ITTRA TAL-PAPA ĠWANNI PAWLU II

LIT-TFAL FIS-SENA TAL-FAMILJA

13 ta’ Diċembru 1994

Għeżież tfal,

 

Ftit ġranet oħra u jasal il-Milied, il-jum qaddis hekk mimli tifsir għat-tfal kollha f’kull familja. Hu dan hu wisq aktar hekk din is-sena għaliex hija s-Sena tal-Familja. Qabel ma tintemm is-Sena tal-Familja rrid nikteb lilkom, intom it-tfal tad-dinja kollha, biex naqsam magħkom il-ferħ ta’ dan iż-żmien tas-sena.

 

Il-Milied hu l-festa ta’ Bambin, Bambin għadu jitwieled. Mela hi wkoll il-festa tagħkom! Intom m’għandkomx sabar tistennewha u titħejjew għaliha bil-ferħ, intom u tgħoddu l-ġranet u s-sigħat ukoll, li għad fadal għal-Lejl Qaddis ta’ Betlehem.

 

Kważi kważi qed narakom tħejju l-Presepju fid-dar, fil-parroċċa, f’kull rokna tad-dinja, biex toħolqu mill-ġdid l-ambjent u ċ-ċirkostanzi tat-twelid tas-Salvatur. Iva, dan kollu veru! Fi żmien il-Milied il-grotta u l-maxtura għandhom posthom f’nofs il-Knisja. U kulħadd iħaffef lejhom f’mixja spiritwali, bħal dik tar-ragħajja fil-lejl li fih twieled Ġesù. Aktar tard kienu l-Maġi li ġew mill-bogħod, mill-Lvant u mxew wara kewkba safejn kien jinstab il-Feddej tad-dinja.

 

Intom ukoll fil-ġranet tal-Milied tmorru taraw il-Presepji u tieqfu tħarsu lejn il-Bambin qiegħed fuq it-tiben. Tħarsu lejn Ommu, tħarsu lejn San Ġużepp, dak li kellu jħares lill-Feddej. Intom u tħarsu lejn il-Familja Mqaddsa, intom tiftakru fil-familja tagħkom, il-familja li fi ħdanha ġejtu fid-dinja. Tiftakru f’ommkom li wellditkom, u tiftakru f’missierkom. It-tnejn jaħsbu għall-familja u għat-trobbija tagħkom. Għaliex hu dmir il-ġenituri, mhux biss li jkollhom it-tfal, imma wkoll li jrabbuhom sa mit-twelid tagħhom. Għeżież tfal, jien u niktbilkom, niftakar li ħafna snin ilu kont tifel bħalkom. Jien ukoll kont inħoss l-hena tal-Milied, u meta kienet tibda tiddi l-kewkba ta’ Betlehem, kont inħaffef mat-tfal l-oħra, bniet u subien, biex ngħix mill-ġdid dak li ġara elfejn sena ilu fil-Palestina. Aħna t-tfal konna nuru l-ferħ tagħna l-aktar bil-kant. Kemm hu sabiħ, kemm iqanqlek u l-għana tal-Milied li, fid-drawwiet ta’ kull poplu, jitkanta ħdejn il-Presepju! Xi ħsibijiet għoljin fih dan l-għana u, fuq kollox, x’ferħ u ħlewwa juri għall-Bambin li ġie fid-dinja f’dak il-Lejl Qaddis!

 

Il-ġranet li jiġu wara t-twelid ta’ Ġesù huma wkoll ġranet ta’ festa: għalhekk tmint ijiem wara, skond id-drawwa tat-Testment il-Qadim, il-Bambin ingħata isem: semmewh Ġesù. Wara erbgħin jum aħna nfakkru l-preżentazzjoni tiegħu fit-tempju, bħal kull l-ewwel imwieled ta’ Izrael. Dakinhar seħħet laqgħa tassew tal-għaġeb. Marija malli waslet fit-tempju bil-Bambin, laqagħha x-xwejjaħ Xmun li ħa f’idejh il-Bambin Ġesù u qal dan il-kliem profetiku: “Issa, O Sid, tista’ tħalli l-qaddej tiegħek imur fis-sliem, għaliex għajnejja raw is-salvazzjoni tiegħek, li int ħejjejt għall-popli kollha: dawl biex idawwal il-ġnus u glorja tal-poplu tiegħek Iżrael” (Lq 2: 29-32). Imbgħad kellem lil Ommu Marija u żied jgħid: “Ara, dan se jġib il-waqgħa u l-qawmien ta’ ħafna f’Iżrael u jkun sinjal li jmeruh – u inti wkoll sejf jinfidlek ruħek – biex jinkixfu l-ħsibijiet moħbija fil-qlub ta’ ħafna” (Lq 2: 34-35). Hekk sa mill-ewwel ġranet tal-ħajja ta’ Ġesù, instemgħet it-tħabbira tal-Passjoni tiegħu, li kellha wkoll tħaddan lil Ommu Marija: nhar il-Ġimgħa l-Kbira kellha tieqaf siekta ħdejn is-Salib ta’ Binha. U ma kellux ukoll jgħaddi żmien wisq mit-twelid tiegħu, li l-Bambin Ġesù kellu jsib ruħu quddiem periklu kbir. Is-sultan kattiv Erodi kien se jagħti ordni li jinqatlu t-tfal kollha minn sentejn ‘l isfel u, minħabba f’hekk, Ġesù kellu jaħrab flimkien mal-ġenituri tiegħu lejn l-Eġittu.

 

Intom żgur tafuhom dawn il-ġrajjiet marbutin mat-twelid ta’ Ġesù. Jgħiduhomlkom il-ġenituri tagħkom, is-saċerdoti, l-għalliema u l-katekisti, u kull sena intom tgħixuhom spiritwalment, fi żmien il-Milied, flimkien mal-Knisja kollha. Għalhekk tafuhom sewwa dawn l-aspetti drammatiċi tat-tfulija ta’ Ġesù.

 

Għeżież ħbieb, f’dak li ġara lill-Bambin ta’ Betlehem tistgħu taraw x’qed jiġri lil ħafna tfal fid-dinja kollha. Hu veru li tarbija tfisser ferħ, mhux biss għall-ġenituri tagħha, imma wkoll għall-Knisja, u fis-soċjetà kollha; iżda hu veru wkoll li fi żminijietna, jaħasra, ħafna tfal, f’ħafna postijiet tad-dinja, qed ibatu u hemm theddida fuqhom: qed ibatu l-ġuħ u huma fqar, qed imutu minħabba l-mard u n-nuqqas ta’ ikel, huma vittmi tal-gwerer, huma abbandunati mill-ġenituri tagħhom u kkundannati biex jibqgħu mingħajr dar fejn joqgħodu, mingħajr il-kenn tal-familja tagħhom, u qed isofru kull sura ta’ vjolenza u arroganza mill-kbar. Kif ma nitħassbux naraw il-moħqrija ta’ tant tfal speċjalment meta din il-moħqrija ġejja mill-kbar?

 

Ġesù jħabbar il-Verità

 

Il-Bambin, li naraw fil-maxtura fil-Milied, kiber u meta kellu tnax-il sena, kif tafu, mar għall-ewwel darba ma’ Marija u Ġużeppi minn Nazaret għal Ġerusalemm, għall-festa tal-Għid. Hemm, fil-folla tan-nies, il-ġenituri tiegħu tilfuh u hu, ma’ tfal oħra ta’ mparu bniet u subien, waqaf jisma’ l-għalliema fit-tempju, f’sura ta’ “lezzjoni tad-duttrina”. Il-vaganzi kienu okkażjonijiet tajba biex iwasslu l-fidi lit-tfal ta’ mpar Ġesù. Iżda dakinhar ġara li dak it-tifel straordinarju, li kien ġie minn Nazaret, mhux biss għamel mistoqsijiet intelliġenti, imma beda wkoll jagħti tweġibiet għoljin lil dawk li kienu jgħallmuh. Il-mistoqsijiet, u wisq aktar it-tweġibiet, għaġbu lill-għalliema tat-tempju. Kien l-istess stagħġib li aktar tard kellu jġib ix-xandir ta’ Ġesù. L-episodju tat-tempju ta’ Ġerusalemm kien biss il-bidu, u sura ta’ tħabbira minn qabel ta’ dak li kellu jiġri snin wara.

 

Għeżież tfal, subien u bniet, intom għandkom xi tnax-il sena bħalma kellu Ġesù: ma tistgħux mela ma tiftakrux fil-lezzjonijiet tal-katekiżmu fil-parroċċa u fl-iskola, lezzjonijiet li ġejtu mistednin għalihom? Għalhekk irrid nagħmlilkom xi mistoqsijiet. X’jidhrilkom mill-lezzjonijiet tar-reliġjon? Timpenjaw ruħkom fihom bħal Ġesù ta’ tnax-il sena fit-tempju? Tmorru regolarment għal dawn il-lezzjonijiet fl-iskola u fil-parroċċa? F’dan jgħinukom il-ġenituri tagħkom?

 

Ġesù ta’ tnax-il sena tant interessa ruħu fil-lezzjoni tar-reliġjon fit-tempju ta’ Ġerusalemm li, b’xi mod, nesa l-ġenituri tiegħu. Marija u Ġużeppi, li kienu ġa bdew il-mixja lura lejn Nazaret, ma’ pellegrini oħra; ma damux ma ntebħu li Ġesù ma kienx magħhom. Fittxewh ħafna. Reġgħu lura u biss wara tlitt ijiem sabuh f’Ġerusalemm fit-tempju! “Ibni, dan għaliex għamiltilna hekk? Ara, missierek u jien konna nfittxuk, b’qalbna maqsuma” (Lq 2: 48). Kemm kienet stramba t-tweġiba ta’ Ġesù u kemm iġġagħlna nieqfu u naħsbu: “U għaliex kontu tfittxuni? Ma tafux li jien għandi nkun f’dak li hu ta’ Missieri?” (Lq 2: 49). Kienet tweġiba diffiċli taċċettaha. L-evanġelista San Luqa jżid biss li Marija “kienet tgħożż f’qalbha dawn il-ħwejjeġ kollha” (Lq 2: 51). Fil-fatt kienet tweġiba li wieħed fehemha aktar tard, meta Ġesù kiber u beda jippriedka u jgħid li, għal Missieru tas-sema, kien lest iġarrab kull tbatija u l-mewt fuq is-Salib ukoll.

 

Minn Ġerusalemm Ġesù reġa’ lura Nazaret, ma’ Marija u Ġużeppi, u kien jobdihom (ara Lq 2: 51). Dwar dan iż-żmien, qabel Ġesù beda jippriedka fil-pubbliku, l-Evanġelju jgħid biss li “baqa’ jikber fl-għerf, fis-snin u fil-grazzja, quddiem Alla u quddiem il-bnedmin” (Lq 2: 52).

 

Għeżież tfal, fil-Bambin li taraw fil-maxtura għandkom tippruvaw taraw ukoll it-tifel ta’ tnax-il sena fit-tempju ta’ Ġerusalemm, jitkellem mad-dutturi. Huwa wkoll dak ir-raġel ta’ tletin sena li jibda jxandar il-Kelma ta’ Alla, li jagħżel it-tnax-il Appostlu, li jmorru warajh folol kbar ta’ nies għatxana għall-verità. F’kull pass li jagħmel iwettaq it-tagħlim tal-għaġeb tiegħu, b’sinjal tas-setgħa divina tiegħu: jagħti d-dawl lill-għomja, ifejjaq il-morda u jqajjem ukoll il-mejtin. U fost il-mejtin li jsejjaħ lura għall-ħajja hemm it-tifla ta’ Ġajru ta’ tnax-il sena, u hemm l-iben tal-armla ta’ Najn, li Ġesù jagħti lura lil ommu mbikkija.

 

Dan kollu veru: dan il-Bambin li għadu kemm twieled, meta jikber, bħala Mgħallem tal-Verità ta’ Alla, juri mħabba tal-għaġeb għat-tfal. Jgħid lill-Appostli: “Ħallu t-tfal jiġu għandi, iżżommuhomx”; u jżid jgħid “għax ta’ min hu bħalhom hi s-Saltna tas-smewwiet” (Mk 10: 14). Darb’oħra l-Appostli kienu jiddiskutu bejniethom min kien l-lakbar wieħed fosthom, u Ġesù qiegħed tifel quddiemhom u qal: “Jekk intom ma terġgħux issiru bħat-tfal iż-żgħar, żgur li ma tidħlux fis-Saltna tas-smewwiet” (Mt 18: 3). Dik id-darba qal ukoll kliem iebes ta’ twissija: “Min jagħti skandlu lil wieħed minn dawn iċ-ċkejknin, ikun aħjar għalih li jdendlulu ma’ għonqu ġebla tat-tħin minn dawk li jdawwru l-ħmir, u jgħarrquh f’qiegħ il-baħar” (Mt 18: 6).

 

Kemm huma mportanti t-tfal għal Ġesù! Nistgħu ngħidu wkoll li l-Evanġelju kollu mimli bil-verità dwar it-tfal. L-Evanġelju kollu nistgħu naqrawh bħala “l-Evanġelju tat-tfal). X’jista’ jfisser “Jekk intom ma terġgħux issiru bħat-tfal iż-żgħar, ma tidħlux fis-Saltna tas-smewwiet”? Ġesù b’hekk m’hux qed juri t-tfal bħala eżempju wkoll għall-kbar? Fit-tfal hemm xi ħaġa li qatt ma għandha tkun nieqsa f’dawk li jridu jidħlu fis-Saltna tas-smewwiet. Dawk li huma msejħin għas-sema huma bla għelt, bħat-tfal, kollhom fiduċja, u b’għana ta’ tjieba, u safja. Biss nies għal dawn isibu f’Alla Missier u, permezz ta’ Ġesù, isiru huma wkoll ulied Alla.

 

M’huwiex dan il-messaġġ ewlieni tal-Milied? Naqraw f’San Ġwann: “U l-Verb sar bniedem u għammar fostna” (Ġw 1: 14), u wkoll: “Lil dawk li laqgħuh, tahom is-setgħa li jsiru wlied Alla, dawk li jemmnu f’ismu” (Ġw 1: 12). Ulied Alla! Intom għeżież tfal, intom ulied il-ġenituri tagħkom. Alla jrid li aħna lkoll insiru wlied adottivi tiegħu, permezz tal-grazzja. Hawn għandna r-raġuni vera tal-ferħ tal-Milied, dak il-ferħ li dwaru qed niktbilkom fi tmiem is-Sena tal-Familja. Kunu ferħanin f’dan “l-Evanġelju ta’ wlied Alla”. F’dan il-ferħ, nittama li l-vaganzi tal-Milied ta’ din is-sena jkollhom kotra ta’ frott f’din is-Sena tal-Familja.

 

Ġesù joffri lilu nnifsu

 

Għeżież ħbieb, żgur li hi laqgħa li ma tintesa qatt il-laqgħa ma’ Ġesù fl-Ewwel Tqarbina, jum li wieħed jibqa’ jiftakru bħala wieħed mill-isbaħ ta’ ħajtu. L-Ewkaristija li Ġesù waqqaf fl-aħħar ikla, lejlet il-Passjoni tiegħu, hu Sagrament tal-Patt il-Ġdid, anzi l-aqwa fost is-Sagramenti. F’dan is-Sagrament, il-Mulej isir ikel għar-ruħ taħt ix-xbihat tal-ħobż u l-inbid. It-tfal jirċievu dan is-Sagrament għall-ewwel darba b’mod solenni – fl-Ewwel Tqarbina – u huma mħeġġin ikomplu jirċevuh, kemm jista’ jkun ta’ spiss, biex jibqgħu ħbieb fil-qrib ma’ Ġesù.

 

Biex wieħed ikun jista’ jitqarben, kif tafu, irid ikun irċieva l-Magħmudija, li hi l-ewwel Sagrament, u s-Sagrament l-aktar meħtieġ għas-salvazzjoni. Il-Magħmudija hi avveniment kbir! Fl-ewwel mijiet ta’ snin tal-Knisja, meta l-Magħmudija kienet tingħata l-aktar lill-kbar, iċ-ċerimonja kienet tingħalaq bit-tqarbin, u kienet ċelebrazzjoni solenni, kif hi ċelebrazzjoni solenni l-Ewwel Tqarbina illum. Aktar tard meta l-Magħmudija bdiet tingħata lit-trabi għadhom jitwieldu – u dan ġara għall-kotra l-kbira tagħkom, għeżież tfal, u għalhekk ma tiftakrux jum il-Magħmudija tagħkom, iċ-ċelebrazzjoni l-aktar solenni bdiet issir għall-Ewwel Tqarbina. Kull tifel u tifla ta’ familja Kattolika jafha sewwa din id-drawwa: l-Ewwel Tqarbina hi ċelebrazzjoni kbira fi ħdan il-familja. Dakinhar flimkien ma’ dak jew dik li għamel jew għamlet l-Ewwel Tqarbina, il-ġenituri, l-aħwa, il-qraba, il-parrinijiet u xi kultant ukoll l-għalliema ġeneralment jitqarbnu huma wkoll.

 

Jum l-Ewwel Tqarbina hi wkoll jum ta’ ċelebrazzjoni kbira fil-parroċċa. Jien niftakarha qisha l-bieraħ, meta ma’ tfal oħra, bniet u subien ta’ mpari, tqarbint l-ewwel darba fil-knisja parrokkjali tal-belt tiegħi. Din il-ġrajja hi ġeneralment imfakkra b’ritratt tal-familja kollha, sabiex ma tintesa qatt. Ritratti bħal dawn ġeneralment jibqgħu ma’ dak li jkun, tul ħajtu kollha. Huwa u għaddej iż-żmien, dawn ir-ritratti jinħarġu u mill-ġdid tinħass l-hena ta’ dawk il-mumenti, nerġgħu lura għas-safa u l-ferħ li ġarrabna fil-laqgħa ma’ Ġesù. Dak li għall-imħabba tagħna sar il-Feddej tal-bniedem.

 

Għalkemm tfal, fil-ġrajja kollha tal-Knisja, l-Ewkaristija kienet għalihom għajn ta’ qawwa spiritwali u, xi kultant ukoll, ta’ qawwa erojka! Kif ma niftakarx, biex insemmi eżempju, fis-subien u l-bniet qaddisa li għexu fl-ewwel żminijiet, u għadhom magħrufin u meqjuma fil-Knisja kullimkien? Sant’Anjeże li għexet f’Ruma; Sant’Agata li sofriet il-martirju fi Sqallija; San Tarċisju, dak it-tifel li bir-raġun kollu hu magħruf bħala “l-martri tal-Ewkaristija”, għax għażel li jmut milli jagħti f’idejn l-għedewwa, lil Ġesù li kien qed iġorr taħt ix-xbiha tal-ħobż.

 

U hekk tul iż-żminijiet sa llum hemm ħafna subien u bniet fost dawk li l-Knisja ddikjarat li huma beati u qaddisin. Kif Ġesù fl-Evanġelju juri fiduċja speċjali fit-tfal, hekk Ommu Marija tul iż-żminijiet, qatt ma naqset li turi l-imħabba tagħha ta’ omm għaċ-ċkejknin. Ftakru f’Santa Bernardetta ta’ Lourdes, fit-tfal ta’ La Salette u fi żmienna, f’Luċija, Franġisku u Jacinta ta’ Fatima.

 

Ftit qabel kellimtkom dwar “l-Evanġelju tat-tfal”: dan l-Evanġelju ma sabx fi żmienna espressjoni partikulari fl-ispiritwalità ta’ Santa Tereża tal-Bambin Ġesù? Hu kollu kemm hu veru li Ġesù u Ommu spiss jagħżlu tfal u jafdawlhom ħidmiet importanti fil-ħajja tal-Knisja u tal-ġens kollu tal-bnedmin. Semmejt biss ftit li huma magħrufin kullimkien, imma kemm aktar hemm li m’humiex hekk magħrufin ma’ kullimkien! Il-Feddej tal-bniedem jidher li qed jaqsam magħhom it-tħassib għall-oħrajn: għall-ġenituri, għal subien u bniet oħra. Bil-ħeġġa kollha jistenna t-talb tagħhom: X’qawwa kbira għandu t-talb tat-tfal! Isir ta’ eżempju għall-kbar ukoll. Titlob bla għelt u bil-fiduċja kollha tkun titlob kif jitolbu t-tfal.

 

U hawn niġi għall-ħsieb importanti ħafna fi tmiem din is-Sena tal-Familja, għeżież ħbieb żgħar tiegħi; għat-talb tagħkom irrid nafda l-problemi tal-familji tagħkom u tal-familji kollha tad-dinja. U mhux biss: għandi intenzjonijiet oħra li għalihom irridkom titolbu. Il-Papa jafda ħafna fuq it-talb tagħkom. Irridu nitolbu flimkien u nitolbu ħafna biex il-bnedmin kollha, li jgħoddu miljuni ta’ miljuni, isiru dejjem aktar il-familja ta’ Alla u jkunu jistgħu jgħixu fis-sliem. Fil-bidu ta’ din l-ittra semmejt it-tbatijiet, li ma jistgħux jitfissru bil-kliem, li tant tfal ġarrbu f’dawn l-aħħar mitt sena, u li ħafna minnhom għadhom iġarrbu sa dan il-mument stess. Kemm minnhom, f’dawn il-ġranet ukoll, qed ikunu vittmi tal-mibegħda li hi mkebbsa f’ħafna postijiet tad-dinja? Fil-Balkani, biex insemmi eżempju, f’xi pajjiżi tal-Afrika. Jiena u naħseb fuq dawn il-fatti li jweġġgħulna qalbna, li ddeċidejt li nitlobkom, għeżież subien u bniet, li tidħlu intom għad-dmir li titolbu għall-paċi. Intom tafu sewwa li l-imħabba u l-armonija jibnu l-paċi, il-mibegħda u l-vjolenza jeqirduha. Istintivament intom taħarbu l-mibegħda u tinġibdu mill-imħabba, għalhekk il-Papa hu żgur li ma tirrifjutawx it-talba tiegħu, imma tingħaqdu miegħu fit-talb għall-paċi fid-dinja bl-istess ħeġġa li biha titolbu għall-paċi u l-armonija fi ħdan il-familja tagħkom.

 

Paċi f’isem il-Mulej

 

Fi tmiem din l-ittra, għeżież subien u bniet, irrid niftakar fi kliem dak is-Salm li dejjem qanqalni: Laudate pueri Dominum: “Faħħru, tfal, il-Mulej, faħħru isem il-Mulej minn issa u għal dejjem. Minn issa u għal dejjem ikun imfaħħar isem il-Mulej. Minn tlugħ ix-xemx sa nżulha jkun imfaħħar isem il-Mulej” (Salm 112/113: 1-3). Jiena u nimmedita kliem dan is-Salm, uċuħ it-tfal kollha tad-dinja jgħaddu minn quddiemi, mil-Lvant sal-Punent, mit-Tramuntana sa Nofsinhar. Lilkom, ħbieb żgħar tiegħi, mingħajr distinzjoni ta’ lsien, razza jew nazzjon, ngħidilkom: Faħħru isem il-Mulej!

 

U għaliex in-nies iridu jfaħħru ‘l Alla qabel xejn fl-istess ħajja tagħhom, tinsewx dak li Ġesù ta’ tnax-il sena qal lil Ommu u lil San Ġużepp fit-tempju ta’ Ġerusalemm: “Ma tafux li jien għandi nkun f’dak li hu ta’ Missieri?” (Lq 2: 49). Il-bnedmin ifaħħru ‘l Alla, huma u jwieġbu għal-leħen is-sejħa tagħhom. Alla jsejjaħ lil kull persuna u leħnu jinstema’ wkoll fi qlub it-tfal: isejjaħ għall-ħajja fiż-żwieġ jew għas-saċerdozju, isejjaħ għall-ħajja kkonsagrata jew forsi għall-ħidma fil-missjonijjiet. Min jaf? Itolbu, subien u bniet, biex tkunu tafu x’inhi s-sejħa tagħkom u li twieġbu għaliha bil-ġenerożità kollha tagħkom.

 

Faħħru isem il-Mulej. It-tfal ta’ kull kontinent, fil-lejl ta’ Betlehem, iħarsu b’ħarsa ta’ fidi lejn il-Bambin għadu jitwieled u jġarrbu l-ferħ tal-Milied. Ikantaw b’kelmet ommhom, huma u jfaħħru isem il-Mulej. Il-kant li jqanqlek tal-Milied, hu mxerred mad-dinja kollha. Huwa kliem ta’ tjieba, kliem li jqanqal, li jinstema’ fl-ilsna kollha tal-bnedmin, bħal għanja ta’ festa tiela’ mill-art kollha, ħalli tintiseġ mal-għana tal-Anġli, il-messaġġiera tal-glorja ta’ Alla fuq il-grotta ta’ Betlehem: “Glorja ‘l Alla fl-għoli tas-smewwiet u paċi fl-art lill-bnedmin ta’ rieda tajba” (Lq 2: 14). L-iben ta’ Alla jiġi fostna bħala Bambin għadu jitwieled; madwaru t-tfal ta’ kull nazzjon tal-art iħossu għajnejh fuqhom, għajnejn mimlijin bl-imħabba tal-Missier tas-sema, u jifirħu għax Alla jħobbhom. Il-bniedem ma jistax jgħix mingħajr imħabba. Huma msejħin biex iħobbu ‘l Alla u lil għajrhom, iżda biex iħobbu kif imiss iridu jkunu żguri li Alla jħobbhom. Alla jħobbkom, għeżież tfal! Dan hu li rrid ngħidilkom fi tmiem is-Sena tal-Familja u f’din l-okkażjoni tal-festi tal-Milied, li b’mod speċjali huma l-festi tagħkom. Nittama li jkunu għalikom festi ta’ ferħ u ta’ sliem. Nittama li matulhom tħossu b’qawwaw akbar l-imħabba tal-ġenituri tagħkom, ta’ ħutkom bniet u subien, tal-qraba kollha tal-familji tagħkom. Din l-imħabba mbagħad trid tinxtered fil-komunità kollha tagħkom, fid-dinja kollha wkoll, u preċiżament permezz tagħkom, tfal għeżież. L-imħabba mbagħad tkun tista’ tilħaq lil dawk li l-aktar jeħtiġuha, speċjalment lil dawk li qed ibatu u huma waħdihom. Hemm ferħ akbar minn dak li ġġib l-imħabba? Hemm ferħ akbar minn dak li int, Ġesù, iġġib fil-Milied fi qlub il-bnedmin, speċjalment fi qlub it-tfal?

 

Erfa’ idek, Ġesù Bambin, u bierek dawn il-ħbieb żgħar tiegħek; bierek it-tfal kollha tad-dinja.

  

+ Ioannes Paulus pp II

 

Vatikan – 13 ta’ Diċembru 1994