REDEMPTORIS MISSIO

IL-MISSJONI TAL-FEDDEJ

Ittra Enċiklika tal-Papa Ġwanni Pawlu II dwar il-Qawwa dejjiema tal-Mandat Missjunarju tal-Knisja

 

Ħuti meqjuma, għeżież uliedi, saħħa w barka Appostolika!

 

DAĦLA

1. IL-MISSJONI TAL-FEDDEJ, imħollija f’idejn il-Knisja, għad fadlilha ħafna biex isseħħ għal kollox. Fit-tmiem l-elfejn sena wara l-miġja tal-Feddej fid-dinja, ħarsa biss lejn il-ġens kollu tal-bnedmin, turina li din il-missjoni għadha fil-bidu tagħha, u għalhekk jeħtieġ li aħna nimpenjaw ruħna fil-qadi ta’ din il-missjoni bil-ħila kollha tagħna. Hu l-Ispirtu s-Santu li jimbuttana biex inħabbru l-għemejjel kbar t’Alla: “Jekk jiena nxandar l-Evanġelju m’għandix biex niftaħar; jien obbligat nagħmlu dan. Ħażin għalija jekk ma nxandarx l-Evanġelju,” (I Kor 9,16).

 F’isem il-Knisja kollha, inħoss li hu dmir urġenti tiegħi li ntenni dan il-kliem ta’ San Pawl. Sa mill-bidu tal-Pontifikat tiegħi, għażilt li mmur sat-trufijiet kollha tal-art biex nuri din il-ħerqa missjunarja; dawn il-laqgħat mill-qrib ma’ popli li ma jafux bi Kristu, ikkonvinċewni dejjem aktar dwar il-ħtieġa ta’ ħidma missjunarja: dwar dan irrid nitkellem f’din l-enċiklika. Il-Konċilju Vatikan II ried iġedded il-ħajja u l-ħidma tal-Knisja fid-dawl tal-ħtiġijiet tad-dinja llum; wera ċar x’inhi n-natura missjunarja tal-Knisja u rabatha b’mod dinamiku mal-istess missjoni tat-Trinità Qaddisa. Il-ħidma missjunarja tagħmel għalhekk parti mill-istess ħajja nisranija, u tnebbaħ ukoll l-ekumeniżmu: “Ikunu lkoll ħaġa waħda...biex id-dinja tagħraf li inti bgħattni” (Ġw. 17,21).

 

2. Kotran kien il-frott missjunarju tal-Konċilju: tkattar l-għadd tal-knejjes kollha lokali bl-isqfijiet, il-kleru u l-ħaddiema tagħhom fl-appostolat; il-komunitajiet insara deħlin aktar fil-fond tal-ħajja tal-popli; ix-xirka bejn il-knejjes qiegħda twassal għal bdil tassew ħaj ta’ ġid u doni spiritwali; l-impenn tal-lajċi fil-ħidma ta’ evanġelizzazzjoni qiegħda tbiddel il-ħajja ekklesjali; il-knejjes partikulari qegħdin juru li huma dejjem aktar lesti li jżommu d-djalogu magħhom u jikkoperaw flimkien. Fuq kollox, kulħadd qiegħed iħoss li l-ħidma missjunarja hi dmir l-insara kollha, id-djoċesijiet u l-parroċċi kollha, l-istituzzjonijiet u l-assoċjazzjonijiet kollha tal-Knisja.

 Iżda f’din ir-“rebbiegħa ġdida” tal-Kristjaneżmu, ma nistgħux inżommu moħbija ċerta tendenza ħażina; u dan id-dokument irid jgħin biex irażżanha: milli jidher il-ħidma missjunarja speċifika “fost il-ġnus” (ad gentes) qiegħda tonqos, u dan ma jaqbilx mad-direttivi tal-Konċilju u mad-dikjarazzjonijiet tal-Maġisteru li ġew wara.

Diffikultajiet esterni w interni dgħajfu l-ħidma missjunarja fost dawk li mhumiex insara, u dan għandu jqanqal ħerqa fost dawk kollha li jemmnu fi Kristu. Fl-istorja tal-Knisja l-ħidma missjunarja dejjem kienet sinjal ta’ vitalità u ta’ ħajja, waqt li, għall-kuntrarju, meta naqset din il-ħidma, dan kien sinjal ta’ kriżi fil-fidi[1]. Ħamsa w għoxrin sena wara li ntemm il-Konċilju u l-promulgazzjoni tad-Digriet Ad Gentes dwar il-ħidma missjunarja, ħmistax-il sena wara l-Eżorta-zzjoni Appostolika Evangelii nuntiandi tal-Papa Pawlu VI, nixtieq nistieden il-Knisja biex iġġed-ded l-impenn missjunarju biex hekk inkompli l-Maġisteru tal-Papiet ta’ qabli[2]. Dan id-dokument għandu bħala għan tiegħu t-tiġdid tal-fidi u tal-ħajja nisranija. Il-ħidma missjunarja ġġedded il-Knisja, issaħħaħ il-fidi u l-identità nisranija, tnissel ħeġġa ġdida fir-ruħ u tqanqal għall-impenji ġodda. Il-fidi tissaħħaħ billi tingħata lill-oħrajn. L-evanġelizzazzjoni mill-ġdid tal-popli nsara ssib l-ispirazzjoni tagħha u l-għajnuna mill-impenn missjunarju universali tal-Knisja.

 Iżda dak li l-aktar iqanqalni biex inxandar il-ħtieġa tal-evanġelizzazzjoni missjunarja, hu l-fatt li din hi l-ewwel ħidma li l-Knisja trid tagħmel ma’ kull bniedem u mal-familji kollha tal-bnedmin fid-dinja tal-lum, li mxiet b’mod tal-għaġeb fit-triq tal-progress, iżda, milli jidher, tilfet is-sens tal-veritajiet l-aktar għolja u tal-istess ħajja. Fl-ewwel enċiklika tiegħi kont ktibt li “Kristu l-Feddej juri l-bniedem lill-bniedem innifsu....Għalhekk il-bniedem li jrid jagħraf fil-fond lilu nnifsu....jeħtieġlu jersaq lejn Kristu....Il-fidwa li seħħet fuq is-salib tat għal dejjem lill-bniedem id-dinjità tiegħu u tifsir lil ħajtu fid-dinja”. [3]

 Iżda hemm raġunijiet u proponimenti oħra wkoll: irrid inwieġeb il-ħafna talbiet li saruli għall-dokument bħal dan; irrid inneħħi d-dubji u l-ambigwitajiet li hemm dwar il-ħidma missjunarja fost il-ġnus (ad gentes), biex inwettaq fl-impenn tagħhom lil dawk ħutna, irġiel u nisa li jistħoqqilhom kull tifħir, impenjati fil-ħidma missjunarja, u lil dawk li jgħinuhom; irrid inqajjem vokazzjonijiet missjunarji; irrid inħeġġeġ lit-teologi biex jistudjaw sewwa u jfissru b’mod sistematiku l-ħafna aspetti tal-ħidma missjunarja billi nħeġġeġ lill-Knejjes partikulari - l-aktar dawk li kellhom bidu issa - biex jibagħtu u jilqgħu missjunarji għandhom; irrid niżgura lil dawk li mhumiex insara u l-aktar l-awtoritajiet tal-pajjiżi fejn qiegħda ssir il-ħidma missjunarja, li din għandha biss għan wieħed, jiġifieri taqdi l-bniedem billi tirrivelalu l-imħabba t’Alla li dehret fi Kristu.

 

3. Ġnus kollha tal-art, iftħu l-bibien għal Kristu! L-Evanġelju tiegħu ma jnaqqas xejn mil-libertà tal-bniedem, mill-ħarsien li jistħoqq lil kull kultura, minn dak kollu li hu tajjeb f’kull reliġjon. Meta taċċettaw 'il Kristu, tkunu tiftħu lilkom infuskom għall-Kelma definittiva t’Alla, jiġifieri għal Dak li fih Alla wera lilu nnifsu kollu kemm hu, u wriena t-triq li biha naslu għandu.

 L-għadd ta’ dawk li ma jafux bi Kristu u mhumiex membri tal-Knisja qiegħed dejjem jikber, u rdoppja minn mindu għalaq il-Konċilju. Quddiem dan l-għadd bla qies ta’ bnedmin li l-Missier iħobb u għalihom bagħat lil Ibnu, għandna naraw kemm tassew hi urġenti l-ħidma missjunarja.

 Fl-aħħar mill-aħħar żminijietna qegħdin joffru opportunitajiet ġodda lill-Knisja f’dan il-qasam: rajna jiġu fix-xejn ideoloġiji u sistemi politiċi oppressivi; qegħdin naraw il-fruntieri jinfetħu u dinja aktar magħquda għax tkattru l-komunikazzjonijiet; qegħdin naraw milqugħin minn ħafna popli dawk il-valuri tal-Evanġelju li Kristu nkarna f’ħajtu (il-paċi, il-ġustizzja, il-fraternità, iċ-ċaħda tal-vjolenza, it-tħassib għall-imsejknin); u qegħdin naraw ukoll sura ta’ żvilupp ekonomiku u tekniku bla ruħ li, minkejja kollox, qiegħed iwassal għat-tfittix tal-verità dwar Alla, dwar il-bniedem u dwar it-tifsir tal-ħajja.

 Alla qiegħed jiftaħ għall-Knisja xefaq ta’ umanità dejjem aktar imħejjija biex tilqa’ ż-żerrie-għa tal-Evanġelju. Inħoss li wasal il-waqt li nagħmlu użu mill-enerġiji kollha tal-Knisja għal evan-ġelizzazzjoni ġdida u għall-ħidma missjunarja fost il-ġnus (ad gentes). Ħadd fost dawk li jemmnu fi Kristu, ebda istituzzjoni tal-Knisja, ma jistgħu jibqgħu lura minn dan id-dmir hekk għoli: it-tħabbira ta’ Kristu lill-ġnus kollha tal-art.

 


 

 

Kap 1

ĠESÙ KRISTU: IL-FEDDEJ WAĦDIENI

4. Fl-ewwel enċiklika tiegħi, li fiha għedt x’kellu jkun il-programm tal-Pontifikat tiegħi, kont ktibt li “d-dmir ewlieni tal-Knisja f’kull żmien, u b’mod speċjali fi żmienna, hu li tmexxi l-fehma tal-bniedem u twassal lill-bnedmin kollha biex iħossu u jġarrbu l-misteru ta’ Kristu”[4].

 Il-missjoni universali tal-Knisja toħroġ mill-fidi f’Ġesù Kristu, kif tistqarr il-professjoni tal-fidi fit-Trinità Qaddisa: “Jiena nemmen...f’Ġesù Kristu, Ibnu wieħed, Sidna, imnissel mill-Missier qabel kull żmien...niżel mis-smewwiet għalina l-bnedmin u għall-fidwa tagħna. U ħa l-ġisem bis-setgħa tal-Ispirtu s-Santu minn Marija Verġni u sar bniedem[5]. Il-fidwa ġabet is-salvazzjoni għal kulħadd, għaliex “kull wieħed jinsab fil-misteru tal-fidwa u ma’ kull wieħed Kristu ngħaqad għal dejjem permezz ta’ dan il-misteru[6]. Il-missjoni tal-Knisja tiftiehem biss fil-fidi, u fil-fidi biss għandha s-sisien tagħha.

 Iżda, wkoll minħabba t-tibdiliet li seħħu fi żminijietna, xi wħud jistaqsu lilhom infushom: “Għadha tiswa l-ħidma missjunarja fost dawk li mhumiex insara? Mhux aħjar li flokha jkun hemm djalogu bejn ir-reliġjonijiet? L-iżvilupp tal-bniedem mhuwiex biżżejjed bħala għan għall-ħidma tal-Knisja? Ir-rispett għall-kuxjenza u l-libertà tal-bniedem m’għandux iwaqqaf kull ħidma ta’ konverżjoni? Ma nistgħux insalvaw, tkun xi tkun ir-reliġjon li nħaddnu? Għalhekk għalfejn il-ħidma missjunarja tal-Knisja?”

 

“Ħadd ma jmur għand il-Missier, jekk mhux permezz tiegħi” (Ġw 14,6)

5. Jekk immorru għall-ewwel żminijiet tal-Knisja, insibu mtenni b’mod aktar ċar li Kristu hu l-Feddej Waħdieni ta’ kulħadd, u li hu waħdu jista’ jurina lil Alla u jeħodna għandu. San Pietru, lill-awtoritajiet reliġjużi tal-Lhud li staqsew lill-Appostli dwar il-fejqan ta’ wieħed magħtub, qalilhom: “Bis-saħħa tal-isem ta’ Ġesù Kristu ta’ Nazaret, li intom sallabtuh u Alla qajmu mill-imwiet, dan ir-raġel hu hawn quddiemkom qawwi u sħiħ....għax imkien taħt is-sema ma hemm isem ieħor mogħti lill-bnedmin li bih għandna nkunu salvi” (Atti 4,10,12). Din id-dikjarazzjoni, magħmula quddiem is-Sanhedrin, tgħodd għall-kullimkien, għax il-bnedmin kollha - kemm Lhud u kemm ġnus - jistgħu ikunu salvi biss b’Ġesù Kristu. It-Testment il-Ġdid kollu jtenni li s-salvazzjoni ta’ kulħadd hi permezz ta’ Kristu. San Pawl jagħraf bħala l-Mulej 'il Kristu Rxoxt. Hu kiteb: “Imqar jekk hemm l-hekk imsejħa allat sew fis-sema kemm fl-art - u tassew hemm ħafna allat u ħafna sidien - għalina Alla wieħed hemm, il-Missier li minnu ġej kollox u aħna neżistu għalih, u wieħed Mulej, Ġesù Kristu, li permezz tiegħu sar kollox u aħna għalih neżistu” (1 Kor 8,5-6): jgħid li hemm Alla wieħed u Mulej wieħed, kontra “il-ħafna allat” u “l-ħafna sidien” kif kienu jaħsbu n-nies. San Pawl jeħodha kontra l-qima ta’ ħafna allat fl-ambjent reliġjuż ta’ żmienu, u juri b’mod ċar il-karatteristika tal-fidi nisranija: fidi f’Alla wieħed u Mulej wieħed, mibgħut minn Alla. Fl-Evanġelju ta’ San Ġwann, il-verità li s-salvazzjoni ta’ Kristu hi għal kulħadd, tħaddan il-missjoni kollha tiegħu ta’ grazzja, verità u rivelazzjoni: “Il-Verb hu d-dawl veru, li jdawwal kull bniedem” (Ġw 1,9). U wkoll: “Lil Alla għadu ħadd ma rah, imma għarrafhulna l-Iben il-waħdieni t’Alla, li hu fi ħdan il-Missier” (Ġw 1,18). Ir-rivelazzjoni sħiħa u definittiva t’Alla sseħħ permezz tal-Iben il-waħdieni tiegħu: “Alla fl-imgħoddi kellem lill-missirijietna ħafna drabi u b’ħafna manjieri, per-mezz tal-profeti; issa, f’dan l-aħħar żmien, kellimna permezz ta’ Ibnu, li hu għamlu werriet ta’ kollox” (Lh 1,1-2; ara Ġw 14,6). B’din il-Kelma definittiva tar-rivelazzjoni tiegħu, Alla wera lilu nnifsu b’mod aktar sħiħ, u lill-bnedmin qalilhom min kien. Din ir-rivelazzjoni, li biha Alla wera lilu nnifsu b’mod l-aktar ċert u definit, hija r-raġuni ewlenija għaliex il-Knisja “min-natura tagħha stess, hija Knisja missjunarja”, u għalhekk ma tistax ma tħabbarx l-Evanġelju, jiġifieri l-milja tal-verità li Alla għarrafna dwaru stess.

 Kristu hu l-medjatur waħdieni bejn Alla u l-bniedem: “Wieħed hu Alla u wieħed hu l-medjatur bejn Alla u l-bniedem, il-Bniedem Kristu Ġesù li ta lilu nnifsu bħala prezz tal-fidwa għal kulħadd, u x-xhieda ta’ dan ingħatat f’waqtha. Hu għal dan li jien kont magħżul xandar u appo-stlu - qiegħed ngħid is-sewwa, m’iniex nigdeb - biex ngħallem lill-ġnus il-fidi u l-verità” (1 Tim 2,5-7; ara Lh 4,14-16). Il-bnedmin ma jistgħux ikunu xirka m’Alla jekk mhux permezz ta’ Kristu, immexxijin mill-Ispirtu s-Santu. Din il-medjazzjoni, waħdiena w universali, ta’ Kristu, mhijiex ta’ tfixkil għall-mixi lejn Alla, anzi hija t-triq li Alla stess fassal, ħaġa li Kristu jaf sewwa. Jekk b’dan mhumiex imwarrbin il-medjazzjonijiet partiċipati ta’ ħafna suriet u gradi, dawn jiksbu l-qawwa u t-tifsir tagħhom mill-medjazzjoni ta’ Kristu, u m’għandniex naħsbu li dawn il-medjazzjonijiet huma daqs il-medjazzjoni ta’ Kristu jew li jistgħu itejbuha.

 

6. Min jifred il-Verb minn Ġesù Kristu imur kontra l-fidi nisranija. San Ġwann jgħid b’mod l-aktar ċar li l-Verb li “fil-bidu kien m’Alla”, hu dak stess li “sar bniedem” (Ġw 1,2.14). Ġesù hu l-Verb magħmul bniedem, persuna waħda mhux mifruda fiha nfisha, u wieħed ma jistax jifred lil Ġesù minn Kristu, jew jitkellem dwar “Kristu storiku” bħallikieku ma kienx l-istess bħal “Kristu tal-fidi”. Il-Knisja tagħraf u tistqarr lil Kristu bħala “Kristu, Iben Alla l-ħaj” (Mt 16,16). Kristu mhux ħlief Ġesù ta’ Nazaret, hu l-Verb t’Alla li sar bniedem għas-salvazzjoni ta’ kulħadd. Fi Kristu “tgħammar il-milja sħiħa tad-divinità fil-ġisem” (Kol 2,9) u “Mill-milja tiegħu aħna lkoll ħadna” (Ġw 1,6). “L-Iben waħdieni t’Alla, li hu fi ħdan il-Missier” (Ġw 1,16), hu l-Iben il-maħbub li bih għandna l-fidwa (Kol 1,13-14); fih għoġobha tgħammar il-milja kollha (t’Alla), fih Alla għoġbu jħabbeb kollox miegħu, u bid-demm tiegħu, imxerred fuq is-salib, ġieb is-sliem permezz tiegħu fis-sema u fl-art” (Kol 1,19-20). Din is-singularità waħdanija ta’ Ġesù Kristu tagħtih tifsir sħiħ u universali, hekk li, huwa u jinsab fl-istorja tad-dinja, hu ċ-ċentru u l-għan tagħha[7]: “Jiena l-Alpha u l-Omega, l-Ewwel u l-Aħħar, il-Bidu u t-Tmiem” (Apok 22,12-13).

 Jekk mela jista’ jkun u jiswa li wieħed jikkunsidra l-ħafna aspetti tal-misteru ta’ Kristu, jeħtieġ li qatt ma jinsa l-għaqda u r-rabta li hemm bejniethom. Waqt li naraw u nfittxu s-siwi tad-doni ta’ kull xorta, l-aktar tad-doni spiritwali li Alla ta lill-poplu tiegħu, ma nistgħux nifirduhom minn Kristu, li hu fil-qofol tal-Pjan t’Alla għas-salvazzjoni tad-dinja. Kif “l-Iben t’Alla, bl-inkarnaz-zjoni tiegħu, ingħaqad ma’ kull bniedem,” hekk “għandna nżommu li l-Ispirtu s-Santu jagħti lil kulħadd, b’mod li jafu Alla, li jkun jista’ jiltaqa’ mal-misteru tal-Għid”[8]. Il-ħsieb t’Alla hu li “jinġabar kollox taħt ras waħda, li hu Kristu, kull ma hu fl-art u kull ma hu fis-sema” (Ef 1,10).

 

Il-fidi fi Kristu hi proposta magħmula lil-libertà tal-bniedem

7. Il-ħtieġa tal-ħidma missjunarja tidher mill-fatt li Kristu ġieb tiġdid radikali fil-ħajja, li mbagħad għexuha d-dixxipli tiegħu. Din il-ħajja ġdida hi don t’Alla, u l-bniedem hu mitlub li jilqa’ dan id-don u jiżviluppah, jekk irid jilħaq il-milja tas-sejħa tiegħu fi qbil ma’ Kristu. It-Testment il-Ġdid kollu huwa innu ta’ din il-ħajja ġdida ta’ dawk li jemmnu fi Kristu u jgħixu fil-Knisja tiegħu. Is-salvazzjoni fi Kristu, li tagħha l-Knisja hi xhud u li hi tħabbar, hija l-għoti t’Alla nnifsu: “L-imħabba mhux biss toħloq il-ġid imma twassal ukoll biex ikun hemm tisħib fl-istess ħajja t’Alla l-Missier, l-Iben u l-Ispirtu s-Santu. Għax min iħobb irid jagħti lilu nnifsu”[9].

 Alla joffri din il-ħajja ġdida lill-bniedem. “Jista’ qatt jintrema Kristu u kull ma ġieb fil-ġrajja tal-bniedem?” Jista’, iva, jintrema, għax il-bniedem hu ħieles li jagħmel dan. Il-bniedem jista’ jgħid “Le” lil Alla; il-bniedem jista’ jgħid “Le” lil Kristu. Imma dejjem tibqa’ din il-mistoqsija fondamentali: “Sewwa tagħmel dan? X’inhu dak li jagħmlu sewwa?”[10].

 

8. Id-dinja tal-lum trid tniżżel il-bniedem għal dimensjoni orizzontali biss. Imma x’ikun il-bniedem jekk ma jkunx miftuħ għall-Assolut, għal Alla? It-tweġiba għal din il-mistoqsija nsibuha fl-esper-jenza ta’ kull bniedem, u nsibuha wkoll miktuba fil-ġrajja tal-bniedem bid-demm li nxtered minħabba ideoloġiji u reġimi politiċi li riedu jibnu “ġens ġdid ta’ bnedmin” mingħajr Alla[11]. Madankollu, lil dawk li jridu jħarsu l-libertà tal-kuxjenza, il-Konċilju Vatikan II jgħidilhom: “Il-persuna tal-bniedem għandha d-dritt għal-libertà reliġjuża....Il-bnedmin kollha għandhom ikunu ħielsa milli jiġu mġegħlin minn xi ħadd, jew minn xi grupp soċjali, jew minn xi setgħa tad-dinja, imorru kontra l-kuxjenza tagħhom f’dak li għandu x’jaqsam mar-reliġjon, jew ma jitħallewx jimxu skont il-kuxjenza tagħhom, sew fil-privat u sew fil-pubbliku, sew għal rashom u sew f’xirka ma’ oħrajn”[12].

 It-tħabbira ta’ Kristu u x-xhieda għalih, meta jsiru b’rispett għall-kuxjenza tal-oħrajn, ma jmorrux kontra l-libertà. Il-fidi trid tkun milqugħa mill-bniedem b’mod ħieles; iżda lilu trid tiġi mħabbra, għaliex “il-bnedmin kollha għandhom id-dritt li jkunu jafu bl-għana kollu tal-misteru ta’ Kristu, li fih, kif naħsbu, il-familja kollha tal-bnedmin issib, f’milja li qatt ma kienet tissoponiha, dak kollu li qiegħda tipprova tfittex b’ħafna tlaqliq dwar Alla, dwar il-bniedem u xortih fil-ġejjieni, dwar il-ħajja u l-mewt, dwar il-verità....Hu għalhekk li l-Knisja żżomm ħajja l-ħeġġa missjunarja tagħha u ġġibha 'l quddiem, anzi tħabrek biex issaħħaħha f’dan iż-żmien li fih qegħdin ngħixu”[13].

 Imma rridu ngħidu wkoll, flimkien mal-Konċilju li “l-bnedmin kollha, minħabba d-dinjità tagħhom bħala persuni, għaliex għandhom ir-raġuni u għandhom rieda ħielsa, u għalhekk mgħobbijin b’responsabbiltà personali, min-natura tagħhom stess, huma marbutin minn dmir morali li jfittxu l-verità u qabel kollox, il-verità reliġjuża. Huma fid-dmir ukoll li jħaddnu l-verità li jagħrfu u jfasslu ħajjithom kollha skont ma titlob minnhom din il-verità”[14].

Il-Knisja sinjal u triq ta’ salvazzjoni

9. Il-Knisja hija l-ewwel waħda li kisbet ġid mis-salvazzjoni: Kristu kisibha b’demmu (ara Atti 20,28), u seħibha miegħu fil-ħidma ta’ salvazzjoni universali. Kristu jgħix fiha; hu l-Għarus tagħha; ikabbarha; biha jaqdi l-missjoni tiegħu.

 Il-Konċilju spiss fakkar x’inhu s-sehem tal-Knisja għas-salvazzjoni kollha tal-bnedmin. Waqt li tagħraf li Alla jħobb il-bnedmin kollha u jagħtihom li jkunu jistgħu jiksbu s-salvazzjoni (ara

1 Tim 2,4)[15], il-Knisja tistqarr li Alla għamel 'il Kristu l-medjatur waħdieni u għamel lill-Knisja s-sagrament universali tas-salvazzjoni[16]. “Għal din l-għaqda Kattolika tal-Poplu t’Alla huma msejħin il-bnedmin kollha u b’ħafna modi għandhom sehem fiha jew huma diretti lejha, kemm il-kattoliċi, kemm dawk kollha li jemmnu fi Kristu, u kemm ukoll il-bnedmin kollha msejħin mill-grazzja t’Alla għas-salvazzjoni”[17]. Hu meħtieġ li dawn iż-żewġ veritajiet jitqiesu dejjem flimkien, il-verità li l-bnedmin kollha jistgħu jiksbu s-salvazzjoni fi Kristu, u l-verità li l-Knisja hi meħtieġa għas-salvazzjoni ta’ kulħadd. Dawn iż-żewġ veritajiet jgħinuna nifhmu l-misteru waħdieni tas-salvazzjoni, b’mod li nagħrfu l-ħniena t’Alla u r-responsabbiltajiet tagħna. Is-salvazzjoni, li hi dejjem don tal-Ispirtu s-Santu, titlob is-sehem tal-bniedem, kemm biex isalva hu u kemm biex isalvaw l-oħrajn. Hekk ried Alla, u għalhekk waqqaf il-Knisja biex ikollha sehem fil-pjan tiegħu tas-salvazzjoni. “Il-poplu messjaniku”, jgħid il-Konċilju, “imwaqqaf minn Kristu bħala xirka ta’ ħajja, imħabba u verità, minn Kristu ġie magħmul ukoll strument ta’ fidwa għal kulħadd, u jintbagħat fid-dinja kollha bħala dawl tad-dinja u melħ tal-art”[18].

 

Is-salvazzjoni hi għall-bnedmin kollha

10. Meta ngħidu li s-salvazzjoni hi għal kulħadd, ma nkunux nifhmu li s-salvazzjoni tingħata biss lil dawk li espressament jemmnu fi Kristu u daħlu fil-Knisja tiegħu. Jekk is-salvazzjoni hi għal kulħadd, trid titwassal lil kulħadd. Iżda hi ħaġa ċara li llum, u fl-imgħoddi wkoll, ħafna bnedmin ma setgħux ikunu jafu bir-rivelazzjoni tal-Evanġelju u jħaddnuha, u jidħlu fil-Knisja. Dawn il-bnedmin ikunu jgħixu f’qagħdiet soċjali u kulturali li ma jħalluhomx ikunu jafu b’din ir-rivelazzjoni, u spiss ikunu trabbew f’reliġjonijiet oħra. Lil dawn il-bnedmin is-salvazzjoni ta’ Kristu taslilhom bi grazzja, li għalkemm għandha relazzjoni misterjuża tal-Knisja, ma ddaħħalhomx formalment fil-Knisja, imma ddawwalhom b’mod li jkun jaqbel mal-qagħda spiritwali u materjali tagħhom. Din il-grazzja ġejja minn Kristu, u hi frott tas-sagrifiċċju tiegħu; tingħata mill-Ispirtu s-Santu u twassal lil kull wieħed, bil-kollaborazzjoni sħiħa tiegħu, għas-salvazzjoni.

 Għalhekk il-Konċilju, wara li tenna l-misteru tal-Għid huwa l-qofol tar-rivelazzjoni, kompla jgħid: “Dan ma jgħoddx biss għall-insara, imma jgħodd ukoll għall-bnedmin kollha ta’ rieda tajba, li fi qlubhom il-grazzja t’Alla taħdem bil-moħbi. Għax Kristu miet għal kulħadd, u għax hi waħda s-sejħa aħħarija li Alla jagħmel lil kull bniedem, għandna nemmnu li l-Ispirtu s-Santu jagħti lil kulħadd il-grazzja li jkun jista’ jissieħeb fil-misteru tal-Għid, bil-mod kif jafu Alla”[19].

 

“Aħna ma nistgħux ma nitkellmux” (Att 4,20)

11. X’nistgħu ngħidu mela dwar l-obbjezzjonijiet għall-missjoni fost il-ġnus - ad gentes - li semmejna aktar 'il fuq? Waqt li nuru rispett għar-reliġjonijiet u għas-sensibilitajiet ta’ kulħadd, irridu qabel xejn nistqarru ċar u tond il-fidi tagħna fi Kristu, il-Feddej waħdieni tal-bniedem, fidi li rċevejna bħala don mis-sema bla ebda mertu tagħna. Ma’ San Pawl ngħidu: “Jiena ma nistħix mill-Evanġelju, għax l-Evanġelju hu l-qawwa t’Alla għas-salvazzjoni ta’ dawk kollha li jemmnu” (Rum 1,16). Il-martri nsara ta’ kull żmien - ta’ żmienna wkoll - taw ħajjithom u għadhom jagħtuha biex jagħtu xhieda ta’ din il-fidi quddiem il-bnedmin, żguri li Kristu hu meħtieġ mill-bnedmin kollha, għax ħabbeb mill-ġdid il-bniedem m’Alla, wara li rebaħ il-mewt u d-dnub.

 Kristu qal li hu l-Iben t’Alla, ħaġa waħda mal-Missier - u hekk stqarrewh id-dixxipli tiegħu - u wettaq kliemu bil-mirakli li għamel u bil-qawmien tiegħu mill-imwiet. Il-Knisja toffri l-Evanġelju lill-bnedmin bħala dokument profetiku li jwieġeb għall-ħtiġiet u għat-tamiet tal-qalb tal-bniedem: hu dejjem “Bxara tajba”. Il-Knisja ma tistax ma xxandarx li Kristu ġie fid-dinja biex jurina wiċċ Alla u jimmerita s-salvazzjoni għall-bnedmin kollha bil-mewt u l-qawmien tiegħu mill-imwiet.

 Għall-mistoqsija: Għalfejn il-missjoni? aħna nwieġbu, bil-fidi u l-esperjenza tal-Knisja, li l-ħelsien veru hu l-ftuħ tal-qalb għall-imħabba ta’ Kristu. Fih, u fih biss, neħilsu minn kull aljenaz-zjoni u minn kull taħwid, u mill-jasar tas-setgħa tad-dnub u l-mewt. Kristu hu tassew “is-sliem tagħna” (Ef 2,14), u “l-imħabba ta’ Kristu ġġiegħelna naħsbu dan” (2 Kor 5,14), hija u tagħti tifsir lil ħajjitna. Il-missjoni hi problema tal-fidi, tal-fidi tagħna fi Kristu u sinjal tassew tal-imħabba tiegħu għalina.

 Illum it-tentazzjoni hi li l-Kristjaneżmu jinbidel f’sura ta’ għerf tal-bniedem, f’sura ta’ tagħlim kif tgħix ħajja tajba. F’dinja kollha kemm hi sekularizzata “is-salvazzjoni ġiet ukoll bil-mod il-mod sekularizzata”, u tfittex iva l-ġid tal-bniedem, iżda mhux dak tal-bniedem sħiħ, għax tfittex biss il-ġid tad-dimensjoni orizzontali tal-bniedem. Iżda aħna nafu li Ġesù ġie fid-dinja għas-salvazzjoni tal-bniedem sħiħ, salvazzjoni li tħaddan il-bniedem kollu kemm hu u l-bnedmin kollha, u turihom id-dehra tal-għaġeb ta’ wlied Alla.

 Għalfejn il-missjoni? Għaliex lilna, kif lil San Pawl “ingħatatilna din il-grazzja li jxandru fost il-pagani l-għana ta’ Kristu” (Ef 3,8). Il-ħajja ġdida fi Kristu hi “l-Bxara t-Tajba” imwassla lill-bnedmin kollha ta’ kull żmien: il-bnedmin kollha huma msejħin u ddestinati għaliha. Il-bnedmin kollha jfittxuha din il-ħajja, għalkemm xi kultant dan jagħmluh b’mod konfuż, iżda għandhom id-dritt ikunu jafu s-siwi ta’ dan id-don u jiksbuh. Il-Knisja, u, fil-Knisja, kull nisrani, ma jistax jaħbi jew iżomm għalih din il-ħajja ġdida u l-għana kollu tagħha, li rċieva mit-tjieba t’Alla biex titwassal lill-bnedmin kollha.

 Hu għalhekk li l-missjoni tal-Knisja toħroġ mhux biss mill-kmand tal-Mulej, imma wkoll tintalab mix-xewqa kbira tal-ħajja f’Alla li hemm fina. Dawk li huma fil-Knisja Kattolika għandhom iħossu ruħhom privileġġjati u għalhekk aktar impenjati li jagħtu xhieda ta’ fidi u ta’ ħajja nisranija bħala qadi lejn ħuthom u tweġiba mogħtija bi dmir lil Alla, huma u jiftakru li l-qagħda privileġġjata tagħhom ma kisbuhiex b’xi mertu tagħhom imma ġiet mogħtija lilhom bi grazzja speċjali minn Kristu: jekk ma jweġbux bil-ħsieb, bil-kliem u bl-għemil, mhux biss ma jsalvawx, imma l-ħaqq magħhom ikun wisq aktar iebes[20].


 

KAP II

IS-SALTNA T’ALLA

12. “Alla, għani fil-ħniena, hu dak li Ġesù Kristu wriena bħala l-Missier: hu Ibnu stess li, fih innifsu, urihulna u għarrafhulna.”[21] Hekk ktibt fil-bidu tal-enċiklika Dives in misericordia u wrejt li Kristu hu r-rivelazzjoni u l-inkarnazzjoni tal-ħniena tal-Missier. Is-salvazzjoni tikkonsisti billi nemmnu u nilqgħu l-misteru tal-Missier u tal-imħabba tiegħu, li tidher u tingħata fi Kristu bl-Ispirtu s-Santu. Hekk isseħħ is-Saltna t’Alla, imħejjija sa minn żmien il-Patt il-Qadim, mitmuma minn Kristu fi Kristu, imħabbra lill-ġnus kollha mill-Knisja, li tħabrek u titlob biex isseħħ fil-milja kollha tagħha.

 It-Testment il-Qadim jgħidilna li Alla għażel u ħejja għalih poplu ħa juri u jwettaq il-pjan tiegħu ta’ mħabba. Iżda Alla hu fl-istess ħin Ħallieq u Missier tal-bnedmin kollha; jieħu ħsieb kulħadd, ibierek lil kulħadd (ara Ġen 12,3); għamel patt ma’ kulħadd (ara Ġen 9,1-17); Iżrael ħassu bħala Alla personali u Salvatur (ara Dewt 4,37; 6,8; Is 43,1-7), u sar xhud u ħabbar tiegħu fost il-ġnus. Il-ġens ta’ Iżrael, tul il-ġrajja kollha, wasal biex jagħraf li l-għażla tiegħu kellha tifsir universali (ara bħala eżempji Is 2,2-5; 25,6-8; 60, 1-6; Ġer 3,17; 16, 19-21).

 

Kristu jagħmel tidher is-Saltna t’Alla

13. Ġesù ta’ Nazaret temm il-ħsieb t’Alla. Meta niżel fuqu l-Ispirtu s-Santu fil-magħmudija tiegħu, wera x’kienet il-missjoni messjanika tiegħu: għadda mill-Galilija kollha “ixandar il-Bxara t-Tajba u jgħid: ‘Iż-żmien huwa mitmum, u s-Saltna t’Alla waslet: Indmu w emmnu fil-Bxara t-Tajba’ (Mk 1, 14-15; ara Mt 4,17; Lq 4,43)”. Il-missjoni ta’ Kristu kienet dik li jwaqqaf u jħabbar is-Saltna t’Alla: “Għalhekk kont mibgħut” (Lq 4,43). Iżda hemm ħaġa oħra aktar għolja li rridu nqisu: Kristu nnifsu hu “il-Bxara t-Tajba”; hekk stqarr fis-sinagoga ta’ pajjiżu fil-bidu tal-missjoni tiegħu, u applika għalih kliem il-profeta Isaija dwar il-Midluk, mibgħut mill-Ispirtu tal-Mulej (ara Lq 4,14-21). Għax Kristu nnifsu hu “il-Bxara t-Tajba”, fi Kristu, wieħed hu l-mibgħut, dak li jħabbar, u t-tħabbira li titħabbar, u ħaġa waħda huma l-kliem, l-għemil u l-eżistenza. Il-qawwa tiegħu, il-qawwa tal-ħidma tiegħu tinsab fil-fatt li hu ħaġa waħda mat-tħabbira tiegħu; iħabbar “il-Bxara t-Tajba” mhux biss b’dak li jgħid u jagħmel, imma wkoll b’dak li hu. X’kien il-ministeru ta’ Kristu narawh mill-mixi tiegħu tul pajjiżu kollu. Il-missjoni tiegħu qabel l-Għid kienet biss f’Iżrael, iżda Ġesù jdaħħal element ġdid importanti ħafna. Ir-realtà eskatoloġika ma jħallihiex għat-tmiem tad-dinja f’ġejjieni 'l-bogħod ħafna. Is-Saltna t’Alla hi fil-qrib (ara Mk 1,15), isir talb biex tiġi (ara Mt 6,10), il-fidi taraha qiegħda sseħħ fis-sinjali, bħalma huma l-mirakli (ara Mt 11,4-5), l-eżorċiżmi (ara Mt 12, 25-28), l-għażla tat-Tnax (ara Mk 3, 3-10), u t-tħabbira tal-Bxara t-Tajba lill-foqra (ara Lq 4,18). Mil-laqgħat ta’ Kristu mal-pagani jidher ċar li d-dħul fis-Saltna jsir permezz tal-fidi u l-konverżjoni (ara Mk 1,15) u mhux mill-fatt li wieħed ikun membru ta’ nazzjon. Is-Saltna li Kristu jagħti bidu għaliha hi s-Saltna t’Alla. Kristu nnifsu juri min hu dan Alla u jsejjaħlu bil-kelma familjari ta’ “Abbà” Missier (Mk 14,36). Alla, kif jintwera l-aktar fil-parabboli (ara Lq 15, 3-32; Mt 20, 1-16) hu Alla li jqanqluh il-ħtiġiet u t-tbatijiet ta’ kull bniedem: hu Missier mimli mħabba u ħniena, li jaħfer u jagħti bil-qalb minn rajh il-grazzji li jitolbulu. San Ġwann jgħid li “Alla hu mħabba” (1 Ġw 4, 8-16). Kull bniedem għalhekk hu msejjaħ biex “jikkonverti” u “jemmen” fl-imħabba kollha ħniena t’Alla: is-Saltna t’Alla tikber daqskemm kull bniedem jitgħallem idur lejn Alla b’talb fis-skiet u l-ġabra qisu lejn Missier (ara Lq 11,2; Mt 23,9) u jħabrek biex jagħmel ir-rieda tiegħu (ara Mt 7,21).

 

Dak li titlob is-Saltna t’Alla u l-karatteristiċi tagħha

14. Ġesù bil-mod il-mod juri x’titlob is-Saltna t’Alla u liema huma l-karatteristiċi tagħha bi kliemu, b’għemilu, u bil-persuna tiegħu stess tiegħu nnifsu.

 Is-Saltna t’Alla hi għall-bnedmin kollha, għax kollha msejħin biex ikunu membri tagħha. Dan Ġesù wrieh b’mod ċar, meta resaq l-aktar lejn l-imwarrbin mis-soċjetà, u ppreferihom fit-tħabbira tal-Bxara t-Tajba. Fil-bidu tal-ministeru tiegħu hu stqarr li kien mibgħut biex ixandar il-Bxara t-Tajba lill-foqra (ara Lq 4,18). Lill-imwarrbin u lil dawk kollha li huma mistkerrha, jgħidil-hom: “Ħenjin intom il-foqra” (Lq 6,20); anzi lil dawn l-imwarrbin jagħtihom li jġarrbu sens ta’ ħelsien, meta jmur magħhom, u jiekol magħhom (ara Lq 5,30; 15.2), u jqishom daqsu u ħbiebu (ara Lq 7,34); huwa u jġiegħelhom iħossu li huma marbutin minn Alla, juri l-kobor kollu tat-tjieba tiegħu għall-foqra u l-midinbin (ara Lq 15, 1-32). Il-ħelsien u s-salvazzjoni, li jiġuna mis-Saltna t’Alla jilħqu l-bniedem f’ruħu u ġismu. Żewġ suriet ta’ għemil huma l-karatteristika tal-missjoni ta’ Kristu: jfejjaq u jaħfer. Ħafna fejqan juri l-ħniena kbira tiegħu għat-tiġrib tal-bniedem; imma juru wkoll li fis-Saltna m’għadx ikun hemm mard u tbatija u li sa mill-bidu tal-missjoni tiegħu hu ġie biex jeħles il-bnedmin minnhom. Fil-fehma ta’ Ġesù l-fejqan huwa wkoll sinjal ta’ salvazzjoni spiritwali, ta’ ħelsien mid-dnub. Meta fejjaq, Ġesù stieden għall-fidi, għall-konverżjoni, għax-xewqa tal-maħfra (ara Lq 5,24). Meta jkun hemm il-fidi, il-fejqan iħajjar għall-mixi aktar 'il quddiem: iwassal għas-salvazzjoni (ara Lq 18, 42-43). Il-ħelsien mix-xjaten - u li bniedem ikollu xitan fih hu l-akbar deni li jista’ jkollu u hu simbolu tad-dnub u ta’ twarrib minn Alla - hu sinjali li “waslitilkom is-Saltna t’Alla” (Mt 12,28).

 

15. L-għan tas-Saltna hu li jbiddel l-imġiba tal-bnedmin u li jtejjibhom bil-mod il-mod daqskemm jitgħallmu jħobbu 'l xulxin u jaħfru u jaqdu lil xulxin. Kristu l-liġi kollha jiġborha fil-kmandament tal-imħabba (ara Mt 22, 34-40; Lq 10, 25-28). Qabel ma tbiegħed mid-dixxipli, tahom “kman-dament ġdid”: “Bħalma ħabbejtkom jien, hekk ukoll ħobbu intom lil xulxin” (Ġw 13,34; ara 15,12). L-imħabba li biha Ġesù ħabb id-dinja dehret fl-aqwa tagħha meta ta ħajtu għall-bnedmin (ara Ġw 15,13), l-imħabba li turi l-imħabba tal-Missier għad-dinja (Ġw 3,16). Għalhekk il-qofol tan-natura tas-Saltna t’Alla hu x-xirka tal-bnedmin kollha bejniethom u m’Alla.

 Is-Saltna t’Alla hi għal kulħadd: għall-individwi, għas-soċjetà, għad-dinja kollha. Taħdem għas-Saltna jfisser tagħraf u ġġib 'il quddiem il-ħidma t’Alla, li turi ruħha fil-ġrajja tal-bniedem u tbiddilha. Tibni s-Saltna tfisser li tħabrek għall-ħelsien mid-deni, hu liema hu. F’kelma waħda, is-Saltna t’Alla hi d-dehra u t-twettiq tal-pjan t’Alla fis-sħuħija kollha tiegħu.

 

Fi Kristu Rxoxt isseħħ u titħabbar is-Saltna t’Alla

16. Alla, bil-qawmien ta’ Kristu mill-imwiet, rebaħ il-mewt, u fi Kristu ta bidu definittiv għas-Saltna tiegħu. Tul il-ħajja tiegħu fid-dinja Kristu hu l-profeta tas-Saltna, u, wara l-passjoni, il-qawmien tiegħu mill-imwiet u t-tlugħ tiegħu fis-Sema, għandu sehem fis-setgħa t’Alla u fil-ħakma tiegħu fuq id-dinja (aqra Mt 28,18; Atti 2,36; ara 1,18-21). Il-qawmien mill-imwiet juri li t-tħabbira ta’ Kristu hi għad-dinja kollha u jagħti qawwa liema bħalha lill-ħidma u l-missjoni kollha tiegħu. Id-dixxipli ntebħu li s-Saltna kienet ġa tinsab fil-persuna ta’ Kristu u bil-mod il-mod kienet qiegħda tinbena fil-bnedmin u fid-dinja permezz ta’ rabta misterjuża miegħu.

 Tant hu minnu dan li d-dixxipli, wara l-qawmien tal-Mulej mill-imwiet, xandru s-Saltna t’Alla, huma u jħabbru lil Kristu mejjet u Rxoxt. Fis-Samarija, Filippu “kien ixandrilhom fuq is-Saltna t’Alla u fuq l-isem ta’ Ġesù” (Atti 8,12); San Pawl, f’Ruma, “xandrilhom is-Saltna t’Alla u għallimhom fuq il-Mulej Ġesù Kristu” (Atti 28,31). L-ewwel insara wkoll kienu jħabbru “is-Saltna ta’ Kristu u t’Alla” (Ef 5; ara Apok 11,15; 12,10), jew sempliċement “is-Saltna ta’ dejjem ta’ Sidna u s-Salvatur tagħna Ġesù Kristu” (2 Piet 1,11). It-tħabbira ta’ Ġesù Kristu li hi l-istess ħaġa bħat-tħabbira tas-Saltna, kienet il-qofol tal-predikazzjoni tal-Knisja tal-ewwel żminijiet. Kif ġara dak iż-żmien, hekk jeħtieġ li jiġri llum u t-tħabbira tas-Saltna t’Alla (il-kerygma ta’ Kristu kienet dwar is-Saltna) tingħaqad mat-tħabbira tal-ġrajja ta’ Kristu (u din kienet il-kerygma tal-Appostli); il-kerygma ta’ Kristu u dik tal-Appostli flimkien isaħħu u jdawlu 'l xulxin.

 

Ir-rabta tas-Saltna t’Alla ma’ Kristu u l-Knisja

17. Illum qiegħed jingħad ħafna diskors dwar is-Saltna t’Alla, iżda mhux kull mhu qiegħed jingħad jaqbel mal-ħsieb tal-Knisja. Hemm fehmiet dwar is-salvazzjoni u l-missjoni li nistgħu insejħulhom “antropoċentriċi”, fis-sens ristrett tal-kelma, għaliex huma ċentrati fuq il-ħsibijiet tal-bniedem fid-dinja. Skont din il-fehma, is-Saltna ssir ħaġa kollha kemm hi tal-bniedem, ħaġa kollha kemm hi sekolarizzata, u li jgħodd huma l-proposti u t-tħabrik li jsir għall-ħelsien soċjali w ekonomiku, politiku u kulturali wkoll, b’esklużjoni ta’ min hu 'l fuq mill-bniedem, ta’ kull ma hu traxxendenti. Għalkemm ma nistgħux niċħdu li f’dan il-livell ukoll hemm valuri li jridu jiġu 'l quddiem, fehma bħal din tibqa’ limitata għas-saltna tal-bniedem, nieqes mid-dimensjonijiet veri w għoljin tiegħu, u malajr issir ideoloġija ta’ progress kollu kemm hu ta’ din id-dinja. Imma s-Saltna t’Alla “m’hijiex ta’ din id-dinja....m’hijiex ta’ hawn (Ġw 18,36).

 Hemm fehmiet oħra mbagħad li deliberatament iwessgħu is-Saltna u jitqiesu bħala “reġi-ċentristi”; joħorġu d-dehra tal-Knisja kollha kemm hi mehdija li tagħti xhieda għas-Saltna u taqdiha, imma bla ebda ħsieb għaliha nfisha. “Hi Knisja għall-oħrajn”, jingħad, bħalma Kristu hu “bniedem għall-oħrajn”. Id-dmir tal-Knisja hu mfisser bħala qadi f’żewġ direzzjonijiet; min-naħa l-Knisja hi fid-dmir li ġġib 'il quddiem dawk li jissejħu “il-valuri tas-Saltna” bħalma huma l-paċi, l-ġustizzja, il-libertà u l-fraternità, u min-naħa l-oħra tfittex djalogu mal-popli, mal-kulturi u mar-reli-ġjonijiet, biex huma u jkattru flimkien il-ġid ta’ xulxin, jgħinu lid-dinja tiġġedded u tersaq dejjem aktar lejn is-Saltna. Dawn il-fehmiet, jekk min-naħa huma tajbin, min-naħa l-oħra jistgħu ikunu fl-istess ħin ta’ ħsara wkoll. L-ewwel nett 'il Kristu ma jsemmuhx; is-Saltna li dwarha jitkellmu hija “teoċentrika”, għax jidhrilhom li Kristu jifhmuh biss dawk li jħaddnu l-fidi nisranija, waqt li l-popli, il-kulturi u r-reliġjonijiet l-oħra jistgħu jiltaqgħu ma’ xulxin f’Alla wieħed, hu liema hu l-isem li bih isejħulu. Għall-istess raġuni jaraw importanti l-misteru tal-ħolqien, li jinsab f’ħafna kulturi u reliġjonijiet, iżda mbagħad ma jsemmux il-misteru tal-fidwa. Barra dan il-fehma li għandhom tas-Saltna twassal biex twarrab il-Knisja jew biex tnaqqsilha l-istima b’reazzjoni għal xi “ekkleżjoċen-triżmu” tal-imgħoddi u għaliex iqisu li l-Knisja hi biss sinjal, mhux nieqes minn xi ambigwità.

 

18. Iżda din mhix is-Saltna t’Alla, li sirna nafu biha permezz tar-rivelazzjoni: is-Saltna t’Alla ma nistgħux nifirduha la minn Kristu u lanqas mill-Knisja.

 Kif għidna, Kristu mhux biss ħabbar is-Saltna, imma fih seħħet u ntemmet, u dan mhux biss bi kliemu u b’għemilu: “Is-Saltna t’Alla tidher qabel xejn fil-Persuna ta’ Kristu, Iben Alla u Bin il-bniedem, li ġie ‘mhux biex ikun moqdi, imma biex jaqdi u biex jagħti ħajtu b’fidwa għall-kotra’ (Mk 10,45)”[22]. Is-Saltna t’Alla mhijiex xi fehma, xi duttrina, xi pjan li wieħed jista’ jfissru kif irid, imma hi qabel xejn persuna li għandha l-wiċċ u l-isem ta’ Ġesù ta’ Nazaret, ix-xbieha t’Alla li ma jidhirx[23]. Jekk is-Saltna tiġi mifruda minn Ġesù, ma tibqax is-Saltna rivelata minnu, u naslu biex ngħawġu t-tifsir tagħha u jkun hemm il-periklu li nagħtuha tifsir uman u ideoloġiku; u naslu wkoll biex inbiddlu l-identità ta’ Kristu, li ma jibqax il-Mulej li taħtu jqiegħed kollox (ara 1 Kor 15,27). Hekk ukoll is-Saltna ma tistax tiġi mifruda mill-Knisja. Iva, il-Knisja mhijiex għan għaliha nfisha, għaliex hi għas-Saltna t’Alla, li tagħha hi żerriegħa, sinjal u strument; u għalkemm tintgħażel minn Kristu u mis-Saltna, il-Knisja għandha rabta magħhom li ma tista’ tinħall qatt. Kristu ta lill-Knisja, l-Għarusa tiegħu, il-milja tal-ġid u l-mezzi kollha tas-salvazzjoni: fiha jgħammar l-Ispirtu s-Santu, jaħjiha bid-doni u l-kariżmi tiegħu, iqaddisha, imexxiha u jġeddidha bla heda[24]. Dan joħloq relazzjoni speċjali u waħdanija li tagħtiha taqdi ħidma speċifika u meħtieġa, għalkemm din ma teskludix il-ħidma ta’ Kristu u tal-Ispirtu s-Santu barra mill-Knisja. Minn hawn tiġi wkoll ir-rabta speċjali tal-Knisja mas-Saltna t’Alla u ma’ Kristu ħa tħabbar u twaqqaf il-missjoni tagħha fost il-ġnus kollha[25].

 

19. Dan jurina xinhi verament is-Saltna. Żgur titlob li jiġu ‘l quddiem dak il-ġid u dawk il-valuri tal-bniedem li nistgħu insejħulhom “evanġeliċi”, għaliex għandhom rabta sħiħa mal-“Bxara t-Tajba”. Iżda dan il-progress, li hu żgur għall-qalb tal-Knisja, ma jistax jiġi mifrud mid-dmirijiet l-oħra ewlenin tagħha, u lanqas jitqies kuntrarju għalihom: dawn id-dmirijiet l-oħra huma t-tħabbira ta’ Kristu u tal-Evanġelju tiegħu, it-twaqqfif u t-tkattir ta’ komunitajiet li juru xbieha ħajja tas-Saltna lill-bnedmin tad-dinja. Lanqas għandna naħsbu li b’hekk se naqgħu f’xi “ekkleżjoċentriżmu”: Pawlu VI li tenna li hemm rabta liema bħalha bejn Kristu, il-Knisja u l-evanġelizzazzjoni[26], qal ukoll li l-Knisja “mhix għan għaliha nfisha, imma hi għall-kuntrarju kollha ħeġġa biex tkun ta’ Kristu, fi Kristu u għal Kristu, li tkun kollha kemm hi tal-bnedmin, fost il-bnedmin, u għall-bnedmin”[27].

 

Il-Knisja għall-qadi tas-Saltna

Il-Knisja hi bil-fatti u tassew għall-qadi tas-Saltna, l-aktar bl-istedina għall-konverżjoni: dan hu l-ewwel u l-aqwa qadi għall-miġja tas-Saltna f’kull individwu u fis-soċjetà kollha tal-bnedmin. Is-salvazzjoni eskatoloġika ġa għandu l-bidu tagħha fil-ħajja ġdida fi Kristu: “Dawk li laqgħuh, tahom is-setgħa li jsiru wlied Alla, dawk li jemmnu f’ismu” (Ġw 1,12).

 Barra dan, il-Knisja taqdi s-Saltna billi twaqqaf komunitajiet u knejjes lokali u twassalhom għall-kobor sħiħ tagħhom fil-fidi u l-imħabba, għall-ftuħ lejn l-oħrajn, għall-qadi tal-individwi u tas-soċjetà, u għall-istima tal-istituzzjonijiet tal-bnedmin.

 Il-Knisja taqdi s-Saltna t’Alla billi xxandar fid-dinja “il-valuri tal-Evanġelju”, valuri li juru xinhi s-Saltna u jgħinu lill-bnedmin jilqgħu il-pjan t’Alla. Għalhekk hu minnu li l-bidu tas-Saltna nsibuh ukoll barra l-Knisja fost il-bnedmin kollha, sakemm ikunu qegħdin jgħixu “il-valuri tal-Evanġelju” u jkunu miftuħin għall-ħidma tal-Ispirtu s-Santu li jonfoħ fejn irid (ara Ġw 3,8); iżda rridu nżidu ngħidu li din il-ħidma fiż-żmien mhix sħiħa, jekk mhix imsieħba mas-Saltna ta’ Kristu, li tinsab fil-Knisja u miexja lejn il-milja eskatoloġika[28].

 Il-ħafna aspetti tas-Saltna t’Alla ma jdgħajfux il-pedament u l-għan tal-ħidma tal-missjoni, imma jqawwuhom u jwessgħuhom[29]. Il-Knisja hi sagrament ta’ salvazzjoni għall-bnedmin kollha, u l-ħidma tagħha mhix biss fost dawk li jilqgħu t-tħabbira tagħha. Il-Knisja hi qawwa li tiġbed il-bnedmin fil-mixi tagħhom lejn is-Saltna eskatoloġika; hi sinjal tal-valuri tal-Evanġelju u ġġibhom 'il quddiem fost il-bnedmin[30]. F’din il-mixja ta’ konverżjoni lejn il-pjan t’Alla, il-Knisja tagħti sehemha permezz tax-xhieda u tal-ħidmiet tagħha, bħalma huma d-djalogu, il-progress tal-bniedem, it-tħabrik għall-ġustizzja u l-paċi, l-edukazzjoni u l-fejqan tal-morda, l-għajnuna mogħtija lill-foqra u liż-żgħar, żgura dejjem li għandhom jiġu qabel il-veritajiet tranxendenti u spiritwali, li titlob is-salvazzjoni eskatoloġika.

 Fl-aħħarnett il-Knisja taqdi s-Saltna wkoll bit-talb tagħha, għax is-Saltna min-natura tagħha stess hi ħidma u don t’Alla, kif juruna l-parabboli tal-Evanġelju u t-talba li l-Mulej għallimna (Mt 6,10). Is-Saltna għandna nitolbuha, nilqgħuha, inkabbruha fina, imma għandna nagħtu sehemna wkoll biex tiġi milqugħa mill-bnedmin u tikber fostkom, sakemm Kristu “jerħi s-Saltna f’idejn il-Missier”, u Alla “ikun kollox f’kollox” (1 Kor 15,24.28).

 

 

KAP III

L-ISPIRTU S-SANTU

AĠENT EWLIENI TAL-MISSJONI

21. “Meta l-ħidma messjanika ta’ Kristu laħqet il-qofol tagħha, l-Ispirtu s-Santu deher fil-misteru tal-Għid bħala Alla wieħed fi Tliet Persuni, bħala dak li kellu jkompli l-ħidma tas-salvazzjoni, li għandha l-għerq tagħha fis-sagrifiċċju tas-salib. M’hemmx dubju li din il-ħidma Kristu fdaha lill-bnedmin: lill-Appostli, lill-Knisja. Iżda f’dawn il-bnedmin u b’dawn il-bnedmin hu l-Ispirtu s-Santu li, bħala Dak li hu fuq il-bnedmin, itemm din il-ħidma fir-ruħ tal-bniedem u fil-ġrajjiet tad-dinja”[31].

 L-Ispirtu s-Santu hu l-ewlieni fil-ħidma kollha tal-missjoni tal-Knisja: il-ħidma tiegħu tiddi b’mod speċjali fil-missjoni lill-ġnus - ad gentes - kif tidher fil-Knisja tal-ewwel żminijiet bil-konver-żjoni ta’ Kornelju ċ-ċenturjun (ara Atti10), fid-deċiżjonijiet li ttieħdu dwar l-ewwel kwistjonijiet li nqalgħu (ara Atti15), fl-għażla tal-artijiet u l-ġnus biex jiġu evanġelizzati (ara Atti16,6ss). L-Ispirtu s-Santu jaħdem permezz tal-Appostli, imma fl-istess ħin jaħdem ukoll f’dawk li jisimgħu t-tħabbir tagħhom - “bil-ħidma tiegħu, il-Bxara t-Tajba tidħol fil-kuxjenzi u fi qlub il-bnedmin u tinxtered fil-ġrajja tad-dinja. F’dan kollu hu l-Ispirtu s-Santu li jagħti l-ħajja”[32].

 

Missjoni “sa truf l-art” (Atti 1,8)

22. L-Evanġelisti kollha meta jsemmu l-laqgħat ta’ Kristu Rxoxt mal-Appostli, dejjem itemmu kliemhom bil-mandat missjunarju: “Lili ngħatat kull setgħa fis-sema u fl-art. Morru, mela, agħmlu dixxipli mill-ġnus kollha....ara jiena magħkom dejjem, sal-aħħar taż-żmien” (Mt 28,18-20; ara Mk 16,15-18; Lq 24, 46-49; Ġw 20, 21-23).

 Din il-missjoni hi missjoni fl-Ispirtu, kif jidher sewwa minn kliem San Ġwann: Kristu jibgħat lil tiegħu fid-dinja, kif il-Missier bagħat lilu, u għalhekk jagħtihom l-Ispirtu tiegħu. San Luqa jorbot sewwa x-xhieda tal-Appostli għal Kristu mal-ħidma tal-Ispirtu s-Santu, li tahom il-ħila jaqdu l-mandat mogħti lilhom.

 

23. Il-ħafna suriet tal-mandat missjunarju għandhom elementi u karatteristiċi proprji, imma żewġ elementi nsibuhom fil-verżjonijiet kollha: l-ewwel hemm id-dimensjoni universali tal-mandat mogħti lill-Appostli: “il-ġnus kollha” (Mt 28,19); “fid-dinja kollha lill-ħolqien kollu” (Mk 16,15); “lill-ġnus kollha” (Lq 24,47); “sa truf l-art” (Atti 1,8). Imbagħad il-wegħda żgura mwettqa mill-Mulej li mhux sa jkunu waħedhom huma u jaqdu dan il-mandat, imma se jkollhom qawwa w għajnuna biex itemmu l-missjoni tagħhom. U din hi l-preżenza u l-qawwa tal-Ispirtu s-Santu u l-għajnuna ta’ Ġesù: “Huma imbagħad marru jippritkaw kullimkien u l-Mulej kien jaħdem magħhom” (Mk 16,20).

 Dwar il-ħafna suriet tal-mandat, San Mark juri l-missjoni bħala xandira - kerygma: “Xandru l-Bxara t-Tajba” (Mk 16,15). L-għan tal-evanġelista hu li jwassal il-qarrejja tiegħu ħa jtennu l-istqarrija ta’ San Pietru: “Inti l-Messija”, u jgħidu, kif qal iċ-Ċenturjun Ruman meta Kristu kien mejjet fuq is-salib: “Dan il-bniedem kien tassew Bin Alla” (Mk 15,30). F’San Mattew il-karatteristika missjunarja hi t-twaqqif tal-Knisja u t-tagħlim tagħha (ara Mt 28,19-20; 16,18): għalih it-tħabbira tal-Evanġelju, biex tkun sħiħa, irid ikollha katekeżi ekklesjali u sagramentali; f’San Luqa l-missjoni tidher bħala xhieda (ara Lq 24,48; Atti 1,8), l-aktar tal-qawmien mill-imwiet (Atti 1,22). Il-missjunarju hu mistieden jemmen fil-qawwa tal-Evanġelju li jbiddel qlub il-bnedmin u ħabbar dak li San Luqa jfisser b’mod tassew ċar, jiġifieri l-konverżjoni għall-imħabba u l-ħniena t’Alla u għall-esperjenza ta’ ħelsien sħiħ mill-għerq ta’ deni, mid-dnub.

 San Ġwann biss jitkellem direttament dwar “mandat” - kelma li għandha l-istess tifsir ta’ “missjoni”. L-Appostlu jorbot il-missjoni li Ġesù ried jafda lill-Appostli ma’ dak li hu rċieva mingħand il-Missier: “Kif il-Missier bagħat lili, hekk jien nibgħat lilkom” (Ġw 20,21). Lill-Missier Ġesù jgħidlu: “Kif int bgħatt lili fid-dinja, hekk jien bgħatt lilhom fid-dinja” (Ġw 17,18). Is-sens missjunarju kollu tal-Evanġelju ta’ San Ġwann joħroġ kollu fit-“talba saċerdotali....”: din hi l-ħajja ta’ dejjem “ li jagħrfu lilek, Alla waħdek veru, u lil Ġesù Kristu, li int bgħatt” (Ġw17,3). L-għan aħħari tal-missjoni hu li twassal għat-tisħib fix-xirka li hemm bejn il-Missier u l-Iben. Id-dixxipli jridu jgħixu f’għaqda bejniethom, u jibqgħu fil-Missier u fl-Iben, biex id-dinja tagħraf u temmen (ara Ġw 17,21-23). Dan il-kliem missjunarju b’tifsir hekk għoli jurina l-ewwel nett li aħna missju-narji b’dak li aħna bħala Knisja li tgħix fil-qofol kollu tagħha l-għaqda fl-imħabba, aktar milli b’dak li ngħidu u nagħmlu.

 L-erba’ Evanġelji, għalkemm fondamentalment juru li l-missjoni hi waħda, fl-istess ħin jagħtu xhieda ta’ ċertu pluraliżmu, li hu rifless tal-esperjenzi u qagħdiet differenti tal-ewwel komunitajiet insara; hu frott ukoll tal-ħidma tal-Ispirtu s-Santu, iħeġġeġ biex nagħtu kas tal-ħafna kariżmi missjunarji differenti skont il-qagħdiet tan-nies u tal-postijiet. Iżda l-evanġelisti kollha juru ċar li d-dixxipli bil-missjoni tagħhom qegħdin jissieħbu mal-missjoni ta’ Kristu: “Ara jiena magħ-kom dejjem, sal-aħħar taż-żmien” (Mt 28,20). Il-missjoni għalhekk titwettaq mhux bil-ħila tal-bniedem, imma bil-qawwa tal-Irxoxt.

L-Ispirtu s-Santu jmexxi l-missjoni

24. Il-missjoni tal-Knisja, bħall-missjoni ta’ Kristu, hi opra t’Alla jew, kif spiss jgħid San Luqa, hi opra tal-Ispirtu. Wara li Kristu qam mill-imwiet u tela’ fis-sema, l-Appostli kellhom esperjenza qawwija li bidlithom: Għid il-Ħamsin. Il-miġja tal-Ispirtu s-Santu għamlithom xhieda u profeti (ara Atti 1,8; 2,17-18) sawbet fihom qlubija hienja li ħeġġithom iwasslu lill-oħrajn l-esperjenza li kellhom ta’ Kristu u t-tama li kienet timbuttahom. L-Ispirtu s-Santu tahom il-ħila jixhdu għal Kristu bil-ħeġġa kollha tagħhom[33].

 Meta l-ħabbar tal-Evanġelju telqu minn Ġerusalemm, l-Ispirtu beda jaqdi aktar id-dmir ta’ “mexxej” fl-għażla kemm tan-nies u kemm tat-triqat tal-missjoni. Il-ħidma tal-Ispirtu dehret l-aktar fil-ħeġġa li ngħatat lill-missjoni li, skont il-kliem ta’ Kristu, xterdet minn Ġerusalemm għal-Lhudija kollha u għas-Samarija u sa truf l-art.

 Fl-Atti hemm sitt “diskorsi missjunarji” fil-qosor lil-Lhud fl-ewwel żminijiet tal-Knisja (ara Atti 2, 22-39; 3, 12-26; 4, 9-12; 5, 29-32; 10, 34-43; 13, 16-4). Dawn id-diskorsi, li huma eżempji, magħmulin minn San Pawl u San Pietru, iħabbru 'l Ġesù, jistiednu għall-“konverżjoni”, jiġifieri ħa jilqgħu 'l Kristu bil-fidi u jinbidlu fih mill-Ispirtu s-Santu.

 San Pawl u San Barnaba ntbagħtu mill-Ispirtu għand il-ġnus pagani (ara Atti 13, 46-48), u dan ma seħħx mingħajr inkwiet u kwistjonijiet. B’liema mod il-ġnus pagani li jikkonvertu għand-hom jgħixu l-fidi tagħhom fi Kristu? Huma marbutin bit-tradizzjonijiet tal-Lhud u l-liġi taċ-ċirkon-ċiżjoni? Fl-ewwel Konċilju li f’ Ġerusalemm ġabar madwar l-Appostli l-presbiteri ta’ ħafna knejjes lokali, ittieħdet deċiżjoni li tqieset ġejja mill-Ispirtu s-Santu: mhux meħtieġ li pagan joqgħod għal-liġi tal-Lhud biex isir nisrani (ara Atti 15, 5-11, 28). Minn dak il-waqt il-Knisja fetħet il-bibien tagħha u saret id-dar li fiha setgħet jidħol kulħadd u jħoss li qiegħed f’daru, waqt li jibqa’ jħares il-kultura u t-tradizzjonijiet tiegħu, sakemm mhumiex kuntrarji għall-Evanġelju.

 

25. Il-missjunarji mxew minn din it-triq, huma u jqisu x’kienu jistennew u jittamaw il-ġnus, x’kien it-tiġrib u n-niket tagħhom, x’kienet il-kultura tagħhom biex iħabbrulhom is-salvazzjoni fi Kristu. Id-diskorsi ta’ Listra u ta’ Ateni (ara Atti 14, 15-17; 17, 22-31) jitqiesu bħala eżempji tax-xandir tal-Evanġelju lill-ġnus pagani: fihom San Pawl “ jiddjaloga” mal-valuri kulturali u reliġjużi ta’ ġnus diversi. Lin-nies ta’ Likaonja, li kienu jħaddnu reliġjon kożmika, ifakkarhom f’esperjenzi reliġjużi li għandhom x’jaqsmu mal-univers; mal-Griegi juża l-filosofi u jsemmi l-poeti (ara Atti 17, 18.26-28). Dak Alla li jrid jirrivelalhom ġa jinsab f’ħajjithom: hu ħalaqhom u b’mod misterjuż imexxi l-ġnus u l-ġrajjiet; iżda biex il-veru Alla jingħaraf, jeħtieġ li jwarrbu l-allat foloz li għamlu għalihom u jilqgħu lil dak li Alla bagħat biex ineħħilhom l-injoranza tagħhom u jtemm ix-xewqat kollha ta’ qlubhom. Dawn id-diskorsi huma eżempju mill-aqwa ta’ kif l-Evanġelju jidħol fil-kulturi. Taħt it-tmexxija tal-Ispirtu, il-fidi nisranija minnufih tinfetaħ għall-ġnus u x-xhieda ta’ Kristu tasal fl-ibliet ewlenin tal-Lvant tal-Mediterran biex tasal Ruma u sa tarf il-punent. L-Ispirtu dejjem jimbotta biex imorru dejjem aktar 'il bogħod, mhux biss ġeografikament, imma wkoll 'l hemm mill-fruntieri etniċi u reliġjużi, għax il-missjoni hi verament universali.

 

L-Ispirtu jagħmel missjunarja l-Knisja kollha

26. L-Ispirtu jħeġġeġ il-ġemgħa ta’ dawk li jemmnu biex “issir komunità”, biex tkun Knisja. Wara l-ewwel diskors li San Pietru għamel nhar Għid il-Ħamsin u l-konverżjonijiet li seħħu wara, twaqqfet l-ewwel komunità (ara Atti 2,42-47; 4, 32-35).

 Wieħed mill-għaniet ewlenin tal-missjoni hu li ġġib l-ġemgħa tal-poplu ħa jisma’ l-Evanġelju, u jgħix f’xirka ta’ aħwa, fit-talb u l-Ewkaristija. Tgħix “f’xirka ta’ aħwa” (koinonia), jiġifieri tkun “qalb waħda u ruħ waħda” (Atti 4,32) u hekk isseħħ xirka fl-aspetti kollha tagħha, umani, spiritwali u materjali. Xirka nisranija vera tieħu ħsieb ukoll it-tqassim tal-ġid tal-art, biex ma jkunx hemm faqar, ħalli kulħadd ikollu sehem mill-ġid “skont il-ħtieġa ta’ kull wieħed” (Atti 2,45; 4,35). L-ewwel komunitajiet, "bi qlub ferħana u safja” (Atti 2,46) kienu miftuħin, ħerqana u missjunarji: “il-poplu kollu kien iġibhom” (Atti 2,47). Qabel ma hi ħidma, il-missjoni hi xhieda u dawl għall-oħrajn[34].

 

27. L-Atti juru li l-missjoni kellha tkun l-ewwel għal Iżrael, imbagħad għall-ġnus, u żviluppat f’ħafna livelli. L-ewwel kien il-grupp tat-tnax-il Appostlu, li bħala korp wieħed immexxi minn San Pietru, ħabbar il-Bxara t-Tajba. Imbagħad kienet ix-xirka ta’ dawk li jemmnu li, bil-mod kif kienu jgħixu u jagħmlu, taw xhieda għall-Mulej u kkonvertew il-pagani (ara Atti 2, 46-47). U kien hemm fl-aħħar il-mibgħuta speċjali, inkarigati bix-xandir tal-Evanġelju. Hekk l-ewwel komunità nisranija ta’ Antjokja bagħtet il-membri tagħha: wara li samu u talbu u ċċelebraw l-Ewkaristija, intebħu li l-Ispirtu s-Santu kien għażel lil Pietru u lil Barnaba biex jintbagħtu (ara Atti 13, 1-4). Fl-ewwel żminijiet għalhekk il-missjoni kienet titqies bħala mpenn u dmir tal-komunità, responsabbiltà tal-knisja tal-post, li teħtieġ “missjunarji” ħa tikber u titwessa. Ma’ dawk li kienu jintbagħtu, kien ikun hemm oħrajn li minn rajhom kienu jagħtu xhieda tat-tiġdid li biddlilhom ħajjithom, u kienu mbagħad jorbtu l-komunità li kienet qed tinbena mal-Knisja Appostolika. Il-qari tal-Atti jurina li fil-bidu tal-Knisja l-missjoni ad gentes, għalkemm kellha missjunarji “għal ħajjithom kollha”, li kellhom il-vokazzjoni speċjali ta’ missjunarji, kienet titqies bħala frott tal-ħajja nisranija, dmir ta’ kull min jemmen permezz tax-xhieda personali tiegħu u tat-tħabbira espliċita tal-Evanġelju, meta dan seta’ jkun.

 

L-Ispirtu s-Santu hu preżenti w attiv f’kull ħin u kullimkien

L-Ispirtu s-Santu juri ruħu b’mod pekuljari fil-Knisja u fil-membri tagħha, iżda l-preżenza u l-ħidma tiegħu huma universali bla limiti ta’ żmien u ta’ mkien[35]. Il-Konċilju Vatikan II wera kif jaħdem l-Ispirtu s-Santu fil-qalb ta’ kull bniedem, permezz taż-“żerriegħa tal-kelma”, fl-inizjattivi tal-bniedem, inizjattivi reliġjużi wkoll, u fit-tħabrik tal-bniedem għall-verità, għall-ġid, għal Alla[36]. L-Ispirtu s-Santu jagħti lill-bniedem “dawl u qawwa biex ikun jista’ jwieġeb għall-ogħla vokazzjoni tiegħu”; “bid-don tal-Ispirtu, il-bniedem jista’ jwassal biex bil-fidi jikkontempla l-mis-teru tal-pjan t’Alla u jithenna bih”; anzi “għandna ngħidu li l-Ispirtu s-Santu jagħti lil kulħadd li jista’ jkollu sehem fil-misteru tal-Għid, kif Alla jaf”[37]. Il-Knisja taf li l-bniedem “immexxi bla heda mill-Ispirtu t’Alla qatt ma jista’ jkun għal kollox ma jimpurtahx mill-problema tar-reliġjon....Il-bniedem dejjem irid ikun jaf, almenu b’mod konfuż, xi tfisser il-ħajja, il-ħidma u l-mewt tiegħu”[38]. L-Ispirtu hu għalhekk fil-bidu tal-mistoqsijiet tal-bniedem dwar l-eżistenza tiegħu u dwar ir-reliġjon, għaliex dawn il-mistoqsijiet il-bniedem ma jagħmilhomx b’kumbinazzjoni, imma jiġu mill-istess struttura ta’ ħajtu[39].

 Il-preżenza u l-ħidma tal-Ispirtu s-Santu ma jmissux biss l-individwi imma wkoll is-soċjetà u l-istorja, il-popli, il-kulturi u r-reliġjonijiet. Mill-Ispirtu, qisu minn għajn, jiġu l-ideali għoljin u l-inizjattivi ta’ ġid tal-bniedem fil-mixi tiegħu lejn id-dinja: “Bi providenza tal-għaġeb imexxi ż-żminijiet u jġedded il-wiċċ tal-art”[40]. Kristu, imqajjem mill-imwiet, “bil-qawwa tal-Ispirtu tiegħu, jaħdem fi qlub il-bnedmin, mhux biss billi jqanqal ix-xewqa għal ħajja li għad trid tiġi, imma wkoll b’hekk iħeġġeġ, isaffi u jsaħħaħ dawk ix-xewqat għolja tal-familja tal-bnedmin biex ħajjithom fid-dinja tkun aktar tixirqilhom u jaħkmu l-art kollha għal dan il-għan”[41]. L-Ispirtu s-Santu jxerred “iż-żerrigħat tal-Verb” li jinsabu fir-riti u l-kulturi tal-ġnus, u jħejjihom biex jilħqu l-kobor sħiħ tagħhom fi Kristu[42].

 

29. L-Ispirtu li “fejn irid jonfoħ” (Ġw 3,8), li kien “ġa ħadem fid-dinja qabel Kristu ġie gglorifikat”[43], li “jimla d-dinja kollha, iħaddan kollox u jaf x’jgħidu l-bnedmin” (Għerf 1,7), jimbuttana biex inħarsu aktar 'il bogħod u nqisu l-ħidma tiegħu f’kull żmien u kullimkien[44]. Dan jien għamiltu ta’ spiss u dan mexxieni fil-laqgħat li kelli ma’ ħafna popli. Ir-relazzjoni tal-Knisja ma’ reliġjonijiet oħra hi mibnija “fuq rispett għall-bniedem huwa u jfittex tweġibiet għall-mistoqsijiet l-aktar fondamentali tal-ħajja, u fuq rispett għall-ħidma tal-Ispirtu s-Santu fil-bniedem”[45]. Fil-laqgħa bejn il-ħafna reliġjonijiet li saret f’Assisi, waqt li warrabt kull tifsir mgħawweġ li seta’ jingħatalha, ridt inwettaq il-fehma li “kull talba vera hi mqanqla mill-Ispirtu s-Santu, li jinsab b’mod misterjuż fil-qalb ta’ kull bniedem”[46].

 Hu l-istess Spirtu li għamel il-ħidma tiegħu fl-inkarnazzjoni, fil-ħajja, fil-mewt u l-qawmien mill-imwiet ta’ Ġesù u għadu jagħmel il-ħidma tiegħu fil-Knisja. Mhuwiex alternattiva għal Kristu jew qiegħed jimla xi vojt li xi wħud joħolmu li hemm bejn Kristu u l-Logos. Dak li l-Ispirtu jagħmel fi qlub il-bnedmin, fil-kulturi u r-reliġjonijiet ihejji għall-Evanġelju[47], u ma jistax ma jkollux riferenza għal Kristu, il-Verb magħmul bniedem bil-ħidma tal-Ispirtu s-Santu, “biex, bħala bniedem perfett, isalva 'l kulħadd u jagħti bidu ġdid lil kollox”[48].

 Il-ħidma universali tal-Ispirtu s-Santu qatt ma nistgħu nifirduha mill-ħidma partikolari li jagħmel fil-ġisem ta’ Kristu, li hu l-Knisja. Hu dejjem l-Ispirtu li jaħdem kemm meta jagħti l-ħajja lill-Knisja u jmexxiha ħa tħabbar 'il Kristu, u kemm meta jxerred u jġib 'il quddiem id-doni tiegħu fil-bnedmin u l-popli kollha, huwa u jmexxi l-Knisja ħa ssibhom, iġġibhom 'il quddiem u tilqagħ-hom permezz tad-djalogu. Kull preżenza tal-Ispirtu għandha tiġi milqugħa b’rispett u ħajr, imma hi l-Knisja li trid tagħrafha, il-Knisja li lilha Kristu taha l-Ispirtu tiegħu, biex iwassalha għall-verità kollha.

Il-ħidma missjunarja bilkemm għadha tibda

30. Żmienna, meta llum il-bniedem dejjem sejjer u dejjem ifittex, jitlob ħerqa ġdida fil-ħidma missjunarja tal-Knisja. L-orizzonti u l-possibiltajiet tal-missjoni qegħdin dejjem jikbru u jiżdiedu, u aħna l-insara qegħdin niġu mistednin nuru kuraġġ appostoliku, mibni fuq il-fiduċja fl-Ispirtu s-Santu: hu l-ewlieni u l-ewwel fil-ħidma tal-missjoni.

 Fil-ġrajja tal-bniedem, kienu ħafna t-tibdiliet li seħħu tul iż-żminijiet, u li qanqlu l-ħidma missjunarja tal-Knisja, u l-Knisja, imqanqla u mmexxija mill-Ispirtu s-Santu, dejjem wieġbet bil-ħeġġa u b’ħarsitha fil-bogħod. U l-frott ma naqasx. Ftit ilu ċċelebrajna l-elf sena tal-evanġeliz-zazzjoni tar-Rus u l-popli Slavi, u ma ndumux ma niċċelebraw il-ħames mitt sena tal-evanġeliz-zazzjoni tal-Amerika; ftit ilu fakkarna ċ-ċentinarju tal-ewwel missjonijiet fost xi nazzjonijiet tal-Asja, tal-Afrika u tal-Oċeanja. Illum ħafna huma l-isfidi li għandha l-knisja, hija u miexja 'l quddiem, kemm hija u tagħti bidu għall-missjoni ad gentes, u kemm hija u xxandar mill-ġdid l-Evanġelju fost popli li ġa laqgħu t-tħabbira ta’ Kristu. Illum l-insara kollha, il-knejjes partikulari u l-Knisja universali huma mitlubin li jkollhom l-istess ħeġġa li kellhom il-missjunarji tal-imgħoddi u bħalhom ikunu disposti jisimgħu l-leħen tal-Ispirtu.

 


 

 

KAP IV

IL-QASAM BLA QIES

TAL-MISSJONI AD GENTES

 

31. Kristu bagħat l-Appostli tiegħu lil kull bniedem, lill-popli kollha u lill-artijiet kollha. Fil-persuna tal-Appostli l-Knisja rċeviet missjoni universali li m’għandhiex limiti u hi dwar is-salvazzjoni fis-sħuħija kollha tagħha skont dik il-kotra tal-ħajja li Ġesù ġie biex iwassal lid-dinja (ara Ġw 10,10); intbagħtet “biex turi u twassal l-imħabba lill-bnedmin kollha u lill-ġnus kollha”[49].

 Din il-missjoni hi waħda, għax għandha bidu wieħed u għan wieħed; iżda d-dmirijiet u l-ħidmiet huma ta’ ħafna suriet. Qabel xejn hi ħidma missjunarja, li nsejħu “missjoni lill-ġnus” b’riferenza għall-kelmiet tad-digriet tal-Konċilju: hi dwar il-ħidma ewlenija tal-Knisja, ħidma essenzjali li qatt ma tintemm. Dan għaliex “il-Knisja qatt ma tista’ tiċħad id-dmir li twassal dejjem l-Evanġelju lil kulħadd - illum huma miljuni u miljuni ta’ rġiel u nisa - lil dawk kollha li għad m’għarfux lil Kristu, il-Feddej tal-bniedem. Dan huwa d-dmir missjunarju speċifiku li Kristu ta u kuljum jagħti lill-Knisja”[50].

 

32. Illum għandna quddiemna qagħda reliġjuża ta’ ħafna suriet, li tinbidel bla heda: il-popli qegħdin jiċċaqalqu minn post għall-ieħor; qagħdiet reliġjużi u soċjali li fl-imgħoddi kienu fissi u ċari, illum inbidlu f’qagħdiet dejjem aktar komplessi. Biżżejjed inħarsu lejn xi fenomeni bħalma huma l-ġiri għall-ħajja fl-ibliet (l-urbaniżmu), l-emigrazzjoni ta’ gruppi kbar ta’ nies, l-għadd kbir ta’ refuġjati maħrubin minn art twelidhom, it-telfien tal-fidi f’nazzjonijiet insara mill-imgħoddi mbiegħed, l-influwenza dejjem tikber tal-Evanġelju u tal-valuri tiegħu f’nazzjonijiet fejn il-kotra tan-nies mhumiex insara, it-tkattir ta’ reliġjonijiet messjaniċi u ta’ setet reliġjużi. Din il-bidla soċjali fil-kundizzjonijiet soċjali u reliġjużi tagħmel diffiċli fil-prattika l-għażla sewwa tal-kategoriji ekklesjastiċi li bihom aħna mdorrijin. Sa minn qabel il-Konċilju, xi bliet kbar tad-dinja u xi nsara saru u bdew jissejħu “artijiet tal-missjoni”, u din il-qagħda llum ma nbidlitx.

 Min-naħa l-oħra l-ħidma missjunarja tat kotra ta’ frott kullimkien fid-dinja; għalhekk twaqqfu knejjes, xi wħud minnhom sodi u laħqu l-kobor sħiħ tagħhom, tant li jistgħu jieħdu ħsieb sewwa tal-ħtiġijiet tal-komunitajiet tagħhom, u fl-istess ħin jistgħu jibagħtu nies ixandru l-Evan-ġelju fi knejjes u pajjiżi oħra. Minn hawn id-differenza ma’ pajjiżi nsara mill-imgħoddi mbiegħed, li jeħtiġilhom jiġu evanġelizzati mill-ġdid. Għalhekk illum xi wħud qegħdin jistaqsu għandniex inkomplu nitħaddtu dwar ħidma missjunarja speċifika jew dwar xi pajjiżi bħala pajjiżi tal-missjoni, inkella nammetu li l-qagħda missjunarja hija waħda kullimkien, u għalhekk il-missjoni hi waħda u kullimkien l-istess.

 Id-diffikultà li nsibu biex nitkellmu dwar din il-verità hekk komplessa u dejjem tinbidel tal-mandat għax-xandir tal-Evanġelju, tidher fl-istess kliem li nużaw, tidher fl-istess “vokabolarju missjunarju”; qegħdin naħsbuha nużawx aktar il-kelmiet “missjoni” u “missjunarji”, għax inqis-uhom qdiemu u llum għandhom karatteristiċi storiċi negattivi; nippreferu nużaw dawn il-kelmiet fis-singular “missjoni” u l-aġġettiv “missjunarju” biex infissru l-ħidmiet kollha tal-Knisja.

 Din id-diffikultà turi li veru kien hemm bidla, u din kienet ukoll ta’ xi siwi. Il-fatt li rġajna lura u l-missjonijiet qegħdin narawhom fil-missjoni tal-Knisja, u l-missjonoloġija qegħdin inqisuha parti mill-ekklesjoloġija, u dawn inqisuhom fil-pjan tat-Trinità Qaddisa għas-salvazzjoni tad-dinja, ta ħajja ġdida lill-ħidma missjunarja tal-Knisja, li bdiet titqies mhux xi ħidma mwarrba fil-ġenb imma ħidma fil-qofol tal-ħajja tal-Knisja, bħala mpenn fondamentali tal-Poplu kollu t’Alla.

 Iżda rridu noqogħdu attenti li ma nqisux l-istess, qagħdiet li ma jaqblu xejn bejniethom, u nnaqqsu, jekk ma neqirdux għal kollox, il-missjoni u l-missjunarji ad gentes. Il-fatt li l-Knisja hi kollha kemm hi missjunarja ma jwassalx biex ma jkunx hemm missjoni speċifika ad gentes, kif il-fatt li l-insara kollha għandhom ikunu missjunarji, ma jwassalx biex ma jkunx hemm missjunarji għal għomorhom ad gentes, b’vokazzjoni speċifika; anzi dan hu meħtieġ.

 

Il-missjoni ad gentes għad għandha s-siwi tagħha

33. Id-differenza fil-ħidma tal-missjoni waħdanija tal-Knisja, ma jiġux mill-missjoni nfisha, imma miċ-ċirkostanzi li fiha trid isseħħ[51]. Jekk inħarsu lejn id-dinja tal-lum b’riferenza għall-evanġelizzazzjoni, naraw li rridu nagħżlu tliet qagħdiet.

 L-ewwel nett irridu nqisu ma’ min issir il-ħidma missjunarja tal-Knisja: trid issir ma’ popli, ma’ gruppi ta’ nies, ma’ ambjent soċjali u kulturali li ma jafux bi Kristu u l-Evanġelju tiegħu, jew li fosthom m’hemmx komunitajiet insara li, għax ikunu laħqu l-kobor sħiħ tagħhom, jistgħu jinkar-naw il-fidi fl-ambjent li fih jgħixu u jħabbruha lill-oħrajn. Din hi l-vera missjoni ad gentes[52].

 Hemm imbagħad komunitajiet insara li għandhom strutturi ekklesjastiċi adatti u sodi, kollhom ħeġġa ta’ fidi u ta’ ħajja, li jagħtu xhieda tal-Evanġelju f’pajjiżhom u jħossu li huma fid-dmir li jagħtu sehemhom fil-missjoni universali tal-Knisja. Fi ħdanhom il-Knisja tagħmel ħidma jew kura pastorali.

 Bejn dawn iż-żewġ qagħdiet, hemm il-qagħda l-oħra, dik l-aktar ta’ nazzjonijiet li fihom insara mill-imgħoddi mbiegħed, imma xi kultant dik ukoll ta’ knejjes li għadhom kemm twaqqfu, fejn gruppi sħaħ ta’ tant mgħammdin tilfu s-sens ħaj tal-fidi, meta ma waslux ukoll biex iqisu ruħhom li m’għadhomx membri tal-Knisja, qegħdin jgħixu ħajja 'l bogħod minn Kristu u mill-Evanġelju tiegħu. F’dan il-każ hi meħtieġa “evanġelizzazzjoni ġdida”, jew li dawn il-komunitajiet jerġgħu jiġu evanġelizzati.

 

34. Il-ħidma missjunarja speċifika, jew il-missjoni ad gentes, hi ħidma favur “popli u gruppi li ma jemmnux fi Kristu”, “li huma 'l bogħod minn Kristu”, li fosthom il-Knisja “għad m’għamlitx għeruq”[53], li l-kultura tagħhom għadha ma ġietx influwenzata mill-Evanġelju[54]. Tingħażel mill-attivitajiet l-oħra tal-Knisja għaliex issir ma’ gruppi u f’ambjenti mhux insara għax m’hemmx jew hemm nuqqas ta’ ħabbara tal-Evanġelju u tal-preżenza tal-Knisja. Il-karatteristika ta’ din l-attività hi ħidma għat-tħabbir ta’ Kristu u tal-Evanġelju tiegħu, għall-bini ta’ knisja lokali, għall-promozzjoni tal-valuri tas-Saltna. Il-karatteristika ta’ din il-missjoni ad gentes tiġi mill-fatt li hi ħidma fost dawk “li mhumiex insara”. Jeħtieġ għalhekk li noqogħdu attenti li “dan id-dmir hu speċifikament missjunarju li Kristu ried jafda u għadu kuljum jafda lill-Knisja tiegħu”[55], ma nqisuhx xi ħaġa żgħira u ta’ ebda importanza fil-missjoni universali tal-Knisja, u hekk naslu biex nittraskurawh jew ninsewh għal kollox.

 Madankollu mhijiex xi ħaġa ħafifa tagħżel b’mod ċar bejn il-kura pastorali tal-insara, evanġelizzazzjoni ġdida u ħidma speċifikament missjunarja, u ma jistax ikun li toħloq firda bejniethom jew taqtagħhom minn xulxin. Iżda qatt m’għandu jitwarrab l-impenn u lanqas tonqos il-ħeġġa għat-tħabbir tal-Evanġelju w għat-twaqqif ta’ knejjes ġodda fost popli jew gruppi ta’ nies fejn għad m’hemmx, għax fl-aħħar mill-aħħar dan hu d-dmir tal-Knisja li ġiet mibgħuta lill-ġnus kollha, sat-truf kollha tal-art. Mingħajr il-missjoni ad gentes, id-dimensjoni missjunarja tal-Knisja titlef it-tifsir fondamentali tagħha u l-ħidma kollha li turi dan it-tifsir. Ta’ min jinnota wkoll ir-rabta vera u dejjem tikber li hemm bejn il-ħafna ħidmiet tal-Knisja għas-salvazzjoni: kull ħidma tinfluwenza u tgħin il-ħidmiet l-oħra u titlobhom. Id-dinamiżmu missjunarju jwassal għall-bdil ta’ esperjenzi u ħidmiet bejn il-knejjes, u ftuħ lejn dinja aktar wiesgħa, u dan jagħti frott f’kollox. Bħala eżempju ngħidu li l-knejjes insara mill-imgħoddi mbiegħed, waqt li huma mpenjati fid-dmir iebes ta’ evanġelizzazzjoni ġdida, jifhmu aħjar li ma jistgħux ikunu verament missjunarji għall-insara ta’ nazzjonijiet u kontinenti oħra, jekk ma jurux tħassib serju għal dawk li mhumiex insara fosthom: il-ħidma missjunarja ad intra, hu sinjal li jitwemmen u jqanqal għal ħidma missjunarja ad extra, kif il-ħidma missjunarja ad extra hi sinjal li jitwemmen tal-ħidma ad intra u jqanqal għaliha.

 

Lill-ġnus kollha, minkejja d-diffikultajiet kollha li jkun hemm

35. Il-missjoni ad gentes għandha quddiemha piż tal-għaġeb, li bla ebda mod ma se jiġi fix-xejn, anzi jekk inqisu l-għadd tan-nies dejjem jikber fid-dinja, u nqisu l-problemi soċjo-kulturali ġodda li qegħdin jinħolqu minħabba relazzjonijiet u kuntatti ġodda bejn in-nies u bidliet fil-kundizzjonijiet tagħhom, għandna ngħidu li l-missjoni ad gentes milli jidher se jkollha orizzonti aktar wiesgħa quddiemha. Id-dmir tat-tħabbira ta’ Kristu lill-popli kollha jidher li hu dmir ta’ kobor bla qies, u bl-ebda mod ma hu proporzjonat man-nies li għandha l-Knisja.

 Id-diffikultajiet jidhru li ma jistgħux jiġu megħluba u jistgħu jaqtgħu qalb kulħadd, jekk il-ħidma hi kollha kemm hi ħidma tal-bniedem. Xi nazzjonijiet ma jħallux lill-missjunarji jidħlu fil-pajjiż; oħrajn mhux biss jipprojbixxu x-xandir tal-Evanġelju, imma jipprojbixxu wkoll il-konverż-jonijiet u l-kult nisrani. F’postijiet oħra d-diffikultajiet huma ta’ natura kulturali: it-tħabbira tal-messaġġ tal-Evanġelju titqies bħala ħaġa bla ebda importanza, bħala ħaġa li ma tiftiehemx, u l-konverżjoni titqies bħala ċaħda tal-ġens u kultura proprja.

 

36. Ma jonqsux lanqas id-diffikultajiet fi ħdan l-istess Poplu t’Alla, diffikultajiet li wkoll inikktu ħafna. Il-Papa ta’ qabli, Pawlu VI, semma l-ewwel nett in-nuqqas ta’ ħeġġa, li hi serja ħafna għax hi minn ġewwa, u turi ruħha fl-għejja, fil-frustrazzjoni, fil-kompromessi, fit-traskuraġni, u fuq kollox fin-nuqqas ta’ hena u ta’ tama[56].

 Ta’ tfixkil kbir għall-ħidma missjunarja tal-Knisja huma l-firdiet tal-imgħoddi u tal-lum li hemm fost l-insara[57], it-telfien tal-fidi fil-pajjiżi nsara, in-nuqqas ta’ vokazzjonijiet għall-appostolat, ix-xhieda kuntrarja tal-fidili u tal-komunitajiet insara, li f’ħajjithom ma jimxux fuq l-eżempju ta’ Kristu. Iżda waħda mill-kawżi ewlenin għax bired l-impenn missjunarja hija l-indif-ferenza, li hi mxerrda sewwa fost l-insara, spiss mibnija fuq fehmiet teoloġiċi foloz u fuq ċertu relativiżmu reliġjuż li jwassal biex wieħed jaħseb li “reliġjon tiswa daqs oħra.” Nistgħu ngħidu wkoll - kif qal l-istess Papa Pawlu VI - li hemm xi fehmiet kuntrarji għall-evanġelizzazzjoni.”

 L-aktar perikolużi fost dawn il-fehmiet huma dawk li jsostnu li dawn il-fehmiet huma mibnijin fuq dik jew din id-duttrina tal-Konċilju, u mwettqin minnha[58]. Dwar dan, bil-qawwa kollha rrid inħeġġeġ it-teologi u l-kittieba nsara, u dawk l-insara li jippublikaw kotba biex jaqdu dejjem aktar il-missjoni, ħalli jagħrfu s-sewwa t-tifsir għoli tal-ħidma tagħhom, huma u jaħsbu kif taħseb il-Knisja - sentire cum Ecclesia. Minħabba diffikultajiet minn ġewwa jew minn barra, m’għandniex inkunu pessimisti jew ma nagħmlu xejn. L-aqwa ħaġa - u dan jgħodd għal kull aspett tal-ħajja nisranija - hu li jkollna dik il-fiduċja li tiġi mill-fidi, jiġifieri mill-persważjoni li m’aħniex aħna li nagħmlu l-missjoni, imma Ġesù Kristu u l-Ispirtu tiegħu. Aħna biss ngħinu, u meta nkunu għamilna kull ma kellna nagħmlu, aħna ngħidu: “Aħna qaddejja li ma niswew għal xejn, għamilna biss dak li kellna nagħmlu” (Lq 17,10).

 

L-għan tal-missjoni ad gentes

37. Il-missjoni ad gentes, bis-saħħa tal-mandat universali ta’ Kristu, m’għandhiex limiti, iżda nistgħu niffissawlha l-limiti fejn titwettaq, biex naraw sewwa x’inhi l-qagħda tagħha.

 

a) Limiti territorjali

 

Bħala regola l-ħidma missjunarja hi meqjusa li ssir f’ċerti territorji speċifiċi. Fil-Konċilju Vatikan II għaraf din id-dimensjoni territorjali tal-missjoni ad gentes[59], li llum ukoll għandha importanza kbira biex jiġu determinati r-responsabbilatjiet, il-kompetenzi u l-limiti ġeografiċi tal-ħidma missjunarja. Veru li missjoni universali għandu jkollha prospettiva universali: il-Knisja ma tistax taċċetta limiti ġeografiċi jew impedimenti ċivili li jfixklu jew jimpedixxu l-preżenza missjunarja tagħha. Imma hu veru wkoll li l-ħidma missjunarja ad gentes, għaliex mhijiex l-istess bħall-ħidma pastorali fost il-fidili u bħall-evanġelizzazzjoni ġdida ta’ dawk li mhumiex iħarsu r-reliġjon tagħ-hom, trid issir f’territorji u fost gruppi ta’ nies determinati sewwa. It-tkattir ta’ knejjes żgħażagħ f’dawn l-aħħar żminijiet m’għandux iqarraq bina. Fl-artijiet fdati lil dawn il-knejjes, l-aktar fl-Asja, imma wkoll fl-Afrika, u xi ftit ukoll fl-Amerika Latina u fl-Oċeanja, hemm oqsma kbar ta’ artijiet mhux evanġelizzati: popli sħaħ u oqsma kulturali importanti ħafna f’għadd mhux żgħir ta’ nazzjo-nijiet għad ma laqgħux it-tħabbira tal-Evanġelju u lanqas ma hemm fihom il-preżenza ta’ knisja lokali[60]. F’nazzjonijiet ukoll li huma meqjusin bħala nsara, hemm naħiet li għandhom l-istruttura speċjali tal-missjoni ad gentes, bi gruppi w oqsma li għad ma ġewx evanġelizzati. Jeħtieġ għahekk li f’dawn in-nazzjonijiet ma jkunx hemm biss evanġelizzazzjoni mill-ġdid, imma jkun hemm ukoll evanġelizzazzjoni għall-ewwel darba[61].

 Iżda l-qagħda mhijiex l-istess kullimkien. Għalkemm għandna nammettu li dak li jingħad dwar id-dmir missjunarju tal-Knisja ma jitwemminx jekk ma jiġix imwettaq minn ħerqa sinċiera għall-evanġelizzazzjoni mill-ġdid tan-nazzjonijiet tradizzjonalment insara, mhux sewwa tqis il-qagħda ta’ poplu li qatt ma sar jaf bi Kristu, bħal dik ta’ poplu li għarfu w issa qiegħed iwarrbu, għalkemm għadu jgħix f’kultura li fil-qofol tagħha ħaddnet il-prinċipji u l-valuri tal-Evanġelju. Dawn huma żewġ qagħdiet li, dwar il-fidi, ma jaqblu xejn bejniethom

 Il-kriterju ġeografiku għalhekk, għalkemm mhux eżatt u huwa dejjem proviżorju, jibqa’ dejjem tajjeb biex juri fejn għandha tasal il-ħidma missjunarja. Hemm nazzjonijiet u oqsma ġeografiċi fejn m’hemmx komunitajiet insara mill-pajjiż: f’pajjiżi oħra dawn il-komunitajiet huma tant żgħar li mhumiex sinjali tal-preżenza nisranija; jew dawn il-komunitajiet neqsin mill-ħeġġa li jxandru l-Evanġelju fis-soċjetà tagħhom, jew huma minn minoranzi li mhumiex integrati fil-kultura dominanti tal-pajjiż. L-aktar fl-Asja, fejn il-missjoni ad gentes għandha l-aktar tmur, l-insara huma numru żgħir ħafna, għalkemm xi drabi hemm iseħħu movimenti ta’ konverżjoni li jfissru u jidhru li huma eżempji tassew importanti ta’ preżenza nisranija.

 

b) Dinja ġdida u fenomeni soċjali ġodda

 

It-tibdil kbir u ta’ malajr li hu proprju ta’ żmienna, l-aktar fin-Nofsinhar tad-dinja, kellu influwenza kbira fuq kif qiegħda tidher id-dinja missjunarja: fejn fl-imgħoddi ma kienx hemm tibdil fil-qagħda tan-nies u tas-soċjetà, illum kollox qiegħed jinbidel. Bħala eżempju nista’ nsemmi l-għadd kbir ta’ nies li qegħdin immorru jgħixu fl-ibliet, fi bliet li dejjem aktar jikbru, u dan l-aktar fejn l-għadd tan-nies li qegħdin jitwieldu qiegħed jiżdied dejjem aktar. Illum mhux fi ftit pajjiżi aktar min-nofs il-popolazzjoni qiegħda tgħix fi bliet kbar ħafna fejn il-problemi sejrin għall-agħar; l-aktar min-ħabba l-qagħda li fiha qed isibu ruħhom il-kotra kbira tan-nies fejn ħadd ma jaf lil xulxin. Fi żmien qrib tagħna l-ħidma missjunarja l-aktar kienet f’artijiet 'il bogħod miċ-ċentri ċivilizzati, artijiet diffiċli li jintlaħqu minħabba nuqqas ta’ komunikazzjonijiet, l-ilsien tan-nies u l-klima tal-post. Illum forsi d-dehra tal-missjoni ad gentes qiegħda tinbidel: il-postijiet fejn il-missjoni ad gentes għandha l-aktar li ssir huma l-ibliet kbar, fejn qed jinbtu drawwiet u suriet ġodda ta’ ħajja flimkien ma’ suriet ġodda ta’ kultura u ta’ komunikazzjoni, li mbagħad jinfluwenzaw il-popolaz-zjoni kollha. Veru li “l-għażla favur il-foqra” għandha twassalna biex ma ninsewx dawk il-bnedmin li huma mwarrbin u waħedhom, imma hu veru wkoll li ma nistgħux nevanġelizzaw persuni u gruppi żgħar waqt li nittraskuraw dawk iċ-ċentri fejn nistgħu ngħidu li qed jissawru bnedmin ġodda u suriet ta’ żvilupp u ta’ progress. Il-ġejjieni tan-nazzjonijiet żgħażagħ qiegħed jissawwar fl-ibliet.

 Jekk inħarsu lejn il-ġejjieni, ma nistgħux inħallu fil-ġenb liż-żgħażagħ li, f’ħafna nazzjo-nijiet, huma l-kotra kbira tal-popolazzjoni. Kif se tasal it-tħabbira ta’ Kristu liż-żgħażagħ mhux insara, li huma l-ġejjieni ta’ kontinenti sħaħ? Hi ħaġa ċara li l-mezzi ordinarji tal-ħidma pastorali mhumiex aktar biżżejjed: huma meħtieġa assoċjazzjonijiet, istituzzjonijiet, gruppi u ċentri għaż-żgħażagħ, u inizjattivi kulturali u soċjali għalihom. Dan hu qasam fejn il-movimenti ekklesjali ġodda jsibu ħafna fejn jimpenjaw ruħhom. Fost it-tibdil kbir li jseħħ fid-dinja tal-lum, l-emigraz-zjoni ħolqot fenomenu ġdid: għadd kbir ta’ ħafna nies mhux insara ġejjin fil-pajjiżi insara għal mijiet ta’ snin, qed joħolqu opportunitajiet ġodda ta’ kuntatti u ta’ bdil kulturali, u qed iħeġġu 'l- Knisja biex timpenja ruħha ħa tilqagħhom, titkellem magħhom, tgħinhom, f’kelma waħda turihom solidarjetà. Fost l-emigranti għandhom post speċjali r-refuġjati, li għalhekk jeħtieġu attenzjoni mill-aqwa. Illum hemm miljuni ta’ refuġjati fid-dinja, u l-għadd tagħhom qiegħed dejjem jikber: ħarbu minn qagħda ta’ miżerja li ma tixraqx lill-bniedem, minn qagħda l-aktar traġika ta’ nuqqas kbir ta’ ikel u ilma. Il-Knisja għandha tilqagħhom fil-qasam tal-ħidma pastorali tagħha.

 Fl-aħħarnett irrid infakkar il-qagħda ta’ faqar - ta’ faqar li l-bniedem bl-ebda mod ma jista’ jissaportih - li qed jinħolqu f’għadd mhux żgħir ta’ nazzjonijiet, u qegħdin jagħtu bidu għall-emigrazzjoni ta’ għadd bla qies ta’ nies. Dawn il-qagħdiet li ma jixirqux lill-bniedem huma sfida għall-komunità ta’ dawk li jemmnu fi Kristu; it-tħabbira ta’ Kristu u tas-Saltna ta’ Alla, għandha tkun mezz ta’ fidwa bħala bnedmin għal dawn in-nies kollha.

 

ċ) L-oqsma kulturali jew l-arjopagi ta’ pajjiżna

 

San Pawl, wara li ħabbar l-Evanġelju f’ħafna postijiet, wasal Ateni, mar fl-Arjopagu, fejn xandar l-Evanġelju bi kliem adattat li kien jista’ jiftiehem malajr hemmhekk (ara Atti 17, 22-31). L-Arjopagu dak iż-żmien kien iċ-ċentru kulturali tal-poplu għaref t’Ateni, u llum nistgħu inqisuh bħala simbolu ta’ dawk l-oqsma ġodda fejn irid jiġi mħabbar l-Evanġelju.

 L-ewwel arjopagu ta’ żmienna hu l-qasam tal-komunikazzjonijiet, li qiegħed jgħaqqad il-bnedmin flimkien u jiġborhom - kif jgħidu - “f’raħal globali”. Il-mezzi tal-komunikazzjoni soċjali

saru tant importanti li għal ħafna nies saru strument ewlieni ta’ informazzjoni u ta’ formazzjoni, li jmexxuhom u juruhom kif għandha tkun l-imġiba tagħhom individwali, familjari u soċjali. L-ewwel nett il-ġenerazzjonijiet ġodda qegħdin jgħixu f’dinja influwenzata mill-mezzi tal-komunikazzjoni soċjali. Forsi dan l-arjopagu ġie xi ftit traskurat; ġew preferiti aktar mezzi oħra għax-xandir tal-Evanġelju u għall-formazzjoni tan-nies, u l-mezzi tal-komunikazzjoni soċjali tħallew f’idejn xi ndividwi u gruppi żgħar, u jintużaw għall-ħidma pastorali bħala mezzi sekondarji. Iżda l-mezzi tal-komunikazzjoni soċjali mhumiex hemm biss biex ikattru t-tkabbir: hemm realtà aktar serja għaliex l-evanġelizzazzjoni tal-kultura tal-lum tiddependi ħafna mill-qawwa ta’ dawn il-mezzi. Għalhekk mhux biżżejjed li jintużaw biex ixandru l-messaġġ nisrani u l-Maġisteru tal-Knisja, iżda jridu wkoll jintegraw il-messaġġ nisrani f’din il-“kultura ġdida”, li nħolqot mill-mezzi ta’ komuni-kazzjoni fi żminijietna. Din hi problema komplessa ħafna, għaliex din il-“kultura ġdida” ħarġet mhux l-aktar minn dak li jingħad, imma mill-fatt li hemm mezzi ġodda ta’ komunikazzjoni b’ling-waġġ ġdid, teknika ġdida, u atteġġjamenti psikoloġiċi ġodda. Il-Papa Pawlu VI qal li “il-firda bejn l-Evanġelju u l-kultura hi żgur it-traġedja ta’ żmienna”[62]. U jien inħoss li din il-fehma hi mwettqa mill-qasam tal-komunikazzjonijiet soċjali ta’ żmienna.

 Hemm ħafna aktar arjopagi fi żmienna, li l-Knisja trid tilħaq bil-ħidma missjunarja tagħha. Insemmi bħala eżempji: l-impenn għall-paċi, għall-progress u għall-ħelsien tal-popli, l-aktar tal-minoranzi; l-avvanz tan-nisa u tat-tfal; il-ħarsien tan-natura huma kollha oqsma li jridu jiġu imdawlin mill-Evanġelju.

 Ta’ min ifakkar ukoll il-qasam wiesgħa tal-arjopagu tal-kultura, tar-riċerka xjentifika, tar-relazzjonijiet bejn il-popli, li jġibu 'l quddiem id-djalogu u joħolqu possibbiltajiet ġodda ta’ ħajja. Jeħtieġ noqogħdu attenti għal dawn it-talbiet ta’ żminijietna u nimpenjaw ruħna fihom. Il-bnedmin qed iħossu ruħhom qishom qegħdin ibaħħru fil-baħar tal-ħajja, imsejħin għall-għaqda u solidarjetà aqwa bejniethom. Kull soluzzjoni tal-problemi li jeżistu trid tistħarreġ, tiġi studjata u ppruvata bil-kooperazzjoni ta’ kulħadd. Minn dan naraw kemm l-organizzazzjonijiet u l-laqgħat internazzjonali qed isiru importanti f’ħafna oqsma tal-ħajja tal-bniedem, fl-oqsma tal-kultura u tal-politika, u fl-oqsma tal-ekonomija u tar-riċerka. L-insara li jgħixu u jaħdmu f’din id-dimensjoni internazzjonali m’għandhomx jinsew li dmirhom hu li jagħtu xhieda għall-Evanġelju.

 

38. Żmienna hu żmien drammatiku, iżda hu żmien ukoll li jsaħħrek. Jekk min-naħa l-bnedmin, milli jidher, qegħdin ifittxu l-ġid materjali u kuljum dejjem aktar qegħdin jaqgħu fil-materjaliżmu u l-konsumiżmu, min-naħa l-oħra narawha tfittix ħerqan għat-tifsir tal-ħajja, xewqa qawwija għall-ħajja spiritwali, ħerqa għat-tagħlim ta’ suriet ġodda ta’ ġabra u ta’ talb. U mhux biss f’kulturi b’elementi reliġjużi mill-aqwa, imma wkoll f’soċjetajiet sekularizzati, hemm ħerqa għall-ħajja spiritwali bħala rimedju għat-telfien tad-dinjità tal-bniedem. Dan it-“tiġdid reliġjuż”, kif qed isejħulu, għalkemm jista’ jkun ambigwu, hu stedina għall-Knisja, li għandha wirt spiritwali liema bħalu biex toffrih lill-Knisja, lill-familja kollha tal-bnedmin, fi Kristu, li sejjaħ lilu nnifsu “it-triq, il-verità u l-ħajja”. Il-ħajja nisranija hi t-triq li twassal għal-laqgħa m’Alla, għat-talb, għall-axxetiżmu, għat-tfittix tat-tifsir tal-ħajja. Dan ukoll hu arjopagu li jrid jiġi evanġelizzat.

 

Il-fedeltà lejn Kristu u l-promozzjoni tal-libertà tal-bniedem

39. Kull sura ta’ ħidma missjunarja tħoss li qiegħda ġġib 'il quddiem il-libertà tal-bniedem bit-tħabbira ta’ Ġesù Kristu. Il-Knisja trid turi fedeltà lejn Kristu, li tiegħu hi l-Ġisem u li tiegħu trid tkompli l-missjoni. Il-Knisja “trid timxi mill-istess triq li minnha mexa Kristu, jiġifieri trid timxi mit-triq tal-faqar, tal-ubbidjenza, tal-qadi u tas-sagrifiċċju tiegħu nnifsu sal-mewt, li minnha ħareġ rebbieħ bil-qawmien mill-imwiet”[63]. Il-Knisja trid għalhekk tagħmel kull ma tista’ biex taqdi l-missjoni tagħha fid-dinja u tilħaq il-popli kollha; u għandha d-dritt tagħmel dan għax tahulha Alla

stess biex iseħħ il-pjan tiegħu. Il-libertà reliġjuża, illum ukoll xi kultant limitata u mxekkla, hi l-bidu u r-rahan tal-libertajiet l-oħra kollha, li jħarsu l-ġid komuni tal-individwi u tal-popli. Jalla tingħata vera libertà reliġjuża lil kulħadd kullimkien fid-dinja; il-Knisja tieħu ħsieb li dan iseħħ fil-pajjiżi kollha, u l-aktar f’dawk il-pajjiżi fejn il-kattoliċi huma l-maġġoranza, fejn għandha influ-wenza akbar. Iżda din mhix kwistjoni ta’ reliġjon, ta’ minoranza jew maġġoranza, imma hi kwistjoni ta’ dritt, li ma jistax jiġi mċaħħad, dritt li hu ta’ kull bniedem u tal-bnedmin kollha.

 Min-naħa l-oħra, il-Knisja tersaq lejn il-bniedem, waqt li tħarislu l-libertà sħiħa tiegħu[64]; il-missjoni ma xxekkilx il-libertà, anzi għall-kuntrarju, iġġibha 'l quddiem. Il-Knisja tipproponi, imma ma timponi xejn: tirrispetta l-persuni u l-kulturi, u tieqaf quddiem is-santwarju tal-kuxjenza. Lil dawk li qed jaqilgħu ħafna skużi biex ifixklu l-ħidma missjunarja tal-Knisja, ngħidilhom: “Iftħu l-bibien lil Kristu!”

 Irrid issa ngħid kelma lill-knejjes partikulari kollha, il-ġodda u l-antiki. Id-dinja qed tersaq dejjem aktar lejn għaqda sħiħa: jeħtieġ li l-ispirtu tal-Evanġelju jġarraf il-ħitan kollha mtellgħin mill-kulturi u n-nazzjonaliżmi, biex ma jkunx hemm ebda għeluq. Il-Papa Benedittu XV wissa l-missjunarji fi żmienu biex ma jiġrix li “huma u jinsew id-dinjità tagħhom, jaħsbu aktar f’pajjiżhom tad-dinja milli f’pajjiżhom tas-sema”[65]. Din it-twissija tgħodd ukoll illum għall-knejjes partikulari: Iftħu l-bibien għall-missjunarji, għaliex “kull knisja partikulari li, minn rajha, tinfired mill-Knisja universali, titlef ir-relazzjoni tagħha mal-pjan t’Alla u tiftaqar fid-dimensjoni ekklesjali tagħha”[66].

 

Inħarsu lejn Nofsinhar u lejn il-Lvant

40. Il-ħidma missjunarja hi llum ukoll l-aqwa sfida li għandha l-Knisja. Qrib it-tmiem tal-elfejn sena wara l-Fidwa, dejjem aktar qiegħed jidher ċar li l-popli li għad ma saritilhomx l-ewwel tħabbira ta’ Kristu, huma l-kotra kbira ta’ bnedmin. Ir-riżultati tal-ħidma missjunarja fi żminijietna huma tajbin: il-Knisja tinsab fil-kontinenti kollha, anzi l-kotra l-kbira tal-insara u tal-knejjes partikulari ma tinsabx aktar fl-Ewropa, imma fil-kontinenti li l-missjunarji fetħu għall-fidi f’dawn l-aħħar mijiet ta’ snin.

 Iżda “it-truf tal-art” sa fejn irid jasal l-Evanġelju, dejjem aktar qed jitbiegħdu, u dak li jgħid Tertulljan li “l-Evanġelju hu mħabbar lill-ġnus kollha u fl-art kollha”[67], hu 'l bogħod ħafna milli jseħħ: il-missjoni ad gentes għadha fil-bidu tagħha. Qed jitfaċċjaw popli ġodda fuq ix-xefaq tad-dinja u dawn ukoll għandhom id-dmir għat-tħabbira tas-salvazzjoni. It-tkattir tal-popolazzjonijiet mhux insara, qed iwassal biex joktor l-għadd tan-nies li ma jafux bis-salvazzjoni ta’ Kristu.

 Jeħtieġ għalhekk li l-ħsieb missjunarju imur fuq dawk il-pajjiżi u dawk l-oqsma kulturali li mhumiex influwenzati mill-Evanġelju. Dawk kollha li jemmnu fi Kristu għandhom iħossu li hi parti essenzjali tal-fidi tagħhom il-ħerqa appostolika li jwasslu lill-oħrajn l-hena u d-dawl ta’ twemmin-hom. Din il-ħerqa għandha tkun, biex ngħid hekk, ġuħ u għatx għall-għarfien tal-Mulej, ħerqa kbira daqs kemm hi kbira u wiesgħa d-dinja mhux nisranija.

 


 

 

KAP V

IT-TRIQAT TAL-MISSJONI

41. Il-ħidma missjunarja mhijiex, xejn aktar u xejn inqas, mill-manifestazzjoni jew l-epifanija tal-pjan t’Alla u sħuħija tiegħu fid-dinja u fi ġrajjietha, li fiha Alla jtemm b’mod l-aktar ċar, permezz tal-missjoni, il-pjan tiegħu ta’ salvazzjoni[68]. Minn liema triqat tgħaddi l-Knisja biex dan iseħħ?

 Il-missjoni, għalkemm hi realtà waħdanija, hi wkoll realtà komplessa, għax turi ruħha f’ħafna suriet, xi wħud minnhom ta’ importanza speċjali fil-qagħda tal-Knisja f’dawn iż-żminijiet.

 

L-ewwel sura tal-missjoni hija x-xhieda

42. Il-bniedem tal-lum aktar jemmen lix-xhieda milli 'l min jgħallem[69], aktar jemmen l-esperjenza milli d-duttrina, aktar jemmen fil-ħajja u fil-fatti milli fit-teoriji. L-ewwel sura tal-missjoni, dik li hi meħtieġa fuq li meħtieġa, hi x-xhieda ta’ ħajja nisranija. Kristu, li tiegħu aħna qegħdin inkomplu l-missjoni, hu “ix-xhud” ewlieni (Apok 1,5; 3,14), u eżempju ta’ xhieda nisranija. L-Ispirtu s-Santu jsieħeb il-Knisja fil-mixi tagħha u jseħibha miegħu fix-xhieda li jagħti għal Kristu (ara Ġw 15, 26-27). L-ewwel sura ta’ xhieda hi l-istess ħajja tal-missjunarju, tal-familja nisranija u tal-komunità ekklesjali, li turi sura ġdida ta’ mġiba. Il-missjunarju li jgħix ħajja sempliċi minkejja d-difetti u l-limitazzjonijiet tal-bniedem, u qiegħed jgħix skont l-eżempju ta’ Kristu, hu sinjal ta’ Alla u tal-veritajiet li jmorru 'l hemm minn dak kollu li jista’ jaħseb il-bniedem. Imma kulħadd fil-Knisja jista’ u għandu jagħti xhieda[70] huwa u jħabrek ħa jkun jixbah lill-Imgħallem Divin, u din is-sura ta’ xhieda, ħafna drabi, hi s-sura waħdanija kif wieħed jista’ jkun missjunarju.

 Ix-xhieda tal-Evanġelju li d-dinja lesta l-aktar li tilqa’ hi dik li tagħti kas tan-nies u turi mħabba għall-foqra, għat-tfal u għall-imġarrbin. Din l-imġiba hekk ġeneruża u dan l-għemil li m’għandu x’jaqsam xejn mal-egoiżmu li hemm fil-bniedem, toħloq għadd ta’ mistoqsijiet li jwasslu l-bniedem lejn Alla u lejn l-Evanġelju. L-impenn għall-paċi, għall-ġustizzja, għad-drittijiet u l-progress tal-bniedem huma xhieda għall-Evanġelju, meta huma sinjal li wieħed qed jagħti kas tan-nies u huwa mpenn għall-progress sħiħ tal-bniedem[71].

 

43. In-nisrani u l-komunitajiet insara jgħixu l-istess ħajja tal-popli tagħhom u huma sinjal tal-Evanġelju wkoll bil-fedeltà li juru lejn pajjiżhom, lejn ġenshom, lejn il-kultura ta’ pajjiżhom, iżda dejjem ħielsa bil-ħelsien li ġibilna Kristu. It-twemmin nisrani hu miftuħ għal solidarjetà universali, għaliex il-bnedmin kollha huma wlied l-istess Missier u aħwa fi Kristu.

 Il-Knisja hi msejħa biex tagħti x-xhieda tagħha f’qagħda profetika u qalbiena kontra l-korruzzjoni politika w ekonomika, mingħajr ma tfittex il-ġieh tan-nies jew il-ġid tal-art; tuża ġidha biex tgħin lill-foqra hija u tgħix ħajja sempliċi bħal dik ta’ Kristu.

 Il-Knisja u l-missjunarji jridu wkoll jagħtu xhieda l-ewwel nett lejhom infushom, jiġifieri billi jkollhom il-ħila jiġġudikaw lilhom infushom dwar il-qagħda personali tagħhom u fi ħdan il-komunità u biex jikkoreġu fid-drawwiet u l-imġiba tagħhom kull ma hu kontra l-Evanġelju u jħassar id-dehra ta’ Kristu.

L-ewwel tħabbira ta’ Kristu l-Feddej

44. It-tħabbir għandu dejjem l-ewwel post fil-missjoni. Il-Knisja ma tistax teħles mill-kmandament ċar ta’ Kristu, ma tistax taħbi lill-bnedmin “il-Bxara t-tajba” li Alla jħobbhom u jsalvahom. L-evanġelizzazzjoni għandha dejjem ikollha, bħala l-pedament, fil-qofol u l-quċċata tad-dinamiżmu kollu tagħha, din it-tħabbira ċara li f’Ġesù Kristu is-salvazzjoni qiegħda tiġi offerta lil kull bniedem bħala don tal-grazzja u tal-ħniena t’Alla nnifsu[72]. Is-suriet kollha tal-ħidma missjunarja jridu jwasslu għal din it-tħabbira li turi l-misteru moħbi tul iż-żminijiet kollha u rivelat biss fi Kristu (ara Ef 3, 3-9; Kol 1, 26-29), u ddaħħal fih; dan hu l-qofol tal-missjoni u l-ħajja tal-Knisja, bħala pedament tal-ħidma kollha tal-evanġelizzazzjoni.

 Il-missjoni hi realtà komplessa ħafna, u fiha l-ewwel tħabbira għandha l-post ewlieni,għax meħtieġa fuq li meħtieġa; dan għaliex iddaħħal “fil-misteru tal-imħabba t’Alla”, li jsejjaħ għal relazzjoni personali miegħu nnifsu fi Kristu”[73], u jiftaħ it-triq għall-konverżjoni. Il-fidi tiġi mit-tħabbir, u kull komunità ekklesjali kellha l-bidu tagħha u l-ħajja mit-tweġiba personali ta’ kull nisrani għal din it-tħabbira[74]. Kif il-pjan tas-salvazzjoni hu ċentrat fi Kristu, hekk il-ħidma missjunarja trid tkun ċentrata fit-tħabbira ta’ dan il-misteru.

 It-tħabbir hu dwar Kristu msallab, mejjet u mqajjem mill-imwiet; bih seħħ ħelsien sħiħ u tassew mid-deni, mid-dnub u mill-mewt; bih Alla jagħti “ħajja ġdida, divina u għal dejjem. Din hi “l-Bxara t-tajba” li tbiddel il-bniedem u l-ġrajja tal-bniedem, u li l-popli kollha għandhom id-dritt li jkunu jafuha. Din it-tħabbira trid issir fl-ambjent tal-bniedem u tal-popli li lilhom issir u li huma jilqgħuha. Is-salvazzjoni u l-ħelsien li jġib Kristu jappartjenu għall-ħajja kollha tal-bniedem, ta’ issa u ta’ dejjem, għandhom il-bidu tagħhom minn issa, u jwasslu għall-bidla sħiħa fil-ħajja tal-bniedem u tal-komunitajiet permezz tal-Ispirtu tal-Evanġelju. It-tħabbir irid isir b’imħabba u stima lejn min qiegħed jilqgħu, u bi kliem ċar, prattiku u adattat għaċ-ċirkostanzi. Fih jaħdem l-Ispirtu u joħloq rabta bejn il-missjunarju u dawk li jisimgħuh, u dan jista’ jseħħ meta hu u huma joħolqu rabta ma’ Alla bi Kristu[75].

 

45. It-tħabbir, għaliex isir b’rabta mal-komunità ekklesjali kollha, qatt mhu tħabbir personali. Il-missjunarju jinsab fil-post fejn qiegħed u qiegħed jaħdem hemm għax irċieva l-mandat missjunarju, u għalkemm jinsab waħdu, hu marbut b’rabtiet li ma jidhrux, iżda mhux inqas qawwija, mal-ħidma evanġelizzatriċi tal-Knisja kollha[76]. Dawk li qegħdin jisimgħu l-missjunarju, illum jew għada, għad jaraw fih il-komunità li bagħtitu u li qiegħda żżommu.

 It-tħabbir hu mqanqal mill-fidi, li tqanqal entużjajżmu u ħeġġa fil-missjunarju. Kif ġa ntqal, l-Atti tal-Appostli jsejħu dan l-entużjajżmu u din il-ħeġġa parresia, kelma li tfisser “titkellem bla xkiel u bil-qalb kollha” kelma li San Pawl għamel użu minnha: “Għamilna l-qalb fost Alla tagħna, u fost ħafna taħbit xandarnielkom l-Evanġelju t’Alla (1 Tes 2,2). “Itolbu għalija wkoll, biex meta niftaħ fommi tingħatali l-kelma, ħalli b’wiċċi minn quddiem inxandar l-misteru tal-Evanġelju, li tiegħu l-ambaxxatur fil-ktajjen. Jalla jien u nxandru nkun nista’ nitkellem b’wiċċi minn quddiem kif għandi nagħmel” (Ef 6,19-20).

 Il-missjunarju huwa u jħabbar fi Kristu lil dawk li mhumiex insara huwa żgur li f’kull persuna u fil-popli li fosthom jinsab, hemm ġa fihom, bil-qawwa tal-Ispirtu s-Santu, ix-xewqa, li ma jafux biha, li jkollhom tagħrif dwar Alla, dwar il-verità tal-bniedem, dwar it-triq li twassal għall-ħelsien mid-dnub u l-mewt. Il-ħeġġa tal-missjunarju biex iħabbar 'il Kristu tiġih mill-ħsieb li jwieġeb għal din ix-xewqa; għalhekk il-missjunarju ma jaqtax qalbu u ma jiqafx jagħti xhieda tal-fidi tiegħu fejn in-nies huma kontrih jew indifferenti. Jaf li hu l-Ispirtu tal-Missier li qiegħed jitkellem bih (ara Mt 10, 17-20; Lq 12, 11-12), u jista’ jgħid mal-Appostli: “Hawn xhieda aħna flimkien mal-Ispirtu s-Santu” (Atti 5,32). Hu jaf li mhux qiegħed iħabbar xi verità tal-bniedem, imma “il-Kelma t’Alla”, li għandha qawwa misterjuża w intima (ara Rum 1,16).

 L-ogħla prova hi l-għoti tal-ħajja, u l-mewt tiġi aċċettata bħala xhieda tal-fidi f’Ġesù Kristu. Kif ġara dejjem fl-istorja tal-Knisja, “il-martri”, jiġifieri x-xhieda, dejjem kienu għadd kbir, u meħ-tieġa għall-mixi 'l quddiem tal-Evanġelju. Fi żmienna wkoll hemm ħafna isqfijiet, saċerdoti, patrijiet u sorijiet, lajċi, spiss eroj li ħadd ma jaf bihom, li joffru ħajjithom b’xhieda għall-fidi tagħhom. Huma l-aqwa xhieda u ħabbara ta’ Kristu.

 

Konverżjoni u magħmudija

46. It-tħabbira tal-Kelma t’Alla għandha bħala għan il-konverżjoni nisranija, jiġifieri rabta sħiħa u sinċiera ma’ Kristu u l-Evanġelju tiegħu permezz tal-fidi. Il-konverżjoni hija don t’Alla, ħidma tat-Trinità Qaddisa; hu l-Ispirtu li jiftaħ bwieb il-qlub biex il-bnedmin ikunu jistgħu jemmnu f’Alla u “jistqarruh” (ara 1 Kor 12,3). Dwar min jersaq lejh bil-fidi Ġesù jgħid: “ Ħadd ma jista’ jiġi għandi jekk il-Missier li bagħatni ma jiġbdux lejja” (Ġw 6,44).

 Il-konverżjoni sa mill-bidu nett turi ruħha permezz ta’ fidi sħiħa u radikali, li ma tagħmilx limiti u lanqas iżżomm lura d-don t’Alla. Fl-istess ħin tqanqal proċess dejjem sejjer tul il-ħajja kollha, għax kuljum titlob li wieħed jgħaddi minn “ħajja skont il-ġisem” għal “ħajja skont l-Ispirtu” (ara Rum 3,13). Il-konverżjoni għalhekk tfisser li wieħed jaċċetta bil-qalb is-setgħa salvifika ta’ Kristu u jsir dixxiplu tiegħu.

 Il-Knisja ssejjaħ lil kulħadd għal din il-konverżjoni, fuq l-eżempju ta’ San Ġwann Battista, li ħejja t-triq għal Kristu “ixandar magħmudija ta’ ndiema għall-maħfra tad-dnubiet” (Mk 1,40), fuq l-eżempju wkoll ta’ Kristu li “wara li arrestaw lil Ġwanni, mar fil-Galilija jxandar il-Bxara t-Tajba t’Alla u jgħid: “iż-żmien huwa mitmum u s-Saltna t’Alla waslet: indmu w emmnu fil-Bxara t-Tajba” (Mk 1,14-15).

 Illum din l-eżortazzjoni għall-konverżjoni, li l-missjunarji jagħmlu lil dawk li mhumiex insara, qiegħda ssib min hu kuntrarju għaliha jew ma jsemmihiex. Fiha jaraw sura ta’ proselitiżmu”; hu biżżejjed, jgħidulek, li tgħin lill-bnedmin biex ikunu aktar bnedmin, jew ikunu aktar fidili għar-reliġjon tagħhom; biżżejjed toħloq komunitajiet kapaċi jaħdmu favur il-ġustizzja u l-libertà, il-paċi u s-solidarjetà. Iżda dawn qegħdin jinsew li kull persuna għandha d-dritt tilqa’ “il-Bxara t-Tajba” t’Alla, li juri ruħu u jingħata fi Kristu, ħalli kull bniedem iwettaq il-vokazzjoni tiegħu fil-milja kollha tagħha. Il-kobor ta’ dan il-fatt jidwi fi kliem Ġesù lis-Samaritana: “Kieku kont taf id-don t’Alla”, kif jidwi wkoll fix-xewqa ħerqana tagħha għalkemm mhux magħrufa minnha: “Agħtini minn dan l-ilma, sinjur, biex ma jaqbadnix il-għatx (Ġw 4, 10.15).

 

47. L-Appostli mbagħad, imqanqlin mill-Ispirtu s-Santu, kienu jħeġġu lin-nies biex ibiddlu ħajjithom, jikkonvertu u jitgħammdu. Minnufih, wara l-ġrajja ta’ Għid il-Ħamsin, San Pietru kellem lin-nies b’ħeġġa kbira: “il-kliem li qalilhom laqtilhom qalbhom u qalu lil Pietru u lill-Appostli l-oħra: ‘l-aħwa, x’għandna nagħmlu aħna?’ U Pietru weġibhom: Indmu u jitgħammed kull wieħed minnkom fl-isem ta’ Ġesù Kristu għall-maħfra ta’ dnubietkom, u kull wieħed minnkom jirċievi d-don tal-Ispirtu s-Santu”’ (Atti 2, 37-38). Dakinhar kienu mat-tlett elef dawk li tgħammdu. Pietru wkoll, wara l-fejqan tal-magħtub kellem lill-folla u reġa’ tenna: Indmu, mela, u erġgħu lura minn dnubietkom biex jinħafrulkom” (Atti 3,19).

 Il-konverżjoni lejn Kristu hi marbuta mal-magħmudija: u dan ġej mhux biss mid-drawwa tal-Knisja, imma wkoll mir-rieda ta’ Kristu li bagħat id-dixxipli tiegħu jgħallmu l-ġnus kollha u jgħammduhom (ara Mt 28,19); jiġi wkoll mill-ħtieġa li wieħed jirċievi l-milja tal-ħajja fi Kristu: “Tassew, tassew ngħidlek” - qal Ġesù lil Nikodemu - “li, jekk wieħed ma jitwilidx mill-ilma u mill-Ispirtu s-Santu, ma jistax jidħol fis-Saltna t’Alla” (Ġw 3,5). Il-magħmudija tagħtina twelid ġdid bħala wlied Alla, tgħaqqadna ma’ Kristu u tagħtina l-unzjoni fl-Ispirtu s-Santu. Il-magħmudija mhux biss tissiġilla l-konverżjoni, sinjal li juriha u jwettaqha, imma hi wkoll u fuq kollox sagrament li jfisser u jġib dan it-twelid ġdid fl-Ispirtu s-Santu, iwaqqaf rabta vera li ma titħassarx mat-Trinità, u jagħmel il-bnedmin membri tal-Ġisem ta’ Kristu li hu l-Knisja.

 Dan kollu rridu nżommuh quddiemna, għaliex ħafna, proprju fl-oqsma fejn isseħħ il-missjoni ad gentes, jitħajru jifirdu l-konverżjoni lejn Kristu mill-istess magħmudija, għax huma tal-fehma li l-magħmudija mhijiex għal kollox meħtieġa. Veru li f’xi ambjenti tiltaqa’ ma’ xi fehmiet

soċjoloġiċi dwar il-magħmudija, li jdallmu t-tifsir veru tal-fidi. Dan ġej minn ħafna fatturi soċjali u kulturali, li jridu jiġu mwarrba kull fejn jinsabu, biex is-sagrament tat-twelid spiritwali jidher fl-importanza kollu tiegħu; dan iridu jagħmluh il-komunitajiet ekklesjali tal-post. Hu veru wkoll li mhux ftit nies jgħidu li huma f’qalbhom impenjati ma’ Kristu u mat-tagħlim tiegħu, iżda ma jridux jintrabtu miegħu sagramentalment għax il-preġudizzji tagħhom jew il-ħtijiet tal-Insara ma jħalluhomx jaraw xinhi tassew il-Knisja, il-misteru tal-fidi u tal-imħabba[77]. Nixtieq inħeġġeġ lil dawn in-nies biex jinfetħu kollhom kemm huma għal Kristu, u nfakkarhom li, jekk qegħdin iħossu li Kristu qed jiġbidhom lejh, hu, qabel xejn, waqqaf il-Knisja bħala l-“post” fejn wieħed verament jista’ jiltaqa’ miegħu. Fl-istess ħin irrid inwissi lill-insara u lill-komunitajiet insara biex jagħtu xhieda għal Kristu b’ħajja verament nisranija.

 Kull bniedem li jikkonverti hu don mogħti lill-Knisja, u jitlob responsabbiltà kbira minnha mhux biss għaliex irid jitħejja għall-magħmudija permezz tal-katekumenat u mbagħad jitwettaq mit-tagħlim tar-reliġjon, imma wkoll, speċjalment jekk hu kbir, għax iġib miegħu sura ta’ enerġija ġdida, ħeġġa ta’ fidi, xewqa li jsib li l-Evanġelju qegħdin jgħixuh fil-Knisja. Jitqarraq min jikkon-verti jekk, meta jibda jagħmel sehem mill-komunità tal-Knisja, isib fiha ħajja bla ħeġġa u bla ebda sinjal ta’ tiġdid. Għalhekk ma jistax ikun li nxandru l-konverżjoni, jekk aħna stess ma nikkonvertux kuljum.

 

Il-formazzjoni tal-knejjes lokali

48. Il-konverżjoni u l-magħmudija jdaħħlu l-bniedem fil-Knisja, fejn tkun ġa tinsab, jew jitolbu biex jitwaqqfu komunitajiet ġodda li jistqarru 'l Kristu bħala Feddej u Mulej. Dan huwa parti mill-pjan t’Alla li “għoġbu mhux biss isejjaħ il-bnedmin wieħed wieħed, bla ebda rabta bejniethom, biex ikollhom sehem minn ħajtu, imma ried ukoll jagħmilhom poplu, fejn uliedu, li kienu mxerrdin, jinġabru flimkien”[78].

 Dan hu l-għan tal-missjoni ad gentes: li jitwaqqfu komunitajiet insara, li kull knisja timxi 'l quddiem biex tilħaq il-kobor sħiħ tagħha. Dan huwa l-għan ewlieni u proprju tal-ħidma missju-narja, tant li ma jkunx jista’ jingħad li din il-ħidma ntemmet sakemm ma tkunx twaqqfet knisja ġdida partikulari, mhejjija biex taqdi sewwa fil-post li jkun id-dmirijiet kollha tagħha. Dwar dan jitkellem fit-tul id-digriet ad gentes[79]; u wara l-Konċilju żviluppa ħsieb teoloġiku li juri ċar li l-misteru kollu tal-Knisja jinsab f’kull knisja partikulari, sakemm din ma tinfiridx mill-knejjes l-oħra imma tibqa’ f’xirka mal-Knisja universali, u ssir imbagħad ukoll knisja missjunarja. Din hi ħidma kbira u twila li mhijiex ħaġa ħafifa tgħid żgur kemm se jdum iż-żmien biex tintemm il-ħidma proprja missjunarja u tibda l-attività pastorali. Iżda hemm xi prinċipji li jridu jkunu tassew ċari għalina.

 

49. L-ewwel nett jeħtieġ ikun hemm tħabrik biex kullimkien ikun hemm komunitajiet insara li “jkunu sinjal tal-preżenza t’Alla fid-dinja”[80], u tant jikbru li jsiru knejjes. Għalkemm l-għadd tad-djoċesijiet huwa kbir, għad hemm illum ukoll artijiet kbar fejn jew il-knejjes lokali huma neqsin għal kollox, jew mhumiex biżżejjed għall-kobor tal-art u l-għadd tan-nies: jeħtieġ għalhekk li ssir ħidma kbira biex jitwaqqfu knejjes oħra u jikbru. Għad m’għaddiex dan il-waqt tal-ġrajja tal-Knisja, li ġie msejjaħ iż-żmien tal-plantatio Ecclesiae”, tat-twaqqif tal-Knisja; anzi għal ħafna gruppi ta’ nies dan iż-żmien għadu ma bediex.

 Ir-responsabbiltà ta’ din il-ħidma taqa’ fuq il-Knisja universali u fl-istess ħin ukoll fuq il-knejjes partikulari, fuq il-poplu kollu t’Alla u fuq il-forzi missjunarji tiegħu. Kull knisja, ukoll dik magħmula minn membri li għadhom kemm ikkonvertew, min-natura tagħha, hi missjunarja, ġiet evanġelizzata u trid tevanġelizza, u trid turi dejjem il-fidi bħala don t’Alla, li wieħed irid jgħixha f’komunità (fil-familji, fil-parroċċa, fl-assoċjazzjonijiet) u mbagħad iwassalha lill-oħrajn bl-imġiba ta’ ħajtu u bi kliemu. Il-ħidma evanġelizzatriċi tal-komunità nisranija, l-ewwel fil-post fejn tkun u mbagħad f’postijiet oħra, bħala sehem fil-ħidma missjunarja tal-Knisja universali, hi sinjal l-aktar ċar li l-fidi tal-komunità laħqet il-kobor sħiħ tagħha. Bidla sħiħa fil-fehma hi meħtieġa jekk wieħed irid ikun missjunarju, u dan jgħodd kemm għall-individwi u kemm għall-komunitajiet. Il-Mulej jimbuttana dejjem biex noħorġu minna nfusna u naqsmu mal-oħrajn il-ġid li għandna, u nibdew mill-akbar ġid li għandna, li hu d-don tal-fidi. Minn dan l-impenn missjunarju jitqies is-siwi tal-organizzazzjonijiet u l-movimenti, tal-parroċċi u tal-ħidmiet tal-appostolat fil-Knisja. Komunità nisranija, biss meta ssir missjunarja, tasal biex tirbaħ il-firdiet u l-piki li jkun hemm fi ħdanha, u terġa’ ssib l-għaqda u l-qawwa tal-fidi tagħha.

 Il-forzi missjunarji, ġejjin minn knejjes u pajjiżi oħra, jeħtieġ li jaħdmu flimkien mal-forzi tal-post biex il-komunità nisranija tiġi 'l quddiem. Hu dmirhom - dejjem skont id-direttivi tal-isqfijiet u f’kollaborazzjoni mar-responsabbli fil-post - ix-xandir tal-fidi u t-tkabbir tal-Knisja f’artijiet u fi gruppi mhux insara, u tqanqail ta’ spirtu missjunarju fil-knejjes tal-post biex il-ħidma pastorali tkun dejjem imsieħba mal-impenn għall-missjoni ad gentes. B’dan il-mod kull knisja tagħmel tagħha l-ħerqa ta’ Kristu ir-Ragħaj it-Tajjeb, li jagħti lilu nnifsu kollu kemm hu għall-merħla tiegħu, waqt li fl-istess ħin ħsiebu “f’nagħaġ oħra...li mhumiex minn dan il-maqjel” (Ġw 10,16).

 

50. Din il-ħerqa tagħti lok u tħeġġeġ għal impenn ekumeniku u mġedded. Ir-rabtiet li hemm bejn il-ħidma ekumenika u l-ħidma missjunarja twassalna biex inqisu żewġ fatturi li jmorru flimkien. Min-naħa rridu nistqarru li “l-firdiet bejn l-insara huma ta’ ħsara għall-ħidma qaddisa tax-xandir tal-Evanġelju lill-ħolqien kollu u jagħlqu l-bieb tal-fidi għal ħafna”[81].

 It-tħabbira tal-Bxara t-tajba tar-rikonċiljazzjoni minn insara li huma mifruda minn xulxin, iddgħajjef ix-xhieda tagħhom. Għalhekk jeħtieġ li nħabirku għall-għaqda tal-insara biex il-ħidma missjunarja tikseb aktar qawwa. Fl-istess ħin ma nistgħux ninsew li l-isforzi li qegħdin isiru għall-għaqda bejn l-insara, minnhom infushom huma sinjal tal-ħidma ta’ rikonċiljazzjoni li Alla qiegħed jagħmel fostna.

 Min-naħa l-oħra, hu minnu li dawk kollha li tgħammdu fi Kristu, huma marbutin flimkien b’sura ta’ xirka, għalkemm mhijiex perfetta. Fuq din il-verità hija mibnija l-fehma tal-Konċilju: “Il-kattoliċi, waqt li jwarrbu kull sura ta’ indifferenza u taħwid, u kull dehra ta’ pika bla sens, permezz ta’ stqarrija - sa fejn jista’ jkun flimkien - ta’ fidi f’Alla u f’Ġesù Kristu quddiem il-ġnus, u permezz ta’ kooperazzjoni kemm fl-oqsma tekniċi u soċjali u kemm fl-oqsma kulturali u reliġjużi, għandhom jaħdmu bħal aħwa mal-aħwa mifrudin, skont id-direttivi tad-digriet dwar l-ekumeniżmu”[82].

 Il-ħidma ekumenika u x-xhieda flimkien għal Kristu tal-insara li huma membri ta’ knejjes differenti u ta’ komunitajiet ekklesjali oħra, ġa taw kotra ta’ frott. Iżda jeħtieġ jagħmlu aktar u jagħtu xhieda flimkien f’dan iż-żmien meta għadd ta’ setet insara u para-nsara qegħdin joħolqu ħafna taħwid bil-ħidma tagħhom. It-tixrid ta’ dawn is-setet jheddu l-Knisja kattolika u l-komunitajiet ekklesjali kollha li magħhom il-Knisja qiegħda tiddjaloga. Kull fejn jista’ jkun, u skont ma jitolbu ċ-ċirkostanzi tal-post, it-tweġiba tal-insara tista’ tkun ukoll ekumenika.

 

Il-komunitajiet ekklesiali di base bħala qawwa għal-evanġelizzazzjoni

51. Fenomenu ieħor li qiegħed jikber b’ħeffa kbira fil-knejjes ġodda, u xi kultant minn xi isqfijiet u l-Konferenzi Episkopali hu meqjus bħala impenn ewlieni tal-ħidma pastorali tagħhom, huma dawk il-komunitajiet ekklesjali di base (huma magħrufin b’ismijiet oħra wkoll) li qegħdin juru ruħhom bħala ċentri mill-aqwa ta’ formazzjoni nisranija u ta’ ħidma missjunarja. Huma gruppi żgħar ta’ nsara f’livell ta’ familja jew ta’ ambjent żgħir, li jiltaqgħu flimkien għat-talb u l-qari tal-Kotba Mqaddsa għall-katekeżi, għall-istudju flimkien ta’ problemi li jolqtu kemm il-bniedem u kemm il-Knisja ħa jkunu jistgħu jimpenjaw ruħhom għall-ġid ta’ kulħadd. Huma tassew sinjal tal-qawwa tal-Knisja u strument ta’ formazzjoni u evanġelizzazzjoni, bidu tajjeb għal soċjetà mibnija fuq “iċ-ċiviltà tal-imħabba”.

 Dawn il-komunitajiet iwasslu biex il-komunità parrokkjali li minnha jagħmlu sehem, ma tibqax ċentralizzata, imma jorganizzawha, jagħmlu għeruq f’ambjenti poploari u raħħala, u jsiru ħmira ta’ ħajja nisranija, ta’ kura għall-foqra u l-imwarrbin, u ta’ mpenn ukoll għall-bidla fis-soċjetà. F’dawn il-komunitajiet kull nisrani jġarrab esperjenza komunitarja, u hekk iħossu li hu membru attiv lest biex jagħti sehmu fl-impenn ta’ kulħadd. B’dan il-mod, dawn il-komunitajiet ikunu strumenti ta’ evanġelizzazzjoni, tal-ewwel tħabbira tal-Evanġelju, ta’ bidu ta’ ministeri ġodda, waqt li, imqanqlin mill-Ispirtu ta’ Kristu, juru kif jistgħu jintrebħu l-firdiet u r-razziżmu.

 Kull waħda minn dawn il-komunitajiet, biex tkun tassew nisranija, jeħtieġ li tinbena u tgħix fi Kristu, fis-smigħ tal-Kelma t’Alla, fit-talb madwar l-Ewkaristija, f’xirka li turi għaqda ta’ qalb u ta’ ruħ, u fit-tqassim tal-ġid ta’ kulħadd skont il-ħtiġijiet ta’ kull wieħed (ara Atti 2, 42-47). Il-Papa Pawlu VI fakkar li kull komunità trid tgħix f’xirka mal-Knisja universali u mal-knisja lokali, f’rabta sinċiera mar-ragħajja u mal-Maġisteru, impenjata fil-ħidma missjunarja u 'l bogħod minn kull sura ta’ iżolament u ideoloġija[83].

 U s-Sinodu tal-Isqfijiet tenna li, “għaliex il-Knisja hi xirka, il-komunitajiet ġodda di base, jekk tassew huma f’għaqda sħiħa mal-Knisja, huma fihom infushom dehra vera tax-xirka u mezz għall-bini ta’ xirka aktar sħiħa; għalhekk huma ta’ tama kbira għall-Knisja”[84].

 

L-inkarnazzjoni tal-Evanġelju fil-kulturi tal-popli

52. Hija u tkompli l-ħidma missjunarja tagħha fost il-ġnus, il-Knisja tiltaqa’ ma’ ħafna kulturi u ssib ruħha hi wkoll fil-proċess ta’ inkulturazzjoni. Dan narawh iseħħ tul il-mixja kollha tal-ġrajja tal-Knisja, imma llum dan il-proċess sar urġenti u serju ħafna.

 Il-proċess tal-inkarnazzjoni tal-Knisja fil-kulturi tal-popli jitlob żminijiet twal, għaliex dan il-proċess mhux biss adattament estern, li tarah b’għajnejk, imma l-inkulturazzjoni hi “bidla intima tal-valuri kulturali veri għax jiġu integrati fil-Kristjaneżmu, waqt li min-naħa l-oħra l-Kristjaneżmu jniżżel l-għeruq tiegħu fil-kulturi tal-popli”[85]. Hu proċess għoli li jħaddan kollox, u jolqot kemm il-messaġġ nisrani u kemm il-ħsieb u l-prattika tal-Knisja. Hu wkoll proċess diffiċli ħafna, għaliex bl-ebda mod m’għandu jhedded l-integrità tal-fidi nisranija u n-natura speċifika tagħha.

 Permezz tal-inkulturazzjoni, il-Knisja tinkarna l-Evanġelju fil-ħafna kulturi tal-ġnus, u fl-istess ħin iddaħħal fil-komunità tagħha l-ġnus bil-kulturi proprji tagħhom[86]; hekk hi tagħti ġidha, waqt li tilqa’ l-ġid kollu li għandhom u ġġeddu intimament[87]. Min-naħa tagħha, permezz tal-inkulturazzjoni, il-Knisja ssir sinjal aktar ħafif biex jiftiehem ta’ dak li tassew hi, u strument aħjar għall-missjoni.

 L-istess Knisja universali, b’din il-ħidma ta’ inkulturazzjoni tal-knejjes lokali, tistagħna b’suriet ta’ espressjoni u ta’ valuri fil-ħafna oqsma tal-ħajja nisranija, bħalma huma l-evanġelizz-azzjoni, il-kult, it-teoloġija, l-imħabba; tagħraf ħafna aħjar il-misteru ta’ Kristu, u tfissru b’mod aktar adattat, waqt li bla heda titqanqal ħa tiġġedded fiha nfisha. Dawn il-fehmiet, li nsibuhom fid-dokumenti tal-Konċilju u fil-Maġisteru li ġie wara, jien spiss fissirthom fil-vjaġġi pastorali tiegħi fil-knejjes żgħażagħ[88].

 L-inkulturazzjoni hu proċess li jimxi bil-mod, u huwa msieħeb mal-ħajja missjunarja kollha kemm hi, u timpenja lil dawk kollha li jaħdmu fil-missjoni ad gentes, lill-komunitajiet insara huma u jikbru bil-mod il-mod, u lir-ragħajja li huma fid-dmir u għandhom ir-responsabbiltà li jagħrfu kif qiegħed iseħħ il-proċess u jħeġġu biex iseħħ[89].

 

53. Il-missjunarji, li jiġu minn knejjes u nazzjonijiet oħra, iridu jidħlu kollhom kemm huma fid-dinja soċjali u kulturali fejn intbagħtu, u jħallu fil-ġenb il-fehmiet u d-drawwiet tal-pajjiżi fejn twieldu. Għandhom jitgħallmu l-ilsien tan-nies fejn jaħdmu, isiru jafu s-suriet ewlenin tal-kultura tal-post fejn jinsabu, u jagħrfu l-ġid kollu li għandu, bl-esperjenza tagħhom stess. Mgħallmin b’dan il-mod ikunu jistgħu iwasslu b’suċċess lill-popli l-misteru moħbi (ara Rum 16,25; Ef 3,5), b’mod li jistgħu jilqgħuh bla taħbit. Dan ma jfissirx li l-missjunarji se jiċħdu l-identità kulturali tagħhom, imma li se jsiru jafu u japprezzaw, iġibu 'l quddiem u jevanġelizzaw il-kultura tal-pajjiż fejn qegħdin jaħdmu, u hekk jaslu biex ikunu jistgħu jikkomunikaw man-nies tal-post, għax jadottaw sura ta’ ħajja li tkun fl-istess ħin xhieda tal-Evanġelju u solidarjetà man-nies tal-post.

 Il-komunitajiet ekklesjali huma u qegħdin jifformaw ruħhom, imqanqlin mill-Evanġelju, jistgħu huma wkoll, maż-żmien, juru xinhi l-esperjenza nisranija proprja tagħhom b’suriet u manjieri li jaqblu mat-tradizzjonijiet kulturali tagħhom, sakemm dawn jaqblu ma’ dak li titlob il-fidi nisranija. Għal dan il-għan, l-aktar dwar dawk l-elementi ta’ inkulturazzjoni li jitolbu għaqal kbir għax delikati ħafna, il-knejjes partikulari tal-istess pajjiż, għandhom jaħdmu f’xirka bejniethom[90], u mal-Knisja universali, konvinti li biss jekk iqisu l-Knisja universali u l-knejjes partikulari jkunu jistgħu ifissru teżor tal-fidi b’għadd ta’ espressjonijiet differenti minn xulxin, imma kollha veri[91]. Għalhekk il-gruppi li ġa ġew evanġelizzati jistgħu joffru elementi biex il-messaġġ evanġeliku jiġi “tradott” f’espressjonijiet oħra[92], billi jitqies kull ma nkiseb matul iż-żminijiet mil-laqgħa tar-reliġjon nisranija mal-ħafna kulturi fl-imgħoddi, mingħajr ma wieħed jinsa l-perikoli ta’ xi tibdil li seħħ xi kultant[93].

 

54. F’din il-ħaġa hemm xi direttivi li huma importanti ħafna. L-inkulturazzjoni, biex timxi sewwa 'l quddiem, trid tqis żewġ prinċipji: “qbil mal-Evanġelju u xirka mal-Knisja universali”[94]. L-isqfijiet huma fid-dmir li jħarsu “id-depożitu tal-fidi”, b’għaqal kbir[95] u fedeltà sħiħa, u għal dan jeħtieġ li dejjem jimxu bil-qies, għax hemm il-perikolu li wieħed, mingħajr ma jqis kollox sewwa, jista’ jwarrab kultura jew jagħtiha importanza żejda, meta hi frott tal-ħidma tal-bniedem, u għalhekk imġarrba mid-dnub: għalhekk jeħtieġ li “titfejjaq, titgħolla u titjieb”[96].

 Dan il-proċess irid isir bil-mod il-mod biex jidher li ħiereġ mill-esperjenza tal-komunità nisranija: “Jeħtieġ li l-misteru nisrani bil-mod il-mod jissawwar f’ruħ il-poplu tagħkom”, qal il-Papa Pawlu VI f’Kampala, “biex it-tlissin tiegħu b’ilsienkom, b’mod aktar ċar u miftuħ, jingħaqad mal-kor tal-ilsna kollha tal-Knisja universali f’armonija sħiħa”[97]. L-inkulturazzjoni timpenja l-poplu t’Alla u mhux biss xi esperti, għaliex hi ħaġa magħrufa li hu l-poplu li juri t-tifsir veru tal-fidi u dan qatt m’għandna ninsewh. L-inkulturazzjoni trid titmexxa, tiġi mħajra, iżda mhux sfurzata, għax inkella tista’ toħloq reazzjoni: trid turi u tfisser il-ħajja tal-komunità, jiġifieri trid tiġi 'l quddiem fi ħdan il-komunità, u mhux tkun frott tar-riċerka tal-għorrief. Il-ħarsien tal-valuri tradizzjonali jiġi minn fidi li tkun laħqet il-kobor sħiħ tagħha.

 

Id-djalogu mal-aħwa ta’ reliġjonijiet oħra

55. Id-djalogu mal-membri tar-reliġjonijiet oħra hu parti mill-ħidma evanġelizzatriċi tal-Knisja. Jekk dan id-djalogu jitqies bħala triq u strument għall-għarfien ta’ xulxin ħa nistagħnu flimkien, ma jkunx kuntrarju għall-missjoni ad gentes, anzi għandu rabtiet speċjali magħha, u jfissirha. Il-missjoni hi għall-bnedmin li ma jafux bi Kristu u bl-Evanġelju tiegħu, bnedmin li fil-kotra kbira tagħhom iħaddnu reliġjonijiet oħra. Alla jsejjaħ għandu fi Kristu l-ġnus kollha, għaliex iwasslil-hom il-milja tar-rivelazzjoni tiegħu u ta’ mħabbtu; u ma jonqosx li juri ruħu b’ħafna manjieri mhux biss lill-individwi imma lill-popli wkoll permezz tal-għana spiritwali tagħhom, li tiegħu huma xhieda ewliena u essenzjali r-reliġjonijiet, minkejja “n-nuqqasijiet, il-vojt u l-iżbalji tagħhom”[98]. Dan kollu ġie mfisser fit-tul mill-Konċilju u l-Maġisteru li ġie wara, waqt li dejjem żammew illi s-salvazzjoni tiġi minn Kristu u li dan id-djalogu ma jeħlisniex mid-dmir tal-evanġelizzazzjoni[99].

 Fid-dawl tal-pjan kollu tas-salvazzjoni, il-Knisja ma tarax li hemm xi firda bejn it-tħabbira ta’ Kristu u d-djalogu mar-reliġjonijiet l-oħra; iżda tifhem li trid torbot flimkien it-tħabbira ta’ Kristu u d-djalogu mar-reliġjonijiet l-oħra, hija u taqdi l-missjoni tagħha ad gentes. Jeħtieġ li dawn iż-żewġ elementi jħarsu r-rabta bejniethom, waqt li jibqgħu jintgħażlu minn xulxin, biex ma jkunx hemm taħwid bejniethom jew jiġu strumentalizzati jew meqjusin indaqs bħallikieku wieħed jista’ jibdel wieħed mal-ieħor kif u meta jrid.

 Ftit ilu ktibt lill-isqfijiet tal-Asja: “Għalkemm il-Knisja bil-qalb tagħraf kull ma hu veru u qaddis fit-tradizzjonijiet reliġjużi tal-Buddiżmu, l-Induiżmu u l-Islamiżmu - rifless ta’ dik il-verità li ddawwal il-bnedmin kollha - dan ma jnaqqas xejn mid-dmir u mill-fehma li bla tlaqliq jixxandar Kristu, li hu t-Triq, il-Verità u l-Ħajja....Għalkemm dawk li jħaddnu reliġjonijiet oħra jistgħu jirċievu l-grazzja t’Alla u jiġu salvati minn Kristu, mingħajr il-mezzi ordinarji tas-salvazzjoni li hu waqqaf, dan bl-ebda mod ma jħassar is-sejħa għall-fidi u l-magħmudija, li Alla jrid għall-popli kollha”[100]. Kristu nnifsu, “waqt li nsista ċar u tond fuq il-ħtieġa tal-fidi u tal-magħmudija, fl-istess ħin wettaq il-ħtieġa tal-Knisja li fiha l-bnedmin jidħlu qishom minn bieb”[101]. Id-djalogu għalhekk għandu jitmexxa u jsir b’konverżjoni li l-Knisja hija t-triq ordinarja tas-salvazzjoni u hi biss għandha l-mezzi kollha tas-salvazzjoni[102].

 

56. Id-djalogu ma jsirx bi ħsieb ta’ tattika u ta’ interess personali, imma hu attività li għandha r-raġunijiet tgħha, il-kundizzjonijiet tagħha u d-dinjità tagħha; titolob rispett sħiħ għal dak kollu li l-Ispirtu, li jonfoħ fejn irid[103], jagħmel fil-bniedem. Bid-djalogu l-Knisja trid issib “iż-żerriegħa tal-Kelma”[104], u “id-dija ta’ dik il-Verità li ddawwal lil kull bniedem”[105]; u din iż-żerriegħa u din id-dija jinsabu fil-bniedem u fit-tradizzjonijiet reliġjużi tal-bnedmin kollha. Id-djalogu jinbena fuq it-tama u l-imħabba u jagħti frott fl-Ispirtu. Ir-reliġjonijiet l-oħra huma sura ta’ sfida tajba għall-Knisja, għax iqanqluha kemm biex tintebaħ u tagħraf is-sinjali tal-preżenza ta’ Kristu u tal-ħidma tal-Ispirtu, u kemm biex tagħraf in-natura tagħha aktar fil-fond u tagħti xhieda tas-sħuħija tar-rivelazzjoni, li ġiet fdata lilha għall-ġid ta’ kulħadd.

 Minn hawn joħroġ l-Ispirtu li bih irid isir id-djalogu fil-kuntest tal-missjoni. Min qiegħed jiddjaloga ma’ ħaddieħor ma jridx joqgħod jilgħab bit-tradizzjonijiet u l-konvinzjonijiet reliġjużi tiegħu, u jrid ikun lest biex jifhem dawk tal-ieħor, bla ħabi u bla preġudizzji, imma bil-verità, l-umiltà u l-irġulija, huwa u jifhem li d-djalogu jista’ jagħni lil kull wieħed. M’għandu jkun hemm ebda ċediment, ebda ireniżmu, imma xhieda miż-żewġ naħat ħalli jkun hemm progress flimkien fir-riċerka u l-esperjenza reliġjuża u, fl-istess ħin, it-twarrib tal-preġudizzji, tal-intolleranza u tal-malintiżi. Id-djalogu jrid iwassal għat-tisfija u l-bdil tal-qalb, li jkunu ta’ ġid spiritwalment, jekk min ifittxhom joqgħod għal kull ma jnebbħu l-Ispirtu.

 

57. Għad-djalogu jista’ jinfetaħ qasam kbir, għaliex jista’ jkollu aktar minn sura u minn espres-sjoni waħda: minn djalogu bejn esperti fit-tradizzjonijiet reliġjużi jew bejn rappreżentanti uffiċjali ta’ dawn it-tradizzjonijiet sa kollaborazzjoni għal żvilupp sħiħ u għall-ħarsien tal-valuri reliġjużi; minn tagħrif mogħti lil xulxin dwar l-esperjenzi reliġjużi ta’ kull wieħed sa dak li jsejħulu “id-djalogu ta’ ħajja”, li permezz tiegħu dawk li jħaddmu reliġjonijiet differenti flimkien jagħtu xhieda lil xulxin bil-ħajja tagħhom ta’ kuljum tal-valuri umani u spiritwali tagħhom, u jgħinu lil xulxin biex jgħixuhom sewwa ħa jibnu soċjetà aktar ġusta u aktar magħquda.

 Il-fidili u l-komunitajiet insara huma msejħin biex jippratikaw dan id-djalogu, għalkemm mhux kulħadd bl-istess mod u bl-istess grad. Għal dan id-djalogu hu meħtieġ fuq li meħtieġ is-sehem tal-lajċi, li “bl-eżempju ta’ ħajjithom u bil-ħidma tagħhom jistgħu jgħinu biex ikun hemm relazzjonijiet aħjar bejn il-membri ta’ reliġjonijiet diversi”[106], waqt li xi wħud minnhom jistgħu ukoll jgħinu fir-riċerka u l-istudju[107].

 Għaliex naf li ħafna missjunarji u komunitajiet insara, fit-triq iebsa u li mhux dejjem tiftiehem sewwa tad-djalogu, isibu l-mezz waħdieni biex jagħtu xhieda għal Kristu u jaqdu b’qalb kbira lill-bnedmin, irrid inwettaqhom u nħeġġiġhom biex jipperseveraw fil-fidi u fl-imħabba, ukoll jekk ħadd ma jagħti kas tal-isforzi tagħhom u jwieġeb għalihom. Id-djalogu hu triq li twassal għas-Saltna, triq li żgur tagħti l-frott tagħha, għalkemm il-Missier biss jaf kif u meta (ara Atti 1,7).

 

Żvilupp permezz tal-edukazzjoni tal-kuxjenzi

58. Il-qofol tal-missjoni ad gentes illum qiegħda ssir fil-pajjiżi tan-Nofsinhar tad-dinja, fejn hi l-aktar meħtieġa ħidma ta’ żvilupp u ta’ ħelsien minn kull xorta ta’ moħqrija. Il-Knisja dejjem għarfet tqanqal fost il-ġnus li xandritilhom l-Evanġelju ħerqa għall-progress, u llum il-missjunarji, aktar mill-imgħoddi, huma meqjusa mill-awtoritajiet ċivili u minn esperti internazzjonali bħal nies li jġibu 'l quddiem il-progress u l-iżvilupp, u jammirawhom l-aktar għax kapaċi jkollhom riżultati mill-aqwa b’mezzi mill-inqas.

 Fl-enċiklika Sollicitudo rei socialis kont ktibt: “Il-Knisja m’għandhiex soluzzjonijiet tekniċi għall-problemi tan-nuqqas tal-iżvilupp”, għalkemm “tagħtiu l-ewwel għajnuna għas-soluzzjoniji tal-problema tal-progress, l-aktar għall-problema kif inhi llum....tat-tħabbira tal-verità dwar Kristu, dwar il-Knisja, dwar il-bniedem”[108]. Il-Konferenza tal-Isqfijiet latino-amerikani f’Puebla qalet, fost ħwejjeġ oħra, li “l-evanġelizzazzjoni hi l-aqwa servizz mogħti lill-aħwa, għax tħejjijhom biex jilħqu l-kobor sħiħ tagħhom bla wlied Alla u fl-istess ħin teħlishom mill-inġustizzji u tmexxihom 'il quddiem għall-kobor sħiħ tagħhom bħala bnedmin”[109]. Iżda dmir il-Knisja mhuwiex ħidma diretta fl-oqsma tal-ekonomija, tat-teknika u tal-politika u lanqas hu dmir tagħha li tikkontribwixxi materjalment għall-progress, iżda d-dmir tagħha hu li tgħin lill-popli, mhux “biex ikollhom aktar”, imma biex “huma nfushom ikunu aktar”, jiġifieri jqajmu l-kuxjenza tagħhom permezz tal-Evanġelju. “Il-veru progress tal-bniedem għandu jinbena fuq l-evanġelizzazzjoni dejjem aktar fil-fond”[110].

 Il-Knisja u l-missjunarji jgħinu l-progress u l-iżvilupp ukoll permezz tal-iskejjel u l-isptarijiet tagħhom, permezz tal-istamperiji u l-universitajiet tagħhom, permezz ta’ ċentri ta’ riċerki fil-biedja. Iżda l-progress ta’ kull poplu ma jiġix l-ewwel nett mill-flus, mill-għajnuna materjali, u mit-teknoloġija, imma jiġi mill-formazzjoni tal-kuxjenzi, mit-titjib fil-mentalità u fl-imġiba. Il-bniedem innifsu hu dak li jġib 'il quddiem l-iżvilupp tiegħu stess, mhux il-flus u lanqas it-teknoloġija. Il-Knisja tifforma l-kuxjenzi meta tħabbar lill-popli lil dak Alla li qegħdin ifittxu, iżda ma jafuhx, u meta turihom id-dinjità tal-bniedem, maħluq xbieha t’Alla u maħbub minnu, meta tgħidilhom i l-bnedmin kollha huma ndaqs għax ilkoll ulied Alla, li s-setgħa fuq il-ħolqien kollu ingħatat għall-ġid tal-bnedmin, u li hu dmir tagħhom l-impenn favur il-progress sħiħ ta’ kull bniedem u tal-bnedmin kollha kemm huma.

 

59. Bix-xandir tal-Evanġelju l-Knisja qiegħda toffri qawwa ta’ ħelsien li ġġib 'il quddiem progress veru għax iġib bdil fil-qalb u fil-ħsieb, juri d-dinjità ta’ kull bniedem, iwassal għas-solidarjetà, għar-responsabbiltà, għall-qadi tal-aħwa, u jdaħħal lil kulħadd fil-pjan ta’ Alla; dan mhux ħlief il-bini tas-Saltna tas-sliem u tal-ġustizzja sa minn din id-dinja. Din hi l-fehma biblika ta’ “smewwiet ġodda u art ġdida” (ara Is 65,17; 2 Piet 3,13; Apok 21,5), fehma li qanqlet il-bniedem u offrietlu bħala għan il-progress tal-bniedem, biex iħabrek ħa jiksbu tul ġrajjietu kollha. Il-progress tal-bniedem jiġi minn Alla, u mill-eżempju ta’ Ġesù, veru Alla u veru bniedem, u għandu jerġa’ jwassal għand Alla[111]. Din hi r-raġuni għax hemm rabta sħiħa dejn ix-xandir tal-Evanġelju u l-progress tal-bniedem.

 Is-sehem tal-Knisja u tal-ħidma tagħha għax-xandir tal-Evanġelju għall-iżvilupp u l-progress tal-popli, mhuwiex biss favur in-Nofsinhar tad-dinja ħa jintrebaħ il-faqar u n-nuqqas ta’ żvilupp, imma huma wkoll favur it-tramuntana tad-dinja li qiegħda ġġarrab faqar spiritwali u morali, li ġej minn”żvilupp bla rażan”[112]. Fehma, bl-ebda ħjiel ta’ reliġjon, li tinsab imxerrda sewwa f’xi pajjiżi, tħaddan dan il-ħsieb: il-bniedem biex ikun tassew bniedem, biżżejjed għalih li jistagħna u jkattar is-setgħa teknika w ekonomika tiegħu. Iżda l-progress bla ruħ mhux biżżejjed għall-bniedem, u l-għana żejjed hu ta’ ħsara għalih daqs kemm hu ta’ ħsara l-faqar żejjed. It-tramuntana tad-dinja ħolqot “din is-sura ta’ żvilupp” u qiegħda tesportaha fin-Nofsinhar tad-dinja fejn hemm il-perikolu li s-sens tar-reliġjon u tal-valuri tal-bniedem li jeżistu f’dawn l-artijiet jinqerdu mill-mewġa kbira tal-konsumiżmu.

 “Ħudha kontra l-ġuħ biex tbiddel is-sura ta’ ħajtek”: din is-sentenza nibtet f’xi ambjent ekklesjali li turi lill-popli għonja t-triq kif jistgħu ikunu aħwa mal-foqra: jeħtieġ nerġgħu lura għall-ħajja aktar irżina li tista’ tgħin sura ġdida ta’ żvilupp, li jqis sewwa l-valuri morali u reliġjużi. Il-ħidma missjunarja tagħti lill-foqra kemm id-dawl u kemm il-ħeġġa li jeħtieġu għall-progress veru tagħhom, waqt li min-naħa l-oħra evanġelizzazzjoni mill-ġdid għandha tqanqal fl-għonja s-sentimenti li wasal issa għalihom iż-żmien li juru verament li huma aħwa mal-foqra: dan jiġri billi kulħadd isir favur “żvilupp sħiħ”, miftuħ għal Alla l-Assolut[113].

 

L-imħabba: bidu u norma tal-missjoni

60. Fiż-żjara tiegħi fil-Brażil għidt: “Il-Knisja kollha trid tkun Knisja tal-foqra. Trid toħroġ għad-dawl il-verità kollha li tinsab fil-Beatitudni, u l-aktar fl-ewwel waħda ‘Henjin il-foqra fl-Ispirtu....’ Trid tgħallem din il-verità lill-bniedem u tara li ssir bil-fatti, kif Ġesù stess ġie fid-dinja jagħmel u jgħallem”[114].

 Il-Knejjes żgħażagħ fil-kotra tagħhom insibuhom fejn hemm faqar kbir imxerred ħafna, spiss juru din il-ħerqa għall-foqra bħala parti essenzjali tal-missjoni tagħhom. Fil-laqgħa tagħhom fi Puebla, l-isqfijiet latino-amerikani, wara li semmew l-eżempju ta’ Kristu, kitbu: “il-foqra jistħoqqilhom kura preferenzjali hi xinhi l-qagħda morali u personali tagħhom. Maħluqin fuq is-sura tax-xbieha t’Alla, u wliedu, għandhom din ix-xbieha mdallma meta mhix imkasbra. Għalhekk Alla jaqbeż għalihom u jħobbhom. Minn hawn jiġi li l-missjoni għandha ssir l-ewwel lilhom, u l-evanġelizzazzjoni tagħhom hi sinjal mill-aqwa u prova tal-missjoni ta’ Ġesù”[115].

 F’fedeltà sħiħa lejn il-Beatitudni, il-Knisja hi msejħa biex tissieħeb mal-foqra u mal-maħqurin minn kull xorta ta’ deni. Inħeġġeġ għalhekk li kull min hu dixxipli ta’ Kristu u lill-komunitajiet ekklesjali kollha, lill-familji u lid-djoċesijiet, lill-parroċċi u lill-istituti reliġjużi biex, bis-sinċerità kollha, jaraw sewwa xinhi l-imġiba ta’ ħajjithom fis-solidarjetà mal-foqra. Fl-istess ħin inrodd ħajr lill-missjunarji għall-preżenza kollha mħabba tagħhom u għas-servizz li qegħdin jagħtu għall-progress u l-iżvilupp sħiħ tal-bniedem u tas-soċjetà permezz ta’ skejjel u sptarijiet, ta’ lebbrożarji u ta’ djar għall-anzjai u għall-ħandikappati, ta’ ħidma favur il-promozzjoni tal-mara, u ħidmiet oħra ta’ appostolat bħal dawn. B’mod speċjali rrid inrodd ħajr lill-presbiteri, lir-reliġjużi rġiel u nisa, lil-lajċi, għad-dedikazzjoni tagħhom, waqt li nqawwi l-qalb tal-volontarji tal-Organizzazzjonijiet mhux governattivi, illum dejjem aktar fil-għadd, li qegħdin jagħtu ruħhom għal dawn il-ħidmiet ta’ mħabba u ta’ progress għall-bniedem.

 Huma dawn l-attivitajiet li juru xinhi r-ruħ tal-ħidma missjunarja kollha: l-imħabba, li hi u tibqa’ dejjem il-qawwa li tmexxi l-missjoni, u għalhekk hi “n-norma waħdanija li turina x’għandu jsir u x’ma għandux isir, x’għandu jinbidel u x’ma għandux jinbidel. L-imħabba hi l-prinċipju li għandu jmexxi kull ħidma u l-għan li għalih jixraq li ssir kull ħidma. M’hemmx ħtija, f’kull ma jsir għall-verità u hu ispirat minnha, għax hu kollu tajjeb”[116].

 


 

 

KAP VI

IL-MEXXEJJA U L-ĦADDIEMA

TAL-APPOSTOLAT MISSJUNARJU

 

61. Xhieda mingħajr ma jkun hemm min jagħtiha ma tkun tiswa xejn, hekk missjoni bla missju-narji ma tiswa xejn ukoll. Ġesù għażel xi bnedmin ħa jkunu xhieda u appostli tiegħu billi jissieħbu fil-missjoni tiegħu u jkomplu l-ħidma tiegħu ta’ salvazzjoni: “Tkunu xhieda tiegħi f’Ġerusalemm, fil-Lhudija kollha, fis-Samarija, u sa truf l-art” (Atti 1,8).

 It-Tnax kienu l-ewwel mexxejja tal-missjoni; kienu “suġġett kolleġjali” tal-missjoni, għax Ġesù għażilhom biex jibqgħu miegħu u jibgħathom “għand in-nagħaġ mitlufa tad-dar ta’ Iżrael” (Mt 10,6). Din in-natura kolleġjali tat-Tnax ma fixklitx li xi wħud mill-grupp jingħażlu aktar mill-oħrajn, bħal San Ġakbu, San Ġwann u, fuq kulħadd, San Pietru, u tant kien prominenti li dan twettaq mill-frażi: “Pietru u l-Appostli l-oħra” (ara Atti 2,14.37). Hu kien dak li wessa’ l-missjoni universali, li fiha mbagħad idda San Pawl, imsejjaħ minn Alla stess u mibgħut għall-missjoni fost il-ġnus (ara Gal 1,15-16).

 Fit-tkattir tal-ħidma missjunarja fl-ewwel żminijiet, naraw mal-Appostli, ħaddiema oħra umli, li mhux ta’ min ma jsemmihomx: huma individwi, gruppi, komunitajiet. Eżempju singulari ta’ knisja lokali hi l-komunità ta’ Antjokja, li minn knisja evanġelizzata saret knisja evanġelizzatriċi u bagħtet fost il-ġnus il-missjunarji tagħha (ara Atti 13,2-3). Il-Knisja tal-ewwel żminijiet tgħix il-missjoni tagħha bħala dmir komunitarju, għalkemm tagħraf li fi ħdanha hemm “mibgħutin straordinarji” jew “missjunarji impenjati fost il-ġnus” bħal San Pawl u San Barnaba.

 

62. Dak li fil-bidu tal-Kristjaneżmu sar għall-missjoni universali għad għandu sal-lum is-siwi u l-qawwa tiegħu. Il-Knisja min-natura tagħha stess hi missjunarja, għaliex il-mandat ta’ Kristu ma ngħatax b’kumbinazzjoni, ma kienx biex jidher biss, imma kien mandat li jasal sal-fond tal-qalb tal-Knisja. Minn dan jiġi li l-Knisja kollha u kull knisja tintbagħat lill-ġnus. Jeħtieġ li l-knejjes ġodda, “proprju biex il-ħeġġa missjunarja tikber u tagħti frott fi ħdanhom....għandhom kemm jista’ jkun malajr jissieħbu fil-ħidma missjunarja tal-Knisja universali, billi huma wkoll jibagħtu missjunarji li jħabbru l-Evanġelju fl-art kollha, għalkemm għandhom nuqqas ta’ kleru”[117]. Ħafna knejjes ġodda dan ġa qegħdin jagħmluh. Inħeġġiġhom biex ikomplu jagħmluh għal li ġej.

 F’din ir-rabta meħtieġa ta’ xirka bejn il-Knisja universali u l-knejjes partikulari tidher, bil-fatti, in-natura missjunarja tal-Knisja, bħala natura awtentika u sħiħa. “Fid-dinja tal-lum, fejn id-distanzi qegħdin jonqsu u qegħdin iċekknu d-dinja, il-komunitajiet ekklesjali għandhom jintrabtu bejniethom, jibdlu ma’ xulxin ġidhom u l-enerġiji tagħhom, u jissieħbu flimkien fil-qari tad-dmir waħdieni u ta’ kulħadd li jxandru w jgħixu l-Evanġelju....Il-knejjes li nsejħulhom żgħażagħ jeħtieġu l-enerġiji tal-knejjes antiki, kif dawn jeħtieġu x-xhieda u l-ħeġġa tal-knejjes żgħażagħ, hekk li kull knisja tieħu mill-għana tal-knejjes l-oħra”[118].

 

L-ewwel responsabbli tal-attività missjunarja

63. Kif il-Mulej, wara li qam mill-imwiet, ta lill-kulleġġ tal-Appostli, li tiegħu San Pietru kien ir-ras, il-mandat għall-missjoni universali, hekk għandu llum il-mandat qabel kulħadd il-Kulleġġ tal-isqfijiet, li bħala ras għandu s-suċċessur ta’ San Pietru[119]. Jiena, għax inħoss sewwa din ir-responsabbiltà, fil-laqgħat tiegħi mal-isqfijiet, jidhirli li għandi naqsam magħhom din ir-respon-sabbiltà kemm dwar l-evanġlizzazzjoni mill-ġdid u kemm dwar il-missjoni universali. Għalhekk bdejt nimxi fit-triqat tad-dinja “biex inħabbar l-Evanġelju, ‘inwettaq lil ħuti’ fil-fidi, infarraġ il-Knisja, u niltaqa’ man-nies. Hu mixi tal-fidi, okkażjoni tal-katekeżi itineranti, tħabbir tal-Evanġelju sa truf l-art, u tħabbir tal-Evanġelju u tal-Maġisteru f’kull rokna tad-dinja”[120].

 L-isqfijiet ħuti huma responsabbli direttament flimkien miegħi għax-xandir tal-Evanġelju fid-dinja kemm bħala membri tal-Kulleġġ episkopali u kemm bħala ragħajja tal-knejjes partikulari. Dwar dan, il-Konċilju jgħid: “Għandu jkollu l-ħsieb tax-xandir tal-Evanġelju il-korp tar-ragħajja għax lilhom flimkien Kristu tahom dan il-mandat”[121]. Jgħid ukoll li “l-Isqfijiet mhux biss konsagrati għal xi djoċesi, imma għas-salvazzjoni tad-dinja kollha”[122]. Din ir-responsabbiltà kolleġġjali għandha wkoll konsegwenzi fil-prattika. Għalhekk ukoll “is-Sinodu tal-isqfijiet fost il-ħafna kwistjonijiet importanti li jrid jistħarreġ, għandu wkoll il-ħerqa missjunarja, li hi l-aqwa fost ir-responsabbiltajiet qaddisa tal-Knisja”[123]. L-istess responsabbiltà skont il-qies tagħhom għandhom il-Konferenzi Episkopali u l-organiżmi tagħhom f’livell kontinentali u għalhekk mistennija jagħtu sehemhom fl-impenn missjunarju[124].

 Ir-responsabbiltà missjunarja ta’ kull isqof, bħala ragħaj ta’ knisja partikulari, hi wkoll kbira ħafna. Dan għaliex “l-isqof, bħala mexxej li jgħaqqad l-appostolat fid-djoċesi, għandu jġib 'il quddiem il-ħidma missjunarja, jmexxiha u jikkunslaha....Għandu jara li l-ħidma tal-appostolat ma tkunx biss ma’ dawk li jkunu kkonvertew, imma li parti xierqa ta’ ħidma u ta’ sussidju tintuża għall-evanġelizzazzjoni ta’ dawk li mhumiex insara”[125].

 

64. Jeħtieġ mela li kull knisja partikulari tiftaħ qalbha għall-ħtiġijiet tal-knejjes l-oħra. Il-ħidma flimkien tal-knejjes lesti dejjem biex tassew jagħtu u jieħdu mingħand xulxin, tasal ukoll biex tagħnihom ilkoll u tolqot is-setturi kollha tal-Ħajja tal-Knisja. Dwar dan hemm id-dikjarazzjoni eżemplari tal-isqfijiet f’Puebla: “Fl-aħħar wasal iż-żmien li l-Amerika Latina li toħroġ mill-pajjiżi tagħha u tmur ad gentes. Veru li għadna neħtieġu l-missjunarji, imma jeħtieġ li aħna nagħtu xi ħaġa mill-faqar tagħna”[126].

 Hu b’dan l-Ispirtu li jiena nħeġġeġ lill-isqfijiet u l-Konferenzi Episkopali biex, b’rieda sħiħa jagħmlu kull ma hemm fin-normi li ħarġet il-Kongregazzjoni għall-kleru dwar l-għajnuna tal-knejjes partikolari lil xulxin, u speċjalment dwar tqassim aħjar tal-kleru fid-dinja[127].

 Il-missjoni tal-Knisja hi aktar wiesgħa mix-“xirka bejn il-knejjes”; il-missjoni mhux biss għandha tagħti għajnuna biex ikun hemm evanġelizzazzjoni mill-ġdid, imma għandha tfittex ukoll u qabel kollox li ssaħħaħ l-attività li hi verament missjunarja. Nistieden il-knejjes kollha, kemm dawk antiki u kemm dawk ġodda biex jaqsmu miegħi dan il-ħsieb, billi jfittxu jegħlbu kull ma qiegħed ifixkel il-ħidma missjunarja u jkattru l-vokazzjonijiet missjunarji.

 

Il-missjunarji u l-istituti ad gentes

65. Għandhom importanza kbira wkoll fil-ħidma pastorali missjunarja dawk in-nies u dawk l-istituzzjonijiet li dwarhom id-digriet ad gentes għandu kapitlu għalih: “Il-missjunarji”[128]. Dan jitlob riflessjoni attenta, l-ewwel nett mill-istess missjunarju, li, minħabba t-tibdil fil-missjoni, jaslu biex ma jarawx aktar tifsir għall-vokazzjoni tagħhom u mhux qegħdin jifhmu x’qegħda tistenna l-knisja mingħandhom illum. Il-punt ewlieni tal-ħsieb tal-Konċilju, li minnu jiddependi l-bqija, huwa dan: Għalkemm kull dixxiplu ta’ Kristu għandu d-dmir li jxandar il-fidi, skont ma jista’, Kristu l-Mulej dejjem isejjaħ minn fost id-dixxipli lil dawk li jrid, biex ikunu miegħu ħa jibgħathom ixandru l-Evanġelju fost il-ġnus. Għalhekk, permezz tal-Ispirtu s-Santu li jqassam il-kariżmi tiegħu kif irid għall-ġid, iqanqal vokazzjoni missjunarja fil-qlub ta’ xi wħud u fl-istess ħin iqajjem fil-Knisja istituzzjonijiet li jilqgħu bħala responsabbiltà proprja tagħhom id-dmir li għandha l-Knisja kollha tax-xandir tal-Evanġelju”[129].

 Din hi vokazzjoni speċjali, imfassla fuq dik tal-Appostli; turi ruħha fl-impenn sħiħ fis-servizz tal-evanġelizzazzjoni; hu mpenn li jħaddan il-personalità u l-ħajja kollha tal-missjunarju, u titlob minnu li jagħti l-forzi tiegħu kollha, u żmienu kollha bla limitazzjoni. Dawk li għandhom din il-vokazzjoni, “jintbagħtu mill-awtorità leġittima u, bi spirtu ta’ fidi u ta’ ubbidjenza, imorru lejn dawk li huma 'l bogħod minn Kristu, mehdijin biss fil-ħidma li għaliha ġew imsejħa bħala ministri tal-Evanġelju”[130]. Il-missjunarji għalhekk għandhom dejjem iqisu x’jitlob minnhom id-don li huma rċevew, u aġġornaw għalih il-formazzjoni dottrinali u appostolika kollha tagħhom.

 

66. L-istituti missjunarji mbagħad iridu jużaw il-ġid kollu li għandhom, l-esperjenzi li kisbu u l-kreattività kollha tagħhom, waqt li jibqgħu jgħożżu l-kariżma tagħhom tal-bidu, biex il-kandidati tagħhom jiġu mhejjija kif jixraq ħa jiżguraw it-tiġdid tal-enerġiji spiritwali, morali u fiżiċi tal-membri tagħhom[131]. Għandhom iħossu li huma membri ħajjin tal-komunità ekklesjali u jaħdmu f’xirka magħha. “Kull istitut twaqqaf u mistenni jagħniha bil-karatteristiċi proprji tiegħu skont l-ispirtu partikulari u l-missjoni speċifika li għandu”; l-isqfijiet imbagħad huma fid-dmir li jaraw li jiġi mħares bil-fedeltà kollha l-kariżma tal-bidu[132].

 L-istituti missjunarji twaqqfu l-aktar f’pajjiżi li ilhom insara mijiet ta’ sin, u tul il-mijiet ta’ snin kienu strumenti tal-Kongregazzjoni tal-Propagande Fide għax-xandir tal-fidi u għat-twaqqif tal-knejjes ġodda. Illum dejjem aktar qegħdin jilqgħu fi ħdanhom kandidati ġejjin mill-knejjes ġodda li huma waqqfu, waqt li fl-istess ħin qegħdin jinbtu istituti ġodda f’pajjiżi li dari kienu jirċievu biss missjunarji u llum qegħdin ukoll jibagħtu l-missjunarji. Ta’ min ifaħħar ħafna dawn iż-żewġ aspetti li juru kemm tiswa u tgħodd għal-lum ukoll il-vokazzjoni proprja ta’ dawn l-istituti missjunarji, li fi żmienna wkoll għadhom “għal kollox meħtieġa”[133], mhux biss għall-ħidma missjunarja ad gentes, skont ma trid it-tradizzjoni tagħhom, imma wkoll għat-tqanqil ta’ ħeġġa għall-missjoni kemm fil-knejjes li għandhom mijiet ta’ snin u kemm fil-knejjes żgħażagħ.

 Il-vokazzjoni speċjali tal-missjunarji ad vitam, għal għomorhom, għad għandha llum ukoll il-qawwa tagħha: hi espressjoni tal-impenn missjunarju tal-Knisja, li dejjem teħtieġ l-għoti radikali u sħiħ ta’ dak li jkun u sforzi ġodda u dejjem aktar qalbiena. Il-missjunarji, irġiel u nisa, li kkonsagraw ħajjithom kollha biex jagħtu xhieda fost il-ġnus għal Kristu Rxoxt, m’għandhomx iħallu dubji, interpretazzjonijiet qarrieqa, ċaħdiet u persekuzzjonijiet ibeżżgħuhom. Minflok għandhom iqajmu fihom il-grazzja tal-kariżma speċifika tagħhom u bil-kuraġġ kollu jaqbdu triqthom mill-ġdid u jfittxu l-postijiet l-aktar umli u l-aktar iebsa bi spirtu ta’ fidi, ubbidjenza u rabta sħiħa mar-ragħajja tagħhom.

 

Is-saċerdoti djoċesani għall-missjoni universali

67. Il-presbiteri, dawk li huma kooperaturi tal-isqfijiet, bil-qawwa tal-Ordni Sagri, huma msejħin biex flimkien mal-isqfijiet ikollhom il-ħerqa għall-missjoni universali tal-Knisja: “Id-don spiritwali li l-presbiteri rċevew fl-ordinazzjoni tagħhom, ma jħejjihomx għal xi missjoni limitata u magħluqa, imma għall-missjoni wiesgħa w universali, il-missjoni ta’ salvazzjoni ‘sa truf l-art’, għaliex kull ministeru saċerdotali għandu sehem mill-missjoni universali li Kristu ried jafda lill-Appostli”[134]. Minħabba dan, l-istess formazzjoni tal-kandidati għas-saċerdozju għandha tfittex li “jimtlew b’dak l-ispirtu verament kattoliku li jwassalhom biex imorru 'l hemm mid-djoċesi, in-nazzjon u r-rit tagħhom biex jidraw jgħinu l-Knisja universali fil-ħtiġiet kollha tagħha, lesti dejjem biex imorru jxandru l-Evanġelju kullimkien”[135]. Jeħtieġ għalhekk li l-presbiteri kollha jkollhom qalb u mentalità missjunarja u jkunu wkoll miftuħin għall-ħtiġiet tal-Knisja u tad-dinja, lesti biex jilqgħu lil dawk li jiġu mill-bogħod, u qabel kulħadd, il-gruppi mhux insara li jkun hemm fosthom. Fit-talb tagħhom, u l-aktar fis-sagrifiċċju Ewkaristku, għandhom iħossu l-ħerqa tal-Knisja kollha għall-bnedmin kollha tad-dinja.

 B’mod speċjali, il-presbiteri li jinsabu f’artijiet fejn l-insara huma minoranza, għandhom ikunu mqanqlin minn ħeġġa speċjali u minn impenn missjunarju: dan għaliex lilhom il-Mulej ma fdalhomx biss il-kura pastorali tal-komunità nisranija, imma wkoll, u fuq kollox, l-evanġelizzazz-joni taċ-ċittadini kollha li għad ma jagħmlux sehem mill-merħla tagħhom. “M’għandhomx jonqsu li juru ruħhom dejjem lesti li jgħinu l-ħidma tal-Ispirtu s-Santu ħa jintbagħtu jxandru l-Evanġelju barra minn pajjiżhom. Dan jitlob minnhom mhux biss il-kobor sħiħ tal-vokazzjoni tagħhom, imma wkoll il-ħila mhux żgħira li jinfirdu minn pajjiżhom, minn ġenshom, u mill-familji tagħhom, u ħila wkoll li malajr isibu posthom fil-kultura tal-post fejn imorru, bil-għaqal u bir-rispett kollu”[136].

 

68. Fl-enċiklika Fidei Donum il-Papa Piju XII, bi ħsieb tassew profetiku, ħeġġeġ lill-isqfijiet biex jibagħtu xi saċerdoti tagħhom, għal xi żmien fil-knejjes tal-Afrika u faħħar inizjattivi li ġa kien hemm dwar dan. Wara ħamsa u għoxrin sena, ridt nuri l-importanza kbira ta’ din il-ħaġa ġdida ta’ dan id-dokument, ħaġa li wasslet biex il-ministeru presbiterali ma jkollux dimensjoni territor-jali, imma jkun destinat għall-Knisja universali”[137]. Illum naraw għal kollox imwettqin is-siwi u l-frott ta’ dan l-esperiment. Il-presbiteri tal-Fidei Donum b’mod singulari huma xhieda tax-xirka bejn il-knejjes, qegħdin jagħtu għajnuna tassew ta’ siwi għat-tkattir tal-komunitajiet ekklesjali,m u min-naħa l-oħra qegħdin jiksbu minn għandhom fidi aktar ħajja u mġedda. Jeħtieġ iva li s-servizz missjunarju tas-saċerdoti djoċesani jkollu xi regolamenti u kundizzjonijiet. Il-presbiteri li jintbagħtu iridu jintgħażlu minn fost l-aħjar, adatti u mhejjijin kif jixraq għall-ħidma speċjali li qiegħda tistennihom[138]. Iridu jsibu posthom fl-ambjent ġdid tal-Knisja li qiegħda tilqagħhom u, bi spirtu miftuħ ta’ fraternità, jagħmlu presbiterju wieħed mal-kleru tal-post, taħt isqof wieħed[139]. Jalla dan l-ispirtu ta’ qadi jikber fil-presbiterji tal-knejjes antiki u jiġi 'l quddiem f’dawk tal-knejjes żgħażagħ.

 

Il-frott missjunarju tal-ħajja konsagrata

69. Mill-għan kotran u bla qies tal-Ispirtu joħorġu l-vokazzjonijiet tal-istituti tal-ħajja konsagrata, u l-membri tagħhom, “bis-saħħa tal-istess konsagrazzjoni tagħhom, jiddedikaw ruħhom għas-servizz tal-Knisja, u huma fid-dmir li jagħtu sehemhom fil-ħidma missjunarja tal-Knisja skont sura adattata għall-istitut tagħhom”[140]. L-istorja tgħidilna x’merti kbar kisbu l-familji reliġjużi bix-xandir tal-fidi u t-twaqqif ta’ knejjes ġodda: mhux biss l-istituti monastiċi antiki u l-ordnijiet taż-żminijiet tan-nofs; imma wkoll il-Kongregazzjonijiet taż-żminijiet tagħna.

 

a) Irrid intenni dak li jgħid il-Konċilju ħa nitlob lill-Istituti ta’ ħajja kontemplattiva biex iwaqqfu komunitajiet fi ħdan il-knejjes ġodda, biex “jagħtu xhieda mill-aqwa tal-kobor u tal-għaqda fi Kristu fost dawk li mhumiex insara”[141]. Il-preżenza ta’ dawn l-istituti kullimkien f’dinja mhux nisranija tagħmel ħafna ġid, l-aktar f’dawk l-artijiet fejn ir-reliġjonijiet għandhom stima kbira għall-ħajja kontemplattiva, għall-axxesi u għat-tfittxija tal-Assolut.

 

b) L-Istituti ta’ ħajja attiva għandhom miftuħin quddiemhom l-oqsma kbar tal-imħabba u tat-tħabbir tal-Evanġelju, tal-edukazzjoni nisranija, tal-kultura, u tas-solidarjetà mal-foqra, l-imwarrbin u l-maħqurin. Dawn l-Istituti, kemm jekk għandhom jew m’għandhomx bħala għan speċifiku tagħhom il-ħidma missjunarja, għandhom jistaqsu lilhom infushom jistgħux u humiex imhejjija biex ikattru l-ħidma tagħhom għat-tkabbir tas-Saltna t’Alla fost il-ġnus. Għal din il-ħtieġa f’dawn l-aħħar żminijiet wieġbu ħafna istituti; iżda rrid li jqisu aħjar din il-ħtieġa u jwieġbu għaliha b’servizz aktar veru. Il-Knisja trid tara l-ġid kollu tal-Evanġelju li għandu jkun magħruf; u dan ħadd ma jista’ jixhdu aħjar milli dawk li jgħixu ħajja konsagrata fis-safa, fil-faqar, fl-ubbidjenza, fl-imħabba perfetta, fl-għoti sħiħ t’Alla, dejjem disposti li jaqdu l-bnedmin u s-soċjetà skont l-eżempju ta’ Kristu[142].

 

70. Irrid ngħid kelma speċjali t’ apprezzament lis-sorijiet missjunarji li fihom il-verġinità għas-Saltna tas-Smewwiet turi ruħha f’kotra ta’ frott ta’ maternità spiritwali: il-missjoni ad gentes toffrilhom qasam tassew wiesgħa fejn jista’ jseħħ “l-għoti sħiħ u għal kollox tagħhom fl-imħabba”[143]. L-eżempju u l-attività ta’ nisa li bil-verġinità tagħhom ikkonsagraw ruħhom għall-imħabba t’Alla u tal-proxxmu, l-aktar tal-foqra, huma meħtieġa ħafna bħala sinjal tal-Evanġelju fost popli u kulturi fejn għad fadal ħafna x’isir għall-promozzjoni u l-ħelsien tal-mara. Nixtieq għalhekk li ħafna xebbiet insara jintebħu b’din l-istedina biex jikkonsagraw ruħhom għal Kristu bil-ġenerożità kollha u mill-konsagrazzjoni tagħhom jiksbu qawwa u ferħ biex ixandruh fost popli li għad ma jafuhx.

 

Il-lajċi huma missjunarji bis-saħħa tal-magħmudija tagħhom

71. Il-Papiet ta’ dawn l-aħħar żminijiet taw importanza kbira għas-sehem tal-lajċi fil-ħidma missjunarja[144]. Fl-eżortazzjoni tiegħi Christfideles laici tkellimt b’mod ċar dwar “id-dmir li jitwassal l-Evanġelju lil dawk, illum aktar minn eluf ta’ eluf ta’ rġiel u nisa, li għad ma jafux bi Kristu, il-Feddej tal-bnedmin”[145] u fuq ir-responsabbiltà tal-lajċi dwar dan. Il-missjoni hi impenn tal-poplu kollu t’Alla: għalkemm it-twaqqif ta’ knisja ġdida titlob li jkun hemm l-Ewkaristija u għalhekk il-ministeru saċerdotali, il-ħidma missjunarja, li għandha ħafna suriet, titlob il-ħidma tal-fidili kollha. Is-sehem tal-lajċi fix-xandir tal-fidi jidher ċar sa mill-ewwel żminijiet tal-Knisja bil-ħidma kemm ta’ individwi u ta’ familji, u kemm ta’ komunitajiet sħaħ. Dan fakkru l-Papa Pawlu XII fl-ewwel enċiklika missjunarja tiegħu meta semma’ l-ġrajja ta’ xi missjonijiet tal-lajċi[146]. U lanqas fi żminijiet qrib tagħna ma naqset il-ħidma missjunarja tal-lajċi, irġiel u nisa. Kif jista’ wieħed ma jsemmix il-kontribut kbir ta’ dawn il-missjunarji bil-ħidma tagħhom fil-familji u fl-iskejjel, fil-ħajja soċjali, politika u kulturali, u b’mod speċjali, fit-tagħlim tad-duttrina nisranija? U ta’ min jiftakar - u dan hu veru titolu ta’ ġieh - li xi knejjes kellhom il-bidu tagħhom bil-ħidma missjunarja ta’ lajċi, rġiel u nisa.

 Il-Konċilju Vatikan II wettaq din it-tradizzjoni, meta wera xinhu l-karattru missjunarju tal-poplu kollu t’Alla, u b’mod partikulari tal-appostolat tal-lajċi[147], waqt li fisser xinhu l-kontribut speċifiku li l-lajċi huma msejħin biex jagħtu għall-ħidma missjunarja[148]. Il-ħtieġa li l-insara kollha jaqsmu bejniethom din ir-responsabbiltà ma tiġix biss mill-ħtieġa ta’ appostolat effiċjenti, imma tiġi fuq kollox mid-dmir-dritt li jiġi mill-magħmudija, li permezz tagħha l-insara “għandhom sehem, min-naħa tagħhom, fil-missjoni ta’ Kristu, il-Qassis, is-Sultan u l-profeta”[149].

 Għalhekk għandhom obbligu ġenerali u għandhom ukoll id-dritt, kemm bħala individwi u kemm bħala membri ta’ assoċjazzjonijiet, li jimpenjaw ruħhom fil-ħidma tat-tħabbir tas-salvaz-zjoni biex jagħrfuha u jilqgħuha l-bnedmin kollha kullimkien; dan id-dmir jorbothom aktar f’ċirkos-tanzi fejn permezz tagħhom biss il-bnedmin jistgħu jisimgħu t-tħabbira tal-Evanġelju u jsiru jafu 'l Kristu”[150]. Barra dan, għax il-lajċi, min-natura tagħhom, huma nies li qegħdin jgħixu fid-dinja, il-vokazzjoni proprja tagħhom hi dik li “jfittxu s-Saltna t’Alla billi jimpenjaw ruħhom fil-ħwejjeġ tad-dinja u jmexxuhom kif irid Alla”[151].

 

72. L-oqsma li fihom il-lajċi huma preżenti u jagħmlu ħidma missjunarja huma wiesgħa ħafna. “Il-qasam....proprju tal-lajċi hi d-dinja wiesgħa u komplikata tal-ħidma politika, soċjali u ekonom-ika”[152], kemm f’livell lokali u kemm f’livell nazzjonali u internazzjonali. Fi ħdan il-Knisja hemm ħafna suriet ta’ ministeri, dmirijiet, funzjonijiet, u forom ta’ animazzjoni fil-ħajja nisranija. Irrid infakkar, bħala xi ħaġa ġdida li dan l-aħħar nibtet f’ħafna knejjes, il-progress kbir li għamlu “l-movimenti ekklesjali”, mimlijin b’ħeġġa missjunarja kbira. Meta dawn il-movimenti bl-umiltà kollha jippruvaw jidħlu fil-ħajja tal-knejjes lokali u jiġu milqugħin bil-qalb mill-isqfijiet u mill-presbiteri fi ħdan l-istrutturi djoċesani u parrokkjali, ikunu tassew don t’Alla għall-evanġelizz-azzjoni mill-ġdid u għal dik li hi verament attività missjunarja. Għalhekk bil-qawwa kollha nħeġġeġ biex dawn il-movimenti jinxterdu u jintużaw biex jagħtu qawwa ġdida, l-aktar fost iż-żgħażagħ, lill-ħajja nisranija u lill-evanġelizzazzjoni, waqt li jibqa’ magħruf illi ħafna huma s-suriet li bihom l-insara jassoċjaw ruħhom flimkien u jesprimu ruħhom.

 Fil-ħidma missjunarja, is-siwi tal-ħafna suriet tal-appostolat tal-lajċi għandu jkun magħruf, u n-natura u l-għan ta’ kull sura jridu jkunu mħarsa: fost dawn is-suriet tal-appostolat hemm l-assoċjazzjonijiet missjunarja tal-lajċi, l-organiżmi nsara tal-volontarjat internezzjonali, il-movimenti ekklesjali, gruppi u sodalitajiet ta’ kull sura; dawn għandhom jimpenjaw ruħhom fil-missjoni ad gentes u f’kollaborazzjoni mal-knisja lokali. Dan jgħin biex il-lajċi jilħqu l-kobor sħiħ tagħhom u jagħrfu sewwa r-responsabbiltajiet tagħhom: il-formazzjoni tal-lajċi fil-knejjes żgħa-żagħ għandha titqies bħala xi ħaġa essenzjali u element ewlieni għall-plantatio Ecclesiae, għat-twaqqif tal-Knisja”[153].

 

Il-ħidma tal-katekisti u l-varjetà tal-ministeri

73. Fost il-lajċi li jsiru evanġelizzaturi, il-katekisti għandhom l-ewwel post. Id-digriet missjunarju dan jgħid dwarhom: “Ħaqqhom kull tifħir....l-għadd kbir ta’ katekisti, irġiel u nisa, u kisbu ġieh kbir għall-ħidma missjunarja tagħhom fost il-ġnus; imqanqlin minn spirtu appostoliku, b’ħafna sagrifiċċji, jagħtu għajnuna tassew singulari u għal kollox meħtieġa għax-xandir tal-fidi u tal-Knisja”[154]. Mhux ta’ b’xejn il-knejjes, insara minn mijiet ta’ snin, impenjati f’evanġelizzazzjoni mill-ġdid, kattru l-għadd tal-katekisti, u saħħu l-katekeżi. “L-għalliema tal-katekeżi li qegħdin jaqdu dmirhom fl-artijiet tal-missjoni, b’mod speċjali jistħoqqilhom jissejħu ‘katekisti’....Mingħaj-rhom ma kinux jitwaqqfu knejjes li llum mexjin ħafna 'l quddiem”[155].

 Għalkemm qed jiżdiedu s-servizzi mogħtijin mil-lajċi fil-Knisja u barra mill-Knisja, il-ħidma tal-katekisti għadha meħtieġa u għandha l-kwalitajiet proprji tagħha: il-katekisti huma ħaddiema mħarrġin b’mod singulari, xhieda diretti, evanġelizzaturi li ħadd ma jista’ jeħdilhom posthom, u huma l-qawwa fondamentali tal-komunitajiet insara l-aktar fil-knejjes żgħażagħ kif spiss għidt, u rajt ukoll, fil-vjaġġi missjunarji tiegħi. Il-Kodiċi ġdid tal-Liġi Kanonika jagħraf id-dmirijiet, il-kwalitajiet u l-kwalifiki tagħhom[156].

 Ħadd ma jista’ jinsa li l-ħidma tal-katekisti qiegħda ssir dejjem aktar diffiċli u aktar impenjattiva minħabba l-bidliet ekklesjali u kulturali li qegħdin iseħħu. Illum ukoll jgħodd dak li ssuġerixxa l-Konċilju: thejjija dottrinali u pedagoġika aktar attenta, tiġdid spiritwali w appostoliku dejjem sejjer, “sura ta’ ħajja xierqa u sigurezza soċjali” - dan kollu jrid isir għall-katekisti[157].

 Jeħtieġ ukoll li jkun hemm u li jissaħħu skejjel tal-katekisti li, approvati mill-Konferenzi Episkopali, jagħtu ċertifikat ta’ studju, magħrufin uffiċjalment mill-istess Konferenzi[158].

 

74. Irridu niftakru wkoll li, flimkien mal-katekisti, hemm suriet oħra ta’ qadi għall-ħajja u għall-missjoni tal-Knisja, u hemm ħaddiema oħra wkoll: hemm dawk li jagħtu ħajja lit-talb, lill-kant u lil-liturġija; hemm il-mexxejja tal-komunitajiet ekklesjali di base u tal-gruppi bibliċi; hemm dawk li huma responsabbli tal-opri karitatevoli; hemm l-amministraturi tal-ġid tal-Knisja, hemm id-diriġenti tas-sodalitajiet kollha tal-appostolat; hemm l-għalliema tar-reliġjon fl-iskejjel. L-insara lajċi kollha għandhom joffru xi ftit ħin minn tagħhom lill-Knisja, billi jgħixu kif jixraq il-fidi tagħhom.

 

Il-Kongregazzjoni għall-Evanġelizzazzjoni tal-Popli u l-istrutturi l-oħra għall-ħidma missjunarja

 

75. Kull min hu responsabbli tal-ħidma missjunarja u kull min jagħmilha għandu jħoss li hu fix-xirka li hi l-karatteristika tal-Ġisem Mistiku. Kristu għal dan talab fl-Aħħar Ikla: “Ikunu ħaġa waħda. Kif int fija, Missier, u jiena fik, ħa jkunu huma wkoll ħaġa waħda fina, biex hekk id-dinja temmen li inti bgħattni” (Ġw 17,21). Il-frott kollu tal-ħidma missjunarja għandu s-sisien tiegħu f’din ix-xirka.

 Il-Knisja hija wkoll xirka li tidher, xirka organika, għalhekk il-missjoni titlob ukoll għaqda li tidher, għaqda b’ordni sħiħa lejn dawk kollha li għandhom xi responsabbiltajiet u ħidmiet fil-qasam tal-missjoni, biex ilkoll “flimkien jagħmlu ħilithom għall-bini tal-Knisja”[159].

 Dmir il-Kongregazzjoni missjunarja hu li “tmexxi u tgħaqqad mad-dinja kollha l-ħidma tal-evanġelizzazzjoni tal-ġnus u l-kooperazzjoni missjunarja, b’rispett għall-kompetenzi tal-Kongre-gazzjoni għall-Knejjes Orjentali”[160]. Il-Kongregazzjoni missjunarja “hi fid-dmir li ssejjaħ il-missjunarji u tibgħathom skont il-ħtiġijiet l-aktar urġenti ta’ kull post....tfassal pjan organiku ta’ ħidma, toħroġ direttivi u prinċipji adatti għall-evanġelizzazzjoni, tagħti bidu għall-missjoni f’xi mkien li tkun”[161]. Ma nistax ma nwettaqx kull waħda minn dawn id-direttivi għaqlin: biex tagħti bidu ġdid lill-missjoni ad gentes jeħtieġ ikun hemm xi ċentru li jimbotta, imexxi u jikkoordina l-ħidma, u dan iċ-ċentru hu l-Kongregazzjoni għall-Evanġelizzazzjoni tal-Popli. Nistieden għalhekk il-Konferenzi Episkopali flimkien mal-organiżmi tagħhom, is-Superjuri u maġġuri tal-Ordnijiet, il-Kongregazzjonijiet u l-Istituti, u l-organizzazzjonijiet tal-lajċi impenjati f’attività missjunarja biex, bil-fedeltà kollha, jikkoperaw ma’ din il-Kongregazzjoni li għandha l-awtorità meħtieġa biex tmexxi l-ħidma u l-kooperazzjoni missjunarja mad-dinja kollha.

 L-istess Kongregazzjoni, bl-esperjenza kbira li kisbet tul żmien twil, hi msejħa biex taqdi dmir ta’ importanza kbira dwar riflessjoni u programmi ta’ ħidma li l-Knisja teħtieġ biex tagħraf sewwa x’għandha tagħmel bil-qawwa kollha għall-missjoni fis-suriet kollha tagħha. Minħabba f’dan, il-Kongregazzjoni missjunarja għandu jkollha rabtiet mill-aqwa mad-dikasteri l-oħra tas-Santa Sede, mal-knejjes partikualri, u mal-missjunarji kollha. F’ekklesjoloġija ta’ xirka, li fiha l-Knisja kollha kemm hi hija missjunarja, waqt li dejjem tibqa’ l-ħtieġa ta’ vokazzjonijiet u ta’ istituti speċifikament missjunarji, għandha dejjem importanza kbira l-ħidma tal-Kongregazzjoni missju-narja ħa tmexxi u tikkordina l-missjoni ad gentes, u taffronta l-problemi kbar li jolqtu lil kulħadd, waqt li tħares il-kompetenzi proprji ta’ kull awtorità u ta’ kull struttura.

 

76. Fit-tmexxija u l-koordinament tal-attività missjunarja kollha f’livell nazzjonali u reġjonali, għandhom importanza kbira l-Konferenzi Episkopali u l-kummissjonijiet tagħhom. Min- għandhom il-Konċilju jitlob li “jiddiskutu bejniethom il-kwistjonijiet l-aktar serji u l-problemi l-aktar urġenti, mingħajr ma jinjoraw id-differenzi”[162], u lanqas il-problema tal-inkulturazzjoni. Fil-fatt f’dan il-qasam ġa hemm ħidma kbira u regolari, u qiegħda tagħti ħafna frott. Iżda din il-ħidma trid tiżdied, u tiġi koordinata aħjar mal-ħidma tal-kummissjonijiet l-oħra tal-Konferenzi Episkopali, biex il-ħerqa għall-missjoni ma tkunx biss fil-ħsieb ta’ kummissjoni jew organizzazzjoni waħda, imma tinqasam bejn kulħadd.

 L-istituti u organizzazzjonijiet impenjati f’ħidma missjunarja għandhom jgħaqqdu ma’ xulxin il-forzi u l-inizjattivi tagħhom skont l-opportunitajiet li jkun hemm. Il-Konferenzi tas-Superjuri Maġġuri għandu jkollhom dan l-impenn fil-qasam tagħhom u jżommu kuntatt mal-Konferenzi Episkopali, skont in-normi u d-direttivi li hemm[163], bl-għajnuna wkoll, meta meħtieġ, ta’ kummissjonijiet b’membri jirrapreżentaw iż-żewġ naħat[164]. Mixtieqa wkoll huma l-laqgħat u suriet oħra ta’ kollaborazzjoni bejn il-ħafna istituti missjunarji, kemm dwar il-formazzjoni u l-istudju[165] u kemm dwar il-ħidma appostolika li trid issir.

 


 

 

KAP VII

IL-KOOPERAZZJONI

FIL-ĦIDMA MISSJUNARJA

77. L-insara, membri tal-Knisja bis-saħħa tal-magħmudija tagħhom, għandhom sehem fil-ħidma missjunarja. Is-sehem li għandhom, bi dritt u bi dmir, il-komunitajiet insara u kull nisrani fil-ħidma missjunarja tissejjaħ “kooperazzjoni missjunarja”.

 Din il-kooperazzjoni għandha l-għeruq tagħha u tgħix l-aktar għaliex kull nisrani hu mar-but ma’ Kristu: l-insara jistgħu jagħtu frott tajjeb biss jekk ikunu ħaġa waħda ma’ Kristu bħall-friegħi mad-dielja (ara Ġw 15,5). Bil-qdusija ta’ ħajtu kull nisrani jagħmel fil-Knisja ħidma li tagħti frott: “Il-Konċilju jistieden lil kulħadd għat-tiġdid fir-ruħ biex, huma u jħossu sewwa r-responsabb-iltà tagħhom fix-xandir tal-Evanġelju, jagħtu sehemhom fil-ħidma missjunarja fost il-ġnus”[166].

 Is-sehem fil-missjoni universali tal-Knisja, mela, ma jingħatax biss b’xi ħidma 'l hawn u 'l hemm, imma jrid juri kobor sħiħ fil-fidi u fil-ħajja nisranija li tagħti kotra ta’ frott. Il-bniedem li jemmen iwessa’ l-qasam tal-ħidma tiegħu ta’ mħabba billi juri ħerqa wkoll għal dawk li jinsabu 'l bogħod, daqs kemm juri ħerqa għal dawk li jinsabu fil-qrib: jitlob għall-missjoni u għall-vokaz-zjonijiet missjunarji, jgħin il-missjunarji, u jinteressa ruħu fil-ħidma tagħhom, u meta jerġgħu lura jilqagħhom b’dak il-ferħ li bih l-ewwel komunitajiet insara kienu jisimgħu mingħand l-Appostli l-għeġubijiet li kien jagħmel il-Mulej bil-predikazzjoni tagħhom (ara Atti 14,27).

 

Talb u sagrifiċċji għall-missjunarji

78. Fost is-suriet ta’ tisħib fil-ħidma missjunarja tiġi l-ewwel l-għajnuna spiritwali: talb, sagrifiċċji, xhieda ta’ ħajja nisranija. Il-mixi tal-missjunarji jrid ikun imsieħeb mit-talb biex, bil-grazzja t’Alla, ix-xandir tal-Kelma jkollu effett. San Pawl fl-ittri tiegħu spiss jitlob lill-insara biex jitolbu għalih biex ikun jista’ jxandar l-Evanġelju bil-libertà kollha u b’fiduċja sħiħa.

 Jeħtieġ imbagħad li mat-talb jissieħbu s-sagrifiċċji; il-qawwa li ssalva ta’ kull tbatija li tiġi milqugħa u offerta bil-qalb lil Alla, tiġi mis-sagrifiċċju ta’ Kristu, li jħeġġeġ il-membri tal-Ġisem mistiku tiegħu biex jissieħbu miegħu fil-passjoni tiegħu u jtemmu f’ġisimhom dak li jonqos minnha (ara Kol 1,24). Is-sagrifiċċji tal-missjunarji jrid ikollhom msieħba magħhom is-sagrifiċċji tal-insara u mwettqin minnhom. Għalhekk lil dawk li jagħmlu ħidma pastorali mal-morda nistedinhom jgħallmuhom xinhu s-siwi tat-tbatija u jħajruhom joffru t-tbatijiet tagħhom għall-missjunarji. B’din l-offerta l-morda stess isiru missjunarji, kif juru xi movimenti li nibtu fosthom u għalihom. F’xi komunitajiet is-solennità ta’ Għid il-Ħamsin, jum il-bidu tal-missjoni tal-Knisja, hu ċelebrat bħala “jum ta’ tbatija għall-missjoni”.

 

“Hawn jien, Mulej! Ibgħat lili!” (ara Is 6,8)

Il-kooperazzjoni missjunarja tidher ukoll fil-ħidma favur il-vokazzjonijiet missjunarji. Waqt li nagħraf is-siwi kbir ta’ kull ħidma għall-missjoni, fl-istess ħin inħoss li għandi ntenni li l-aqwa ħaġa hi l-għoti sħiħ u għal dejjem għall-ħidma fil-missjoni, speċjalment fl-Istituti u fil-Kongregazzjonijiet missjunarji tal-irġiel u tan-nisa. Il-ħidma favur dawn il-vokazzjonijiet hija l-qalb tal-kooperazzjoni missjunarja: ix-xandir tal-Evanġelju jitlob li jkun hemm min ixandru; il-ħsad irid il-ħaddiema; il-missjoni ssir l-ewwel nett permezz ta’ rġiel u nisa li kkonsagraw ħajjithom kollha għall-ħidma tal-Evanġelju lesti biex iwasslu s-salvazzjoni fid-dinja kollha.

 Nixtieq għalhekk infakkar fil-ħerqa għall-vokazzjonijiet missjunarji, u nirrikmandaha. Jekk aħna nħossu r-responsabbiltà tal-insara kollha li jagħtu sehemhom fil-ħidma missjunarja u għall-progress u l-iżvilupp tal-popli foqra, għandna lkoll nistaqsu lil xulxin għaliex f’ħafna pajjiżi, għalkemm qiegħed jikber fl-għadd tal-offerti għall-missjoni, hemm il-periklu li l-vokazzjonijiet missjunarji jispiċċaw fix-xejn, meta dawn il-vokazzjonijiet huma l-qies veru tal-għoti tal-qadi tal-aħwa. Il-vokazzjonijiet għas-saċerdozju u għall-ħajja konsagrata huma sinjali żguri tal-ħajja lokali.

 

80. Jiena u naħseb fuq din il-problema serja, nagħmel appell b’imħabba u fiduċja kbira lill-familji u liż-żgħażagħ: jalla l-familji u l-iktar il-ġenituri jħossu li “huma qegħdin jgħinu b’mod partikulari l-ħidma missjunarja tal-Knisja meta jkunu jgħożżu vokazzjoni missjunarja f’wieħed jew waħda minn uliedhom”[167].

 Ħajja kollha ħeġġa ta’ talb, veru sens ta’ servizz favur il-proxxmu, u tisħib mill-qalb fl-attivitajiet tal-Knisja huma fi ħdan familja kundizzjonijiet tajba għall-vokazzjonijiet fost iż-żgħażagħ. Kull darba li xi ġenituri jħallu 'l uliedhom jitilqu għall-missjoni, kull darba li jitolbu din il-grazzja mingħand il-Mulej, hu jippremjahom, bil-ferħ, dakinhar li binhom jew binthom twieġeb għas-sejħa.

 Liż-żgħażagħ stess jien nitlobhom jisimgħu l-leħen jgħidilhom l-istess kif qal darba lill-Xmun Pietru u lill-Indrì f’xatt il-baħar: “Ejjew warajja u nagħmilkom sajjieda tal-bnedmin” (Mt 4,19). Jalla jkollhom il-ħila jwieġbu bħal Isaija “Hawn jien; ibgħat lili!” (Is 6,8). Quddiemhom se jkollhom ħajja tassew tal-għaġeb u se jġarrbu l-hena veru tax-xandir tal-“Bxara t-tajba” lill-aħwa, li se jwasslu għas-salvazzjoni.

 

“Min jagħti hu aktar hieni minn min jieħu”

81. Ħafna huma l-ħtiġijiet materjali u ekonomiċi tal-missjoni: mhux biss biex titwaqqaf il-knisja bi strutturi mill-inqas (kappella, skejjel għall-katekisti u s-seminaristi, djar) imma wkoll biex iżżomm l-opri ta’ karità, ta’ edukazzjoni u tal-promozzjoni tal-bniedem - oqsma tassew wiesgħa ta’ ħidma, l-aktar f’pajjiżi foqra. Il-Knisja missjunarja tagħti dak li tirċievi; tagħti lil dawk li m’għan-dhom xejn, dak li uliedha l-għonja jagħtuha b’qalb kbira. Issa u f’dan il-waqt irrid inrodd ħajr lil dawk kollha li b’sagrifiċċju kbir jgħinu l-ħidma missjunarja: is-sagrifiċċji tagħhom u l-għajnuna tagħhom huma meħtieġa fuq li meħtieġa biex tinbena l-Knisja u tagħti xhieda ta’ mħabba.

 Jiswa ħafna li nqisu b’liema spirtu tingħata din l-għajnuna materjali. Għalhekk irridu naraw sewwa x’sura ta’ ħajja qegħdin ngħixu: il-missjoni ma tridx biss għajnuna materjali, imma wkoll tisħib fil-ħidma tat-tħabbir u tal-karità mal-foqra. Kull ma nirċievu mingħand Alla - kemm il-ħajja u kemm il-ġid materjali - mhuwiex tagħna, imma ngħatalna biex nużawh. Jeħtieġ għalhekk li dak li nagħtu bil-qalb ikun dejjem imqanqal u mdawwal mill-fidi; imbagħad ikun tassew minnu li min jagħti hu aktar hieni minn min jieħu.

 Il-Ġurnata Missjunarja, li bħala għan għandha mhux biss li tqajjem interess fil-ħidma missjunarja imma wkoll li tiġbor għajnuna għall-missjoni, hi ġurnata importanti ħafna fil-ħajja tal-Knisja, għaliex tgħallem b’liema spirtu għandna nagħtu: fiċ-ċelebrazzjoni tal-Ewkaristja, bħala offerta magħmula minn Alla, u għall-missjoni kollha tad-dinja.

Suriet ġodda ta’ kooperazzjoni missjunarja

82. Illum il-kooperazzjoni missjunarja żdiedet b’suriet ġodda, mhux biss ta’ għajnuna materjali, imma wkoll ta’ parteċipazzjoni diretta fil-ħidma missjunarja. Ċirkostanzi ġodda, marbutin mal-fenomenu taċ-ċaqliq tan-nies, jitolbu mill-insara veru spirtu missjunarju.

 It-turiżmu mad-dinja kollha llum qiegħed jimpenja folol ta’ nies, u din hi ħaġa tajba, jekk it-turisti juru rispett għall-kulturi li mhumiex tagħhom u xewqa li jistagħnu kulturalment huma u jagħnu lill-oħrajn, bla ebda ostentazzjoni u ħala, imma b’ħerqa li jiltaqgħu ma’ nies oħra. L-insara huma dejjem mistednin biex iħossu li għandhom ikunu xhieda tal-fidi tagħhom u tal-imħabba ta’ Kristu. L-għarfien dirett tal-ħajja missjunarja u tal-komunitajiet insara ġodda tista’ tgħin u ssaħħaħ il-fidi. Għalhekk ta’ min ifaħħar il-vjaġġi għall-pajjiżi tal-missjoni, vjaġġi l-aktar imfittxijin miż-żgħażagħ, li jmorru f’dawn l-artijiet biex jaqdu u fl-istess ħin jgħixu ħajja nisranija qawwija.

 Il-ħtieġa tax-xogħol illum qiegħda twassal lil ħafna nsara minn knejjes żgħażagħ biex imorru f’artijiet fejn mhux magħruf l-isem nisrani, meta mhuwiex ukoll projbit jew imġarrab. Dan qiegħed jiġri wkoll lill-insara ta’ pajjiżi li ilhom insara mijiet ta’ snin, għax minn dawn il-pajjiżi wkoll xi nsara qegħdin immorru jaħdmu għal xi żmien f’pajjiżi mhux insara. Dawn is-sitwazzjo-nijiet huma kollha okkażjoni biex wieħed jgħix u jagħti xhieda ta’ twemminu.

 Fl-ewwel żminijiet ir-reliġjon nisranija xterdet l-aktar b’dan il-mod għaliex l-insara, huma u jivvjaġġaw jew huma u jmorru joqogħdu fi provinċji fejn Kristu kien għadu ma xxandarx, b’kur-aġġ kbir taw xhieda tal-fidi tagħhom u waqqfu f’dawn il-provinċji l-ewwel komunitajiet insara.

 Iżda ħafna aktar huma ċ-ċittadini tal-pajjiż tal-missjoni li ma jħaddnux ir-reliġjon nisranija, li jmorru jgħammru f’pajjiżi oħra jew biex jaħdmu jew biex jistudjaw, jew għax imġegħlin iħallu pajjiżhom minħabba l-qagħda politika jew ekonomika tiegħu. Il-preżenza ta’ dawn l-aħwa f’pajjiżi li ilhom insara għal mijiet ta’ snin, hi sfida għall-komunitajiet ekklesjali biex lil dawn l-aħwa jilqgħuhom, jitkellmu magħhom, jgħinuhom, jilqgħuhom għandhom, iseħbuhom magħhom, jagħtuhom xhieda ta’ twemminhom u jħabbruhulhom. Fil-fatt, fil-pajjiżi nsara qegħdin jitwaqqfu komunitajiet u gruppi kulturali li huma missjoni ad gentes, u l-knejjes lokali, bl-għajnuna ta’ nies ġejjin mill-pajjiżi tal-immigrati, u ta’ missjunarji li ġew lura f’pajjiżhom, għandhom juru interess kbir f’dawn is-sitwazzjonijiet.

 Il-kooperazzjoni missjunarja tista’ titlob ukoll l-impenn ta’ dawk responsabbli tal-politika, tal-ekonomija, tal-kultura, tal-ġurnali, kif ukoll dawk tal-esperti fl-organizzazzjonijiet universali. Fid-dinja tal-lum huwa wisq aktar diffiċli tgħid liema huma l-limiti ġeografiċi u kulturali ta’ kull pajjiż; id-dipendenza tal-popli minn xulxin qiegħda dejjem tikber, u dan għandu jqanqal lill-insara ħa jagħtu xhieda nisranija u jxandru l-Evanġelju.

 

L-animazzjoni u l-formazzjoni missjunarja tal-Poplu t’Alla

81. Il-formazzjoni missjunarja hi dmir tal-knisja lokali bl-għajnuna tal-istess missjunarji u tal-istituti tagħhom, u wkoll ta’ nies mill-knejjes żgħażagħ. Wieħed m’għandux iqis din il-ħidma bħala xi ħidma marġinali, imma bħala ħidma fil-qofol tal-ħajja nisranija. Il-formazzjoni missjunar-ja tista’ tkun ta’ għajnuna kbira wkoll għall-evanġelizzazzjoni mill-ġdid tal-ġnus insara: ix-xhieda tal-missjunarji għandha qawwa kbira wkoll biex tiġbed dawk li huma 'l bogħod u ma jemmnux, u twasslilhom il-valuri nsara. Il-knejjes lokali għalhekk għandhom idaħħlu l-animazzjoni missjunar-ja bħala element li jħoll u jorbot fil-ħidma pastorali tagħhom fil-parroċċi, u fl-għaqdiet u fil-gruppi, l-aktar f’dawk taż-żgħażagħ.

 Għal dan il-għan għandha siwi kbir, qabel kollox, l-informazzjoni li tasal permezz tal-kitba u tar-rivisti missjunarji, u permezz tas-sussidji awdjo-viżivi. Dawn il-mezzi għandhom importanza kbira għax iwasslu biex tkun magħrufa l-ħajja tal-Knisja universali, l-ilħna u l-esperjenzi tal-missjunarji u tal-knejjes lokali fejn jagħmlu l-ħidma tagħhom. Lil dawk il-knejjes żgħażagħ li għad ma jistgħux ikollhom dawn ir-rivisti u dawn is-sussidji, l-istituti missjunarji għandhom jagħtihom nies u mezzi għal dawn l-inizjattivi.

 Huma msejħin biex jagħtu din il-formazzjoni s-saċerdoti u dawk kollha li jgħinuhom, l-edukaturi u l-għalliema, it-teologi u speċjalment dawk li jgħallmu fis-Seminarji u fiċ-ċentri ta’ formazzjoni għal-lajċi. It-tagħlim tat-teoloġija ma jistax u m’għandux iwarrab fil-ġenb il-missjoni universali tal-Knisja, l-ekumeniżmu, l-istudju tar-reliġjonijiet l-aktar imxerrda fid-dinja u l-missjo-noloġija. Irrid li, speċjalment fis-Seminarju, fid-djar ta’ formazzjoni tas-sorijiet u tal-patrijiet, isir dan l-istudju u li xi studenti, irġiel u nisa, jispeċjalizzaw fil-ħafna oqsma tal-missjonoloġija. L-animazzjoni missjunarja trid titmexxa dejjem biex tilħaq l-għan proprju tagħha, jiġifieri tgħallem u thejji l-Poplu t’Alla għall-missjoni tal-Knisja biex jinbtu vokazzjonijiet ad gentes u biex tingħata għajnuna lill-evanġelizzazzjoni. Mhux sewwa li ma tingħatax dehra sħiħa tal-ħidma missjunarja bħallikieku kienet l-aktar ħidma favur il-foqra, għajnuna għall-ħelsien tal-maħqurin, promozzjoni tal-iżvilupp u tal-progress, ħarsien tad-drittijiet tal-bniedem. Il-Knisja missjunarja hi mpenjata ħafna f’dawn il-ħidmiet, imma l-ħidma ewlenija tagħha hi ħaġ’oħra: il-foqra għandhom ġuħ t’Alla u mhux biss tal-ħobż u tal-libertà; u l-ħidma missjunarja l-ewwel nett trid tagħti xhieda u tħabbar is-salvazzjoni fi Kristu, billi twaqqaf knejjes lokali, li mbagħad isiru mezzi ta’ ħelsien sħiħ.

 

Ir-responsabbiltajiet ewlenija tal-Opri Missjunarji Pontifiċi

84. F’din il-ħidma għandhom sehem ewlieni l-Opri Missjunarji Pontifiċji, kif għidt kemm-il darba fil-Messaġġi tiegħi għall-Ġurnata Missjunarja. L-erba’ Opri - l-Opra għall-Propagazzjoni tal-Fidi, l-Opra ta’ San Pietru Appostlu, l-Opra tas-Santa Infanzja, u l-Unjoni Missjunarja - għandhom għan wieħed li jqanqlu spirtu missjunarju universali fil-Poplu kollu t’Alla. L-għan proprju u speċifiku tal-Unjoni Missjunarja hu dak li tnissel spirtu missjunarju fis-saċerdoti u r-reliġjużi, irġiel u nisa, u tagħtihom formazzjoni missjunarja xierqa biex imbagħad jagħmlu l-istess ħaġa fil-komunitajiet insara; tfittex imbagħad iġġib 'il quddiem l-Opri l-oħra, li tagħhom hi qisha r-ruħ[168]. “Il-motto tagħha għandu jkun ‘Il-Knisja kollha għall-konverżjoni tad-dinja kollha’.”[169]

 Għaliex dawn l-Opri huma tal-Papa u tal-kulleġġ tal-isqfijiet dawn l-Opri għandhom bi dritt li jkollhom fil-knejjes lokali wkoll “l-ewwel post għaliex huma mezzi biex inisslu fil-kattoliċi sa minn tfulithom spirtu tassew universali u missjunarju u biex jgħinu ħa jinġabru sussidji xierqa għal kull ħtieġa tal-missjoni kollha.”[170]. Għan ieħor tal-Opri Missjunarji hu li jqajjem vokazzjoni ad gentes u għall-għomor sħiħ, kemm fil-knejjes antiki u kemm f’dawk żgħażagħ. Għalhekk inħeġġiġhom bil-qawwa kollha biex isaħħu dejjem aktar il-ħidma tagħhom ta’ animazzjoni għal dan il-għan.

 Dawn l-Opri, fil-qadi tal-ħidma tagħhom mad-dinja kollha jiddependu mill-Kongregazzjoni għax-xandir tal-Evanġelju fost il-ġnus; iżda f’kull pajjiż jiddependu mill-Konferenzi Episkopali u mill-isqof ta’ kull knisja huma u jsieħbu l-ħidma tagħhom ma’ dik taċ-ċentri ta’ animazzjoni li jkun hemm; huma jwasslu l-ispirtu universali u l-qadi tal-missjoni, li mingħajrhom ma jistax ikun hemm vera kooperazzjoni fid-dinja kollha kattolika.

Mhux biss tagħti lill-missjoni, imma wkoll tieħu

85. Taħdem għall-missjoni ma jfissirx biss li tagħti, imma jfisser ukoll li tagħraf tieħu: il-knejjes partikolari kollha, antiki u żgħażagħ, huma msejħin biex jagħtu għall-missjoni universali imma wkoll biex jagħrfu jieħdu minnha, għax ebda knisja m’għandha tingħalaq fiha nfisha. “Bis-saħħa....tal-kattoliċità”, itenni l-Konċilju, “kull parti tagħti d-doni proprji tagħha lill-partijiet oħra u lill-Knisja kollha, hekk li l-Knisja kollha u kull parti jikbru bl-għoti lil xulxin u bil-ħidma flimkien b’għaqda sħiħa. Minn dan jiġi li bejn il-partijiet kollha tal-Knisja hemm rabtiet ta’ xirka intima fl-għana spiritwali, fil-ħaddiema tal-appostolat u fis-sussidji materjali.”[171]

 Inħeġġeġ lill-knisja kollha u lir-ragħajja, lis-saċerdoti u lir-reliġjużi, u lil-lajċi, biex jiftħu qalbhom għall-universalità tal-Knisja u jevitaw kull sura ta’ provinċjaliżmu u ta’ esklusiviżmu - jevitaw kull sentiment li huma biżżejjed għalihom infushom u m’għandhom bżonn ħadd. Il-knejjes partikolari, għalkemm għandhom l-għeruq fil-poplu u fil-kultura tagħhom, għandhom jgħożżu l-ispirtu universali tal-fidi, jiġifieri jagħtu u jieħdu mill-knejjes l-oħra għana spiritwali, esperjenza pastorali tal-ewwel tħabbira u tal-evanġelizzazzjoni, ħaddiema fl-appostolat u sussidji materjali.

 Il-ħajra li knisja tingħalaq fiha nfisha u titbiegħed mill-oħrajn hi kbira: il-knejjes antiki, impenjati f’evanġelizzazzjoni mill-ġdid, jgħidu li issa l-missjoni jridu jagħmluha f’darhom, u dan jista’ joħloq il-periklu li tiġi mfixkla l-ħeġġa għall-għajnuna lid-dinja mhux nisranija, u ma tantx ikun hemm ħajra li jingħataw vokazzjonijiet lill-istituti missjunarji, lill-Kongregazzjonijiet reliġjużi u lill-knejjes oħra. Iżda meta nagħtu b’qalb kbira, nieħdu lura, u llum il-knejjes żgħażagħ, fejn f’ħafna minnhom qegħdin joktru b’mod tal-għaġeb il-vokazzjonijiet, ġa jistgħu jibagħtu saċerdoti u reliġjużi, irġiel u nisa, lill-knejjes antiki.

 Min-naħa l-oħra, il-knejjes żgħażagħ huma mħassbin dwar l-identità tagħhom, dwar l-inkulturazzjoni, dwar il-ħtieġa li jikbru mingħajr ma jiġu influwenzati minn barra, u dan jista’ jwassal biex jagħlqu l-bieb lill-missjunarji. Lil dawn il-knejjes ngħidilhom: “Tingħalqux fikom infuskom! Ilqgħu bil-qalb il-missjunarji u l-għajnuna ta’ knejjes oħra! Agħmlu l-istess intom ukoll! Minħabba l-problemi li qegħdin inikktukom, jeħtieġ li tkunu dejjem f’kuntatt ma’ ħutkom fil-fidi. Bil-mezzi kollha li għandkom fittxu li jkun hemm ħarsien sħiħ tal-libertà li għaliha għandkom dritt, u ftakru li d-dixxipli ta’ Kristu għandhom “jobdu lil Alla aktar milli lill-bnedmin” (ara Atti 5,29).

 

Alla qiegħed ihejji rebbiegħa ġdida għall-Evanġelju

86. Jekk nagħtu ħarsa lid-dinja tal-lum, naraw ħafna fatturi negattivi, li jistgħu iwasslu għall-pessimiżmu. Iżda dan hu bla sens: aħna nemmnu f’Alla, il-Missier u Sidna, u fit-tjieba u l-ħniena tiegħu. Issa li qegħdin noqorbu dejjem aktar għat-tielet elf sena tal-Fidwa, Alla qiegħed iħejji rebbiegħa nisranija tassew tal-għaġeb, li tagħha ġa qegħdin naraw is-sebħ. Kemm fl-artijiet mhux insara kemm fl-artijiet li ilhom insara l-mijiet tas-snin, il-popli bil-mod il-mod resqin lejn l-ideali u l-valuri tal-Evanġelju, li l-Knisja tħabrek biex iġġib 'il quddiem. Qegħdin naraw qbil bejn il-popli dwar dawn il-valuri: iċ-ċaħda tal-vjolenza u tal-gwerer, il-ħarsien tad-drittijiet tal-persuna tal-bniedem; ix-xewqa għal-libertà, għall-ġustizzja u għall-fraternità; il-ħerqa biex jingħelbu r-razziżmu u n-nazzjonaliżmu; l-għarfien tad-dinjità u tal-istimi li għandu jkollha l-mara.

 It-tama nisranija twettaqna aħna u nimpenjaw ruħna f’evanġelizzazzjoni mill-ġdid u fil-missjoni universali, u twassalna biex nitolbu, kif għallimna l-Mulej “tiġi saltnatek, ikun li trid int, kif fis-sema hekk ukoll fl-art” (Mt 6,10). Għadd bla qies tal-bnedmin għadhom jistennew 'il Kristu: l-oqsma tan-nies u tal-kulturi li għad ma ntlaħqux mix-xandir tal-Evanġelju jew il-Knisja bilkemm tidher, għadhom tant kbar u wiesgħa, li jeħtieġ li jingħaqdu flimkien ir-riżorsi kollha tal-Knisja. Il-Knisja kollha, hija u thejji ċ-ċelebrazzjoni tal-Ġublew 2000, hija dejjem aktar impenjata f’avvent missjunarju ġdid. Irridu nqanqlu fina ħerqa appostolika biex inwasslu lill-oħrajn id-dawl u l-hena tal-fidi, u għal dan l-ideal irridu nhejju l-Poplu kollu ta’ Alla.

 Ma jistax ikun li ma nħabblux rasna meta nafu li eluf u mijiet ta’ eluf ta’ ħutna, ilkoll mifdijin mid-demm għażiż ta’ Kristu, qegħdin jgħixu l-ħajja mingħajr ma jafu xejn dwar l-imħabba t’Alla għalihom. Għal kull min jemmen, u l-istess għall-Knisja kollha, il-ħidma missjunarja trid tiġi l-ewwel, għax hi dwar id-destin ta’ dejjem tal-bnedmin kollha u twieġeb għall-pjan misterjuż u ħanin t’Alla.

 


 

 

KAP VIII

SPIRITWALITÀ MISSJUNARJA

87. Il-ħidma missjunarja titlob spiritwalità speċifika li, b’mod partikulari, tolqot lil dawk kollha li Alla jsejjaħ biex ikunu missjunarji.

 

Inħallu l-Ispirtu jmexxi

Din l-ispiritwalità turi ruħha l-ewwel nett f’ħajja li kollha kemm hi toqgħod għal dak li jitlob l-Ispirtu: dan ifisser li wieħed irid iħalli l-Ispirtu jsawwarlu ruħu biex jagħmlu dejjem aktar jixbah 'il Kristu. Ħadd ma jista’ jixhed għal Kristu jekk ma jkollux ix-xbieha tiegħu, li ssir ħajja fina bil-grazzja u l-ħidma tal-Ispirtu. Din il-qagħda għal dak li jitlob minna l-Ispirtu timpenjana biex nilqgħu mingħandu d-doni tal-qawwa u tal-għerf, li huma elementi essenzjali tal-ispiritwalità missjunarja.

 Eżempju ta’ dan narawh fl-Appostli li, tul il-ħajja pubblika tal-Imgħallem, minkejja li kienu jħobbuh u wieġbu bil-qalb kollha għas-sejħa tiegħu, urew li ma kellhomx il-ħila jifhmu kliemu u jimxu warajh fit-triq tat-tbatija u tal-umiljazzjoni.

Iżda wara li l-Ispirtu biddilhom f’xhieda qawwija ta’ Kristu u dawwalhom biex iħabbru l-Kelma tiegħu: kien l-Ispirtu li mexxiehom fit-triqat iebsa u ġodda tal-missjoni.

Mhijiex inqas diffiċli u komplessa l-missjoni llum milli kienet fl-imgħoddi u titlob l-istess dawl u qawwa tal-Ispirtu: spiss ikollna l-istess tħassib tal-ewwel komunitajiet insara, li raw bnedmin li ma jemmnux u ostili “jinġemgħu flimkien kontra l-Mulej u l-Messija tiegħu” (ara Atti 4,20).

Illum, l-istess bħal f’dak iż-żmien, irridu nitolbu biex il-Mulej jagħtina l-qawwa li nxandru l-Evanġelju; irridu naħsbu fuq it-triqat moħbija tal-Ispirtu u nħalluh imexxina lejn il-verità kollha (ara Ġw 16,13).

 

Tgħix il-ħajja ta’ Kristu “il-mibgħut”

88. Kwalità meħtieġa tal-ispiritwalità missjunarja hi xirka intima ma’ Kristu: ma tistax tifhem u tgħix il-missjoni jekk ma tirreferihiex għal Kristu bħala dak li ntbagħat jevanġelizza. San Pawl jgħidilna kif irid ikun dan: “Aħsbu bħal ma kien jaħseb Kristu Ġesù; hu għad li kellu n-natura ta’ Alla, ma qagħadx ifittex tiegħu li hu daqs Alla iżda xejjen lilu nnifsu billi ħa n-natura ta’ lsir; sar jixbah il-bniedem u deher minn barra bħala bniedem; ċekken lilu nnifsu billi obda sal-mewt, anzi sal-mewt tas-salib” (Fil 2,5-8). Hawn għandna l-misteru tal-Inkarnazzjoni u tal-Fidwa: Kristu ċekken għal kollox lilu nnifsu biex jgħix bħala bniedem u jwassal il-pjan tal-Missier għat-tmiem sħiħ tiegħu. L-għemil ta’ Kristu meta ċekken lilu nnifsu, hu għemil mimli mħabba u juri mħabba kbira. Il-missjoni trid tgħaddi minn triq bħal din, li twassal sa taħt is-salib.

 Il-missjunarju hu mitlub li “jiċħad lilu nnifsu u għal kull ma għandu tiegħu sa issa, biex ikun kollox għal kulħadd”[172]: jgħix fil-faqar li jagħmlu ħieles għall-Evanġelju; 'il bogħod min-nies u mill-ġid tal-ambjent tiegħu biex ikun ħu dawk li fosthom jintbagħat ħa jwasslilhom lil Kristu l-Feddej. Għal dan twassal l-ispiritwalità missjunarja: “sirt dgħajjef mad-dgħajfin....; sirt kollox ma’ kulħadd biex insalva lil kulħadd. Nagħmel dan kollu biex insalva l-Evanġelju” (1 Kor 9,22-23).

 Proprju għax hu “mibgħut”, il-missjunarju jħoss il-preżenza ta’ Kristu li tfarrġu u tissieħeb miegħu tul ħajtu kollha: “La tibżax....għax jiena miegħek” (Atti 18,9-10), u jistennieh fil-qalb ta’ kull bniedem.

 

Tħobb il-Knisja u l-bnedmin bħalma ħabbhom Kristu

89. L-ispiritwalità missjunarja bħala karatteristika għandha wkoll l-imħabba appostolika, dik l-imħabba proprja ta’ Kristu li ġie biex “jiġbor ġemgħa waħda l-ulied t’Alla li kienu mxerrdin” (Ġw 11,52). Ir-Ragħaj it-tajjeb jagħraf in-nagħaġ tiegħu u jfittixhom u jagħti ħajtu għalihom (ara Ġw 10). Min għandu spirtu missjunarju jħoss il-ħeġġa ta’ Kristu għall-erwieħ u, bħal Kristu, iħobb il-Knisja.

 Il-ħeġġa għall-erwieħ timbotta l-missjunarju, ħeġġa li tiġi mill-istess imħabba ta’ Kristu, li hi kollha kemm hi tħassib, ħlewwa, ħniena, tjieba u ħerqa għall-problemi kollha tal-bniedem. Għolja ħafna hi l-imħabba ta’ Kristu: hu jaf “dak li hemm fil-bniedem” (Ġw 2,25), iħobb lil kulħadd, għax fdiehom, u jisgħobbih meta jirrifjutaw l-imħabba.

 Il-missjunarju hu bniedem ta’ mħabba: biex ikun jista’ jħabbar lil kull wieħed u waħda minn ħutu li Alla jħobbhom u huma wkoll jistgħu iħobbuh, għandu jagħti xhieda ta’ mħabba għal kulħadd, u joffri ħajtu għal għajru. Il-missjunarju hu “ħu kulħadd”: fih hemm l-Ispirtu tal-Knisja, u l-ftuħ tagħha u l-interess tagħha għall-popli kollha u għal kull bniedem, u l-aktar għall-foqra u għal dawk neqsin minn kollox. Għaliex hu hekk, imur 'l hemm mill-fruntieri u mill-firdiet bejn razza w oħra, bejn opinjoni u oħra, bejn ideoloġija u oħra: hu sinjal tal-imħabba t’Alla fid-dinja, imħabba li ma twarrab lil ħadd u ma tagħmel preferenzi ma’ ħadd.

 Fl-aħħar nett, bħal Kristu, irid iħobb il-Knisja: “Kristu ħabb il-Knisja u ta ħajtu għaliha” (Ef 5,25). Din l-imħabba li twassal biex wieħed jagħti ħajtu għaliha, hi għall-missjunarju ċ-ċentru li fih irid jiġbor kollox. Fl-imħabba għall-Knisja biss, il-missjunarju jista’ jsaħħaħ il-ħeġġa tiegħu: it-tħassib tiegħu ta’ kuljum, kif jgħid San Pawl, hu “l-ħsieb tal-knejjes kollha” (2 Kor 11,28). F’kull missjunarju “il-fedeltà lejn Kristu qatt ma tista’ tiġi mifruda mill-fedeltà lejn il-Knisja.”[173]

 

Il-missjunarju veru hu qaddis

90. Is-sejħa għall-missjoni minnha nfisha hi sejħa għall-qdusija. Il-missjunarju hu verament missjunarju biss jekk hu impenjat li jitqaddes: “Il-qdusija għandha titiqes bħala kundizzjoni fondamentali li ma jistax ikun hemm oħra flokha u li trid tkun hemm minn qabel, biex tkun tista’ sseħħ il-missjoni tas-salvazzjoni fil-Knisja.”[174]

 Hemm għalhekk rabta sħiħa bejn is-sejħa ta’ kulħadd għall-qdusija u s-sejħa għall-missjoni fid-dinja kollha: kull nisrani hu msejjaħ għall-qdusija u għall-missjoni. Din kienet ix-xewqa ħerqana tal-Konċilju, meta bil-qawwa kollha wera x-xewqa li “l-bnedmin kollha jiġu mdawlin mid-dawl ta’ Kristu, rifless f’wiċċ il-Knisja, bit-tħabbira tal-Evanġelju lill-ħolqien kollu” (ara Mk 16,15)[175].

 L-ispiritwalità missjunarja tal-Knisja hi triq lejn il-qdusija. Huma meħtieġa missjunarji qaddisa biex terġa’ timxi sewwa 'l quddiem il-missjoni ad gentes. Mhux biżżejjed iġġedded it-teknika tal-pastorali, mhux biżżejjed torganizza aħjar u tikkoordina r-riżorsi kollha tal-Knisja, mhux biżżejjed li tidħol aktar fil-fond u tistudja b’aktar reqqa l-pedamenti bibliċi u teoloġiċi tal-fidi: jeħtieġ aktar li tqum “ħeġġa ġdida ta’ qdusija” fil-missjunarji u fil-komunità nisranija kollha, u l-aktar fost dawk li jaħdmu aktar fil-qrib mal-missjunarji[176].

Għeżież ħuti, irġiel u nisa, nikkunsidraw sewwa x’ħerqa missjunarja kellhom l-ewwel komunitajiet insara! Għalkemm f’dawk iż-żminijiet ftit kienu l-mezzi biex wieħed imur u jikkomunika minn post għall-ieħor, f’qasir żmien it-tħabbira tal-Evanġelju waslet sa truf l-art. U t-tħabbira li kienet titħabbar kienet dwar Bniedem li miet fuq salib “skandlu għal-Lhud u bluha għall-ġnus” (1 Kor 1,23). Din il-ħerqa tal-ewwel insara u tal-ewwel komunitajiet kollha kellha bħala pedament il-qdusija tagħhom.

 

91. Irrid ngħid għalhekk kelma lill-imgħammdin irġiel u nisa tal-komunitajiet u l-knejjes żgħażagħ. Intom illum, intom it-tama tal-Knisja tagħna, li għandha elfejn sena: għax żgħażagħ fil-fidi, għandkom tkunu tixbhu lill-ewwel insara u xxerrdu madwarkom ħeġġa u kuraġġ bl-għoti ġeneruż tagħkom lil Alla u lil għajrkom: fi ftit kliem, tridu taqbdu t-triq tal-qdusija. Hekk biss tistgħu tkunu sinjal t’Alla fid-dinja u tgħixu mill-ġdid f’pajjiżkom il-ġrajja missjunarja glorjuża tal-Knisja tal-ewwel żminijiet. U tkunu wkoll ħmira ta’ spirtu missjunarju għall-knejjes antiki.

 Min-naħa tagħhom il-missjunarji għandhom jaħsbu fuq id-dmir li għandhom li jkollhom dik il-qdusija li jitlob minnhom id-don tal-vokazzjoni, billi kuljum jiġġeddu fl-ispirtu u jaġġornaw il-formazzjoni dottrinali u pastorali tagħhom. Il-missjunarju jeħtieġ li jkun “bniedem kontemplattiv huwa u jaqdi l-ħidma tiegħu”. Isib tweġiba għall-problemi tiegħu fid-dawl tal-Kelma t’Alla u fit-talb personali u komunitarju. Il-laqgħa li kelli mar-rappreżentanti tat-tradizzjonijiet spiritwali mhux insara, speċjalment ma’ dawk tal-Asja, wettqu għalija li l-ġejjieni tal-missjoni fil-qofol tiegħu jkun jiddependi mill-kontemplazzjoni. Jekk missjunarju ma jkunx kontemplattix, ma jkunx jista’ jħabbar 'il Kristu b’mod li jitwemmen. Hu xhud tal-esperjenza t’Alla, u bħall-Appostli għandu jkun jista’ jgħid: “Dak li lejh ħarisna....jiġifieri l-Verb, il-kelma tal-ħajja, dan sejrin inxandrulkom” (1 Ġw 1,1-3).

 Il-missjunarju hu l-bniedem tal-beatitudni. Qabel bagħathom ixandru l-Evanġelu, Ġesù lit-Tnax għallimhom u wriehom it-triq tal-missjoni: faqar u manswetudni, sabar fin-niket u t-tiġrib, xewqa kbira għas-sliem u l-ġustizzja, imħabba, jiġifieri l-beatitudni fil-ħajja tal-appostolat (ara Mt 5,1-12). Il-missjunarju huwa u jgħix il-beatitudni juri li s-Saltna t’Alla ġa waslet u li hu laqagħha. Il-karatteristika ta’ kull ħajja missjunarja vera hi l-ferħ spiritwali li jiġi mill-fidi. F’dinja mnikkta u mġarrba minn tant problemi, u mxaqilbin lejn il-pessimiżmu, dak li jħabbar il-“Bxara t-tajba” irid ikun bniedem li fi Kristu sab it-tama vera.


 

GĦELUQ

92. Qatt daqs illum ma kellha l-Knisja opportunitajiet u okkażjonijiet li twassal l-Evanġelju lill-bnedmin u lill-popli kollha bix-xhieda u l-kelma tagħha. Qiegħed nara jisbaħ żmien missjunarju ġdid, li għad ikun jum jiddi kollu frott, jekk l-insara kollha, u b’mod speċjali, l-istess missjunarji u l-knejjes żgħażagħ b’ġenerożità u qdusija kbira jwieġbu għall-isfidi u l-appelli ta’ żmienna.

 L-istess bħall-Appostli, wara li l-Mulej tela’ fis-Sema, il-Knisja trid tinġabar fiċ-Ċenaklu “ma’ Marija, Omm Ġesù” (Atti 1,14) ħa titlob għall-Ispirtu u tikseb mingħandu qawwa u kuraġġ biex taqdi l-mandat missjuanrju. Aħna, wisq aktar mill-Appostli, irridu niġu mibdula u mmexxija.

 Lejliet din it-tlett elef sena, il-Knisja hi mistiedna biex tgħix aktar fil-fond il-misteru ta’ Kristu, hija u tagħti sehemha b’radd ta’ ħajr għall-ħidma tas-salvazzjoni. Dan tagħmlu ma’ Marija u bħal Marija, Omm u xbieha tagħha: Marija hi eżempju tal-imħabba ta’ omm, imħabba li biha għandhom ikunu mqanqla dawk kollha li fil-missjoni appostolika tal-Knisja qegħdin jagħtu sehemhom għat-tiġdid tal-bnedmin. Għalhekk “il-Knisja, imwettqa bil-preżenza ta’ Kristu (ara Mt 28,20), timxi tul iż-żminijiet lejn it-tmiem ta’ kull żmien, ħa tiltaqa’ mal-Mulej, li għandu jiġi; iżda f’dan il-mixi....timxi mat-triq li minnha mxiet il-Verġni Marija....”[177]

 Għall-qawwa tal-“interċessjoni tal-Verġni Marija li kollha kemm hi, hi magħmula lil Kristu u trid turi l-qawwa tiegħu għas-salvazzjoni[178], nafda l-Knisja u, b’mod speċjali, lil dawk kollha li llum huma impenjati fil-qadi tal-mandat missjunarju fid-dinja. Kif Kristu bagħat l-Appostli fl-isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu, hekk jiena wkoll inġedded dan il-mandat u nagħti lil kull wieħed minnkom il-barka appostolika f’isem it-Trinità Qaddisa.

 Minn Ruma, minn San Pietru, fis-7 ta’ Diċembru għeluq il-ħamsa w għoxrin sena mill-pubblikazzjoni tad-digriet Ad gentes, fis-sena 1990, fit-tlettax-il sena tal-Pontifikat.

 

IOANNES PAULUS pp II

 


[1] Ara Pawlu VI, Messaġġ għall-Ġurnata Missjunarja 1972: “Kemm tensjonijiet qegħdin idgħajfu u jifirdu xi knejjes u

 xi istituzzjonijiet lokali, li jiġu fix-xejn jekk ikun hemm konvinzjoni soda, li s-salvazzjoni ta’ kull komunità lokali

 tintrebaħ bis-sehem li jingħata lill-ħidma missjunarja, biex din tasal sa truf l-art.

[2] Ara Papa Benedittu XV, Ittra Appostolika Maximum Illud tat-30 ta’ Novembru 1919, Piju XI, Ittra appostolika

 Rerum Ecclesiae tat-28 ta’ Frar 1926; Pju XII, Ittra appostolika Evangelii Praecones tat-2 ta’ Ġunju 1951; enċiklika

 Fidei Donum tal-21 t’April 1957; Papa Ġwanni XXIII, enċiklika Princeps Pastorum tat-28 ta’ Novembru 1959.

[3] Enċiklika Redemptor Hominis tal-4 ta’ Marzu 1979,10

[4] Ibid. lc.

[5] Kredu Niceno-Kostantinopolitan.

[6] Enċiklika Redemptor Hominis, 13

[7] Ara Gaudium et Spes, 2

[8] Ibid. 22

[9] Enċiklika Dives in Misericordia, tat-30 ta’ Novembru 1980, 7

[10] Omelija waqt iċ-ċelebrazzjoni tal-Quddies f’Krakow, 10 ta’ Ġunju 1979

[11] Ġwanni XXIII, enċiklika Mater et Magistra tal-15 ta’ Mejju 1961,IV

[12] Dignitatis Humanae,2

[13] Pawlu VI, eżortazzjoni appostolika Evangelii Nuntiandi tat-8 ta’ Diċembru 1975,53

[14] Dignitatis Humanae,2

[15] Ara Lumen gentium, 14-17, Ad gentes, 3

[16] Ara Lumen gentium, 48: Gaudium et spes, 43 ; Ad gentes, 7.21

[17] Lumen gentium, 13

[18] Ibid., 9

[19] Gaudium et Spes, 22

[20] Lumen gentium, 14

[21] Dives in misericordia, 1

[22] Lumen gentium, 5

[23] Ara Gaudium et spes. 22

[24] Lumen gentium, 4

[25] Ibid., 5

[26] Evangelii nuntiandi, 15

[27] Diskors fil-ftuħ tat-tielet sessjoni tal-Konċilju Vatikan II, 14 ta’ Settembru 1964

[28] Evangelii nuntiandi, 34

[29] Ara Kummissjoni teoloġika universali, Temi scelti di ecclesiologia, fl-20 anniversarju ta’ għeluq il-Konċilju Vatikan

 II, 7 t’Ottubru 1985, 10. “L’indole escatolgica della Chiesa. Regno di Dio e Chiesa”

[30] Gaudium et Spes, 39

[31] Enċiklika Dominum et vivificantem tat-18 ta’ Mejju 1986, 42

[32] Ibid., 64

[33] Il-kelma tikkorrispondi għall-kelma griega parresia li tfisser ukoll entużjażmu, qawwa (ara Atti 2,29; 4,13.29.31;

 9,27228; 13,46; 14,3; 18,26; 28,31)

[34] Ara Evangelii nuntiandi, 41-42

[35] Ara Dominum et vivificantem, 53

[36] Ara Ad gentes, 33.11.15; Gaudium et spes, 10-11.22.26.38.41.92-93

[37] Gaudium et spes, 10.15.22

[38] Ibid., 41

[39] Dominum et vivificantem, 54

[40] Gaudium et spes, 26

[41] Ibid. 38; ara 93

[42] Lumen gentium 17; Ad gentes 3.15

[43] Ad gentes, 4

[44] Dominum et vivificantem, 53

[45] Diskors lil dawk li jħaddnu reliġjonijiet mhux insara f’Madras fil-5 ta’ Frar 1986; Messaġġ lill-ġnus tal-Asja f’Manila

 fil-21 ta’ Frar 1981; diskors lir-rappreżentanti tar-reliġjonijiet mhux insara f’Tokyo, 24 ta’ Frar,1981

[46] Diskors lill-Kardinali, lill-familja pontifiċja, lill-Kurja u lill-Prelatura Rumana fit-22 ta’ Diċembru 1986

[47] Lumen Gentium, 16

[48] Gaudium et spes, 45; Dominum et vivifincatem, 54

[49] Ad gentes,10

[50] Eżortazzjoni appostolika Christifidles laici, 30 ta’ Diċembru 1988, 35

[51] Ara Ad gentes, 6

[52] Ara ibid.

[53] Ara ibid., 6.23.27

[54] Evangelii nuntiandi, 18-20

[55] Christifideles laici, 35

[56] Evangelii nuntiandi, 80

[57] Ad gentes, 6

[58] Evangelii nuntiandi, 80

[59] Ad gentes, 6

[60] Ara ibid., 20

[61] Ara diskors lill-membri tas-simposju tal-Kunsill tal-Konferenzi Episkopali tal-Ewropa, 11 t’Ottubru 1985

[62] Evangelii nuntiandi, 80

[63] Ad gentes, 5; Lumen gentium, 8

[64] Dignitatis humanae, 3-4; Evangelii nuntiandi, 79-80; Redemptor hominis, 12

[65] Ittra appostolika Maximum Illud, lc.

[66] Evangelii nuntiandi, 62

[67] Ara De praescriptione haereticorum, XX

[68] Ad gentes, 8; ara Kap II, 10-18

[69] Evangelii nuntiandi, 41

[70] Ara Lumen gentium, 28.35.38; Gaudium et spes,43; Ad gentes,11-12

[71] Enċiklika Popolorum progressio tas-26 ta’ Marzu 1967, 21.42

[72] Evangelii nuntiandi, 27

[73] Ad gentes,13

[74] Evangelii nuntiandi, 15; Ad gentes,13-14

[75] Ara Dominum et vivificantem, 42.64

[76] Ara Evangelii nuntiandi, 60

[77] Ara Lumen gentium, 6-9

[78] Ad gentes, 2; Lumen gentium, 9

[79] Ara Ad gentes, Kap III, 19-22

[80] Ad gentes, 15

[81] ibid., 6

[82] ibid, 15; ara Unitatis redintegratio, 3

[83] Ara Evangelii nuntiandi, 58

[84] Assemblea straordinarja, Relazzjoni tal-aħħar, II,C,6

[85] Ibid., II,D,4

[86] Ara eżortazzjoni appostolika Cathechesi tradendae, tas-16 t’Ottubru 1979; Enċiklika Slavorum apostoli tat-2 ta’

 Ġunju 1985,21

[87] Evangelii nuntiandi, 20

[88] Ara diskors lill-isqfijiet ta’ Zaire, f’Kinshasa fit-8 ta’ Mejju 1980, 4-6; diskors lill-isqfijiet tal-Kenya f’Nairobi fis-7 ta’

 Mejju 1980; diskors lill-isqfijiet tal-Indja f’Delhi fl-1 ta’ Frar 1986; omelija f’Kartagena fis-6 ta’ Lulju 1986; ara wkoll

 l-enċiklika Slavorum apostoli, 21-22

[89] Ara Ad gentes,22

[90] Ara ibid

[91] Ara Evangelii nuntiandi, 64

[92] Il-knejjes partikulari “huma fid-dmir li jagħmlu tagħhom dak li hu essenzjali fil-messaġġ tal-Evanġelju, ifissruh,

 idaħħluh, mingħajr l-iċken tibdil fil-veritajiet fondamentali, fl-ilsien li jifhmuh nieshom u mbagħad iħabbruh bl-istess

 ilsien…Il-kelma “lsien” hawn irridu nifhmuha aktar milli fis-sens letterarju tagħha f’dak li nistgħu insejħulu s-sens

 antropoloġiku jew kulturali” (ibid., 63; lc 53)

[93] Ara diskors fl-udjenza ġenerali tat-13 t’April, 1988

[94] Ara l-eżortazzjoni appostolika Familiaris consortio tat-22 ta’ Novembru 1981, fejn titkellem dwar l-inkulturazzjoni

 “fl-oqsma taż-żwieġ u tal-familja”

[95] Ara Evangelii nuntiandi, 53-56

[96] Lumen gentium,17

[97] Diskors lil dawk li ħadu sehem fis-simposji tal-isqfijiet tal-Afrika f’Kampla fil-31 ta’ Lulju 1969,2

[98] Pawlu VI fid-diskora tal-ftuħ tat-tieni sessjoni tal-Konċilju Vatikan II fid-29 ta’ Diċembru 1963; ara Nostra actate,2;

 Lumen gentium,16; Ad Gentes,9;p Evangelii nuntiandi,53

[99] Ara Pawlu VI, enċiklika Ecclesiam suam tas-6 t’Awwissu 1964; Ad gentes,11,41; Segretarjat għal dawk li

 mhumiex insara, L-imġiba tal-knieja lejn dawk li jħaddnu reliġjonijiet oħra- Rifflessjonijiet u orjentamenti dwar

 djalogu u missjoni (4 ta’ Settembru 1984)

[100] Ittra lill-isqfijiet tal-Asja fl-okkażjoni tal-ħames assemblea plenarja tal-Federazzjoni tal-Konferenzi Episkopali tal-

 Asja, 23 ta’ Ġunju 1990,2

[101] Lumen gentium,14; ara Ad gentes,7

[102] Ara Unitatis redintegratio,3; Ad gentes,7

[103] Ara Redemptor hominis,12

[104] Ad gentes,11.15

[105] Nostra aetate,2

[106] Christifideles laici, 35

[107] Ara Ad gentes,41

[108] Enċiklika Sollicitudi rei socialis,41

[109] Dokumenti tat-tielet konferenza ġenerali tal-isqfijiet latino-amerikana f’Puebla (1979)

[110] Diskors lill-isqfijiet, lis-saċerdoti u lir-reliġjużi, f’Jakarta, fl-10 t’Ottubru 1989,5

[111] Ara Popolorum progressio, 14-21, 40-42; Sollicitudo rei socialis, 27-41

[112] Ara Sollicitudo rei socialis, 28

[113] Ara ibid., Kap IV, 27-34; ara Popolorum progressio, 19-21,41-42

[114] Diskors lin-nies ta’ Favela Vidigal f’Rio de Janeiro, 2 ta’ Lulju 1980,4

[115] Dokumentarju tat-tielet konferenza ġenerali tal-isqfijiet latino-amerikani f’Puebla (1979)

[116] Isakk tal-istilla, Sermo, 31

[117] Ad gentes, 20

[118] Christifideles laici, 35

[119] Ara ad gentes, 38

[120] Diskors lill-membri tal-kulleġġ tal-Kardinali u tal-kollaboraturi kollha tal-Kurja rumana, tal-Belt tal-Vatikan u tal-

 Vigarjat ta’ Ruma, 28 ta’ Ġunju 1980, 10

[121] Lumen gentium, 23

[122] Ad gentes, 38

[123] ibid., 29

[124] Ara ibid. 38

[125] ibid., 30

[126] Dokumenti tat-tielet konferenza ġenerali tal-isqfijiet latino-amerikani f’Puebla (1979)

[127] Ara Direttivi biex tiġi 'l quddiem il-kooperazzjoni flimkien tal-knejjespartikulari, speċjalment dwar tqassim aktar

 adatt tal-kleru Postquam Apostoli tal-25 ta’ Marzu 1980

[128] Ara ad gentes, Kap IV, 23-27

[129] ibid., 23

[130] ibid.

[131] ibid., 23.27

[132] Ara Kongregazzjoni għar-reliġjużi u għall-istituti ta’ ħajja konsagrata, Direttivi dwar relazzjoni ma’ xulxin bejn l-

 isqfijiet u r-reliġjużi fil-Knisja, Mutuae relationes tal-14 ta’ Mejju 1978

[133] Ad gentes, 27

[134] Presbyterorum Ordinis, 10; ara Ad gentes, 39

[135] Optatam totius, 20; ara “Guide de vie pastorale pour les prêtres diocésains des églises qui dépendent de la

 Congregation pour l’Evangelisation des Pueples“ , Ruma 1989

[136] Diskors lil dawk li ħadu sehem fil-laqgħa plenarja tal-Kongregazzjoni għall-Evanġelizzazzjoni tal-Popli, 11 t’April

 1989, 4

[137] Messaġġ għall-Ġurnata Missjunarja, 1982

[138] Ara Ad gentes, 38; Direttivi tal-Kongregazzjoni għall-Kleru Postquam apostoli, 24-25

[139] Ara Postquam apostoli, 29; Ad gentes, 20

[140] C.I.C. kan. 783

[141] Ad gentes, 40

[142] Ara Evangelii nuntiandi, 69

[143] Mulieris dignitatem, 20

[144] Ara enċiklika Evangelii praecones; enċiklika Fidei donum; enċiklika Princeps pastorum; Evangelii nuntiandi, 70

[145] Christifideles laici, 35

[146] Ara Evangelii praecones

[147] Ara Lumen gentium, 17.33ss

[148] Ara Ad gentes, 35-36.41

[149] Christifideles laici, 14

[150] C.I.C. kan. 225, I; Apostolicam actuositatem, 6.13

[151] Lumen gentium, 31; ara C.I.C. kan. 225, 2

[152] Evangelii nuntiandi, 70

[153] Christifideles laici, 35

[154] Ad gentes, 17

[155] Catechesi tradendae, 66

[156] Ara kan. 785, 1

[157] Ad gentes, 17

[158] Ara assemblea plenarja tal-Kongregazzjoni għall-Evanġelizzazzjoni tal-Popli tal-1969 u l-istruzzjoni t’April 1970,

 f’Bibliografia missionaria, 34, 197-212, u S.Congregatio de Propaganda Fide Memoria Rerum III/2 (1976), 821-

 831

[159] Ad gentes, 28

[160] Kostituzzjoni appostolika Pastor bonus tat-28 ta’ Ġunju 1988, 85; ara Ad gentes, 29

[161] Ad gentes, 29; ara Pastor bonus, 86

[162] Ara Ad gentes, 31

[163] Ara ibid., 33

[164] Ara motuproprja Ecclesiae sanctae tas-6 t’Awwissu 1966, II, 43

[165] Ara Ad gentes, 34; Ecclesiae sanctae, III, 22

[166] Ad gentes, 35; C.I.C. kan. 211 u kan 781

[167] Familiaris consortio, 54

[168] Ara Pawlu VI, ittra appostolika Graves et increscentes tal-5 ta’ Settembru 1966

[169] P. Manna, Le nostre “chiese” e la propagazione del Vangelo, Trentola Ducenta 1952, paġ.35

[170] Ad gentes, 38

[171] Lumen gentium, 13

[172] Ad gente, 24

[173] Presbyterum Ordinis, 14

[174] Christifideles laici, 17

[175] Lumen gentium, 1

[176] Ara diskors lill-assemblea tas-C.E.L.A.M. f’Prt-au-Prince fid-9 ta; Mejju 1983; l-omelija fil-ftuħ ta’ “novenarja ta’

 snin” imniedi mis-C.E.L.A.M. f’Santo Domingo fit-12 t’Ottubru 1984

[177] Enċiklika Redemptoris Mater tal-25 ta’ Marzu 1987, 2

[178] ibid., 22