ŻJARA PASTORALI F’LORETO

 

KONĊELEBRAZZJONI EWKARISTIKA MAŻ-ŻGĦAŻAGĦ

FUQ L-ISPJANATA TA’ MONTORSO

OMELIJA TA’ ĠWANNI PAWLU II

 

Loreto (Ancona)

Il-Ħadd 10 ta’ Settembru 1995

 

1. Omm ta’ Kristu, Omm tal-grazzja ta’ Alla, Omm l-iżjed safja, Xebba kollox għaqal, Mera tal-qdusija, Bidu tal-ferħ tagħna, Saħħa tal-morda, Kenn tal-midinbin, Faraġ tal-imnikktin, Sultana tal-qaddisin kollha, Sultana tal-paċi, Sultana tad-dinja.

 

Dawn l-invokazzjonijiet, meħuda mil-Litanija Lawretana, jgħinuna biex nidħlu fil-qalb ta’ Marija f’din iċ-ċelebrazzjoni Ewkaristika, li ġabret f’Loreto eluf ta’ żgħażagħ minn kull reġjun tal-Ewropa, f’pellegrinaġġ ta’ fidi u ta’ mħabba, orjentat mill-motto: “F’mixja ma’ Marija lejn is-sena 2000, biex ninkarnaw il-Vanġelu fit-toroq tal-Ewropa”. Lilkom ilkoll, fuq kollox lilkom iż-żgħażagħ pellegrini mid-dinja kollha, insellmilkom minn qalbi f’dan il-post, fejn hi meqjuma d-dar li tfakkarna fil-misteru tal-Inkarnazzjoni tal-Iben ta’ Alla. Insellem lil kulħadd mill-qalb!

 

Insellem lid-Delegat Pontifiċju, l-għażiż Mons. Pasquale Macchi, u nirringrazzjah tal-indirizz sabiħ li għamilli ftit ilu. Insellem ukoll, mal-Kardinal Eduardo Pironio, lill-Kardinali l-oħra, l-Arċisqfijiet u l-Isqfijiet. Tislima speċjali mbagħad lill-Isqof Seraphim, Metropolita tal-Knisja Ortodossa Rumena għall-Ġermanja u l-Ewropa Ċentrali, u lill-Isqof Sigheteanul, li f’isem il-Patrijarka tar-Rumanija akkumpanja grupp ta’ żgħażagħ Ortodossi għal din il-laqgħa. It-tislima tiegħi tmur ukoll għall-Isqof Lavrentije tal-Patrijarkat tas-Serbja, lill-Arċimandrita delegat tal-Patrijarka ta’ Moska għall-pastorali maż-żgħażagħ u lill-Arċimandrita rappreżentant tal-Metropolita Grieg-Ortodoss Damaskinos. Tislima minn qalbi tmur fuq kollox lis-saċerdoti, reliġjużi u lajċi impenjati, li qed jieħdu sehem fiċ-ċelebrazzjoni. Fl-aħħar nett niftakar b’rispett fil-Kap tal-Gvern, il-President Dini, u fl-Awtoritajiet l-oħra, li riedu jonoraw dan ir-Rit imqaddes bil-preżenza tagħhom.

 

L-okkażjoni ta’ din l-laqgħa tagħna ħdejn is-Santwarju Lawretan hu Ġublew singulari: fil-fatt għaddew seba’ sekli minn  meta tela’ dan it-tempju u beda jkun destinazzjoni ta’ pellegrini mhux biss mill-Italja, imma minn tant partijiet tad-dinja, speċjalment mill-Ewropa. Fost l-għadd kbir ta’ santwarji Marjani mibnija fil-kontinent il-qadim, dak ta’ Loreto għandu karattru partikulari u joffri messaġġ tipiku spiritwali. Jekk, fil-fatt, fis-santwarji Marjani l-Omm ta’ Alla hi meqjuma permezz ta’ xbieha jew ikona li tirrappreżentaha, hawn f’Loreto hi meqjuma permezz tad-Dar li fiha t-tradizzjoni tagħraf l-għamara tal-Familja Mqaddsa.

 

Hawn nagħtuha ġieħ bħala Omm Kristu, Omm il-Familja Mqaddsa, Għarusa ta’ Ġużeppi, Patruna tal-familji kollha u ta’ dawk li huma msejħa għall-ħajja tal-familja, Omm tal-imħabba sabiħa, Omm tal-għaqda, Omm tal-Patt, li tgħaqqad u xxierek lir-raġel u lill-mara, bħala miżżewġin u bħala ġenituri, permezz ta’ rabta dejjiema ta’ komunjoni li grazzi għaliha l-familja ssir ambjent ta’ ħajja u ta’ mħabba li xejn ma jista’ jeħodlu postu.

 

2. Fuq hekk titkellem il-liturġija tal-lum, ibda mit-Tieni Qari, meħud mill-Ittra ta’ San Pawl lill-Galatin: “Meta waslet il-milja taż-żmien, Alla bagħat lil Ibnu, imwieled minn mara […] biex ikollna  l-adozzjoni ta’ wlied. U għax intom ulied, Alla bagħat l-Ispirtu ta’ Ibnu f’qalbna jgħajjat: Abbà! Missier!” (Gal 4:4-6).

 

Grazzi għal dan, Kristu għandu fuq din l-art għadd bla qies ta’ aħwa, kif joħroġ ċar mit-test tal-Vanġelu tal-lum: “Dawn, araw, huma ommi u ħuti. Għax kull min jagħmel ir-rieda ta’ Missieri li hu fis-smewwiet, dak huwa ħija, u oħti, u ommi” (Mt 12:49-50). Insiru aħwa ta’ Kristu fl-Ispirtu s-Santu, li hu Spirtu ta’ għerf. Fuq dan ukoll jitkellem, fl-Ewwel Qari, test poetiku meħud mill-Ktieb ta’ Bin Sirak, fejn l-għerf hu mqabbel ma’ xmara kbira, li tgħaddi mill-ħolqien kollu: “U jien bħal kanal ħiereġ minn xmara, u bħal mogħdija ilma dieħla fi ġnien” (Sir 24:29).

 

Jekk nistaqsu f’dan il-qari x’xebh hemm mad-Dar ta’ Nazaret, din tkun it-tweġiba: hi qabelxejn Marija, minħabba fil-maternità divina tagħha, l-ewwel dar li fiha għammar l-Għerf etern, l-Iben waħdieni tal-Missier li sar bniedem. Ġesù għammar fiha, bħal f’tempju spiritwali mħejji mill-Missier bil-ħidma tal-Ispirtu s-Santu. Hu grazzi għal Marija li d-Dar ta’ Nazaret saret simbolu hekk straordinarju, l-ispazju li fih, wara r-ritorn mill-Eġittu, żviluppat il-ġrajja umana tal-Verb Inkarnat; il-post li fih Kristu “baqa’ jikber fl-għerf, fis-snin u fil-grazzja, quddiem Alla u quddiem il-bnedmin” (Lq 2:52). Il-Mulej ħalla dik id-dar ta’ tletin sena, biex juri lil kulħadd id-dar ta’ Missierna tas-Sema, dejjem miftuħa beraħ, minn sbiħ il-għodu sa nżul ix-xemx, biex tilqa’ lill-bnedmin kollha, imsejħin biex inkunu membri tal-poplu ta’ Alla, aħwa fi Kristu, bħalkom li ġejtu hawn minn tant partijiet tal-kontinent Ewropew.

 

Id-Dar ta’ Nazaret tinkwadra fil-misteru tal-Inkarnazzjoni. Nistgħu ngħidu li fiha tħabbar il-vanġelu tal-infanzja u taż-żgħożija ta’ Bin il-bniedem, u dan ikellimna b’mod partikularment effikaċi, u juri li l-fidi u l-Kristjaneżmu tagħna jfakkruna f’dar konkreta, li fiha seħħ il-misteru tal-Inkarnazzjoni.

 

3. Dan l-għadd kbir ta’ żgħażagħ Ewropej, miġbura għaċ-ċelebrazzjoni tal-Ewkaristija, bis-Santwarju fl-isfond, hu wkoll l-espressjoni elokwenti ta’ verità storika importanti: il-Kristjaneżmu ilu għal dawn l-aħħar elfejn sena b’għeruqu fin-nazzjonijiet tal-kontinent tagħna u sar ir-rimja salvifika tal-ħajja, tal-kultura u taċ-ċiviltà Ewropea. Dan jgħodd mhux biss għall-passat. Jekk hu minnu li ċ-ċiviltà Ewropea, speċjalment dik moderna, kellha bosta għeruq, mhux b’inqas minnu li hi kibret qabelxejn minn għeruq Insara. U dan inħossuh fuq diversi livelli. Forsi mkien iżjed bħal fl-Ewropa l-preżenza tal-Vanġelu ma setgħet tesprimi ruħha b’mod hekk għani, mhux biss permezz tal-opri tal-kultura u tal-arti, preżenti ma’ kullimkien, imma anki permezz tax-xhieda ta’ għadd ta’ qaddisin u beati, ibda mill-Appostli Pietru, Pawlu, Indrì u Ġakbu. Kemm qaddisin feġġew mal-medda tas-sekli fi ħdan id-diversi Komunitajiet ekkleżjali fl-Ewropa! Nibtu fil-kuntest tat-tradizzjoni kemm tal-Punent u kemm tal-Lvant. Żewġ tradizzjonijiet li jikkumplimentaw lil xulxin u huma mhux biss żewġ mudelli ta’ inkulturazzjoni tal-Kristjaneżmu fil-ħajja tal-kulturi u tan-nazzjonijiet, imma anki bħal żewġ pulmuni li bihom jieħu n-nifs l-organiżmu spiritwali tal-Knisja ta’ Kristu.

 

Dan hu ċar b’mod partikulari f’dan is-seklu tagħna, li sar, bħal fil-bidu tal-Knisja, żmien ta’ ġemgħat sħaħ ta’ martri, jiġifieri ta’ xhieda li jissiġillaw b’demmhom stess l-appartenenza tagħhom għal Kristu. Din hi l-verità fuq l-Ewropa! Jekk is-seklu li qegħdin fih hu forsi, fl-istorja, dak ikkaratterizzat mill-ikbar ċaħdiet tal-Kristjaneżmu, hu sar ukoll is-seklu li jintgħażel għall-ġemgħa straordinarja ta’ konfessuri u ta’ martri li xeħtu ż-żerriegħa ta’ ħajja ġdida fl-Ewropa u fid-dinja, skont il-prinċipju antik: Sanguis martyrum – semen christianorum.

 

4. Għeżież żgħażagħ pellegrini, intom ġejjin minn kważi l-pajjiżi kollha tal-kontinent Ewropew. L-appell li llum nagħmlu lill-Ewropa, u flimkien magħha d-dinja kollha, nistgħu niġbruh f’din il-kelm waħda: “dar”. Kelma muftieħ! Naħsbu qabelxejn fid-Dar ta’ Nazaret: id-Dar li fiha għammar l-Iben ta’ Alla, id-Dar tal-Familja Mqaddsa. Dar profondament umana. Hi mhijiex biss simbolu kbir, imma anki destinazzjoni li hi mqiegħda quddiemna. Aħna ġejna hawn biex nitolbu d-dar għal kull bniedem ta’ żmienna, għall-familji tad-dinja kollha: għal dawk li qed jgħixu f’pajjiżhom u għall-emigranti, għar-rifuġjati u għall-ippersegwitati. Ġejna b’mod partikulari biex nitolbu li fis-soċjetajiet Ewropej tagħna ħadd ma tonqsu dar. Nitolbu dar għall-bnedmin kollha u għall-familji kollha.

 

Id-dar hi wkoll simbolu ta’ paċi. Aħna qegħdin hawn biex nitolbu għall-paċi. Intom iż-żgħażagħ ma għamiltux l-esperjenza tal-Ewwel u tat-Tieni Gwerra Dinjija, li kienet l-ewwel nett Ewropea, li ġabu magħhom qerda u mewt f’tant djar tal-kontinent tagħna. Imma lkoll aħna xhieda tal-gwerra tal-Balkani, ta’ din il-gwerra bla tmiem li għamlet ħerba minn kull umanità u qed tkompli teqred djar, skejjel, universitajiet, u tibdel dawk li kienu postijiet sereni ta’ xogħol ta’ ħajja f’ċimiterji, fejn jiġu midfuna qabelxejn iż-żgħażagħ, ladarba huma prinċipalment huma li qed jitilfu ħajjithom fuq il-frontijiet ta’ din il-gwerra inutli. Ninżlu għarkupptejna fuq l-oqbra ta’ tant żgħażagħ flimkien ma’ ommijiethom u missirijiethom b’għajnejhom jgħumu fid-dmugħ. U waqt li nitolbu għall-mistrieħ ta’ dejjem ta’ ruħhom, bl-ilsien sieket tal-mewt tagħhom nittallbu lir-responsabbli tal-gwerra, biex ifittxu ħsibijiet ta’ rikonċiljazzjoni u ta’ sliem.

 

Dan qed nagħmluh fiċ-ċertezza li nkunu ninterpretaw is-sentimenti tan-nies kollha ta’ rieda tajba. Hemm bżonn li kulħadd iħabrek biex isemma’ leħnu u jagħmel ġesti konkreti ta’ paċi. F’dan is-sens, għeżież żgħażagħ pellegrini, hija l-inizjattiva li intom ħadtu favur sħabkom tal-istess eta f’Herzegovina. Hu ġest sinifikattiv ta’ solidarjetà, li nbierek u ninkuraġġixxi minn qalbi, bit-tama li jista’ jipproduċi l-frott kotran mixtieq.

 

5. Ejjew naħsbu mill-ġdid fi kliem Pawlu: “Alla bagħat lil Ibnu, imwieled minn mara […] biex ikollna  l-adozzjoni ta’ wlied. U għax intom ulied, Alla bagħat l-Ispirtu ta’ Ibnu f’qalbna jgħajjat: Abbà! Missier! U hekk m’intix iżjed ilsir, iżda iben; u jekk iben, werriet ukoll bil-grazzja ta’ Alla” (Gal 4:4-7).

 

Għeżież żgħażagħ pellegrini, li llum minn tant partijiet tal-Ewropa u tad-dinja nġbartu hawn madwar id-Dar ta’ Nazaret, araw il-missjoni partikulari fdata lilkom: jeħtieġ tgħixu u tagħtu xhieda li intom ulied Alla; l-istat ta’ wlied li hu l-wirt mgħoddi lilna mill-Iben il-waħdieni ta’ Alla. Dan iżommna mbiegħda minn kull periklu ta’ jasar. Iroddilna l-libertà tagħna fl-ogħla u l-iżjed għamla matura tagħha. Mhux l-istess qalilna Pawlu: “Kristu ħelisna biex ngħixu ta’ nies ħielsa” (Gal 5:1)?

 

F’dan il-kontinent, li fih iktar minn mitejn sena ilu ġie pproklamat il-programm tal-libertà, tal-ugwaljanza u tal-fraternità, b’xorti ħażina mikdud u mċappas bid-demm ta’ tant innoċenti, f’dan il-kontinent hemm bżonn jidwi mill-ġdid b’qawwa ġdida l-programm tal-libertà, li għaliha sejħilna Kristu. Hija biss il-libertà li jagħtina Kristu li tista’ ssir għajn ta’ ugwaljanza u ta’ fraternità. Din mhix libertà għall-fini tagħha nfisha, jiġifieri libertà assoluta u egoċentrika li – kif turina l-esperjenza – spiss tispiċċa biex tkun diżastruża. Il-vera libertà hi mezz meraviljuż biex nilħqu l-għan, u dan l-għan hu qabelxejn l-imħabba li tnissel il-fraternità. Jalla l-pellegrinaġġ tagħkom lejn il-misteru tad-Dar Imqaddsa jagħtikom il-ħila ta’ libertà bħal din. Għeżież żgħażagħ, kunu lesti li tirfsu bħala bnedmin “ħielsa” l-għatba tat-Tielet Millennju fid-diversi pajjiżi tal-Ewropa u tad-dinja, billi timxu wara Kristu, li hu t-triq, il-verità u l-ħajja (ara Ġw 14:6). Hemm jistenniekom il-bini ta’ dar kbira Ewropea. Inġbartu hawn, ħdejn is-Santwarju Lawretan, biex titolbu l-qawwa li teħtieġu għal din il-biċċa xogħol. L-Omm ta’ Kristu tagħtikom li d-Dar ta’ Nazaret tibqa’ punt qawwi ta’ riferiment u ispirazzjoni bla waqfien fit-tħabrik ġeneruż tagħkom.

 

 

miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard