
|
ITTRA APPOSTOLIKA TAL-PAPA
ĠWANNI PAWLU II
LIR-RELIĠJUŻI NISA U LILL-MEMBRI
TAL-ISTITUTI SEKULARI
FL-OKKAŻJONI TAS-SENA MARJANA
“Ħajjitkom moħbija flimkien ma’
Kristu f’Alla” (Kol. 3, 3)
Ħuti egħżież fi Kristu
1.DAĦLA
L-enċiklika Redemotoris Mater
turina xi tfisser is-Sena
Marjana li aħna qegħdin ngħixu
flimkien mal-Knisja kollha
mis-solennita ta’ Għid il-Ħamsin
tas-sena l-oħra sas-solennita’
ta’ Santa Marija ta’ din
is-sena. Tul dan iż-żmien
qegħdin infittxu li nimxu skond
it-tagħlim tal-Konċilju Vatikan
II, li fil-Kostituzzjoni dwar
il-Knisja wriena li Omm Alla
bħala dik li timxi quddiem
il-poplu kollu ta’ Alla
fil-mixja tal-fidi, tal-imħabba
u ta’ l-għaqda sħiħa ma’ Kristu
. Minhabba dan,
il-Knisja kollha tara f’Marija
x-‘xbieha’ perfetta tagħha.
Jeħtieġ issa li dak li jgħid
il-Konċilju, huwa u jimxi skond
it-tradizzjoni ta’ Missirijiet
il-Knisja, dwar il-Knisja bħala
xirka universali tal-Poplu ta’
Alla, jiġi meditat minn dawk
kollha – kull wieħed u waħda
skond il-vokazzjoni tiegħu – li
jagħmlu parti minn din ix-xirka.
Ħafna minnkom, egħżież ħuti, tul
din is-sena Marjana qegħdin
ifittxu jġeddu l-kuxjenza li
għandhom tar-rabta li hemm bejn
Omm Alla u l-vokazzjoni proprja
tagħhom fil-Knisja. Din l-ittra
li qed nibgħatilkom f’din
is-Sena Marjana, trid għalhekk
tgħinkom fil-meditazzjonijiet
tagħkom dwar din il-ħaġa, u dan
se nagħmlu billi nżomm quddiemi
wkoll dawk
il-konsiderazzjonijiet li
għamlet il-Kongregazzjoni
għar-Reliġjużi u l-Istituti
Sekulari
. U jiena u nikteb
din l-ittra nixtieq ukoll
nurikom b’liema mħabba tħobbkom
il-Knisja minħabba l-vokazzjoni
tagħkom, minħabba l-ħidma li
tagħmlu fost il-Poplu ta’ Alla,
f’ħafna postijiet, u b’ħafna
modi. Dan kollu hu don kbir
għall-Knisja. U għaliex Omm
Alla, minħabba s-sehem li
għandha fil-misteru ta’ Kristu,
dejjem tinsab fil-ħajja
tal-Knisja, il-vokazzjoni
tagħkom u s-servizz tagħkom
qishom rifless ta’ din
il-preżenza tal-Madonna. Ta’
min, għalhekk, jistaqsi x’rabta
hemm bejn din ix-“xbieha”
tal-Knisja li hi l-Madonna u
l-vokazzjoni ta’ dawk li
jikkonsagraw ruħhom lil Kristu
fl-Ordnijiet u
l-Kongregazzjonijiet Reliġjużi u
fl-Istituti sekulari u qegħdin
iħabirku biex igħixu mill-aħjar
li jistgħu dan l-għoti tagħhom
infushom lill-Mulej.
2. NIMMEDITAW MA’ MARIJA
L-MISTERU TAL-VOKAZZJONI TAGĦNA
Fiż-żjara li Marija għamlet lil
qariba tagħha, Eliżabetta, din
sejħitilha hienja minħabba
l-fidi tagħha: “Hienja dik li
emmnet li jseħħ kull ma
bagħat igħidilha l-Mulej” (Lq.
1, 45).
U tassew, il-kliem li
ntqal lil Marija fit-tħabbira
ta’ l-Anġlu ma kienx kliem
tas-soltu.
Jekk naqraw b’attenzjoni kliem
San Luqa naraw li f’dan il-kliem
hemm il-verita’ dwar Alla li
taqbel għal kollox ma’
l-Evanġelju u mal-Patt il-Ġdid.
Il-Verġni ta’ Nazaret ġiet
imdaħħla f’dak il-misteru li
l-moħħ tal-bniedem qatt ma jista
jasal biex jifhem, il-misteru
ta’ Alla l-ħaj, ta’ Alla wieħed
fi Tliet Persuni: Missier, Iben,
u Spirtu s-Santu. Fid-dawl ta’
dan il-misteru, il-Verġni Marija
ġiet imgħarrfa bil-vokazzjoni
tagħha li tkun Omm il-Messija,
vokazzjoni li għaliha wieġbet
bil-fiat tagħha “Ħa jsir minni
skond kelmtek” (Lq. 1, 38)
Meta nimmeditaw il-misteru
tat-tħabbira tal-Mulej, inkunu
wkoll naħsbu fil-vokazzjoni
tagħna. Din il-vokazzjoni tagħna
dejjem turi bidu ta’ triq ġdida
fil-mixi tagħna lejn Alla l-ħaj.
Quddiem kull wieħed jew waħda
minna tinfetaħ triq ġdida u
l-ħajja tagħna bħala nsara tieħu
tifsir ġdid u dimensjoni ġdida.
Dan iseħħ għall-ġejjieni,
fil-ħajja li dak li jkun jibda
jgħix skond l-għażla li jkun
għamel, bil-ħsieb u l-għaqal
kollu. Il-mument tal-vokazzjoni,
tas-sejħa ta’ Alla, jolqot
direttament il-persuna li Alla
jsejjaħ, iżda – kif ġara
f’Nazaret fit-tħabbira ta’
l-Anġlu-ifisser ukoll, fl-istess
ħin, “rivelazzjoni” tal-misteru
ta’ Alla.
Il-vokazzjoni
– qabel ma sseħħ fil-bniedem ta’
ġewwa, qabel ma tieħu s-sura ta’
għażla u ta’ deċiżjoni personali
magħmulha bl-għaqal kollu – hi
għażla magħmulha minn Alla qabel
kull għażla u deċiżjoni
tal-bniedem. Kristu, fl-aħħar
diskors tiegħu lill-Appostli
qabel il-Passjoni, tkellem dwar
dan: “Mhux intom għażiltuni,
imma jien għażiltkom” (Ġw.15,16)
Dan l-għażla – kif ġara
fit-tħabbira lill-Verġni Marija
– tħeġġiġna biex insibu lilna
nfusna fil-fond tal-misteru ta’
dejjem ta’ Alla, li hu Mħabba.
Meta Kristu jagħżilna, meta
jgħidilna: “Ejja imxi warajja”,
jiġri dak li tixhdilna l-Ittra
ta’ San Pawl lill- Efesin:
“Alla, Missier Sidna Gesu
Kristu” jagħżilna fih: “għażilna
fih sa minn qabel il-ħolqien
tad-dinja.... iddestinana li
nkunu għalih ulied adottivi...
għat-tifħir tal-gloria
tal-grazzja tiegħu, li biha
mliena fl-Għażiż tiegħu”.
Imbagħad ‘għarrafna l-misteru
tar-rieda tiegħu skond il-pjan
li għoġbu jfassal fih minn
qabel’ (Ef. 1, 4-6. 9)
Dan il-kliem igħodd
għall-bnedmin kollha, u juri
s-sejħa ta’ kulħadd u ta’ kull
wieħed fi Kristu, jiġifieri
s-sejħa għall-qdusija, li hi
s-sejħa proprja ta’ wlied Alla;
fl-istess ħin dan il-kliem
jgħinna nidħlu fil-fond ta’ kull
vokazzjoni u speċjalment tal-
vokazzjoni ta’ dawk li
jikkonsagraw ruħhom lil Alla.
B’dan il-mod, kull wieħed u
waħda minnkom, ħuti egħżież,
jista’ jifhem kemm hi għolja,
kemm hi ġejja mis-sema s-sejħa
li wieħed ikollu meta Kristu
jistiednu u jgħidlu: “Ejja, imxi
warajja”. Imbagħad il-verita
tal-kliem ta’ San Pawl:
“Ħajjitkom moħbija flimkien ma’
Kristu f’Alla” (Kol. 3, 3)
jidher tassew ċar u qrib tagħna.
Is-sejħa tagħna hi moħbija
fil-misteru ta’ dejjem ta’ Alla,
qabel ma ssir fina fatt
tal-bniedem ta’ ġewwa tagħna,
l-“iva” tagħna bħala bnedmin,
għażla u deċiżjoni tagħna
nfusna.
Flimkien mal-Vergni Marija,
fil-ġrajja tat-tħabbira
f’Nazaret, ejjew nimmeditaw
il-misteru tal-vokazzjoni, li
saret is-‘sehem’ tagħna fi
Kristu u fil-Knisja.
3. NIMMEDITAW IL-MISTERU
TAL-KKONGRAZZJONI TAGĦNA
FLIMKIEN MA’ MARIJA
l-Appostlu jikteb: “Intom mittu,
u ħajjitkom hi moħbija flimkien
ma’ Kristu f’Alla” (Kol 3, 3)
Mit-tħabbira ta’ l-Anġlu ngħaddu
għall-misteru ta’ l-Għid. Kliem
San Pawl “Intom mittu” għandu
l-istess tifsira li għandu
l-kliem ta’ l-Ittra
lir-Rumani, fejn San Pawl
jitkellem dwar it-tifsir
tas-Sagrament li bih aħna nibdew
ngħixu l-istess ħajja ta’
Kristu: “Ma tafux li aħna li
tgħammidna fi Kristu, tgħammidna
fil-mewt tiegħu?” (Rum 6; 3):
għalhekk kliem l-Ittra
lill-Kolossin li semmejna:
“Intom mittu”, ifisser “Indfinna
miegħu fil-mewt permezz
tal-Magħmudija sabiex kif Kristu
kien imqajjem mill-imwiet
permezz tal-qawwa glorjuża
tal-Missier, hekk aħna ngħixu
ħajja ġdida” (Rum. 6, 4)
Alla għażilna sa minn dejjem
f’Ibnu l-Għażiż, il-Feddej
tad-dinja. Is-sejħa tagħna
għall-grazzja ta’ l-adorazzjoni
ta’ wlied Alla taqbel ma’ dik
il-verita ta’ dejjem li tgħid
illi “ħajjitna hi moħbija
flimkien ma’ Kristu f’Alla”. Din
il-vokazzjoni, għall-insara
kollha, isseħħ fiż-żmien permezz
tal-Magħmudija li biha aħna
nindifnu ma’ Kristu fil-mewt
tiegħu. F’dan is-Sagrament ukoll
ħajjitna tibda tkun “moħbija
flimkien ma’ Kristu f’Alla”, u
dan hu parti mill-ġrajja ta’
kull bniedem imgħammed.
Imseħbin sagramentalment ma’
Kristu fil-mewt tiegħu li biha
nfdejna, aħna ningħaqdu wkoll
miegħu fil-qawmien tieghu
mill-imwiet (ara Rum. 6,5);
ikollna sehem sħiħ fil-“ħajja
ġdida” (ara Rum 6, 4) li Kristu
ta bidu għaliha fil-ġrajja
tal-bniedem bil-qawmien tiegħu
mill-imwiet. Din “il-ħajja
ġdida” tfisser l-ewwelnett
ħelsien mill-wirt tad-dnub u
mill-jasar tad-dnub (ara Rum 6,
1-11).
Fl-istess ħin tfisser ukoll –
anzi tfisser qabel kollox –
konsagrazzjoni fil-verita’
(ara ĠW 17,17), li turi sewwa
l-għan li jrid jintlaħaq
jiġiefieri l-għaqda ma’ Alla,
il-ħajja f’Alla. Hekk ‘ħajjitna
hi moħbija flimkien ma’ Kristu
f’Alla’, kemm sagramentalment u
kemm realment. Mis-Sagrament
tiġi l-verita’ ħajja tal-grazzja
li tqaddes li timla l-ħajja
kollha tagħna ta’ bnedmin li
aħna permezz tat-tisħib
fil-ħajja ta’ Alla wieħed fi
Tliet Persuni.
Kliem San Pawl, l-aktar
fl-Ittra lir-Rumani, juri li
din “il-ħajja ġdida” li
tingħatalna l-ewwelnett permezz
tal-Magħmudija, għandha fiha
l-bidu ta’ kull vokazzjoni, li,
tul il-ħajja ta’ nisrani jew ta’
nisranija, tqanqalhom biex
jagħmlu għażla u jieħdu
deċiżjoni, magħmulin bil-għaqal
kollu, fi ħdan il-Knisja. Dan
għaliex fil-vokazzjoni ta’ kull
min hu mgħammed dejjem jidher
dak l-aspett tal-“konsagrazzjoni
fil-verita” li Kristu temm
bil-mewt u l-qawmien tiegħu u
għamilha parti mill-misteru
tiegħu ta’ l-Għid: “Jien
minħabba fihom nikkonsagra lili
nnifsi biex huma wkoll ikunu
kkonsagrati permezz tal-verita”
(Ġw. 17,19).
Is-sejħa tal-bniedem biex
jikkonsagra ħajtu kollha għandha
rabta speċjali
mal-konsagrazzjoni ta’ Kristu
stess għall-bnedmin. Din toħroġ
mis-Sagrament tal-Magħmudija,
sagrament li għandu fih innifsu
l-ewwel konsagrazzjoni
tal-bniedem lil Alla,
konsagrazzjoni li hi l-pedament
tal-konsagrazzjonijiet l-oħra
kollha. Il-konsagrazzjoni
permezz tal-kunsilli evanġeliċi,
jiġifieri l-konsagrazzjoni
permezz tal-voti jew
il-promessi, tisviluppa b’mod
tassew xieraq minn dak il-bidu
li hi l-Magħmudija.
Fil-konsagrazzjoni hemm l-għażla
magħmula bil-ħsieb ta’ Alla
nnifsu, jiġifieri tweġiba ta’
egħrusija għall-imħabba ta’
Kristu. Meta aħna nagħtu lilna
nfusna lilu kollna kemm aħna,
inkunu nuru li rridu “mmorru
warajh” u nħarsu s-safa,
il-faqar u l-ubbidjenza
fl-ispirtu tal-kunsilli
evanġeliċi. Nixtiequ nkunu
nixbhu ‘l Kristu għandna ħila,
billi naslu biex ħajjitna kollha
tkun taqbel ma’ l-ispirtu
tal-beatitudni li Kristu ħabbar
fid-diskors fuq l-għolja. Iżda
fuq kollox inkunu nixtiequ li
jkollna dik l-imħabba li għandha
tkun fl-elementi kollha
tal-ħajja konsagrata u
tgħaqqadhom flimkien għax hi l
–“qofol tal-perfezzjoni” (ara
Kol. 3, 14)
Dan kollu hu mfisser fi kliem
San Pawl “Intom mittu”, kliem li
għandu l-bidu tiegħu
sagramentalment fil-Magħmudija.
Tmut ma’ Kristu biex ikollok
sehem fil-qawmien tiegħu
mill-imwiet, bħal ħabba tal-qamħ
li taqa’ fl-art u “tmut” biex
ikollha ħajja ġdida (ara Ġw 12.
24). Il-konsagrazzjoni ta’
bniedem tista’ sseħħ biss jekk,
permezz tar-rabtiet qaddisa li
jagħtuh “ħajja ġdida”, dak kollu
li jagħmlu l-bniedem li hu
“jinħeba” fi Kristu, jiġifieri
ħajjitna tinħeba flimkien ma’
Kristu f’Alla (ara Kol. 3.3)
Jekk il-konsagrazzjoni ta’
bniedem nistgħu nxebbħuha – biex
nitkellmu kif jitkellmu n-nies
tad-dinja – ma “telfien
tal-ħajja”, għandna nifhmu
minnufih li hi wkoll it-triq
biex malajr “insibu l-ħajja”,
tant li Kristu qal: “Min jitlef
lil ħajtu minħabba fija, isibha”
(Mt 10,39). Dan il-kliem juri
kemm hu radicali l-Evanġelju.
Fl-istess ħin wieħed malajr jara
kemm igħodd dan il-kliem u
x’qawwa għandu għall-bniedem.
Għaliex x’hemm aqwa
għall-bniedem – raġel jew mara
li hu – jekk mhux li jerġa jsib
lilu nnifsu fi Kristu, għaliex
Kristu hu “l-milja kollha”? (ara
Kol. 2,9)
Dawn il-ħsibijiet dwar
il-konsagrazzjoni tal-bniedem
permezz tal-kunsilli evanġeliċi,
iżommuna dejjem fi ħdan
il-misteru ta’ l-Għid. Flimkien
ma’ Marija nfittxu li jkollna
sehem f’dik il-mewt li tatna
l-frott ta’ “ħajja ġdida”permezz
tal-qawmien mill-imwiet: din
il-mewt fuq is-Salib kienet mewt
bla ġieh,kienet il-mewt ta’
Binha! Iżda proprju ħdejn
is-Salib, “fejn kienet wieqfa, u
dan sgur mhux kontra l-pjan ta’
Alla”
Marija ma fehmitx b’mod ġdid,
dak li ġa kienet semgħet dak
in-nhar tat-tħabbira ta’
l-Anġlu? Hemm, proprju “bis-sejf
li nifdilha ruħha” (ara Lq. 2,
35), permezz tal-kenosis
tal-għaġeb tal-fidi tagħha,
tgħid Marija ma
għarfitx sal-fond kollu tagħha
l-verita sħiħa tal-maternita
tagħha?
Hemm, tgħid ma għexitx b’mod
l-aktar definittiv din
il-verita’ meta “reġgħet sabet”
ruħha, li, bl-esperjenza
tal-Kalvarju, kienet “tilfet”
b’mod l-aktar kiefer għal Kristu
u għall-Evanġelju?
U Marija “sabet” il-verita sħiħa
tal-maternita tagħha, ta’ Omm
Alla, li kienet “sehemha” sa
mill-mument tat-tħabbira ta’
l-Anġlu, proprju meta Kristu
mill-għoli tas-Salib tenna
l-kelmiet li bihom urieha
bniedem, l-Appostlu San Ġwann, u
qalilha: “Hemm hu ibnek!” (ara
Ġw 19,26).
Egħżież huti, permezz
tal-vokazzjoni tagħna, permezz
tal-konsagrazzjoni tagħna ħa
nerġgħu lura dejjem għall-qofol
tal-misteru ta’ l-Għid. Nersqu
lejn is-Salib ta’ Kristu
flimkien ma’ Ommu Marija.
Nitgħallmu minnha x’inhi
l-vokazzjoni tagħna. Ma qalx
darba Kristu: “Kull min jagħmel
ir-rieda ta’ Missieri, li hu
fis-smewwiet, dak hu ħija u oħti
u ommi” (Mt 12. 50)?
4. FLIMKIEN MA’ MARIJA
NIMMEDITAW L-APPOSTOLAT
PROPRJU TAGĦNA
Il-ġrajja ta’ l-Għid twassalna
għal dak il-jum li fih,
fil-ġrajja tad-dinja, “jiġi
l-Ispirtu tal-verita” biex
iwassal “għall-verita kollha”
(ara Ġw. 16,13) l-Appostli u
l-Knisja kollha mibnija fuqhom
bħala pedament
Marija, fiċ-Ċenaklu ta’ Għid
il-Ħamsin, turi “maternita
ġdida”, li saret “sehmha” ħdejn
is-Salib. Din il-maternita’
kollha tibqa’ fiha, u, fl-istess
ħin, minnha, bħala “figura” u
xbieha tal-Knisja, kellha
tgħaddi għall-Knisja kollha li
dehret quddiem id-dinja f’jum
il-miġja tal-Ispirtu s-Santu
Paraklitu . Dawn kollha lii
kienu miġburin fiċ-Ċenaklu kienu
jħossu li, mill-mument li fih
Kristu reġa’ lura għand
il-Missier, ħajjithom kienet
moħbija flimkien ma’ Kristu
f’Alla. Dan Marija kienet tħossu
aktar mill-oħrajn kollha. Alla
ġie fid-dinja u minnha twieled
bħala “Bin il-bniedem” biex
isseħħ ir-rieda ta’ dejjem
tal-Missier li “daqshekk ħabb
id-dinja” (ara Ġw 3, 16). U meta
l-Verb sar l-Ghimmanu-el (Alla
magħna), il-Missier, l-Iben u
l-Ispirtu s-Santu, urew b’mod
aktar ċar dak li jgħid San
Ġwann: “id-dinja tgħammar fih
(ara I Ġw. 3, 24), f’Alla
għaliex “aħna fih ngħixu,
nitħarrku u aħna”(Atti 17,28).
Alla jħaddan il-ħolqien kollu
bil-qawwa tiegħu li biha ħalaq
kollox u li permezz ta’ Kristu
dehret l-aktar bħala qawwa ta’
mħabba. Imbagħad l-istess
Inkarnazzjoni tal-Verb ta’ Alla,
sinjal mill-aqwa li ma jitħassar
qatt, ta’ “l-għamara” ta’ Alla
fid-dinja, uriet mod ieħor kemm
Alla hu ‘l fuq mill-ħolqien
kollu. Dan kollu seħħ u ntemm
fil-misteru ta’ l-Għid. It- tluq
ta’ l-Iben, “il-kbir fost
il-ħlejjaq kollha” (Kol. 1, 15)
qanqal xewqa ġdida u kbira ħa
jerġa jiġi, xewqa li timla
kollox: “L-Ispirtu tal-Mulej
jimla d-dinja kollha” (Għerf 1,
7).
Dawk kollha li flimkien
ma’Marija kienu jistennew
il-miġja tal-Ispirtu s-Santu
fiċ-Ċenaklu f’Ġerusalemm, ġa
ħassew li kienu “iż-żminijiet
ġodda”. Imqanqlin mill-Ispirtu
tal-verita’, kellhom joħorġu
miċ-Ċenaklu biex, flimkien ma’
l-istess Spirtu s-Santu, jagħtu
xhieda għal Kristu, imsallab u
rxoxt (ara Ġw. 15, 26-27).
Minħabba f’hekk, kien jeħtieġ li
juru li Alla, għax hu mħabba,
iħaddan id-dinja kollha u jidħol
fiha; kellhom jikkonvinċu lil
kulħadd li lkoll huma msejħin
biex ‘imutu’ ma’ Kristu,
fil-qawwa tal-mewt tiegħu, biex
iqumu għall-ħajja moħbija
flimkien ma’ Kristu f’Alla.
Dan huwa l-qofol tal-missjoni
appostolika tal-Knisja.
L-Appostli li nhar Għid
il-Ħamsin ħarġu miċ-Ċenaklu,
kienu l-bidu tal-Knisja, li
kollha kemm hi, hija Knisja
appostolika u tibqa’ dejjem
f’qagħda ta’ missjoni (in statu
missionis). F’din il-Knisja
għalhekk kull wieħed, l-ewwel
bil-Magħmudija u mbagħad
fil-Griżma, jirċievi sejħa li –
kif għallem il-Konċilju –
fin-natura tagħha hi sejħa
għall-appostolat.
Is-Sena Marjana bdiet nhar Għid
il-Ħamsin, biex kulħadd iħoss li
ma’ Marija hu mistieden jidħol
fiċ-Ċenaklu li minnu kellha
l-bidu tagħha t-triq appostolika
tal-Knisja tul iż-żminijiet
kollha. Fost dawn il-mistednin
sgur hemm intom, ħuti egħżież,
intom li, imbuttati mill-qawwa
tal-Ispirtu s-Santu, bnejtu
ħajjitkom u l-vokazzjoni tagħkom
fuq konsagrazzjoni speċjali, fuq
għoti sħiħ lil Alla. Din
l-istedina għaċ-Ċenaklu ta’ Għid
il-Ħamsin tfisser li intom
għandkom iġġeddu fikom
l-għarfien tal-vokazzjoni
tagħkom u għarfien aktar
fil-fond, f’żewġ modi.
L-ewwelnett billi ssaħħu dak
l-appostolat li jiġi mill-istess
konsagrazzjoni tagħkom, imbagħad
billi ġġeddu l-ħafna ħidmiet ta’
appostolat li joħorġu minn din
il-konsagrazzjoni skond
l-ispirtu u l-għan
tal-komunitajiet u l-Istituti
tagħkom u skond in-natural ta’
kull wieħed u waħda minnkom.
Fiċ-Ċenaklu ta’ Għid il-Ħamsin
fittxu li tiltaqgħu ma’ Marija.
Ħadd daqsha ma jista’ jressaqkom
għal dik id-dehra tal-verita’ li
ssalva dwar Alla u l-bniedem,
dwar Alla u d-dinja, verita’ li
tinġabar fi kliem San Pawl:
“Intom mittu, u ħajjitkom hi
moħbija flimkien ma’ Kristu
f’Alla” (Kol. 3, 3). Huwa kliem
li jiġbor fih il-paradoss u
l-qofol tat-tħabbira ta’
l-Evanġelju. Intom, egħżież
ħuti, bħala nies konsagrati lil
Alla, għandkom kwalitajiet
speċjali biex twasslu
lill-bnedmin l-oħra l-paradoss u
t-tħabbira ta’ l-Evanġelju.
Dmirkom hu wkoll li tħabbru lil
kulħadd – fil misteru tas-Salib
u tal- qawmien mill-imwiet –
kemm hi “f’Alla” d-dinja u kemm
huma “fih” il-ħlejjaq kollha, u
kemm “ahna fih, ngħixu,
nitħarrku, u aħna”, kemm dan
Alla, li hu mħabba, iħaddan
kollox u ‘l kulħadd, u kemm
fl-aħħarnett l-imħabba ta’ Alla
tissawwab fi qlubna bl-Ispirtu
s-Santu li hu mogħti lilna (ara
Rum. 5, 5).
Alla lilkom “għażilkom
mid-dinja”, u d-dinja stess
teħtieġ l-għażla tagħkom
għalkemm xi kull tant id-dinja
tidher li ma jimpurtahiex minn
din l-għażla tagħkom u ma
tagħtiha ebda importanza.
Id-dinja teħtieġ li intom tkunu
“moħbija flimkien ma’ Kristu
f’Alla”, minkejja li xi kull
tant tistmerr il-klawsura
fil-monasteri. Iżda bil-qawwa
ta’ “dan il-ħabi tagħkom”,
flimkien ma’l-Appostlu u
l-Knisja kollha, intom tistgħu
tagħmlu tagħkom it-tħabbira
tat-talba saċerdotali tal-Feddej
tagħna: “Kif int (Missier)
bgħatt lili fid-dinja, hekk jien
bgħatt lilhom fid-dinja” (Ġw.
17,18). Intom għandkom sehem
f’din il-missjoni, fil-missjoni
appostolika tal-Knisja; għandkom
sehem b’mod singulari, b’mod
kollu kemm hu tagħkom, skond
“id-don proprju tagħkom” (ara I
Kor. 7, 7). Kull wieħed minnkom
għandu sehem f’din il-missjoni,
u s-sehem tagħkom jikber
daqskemm tikber “il-ħajja
moħbija tagħkom flimkien ma
Kristu f’Alla”. Hawn hu l-bidu
stess ta’ l-appostolat tagħkom.
Is-sura fondamentali ta’ dan
l-appostolat ma tistax tinbidel
malajr, u tkun max-xejra ta’ din
id-dinja (ara Rum. 12, 2). Iva,
intom spiss taraw kemm id-dinja
tħobb “dak li hu
tagħha”:(Ġw.15,19). Hu Kristu li
“għażilkom mid-dinja”, u
għażilkom biex “id-dinja ssalva
permezz tiegħu” (Ġw. 3, 17).
Minħabba dan, ma tistgħux
twarrbu għal kollox li ħajjitkom
tkun “moħbija flimkien ma’
Kristu f’Alla”, għax din il-ħaġa
hi l-kondizzjoni meħtieġa biex
id-dinja temmen fil-qawwa ta’
Kristu għas-salvazzjoni. Dan
“il-ħabi” tagħkom, li għandu
l-bidu tiegħu fil-konsagrazzjoni
tagħkom, jagħmel lil kull wieħed
u waħda minnkom persuna ta’ min
jemminha u ta’ min joqgħod
fuqha: dan ma jgħalqilkonx
id-dinja, imma jiftaħilkom. U
dan għaliex “il-kunsilli
evanġeliċi” – kif ġa għidnilkom
fl-esortazzjoni Redemptionis
donum – fil-għan ewlieni
tagħhom, iridu jwasslu
“għat-tiġdid tal-holqien kollu”:
“id-dinja” trid tiġi maħkuma
mill-bniedem biex dan jagħti
lilu nnifsu perfettament lil
Alla”.
Is-sehem fil-ħidma biex
il-Knisja kollha tikber
“fl-ispirtu tal-Verġni Marija,
bħala għan ewlieni tas-Sena
Marjana, jista’ jkollu ħafna
suriet u jiġi mfisser f’ħafna
modi, skond il-karatteristiċi
ta’ kull Istitut, u jagħti aktar
frott jekk kull Istitut jimxi
skond id-don proprju tiegħu.
Għalhekk:
a)
L-Istituti li huma kollhom kemm
huma dedikati
għall-kontemplazzjoni, “’il
bogħod mid-dinja u fis-skiet,
għal talb dejjem sejjer u għal
egħmejjel kbar ta’ penitenza u
mehdijin biss f’Alla, għandhom
dejjem parti mill-aqwa fil-Ġisem
mistiku ta’ Kristu – kif iwissi
l-Konċilju Vatikan II – għalkemm
il-ħtieġa ta’ l-appostolat attiv
fid-dinja dejjem aktar qiegħda
tikber”.
Għalhekk, f’din is-sena ta’
grazzja speċjali, il-Knisja hija
u tħares lejn il-Verġni Marija,
tħoss li għandu jkollha
attenzjoni speċjali u rispett
mill-aqwa għall-għana kbir ta’
tradizzjoni ta’ ħajja
kontemplativa, li tant irġiel u
nisa, imżejnin b’dan il-kariżma
għarfu jwaqqfu u saħħu dejjem
aktar għall-ġid tax-xirka
tal-Knisja u tas-soċjeta kollha
tal-bnedmin. Il-Verġni Marija,
tant stagħnietb’kotra ta’ frott
spiritwali, li saret Omm
il-Knisja u Omm il-familja
kollha tal-bnedmin. Hija u
tisma’ bla heda l-kelma ta’ Alla
fis-skiet, f’għaqda sħiħa
mal-Mulej, saret strument ta’
salvazzjoni ħdejn Binha Sidna
Ġesu’ Kristu. Iqawwu qalbhom
mela dawk kollha li kkonsagraw
ruħhom għall-ħajja
kontemplativa, għaliex il-Knisja
u d-dinja li trid tiġi
evanġelizzata minnha, jirċievu
mhux ftit dawl u qawwa mingħand
il-Mulej permezz tal-ħajja
moħbija tar-reliġjużi
kontemplativi, kontemplativi,
kollhom mehdijin fit-talb; huma
u jħabirku biex ikunu jixbhu
l-Qaddejja tal-Mulej fiċ-ċokon
tagħha, fil-ħajja moħbija
tagħha, u fl-għaqda sħiħa tagħha
ma’Alla, għandhom jikbru
fl-imħabba tal-vokazzjoni
tagħhom ta’ nies mogħtija biss
għall-kontemplazzjoni.
b)
Dawk ir-reliġjużi, irgiel u
nisa, li huma mogħtijin
għall-ħajja ta’ l-appostolat,
għall-evanġelizazzjoni jew
għall-egħmejjel ta’ mħabba u
ħniena, għandhom f’Marija
eżempju mill-isbaħ ta’ mħabba
għal Alla u għal għajrhom. Huma
u jimitawh bil-ħeġġa kollha ta’
qalbhom u b’fedelta’ sħiħa,
ikunu jistgħu jwieġbu
għall-ħtiġijiet ta’ dawk in-nies
li huma neqsin mill-verita’,
neqsin mis-sens ta’ Alla, u ma
jaraw xejn sgur quddiemhom; jew
għall-ħtiġijiet ta’ min hu
mġarrab mill-inġustizzji,
mid-diskriminazzjoni,
mill-moħqrija, mill-gwerer,
mill-ġuħ. Bħal Marija jkunu
jistgħu jaqsmu ma’ ħuthom
it-tiġrib, lesti dejjem biex
igħinu l-Knisja fil-ħidma tagħna
għas-salvazzjoni tal-bnedmin li
magħhom tiltaqa’ llum fi triqtha
fid-dinja.
c)
Il-membri tal-Istituti sekulari,
huma u jgħixu l-ħajja tagħhom
ta’ kuljum fil-ħafna oqsma
tas-soċjeta’ ta’ llum, għandu
jkollhom eżempju f’Marija u minn
għandha jiksbu l-għajnuna li
jridu jagħtu lil dawk in-nies li
magħhom qegħdin jaqsmu l-qagħda
tal-ħajja tagħhom fid-dinja,
sens ta’ għaqda u ta’ ġmiel
lill-ħajja tal-bniedem, għaqda u
ġmiel li jkunu aqwa u aktar
hienja, aktar ma l-ħajja
tal-bniedem tkun miftuħa għal
Alla; biex jagħtu xhieda ta’
ħajja mogħtija għall-bini
fil-ġid ta’ komunitajiet li
jkunu jixirqu aktar
lill-bniedem; biex juru li kull
ma jiġri u hawn fid-dinja, jekk
wieħed igħixu bil-qawwa ta’
l-Evanġelju, jista jagħti ħajja
ġdida lis-soċjeta u jagħmilha
aktar ħielsa u aktar ġusta,
għall-ġid ta’ wlied dak Alla li
hu s-Sid tal-ħolqien kollu u li
minnu jiġi kull ġid. Ikun dan
il-kantiku li l-bniedem, bħal
Marija, ilissen lil Alla huwa u
jgħarfu bħala Alla li jista’
kollox, bħala Alla ħanin.
Jekk intom tħabirku biex tgħixu
l-vokazzjoni tagħkom fis-sħuħija
kollha tagħha, u żżommu
ħarsitkom lejn dik li kienet
għal kollox ikkonsagrata lil
Alla, dik li hi Omm Ġesu’ u Omm
il-Knisja, il-qawwa tax-xhieda
tagħkom ta’ l-Evanġelju
tissaħħaħ aktar u b’hekk tkun
ta’ vantaġġ għall-pastorali
tal-vokazzjonijiet. Mhux ftit
Istituti llum jeħtieġu
vokazzjonijiet u l-Knisja tħoss
li f’ħafna postijiet huma
meħtieġa l-vokazzjonijiet
għall-ħajja konsagrata. Is-Sena
Marjana tista’ tqanqal ħafna
vokazzjonijiet jekk b’fiduċja
akbar nitolbu l-għajnuna lil
Marija bħala omm li tieħu ħsieb
il-familja tagħha, u jekk dawk
kollha li jiffurmaw il-Knisja
b’sens akbar ta’ responsabbilta’
jħabirku ħa jġibu ‘l quddiem
il-ħajja konsagrata fil-Knisja.
EGĦLUQ
F’din is-Sena Marjana, l-insara
kollha huma mistednin jimmeditaw
skond il-ħsieb tal-Knisja , dwar
il-presenza tal-Verġni Omm Alla
fil-misteru ta’ Kristu u
tal-Knisja
. Din l-ittra
trid tħeġġiġkom biex timmeditaw
dwar din il-presenza fi qlubkom,
fil-ġrajja ta’ ruħkom u
tal-vokazzjoni tagħkom u wkoll
fil-ġrajja tal-komunitajiet
reliġjużi, l-Ordnijiet u
l-Kongregazzjonijiet u
l-Istituti sekulari. Is-Sena
Marjana nistgħu ngħidu li saret
sena speċjali ta’ “pellegrinaġġ”
wara dik li fil-mixja tal-fidi
mxiet quddiem il-poplu kollu ta’
Alla: imxiet quddiem kull wieħed
u waħda minnkom u quddiemkom
ilkoll. Din il-mixja hi ta’
ħafna suriet u tħaddan ħafna
okkażjonijiet: nazzjonijiet
sħaħ, anzi kontinenti sħaħ, qed
jinġabru fis-santwarji
tal-Madonna, biex ma nsemmux
ukoll il-fatt li ħafna nsara
għandhom “is-santwarji” tagħhom
fihom infushom, fejn Marija hija
dik li turihom it-triq tal-fidi,
tat-tama u ta’ l-għaqda
fl-imħabba ta’ Kristu
.
Spiss l-Ordnijiet reliġjużi,
il-Kongregazzjonijiet u
l-Istituti, bl-esperjenzi
tagħhom, xi wħud minnhom ta’
mijiet ta’ snin, għandhom huma
wkoll is-santwarji tagħhom,
“postijiet” tal-presenza ta’
Marija, santwarji li magħhom hi
marbuta l-ispiritwalita tagħhom
u l-ġrajja wkoll tal-ħajja u
tal-missjoni tagħhom fil-Knisja.
Dawn il- “postijiet” ifakkru xi
misteri partikolari tal-Verġni
Marija, il-kwalitajiet tagħha
jew il-ġrajjiet ta’ ħajjitha,
ix-xhieda tal-esperjenzi
spiritwali ta’ dawk li waqqfu
dawk l-Ordnijiet u
kongregazzjonijiet jew
il-manifestazzjoni tal-kariżmi
tagħhom, li mbagħad għaddew
fil-komunita’ kollha.
Fittxu li f’din is-sena Marjana
li b’mod speċjali tmorru f’dawn
il-“postijiet” f’dawn is-
“santwarji”. Fittxu fihom qawwa
ġdida, it-triq għat-tiġdid veru
tal-ħajja konsagrata tagħkom,
direzzjoni xierqa u metodi ġodda
għall-appostolat tagħkom. Fittxu
fihom l-identita’ tagħkom, bħal
dak is-sid bil-għaqal li
mill-ħażna tiegħu joħroġ sew
il-ġdid u sew il-qadim (ara Mt.
13, 52). Iva! Fittxu permezz ta’
Marija qawwa spiritwali, iksbu
magħha żogħżija ġdida. Itolbu
għall-vokazzjonijiet. Imbagħad
“agħmlu kull ma jgħidilkom hu”,
kif wissiet il-Verġni Marija
f’Kana tal-Galilija (ara Ġw.
2,5). Dan tixtieq minnkom, dan
tixtieq għalikom il-Verġni
Marija, Ommna u l-għarusa
mistika tal-Ispirtu s-Santu.
Anzi nħeġġiġkom twieġbu għal din
ix-xewqa ta’ Marija b’egħmil
komunitarju ta’ fiduċja fiha, li
jkun tweġiba għall-imħabba
tagħha ta’ omm
F’din is-Sena Marijana jien
ukoll b’qalbi kollha nafda lil
Marija lil kull wieħed u waħda
minnkom, u l-komunitajiet kollha
tagħkom u nberikkom fl-isem
tal-Missier u ta’ l-Iben u ta’
l-Ispirtu s-Santu.
Minn Ruma, minn San Pietru,
fit-22 ta’ Mejju 1988,
solennita’ ta’ Għid il-Ħamsin,
fl-għaxar sena tal-Pontifikat.
JOANNES PAULUS pp. II
|