
EŻORTAZZJONI APPOSTOLIKA
REDEMPTIONIS DONUM
TAL-PAPA ĠWANNI PAWLU II
LIR-RELIĠJUŻI KOLLHA
DWAR IL-KONSAGRAZZJONI TAGĦHOM
FID-DAWL TAL-MISTERU TAL-FIDWA
25 ta' Marzu 1984 |
EŻORTAZZJONI APPOSTOLIKA
REDEMPTIONIS DONUM
TAL-QDUSIJA TIEGĦU
ĠWANNI PAWLU II
LIR-RELIĠJUŻI KOLLHA
DWAR IL-KONSAGRAZZJONI TAGĦHOM
FID-DAWL TAL-MISTERU TAL-FIDWA
WERREJ
I.
Tislima
II.
Il-Vokazzjoni
III.
Konsagrazzjoni
IV.
Il-Kunsilli
Evanġeliċi
V.
Safa, faqar
u ubbidjenza
VI.
Imħabba għall-Knisja
VII.
Konklużjoni
Għeżież
ħuti fi Kristu!
I - TISLIMA
1.
Fid-don
tal-Fidwa, li deher f’dawl
speċjali f’dis-sena tal-Ġublew
straordinarju, hemm stedina
speċjali għall-konverżjoni u
għar-rikonċiljazzjoni ma’ Alla
fi Kristu Ġesù. Iċċelebrajna
dan il-Ġublew minħabba fatt
storiku: ridna nfakkru l-elf
disa’ mija u ħamsin sena
tal-ġrajja tas-Salib u
tal-Qawmien ta’ Kristu
mill-imwiet. Imma hemm raġuni
oħra li ma tidhirx iżda li hi
marbuta sewwa mal-kobor
tal-misteru tal-Fidwa: minn dan
il-misteru twieldet il-Knisja, u
minnu tikseb il-ħajja tul
ġrajjietha kollha. Iż-żmien
tal-Ġublew straordinarju għandu
karattru speċjali. L-istedina
għall-konverżjoni u
għar-rikonċiljazzjoni ma’ Alla
tfisser li għandna naħsbu u
nimmeditaw aktar fil-fond u
b’aktar għaqal fuq ħajjitna u
fuq is-sejħa tagħna bħala nsara,
fid-dawl tal-misteru tal-Fidwa,
biex il-ħajja u s-sejħa tagħna
dejjem aktar, minn jum
għall-ieħor, iniżżlu l-egħruq
tagħhom f’dan il-misteru.
Din
l-istedina li tolqot lil kull
min hu fil-Knisja, b’mod
speċjali tolqot lilkom
ir-reliġjużi, irġiel u
nisa, għaliex intom
ikkonsagrajtu ruħkom lil Alla
permezz tal-voti tal-kunsill
evanġeliċi, u għalhekk qegħdin
tħabirku biex tgħixu l-ħajja
nisranija f’milja speċjali
tagħha. Is-sejħa speċjali
tagħkom u l-ħajja kollha tagħkom
fil-Knisja u fid-dinja jiksbu
sura tagħhom u l-qawwa
spiritwali tagħhom mill-kobor
tal-misteru tal-Fidwa.
Intom u mexjin wara Kristu
mit-triq “id-dejqa”,
tħossu b’mod tassew speċjali
kemm tassew il-Mulej “il-fidwa
għandu bil-kotra”.
2. Għalhekk, issa li s-Sena
Mqaddsa qiegħda toqrob lejn
it-tmiem tagħha, nixtieq
inkellem lilkom ir-reliġjużi
kollha, nisa u rġiel, sew jekk
intom mogħtijin għall-ħajja
kollha kemm hi ta’
kontemplazzjoni u sew jekk intom
medhijin b’ħafna ħidmiet
tal-appostolat. Dan ġa għamiltu
f’ħafna postijiet u f’ħafna
okkażjonijiet, jiena u nwettaq u
nkompli nsaħħah it-tagħlim
tal-Evanġelju li nsibu
fit-tradizzjoni kollha
tal-Knisja, u l-aktar
fil-Maġisteru tal-aħħar
Konċilju, mill-kostituzzjoni
dommatika “Lumen gentium”
sad-digriet “Perfectae
charitatis”, fid-dawl ta’ dak li
hemm fl-eżortazzjoni appostolika
tal-Papa Pawlu VI, li tibda
bil-kelmiet “Evangelica
testificatio”. Il-Kodiċi
tal-liġi tal-Knisja li għadu
kemm beda jorbot, u li b’xi mod
nistgħu nqisuh bħala l-aħħar
dokument tal-Konċilju, jagħti
lilkom ilkoll għajnuna
mill-aħjar u jmexxikom b’mod
żgur, għax jurikom liema huma
verament dawk il-mezzi li
teħtieġu biex taqdu bir-reqqa
kollha u bil-qalb kollha s-sejħa
tagħkom fi ħdan il-Knisja.
Insellem,
bl-imħabba ta’ isqof ta’ Ruma u
ta’ suċċessur ta’ San Pietru
għall-ħidma tagħkom, lilkom li
għandkom il-komunitajiet tagħkom
marbutin b’mod hekk singulari
miegħi bħala isqof ta’ Ruma u
suċċessur ta’ San Pietru. Minn
din il-knisja ta’ Ruma jasal
għandkom, dejjem jidwi, leħen
San Pawl: “għarrastkom
lil għarus wieħed, bħallikieku
kontu xebba safja biex
inressaqkom quddiem Kristu”.
Il-Knisja, li, wara l-Appostli,
irċeviet it-teżor tal-egħrusija
mal-Għarus divin, tħares
b’imħabba liema bħalha lejn dawk
l-ulied kollha tagħha, irġiel u
nisa, li, bil-professjoni
tal-kunsilli evanġeliċi,
permezz tal-medjazzjoni tagħha,
daħlu f’patt mill-aqwa
mal-Feddej tad-dinja. Ilqgħu
mela din il-kelma tas-Sena
tal-Ġublew tal-Fidwa, bħala
kelma ta’ mħabba li l-Knisja
qiegħda tgħidilkom. Ilqgħuha,
tinsabu fejn tinsabu;
fil-klawsura tal-komunitajiet
kontemplattivi jew fil-ħidmiet
ta’ kull sura li għalihom tidħlu
fil-qadi tal-appostolat tagħkom:
fil-missjonijiet, fil-ħidma
pastorali, fl-isptarijiet u
f’postijiet oħra, fejn taqdu
bl-imħabba li min qiegħed ibati,
fl-istituti tal-edukazzjoni,
fl-iskejjel u fl-universitajiet
u fl-aħħarnett fid-djar kollha
tagħkom fejn “tinsabu miġburin”
u tħossu li “l-Mulej jinsab
f’nofskom”.
Il-kliem kollu mħabba tal-Knisja
li qiegħed inwasslilkom f’dan
il-Ġublew tal-Fidwa, ħa
jtennilkom dak il-kliem kollu
mħabba li Kristu stess qal lil
kull wieħed u waħda minnkom
meta, b’mod misterjuż, qalilkom:
“Ejja, imxi warajja”,
kliem li kien il-bidu tas-sejħa
tagħkom fil-Knisja.
II - IL-VOKAZZJONI
“Ġesù xeħet fuqu ħarsa ta’
mħabba”
3. “Ġesù
xeħet fuqu ħarsa ta’ mħabba”,
u qallu: “Jekk trid tkun
perfett, mur biegħ il-ġid li
għandek, agħtih lill-foqra u
jkollok teżor fis-sema, imbagħad
ejja u imxi warajja”.
Għalkemm nafu li dan il-kliem li
Ġesù qal lil wieħed żagħżugħ
għani ma ġiex milqugħ,
madankollu dak li fih dan
il-kliem jistħoqqlu li naħsbu
fuqu bil-għaqal kollu; dan
għaliex dan il-kliem ta’ Ġesù
jurina x’inhi l-vokazzjoni fiha
nfisha. “Ġesù xeħet fuqu ħarsa
ta’ mħabba...” Din hi l-imħabba
tal-Feddej, ħierġa mill-kobor
kollu tal-Fidwa
tal-Bniedem-Alla. Fiha tidher
l-imħabba ta’ dejjem ta’ Alla
l-Missier li “hekk ħabb
id-dinja li ta lil Ibnu
l-waħdieni biex kull min jemmen
fih ikollu l-ħajja ta’ dejjem”.
L-Iben, imqanqal minn din
l-imħabba, aċċetta l-missjoni li
fdalu l-Missier fl-Ispirtu
s-Santu, u sar il-Feddej
tad-dinja. L-Appostli ta’
Kristu jitkellmu fuq dan
il-prezz tal-Fidwa b’ħeġġa ta’
qalb liema bħala: “...kontu
mifdija...mhux b’xi ħaġa li
tintemm bħalma hi l-fidda jew
id-deheb, imma bid-demm għażiż
ta’ Kristu, li kien bħal ħaruf
bla ħtija u bla tebgħa...”, kif
kiteb San Pietru.
U San Pawl igħid: “Bil-għoli
kontu mixtrija!”
Is-sejħa
għall-mixi fit-triq tal-kunsilli
evanġeliċi għandha l-bidu tagħha
meta r-ruħ tiltaqa’
mal-imħabba ta’ Kristu, li
hi mħabba li tifdi. Kristu
jsejjaħ permezz ta’ din
l-imħabba li tifdi.
Fil-vokazzjoni din il-laqgħa
mal-imħabba ta’ Kristu hi ħaġa
kollha kemm hi personali. Meta
Kristu “xeħet fuqkom ħarsa ta’
mħabba” u sejħilkom, għeżież
reliġjużi, irġiel u nisa,
l-imħabba tiegħu ta’ fidwa
kienet għal persuna determinata
u kellha sura ta’ mħabba ta’
egħrusija, jiġifieri
kienet imħabba ta’ għażla.
Imħabba bħal din tħaddan
il-persuna li tkun kollha kemm
hi, fir-ruħ u l-ġisem, hi
x’inhi, raġel jew mara, u
tħaddanha fil-“jien” tagħha,
il-“jien” li ma hu ta’ ħadd
aktar ħlief tagħha. Kristu li
minn dejjem ta lilu nnifsu
lill-Missier, “jagħti” lilu
nnifsu lilna fil-misteru
tal-Fidwa, u hu stess isejjaħ
lill-bniedem biex hu wkoll
jagħti lilu nnifsu għal xi
ministeru speċjali fl-opra
tal-Fidwa, billi jingħaqad ma’
xi komunità, magħrufa u
approvata mill-Knisja. U ma’
din is-sejħa żgur jaqbel kliem
San Pawl li jgħid: “Ma tafux li
ġisimkom hu tempju tal-Ispirtu
s-Santu...ma tafux li intom
m’intomx tagħkom infuskom?
Bil-għoli kontu mixtrija!”
Hekk hu. L-imħabba ta’ Kristu
laħqet lil kull wieħed u waħda
minnkom, egħżież ħuti, bl-istess
“prezz” tal-Fidwa. U hekk
għaraftu li mintomx aktar
“tagħkom infuskom” imma tiegħu,
ta’ Kristu. Dan l-għarfien ġdid
ġej mill-“ħarsa ta’ mħabba” li
Kristu xeħet fuqhom, fil-fond
ta’ qalbhom. U intom mortu wara
Dak li xeħet ħarstu fuqkom, u
għażiltu lil Dak li għażilkom
minn qabel u sejħilkom bil-qawwa
bla qies tal-imħabba tiegħu li
tifdi. Meta sejħilkom
“b’isimkom” is-sejħa tagħkom
kienet stedina magħmula lil
bniedem ħieles, stedina
lil-libertà
tal-bniedem.
Kristu qal: “Jekk trid...” Dan
juri li t-tweġiba għal din
is-sejħa kienet tiddependi
mill-għażla ħielsa tagħkom.
Meta qbadtu t-triq li hu
wriekom, għażiltu lil Ġesù
Nazzarenu, il-Feddej tad-dinja.
“Jekk trid tkun perfett...”
4. Din
it-triq tissejjaħ it-triq
tal-perfezzjoni. Kristu, hu
u jitkellem maż-żagħżugħ,
qallu: “Jekk trid tkun
perfett...”; mela l-ideja ta’
“triq tal-perfezzjoni” hija
ideja biblika, tinsab
fl-Iskrittura. Imbagħad, ma
nisimgħux fid-diskors li l-Mulej
għamel fuq il-għolja: “Kunu mela
perfetti bħalma hu perfett
Missierkom li hu fis-smewwiet”?
Is-sejħa tal-bniedem
għall-perfezzjoni,
b’xi mod għarfuha n-nies
tal-qedem li kienu medhijin
jaħsbu fuq id-dinja madwarhom
jew igħallmu kif wieħed għandu
jgħix sewwa; u għarfuha mbagħad
ukoll nies oħra tul iż-żminijiet
kollha tal-ġrajja tal-bniedem.
Iżda fis-sejħa li nsibu
fl-Iskrittura hemm nota tassew
singulari: din is-sejħa
għall-perfezzjoni mill-bniedem
titlob ħaġa tassew kbira;
titolbu li jkun jixbah lil Alla.
Minħabba dan, din is-sejħa
taqbel għal kollox ma’ dak li hi
fiha nfisha r-Rivelazzjoni, li
tgħidilna li l-bniedem kien
maħluq sura xbieha ta’
Alla. Mela wieħed għandu
jfittex dik il-perfezzjoni li
tkun taqbel ma’ din is-sura
xbieha ta’ Alla. Hu għalhekk li
San Pawl fl-ittra lill-Efesin
kiteb: “Kunu mela tixbhu lil
Alla, bħala wlied maħbuba u imxu
fl-imħabba bħalma Kristu wkoll
ħabb lilna u ta lilu nnifsu
għalina, offerta u sagrifiċċju
jfuħu quddiem Alla”.
Mela
l-istedina għall-perfezzjoni hi
parti essenzjali tal-vokazzjoni
nisranija. Fid-dawl ta’ din
il-vokazzjoni nisranija għandna
nifhmu l-kliem li Ġesù qal
liż-żagħżugħ tal-Evanġelju: dan
il-kliem hu marbut b’mod
speċjali mal-misteru tal-Fidwa
tal-bniedem fid-dinja. Il-Fidwa
tagħti lura lil Alla ħolqien
imħassar mid-dnub, hi u turi
x’inhi l-perfezzjoni li, skont
il-ħsieb u l-fehma t’Alla,
għandu jkollu l-ħolqien kollu u,
b’mod speċjali, il-bniedem.
Jeħtieġ li fuq kollox il-bniedem
jagħti lilu nnifsu u jerġa’
jingħata lil Alla jekk irid
jerġa’ jingħata lilu nnifsu
kollu kemm hu.
Għalhekk l-istedina ta’ dejjem:
“Erġa lura lejja, għax jiena
fdejtek”.
Kliem Kristu: “Jekk trid tkun
perfett, mur bigħ il-ġid li
għandek, agħtih lill-foqra” żgur
iwassalna fil-qasam tal-faqar
tal-kunsilli evanġeliċi, li hu
parti essenzjali tas-sejħa u
tal-professjoni reliġjuża.
Fl-istess ħin, dan il-kliem
wieħed jista’ jifhmu b’mod aktar
wiesgħa u, b’xi mod, essenzjali
wkoll. L-Imgħallem ta’ Nazaret,
huwa u jkellem liż-żagħżugħ,
stiednu jiċħad is-sura
ta’ ħajja li kien qiegħed igħix,
sura ta’ ħajja li fiha l-aqwa hu
li hi wieħed ikollu xi
ħaġa; stiednu biex flok din
is-sura ta’ ħajja jaċċetta
sura oħra ta’ ħajja li tqis
bħala l-qofol tagħha s-siwi
tal-persuna tal-bniedem:
jiġifieri li persuna kif inhi
fiha nfisha, bit-“traxxendenza”
li hi proprja tagħha.
Jekk nifhmu kliem Kristu b’dan
il-mod, ikun għalina qisu sfond
tassew wiesgħa li fuqu jiddi
l-ideal tal-faqar evanġeliku, u
l-aktar ta’ dak il-faqar li,
bħala kunsill evanġeliku, hu
ħaġa essenzjali għaż-żwieġ
mistiku tagħkom mal-Għarus divin
tal-Knisja. Jekk nifhmu kliem
Kristu fid-dawl tal-prinċipju li
jiswa aktar li “tkun” minn li
“jkollok” l-aktar meta dan
nifhmuh f’sens materjali u
utilitarju, naslu għall-pedament
fil-bniedem tal-vokazzjoni
skont l-Evanġelju. Meta nqisu
l-progress taċ-ċiviltà llum, u
nagħarfu dan, dan ikun jiswa
ħafna għal żminijietna.
Għalhekk l-istess sejħa
għat-“triq tal-perfezzjoni” kif
jagħmilha Kristu, tiswa ħafna
għal żminijietna. Il-bniedem li
jgħix fiċ-ċivilità tal-infiq bla
razan, fiċ-ċiviltà konsumistika,
meta b’sogħba jintebaħ kemm
qiegħed jonqoslu l-“jien” tiegħu
– u dan minħabba l-kotra ta’
kull sura li “għandu” – lest li
jaċċetta aktar malajr il-verità
ta’ din is-sejħa li tul
iż-żminijiet kollha tħabbret
fl-Evanġelju. Iva,
il-vokazzjoni li intom, ħuti
egħżież, ilqajtu meta qbadtu
t-triq tal-perfezzjoni
reliġjuża, tasal sal-egħruq
tan-natura tal-bniedem,
sal-fond tad-destin tiegħu f’din
id-dinja. L-istat ta’
perfezzjoni evanġelika lilkom ma
jqaċċatkomx minn dawn l-egħruq.
Anzi permezz ta’ dan l-istat
ta’ perfezzjoni tissaħħu aktar
f’dak li bih il-bniedem hu
bniedem, tissaħħu aktar
fin-natura tagħkom ta’ bnedmin,
għaliex f’din in-natura, li hi
b’tant suriet imtaqqla mid-dnub,
intom titfgħu l-ħmira
tal-misteru tal-Fidwa
tal-Bniedem-Alla.
“Ikollok teżor fis-sema”
5.
Il-vokazzjoni għandha magħha
tweġiba għall-mistoqsija:
Għalfejn tkun bniedem? Kif tkun
bniedem? Din it-tweġiba
tagħti sura ġdida lill-ħajja u
turi t-tifsir sħiħ tagħha. U
dan it-tifsir joħroġ minn dak
il-ħsieb li nsibu fl-Evanġelju u
li jmur kontra l-fehma tal-kotra
tan-nies, li min irid isalva
ħajtu jitlifha, u min jitlef
ħajtu għal Kristu u
għall-Evanġelju jsalvaha, kif
insibu miktub fl-Evanġelju ta’
S. Mark.
Meta nqisu
dan il-kliem, jidher tassew ċar
kliem Kristu: “Mur, bigħ il-ġid
li għandek, agħtih lill-foqra u
jkollok teżor fis-sema, u
mbagħad ejja, imxi warajja”.
Hemm rabta liema bħalha bejn
il-kelma “Mur” u l-kliem ta’
wara: “Ejja, imxi warajja”.
Nistgħu ngħidu li dawn l-aħħar
kelmiet juru x’inhu l-qofol
tal-vokazzjoni: għax
il-vokazzjoni hi li timxi wara
Kristu (sequere me
bil-Latin, u minn hawn il-frażi
sequela Christi).
Il-kliem: “Mur... bigħ...
agħti...”, li jiġu qabel
is-sejħa: “Ejja, imxi warajja”,
juru x’inhu meħtieġ li jsir biex
isseħħ il-vokazzjoni.
Madankolluu dawn
il-kondizzjonijiet mhumiex xi
ħaġa li “ma għandhomx x’jaqsmu”
mal-vokazzjoni, imma huma “parti
minnha”. Dan għaliex il-bniedem
jikseb fehma ġdida tan-natura
tiegħu ta’ bniedem li hu, mhux
biss biex “imur” wara Ġesù, imma
wkoll “għaliex” imur wara Ġesù.
Meta “jbigħ dak li għandu” u
“jagħtih lill-foqra”, ikun
qiegħed juri li dik il-kotra ta’
ġid li kellu ma kienx xi teżor
li jorbot qalbu miegħu;
it-teżor tiegħu hu f’qalbu,
hu li mingħand Kristu kiseb
is-setgħa li “jingħata”
lill-oħrajn billi jagħti lilu
nnifsu kollu kemm hu. Għani
hu mhux min “għandu” imma min
“jagħti”, min għandu l-ħila li
jagħti.
U hawn
il-paradoss tal-Evanġelju jikseb
tifsir speċjali. Isir programm
ta’ kif “jien”: “jien” fqir,
skont it-tifsira mogħtija
mill-Imgħallem ta’ Nazaret
lill-“jien”, ifisser l-istess
bħallikieku jien il-ġid inqassmu
ta’ bniedem li jien; ifisser
daqs li kieku sibt
“it-teżor”. U dan it-teżor
ma jintemm qatt, għax
igħaddi mal-bniedem fil-ħajja
ta’ dejjem; hu parti
mill-“eskatoloġija divina”
tal-bniedem, jiġifieri b’dan
it-teżor il-bniedem jikseb
f’Alla xorti li ma tintemm qatt,
u ma tinbidel qatt. Kristu qal:
“Ikollok teżor fis-sema”. Dan
it-teżor hu mhux biss “premju”,
wara l-mewt, ta’ kull ma wieħed
ikun għamel fuq l-eżempju
tal-Imgħallem divin, imma hu fuq
kollox it-tmiem eskatoloġiku,
jiġifieri fl-aħħar
taż-żminijiet int ittemm il-ġid
kollu ta’ egħmilek
fuq din l-art, ġid li kien moħbi
fit-“teżor” tal-fond ta’
qalbek. Kristu stess,
fid-diskors tiegħu fuq
il-muntanja,
kien ħeġġeġ li naħżnu teżori
fis-sema, u żied igħid li “fejn
hemm it-teżor tiegħek, hemm
tinsab qalbek”.
Dan il-kliem ifisser in-natura
eskatoloġika tal-vokazzjoni
nisranija, u aktar u aktar
ifisser in-natura eskatoloġika
tal-vokazzjoni għall-egħrusija
spiritwali ma’ Kristu permezz
tal-ħarsien tal-kunsilli
evanġeliċi.
L-istruttura ta’ din
il-vokazzjoni,
kif narawha fil-kliem li ntqal
liż-żagħżugħ skont l-Evanġelji
sinottiċi,
tidher bil-mod il-mod dejjem
aktar ċara għalina, aktar ma
nagħarfu x’inhu t-teżor
li għandna aħna l-bnedmin bħala
bnedmin fid-dawl ta’ dak
it-“teżor” li l-bniedem “għandu
fis-sema”. F’dan id-dawl
it-teżor li għandi bħala bniedem
li jien, hu l-istess bħallikieku
jiena “jien”, jiena u nagħti
lili nnifsi. F’vokazzjoni bħal
din, il-persuna li għaliha
wieħed jagħti lilu nnifsu hi
l-persuna ħajja ta’ Ġesù Kristu.
Is-sejħa biex wieħed jibda miexi
fit-triq tal-perfezzjoni tieħu
s-sura tagħha minn Kristu u għal
Kristu fl-Ispirtu s-Santu,
u, lil nies dejjem ġodda, irġiel
u nisa, f’kull żmien ta’
ħajjithom, imma l-aktar
f’żogħżithom, “tgħallimhom” kull
ma Kristu “qal”,
u b’mod speċjali kull ma Kristu
“qal” liż-żagħżugħ li staqsih:
“Mgħallem x’tajjeb għandi
nagħmel biex nikseb il-ħajja ta’
dejjem?”
Permezz tat-tweġiba li Kristu
jagħti lil min fuqu “xeħet ħarsa
ta’ mħabba”, il-ħmira qawwija
tal-misteru tal-Fidwa
tidħol fil-qalb, fil-kuxjenza u
fir-rieda ta’ dak li jkun u li
qiegħed ifittex bis-sinċerità u
l-verità.
B’dan
il-mod is-sejħa biex wieħed
jibda miexi fit-triq
tal-kunsilli evanġeliċi, dejjem
tiġi mingħand Alla: “Mhux intom
għażiltu lili, imma jien għażilt
lilkom u ħtartkom biex tmorru u
tagħmlu l-frott u l-frott
tagħkom jibqa’.”
Il-vokazzjoni li biha l-bniedem
jagħraf x’inhi fil-milja tagħha
l-liġi evangelika li twasslek
biex tagħti lilek innifsek u li
tinsab minquxa fl-istess natura
tal-bniedem, hija fiha nfisha
don! Hija don li fih
innifsu hu mimli b’dak kollu li
hu l-aktar għoli fl-Evanġelju,
don li fih jiddi l-kobor
tal-misteru tal-Fidwa tad-dinja
mill-Bniedem-Alla: “Hawn
qiegħdha l-imħabba: mhux għax
aħna ħabbejna lil Alla, imma
għax ħabbna hu u bagħat lil Ibnu
biex ikun ta’ tpattija ghal
dnubietna”.
III - KONSAGRAZZJONI
Il-professjoni reliġjuża hi
“espressjoni aktar perfetta”
tal-konsagrazzjoni lil Alla li
sseħħ fil-Magħmudija.
7. Il-vokazzjoni wasslitkom
għall-perfezzjoni reliġjuża, li
biha intom ġejtu konsagrati lil
Alla permezz tal-ministeru
tal-Knisja u hekk sirtu membri
tal-familja reliġjuża tagħkom.
Hu għalhekk li l-Knisja qabel
kollox tqiskom nies
“ikkonsagrati”: konsagrati
lil Alla f’Ġesù
Kristu
biex tkun tiegħu biss. Din
il-konsagrazzjoni turi x’inhu
l-post tagħkom fil-komunità
kollha tal-Knisja, tal-Poplu ta’
Alla. Fl-istess ħin din
il-konsagrazzjoni tagħkom hi
għajn speċjali ta’ qawwa
spiritwali u sopranaturali
għall-missjoni universali
tal-Poplu ta’ Alla: hi sura
speċjali ta’ ħajja ta’ xhieda u
ta’ appostolat, fil-ħarsien
bil-fedeltà kollha, tal-missjoni
speċjali, ta’ l-identità u
tal-wirt spiritwali tal-Istituti
partikulari tagħkom.
Il-missjoni universali tal-Poplu
ta’ Alla għandha l-egħruq tagħha
fil-missjoni messjanika ta’
Kristu stess, il-Profeta,
il-Qassis, u s-Sultan; missjoni
li fiha kulħadd, b’mod jew
ieħor, għandu sehem. Il-mod
kif jissieħbu f’din il-missjoni
dawk li huma “ikkonsagrati” lil
Alla, hu l-mod kif huma jagħmlu
l-egħruq tagħhom fi Kristu.
Kemm huma qawwija u kemm huma
fil-fond l-egħruq tagħkom fi
Kristu turih il-professjoni
reliġjuża tagħkom.
Il-professjoni reliġjuża toħloq
rabta ġdida tal-bniedem ma’ Alla
Wieħed fi tliet Persuni, fi
Kristu. Din ir-rabta timbena
fuq il-pedament ta’ dik
ir-rabta ma’ Alla li
seħħet fina fil-bidu
bis-Sagrament tal-Magħmudija.
Il-professjoni reliġjuża
“għandha l-egħruq tagħha
fil-konsagrazzjoni li sseħħ
fil-Magħmudija, u tfissirha
aħjar”.
B’dan il-mod, il-professjoni
reliġjuża, meta ssir, tkun
konsagrazzjoni ġdida: hi
konsagrazzjoni u offerta
tal-bniedem lil Alla, maħbub ’il
fuq minn kollox. L-impenn li
tidħlu għalih bil-voti tagħkom,
li tħarsu l-kunsilli evanġeliċi
tas-safa, tal-faqar u
tal-obbedjenza skont
ir-regolamenti proprji
tal-familja reliġjuża ta’ kull
wieħed u waħda minnkom, kif huma
mfissrin fil-kostituzzjonijiet
tagħkom, ifisser li intom
ikkonsagrajtu ruħkom lil Alla
kollkom kemm intom. Fl-istess
ħin dan l-impennn huwa l-mezz li
bih twettqu din
il-konsagrazzjoni tagħkom. Minn
din il-konsagrazzjoni tieħu
s-sura proprja tagħha x-xhieda
li jagħtu dawk li huma
ikkonsagrati lil Alla u jieħu
s-sura wkoll l-appostolat li
jagħmlu. Iżda l-bidu ta’ din
il-konsagrazzjoni li intom
tagħmlu minn rajkom u b’fehma
sħiħa, u l-offerta tagħkom
infuskom lil Alla biex
tkunu tiegħu biss, li
tiġi minnha, għandna
nfittxuh fil-Magħmudija, li hi
s-sagrament li jdaħħalna
fil-misteru tal-Għid, u li hi
l-qofol u ċ-ċentru tal-Fidwa li
kisbilna Kristu.
Għalhekk,
jekk irridu naraw fid-dawl kollu
tagħha skont il-verità x’inhi
l-professjoni reliġjuża, tajjeb
li niftakru fil-kliem kollu
ħeġġa li kiteb San Pawl fl-Ittra
lir-Rumani: “Ma tafux li
aħna li tgħammidna fi
Kristu, tgħammidna
fil-mewt tiegħu? Indfinna
miegħu fil-mewt permezz
tal-Magħmudija sabiex kif
Kristu... hekk aħna ngħixu ħajja
ġdida”;
“il-bniedem qadim tagħna ssallab
... sabiex ma nkunux aktar
ilsiera tad-dnub”;
“hekk ukoll intom għandkom tqisu
lilkom infuskom mejtin
għad-dnub, iżda ħajja għal Alla
fi Kristu Ġesù”.
Il-professjoni reliġjuża –
bil-qawwa tas-sagrament
tal-Magħmudija li fih għandha
l-egħruq tagħha – hija “dfin
mill-ġdid fil-mewt ta’ Kristu”
hija dfin ġdid għaliex hi għażla
magħmula b’fehma sħiħa, għaliex
ġejja mill-imħabba u
l-vokazzjoni, għaliex hija
“konverzjoni” dejjem sejra. Dan
“id-dfin fil-mewt” iwassal biex
il-bniedem “midfun ma’ Kristu”,
bħal Kristu, igħix
ħajja ġdida. Fi Kristu
msallab għandhom fl-aħħar
mill-aħħar is-sisien tagħhom
kemm il-konsagrazzjoni li sseħħ
fil-Magħmudija u kemm
il-professjoni tal-kunsilli
evanġeliċi, li skont il-Konċilju
Vatikan II, “hi konsagrazzjoni
speċjali”. Hi mewt u ħelsien.
Igħid San Pawl: “Qiesu lilkom
infuskom mejtin għad-dnub”; iżda
fl-istess ħin din il-mewt
isejħilha “ħelsien mill-jasar
tad-dnub”. Iżda
l-konsagrazzjoni reliġjuża,
mibnija fuq il-pedament
tas-sagrament tal-Magħmudija, hi
fuq kollox ħajja ġdida “għal
Alla fi Kristu Ġesù”.
U hekk,
flimkien mal-professjoni
tal-kunsilli evanġeliċi, b’mod
aktar matur u b’fehma aktar
sħiħa, ninżgħu l-bniedem
il-qadim u bl-istess mod
nilbsu l-bniedem il-ġdid
“maħluq skont Alla fil-ġustizzja
u l-qdusija ġejja mill-verità”,
biex mill-ġdid nużaw il-kliem
tal-ittra lill-Efesin.
Il-patt tal-imħabba
tal-egħrusija
8. Għalhekk, egħżież ħuti,
intom ilkoll li fil-Knisja
kollha qegħdin tgħixu l-patt li
seħħ bil-professjoni
tal-kunsilli evanġeliċi, f’din
is-Sena Mqaddsa tal-Fidwa,
għarfu mill-ġdid li intom
imseħbin bil-mod speċjali
tagħkom fil-mewt tal-Feddej
fuq is-Salib; bil-qawwa ta’ dan
it-tisħib intom qomtu ma’
Kristu u bla heda miegħu tqumu
biex tgħixu ħajja ġdida.
Il-Mulej ikellem lil kull wieħed
u waħda minnkom, kif darba
tkellem permezz tal-profeta
Isaija:
“La tibżax, għax
jiena fdejtek,
sejjaħtlek
b’ismek:
inti tiegħi”.
L-istedina
tal-Evanġelju: “Jekk trid tkun
pefett... ejja imxi warajja”
tmexxina bid-dawl tal-kliem
tal-Imgħallem divin. Mill-milja
tal-Fidwa tiġi s-sejħa ta’
Kristu u minn din il-milja tasal
fil-qalb tal-bniedem;
bil-qawwa tal-grazzja tal-Fidwa
din is-sejħa ta’ salvazzjoni,
fil-qalb dak li jkun imsejjaħ,
tilbes is-sura tal-professjoni
tal-kunsilli evanġeliċi. Hi
f’din is-sura ta’ professjoni li
tinsab it-tweġiba li intom
tagħtu għas-sejħa tal-imħabba li
tifdi – tweġiba kollha mħabba:
imħabba ta’ offerta tiegħek
innifsek, li hi l-qofol
tal-konsagrazzjoni,
jiġifieri tal-konsagrazzjoni
tiegħek innifsek.
Kliem il-profesta Isaija: “Jiena
fdejtik... inti tiegħi”, jidher
li jwettaq din l-imħabba, li hi
mħabba ta’ konsagrazzjoni sħiħa
lil Alla u lil Alla biss.
B’dan
il-mod isseħħ rabta speċjali
ta’ mħabba ta’ egħrusija li
bla heda fiha jinstema’ mtenni
l-kliem tal-profeta Isaija għal
Israel, li Alla għażel biex
“ikun il-poplu tiegħu”.
Dan għaliex f’kull persuna
ikkonsagrata lil Alla issir
l-għażla ta’ “Israel” tal-Patt
il-ġdid u għal dejjem. Il-poplu
Messjaniku kollu, jiġifieri
l-Knisja universali tingħażel
f’kull bniedem li Alla
jagħżel għalih minn ħdan dan
il-poplu, f’kull bniedem – u
nerġa’ ntennih – li jikkonsagra
lilu nnifsu għal kulħadd
lil Alla biex ikun ta Alla
biss. Ħadd, l-anqas il-bniedem
l-aktar qaddis, ma jista’ jgħid
għalih kliem Kristu: “Jien
minħabba fihom nikkonsagra lili
nnifsi”,
meta nqisu l-qawwa li għandu dan
il-kliem għall-Fidwa; iżda, kull
bniedem bil-fidi tiegħu, jista’
jqis dan il-kliem igħodd għalih,
jekk joffri lilu nnifsu lil Alla
biex ikun ta’ Alla biss.
Mhux għal
dan iħeġġiġna kliem l-Appostlu
San Pawl li nsibu fl-ittra
tiegħu lir-Rumani, li spiss
intennu u spiss nimmeditaw
fuqhom: “Nitlobkom, ħuti,
għall-ħniena ta’ Alla, offru
ġisimkom b’sagrifiċċju ħaj,
qaddis, jogħġob lil Alla:
il-kult spirtwali tagħkom”?
F’dan il-kliem qisu jinstema’
mtenni mill-bogħod il-kliem li
Dak li huwa u dieħel fid-dinja
ħa jkun bniedem bħalna, qal
lill-Missier: “Ġisem int
ħejjejt għalija... Hawn jien
ġejt biex nagħmel ir-rieda
tiegħek, o Alla”.
F’dan iż-żmien speċjali tas-Sena
Mqaddsa tal-Fidwa, tajjeb li
niftakru fil-misteru tal-ġisem u
r-ruħ ta’ Kristu bħala dak li
minnu ġejja kollha kemm hi
l-imħabba tal-egħrusija u
tal-fidwa: mħabba ta’ egħrusija
għax imħabba ta’ fidwa.
Imqanqal mill-imħabba
Kristu offra lilu nnifsu, u
mmexxi mill-imħabba ta ġismu
“għad-dnub tad-dinja”. Intom u
tidħlu fil-fond tal-misteru
tal-fidwa permezz
tal-konsagrazzjoni tagħkom
bil-voti reliġjużi, intom
bl-imħabba li waslitkom li
tagħtu lilkom infuskom kollkom
kemm intom, tridu timtlew
f’ruħkom u ġisimkom b’dak
l-ispirtu ta’ sagrifiċċju li
għalih iħeġġiġkom l-Appostlu San
Pawl bil-kliem li għadna kemm
semmejna: “Offru ġisimkom
b’sagrifiċċju ħaj”.
B’dan il-mod fil-professjoni
reliġjuża naraw xebħ ma’ dik
l-imħabba li fil-Qalb ta’
Kristu hi mħabba li
fl-istess ħin tifdi u tgħarras
ukoll. Din l-imħabba, f’kull
wieħed u waħda minnkom, għeżież
ħuti, jeħtieġ tiġi mill-bidu
stess ta’ dik il-konsagrazzjoni
speċjali tagħkom li għandha
l-pedament tagħha fis-sagrament
tal-Magħmudija u li hi l-bidu
tal-ħajja ġdida tagħkom fi
Kristu u fil-Knisja: hi l-bidu
ta’ ħolqien ġdid.
Jalla kull wieħed u waħda
minnkom jagħraf dejjem aktar,
flimkien ma’ din l-imħabba,
il-ferħ li jiġi milli
tkunu ta’ Alla biss, milli
tkunu l-wirt speċjali
tat-Trinità qaddisa, il-Missier,
u l-Iben u l-Ispirtu s-Santu.
Tennu xi kultant il-kliem
ispirat minn Alla tas-salmista:
“Lil
min għandi fis-sema ħliefek?
Bik miegħi fuq l-art
xejn ma jonqosni.
Qegħdin jinfnew
ġismi u qalbi:
Alla
l-qawwa ta’ qalbi u sehmi għal
dejjem”.
Jew dan il-kliem:
“Jien għidt lill-Mulej: Int
Sidi;
M’għandix ġid
ieħor ħliefek...
Mulej, int is-sehem
tal-wirt u tar-riżq tiegħi:
int iżżomm
f’idejk xortija”.
Jalla
dejjem tagħarfu li intom ta’
Alla f’Ġesù Kristu, Feddej
tad-dinja u Għarus tal-Knisja,
u dan ikun siġill
f’qalbkom,
fi ħsibijietkom, fi kliemkom u
f’egħmilkom, jiġifieri s-siġill
li bih tingħaraf l-għarus
tal-Bibbja. Dan l-għarfien
għoli u sħiħ ta’ Kristu, kollu
ħeġġa, iseħħ, kif tafu, u dejjem
aktar iseħħ, minn jum
għall-ieħor, permezz ta’ ħajja
ta’ talb personali, komunitarju
u liturġiku, li hi l-ħajja
proprja tal-familji reliġjużi
tagħkom. B’dan il-mod ukoll, u
l-aktar dawk ir-reliġjużi,
irġiel u nisa, li huma mogħtijin
għall-ħajja kontemplattiva,
igħinu u jħeġġu lil ħuthom
l-oħra lii huma mogħtijin
għall-ħidma tal-appostolat.
Jalla tagħarfu li intom ta’
Kristu biex qlubkom,
ħsibijietkom, u l-egħmil kollu
tagħkom, tiftħuhom bil-muftieħ
tal-misteru tal-Fidwa,
għat-tbatijiet kollha,
għall-ħtiġijiet kollha, għal
kull tama tal-bnedmin u
tad-dinja, fejn
il-konsagrazzjoni tagħkom hi
sinjal tal-preżenza ta’ Alla “li
għalih kulħadd igħix”
u li intom tħaddnu
fid-dimensjoni tas-Saltna tiegħu
li ma tidhirx.
Il-kliem:
“Ejja, imxi warajja”, li Kristu
qal li kull wieħed u waħda
minnkom, egħżież ħuti, meta
“xeħet fuqkom ħarsa ta’ mħabba”,
għandu wkoll din it-tifsira: ħa
jkollkom sehem sħiħ u qawwi fit-tiswir
tal-“ħolqien ġdid”
li jeħtieġlu joħroġ mill-fidwa
tad-dinja bil-qawwa tal-Ispirtu
tal-verità, qawwa li tiġi
mill-milja tal-misteru tal-Għid
ta’ Kristu.
IV - IL-KUNSILLI EVANĠELIĊI
Il-pjan tas-salvazzjoni
9.
Bil-professjoni reliġjuża t-triq
tal-kunsilli evanġeliċi tinfetaħ
għal kull wieħed u waħda
minnkom. Fl-Evanġelju nsibu
ħafna eżortazzjonijiet li huma
xi ħaġa aktar minn kmandament,
eżortazzjonijiet li jgħidulna
mhux biss dak li hu “meħtieġ”,
imma wkoll dak li hu “l-aħjar”.
Ta’ din is-sura huma
l-eżortazzjonijiet biex ma
niġġudikawx,
biex ma “nistennewx xi ħaġa
lura” meta nisilfu,
biex nilqgħu x-xewqat u
t-talbiet kollha ta’ għajrna,
biex nistiednu għall-ikel
lill-fqar,
biex naħfru dejjem,
u eżortazzjonijiet oħra bħal
dawn. Iżda, jekk skont
it-tradizzjoni, il-professjoni
tal-kunsilli evanġeliċi tinġabar
fil-ħarsien ta’ tliet ħwejjeġ,
tas-safa, tal-faqar, u
tal-ubbidjenza, dan juri
biżżejjed ċar kemm dawn it-tliet
ħwejjeġ huma elementi importanti
li, b’xi mod, hemm miġbur fihom
il-pjan kollu tas-salvazzjoni.
Kull ħaġa li fl-Evanġelju tidher
bħala kunsill, indirettament
tidħol f’dik is-sura ta’ ħajja
li Kristu jsejjaħ għaliha meta
jgħid: “Ejja, imxi warajja”.
Is-safa, il-faqar u
l-ubbidjenza, jagħtu lil din
is-sura ta’ ħajja sura
“kristoċentrika”, u jħallu fiha
sinjal speċjali tal-pjan kollu
tas-salvazzjoni.
Biex iseħħ
dan il-pjan ta’ salvazzjoni hu
meħtieġ li l-ħolqien kollu
jinbidel fih innifsu permezz
tal-qalb tal-bniedem:
“Il-ħlejjaq kollha qegħdin
jistennew ħerqana r-rivelazzjoni
ta’ wlied Alla...bit-tama li
l-ħlejjaq huma wkoll għad ikunu
meħlusa mill-jasar tat-taħsir u
jiksbu l-ħelsien tal-glorja ta’
wlied Alla”.
Din il-bidla timxi pass pass ma’
dik l-imħabba, li s-sejħa ta’
Kristu ssawwab fil-qalb
tal-bniedem – dik l-imħabba li
hi l-qofol tal-istess
konsagrazzjoni li biha raġel jew
mara jikkonsagraw ruħhom lil
Alla permezz tal-professjoni
reliġjuża, konsagrazzjoni
mibnija fuq is-sisien
tal-konsagrazzjoni li sseħħ
bis-sagrament tal-Magħmudija.
Nistgħu naraw x’inhuma s-sisien
tal-pjan tas-salvazzjoni jekk
naqraw il-kliem tal-ewwel
ittra tal-Appostlu San Ġwann:
“Tħobbux id-dinja u lanqas dak
li hemm fiha. Jekk xi ħadd
iħobb id-dinja, l-imħabba
tal-Missier ma tgħammarx fih.
Kull ma fiha d-dinja jiġifieri
l-ġibda tal-ġisem, u l-ġibda
tal-għajnejn u l-kburija
tal-ħajja, dan mhuwiex ġej
mill-Missier imma mid-dinja. U
d-dinja bil-ġibdiet tagħha
tgħaddi, iżda min jagħmel
ir-rieda ta’ Alla jibqa’ għal
dejjem”.
Fil-qalb
ta’ kull wieħed u waħda minnkom,
egħżież ħuti, il-professjoni
reliġjuħa poġġiet l-imħabba
tal-Missier, dik l-imħabba
li hi fil-Qalb ta’ Ġesù Kristu,
il-Feddej tad-dinja. Din
l-imħabba tħaddan id-dinja u
kull ma hemm fid-dinja li ġej
mingħand il-Missier, u,
fl-istess ħin, tfittex li tirbaħ
dak kollu li “mhuwiex mingħand
il-Missier”. Tfittex għalhekk
tirbaħ it-tliet ġibdiet,
“il-ġibda tal-ġisem”, “il-ġibda
tal-għajnejn”, u “l-kburija
tal-ħajja” li jinsabu fil-qalb
tal-bniedem, bħala l-wirt
tad-dnub tan-nisel, li
minħabba fih, fil-qalb
tal-bniedem, tħassret b’kemm-il
sura r-relazzjoni tiegħu
mad-dinja
maħluqa
minn Alla u mogħtija lilu biex
jaħkem fuqha.
Skont il-pjan tas-salvazzjoni,
il-kunsilli evanġeliċi tas-safa,
tal-faqar u tal-ubbidjenza
huma strumenti mill-aqwa biex
ibiddlu f’qalb il-bniedem
ir-relazzjoni tiegħu
“mad-dinja”, mad-dinja li naraw
b’għajnejna, u mad-dinja
tal-“jien” tagħna li, b’xi mod,
hi parti mid-“dinja” fit-tifsira
li għandha fl-Iskrittura, jekk
fiha għandu dak li “mhuwiex
mingħand il-Missier”.
Fi kliem
l-ittra ta’ San Ġwann, li
għadna kemm semmejna, naraw
malajr l-importanza kbira li
għandhom fil-pjan kollu
tal-Fidwa, it-tliet kunsilli
evanġeliċi. Dan għaliex
is-safa evanġeliku jgħinna
biex fil-ħajja ta’ ruħna nbiddlu
dak kollu li ġej mill-ġibda
tal-ġisem, il-faqar
evanġeliku dan kollu li
joħroġ mill-ġibda tal-għajnejn
waqt li l-ubbidjenza
evanġelika, fl-aħħarnett,
twassalna biex nikkorreġu għal
kollox kull ma jissawwab
fil-qalb tal-bniedem
mill-kburija tal-ħajja. Qegħdin
nitkellmu hawn apposta fuq rebħa
bħala bidla, għaliex il-pjan
kollu tas-salvazzjoni jinsab
kollu kemm hu miġbur fit-talba
saċerdotali li Kristu għamel
lill-Missier: “Ma nitolbokx li
twarrabhom mid-dinja, imma li
tħarishom mill-ħażin”.
Il-kunsilli evanġeliċi, fil-għan
ewlieni tagħhom, iridu jwasslu
“għat-tiġdid tal-ħolqien kollu”:
“id-dinja” trid tiġi maħkuma
mill-bniedem biex dan jagħti
lilu nnifsu perfettament lil
Alla.
Inkunu xejn ma’ Kristu
10. L-għan
fih innifsu tal-kunsilli
evanġeliċi jwassalna biex naraw
ċar sewwa aspetti oħra tar-rabta
kbira li għandhom mal-pjan
tas-salvazzjoni. Nafu li dan
il-pjan jilħaq il-milja tiegħu
fil-misteru tal-Għid tal-Mulej,
li fih hemm magħqudin flimkien
il-mewt li biha Kristu ċekken
lilu nnifsu u l-qawmien
tiegħu mill-imwiet li bih
beda ħajja ġdida. Dawn iż-żewġ
aspetti tal-misteru tal-Għid
jidhru sewwa fil-ħarsien
tal-kunsilli evanġeliċi għaliex
bil-ħarsien tal-kunsilli
evanġeliċi jinqered f’kull
wieħed u waħda minna d-dnub u
kull ma jiġi minnu, u kuljum
nitwieldu mill-ġdid għal dak
li-ġid aqwa li jinsab moħbi
fil-qalb tal-bniedem. Dan
il-ġid juri ruħu bil-ħidma
tal-grazzja u, biex ir-ruħ
twieġeb għaliha b’ħeġġa akbar,
igħin ħafna l-ħarsien tas-safa,
tal-faqar u tal-ubbidjenza.
Il-pjan kollu tal-Fidwa jseħħ
malli r-ruħ tinġibed u titmexxa
mill-ħidma moħbija
tal-Ispirtu s-Santu li minnu
tiġi kull qdusija. F’din
it-triq, egħżież ħuti,
il-professjoni tal-kunsilli
evanġeliċi tiftaħ f’kull wieħed
u waħda minnkom qasam kbir
għall-“ħolqien ġdid”;
dan iseħħ, f’dak li intom bħala
bnedmin, mill-istess pjan
tal-Fidwa, u, permezz ta’ dak li
intom bħala bnedmin, dan
“il-ħolqien ġdid” iseħħ ukoll
fir-relazzjonijiet ta’
bejnietkom u fir-relazzjonijiet
tagħkom fis-soċjetà. Hekk,
fl-istess waqt ukoll, dan
“il-ħolqien ġdid” iseħħ
fil-familja kollha tal-bniedem,
li hi parti mid-dinja maħluqa
minn Alla, dik id-dinja li
l-Missier ħabb mill-ġdid f’Ibnu,
l-Feddej tad-dinja.
Dwar dan
l-Iben, San Pawl igħid li “għad
li kellu n-natura ta’ Alla...xejjen
lilu nnifsu billi ħa
n-natura ta’ lsir, sar jixbaħ
lill-bniedem”.
Issa meta wieħed iħares
il-kunsilli evanġeliċi jkun
ixejjen lilu nnifsu, u din hi
ħaġa kollha kemm hi
“kristoċentrika” jiġifieri
għandha lil Kristu bħala l-qofol
tagħha. Hu għalhekk li
l-Imgħallem ta’ Nazaret igħid
ċar u tond li s-Salib hu
kondizzjoni meħtieġa biex wieħed
jimxi warah: Dak li darba qal
lil kull wieħed u waħda minnkom:
“Ejja imxi warajja”, qal ukoll:
“Jekk xi ħadd irid jiġi warajja,
għandu jiċħad lilu nnifsu,
jerfa’ salibu, u jimxi warajja”.
U dan qalu lil kull min kien
qiegħed jisimgħu, u mhux
lid-dixxipli biss. Għalhekk
il-liġi taċ-ċaħda tiegħek
innifsek hi liġi li għandha
x’taqsam mal-istess natura
tas-sejħa nisranija. Iżda
mbagħad għandha x’taqsam ukoll,
b’mod wisq aktar għoli,
mas-sejħa li hi marbuta
mal-ħarsien tal-kunsilli
evanġeliċi. Għal dawk li jimxu
mit-triq ta’ din il-vokazzjoni,
il-kliem tqil li naqraw fl-Ittra
lill-Filippin jiftiehem
aħjar: “Jiena ngħodd kollox
bħala telf ħdejn il-qligħ kbir
li hemm filli nagħraf lil Kristu
Ġesù Sidi”.
Iċ-ċaħda
tiegħek innifsek – li fiha
jidher il-misteru tal-Kalvarju –
titlob li int “tkun” aktar fi
Kristu, imsallab u rxoxt; din
iċ-ċaħda tiegħek innifsek
tgħinek biex tifhem sal-qiegħ
nett il-misteru tiegħek bħala
bniedem, u twettqek inti u miexi
’l quddiem f’dik li fuqha jikteb
l-Appostlu San Pawl: “imqar jekk
il-bniedem ta’ barra jitħassar,
il-bniedem ta’ ġewwa jiġġedded
minn jum għal jum”.
B’dan il-mod il-pjan
tas-salvazzjoni jwassal il-qawwa
tal-misteru tal-Għid tal-Mulej
għal-livell tal-bniedem, li
jwieġeb għall-istedina ta’
Kristu biex igħix ħajja ta’
safa, faqar u ubbidjenza, skont
il-kunsilli evanġeliċi.
V - SAFA, FAQAR U UBBIDJENZA
Is-safa
11.
Is-sura
li l-misteru tal-Għid jagħti lil
stedina bħal din, narawha,
mill-aspetti kollha tagħha, meta
nqisu wieħed wieħed il-kunsilli
evanġeliċi.
Jeħtieg li
nqisu skont il-qies tal-pjan
tas-salvazzjoni, is-safa li kull
wieħed u waħda minnkom wegħdtu
li tħarsu flimkien mal-faqar u
l-ubbidjenza: F’dan insibu
t-tweġiba għall-kliem Kristu, li
hu, fl-istess ħin, stedina
wkoll: “Hemm ewnuki... li
jsiru hekk minn rajhom
minħabba s-Saltna
tas-Smewwiet”.
Iżda qabel, Kristu qal ċar u
tond: “Mhux kulħadd jifhimha din
il-ħaġa imma dawk li lilhom
jingħata li jifhmuha”.
Dwar dan San Pawl ħaseb ukoll, u
dan għamlu fl-Ittra
lill-Korintin:
Dan il-kunsill igħodd b’mod
speċjali għall-imħabba tal-qalb
tal-bniedem. Waqt li l-faqar u
wisq aktar l-ubbidjenza qishom
jitfgħu dawl akbar fuq l-imħabba
li tifdi li hemm
fil-konsagrazzjoni reliġjuża,
is-safa aktar igħolli ’l fuq l-imħabba
tal-egħrusija. Jidher ċar
li hawn qegħdin nitkellmu fuq
is-safa ta’ dawk li saru ewnuki
“minn rajhom minħabba s-Saltna
tas-Smewwiet”, jiġifieri qegħdin
nitkellmu fuq il-verġinità bħala
xhieda tal-imħabba tal-egħrusija
mal-Feddej innifsu. Dan kien
qiegħed jaħseb San Pawl meta
kiteb: “Min jiżżewweġ ix-xebba
li għandu miegħu jagħmel tajjeb;
min ma jiżżewwiġhiex jagħmel
aħjar”...”Ir-raġel
mhux miżżewweġ, ħsiebu
fil-ħwejjeġ tal-Mulej,
jiġifieri kif jogħġob
lill-Mulej”,
“...il-mara mhix miżżewġa u
x-xebba ħsiebhom fil-ħwejjeġ
tal-Mulej, jiġifieri biex ikunu
qaddisa f’ġisimhom u f’ruħhom”.
Fi kliem Kristu u fi kliem San
Pawl ma nsibu ebda stmerrija
taż-żwieġ. Il-kunsill
evanġeliku tas-safa juri biss
x’qawwa speċjali tikseb qalb
il-bniedem (kemm jekk raġel u
kemm jekk mara) mill-imħabba
tal-egħrusija ta’ Kristu stess,
ta’ Ġesù “il-Mulej”. Min
jagħmel lilu nnifsu ewnuku
“minħabba s-Saltna tas-Smewwiet”
mhux biss minn rajh jiċħad
għaż-żwieġ u għall-ħajja
tal-familja, imma jagħmel
għażla karismatika: jagħżel
lil Kristu bħala l-Għarus tiegħu
biss. Din l-għażla ma twassalx
biss biex wieħed b’mod speċjali,
ikun “ħsiebu fil-ħwejjeġ
tal-Mulej”, iżda, għaliex
l-għażla tkun saret “minħabba
s-Saltna tas-Smewwiet”, din
l-għażla tqarreb is-Saltna ta’
Alla tal-aħħar taż-żmien –
is-Saltna eskatoloġika ta’ Alla
– lejn il-ħajja ta’ kull bniedem
skont il-qagħda tiegħu fiż-żmien
li jkun u b’xi mod iġġib
fid-dinja din is-Saltan
eskatoloġika ta’ Alla.
Bil-vot
tas-safa, dawk li huma
ikkonsagrati lil Alla għandhom
sehem fil-pjan tas-salvazzjoni
għaliex minn rajhom iċċaħħdu
mill-hena taż-żwieġ u
tal-familja; min-naħa l-oħra,
għaliex għamlu lilhom infushom
ewnuki “minħabba s-Saltna
tas-Smewwiet”, f’din id-dinja li
tgħaddi, iwasslu l-Aħbar
tal-qawmien mill-imwiet, li għad
iseħħ, u tal-ħajja ta’
dejjem;
ħajja ta’ għaqda ma’ Alla stess
permezz tal-viżjoni beatifika u
ta’ dik l-imħabba, li fiha
nfisha għandha s-suriet kollha
ta’ mħabba li jinsabu f’qalb
il-bniedem u tħaddanhom magħha.
Il-faqar
12.
Dwar
il-faqar, x’tifsir qawwi għandu
l-kliem tat-Tieni Ittra
lill-Korintin, li jiġbor
fih, b’mod l-aktar eżatt, kull
ma nisimgħu fuq il-faqar
fl-Evanġelju! “Intom tafu
l-grazzja ta’ Sidna Ġesù Kristu
li għad li kien għani ftaqar
minħabba fikom, sabiex intom
tistagħnu permezz tal-faqar
tiegħu”.
Skont dan il-kliem, il-faqar
huwa parti intima tal-istruttura
tal-grazzja tas-salvazzjoni ta’
Ġesù Kristu. Mingħajr il-faqar
ma nistgħux nifhmu l-misteru
tad-don ta’ Alla
lill-bniedem: don li
laħaq il-qofol tiegħu fi
Kristu. Minħabba dan ukoll,
il-faqar hu fiċ-ċentru
tal-Evanġelju u fil-bidu
tat-tħabbira tat-tmien
beatitudni: “Henjin il-foqra
fl-ispirtu”.
Il-faqar evanġeliku jqiegħed
quddiem għajnejn ir-ruħ
tal-bniedem, id-dehra sħiħa
tal-misteru “moħbi sa minn
mijiet ta’ snin f’Alla”.
Dawk biss li huma “fqar” b’dan
il-mod jaslu biex jifhmu
f’ruħhom il-faqar kbir ta’ min
hu għani fuq li għani. Il-faqar
kbir ta’ Kristu għandu moħbi
fih dan l-għana bla qies ta’
Alla, anzi hu xhieda li ma
tqarraqx ta’ dan il-għana.
Il-għana bħalma hi n-natura ta’
Alla stess, ma jistax jiġi
mfisser sewwa u b’mod xieraq
minn ebda ġid maħluq. Il-faqar
biss seta’ jfisser dan il-għana,
u għalhekk il-fqar biss
jistgħu jifhmuh sewwa,
jiġifieri l-fqar fl-Ispirtu.
Fosthom l-ewwel wieħed hu
Kristu, il-Bniedem-Alla: dak li
“għad li kien għani, ftaqar”,
huwa mhux biss għalliem, imma
wkoll ħabbâr u garanti ta’ dak
il-faqar għas-salvazzjoni, li
jaqbel ħafna mal-għana bla qies
ta’ Alla u mal-qawwa li qatt ma
tiġi nieqsa tal-grazzja tiegħu.
U għalhekk
hu veru wkoll, kif igħid
l-Appostlu, li aħna “nistagħnu
permezz tal-faqar tiegħu”. Hu
għalliem u ħabbâr
ta’ dak il-faqar li bih
nistagħnu. Għalhekk ukoll
Hu jgħid liż-żagħżugħ
tal-Evanġelji sinottiċi: “Bigħ
il-ġid li għandek...u jkollok
teżor fis-sema”.
F’dan il-kliem hemm stedina biex
nagħmu lill-oħrajn permezz
tal-faqar tagħna; iżda fil-qofol
ta’ din l-istedina hemm moħbija
x-xhieda tal-għana bla qies ta’
Alla, li jiġi fir-ruħ
tal-bniedem, fil-misteru
tal-grazzja, u, proprju permezz
tal-faqar, ikun fil-bniedem
għajn li minnha jistagħnu
l-oħrajn; għajn li ma tistax
tqabbilha ma’ ebda għajn, oħra
ta’ ġid materjali; għajn li
tagħmel il-ġid kif jagħmlu Alla
stess. L-għoti ta’ dan il-għana
jseħħ permezz tal-istess misteru
ta’ Kristu, li “bil-faqar tiegħu
nistagħnu aħna”. Naraw
mill-paġni tal-Evanġelju kif din
il-ħidma, li biha nistagħnu,
timxi ’l quddiem u tilħaq
il-milja tagħha fil-misteru
tal-Għid: Kristu li kien fqir
fuq li fqir fil-mewt tiegħu fuq
is-salib, dak il-ħin stess,
għaniena fuq li għaniena
bil-milja ta’ ħajja ġdida,
bil-qawmien tiegħu mill-imwiet.
Ħuti
egħżież, fqar fl-ispirtu
minħabba l-professjoni
evanġelika tagħkom, għixu
fil-ħajja tagħkom kollha din
is-sura ta’ faqar ta’ Kristu li
ssalva. Minn jum għall-ieħor
wasslu dan il-faqar għall-kobor
sħiħ tiegħu! “Fittxu l-ewwel
is-Saltna ta’ Alla u l-ġustizzja
tiegħu...” u l-bqija
“jingħatalkom ukoll”.
Jalla fikom u bikom iseħħ dak
il-hena mwiegħed lill-foqra,
lill-foqra fl-ispirtu.
L-ubbidjenza
13.
Kristu
“għad li kellu n-natura ta’ Alla
ma qagħadx ifittex tiegħu li hu
daqs Alla, iżda xejjen lilu
nnifsu billi ħa n-natura ta’
lsir; sar jixbaħ lill-bnedmin, u
deher minn barra bħala bniedem;
ċekken lilu nnifsu, billi
obda sal-mewt, anzi sal-mewt
tas-salib”.
F’dan
il-kliem tal-Ittra
lill-Filippin għandna
l-qofol stess tal-Fidwa.
L-ubbidjenza ta’ Kristu nsibuha
kollha kemm hi, fin-natura sħiħa
tagħha, f’din il-verità. U dan
iwettqu kliem ieħor tal-Appostlu
li nsibu fl-Ittra lir-Rumani:
“Kif bid-diżubbidjenza
ta’ bniedem wieħed il-ħafna saru
midinbin, hekk bl-ubbidjenza
ta’ wieħed il-ħafna jsiru
ġusti”.
Il-parir
evanġeliku tal-ubbidjenza huwa
s-sejħa li toħroġ
mill-ubbidjenza “sal-mewt” ta’
Kristu. Dawk li jilqgħu din
is-sejħa, espressa bil-kliem
“Ejja warajja”, jagħżlu – kif
jgħid il-Konċilju – li jimxu
wara Kristu, “li feda u
qaddes il-bnedmin
bl-ubiddjenza tiegħu
sal-mewt fuq is-salib”.
Meta jwettqu l-parir evanġeliku
tal-ubbidjenza, dawn jilħqu
l-qofol profond tal-ekonomija
sħiħa tal-Fidwa. Meta jgħixu
dan il-parir, huma juru x-xewqa
għall-parteċipazzjoni unika
fl-ubbidjenza ta’ dak
il-“wieħed” li permezz
tal-ubbidjenza tiegħu ħafna
“isiru ġusti”.
Nistgħu
ngħidu li dawk li jagħżlu li
jgħixu skont dan il-kunsill
tal-ubbidjenza, ikunu jqegħdu
ruħhom bejn “il-misteru
tal-ħażen”
u l-misteru tal-ġustifikazzjoni
u tal-grazzja tas-salvazzjoni.
F’din il-“qagħda” jkunu
bl-egħruq kollha tal-ħażen li
hemm fin-natura tal-bniedem,
bl-effetti kollha tal-“kburija
tal-ħajja”, bil-ġibda kollha,
ġejja mill-imħabba żejda tiegħek
innifsek, li ġġiegħelek taħkem u
ma sservix, iżda mbagħad,
bil-vot tagħhom tal-ubbidjenza,
jiddeċiedu li jinbidlu ħa
jkunu jixbhu ’l Kristu li
“bl-ubbidjenza tiegħu feda u
qaddes lil-bnedmin”.
Fil-kunsill tal-ubbidjenza huma
juru li jixtiequ jkunu jafu
x’inhu sehemhom fil-Fidwa ta’
Kristu u liema hi t-triq li
twassalhom għall-qdusija.
Din hi
t-triq li Kristu wriena
fl-Evanġelju meta tkellem – u
tkellem spiss – fuq il-ħtieġa li
nagħmlu rieda ta’ Alla u
nfittxu bla heda li nkunu
nafuha. “L-ikel tiegħi hu
li nagħmel ir-rieda ta’ min
bagħatni u li nwassal fit-tmiem
l-opra tiegħu”.
“Jien ma nfittixx ir-rieda
tiegħi, imma r-rieda ta’ min
bagħatni”.
“Min bagħatni huwa miegħi, ma
telaqnix waħdi, għax jien dejjem
nagħmel dak li jogħġob lilu”.
“Jiena nżilt mis-sema mhux biex
nagħmel ir-rieda tiegħi imma
r-rieda ta’ min bagħatni”.
Dan l-egħmil bla heda tar-rieda
tal-Missier ifakkarna
fl-istqarrija messjanika
tas-salmista tal-patt il-Qadim:
“Fil-bidu tal-ktieb hemm mktub
fuqi li nagħmel
ir-rieda tiegħek. Alla
tiegħi, dan jogħġobni;
il-liġi tiegħek ġewwa qalbi”.
Din l-ubbidjenza tal-Iben ta’
Alla kollha hena, tilħaq
il-qofol tagħha fil-Passjoni u
s-Salib: “Missier, jekk int
trid, warrab minni dan
il-kalċi! Iżda tkun magħmula
r-rieda tiegħek, u mhux tiegħi”.
Sa mill-bidu tat-talba fil-ġnien
tal-Ġetsemani, il-ħeġġa ta’
Kristu li jagħmel ir-rieda
tal-Missier tilħaq sal-qofol
tat-tbatija u ssir dik
l-ubbidjenza “sal-mewt, anzi
sal-mewt tas-salib”, li fuqha
jitkellem San Pawl.
Dawk li huma ikkonsagrati lil
Alla bil-vot tal-ubbidjenza
jkollhom il-fehma li, bl-umiltà
kollha, isiru jixbhu lil Kristu
l-aktar fl-ubbidjenza tiegħu.
Għalkemm il-qagħda għar-rieda
ta’ Alla u l-ubbidjenza
għal-liġijiet tiegħu hi
kondizzjoni meħtieġa għall-ħajja
nisranija f’kull sura ta’ ħajja
li wieħed jista’ jgħix
fid-dinja, iżda fis-“sura ta’
ħhajja reliġjuża”, fis-“sura ta’
ħajja ta’ perfezzjoni”, il-vot
tal-ubbidjenza jġgib f’kull
wieħed u waħda minnkom, egħżież
ħuti, dmir ta’ rabta speċjali
ma’ Kristu “li obda sal-mewt”.
U għax din l-ubbidjenza ta’
Kristu hi parti essenzjali u
intima tal-opra tal-Fidwa, kif
naraw mill-kliem tal-Appostlu li
semmejna aktar ’il fuq,
fil-ħarsien tal-kunsill
evanġeliku tal-ubbidjenza,
għandkom taraw mument
speċjali f’dak il-“pjan
tas-salvazzjoni” li jħaddan
is-sejħa kollha tagħkom
fil-Knisja.
Minn din
tiġi dik id-dispożizzjoni sħiħa
tagħkom għall-ħidma tal-Ispirtu
s-Santu, li jaħdem l-aktar
fil-Knisja, kif kiteb
il-Papa Pawlu VI fl-eżortazzjoni
appostolika li tibda bil-kliem:
“Evangelica testificatio”, u li
wkoll tidher
fil-kostituzzjonijiet
tal-Istituti tagġkom. Minn hawn
tiġi dik is-sottomissjoni
reliġjuża li min hu ikkonsagrat
lil Alla, bi spirtu ta’ fidi,
juri lis-superjuri leġittimi
tiegħu, li huma minflok Alla.
Fl-Ittra lil-Lhud insibu
din it-twissija li għandha
tifsira kbira: “Oqogħdu għal
dawk li jmexxukom u obduhom,
għax huma jgħassu fuqkom
għall-ġid tagħkom, bhala nies li
għad iridu jagħtu kont
tagħkom”. U l-kittieb tal-Ittra
jkompli jżid: “...hekk huma
jaqdu dan id-dmir bil-ferħ u
mhux bi swied il-qalb, għax dan
ma jkun jiswielkom ta’ ebda
ġid.”
Is-Superjuri mbagħad, għandhom
jiftakru li jridu jużaw, bi
spirtu ta’ qadi, is-setgħa
mogħtija lilhom mill-ministeru
tal-Knisja, u jeħtieġ li jkunu
dejjem lesti jisimgħu lil
ħuthom, biex ikunu jafu aħjar
x’irid Alla minn kull wieħed
minnhom; iżda jibqgħu huma
dejjem dawk li jiddeċiedu
x’għandu jsir u x’jordnaw, skont
ma jidhrilhom li jkun jaqbel.
Flimkien
ma’ din id-disponibilità u din
l-ubbidjenza, kif ġew imfissrin
hawn fuq, għandu jkun hemm ukoll
qagħda ta’ servizz, li
biha ħajjitkom kollha tkun
taqbel mal-eżempju ta’ Bin
il-bniedem li ġie fid-dinja
“mhux biex ikun moqdi, imma biex
jaqdi u jagħtu ħajtu b’fidwa
għall-kotra”.
U Ommu Marija, fil-mument
deċisiv tat-Tħabbira tal-Anġlu,
sa mill-bidu daħlet fil-pjan
sħiħ tas-salvazzjoni meta
qalet: “Ara jiena l-qaddejja
tal-Mulej; ħa jsir minni skont
kelmtek”.
Ftakru wkoll, ħuti egħżież, li
l-ubbidjenza li biha ntrabattu
ma’ Alla bla ebda kundizzjoni,
meta intom ikkonsagrajtu ruħkom
lilu permezz tal-professjoni
tal-kunsilli evanġeliċi, hi
xhieda speċjali tal-libertà
tar-ruħ mhux inqas mix-xhieda li
Kristu ta tal-libertà tiegħu
meta “obda sal-mewt”: “jiena
nagħti ħajti biex nerġa’
neħodha. Ħadd ma jeħodhieli,
imma jiena nagħtiha minn rajja”.
VI - IMĦABBA GĦALL-KNISJA
Xhieda
14.
Tul
is-sena tal-Ġublew tal-Fidwa
l-Knisja kollha tixtieq
iġġedded l-imħabba tagħha
għal-Kristu, il-Feddej
tal-bniedem u tad-dinja, Sidha u
l-Għarus divin tagħha. Għalhekk
f’dis-Sena Mqaddsa l-Knisja
tħares lejkom b’mod speċjali,
egħżież ħuti, li bħala persuni
konsagrati lil Alla għandkom
post speċjali kemm fi ħdan
il-komunità kollha tal-Poplu ta’
Alla u kemm f’kull komunità
lokali. Il-Knisja, hija u
tixtieq li l-imħabba tagħkom
għal Kristu tiġġedded
bil-grazzja tal-Ġublew
straordinarju, tħoss ukoll li
din l-imħabba hi ġid speċjali
għall-poplu kollu ta’
Alla. Il-Knisja taf sewwa
li permezz tal-imħabba li Kristu
jirċievi minn persuni
ikkonsagrati, l-imħabba
tal-Ġisem kollu ta’ Kristu, li
hu l-Knisja, tiġi indirizzata,
b’mod speċjali u eċċezzjonali,
lejn l-Għarus divin tagħha, li
hu fl-istess ħin ir-Ras ta’ dan
il-Ġisem li hu l-Knisja.
Egħżież ħuti, il-Knisja
troddilkom ħajr
għall-konsagrazzjoni tagħkom u
għall-professjoni tal-kunsilli
evanġeliċi, li huma xhieda
speċjali ta’ mħabba.
Fl-istess ħin twettaq il-fiduċja
li għandha fikom, li għażiltu
sura ta’ ħajja, li hi don mhemmx
bħalu, mogħti minn Alla
lill-Knisja. Minn għandkom
tistenna ħidma ta’ għajnuna,
sħiħa u bil-qalb kollha, biex,
bħala amministraturi fidili ta’
dan id-don hekk għażiż, intom
“tħossu mal-Knisja”, u tħabirku
flimkien magħha skont it-tagħlim
u r-regolamenti tal-Maġisteru
ta’ San Pietru u tar-ragħajja li
huma marbutin miegħu, ħa ġġibu
’l quddiem, kemm bħala individwi
u kemm bħala komunitajiet,
kuxjenza ekklesjali mġedda. Hi
titlob għalikom biex ix-xhieda
tal-imħabba tagħkom qatt ma tiġi
nieqsa,
u titlobkom biex tilqgħu b’dan
l-ispirtu dan il-messaġġ
tas-Sena Mqaddsa straordinarja.
Dan talab
l-Appostlu fl-Ittra
lill-Filippin: “Jien dan
nitlob: li l-imħabba tagħkom
tikber u toktor dejjem
izjed...b’kull dehen, biex
tistgħu tagħarfu tagħżlu
l-aħjar, u mbagħad tkunu safja u
bla ebda ħtija fil-jum ta’
Kristu, mimlijin bil-frott
tal-ġustizzja...
Bil-ħidma
ta’ Kristu l-Feddej “l-imħabba
ta’ Alla ssawbet fi qlubna
permezz tal-Ispirtu s-Santu li
ġie mogħti lilna.
Nitolbu bla heda lill-Ispirtu
s-Santu biex lil kull wieħed
u waħda minnkom, skont “id-don
tieghu”,
jagħtikom li tagħtu xhieda
speċjali ta’ din l-imħabba. Ħa
tirbaħ fikom, b’sura li tixraq
il-vokazzjoni tagħkom, “il-liġi
tal-Ispirtu li jagħti l-ħajja fi
Kristu”, għax din il-liġi
“teħlisna...mil-liġi tal-mewt”.
Għixu din il-ħajja ġdida skont
is-sura tal-konsagrazzjoni
tagħkom u skont il-qies tal-ħafna
doni ta’ Alla li jaqblu
mal-vokazzjoni ta’ kull familja
reliġjuża. Il-professjoni
tal-kunsilli evanġeliċi, lil
kull wieħed u waħda minnkom,
turikom kif, bl-għajnuna
tal-Ispirtu s-Santu, tistgħu
tmewtu
kull ma hu kontra l-ħajja u
jwassal għad-dnub u l-mewt, kull
ma huwa kontra l-vera mħabba ta’
Alla u tal-bnedmin. Id-dinja
teħtieġ din il-“kontradizzjoni”
li tinsab fil-konsagrazzjoni
reliġjuża, bħala ħmira dejjem
taħdem għat-tiġdid u
għas-salvazzjoni. “Timxux
max-xejra ta’ din id-dinja,
imma nbidlu skont it-tiġdid ta’
fehmietkom, sabiex isseħħilkom
tagħarfu x’inhi r-rieda ta’
Alla, x’inhu li jogħġbu, x’inhu
perfett”.
Issa li għadda ż-żmien speċjali
ta’ esperiment u ta’
aġġornament, kif kien ġie
ffissat mill-ittra appostolika
“Ecclesiae sanctae”, l-Istituti
tagħkom talbu jew waslu biex
dalwaqt jitolbu l-approvazzjoni
tal-Knisja
għall-kostituzzjonijiet ġodda
tagħkom. Jalla dan id-don li
qiegħda tagħtikom il-Knisja
jħeġġiġkom biex dawn
il-kostituzzjonijiet tkunu
tafuhom u tħobbuhom l-aktar
billi tgħixuhom intom u
tħarsuhom b’qalbkom kollha u
b’fedeltà sħiħa, waqt li
tiftakru li l-ubbidjenza hi
sinjal ta’ mħabba, li ma tistax
tmeriħ.
Din
ix-xhieda ta’ mħabba jeħtiġuha
d-dinja tal-lum u l-ġens kollu
tal-bnedmin. Jeħtieġu dik
ix-xhieda tal-Fidwa li
tinsab fil-professjoni
tal-kunsilli evanġeliċi. Dawn
il-kunsilli, kull wieħed
fis-sura tiegħu proprja, u
kollha flimkien, f’rabta sħiħa
bejniethom, “jixhdu” li l-Fidwa,
bil-qawwa tas-Salib u l-Qawmien
ta’ Kristu mill-imwiet, twassal
id-dinja u l-bnedmin kollha
fl-Ispirtu s-Santu għal dak
it-tmiem li bih il-bniedem –
u permezz tal-bniedem,
il-ħlejjaq kollha – isibu ruħhom
f’Alla u fih biss.
Għalhekk ix-xhieda tagħkom hi
ta’ siwi bla qies. Għalhekk
tridu tħabirku bla ma qatt
tieqfu biex dan jidher sewwa u
jħalli kotra ta’ frott, fost
il-bnedmin. Għal dan igħin
ukoll il-ħarsien eżatt
tar-regolamenti tal-Knisja li
għandhom x’jaqsmu mal-wiri minn
barra tal-konsagrazzjoni tagħkom
u tal-impenn tagħkom li tgħixu
ħajja ta’ faqar.
Appostolat
15.
Minn
din ix-xhieda ta’ mħabba ta’
egħrusija ma’ Kristu, li permezz
tagħha tidher fil-kobor kollu
tagħha l-verità sħiħa
tas-salvazzjoni evanġelika, jiġi
wkoll, bħala ħaġa proprja
tal-vokazzjoni tagħkom, egħżież
ħuti, is-sehem tagħkom
fl-appostolat tal-Knisja,
fil-missjoni universali tagħha,
li sseħħ fl-istess waqt fost
il-ġnus kollha tal-art b’ħafna
kariżmi. Il-missjoni proprja
tagħkom timxi pass pass
mal-missjoni tal-Appostli li
lilhom il-Mulej bagħat “fost
il-ġnus kollha” biex
“igħallmuhom”,
u hi marbuta wkoll
mal-missjoni tal-ġerarkija
tal-Knisja. Fl-appostolat
li tagħmlu bħala persuni
konsagrati, l-imħabba tagħkom
ta’ egħrusija ma’ Kristu issir,
qiesha b’mod “organiku”,
imħabba għall-Knisja bħala
l-ġisem ta’ Kristu, għall-Knisja
bħala l-Poplu ta’ Alla,
għall-Knisja li hi fl-istess ħin
Għarusa u Omm.
Mhijiex ħaġa ħafifa tgħid kif u
b’kemm-il sura l-persuni
ikkonsagrati lil Alla, bl-appostolat
tagħhom juru l-imħabba
tagħhom għall-Knisja. Din
l-imħabba dejjem ġiet mid-don
speċjali tal-Fundaturi tagħkom,
li, mogħti minn Alla u
approvat mill-Knisja, sar
il-kariżma tal-komunità kollha.
Dan id-don jaqbel mal-ħafna
ħtiġijiet tad-dinja u tal-Knisja
skont iż-żmien li jkun
tal-istorja u mbagħad jikber u
jissaħħaħ fil-ħajja
tal-komunitajiet reliġjużi bħala
wieħed mill-elementi, li
jibqgħu, tal-ħajja u
tal-appostolat tal-Knisja.
F’kull wieħed minn dawn
l-elementi, f’kull qasam – kemm
f’dak tal-ħajja
kontemplattiva li tagħti l-qawwa
lill-appostolat u kemm f’dak
tal-ħajja ta’ ħidma
fl-appostolat – magħkom
dejjem hemm il-barka tal-Knisja
u l-ħerqa pastorali tagħha ta’
omm. Din il-ħerqa tal-Knisja
tħares l-identità spiritwali
tal-ħajja tagħkom u tagħmel
tajba l-ħidma tagħkom fi ħdan
il-komunità
universali
tal-vokazzjonijiet u
l-kariżmi tal-Poplu ta’
Alla. Kemm permezz ta’ kull
istitut partikulari u kemm
permezz tal-inseriment organiku
tal-istituti kollha fil-missjoni
universali tal-Knisja, jidher
fil-kobor tiegħu kollu l-pjan
tas-salvazzjoni, li kull
wieħed u waħda minnkom,
għeżież ħuti, iġġibu fikom
stess is-sinjali tiegħu
permezz tal-konsagrazzjoni
tagħkom u tal-professjoni
tal-kunsill evanġeliċi.
Għalhekk,
għalkemm għandhom importanza
kbira l-ħafna ħidmiet
tal-appostolat li tagħmlu,
l-aqwa ħidma ta’ appostolat
hija dejjem dak li intom
fil-Knisja u, fl-istess ħin
wkoll, il-fatt li
intom fil-Knisja. Għal kull
wieħed u waħda minnkom jista’
jerġa’ jingħad il-kliem
tal-Appostlu: “Intom mittu imma
ħajjitkom hi moħbija flimkien ma
Kristu f’Alla”.
U fl-istess ħin, dan li
ħajjitkom hi moħbija flimkien
ma’ Kristu f’Alla, iwassal biex
kliem l-Imgħallem Divin jista’
jingħad għalikom ukoll: “Hekk
għandu jiddi d-dawl tagħkom
quddiem il-bnedmin biex jaraw
l-egħmejjel tajba tagħkom u
jagħtu glorja lil Missierkom li
hu fis-smewwiet”.
Għal dan
id-dawl, li bih tirdu “tiddu
quddiem il-bnedmin”, għandu
jkollha importanza kbira fostkom
ix-xhieda ta’ mħabba li turu
għal xulxin, xiehda li hi
marbuta mal-ispirtu
tal-fratellanza li għandu jkun
hemm f’kull komunità, għax
il-Mulej qal: “Min dan jagħraf
kulħadd li intom dixxipli
tiegħi, jekk ikollkom l-imħabba
bejnietkom”.
In-natura
komunitarja intima tal-ħajja
reliġjuża tagħkom, imsaħħa
mit-tagħlim speċjali, twassalkom
biex tiksbu din ir-rabta
bejnietkom u fil-komunitajiet
tagħkom; intom u tgħinu ’l
xulxin fid-dmirijiet tagħkom,
intom u terfgħu t-tagħbija ta’
xulxin, intom u turu li taqblu
bejnietkom, b’din ir-rabta
bejnietkom tkunu turu li qegħdin
tgawdu l-hena għax Kristu
jinsab fostkom.
Jiswa ħafna għall-appostolat
tagħkom fil-Knisja, li bla
heda tħossu għall-ħtiġitiet
u t-tbatijiet tal-bnedmin,
li tant jidhru u huma hekk
kiefra fid-dinja tal-lum.
Igħallimna l-Apposltu: “Erfgħu
t-tagħbija ta’ xulxin, u hekk
tkunu qegħdin tħarsu l-liġi ta’
Kristu”
u jżid igħid: l-imħabba hi
l-milja tal-liġi.”
Il-missjoni
tagħkom trid tidher: ir-rabta
li torbotha mal-Knisja trid
tkun qawwija, anzi qawwija
ħafna.
Biha, kull ma tagħmlu u, aktar u
aktar, b’dak kollu li intom,
jalla tixxandar u titwettaq din
il-verità: “Kristu ħabb
il-Knisja u ta ħajtu għaliha”;
din il-verità hi l-pedament
tal-pjan kollu tas-salvazzjoni.
Jalla minn Kristu l-Feddej
tad-dinja, tfawwar dejjem u ma
tintemm qatt l-imħabba tagħkom
għall-Knisja!
VII
- KONKLUŻJONI
Bl-għajnejn ta’ ruħna mdawlin
16.
Din
l-eżortazzjoni, li qed
nibgħatilkom fis-solennità tat-Tħabbira
tal-Mulej f’din is-sena
mqaddsa tal-Ġublew tal-Fidwa,
trid turikom dik l-imħabba li
għandha għalikom il-Knisja.
Intom, ħuti egħżież, intom
ġid tal-Knisja. Dan il-ġid
jiftiehem aktar jekk nimmeditaw
dik il-verità li hi l-fidwa;
għal din il-meditazzjoni
tagħtina l-okkażjoni u tħeġġiġna
bla heda din is-Sena Mqaddsa.
F’dan id-dawl, mela, għarfu
l-identità
u d-dinjità
tagħkom. Jalla l-Ispirtu
s-Santu, bil-qawwa tas-Salib u
l-Qawmien mill-imwiet ta’
Kristu, “idawlikom l-għajnejn
ta’ qalbkom biex tagħarfu x’inhi
t-tama tas-sejħa tagħkom, x’inhu
l-għana tal-glorja tal-wirt li
takom taqsmu.”
Il-Knisja
bla heda titlob biex, lil kull
wieħed u waħda minnkom li ġa
bdejtu mexjin fit-triq
tal-professjoni tal-kunsilli
evanġeliċi, “jiddawlulkom
l-għajnejn ta’ qalbkom”.
Il-Knisja titlob ukoll magħkom
li jkunu mdawlin l-għajnejn ta’
tant u tant insara u l-aktar
l-għajnejn ta’ tant żgħażagħ,
ġuvintur u xebbiet, biex
isibu din it-triq u ma jibżgħux
jimxu minnha ħalli – ukoll
fiż-żminijiet imwiegħra tal-lum
– ikunu jistgħu jisimgħu lil
Kristu jgħidilhom: “Ejja, imxi
warajja”.
Jeħtieġ li intom ukoll tħabirku
biex dan il-għan jintlaħaq
bit-talb tagħkom u b’dik
ix-xhieda ta’ mħabba li biha
“Alla jgħammar fina u mħabbtu
ssib il-milja tagħha fina”.
Jalla f’din ix-xhieda tingħata u
tingħaraf kullimkien. Jalla
f’din ix-xhieda lin-nies ta’
żmienna, fl-għejja ta’ ruħhom,
twettaqhom u timliehom tama.
Mela aqdu bil-ferħ lil aħwa,
ferħ ħiereġ minn qalb li fiha
jgħammar Kristu. “Jalla d-dinja
ta’ żmienna tilqa’ l-Evanġelju,
mhux mingħand ħabbara mġarrbin u
bla tama...imma mingħand
ministri tal-Evanġelju li
ħajjithom hi kollha ħeġġa,
jiġifieri mingħand dawk li
l-ewwel laqgħu fihom infushom
il-ferħ ta’ Kristu”.
Il-Knisja,
għall-imħabba li għandha
għalikom, ma tieqafx “tinżel
għarkobbtejha quddiem
il-Missier”
biex “jagħtikom li ... tissaħħu
fil-bniedem ta’ ġewwa”,
u, kif jagħti lilkom, jagħti
wkoll lill-ħafna oħrajn fost
ħutna l-imgħammdin, l-aktar
żgħażagħ, il-grazzja li jsibu
din it-triq tal-qdusija li
minnha għaddew tul iż-żminijiet
tant nies flimkien ma’ Kristu,
il-Feddej tad-dinja u l-Għarus
tar-ruħ, u ħallew warajhom
id-dawl ta’ Alla jiddi f’nofs
is-sħab u d-dlamijiet tal-ħajja
tal-bniedem.
Lilkom
ilkoll li f’dan iż-żmien
tal-ġrajja tal-Knisja u
tad-dinja, mexjin minn din
it-triq, jaslu dawn ix-xewqat
imħeġġa tas-sena tal-Ġublew
tal-Fidwa, “biex tniżżlu
l-egħruq tagħkom fl-imħabba u
fuqha tibnu ħajjitkom; b’hekk
tkunu tistgħu tifhmu, flimkien
mal-qaddisin kollha, x’inhu
l-wisa u t-tul, il-għoli u
l-fond tal-imħabba ta’ Kristu,
tagħarfu kemm din l-imħabba ta’
Kristu tiżboq kull għerf biex
timtlew bil-milja kollha ta’
Alla”.
Il-messaġġ tat-Tħabbira
tal-Mulej
17.
F’dal-jum
tal-festa tat-Tħabbira tal-Mulej
fis-Sena Mqaddsa tal-Fidwa nafda
dil-eżortazzjoni lill-Qalb
ta’ Marija Vergni mnissla
mingħajr tebgħa ta’ dnub.
Fost dawk kollha li ikkonsagraw
ruħhom lil Alla bla ebda
kondizzjoni, Marija hi l-ewwel
waħda. Hi, ix-Xebba ta’
Nażaret, ikkonsagrat lilha
nfisha kollha kemm hi lil
Alla u dan għamiltu b’mod
l-aktar perfett. L-imħabba
tagħha ta’ egħrusija ma’ Alla,
bil-qawwa tal-Ispirtu Santu,
laħqet il-milja tagħha meta
saret Omm Alla. Hi li, bħala
Omm, terfa’ ’l Kristu fuq
dirgħajha, fl-istess ħin, b’mod
l-aktar perfett, twieġeb
għall-istedina tiegħu:
“Ejja, imxi warajja”. Hi, Ommu,
timxi warajh bħala l-Imgħallem
tagħha tas-safa, tal-faqar u
tal-ubbidjenza.
Kemm kienet fqira f’dak
il-lejl ta’ Betlehem, u kemm
fqira fuq il-Kalvarju! Kemm
kienet ubbidjenti
fit-tħabbira tal-Anġlu u
mbagħad, taħt is-Salib, kemm
kienet ubbidjenti tant li
aċċettat il-mewt ta’ Binha, li
obda “sal-mewt!” Kemm tat
ruħha għas-Saltna tas-Sema,
tul il-ħajja kollha tagħha fuq
l-art, b’imħabba l-aktar
safja.
Jekk il-Knisja kollha għandha
f’Marija l-ewwel eżempju,
wisq u wisq aktar għandkom lilha
bħala eżempju intom li intom
persuni u komunitajiet
ikkonsagrati lil Alla fi ħdan
il-Knisja. F’dan l-istess jum,
li jfakkarna fil-ftuħ tas-Sena
Mqaddsa s-sena l-oħra, indur
lejkom b’din it-tħabbira u
nistedinkom biex iġġeddu
l-konsagrazzjoni tagħkom fuq
l-eżempju tal-konsagrazzjoni
tal-istess Omm Alla.
Egħżież
ħuti! Alla jżomm kelmtu! Minnu
kontu msejħin biex tidħlu
fix-xirka ta’ Ibnu Sidna Ġesù
Kristu”.
Intom u żżommu kelmtkom ma’ Dak
li jżomm kelmtu, fittxu li
jkollkom l-għajnuna kollha ta’
Marija. Hi ġiet imsejħa minn
Alla għal xirka mill-aktar
perfetta ma’ Binha. Hi,
il-Verġni li żammet kelmtha,
tkun għalikom ukoll bħala Omm
fil-mixi tagħkom fit-triq
tal-Evanġelju: ħa tgħinkom biex
taraw u turu lid-dinja f’kemm
suriet Alla wkoll iżomm kelmtu.
B’dawn ix-xewqat tajba, minn
qalbi nagħtikom il-barka
appostolika tiegħi.
Ruma, minn San Pietru, fil-25
ta’ Marzu, fis-sena tal-Ġublew
tal-Fidwa 1984, is-sitt sena
tal-Pontifikat.
Joannes
Paulus PP. II
Ħajr lil Myriam Buttigieg għat-typing
|