiem tad-destin tiegħu, li l-bniedem jilħqu bl-għoti mill-qalb tiegħu nnifsu, għoti li jista’ jseħħ biss fl-laqgħa ma’ Alla. Hu f’Alla għalhekk li l-bniedem jilħaq il-kobor sħiħ tiegħu bħala bniedem: din hi l-verità li rrivelalna Kristu. Il-bniedem jilħaq it-tmiem tiegħu nnifsu f’Alla, li niżel jiltaqa’ miegħu permezz ta’ l-Iben etern tiegħu. Bil-miġja ta’ Alla fid-dinja ż-żmien tal-bniedem, li kellu l-bidu tiegħu fil-ħolqien, laħaq il-milja tiegħu. “Il-milja taż-żminijiet” fl-aħħar mill-aħħar, m’hijiex ħlief l-eternità, anzi hi Dak li hu etern, li hu għal dejjem ta’ dejjem, jiġifieri Alla. Mela tidħol fil-milja taż-żminijiet ifisser li tasal sat-tmiem taż-żmien, u toħroġ mil-limiti tiegħu biex issib it-tmierm tiegħu fl-eternità ta’ Alla.

 

10. Fil-krisjaneżmu ż-żmien hu ta’ importanza fondamentali. Id-dinja nħolqot fiż-żmien: fiż-żmien seħħet il-ġrajja tas-salvazzjoni, li laħqet il-qofol tagħha fil-“milja taż-żmien” ta’ l-Inkarnazzjoni u tasal għat-tmiem tagħha meta l-Iben ta’ Alla jerġa’ jiġi fil-glorja fl-aħħar taż-żmien. Bil-miġja ta’ Kristu jibdew “l-aħħar żminijiet” (ara Lh 1, 2), “l-aħħar siegħa” (ara I Ġw 2, 18), jibda ż-żmien tal-Knisja li jibqa sal-Parusija.

 Minn din ir-relazzjoni ta’ Alla maż-żmien, joħroġ id-dmir li għandna nqaddsu ż-żmien. Dan isir biex insemmu xi eżempji, meta niddedikaw lil Alla xi żminijiet, xi ġranet, xi ġimgħat, kif kien jiġri fir-reliġjon tal-Patt il-Qadim, u kif għadu jiġri għalkemm, mhux bl-istess mod, fil-kristjaneżmu. Fil-Liturġija tal-Vġili ta’ l-Għid, iċ-ċelebrant, huwa u jbierek il-blandun, simbolu ta’ Kristu Rxoxt, li ħabbar: “Kristu l-bieraħ u llum, il-bidu u t-tmiem, l-Alfa u l-Omega, Tiegħu ż-żmien, Lilu glorja u setgħa għal dejjem ta’ dejjem”. Iċ-ċelebrant jgħid dan il-kliem huwa u jonqox fuq il-blandun is-sena li tkun. It-tifsir ta’ dan ir-rit hu ċar: juri li Kristu hu Sid iż-żmien, hu l-bidu u t-tmien: kull sena, kull jum, kull mument jitħaddnu mill-Inkarnazzjoni u mill-Qawmien mill-imwiet, biex hekk isibu posthom “fil-milja taż-żminijiet”. Hu għalhekk li l-Knisja tgħix u tiċċelebra l-liturġija tagħha tul is-sena. Is-sena liturġika tidħol fis-sena tax-xemx kollha kemm hi u hekk, b’xi mod, ittenni l-misteru sħiħ tal-Inkarnazzjoni u tal-Fidwa, billi tibda mill-ewwel Ħadd ta’ l-Avvent u tintemm bis-solennità ta’ Kristu Sultan u Sid tal-ħolqien kollu u tal-ġrajja kollha tad-dinja. Kull Ħadd ifakkar jum il-qawmien ta’ Kristu mill-imwiet.

 

11. Fid-dawl ta’ dan kollu, nistgħu nifhmu x’inhi d-drawwa tal-Ġublewijiet li bdiet fit-Testment il-Qadim u qed tkompli fil-ġrajja tal-Knisja. Ġesù ta’ Nazaret, meta darba daħal fis-sinagoga ta’ beltu, qam biex jaqra (ara Lq 4, 16-30). Tawh il-ktieb tal-profeta Isaija u minnu qara din is-silta” “L-Ispirtu tal-Mulej fuqi, għax hu kkonsagrani biex inwassal il-bxara t-tajba lill-fqajrin. Bagħatni ndewwi l-qalb miksura, biex iħabbar il-ħelsien lill-imjassrin u lill-ħabsin il-ftuħ tal-ħabs, biex inniedi s-sena tal-grazzja tal-Mulej (61, 1-2).

 Il-profeta kien qed jitkellem dwar il-Messija. U Ġesù qal: “Din il-kitba seħħet illum intom u tisimgħu” (Lq 4, 21), u ġegħelhom jifhmu li l-Messija mħabbar mill-profeta kien proprju hu, u li fih ingħata bidu taż-“żmien” tant mistenni: kien wasal il-jum tas-salvazzjoni, “il-milja taż-żminijiet”. Kull Ġublew għandu riferenza għal dan “iż-żmien”, u huwa dwar il-missjoni messjanika ta’ Kristu, li ġie bħala wieħed “ikkonsagrat bl-unzjoni” ta’ l-Ispirtu s-Santu, bħala “mibgħut mill-Missier”. Huwa hu li jħabbar il-bxara t-tajba lill-fqajrin, li jġib il-ħelsien lil dawk imċaħħdin minnu, li jeħles lill-maħqurin, li jagħti d-dawl lill-għomja (ara Matt ċċ, 4-5; Lq 7, 22). B’dan il-mod hu jagħmel li sseħħ “is-sena tal-grazzja tal-Mulej”, li jħabbar mhux biss bi kliemu, iżda qabel kollox b’għemilu. Il-Ġublew, jiġifieri sena tal-grazzja tal-Mulej, huwa l-karatteristika tal-ħidma kollha ta’ Ġesù, u mhux biss xi ħaġa li tiġi kull ċertu żmien.

 

12. Il-kliem u l-għemil ta’ Ġesù, b’dan il-mod, huma t-tmiem tat-tradizzjoni kollha tal-Ġublew tat-Testment il-Qadim. Nafu li l-Ġublew kien żmien dedikat b’mod partikulari lil Alla. Kien jiġi kull seba’ snin skond il-Liġi ta’ Mosѐ: kien “is-sens sabbattika”, li matulha l-art kienet titħalla tistrieħ, u kienu jiġu meħlusa l-ilsiera.

 Id-dmir tal-ħelsien ta’ l-ilsiera kien regolat b’mod dettaljat ħafna kif naraw mill-Ktieb ta’ l-Eżodu (23, 10-11), mill-Ktieb tal-Levitiku (25, 1-28) u mill-Ktieb tad-Dewtronomju (15, 1-6), prattikament fil-leġislazzjoni biblika kollha, u għalhekk tikseb din id-dimensjoni partikulari. Dis-sena sabbatika, barra l-ħelsien ta’ l-ilsiera, il-Liġi kienet titlob ukoll il-maħfra tad-djun kollha, skond regolamenti preċiżi ħafna. Kollox kien irid isir għall-glorja ta’ Alla. Dak li jingħad għas-sena sabbatika kien jgħodd ukoll għas-sena tal-Ġublew li kienet tiġi kull ħamsin sena. Fis-sena tal-Ġublew id-drawwiet tas-sena sabbatika kienu aktar wiesgħa u kienu jiġu ċelebrati b’solennità akbar. Naqraw fil-Levitiku: “Tqaddsu intom il-ħamsin sena u tniedu il-ħelsien fl-art lil kull min jgħammar fiha. Tkun is-sena tal-ġublew għalikom, kull wieħed jerġa’ għalli kellu u għal ma’ niesu” (Lev 25, 10). Wieħed mill-effetti l-aktar importanti tas-sena tal-ġublew kien il-ħelsien ġenerali ta’ dawk kollha li kienu jeħtieġu l-ħelsien. F’din l-okkażjomi kull Lhudi kien jieħu lura art missierijietu li kien biegħ jew tilef għax waqa’ fil-jasar. Ħadd ma kien jista’ jiġi mċaħħad għal dejjem minn artu, għax l-artu hi ta’ Alla, u lanqas ma setgħu l-Lhud jibqgħu dejjem f’għaqda ta’ jasar għax Alla “fdiehom” għalih, bħala proprjetà tiegħu biss, meta ħelishom mill-jasar ta’ l-Egittu.

 

13. Ukoll jekk il-preċetti dwar is-sena tal-ġublew, fil-qofol tagħhom, kienu biss ideal li ried jintlaħaq – aktar ħaġa ta’ tama milli fatt konkret – u li fl-aħħar mill-aħħar ma kinux għajr prophetia futuri (tħabbira ta’ dak li kellu jseħħ) għax kienu tħabbira tal-ħelsien tassew li se jagħti l-Messija li kellu jiġi, kien ideal mibni fuq norma ġuridika li minnha ħarġet sura ta’ duttrina soċjali li bdiet tiżviluppa b’mod aktar ċar sa mill-bidu tat-Testment il-Ġdid. Is-sena tal-ġublew riedet iġġib li l-ulied kollha ta’ Israel għal qagħda li jerġgħu jkunu lkoll indaqs, billi tagħti possibbiltajiet ġodda għal dawk il-familji li tilfu kollox, saħansitra l-libertà personali tagħhom. Lill-għonja imbagħad is-sena tal-ġublew kienet tfakkarhom li kien wasal iż-żmien li fih l-ilsiera Israelin jerġgħu isiru ħielsa bħalhom, u setgħu jitolbu l-ħelsien tad-drittijiet tagħhom. Fiż-żmien iffissat mil-Liġi, is-sena tal-ġublew kienet tiġi mħabbra, ħa tkun ta’ għajnuna għal kull min kien f’xi ħtieġa. Din is-sena kienet titlob tmexxija skond il-ġustizzja. Il-ġustizzja, skond il-liġi ta’ Israel, kienet fuq kollox titlob il-ħarsien ta’ min hu dgħajjef, u f’dan is-sultan kien fid-dmir li jkun qabel kulħadd, kif jgħid is-Salmista: “Jeħles il-fqir li jsejjaħlu, u lill-imsejken li m’għandux min jgħinnu, iħenn għad-dgħajjef u għall-fqajjar, u l-ħajja tal-fqajrin isalva” (salm 72/71, 12-13). Il-prinċipji li fuqhom hi mibnija dan it-tradizzjoni huma prinċipji kollha kemm huma teoloġiċi marbutin l-ewwelnett mat-teoloġija tal-ħolqien u mat-teoloġija tal-Providenza ta’ Alla. Infatti kulħadd kien konvint li Alla biss , bħala Ħallieq, għandu d-“Dominum altum” jiġifieri s-setgħa fuq il-ħolqien kollu u b’mod partikulari fuq l-art (ara Lq 25, 23). Jekk fil-providenza tiegħu, Alla ta’ l-art lill-bniedem, dan ifisser li taha lil kulħadd: għalhekk l-għana kollu tal-ħolqien kellu jitqies bħala ġid komuni tal-ġens kollu tal-bnedmin. Min kellu dan il-ġid bħala proprjeta tiegħu, fil-fatt kien biss amministratur, jiġifieri qaddej obbligat jaqdi dmiru f’isem Alla, il-proprjetarju waħdieni fis-sens sħiħ tal-kelma, għax Alla ried li l-ġid maħluq kollu jkun għall-qadi ta’ kulħadd b’mod l-aktar ġust. Is-sena tal-ġublew proprju kellha proprja terġa’ ġġib ukoll din il-ġustizzja soċjali. Għalhekk id-duttrina soċjali tal-Knisja għandha l-għeruq tagħha fit-tradizzjoni tas-sena tal-ġublew, duttrina soċjali li kellha dejjem post fit-tagħlim tal-Knisja u li b’mod partikulari, żviluppat f’dawn l-aħħar mitt sena, l-aktar minn wara li ħarġet l-enċiklika Rerum Novarum.

 

14. Iżda rridu naraw ukoll sewwa x’ried jgħid Isaija bil-kliem “tniedi s-sena tal-grazzja tal-Mulej”. Il-ġublew, għall-Knisja, hu proprju dan: “sena ta’ grazzja”, sena ta’ maħfra ta’ dnubiet u tal-pieni tad-dnub, sena ta’ rikonċiljazzjoni bejn dawk li tlewmu bejniethom, sena ta’ għadd kbir ta’ konverżjonijiet u ta’ penitenza sagramentali u extra-sagramentali. It-tradizzjoni tas-snin ta’ Ġublew hi marbuta ma’ l-għoti ta’ indulġenzi, b’idejn aktar miftuħa milli jkunu fi żminijiet oħra. Flimkien mal-Ġublewijiet, li jfakkru l-misteru ta’ l-Inkarnazzjoni kull mija, kull ħamsin u kull ħamsa u għoxrin sena, hemm dawk li jfakkru l-Fidwa: is-Salib ta’ Kristu, il-mewt tiegħu fuq il-Golgota, u l-qawmien tiegħu mill-imwiet. F’dawn l-okkażjonijiet il-Knisja tħabbar “sena ta’ grazzja tal-Mulej”, u tħabrek biex, minn din is-sena ta’ grazzja, igawdu, kemm jista’ jkun dejjem aktar, il-fidili kollha. Hu għalhekk li l-Ġublewijiet jiġu ċelebrati mhux biss “in Urbe” (Ruma), imma wkoll “extra Urbem” (barra minn Ruma). Dan tradizzjonalment isir sena wara l-Ġublew “in Urbe”.

 

15. Fil-ħajja ta’ kull persuna, il-Ġublewijiet huma ġeneralment marbutin mad-data tat-twelid, iżda huma ċelebrati wkoll l-anniversarji tal-Magħmudija, tal-Konfermazzjoni, ta’ l-Ewwel Tqarbina, ta’ l-Ordinazzjoni saċerdotali u episkopali, u tas-sagrament taż-Żwieġ. Xi whud minn dawn l-anniversarji ssibhom ukoll ċelebrati fl-ambjent lajk, iżda l-insara dejjem jaraw fihom karattru reliġjuż. F’dawl nisrani kull Ġublew – dak tal-25 sena tas-saċerdożju jew taż-Żwieġ li jissejjaħ “ġublew tal-fidda”, dak tal-50 sena li jissejjaħ “ġublew tad-djamanti” – hu dejjem sena partikulari ta’ grazzja għal dak li jkun irċieva wieħed mis-sagramenti msemmija. Dak li għidna dwar il-Ġublewijiet individwali nistgħu ngħiduh wkoll għall-komunitajiet u għall-istituzzjonijiet ta’ xi belt jew raħal. Fi ħdan il-Knisja jiġu ċelebrati l-Ġublewijiet tal-parroċċi u tad-djoċesijiet. Dawn il-Ġublewijiet kollha, personali u komunitarji, huma importanti u jfissru ħafna fil-ħajja ta’ l-individwi u tal-komunitajiet.

 Quddiem dan kollu l-elfejn sena mit-twelid ta’ Kristu (mingħajr ma noqogħdu nqisu l-iżball li sar meta ġiet kalkulata s-sena ta’ dan it-twelid) jirrapprezantaw Ġublew tassew kbir fuq il-kbir, mhux biss għall-insara, imma wkoll, indirettament, għall-ġens kollu tal-bnedmin minħabba l-parti mportanti li kellu l-kristjaneżmu fid-dinja tul dawn l-aħħar elfejn sena. Ifisser ħafna li, tista’ tgħid kullimkien, is-snin jibdew jingħaddu mill-miġja ta’ Kristu fid-dinja, hekk li Kristu jsir iċ-ċentru tal-kalendarju li hu l-aktar użat illum. Mhux dan ukoll sinjal tal-kontribut liema bħalu li ta lill-ġrajja kollha tad-dinja t-twelid ta’ Ġesù ta’ Nazaret?

 

16. Il-kelma “Ġublew” tħabbar il-ferħ, mhux biss ferħ fir-ruħ imma wkoll ferħ li jidher minn barra, għax il-miġja ta’ Alla hi miġja, li tidher, tinstema’, tinħass, kif jgħid San Ġwann (ara I Ġw 1, 1). Hi ħaġa sewwa għalhekk li kull xhieda ta’ ferħ għal din il-miġja tintwera minn barra wkoll. Dan ifisser li l-Knisja tifraħ bis-salvazzjoni. Tistieden lil kulħadd biex jifraħ u tagħmel sforz biex toħloq kundizzjonijiet għal dan il-ferħ, ħalli l-qawwa kollha tas-salvazzjoni tkun tista’ titwassal lil kull wieħed. Is-sena 2000 għalhekk se tkun is-sena tal-Ġublew il-Kbir.

 Dak li se jkollu fih dan il-Ġublew il-Kbir, f’ċertu sens se jkun l-istess bħal dak tal-Ġublewijiet l-oħra kollha. Iżda fl-istess ħin, m’huwiex l-istess għal kollox għax huwa akbar minn kull Ġublew ieħor. Dan għaliex il-Knisja tirrispetta t-taqsimiet kollha taż-żmien: is-sigħat, il-jiem, is-snin, is-sekli. F’din il-ħaġa l-Knisja timxi bil-pass ta’ kull bniedem; lil kull bniedem turih li kull waħda minn dan it-taqsimiet taż-żmien hi mimlija bil-preżenza ta’ Alla u bil-ħidma tiegħu għas-salvazzjoni. Hu b’dan l-ispirtu li l-Knisja tifraħ, trodd il-ħajr, titlob maħfra, u tgħolli talb u suppliki lis-Sid ta’ l-istorja u tal-kuxjenzi tal-bnedmin.

 Fost is-suppliki l-aktar imħeġġa ta’ dan il-mument eċċezzjonali, hija u riesqa elf sena ġdida, il-Knisja titlob lill-Mulej għaqda sħiħa fost l-insara, biex tintlaħaq xirka sħiħa bejn il-Knejjes Insara kollha. Nittama li l-Ġublew ikun okkazjoni mill-aqwa u mill-aħjar biex ikun hemm kollaborazzjoni li tagħti kotra ta’ frott, ħa naraw flimkien dak kollu li jgħaqqadna, u li hu wisq aktar minn dak kollu li jifridna. F’din il-ħaġa kemm tkun ta’ ġid li, b’rispett sħiħ għall-programmi li qegħdin iħejju l-Knejjes u l-Komunitajiet kollha, iseħħ ftehim ekumeniku fit-tħejjija tal-Ġublew u fis-seħħ tiegħu! B’hekk jikseb qawwa akbar għax jagħti xhieda lid-dinja tar-rieda deċiża tad-dixxipli kollha ta’ Kristu li jiksbu kemm jista’ jkun malajr l-għaqda sħiħa, żguri li “għal Alla ma hemm xejn li ma jistax ikun”.

 

 
 

It-Tielet Kap

IT-TĦEJJIJA TAL-ĠUBLEW IL-KBIR

 

17. Kull Ġublew hu mħejji mill-Providenza ta’ Alla fil-ġrajja tal-Knisja. Dan jgħodd ukoll għall-Ġublew il-Kbir tas-sena 2000. Konvinti minn din il-ħaġa, inħarsu b’sens ta’ ħajr u b’sens ukoll ta’ responsabbiltà lejn kull ma ġara fl-istorja tal-ġens kollu tal-bnedmin, ibda mit-twelid ta’ Kristu, u l-aktar lejn kull ma ġara bejn l-Elf u l-Elfejn sena. Iżda, b’mod għal kollox partikolari, irridu nħarsu b’ħarsa ta’ fidi lejn is-seklu tagħna, biex infittxu fih kull ma jagħti xhieda, mhux biss tal-ġrajja tal-bniedem, imma wkoll ta’ l-indħil ta’ Alla fil-ġrajjiet tal-bnedmin.

 

18. Fid-dawl ta’ dan nistgħu ngħidu li l-Konċilju Vatikan II li kien ġrajja providenzjali, li biha l-Knisja tat bidu għat-tħejjija mill-qrib tal-Ġublew tat-tieni elf sena. Kien Konċilju l-istess bħall-Konċilju ta’ qablu, iżda fl-istess ħin tant differenti: Konċilju kollu kemm hu dwar il-misteru ta’ Kristu u tal-Knisja tiegħu u fl-istess waqt miftuħ għad-dinja. Dan il-ftuħ għad-dinja kien it-tweġiba evanġelika għall-evoluzzjoni ta’ dan l-aħħar tad-dinja, bit-taqlib kollu li ġiebu magħhom esperjenzi kollha tas-seklu XX, imġarrab mill-ewwel u t-tieni gwerra dinjija, mill-esperjenza tal-kampijiet ta’ konċentrament u minn ħafna massakri tassew li jkexkxu. Kull ma ġara juri kemm id-dinja teħtieġ li tissaffa, kemm teħtieġ tikkonverti. Ħafna jgħidu li l-Konċilju Vatikan II ta’ bidu għall-żmien ġdid fil-ħajja tal-Knisja. Dan hu minnu, iżda fl-istess ħin ma jistax ikun li ma tinnotax li l-Konċilju kiseb ħafna mill-esperjenzi u r-riflessjonijiet taż-żmien ta’ qabel, speċjalment mill-wirt ta’ tagħlim ta’ Piju XII. L-istorja tal-Knisja, “il-qadim u l-ġdid” huma minsuġin sewwa ma’ xulxin. Il-“ġdid” jikber mill-“qadim” u l-“qadim” isib fil-“ġdid” tifsira aktar sħiħa tiegħu. Hekk ġara għall-Konċilju Vatikan II u għall-ħidma tal-Papiet li kellhom rabta mal-Konċilju, ibda minn Ġwanni XXIII, imbagħad minn Pawlu VI u minn Ġwann Pawlu I u l-Papa ta’ llum.

 Dak li għamlu waqt il-Konċilju u warajh, kemm bit-tagħlim u kemm bil-ħidma tagħhom kien ta’ għajnuna kbira ħafna għat-tħejjija ta’ din ir-rebbiegħa ġdida ta’ ħajja nisranija, li jrid juriha l-Ġublew il-Kbir, jekk l-Insara joqogħdu għall-ħidma ta’ l-Ispirtu s-Santu.

 

19. Il-Konċilju, għalkemm ma tkellimx b’dik is-severità ta’ Ġwanni l-Battista meta f’xatt il-Ġordan kien iħeġġeġ għall-penitenza u għall-konversjoni (ara Lq 3, 1-17), wera fih innifsu xi ħaġa mill-karattru ta’ dan il-profeta tal-qedem, meta b’qawwa ġdida wera lill-bnedmin ta’ llum lil Kristu, il-“Ħaruf ta’ Alla, li jneħħi d-dnub tad-dinja” Ara Ġw 1, 29), il-Feddej tal-bniedem, is-Sid ta’ l-istorja. Fl-assemblea konċiljari, il-Knisja, biex turi fedeltà sħiħa lejn l-Imgħallem tagħha, staqsiet lilha nnifisha x’kienet l-identità tagħha, u sabet mill-ġdid il-kobor bla qies tal-misteru tagħha bħala Ġisem u Għarusa ta’ Kristu. Hija u tisma’ bit-tjieba kollha l-Kelma ta’ Alla, tenniet mill-ġdid is-sejħa ta’ kulħadd għall-qdusija; ħasbet għat-tiġdid tal-Liturġija “għajn u qofol” tal-ħajja kollha tagħha; imbuttat biex iseħħ tiġdid sħiħ f’ħafna aspetti ta’ l-eżistenza tagħha kemm f’livell universali u kemm fil-livell tal-knejjes lokali; impenjat ruħha biex iġġib ′l quddiem il-vokazzjonijiet Insara kollha, minn dik tal-lajċi għal dik tar-reliġjużi, mill-ministeru tad-djakni għal dak tal-presbiteri u ta’ l-Isqfijiet; reġgħet sabet, b’mod partikulari, il-kolleġġjalità episkopali, fejn b’mod speċjali jidher il-qadi pastorali li jagħtu l-Isqfijiet f’xirka mas-Suċċessur ta’ San Pietru. Fuq is-sisien ta’ dan it-tiġdid hekk fil-fond, il-Konċilju nfetaħ għall-Insara mhux kattoliċi, għal dawk li jħaddnu reliġjonijiet oħra, għall-bnedmin kollha ta’ żminijietna. F’ebda Konċilju ieħor ma ntqal kliem hekk ċar dwar l-għaqda ta’ l-Insara, dwar id-djalogu ma’ reliġjonijiet mhux insara, dwar it-tifsir speċifiku tal-Patt il-Qadim u ta’ Israel, dwar id-dinjità tal-kuxjenza personali, dwar il-prinċipju tal-libertà reliġjuża, dwar it-tradizzjonijiet kulturali diversi li fosthom il-Knisja taqdi l-mandat missjunarju tagħha, dwar il-mezzi ta’ komunikazzjoni soċjali.

 

20. Għana bla qies ta’ materjal u mod ta’ diskors li qatt ma nstema’ qabel fil-preżentazzjoni ta’ dak li hemm fil-Konċilju, qishom tħabbira ta’ żminijiet ġodda. L-isqfijiet tkellmu bi kliem l-Evanġelju, bi kliem id-Diskors ta’ l-Għolja tal-Beatitudnijiet. Fil-messaġġ tal-Konċilju, Alla hu ppreżentat bħala Dak li għandu setgħa sħiħa fuq kollox, u wkoll bħala Dak li jħares l-awtonomija vera ta’ kull ma hu taż-żmien.

 Għalhekk l-aħjar tħejjija għas-sena 2000 ma tistax ma tkunx impenn imġedded biex, sa fejn jista’ jkun, iseħħ it-tagħlim tal-Konċilju Vatikan II fil-ħajja ta’ kull wieħed u tal-Knisja kollha. Bil-Konċilju bdiet it-tħejjija mill-qrib tal-Ġublew il-Kbir tas-sena 2000 fit-tifsir sħiħ tal-kelma. Jekk irridu nsibu xi analoġija ta’ dan fil-liturġija, nistgħu ngħidu li l-liturġija ta’ l-Avvent ta’ kull sena hu ż-żmien l-aktar qrib għall-ispirtu tal-Konċilju. L-Avvent iħejjina għall-laqgħa ma’ Dak li kien, li hu u li dejjem ġej (ara Apok 4, 8).

 

21. Fil-mixi għat-tħejjija biex niltaqgħu mas-sena 2000 insibu għadd ta’ Sinodi li bdew wara l-Konċilju Vatikan II: Sinodi ġenerali u Sinodi kontinentali, reġjonali, nazzjonali u djoċesani. Is-suġġett ewlieni ta’ dawn is-Sinodi kien dejjem l-evanġelizzazzjoni, anzi l-evanġelizzazzjoni ġdida, li bħala sisen għandha l-Eżortazzjoni appostolika Evangelii nuntiandi ta’ Pawlu VI, li ħarġet fl-1975 wara t-tielet assemblea tas-Sinodi ta’ l-Isqfijiet. Dawn is-Sinodi huma ġa minnhom infushom parti mill-evanġelizzazzjoni ġdida: ħerġin mill-fehma tal-Konċilju Vatikan II dwar il-Knisja; jagħtu sehem tassew kbir tat-tisħib tal-lajċi, u jgħidu liema huma r-responsabbiltajiet speċifiċi tagħhom fil-Knisja; ifissru l-qawwa li Kristu ta lill-Poplu kollu ta’ Alla, billi jsieħbu fil-missjoni messjanika proprja tiegħu, missjoni profetika, saċerdotali u regali. Dwar din il-ħaġa jfisser ħafna dak li jingħad fit-tieni Kap tal-Kostituzzjoni dommatika Lumen gentium. Hekk isseħħ fil-Knisja kollha f’livell universali u f’livell lokali it-tħejjija għall-Ġublew tas-sena 2000, fil-Knisja mqanqla minn għarfien ġdid tal-missjoni għas-salvazzjoni li rċeviet mingħand Kristu. Dan l-għarfien jidher b’mod tassew ċar fl-Eżortazzjonijiet post-sinodali dwar il-missjoni tal-lajċi, il-formazzjoni tas-saċerdoti, il-katekeżi, il-familja, is-siwi tal-penitenza u tar-rikonċiljazzjoni fil-ħajja tal-Knisja u f’dik tal-ġens kollu tal-bnedmin, u minn hawn u ftit taż-żmien ieħor, fil-ħajja konsagrata.

 

22. Iżda l-ministeru ta’ l-Isqof ta’ Ruma għandu dmirijiet u responsabbiltajiet speċifiċi dwar il-Ġublew il-Kbir tas-sena 2000. Għal dan il-għan b’xi mod ħadmu l-Papiet kollha ta’ dan is-seklu li wasal biex jintemm. Bil-programm li jġedded kollox fi Kristu, San Piju X ried kieku jżomm l-iżviluppi traġiċi li kienet qiegħda tħejji għalihom il-qagħda internazzjonali tal-bidu ta’ dan is-seklu. Il-Knisja kienet tħoss li għandha bil-qawwa kollha ġġib ′il quddiem u tħares il-ġid fondamentali tal-paċi u tal-ġustizzja quddiem fehmiet kuntrarji li ġa kienu qegħdin jidhru fid-dinja. Il-Papiet taż-żmien qabel il-Konċilju ħadmu għal dan il-għan b’impenn kbir, kull wieħed kif kien qed jara hu l-qagħda tad-dinja, Benedittu XV sab quddiemu t-traġedja ta’ l-ewwel gwerra dinjija. Piju XI kellu jeħodha kontra t-theddid ta’ sistemi titalitarji jew sistemi li ma kinux jirrispettaw il-libertà tal-bniedem fil-Ġermanja, fir-Russja, fl-Italja, fi Spanja u, qabel ukoll, fil-Messiku. Piju XII ħadha kontra dik l-inġustizzja kbira li hi l-istmerija tad-dinjità tal-bniedem, kif seħħet tul it-tieni gwerra dinjija. Hu ta direttivi ċari ħa jkun hemm ordni ġdid fid-dinja wara l-waqgħa tas-sistemi politiċi ta’ qabel.

 Barra dan, tul dan is-seklu, fuq il-passi ta’ Ljun XIII, il-Papiet, b’mod sistematiku, komplew jiżviluppaw id-duttrina soċjali kattolika, u tkellmu dwar il-karatteristiċi ta’ sistemi ġusti fil-qasam tar-relazzjonijiet bejn xogħol u kapital. Biżżejjed wieħed isemmi l-Enċiklika Quadragesimo Anno ta’ Piju XI, il-ħafna interventi ta’ Piju XII, il-Mater et magistra u l-Pacem in terris ta’ Ġwanni XXIII, il-Populorum progressio u l-Ittra Apostolika Octogesimo adveniens ta’ Pawlu VI. Jien stess tkellimt spiss fuq din il-materja, u ktibt Enċiklika Laborem exercens b’mod speċifiku dwar l-importanza tax-xogħol tal-bniedem, waqt li fiċ-Centesimus annus ridt, wara mitt sena, intenni s-siwi tad-duttrina tar-Rerum novarum. Bl-Enċiklika Sollicitudo rei socialis kont qabel fakkart b’mod sistematiku id-duttrina soċjali kollha tal-Knisja, jiena u nqis il-qagħda kontra xulxin taż-żewġ blokki Lvant-Punent u l-periklu ta’ gwerra nukleari. Iż-żewġ elementi tad-duttrina soċjali tal-Knisja – il-ħarsien tad-dinjità u tad-drittijiet tal-persuna fil-qasam tar-relazzjoni ġusta bejn xogħol u kapital u l-promozzjoni tal-paċi iltaqgħu flimkien f’din l-Enċiklika u saru ħaġa waħda. Barra dan, kienu ta’ servizz għall-paċi il-Messaġġi pontifiċi pubblikati kull l-ewwel ta’ Jannar, sa mis-sena 1968, fi żmien il-pontifikat ta’ Pawlu VI.

 

23. Il-pontifikat ta’ llum, sa mill-ewwel dokument tiegħi, jitkellem b’mod espliċitu dwar il-Ġublew il-Kbir u stieden biex dan iż-żmien li fih qegħdin nistennew is-sena 2000 ikun “Avvent ġdid”[9]. Dan il-ħsieb ġie mtenni kemm-il darba u mtenni fit-tul fl-Enċiklika Dominum et vivificantem[10]. Fil-fatt, it-tħejjija tas-sena 2000 saret sura ta’ muftieħ li jfisser dan il-pontifikat. Ma rridux naħsbu f’xi sura ta’ millenariżmu ġdid, kif għamlu xi whud mat-tmiem ta’ l-ewwel elf sena, imma rridu li jinħass b’mod partikulari dak li l-Ispirtu qed jgħid lill-Knisja u lill-Knejjes (ara Apok. 2, 7ss), u lil kull persuna, permezz ta’ kariżmi li jingħataw għas-servizz tal-komunità kollha kemm hi. Trid tingħata mportanza lil dak li l-Ispirtu qiegħed jissuġġerixxi lill-komunitajiet kollha, mill-iżgħar komunitajiet, bħalma hi l-familja, għall-akbar komunitajiet bħalma huma n-nazzjonijiet u l-organizzazzjonijiet internazzjonali, mingħajr ma jitħallew fil-ġenb il-kulturi, iċ-ċiviltajiet u t-tradizzjonijiet tajba kollha. Il-ġens kollu tal-bnedmin, minkejja dak kollu li qegħdin naraw, għadu jistenna r-rivelazzjoni ta’ wlied Alla, bit-tama bħal dik ta’ min hu mġarrab mill-uġigħ tal-ħlas, skond kif jgħid San Pawl b’qawwa liema bħalha fl-Ittra lir-Rumani (ara Rum 8, 15-22).

 

24. Il-pellegrinaġġi tal-Papa saru element importanti ta’ l-impenn biex iseħħ il-Konċilju Vatikan II. Mibdijin minn Ġwanni XXIII lejlet il-ftuħ tal-Konċilju bil-pellegrinaġġi għal Loretu u għal Assisi fl-1962, żdiedu sewwa ma’ Pawlu VI li, wara li l-ewwel mar fl-Art Imqaddsa (1964), għamel disa’ vjaġġi appostoliċi kbar li wassluh biex jiltaqa’ direttament mal-popolazzjonijiet ta’ ħafna kontinenti.

 Dan il-pontifikat kattar sewwa dan il-programm u beda mill-Messiku fl-okkażjoni tat-III Konferenza Ġenerali ta’ l-Isqfijiet ta’ l-Amerika Latina, li saret fi Puebla fl-1979. Dik is-sena kien hemm ukoll il-pellegrinaġġ għal Polonja tul il-Ġublew tad-disa’ mitt sena tal-mewt ta’ San Stanislaw, isqof u martri.

 Kulħadd jaf bihom il-pellegrinaġġi kollha li saru wara: saru ħaġa sistematika u laħqu l-knejjes partikulari tal-kontinenti kollha, b’attenzjoni speċjali ħa jiġu żviluppati r-relazzjonijiet ekumeniċi ma’ l-insara tal-knejjes l-oħra. Dwar din il-ħaġa, għandhom importanza speċjali ż-żjarat fit-Turkija (1979), fil-Ġermanja (1980), fl-Ingilterra u f’Wales u fl-Iskozja (1982), fl-Isvizzera (1984), fl-Iskandinavja (1989) u dan l-aħħar fil-pajjiżi tal-Baltiku (1993).

 Bħalissa hemm maħsuba pellegrinaġġi tassew mixtieqa: hemm, barra dak ta’ Sarajevo, dawk għal Bosnja u l-Erżegovina, għal-Lvant Nofsani, għal Libanu, għal Ġerusalemm u għall-Art Imqaddsa. Tkun ħaġa tassew speċjali jekk fl-okkażjoni tas-sena 2000, tkun possibbli ż-żjara f’dawk il-postijiet kollha li minnhom għadda l-Poplu ta’ Alla tal-Patt il-Qadim, mill-artijiet ta’ Abraham u ta’ Mosѐ, sa l-Eġittu u l-għolja tas-Sinaj, sal-belt ta’ Damasku, li kienet xhud tal-konverżjoni ta’ San Pawl.

 

25. Fit-tħejjija tas-sena 2000 kull Knisja għandha s-sehem proprju tagħha: kull Knisja bil-Ġublewijiet tagħha tiċċelebra l-mumenti importanti, il-mumenti li jfissru ħafna, fil-grajja tas-salvazzjoni ta’ kull poplu. Fost dawn il-Ġublewijiet lokali u reġjonali hemm grajjiet tassew kbar bħalma huma l-elf sena tal-Magħmudija tar-Rus fl-1988[11], u l-ħames mitt sena tal-bidu ta l-evangelizzazzjoni tal-kontinent Amerikan fl-1492. Flimkien ma’ dawn il-ġrajjiet hekk kbar hemm ġrajjiet oħra li, għalkemm mhux ta’ importanza universali, huma ta’ min ifakkarhom ukoll, għax ifissru ħafna: kien hemm l-elf sena tal-magħmudija tal-Polonja fl-1966 u tal-magħmudija ta’ l-Ungerija fl-1968, u kien hemm sitt mitt sena tal-magħmudija tal-Litwanja fl-1987. Ma jdumx ukoll ma jasal l-1500 anniversarju tal-magħmudija ta’ Klovis, is-sultan tal-Franki (496), u l-1400 anniversarju tal-wasla ta’ Santu Wistin f’Canterbury (597), li ta bidu għall-evanġelizzazzjoni tal-poplu anglosassoni. Dwar l-Asja mbagħad, il-Ġublew ifakkarna f’San Tumas li fil-bidu ta’ l-era nisranija, skond it-tradizzjoni, wassal it-tħabbira ta’ l-Evanġelju fl-Indja, fejn għall-ħabta tas-sena 1500, waslu l-missjunarji mill-Portugall. Din is-sena taħbat ukoll is-seba’ mitt sena ta’ l-evanġelizzazzjoni taċ-Ċina (1294), u qed inħejju ruħna biex infakkru l-bidu tal-ħidma missjunarja fil-Filippini u t-twaqqif tad-djoċesi metropolitana ta’ Manila (1595), u tar-raba’ ċentinarju ta’ l-ewwel martri tal-Ġappun (1597).

 Fl-Afrika, fejn l-ewwel tħabbira ta’ l-Evanġelju saret fi żmien l-Appostli, infakkru l-1650 tal-konsagrazzjoni episkopali ta’ l-ewwel isqof ta’ l-Etjopi, San Frumenzju, (c. 140) u l-ħames mitt sena tal-bidu ta’ l-evanġelizzazzjoni ta’ l-Angola u tas-Saltna antika tal-Kongo (1491), flimkien man-nazzjonijiet bħal dawk tal-Kamerun, tal-Côtѐ d’Ivoire, tar-Repubblika ta’ nofs l-Afrika, tal-Burundi, tal-Burkina-Faso, li qed jiċċelebraw iċ-ċentinarju tal-wasla tal-missjunarji fit-territorji tagħhom. Nazzjonijiet Afrikani oħra dan iċċelebrawh ftit ilu.

 U kif jista’ jkun li ma nsemmux il-Knisja tal-Lvant: il-Patrijarkati antiki tagħhom huma qrib ħafna l-wirt ta’ l-Appostli u t-tradizzjonijiet teoloġiċi, liturġiċi u spiritwali tagħhom, li huma ta’ ġieħ li ma bħalu, huma ta’ għana bla qies u huma l-wirt tal-Kristjanità kollha kemm hi. Il-ħafna ġublewijiet ta’ dawn il-Knejjes u tal-Komunitajiet li fihom jaraw il-bidu ta’ l-appostoliċità tagħhom, ifakkru l-mixi ta’ Kristu tul iż-żminijiet u jaslu huma wkoll għall-Ġublew il-Kbir tat-tmiem it-tieni elf sena.

 Meta nħarsu lejn l-istorja tal-Knisja fid-dawl ta’dan kollu, tidhrilna qisha xmara waħda li lejha ħafna xmajjar oħra jwasslu l-ilmijiet tagħhom. Is-sena 2000 għalkekk tistedina biex niltaqgħu, b’fedeltà mġedda u f’xirka aktar fil-fond, f’xatt din ix-xmara kbira; ix-xmara tar-Rivelazzjoni, tal-kristjaneżmu u tal-Knisja, li tgħaddi mill-istorja tal-ġens kollu tal-bnedmin, hija u titlaq mill-fatt li seħħ f’Nazaret u mbagħad f’Betlem elfejn sena ilu. Hi tassew “xmara” li “bis-swieqi tagħha”, kif jgħid is-Salm “tferraħ il-belt ta’ Alla” (Salm 46/45, 5).

 

26. Sehem tat-tħejjija għas-sena 2000, għandhom posthom ukoll is-Snin Imqaddsa ta’ l-aħħar żminijiet ta’ dan is-seklu. Għadna niftakru sewwa s-Sena Mqaddsa li l-Papa Pawlu VI nieda fl-1975; fuq l-istess sura mbagħad ġiet iċċelebrata fl-1983 is-Sena tal-Fidwa. Forsi nħasset aktar is-sena Marjana fl-1987/88, sena li kienet mistennija ħafna u għexuha fil-fond il-knejjes lokali, speċjalment is-santwarji marjani tad-dinja kollha. L-Enċiklika Redemptoris mater, li ġiet pubblikata f’dak iż-żmien, wriet sewwa x’kien it-tagħlim tal-Konċilju dwar il-preżenza ta’ Omm Alla fil-misteru ta’ Kristu u tal-Knisja: l-Iben ta’ Alla elfejn sena ilu sar bniedem bil-ħidma ta’ l-Ispirtu s-Santu u twieled mill-Verġni Marija, mnissla mingħajr tebgħa ta’ dnub. Is-Sena Marjana kienet qisha tħabbira minn qabel tal-Ġublew għax fiha hemm ħafna minn dak li jrid jiġi mfisser fis-sħuħija kollha tiegħu fis-sena 2000.

 

27. Mhux diffiċli tara li s-Sena Marjana ġiet qrib sewwa l-ġrajjiet tas-sena 1989. Huma ġrajjiet li ma jistgħux ma jagħġbux għall-kobor tagħhom, u kif żviluppaw hekk malajr. Fis-snin tmenin kien dejjem aktar jikber u jiżdied periklu li ma bħalu, minħabba l-“gwerra bierda”; is-sena 1989 ġabet magħha soluzzjoni paċifika li kważi kellha sura ta’ żvilupp “organiku”. Fid-dawl ta’ dan, kważi mġiegħlin naraw tifsir kollu kemm hu profetiku fl-Enċiklika Rerum novarum dak li l-Papa Ljun XIII kiteb dwar il-komuniżmu, seħħ eżattament f’dawn il-ġrajjiet, kif uriet l-Enċiklika Centesimus annus[12]. Fl-aħħar mill-aħħar, wieħed seta’ jintebaħ, fin-nisġa ta’ dak li seħħ, il-ħidma moħbija tal-Providenza, ħidma bħal dik ta’ omm ħerqana: “Tista’ mara tinsa t-tarbija tagħha?” (Is 49, 15).

 Iżda wara l-1989 dehru perikli ġodda u theddid ġdid. Fil-pajjiż ta’ l-ex blokk tal-Lvant, wara l-waqgħa tal-komuniżmu, tfaċċa l-periklu kbir tan-nazzjonaliżmi, kif verament juri dak li qiegħed jiġri fil-Balkani u f’territorji fil-qrib. Dan iġiegħel lin-nazzjonijiet ta’ l-Ewropa jagħmlu eżami serju ta’ kuxjenza biex jagħrfu l-ħtijiet u l-iżbalji li seħħu storikament, fil-qasam ta’ l-ekonomija u tal-politika, dwar nazzjonijiet li d-drittijiet tagħhom ġew sistematikament imċaħħda mill-imperjaliżmu tas-seklu li għadda u ta’ dan ukoll.

 

28. Illum, wara s-Sena Marjana, fid-dawl tagħha, qegħdin ngħixu s-Sena tal-Familja: din għandha rabta kbira mal-misteru ta’ l-Inkarnazzjoni u ma’ l-istess ġrajja tal-bniedem. Mela nistgħu nittamaw li s-Sena tal-Familja, li kellha l-bidu tagħha f’Nazaret issir, bħas-sena Marjana, pass ieħor ′il quddiem, pass li jfisser ħafna fit-tħejjija għall-Ġublew il-Kbir.

 Għal dan il-għan, ktibt Ittra lill-Familji u fiha ridt nagħti l-qofol tat-tagħlim tal-Knisja dwar il-familja biex inwasslu, ħa ngħid hekk, fi ħdan kull dar ta’ familja. Fil-Konċilju Vatikan II il-Knisja għarfet li wieħed mid-dmirijiet ewlenin tagħha hu li turi s-siwi taż-żwieġ u tal-familja[13]. Is-Sena tal-Familja trid li jseħħ tassew it-tagħlim tal-Konċilju f’dan il-qasam. Jeħtieġ għalhekk li t-tħejjija għall-Ġublew il-Kbir tgħaddi, f’ċertu sens minn kull dar, minn kull familja. Mhux forsi mill-familja, dik ta’ Nazaret, li l-Iben ta’ Alla ried jgħaddi biex jidħol fil-ġrajja tal-bniedem?


 

Ir-Raba’ Kap

TĦEJJIJA AKTAR MILL-QRIB

 

29. Quddiem dehra hekk wiesgħa ta’ ħajja, waħedha toħroġ il-mistoqsija: Jista’ wieħed ifassal programm speċifiku ta’ inizjattivi għat-tħejjija mill-qrib tal-Ġublew il-Kbir? Verament, dak li ntqal aktar ′il fuq ġa juri xi elementi ta’ programm bħal dan. Meħtieġa konsultazzjoni wiesgħa oħra ħafna biex ikun hemm previżjoni aktar dettaljata ta’ inizjattivi għal dan il-għan, ħalli ma tkunx xi ħaġa artifiċjali u diffiċli għal kull Knisja partikulari, kull waħda bilqagħda proprja tagħha differenti minn dik tal-Knejjes l-oħra, imma tkun ta’siwi għal kulħadd. Għax nagħraf sewwa dan, ridt nieħu l-parir tal-Presidenti tal-Konferenzi Episkopali, u b’mod partikulari, tal-Kardinali. Inrodd ħajr lill-membri meqjuma tal-Kulleġġ Kardinaliżju li, mlaqqgħin f’Konċisteru Straordinarju fit-13 u l-14 ta’ Ġunju 1994, għamlu għadd kbir ta’ suġġerimenti dwar dan u taw ukoll xi orjentamenti ta’ siwi mhux żgħir. Inrodd ħajr ukoll lil ħuti fl-Episkopat li, b’ħafna manjeri, ma naqsux li jwassluli s-suggerimenti tagħhom tassew ta’ siwi, u li żammejt quddiemi jiena u nikteb din l-Itttra Appostolika.

 

30. L-ewwel indikazzjoni li ħarġet minn din il-konsultazzjoni kienet dik dwar iż-żminijiet tat-tħejjija. Baqa’ biss ftit snin għas-2000 u deher li jaqbel li dan iż-żmien jinqasam bejn żewġ partijiet, b’mod li t-tħejjija vera titħalla għall-aħħar tliet snin. Deher li żmien itwal jitgħabba żżejjed b’ħafna tagħlim u dan kien iwassal biex tiddgħajjef ħafna l-ħeġġa spiritwali.

 Għalhekk deher li jkun jaqbel li nersqu lejn din id-data storika permezz ta’ fażi ta’ tħejjija dwar materji aktar ġenerali, li jqanqlu s-sentimenti ta’ l-Insara, ħalli mbagħad fit-tieni fażi nkunu nistgħu nikkonċentraw fuq tħejjija aktar diretta u immedjata, tħejjija ta’ tliet snin ta’ ċelebrazzjoni tal-misteru ta’ Kristu l-Feddej.

 

a) L-ewwel fażi

31. L-ewwel fażi għandha għalhekk karattru ta’ tħejjija għat-tħejjija: trid isservi biex tqanqal fil-poplu nisrani, l-għarfien tas-siwi u tat-tifsir li l-Ġublew tas-sena 2000 għandu jkollu fil-ġrajja tal-bniedem. Għaliex il-Ġublew hu msieħeb mat-tifkira tat-twelid ta’ Kristu, minnu nnifsu għandu nota kristoloġika.

 Għaliex l-fidi nisranija tixxandar bil-kliem u sagramentalment, jaqbel li, f’din l-okkażjoni mportanti wkoll, jingħaqdu flimkien l-istruttura tat-tifkira ma’ dik taċ-ċelebrazzjoni, billi nfakkru din il-ġrajja mhux bit-tagħlim biss imma wkoll billi nagħmluha sseħħ sagramentalment. Dan il-Ġublew irid iwettaq l-insara ta’ llum fil-fidi f’Alla li ġie rivelat fi Kristu, iqawwi t-tama fil-ħajja ta’ dejjem li għad trid tiġi u jħeġġeġ l-imħabba f’impenn ta’ ħidma għall-qadi ta’ l-aħwa.

 Tul l-ewwel fażi, mill-1994 sal-1996, is-Santa Sede, ukoll permezz ta’ Kumitat li se jitwaqqaf, mhux se tonqos li tissuġġerixxi iniżjattivi ta’ ħsieb u ta’ ħidma fuq livell internazzjonali, waqt li fl-istess impenn, issir b’mod aktar partikolari, l-istess ħaġa permezz ta’ Kumitati ta’ Knejjes partikolari. Fi kliem ieħor, b’xi mod, irridu nkomplu dak li ġa sar qabel u tqies bħala tħejjija u fl-istess waqt, issa nidħlu aktar fil-fond ta’ l-aspetti l-aktar karatteristiċi ta’ dan il-Ġublew.

 

32. Il-Ġublew hu dejjem żmien ta’ grazzja partikulari, “jum imbierek mill-Mulej”: – kif ġa għidna – għandu karattru ta’ ferħ. Il-Ġublew tas-sena 2000 għandu jkun talba kbira ta’fidi u ta’ radd il-ħajr, l-aktar għad-don ta’ l-Inkarnazzjoni ta’ l-Iben ta Ala u tar-Redenzjoni li kisbilna. Fis-sena tal-Ġublew l-insara, b’fidi tal-għaġeb se jidhru quddiem l-imħabba tal-Missier li ta lil Ibnu “biex kull min jemmen fih ma jmutx imma jkollu l-ħajja ta’ dejjem” (Ġw 1, 16). B’tisħib mill-qalb, iridu wkoll joffru r-radd ta’ ħajr tagħhom għad-don tal-Knisja, imwaqqfa minn Ġesù Kristu bħala “sagrament, jiġifieri strument ta’ l-għaqda intima ma’ Alla u ta’ l-għaqda tal-ġens kollu tal-bnedmin”[14]. Ir-radd ta’ ħajr tagħhom għandu jkun ukoll għal dak il-frott kollu ta’ qdusija, li laħaq il-kobor sħiħ tiegħu f’tant bnedmin, irġiel u nisa, li f’kull ġenerazzjoni u f’kull żmien ta’ l-istorja għarfu jilqgħu bis-sħiħ id-don tal-Fidwa.

 Iżda l-ferħ ta’ kull Ġublew hu b’mod partikulari ferħ għall-maħfra tad-dnubiet, il-ferħ tal-konversjoni. Jaqbel għalhekk nagħtu mportanza u nerġgħu npoġġu quddiemnett dak li kien is-suġġett tas-Sinodu tas-sena 1984, jiġifieri l-penitenza u r-rikonċiljazzjoni[15]. Dak is-Sinodu kien ġrajja li kellha tifsir li ma bħalu fil-ġrajja tal-Knisja ta’ wara l-Konċilju. Ittratta l-kwistjoni, li dejjem hi f’waqtha, tal-konversjoni, tal-metanoia li hi l-kondizzjoni meħtieġa minn qabel ħa sseħħ mill-ġdid il-ħbiberija ma’ Alla, ir-rikonċiljazzjoni kemm ta’ l-individwi u kemm tal-komunitajiet.

 

33. Ħaġa sewwa għalhekk li, waqt li t-tieni elf sena tal-kristjaneżmu qed toqrob lejn it-tmiem tagħha, il-Knisja timpenja ruħha li tagħraf aħjar id-dnub ta’ wliedha, hija u tiftakar fiċ-ċirkostanzi kollha, li fihom, tul iż-żminijiet, tbegħdu mill-ispirtu ta’ Kristu u ta’ l-Evanġelju tiegħu, offrew lid-dinja, f’lok xhieda ta’ħajja mnebħa mill-valuri tal-fidi, dehra ta’ suriet ta’ ħsieb u ta’ għemil li kienu suriet veri ta’ xhieda kuntrarja u ta’ skandlu.

 Il-Knisja, għalkemm mqaddsa u magħquda ma’ Kristu, ma tieqaf qatt tagħmel penitenza: tagħraf bħalha wliedha, quddiem Alla u quddiem id-dinja, l-ulied midinbin tagħha. Dwar dan il-Kostituzzjoni dommatika Lumen gentium tgħid: “Il-Knisja, li fi ħdanha għandha l-midinbin, hi fl-istess waqt qaddisa iżda dejjem teħtieġ li tissaffa, bla heda tagħmel penitenza u tiġġedded”[16].

 Il-Bieb Imqaddes tal-Ġublew tal-2000 simbolikament għandu jkun akbar minn dak tal-Ġublewijiet ta’ qabel, għax il-ġens kollu tal-bnedmin, huwa u jasal għal dan il-mument, m’hux se jħalli warajh xi seklu, imma elf sena. Jaqbel li l-Knisja tgħaddi minn dan il-bieb b’fehma ċara ta’ dak li minnu għaddiet tul dawn l-għaxar sekli. Ma tistax taqsam l-għatba ta’ din l-elf sena ġdida, mingħajr ma ġġiegħel ′l uliedha jissaffew bl-indiema tagħhom mill-iżbalji ta’ l-infedeltajiet, minn nuqqas ta’ koerenza, u minn nuqqas ta’ għemil f’waqtu. L-għarfien ta’ l-iżbalji tal-bieraħ u hu għemil ta’ lealtà u ta’ kuraġġ li jgħinna nsaħħu l-fidi tagħna u jkun ta’ twissija għalina u iħejjina biex nilqgħu u negħlbu t-tiġrib u d-diffikultajiet ta’ llum.

 

34. Fost id-dnubiet li jitolbu mpenn aqwa ta’ penitenza u ta’ konversjoni żgur għandna ngħoddu dawk id-dnubiet li għamlu ħsara lill-għaqda li Alla ried fi ħdan il-Poplu tiegħu. Tul l-elf sens li resqin għat-tmiem tagħhom, ix-xirka tal-Knisja , “mhux mingħajr il-ħtija ta’ nies min-naħa u mill-oħra”[17], rat tiċrit ta’ niket kbir li jmur għal kollox kontra r-rieda ta’ Kristu u huwa ta’ skandlu għad-dinja”[18]. Dawn id-dnubiet għadhom sa llum, jaħasra, jġagħluna nħossu l-piż tagħhom u għadhom ukoll tentazzjonijiet dejjem magħna. Irridu npattu għalihom, aħna u nitolbu bil-qawwa kollha l-maħfra ta’ Kristu.

 F’dawn l-aħħar snin ta’ din l-elf sena l-Knisja għandha b’ħerqa akbar titlob lill-Ispirtu s-Santu l-grazzja ta’ l-għaqda ta’ l-Insara. Dan hu problema kruċjali għax-xhieda ta’ l-Evanġelju quddiem id-dinja. L-aktar wara l-Konċilju Vatikan II, ħafna kienu l-inizjattivi ekumeniċi li seħħu b’ġenerożità kbira u b’impenn sħiħ: nistgħu ngħidu li l-ħidma kollha tal-Knejjes partikolari u tas-Sede Appostolika ħadu dimensjoni ekumeniku Il-Kunsill Pontifiċju ħa tiġi ′l quddiem l-għaqda ta’ l-insara sar wieħed miċ-ċentri ewlenin li qegħdin iġibu ′l quddiem il-proċess għall-għaqda sħiħa ta’ l-insara kollha.

 Iżda aħna lkoll nafu sewwa li meta jintlaħaq dan il-għan, dan ma jkunx biss frott ta’ l-isforzi tal-bnedmin, ukoll jekk ma tistax tgħaddi mingħajrhom. Fl-aħħar mill-aħħar, l-għaqda hi don ta’ l-Ispirtu s-Santu. Minna hu mistenni li dan id-don inġibuh ′il quddiem b’xhieda għall-verità mingħajr ma noqogħdu naħbu xejn mill-veritajiet li nħaddnu u naċċettaw b’nuqqas ta’ ħsieb kull ma jista’ jingħad mill-oħrajn; irridu bil-qalb kollha nħarsu bil-fatti d-direttivi mogħtija mill-Konċilju u mid-dokumenti tas-Santa Sede li ħarġu wara l-Konċilju, direttivi li ġew apprezzati wkoll minn ħafna nsara li m’humiex f’xirka sħiħa mal-Knisja kattolika.

 Dan hu mela wieħed mid-drittijiet ta’ l-insara, huma u mexjin lejn is-sena 2000. It-tmiem tat-tieni elf sena, li qiegħed joqrob iħeġġiġna biex nagħmlu eżami ta’ kuxjenza, biex noħolqu inizjattivi ekumeniċi f’waqthom ħalli l-Ġublew il-Kbir jurina li, jekk mhux għal kollox magħqudin ħaġa waħda bejnietna, almenu aħna wisq aktar qrib li negħlbu l-firdiet li seħħu tul it-tieni elf sena. Għal din il-ħaġa, kulħadd jifhem li jeħtieġ sforz kbir; jeħtieġ ikompli d-djalogu duttrinali, iżda fuq kollox jeħtieġ li nkunu wisq aktar impenjati fit-talb ekumeniku. Dan it-talb żdied sewwa wara l-Konċilju, iżda jrid jiżdied aktar u jimpenja lill-insara kollha dejjem aktar, fi qbil sħiħ mat-talba kbira ta’ Kristu qabel il-passjoni tiegħu: “Missier... ħa jkun ħaġa waħda fina” (Ġw 17, 21).

 

35. Kapitlu ieħor ta’ niket li fih ulied il-Knisja ma jistgħux ma jerġgħux lura lejh b’qalb miftuħa għall-indiema, hu l-fatt li aċċettaw bid-dieher, speċjalment f’xi sekli, metodi ta’ intolleranza u wkoll ta’ vjolenza, fil-qadi tal-verità.

 Veru li ġudizzju storiku tajjeb ma jistax ma jqis b’attenzjoni liema bħalha il-kondizzjonijiet kulturali tal-mument, li setgħu jinfluwenzaw lil ħafna u jġagħluhom jaħsbu bis-sinċerità kollha li x-xhieda vera għall-verità kienet titlob li jinħonqu l-fehmiet ta’ l-oħrajn jew li dawn jiġu mwarrbin għal kollox. Ħafna raġunijiet flimkien wasslu għall-ħolqien ta’ nuqqas ta’ tolleranza u saħħu ambjent kollu passjonijiet, li minnu setgħu jitbegħdu b’xi mod dawk biss li kellhom spirtu qawwi ta’ libertà u kienu mimlijin b’Alla. Iżda, wkoll jekk inqisu dawn iċ-ċirkostanzi li jnaqsu l-kobor tal-ħtija, dan ma għandux iwassalna biex niskużaw lill-Knisja mid-dmir li turi sogħba kbira għan-nuqqasijiet ta’ wliedha, li ħassru x-xbieha tagħha u ma ħalluhiex turi għal kollox wiċċ il-Mulej imsallab, l-ogħla xhud ta’ mħabba kollha sabar u ta’ tjieba umli u mċekkna. Minn dawn il-fatti ta’ l-imgħoddi hekk ta’ niket toħroġ lezzjoni għall-ġejjieni, li għandha twassal lil kull nisrani ħa jgħożż il-prinċipji tad-deheb imxandar mill-Konċilju: “Il-verità ma timponix ruħha jekk mhux bil-qawwa tagħha stess, tidħol fil-fehma tal-bniedem bil-ħlewwa kollha imma wkoll bil-qawwa kollha”[19].

 

36. Eżami serju tal-kuxjenza talbuh ħafna Kardinali u Isqfijiet, l-aktar għall-Knisja ta’ llum. Fuq il-għatba tat-tielet elf sena l-Insara għandhom iċeknu ruħhom quddiem il-Mulej u jistaqsu lilhom infushom x’risponsabbiltajiet għandhom huma wkoll tal-ħażen ta’ żmienna. Dan għaliex iż-żmien ta’ llum, flimkien ma’ ħafna dawl, juri wkoll mhux ftit dlamijiet.

 Kif ma titkellimx, biex insemmi eżempju, dwar l-indifferenza reliġjuża li qegħda twassal tant nies ta’ llum biex jgħixu qisu m’hemmx Alla jew qegħdin jikkuntentaw ruħhom biss b’sentiment xejn ċar ta’ reliġjon, mingħajr ħila li jagħrfu l-verità jew id-dmir tal-kuxjenza? Ma dan irridu nżidu t-telfien tat-tifsir aktar għoli tal-ħajja tal-bniedem u l-konfużjoni li hemm dwar il-qasam ta’ l-etika, telfien li jasal ukoll sal-valuri fundamentali tar-rispett għall-ħajja u għall-familja. Ulied il-Knisja jridu jaraw ukoll dan: kemm intlaqtu mill-ambjent tas-sekulariżmu u tar-relattiviżmu morali? X’responsabbiltà għandhom huma wkoll quddiem it-tixrid dejjem jiżdied ta’ nuqqas ta’ reliġjon, għaliex huma ma wrewx il-wiċċ veru ta’ Alla, ħtija tan-nuqqasijiet tagħhom stess fil-ħajja reliġjuża, morali u soċjali tagħhom?”[20].

 Lanqas ma nistgħu niċħdu li l-ħajja spiritwali, f’ħafna nsara, għaddejja minn mument ta’ inċertezza, li mhux biss iħaddan il-ħajja morali, imma wkoll it-talb u l-istess sħuħija teologali tal-fidi. Il-fidi, mġarrba miż-żmien tagħna stess, xi kultant qegħda tkun imħawda minn fehmiet teoloġiċi żbaljati, li qegħdin jinxterdu wkoll minħabba kriżi ta’ diżubbidjenza għall-maġisteru tal-Knisja.

 Meta niġu għax-xhieda tal-Knisja fi żmienna, kif ma titnikkitx tara li mhux ftit insara qegħdin jaslu biex m jagħrfux li r-reġimi totalitarji jiċħdu d-drittijiet fondamentali tal-bniedem u qegħdin jaslu wkoll biex jaċċettaw dan il-ksur ta’ drittijiet? U mhux ta’ min jitniehed fost id-dellijiet taż-żmien ta’ llum, jara tant insara responsabbli huma wkoll ta’ tant inġustizzji u ta’ emarġinazzjoni u twarrib soċjali? Ta’ min jistaqsi kemm fosthom jafu sewwa u jħarsu bil-fatti d-duttrina soċjali tal-Knisja.

 L-eżami tal-kuxjenza irid isir ukoll dwar kif ġie milqugħ il-Konċilju, dan id-don kbir li l-Ispirtu ta lill-Knisja fi tmiem it-tieni elf sena. Sa fejn qiegħda l-Kelma ta’ Alla tagħti dejjem aktar ħajja lit-teoloġija u tnebbaħ il-ħajja nisranija kollha, kif talbet id-Dei Verbum? Il-Liturġija qegħdin ngħixuha bħalha “l-għajn u l-qofol” tal-ħajja kollha tal-Knisja, skond it-tagħlim tas-Sacrosanctum Concilium? Qed tissaħħaħ fil-Knisja universali u fil-Knejjes partikolari l-ekklesjoloġija tax-xirka tal-Lumen gentium, u fil-Knisja kemm qiegħed jingħata sehem lil-kariżmi, lil-ministeri, lil ħafna suriet tat-tisħib tal-Poplu t’Alla, iżda mingħajr ebda ftuħ lejn xi demokrastiċiżmu u xi soċjoloġiżmu li ma jurix ix-xbieha kattolika tal-Knisja u l-ispirtu veru tal-Vatikan II? Mistoqsija oħra trid issir dwar il-mod kif qegħdin iseħħu r-relazzjonijiet bejn il-Knisja u d-dinja. Id-direttivi tal-Konċilju – li jinsabu fil-Gaudium et spes u f’dokumenti oħra – għal djalogu miftuħ, kollu rispett u ħbiberija mill-qalb, flimkien ma’ attenzjoni bil-għaqal għall-verità u xhieda qalbiena għaliha, għadhom jiswew u jkomplu jitolbu mpenn.

 

37. Il-Knisja ta’ l-ewwel elf sena twieldet mid-demm tal-martri: “Demm il-martri – żerriegħa ta’ l-insara” (Sanguis martyrum – semen christianorum)[21]. Il-ġrajjiet storiċi marbutin ma’ Kostantinu l-Kbir qatt ma setgħu jiżguraw l-iżvilupp tal-Knisja, li seħħ tul l-ewwel elf sena, li ma kinitx dik iż-żerriegħa tal-matri u dak il-wirt ta’ qdusija li kienu l-karatteristiċi ta’ l-ewwel ġenerazzjonijiet insara. Fit-tmiem tat-tieni elf sena, il-Knisja saret mill-ġdid Knisja tal-martri .Il-persekuzzjonijiet li ġarrbu dawk li jemmnu – saċerdoti, reliġjużi u lajċi – kienu żerriegħa ta’ kotra kbira ta’ martri f’ħafna partijiet tad-dinja. Ix-xhieda mogħtija għal Kristu sat-tixrid tad-demm saret il-wirt l-insara kollha kattoliċi, ortodossi, anglikani u protestanti, kif wera Pawlu Vi fl-omelija għal kanonizzazzjoni tal-martri ta’ l-Uganda[22].

 Hi xhieda li m’għandha tintesa qatt ... Il-Knisja ta’ l-ewwel sekli, minkejja l-ħafna diffikultajiet ta’ organizzazzjoni, ħadet ħsieb tniżżel fil-martiroloġji x-xhieda tal-martri. Dawn il-martiroloġiji ġew regolarment aġġornati tul iż-żminijiet, u fil-lista tal-qaddisin u tal-beati tal-Knisja daħlu mhux biss dawk li xerrdu demmhom għal Kristu, imma wkoll għalliema tal-fidi, missjunarji, konfessuri, isqfijiet, presbiteri, verġni, miżżewġin, romol, ulied.

 Fis-seklu tagħna tfaċċaw il-martri, spiss mhux magħrufin qishom xi “suldati mhux magħrufa” tal-ġlieda kbira ta’ Alla. Ix-xhieda tagħhom, sa fejn jista’ jkun, m’għandhiex tintilef fil-Knisja. Kif ġie suġġerit fil-Konċisteru jeħtieġ li l-Knejjes lokali jagħmlu minn kollox biex ma tintesiex it-tifkira ta’ dawk li sofrew il-martirju billi jiġbru d-dokumentazzjoni kollha meħtieġa. Dan ma jistax ma jkollux qawwa u sura ekumenika.

 L-ekumeniżmu tal-qaddisin u tal-martri hu forsi dak li l-aktar jikkonvinċi. Ix-xirka tal-qaddisin titkellem b’leħen wisq aktar qawwi minn kull ġlieda u firda. Il-martiroloġju ta’ l-ewwel sekli kien il-pedament tal-qaddisin. Il-Knisja hija u tħabbar u tqim il-qdusija ta’ uliedha, irġiel u nisa, tagħti l-ogħla ġieħ lil Alla, tqim fil-martri lil Kristu, li kien il-bidu tal-martirju tagħhom u ta’ qdusithom.

 Imbagħad żviluppat id-drawwa tal-kanonizzazzjoni li għadha teżisti kemm fil-Knisja kattolika u kemm f’dik ortodossa. F’dawn l-aħħar snin tkattru l-kanonizzazzjonijiet u l-beatifikazzjonijiet. Hu xhieda tal-ħajja tal-Knejjes lokali wisq aktar numerużi llum milli kienu fl-ewwel sekli u fl-ewwel elf sena. L-aqwa ġieħ li l-Knejjes kollha se jagħtu ′l Kristu fuq l-għatba tat-tielet elf sena, se tkun il-prova li jinsab preżenti fihom bis-setgħa bla qies tiegħu bħala Feddej; din il-preżenza juriha l-frott ta’ fidi, ta’ tama u ta’ mħabba ta’ l-irġiel u n-nisa ta’ tant ilsna u tant razez li mxew wara Kristu fis-suriet kollha tal-vokazzjoni nisranija.

 Ikun dmir tas-Sede Appostolika, hija u tħares lejn it-tielet elf sena, li taġġorna l-martiroloġji għall-Knisja universali, billi turi attenzjoni li ma bħalha għall-qdusija ta’ dawk kollha li fis-seklu tagħna wkoll għexu bil-milja kollha tagħhom il-verità ta’ Kristu. B’mod speċjali rridu nħabirku biex nagħrfu l-mod erojku li bih għexu l-virtujiet dawk l-irġiel u dawn in-nisa li għexu l-vokazzjoni nisranija tagħhom fiż-Żwieġ: konvinti kif aħna li fil-ħajja taż-żwieġ ukoll mhux nieqes il-frott tal-qdusija, iħossu l-ħtieġa li jinstabu l-aħjar triqat biex dan jiġi ppruvat u jsir magħruf mill-Knisja kollha biex ikun ta’ eżempju għall-miżżewġin insara u jwassalhom biex jgħixu bħalhom.

 

38. Ħtieġa oħra li tawha mportanza kbira l-Kardinali u l-Isqfijiet kienet dik tas-Sinodi ta’ sura kontinentali, bħal dawk li ġa ġew ċelebrati fl-Ewropa u fl-Afrika. L-aħħar Konferenza Ġenerali ta’ l-Isqfijiet ta’ l-Amerika latina, bi qbil ma’ l-Isqfijiet Nord-Amerikani laqgħet il-proposta għal Sinodu ta’ l-Amerki dwar il-problemi ta’ l-evanġelizzazzjoni gdida fiż-żewġ taqsimiet ta’ dan il-kontinent, taqsimiet hekk differenti minn xulxin fil-bidu u fil-ġrajja tagħhom, u l-problema dwar il-ġustizzja u r-relazzjonijiet ekonomiċi internazzjonali, waqt li jitqiesu sewwa d-differenzi kbar li hemm bejn it-tramuntana u nofsinhar ta’ l-Amerika, in-Nord u s-Sud.

 Sinodu kontinentali għall-Asja jidher f’waqtu, għax f’dan il-kontinent jidher aktar qawwi l-problema tal-laqgħa tal-kristjaneżmu mal-kulturi ta’ ħafna żmien ilu u mir-reliġjonijiet ta’ dak il-kontinent. Din hi sfida kbira għall-evanġelizzazzjoni għaliex iż-żewġ sistemi reliġjużi ta’ l-Asja, il-buddiżmu u l-induiżmu, iħaddnu karattru ta’ salvazzjoni li hu ċar ħafna. Għalhekk jeħtieġ li minufih, fl-okkażjoni tal-Ġublew il-Kbir, titfisser fil-fond il-verità dwar Kristu bħala l-medjatur waħdieni bejn Alla u l-bniedem u l-Feddej waħdieni tad-dinja. U li ssir għażla sewwa bejn Kristu u l-fundaturi tar-reliġjonijiet kbar oħra li wkoll fihom xi elementi tal-verità, u li l-Knisja tħares b’rispett sinċier lejhom, għax fihon tara rifless tal-Verità li ddawwal l-bnedmin kollha[23]. Fis-sena 2000 trid tidwi b’qawwa mġedda t-tħabbira: “Araw, tweldilna s-Salvatur tad-dinja” (Ecce natus est nobis Salvator mundi).

 Għall-Oċeanja wkoll jista’ jkun ta’ siwi Sinodu reġjonali. F’dan il-kontinent hemm, fost oħrajn popolazzjonijiet aboriġeni li b’mod singulari jfakkruna f’ċerti aspetti tal-ħajja tal-bniedem tal-preistorja. F’dan is-Sinodu għalhekk m’għandhiex ma titqiesx, fost problemi oħra tal-kontinent, il-laqgħa tal-kristjaneżmu ma’ dawn is-suriet ta’ reliġjożità tal-qedem imbiegħed, li bħala karatteristika, għandhom il-qima ta’ Alla wieħed, ta’ monoteiżmu.

 

b) It-tieni fażi

39. Imqanqlin sewwa biex inħossu dan kollu li ntqal fl-ewwel fażi, nistgħu ngħaddu għat-tieni fażi, li hi dik ta’ tħejjija vera. Din il-fażi tisvolġi ruħha tul tliet snin, mill-1997 sal-1999. L-istruttura ta’ din il-fażi, li bħala ċentru għandha ′l Kristu, l-Iben ta’ Alla li sar bniedem, ma tistax ma tkunx teoloġika, jiġifieri trinitarja.

 

L-ewwel sena: Ġesù Kristu

40. L-ewwel sena, l-1997, mela se tkun riflessjoni fuq Kristu, il-Verb tal- Missier li sar bniedem bil-ħidma ta’ l-Ispirtu s-Santu. Jeħtieġ naraw b’mod tassew ċar il-karattru kollu kemm hu kristoloġiku tal-Ġublew, li se jiċċelbra l-Inkarnazzjoni u d-dħul fid-dinja ta’ l-Iben ta’ Alla, misteru ta’ salvazzjoni għall-ġens kollu tal-bnedmin. Bħala suġġett ġenerali, għal din is-sena, il-Kardinali u l-Isqfijiet ipproponew: “Ġesù Kristu, Feddej waħdieni tad-dinja,il-bieraħ, illum u għal dejjem” (ara Lh 13, 8).

 Bħala temi kristoloġiċi li ssemmew fil-Konċisteru joħorġu dawn li ġejjin: l-għarfien mill-ġdid ta’ Kristu Salvatur u Xandar ta’ l-Evanġelju b’riferenza speċjali għall-kap IV ta’ l-Evanġelju ta’ San Luqa fejn it-tagħlim li Kristu ntbagħat ixandar jintiseġ ma’ dak tal-Ġublew; għarfien aktar fil-fond tal-misteru ta’ l-Inkarnazzjoni u tat-twelid fil-ġuf tal-Verġni Marija; il-ħtieġa tal-fidi fi Kristu għas-salvazzjoni.

 Biex jingħaraf min hu tassew Kristu jeħtieġ li l-insara kollha, speċjalment tul din is-sena, jerġgħu lura b’interess imġedded lejn l-Iskrittura, “kemm permezz tal-liturġija bl-għana kollu tagħha tal-Kelma ta’ Alla, kemm permezz tal-qari tajjeb, kemm permezz ta’ inizjattivi oħra adatti għal dan il-għan, u kemm permezz ta’ mezzi oħra[24]. Fil-Kotba Mqaddsa hu l-istess Missier tas-sema li jiġi jiltaqa’ magħna, kollu mħabba għalina u joqgħod ikellimna u jurina n-natura ta’ l-Iben il-waħdieni tiegħu u l-pjan tiegħu għas-salvazzjoni tad-dinja[25].

41. L-impenn ħa ngħixu ħajja sagramentali tajba, msemmi aktar ′il fuq, jista’ tul din is-sena , iwassalna biex nagħrfu mill-ġdid il-Magħmudija bħala l-pedament tal-ħajja nisranija , skond kliem l-Appostlu: “Intom li tgħammidtu fi Kristu, ilbistu ′l Kristu” (Gal 3, 2). Il-Katekiżmu tal-Knisja Kattolika min-naħa tiegħu, ifakkarna li hi “l-pedament ta’ l-għaqda ta’ l-insara kollha, bejn dawk ukoll li għad m’humiex f’għaqda sħiħa mil-Knisja Kattolika[26]. Proprju mill-aspett ekumeniku din is-sena se tkun sena mportanti biex flimkien inħarsu lejn Kristu, is-Sid waħdani tagħna, bl-impenn li nkunu ħaġa waħda bejnietna fih, skond ma hu talab lill-Missier. Il-fatt li qegħdin nagħtu importanza li ma bħalha bħala ċentru ta’ kollox lil Kristu, lill-kelma ta’ Alla, lill-fidi, ma jistax ma jqanqalx fl-insara ta’ Knejjes u Komunitajiet ekklesjali oħra, interess kbir u kunsens favorevoli.

 

42. Kollox għandu jwassal għall-għan ewlieni tal-Ġublew: li titwettaq u tissaħħaħ il-fidi u x-xhieda ta’ l-Insara. Għalhekk jeħtieġ li f’kull nisrani titqajjem ħerqa kbira għall-qdusija, xewqa qawwija ta’ konversjoni u ta’ tiġdid personali f’ambjent ta’ talb dejjem imħeġġeġ u ta’ laqgħa ta’ solidarjetà mal-proxxmu, speċjalment ma’ dawk li huma l-aktar f’xi ħtieġa.

 L-ewwel sena ghalhekk tkun waqt favorevoli biex il-katekeżi tingħaraf mill-ġdid, fit-tifsir u s-siwi oriġinali tagħha jiġifieri bħala “tagħlim ta’ l-Appostli” (Atti 2, 42). Dwar il-persuna ta’ Kristu u l-misteru tas-salvazzjoni. Għal dan il-għan ikun ta’ siwi kbir jekk nistudjaw aktar fil-fond il-Katekiżmu tal-Knisja Kattolika li “jiġbor bil-fedeltà kollha u b’mod organiku t-tagħlim ta’ l-Iskrittura, tat-Tradizzjoni ħajja tal-Knisja u tal-maġisteru awtentiku, flimkien mal-wirt spiritwali ta’ Missierijiet il-Knisja u tal-Qaddisin biex jiftiehem aħjar il-misteru tal-Knisja u tissaħħaħ il-fidi tal-Poplu ta’ Alla”[27]. Biex inkunu realisti, m’għandniex nonqsu li ndawwlu lill-insara dwar żbalji fuq il-persuna ta’ Kristu, billi nuru b’mod ċar liema fehmiet huma kontra Kristu u l-Knisja tiegħu.

 

43. Il-Verġni Mqaddsa, li se tkun preżenti b’mod indirett, biex ngħidu hekk, tul din il-fażi kollha ta’ tħejjija, f’din l-ewwel sena, għandna nħarsu lejha l-aktar fil-misteru tal-maternità divina tagħha. Hu fil-ġuf tagħha li l-Verb sar bniedem! Meta ngħidu li Kristu hu ċ-ċentru ta’ kollox, ma nistgħux ma nagħrfux is-sehem kbir li kellha l-Verġni Marija. Il-kult tagħha, jekk imfisser sewwa, bl-ebda mod ma jista’ jkun ta’ ħsara “għad-dinjità u s-setgħa ta’ Kristu, il-Medjatur waħdieni”[28]. Dan għaliex Marija dejjem turi l-Iben divin tagħha u tidher għal dawk kollha li jemmnu bħala eżempju ta’ fidi li qiegħda tgħixha bil-fatti. “Il-Knisja, hija u taħseb f’Marija bit-tjieba kollha u tikkontemplaha fid-dawl tal-Verb magħmul bniedem, tidħol bil-qima kollha dejjem aktar fil-fond fil-misteru għoli ta’ l-Inkarnazzjoni u dejjem aktar tixbaħ l-Għarus tagħha”[29].

 

It-tieni sena: l-Ispirtu s-Santu

44. Is-sena 1998, it-tieni sena tat-tħejjija se jkun dedikat b’mod partikulari lill-Ispirtu s-Santu u lill-preżenza tiegħu fi ħdan il-Komunità tad-dixxipli ta’ Kristu biex iqaddishom. Il-Ġublew il-Kbir, kont ktibt fl-enċiklika Dominum et Vivificantem – “għandu direttament sura pnewmatoloġika, għaliex l-misteru ta’ l-Inkarnazzjoni seħħ bil-ħidma ta’ l-Ispirtu s-Santu”. Seħħ bil-ħidma ta’ l-Ispirtu s-Santu- natura waħda mal-Missier u ma’ l-Iben – li fil-misteru għoli ta’ Alla wieħed fi Tliet persuni, hu l-Persuna – Mħabba, id-don mhux maħluq, l-għajn ta’ l-għotjiet kollha li jiġu minn Alla fl-ordni tal-ħolqien, il-prinċiplu dirett, u b’xi mod, is-suġġett ta’ l-għoti tiegħu nnifsu ta’ Alla fl-ordni tal-grazzja. Il-misteru ta’ l-Inkarnazzjoni hu l-qofol ta’ dan l-għoti tiegħu nnifsu ta’ Alla”[30].

 Il-Knisja ma tistax tħejji ruħha għas-sena 2000, “bl-ebda mod ieħor jekk mhux fl-Ispiru s-Santu. Dak kollu li fil-‘milja taż-żminijiet’ seħħ bil-ħidma ta’ l-Ispirtu s-Santu, il-Knisja tista’ tiftakar fih biss bil-ħidma ta’ l-Ispirtu s-Santu”[31].

 Dan għaliex l-Ispirtu s-Santu jagħmel il-Knisja, f’kull żmien u f’kull imkien, ir-Rivelazzjoni waħdanija li Kristu ta lill-bniedem, u għamilha ħajja u setgħana fir-ruħ ta’ kull wieħed: “Id-Difensur, l-Ispirtu s-Santu, li l-Missier jibgħat f‘ismi, jgħallimkom kollox u jfakkarkom dak kollu li għidtilkom” (Ġw 14, 26).

 

45. Mela se jkun wieħed mill-impenji ewlenin tat-tħejjija tal-Ġublew, l-għarfien mill-ġdid tal-preżenza u tal-ħidma ta’ l-Ispirtu, li jaħdem fil-Knisja kemm sagramentalment, l-aktar permezz tal-Konfermazzjoni, u kemm permezz tal-ħafna kariżmi, ħidmiet u ministeri li hu jqassam għall-ġid tagħna: “Wieħed hu l-Ispirtu li jqassam il-ħafna doni tiegħu għall-ġid tal-Knisja, b’id miftuħa, skond il-għana kollha tiegħu, u skond kemm dan il-qadi ikun meħtieġ” (ara I Kor 12, 1-110) “Fost dawn id-doni, l-ewwel tiġi l-grazzja ta’ l-Appostli: l-Ispirtu stess irid li l-karismatiċi joqogħdu għall-awtorità tagħhom (ara I Kor 14). U huwa wkoll l-istess Spirtu li bis-setgħa tiegħu u bir-rabta intima li hemm mal-membri bejniethom, joħloq u jħeġġeġ l-imħabba fil-fidili”[32].

 L-Ispirtu s-Santu hu għal żmienna wkoll l-awtur ewlieni ta’ l-evanġelizzazzjoni tagħna. Tkun ħaġa importanti għalhekk li nsiru nafu mill-ġdid li l-Ispirtu s-Santu hu dak li jibni s-Saltna ta’ Alla tul iż-żminijiet u jħejji d-dehra sħiħa tagħha fi Kristu huwa u jqanqal lill-bnedmin fil-fond ta’ qalbhom biex fil-ħajja tagħhom ta’ kuljum tinbet iż-żerriegħa tas-salvazzjoni, li tilħaq il-kobor sħiħ tagħha fl-aħħar taż-żminijiet.

 

46. F’din il-prospettiva eskatoloġika dawk li jemmnu huma msejħin biex isibu mill-ġdid il-virtù teologali tat-tama, “li biha ġa semgħu meta tħabritilhom għall-ewwel darba il-kelma tas-sewwa ta’ l-Evanġelju” (Kol 1, 5). Il-qagħda fundamentali tat-tama, min-naħa timbotta n-nisrani biex ma jinsiex l-għan aħħari tiegħu li jagħti tifsir u sens lill-ħajtu kollha, u, min-naħa l-oħra, tagħtih raġunijiet sodi u għolja biex jimpenja ruħu kuljum ħa jbiddel id-dinja u jagħmilha taqbel mal-pjan ta’ Alla.

 Kif ifakkar San Pawl: “Nafu li l-ħolqien kollu għadu sa issa jitniehed bl-uġigħ tal-ħlas, mhux hu biss, imma ukoll aħna li għandna l-ewwel frott ta’ l-ispirtu nitniehdu fina nfusna waqt li nistennew l-adozzjoni ta’ wlied, il-fidwa ta’ ġisimna” (Rum 8, 22-24). L-insara huma msejħin iħejju l-Ġublew il-Kbir tal-bidu tat-tielet elf sena, bit-tiġdid tat-tama tagħhom fil-miġja darba għal dejjem tas-Saltna ta’ Alla, u jħejjuha jum wara l-ieħor fihom infushom, fil-Komunità nisranija, fl-ambjent soċjali li fih jgħixu u wkoll fl-istess storja tad-dinja.

 Jeħtieġ ukoll li jingħarfu s-sinjali tat-tama li qed jidhru f’dawn l-aħħar snin tas-seklu u nifhmuhom sewwa minkejja d-dellijiet li spiss jaħbuhomlna; fil-qasam tas-soċjetà ċivili; fil-progress fix-xjenzi, fit-teknika u fil-mediċina għas-saħħa tal-bniedem; is-sens ta’ responsabbiltà dejjem akbar għall-ħarsien ta’ l-ambjent; l-isforzi biex ikun hemm paċi u ġustizzja kulfejn ġew fix-xejn; ir-rieda għar-rikonċijazzjoni u għas-solidarjetà fost il-popli; u b’mod partikulari ir-relazzjonijiet komplessi bejn it-tramuntana u nofsinhar tad-dinja...; fil-qasam tal-Knisja, is-smigħ aktar attent għal-leħen ta’ l-Ispirtu aħna u nilqgħu l-kariżmi u l-promozzjoni tal-lajċi, it-tħabrik ħerqan ħa sseħħ l-għaqda bejn l-insara kollha, id-djalogu bejn ir-reliġjonijiet u bejn il-kultura ta’ llum...

 

47. Il-ħsieb ta’ l-insara fit-tieni sena ta’ tħejjija jrid, b’ħerqa partikulari, jinġabar fuq is-siwi ta’ l-għaqda fi ħdan il-Knisja: lejn din l-għaqda jmexxu l-ħafna doni u kariżmi li jqajjem l-ispirtu. Biex wieħed jasal għal dan, tajjeb li jinżel fil-fond tat-tagħlim ekklesjoloġiku tal-Konċilju Vatikan II, tagħlim li nsibuh l-aktar fil-Kostituzzjoni dommatika Lumen gentium. Dan id-dokument importanti wera ċar u tond li l-għaqda fil-Ġisem ta’ Kristu hi mibnija fuq il-ħidma ta’ l-Ispirtu s-Santu, hi garantita mill-ministeru appostoliku u mwettqa mill-imħabba għal xulxin (ara I Kor 13, 1-8). Din il-katekeżi fil-fond tal-fidi ma tistax ma twassalx lill-membri kollha tal-Poplu ta’ Alla għall-għarfien aktar sħiħ tar-responsabbiltajiet tagħhom, u għal siwi tassew kbir ta’ l-ubbidjenza ekklesjali[33].

 

48. Marija, li nisslet il-Verb magħmul bniedem bil-ħidma ta’ l-Ispirtu s-Santu u mbagħad, tul ħajjitha kollha, ħalliet l-Ispirtu s-Santu jmexxiha bil-ħidma tiegħu f’ruħha, tul din is-sena rridu nħarsu lejha u nippruvaw nixbħuha l-aktar bħala l-mara dejjem imħejjija biex tisma’ leħen l-Ispirtu, mara tas-skiet, mara li tisma’, mara ta’ tama, li bħal Abraham għarfet tilqa’ r-rieda ta’ Alla “ittamat meta ma kienx hemm ebda tama” (ara Rum 4, 18). Uriet b’mod mill-aktar għoli l-ħerqa tagħha għall-foqra ta’ Jahweh, u dehret tiddi bħala xbieha ta’ dawk li b’qalbhom kollha jafdaw fil-wegħdiet ta’ Alla.

 

It-tielet sena: Alla l-Missier

49. Is-sena 1999, it-tielet u l-aħħar sena ta’ tħejjija, trid twessa’ x-xefaq ta’ dawk li jemmnu skond il-qies ta’ Kristu: il-qies tal-Missier li hu fis-smewwiet (ara Mt 5,45) li minnu ntbgħat Ġesù u lejh reġa’ lura (ara Ġw 16, 28).

 “Din hi l-ħajja ta’ dejjem: li jagħrfu lilek Alla waħdek veru u lil Ġesù Kristu li int bgħatt” (Ġw 17, 3). Il-ħajja nisranija kollha qisha pellegrinaġġ lejn id-dar tal-Missier, li tiegħu kuljum dejjem aktar nagħrfu l-imħabba bla qies għal kull bniedem maħluq, u b’mod partikulari, għall-‘iben il-ħali” (ara Lq 15, 11-32). Dan il-mixi jimpenja lill-persuna fil-qofol kollu tagħha u mbagħad iħaddan il-komunità kollha ta’ dawk li jemmnu biex jasal ħa jħaddan il-ġens kollu tal-bnedmin.

 Il-Ġublew, li bħala ċentru tiegħu għandu ′l Kristu, isir b’dan il-mod għemil kbir ta’ tifħir lil Alla.

 “Imbierek Alla u Missier Sidna Ġesù Kristu,

 li mliena b’kull xorta ta’ barka spiritwali

 fis-smewwiet fi Kristu.

 Hekk hu għażilna fih

 sa minn qabel il-ħolqien tad-dinja,

 biex inkunu qaddisa u bla tebgħa quddiemu fl-imħabba” (Ef 1, 3-4).

 

50. F’din it-tielet sena, is-sens tal-“mixi lejn il-Missier” għandu jimbotta lil kulħadd biex, f’għaqda sħiħa ma’ Kristu, il-Feddej tal-bniedem, kulħadd jaqbad il-mixja ta’ konversjoni tassew, li jkollha mhux biss l-aspett “negattiv” tal-ħelsien mid-dnub, imma wkoll l-aspett “posittiv” ta’ l-għażla ta’ dan li hu tajjeb, imfisser minn dawk il-valuri etiċi li nsibu fil-Liġi naturali u li ġew imwettqa u mfissra fil-fond mill-Evanġelju. Dan huwa l-ambjent adatt biex insibu mill-ġdid u niċċelebraw b’ħeġġa liema bħalha s-sagrament tal-Penitenza, fit-tifsir l-aktar għoli tiegħu. It-tħabbira tal-konversjoni, li bħala ħtieġa bilfors tintalab mill-imħabba nisranija, hi mportanti ħafna, speċjalment fis-soċjetà ta’ llum, fejn spiss jidher li ntilfu għal kollox l-istess sisien ta’ dehra morali tal-ħajja tal-bniedem.

 Ikun jaqbel għalhekk, u speċjalment f’din is-sena, li tintwera l-importanza tal-virtù teologali ta’ l-imħabba, waqt li niftakru dak li tgħid l-ewwel Ittra ta’ San Ġwann bi ftit kliem imma li jfisser ħafna: “Alla hu mħabba” (I Ġw 4, 8-16). L-imħabba, fiż-żewġ suriet tagħha ta’ l-imħabba ta’ Alla u ta’ l-imħabba tal-proxxmu, tiġbor fil-qosor il-ħajja morali kollha ta’ min jemmen. Toħroġ mingħand Alla u terġa’ lura għandu.

 

51. Fid-dawl ta’ dan, waqt li niftakru li Ġesù ġie biex ‘ixandar il-bxara t-tajba lill-foqra” (Mt 11, 5; Lq 7, 22), kif ma nurux b’aktar qawwa l-importanza ta’ l-għażla preferenzjali tal-Knisja favur il-foqra u l-imwarrbin? Anzi għandna ngħidu li l-impenn favur il-ġistizzja u l-paċi f’dinja bħal tagħna, fejn jeżisti tant ġlied u fejn jidhru tant differenzi soċjali u ekonimiċi li bl-ebda mod ma tista’ taċċetta, hu aspett li għandu juri x’sura għandu jkollhom it-tħejjija u ċ-ċelebrazzjoni tal-Ġublew. B’dan il-mod, l-insara, fl-ispirtu tal-Ktieb tal-Levitiku, (25, 8-28), għandhom jgħollu leħenhom f’isem il-foqra kollha tad-dinja, u jissuġġerixxu li l-Ġublew ikun il-mument f’waqtu ħalli, fost affarijiet oħra, naħsbu biex jitnaqqas sewwa, jekk ma jistax ikun li jitneħħa għal kollox, id-dejn internazzjonali, li qed jhedded il-ġejjieni ta’ tant nazzjonijiet... Il-Ġublew jista’ jkun ukoll mument f’waqtu biex naħsbu fuq sfidi oħra ta’ dan iż-żmien, bħalma huma d-diffikultajiet li hemm għal djalogu bejn kulturi diversi u l-problemi li hemm dwar ir-rispett li jistħoqq lill-mara u dwar il-promozzjoni tal-familja u taż-Żwieġ.

 

52. Waqt li niftakru li Kristu “...huwa u juri l-misteru tal-Missier u ta’ l-imħabba tiegħu lill-bniedem, juri wkoll lill-bniedem x’inhu kollu kemm hu fih innifsu, u jħabbarlu x’inhi l-vokazzjoni għolja tiegħu”[34], għandna naraw li bl-ebda mod ma nkunu nistgħu neħilsu minn żewġ impenji tassew kbar, tul din it-tielet sena ta’ tħejjija: l-impenn kontra s-sekulariżmu u d-djalogu mar-reliġjonijiet kbar tad-dinja.

 Dwar is-sekulariżmu rridu naraw sewwa x’inhi l-kriżi kbira taċ-ċiviltà, kif qed turi ruħha l-aktar fil-Punent, li mar ′il quddiem ħafna fit-teknoloġija, iżda ftaqar sewwa fih innifsu, għax nesa lil Alla jew warrbu fil-ġenb. Irridu nwieġbu għall-kriżi taċ-ċiviltà biċ-ċiviltà ta’ l-imħabba, li tinbena fuq il-valuri universali tal-paċi, tas-solidarjetà, tal-ġustizzja u tal-libertà, li laħqu s-sħuħija kollha tagħhom fi Kristu.

 

53. Lejlet is-sena 2000 se tkun okkażjoni li ma bħalha għall-qasam tal-kuxjenza reliġjuża, ukoll fid-dawl ta’ dak li ġara f’dawn l-aħħar għaxriet ta’ snin fid-djalogu bejn ir-reliġjonijiet, skond id-direttivi ċari li ngħataw mill-Konċilju Vatikan II fid-Dikjarazzjoni Nostra aetate, dwar ir-relazzjonijiet tal-Knisja mar-reliġjonijiet mhux insara.

 F’dan id-djalogu għandu jkollhom post quddiem l-Lhud u l-Missilmin. Jalla jiltaqgħu flimkien f’xi post importanti ħafna għall-membri ta’ dawn ir-reliġjonijiet li jqimu Alla wieħed, biex iseħħu dawn l-intenzjonijiet tajba tagħna. Għal dan il-għan rridu naraw kif jistgħu jitħejjew laqgħat storiċi f’Betlem, f’Ġerusalemm, fis-Sinaj, postijiet li għandhom valur simboliku kbir ħafna, biex jikber id-djalogu mal-Lhud u mal-Missilmin u kif jistgħu jitħejjew jaqgħat fi bliet oħra mar-rapprezentanti tar-reliġjonijiet kbar tad-dinja. Iżda dejjem irridu noqogħdu attenti li ma noħolqux xi malintiżi perikolużi, u ngħassu sewwa ruħna mill-periklu ta’ sinkretiżmu u ta’ ireniżmu ħafif u qarrieq.

 

54. F’dan il-qasam wiesgħa ta’ mpenji, l-Imqaddsa Verġni Marija, il-bint għażiża tal-Missier, tidher quddiem dawk kollha li jemmnu bħalha eżempju perfett ta’ mħabba, kemm għal Alla u kemm għall-proxxmu. Kif hi stess tgħid fil-kantiku tagħha, il-Magnificat, is-Setgħani għamel magħha ħwejjeġ kbar: qaddis hu l-isem tiegħu (ara Lq 1, 49). Il-Missier għażel lil Marija għal missjoni waħdanija fil-ġrajja tas-salvazzjoni, għall-missjoni li tkun Omm il-Feddej mistenni. Il-Verġni Marija wieġbet għas-sejħa ta’ Alla billi qalet li kienet lesta għal kollox: “Ara, jiena l-qaddejja tal-Mulej, ħa jkun minni skond kelmtek” (Lq 1, 38). Il-maternità tagħha, li kellha l-bidu f’Nazaret, u laħqet il-qofol tagħha f’Ġerusalemm ħdejn is-salib, f’din is-sena trid tinħass bħala stedina ħerqana, kollha mħabba, magħmula lil ulied kollha ta’ Alla, biex jerġgħu lura lejn dar il-Missier, huma u jagħtu widen għal dak li tgħidilhom: “Kull ma jgħidilkom Kristu, agħmluh” (ara Ġw 2, 5).

 

ċ) Lejn iċ-ċelebrazzjoni tal-Ġublew

55. Kapitlu għalih hi ċ-ċelebrazzjoni tal-Ġublew il-Kbir, li se jsir fl-istess waqt fl-Art Imqaddsa, f’Ruma u fil-Knejjes lokali tad-dinja kollha. F’din i-fażi, il-fażi taċ-ċelebrazzjoni tal-Ġublew, l-għan ikun il-glorifikazzjoni tat-Trinità qaddisa, li minnha kollox ġej, li lejha kollox miexi, fid-dinja u fl-istorja. Lejn dan il-misteru qed iħarsu t-tliet snin tat-tħejjija fil-qrib, minn Kristu u bi Kristu, fl-Ispirtu s-Santu, għal għand Missier. F’din is-sena, iċ-ċelebrazzjoni tal-Ġublew twettaq u fl-istess waqt tħabbar minn qabel l-għan u t-tmiem tal-ħajja tan-nisrani u tal-Knisja f’Alla wieħed fi Tliet Persuni.

 Iżda għax Kristu hu t-triq waħdanija li twassal għand il-Missier biex nuru l-importanza tal-preżenza ħajja tiegħu għas-salvazzjoni tagħna fil-Knisja u fid-dinja, f’Ruma se jiġi ċelebrat, fl-okkażjoni tal-Ġublew il-Kbir, il-Kungress Ewkaristiku Internazzjonali. Is-sena 2000 se tkun kollha kemm hi ewkaristika: fis-sagrament ta’ l-Ewkaristija il-Feddej li sar bniedem fil-ġuf tal-Verġni Marija elfejn sena ilu, ikompli joffri lilu nnifsu lill-ġens kollu tal-bnedmin bħala għajn ta’ ħajja divina.

 Id-dimensjoni ekumenika u universali tal-Ġublew tista’ turi ruħha f’mument f’waqtu permezz ta’ laqgħa ta’ l-insara kollha, li jkun ikollha tifsir li ma bħalu. Ikun att ta’ siwi kbir u għalhekk, biex jiġi evitat kull ekwivoku, irid jiġi suġġerit b’mod korrett u mħejji bil-għaqal kollu, f’qagħda ta’ kollaborazzjoni bejn l-aħwa, ma’ l-insara kollha tal-Knejjes u tat-tradizzjonijiet insara l-oħra, u bi ftuħ tassew wiesgħa għal dawk ir-reliġjonijiet li jkunu jridu l-attenzjoni tagħhom għall-ferħ flimkien tad-dixxipli kollha ta’ Kristu.

 Ħaġa waħda hi żgura: kulħadd hu mistieden jagħmel dak li jista’ biex ma tiġix traskurata l-isfida kbira tas-sena 2000, li magħha hemm żgur marbuta grazzja speċjali tal-Mulej għall-Knisja u għall-ġens kollu tal-bnedmin.

 

 

Il-Ħames Kap

“ĠESÙ KRISTU HU ... GĦAL DEJJEM

 

56. Il-Knisja ilha teżisti elfejn sena. Bħaż-żerriegħa tal-mustarda ta’ l-Evanġelju kibret u saret siġra kbira li bil-friegħi tagħha tgħatti l-ġens kollu tal-bnedmin (ara Mt 13, 31-32). Il-Konċilju Vatikan II fil-Kostituzzjoni dommatika fuq il-Knisja, huwa u jqis il-problema dwar liema huma l-membri tal-Knisja u li jagħmlu sehem mill-Poplu ta’ Alla, jgħid: “Il-bnedmin kollha huma msejħin għal din l-għaqda kattolika tal-Poplu ta’ Alla ... li, b’mod jew ieħor, huma mseħbin jew għandhom relazzjoni magħha, sew jekk insara kattoliċi u sew jekk huma nsara oħra li jemmnu fi Kristu, u sew jekk fl-aħħarnett huma l-bnedmin kollha, lkoll imsejħin għas-salvazzjoni mill-grajja ta’ Alla”[35]. Pawlu VI, min-naħa tiegħu fl-enċiklika Ecclesiam suam fisser kif il-bnedmin kollha huma mdaħħlin fil-pjan ta’ Alla u tkellem dwar il-ħafna gradi tad-djalogu għas-salvazzjoni[36].

 Fid-dawl ta’ dan il-ħsieb, nistgħu nifhmu aħjar l-parabbola tal-ħmira (ara Mt 13, 33). Kristu, bħala ħmira divina, jidħol dejjem aktar fil-fond tal-ħajja tal-ġens kollu tal-bnedmin, kif inhi f’dan il-waqt, u jxerred l-opra tal-fidwa li hu temm fil-Misteru ta’ l-Ġħid. Huwa jħaddan ukoll, bis-setgħa tiegħu ta’salvazzjoni, l-imgħoddi kollu tal-ġens tal-bnedmin, ibda mill-ewwel Adam[37]. Tiegħu hu wkoll il-ġejjieni, “Ġesù Kristu hu dak li kien, issa, fl-imgħoddi u għal dejjem” (Lh 13, 8). Il-Knisja, min-naħa tagħha, tfittex dan biss: tkompli, taħt it-tmexxija ta’ l-Ispirtu Paraklitu, il-ħidma stess ta’ Kristu, li ġie fid-dinja biex jagħti xhieda għall-verità, biex isalva u mhux biex jagħmel ħaqq, biex jaqdi u mhux biex ikun moqdi”[38].

 

57. Għalhekk, sa minn żmien l-Appostli, ma tieqaf qatt il-missjoni tal-Knisja fi ħdan il-familja kollha tal-bnedmin. L-ewwel evanġelizzazzjoni seħħet l-aktar fl-artijiet tal-Mediterran. Tul l-ewwel elf sena il-missjonijiet , li telqu minn Ruma u minn Kostantinopli, wasslu l-kristjaneżmu fil-kontinent kollu ta’ l-Ewropa. Fl-istess żmien il-missjonijiet marru lejn il-qalba ta’ l-Asja, sa l-Indja u ċ-Ċina. Tmiem is-seklu ħmistax, flimkien mas-sejba ta’ l-Amerika, ta bidu għall-evanġelizzazzjoni ta’ dak il-kontinent kbir, f’nofsinhar u fit-tramuntana. Fl-istess żmien, waqt li l-ixtut ′l isfel mis- Sahara ta’ l-Afrika laqgħu d-dawl ta’ Kristu, San Franġisk Saverju, patrun tal-missjonijiet, wasal fil-Ġappun. Bejn is-sekli tmintax u dsatax, lajk, Andrija Kim, wassal il-kristjaneżmu fil-Korea; fl-istess żmien it-tħabbira ta’ l-Evanġelju waslet fl-Indoċina u fl-Awstralja, u fil-gżejjer tal-Paċifiku ukoll.

 Is-seklu dsatax ra ħidma kbira missjunarja fost il-popli ta’ l-Afrika. Din il-ħidma kollha tat frott li għadna narawh illum ukoll. Il-Konċilju Vatikan II jitkellem fid-Digriet Ad gentes dwar din il-ħidma missjunarja. Wara l-Konċilju l-ħidma missjunarja ġiet studjata fl-Enċiklika Redemptoris missio, li hi dwar il-problemi tal-missjonijiet f’dawn l-aħħar snin tas-seklu tagħna. Il-Knisja fil-ġejjieni wkoll tibqa’ Knisja missjunarja, għax il-karattru missjunarju hu parti min-natura stess tal-Knisja. Bil-waqgħa tas-sistemi kbar kuntrarji għall-kristjaneżmu fl-Ewropa, l-ewwel in-nażismu u mbagħad il-komuniżmu, tfaċċa dmir ġdid li jrid isir minnufih, jiġifieri d-dmir li jitwassal mill-ġdid lill-irġiel u lin-nisa ta’ l-Ewropa il-messaġġ ħelliesi ta’ l-Evanġelju[39]. Barra dan, kif tgħid l-Enċiklika Redemptoris missio, qegħda tiġi mtennija fid-dinja l-qagħda ta’ l-“arjopagi” ta’ Ateni, fejn tkellem San Pawl[40]. Illum huma ħafna l-“arjopagi” u huma ta’ kull sura: l-oqsma kbar taċ-ċiviltà u tal-kultura, tal-politika u ta’ l-ekonomija ta’ llum. Aktar ma l-Punent jinqata’ mill-għeruq insara tiegħu, aktar isir art tal-missjoni, b’ħafna “arjopagi” ta’ kull sura.

 

58. Il-ġejjieni tad-dinja u tal-Knisja hu tal-ġenerazzjonijiet żgħażagħ li twieldu f’dan is-seklu, u jaslu għall-kobor sħiħ tagħhom fis-seklu li ġej, l-ewwel tat-tielet elf sena. Kristu qiegħed jistenna liż-żgħażagħ kif stenna liż-żagħżugħ li staqsih: “X’għandi nagħmel biex ikolli l-ħajja ta’ dejjem?” (Mt 19, 16). Semmejt it-tweġiba li Kristu ta lil dan iż-żagħżugħ fl-enċiklika ta’ dan l-aħħar Veritatis splendor, kif semmejtha wkoll qabel fl-Ittra liż-żgħażagħ tad-dinja kollha fl-1985. Iż-żgħażagħ, f’kull qagħda, kullimkien fid-dinja, ma jieqfu qatt jistaqsu ′l Kristu: jiltaqgħu miegħu u jfittxuh biex ikomplu jistaqsuh. Jekk jagħrfu jimxu fit-triq li jurihom, ikollhom il-hena li qegħdin jagħtu sehemhom biex Kristu jkun preżenti fis-seklu li ġej u fis-sekli l-oħra li jiġu wara, sa l-aħħar taż-żminijiet: Ġesù “hu dak li kien, issa u għal dejjem”.

 

59. Fl-aħħarnett jerġa’ jkun f’waqtu l-kliem tal-Kostituzzjoni pastorali Gaudium et spes: “Il-Knisja temmen fi Kristu, li miet u rxoxta għal kulħadd, li l-Ispirtu s-Santu, jagħti dawl u qawwa lill-bniedem ħa jkun jista’ jwieġeb għall-ogħla vokazzjoni tiegħu: ma hemmx isem ieħor mogħti lil-bnedmin li bih jistgħu ikunu salvi. Temmen ukoll li ssib fis-Sid u l-Imgħallem tagħna l-muftieħ, il-qofol u l-għan aħħari ta’ l-istorja kollha tal-bniedem. Barra dan il-Knisja tgħid li taħt it-tibdil kollu li qed isir hemm ħafna affarijiet li ma jinbidlu qatt u li għandhom is-sisien tagħhom fi Kristu, li hu dak li kien, fl-imgħoddi, issa u għal dejjem. Hekk fid-dawl ta’ Kristu, xbieha ta’ Alla li ma jidhirx, il-kbir fost il-ħlejjaq kollha, il-Konċilju irid iwassal il-kelma tiegħu lil kulħadd biex jurihom il-misteru tal-bniedem u biex jaħdem magħhom ħalli tinsab soluzzjoni għall-problemi ewlenin ta’ żmienna”[41].

 Waqt li nistieden lill-insara kollha biex jitolbu lill-Mulej ħa jagħti d-dawl u l-għajnuna meħtieġa fit-tħejjija u ċ-ċelebrazzjoni tal-Ġublew li issa hu hekk fil-qrib, inħeġġeġ lil ħuti fl-Episkopat, u l-Komunitajiet ekklesjali kollha fdati lilhom, biex jiftħu qalbhom għal dak li jnebbaħ l-Ispirtu. Ma jonqos qatt li jqanqal il-qlub biex iħejju ruħhom għaċ-ċelebrazzjoni tal-Ġublew il-Kbir b’fidi mġedda u tisħib mill-qalb.

 Nafda dan l-impenn tal-Knisja kollha għall-interċessjoni ta’ Marija, Omm il-Feddej Hi, Omm l-imħabba sabiħa, tkun għall-insara mexjin lejn il-Ġublew tat-tielet elf sena bħala kewkba li turi t-triq li twassal żgur għal-laqgħa mal-Mulej. Ix-xebba umli ta’ Nazaret, li elfejn sena ilu tat lid-dinja l-Verb magħmul bniedem, jalla tmexxi l-ġens kollu tal-bnedmin ta’ l-elf sena l-ġdida lejn Dak li hu “id-dawl veru li jdawwal kull bniedem” (Ġw 1, 9).

 B’dawn il-ħsibijiet nagħti lil kulħadd il-barka tiegħi.

Mill-Vatikan, fl-10 ta’ Novembru tas-sena 1994, is-sbatax-il sena tal-Pontifikat.

 IOANNES PAULUS PP II

 


 

[1] Ara San Bernard, In laudibus Virginis Mariae,Homilia IV, 8.

[2] Kost. past. dwar il-Knisja fid-dinja ta’ llum Gaudium et spes, 22.

[3] Ibid.

[4] Ara Ant. Iud. 20, 200 u l-pass magħruf u diskuss ħaħna ta’ 18, 63-64.

[5] Annales, 15, 44,3.

[6] Vita Claudii, 25, 4.

[7] Epist, 10, 96.

[8] Ara Dei Verbum, 15.

 [9] Enċikl. Redemptor hominis (4 ta’ Marzu 1979) 1.

[10] Ara Enċikl. Dominum et vivificantem (15 ta’ Marzu 1986), 49s.

[11] Ara Ittra apost. Euntes in mundum (12 ta’ Jannar 1988).

[12] Ara Enċikl. Centesimus annus (1 ta’ Mejju 1991), 12.

[13] Ara Kost. past. Gaudium et spes, 47-52.

[14] Kost. domm. Lumen gentium, 1.

[15] Eżort. app. Reconciliatio et Paenitentia (2 ta’ Diċembru 1984).

[16] Lumen gentium, 8.

[17] Digriet Unitatis redintegratio, 3.

[18] Ibid, 1.

[19] Dikjarazzjoni Dignitatis humanae, 1.

[20] Kost. past. Gaudium et spes, 19.

[21] Tertulljan, Apol. 50, 13.

[22] Ara AAS 56 (1964), 906

[23] Ara Dikjarazzjoni Nostra aetate, 2.

[24] Ara Dei Verbum, 25.

[25] Dei Verbum, 2.

[26] Katekiżmu tal-Knisja Kattolika, n. 1271.

[27] Ara Kost. apost. Fidei depositum (11 ta’ Ottubru 1992).

[28] Kost. domm. Lumen gentium, 62.

[29] Ibid. 65.

[30] Enċikl. Dominum et vivificantem, 50.

[31] Ibid. 51.

[32] Kost. domm. Lumen gentium, 7.

[33] Ara Kost. domm. Lumen gentium, 37.

[34] Kost. past. Gaudium et spes, 22.

[35] Ara Kost. domm. Lumen gentium, 13.

[36] Enċikl. Ecclesiam suam (16 ta’ Awissu 1964).

[37] Ibid. 2.

[38] Kost. past. Gaudium et spes, 3.

[39] Ara Dikjarazzjoni tas-Sinodu speċjali ta’ l-Isqfijiet, 3.

[40] Ara enċikl. Redemptoris missio (17 ta’ Diċembru 1990), 37.

[41] Ara Kost. past. Gaudium et spes, 10.